IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.6.2023
COM(2023) 368 final
2023/0211(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{COM(2023) 364 final} - {COM(2023) 369 final} - {SEC(2023) 257 final} - {SWD(2023) 233 final} - {SWD(2023) 234 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tikkomplementa r-Regolament (UE) Nru (XXX/XXX) li jistabbilixxi l-euro diġitali fir-rigward ta’ servizzi tal-euro diġitali pprovduti minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Ir-Regolament (XXX/XXX) li jistabbilixxi l-euro diġitali huwa indirizzat lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Sabiex jiġi żgurat li l-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, ikun issorveljat b’mod adegwat fiż-żona tal-euro mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li japplikaw għal dawn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jinsabu fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru (XXX/XXX) dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Dan ir-Regolament huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif emendata bid-Direttiva XXX/23. Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament tipprevedi regoli armonizzati li jirregolaw il-forniment b’xejn ta’ servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha u jenħtieġ li tapplika wkoll għal tranżazzjoni ta’ pagament f’euro diġitali. B’mod partikolari, dan ir-Regolament se jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, joffru lir-residenti taż-żona tal-euro servizzi diġitali ta’ pagament bl-euro flimkien ma’ servizzi bankarji jew ta’ pagament oħrajn, permezz ta’ forniment ta’ servizzi b’xejn jew stabbiliment b’xejn.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Dan ir-Regolament huwa meħtieġ biex tiġi evitata kwalunkwe frammentazzjoni fis-suq intern, peress li l-fornituri kollha tas-servizzi ta’ pagament tal-UE, irrispettivament minn fejn ikunu ġew liċenzjati, jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi simili biex jaqdu bl-aħjar mod lin-negozji u lin-nies.
Dan ir-Regolament huwa konsistenti mal-Istrateġiji tal-Finanzi Diġitali u tal-Pagamenti bl-Imnut tal-Kummissjoni. Dik il-komunikazzjoni enfasizzat li euro diġitali jaġixxi bħala katalist għall-innovazzjoni fil-pagamenti, fil-finanzjament u fil-kummerċ fil-kuntest tal-isforzi li għaddejjin biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-pagamenti bl-imnut tal-UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kull fejn ikunu inkorporati fl-Unjoni jqassmu s-servizzi tal-euro diġitali sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kompetizzjoni fost il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE, l-istess bħad-Direttiva (UE) 2015/2366. Billi tirregola d-distribuzzjoni tas-servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, din il-proposta se tiżgura l-moviment liberu ta’ servizzi ta’ pagament madwar l-Unjoni. Din il-proposta se tiżgura li l-Fornituri tas-servizzi ta’ pagament kull fejn ikunu inkorporati fl-Unjoni jkunu soġġetti għal rekwiżiti u standards superviżorji simili li huma meħtieġa għall-finijiet tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u għall-garanzija ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament.
•Sussidjarjetà
Dan ir-Regolament jagħmel applikabbli d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru XX dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Ir-Regolament (UE) Nru XX dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali huwa bbażat fuq l-Artikolu 133 li huwa kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Barra minn hekk, minħabba li l-objettiv segwit mill-miżuri proposti għandu l-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, tkun applikabbli fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, dan jista’ jinkiseb l-aħjar fil-livell tal-UE aktar milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali differenti.
•Proporzjonalità
Dan ir-Regolament huwa meħtieġ biex jiġu evitati ostakli fis-suq intern, bejn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fiż-żona tal-euro u barra minnha. L-obbligi li jinsabu f’dan ir-Regolament huma simili għal dawk stabbiliti fir-Regolament li jistabbilixxi l-euro diġitali, u huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet stabbiliti fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja dik il-proposta.
•Għażla tal-istrument
Regolament huwa l-istrument xieraq biex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ġabra unika ta’ regoli, peress li għandu applikazzjoni ġenerali u jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, u b’hekk titneħħa l-possibbiltà ta’ differenzi fl-applikazzjoni fl-Istati Membri differenti.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Din il-proposta hija bbażata fuq l-evalwazzjonijiet ex post, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB, Regulatory Scrutiny Board) fl-14 ta’ Ottubru 2022 u approvata fil-25 ta’ April 2023.
Għal raġunijiet ta’ konsistenza mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament kollha tal-UE jkollhom id-dritt li jiddistribwixxu servizz diġitali ta’ pagament bl-euro fiż-żona tal-euro. Dan se jkompli jikkontribwixxi għal suq ta’ pagamenti bl-imnut innovattiv u kompetittiv.
F’termini ta’ drittijiet fundamentali, din il-proposta tiżgura speċifikament li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jibbenefikaw mil-libertà ta’ intrapriża (il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali) skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rispett ta’ drittijiet fundamentali oħra huwa speċifikat aktar fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Dan ir-Regolament ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-objettiv li jiżgura li l-flus maħruġa mill-bank ċentrali, jiġifieri l-euro, ikunu jistgħu jistgħu jappoġġaw lill-UE billi jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ pagament fl-era diġitali, jista’ jiġi mmonitorjat fuq bażi kontinwa abbażi tad-data tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, tan-negozjanti u tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-għadd u l-volum totali ta’ pagamenti bl-imnut bl-euro diġitali u s-sehem relattiv tagħhom meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ pagament jistgħu jkunu l-indikaturi ewlenin fil-monitoraġġ tal-użu tal-euro diġitali fl-ekonomija diġitalizzata tal-UE.
Il-proposta tinkludi pjan ġenerali għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-objettivi speċifiċi, li jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq l-ewwel rieżami tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (u kull tliet snin wara din), u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. Ir-rieżami għandu jitwettaq f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 1)
L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-obbligi speċifiċi li għandhom jiġu rispettati mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, meta jiddistribwixxu l-euro diġitali u s-superviżjoni u l-infurzar ta’ dawk l-obbligi.
Distribuzzjoni tal-euro diġitali (l-Artikolu 3)
Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru (XXX/XXX) dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali li jirregola l-aċċess u l-użu tal-euro diġitali barra ż-żona tal-euro, jenħtieġ li l-forniment ta’ servizzi diġitali tal-euro minn fornituri tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, ikun immirat primarjament lejn (i) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, (ii) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fetħu kont tal-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda li ma għadhomx jirrisjedu jew stabbiliti f’tali Stati Membri, (iii) il-viżitaturi soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament li jistabbilixxi l-euro diġitali.
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament awtorizzati barra miż-żona tal-euro jistgħu jipprovdu dawk is-servizzi permezz ta’ stabbiliment liberu jew forniment liberu ta’ servizzi skont id-Direttiva 2015/2366.
Liġi applikabbli u l-awtoritajiet kompetenti (l-Artikoli 4 sa 6)
L-Artikolu 5 jispjega li d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2015, dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif emendata bid-Direttiva (UE) [daħħal ir-referenza - proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE - COM(2023) 366 final] tapplika għall-euro diġitali. Dik id-Direttiva tipprevedi li l-flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu bl-imnut, u mhux biss il-karti tal-flus u l-muniti jenħtieġ li jitqiesu bħala “fondi” skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT, anti-money laundering and combating the financing of terrorism) stabbilit fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, japplikaw fir-rigward tal-euro diġitali.
Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jiddistribwixxu l-euro diġitali, soġġett għas-superviżjoni u r-reġimi ta’ sanzjonijiet tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.
Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2015/2366 u d-Direttiva 2015/849 ikunu responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar ta’ kwalunkwe obbligu stabbilit f’dawn l-Atti tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, l-istess awtoritajiet kompetenti jkunu responsabbli wkoll biex jiżguraw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament li jistabbilixxi l-euro diġitali kif speċifikat skont dan ir-Regolament.
Jenħtieġ li l-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti stabbiliti skont id-Direttiva 2015/2366 u d-Direttiva 2015/849 japplikaw ukoll fir-rigward tal-euro diġitali.
Dispożizzjonijiet finali (l-Artikolu 8)
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2023/0211 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Kummissjoni enfasizzat fl-Istrateġiji tal-Finanzi Diġitali u tal-Pagamenti bl-Imnut ta’ Settembru 2020 li l-euro diġitali, bħala munita diġitali tal-bank ċentrali għall-konsumatur, taġixxi bħala katalist għall-innovazzjoni fil-pagamenti, fil-finanzjament u fil-kummerċ fil-kuntest tal-isforzi kontinwi biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-pagamenti bl-imnut tal-UE.
(2)Ir-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final] dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali jistabbilixxi l-euro diġitali u jistabbilixxi regoli li jikkonċernawh, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus tal-valuta legali, id-distribuzzjoni, l-użu u l-karatteristiki essenzjali tiegħu, bil-ħsieb li l-euro jiġi adattat għall-bidliet teknoloġiċi u li jiġi żgurat l-użu tiegħu bħala munita unika.
(3)Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament, kemm jekk inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro kif ukoll fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, ikunu jistgħu jiddistribwixxu l-euro diġitali u għalhekk jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. Il-forniment ta’ servizz ta’ pagament bl-euro diġitali mill-fornituri kollha tas-servizzi ta’ pagament jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ innovazzjoni, jiffaċilita l-pagamenti u jżid il-kompetizzjoni madwar l-Unjoni u huwa meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-suq uniku. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri kollha tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Unjoni jkunu f’pożizzjoni li jiddistribwixxu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali bl-istess kundizzjonijiet lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu fetħu kont tal-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda li ma għadhomx jirrisjedu jew stabbiliti f’tali Stati Membri, u lill-viżitaturi fiż-żona tal-euro. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jkunu wkoll f’pożizzjoni li jiddistribwixxu l-euro diġitali lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra residenti jew stabbilita fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u f’pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fi kwalunkwe pajjiż terz soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final].
(4)Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro japplikaw l-istess regoli bħala fornituri tas-servizzi ta’ pagament fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għall-finijiet ta’ distribuzzjoni tal-euro diġitali. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni tal-euro diġitali mill-fornituri kollha tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Unjoni ssir b’mod uniformi.
(5)Il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament diġitali bl-euro minn fornituri tas-servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, jenħtieġ li jkun soġġett għall-istess standards superviżorji bħal dawk applikati għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Għal dan il-għan, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif sostitwita bid-Direttiva (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern – COM/2023/366 final], u tad-Direttiva (UE) 2015/843 kif sostitwita bid-Direttiva (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] japplikaw għas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u mir-reġim ta’ sanzjonijiet u għall-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u l-Istati Membri ospitanti, li jikkonċernaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.
(6)Bl-istess mod, bħal fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro skont ir-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final], jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 għas-superviżjoni tal-forniment ta’ servizzi ta’ pagament jikkooperaw ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew għall-finijiet tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-obbligi relatati mal-pagamenti stabbiliti fir-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final].
(7)F’konformità mal-Artikolu (4), il-punt (25), tad-Direttiva 2015/2366, fondi tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali jew flus elettroniċi. Bħala forma ġdida ta’ flus tal-bank ċentrali b’valuta legali, l-euro diġitali jenħtieġ li jitqies bħala fondi skont id-Direttiva 2015/2366 kif sostitwita bid-Direttiva (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern - COM/2023/366 final] li testendi d-definizzjoni ta’ fondi għall-forom kollha ta’ flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu mill-konsumaturi. L-istess definizzjoni ta’ fondi jenħtieġ li tiġi inkluża fir-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni.
(8)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, peress li r-regoli applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iridu jkunu l-istess irrispettivament minn jekk humiex inkorporati fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew le, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni biex tiġi żgurata l-integrità tas-suq uniku, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(9)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u taw opinjoni konġunta dwar [XX XX 2023],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:
(a)l-obbligi speċifiċi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom japplikaw meta jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali;
(b)is-superviżjoni u l-infurzar tal-obbligi msemmija fil-punt (a) mill-Istati li l-munita tagħhom mhijiex l-euro;
(c)l-obbligi speċifiċi li l-manifatturi tat-tagħmir oriġinali ta’ apparat mobbli u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom japplikaw fir-rigward tal-euro diġitali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“euro diġitali” tfisser il-forma diġitali tal-munita unika disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 1 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza — proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final];
2.“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;
3.“servizz ta’ pagament bl-euro diġitali” tfisser servizz ta’ pagament bl-euro diġitali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8) tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza — proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final];
4.“residenza” tfisser il-post fejn persuna fiżika tkun legalment residenti fl-Unjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
5.“viżitatur” tfisser persuna fiżika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt 22 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final];
6.“Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro” tfisser Stat Membru kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 23 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final];
7.“apparat mobbli” tfisser apparat mobbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 31, tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final].
Artikolu 3
Forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali
Fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil:
(a)persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;
(b)persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu fetħu kont tal-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda li ma għadhomx jirrisjedu jew ma għadhomx stabbiliti f’tali Stati Membri;
(c)viżitaturi;
(d)persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final];
(e)persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi, inklużi territorji taħt ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea, soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali - COM(2023) 369 final].
Artikolu 4
Liġi applikabbli
1.Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1), il-Kapitolu V, l-Artikolu 18, il-Kapitolu VII, il-Kapitolu VIII u l-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) Nru X dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali, għandhom ikunu applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fit-territorju tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro li jipprovdu servizzi diġitali ta’ pagament bl-euro f’konformità mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza– proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final] għandu jkun applikabbli għall-manifatturi tat-tagħmir oriġinali ta’ apparat mobbli u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.
2.F’konformità mal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-25 ta’ Novembru 2015, dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif emendata bid-Direttiva (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern - COM/2023/366 final] , id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.
3.F’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37 tar-Regolament [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final], id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi għandhom japplikaw fir-rigward tal-euro diġitali.
Artikolu 5
Awtoritajiet kompetenti
1.Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tapplika għas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u r-reġim ta’ sanzjonijiet u għall-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u tal-Istati Membri ospitanti, fir-rigward tal-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro fir-rigward tal-euro diġitali għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-obbligi msemmija fil-Kapitoli IV, V, VI u VII tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final].
2.Id-Direttiva (UE) 2015/843 għandha tapplika għas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u r-reġim ta’ sanzjonijiet u għall-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u tal-Istati Membri ospitanti dwar l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, stabbiliti fir-rigward tal-euro diġitali għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-obbligi li jinsabu fil-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM (2023) 369 final].
Artikolu 6
Kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew
Għall-finijiet tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-Kapitoli IV, V u VII tar-Regolament (UE) [daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali – COM(2023) 369 final], l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jikkooperaw mal-Bank Ċentrali Ewropew.
Artikolu 7
Emendi
L-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-ħlasijiet transkonfinali fl-Unjoni huwa sostitwit b’“‘fondi’ tfisser flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu bl-imnut, flus skritturali jew flus elettroniċi”.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President