IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 12.12.2023
COM(2023) 636 final
2023/0462(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) 2018/1724 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva (UE) XXXX/XXXX
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 637 final} - {SWD(2023) 663 final} - {SWD(2023) 664 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Din il-proposta takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jinkiseb livell komuni ta’ trasparenza madwar l-Unjoni.
Id-Direttiva proposta tkun tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu reġistri nazzjonali bl-għan li jiżguraw it-trasparenza tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa mill-entitajiet, kif ukoll jaħtru awtoritajiet responsabbli għal dawn ir-reġistri. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tkun teħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet superviżorji li jkollhom ir-responsabbiltà li jissorveljaw il-konformità u l-infurzar tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva proposta, kif ukoll li jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, fejn awtorizzati li jagħmlu dan skont id-Direttiva proposta.
Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll il-Kummissjoni, previsti mid-Direttiva proposta jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“is-sistema ISI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa jiġu stabbiliti fis-sistema IMI. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jiġi emendat skont dan.
Barra minn hekk, sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-entitajiet ġuridiċi u l-persuni fiżiċi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva proposta, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġi emendat biex jipprevedi aċċess online faċli għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-aċċess għall-proċedura għar-reġistrazzjoni meħtieġa mid-Direttiva u t-tlestija tagħha jkunu jistgħu jsiru kompletament online.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 u r-Regolament (UE) 2018/1724 huma t-tnejn ibbażati fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. F’konformità mar-regola li l-bażi ġuridika ta’ att emendatorju trid tkun l-istess bħall-bażi legali tal-att li qed jiġi emendat, din il-proposta għandha l-istess bażi ġuridika bħaż-żewġ Regolamenti li tipproponi li jiġu emendati.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li jsir użu mill-għodod ta’ kooperazzjoni u mill-gateways diġitali eżistenti stabbiliti fil-livell tal-Unjoni bl-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interessi mwettqa f’isem pajjiżi terzi, ma jistax jinkiseb b’mod effettiv mill-Istati Membri b’mod indipendenti. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
Din il-proposta tagħmel użu minn għodod u gateways tal-IT eżistenti aktar milli tistabbilixxi oħrajn ġodda. Għaldaqstant, din ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 114 tat-TFUE jagħti lil-leġiżlatur is-setgħa li jadotta regolamenti u direttivi.
Peress li din il-proposta temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 u r-Regolament (UE) 2018/1724, u f’konformità mal-prinċipju li għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li att emendatorju jkun tal-istess tip bħall-att oriġinali, regolament huwa l-istrument legali xieraq.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Valutazzjoni tal-impatt
Saret valutazzjoni tal-impatt fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess mwettqa f’isem pajjiżi terzi.
L-għażla ta’ politika ppreferuta identifikata mill-valutazzjoni tal-impatt tinkludi (a) l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 biex jiġu implimentati l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni previsti mill-inizjattiva bl-użu ta’ għodod tal-IT eżistenti u (b) l-emendar tar-Regolament (UE) 2018/1724 biex jiġi previst aċċess online faċli għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dik l-għażla ta’ politika kif ukoll biex jiġi żgurat li l-aċċess għall-proċedura għar-reġistrazzjoni meħtieġa minn dik l-għażla ta’ politika u t-tlestija tagħha jkunu kompletament online.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali b’mod separat minn kwalunkwe impatt li jista’ jirriżulta mid-Direttiva proposta li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi.
Għal valutazzjoni tal-impatt ta’ dik il-proposta fuq id-drittijiet fundamentali, ara COM(2023) 637 final.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-kostijiet meħtieġa għall-estensjoni tas-sistema tal-ISI biex tippermetti l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni previsti mid-Direttiva proposta li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi huma deskritti f’COM(2023) 637 final.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-regolament propost huwa ta’ natura teknika u jakkumpanja d-Direttiva proposta li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi.
L-Artikolu 1 jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 fir-rigward tal-użu tas-sistema ISI stabbilita minn dak ir-Regolament għall-fini tad-Direttiva proposta. Dan jippermetti l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll il-Kummissjoni, previsti fl-Artikolu 11(4), l-Artikolu 16(5) u (6), l-Artikolu 17(2), (4) u (5) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva proposta li għandhom jiġu implimentati permezz tas-sistema ISI.
L-Artikolu 2 jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-użu tal-Gateway Diġitali Unika għall-fini tad-Direttiva proposta. Għal dan l-għan, jiżdied punt mal-Anness I ta’ dak ir-Regolament biex jiġi żgurat li l-Gateway Diġitali Unika tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli stabbiliti fid-Direttiva proposta. Barra minn hekk, jiżdiedu spazji fit-tabella fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament biex jiġi previst li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jikkompletaw ir-reġistrazzjoni prevista mid-Direttiva proposta kompletament online.
2023/0462 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) 2018/1724 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva (UE) XXXX/XXXX
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) [XXXX/XXXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltistabbilixxi rekwiżiti armonizzati f’rabta ma’ attivitajiet ekonomiċi ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiż terz, bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jinkiseb livell komuni ta’ trasparenza madwar l-Unjoni.
(2)Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali maħtura, jew l-awtoritajiet superviżorji, u l-Kummissjoni, previsti mid-Direttiva (UE) XXXX/XXXX jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“is-sistema ISI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa jiġu stabbiliti fis-sistema IMI. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jiġi emendat skont dan.
(3)Barra minn hekk, sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-entitajiet ġuridiċi u l-persuni fiżiċi li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva (UE) XXXX/XXXX, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġi emendat biex jipprevedi aċċess online faċli għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva (UE) XXXX/XXXX, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-aċċess għall-proċedura għar-reġistrazzjoni meħtieġa minn dik id-Direttiva u t-tlestija tagħha jkunu jistgħu jsiru kompletament online,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, jiżdied il-punt (17) il-ġdid li ġej:
“17. Id-Direttiva (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937*: l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 16(5) u (6), l-Artikolu 17(2), (4) u (5) kif ukoll l-Artikolu 18.
____________________
* ĠU L [...], [...], p. [...], ELI: ….”.
Artikolu 2
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 2018/1724
Ir-Regolament (UE) 2018/1724 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Anness I, fil-punt “J. Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju”, jiżdied il-punt (12) li ġej:
“12. it-trasparenza tar-rappreżentanza ta grupp ta’ interess”;
(2)fl-Anness II, it-tabella hija emendata kif ġej:
(a)il-qasam li ġej jiżdied mat-tieni kolonna “Proċeduri”:
“Reġistrazzjoni ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess f’konformità mad-Direttiva (UE) XXXX/XXXX*
____________________
* Id-Direttiva (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ XXXX li tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati fis-suq intern dwar it-trasparenza ta’ rappreżentanza ta’ grupp ta’ interess imwettqa f’isem pajjiżi terzi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L [...], [...], p. [...], ELI: …).”;
(b)il-qasam segwenti jiżdied mat-tielet kolonna “Ir-riżultat mistenni soġġett għal valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali, fejn rilevanti”:
“Konferma tar-reġistrazzjoni u l-ħruġ tan-Numru tar-Rappreżentanza Ewropea ta’ Grupp ta’ Interess”.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President