Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0342

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 fir-rigward tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni, u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali meħuda mill-Italja li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2023/342 final

Brussell, 26.6.2023

COM(2023) 342 final

2023/0214(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 fir-rigward tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni, u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali meħuda mill-Italja li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika Taljana talbet awtorizzazzjoni biex tissokta tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ħlas tal-VAT u tal-fatturazzjoni għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil kumpaniji kkwotati fil-borża.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Mejju 2023, l-Italja mmodifikat it-talba tagħha, u talbet li mill-1 ta’ Lulju 2025, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni jitnaqqas għal provvista ta’ oġġetti u servizzi li jsiru lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tar-Repubblika Taljana permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Mejju 2023. Permezz ta’ ittra bid-data tat-12 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Taljana li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wara l-introduzzjoni tas-sistema ta’ verifiki statistiċi, l-Italja skopriet li kien hemm frodi tal-VAT konsiderevoli b’rabta mal-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi. Biex ittemm dawn il-prattiki, fl-2014 l-Italja talbet li, fil-każ tal-provvista lill-awtoritajiet pubbliċi, il-VAT dovuta ma tibqax titħallas lill-fornitur, iżda li tibda titħallas f’kont bankarju tal-awtoritajiet tat-taxxa separat u mblukkat. Dan il-mekkaniżmu magħruf l-aktar bħala tip ta’ “ħlas maqsum”, peress li l-ħlas li normalment jiġi ttrasferit bis-sħiħ mill-klijent lill-fornitur (korrispettiv bi skambju għall-provvista flimkien mal-VAT) jinqasam: (i) minn naħa, fil-korrispettiv li jitħallas lill-fornitur ta’ oġġetti jew ta’ servizzi; u (ii) min-naħa l-oħra, fil-VAT dovuta li titħallas f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 2 awtorizzat din id-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2017. Din id-Deċiżjoni awtorizzat lill-Italja tidderoga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-ħlas tal-VAT u mill-Artikolu 226 tal-istess Direttiva fir-rigward tar-regoli tal-fatturazzjoni.

L-Italja talbet din id-deroga għal perjodu taż-żmien limitat, li jippermettilha torganizza u timplimenta miżuri xierqa tal-politika ta’ kontroll u tibbenefika bis-sħiħ mid-data disponibbli permezz tal-fatturazzjoni elettronika. L-implimentazzjoni ta’ obbligu tal-fatturazzjoni elettronika għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, li tippermetti li jkun hemm kontroll f’ħin reali tat-tranżazzjonijiet individwali u tal-ammonti eżatti tal-VAT li jridu jħallsu l-awtoritajiet pubbliċi fuq dak li jkunu xtraw, għandha tippermetti lill-Italja twettaq l-awditi tas-settur ikkonċernat abbażi ta’ tekniki konvenzjonali ta’ kontroll mingħajr il-ħtieġa li tidderoga mid-Direttiva tal-VAT sabiex tapplika l-miżura tal-ħlas maqsum. 

Skont l-informazzjoni li bagħtet l-Italja, l-introduzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi wasslet biex l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom informazzjoni konsiderevoli dwar il-fluss tal-fatturi, u dan jippermetti li jiġu kkontrollati t-tranżazzjonijiet u l-ammonti tal-VAT korrispondenti. Madankollu, element ieħor tas-sistema effettiva ta’ kontroll, jiġifieri l-obbligu li tintbagħat id-data kollha lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar il-fatturi kollha li jinħarġu u dawk li jaslu, ma kienx introdott qabel l-1 ta’ Jannar 2017. Għad hemm bżonn iktar żmien biex din il-miżura tkun effettiva u biex tinċentiva lill-kontribwenti b’mod effettiv li jikkonformaw iktar mal-obbligi tat-taxxa tagħhom. Għalhekk, l-Italja talbet li tiġi estiża d-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT fuq il-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi.

Barra minn hekk, l-Italja skopriet li kienet qed issir evażjoni tat-taxxa fis-settur tal-provvisti lill-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi u lil grupp żgħir ta’ 40 kumpanija li huma kkwotati fil-Borża. Sabiex tindirizza din l-evażjoni tat-taxxa u tiżgura li ma jkunx hemm iktar telf tal-VAT għad-dħul pubbliku, l-Italja talbet li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-entitajiet msemmijin hawn fuq li hija qieset li huma affidabbli daqs l-awtoritajiet pubbliċi. Dawn l-entitajiet huma kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali kif ukoll lista ta’ madwar 40 kumpanija kkwotati fil-Borża, li kollha flimkien jammontaw għal madwar 2 400 kumpanija. L-Italja stenniet li l-estensjoni tal-miżura tal-ħlas maqsum għal dawn il-kumpaniji kienet se tindirizza l-evażjoni tat-taxxa fl-għamla ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT mill-fornituri lill-entitajiet ikkonċernati u għaldaqstant kienet se żżid id-dħul mill-VAT.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 3 awtorizzat l-estensjoni ta’ din id-deroga bil-kamp ta’ applikazzjoni mwessa’ tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2020. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1105 4 reġgħet estendiet din id-deroga sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum huwa parti minn pakkett ta’ miżuri introdott mill-Italja biex tiġġieled il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Dan il-pakkett ta’ miżuri fost l-oħrajn jinvolvi l-fatturazzjoni elettronika u t-trażmissjoni elettronika tad-data dwar it-tariffi ta’ kuljum. Il-fatturazzjoni elettronika ġiet introdotta mill-1 ta’ Lulju 2018 għal ċerti setturi, u ddaħħlet b’mod ġenerali mill-1 ta’ Jannar 2019. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 5 awtorizzat dan l-obbligu. It-trażmissjoni elettronika tad-data dwar it-tariffi ta’ kuljum titlob lill-kontribwenti li joperaw fil-kummerċ bl-imnut u f’attivitajiet simili (li ma jinvolvux obbligi ta’ fatturazzjoni) biex id-data dwar it-tariffi ta’ kuljum tinħażen elettronikament u tiġi trażmessa elettronikament lill-Agenzia delle Entrate. Dan l-aħħar obbligu beda japplika fl-1 ta’ Jannar 2020 filwaqt li għall-kontribwenti b’fatturat ta’ aktar minn EUR 400 000 beda japplika fl-1 ta’ Lulju 2019 . Il-miżuri ta’ kontroll l-oħrajn ġew issostitwiti minn dan il-pakkett ta’ miżuri li jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu l-kontroverifiki tal-operazzjonijiet diversi ddikjarati mill-operaturi u jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom. L-aħħar bidliet leġiżlattivi introduċew l-obbligu li d-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-VAT minn fatturi elettroniċi, dwar it-tranżazzjonijiet transfruntiera u dwar it-tariffi elettroniċi tkun disponibbli minnufih għall-kontribwenti biex jissimplifikalhom il-konformità; u dan iwassal biex id-dikjarazzjonijiet tal-VAT jitlestew minn qabel mill-Agenzia delle Entrate u jwassal ukoll għat-tħejjija ta’ valutazzjonijiet regolari tal-VAT, li l-kontribwenti jistgħu jaċċettaw jew jissupplimentaw.

Skont il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2017/784, ladarba din is-sistema tkun ġiet implimentata bis-sħiħ, ma għandux ikun hemm bżonn ta’ aktar derogi mid-Direttiva 2006/112/KE biex tiġi applikata l-miżura tal-ħlas maqsum. Madankollu, kif hemm rifless fil-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2020/1105, peress li, f’dak iż-żmien, dawn il-miżuri kienu ġew implimentati reċentement, kien ikun prematur li tiġi evalwata b’mod sħiħ l-effettività tagħhom. Barra minn hekk, minħabba li kien żmien ta’ diffikultajiet għall-Italja minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-persuni taxxabbli kellhom aktar diffikultajiet biex jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fis-sistemi ta’ fatturazzjoni tagħhom, u bl-istess mod l-amministrazzjonijiet tat-taxxa kellhom diffikultajiet biex jadattaw is-sistemi ta’ kontroll u tal-IT tagħhom. Għalhekk, it-tneħħija tal-miżura jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, u għall-ġbir tal-VAT, u effetti negattivi wkoll fuq il-kostijiet amministrattivi għall-persuni taxxabbli. Għal dik ir-raġuni, l-awtorizzazzjoni biex ikompli jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Madankollu, l-Italja tqis li l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum u l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja ppreżentaw sinerġiji li rriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tal-frodi tal-VAT u għalhekk jenħtieġ li jkomplu jeżistu flimkien, peress li l-pagament maqsum huwa għodda għall-prevenzjoni tal-frodi, filwaqt li l-fatturazzjoni elettronika hija għodda biex tiġi identifikata l-frodi.

Skont l-Italja, l-effettività tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum tinsab fil-fatt li dan l-istrument jaġixxi b’mod preventiv fir-rigward ta’ każijiet ta’ evażjoni tat-taxxa, u b’hekk jiżgura li jkun hemm aktar dħul milli jirriżulta minn ebda miżura li tinvolvi attività ta’ kontroll ex post. Irrispettivament minn kemm tista’ tkun f’waqtha u immedjata l-attività ta’ kontroll, il-miżuri ex post mhux dejjem jistgħu jiżguraw l-irkupru effettiv tat-taxxa evaża. Filwaqt li l-fatturazzjoni elettronika (jew ir-rapportar tad-data tal-fattura f’dawk il-każijiet meta l-fatturazzjoni elettronika ma tkunx obbligatorja) hija miżura estremament effettiva, ladarba jkun sar il-kontroll, huwa possibbli li l-persuna li tkun wettqet l-evażjoni tat-taxxa ma jkollhiex il-kapaċità finanzjarja meħtieġa biex tħallas id-dejn. Għal din ir-raġuni, l-Italja ssostni li l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum huwa għodda effettiva ħafna meta r-riċevitur ikollu grad ta’ konformità tat-taxxa ogħla mill-fornitur. Għalhekk, l-Italja tqis li dawn il-miżuri huma komplementari, u ma tistax tintuża waħda flok l-oħra.

Madankollu, biex tonora l-impenn tagħha li gradwalment tneħħi din il-miżura, permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Mejju 2023, l-Italja mmodifikat it-talba tagħha biex teskludi l-provvista ta’ oġġetti u servizzi lill-kumpaniji elenkati fl-indiċi MIB tal-FTSE tal-Borsa Italiana mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali mill-1 ta’ Lulju 2025. Dan il-perjodu ta’ żmien se jippermetti lill-persuni taxxabbli affettwati mir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga jagħmlu l-aġġustamenti operazzjonali xierqa, u jippermetti lill-awtoritajiet Taljani jimmonitorjaw l-effettività tal-miżura u jevalwaw sew il-miżuri alternattivi possibbli.

Ta’ min wieħed jinnota li wieħed mill-effetti tal-ħlas maqsum huwa l-fatt li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq id-dħul tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li jkunu dejjem f’qagħda ta’ kreditu u jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva ta’ din il-VAT mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, l-Italja tawtorizza lil dawn il-fornituri jpaċu l-VAT li ma jkunux irċevew mingħand il-klijenti tagħhom b’taxxi oħrajn dovuti fl-Italja, b’ċerti kundizzjonijiet, u b’hekk tillimita l-problema ta’ nuqqas ta’ flus kontanti li kieku jista’ jkollhom dawn in-negozji li jridu jħallsu t-taxxi fl-Italja. Skont id-data pprovduta mill-Italja, iż-żmien medju għall-ipproċessar tar-rifużjonijiet tal-VAT fl-2021, b’mod ġenerali, kien ta’ 68 jum filwaqt li fit-talbiet riferuti lill-persuni taxxabbli taħt il-ħlas maqsum, il-medja kienet ta’ 63 jum.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi propost li tiġi aċċettata t-talba li għamlet l-Italja biex ittawwal l-awtorizzazzjoni tad-deroga, iżda li dan tagħmlu biss sat-30 ta’ Ġunju 2026 (u mhux sal-31 ta’ Diċembru 2026, kif mitlub mill-Italja). Dak il-perjodu għandu jkun biżżejjed biex issir evalwazzjoni sħiħa tal-effettività tal-miżuri implimentati mmirati lejn it-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Barra minn hekk, sa dak iż-żmien, in-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex iwettqu l-adattamenti meħtieġa fis-sistemi tagħhom.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, huwa importanti li jiġi żgurat li jsir is-segwitu meħtieġ fil-qafas ta’ din id-deroga u, b’mod partikolari li jiġi vvalutat l-impatt tal-miżura fil-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-qagħda tar-rifużjonijiet tal-VAT għall-persuni taxxabbli koperti minn din id-deroga. Għalhekk l-Italja qed tintalab tipprovdi rapport dwar il-proċedura ta’ rifużjoni tal-VAT b’rabta mas-sitwazzjoni tal-fornituri (il-persuni taxxabbli) koperti minn din id-deroga, ħmistax-il xahar wara li din tidħol fis-seħħ. B’mod partikolari, dan ir-rapport għandu jipprovdi statistika fir-rigward tal-ammont medju taż-żmien meħtieġ biex dawn il-persuni taxxabbli jingħataw ir-rifużjoni tal-VAT b’mod effettiv u għandu jiddeskrivi l-problemi partikolari li seta’ kien hemm f’dan il-kuntest. Dan ir-rapport għandu jindika wkoll il-miżuri diversi implimentati għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għall-provvisti koperti mid-deroga, id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti.

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali 6 . Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-proposta kien li l-frodi tal-VAT jiġi miġġieled permezz tal-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar diġitali bbażati fuq il-fatturazzjoni elettronika. Ladarba tiġi adottata din ir-riforma, tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, kif qed tagħmel l-Italja bħalissa, iżda telimina l-ħtieġa li jintalbu aktar derogi mid-Direttiva tal-VAT biex jiġu implimentati dawn is-sistemi. Kif imsemmi hawn fuq, ir-rappurtar tad-data lill-amministrazzjoni tat-taxxa permezz tal-fatturazzjoni elettronika u l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum huma parti mill-pakkett ta’ miżuri adottat mill-Italja biex tiġġieled il-frodi tal-VAT.

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 7 , il-Polonja ngħatat deroga simili biex tapplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum. Din id-deroga inizjalment ingħatat sat-28 ta’ Frar 2022 u aktar tard ġiet estiża sat-28 ta’ Frar 2025 8 . Is-sistema Pollakka tal-ħlas maqsum tinkludi mekkaniżmu volontarju u wieħed obbligatorju tal-ħlas maqsum. Din is-sistema obbligatorja tal-ħlas maqsum taffettwa l-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi mħallsa permezz ta’ trasferimenti bankarji elettroniċi, bejn persuni taxxabbli f’oqsma li huma esposti għall-frodi tal-VAT b’mod partikolari u li fihom il-frodi ilha s-snin tiġi identifikata. Fis-sistema obbligatorja Pollakka tal-ħlas maqsum, il-bank jaġixxi bħala aġent tal-qsim u jittrasferixxi l-ammont imħallas mill-klijent lill-kontijiet rilevanti tal-fornitur, jiġifieri l-ammont taxxabbli lill-kont regolari tal-operatur tas-suq u l-ammont tal-VAT lill-kont tal-VAT imblukkat tal-operatur tas-suq. Minkejja li l-fondi fuq il-kont tal-VAT imblukkat huma proprjetà tal-persuna taxxabbli, fil-prinċipju l-possibbiltà li din tiddisponi mill-fondi hija limitata għall-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew għall-ħlas tal-VAT li jirriżulta minn fatturi li tirċievi mingħand il-fornituri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li jipprevedi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali derogatorji mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura li biha tinġabar il-VAT jew biex jiġu pprevenuti ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta tidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara li jkun talabha, u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Billi d-deroga hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għall-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi lis-settur pubbliku, lill-kumpaniji li huma kkontrollati mill-istat u lill-kumpaniji kkwotati fil-Borża (dawn tal-aħħar sal-1 ta’ Lulju 2025 biss), il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa mmirat lejn setturi speċifiċi li jippreżentaw problemi konsiderevoli ta’ evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa biss possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta tissejjes fuq talba li saret mill-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma saritx valutazzjoni tal-impatt peress li l-proposta mhijiex mistennija li twassal għal impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti.

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi l-applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil lista ta’ madwar 40 kumpanija kkwotati fil-Borża. Billi timponi li l-VAT dovuta titħallas f’kont bankarju separat tal-amministrazzjoni tat-taxxa, l-għan tal-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa l-ewwel nett li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa fl-għamla ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT mill-fornituri lill-entitajiet elenkati. Jidher li l-miżuri li qed tapplika l-Italja bħalissa huma għodda effettiva biex jintlaħaq dan l-għan.

Skont id-data pprovduta mill-Italja, l-implimentazzjoni tal-miżura twassal għal żieda fil-ħlasijiet ta’ madwar EUR 4,6 biljun fis-sena. Dan l-ammont ġie stabbilit mill-Agenzia delle Entrate, billi qieset li għall-istess tranżazzjonijiet, għall-fornituri tal-Pubblica Amministrazione (PA), is-somma tal-VAT l-iktar baxxa fuq il-bejgħ li realment titħallas wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, wara li titneħħa ż-żieda fil-kumpensi u fir-rifużjonijiet, hija inqas mill-ħlasijiet li għamlet il-PA b’rabta mal-istess tranżazzjonijiet. Analiżi oħra li għamlet l-Italja tikkonkludi li dan l-effett baqa’ stabbli tul is-snin kollha li l-miżura ilha tiġi implimentata bil-kamp ta’ applikazzjoni kollu tagħha. L-Italja tibża’ li l-eliminazzjoni tal-miżura tista’ tirriżulta f’daqstant telf ta’ dħul fi żmien meta l-Italja għad trid tlaħħaq ma’ diskrepanza sinifikanti tal-VAT.

Effett ieħor li għandu jitqies huwa li l-fornituri f’din is-sistema ma jirċevux il-VAT mill-klijenti tagħhom. Għalhekk, se jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva tal-VAT aktar ta’ spiss, f’każ li ma jkunux jistgħu jpaċu din il-VAT bit-taxxi l-oħrajn dovuti fl-Italja. Sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq dawn il-persuni taxxabbli, aktar u aktar jekk il-fornituri ma jkunux stabbiliti fl-Italja, hu essenzjali li l-proċedura ta’ rifużjoni taħdem kif suppost u fil-ħin. Skont l-Italja, iż-żmien medju tal-ipproċessar tar-rifużjonijiet fil-biċċa l-kbira huwa konformi mal-iskadenza ta’ tliet xhur stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali 9 . Barra minn hekk, dawn iż-żminijiet tal-ipproċessar jitqassru għall-kumpaniji soġġetti għall-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum bis-saħħa tat-trattament prijoritarju ta’ dawn it-talbiet. Minbarra dan, l-introduzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika ffaċilitat l-ipproċessar kumplessiv tat-talbiet, u kkontribwiet għat-tnaqqis ġenerali taż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati t-talbiet ta’ rifużjoni. Skont id-data pprovduta mill-Italja, iż-żmien medju għall-ipproċessar tar-rifużjonijiet fl-2021 kien ta’ 68 jum filwaqt li fit-talbiet taħt il-ħlas maqsum il-medja kienet ta’ 63 jum.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

2023/0214 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 fir-rigward tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni, u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali meħuda mill-Italja li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 11 , l-Italja ġiet awtorizzata titlob li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq il-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi titħallas minn dawk l-awtoritajiet f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa sal-31 ta’ Diċembru 2017 (“il-miżura speċjali”). Dik il-miżura speċjali kkostitwiet deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE b’rabta mal-ħlas tal-VAT u mar-regoli tal-fatturazzjoni.

(2)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 12 , l-Italja kienet ġiet awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sat-30 ta’ Ġunju 2020, u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha twessa’ biex jinkludi l-provvisti lil ċerti kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi u lil kumpaniji kkwotati fil-Borża li huma inklużi fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa (“FTSE MIB”). Dik l-awtorizzazzjoni għaldaqstant ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1105 13 .

(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2022, l-Italja talbet li dik l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Mejju 2023, l-Italja talbet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jiġi ristrett, mill-1 ta’ Lulju 2025, għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi u lil ċerti kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi.

(4)Permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn dwar it-talba li għamlet l-Italja. Permezz tal-ittra tat-12 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)Il-miżura speċjali hija parti minn pakkett ta’ miżuri introdotti mill-Italja biex tiġġieled il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Dak il-pakkett ta’ miżuri, inkluż l-obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika, kif awtorizzat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 14 , issostitwixxa miżuri oħrajn ta’ kontroll u jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu l-kontroverifiki tal-operazzjonijiet diversi ddikjarati mill-operaturi, u li jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom.

(6)L-Italja hija tal-fehma li, fil-kuntest tal-pakkett ta’ miżuri implimentati, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja tqassar iż-żmien meħtieġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa biex tinduna li jeżisti każ potenzjali ta’ frodi tat-taxxa jew ta’ evażjoni tat-taxxa. Madankollu, l-Italja hija wkoll tal-fehma li, fin-nuqqas tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum introdott mill-miżura speċjali, jista’ jkun li, ladarba tkun twettqet il-kontroverifika, l-irkupru tat-taxxa mill-frodaturi jew mill-evażuri jaf ikun impossibbli jekk dawn ikunu insolventi. Għalhekk, il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, bħala miżura ex ante, irriżulta li huwa aktar effettiv mill-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, li hija miżura ex post.

(7)L-Italja kemm-il darba impenjat ruħha li ma tfittixx li ġġedded il-miżura speċjali li tippermetti l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ladarba l-pakkett ta’ miżuri li l-Italja kellha l-ħsieb li tapplika ġie implimentat bis-sħiħ. Madankollu, l-Italja hija tal-fehma li, minħabba l-effettività tal-miżura speċjali u s-sinerġiji tagħha ma’ miżuri oħrajn applikati, b’mod partikolari l-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika, jenħtieġ li l-miżura speċjali tiġi estiża biex jiġi evitat xkiel fl-isforzi li saru biex titnaqqas id-diskrepanza tal-VAT Taljana. Madankollu, sabiex tonora l-impenn tagħha li gradwalment tneħħi l-miżura speċjali, l-Italja mmodifikat it-talba tagħha biex mill-1 ta’ Lulju 2025, teskludi l-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi lil kumpaniji kkwotati fil-Borża li huma kkwotati fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa (“FTSE MIB”) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali. Dak il-perjodu ta’ żmien se jippermetti lill-persuni taxxabbli affettwati mir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jagħmlu l-aġġustamenti operazzjonali xierqa u lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jimmonitorjaw l-effettività tal-miżura speċjali u jevalwaw tajjeb il-miżuri alternattivi possibbli.

(8)Wieħed mill-effetti tal-miżura speċjali huwa li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li tali fornituri jkunu kostantement f’pożizzjoni ta’ kreditu u jista’ jkun li jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva ta’ din il-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-iskema tal-ħlas maqsum ikunu intitolati li jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità, fil-limitu tal-kreditu derivanti minn tali tranżazzjonijiet. Dik il-prattika timplika li t-talbiet ta’ rifużjoni relatati mal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum jiġu pproċessati bi prijorità kemm matul l-investigazzjoni preliminari kif ukoll matul il-ħlas tas-somom dovuti minn rifużjonijiet li mhumiex prijorità.

(9)Jenħtieġ li d-deroga mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tittawwal sat-30 ta’ Ġunju 2026, li jagħti żmien biżżejjed biex issir valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri implimentati mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati.

(10)Sabiex jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas tad-deroga mitluba u b’mod partikolari sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli koperti minn dik id-deroga, jenħtieġ li l-Italja tkun obbligata tressaq rapport lill-Kummissjoni sa Settembru 2024 dwar il-qagħda globali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli u b’mod partikolari dwar l-ammont medju ta’ żmien meħtieġ għal dawn ir-rifużjonijiet, u dwar l-effettività tal-miżura speċjali u ta’ kwalunkwe miżura oħra implimentata mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi lista tad-diversi miżuri implimentati, flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(11)Il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-objettivi fil-mira billi hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għas-setturi li jippreżentaw problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma toħloqx xi riskju li l-prattika tal-evażjoni tat-taxxa tiġi trasferita lejn setturi oħrajn jew lejn Stati Membri oħrajn.

(12)Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(13)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 hija emendata kif ġej:

   (1) fl-Artikolu 1, jitħassar it-tielet inċiż;

(2) fl-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu, id-data “30 ta’ Settembru 2021” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Settembru 2024”;

   (3) fl-Artikolu 5, id-data “30 ta’ Ġunju 2023” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2026”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (1) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.    

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7–8. 
(3)    ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17.
(4)    ĠU L 242, 28.7.2020, p. 4.
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14-15.
(6)    COM/2022/701 final.
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 tat-18 ta’ Frar 2019 tawtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 51, 22.2.2019, p. 19.
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/559 tal-5 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lill-Polonja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 108, 7.4.2022, p. 51.
(9)    L-Artikolu 38-bis tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633 tas-26 ta’ Ottubru 1972.
(10)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(11)    ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7–8. 
(12)    ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17. 
(13)    ĠU L 242, 28.7.2020, p. 4.
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14-15.
Top