IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.6.2023
COM(2023) 312 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola
FTEHIM GĦALL-FAĊILITAZZJONI TAL-INVESTIMENT SOSTENIBBLI
BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-ANGOLA
Kontenut
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Kapitolu II
Trasparenza u prevedibbiltà
Kapitolu III
Simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni
Kapitolu IV
Punti fokali u involviment tal-partijiet ikkonċernati
Kapitolu V
Investiment u żvilupp sostenibbli
Kapitolu VI
Evitar u soluzzjoni ta’ tilwim
Kapitolu VII
Dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni u istituzzjonali
Kapitolu VIII
Dispożizzjonijiet finali
PREAMBOLU
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
u
R-REPUBBLIKA TAL-ANGOLA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Angola”,
minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “il-Partijiet” jew imsejħa individwalment “il-Parti”,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ix-xewqa tagħhom li jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi tagħhom u jistabbilixxu relazzjonijiet mill-qrib u dejjiema bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli;
FILWAQT LI JIXTIEQU jimmobilizzaw u jżommu l-investiment, joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, u jtejbu l-istandards tal-għajxien fit-territorji tagħhom;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-investiment billi jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà, jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati biex tittejjeb il-klima tal-investiment;
FILWAQT LI HUMA KONVINTI li l-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment itejbu l-investiment f’intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u minnhom (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MSMEs”);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-investiment jista’ jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, u jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet definiti fl-ambitu tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fil-25 ta’ Settembru 2015 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Aġenda 2030 tan-NU”);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
FILWAQT LI JTENNU l-impenn tagħhom li jirrispettaw il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u filwaqt li jqisu l-prinċipji artikolati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
FILWAQT LI JQISU l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Cotonou”), inklużi l-elementi essenzjali u fundamentali tiegħu;
QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 1
Objettivi
Dan il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma ta’ investiment dirett barrani bejn il-Partijiet għall-finijiet ta’ diversifikazzjoni ekonomika u żvilupp sostenibbli.
ARTIKOLU 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.
Dan il-Ftehim japplika għall-miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw l-investiment.
2.
Il-Partijiet itennu d-dritt li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jilħqu objettivi ta’ politika leġittimi, bħall-ħarsien tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.
3.
Dan il-Ftehim ma joħloqx jew ma jimmodifikax impenji relatati mal-liberalizzazzjoni tal-investimenti, u lanqas ma joħloq jew jimmodifika regoli dwar il-protezzjoni ta’ investituri stabbiliti fit-territorji tal-Partijiet, jew tal-investimenti tagħhom, jew dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat.
ARTIKOLU 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva” tfisser attivitajiet li jitwettqu, inklużi servizzi li jiġu fornuti, la fuq bażi kummerċjali u lanqas f’kompetizzjoni ma’ operatur ekonomiku wieħed jew aktar;
(b)
“awtorizzazzjoni” tfisser il-permess biex titwettaq kwalunkwe attività ekonomika relatata ma’ investiment, li jirriżulta minn proċedura li investitur jeħtieġlu jaderixxi magħha sabiex juri konformità mar-rekwiżiti meħtieġa;
(c)
“awtorità kompetenti” tfisser gvern jew awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew korp mhux governattiv li jeżerċitaw is-setgħat delegati minn gvernijiet jew minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, li jkunu intitolati jieħdu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni;
(d)
“attività ekonomika” tfisser kwalunkwe attività ta’ natura industrijali, kummerċjali jew professjonali jew attivitajiet ta’ nies tas-sengħa, inkluża l-provvista ta’ servizzi, ħlief għal attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva;
(e)
“intrapriża” tfisser persuna ġuridika jew fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv ta’ persuna ġuridika;
(f)
“stabbiliment” tfisser l-istabbiliment jew l-akkwist ta’ persuna ġuridika, inkluż permezz ta’ parteċipazzjoni kapitali, jew permezz tal-ħolqien ta’ fergħa jew ta’ uffiċċju rappreżentattiv, fit-territorju ta’ Parti, bil-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi dejjiema;
(g)
“investiment” tfisser: l-istabbiliment u l-operazzjoni biex jitwettqu attivitajiet ekonomiċi minn investituri ta’ Parti waħda fit-territorju tal-Parti l-oħra;
(h)
“investitur ta’ Parti” tfisser persuna fiżika jew ġuridika ta’ Parti li tfittex li tistabbilixxi, li qed tistabbilixxi, jew li stabbiliet intrapriża f’konformità mas-subparagrafu (f), fit-territorju tal-Parti l-oħra;
(i)
“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità legali debitament ikkostitwita jew organizzata b’xi mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk għall-profitt jew għal fini ieħor u kemm jekk tkun proprjetà privata jew tal-gvern, inkluża kwalunkwe korporazzjoni, fond fiduċjarju, sħubija, impriża konġunta, impriża individwali jew assoċjazzjoni;
(j)
“persuna ġuridika ta’ Parti” tfisser:
(i)
għall-Unjoni Ewropea: persuna ġuridika kkostitwita jew organizzata skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha u involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;
(ii)
għall-Angola: persuna ġuridika kkostitwita jew organizzata skont il-liġi tal-Angola u involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju tal-Angola;
(k)
“miżura” tfisser kull miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kull forma oħra;
(l)
“miżura ta’ Parti” tfisser kwalunkwe miżura adottata jew miżmuma minn:
(i)
gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali; jew
(ii)
entitajiet mhux governattivi fl-eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati minn gvernijiet jew minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali;
(m)
“persuna fiżika ta’ Parti” tfisser:
(i)
għall-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni skont il-liġi tiegħu
;
(ii)
għall-Angola, ċittadin tal-Angola skont il-liġi tagħha;
(n)
“operazzjoni” tfisser it-twettiq, il-ġestjoni, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija jew il-bejgħ jew forma oħra ta’ disponiment ta’ intrapriża; u
(o)
“pubblikazzjoni” tfisser li ssir disponibbli f’pubblikazzjoni uffiċjali, bħal ġurnal uffiċjali, jew sit web uffiċjali.
ARTIKOLU 4
Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit
1.
Kull Parti għandha tagħti immedjatament u mingħajr kundizzjoni lill-investituri tal-Parti l-oħra u l-investimenti tagħhom trattament xejn anqas favorevoli minn dak li tagħti, f’sitwazzjonijiet simili, lill-investituri ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor u l-investimenti tagħhom, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fit-territorju tagħha.
2.
Il-paragrafu 1 ma għandux jiġi interpretat li jobbliga lil xi Parti biex testendi lill-investituri tal-Parti l-oħra jew l-investimenti tagħhom il-benefiċċju ta’ kwalunkwe trattament li jirriżulta minn:
(a)
miżuri li jipprevedu r-rikonoxximent, inkluż ir-rikonoxximent tal-istandards jew tal-kriterji għall-awtorizzazzjoni, għal-liċenzjar, jew għaċ-ċertifikazzjoni ta’ persuna fiżika jew ta’ intrapriża biex twettaq attività ekonomika, jew ir-rikonoxximent ta’ miżuri prudenzjali kif imsemmi fil-paragrafu 3 tal-Anness dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi stabbilit fl-Anness 1B tal-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, magħmul f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994; jew
(b)
kwalunkwe ftehim bilaterali, reġjonali jew multilaterali li jinkludi impenji biex jitneħħew sostanzjalment l-ostakoli kollha għall-investiment fost il-partijiet jew jeħtieġ l-approssimizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-partijiet f’settur ekonomiku wieħed jew aktar.
3.
Għal aktar ċertezza, id-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehimiet internazzjonali oħra konklużi minn Parti minnhom infushom ma jikkostitwixxux “trattament” kif imsemmi fil-paragrafu 1 u għalhekk ma jistgħux jitqiesu meta jiġi vvalutat ksur ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 5
Miżuri kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra
1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-impatt negattiv tal-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet, inkluż billi jimpedixxu l-iżvilupp sostenibbli u jiskoraġġixxu l-investiment.
2.Kull Parti tikkonferma l-impenn tagħha li tieħu miżuri adegwati biex tipprevjeni u tiġġieled il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim f’konformità ma’ standards miftiehma internazzjonalment li ġew approvati jew li huma appoġġati minn dik il-Parti bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta’ Ottubru 2003, u l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “OECD”) għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011, kif ukoll l-istandards attwali fil-qasam tat-tassazzjoni internazzjonali.
KAPITOLU II
PREVEDIBBILTÀ U TRASPARENZA
ARTIKOLU 6
Amministrazzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali
Kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jiġu amministrati b’mod raġonevoli, oġġettiv u imparzjali.
ARTIKOLU 7
Rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni
Kull Parti għandha tippubblika fil-pront jew b’xi mod ieħor tagħmel disponibbli għall-pubbliku bil-miktub u, ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, mhux aktar tard minn meta jidħlu fis-seħħ, il-miżuri rilevanti kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’tali mod li l-investituri jkunu jistgħu jiġu infurmati bihom.
ARTIKOLU 8
Pubblikazzjoni minn qabel u opportunità li jsiru kummenti
1.
Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tippubblika minn qabel:
(a)
il-proposti għal-liġijiet u r-regolamenti ta’ applikazzjoni ġenerali li għandhom jiġu adottati fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim; jew
(b)
dokumenti li jipprovdu biżżejjed dettalji dwar il-proposti msemmija fil-punt (a) biex jippermettu lill-investituri u lil persuni interessati oħrajn jivvalutaw jekk u kif l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati b’mod sinifikanti.
2.
Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti hija mħeġġa tapplika l-paragrafu 1 għal proċeduri u deċiżjonijiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li tipproponi li tadotta fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3.
Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tipprovdi lill-investituri u lil persuni interessati oħra, fuq bażi mhux diskriminatorja, opportunità raġonevoli biex jikkummentaw dwar il-miżuri proposti jew id-dokumenti ppubblikati skont il-paragrafu 1 jew 2.
4.
Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tikkunsidra l-kummenti li tkun irċeviet skont il-paragrafu 3.
5.
Fil-pubblikazzjoni ta’ liġi jew regolament ta’ applikazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 1, jew qabel tali pubblikazzjoni, sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tispjega l-għan u r-raġunament ta’ dik il-liġi jew dak ir-regolament.
6.
Kull Parti, sa fejn ikun prattikabbli, għandha tagħmel ħilitha biex tippermetti żmien raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni ta’ liġi jew regolament imsemmija fil-paragrafu 1 u d-data tal-applikazzjoni tagħha għall-investituri.
ARTIKOLU 9
Trasparenza tal-qafas ta’ investiment
1.
Kull Parti għandha tagħmel disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u, fejn ikun prattikabbli, aċċessibbli permezz ta’ portal uniku, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, dan li ġej:
(a)
il-liġijiet u r-regolamenti li jikkonċernaw speċifikament l-investiment;
(b)
ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-investiment; u
(c)
l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-awtorizzazzjoni tal-investiment.
2.
Kull Parti għandha tagħmel disponibbli, fejn ikun prattikabbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u aċċessibbli permezz tal-portal uniku msemmi fil-paragrafu 1, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, deskrizzjoni li tinforma lill-investituri u lil persuni interessati oħrajn dwar il-passi prattiċi meħtieġa għall-investiment fit-territorju tagħha inklużi r-rekwiżiti u l-proċeduri relatati ma’:
(a)
l-istabbiliment tal-kumpanija u r-reġistrazzjoni tan-negozju;
(b)
il-konnessjoni ma’ infrastruttura essenzjali bħall-provvista tal-elettriku u tal-ilma;
(c)
l-akkwist u r-reġistrazzjoni ta’ proprjetà bħad-drittijiet tas-sjieda tal-art;
(d)
il-permessi tal-kostruzzjoni;
(e)
ir-riżoluzzjoni tal-insolvenza;
(f)
it-trasferimenti kapitali u l-pagamenti;
(g)
il-konvertibbiltà tal-munita;
(h)
il-ħlas tat-taxxi; u
(i)
l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-MSMEs.
3.
Ma għandha tiġi imposta l-ebda tariffa fuq kwalunkwe investitur fit-territorju ta’ Parti għall-aċċess għall-informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu jew skont l-Artikolu 7.
ARTIKOLU 10
Trasparenza tal-inċentivi għall-investiment
1.
Kull Parti għandha tagħmel disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u, fejn ikun prattikabbli, aċċessibbli permezz ta’ portal uniku, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, informazzjoni dwar l-inċentivi għall-investiment.
2.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri l-inċentivi kollha disponibbli għall-investituri, inklużi inċentivi finanzjarji, inċentivi fiskali kif ukoll trasferimenti in natura, inklużi inċentivi mhux finanzjarji.
3.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a)
il-bażi ġuridika tal-inċentiv;
(b)
il-forma tal-inċentiv;
(c)
ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-inċentiv;
(d)
il-proċess ta’ applikazzjoni għall-inċentiv, inklużi l-formoli u d-dokumenti meħtieġa; u
(e)
informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti.
ARTIKOLU 11
Rabtiet mal-ekonomija ospitanti
Kull Parti hija mħeġġa tagħmel disponibbli għall-investituri u għall-persuni li jfittxu li jinvestu informazzjoni dwar il-fornituri domestiċi bil-għan li ssaħħaħ ir-rabtiet mal-ekonomija lokali, iżżid il-kompetittività tal-fornituri domestiċi u ttejjeb il-kontribut tal-investiment għall-iżvilupp sostenibbli.
ARTIKOLU 12
Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jobbliga li Parti tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali li l-iżvelar tagħha jxekkel l-infurzar tal-liġi, jew li jkun kuntrarju mod ieħor għall-interess pubbliku, jew li jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ intrapriżi partikolari, pubbliċi jew privati.
KAPITOLU III
SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊEDURI TA’ AWTORIZZAZZJONI
ARTIKOLU 13
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Kapitolu japplika għall-miżuri tal-Partijiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-investiment.
ARTIKOLU 14
Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet
Kull Parti għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tevita li applikant ikun meħtieġ li jikkuntattja aktar minn awtorità kompetenti waħda għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Jekk attività li għaliha tintalab awtorizzazzjoni taqa’ fil-ġuriżdizzjoni ta’ diversi awtoritajiet kompetenti, jistgħu jkunu meħtieġa diversi applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.
ARTIKOLU 15
Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni
Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, sa fejn ikun prattikabbli, jippermettu s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni fi kwalunkwe żmien matul is-sena. Jekk jeżisti perjodu ta’ żmien speċifiku għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, il-Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu perjodu ta’ żmien raġonevoli għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni.
ARTIKOLU 16
Applikazzjonijiet elettroniċi u aċċettazzjoni ta’ kopji
Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha:
(a)
sa fejn ikun possibbli, jaċċettaw applikazzjonijiet f’format elettroniku; u
(b)
jaċċettaw kopji ta’ dokumenti, li jkunu awtentikati f’konformità mal-liġi tal-Parti, minflok dokumenti oriġinali, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jeħtieġu dokumenti oriġinali sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.
ARTIKOLU 17
Ipproċessar ta’ applikazzjonijiet
1.
Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha:
(a)
sa fejn ikun prattikabbli, jipprovdu perjodu ta’ żmien indikattiv għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni;
(b)
fuq it-talba tal-applikant, jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni;
(c)
sa fejn ikun prattikabbli, jaċċertaw, mingħajr dewmien żejjed, il-kompletezza tal-applikazzjoni għall-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti;
(d)
jekk jikkunsidraw applikazzjoni bħala kompluta għall-finijiet tal-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni jiżguraw li:
(i)
l-ipproċessar tal-applikazzjoni jkun komplut; u
(ii)
l-applikant jiġi informat bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, sa fejn ikun possibbli, bil-miktub;
(e)
jekk jikkunsidraw applikazzjoni bħala inkompluta għall-finijiet tal-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, sa fejn prattikabbli:
(i)
jinformaw lill-applikant li l-applikazzjoni ma hijiex kompluta;
(ii)
fuq talba tal-applikant, jidentifikaw l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex l-applikazzjoni titqies kompluta, jew inkella jipprovdu gwida dwar għaliex l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala inkompluta; u
(iii)
jipprovdu lill-applikant bl-opportunità li jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa sabiex tiġi kkompletata l-applikazzjoni;
jekk l-ebda waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ma tkun prattikabbli, u l-applikazzjoni tiġi rrifjutata minħabba inkompletezza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jinformaw lill-applikant f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; u
(f)
jekk applikazzjoni tiġi rrifjutata, jinformaw lill-applikant, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-applikant, bir-raġunijiet għar-rifjut u bil-perjodu ta’ żmien għal appell, u, jekk applikabbli, bil-proċeduri għas-sottomissjoni mill-ġdid ta’ applikazzjoni; applikant ma għandux jinżamm milli jissottometti applikazzjoni oħra biss għaliex qabel tkun ġiet miċħuda applikazzjoni.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħtu awtorizzazzjoni malli jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ eżami xieraq, li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiksibha.
3.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorizzazzjoni, ladarba tingħata, tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien żejjed, soġġetta għat-termini u għall-kundizzjonijiet applikabbli.
ARTIKOLU 18
Tariffi
1.
Għall-attivitajiet ekonomiċi kollha minbarra s-servizzi finanzjarji, kull Parti għandha tiżgura li t-tariffi tal-awtorizzazzjoni mitluba mill-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu raġonevoli u trasparenti u li fihom infushom ma jirrestrinġux l-investiment.
2.
Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, fir-rigward tat-tariffi tal-awtorizzazzjoni li huma jitolbu, jipprovdu lill-applikanti skeda ta’ tariffi jew informazzjoni dwar kif jiġu ddeterminati l-ammonti tat-tariffi, u ma jużawx it-tariffi bħala mezz sabiex jevitaw l-impenji jew l-obbligi tal-Parti.
3.
It-tariffi tal-awtorizzazzjoni ma jinkludux tariffi għall-użu ta’ riżorsi naturali, pagamenti għall-irkant, il-proċedura tal-offerta jew mezzi nondiskriminatorji oħrajn għall-għoti ta’ konċessjonijiet jew kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-forniment ta’ servizzi universali.
4.
Ħlief f’ċirkostanzi urġenti, kull Parti għandha tippermetti żmien adegwat bejn il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ tariffi u imposti ġodda jew emendati relatati mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-investiment, jew informazzjoni li tippermetti lill-investituri jifhmu l-kalkolu ta’ dawk it-tariffi u l-imposti. Dawk it-tariffi u l-imposti ma għandhomx jiġu applikati qabel ma tkun ġiet ippubblikata dik l-informazzjoni.
5.
Kull Parti għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tadotta jew iżżomm proċeduri li jippermettu l-għażla ta’ ħlas elettroniku għal tariffi u imposti miġbura minn awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-awtorizzazzjoni tal-investimenti.
ARTIKOLU 19
Oġġettività, imparzjalità u indipendenza
Jekk Parti tadotta jew iżżomm miżura relatata mal-awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti kkonċernata tipproċessa applikazzjoni, tieħu u tamministra d-deċiżjonijiet tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u b’mod indipendenti mill-influwenza indebita ta’ kwalunkwe persuna li twettaq l-attività ekonomika li għaliha tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni.
ARTIKOLU 20
Pubblikazzjoni u informazzjoni disponibbli
1.
Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tippubblika minnufih l-informazzjoni meħtieġa għall-investituri jew għall-persuni li jkunu qed ifittxu li jinvestu biex jikkonformaw mar-rekwiżiti, mal-istandards tekniċi u mal-proċeduri għall-kisba, għaż-żamma, għall-emendar jew għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni. Tali informazzjoni għandha tinkludi, sa fejn tkun teżisti:
(a)
ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta’ liċenzjar u ta’ kwalifika;
(b)
informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti;
(c)
it-tariffi ta’ awtorizzazzjoni;
(d)
l-istandards tekniċi applikabbli;
(e)
il-proċeduri għall-appell jew għar-rieżami ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet;
(f)
il-proċeduri għall-monitoraġġ jew għall-infurzar tal-konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji jew tal-kwalifiki;
(g)
l-opportunitajiet għall-involviment pubbliku, bħal permezz ta’ seduti jew kummenti; u
(h)
il-perjodi taż-żmien indikattivi għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni.
2.
Kull Parti hija mħeġġa tikkonsolida l-pubblikazzjonijiet elettroniċi f’portal uniku.
ARTIKOLU 21
Żvilupp ta’ miżuri
Jekk Parti tadotta jew iżżomm miżuri relatati mal-awtorizzazzjonijiet, hija għandha tiżgura li:
(a)
dawk il-miżuri jkunu bbażati fuq kriterji ċari, oġġettivi u trasparenti, li jistgħu jinkludu l-kompetenza u l-kapaċità li titwettaq l-attività ekonomika, inkluż f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji ta’ Parti bħar-rekwiżiti tas-saħħa u ambjentali, filwaqt li jinftiehem li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivvalutaw il-piż li għandu jingħata lil kull kriterju;
(b)
il-proċeduri jkunu imparzjali, faċilment aċċessibbli għall-applikanti kollha, u jkunu adegwati għall-applikanti sabiex ikunu jistgħu juru jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti; u
(c)
il-proċeduri fihom infushom ma jimpedixxux it-twettiq tar-rekwiżiti b’mod mhux ġustifikat.
KAPITOLU IV
PUNTI FOKALI U INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI
ARTIKOLU 22
Punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment
1.
B’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha, kull Parti għandha żżomm jew tistabbilixxi punti fokali xierqa għall-faċilitazzjoni tal-investiment biex iservu bħala l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-investituri fir-rigward ta’ miżuri li jaffettwaw l-investiment.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment jirrispondu għall-mistoqsijiet mill-investituri kif ukoll mill-punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment stabbiliti mill-Parti l-oħra skont dan l-Artikolu sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.
3.
Jekk punt fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment ma jkunx jista’ jwieġeb għal mistoqsija skont il-paragrafu 2, huwa għandu jagħmel ħiltu biex jipprovdi l-assistenza meħtieġa lil min qed jagħmel il-mistoqsija biex jikseb l-informazzjoni rilevanti.
4.
Kull Parti għandha tiżgura li l-mistoqsijiet u l-informazzjoni skont dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiġu ppreżentati permezz ta’ mezzi elettroniċi.
5.
Kwalunkwe informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju dwar jekk il-miżura hijiex konsistenti ma’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 23
Mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi
1.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi jew iżżomm mekkaniżmi xierqa biex issolvi problemi għall-investituri jew għall-persuni li jfittxu li jinvestu li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali koperta minn dan il-Ftehim.
2.Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu faċilment aċċessibbli, inkluż għall-MSMEs, marbuta biż-żmien u trasparenti. Huma għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura ta’ appell jew eżami li l-Partijiet jistabbilixxu jew ikollhom. Huma għandhom ikunu wkoll mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 24
Koordinazzjoni domestika bejn l-aġenziji
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ koordinazzjoni domestika mill-qrib tal-awtoritajiet u l-aġenziji responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri u proċeduri relatati mal-investiment bħala mezz biex jiffaċilitaw, jattiraw, iżommu u jespandu l-investiment.
2.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi jew iżżomm mekkaniżmi ħalli tikkoordina l-attivitajiet bil-għan li:
(a)
tiffaċilita l-investiment;
(b)
tinkoraġġixxi l-koerenza regolatorja u l-prevedibbiltà tal-miżuri u l-proċeduri tal-gvern; u
(c)
tippromwovi l-koerenza ta’ miżuri u proċeduri ta’ investiment ċentrali, reġjonali u lokali.
3.
Sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu ta’ koordinazzjoni, kull Parti hija mħeġġa taħtar aġenzija ewlenija b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha.
ARTIKOLU 25
Koerenza regolatorja u valutazzjonijiet tal-impatt
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ qafas regolatorju effettiv, konsistenti, trasparenti u prevedibbli għall-investiment.
2.
Kull Parti hija mħeġġa twettaq, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħha, valutazzjoni tal-impatt ta’ miżuri ewlenin ta’ applikazzjoni ġenerali li tkun qed tħejji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li, meta jwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jitqies l-impatt potenzjali tal-miżuri proposti fuq l-MSMEs u fuq l-iżvilupp sostenibbli.
ARTIKOLU 26
Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u rieżamijiet perjodiċi
1.
Kull Parti hija mħeġġa tirrieżamina, f’intervalli li tqis xierqa, il-miżuri tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali koperti minn dan il-Ftehim li jaffettwaw l-investiment sabiex tiddetermina jekk il-miżuri speċifiċi li tkun implimentat għandhomx jiġu mmodifikati, issimplifikati, estiżi jew revokati, sabiex il-qafas ta’ investiment tal-Parti jsir aktar effettiv fl-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tiegħu u fl-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-MSMEs.
2.
Kull Parti hija mħeġġa tirrieżamina perjodikament it-tariffi u l-imposti tal-awtorizzazzjoni tagħha bil-għan li tnaqqas l-għadd u d-diversità tagħhom.
3.
Kull Parti hija mħeġġa, fl-eżerċizzji ta’ rieżami tagħha, tikkunsidra r-rispons tal-partijiet ikkonċernati u tagħmel użu mill-indikaturi tal-prestazzjoni internazzjonali rilevanti.
4.
Il-Partijiet huma mistiedna jaqsmu fil-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 43 l-esperjenzi tagħhom fit-twettiq ta’ rieżamijiet perjodiċi u rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jirriżultaw minnhom.
ARTIKOLU 27
Soluzzjoni tat-tilwim
Il-Kapitolu VI ma għandux japplika għall-Artikoli 24, 25 u 26.
KAPITOLU V
INVESTIMENT U ŻVILUPP SOSTENIBBLI
ARTIKOLU 28
Objettivi
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-iżvilupp sostenibbli jinkludi l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-protezzjoni ambjentali, filwaqt li t-tlieta huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin, u jaffermaw l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw l-investiment b’mod li jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli.
2.
L-objettiv ta’ dan il-Kapitolu huwa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fid-dimensjonijiet tax-xogħol u ambjentali tiegħu, fir-relazzjoni ta’ investiment tal-Partijiet b’mod li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp sostenibbli tal-Aġenda UN2030.
ARTIKOLU 29
Dritt ta’ regolamentazzjoni u livelli ta’ protezzjoni
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-politiki u l-prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli tagħha, li tistabbilixxi l-livelli ta’ protezzjoni ambjentali u tax-xogħol domestiċi li tqis xierqa u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha. Tali livelli ta’ protezzjoni, liġijiet u politiki għandhom ikunu konsistenti mal-impenji ta’ kull Parti għall-ftehimiet u għall-istandards rikonoxxuti internazzjonalment imsemmijin f’dan il-Kapitolu.
2.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha jipprevedu u jħeġġu livelli għoljin ta’ protezzjoni ambjentali u tal-ħaddiema, u għandha tagħmel ħilitha sabiex ittejjeb tali livelli, liġijiet u politiki.
3.
Parti ma għandhiex iddgħajjef jew tnaqqas il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija fil-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol sabiex tħeġġeġ l-investiment.
4.
Parti ma għandhiex tirrinunzja jew tidderoga b’xi mod ieħor mil-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol, jew toffri li tirrinunzja jew b’xi mod ieħor tidderoga minnhom sabiex tħeġġeġ l-investiment.
5.
Parti ma għandhiex tonqos, permezz ta’ kors ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni sostnut jew rikorrenti, milli tinforza b’mod effettiv il-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol sabiex tħeġġeġ l-investiment.
6.
Il-Partijiet ma għandhomx jużaw il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar l-ambjent jew ix-xogħol b’mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq l-investiment internazzjonali.
ARTIKOLU 30
Standards u ftehimiet multilaterali dwar ix-xogħol
1.
Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-investiment b’mod li jwassal għal xogħol deċenti għal kulħadd, kif espress fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ILO”) dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata f’Ġinevra fl-10 ta’ Ġunju 2008 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta”).
2.
F’konformità mal-Kostituzzjoni tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata f’Ġinevra fit-18 ta’ Ġunju 1998 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, kull Parti għandha tirrispetta, tippromwovi u timplimenta b’mod effettiv fit-territorju kollu tagħha, inkluż f’“żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni” u f’“żoni ekonomiċi speċjali” oħrajn, l-istandards tax-xogħol ewlenin rikonoxxuti internazzjonalment kif definiti fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, u jimplimentaw b’mod effettiv Konvenzjonijiet ulterjuri tal-ILO li l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Angola rratifikaw rispettivament.
3.
F’konformità mal-impenn tagħhom li jtejbu l-kontribut tal-investiment għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-aspetti tax-xogħol tiegħu, kull Parti għandha tippromwovi politiki ta’ investiment li javvanzaw l-objettivi tal-Aġenda għal Xogħol Deċenti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, u d-Dikjarazzjoni ta’ Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol, adottata f’Ġinevra fil-21 ta’ Ġunju 2019 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol.
4.
Kull Parti għandha tistabbilixxi, jekk tkun għadha ma għamlitx dan, u żżomm sistema effettiva ta’ spezzjoni tax-xogħol għas-setturi ekonomiċi kollha, inkluż għall-attivitajiet tal-agrikoltura u tal-minjieri.
5.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri tax-xogħol, b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fl-ILO.
ARTIKOLU 31
Governanza u ftehimiet ambjentali multilaterali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“UNEA”) tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“UNEP”) u tal-governanza u l-ftehimiet ambjentali multilaterali bħala rispons tal-komunità internazzjonali għall-isfidi ambjentali globali jew reġjonali u jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ reċiproku bejn il-politiki ta’ investiment u dawk ambjentali.
2.
Kull Parti għandha timplimenta b’mod effettiv il-ftehimiet, il-protokolli u l-emendi ambjentali multilaterali li tkun irratifikat (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MEAs”). Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-investiment b’mod li jwassal għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.
3.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri ambjentali, b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, l-UNEP, l-UNEA, l-MEAs, jewl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “WTO”).
ARTIKOLU 32
Investiment u tibdil fil-klima
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu, u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dak l-objettiv, f’konformità mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmula fi New York fid-9 ta’ Mejju 1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“UNFCCC”), l-iskopijiet u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, magħmul f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Pariġi”), u ma’ MEAs u strumenti multilaterali oħrajn fil-qasam tat-tibdil fil-klima.
2.
Kull Parti għandha:
(a)
timplimenta b’mod effettiv l-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, inklużi l-impenji tagħha fir-rigward tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tagħha; u
(b)
tippromwovi l-appoġġ reċiproku tal-politiki u tal-miżuri dwar l-ambjent u l-klima, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u lejn żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
3.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri dwar it-tibdil fil-klima bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fil-UNFCCC, fid-WTO, fil-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987 u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
ARTIKOLU 33
Investiment li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli
1.
F’konformità mal-impenn tagħhom biex itejbu l-kontribut tal-investiment għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw u jħeġġu l-investiment fil-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, fil-prodotti u s-servizzi ambjentali, u l-investiment ta’ rilevanza għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u tar-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi, b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, magħmula f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CBD”) u l-protokolli tagħha, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, magħmula f’Washington D.C. fit-3 ta’ Marzu 1973 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CITES”), MEAs rilevanti oħra li huma parti għalihom, u d-deċiżjonijiet adottati taħthom.
3.
Kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment għall-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, u tieħu miżuri biex tikkonserva d-diversità bijoloġika meta tkun soġġetta għal pressjonijiet marbuta mal-investiment.
4.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri dwar il-bijodiversità b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fis-CBD u s-CITES.
5.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv. Għaldaqstant, kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment b’mod li jkun konsistenti mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.
6.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi. Għaldaqstant, kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment b’mod li jkun konsistenti mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar.
ARTIKOLU 34
Responsabbiltà soċjali korporattiva u mġiba responsabbli tan-negozju
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-investituri li jimplimentaw id-diliġenza dovuta sabiex jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi, bħal fuq l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-operazzjonijiet tagħhom, il-ktajjen tal-provvista tagħhom u relazzjonijiet kummerċjali oħra. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-adozzjoni mill-intrapriżi u mill-investituri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva jew ta’ prattiki kummerċjali responsabbli bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u għall-investiment responsabbli.
2.
Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tixrid u l-użu ta’ strumenti rilevanti miftiehma internazzjonalment li ġew approvati jew li huma appoġġati minnhom, bħall-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-Prinċipji Dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011 u l-gwida relatata dwar id-diliġenza dovuta.
3.
Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni kif ukoll l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu, inkluż dwar modi possibbli biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-intrapriżi u mill-investituri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, prattiki responsabbli u rapportar, fil-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment. Għal dak il-għan, il-Kumitat għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti attivi fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew l-imġiba kummerċjali responsabbli.
ARTIKOLU 35
Investiment u ugwaljanza bejn il-ġeneri
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li politiki ta’ investiment inklużivi jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5 tal-Aġenda UN2030. Huma jirrikonoxxu l-kontribut importanti tan-nisa għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ekonomika, inkluż l-investiment. Il-Partijiet jenfasizzaw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw dan il-Ftehim b’mod li jippromwovi u jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
2.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien b’mod bilaterali u f’fora rilevanti, kif xieraq, biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u l-miżuri dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi attivitajiet imfassla biex itejbu l-kapaċità u l-kundizzjonijiet għan-nisa, inklużi l-ħaddiema, in-nisa tan-negozju u l-imprendituri, biex jaċċessaw u jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa minn dan il-Ftehim.
KAPITOLU VI
EVITAR U SOLUZZJONI TA’ TILWIM
ARTIKOLU 36
Konsultazzjonijiet
1.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu kwalunkwe tilwima bejniethom rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, ħlief kif previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fide bil-għan li jaslu għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.
2.
Parti għandha titlob il-konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra fejn tidentifika l-miżuri inkwistjoni u l-obbligi skont dan il-Ftehim li hija tqis li l-Parti l-oħra naqset milli tissodisfa.
3.
Il-Parti li lilha ssir it-talba għal konsultazzjonijiet għandha twieġeb għat-talba fi żmien 10 ijiem wara d-data tar-riċevuta tat-talba. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data tal-konsenja tat-talba u jsiru fit-territorju tal-Parti li lilha ssir it-talba.
4.
Matul il-konsultazzjonijiet, kull Parti għandha tipprovdi biżżejjed informazzjoni fattwali sabiex tippermetti eżami sħiħ tal-mod li bih il-miżura inkwistjoni tista’ tikser l-obbligi rilevanti skont dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura l-parteċipazzjoni tal-persunal ta’ awtoritajiet governattivi kompetenti tagħha li jkollhom għarfien espert fil-kwistjoni soġġetta għall-konsultazzjonijiet.
5.
Bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-ftehimiet jew l-istrumenti multilaterali ambjentali jew tax-xogħol imsemmija f’dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom iqisu l-informazzjoni mill-ILO jew mill-korpi jew l-organizzazzjonijiet rilevanti stabbiliti skont ftehimiet ambjentali multilaterali sabiex jippromwovu l-koerenza bejn il-ħidma tal-Partijiet u dawk il-korpi jew l-organizzazzjonijiet. Meta rilevanti, il-Partijiet għandhom ifittxu parir mingħand dawk il-korpi jew l-organizzazzjonijiet, jew mingħand kwalunkwe espert jew korp ieħor li jqisu xieraq.
6.
Kull Parti tista’ tfittex, jekk ikun xieraq, il-fehma tas-soċjetà ċivili kif imsemmi fl-Artikolu 46.
7.
Il-konsultazzjonijiet, u b’mod partikolari l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul il-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu kunfidenzjali.
ARTIKOLU 37
Soluzzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku
1.
Il-Partijiet jistgħu jsibu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi kwalunkwe waqt fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima msemmija fl-Artikolu 36.
2.
Kull Parti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex timplimenta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Jekk l-implimentazzjoni immedjata ma tkunx possibbli, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-implimentazzjoni.
3.
Mhux aktar tard mill-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien miftiehem imsemmi fil-paragrafu 2, il-Parti li tkun qiegħda timplimenta għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra, bil-miktub, dwar kwalunkwe miżura li hija tkun adottat biex timplimenta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.
4.
Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi żmien 120 jum mid-data tat-talba għall-konsultazzjonijiet, jew meta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku ma tiġix implimentata fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2, il-Parti li tkun talbet konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 36 tista’ titlob li jirrikorru għal arbitraġġ bejn l-Istati biex isolvu t-tilwima. Il-Parti li lilha ssir it-talba għall-arbitraġġ għandha taċċetta jew tirrifjuta dik it-talba fi żmien 30 jum mid-data tat-talba. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, it-talba għandha titqies li ġiet miċħuda.
ARTIKOLU 38
Arbitraġġ
1.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-kompożizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim bħal dan fi żmien 30 jum mill-aċċettazzjoni tat-talba għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 37(4), kull Parti għandha taħtar arbitru fi żmien 30 jum ieħor. L-arbitri maħtura mill-Partijiet għandhom jaħtru b’mod konġunt il-President tat-tribunal, li ma għandux ikollu n-nazzjonalità ta’ xi waħda mill-Partijiet.
2.
It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jagħmel valutazzjoni oġġettiva tal-kwistjoni quddiemu. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura applikabbli.
3.
Jekk it-tribunal tal-arbitraġġ jikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Parti li jkun sar l-ilment kontriha għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex minnufih issir konformi.
4.
F’każ li t-talba għall-arbitraġġ tkun ġiet miċħuda mill-Parti li lilha tkun saret it-talba għall-arbitraġġ, jew f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rapport tat-tribunal, il-Parti li tkun talbet arbitraġġ tista’ tadotta miżuri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li jkunu proporzjonati għan-nuqqas li jiġu ssodisfati l-obbligi speċifiċi.
ARTIKOLU 39
Trasparenza
Kull Parti għandha tippubblika minnufih:
(a)
it-talba għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 36;
(b)
is-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku skont l-Artikolu 37; u
(c)
miżuri skont l-Artikolu 38.
ARTIKOLU 40
Perjodi ta’ żmien
1.
Il-perjodi ta’ żmien kollha stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom jingħaddu f’jiem tal-kalendarju mill-jum ta’ wara l-att li jirreferu għalih, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
2.
Kwalunkwe perjodu ta’ żmien stabbilit f’dan il-Kapitolu jista’ jiġi mmodifikat bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.
ARTIKOLU 41
Proċedura ta’ Medjazzjoni
1.
Parti tista’ fi kwalunkwe ħin titlob li tidħol fi proċedura ta’ medjazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura minn Parti li allegatament taffettwa b’mod negattiv l-investiment bejn il-Partijiet.
2.
Il-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ tinbeda biss permezz ta’ ftehim reċiproku tal-Partijiet sabiex jesploraw soluzzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku u jqisu kwalunkwe parir u soluzzjoni proposta minn medjatur maħtur mill-Partijiet.
3.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi żmien 60 jum mid-data tal-ħatra tal-medjatur.
4.
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-passi kollha tal-proċedura ta’ medjazzjoni, inkluż kwalunkwe parir jew soluzzjoni proposta, huma kunfidenzjali. Parti tista’ tiżvela lill-pubbliku l-fatt li tkun qed isseħħ il-medjazzjoni.
5.
Il-proċedura ta’ medjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikoli 36 u 38 jew skont il-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim skont kwalunkwe ftehim ieħor.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET TA’ KOOPERAZZJONI U ISTITUZZJONALI
ARTIKOLU 42
Assistenza teknika u bini tal-kapaċità għall-faċilitazzjoni tal-investiment
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità u jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fit-tisħiħ tal-klima ta’ investiment fl-Angola u li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
2.
Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu fil-qafas tar-regoli u tal-proċeduri rilevanti tal-kooperazzjoni u l-istrumenti għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-talbiet għall-assistenza għandhom ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet identifikati u f’konformità mar-riformi domestiċi għall-faċilitazzjoni tal-investiment. L-assistenza għandha tkun soġġetta għal termini u kundizzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku.
4.
Il-Partijiet fil-qafas tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom:
(a)
jiskambjaw informazzjoni u jirrieżaminaw il-progress dwar l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; u
(b)
jidentifikaw il-ħtiġijiet għall-assistenza teknika u għall-bini tal-kapaċità.
ARTIKOLU 43
Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment
1.
Sabiex jiġi żgurat li dan il-Ftehim jopera kif suppost u b’mod effettiv, il-Partijiet b’dan jistabbilixxu Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment li jinkludi rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.
2.
Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jiltaqa’ l-ewwel darba mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Wara dan, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jiltaqa’ fuq bażi annwali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mir-rappreżentanti tal-Partijiet, jew mingħajr dewmien żejjed fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.
3.
Il-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom isiru fl-Unjoni jew fl-Angola, b’mod alternanti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mir-rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ jew b’mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa oħrajn, kif jaqblu r-rappreżentanti tal-Partijiet.
4.
Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jkun kopresedut, għall-Angola, mill-Ministru għall-Ekonomija u għall-Ippjanar u mill-Ministru għall-Industrija u għall-Kummerċ, u, għall-Unjoni, mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ, jew minn dawk innominati minnhom.
ARTIKOLU 44
Funzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment
1.
Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu:
(a)
iqis modi kif jippromwovi aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet;
(b)
jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u jippromwovi l-għanijiet ġenerali tiegħu;
(c)
ifittex modi u metodi xierqa sabiex jipprevjeni jew isolvi l-problemi li jistgħu jinqalgħu fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim, jew biex isolvi t-tilwim li jista’ jinqala’ rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(d)
jikkunsidra kwalunkwe materja oħra ta’ interess relatata ma’ qasam kopert minn dan il-Ftehim skont kif jaqblu r-rappreżentanti tal-Partijiet;
(e)
jikkunsidra l-inkjesti li jkunu għaddejjin kif imsemmi fl-Artikolu 22 u t-talbiet għal assistenza amministrattiva;
(f)
jiddiskuti titjib possibbli ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza u l-iżviluppi f’fora internazzjonali oħra u skont ftehimiet oħra konklużi mill-Partijiet; u
(g)
jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu.
ARTIKOLU 45
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment
1.
Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu, għall-finijiet li jilħaq l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fejn previst f’dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment skont dan il-Ftehim għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet.
2.
Għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim.
3.
Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’kunsens.
ARTIKOLU 46
Djalogu mas-soċjetà ċivili
1.
Il-Partijiet għandhom jorganizzaw djalogu mas-soċjetà ċivili (id-“djalogu”) biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu fid-djalogu rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u ta’ min iħaddem u trade unions, attivi dwar kwistjonijiet ekonomiċi, ta’ żvilupp sostenibbli, soċjali, ambjentali u kwistjonijiet oħra.
3.
Id-djalogu għandu jsir fuq bażi annwali, flimkien mal-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.
4.
Għall-finijiet tad-djalogu, il-Partijiet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-fehmiet u l-opinjonijiet espressi matul id-djalogu jistgħu jiġu sottomessi lill-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment u jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku.
5.
Il-Partijiet jistgħu jagħżlu li jorganizzaw id-djalogu permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti stabbiliti mill-Partijiet għall-involviment tas-soċjetà ċivili, kif xieraq.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 47
Eċċezzjonijiet ġenerali
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li qed jipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar tal-miżuri minn kwalunkwe Parti:
(a)
neċessarji sabiex iħarsu s-sigurtà pubblika jew il-morali pubblika jew sabiex iżommu l-ordni pubbliku;
(b)
neċessarji sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, il-ħajja jew is-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti;
(c)
neċessarji sabiex jassiguraw il-konformità ma’ liġijiet jew ma’ regolamenti li ma humiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim inklużi dawk relatati ma’ dawn:
(i)
il-prevenzjoni ta’ prattiki li jqarrqu u frawdolenti jew sabiex ikunu ttrattati l-effetti ta’ inadempjenza kuntrattwali;
(ii)
il-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi b’relazzjoni għall-ipproċessar u għat-tixrid ta’ data personali u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ rekords u ta’ kontijiet individwali;
(iii)
is-sikurezza.
ARTIKOLU 48
Eċċezzjonijiet tas-sigurtà
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li:
(a)
qed jobbliga xi Parti sabiex tagħti xi informazzjoni li hija tqis li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha; jew
(b)
qed jipprevjeni lil Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni li hija tqis neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha:
(i)
marbutin mal-produzzjoni jew mat-traffikar tal-armi, tal-munizzjon u tal-istrumenti tal-gwerra u ma’ tali traffikar u tranżazzjonijiet li jsiru f’oġġetti u f’materjali oħrajn, f’servizzi u f’teknoloġija, u ma’ attivitajiet ekonomiċi, imwettqa direttament jew indirettament għall-fini ta’ provvista lil stabbiliment militari;
(ii)
relatati ma’ materjali fissjonabbli u fużjonabbli jew mal-materjali li huma dderivati minnhom; jew
(iii)
meħudin fi żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra f’relazzjonijiet internazzjonali; jew
(c)
qed jipprevjeni lil Parti milli tieħu xi azzjoni fit-twettiq tal-obbligi tagħha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.
ARTIKOLU 49
Relazzjonijiet mal-Ftehim ta’ Cotonou
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li qed jipprevjeni l-adozzjoni minn kwalunkwe Parti ta’ miżuri xierqa skont il-Ftehim ta’ Cotonou.
ARTIKOLU 50
Durata
Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ 20 sena, li jista’ jiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien ugwali u suċċessivi.
ARTIKOLU 51
Terminazzjoni
1.
Kull Parti tista’ tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra ta’ dan il-Ftehim dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim.
2.
It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1.
ARTIKOLU 52
Applikazzjoni territorjali
1.
Dan il-Ftehim għandu japplika
(a)
fir-rigward tal-Unjoni, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati; u
(b)
fir-rigward tal-Angola, għat-territorji li fihom l-Angola teżerċita sovranità jew drittijiet sovrani f’konformità mad-dritt internazzjonali u l-liġi domestika tagħha, inklużi t-territorju tal-art, l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru fuqhom, kif ukoll iż-żoni marittimi maġenb il-baħar territorjali, inkluż qiegħ il-baħar, il-blata kontinentali u s-sottoswol korrispondenti.
2.
Ir-referenzi għal “territorju” f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu fis-sens imsemmi fil-paragrafu 1.
3.
Għal aktar ċertezza, ir-referenzi għad-dritt internazzjonali f’dan l-Artikolu jinkludu, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, magħmula fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982. F’każ ta’ inkonsistenza bejn id-dritt domestiku u d-dritt internazzjonali, dan tal-aħħar għandu jipprevali.
ARTIKOLU 53
Emendi
Il-Partijiet jistgħu jaqblu, bil-miktub, li jemedaw dan il-Ftehim. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 57.
ARTIKOLU 54
L-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea
1.
L-Unjoni għandha tinforma lill-Angola bi kwalunkwe talba għall-adeżjoni ta’ pajjiż terz biex isir Stat Membru tal-Unjoni.
2.
L-Unjoni għandha tinnotifika lill-Angola bid-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe Trattat dwar l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni.
ARTIKOLU 55
Drittijiet u obbligi skont dan il-Ftehim
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jagħti lil persuni drittijiet jew jimponi fuqhom obbligi, għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku, lanqas li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi direttament invokat fl-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet.
ARTIKOLU 56
Referenzi għal-liġijiet u għal Ftehimiet oħra
1.
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta ssir referenza għal-liġijiet u għar-regolamenti ta’ Parti, dawk il-liġijiet u r-regolamenti għandhom jinftiehmu li jinkludu l-emendi tagħhom.
2.
Meta ssir referenza għal ftehimiet internazzjonali jew meta dawn jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim, fis-sħuħija tagħhom jew f’parti minnhom, għandha tinftiehem li dawn jinkludu l-emendi tagħhom jew il-ftehimiet suċċessuri tagħhom li jidħlu fis-seħħ għaż-żewġ Partijiet fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim jew wara. Jekk tqum xi kwistjoni rigward l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim bħala riżultat ta’ tali emendi jew ftehimiet suċċessuri, il-Partijiet jistgħu, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, jikkonsultaw ma’ xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku.
ARTIKOLU 57
Dħul fis-seħħ
1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li jkunu tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom għal dak l-għan.
2.
In-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tal-Angola, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, id-Direttur Nazzjonali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali.
ARTIKOLU 58
Lingwi u testi awtentiċi
Dan il-Ftehim huwa abbozzat f’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Żvediża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim
Magħmul fi ……, fi …… jum ta’ …… tas-sena ……
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika tal-Angola