IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.4.2023
COM(2023) 232 final
2023/0133(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar privattivi essenzjali standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 174 final} - {SWD(2023) 123 final} - {SWD(2023) 124 final} - {SWD(2023) 125 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-istandardizzazzjoni hija kontributur ewlieni għall-innovazzjoni u għall-kompetittività industrijali. L-istandards ta’ suċċess huma bbażati fuq teknoloġiji avvanzati, li jeħtieġu investimenti sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp. Skont ir-regoli ta’ ħafna organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards (“SDOs”), bħall-ETSI u l-IEEE, il-kumpaniji u l-individwi jistgħu jagħtu privattiva għall-kontributi tekniċi tagħhom għal standard. Il-privattivi li jipproteġu t-teknoloġija li hija essenzjali għal standard huma magħrufa bħala privattiva essenzjali għal standard (“SEPs”). Tipikament, l-SDOs jirrekjedu li kwalunkwe persuna jew kumpanija li tkun tixtieq li l-privattivi teknoloġiċi tagħha jkunu inklużi fi standard trid timpenja ruħha li tilliċenzja l-privattivi rilevanti lil oħrajn li jistgħu jkunu jixtiequ jużaw l-istandard (intrapriżi li jużaw/jimplimentaw standard huma magħrufa wkoll bħala “implimentaturi”). Dawn il-liċenzji jridu jingħataw lill-implimentaturi b’termini u b’kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“FRAND”). Jekk id-detentur tal-privattiva jirrifjuta li jieħu impenn bħal dan, it-teknoloġija bi privattiva tiegħu ma tistax tiġi inkluża fl-istandard.
L-objettivi ġenerali ta’ din l-inizjattiva proposta huma li: (i) tiżgura li l-utenti finali, inklużi n-negozji ż-żgħar u l-konsumaturi tal-UE jibbenefikaw minn prodotti bbażati fuq l-aħħar teknoloġiji standardizzati; (ii) l-UE ssir attraenti għall-innovazzjoni fl-istandards; u (iii) tħeġġeġ kemm lid-detenturi tal-SEP kif ukoll l-implimentaturi jinnovaw fl-UE, jagħmlu u jbigħu prodotti fl-UE u jkunu kompetittivi fi swieq globali mhux tal-UE. L-inizjattiva għandha fil-mira tagħha li tinċentiva l-parteċipazzjoni mill-kumpaniji Ewropej fil-proċess ta’ żvilupp tal-istandards u l-implimentazzjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji standardizzati bħal dawn, b’mod partikolari fl-industriji tal-IoT.
F’dan il-kuntest, l-inizjattiva tfittex li: (i) tagħmel disponibbli informazzjoni dettaljata dwar l-SEPs u t-termini u l-kundizzjonijiet FRAND eżistenti biex jiġu ffaċilitati n-negozjati dwar il-liċenzjar; (ii) tqajjem kuxjenza dwar il-liċenzjar tal-SEP fil-katina tal-valur u (iii) tipprovdi għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għall-istabbiliment tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 “Setting out the EU approach to Standard Essential Patents”, talbet għal approċċ komprensiv u bbilanċjat għal-liċenzjar tal-SEP biex tinċentiva l-kontribut tal-aħjar teknoloġija għall-isforzi ta’ standardizzazzjoni globali u trawwem aċċess effiċjenti għal teknoloġiji standardizzati. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa għal aktar trasparenza u indirizzat ċerti aspetti tal-liċenzjar FRAND u l-infurzar tal-SEP. Il-fehmiet tal-Kummissjoni ġew appoġġati mill-konklużjonijiet tal-Kunsill 6681/18, filwaqt li l-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ aktar trasparenza.
Fl-10 ta’ Novembru 2020, permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill 12339/20, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għal politika futura tal-UE dwar il-PI. Il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr il-pjan ta’ azzjoni imħabbar tal-PI, b’inizjattivi biex il-protezzjoni tal-PI ssir aktar effettiva u affordabbli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-UE (“SMEs”), u biex tiġi promossa l-kondiviżjoni effettiva tal-PI, b’mod partikolari tal-assi kritiċi bħall-SEPs, filwaqt li jiġi żgurat kumpens adegwat u ġust għall-iżviluppaturi tat-teknoloġija.
Fil-25 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni dwar il-proprjetà intellettwali, fejn ħabbret l-għanijiet tagħha li tippromwovi t-trasparenza u l-prevedibbiltà fil-liċenzjar tal-SEP, inkluż billi ttejjeb is-sistema ta’ liċenzjar tal-SEP, għall-benefiċċju tal-industrija u tal-konsumaturi tal-UE, u b’mod partikolari l-SMEs. Il-pjan ta’ azzjoni nnota żidiet fit-tilwim dwar il-liċenzjar tal-SEP fis-settur tal-karozzi u l-potenzjal għal setturi oħra tal-IoT li jsiru soġġetti għal tilwim bħal dan hekk kif jibdew jużaw il-konnettività u standards oħra. Il-pjan kien appoġġat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 u mill-Parlament Ewropew (PE) fir-Riżoluzzjoni tiegħu. Il-PE rrikonoxxa l-ħtieġa għal sistema tad-DPI b’saħħitha, ibbilanċjata u robusta u qabel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li t-trasparenza meħtieġa għal negozjati ta’ liċenzjar ġust tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza, l-ambitu u l-essenzjalità tal-SEPs. Il-PE talab ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar ċarezza dwar aspetti varji FRAND, u biex tikkunsidra inċentivi possibbli għal negozjati tal-liċenzjar tal-SEP aktar effiċjenti u għat-tnaqqis tal-litigazzjoni.
B’mod parallel ma’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni aġġornat l-istrateġija ta’ standardizzazzjoni u qed tirrevedi l-linji gwida orizzontali. L-istrateġija l-ġdida ta’ standardizzazzjoni, ippubblikata fi Frar 2022, għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards, li tmexxi l-kompetittività internazzjonali u li tippermetti ekonomija reżiljenti, ekoloġika u diġitali. L-inizjattiva tal-SEPs attwali hija komplementari għall-istrateġija ta’ standardizzazzjoni u l-linji gwida orizzontali, li bħalissa qed jiġu rieżaminati.
Din l-inizjattiva hija importanti wkoll fil-kuntest tal-iżviluppi globali. Pereżempju, ċerti ekonomiji emerġenti qed jieħdu approċċ ħafna aktar aggressiv fil-promozzjoni ta’ standards lokali u fil-forniment lill-industriji tagħhom b’vantaġġ kompetittiv f’termini ta’ aċċess għas-suq u ta’ tnedija tat-teknoloġija. Il-qrati fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina, bil-karatteristiċi partikolari tagħhom, iddeċidew ukoll li għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet globali FRAND f’każijiet speċifiċi li jista’ jkollhom impatt fuq l-industrija tal-UE. Xi pajjiżi ħarġu jew qed jikkunsidraw linji gwida li jirregolaw in-negozjati tal-liċenzjar tal-SEP ukoll.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni normalment jipproduċu effetti ekonomiċi pożittivi sinifikanti. Id-detenturi “potenzjali tal-SEP” jeħtieġ li jiddikjaraw lill-SDO jekk humiex lesti li jilliċenzjaw il-privattivi tagħhom skont it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND meta l-istandard jiġi implimentat fi prodotti jew komponenti rilevanti tagħhom. Jekk detentur ta’ privattiva ma jipprovdix impenn FRAND f’konformità mal-politika tad-DPI dwar l-SDO, il-kontribuzzjonijiet tal-SEP tagħhom ma jistgħux jiġu inklużi fl-istandard. Madankollu, bl-inklużjoni ta’ teknoloġija bi privattiva fi standard, id-detentur tal-SEP għandu pożizzjoni ekonomika b’saħħitha vis-à-vis implimentatur standard potenzjali, minħabba li l-implimentaturi li jridu jinkorporaw l-istandards ma jistgħux jaħdmu madwar dawn il-privattivi u jridu jew iħallsu għal liċenzja jew iċedu l-manifattura ta’ prodotti li jużaw l-istandard. Aktar ma tkun mifruxa l-applikazzjoni tal-istandard, aktar tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tad-detentur, li għal darb’oħra tista’ twassal għal imġiba antikompetittiva tad-detentur tal-SEP.
Il-Linji Gwida Orizzontali jipprovdu gwida għall-SDOs dwar kif għandha tiġi awtovalutata l-konformità mal-Artikolu 101(1) u mal-Artikolu 101(3) tat-TFUE għall-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni. Huma jistabbilixxu l-erba’ prinċipji li ġejjin li għandhom jiġu kkunsidrati mill-SDOs fl-awtovalutazzjoni tagħhom: (i) il-parteċipazzjoni fl-iffissar tal-istandards ma tkunx ristretta; (ii) il-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard hija trasparenti; (iii) ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ konformità mal-istandard; (iv) hemm aċċess effettiv għall-istandard skont it-termini FRAND. Fid-dawl ta’ dan, il-politiki tad-DPI tal-SDO tipikament jirrikjedu li l-parteċipanti fl-iżvilupp tal-istandards jiddivulgaw l-eżistenza ta’ privattivi (inklużi applikazzjonijiet pendenti għal privattivi) li jistgħu jkunu jew jistgħu jsiru essenzjali għall-istandard rilevanti. Fil-prinċipju, l-implimentaturi jkunu jeħtieġu liċenzja mingħand id-detenturi tal-privattivi biex jeżerċitaw l-istandard. Tipikament, id-detenturi tal-SEP jistiednu lill-implimentaturi biex jieħdu tali liċenzja fuq termini u kundizzjonijiet FRAND. Fis-sentenza importanti tagħha fi Huawei vs ZTE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) irrikonoxxiet id-dritt tad-detentur tal-SEP li jfittex li jinforza l-privattivi tiegħu fil-qrati nazzjonali u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet (passi) li jridu jiġu ssodisfati biex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mid-detentur tal-SEP meta jfittex mandat ta’ inibizzjoni. Peress li privattiva tagħti lis-sid tagħha d-dritt esklużiv li jipprevjeni lil kwalunkwe parti terza milli tuża l-invenzjoni mingħajr il-kunsens tas-sid biss fil-ġuriżdizzjoni li għaliha tinħareġ (jiġifieri l-Ġermanja, Franza, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, eċċ.), it-tilwim dwar il-privattivi huwa regolat mil-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi u mill-proċedimenti ċivili jew mil-liġijiet tal-infurzar.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-Kummissjoni dan l-aħħar aġġornat l-istrateġija ta’ standardizzazzjoni tagħha. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni, ippubblikata fi Frar 2022, għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE, li tippermetti ekonomija reżiljenti, ekoloġika u diġitali u li tinkludi valuri demokratiċi fl-applikazzjonijiet tat-teknoloġija filwaqt li tippreżerva l-output ta’ kwalità għolja tal-istandards Ewropej. Din l-inizjattiva tikkomplementa l-Istrateġija ta’ Standardizzazzjoni billi għandha l-għan li tħeġġeġ, u tippremja l-kontribut kontinwu ta’ teknoloġiji avvanzati għall-istandards billi tiffaċilita l-liċenzjar tat-teknoloġiji bi privattiva inkorporati fl-istandards.
L-inizjattiva tikkomplementa wkoll il-linji gwida Orizzontali, li bħalissa qegħdin jiġu rieżaminati. Dawn tal-aħħar jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-proċess ta’ standardizzazzjoni u jiżguraw aċċess għall-istandard bit-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. L-inizjattiva tipprovdi għodod biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ liċenzjar tal-SEP wara l-pubblikazzjoni tal-istandard mingħajr ma tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-inizjattiva hija relatata ma’ standards li għalihom detentur ta’ privattiva jkun ikkontribwixxa teknoloġija bi privattiva u li għalihom ikun impenja ruħu ma’ SDO li jagħti liċenzja fuq termini u kundizzjonijiet FRAND. L-istandards li għalihom id-detenturi tal-privattivi jagħmlu impenji FRAND huma applikati b’mod transfruntier fost l-Istati Membri u globalment. Il-liċenzjar tal-SEP rari jkun nazzjonali wkoll. Normalment, il-kuntratti ta’ liċenzjar huma globali u jistgħu jqisu ċerti aspetti reġjonali. L-istandards internazzjonali inkwistjoni jkopru teknoloġiji bħall-4G, il-5G, il-Wi-Fi, l-HEVC, l-AVC, id-DVB u oħrajn li jiżguraw l-interoperabbiltà tal-prodotti madwar id-dinja.
L-Artikolu 114 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa peress li l-objettiv huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku. L-inizjattiva tfittex li tiżgura l-effiċjenza tal-liċenzjar tal-SEPs, tiffaċilita l-aċċess legali għall-istandards u tippromwovi l-adozzjoni usa’ tal-istandards. Ma hemm l-ebda regola speċifika tal-UE jew nazzjonali dwar l-SEPs minbarra ċerta gwida speċifika relatata mad-dritt tal-kompetizzjoni jew mas-sentenzi tal-qorti. Barra minn hekk, kif rikonoxxut mill-QĠUE fi Huawei vs ZTE, minbarra r-regoli komuni relatati mal-għoti ta’ privattiva Ewropea, privattiva Ewropea tibqa’ regolata mil-liġi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Kontraenti li għalihom tkun ingħatat kif inhu wkoll il-każ għall-privattivi nazzjonali.
Il-QĠUE kkonfermat li r-rikors għall-Artikolu 114 tat-TFUE huwa possibbli jekk l-għan ikun li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li jirriżultaw mill-iżvilupp diverġenti tal-liġijiet nazzjonali. Madankollu, il-ħolqien ta’ dawn l-ostakli jrid jitqies probabbli u l-miżura inkwistjoni trid tkun imfassla biex tevitahom. Ċerti qrati fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-qrati Olandiżi, Franċiżi u Ġermaniżi, kienu qed jikkunsidraw kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet FRAND f’litigazzjoni nazzjonali abbażi taċ-ċirkostanzi tat-tilwim imressaq lilhom. Dawk il-każijiet juru approċċi differenti (mhux neċessarjament riżultati differenti) fir-rigward tad-determinazzjoni FRAND dwar l-SEPs li jkopru standards reġjonali jew globali. Huwa diffiċli għall-qrati kompetenti fl-Istati Membri li jittrattaw każijiet relatati mal-SEP u li jagħmlu determinazzjonijiet dettaljati u konsistenti FRAND. Dan huwa fil-biċċa l-kbira dovut għan-nuqqas ta’ trasparenza u kumplessità tal-kwistjonijiet li huma ċentrali għal dawn id-determinazzjonijiet, bħall-essenzjalità tal-privattivi, liċenzji komparabbli u konformità mar-rekwiżiti FRAND. Filwaqt li l-inizjattiva fiha nnifisha la tinterpreta l-ġurisprudenza tal-QĠUE u lanqas tadotta metodoloġiji għad-determinazzjoni FRAND, hija se tistabbilixxi mekkaniżmi li jippromwovu t-trasparenza meħtieġa, iżidu ċ-ċertezza u jnaqqsu l-potenzjal għal deċiżjonijiet inkonsistenti. Dan se jkun titjib sinifikanti fil-kapaċitajiet tal-qrati biex jittrattaw it-tilwim dwar l-SEP.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali biex tiżdied it-trasparenza u jiġi ffaċilitat il-liċenzjar tal-SEPs jistgħu ma jkunux effiċjenti għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, minflok soluzzjoni madwar l-UE kollha għall-SEPs, jista’ jkun hemm soluzzjonijiet nazzjonali differenti għall-SEPs fuq standard speċifiku. It-tieni, b’approċċ madwar l-UE kollha, mhux se jkun meħtieġ li ssir aktar minn verifika tal-essenzjalità għal kull familja tal-privattivi biex jinstab li l-privattivi huma tabilħaqq verament essenzjali għal standard. Il-verifika ssir abbażi ta’ metodoloġija unika għall-UE kollha. It-tielet, il-proċessi mhux ċentralizzati għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jistgħu jwasslu għal riżultati differenti għall-istess portafoll tal-SEP, li jiftaħ il-bieb għal “forum shopping” fi ħdan l-UE. Approċċ madwar l-UE kollha jista’ jgħin biex jiġu evitati dawn il-problemi.
•Proporzjonalità
L-inizjattiva hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex tinkiseb trasparenza fir-rigward tal-SEPs u l-ipprezzar u biex il-partijiet ikkonċernati jiġu pprovduti b’għodod għall-ftehimiet ta’ liċenzjar tal-SEP innegozjati. L-azzjoni fil-livell tal-UE se tkun effiċjenti u se tiffranka l-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari għad-detenturi tal-SEP, u għall-Istati Membri. Pereżempju, jista’ jkun hemm reġistru wieħed minflok ħafna reġistri, verifika tal-essenzjalità waħda għall-UE kollha, metodoloġija waħda għat-twettiq ta’ tali verifiki, u proċess ta’ determinazzjoni FRAND simplifikat u trasparenti. Id-detenturi u l-implimentaturi tal-SEP mhux se jkollhom iġarrbu ripetutament l-istess spejjeż f’kull Stat Membru tal-UE li għażel li jintroduċi regoli speċifiċi għall-SEP.
•Għażla tal-istrument
Ir-regoli madwar l-UE dwar it-trasparenza fir-rigward tat-termini tal-SEPs u FRAND ikollhom effett ta’ armonizzazzjoni fl-UE li jiffaċilita l-ħidma tal-qrati nazzjonali u tal-qorti Unifikata tal-Privattivi futura. L-istrument għall-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva għandu jkun regolament. Regolament ikun applikabbli direttament, inkluż billi aġenzija tal-UE tingħata s-setgħa bil-kompiti li timmaniġġa reġistru ta’ SEPs, u tistabbilixxi proċedura komuni ta’ determinazzjoni FRAND li tiżgura l-uniformità madwar l-UE u tipprovdi ċertezza legali akbar. Dawn ir-riżultati ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ Direttiva.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni wettqet serje ta’ webinars. L-istatistika għall-webinars tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej: 16-il siegħa ta’ kontenut; minn aktar minn 60 kelliem; aktar minn 450 interazzjoni fil-qasam tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet; aktar minn 1 700 impressjoni dwar l-avvenimenti; aktar minn 800 persuna fil-grupp tat-Timijiet tal-SEP tal-Kummissjoni; u b’kollox aktar minn 1 000 rispondent għall-istħarriġ tal-Kummissjoni.
Is-sejħa għall-evidenza ġiet ippubblikata fl-14 ta’ Frar 2022 u kienet miftuħa sad-9 ta’ Mejju 2022. Matul dak il-perjodu ġew sottomessi 97 tweġiba u 49 dokument ta’ pożizzjoni.
Il-konsultazzjoni pubblika saret bejn l-14 ta’ Frar 2022 u d-9 ta’ Mejju 2022. Matul dak il-perjodu ġew sottomessi 74 tweġiba.
Fit-28 ta’ Ottubru 2022 ġie ppubblikat stħarriġ immirat għan-negozji l-ġodda u għall-SMEs u dan ingħalaq fl-20 ta’ Novembru 2022. Fuq talba ta’ għadd ta’ partijiet ikkonċernati, l-istħarriġ infetaħ mill-ġdid fil-25 ta’ Novembru 2022 mingħajr data tal-għeluq biex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jibqgħu jwieġbu hekk kif jiżviluppaw is-swieq fl-Internet tal-Oġġetti (“IoT”). Sa tmiem l-2022, il-Kummissjoni kienet irċeviet 39 tweġiba.
Saret diskussjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-PI u l-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill.
Il-pożizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħad-detenturi tal-SEP, l-implimentaturi, il-konsulenti u l-esperti tagħhom kif ukoll l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom huma fil-biċċa l-kbira magħrufa. Għal din ir-raġuni, il-konsultazzjoni pubblika indirizzat kwistjonijiet speċifiċi ħafna relatati mal-SEP u fittxet fehmiet dwar azzjonijiet potenzjali konkreti.
Madwar nofs ir-rispondenti kollha vvalutaw l-impatt tal-qafas attwali tal-liċenzjar tal-SEP fuq l-SMEs u n-negozji ġodda bħala negattiv, terz ħasbu li ma kien hemm l-ebda impatt, u madwar 5 % qiesu li dan kien pożittiv.
Kważi tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu jitolbu liċenzja sabiex ma jiksrux SEP u 60 % biex ikunu jistgħu jippjanaw il-produzzjoni u l-ispejjeż. Ir-raġunijiet ewlenin biex wieħed ikollu/jilliċenzja SEP huma l-iżgurar ta’ redditu fuq l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (70 % tat-tweġibiet), segwit mill-użu tal-SEP għal skopijiet difensivi/ta’ negozjar (60 %) u l-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-futur (40 %).
In-nuqqas ta’ trasparenza dwar ir-rata tar-royalties FRAND, dwar ix-xenarju tal-SEP (min huma l-proprjetarji tal-SEPs) u d-deċiżjonijiet diverġenti tal-qorti ssemmew bħala l-problemi ewlenin minn tliet kwarti tar-rispondenti kollha, inklużi r-rispondenti kollha fil-gruppi ta’ dawk b’fehmiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma favur l-implimentazzjoni (implimentaturi). Għall-grupp ta’ dawk b’fehmiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma favur id-detentur tal-SEP (detenturi tal-SEP), il-problemi ewlenin kienu l-mandati ta’ inibizzjoni hold-out u l-mandati ta’ inibizzjoni kontra s-smigħ.
Ir-rispondenti talbu għal aktar informazzjoni pubblika dwar l-SEPs fir-rigward tan-“numru tal-privattiva u tal-applikazzjoni” (88 % tat-tweġibiet kollha), “l-istandard rilevanti, il-verżjoni, it-taqsima tal-istandard” (80 %), “id-dettalji ta’ kuntatt tad-detentur tal-SEP” (80 %), “it-trasferiment tas-sjieda” (77 %), “il-programmi ta’ liċenzjar” (76 %) u “t-termini u l-kundizzjonijiet standard FRAND” (72 %). Madwar 60 % tar-rispondenti kollha u 90 % tal-implimentaturi appoġġaw verifiki tal-essenzjalità ta’ partijiet terzi sakemm jagħmluhom esperti indipendenti. 24 % biss tad-detenturi ta’ SEP appoġġaw tali soluzzjoni. Terz tar-rispondenti kollha qiesu li l-verifiki tal-essenzjalità ma għandux ikollhom konsegwenzi legali.
Madwar żewġ terzi tar-rispondenti kollha u madwar 80 % tal-implimentaturi kienu tal-fehma li l-valutazzjoni tal-essenzjalità tista’ tgħin fil-valutazzjoni tal-esponiment tal-SEP ta’ prodott u fid-deċiżjoni dwar ma’ min għandhom isiru n-negozjati, tiffaċilita n-negozjati tal-liċenzjar u tevita l-ipprezzar eċċessiv. Aktar minn nofs id-detenturi tal-SEP ma qablux ma’ dawn l-impatti iżda qablu li l-verifiki jistgħu jipprovdu ħarsa ġenerali affidabbli tas-sehem tal-privattivi essenzjali ta’ kull detentur tal-SEP.
Madwar tliet kwarti tar-rispondenti qablu li termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli jistgħu jiddependu fuq il-funzjonalitajiet tal-istandard implimentat fi prodott. Madwar 70 % ħasbu li dawn it-termini għandhom ikunu indipendenti mil-livell ta’ liċenzjar.
70 % tar-rispondenti kollha u 100 % tal-implimentaturi argumentaw li huwa importanti li wieħed ikun jaf ir-rata aggregata raġonevoli ta’ royalties għal prodott. 20 % biss tad-detenturi ta’ SEP qablu ma’ dik il-fehma.
L-arbitraġġ (53 % tat-tweġibiet kollha) tqies aktar utli mill-medjazzjoni (35 %) għall-valutazzjoni FRAND, speċjalment mid-detenturi tal-SEP u mill-akkademiċi/mill-awtoritajiet/mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-valutazzjoni tal-impatt ibbażat primarjament, iżda mhux b’mod esklużiv, fuq żewġ studji esterni u l-kontribut tal-Grupp ta’ Esperti tal-SEP:
“Baron, J., Arque-Castells, P., Leonard, A., Pohlmann, T., Sergheraert, E., Empirical Assessment of Potential Challenges in SEP Licensing, Kummissjoni Ewropea, DĠ GROW, 2023”;
“Charles River Associates, Transparency, Predictability, and Efficiency of SSO-based Standardization and SEP Licensing, Kummissjoni Ewropea, DĠ GROW, 2016, https://ec.europa.eu/docsroom/documents/48794?locale=mt”;
“Group of Experts on Licensing and Valuation of Standard Essential Patents – Contribution to the Debate on SEPs” (2021).
Il-Kummissjoni wettqet ħafna studji, li l-aktar rilevanti minnhom huma:
“Il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Bekkers, R., Henkel, J., Tur, E. M., et al., Pilot study for essentiality assessment of standard essential patents, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020”;
“Landscape study of potentially essential patents disclosed to ETSI”, studju tal-JRC (2020);
“Licensing Terms of Standard Essential Patents: A Comprehensive Analysis of Cases”, studju tal-JRC (2017);
“Patents and Standards: A modern framework for IPR-based standardisation” (2014).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrieżaminat bosta dokumenti u pożizzjonijiet sottomessi mill-partijiet ikkonċernati, artikoli professjonali dwar is-suġġett u studji mwettqa f’isem awtoritajiet oħra. Il-Kummissjoni analizzat inizjattivi dwar l-SEPs f’pajjiżi mhux tal-UE. Biex tħejji l-valutazzjoni tal-impatt u l-abbozz tar-regolament, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ esperti, imħallfin u akkademiċi ewlenin. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni attendiet diversi webinars u konferenzi.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt u ssottomettitha lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fi Frar 2023 u rċeviet opinjoni pożittiva fis-17 ta’ Marzu 2023 (għandha tiżdied ir-REF). Il-valutazzjoni tal-impatt finali tqis il-kummenti li jinsabu f’din l-opinjoni.
Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset il-problemi li ġejjin: kostijiet għoljin tat-tranżazzjonijiet tal-liċenzjar u inċertezza dwar il-piż tar-royalties tal-SEP. Minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti, l-implimentaturi ma jistgħux jivvalutaw l-esponiment tagħhom tal-SEP bil-quddiem biżżejjed biex iqisu l-ispejjeż tal-liċenzjar meta jippjanaw in-negozju tal-prodott tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-detenturi tal-SEP jilmentaw dwar negozjati twal u għaljin, speċjalment ma’ implimentaturi kbar.
B’mod aktar speċifiku, ġew identifikati l-kawżi li ġejjin ta’ dawn il-problemi. L-ewwel nett, hemm biss informazzjoni limitata dwar min għandu l-SEPs u ma huwiex ċert li l-privattivi kollha li jfittxu li jiġu liċenzjati huma verament meħtieġa (essenzjali) biex jiġi implimentat standard. It-tieni, hemm ftit informazzjoni dwar it-tariffi tal-liċenzji tal-SEP (royalties FRAND), u għalhekk l-implimentaturi bi ftit għarfien espert jew mingħajr għarfien espert isibuha impossibbli li jivvalutaw ir-raġonevolezza tad-domanda għal royalty ta’ sid ta’ SEP. Fl-aħħar nett, it-tilwim dwar il-liċenzjar jista’ jkun intensiv fiż-żmien u fl-ispejjeż.
Konsegwentement, l-inizjattiva għandha l-għan li tiffaċilita n-negozjati tal-liċenzjar tal-SEP u li tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kemm għad-detenturi tal-SEP kif ukoll għall-implimentaturi billi (i) tipprovdi aktar ċarezza dwar min huwa sid ta’ SEP u liema SEPs huma verament essenzjali; (ii) tipprovdi aktar ċarezza dwar ir-royalties FRAND u termini u kundizzjonijiet oħra, inkluż is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-liċenzjar fil-katina tal-valur; u (iii) tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim tal-SEP.
L-għażliet li ġejjin tqiesu biex jintlaħqu dawn l-objettivi (l-għażliet ta’ politika jinbnew b’mod inkrementali, kull waħda żżid elementi ġodda ma’ dik preċedenti):
Għażla 1: Gwida volontarja. Din tinvolvi l-istabbiliment ta’ gwida mhux vinkolanti dwar il-liċenzjar tal-SEP. Ċentru ta’ kompetenza dwar l-SEPs maħluq fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jipprovdi pariri bla ħlas lill-SMEs dwar in-negozjati tal-liċenzjar (inkluż it-taħriġ) u jissorvelja s-suq tal-SEPs, iwettaq studji dwar il-liċenzjar tal-SEPs u jippromwovi soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.
Għażla 2: Reġistru tal-SEP b’verifiki tal-essenzjalità. Id-detenturi ta’ SEP li jkunu qed ifittxu li jilliċenzjaw l-SEPs tagħhom għar-royalties u li jinfurzawhom fl-UE jkollhom jirreġistraw il-privattivi tagħhom fir-reġistru tal-SEP. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tar-reġistru, il-verifiki tal-essenzjalità jitwettqu minn evalwatur indipendenti skont metodoloġija li għandha tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni fil-livell tal-UE u sistema amministrata mill-EUIPO. Is-subgħażliet huma: li (i) jiġu vverifikati l-privattivi rreġistrati kollha; jew (ii) jiġi vverifikat għadd żgħir ta’ privattivi magħżula minn qabel mid-detenturi tal-SEP u kampjun aleatorju ta’ privattivi rreġistrati minn kull detentur tal-SEP.
Għażla 3: Reġistru tal-SEP b’verifiki tal-essenzjalità u bi proċedura ta’ konċiljazzjoni (determinazzjoni FRAND). Qabel ma titnieda litigazzjoni, il-partijiet għat-tilwima dwar il-liċenzjar tal-SEP ikollhom jgħaddu minn proċess ta’ konċiljazzjoni obbligatorju. Konċiljatur indipendenti jfittex li jgħin lill-partijiet jilħqu termini u kundizzjonijiet ta’ liċenzjar aċċettabbli b’mod reċiproku. Fi tmiem il-proċess, jekk il-partijiet jonqsu milli jilħqu ftehim, il-konċiljatur joħroġ rapport mhux vinkolanti b’rakkomandazzjonijiet dwar ir-rata FRAND (b’parti kunfidenzjali u oħra mhux kunfidenzjali).
Għażla 4: Royalties aggregati għall-SEP. Jiġu stabbiliti proċessi għad-determinazzjoni ta’ royalties aggregati (jiġifieri, il-prezz massimu totali) għall-użu ta’ standard qabel jew ftit wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Id-detenturi tal-SEPs ikunu mistennija jaqblu fuq tali royalties (potenzjalment bl-għajnuna ta’ faċilitatur indipendenti miċ-ċentru ta’ kompetenza). Barra minn hekk, kemm l-implimentaturi kif ukoll id-detenturi tal-SEP jistgħu jitolbu opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati, fejn il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. Fl-aħħar nett, tista’ tiġi ddeterminata royalty aggregata matul il-konċiljazzjoni jekk il-partijiet jitolbu dan. Dawn ir-royalties aggregati bl-istess mod ma jkunux vinkolanti u jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-SEP.
Għażla 5: Punt ċentrali ta’ koordinament tal-SEP. L-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ servizz għall-implimentaturi biex jiksbu l-liċenzji tal-SEP billi jiddepożitaw royalty aggregat maċ-ċentru ta’ kompetenza. Id-detenturi tal-SEP għandhom jinformaw liċ-ċentru dwar kif għandhom jallokaw ir-royalties aggregati bejniethom, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunux jistgħu jiġbru l-pagamenti tar-royalties tagħhom. Għandhom ukoll jiffirmaw ftehimiet ta’ liċenzja ma’ kwalunkwe implimentatur li jagħmel depożitu. Kwalunkwe royalty mhux miġbur mid-detenturi tal-SEP fi żmien sena mid-depożitu jiġu rritornati lill-implimentaturi.
L-Għażla 4 (gwida volontarja, reġistru tal-SEP b’verifiki tal-essenzjalità, proċedura ta’ determinazzjoni FRAND u determinazzjoni tar-royalties aggregati għall-SEPs) hija l-għażla ppreferuta. L-għażla tnaqqas l-assimetrija tal-informazzjoni bejn detentur tal-SEP u implimentatur billi tipprovdi lil dan tal-aħħar b’informazzjoni dwar min huma d-detenturi rilevanti tal-SEP, kemm-il SEP ikunu rreġistraw fir-reġistru u x’inhi r-rata ta’ essenzjalità tagħhom (derivata minn kampjun aleatorju rappreżentattiv tal-SEPs irreġistrati kollha) u x’inhu l-kost totali potenzjali [jew massimu] tal-użu ta’ teknoloġija standardizzata (royalties aggregati). Konċiljazzjoni obbligatorja ta’ qabel il-proċess aktarx li tnaqqas il-kostijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwim tal-SEP għal madwar 1/8 peress li l-konċiljatur jgħin liż-żewġ partijiet jilħqu ftehim. Ċentru ta’ kompetenza jipprovdi informazzjoni, gwida u appoġġ oġġettivi lill-SMEs fir-rigward tal-SEPs u tal-liċenzjar tal-SEPs. Il-benefiċċji u l-kostijiet huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt.
Tabella 1: L-ispejjeż u l-benefiċċji annwali medji approssimati totali tal-għażla ppreferuta għal kull parti affettwata u għal-lokalizzazzjoni (EUR miljun).
|
|
UE
|
mhux tal-UE
|
Total
|
|
Implimentaturi tal-SEP
|
Spejjeż
|
-0,77
|
-0,77
|
-1,5
|
|
|
Benefiċċji
|
12,89
|
13,03
|
25,9
|
|
|
Nett
|
12,11
|
12,26*
|
24,4
|
|
Detenturi ta’ SEP
|
Spejjeż
|
-8,13
|
-46,04
|
-54,2
|
|
|
Benefiċċji
|
3,79
|
21,50
|
25,3
|
|
|
Nett
|
-4,33
|
-24,54
|
-28,9
|
|
Subtotal (effett nett għall-implimentaturi u għad-detenturi)
|
7,8
|
-12,3
|
-4,5
|
|
Benefiċċju għall-uffiċċju Ewropew jew nazzjonali tal-privattivi
|
29,0
|
|
29,0
|
|
Benefiċċju totali nett
|
36,8
|
-12,3
|
24,5
|
* jikkonċerna implimentaturi mhux tal-UE ma’ sussidjarji fl-UE
Nota: numri mqarrba li jistgħu jaffettwaw it-totali
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din l-inizjattiva ma hijiex parti mill-isforz ta’ simplifikazzjoni tar-REFIT peress li bħalissa ma hemm l-ebda regola tal-UE dwar l-SEPs li tista’ tiġi ssimplifikata jew issir aktar effiċjenti.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta għandha ttejjeb it-tmexxija tan-negozju kemm għad-detenturi tal-SEP kif ukoll għall-implimentaturi, u fl-aħħar mill-aħħar għal negozji oħra downstream (l-Artikolu 16 tal-Karta).
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tad-detenturi tal-privattivi (l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE), għalkemm tinkludi restrizzjoni fuq il-kapaċità li jiġi infurzat SEP li ma jkunx ġie rreġistrat fit-termini ta’ żmien stabbiliti u tintroduċi rekwiżit biex titwettaq konċiljazzjoni (determinazzjoni FRAND) qabel ma jiġu nfurzati SEPs individwali. Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tal-PI huma permessi skont il-Karta tal-UE, dment li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti sakemm dawk ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu għal objettivi ta’ interess ġenerali segwiti mill-UE u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tikser l-essenza proprja tad-drittijiet garantiti. F’dak ir-rigward, il-proposta hija fl-interess pubbliku fis-sens li tipprovdi informazzjoni u eżitu uniformi, miftuħa u prevedibbli dwar l-SEPs għall-benefiċċju tad-detenturi, l-implimentaturi u l-utenti finali tal-SEP, fil-livell tal-Unjoni. Din għandha l-għan li xxerred it-teknoloġija għall-vantaġġ reċiproku tad-detenturi u l-implimentaturi tal-SEP. Barra minn hekk, ir-regoli dwar id-determinazzjoni FRAND huma limitati fiż-żmien u għandhom l-għan li jtejbu u jissimplifikaw il-proċess iżda fl-aħħar mill-aħħar ma humiex vinkolanti.
Id-determinazzjoni FRAND hija konsistenti wkoll mad-dritt għal rimedju effettiv u għall-aċċess għall-ġustizzja (l-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE) peress li l-implimentatur u d-detentur tal-SEP iżommu dak id-dritt bis-sħiħ. Jekk l-SEP ma jkunx irreġistrat, l-esklużjoni tad-dritt għal infurzar effettiv tkun temporanja, u għalhekk limitata, u meħtieġa, u tissodisfa l-objettivi ta’ interess ġenerali. Kif ikkonfermat mill-QĠUE, soluzzjoni obbligatorja għat-tilwim bħala prekundizzjoni għall-aċċess għall-qrati titqies li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Id-determinazzjoni FRAND issegwi l-kundizzjonijiet għas-soluzzjoni obbligatorja tat-tilwim deskritti fis-sentenzi tal-QĠUE, filwaqt li tqis il-karatteristiċi partikolari tal-liċenzjar tal-SEP.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma jkollha l-ebda impatt fuq l-Unjoni Ewropea. Is-sistema tal-SEP introdotta bl-inizjattiva se tibqa’ kompletament awtoffinanzjata, bl-użu ta’ tariffi mħallsa mill-utenti tas-servizzi taċ-ċentru ta’ kompetenza tal-EUIPO. L-EUIPO se jiffinanzja l-kostijiet tal-istabbiliment (inklużi l-kostijiet tal-IT) taċ-ċentru ta’ kompetenza, tar-reġistru tal-SEP u ta’ servizzi oħra. Huwa mistenni li dawn il-kostijiet ta’ stabbiliment jiġu rkuprati minn tariffi imposti meta s-sistema tkun kompletament operattiva.
L-EUIPO jistma li l-kostijiet ta’ stabbiliment taċ-ċentru ta’ kompetenza u r-reġistru inkluża l-infrastruttura tal-IT se jammontaw għal madwar EUR 2,4 miljun u jistgħu jinvolvu ħidma sa 12-il FTE. Il-kost operazzjonali tal-EUIPO tas-sistema l-ġdida se jkun jeħtieġ madwar EUR 2 miljuni fis-sena (esklużi s-servizzi ta’ esperti esterni bħall-esperti tal-essenzjalità jew il-konċiljaturi). Il-kostijiet se jkunu ogħla fis-sena(snin) inizjali meta huma mistennija r-reġistrazzjoni ta’ għadd stmat ta’ 72 000 familja ta’ privattivi, u verifiki tal-essenzjalità għal għadd stmat ta’ 14 500 SEP (li huma stmati li huma l-ogħla livelli ta’ reġistrazzjonijiet u verifiki tal-essenzjalità kollha). Fis-snin sussegwenti, l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet u verifiki tal-essenzjalità huwa mistenni li jonqos għal 10 % tal-ogħla numri. Matul il-perjodu operazzjonali, iċ-ċentru ta’ kompetenza jkun jeħtieġ medja ta’ madwar 30 FTE fis-sena/snin tal-ogħla livell, u madwar 10 FTEs fis-snin ta’ wara. L-impatti finanzjarji u baġitarji ta’ din il-proposta huma ppreżentati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta. Il-kalkolu dettaljat tal-kostijiet huwa ppreżentat fl-Anness 7.1 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tuża d-data miġbura miċ-ċentru ta’ kompetenza (EUIPO) biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta u l-kisba tal-objettivi tagħha. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ iqisu l-perjodu ta’ implimentazzjoni meħtieġ (inkluż iż-żmien meħtieġ biex tiġi ppromulgata l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni l-ġdida meħtieġa abbażi tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni) kif ukoll iż-żmien meħtieġ għall-parteċipanti fis-suq biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Jiġi kkunsidrat sett ta’ indikaturi pertinenti kif imsemmi fit-Taqsima 9 tal-valutazzjoni tal-impatt għall-evalwazzjoni tal-bidliet.
L-ewwel evalwazzjoni se tiġi skedata għal 8 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (li jqis li r-Regolament jibda japplika 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ). L-atti ta’ implimentazzjoni jeħtieġ li jiġu adottati, u ċ-ċentru ta’ kompetenza jeħtieġ li jiġi stabbilit b’mod organizzazzjonali matul dak iż-żmien. Evalwazzjonijiet sussegwenti se jitwettqu kull 5 snin.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
It-Titolu I jiddetermina s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.
Il-proposta tipprevedi trasparenza mtejba fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa għal-liċenzjar tal-SEP; ir-reġistrazzjoni tal-SEPs; proċedura għall-evalwazzjoni tal-essenzjalità tal-SEPs reġistrati; u proċedura għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND għal liċenzja tal-SEP.
Il-proposta tapplika għall-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar. Din tikkonċerna standards ippubblikati minn organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards (SDO) li tistieden lid-detenturi tal-SEPs jimpenjaw ruħhom għal liċenzjar fuq termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND). Din ma tapplikax għall-SEPs li huma soġġetti għal politika dwar il-proprjetà intellettwali mingħajr royalties tal-SDO li ppubblika l-istandard. Il-proposta ma tapplikax għal pretensjonijiet ta’ invalidità u ksur tal-SEPs mhux relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
It-Titolu II tal-proposta joħloq ċentru ta’ kompetenza fi ħdan l-EUIPO biex jamministra l-bażijiet tad-data, reġistru u l-proċeduri għall-verifiki tal-essenzjalità tal-SEPs u d-determinazzjoni FRAND. Iċ-ċentru ta’ kompetenza se jipprovdi wkoll taħriġ, appoġġ u pariri ġenerali dwar l-SEPs lill-SMEs u jqajjem kuxjenza dwar il-liċenzjar tal-SEPs.
It-Titolu III Dan it-Titolu jinkludi dispożizzjonijiet li jispjegaw il-proċess tan-notifika tal-istandards u tar-royalties aggregati, ir-reġistrazzjoni tal-SEPs u l-opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati. Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni u d-data li ċ-ċentru ta’ kompetenza jinkludi fir-reġistru u fil-bażijiet tad-data. Ir-reġistrazzjoni se tkun soġġetta għal tariffa.
Il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-SEP jiġi skattat meta l-kontributuri jew l-implimentaturi jinnotifikaw liċ-ċentru ta’ kompetenza b’rati standard u/jew aggregati għal implimentazzjoni standard u speċifika tal-istandard. Iċ-ċentru ta’ kompetenza jippubblika avviż li jistieden lid-detenturi tal-SEPs jirreġistraw. Id-detenturi tal-SEPs għandhom 6 xhur biex jirreġistraw. Sabiex jinċentivaw ir-reġistrazzjoni f’waqtha wara s-6 xhur, id-detenturi tal-SEPs ma jistgħux jinfurzaw l-SEPs tagħhom sakemm jirreġistraw. Detentur tal-SEP li ma jkunx irreġistra fi żmien is-6 xhur ukoll ma jistax ifittex royalties u danni qabel ir-reġistrazzjoni. Dan mhux biss biex tiġi mħeġġa r-reġistrazzjoni iżda wkoll biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-implimentaturi.
Ir-regoli jqisu l-fatt li ċerti SEPs jistgħu jingħataw minn uffiċċju tal-privattivi wara l-perjodu ta’ 6 xhur u ċerti implimentazzjonijiet ta’ standard jistgħu ma jkunux magħrufa fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-istandard. SEP jista’ jitneħħa mir-reġistru biss meta l-SEP ikun skada, ikun invalidat jew instab mhux essenzjali. Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mmodifikata u għandha tiġi aġġornata mid-detentur tal-SEP. Kwalunkwe parti kkonċernata tista’ tindika li reġistrazzjoni hija skorretta jew mhux kompluta u jeħtieġ li tiġi mmodifikata.
Il-kontributuri jew l-implimentaturi jistgħu jitolbu opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati, soġġett għal tariffa. Iċ-ċentru ta’ kompetenza mbagħad jaħtar bord ta’ tliet konċiljaturi biex jagħti l-opinjoni esperta. Kwalunkwe parti kkonċernata tista’ tipparteċipa fil-proċess u tesprimi l-fehmiet tagħha dment li turi l-interess tagħha. L-opinjoni esperta għandha tikkunsidra wkoll l-impatti potenzjali fuq il-katina tal-valur inkwistjoni. L-opinjoni esperta mhux se tkun vinkolanti iżda se sservi biex tipprovdi lill-industrija b’xi gwida fir-rigward tan-negozjati individwali tal-liċenzjar tal-SEP.
Minbarra d-data pprovduta mid-detenturi tal-SEPs fir-reġistru u/jew fil-bażijiet tad-data dwar SEPs individwali, l-arranġamenti ta’ liċenzjar pubbliku u d-dettalji ta’ kuntatt, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiġbor data dwar il-ġurisprudenza madwar id-dinja, ir-regoli ta’ pajjiżi terzi u l-informazzjoni pubblika dwar it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Għandu jipproduċi wkoll statistika u studji tal-kummissjoni. L-objettiv ikun li jkun hemm punt uniku ta’ servizz għalkollox li parti kkonċernata jeħtieġ li tkun taf dwar l-SEPs u l-liċenzjar tal-SEPs. Il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni se tkun disponibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku. Xi informazzjoni dettaljata speċifika, pereżempju, dwar SEPs partikolari jew dwar rapporti mid-determinazzjonijiet FRAND se tkun disponibbli biss bir-reġistrazzjoni u bil-ħlas ta’ tariffa. L-SMEs se jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa.
It-Titolu IV tal-proposta fih regoli għall-għażla tal-evalwaturi u l-konċiljaturi kandidati biex iwettqu kompiti assenjati lilhom fil-proċedimenti stabbiliti fil-proposta. L-evalwaturi jew il-konċiljaturi ma għandux ikollhom biss il-kompetenza teknika meħtieġa iżda għandhom juru li huma indipendenti u mingħajr preġudizzju. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jistabbilixxi roster ta’ kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jirrieżamina regolarment ir-rosters biex jara li jinżamm għadd suffiċjenti ta’ kandidati kwalifikati.
It-Titolu V tal-proposta jikkonċerna l-verifiki tal-essenzjalità tal-SEPs. Id-determinazzjoni ta’ jekk privattiva hijiex essenzjali għal standard hija kompitu tekniku diffiċli ħafna. Minkejja l-aħjar sforzi tad-detenturi tal-SEPs, jista’ jkun hemm SEPs reġistrati li fil-fatt ma humiex essenzjali għall-istandard li għalih huma rreġistrati. Il-verifiki tal-essenzjalità huma għalhekk importanti ħafna biex tiġi żgurata l-kwalità tar-reġistru u wkoll biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż potenzjali, minħabba nuqqas ta’ verifiki fuq id-data rreġistrata. Il-verifiki tal-essenzjalità huma importanti wkoll għad-detenturi tal-SEPs jew għall-implimentaturi, li jistgħu jixtiequ jissottomettu xi wħud mill-SEPs tagħhom għal tali kontroll biex juru essenzjalità jew nuqqas ta’ essenzjalità matul in-negozjati. Il-verifiki tal-essenzjalità se jkunu soġġetti għal tariffa pagabbli mid-detenturi tal-SEPs li l-SEPs tagħhom jiġu vverifikati u mill-implimentaturi li jitolbu tali verifiki. In-nuqqas ta’ kontroll tal-essenzjalità ma għandux jipprekludi n-negozjati dwar il-liċenzjar jew kwalunkwe proċedura tal-qorti jew amministrattiva fir-rigward ta’ tali SEPs.
Il-verifiki tal-essenzjalità fuq l-SEPs iddikjarati li jiddaħħlu fir-reġistru tal-SEPs se jitwettqu minn evalwaturi li għandhom għarfien espert fil-qasam tekniku rilevanti u li ma hemmx dubju dwar l-indipendenza tagħhom. Dawn il-verifiki se jsiru kull sena fuq bażi ta’ kampjunar u se jkun hemm biss verifika tal-essenzjalità waħda għal kull familja ta’ privattivi. Il-verifiki se jitwettqu abbażi ta’ metodoloġija li tiżgura għażla ġusta u statistikament valida li kapaċi tipproduċi riżultati akkurati biżżejjed dwar il-perċentwal ta’ privattivi verament essenzjali fost l-SEPs reġistrati ta’ kull detentur tal-SEPs.
Jekk matul il-verifika, l-evalwatur ikollu raġunijiet biex jemmen li l-SEP mitlub jista’ ma jkunx essenzjali għall-istandard, huwa għandu jinforma lid-detentur tal-SEP permezz taċ-ċentru ta’ kompetenza bi kwalunkwe raġuni bħal din u jagħti żmien lid-detentur tal-SEP biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. L-evalwatur jagħti l-opinjoni motivata finali tiegħu biss wara li jqis ir-rispons. Id-detentur tal-SEP ikun jista’ jitlob evalwazzjoni bejn il-pari qabel ma tinħareġ opinjoni negattiva mill-evalwatur. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari għandhom iservu biex itejbu l-proċess ta’ verifika tal-essenzjalità u jiżguraw il-konsistenza.
It-Titolu VI tal-proposta jistabbilixxi dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Id-determinazzjoni FRAND trid tinbeda mid-detentur tal-SEP jew mill-implimentatur qabel ma jinbdew proċedimenti tal-qorti rispettivi fl-UE. Determinazzjoni FRAND tista’ tinbeda wkoll minn waħda mill-partijiet b’mod volontarju biex issolvi tilwim relatat mat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
Meta l-parti rispondenti ma tweġibx għat-talba, iċ-ċentru ta’ kompetenza jew jittermina l-proċedura jew, fuq talba tal-parti rikjedenti, ikompli bid-determinazzjoni FRAND. Dan jista’ jkun meħtieġ jew biex jiġi stabbilit li offerta hija FRAND jew biex jiġi ddeterminat l-ammont tat-titolu.
Jekk iż-żewġ partijiet jinvolvu ruħhom fil-proċess, jew f’każ li l-proċedimenti jitkomplew ma’ parti waħda biss, jinħatar konċiljatur. Il-partijiet jew il-parti, kif applikabbli, jintalbu jagħmlu sottomissjonijiet u proposti. Dawn jistgħu jimpenjaw ruħhom ukoll li jikkonformaw mar-riżultat tad-determinazzjoni FRAND. Il-konċiljatur jassistihom b’mod indipendenti u imparzjali fl-isforz tagħhom biex jilħqu determinazzjoni tar-rata FRAND. Il-konċiljatur jingħata s-setgħa li jfittex l-informazzjoni b’mod proattiv, li jikkonsulta l-informazzjoni kollha disponibbli fir-reġistru u fil-bażijiet tad-data, inklużi r-rapporti kunfidenzjali ta’ determinazzjonijiet oħra FRAND u li jisma’ kwalunkwe espert, fejn meħtieġ. Il-konċiljatur jagħmel proposta(i) lill-partijiet. Il-proċedura ma għandhiex iddum aktar minn 9 xhur. Jekk, fl-aħħar tal-proċedura, il-partijiet ikunu għadhom ma qablux, il-konċiljatur jagħmel proposta finali, li l-partijiet jistgħu jaċċettaw jew ma jaċċettawx.
Jekk il-partijiet jaqblu, il-konċiljatur itemm il-proċedura mingħajr rapport. Jekk il-partijiet ma jaqblux fi tmiem il-proċedura, il-konċiljatur itemm il-proċedura u joħroġ rapport dwar id-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Il-parti mhux kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport ikun fiha l-aħħar proposta tagħhom u l-metodoloġija li l-konċiljatur ikun applika għad-determinazzjoni, u tkun disponibbli għall-konsultazzjoni fir-reġistru/fil-bażi(jiet) tad-data.
Jekk parti tfixkel id-determinazzjoni FRAND jew tfittex riżoluzzjoni f’ġurisdizzjonijiet oħra, il-konċiljatur jista’ jipproponi li l-parti l-oħra jew tittermina jew tkompli bil-proċedura. Il-parti li tikkonforma tiddeċiedi kif tipproċedi skont il-ħtiġijiet tagħha.
It-Titolu VII tal-proposta fih dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-trattament tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Iċ-ċentru ta’ kompetenza se joffri taħriġ u se jipprovdi appoġġ dwar kwistjonijiet relatati mas-SEPs għall-mikrointrapriżi, għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju mingħajr ħlas. Il-kostijiet jitħallsu mill-EUIPO. Meta jinnegozjaw liċenzja tal-SEP ma’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, id-detenturi tal-SEPs se jkunu meħtieġa jikkunsidraw li joffrulhom termini u kundizzjonijiet FRAND aktar favorevoli.
It-Titolu VIII tal-proposta fih regoli fir-rigward tat-tariffi u l-imposti għas-servizzi taċ-ċentru ta’ kompetenza. Dawk it-tariffi għandhom ikunu raġonevoli u jirriflettu l-kostijiet għas-servizz mogħti. Il-Kummissjoni se tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina t-tariffi amministrattivi, u t-tariffi għall-opinjonijiet esperti dwar ir-royalties aggregati, l-evalwaturi u l-konċiljaturi, l-ammonti li għandhom jintalbu u l-metodu ta’ pagament. It-tariffi għandhom ikunu xierqa għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.
It-Titolu IX tal-proposta fih dispożizzjonijiet finali. Ir-regolament propost japplika għall-istandards ippubblikati wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu. Jista’ jkun hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu koperti ċerti standards importanti bħall-4G li fuqu jaħdmu ħafna applikazzjonijiet tal-IoT u li għalihom il-liċenzjar tal-SEPs huwa ineffiċjenti. Tali standards għandhom jiġu ddeterminati f’att delegat u jistgħu konsegwentement jiġu nnotifikati liċ-ċentru ta’ kompetenza f’perjodu ta’ żmien limitat wara d-data tal-applikazzjoni biex jinbeda l-proċess ta’ reġistrazzjoni. Dan it-Titolu jinkludi wkoll is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni u l-klawżola ta’ evalwazzjoni u ta’ rieżami. Fl-aħħar nett, it-Titolu fih dispożizzjonijiet biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2017/1001.
2023/0133 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar privattivi essenzjali standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fil-25 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-proprjetà intellettwali, fejn ħabbret l-għanijiet tagħha li tippromwovi t-trasparenza u l-prevedibbiltà fil-liċenzjar ta’ privattivi essenzjali standard (SEPs), inkluż billi ttejjeb is-sistema ta’ liċenzjar tal-SEPs, għall-benefiċċju tal-industrija u tal-konsumaturi tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Il-pjan ta’ azzjoni kien appoġġat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 u mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu
(2)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb il-liċenzjar tal-SEPs, billi jindirizza l-kawżi ta’ liċenzjar ineffiċjenti bħal trasparenza insuffiċjenti fir-rigward tal-SEPs, termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND) u liċenzjar fil-katina tal-valur, u użu limitat ta’ proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim għas-soluzzjoni tat-tilwim FRAND. Dawn kollha flimkien inaqqsu l-ġustizzja u l-effiċjenza ġenerali tas-sistema u jirriżultaw f’kostijiet amministrattivi u tranżazzjonali eċċessivi. Billi jtejjeb il-liċenzjar tal-SEPs, ir-Regolament għandu l-għan li jinċentiva l-parteċipazzjoni mill-kumpaniji Ewropej fil-proċess ta’ żvilupp tal-istandards u l-implimentazzjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji standardizzati bħal dawn, b’mod partikolari fl-industriji tal-Internet tal-Oġġetti (IoT). Għalhekk, dan ir-Regolament isegwi objettivi li huma komplementari għal, iżda differenti minn dawk tal-protezzjoni ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni, iggarantiti mill-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.
(3)L-SEPs huma privattivi li jipproteġu t-teknoloġija li hija inkorporata fi standard. L-SEPs huma “essenzjali” fis-sens li l-implimentazzjoni tal-istandard teħtieġ l-użu tal-invenzjonijiet koperti mill-SEPs. Is-suċċess ta’ standard jiddependi fuq l-implimentazzjoni wiesgħa tiegħu u bħala tali kull parti kkonċernata jenħtieġ li titħalla tuża standard. Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-aċċessibbiltà wiesgħa tal-istandards, l-organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards jitolbu lid-detenturi tal-SEPs li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-istandards biex jimpenjaw ruħhom li jilliċenzjaw dawk il-privattivi fuq termini u kundizzjonijiet FRAND għall-implimentaturi li jagħżlu li jużaw l-istandard. L-impenn FRAND huwa impenn kuntrattwali volontarju mogħti mid-detentur tal-SEP għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi, u għandu jiġi rrispettat bħala tali wkoll minn detenturi sussegwenti tal-SEP. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-privattivi li huma essenzjali għal standard li ġie ppubblikat minn organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards, li magħha d-detentur tal-SEP ikun impenja ruħu li jilliċenzja l-SEPs tiegħu b’termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND) u li ma huwiex soġġett għal politika dwar il-proprjetà intellettwali ħielsa mir-royalties, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
(4)Hemm relazzjonijiet kummerċjali u prattiki ta’ liċenzjar stabbiliti sew għal ċerti każijiet ta’ użu ta’ standards, bħall-istandards għall-komunikazzjonijiet bla fili, b’iterazzjonijiet fuq diversi ġenerazzjonijiet li jwasslu għal dipendenza reċiproka konsiderevoli u valur sinifikanti li jirriżulta b’mod viżibbli kemm għad-detenturi tal-SEP kif ukoll għall-implimentaturi. Hemm każijiet oħra, tipikament aktar ġodda ta’ użu – xi drabi tal-istess standards jew subsettijiet tagħhom – bi swieq inqas maturi, komunitajiet ta’ implimentazzjoni aktar mifruxa u inqas konsolidati, li għalihom in-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tar-royalties u ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ liċenzjar u l-prospett ta’ valutazzjonijiet u valwazzjonijiet kumplessi tal-privattivi u litigazzjoni relatata huma ta’ piż akbar fuq l-inċentivi biex jintużaw teknoloġiji standardizzati fi prodotti innovattivi. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat rispons proporzjonat u mmirat tajjeb, ċerti proċeduri skont dan ir-Regolament, jiġifieri d-determinazzjoni tar-royalties aggregati u d-determinazzjoni obbligatorja FRAND qabel il-litigazzjoni, ma għandhomx jiġu applikati għal każijiet ta’ użu identifikati ta’ ċerti standards jew partijiet minnhom li għalihom hemm biżżejjed evidenza li n-negozjati tal-liċenzjar tal-SEP dwar it-termini FRAND ma jwasslux għal diffikultajiet jew ineffiċjenzi sinifikanti.
(5)Billi t-trasparenza fil-liċenzjar tal-SEPs jenħtieġ li tistimula ambjent ta’ investiment ibbilanċjat, tul il-ktajjen tal-valur kollha tas-Suq Uniku, b’mod partikolari għal każijiet ta’ użu ta’ teknoloġija emerġenti li jirfdu l-objettivi tal-Unjoni ta’ tkabbir ekoloġiku, diġitali u reżiljenti, ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal standards jew partijiet minnhom, ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fejn l-ineffiċjenzi fil-liċenzjar tal-SEPs rilevanti jfixklu serjament il-funzjonament tas-suq intern. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-fallimenti tas-suq li jfixklu l-investiment fis-Suq Uniku, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi jew l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li għadhom fil-bidu u każijiet ta’ użu emerġenti. Għalhekk, filwaqt li tqis dawk il-kriterji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina permezz ta’ att delegat l-istandards jew partijiet minnhom li jkunu ġew ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-każijiet ta’ użu rilevanti, li għalihom jistgħu jiġu rreġistrati l-SEPs.
(6)Minħabba li jenħtieġ li jsir impenn FRAND għal kwalunkwe SEP għal kwalunkwe standard maħsub għal applikazzjoni ripetuta u kontinwa, it-tifsira tal-istandards jenħtieġ li tkun usa’ minn dik fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(7)Il-liċenzjar skont it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND jinkludi l-liċenzjar mingħajr ħlas ta’ royalties. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet jirriżultaw minn politiki ta’ liċenzjar li jġorru r-royalties, dan ir-Regolament ma japplikax għal-liċenzjar ħieles mir-royalties.
(8)Fid-dawl tal-karattru globali tal-liċenzjar tal-SEPs, ir-referenzi għad-determinazzjoni tar-royalties aggregati u ta’ FRAND jistgħu jirreferu għar-royalties aggregati globali u għad-determinazzjonijiet FRAND globali, jew kif miftiehem mod ieħor mill-partijiet ikkonċernati notifikanti jew mill-partijiet fil-proċedimenti.
(9)Fl-Unjoni, l-iffissar tal-istandards u l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni relatati mal-obbligu FRAND għal privattivi essenzjali standard huma ggwidati mil-Linji Gwida Orizzontali u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015 fil-kawża C-170/13, Huawei Technologies Co. Ltd vs ZTE Corp. and ZTE Deutschland GmbH. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt ta’ detentur ta’ SEP li jfittex li jinforza l-privattivi tiegħu fil-qrati nazzjonali soġġett għal ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mid-detentur tal-SEP meta jfittex mandat ta’ inibizzjoni. Peress li privattiva tagħti lid-detentur tagħha d-dritt esklużiv li jipprevjeni lil kwalunkwe parti terza milli tuża l-invenzjoni mingħajr il-kunsens tad-detentur biss fil-ġuriżdizzjoni li għaliha tkun inħarġet, it-tilwim dwar il-privattivi huwa regolat mil-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi u mill-proċedimenti ċivili u/jew mil-liġijiet ta’ infurzar armonizzati mid-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(10)Peress li hemm proċeduri speċifiċi għall-valutazzjoni tal-validità u l-ksur tal-privattivi, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax tali proċeduri.
(11)Kwalunkwe referenza għal qorti kompetenti ta’ Stat Membru f’dan ir-Regolament tinkludi l-Qorti Unifikata tal-Privattivi fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.
(12)Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jenħtieġ li jwettaq il-kompiti rilevanti permezz ta’ ċentru ta’ kompetenza. L-EUIPO għandu esperjenza estensiva fil-ġestjoni tal-bażijiet tad-data, tar-reġistri elettroniċi u tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, li huma aspetti ewlenin tal-funzjonijiet assenjati skont dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ li ċ-ċentru ta’ kompetenza jkun mgħammar bir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu.
(13)Iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jistabbilixxi u jamministra reġistru elettroniku u bażi tad-data elettronika li jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar l-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar, inklużi r-riżultati tal-verifika tal-essenzjalità, l-opinjonijiet, ir-rapporti, il-ġurisprudenza disponibbli minn ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja, ir-regoli relatati mal-SEPs f’pajjiżi terzi, u r-riżultati tal-istudji speċifiċi għall-SEPs. Sabiex titqajjem kuxjenza u jiġi ffaċilitat il-liċenzjar tal-SEPs għall-SMEs, iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li joffri assistenza lill-SMEs. L-istabbiliment u l-amministrazzjoni ta’ sistema għall-verifiki tal-essenzjalità u l-proċessi għad-determinazzjoni tar-royalties aggregati u għad-determinazzjoni FRAND miċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jinkludu azzjonijiet li jtejbu s-sistema u l-proċessi fuq bażi kontinwa, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda. F’konformità ma’ dan l-objettiv, iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jistabbilixxi proċeduri ta’ taħriġ għall-evalwaturi tal-essenzjalità u għall-konċiljaturi dwar l-għoti ta’ opinjonijiet dwar ir-royalties aggregati kif ukoll dwar id-determinazzjoni FRAND u jenħtieġ li jinkoraġġixxi l-konsistenza fil-prattiki tagħhom.
(14)Iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jkun is-suġġett tar-regoli tal-Unjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti u l-protezzjoni tad-data. Il-kompiti tiegħu jenħtieġ li jitfasslu biex tiżdied it-trasparenza billi l-informazzjoni eżistenti rilevanti għall-SEPs issir disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha b’mod ċentralizzat u sistematiku. Għalhekk, irid isir bilanċ bejn l-aċċess pubbliku liberu għal informazzjoni bażika u l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat il-funzjonament taċ-ċentru ta’ kompetenza. Sabiex jiġu koperti l-kostijiet tal-manutenzjoni, jenħtieġ li tintalab tariffa tar-reġistrazzjoni għall-aċċess għal informazzjoni dettaljata li tinsab fil-bażi tad-data, bħar-riżultati ta’ kwalunkwe kontroll tal-essenzjalità u rapporti ta’ determinazzjoni FRAND.
(15)L-għarfien tar-royalties totali potenzjali għall-SEPs kollha li jkopru standard (royalties aggregati) applikabbli għall-implimentazzjonijiet ta’ dak l-istandard huwa importanti għall-valutazzjoni tal-ammont tar-royalties għal prodott, li għandu rwol sinifikanti għad-determinazzjonijiet tal-kostijiet tal-manifattur. Dan jgħin ukoll lid-detentur tal-SEP biex jippjana r-redditu mistenni fuq l-investiment. Il-pubblikazzjoni tar-royalties aggregati mistennija u t-termini u l-kundizzjonijiet standard ta’ liċenzjar għal standard partikolari jiffaċilitaw il-liċenzjar tal-SEP u jnaqqsu l-kost tal-liċenzjar tal-SEP. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-informazzjoni dwar ir-rati totali tar-royalties (royalties aggregati) u t-termini u l-kundizzjonijiet FRAND standard tal-liċenzjar isiru pubbliċi.
(16)Jenħtieġ li d-detenturi tal-SEPs ikollhom l-opportunità li l-ewwel jinformaw liċ-ċentru ta’ kompetenza dwar il-pubblikazzjoni tal-istandard jew tar-royalties aggregati li jkunu qablu bejniethom. Ħlief għal dawk il-każijiet ta’ użu ta’ standards li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi li hemm prattiki ta’ liċenzjar stabbiliti sew u li jiffunzjonaw sew tal-SEPs, iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jassisti lill-partijiet fid-determinazzjoni rilevanti tar-royalties aggregati. F’dan il-kuntest, jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar royalties aggregati fost id-detenturi tal-SEPs, ċerti detenturi ta’ SEPs jistgħu jitolbu liċ-ċentru ta’ kompetenza jaħtar konċiljatur biex jassisti lid-detenturi ta’ SEP li jkunu lesti jipparteċipaw fil-proċess tad-determinazzjoni ta’ royalties aggregati għall-SEPs li jkopru l-istandard rilevanti. F’dan il-każ, ir-rwol tal-konċiljatur jkun li jiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet mid-detenturi tal-SEP parteċipanti mingħajr ma jagħmel ebda rakkomandazzjoni għal royalties aggregati. Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm parti terza indipendenti, espert, li jista’ jirrakkomanda royalties aggregati. Għalhekk, jenħtieġ li d-detenturi tal-SEP u/jew l-implimentaturi jkunu jistgħu jitolbu liċ-ċentru ta’ kompetenza għal opinjoni esperta dwar royalties aggregati. Meta ssir talba bħal din, iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jaħtar bord ta’ konċiljaturi u jamministra proċess li fih il-partijiet ikkonċernati interessati kollha jiġu mistiedna jipparteċipaw. Wara li jirċievi informazzjoni mill-parteċipanti kollha, il-bord jenħtieġ li jipprovdi opinjoni esperta mhux vinkolanti għal royalties aggregati. L-opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati jenħtieġ li jkun fiha analiżi mhux kunfidenzjali tal-impatt mistenni tar-royalties aggregati fuq id-detenturi tal-SEP u fuq il-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur. Importanti f’dan ir-rigward ikun li jiġu kkunsidrati fatturi bħal, l-effiċjenza tal-liċenzjar tal-SEPs, inkluż għarfien minn kwalunkwe regola jew prattika abitwali għal-liċenzjar tal-proprjetà intellettwali fil-katina tal-valur u l-liċenzjar reċiproku, u l-impatt fuq l-inċentivi għall-innovazzjoni tad-detenturi tal-SEPs u ta’ partijiet ikkonċernati differenti fil-katina tal-valur.
(17)F’konformità mal-prinċipji ġenerali u l-objettivi tat-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-istandardizzazzjoni Ewropea, ir-reġistru ċentralizzat jenħtieġ li jagħmel informazzjoni dwar in-numru ta’ SEPs applikabbli għal standard, is-sjieda ta’ SEPs rilevanti, u l-partijiet tal-istandard koperti mill-SEPs disponibbli pubblikament. Ir-reġistru u l-bażi tad-data se jkun fihom informazzjoni dwar l-istandards, il-prodotti, il-proċessi, is-servizzi u s-sistemi rilevanti, li jimplimentaw l-istandard, l-SEPs fis-seħħ fl-UE, it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND standard tal-liċenzjar tal-SEPs jew kwalunkwe programm ta’ liċenzjar, il-programmi ta’ liċenzjar kollettiv u l-essenzjalità. Għad-detenturi tal-SEPs, ir-reġistru se joħloq trasparenza fir-rigward tal-SEPs rilevanti, is-sehem tagħhom tal-SEPs kollha ddikjarati għall-istandard u l-karatteristiċi tal-istandard kopert mill-privattivi. Id-detenturi tal-SEPs se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jifhmu kif il-portafolli tagħhom jitqabblu mal-portafolli ta’ detenturi ta’ SEPs oħrajn. Dan huwa importanti mhux biss għan-negozjati mal-implimentaturi iżda wkoll għall-fini ta’ liċenzjar reċiproku ma’ detenturi oħra tal-SEPs. Għall-implimentaturi, ir-reġistru se jipprovdi sors affidabbli ta’ informazzjoni dwar l-SEPs, inkluż fir-rigward tad-detenturi tal-SEPs li mingħandhom l-implimentatur jista’ jkollu bżonn jikseb liċenzja. Id-disponibbiltà ta’ tali informazzjoni fir-reġistru se tgħin ukoll biex jitnaqqas it-tul tad-diskussjonijiet tekniċi matul l-ewwel stadju tan-negozjati tal-liċenzjar tal-SEPs.
(18)Ladarba jiġi nnotifikat standard jew jiġu speċifikati royalties aggregati, skont liema minnhom isir l-ewwel, iċ-ċentru ta’ kompetenza jiftaħ ir-reġistrazzjoni tal-SEPs mid-detenturi tal-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar.
(19)Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-SEPs, huwa xieraq li d-detenturi tal-SEPs jintalbu jirreġistraw il-privattivi tagħhom li huma essenzjali għall-istandard li għalih tinfetaħ ir-reġistrazzjoni. Id-detenturi tal-SEPs jenħtieġ li jirreġistraw l-SEPs tagħhom fi żmien 6 xhur wara l-ftuħ tar-reġistrazzjoni miċ-ċentru ta’ kompetenza jew l-għoti tal-SEPs rilevanti, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. F’każ ta’ reġistrazzjoni f’waqtha, id-detenturi tal-SEPs jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġbru r-royalties u jitolbu d-danni għall-użi u għall-ksur li seħħew qabel ir-reġistrazzjoni.
(20)Id-detenturi tal-SEPs jistgħu jirreġistraw wara l-limitu ta’ żmien indikat. Madankollu, f’dak il-każ, id-detenturi tal-SEPs jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jiġbru royalties u jitolbu danni għall-perjodu ta’ dewmien.
(21)Jenħtieġ li l-klawżoli fil-ftehim ta’ liċenzjar li jistabbilixxu royalties għal għadd kbir ta’ privattivi – preżenti jew futuri – ma jiġux affettwati mill-invalidità, min-nuqqas ta’ essenzjalità, jew min-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ numru żgħir ta’ dawk il-privattivi meta dawn ma jaffettwawx l-ammont globali u l-infurzabbiltà tar-royalties jew ta’ klawżoli oħrajn f’tali ftehimiet.
(22)Id-detenturi tal-SEPs jenħtieġ li jiżguraw li r-reġistrazzjoni/reġistrazzjonijiet tal-SEPs tagħhom jiġu aġġornati. L-aġġornamenti jenħtieġ li jiġu rreġistrati fi żmien 6 xhur għal bidliet rilevanti fl-istatus, inklużi s-sjieda, is-sejbiet ta’ invalidazzjoni jew bidliet applikabbli oħra li jirriżultaw minn impenji kuntrattwali jew minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. In-nuqqas ta’ aġġornament tar-reġistrazzjoni jista’ jwassal għas-sospensjoni tar-reġistrazzjoni tal-SEP mir-reġistru.
(23)Detentur ta’ SEP jista’ jitlob ukoll il-modifika ta’ reġistrazzjoni tal-SEP. Parti kkonċernata tista’ titlob ukoll il-modifika ta’ reġistrazzjoni ta’ SEP, jekk tista’ turi li r-reġistrazzjoni ma hijiex preċiża abbażi ta’ deċiżjoni definittiva minn awtorità pubblika. SEP jista’ jitneħħa biss mir-reġistru fuq talba tad-detentur tal-SEP, jekk il-privattiva tkun skadiet, tkun ġiet invalidata jew tinstab li ma hijiex essenzjali b’deċiżjoni finali ta’ qorti kompetenti ta’ Stat Membru jew tinstab mhux essenzjali skont dan ir-Regolament.
(24)Sabiex tiġi żgurata ulterjorment il-kwalità tar-reġistru u tiġi evitata r-reġistrazzjoni żejda, jenħtieġ li l-verifiki tal-essenzjalità jitwettqu wkoll b’mod aleatorju minn evalwaturi indipendenti magħżula skont kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li jiġi vverifikat SEP wieħed biss mill-istess familja ta’ privattivi għall-essenzjalità.
(25)Dawn il-verifiki tal-essenzjalità jenħtieġ li jitwettqu fuq kampjunar mill-portafolli tal-SEPs sabiex jiġi żgurat li l-kampjun ikun kapaċi jipproduċi riżultati statistikament validi. Ir-riżultati tal-verifiki tal-essenzjalità inklużi fil-kampjun jenħtieġ li jiddeterminaw il-proporzjon ta’ SEPs ivverifikati b’mod pożittiv mill-SEPs kollha rreġistrati minn kull detentur ta’ SEPs. Ir-rata tal-essenzjalità jenħtieġ li tiġi aġġornata kull sena.
(26)Id-detenturi jew l-implimentaturi tal-SEPs jistgħu jiddeżinjaw ukoll sa 100 SEP irreġistrat kull sena għall-verifiki tal-essenzjalità. Jekk l-SEPs magħżula minn qabel jiġu kkonfermati bħala essenzjali, id-detenturi tal-SEPs jistgħu jużaw din l-informazzjoni fin-negozjati u bħala evidenza fil-qrati, mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ implimentatur li jikkontesta l-essenzjalità ta’ SEP reġistrat fil-qorti. L-SEPs magħżula ma jkollhom l-ebda effett fuq il-proċess tal-kampjunar peress li l-kampjun jenħtieġ li jintgħażel mill-SEPs reġistrati kollha ta’ kull detentur tal-SEPs. Jekk SEP magħżul minn qabel u SEP magħżul għas-sett ta’ kampjun ikunu l-istess, jenħtieġ li ssir verifika tal-essenzjalità waħda biss. Jenħtieġ li l-verifiki tal-essenzjalità ma jiġux ripetuti fuq SEPs mill-istess familja tal-privattivi.
(27)Kwalunkwe valutazzjoni tal-essenzjalità tal-SEPs imwettqa minn entità indipendenti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, pereżempju permezz ta’ gruppi ta’ privattivi, kif ukoll determinazzjonijiet tal-essenzjalità mill-awtoritajiet ġudizzjarji jenħtieġ li jiġu indikati fir-reġistru. Jenħtieġ li dawk l-SEPs ma jiġux ivverifikati mill-ġdid għall-essenzjalità wara li l-evidenza rilevanti li tappoġġa l-informazzjoni fir-reġistru tiġi pprovduta liċ-ċentru ta’ kompetenza.
(28)L-evalwaturi jenħtieġ li jaħdmu b’mod indipendenti f’konformità mar-regoli ta’ proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta li għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni. Id-detentur tal-SEP ikun jista’ jitlob evalwazzjoni bejn il-pari qabel il-ħruġ ta’ opinjoni motivata. Sakemm SEP ma tkunx is-suġġett ta’ rieżami bejn il-pari, ma jkun hemm l-ebda rieżami ulterjuri tar-riżultati tal-verifika tal-essenzjalità. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari jenħtieġ li jservu biex itejbu l-proċess ta’ verifika tal-essenzjalità, biex jidentifikaw u jirrimedjaw in-nuqqasijiet u jtejbu l-konsistenza.
(29)Iċ-ċentru ta’ kompetenza jippubblika r-riżultati tal-verifiki tal-essenzjalità, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, fir-reġistru u fil-bażi tad-data. Ir-riżultati tal-verifiki tal-essenzjalità ma jkunux legalment vinkolanti. Għalhekk, kwalunkwe tilwima sussegwenti fir-rigward tal-essenzjalità jkollha tiġi indirizzata fil-qorti rilevanti. Ir-riżultati mill-verifiki tal-essenzjalità, kemm jekk mitluba minn detentur tal-SEPs kif ukoll jekk ibbażati fuq kampjun, jistgħu, madankollu, jintużaw għall-fini li tintwera l-essenzjalità ta’ dawk l-SEPs fin-negozjati, f’ġabriet ta’ privattivi u fil-qorti.
(30)Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni u l-obbligi li jirriżultaw previsti f’dan ir-Regolament ma jiġux evitati billi jitneħħa SEP mir-reġistru. Meta evalwatur isib li SEP iddikjarat ma huwiex essenzjali, id-detentur tal-SEP biss jista’ jitlob it-tneħħija tiegħu mir-reġistru u biss wara li jkun tlesta l-proċess ta’ kampjunar annwali u jkun ġie stabbilit u ppubblikat il-proporzjon ta’ SEPs veri mill-kampjun.
(31)L-għan tal-impenn FRAND huwa li jiffaċilita l-adozzjoni u l-użu tal-istandard billi jagħmel l-SEPs disponibbli għall-implimentaturi fuq termini ġusti u raġonevoli u li jipprovdi lid-detentur tal-SEP redditu ġust u raġonevoli għall-innovazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-għan aħħari tal-azzjonijiet ta’ infurzar mid-detenturi tal-SEPs jew l-azzjonijiet miġjuba mill-implimentaturi bbażati fuq ir-rifjut ta’ liċenzja tad-detentur tal-SEP jenħtieġ li jkun li jikkonkludu ftehim ta’ liċenzja FRAND. L-għan ewlieni tar-Regolament f’dan ir-rigward huwa li jiffaċilita n-negozjati u s-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet. L-iżgurar tal-aċċess għal modi rapidi, ġusti u kosteffiċjenti biex jiġi solvut it-tilwim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND jenħtieġ li jkun ta’ benefiċċju kemm għad-detenturi tal-SEPs kif ukoll għall-implimentaturi. Bħala tali, mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jiffunzjona kif suppost biex jiġu ddeterminati t-termini FRAND (determinazzjoni FRAND) jista’ joffri benefiċċji sinifikanti għall-partijiet kollha. Parti tista’ titlob determinazzjoni FRAND sabiex turi li l-offerta tagħha hija FRAND jew biex tipprovdi garanzija, meta jinvolvu ruħhom b’rieda tajba.
(32)Id-determinazzjoni FRAND jenħtieġ li tissimplifika u tħaffef in-negozjati dwar it-termini FRAND u tnaqqas il-kostijiet. L-EUIPO jenħtieġ li jamministra l-proċedura. Iċ-ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li joħloq roster ta’ konċiljaturi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti ta’ kompetenza u indipendenza, kif ukoll repożitorju ta’ rapporti mhux kunfidenzjali (il-verżjoni kunfidenzjali tar-rapporti se tkun aċċessibbli biss mill-partijiet u mill-konċiljaturi). Il-konċiljaturi jenħtieġ li jkunu persuni newtrali b’esperjenza estensiva fis-soluzzjoni tat-tilwim u fehim sostanzjali tal-ekonomija tal-liċenzjar skont it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
(33)Id-determinazzjoni FRAND tkun pass obbligatorju qabel detentur ta’ SEP ikun jista’ jibda proċedimenti ta’ ksur tal-privattivi jew implimentatur ikun jista’ jitlob determinazzjoni jew valutazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND li jikkonċernaw SEP quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru. Madankollu, jenħtieġ li l-obbligu li tinbeda determinazzjoni FRAND qabel il-proċedimenti tal-qorti rilevanti ma jkunx meħtieġ għall-SEPs li jkopru dawk il-każijiet ta’ użu ta’ standards li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi li ma hemm l-ebda diffikultà jew ineffiċjenzi sinifikanti fil-liċenzjar skont termini FRAND.
(34)Kull parti tista’ tagħżel jekk tixtieqx tinvolvi ruħha fil-proċedura u timpenja ruħha li tikkonforma mal-eżitu tagħha. Meta parti ma tirrispondix għat-talba ta’ determinazzjoni FRAND jew ma tintrabatx li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND, jenħtieġ li l-parti l-oħra tkun tista’ titlob jew it-terminazzjoni jew il-kontinwazzjoni unilaterali tad-determinazzjoni FRAND. Jenħtieġ li tali parti ma tkunx esposta għal litigazzjoni matul iż-żmien tad-determinazzjoni FRAND. Fl-istess ħin, id-determinazzjoni FRAND jenħtieġ li tkun proċedura effettiva biex il-partijiet jilħqu ftehim qabel il-litigazzjoni jew biex jiksbu determinazzjoni li għandha tintuża fi proċedimenti ulterjuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-parti jew il-partijiet li jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND u li jinvolvu ruħhom kif xieraq fil-proċedura jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-tlestija tagħha.
(35)Jenħtieġ li l-obbligu li tinbeda d-determinazzjoni FRAND ma jkunx ta’ detriment għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-partijiet. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-parti li timpenja ruħha li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND filwaqt li l-parti l-oħra tonqos milli tagħmel dan tkun intitolata li tibda proċedimenti quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti sakemm issir id-determinazzjoni FRAND. Barra minn hekk, jenħtieġ li kwalunkwe parti tkun tista’ titlob mandat ta’ inibizzjoni provviżorju ta’ natura finanzjarja quddiem il-qorti kompetenti. F’sitwazzjoni fejn ikun ingħata impenn FRAND mid-detentur rilevanti tal-SEP, il-mandati ta’ inibizzjoni provviżorji ta’ natura finanzjarja adegwata u proporzjonata jenħtieġ li jipprovdu l-protezzjoni ġudizzjarja meħtieġa lid-detentur tal-SEP li jkun qabel li jagħti liċenzja lill-SEP tiegħu skont it-termini FRAND, filwaqt li l-implimentatur jenħtieġ li jkun jista’ jikkontesta l-livell tar-royalties FRAND u jiġbor difiża dwar in-nuqqas ta’ essenzjalità jew l-invalidità tal-SEP. F’dawk is-sistemi nazzjonali li jeħtieġu l-bidu tal-proċedimenti fuq il-merti tal-każ bħala kundizzjoni biex jintalbu l-miżuri interim ta’ natura finanzjarja, jenħtieġ li jkun possibbli li jinbdew proċedimenti bħal dawn, iżda l-partijiet jenħtieġ li jitolbu li l-każ jiġi sospiż matul id-determinazzjoni FRAND. Meta jiġi ddeterminat liema livell tal-mandat ta’ inibizzjoni provviżorju ta’ natura finanzjarja għandu jitqies adegwat f’każ partikolari, jenħtieġ li titqies, fost l-oħrajn, il-kapaċità ekonomika tal-applikant u l-effetti potenzjali għall-effettività tal-miżuri applikati, b’mod partikolari għall-SMEs, inkluż sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ tali miżuri. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li ladarba d-determinazzjoni FRAND tintemm, il-firxa kollha ta’ miżuri, inklużi miżuri provviżorji, kawtelatorji u korrettivi, jenħtieġ li tkun disponibbli għall-partijiet.
(36)Meta l-partijiet jidħlu fid-determinazzjoni FRAND, jenħtieġ li jagħżlu konċiljatur għad-determinazzjoni FRAND mir-roster. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, iċ-ċentru ta’ kompetenza jagħżel il-konċiljatur. Id-determinazzjoni FRAND jenħtieġ li tiġi konkluża fi żmien 9 xhur. Dan iż-żmien ikun meħtieġ għal proċedura li tiżgura li d-drittijiet tal-partijiet jiġu rrispettati u fl-istess ħin tkun rapida biżżejjed biex jiġi evitat dewmien fil-konklużjoni tal-liċenzji. Il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim fi kwalunkwe ħin matul il-proċess, li jirriżulta fit-terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND.
(37)Mal-ħatra, iċ-ċentru ta’ konċiljazzjoni jenħtieġ li jirreferi d-determinazzjoni FRAND lill-konċiljatur, li jenħtieġ li jeżamina jekk it-talba fihiex l-informazzjoni meħtieġa, u jikkomunika l-iskeda ta’ proċedura lill-partijiet jew lill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND.
(38)Il-konċiljatur jenħtieġ li jeżamina s-sottomissjonijiet u s-suġġerimenti tal-partijiet għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, u jqis il-passi rilevanti tan-negozjati, fost ċirkostanzi rilevanti oħra. Jenħtieġ li l-konċiljatur, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ parti, ikun jista’ jitlob lill-partijiet jissottomettu evidenza li jqis meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu tiegħu. Jenħtieġ li jkun jista’ jeżamina wkoll l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u r-reġistru u r-rapporti taċ-ċentru ta’ kompetenza ta’ determinazzjonijiet oħra FRAND, kif ukoll dokumenti u informazzjoni mhux kunfidenzjali prodotti minn jew sottomessi liċ-ċentru ta’ kompetenza.
(39)Jekk parti tonqos milli tinvolvi ruħha fid-determinazzjoni FRAND wara li jkun inħatar il-konċiljatur, il-parti l-oħra tista’ titlob it-terminazzjoni jew tista’ titlob li l-konċiljatur joħroġ rakkomandazzjoni għal determinazzjoni FRAND abbażi tal-informazzjoni li kienet kapaċi tivvaluta.
(40)Jekk parti tibda proċedura f’ġuriżdizzjoni barra mill-Unjoni li tirriżulta f’deċiżjonijiet legalment vinkolanti u infurzabbli rigward l-istess standard li huwa soġġett għad-determinazzjoni FRAND u l-implimentazzjoni tagħhom, jew li tinkludi SEPs mill-istess familja ta’ privattivi bħall-SEPs soġġetti għad-determinazzjoni FRAND u li tinvolvi waħda jew aktar mill-partijiet fid-determinazzjoni FRAND bħala parti; qabel jew matul id-determinazzjoni FRAND minn parti, il-konċiljatur, jew fejn ma jkunx ġie maħtur jew stabbilit, iċ-ċentru ta’ kompetenza, jenħtieġ li jkun jista’ jittermina l-proċedura fuq it-talba tal-parti l-oħra.
(41)Fil-konklużjoni tal-proċedura, il-konċiljatur jenħtieġ li jagħmel proposta li tirrakkomanda t-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Kwalunkwe parti jenħtieġ li jkollha l-għażla li taċċetta jew li tirrifjuta l-proposta. Jekk il-partijiet ma jilħqux ftehim u/jew ma jaċċettawx il-proposta tiegħu, il-konċiljatur jenħtieġ li jabbozza rapport tad-determinazzjoni FRAND. Ir-rapport ikollu verżjoni kunfidenzjali u oħra mhux kunfidenzjali. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport jenħtieġ li jkun fiha l-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND u l-metodoloġija użata u jenħtieġ li tiġi pprovduta liċ-ċentru ta’ kompetenza għall-pubblikazzjoni sabiex tinforma kwalunkwe determinazzjoni FRAND sussegwenti bejn il-partijiet u partijiet ikkonċernati oħra involuti f’negozjati simili. Għalhekk, ir-rapport ikollu l-għan doppju li jħeġġeġ lill-partijiet jilħqu ftehim u li jipprovdi trasparenza fir-rigward tal-proċess u t-termini rakkomandati FRAND f’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil.
(42)Ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tad-detenturi tal-privattivi (l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE), għalkemm jinkludi restrizzjoni fuq il-kapaċità li jiġi infurzat SEP li ma jkunx ġie rreġistrat f’ċertu limitu ta’ żmien u jintroduċi rekwiżit li titwettaq determinazzjoni FRAND qabel ma jiġu infurzati SEPs individwali. Il-limitazzjoni fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija permessa skont il-Karta tal-UE, dment li jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti sakemm dawk ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu għall-objettivi ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwux, fir-rigward tal-għan segwit, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tikser l-essenza proprja tad-drittijiet garantiti. F’dak ir-rigward, dan ir-Regolament huwa fl-interess pubbliku fis-sens li jipprovdi informazzjoni u eżitu uniformi, miftuħa u prevedibbli dwar l-SEPs għall-benefiċċju tad-detenturi tal-SEPs, tal-implimentaturi u tal-utenti finali, fil-livell tal-Unjoni. Dan għandu l-għan li jxerred it-teknoloġija għall-vantaġġ reċiproku tad-detenturi u l-implimentaturi tal-SEP. Barra minn hekk, ir-regoli dwar id-determinazzjoni FRAND huma temporanji u għalhekk limitati u mmirati lejn it-titjib u s-simplifikazzjoni tal-proċess iżda fl-aħħar mill-aħħar ma humiex vinkolanti.
(43)Id-determinazzjoni FRAND hija konsistenti wkoll mad-dritt għal rimedju effettiv u għall-aċċess għall-ġustizzja kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li l-implimentatur u d-detentur tal-SEP iżommu dak id-dritt bis-sħiħ. F’każ ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt, l-esklużjoni tad-dritt għal infurzar effettiv hija limitata u meħtieġa u tissodisfa l-objettivi tal-interess ġenerali. Kif ikkonfermat mill-QĠUE, il-provvista ta’ soluzzjoni obbligatorja għat-tilwim bħala prekundizzjoni għall-aċċess għall-qrati kompetenti tal-Istati Membri titqies kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Id-determinazzjoni FRAND issegwi l-kundizzjonijiet għas-soluzzjoni obbligatorja tat-tilwim deskritta fis-sentenzi tal-QĠUE, filwaqt li tqis il-karatteristiċi partikolari tal-liċenzjar tal-SEPs.
(44)Meta jiġu ddeterminati r-royalties aggregati u jsiru d-determinazzjonijiet FRAND, jenħtieġ li l-konċiljaturi jqisu b’mod partikolari kwalunkwe acquis tal-Unjoni u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jappartjenu għall-SEPs kif ukoll il-gwida maħruġa skont dan ir-Regolament, il-Linji Gwida Orizzontali u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 “Setting out the EU approach to Standard Essential Patents”. Barra minn hekk, il-konċiljaturi jenħtieġ li jikkunsidraw kwalunkwe opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati jew fin-nuqqas tagħhom, jenħtieġ li jitolbu informazzjoni mill-partijiet qabel ma jagħmlu il-proposti finali tagħhom kif ukoll il-gwida maħruġa skont dan ir-Regolament.
(45)Il-liċenzjar tal-SEPs jista’ joħloq frizzjoni fil-ktajjen tal-valur li s’issa ma ġewx esposti għall-SEPs. Għalhekk, huwa importanti li ċ-ċentru ta’ kompetenza jqajjem kuxjenza dwar il-liċenzjar tal-SEPs fil-katina tal-valur permezz ta’ kwalunkwe għodda għad-dispożizzjoni tiegħu. Fatturi oħra jinkludu l-kapaċità tal-manifatturi upstream li jgħaddu l-kost ta’ liċenzja tal-SEPs downstream u kwalunkwe impatt potenzjali tal-klawżoli ta’ indennizz eżistenti f’katina tal-valur.
(46)L-SMEs jistgħu jkunu involuti fil-liċenzjar tal-SEPs kemm bħala detenturi tal-SEP kif ukoll bħala implimentaturi. Filwaqt li bħalissa hemm ftit SMEs li huma detenturi tal-SEPs, l-effiċjenzi prodotti b’dan ir-Regolament x’aktarx jiffaċilitaw il-liċenzjar tal-SEPs tagħhom. Huma meħtieġa kundizzjonijiet addizzjonali biex jittaffa l-piż tal-kostijiet fuq dawn l-SMEs bħal tariffi amministrattivi mnaqqsa u tariffi potenzjalment imnaqqsa għall-verifiki tal-essenzjalità u l-konċiljazzjoni minbarra l-appoġġ u t-taħriġ bla ħlas. L-SEPs tal-intrapriżi mikro u żgħar jenħtieġ li ma jkunux is-suġġett ta’ kampjunar għall-kontroll tal-essenzjalità, iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproponu SEPs għall-verifiki tal-essenzjalità jekk ikunu jixtiequ. L-implimentaturi tal-SMEs jenħtieġ li jibbenefikaw bl-istess mod minn tariffi ta’ aċċess imnaqqsa u appoġġ u taħriġ bla ħlas. Fl-aħħar nett, id-detenturi tal-SEPs jenħtieġ li jiġu mħeġġa jinċentivaw il-liċenzjar mill-SMEs permezz ta’ skontijiet jew eżenzjonijiet ta’ volum baxx mir-royalties FRAND.
(47)Sabiex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-entrati li għandhom jiddaħħlu fir-reġistru jew fir-rigward tad-determinazzjoni tal-istandards eżistenti rilevanti jew biex jiġu identifikati każijiet ta’ użu ta’ standards jew partijiet minnhom li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi li ma hemm l-ebda diffikultà jew ineffiċjenzi sinifikanti fil-liċenzjar skont termini FRAND. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(48)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta r-rekwiżiti dettaljati għall-għażla tal-evalwaturi u tal-konċiljaturi, minbarra li tadotta r-regoli ta’ proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-evalwaturi u l-konċiljaturi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta wkoll ir-regoli tekniċi għall-għażla ta’ kampjun ta’ SEPs għal verifiki tal-essenzjalità u l-metodoloġija għat-twettiq ta’ tali verifiki tal-essenzjalità mill-evalwaturi u mill-evalwaturi tal-pari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina wkoll kwalunkwe tariffa amministrattiva għas-servizzi tagħha fir-rigward tal-kompiti skont dan ir-Regolament u t-tariffi għall-evalwaturi tas-servizzi, għall-esperti u għall-konċiljaturi, għad-derogi tagħhom u għall-metodi ta’ ħlas u tadattahom kif meħtieġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina wkoll l-istandards jew partijiet minnhom li jkunu ġew ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li għalihom jistgħu jiġu rreġistrati l-SEPs. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(49)Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi emendat biex jagħti s-setgħa lill-EUIPO li jieħu f’idejh il-kompiti skont dan ir-Regolament. Il-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jiġu estiżi wkoll biex jinkludu s-setgħat mogħtija lilu skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, iċ-ċentru ta’ arbitraġġ u ta’ medjazzjoni tal-EUIPO jenħtieġ li jingħata s-setgħa li jistabbilixxi proċessi bħad-determinazzjoni tar-royalties aggregati u d-determinazzjoni FRAND.
(50)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(51)Peress li l-EUIPO, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jingħataw żmien biex iħejju għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita.
(52)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament li tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-liċenzjar tal-SEPs u li jiġi pprovdut mekkaniżmu effiċjenti biex jiġi solvut in-nuqqas ta’ qbil skont termini u kundizzjonijiet FRAND, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-multiplikazzjoni tal-kostijiet iżda jistgħu pjuttost, minħabba effiċjenzi u skala, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Titolu I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li ġejjin dwar il-privattivi essenzjali għal standard (“SEPs”):
(a)regoli li jipprevedu trasparenza mtejba fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa għal-liċenzjar tal-SEPs;
(b)regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-SEPs;
(c)proċedura għall-evalwazzjoni tal-essenzjalità tal-SEPs reġistrati;
(d)proċedura għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim relatat man-natura ġusta, raġonevoli u mhux diskriminatorja tat-termini u l-kundizzjonijiet (“determinazzjoni FRAND”);
(e)kompetenzi għall-EUIPO għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-privattivi li huma essenzjali għal standard li jkun ġie ppubblikat minn organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards, li magħha d-detentur tal-SEPs ikun impenja ruħu li jilliċenzja l-SEPs tiegħu skont termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), u li ma jkunx soġġett għal politika dwar il-proprjetà intellettwali ħielsa mir-royalties,
(a)wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 3;
(b)qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 66.
3.L-Artikoli 17 u 18 u l-Artikolu 34(1) ma għandhomx japplikaw għall-SEPs sal-punt li jiġu implimentati għall-każijiet ta’ użu identifikati mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 4.
4.Fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li, fir-rigward ta’ każijiet ta’ użu identifikati ta’ ċerti standards jew partijiet minnhom, in-negozjati tal-liċenzjar tal-SEPs skont termini FRAND ma jwasslux għal diffikultajiet jew ineffiċjenzi sinifikanti li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha, wara proċess ta’ konsultazzjoni xieraq, u permezz ta’ att delegat skont l-Artikolu 67, tistabbilixxi lista ta’ każijiet ta’ użu, standards jew partijiet minnhom bħal dawn, għall-finijiet tal-paragrafu 3.
5.Dan ir-Regolament għandu japplika għad-detenturi tal-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar.
6.Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal pretensjonijiet ta’ invalidità jew pretensjonijiet ta’ ksur mhux relatati mal-implimentazzjoni ta’ standard innotifikat skont dan ir-Regolament.
7.Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-
Artikoli 101
u
102 tat-TFUE
jew għall-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali korrispondenti tal-liġi tal-kompetizzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“privattiva essenzjali standard” jew “SEP” tfisser kwalunkwe privattiva li hija essenzjali għal standard;
(2)“essenzjali għal standard” tfisser li l-privattiva jkun fiha mill-inqas pretensjoni waħda li minħabba fiha ma jkunx possibbli, għal raġunijiet tekniċi, li ssir jew li tintuża implimentazzjoni jew metodu li jikkonforma ma’ standard, inklużi l-għażliet fih, mingħajr ma tinkiser il-privattiva skont il-prattika tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku attwali u l-prattika teknika normali;
(3)(“standard” tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards, biex tiġi applikata b’mod ripetut jew kontinwu, u li l-konformità magħha ma hijiex obbligatorja;
(4)“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati minn prodott, proċess, servizz jew sistema kif definit fl-Artikolu 2
tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(5)“organizzazzjoni għall-żvilupp tal-istandards” tfisser kwalunkwe korp ta’ standardizzazzjoni li ma huwiex assoċjazzjoni industrijali privata li jiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi proprjetarji, li jiżviluppa rekwiżiti tekniċi jew ta’ kwalità jew rakkomandazzjonijiet għal prodotti, proċessi ta’ produzzjoni, servizzi jew metodi;
(6)“detentur ta’ SEP” tfisser sid ta’ SEP jew persuna li jkollha liċenzja esklużiva għal SEP f’wieħed minn aktar Stati Membri;
(7)“implimentatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li timplimenta, jew li jkollha l-ħsieb li timplimenta, standard fi prodott, proċess, servizz jew sistema;
(8)“termini u kundizzjonijiet FRAND” tfisser termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji tal-liċenzjar tal-SEPs;
(9)“determinazzjoni FRAND” tfisser proċedura strutturata għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND ta’ liċenzja tal-SEP;
(10)“royalties aggregati” tfisser l-ammont massimu ta’ royalties għall-privattivi kollha essenzjali għal standard;
(11)“grupp ta’ privattivi” tfisser entità maħluqa bi ftehim bejn żewġ detenturi tal-SEPs jew aktar biex tilliċenzja waħda jew aktar mill-privattivi tagħhom lil xulxin jew lil partijiet terzi;
(12)“evalwazzjoni bejn il-pari” tfisser proċess għall-eżami mill-ġdid tar-riżultati preliminari tal-verifiki tal-essenzjalità mill-evalwaturi għajr dawk li wettqu l-verifika tal-essenzjalità oriġinali;
(13)“ċart tal-pretensjonijiet” tfisser preżentazzjoni ta’ korrispondenza bejn l-elementi (karatteristiċi) ta’ pretensjoni għal privattiva waħda u tal-anqas rekwiżit wieħed ta’ standard jew rakkomandazzjoni waħda ta’ standard;
(14)“rekwiżit ta’ standard” tfisser espressjoni, fil-kontenut ta’ dokument, li twassal kriterji verifikabbli b’mod oġġettiv li għandhom jiġu ssodisfati u li minnhom ma tkun permessa l-ebda devjazzjoni jekk għandha tiġi ddikjarata l-konformità mad-dokument;
(15)“rakkomandazzjoni ta’ standard” tfisser espressjoni, fil-kontenut ta’ dokument, li twassal għażla jew kors ta’ azzjoni possibbli ssuġġeriti li huma meqjusa bħala partikolarment xierqa mingħajr ma neċessarjament jissemmew jew jiġu esklużi oħrajn;
(16)“familja tal-privattivi” tfisser ġabra ta’ dokumenti tal-privattivi li jkopru l-istess invenzjoni u li l-membri tagħhom għandhom l-istess prijoritajiet;
(17)“parti kkonċernata” tfisser kwalunkwe persuna li tista’ turi interess leġittimu fl-SEPs, inkluż detentur tal-SEPs, implimentatur, aġent għal detentur tal-SEPs jew implimentatur, jew assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tad-detenturi tal-SEPs u tal-implimentaturi;
(18)“ċentru ta’ kompetenza” tfisser l-unitajiet amministrattivi tal-EUIPO li jissodisfaw il-kompiti fdati lill-EUIPO skont dan ir-Regolament.
Titolu II
Ċentru ta’ kompetenza
Artikolu 3
Kompiti taċ-ċentru ta’ kompetenza
1.Il-kompiti skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu minn ċentru ta’ kompetenza stabbilit fl-EUIPO bir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa.
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jappoġġa t-trasparenza u d-determinazzjoni FRAND fir-rigward tal-SEPs u għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:
(a)jistabbilixxi u jżomm reġistru elettroniku u bażi tad-data elettronika għall-SEPs;
(b)jistabbilixxi u jimmaniġġa rosters ta’ evalwaturi u ta’ konċiljaturi;
(c)jistabbilixxi u jamministra sistema għall-valutazzjoni tal-essenzjalità tal-SEPs;
(d)jistabbilixxi u jamministra l-proċess għad-determinazzjoni FRAND;
(e)jipprovdi taħriġ lill-evalwaturi u lill-koncillaturi;
(f)jamministra proċess għad-determinazzjoni tar-royalties aggregati;
(g)isaħħaħ it-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’:
(i)il-pubblikazzjoni tar-riżultati u tal-opinjonijiet motivati tal-verifiki tal-essenzjalità u tar-rapporti mhux kunfidenzjali tad-determinazzjonijiet FRAND;
(ii)jiffaċilita l-aċċess għall-ġurisprudenza (inkluża s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim) dwar l-SEPs, inkluż minn ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi;
(iii)jiġbor informazzjoni mhux kunfidenzjali dwar il-metodoloġiji ta’ determinazzjoni FRAND u r-royalties FRAND;
(iv)jiffaċilita l-aċċess għar-regoli relatati mal-SEPs ta’ pajjiżi terzi;
(h)jipprovdi taħriġ, appoġġ u pariri ġenerali dwar l-SEPs lill-SMEs;
(i)iwettaq studji u kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jappoġġa l-objettivi ta’ dan ir-Regolament;
(j)iqajjem kuxjenza dwar il-liċenzjar tal-SEPs, inkluż il-liċenzjar tal-SEPs fil-katina tal-valur.
3.Bis-setgħat mogħtija permezz tal-Artikolu 157 tar-Regolament (KE) Nru 2017/1001, id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jadotta l-istruzzjonijiet amministrattivi interni u għandu jippubblika l-avviżi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti kollha fdati lill-Uffiċċju b’dan ir-Regolament.
Titolu III
Informazzjoni dwar l-SEPs magħmula disponibbli permezz taċ-ċentru ta’ kompetenza
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 4
Reġistru tal-privattivi essenzjali standard
1.Huwa stabbilit reġistru tal-Unjoni għall-SEPs (“ir-reġistru”).
2.Ir-reġistru għandu jinżamm f’format elettroniku miċ-ċentru ta’ kompetenza.
3.Ir-reġistru jrid ikun fih l-entrati li ġejjin:
(a)informazzjoni dwar standards rilevanti;
(b)l-identifikazzjoni rreġistrata tal-SEPs, inkluż il-pajjiż tar-reġistrazzjoni u n-numru tal-privattiva;
(c)il-verżjoni standard, l-ispeċifikazzjoni teknika u t-taqsimiet speċifiċi tal-ispeċifikazzjoni teknika li għalihom il-privattiva titqies essenzjali;
(d)referenza għat-termini tal-impenn tal-liċenzjar FRAND tad-detentur tal-SEP lill-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards;
(e)l-isem, l-indirizz, u d-dettalji ta’ kuntatt tad-detentur tal-SEP;
(f)jekk id-detentur tal-SEP ikun parti minn grupp ta’ kumpaniji, l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpanija omm;
(g)l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentanti legali tad-detentur tal-SEP fl-Unjoni, fejn rilevanti;
(h)l-eżistenza ta’ kwalunkwe terminu u kundizzjoni standard pubbliċi, inklużi l-politiki tar-royalties u tal-iskonti tad-detentur tal-SEP;
(i)l-eżistenza ta’ kwalunkwe terminu u kundizzjoni standard pubbliċi għal-liċenzjar tal-SEPs lill-SMEs;
(j)id-disponibbiltà għal-liċenzjar permezz ta’ gruppi ta’ privattivi, fejn applikabbli;
(k)id-dettalji ta’ kuntatt għal-liċenzjar, inkluża l-entità tal-liċenzjar;
(l)id-data ta’ reġistrazzjoni tal-SEP fir-reġistru u n-numru ta’ reġistrazzjoni.
4.Ir-reġistru għandu jkun fih ukoll dawn l-entrati li ġejjin, b’kull waħda jkollha magħha d-data tar-reġistrazzjoni ta’ tali entrata:
(a)bidliet fid-dettalji ta’ kuntatt tal-entrati msemmija fil-paragrafu (3), fil-punti (e), (f), (g) u (k);
(b)l-għoti jew it-trasferiment ta’ liċenzja permezz ta’ gruppi ta’ privattivi, fejn applikabbli skont l-Artikolu 9;
(c)informazzjoni dwar jekk sarx kontroll tal-essenzjalità jew evalwazzjoni bejn il-pari u referenza għar-riżultat;
(d)informazzjoni dwar jekk l-SEP hijiex skaduta jew invalidata b’sentenza finali ta’ qorti kompetenti ta’ Stat Membru;
(e)id-dettalji dwar il-proċedimenti u d-deċiżjonijiet dwar l-SEPs skont l-Artikolu 10;
(f)id-data tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 19(1) flimkien mal-Artikolu 14(7), l-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 18(11);
(g)id-data tas-sospensjoni tal-SEP mir-Reġistru skont l-Artikolu 22;
(h)il-korrezzjonijiet tal-SEP, skont l-Artikolu 23;
(i)id-data tat-tneħħija tal-SEP mir-reġistru skont l-Artikolu 25 u r-raġunijiet għat-tneħħija;
(j)il-korrezzjoni jew it-tneħħija mir-reġistru tal-oġġett imsemmi fil-punti (b), (e) u (f).
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 67, li jemendaw il-paragrafi (3) u (4) biex tiddetermina entrati għajr dawk imsemmija fil-paragrafi (3) u (4) li għandhom jiddaħħlu fir-Reġistru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
6.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiġbor, jorganizza, jagħmel pubbliku u jaħżen l-entrati msemmija fil-paragrafi (3) u (4), inkluża kwalunkwe data personali, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament.
7.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jżomm ir-reġistru faċilment aċċessibbli għall-ispezzjoni pubblika. Id-data għandha titqies bħala ta’ interess pubbliku u tista’ tiġi aċċessata minn kwalunkwe parti terza mingħajr ħlas.
Artikolu 5
Bażi tad-data elettronika
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jistabbilixxi u jżomm bażi tad-data elettronika għall-SEPs.
2.L-informazzjoni li ġejja fil-bażi tad-data għandha tkun aċċessibbli għal kwalunkwe parti terza soġġetta għar-reġistrazzjoni maċ-ċentru ta’ kompetenza:
(a)data bibljografika dwar l-SEP mitlub jew l-SEP, inkluża d-data ta’ prijorità, il-membri tal-familja, id-data tal-għotja u d-data ta’ skadenza;
(b)it-termini u l-kundizzjonijiet standard pubbliċi, inklużi l-politiki tar-royalties u tal-iskonti tad-detentur tal-SEP skont l-Artikolu 7(1)(b), jekk disponibbli;
(c)termini u kundizzjonijiet standard pubbliċi għal-liċenzjar tal-SEPs lill-SMEs skont l-Artikolu 62(1), jekk disponibbli;
(d)informazzjoni dwar prodotti, proċessi, servizzi jew sistemi magħrufa u implimentazzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b);
(e)informazzjoni relatata mal-essenzjalità skont l-Artikolu 8;
(f)informazzjoni mhux kunfidenzjali dwar id-determinazzjonijiet FRAND skont l-Artikolu 11;
(g)informazzjoni dwar ir-royalties aggregati skont l-Artikoli 15, 16 u 17;
(h)l-opinjonijiet esperti msemmija fl-Artikolu 18;
(i)rapporti mhux kunfidenzjali tal-konċiljaturi skont l-Artikolu 57;
(j)SEPs magħżula għall-verifiki tal-essenzjalità skont l-Artikolu 29, l-opinjonijiet motivati jew l-opinjonijiet motivati finali skont l-Artikolu 33;
(k)id-data u r-raġunijiet għat-tneħħija tal-SEP mill-bażi tad-data skont l-Artikolu 25;
(l)informazzjoni dwar ir-regoli relatati mal-SEPs f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 12;
(m)il-ġurisprudenza u r-rapporti skont l-Artikolu 13(3) u (5);
(n)il-materjal ta’ sensibilizzazzjoni u t-taħriġ.
3.L-aċċess għall-informazzjoni skont il-paragrafu (2), il-punti (f), (h), (i), (j) u (k) jista’ jkun soġġett għall-ħlas ta’ tariffa.
4.Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-qrati, għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni fil-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu (2) mingħajr ħlas soġġett għal reġistrazzjoni maċ-ċentru ta’ kompetenza.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet komuni dwar ir-reġistru u l-bażi tad-data
1.Meta parti titlob li d-data u d-dokumenti tal-bażi tad-data jinżammu kunfidenzjali, dik il-parti għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali f’dettall suffiċjenti biex tippermetti fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali. Iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jiżvela dik il-verżjoni mhux kunfidenzjali.
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jżomm il-fajls ta’ kwalunkwe proċedura relatata mar-reġistrazzjoni tal-SEP. Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jiddetermina l-forma li fiha dawk il-fajls għandhom jinżammu u jsiru disponibbli. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jżomm il-fajls għal 10 snin wara t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-SEP. Fuq talba, id-data personali tista’ titneħħa mir-reġistru jew mill-bażi tad-data wara 18-il xahar mill-iskadenza tal-SEP jew mit-tneħħija tal-SEP mir-reġistru.
3.Iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jikkoreġi kwalunkwe informazzjoni li tinsab fir-reġistru jew fil-bażi tad-data skont l-Artikolu 23.
4.Id-detentur tal-SEP u r-rappreżentant legali tiegħu fl-Unjoni għandhom jiġu nnotifikati bi kwalunkwe bidla fir-reġistru jew fil-bażi tad-data meta dik il-bidla tikkonċerna SEP partikolari.
5.Fuq talba, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu joħroġ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jew kopji ċċertifikati tad-data u d-dokumenti fir-reġistru jew fil-bażi tad-data. Iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u l-kopji ċċertifikati jistgħu jkunu soġġetti għall-ħlas ta’ tariffa.
6.Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-bażi tad-data, inklużi t-tariffi għal tali aċċess, jew għal ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u kopji ċċertifikati mill-bażi tad-data jew mir-reġistru, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).
Artikolu 7
L-identifikazzjoni tal-implimentazzjonijiet ta’ standard u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar tal-SEP relatati
Detentur ta’ SEP għandu jipprovdi liċ-ċentru ta’ kompetenza bl-informazzjoni li ġejja:
(a)informazzjoni dwar il-prodotti, il-proċessi, is-servizzi jew is-sistemi li fihom is-suġġett tal-SEP jista’ jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat, għall-implimentazzjonijiet eżistenti jew potenzjali kollha ta’ standard, sa fejn tali informazzjoni tkun magħrufa mid-detentur tal-SEP.
(b)fejn disponibbli, it-termini u l-kundizzjonijiet standard tagħha għal-liċenzjar tal-SEP, inklużi l-politiki tagħha dwar ir-royalties u l-iskonti, fi żmien 7 xhur mill-ftuħ tar-reġistrazzjoni għall-istandard u l-implimentazzjoni rilevanti miċ-ċentru ta’ kompetenza.
Artikolu 8
Informazzjoni relatata mal-essenzjalità
Detentur ta’ SEP għandu jipprovdi liċ-ċentru ta’ kompetenza bl-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi inkluża fil-bażi tad-data u ssir referenza għaliha fir-reġistru:
(a)deċiżjoni finali dwar l-essenzjalità għal SEP irreġistrat magħmula minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru fi żmien 6 xhur mill-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjoni.
(b)kwalunkwe kontroll tal-essenzjalità qabel [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] minn evalwatur indipendenti fil-kuntest ta’ grupp, li jidentifika n-numru tar-reġistrazzjoni tal-SEP, l-identità tal-grupp ta’ privattivi u l-amministratur tiegħu, u l-evalwatur.
Artikolu 9
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-gruppi ta’ privattivi
Il-gruppi ta’ privattivi għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja u jinfurmaw liċ-ċentru ta’ kompetenza b’dan:
(a)standards soġġetti għal-liċenzjar kollettiv;
(b)l-azzjonisti jew l-istruttura tas-sjieda tal-entità amministrattiva;
(c)il-proċess għall-evalwazzjoni tal-SEPs;
(d)ir-roster tal-evalwaturi li għandhom residenza fl-Unjoni;
(e)lista ta’ SEPs evalwati u lista ta’ SEPs li qed jiġu liċenzjati;
(f)referenzi inkroċjati illustrattivi għall-istandard;
(g)lista ta’ prodotti, servizzi u proċessi li jistgħu jiġu liċenzjati permezz tal-grupp ta’ privattivi jew tal-entità;
(h)il-politika dwar ir-royalties u l-iskonti għal kull kategorija ta’ prodotti;
(i)ftehim ta’ liċenzja standard għal kull kategorija ta’ prodotti;
(j)lista ta’ liċenzjaturi f’kull kategorija ta’ prodotti;
(k)lista ta’ detenturi ta’ liċenzja għal kull kategorija ta’ prodotti.
Artikolu 10
Informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet dwar l-SEPs
1.Il-qrati kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 6 xhur mill-adozzjoni ta’ sentenza li tikkonċerna l-SEPs dwar:
(a)mandati ta’ inibizzjoni;
(b)proċeduri ta’ ksur;
(c)l-essenzjalità u l-validità;
(d)l-abbuż tad-dominanza;
(e)id-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
2.Kwalunkwe persuna tista’ tinforma liċ-ċentru ta’ kompetenza bi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew proċediment alternattiv ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jikkonċerna SEP.
Artikolu 11
Informazzjoni dwar id-determinazzjonijiet FRAND
1.Il-persuni involuti fi proċedimenti alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim li jikkonċernaw l-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru għandhom jiddivulgaw liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 6 xhur mit-terminazzjoni tal-proċedura l-istandards u l-implimentazzjonijiet ikkonċernati, il-metodoloġija użata għall-kalkolu tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, informazzjoni dwar l-isem tal-partijiet, u dwar ir-rati speċifiċi ta’ liċenzjar determinati.
2.L-ebda informazzjoni kunfidenzjali ma għandha tiġi żvelata miċ-ċentru ta’ kompetenza mingħajr il-kunsens minn qabel tal-parti affettwata.
Artikolu 12
Informazzjoni dwar ir-regoli relatati mal-SEPs f’pajjiżi terzi
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiġbor u jippubblika fil-bażi tad-data informazzjoni dwar kwalunkwe regola relatata mal-SEPs fi kwalunkwe pajjiż terz.
2.Kwalunkwe persuna tista’ tipprovdi liċ-ċentru ta’ kompetenza b’tali informazzjoni kif ukoll informazzjoni dwar aġġornamenti, korrezzjonijiet u konsultazzjonijiet pubbliċi. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika dik l-informazzjoni fil-bażi tad-data.
Artikolu 13
Tisħiħ tat-trasparenza u kondiviżjoni tal-informazzjoni
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħżen fil-bażi tad-data d-data kollha pprovduta mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-opinjonijiet u r-rapporti tal-evalwaturi u tal-konċiljaturi.
2.Il-ġbir, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ tali data għandhom iservu għall-iskopijiet ta’:
(a)l-amministrazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-SEPs, il-verifiki tal-essenzjalità u l-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni skont dan ir-Regolament;
(b)l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu dawk il-proċedimenti b’mod aktar faċli u effiċjenti;
(c)il-komunikazzjoni mal-partijiet fil-proċedimenti;
(d)il-produzzjoni ta’ rapporti u statistika li jippermettu liċ-ċentru ta’ kompetenza jtejjeb l-operazzjonijiet tiegħu u l-funzjonament tar-reġistrazzjoni tal-SEPs u l-proċedimenti skont dan ir-Regolament.
3.Fil-bażi tad-data, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinkludi l-ġurisprudenza mill-qrati kompetenti tal-Istati Membri, minn ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi u minn korpi għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiġbor l-informazzjoni kollha dwar it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, inkluż kwalunkwe skont, li jkunu saru pubbliċi mid-detenturi tal-SEPs, żvelati lilu skont l-Artikolu 11 u inklużi fir-rapporti ta’ determinazzjoni FRAND, u għandu jagħmel tali divulgazzjonijiet aċċessibbli għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni, inklużi l-qrati kompetenti tal-Istati Membri, soġġetti għal talba bil-miktub. Id-dokumenti kunfidenzjali għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali f’dettall suffiċjenti biex wieħed ikun jista’ jifhem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali.
5.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika fil-bażi tad-data rapport annwali dwar il-metodoloġiji għad-determinazzjonijiet FRAND ibbażat fuq informazzjoni minn deċiżjonijiet tal-qorti u tal-arbitraġġ u informazzjoni statistika dwar il-liċenzji u l-prodotti liċenzjati mid-determinazzjonijiet FRAND.
6.Fuq talba motivata minn parti kkonċernata, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi redatta f’format mhux kunfidenzjali qabel ma ċ-ċentru ta’ kompetenza jippubblika jew jittrażmetti tali informazzjoni.
Kapitolu 2
Notifika ta’ standard u ta’ royalty aggregat
Artikolu 14
Notifika ta’ standard liċ-ċentru ta’ kompetenza
1.Id-detenturi ta’ privattiva fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar li hija essenzjali għal standard li għalih ikunu saru impenji FRAND għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni li ġejja liċ-ċentru ta’ kompetenza, fejn possibbli permezz tal-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards jew permezz ta’ notifika konġunta:
(a)l-isem kummerċjali ta’ standard;
(b)il-lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti li jiddefinixxu l-istandard;
(c)id-data tal-pubblikazzjoni tal-aħħar speċifikazzjoni teknika;
(d)l-implimentazzjonijiet tal-istandard magħrufa mid-detenturi tal-SEP li jagħmlu n-notifika.
2.Tali notifika għandha ssir fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-aħħar speċifikazzjoni teknika.
3.Fin-nuqqas tan-notifika skont il-paragrafu (1), kwalunkwe detentur ta’ SEP fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar għandu jinnotifika individwalment, mhux aktar tard minn 90 jum mill-pubblikazzjoni tal-aħħar speċifikazzjoni teknika, liċ-ċentru ta’ kompetenza l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (1).
4.Fin-nuqqas ta’ notifika skont il-paragrafu (1) jew skont il-paragrafu (3), kwalunkwe implimentatur jista’ jinnotifika, liċ-ċentru ta’ kompetenza, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (1).
5.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika wkoll lill-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandard rilevanti dwar l-pubblikazzjoni. Fil-każ ta’ notifika skont il-paragrafi (3) u (4), dan għandu jinnotifika wkoll, fejn possibbli, lid-detenturi magħrufa tal-SEP individwalment jew jitlob konferma mill-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards li hija tkun innotifikat kif xieraq lid-detenturi tal-SEP.
6.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika fuq is-sit web tal-EUIPO n-notifiki magħmula skont il-paragrafi (1), (3) u (4) għall-kummenti mill-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-lista.
7.Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu (6), iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jqis il-kummenti kollha riċevuti, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-implimentazzjonijiet rilevanti kollha u jippubblika l-informazzjoni skont il-paragrafu (1).
Artikolu 15
Notifika ta’ royalties aggregati liċ-ċentru ta’ kompetenza
1.Id-detenturi tal-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar li għalihom ikunu saru impenji FRAND jistgħu jinnotifikaw b’mod konġunt liċ-ċentru ta’ kompetenza dwar ir-royalties aggregati għall-SEPs li jkopru standard.
2.In-notifika magħmula f’konformità mal-paragrafu (1) għandu jkun fiha l-informazzjoni dwar dan li ġej:
(a)l-isem kummerċjali tal-istandard;
(b)il-lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-istandard;
(c)l-ismijiet tad-detenturi tal-SEPs li jagħmlu n-notifika msemmija fil-paragrafu (1);
(d)il-perċentwal stmat li jirrappreżentaw id-detenturi tal-SEPs imsemmija fil-paragrafu (1) mid-detenturi kollha tal-SEPs;
(e)il-perċentwal stmat ta’ SEPs li huma jippossjedu kollettivament mill-SEPs kollha għall-istandard;
(f)l-implimentazzjonijiet magħrufa mid-detenturi tal-SEP imsemmija fil-punt (c);
(g)ir-royalty aggregat globali, sakemm il-partijiet notifikanti ma jispeċifikawx li r-royalty aggregat ma huwiex globali;
(h)kwalunkwe perjodu li għalih huwa validu r-royalty aggregat imsemmi fil-paragrafu (1).
3.In-notifika msemmija fil-paragrafu (1) għandha ssir mhux aktar tard minn 120 jum wara:
(a)il-pubblikazzjoni ta’ standard mill-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards għall-implimentazzjonijiet magħrufa mid-detenturi tal-SEPs imsemmija fil-paragrafu (2)(c); jew
(b)li jsiru jafu dwar implimentazzjoni ġdida tal-istandard.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika fil-bażi tad-data l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu (2).
Artikolu 16
Reviżjoni tar-royalties aggregati
1.F’każ ta’ reviżjoni tar-royalties aggregati, id-detenturi tal-SEPs għandhom jinnotifikaw liċ-ċentru ta’ kompetenza dwar ir-royalties aggregati riveduti u r-raġunijiet għar-reviżjoni.
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika fil-bażi tad-data r-royalties aggregati inizjali, ir-royalties aggregati riveduti u r-raġunijiet għar-reviżjoni fir-reġistru.
Artikolu 17
Proċess għall-iffaċilitar ta’ ftehimiet dwar id-determinazzjonijiet tar-royalties aggregati
1.Id-detenturi tal-SEPs fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar li jirrappreżentaw mill-inqas 20 % tal-SEPs kollha ta’ standard jistgħu jitolbu liċ-ċentru ta’ kompetenza jaħtar konċiljatur mir-roster ta’ konċiljaturi biex jagħmilha ta’ medjatur fid-diskussjonijiet għal sottomissjoni konġunta ta’ royalties aggregati.
2.Tali talba għandha ssir mhux aktar tard minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tal-istandard jew mhux aktar tard minn 120 jum wara l-ewwel bejgħ ta’ implimentazzjoni ġdida fis-suq tal-Unjoni għall-implimentazzjonijiet mhux magħrufa fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-istandard.
3.It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-isem kummerċjali tal-istandard;
(b)id-data tal-pubblikazzjoni tal-aħħar speċifikazzjoni teknika jew id-data tal-ewwel bejgħ ta’ implimentazzjoni ġdida fis-suq tal-Unjoni;
(c)l-implimentazzjonijiet magħrufa mid-detenturi tal-SEP imsemmija fil-paragrafu (1);
(d)l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tad-detenturi tal-SEP li jappoġġaw it-talba;
(e)il-perċentwal stmat ta’ SEPs li huma jippossjedu individwalment u kollettivament mill-SEPs potenzjali kollha ddikjarati għall-istandard.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lid-detenturi tal-SEPs imsemmija fil-paragrafu (3)(d) u jitlobhom jesprimu l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-proċess u li jipprovdu l-perċentwal stmat tagħhom ta’ SEPs mill-SEPs kollha għall-istandard.
5.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħtar konċiljatur mir-roster ta’ konċiljaturi u jinforma lid-detenturi kollha tal-SEPs li esprimew interess li jipparteċipaw fil-proċess.
6.Id-detenturi tal-SEPs li jissottomettu lill-konċiljatur informazzjoni kunfidenzjali għandhom jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali f’dettall suffiċjenti biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali.
7.Meta d-detenturi tal-SEPs jonqsu milli jagħmlu notifika konġunta fi żmien 6 xhur mill-ħatra tal-konċiljatur, il-konċiljatur għandu jtemm il-proċess.
8.Jekk il-kontributuri jaqblu dwar notifika konġunta, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15(1), (2) u (4).
Artikolu 18
Opinjoni esperta mhux vinkolanti dwar ir-royalties aggregati
1.Detentur ta’ SEP jew implimentatur jista’ jitlob liċ-ċentru ta’ kompetenza għal opinjoni esperta mhux vinkolanti dwar royalties aggregati globali.
2.It-talba msemmija fil-paragrafu (1) għandha ssir mhux aktar tard minn 150 jum wara:
(a)il-pubblikazzjoni tal-istandard rilevanti għall-implimentazzjonijiet magħrufa; jew
(b)li l-implimentazzjonijiet il-ġodda jinbiegħu għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni.
3.Dik it-talba għandha tinkludi:
(a)l-isem kummerċjali tal-istandard;
(b)lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti li jiddefinixxu l-istandard;
(c)lista ta’ prodotti, proċessi, servizzi jew sistemi jew implimentazzjonijiet rilevanti;
(d)lista ta’ partijiet ikkonċernati magħrufa u dettalji ta’ kuntatt.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lill-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards rilevanti u lill-partijiet ikkonċernati magħrufa kollha bit-talba. Huwa għandu jippubblika t-talba fuq is-sit web tal-EUIPO u għandu jistieden lill-partijiet ikkonċernati jesprimu interess li jipparteċipaw fil-proċess fi żmien 30 jum mill-jum meta tkun ġiet ippubblikata t-talba.
5.Kwalunkwe parti kkonċernata tista’ titlob li tipparteċipa fil-proċess wara li tispjega l-bażi tal-interess tagħha. Id-detenturi tal-SEPs għandhom jipprovdu l-perċentwal stmat tagħhom ta’ dawk l-SEPs mill-SEPs kollha għal standard. L-implimentaturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe implimentazzjoni rilevanti tal-istandard, inkluż kwalunkwe sehem mis-suq rilevanti fl-Unjoni.
6.Jekk it-talbiet għall-parteċipazzjoni jinkludu detenturi tal-SEPs li jirrappreżentaw kollettivament mill-inqas 20 % tal-SEPs kollha għall-istandard, u l-implimentaturi li kollettivament ikollhom mill-inqas 10 % tas-sehem mis-suq rilevanti fl-Unjoni jew mill-inqas 10 SMEs, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħtar bord ta’ tliet konċiljaturi magħżula mir-roster ta’ konċiljaturi bl-isfond xieraq mill-qasam rilevanti tat-teknoloġija.
7.Il-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw lill-bord informazzjoni kunfidenzjali għandhom jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali f’dettall suffiċjenti biex wieħed ikun jista’ jinftiehem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali.
8.Wara l-ħatra, il-bord għandu jitlob lid-detenturi tal-SEPs parteċipanti biex, fi żmien xahar:
(a)jipproponi royalties aggregati, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2), jew
(b)jissottomettu ġustifikazzjoni dwar l-impossibbiltà li jipproponu royalties aggregati minħabba kunsiderazzjonijiet teknoloġiċi, ekonomiċi, jew kunsiderazzjonijiet oħra.
9.Il-bord għandu jqis kif xieraq is-sottomissjonijiet previsti fil-paragrafu 8 u jiddeċiedi:
(a)li jissospendi l-proċedura għall-opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn 6 xhur, li jista’ jiġi estiż ulterjorment fuq il-bażi ta’ talba ġġustifikata kif xieraq minn wieħed mid-detenturi tal-SEPs parteċipanti, jew
(b)li jipprovdi l-opinjoni esperta.
10.Il-bord għandu jipprovdi l-opinjoni esperta fi żmien 8 xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ sospensjoni skont il-paragrafu 8(a) jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 8(b). L-opinjoni għandha tkun appoġġata minn tal-anqas tnejn mit-tliet konċiljaturi.
11.1L-opinjoni esperta għandha tinkludi sommarju tal-informazzjoni pprovduta fit-talba, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2), l-ismijiet tal-konċiljaturi, il-proċedura, ir-raġunijiet għall-opinjoni dwar ir-royalties aggregati u l-metodoloġija sottostanti. Ir-raġunijiet għal kwalunkwe fehma diverġenti għandhom jiġu speċifikati f’anness għall-opinjoni esperta.
12.L-opinjoni esperta għandha tinkludi analiżi tal-katina tal-valur ikkonċernata u l-impatt potenzjali tar-royalties aggregati fuq l-inċentivi ta’ innovazzjoni kemm tad-detenturi tal-SEPs kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur fejn għandu jsir il-liċenzjar.
13.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika l-opinjoni esperta u jinnotifika lill-parteċipanti b’dik il-pubblikazzjoni.
Kapitolu 3
Reġistrazzjoni tal-SEPs
Artikolu 19
L-amministrazzjoni tar-reġistru tal-privattivi essenzjali standard
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu joħloq entrata fir-reġistru għal standard li għalih ikunu saru l-impenji FRAND fi żmien 60 jum mill-ewwel wieħed mill-avvenimenti li ġejjin:
(a)l-pubblikazzjoni miċ-ċentru ta’ kompetenza tal-istandard u tal-informazzjoni relatata skont l-Artikolu 14(7);
(b)il-pubblikazzjoni miċ-ċentru ta’ kompetenza ta’ royalties aggregati u informazzjoni relatata skont l-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 18(11).
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika avviż fuq is-sit web tal-EUIPO li jinforma lill-partijiet ikkonċernati li tkun saret entrata fir-reġistru u li jirreferi għall-pubblikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1). Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lid-detenturi magħrufa tal-SEPs individwalment b’mezzi elettroniċi u lill-organizzazzjoni rilevanti tal-iżvilupp tal-istandards bl-avviż f’dan il-paragrafu.
Artikolu 20
Ir-reġistrazzjoni ta’ privattivi essenzjali standard
1.Fuq talba ta’ detentur ta’ SEP, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jirreġistra kwalunkwe privattiva fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li hija essenzjali għal standard, li għalih iċ-ċentru ta’ kompetenza jkun ippubblika avviż skont l-Artikolu 19(2).
2.Sabiex SEP tiġi inkluża fir-reġistru, mill-inqas talba waħda għal privattiva għandha tikkorrispondi ma’ mill-inqas rekwiżit wieħed jew ma’ rakkomandazzjoni waħda għall-istandard, identifikata bl-isem tal-istandard, il-verżjoni (u/jew ir-rilaxx) u s-subklawżola.
3.It-talba għar-reġistrazzjoni għandha ssir fi żmien 6 xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Artikolu 19(2). F’każ li l-SEP tingħata biss minn uffiċċju tal-privattivi nazzjonali jew Ewropew wara l-pubblikazzjoni tal-avviż skont l-Artikolu 19(2), it-talba għar-reġistrazzjoni għandha ssir fi żmien 6 xhur mill-għoti tal-SEP mill-uffiċċju tal-privattivi rilevanti.
4.It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 5(2), il-punti (a), (b), (d) u (e).
5.Detentur ta’ SEP għandu jaġġorna l-informazzjoni fir-reġistru u fil-bażi tad-data biex jirrifletti l-bidliet rilevanti fir-rigward tal-SEP reġistrat tiegħu billi jinnotifika liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 6 xhur minn mindu sseħħ il-bidla.
6.It-talba għar-reġistrazzjoni tiġi aċċettata biss wara l-ħlas tat-tariffa tar-reġistrazzjoni mid-detentur tal-SEP. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina t-tariffa tar-reġistrazzjoni fl-att ta’ implimentazzjoni maħruġ abbażi tal-Artikolu 63(5). It-tariffa tar-reġistrazzjoni għandha tinkludi, fil-każ ta’ intrapriżi medji u kbar, l-ispejjeż u t-tariffi mistennija tal-verifika tal-essenzjalità għall-SEPs magħżula skont l-Artikolu 29(1).
Artikolu 21
Data tar-reġistrazzjoni
1.Id-data tar-reġistrazzjoni għandha tkun id-data li fiha ċ-ċentru ta’ kompetenza jkun irċieva talba għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 20(2), (4) u (5).
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika l-SEPs reġistrati fir-reġistru fi żmien 7 ijiem tax-xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni.
Artikolu 22
Eżaminazzjoni tal-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni
1.Kampjun ta’ reġistrazzjonijiet tal-SEPs għandu jiġi vverifikat kull sena għall-kompletezza u għall-korrettezza.
2.L-EUIPO għandu jadotta metodoloġija għall-għażla ta’ kampjun ta’ reġistrazzjonijiet tal-SEPs għall-verifiki.
3.Meta r-reġistrazzjoni ma jkunx fiha l-informazzjoni f’konformità mal-Artikoli 4 u 5 jew ikun fiha informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jitlob lid-detentur tal-SEP jipprovdi l-informazzjoni sħiħa u akkurata fil-limitu ta’ żmien stabbilit ta’ mhux inqas minn xahrejn.
4.Jekk id-detentur tal-SEP jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni korretta u sħiħa, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi sospiża mir-reġistru, sakemm tiġi rrimedjata l-inkompletezza jew l-ineżattezza.
5.Detentur tal-SEP li l-SEP tiegħu tkun ġiet sospiża mir-reġistru skont il-paragrafu (4) u jqis li s-sejba taċ-ċentru ta’ kompetenza ma hijiex korretta tista’ jagħmel rikors quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Ir-rikors għandu jsir fi żmien xahrejn mis-sospensjoni. Fi żmien xahrejn mir-rikors, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jew jirrifjuta r-rikors jew jitlob liċ-ċentru ta’ kompetenza biex jikkoreġi s-sejba tiegħu u jinforma lill-persuna li tagħmel it-talba.
6.Kwalunkwe kompletar jew korrezzjoni ta’ informazzjoni dwar SEP skont dan l-artikolu għandha ssir mingħajr ħlas.
Artikolu 23
Korrezzjoni ta’ entrata fir-reġistru jew informazzjoni fil-bażi tad-data
1.Detentur tal-SEP jista’ jitlob korrezzjoni tar-reġistrazzjoni tal-SEP tiegħu jew tal-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data billi jippreżenta talba xierqa liċ-ċentru ta’ kompetenza, ħlief kif previst fil-paragrafu (2).
2.Kwalunkwe parti terza tista’ titlob liċ-ċentru ta’ kompetenza jikkoreġi reġistrazzjoni jew informazzjoni ta’ SEP li jinsab fil-bażi tad-data. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-persuna li tagħmel it-talba;
(b)in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-SEP irreġistrat;
(c)ir-raġunijiet għat-talba;
(d)evidenza minn sors indipendenti li tappoġġa t-talba.
3.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika t-talba lid-detentur tal-SEP u jistieden lid-detentur tal-SEP jikkoreġi l-entrata fir-reġistru jew l-informazzjoni sottomessa għall-bażi tad-data, fejn rilevanti f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn xahrejn.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lid-detentur tal-SEP u jistieden lid-detentur tal-SEP jikkoreġi l-entrata fir-reġistru jew l-informazzjoni sottomessa għall-bażi tad-data, fejn rilevanti f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn xahrejn, meta ċ-ċentru ta’ kompetenza jiġi infurmat minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 10(1) jew uffiċċju tal-privattivi jew minn kwalunkwe parti terza dwar:
(a)l-iskadenza ta’ SEP irreġistrata
(b)l-invalidazzjoni ta’ SEP irreġistrata minn awtorità kompetenti; jew
(c)sentenza finali li l-SEP reġistrata ma hijiex essenzjali għall-istandard rilevanti.
5.Jekk id-detentur tal-SEP jonqos milli jikkoreġi l-entrata fir-reġistru jew l-informazzjoni sottomessa għall-bażi tad-data fit-terminu mogħti, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi sospiża mir-reġistru, sakemm tiġi rrimedjata l-inkompletezza jew l-ineżattezza.
6.Detentur tal-SEP li l-SEP tiegħu tkun ġiet sospiża mir-reġistru skont il-paragrafu (5) u jqis li s-sejba taċ-ċentru ta’ kompetenza ma hijiex korretta jista’ jagħmel rikors quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Ir-rikors għandu jsir fi żmien xahrejn mis-sospensjoni. Fi żmien xahrejn mir-rikors, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jew jirrifjuta r-rikors jew jitlob liċ-ċentru ta’ kompetenza biex jikkoreġi s-sejba tiegħu u jinforma lill-persuna li tagħmel it-talba.
7.It-trattament tat-talbiet għall-korrezzjoni skont dan l-artikolu miċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiġi sospiż mill-għażla tal-SEP għall-verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 29 sal-pubblikazzjoni tar-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità fir-reġistru u fil-bażi tad-data skont l-Artikolu 33(1).
8.Iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jikkoreġi kwalunkwe żball lingwistiku jew żball ta’ traskrizzjoni u ta’ sorveljanza evidenti jew żbalji tekniċi attribwibbli għalih fir-reġistru u fil-bażi tad-data minn jeddu.
9.Kwalunkwe korrezzjoni skont dan l-artikolu għandha ssir mingħajr ħlas.
Artikolu 24
Effetti tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni jew tas-sospensjoni tar-reġistrazzjoni tal-SEPs
1.SEP li ma jkunx irreġistrat fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(3) ma jistax jiġi infurzat fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istandard li għalih tkun meħtieġa reġistrazzjoni f’qorti kompetenti ta’ Stat Membru, mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(3) sar-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru.
2.Detentur ta’ SEPs li ma jkunx irreġistra l-SEPs tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(3) ma għandux ikun intitolat li jirċievi royalties jew ifittex danni għall-ksur ta’ tali SEPs fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istandard li għalih tkun meħtieġa r-reġistrazzjoni, mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(3) sar-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru.
3.Il-paragrafi (1) u (2) huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet inklużi f’kuntratti li jistabbilixxu royalties għal portafoll wiesa’ ta’ privattivi, preżenti jew futuri, li jistipulaw li l-invalidità, in-nonessenzjalità jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ numru limitat tagħhom ma għandhomx jaffettwaw l-ammont globali u l-infurzabbiltà tar-royalties jew ta’ termini u kundizzjonijiet oħra tal-kuntratt.
4.Il-paragrafi (1) u (2) japplikaw ukoll f’każ li r-reġistrazzjoni ta’ SEP tiġi sospiża, matul il-perjodu ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 22(4) jew l-Artikolu 23(5), ħlief fejn il-Bord tal-Appell jitlob liċ-ċentru ta’ kompetenza biex jikkoreġi s-sejbiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22(5) u l-Artikolu 23(6).
5.Qorti kompetenti ta’ Stat Membru li tintalab tiddeċiedi dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ SEP fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar, għandha tivverifika jekk l-SEP hijiex irreġistrata bħala parti mid-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-azzjoni.
Artikolu 25
Tneħħija ta’ SEP mir-reġistru u mill-bażi tad-data
1.Detentur tal-SEP jista’ jitlob it-tneħħija tal-SEP irreġistrata tiegħu mir-reġistru u mill-bażi tad-data, għar-raġunijiet li ġejjin:
(a)l-iskadenza tal-privattiva;
(b)l-invalidazzjoni tal-privattiva minn awtorità kompetenti;
(c)sentenza finali ta’ qorti kompetenti ta’ Stat Membru li l-privattiva rreġistrata ma hijiex essenzjali għall-istandard rilevanti;
(d)bħala konsegwenza ta’ riżultat negattiv mill-verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 31(5) u l-Artikolu 33(1).
2.Talba bħal din tista’ ssir fi kwalunkwe ħin, ħlief mill-għażla tal-SEP għall-verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 29 sal-pubblikazzjoni tar-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità fir-reġistru u fil-bażi tad-data skont l-Artikolu 33(1).
3.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jneħħi l-SEP mir-reġistru u mill-bażi tad-data.
Titolu IV
Evalwaturi u Konċiljaturi
Artikolu 26
Evalwaturi u konċiljaturi
1.Evalwatur għandu jwettaq verifiki tal-essenzjalità.
2.Konċiljatur għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:
(a)medjazzjoni bejn il-partijiet fl-istabbiliment ta’ royalties aggregati;
(b)jipprovdi opinjoni mhux vinkolanti dwar ir-royalties aggregati;
(c)iservi f’determinazzjoni FRAND.
3.L-evalwaturi u l-konċiljaturi għandhom jaderixxu ma’ kodiċi ta’ kondotta.
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħtar [10] evalwaturi mir-roster tal-evalwaturi bħala evalwaturi tal-pari għal perjodu ta’ [tliet] snin.
5.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament], il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fi , tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali dwar:
(a)ir-rekwiżiti għall-evalwaturi jew għall-konċiljaturi, inkluż Kodiċi ta’ Kondotta;
(b)il-proċeduri skont l-Artikoli 17, 18, 31 u 32 u t-Titolu VI.
Artikolu 27
Proċedura tal-għażla
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jwettaq proċedura tal-għażla tal-kandidati abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 26(5).
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jistabbilixxi roster ta’ kandidati xierqa għall-evalwaturi jew għall-konċiljaturi. Jista’ jkun hemm rosters differenti ta’ evalwaturi u ta’ konċiljaturi skont iż-żona teknika tal-ispeċjalizzazzjoni jew tal-għarfien espert tagħhom.
3.Meta ċ-ċentru ta’ kompetenza jkun għadu ma stabbilixxix roster ta’ evalwaturi jew ta’ konċiljaturi kandidati fil-mument tal-ewwel reġistrazzjonijiet jew determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-FRAND, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jistieden esperti magħrufa ad hoc li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 26(5).
4.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jirrieżamina regolarment ir-rosters biex jiżgura li jinżamm għadd suffiċjenti ta’ kandidati kwalifikati.
Titolu V
Verifiki tal-essenzjalità tal-privattivi essenzjali standard
Artikolu 28
Rekwiżit ġenerali għall-verifiki tal-essenzjalità
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jamministra sistema ta’ verifiki tal-essenzjalità, filwaqt li jiżgura li dawn jitwettqu b’mod oġġettiv u imparzjali u li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba tiġi ssalvagwardjata
2.Il-verifika tal-essenzjalità għandha titwettaq minn evalwatur magħżul skont l-Artikolu 27. L-evalwaturi għandhom iwettqu verifiki tal-essenzjalità tal-SEPs reġistrati għall-istandard li għalih huma rreġistrati.
3.Il-verifiki tal-essenzjalità ma għandhomx isiru fuq aktar minn SEP waħda mill-familja tal-privattivi rispettiva.
4.In-nuqqas ta’ verifika tal-essenzjalità jew verifika tal-essenzjalità kontinwa ma għandhomx jipprekludu n-negozjati dwar il-liċenzjar jew kwalunkwe proċedura ta’ qorti jew proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ SEP irreġistrata.
5.L-evalwatur għandu jiġbor fil-qosor ir-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità u r-raġunijiet għaliha f’opinjoni motivata, jew, f’każ ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, f’opinjoni motivata finali, li ma għandhiex tkun legalment vinkolanti.
6.Ir-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità mwettqa u l-opinjoni motivata tal-evalwatur jew l-opinjoni motivata finali tal-evalwatur tal-pari jistgħu jintużaw bħala evidenza quddiem il-partijiet ikkonċernati, il-gruppi ta’ privattivi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-qrati jew l-arbitri.
Artikolu 29
Amministrazzjoni tal-verifiki tal-essenzjalità
1.Kull sena, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jagħżel kampjun ta’ SEPs reġistrati minn familji differenti ta’ privattivi minn kull detentur ta’ SEPs u fir-rigward ta’ kull standard speċifiku fir-reġistru għall-verifiki tal-essenzalità. SEPs reġistrati ta’ intrapriżi mikro u żgħar għandhom jiġu esklużi mill-proċess ta’ kampjunar annwali. Il-verifiki għandhom jitwettqu abbażi ta’ metodoloġija li tiżgura l-istabbiliment ta’ għażla ġusta u statistikament valida li tista’ tipproduċi riżultati akkurati biżżejjed dwar ir-rata ta’ essenzalità fl-SEPs reġistrati kollha ta’ detentur ta’ SEPs fir-rigward ta’ kull standard speċifiku fir-reġistru. Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-metodoloġija dettaljata. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lid-detenturi tal-SEPs dwar l-SEPs magħżula għall-verifiki tal-essenzjalità. Fit-terminu stabbilit miċ-ċentru ta’ kompetenza, id-detenturi tal-SEPs jistgħu jissottomettu fl-istess perjodu ta’ żmien, ċart tal-pretensjonijiet b’ammont massimu ta’ ħames korrispondenzi bejn l-SEP u l-istandard rilevanti, kwalunkwe informazzjoni teknika addizzjonali li tista’ tiffaċilita l-verifika tal-essenzjalità u t-traduzzjonijiet tal-privattiva mitluba miċ-ċentru ta’ kompetenza.
3.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika l-lista ta’ SEPs magħżula għall-verifika tal-essenzjalità.
4.Jekk SEP magħżula għall-verifika tal-essenzjalità kienet diġà s-suġġett ta’ verifika tal-essenzjalità preċedenti jew li għadha għaddejja skont dan it-titolu jew ta’ deċiżjoni jew verifika tal-essenzjalità msemmija fl-Artikolu 8, ma għandha ssir l-ebda verifika tal-essenzjalità addizzjonali. Ir-riżultat mill-verifika jew mid-deċiżjoni preċedenti tal-essenzjalità għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-perċentwal ta’ kampjun għal kull detentur tal-SEPs u għal kull standard reġistrat speċifiku li jkun għadda b’suċċess mill-verifika tal-essenzjalità.
5.Kull detentur tal-SEPs jista’ jipproponi volontarjament sa 100 SEP rreġistrata minn familji differenti ta’ privattivi kull sena biex jiġu vverifikati għall-essenzjalità fir-rigward ta’ kull standard speċifiku li għalih tkun saret ir-reġistrazzjoni tal-SEP.
6.Kull implimentatur jista’ jipproponi b’mod volontarju sa 100 SEP rreġistrata minn familji differenti ta’ privattivi kull sena biex jiġu vverifikati għall-essenzjalità fir-rigward ta’ kull standard speċifiku li għalih ikunu saru reġistrazzjonijiet tal-SEP.
7.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jalloka l-SEPs għall-verifika tal-essenzjalità lill-evalwaturi abbażi tar-roster tal-evalwaturi stabbilit skont l-Artikolu 27 u għandu jipprovdi aċċess għall-evalwatur għad-dokumentazzjoni sħiħa pprovduta mid-detentur tal-SEP.
8.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jiżgura li l-identità tal-evalwatur tibqa’ mhux żvelata lid-detenturi tal-SEPs matul l-eżami tal-essenzjalità skont l-Artikolu 31 jew matul l-evalwazzjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 32. Il-komunikazzjoni kollha bejn id-detentur tal-SEP u l-evalwatur għandha tgħaddi miċ-ċentru ta’ kompetenza.
9.F’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tar-rekwiżiti formali skont l-Artikolu 28, ta’ rekwiżiti proċedurali oħra jew tal-kodiċi ta’ kondotta, iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’, fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata sottomessa fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tal-opinjoni motivata jew tal-opinjoni motivata finali jew fuq inizjattiva tiegħu stess, jirrieżamina l-eżami u jiddeċiedi li:
(a)iżomm, jew
(b)jirrevoka
ir-riżultati tal-eżami tal-essenzjalità ta’ SEP reġistrat jew tal-evalwazzjoni bejn il-pari.
10.Fejn iċ-ċentru ta’ kompetenza jirrevoka r-riżultati skont il-paragrafu 9(b), iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħtar evalwatur jew evalwatur tal-pari ġdid biex iwettaq eżami ġdid tal-verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 31 jew evalwazzjoni bejn il-pari ġdida skont l-Artikolu 32.
11.Il-parti li titlob ir-rieżami tal-eżami tal-verifika tal-essenzjalità jew tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-ħatra mill-ġdid tal-evalwatur u li tqis li s-sejba taċ-ċentru ta’ kompetenza ma hijiex korretta tista’ tagħmel rikors quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Ir-rikors għandu jsir fi żmien xahrejn mis-sejba taċ-ċentru ta’ kompetenza. Il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jew jirrifjuta r-rikors jew jitlob liċ-ċentru ta’ kompetenza biex jaħtar evalwatur ġdid u jinforma lill-persuna li tagħmel it-talba u, fejn rilevanti, lid-detentur tal-SEP.
Artikolu 30
Osservazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati
1.Fi żmien 90 jum wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ SEPs reġistrati magħżula għat-teħid ta’ kampjuni, kwalunkwe parti kkonċernata tista’ tissottometti liċ-ċentru ta’ kompetenza osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-essenzjalità tal-SEPs magħżula.
2.L-osservazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1) għandhom jiġu kkomunikati lid-detentur tal-SEP li jista’ jikkummenta dwarhom fil-limitu ta’ żmien stabbilit miċ-ċentru ta’ kompetenza.
3.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jipprovdi l-osservazzjonijiet u t-tweġibiet mid-detentur tal-SEP lill-evalwatur wara l-iskadenza tat-termini ta’ żmien stabbiliti.
Artikolu 31
Eżami tal-essenzjalità ta’ SEP irreġistrat
1.L-eżami tal-essenzjalità għandu jsir skont proċedura li tiżgura ħin suffiċjenti, rigorożità u kwalità għolja.
2.L-evalwatur jista’ jistieden lid-detentur tal-SEP ikkonċernat jippreżenta osservazzjonijiet, fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-evalwatur.
3.Meta evalwatur ikollu raġunijiet biex jemmen li l-SEP tista’ ma tkunx essenzjali għall-istandard, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinforma lid-detentur tal-SEP bi kwalunkwe raġuni bħal din u jispeċifika perjodu li fih id-detentur tal-SEP jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, jew jissottometti ċart ta’ pretensjonijiet emendata.
4.L-evalwatur għandu jikkunsidra kif xieraq kwalunkwe informazzjoni pprovduta mid-detentur tal-SEP.
5.L-evalwatur għandu joħroġ l-opinjoni motivata tiegħu liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 6 xhur mill-ħatra tiegħu. L-opinjoni motivata għandha tinkludi l-isem tad-detentur tal-SEP u tal-evalwatur, l-SEP soġġetta għall-verifika tal-essenzjalità, l-istandard rilevanti, sommarju tal-proċedura ta’ eżami, ir-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità u r-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat dak ir-riżultat.
6.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika l-opinjoni motivata lid-detentur tal-SEP.
Artikolu 32
Evalwazzjoni bejn il-pari
1.Meta ċ-ċentru ta’ kompetenza jkun informa lid-detentur tal-SEP skont l-Artikolu 31(3), id-detentur tal-SEP jista’ jitlob evalwazzjoni bejn il-pari qabel l-iskadenza tal-perjodu biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 31(3).
2.Jekk id-detentur tal-SEP jitlob evalwazzjoni bejn il-pari, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jaħtar evalwatur tal-pari.
3.L-evalwatur tal-pari għandu jqis kif xieraq l-informazzjoni kollha sottomessa mid-detentur tal-SEP, ir-raġunijiet tal-evalwatur inizjali għaliex l-SEP tista’ ma tkunx essenzjali għall-istandard u kwalunkwe ċart emendata tal-pretensjonijiet jew osservazzjonijiet addizzjonali pprovduti mid-detentur tal-SEP.
4.F’każ li l-evalwazzjoni bejn il-pari tkun ikkonfermat il-konklużjonijiet preliminari tal-evalwatur li l-SEP evalwata tista’ ma tkunx essenzjali għall-istandard li għalih tkun ġiet irreġistrata, l-evalwatur tal-pari għandu jinforma liċ-ċentru ta’ kompetenza u jipprovdi r-raġunijiet għal din l-opinjoni. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinforma lid-detentur tal-SEP u għandu jistieden lid-detentur tal-SEP jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.
5.L-evalwatur tal-pari għandu jqis kif xieraq l-osservazzjonijiet tad-detentur tal-SEP u għandu joħroġ opinjoni motivata finali liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 3 xhur mill-ħatra tiegħu. L-opinjoni motivata finali għandha tinkludi l-isem tad-detentur tal-SEP, tal-evalwatur u tal-evalwatur tal-pari, l-SEP soġġetta għall-verifika tal-essenzjalità, l-istandard rilevanti, sommarju tal-proċedura ta’ eżami u ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, il-konklużjoni preliminari tal-evalwatur, ir-riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari u r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dak ir-riżultat.
6.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika l-opinjoni motivata finali lid-detentur tal-SEP.
7.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari għandhom iservu biex itejbu l-proċess ta’ verifika tal-essenzjalità u jiżguraw il-konsistenza.
Artikolu 33
Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki tal-essenzjalità
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jdaħħal ir-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità jew tal-evalwazzjoni bejn il-pari fir-reġistru u l-opinjoni motivata u l-opinjoni motivata finali fil-bażi tad-data. Ir-riżultat tal-verifika tal-essenzjalità skont dan ir-Regolament għandu jkun validu għall-SEPs kollha mill-istess familja ta’ privattivi.
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika fir-reġistru l-perċentwal ta’ SEPs inklużi fil-kampjun għal kull detentur ta’ SEPs u għal kull standard reġistrat speċifiku li għadda b’suċċess mit-test tal-essenzjalità.
3.Fejn il-pubblikazzjoni tar-riżultati jkun fiha żball li jkun sar miċ-ċentru ta’ kompetenza, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu fuq inizjattiva proprja jew fuq talba mir-reġistrant detentur ta’ SEP jikkoreġi l-iżball u jippubblika l-korrezzjoni.
Titolu VI
Determinazzjoni FRAND
Artikolu 34
Bidu tad-determinazzjoni FRAND
1.Id-determinazzjoni FRAND fir-rigward ta’ standard u implimentazzjoni li għaliha tkun inħolqot entrata fir-reġistru, għandha tinbeda minn kwalunkwe waħda mill-persuni li ġejjin:
(a)detentur ta’ SEP, qabel kwalunkwe bidu ta’ talba għal ksur ta’ SEP quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru;
(b)implimentatur ta’ SEP qabel kwalunkwe talba għad-determinazzjoni jew għall-valutazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND ta’ liċenzja tal-SEP quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru.
2.Il-parti li titlob id-determinazzjoni FRAND għandha tissejjaħ il-“parti rikjedenti”, kwalunkwe parti li twieġeb għat-talba bħala l-“parti rispondenti”, u t-tnejn għandhom jissejħu l-“partijiet” għall-finijiet tad-determinazzjoni FRAND.
3.Id-determinazzjoni FRAND tista’ tinbeda minn parti jew jistgħu jidħlu fiha l-partijiet biex isolvu t-tilwim relatat mat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND b’mod volontarju.
4.L-obbligu li tinbeda determinazzjoni FRAND skont il-paragrafu 1 qabel il-proċedimenti tal-qorti huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li kwalunkwe parti titlob, sakemm jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet FRAND, lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru biex toħroġ mandat ta’ inibizzjoni provviżorju ta’ natura finanzjarja kontra l-allegat kontraventur. Il-mandat ta’ inibizzjoni provviżorju għandu jeskludi s-sekwestru tal-proprjetà tal-allegat kontraventur u s-sekwestru jew il-kunsinna tal-prodotti suspettati li jiksru SEP. Meta l-liġi nazzjonali tipprovdi li mandat ta’ inibizzjoni provviżorju ta’ natura finanzjarja jista’ jintalab biss meta kawża tkun pendenti fuq il-merti, kwalunkwe parti tista’ tressaq każ fuq il-merti quddiem il-qorti kompetenti ta’ Stat Membru għal dak il-għan. Madankollu, il-partijiet għandhom jitolbu lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru tissospendi l-proċedimenti fuq il-merti għat-tul ta’ żmien tad-determinazzjoni FRAND. Meta tiddeċiedi jekk tagħtix il-mandat ta’ inibizzjoni provviżorju, il-qorti kompetenti ta’ Stat Membru għandha tikkunsidra li tkun għaddejja proċedura għad-determinazzjoni FRAND.
5.Ladarba tintemm id-determinazzjoni FRAND, il-firxa kollha ta’ miżuri, inklużi miżuri provviżorji, kawtelatorji u korrettivi, għandha tkun disponibbli għall-partijiet.
Artikolu 35
Regoli ta’ proċedura
Id-determinazzjoni FRAND għandha tkun regolata mill-Artikolu 34 sal-Artikolu 58, kif implimentata ulterjorment skont l-Artikolu 26(5).
Artikolu 36
Kontenut tat-talba għall-bidu ta’ determinazzjoni FRAND
1.Id-determinazzjoni FRAND għandha tinbeda permezz ta’ talba bil-miktub liċ-ċentru ta’ kompetenza li għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-parti rikjedenti;
(b)l-isem u l-indirizz tal-parti rispondenti;
(c)in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-SEPs rilevanti fir-reġistru;
(d)l-isem kummerċjali tal-istandard u l-isem tal-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-istandards.
(e)sommarju tan-negozjati tal-liċenzjar sal-lum, jekk applikabbli;
(f)referenzi għal kwalunkwe determinazzjoni oħra FRAND, jekk applikabbli.
2.Meta t-talba għall-bidu ta’ determinazzjoni FRAND issir minn detentur ta’ SEP, minbarra l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu (1), din għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a)ċarts ta’ pretensjonijiet li jidentifikaw il-pretensjonijiet ta’ privattivi fir-rigward tal-istandard ta’ SEPs reġistrati magħżula;
(b)evidenza tal-verifiki tal-essenzjalità, jekk disponibbli.
3.It-talba għall-bidu ta’ determinazzjoni FRAND tista’ tinkludi proposta għal determinazzjoni FRAND.
Artikolu 37
Durata tad-determinazzjoni FRAND
1.Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-partijiet, il-perjodu mid-data tas-sottomissjoni tat-talba biex titkompla d-determinazzjoni FRAND f’konformità mal-Artikolu 38(5)(b) jew l-Artikolu 38(3)(c) jew l-Artikolu 38(4)(a), it-tieni sentenza, jew l-Artikolu 38(4)(c), kif applikabbli, sad-data tat-terminazzjoni tal-proċedura ma għandux jaqbeż id-9 xhur.
2.Il-perjodu għall-preskrizzjoni tat-talbiet quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru għandu jiġi sospiż għad-durata tad-determinazzjoni FRAND.
Artikolu 38
Notifika tat-talba u tar-rispons għad-determinazzjoni FRAND
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika t-talba lill-parti rispondenti fi żmien 7 ijiem u għandu jinforma lill-parti rikjedenti b’dan.
2.Il-parti rispondenti għandha tinnotifika liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 15-il jum mill-wasla tan-notifika tat-talba għad-determinazzjoni FRAND miċ-ċentru ta’ kompetenza f’konformità mal-paragrafu (1). It-tweġiba għandha tindika jekk il-parti rispondenti taqbilx mad-determinazzjoni FRAND u jekk hijiex impenjata li tikkonforma mal-eżitu tagħha.
3.Meta l-parti rispondenti ma tirrispondix fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu (2) jew tinforma liċ-ċentru ta’ kompetenza bid-deċiżjoni tagħha li ma tiħux sehem fid-determinazzjoni FRAND, jew li ma tiħux impenn li tikkonforma mal-eżitu, għandu japplika dan li ġej:
(a)iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lill-parti rikjedenti b’dan u jistedinha tindika fi żmien 7 ijiem jekk titlobx il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND u jekk timpenjax ruħha li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND;
(b)meta l-parti rikjedenti titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND u timpenja ruħha għall-eżitu tagħha, id-determinazzjoni FRAND għandha tkompli, iżda l-Artikolu 34(1) ma għandux japplika għall-proċedimenti tal-qorti għall-parti rikjedenti fir-rigward tal-istess suġġett.
(c)meta l-parti rikjedenti tonqos milli titlob, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fis-subparagrafu (a), il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jittermina d-determinazzjoni FRAND.
4.Meta l-parti rispondenti taqbel mad-determinazzjoni FRAND u timpenja ruħha li tikkonforma mal-eżitu tagħha skont il-paragrafu (2), inkluż fejn tali impenn ikun kontinġenti fuq l-impenn tal-parti rikjedenti li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND, għandu japplika dan li ġej:
(a)iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lill-parti rikjedenti b’dan u jitlobha tinforma liċ-ċentru ta’ kompetenza fi żmien 7 ijiem jekk hija timpenjax ruħha wkoll li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND. F’każ ta’ aċċettazzjoni tal-impenn mill-parti rikjedenti, id-determinazzjoni FRAND għandha tkompli u l-eżitu għandu jkun vinkolanti għaż-żewġ partijiet;
(b)meta l-parti rikjedenti ma tirrispondix fil-limitu ta’ żmien imsemmi fis-subparagrafu (a) jew tinforma liċ-ċentru ta’ kompetenza bid-deċiżjoni tagħha li ma timpenjax ruħha li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jinnotifika lill-parti rispondenti u jistedinha tindika fi żmien 7 ijiem jekk titlobx il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND.
(c)meta l-parti rispondenti titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, id-determinazzjoni FRAND għandha tkompli, iżda l-Artikolu 34(1) ma għandux japplika għall-proċedimenti tal-qorti għall-parti rispondenti fir-rigward tal-istess suġġett;
(d)meta l-parti rispondenti tonqos milli titlob, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fis-subparagrafu (b), il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jtemm id-determinazzjoni FRAND.
5.Meta kwalunkwe parti timpenja ruħha li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND, filwaqt li l-parti l-oħra tonqos milli tagħmel dan fit-termini ta’ żmien applikabbli, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jadotta avviż ta’ impenn għad-determinazzjoni FRAND u jinnotifika lill-partijiet fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien biex jiġi pprovdut l-impenn. L-avviż ta’ impenn għandu jinkludi l-ismijiet tal-partijiet, is-suġġett tad-determinazzjoni FRAND, sommarju tal-proċedura u informazzjoni dwar l-impenn ipprovdut jew dwar in-nuqqas ta’ impenn għal kull parti.
6.Id-determinazzjoni FRAND għandha tikkonċerna liċenzja globali tal-SEPs, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-partijiet f’każ li ż-żewġ partijiet jaqblu dwar id-determinazzjoni FRAND jew mill-parti li talbet il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND. L-SMEs li huma partijiet għad-determinazzjoni FRAND jistgħu jitolbu li jillimitaw l-ambitu territorjali tad-determinazzjoni FRAND.
Artikolu 39
Għażla ta’ konċiljaturi
1.Wara t-tweġiba għad-determinazzjoni FRAND mill-parti rispondenti f’konformità mal-Artikolu 38(2), jew it-talba għal kontinwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38(5), iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jipproponi mill-inqas tliet kandidati għad-determinazzjoni FRAND mir-roster ta’ koncillaturi msemmi fl-Artikolu 27(2). Il-partijiet jew il-parti għandhom jagħżlu wieħed mill-kandidati proposti bħala konċiljatur għad-determinazzjoni FRAND.
2.Jekk il-partijiet ma jaqblux fuq konċiljatur, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jagħżel kandidat wieħed mir-roster tal-konċiljaturi msemmi fl-Artikolu 27(2).
Artikolu 40
1.Il-kandidat magħżul għandu jikkomunika liċ-ċentru ta’ kompetenza l-aċċettazzjoni li jassumi l-kompitu ta’ konċiljatur għad-determinazzjoni FRAND, li għandu jinnotifika l-komunikazzjoni tal-aċċettazzjoni lill-partijiet.
2.Il-jum wara n-notifika tal-aċċettazzjoni lill-partijiet, jinħatar il-konċiljatur, u ċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jirreferi l-każ lilu/lilha.
Artikolu 41
Tħejjija tal-proċedimenti
Jekk matul id-determinazzjoni FRAND, konċiljatur ma jkunx jista’ jipparteċipa, jirtira jew ikollu bżonn jiġi sostitwit minħabba li ma jikkonformax mar-rekwiżiti kif previst fl-Artikolu 26, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 39. Il-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 37 għandu jiġi estiż għaż-żmien meħtieġ għall-ħatra tal-konċiljatur il-ġdid għad-determinazzjoni FRAND.
Artikolu 42
Tħejjija tal-proċedimenti
1.Wara li l-kawża tiġi riferuta lill-konċiljatur f’konformità mal-Artikolu 40(2), huwa għandu jeżamina jekk it-talba fihiex l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regoli tal-proċedura.
2.Huwa għandu jikkomunika lill-partijiet jew lill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND il-mod tat-twettiq kif ukoll l-iskeda tal-proċedura.
Artikolu 43
Proċedura bil-miktub
Il-konċiljatur għandu jistieden lil kull parti tippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub li jistabbilixxu l-argumenti tagħha dwar id-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND applikabbli, inklużi d-dokumentazzjoni ta’ sostenn u l-evidenza, u jistabbilixxi limiti ta’ żmien xierqa.
Artikolu 44
Oġġezzjoni għad-determinazzjoni FRAND
1.Parti tista’ tissottometti oġġezzjoni li tiddikjara li l-konċiljatur ma jistax jagħmel determinazzjoni FRAND għal raġunijiet legali, bħal determinazzjoni jew ftehim preċedenti vinkolanti FRAND bejn il-partijiet, mhux aktar tard mill-ewwel sottomissjoni bil-miktub. Il-parti l-oħra għandha tingħata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.
2.Il-konċiljatur għandu jiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni u jew jirrifjutaha bħala bla bażi qabel ma jqis il-merti tal-każ jew jgħaqqadha mal-eżami tal-merti tad-determinazzjoni FRAND. Jekk il-konċiljatur jannulla l-oġġezzjoni jew jgħaqqadha mal-eżami tal-merti tad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, għandu jerġa’ jibda jikkunsidra d-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
3.Jekk il-konċiljatur jiddeċiedi li l-oġġezzjoni hija fondata, dan għandu jittermina d-determinazzjoni FRAND u għandu jfassal rapport li jiddikjara r-raġunijiet tad-deċiżjoni.
Artikolu 45
Twettiq tad-determinazzjoni FRAND
1.Il-konċiljatur għandu jassisti lill-partijiet b’mod indipendenti u imparzjali fl-isforzi tagħhom biex jilħqu determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
2.Il-konċiljatur jista’ jistieden lill-partijiet jew lill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND biex tiltaqa’ miegħu jew tista’ tikkomunika miegħu bil-fomm jew bil-miktub.
3.Il-partijiet jew il-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND għandha tikkoopera b’rieda tajba mal-konċiljatur u, b’mod partikolari, għandha tattendi l-laqgħat, tikkonforma mat-talbiet tiegħu biex tissottometti d-dokumenti, l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet rilevanti kollha kif ukoll tuża l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha biex il-konċiljatur ikun jista’ jisma’ x-xhieda u l-esperti li l-konċiljatur jista’ jsejjaħ.
4.Il-parti rispondenti tista’ tingħaqad mad-determinazzjoni FRAND fi kwalunkwe mument qabel it-terminazzjoni tagħha.
5.Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura fuq talba miż-żewġ partijiet, jew mill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, kif applikabbli, il-konċiljatur għandu jittermina d-determinazzjoni FRAND.
Artikolu 46
Nuqqas ta’ involviment ta’ parti
1.Jekk parti:
(a)tonqos milli tikkonforma ma’ kwalunkwe talba tal-konċiljatur, mar-Regoli ta’ proċedura jew mal-iskeda ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2),
(b)tirtira l-impenn tagħha li tikkonforma mal-eżitu tad-determinazzjoni FRAND kif stabbilit fl-Artikolu 38, jew
(c)bi kwalunkwe mod ieħor tonqos milli tikkonforma ma’ rekwiżit relatat mad-determinazzjoni FRAND,
il-konċiljatur għandu jinforma liż-żewġ partijiet b’dan.
2.Wara li tkun irċeviet in-notifika tal-konċiljatur, il-parti li tikkonforma tista’ titlob lill-konċiljatur biex jieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a)jagħmel proposta għal determinazzjoni FRAND f’konformità mal-Artikolu 55 ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli għalih, billi jagħti tali piż li jqis xieraq lil kwalunkwe evidenza sottomessa lilu,
(b)itemm il-proċedura.
3.Jekk il-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND tonqos milli tikkonforma ma’ kwalunkwe talba tal-konċiljatur jew bi kwalunkwe mod ieħor tonqos milli tikkonforma ma’ rekwiżit relatat mad-determinazzjoni FRAND, il-konċiljatur għandu jtemm il-proċedura.
Artikolu 47
Proċedimenti paralleli f’pajjiż terz
1.Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu proċediment parallel ifisser proċediment li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)Kwalunkwe proċedura quddiem qorti, tribunal, awtorità amministrattiva jew tal-Istat ta’ pajjiż terz li tieħu deċiżjonijiet legalment vinkolanti u infurzabbli dwar dikjarazzjoni tal-privattivi, mandat ta’ inibizzjoni, ksur, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq jew determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND;
(b)fir-rigward ta’ tilwima dwar il-liċenzjar rigward l-istess standard u implimentazzjoni, u privattiva li fis-sustanza għandha l-istess pretensjonijiet bħall-SEPs u li hija soġġetta għad-determinazzjoni FRAND;
(c)l-involviment ta’ waħda jew aktar mill-partijiet fid-determinazzjoni FRAND bħala parti.
2.Meta jkun ingħata bidu għal proċediment parallel qabel jew matul id-determinazzjoni FRAND minn parti, mill-konċiljatur, jew fejn ma jkunx ġie maħtur, iċ-ċentru ta’ kompetenza, għandu jtemm id-determinazzjoni FRAND fuq talba ta’ kwalunkwe parti oħra.
Artikolu 48
Evidenza
1.Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 54(3) fi kwalunkwe ħin matul id-determinazzjoni FRAND, fuq talba ta’ parti jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-konċiljatur jista’ jitlob il-produzzjoni ta’ dokumenti jew evidenza oħra.
2.Il-konċiljatur jista’ jeżamina informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u r-reġistru taċ-ċentru ta’ kompetenza u r-rapporti kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali ta’ determinazzjonijiet oħra FRAND, kif ukoll dokumenti u informazzjoni mhux kunfidenzjali prodotti minn jew sottomessi liċ-ċentru ta’ kompetenza.
Artikolu 49
Xhieda u esperti
Il-konċiljatur jista’ jisma’ xhieda u esperti mitluba minn waħda mill-partijiet dment li l-evidenza tkun meħtieġa għad-determinazzjoni FRAND u li jkun hemm żmien biex tiġi kkunsidrata tali evidenza.
Artikolu 50
Proposta għal determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND
1.Fi kwalunkwe ħin matul id-determinazzjoni FRAND, il-konċiljatur jew parti fuq inizjattiva tagħha stess jew permezz ta’ stedina tal-konċiljatur tista’ tissottometti proposti għal determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
2.Jekk il-parti rikjedenti tkun ippreżentat proposta bil-miktub għat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND fis-sottomissjoni bil-miktub tagħha, il-parti rispondenti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta dwar dan u/jew tippreżenta kontroproposta bil-miktub fit-tweġiba tagħha.
3.Meta jissottometti suġġerimenti għat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, il-kkonċiljatur għandu jqis l-impatt tad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND fuq il-katina tal-valur u fuq l-inċentivi għall-innovazzjoni kemm tad-detentur tal-SEP kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur rilevanti. Għal dak il-għan, il-konċiljatur jista’ jibbaża fuq l-opinjoni esperta msemmija fl-Artikolu 18 jew, f’każ ta’ nuqqas ta’ opinjoni bħal din, jitlob informazzjoni addizzjonali u jisma’ esperti jew partijiet ikkonċernati.
Artikolu 51
Rakkomandazzjoni ta’ determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur
Il-konċiljatur għandu jinnotifika lill-partijiet b’rakkomandazzjoni bil-miktub dwar determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mhux aktar tard minn 5 xhur qabel il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 37.
Artikolu 52
Sottomissjoni ta’ proposti motivati għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-partijiet
Wara n-notifika tar-rakkomandazzjoni bil-miktub tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur, kull parti għandha tissottometti proposta dettaljata u motivata għal determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND. Jekk parti tkun diġà ppreżentat proposta għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, għandhom jiġu ppreżentati verżjonijiet riveduti, jekk ikun meħtieġ, filwaqt li titqies ir-rakkomandazzjoni tal-konċiljatur.
Artikolu 53
Proċedura orali
Jekk il-konċiljatur iqis li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan, għandha ssir seduta orali fi żmien 20 jum wara s-sottomissjoni ta’ proposti motivati għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.
Artikolu 54
Żvelar ta’ informazzjoni
1.Meta l-konċiljatur jirċievi informazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni FRAND minn parti, huwa għandu jiżvelaha lill-parti l-oħra sabiex il-parti l-oħra jkollha l-opportunità li tippreżenta kwalunkwe spjegazzjoni.
2.Parti tista’ titlob lill-konċiljatur li informazzjoni speċifika f’dokument ippreżentat tinżamm kunfidenzjali.
3.Meta parti titlob li l-informazzjoni f’dokument li tkun issottomettiet tinżamm kunfidenzjali, il-konċiljatur ma għandux jiżvela dik l-informazzjoni lill-parti l-oħra. Il-parti li tinvoka l-kunfidenzjalità għandha tipprovdi wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali f’dettall suffiċjenti biex tippermetti fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali. Din il-verżjoni mhux kunfidenzjali għandha tiġi żvelata lill-parti l-oħra.
Artikolu 55
Proposta motivata għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur
1.Sa mhux aktar tard minn 45 jum qabel it-tmiem tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 37, il-konċiljatur għandu jissottometti proposta motivata għal determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND lill-partijiet jew, kif applikabbli, lill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND.
2.Kwalunkwe parti tista’ tissottometti osservazzjonijiet dwar il-proposta u tissuġġerixxi emendi għall-proposta mill-konċiljatur, li jista’ jifformula mill-ġdid il-proposta tiegħu biex iqis l-osservazzjonijiet sottomessi mill-partijiet u għandu jinforma lill-partijiet jew lill-parti li titlob il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, kif applikabbli, b’tali riformulazzjoni.
Artikolu 56
Terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND u l-avviż ta’ terminazzjoni
1.Minbarra t-terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 38(4), l-Artikolu 44(3), l-Artikolu 45(5), l-Artikolu 46(2)(b), l-Artikolu 46(3) u l-Artikolu 47(2), id-determinazzjoni FRAND għandha tintemm bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:
(a)jiġi ffirmat ftehim ta’ qbil mill-partijiet;
(b)tiġi ffirmata dikjarazzjoni bil-miktub mill-partijiet li jaċċettaw il-proposta motivata għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur imsemmi fl-Artikolu 55;
(c)issir dikjarazzjoni bil-miktub minn parti biex ma taċċettax il-proposta motivata ta’ determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur imsemmi fl-Artikolu 55;
(d)parti ma tkunx issottomettiet tweġiba għall-proposta motivata ta’ determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur imsemmi fl-Artikolu 55.
2.F’każ ta’ terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jadotta avviż ta’ terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND u jinnotifika lill-partijiet fi żmien 5 ijiem mit-terminazzjoni. L-avviż ta’ terminazzjoni għandu jinkludi l-ismijiet tal-partijiet u tal-konċiljatur, is-suġġett tad-determinazzjoni FRAND, sommarju tal-proċedura u r-raġunijiet għat-terminazzjoni tagħha.
3.L-avviż ta’ terminazzjoni nnotifikat lid-detentur tal-SEP għandu jitqies li jikkostitwixxi dokument skont it-tifsira tal-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 fir-rigward ta’ kwalunkwe talba għal azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser l-SEP tagħha.
4.Qorti kompetenti ta’ Stat Membru, mitluba tiddeċiedi dwar id-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, inkluż abbuż ta’ każijiet ta’ dominanza fost partijiet privati, jew talba ta’ ksur ta’ SEP dwar SEP fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew aktar soġġetti għad-determinazzjoni FRAND, ma għandhiex tipproċedi bl-eżami tal-merti ta’ dik il-pretensjoni, sakemm ma tkunx ġiet innotifikata b’avviż ta’ terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND, jew, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 38(3)(b) u fl-Artikolu 38(4)(c), b’avviż ta’ impenn skont l-Artikolu 38(5).
5.Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 38(3)(b) u fl-Artikolu 38(4)(c), l-Artikolu 34(5) għandu japplika mutatis mutandis fil-proċedimenti quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru.
Artikolu 57
Rapport
1.Il-konċiljatur għandu jipprovdi lill-partijiet b’rapport bil-miktub wara t-terminazzjoni tad-determinazzjoni FRAND f’każijiet elenkati fl-Artikolu 56(1)(c) u l-Artikolu 56(1)(d).
2.Ir-rapport għandu jinkludi dan li ġej:
(a)l-ismijiet tal-partijiet;
(b)valutazzjoni kunfidenzjali tad-determinazzjoni FRAND;
(c)sommarju kunfidenzjali tal-kwistjonijiet ewlenin ta’ nuqqas ta’ qbil;
(d)metodoloġija mhux kunfidenzjali u l-valutazzjoni tad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND mill-konċiljatur.
3.Ir-rapport kunfidenzjali għandu jkun disponibbli biss għall-partijiet u għaċ-ċentru ta’ kompetenza. Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jippubblika r-rapport mhux kunfidenzjali fil-bażi tad-data.
4.Kwalunkwe parti għad-determinazzjoni FRAND tista’ tippreżenta r-rapport fi kwalunkwe proċedura quddiem qorti kompetenti ta’ Stat Membru kontra l-parti l-oħra għad-determinazzjoni FRAND, minkejja kwalunkwe twaqqif proċedurali.
Artikolu 58
Kunfidenzjalità
1.Ħlief għall-metodoloġija u l-valutazzjoni tad-determinazzjoni FRAND mill-konċiljatur imsemmija fl-Artikolu 57(2)(d), iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu jżomm kunfidenzjali d-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND, kwalunkwe proposta għad-determinazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND sottomessa matul il-proċedura, u kwalunkwe evidenza dokumentarja jew evidenza oħra divulgata matul id-determinazzjoni FRAND li ma hijiex disponibbli għall-pubbliku, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-partijiet.
2.Minkejja l-paragrafu (1), iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jinkludi informazzjoni dwar id-determinazzjoni FRAND fi kwalunkwe data statistika aggregata li jippubblika dwar l-attivitajiet tiegħu, dment li tali informazzjoni ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-partijiet jew taċ-ċirkostanzi partikolari tat-tilwima li għandha tiġi identifikata.
Titolu VII
Regoli proċedurali
Artikolu 59
Komunikazzjonijiet liċ-ċentru ta’ kompetenza u n-notifiki minnu
1.Il-komunikazzjoni liċ-ċentru ta’ kompetenza u n-notifiki minnu għandhom jitwettqu fil-prinċipju b’mezzi elettroniċi.
2.Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jiddetermina sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet tekniċi l-komunikazzjonijiet u n-notifiki msemmija fil-paragrafu (1) għandhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku.
Artikolu 60
Termini ta’ żmien
1.It-termini ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti fil-forma ta’ snin, xhur, ġimgħat, jew jiem. Il-kalkolu għandu jibda mill-jum wara l-jum li fih seħħ l-avveniment rilevanti.
2.Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jiddetermina, qabel il-bidu ta’ kull sena kalendarja, il-jiem li fihom l-EUIPO ma jkunx miftuħ biex jirċievi d-dokumenti jew li fihom ma titwassalx il-posta ordinarja fil-lokalità li fiha jinsab l-EUIPO.
3.Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jiddetermina d-durata tal-perjodu ta’ waqfien fil-każ ta’ interruzzjoni ġenerali fit-twassil tal-posta fl-Istat Membru fejn jinsab l-EUIPO jew, fil-każ ta’ interruzzjoni attwali tal-konnessjoni tal-EUIPO ma’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ammessi.
4.F’każijiet ta’ okkorrenzi eċċezzjonali li jagħmlu l-komunikazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti u ċ-ċentru ta’ kompetenza diffiċli ħafna, id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO jista’ jestendi t-termini ta’ żmien kollha li kieku jiskadu fid-data tal-bidu ta’ tali okkorrenza jew wara, kif iddeterminat mid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tas-suġġetti li ġejjin:
(a)partijiet fil-proċedimenti li għandhom ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fir-reġjun ikkonċernat;
(b)rappreżentanti jew assistenti b’post tan-negozju fir-reġjun ikkonċernat, maħtura mill-partijiet.
5.Meta jiddetermina t-tul tal-estensjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO għandu jqis id-data tat-tmiem tal-okkorrenza eċċezzjonali. Jekk l-okkorrenza msemmija fit-tieni subparagrafu taffettwa s-sede tal-EUIPO, id-determinazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv għandha tispeċifika li tapplika fir-rigward tal-partijiet kollha fil-proċedimenti.
Titolu VIII
Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju
Artikolu 61
Taħriġ, pariri u appoġġ
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza għandu joffri taħriġ u appoġġ dwar kwistjonijiet relatati mal-SEPs għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju mingħajr ħlas.
2.Iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jikkummissjona studji, jekk iqis li dan ikun meħtieġ, biex jassisti lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fi kwistjonijiet relatati mal-SEPs.
3.L-ispejjeż tas-servizzi msemmija fil-paragrafu (1) u fil-paragrafu (2) għandhom jitħallsu mill-EUIPO.
Artikolu 62
Termini FRAND għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju
1.Meta jinnegozjaw liċenzja tal-SEP ma’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, id-detenturi tal-SEPs għandhom jikkunsidraw li joffrulhom termini u kundizzjonijiet FRAND li huma aktar favorevoli mit-termini u l-kundizzjonijiet FRAND li joffru lill-intrapriżi li ma humiex mikro, żgħar u ta’ daqs medju għall-istess standard u implimentazzjonijiet.
2.Jekk detentur ta’ SEP joffri termini u kundizzjonijiet FRAND aktar favorevoli lil intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jew jikkonkludi liċenzja tal-SEP li tinkludi termini u kundizzjonijiet aktar favorevoli, skont il-paragrafu (1), dawn it-termini u kundizzjonijiet FRAND ma għandhomx jitqiesu f’determinazzjoni FRAND, sakemm id-determinazzjoni FRAND ma ssirx biss fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet FRAND għal intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju oħra.
3.Id-detenturi ta’ SEP għandhom jikkunsidraw ukoll skontijiet jew liċenzjar mingħajr royalties għal volumi baxxi ta’ bejgħ irrispettivament mid-daqs tal-implimentatur li jieħu l-liċenzja. Tali skontijiet jew liċenzjar mingħajr royalties għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji u għandhom ikunu disponibbli fil-bażi tad-data elettronika kif stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b).
Titolu IX
Tariffi u Imposti
Artikolu 63
Tariffi u imposti
1.Iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jitlob tariffi amministrattivi għas-servizzi li jagħti skont dan ir-Regolament.
2.It-tariffi jistgħu jintalbu mill-inqas fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)għall-konċiljaturi li jiffaċilitaw il-ftehimiet dwar id-determinazzjonijiet tar-royalties aggregati f’konformità mal-Artikolu 17;
(b)għall-opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati f’konformità mal-Artikolu 18;
(c)għall-verifika tal-essenzjalità mwettqa mill-evalwatur f’konformità mal-Artikolu 31 u mill-evalwatur tal-pari f’konformità mal-Artikolu 32;
(d)għall-konċiljaturi għad-determinazzjoni FRAND f’konformità mat-Titolu VI.
3.Meta ċ-ċentru ta’ kompetenza jimponi tariffi f’konformità mal-paragrafu 2, it-tariffi għandhom jitħallsu kif ġej:
(a)it-tariffi msemmija fil-paragrafu (2)(a) mid-detenturi tal-SEPs li pparteċipaw fil-proċess abbażi tal-perċentwal stmat tagħhom ta’ SEPs mill-SEPs kollha għall-istandard;
(b)it-tariffi msemmija fil-paragrafu (2)(b) ugwalment mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura tal-opinjoni esperta dwar ir-royalties aggregati, sakemm ma jaqblux mod ieħor, jew il-bord jissuġġerixxi tqassim differenti bbażat fuq id-daqs tal-partijiet iddeterminat fuq il-bażi tal-fatturat tagħhom;
(c)it-tariffi msemmija fil-paragrafu (2)(c) mid-detentur tal-SEP li talab verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 29(5) jew evalwazzjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 32(1) u l-implimentatur li talab verifika tal-essenzjalità skont l-Artikolu 29(6);
(d)it-tariffi msemmija fil-paragrafu (2)(d) ugwalment mill-partijiet, sakemm ma jaqblux mod ieħor, jew il-konċiljatur jissuġġerixxi tqassim differenti bbażat fuq il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet fid-determinazzjoni FRAND.
4.Il-livell tat-tariffi għandu jkun raġonevoli u għandu jikkorrispondi mal-ispejjeż tas-servizzi. Għandu jqis is-sitwazzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.
5.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina l-ammonti tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 63, l-arranġament dwar il-metodi ta’ ħlas relatati mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu (3) u fil-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).
Artikolu 64
Ħlas ta’ tariffi
1.It-tariffi għandhom jitħallsu lill-EUIPO. Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru bl-euro. Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO jista’ jistabbilixxi liema metodi ta’ pagament speċifiċi jistgħu jintużaw.
2.Jekk l-ammonti mitluba ma jitħallsux kompletament fi żmien 10 ijiem wara d-data tat-talba, iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jinnotifika lill-parti inadempjenti u jagħtiha l-opportunità li tagħmel il-ħlas meħtieġ fi żmien [5] ijiem. Hija għandha tissottometti kopja tat-talba lill-parti l-oħra, f’każ ta’ determinazzjoni tar-royalties aggregati jew FRAND.
3.Id-data li fiha jitqies li sar il-ħlas lill-EUIPO għandha tkun id-data li fiha attwalment jiddaħħal l-ammont tal-ħlas jew tat-trasferiment fil-kont bankarju tal-EUIPO.
4.Jekk xi parti mill-ħlas meħtieġ tibqa’ pendenti wara l-iskadenza fil-paragrafu (2), iċ-ċentru ta’ kompetenza jista’ jissospendi l-aċċess għall-bażi tad-data tal-parti inadempjenti, sakemm isir il-ħlas.
Artikolu 65
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1.L-ispejjeż imġarrba mill-EUIPO jew mill-evalwaturi jew mill-konċiljaturi magħżula mill-EUIPO f’konformità mal-Artikoli 26 u 27 fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu koperti mit-tariffi amministrattivi li għandhom jitħallsu lill-EUIPO mill-utenti tas-servizzi taċ-ċentru ta’ kompetenza.
2.Fir-rigward tal-kostijiet imġarrba mill-EUIPO għal attivitajiet fdati lilu minn dan ir-Regolament li ma humiex koperti mit-tariffi skont dan ir-Regolament, l-EUIPO għandu jiffinanzja dawk l-attivitajiet mill-mezzi baġitarji tiegħu stess.
Titolu X
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 66
Ftuħ tar-reġistrazzjoni għal standard eżistenti
1.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 28 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] id-detenturi tal-SEPs essenzjali għal standard ippubblikat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (“standards eżistenti”), li għalihom ikunu saru impenji FRAND, jistgħu jinnotifikaw liċ-ċentru ta’ kompetenza skont l-Artikoli 14, 15 u 17 bi kwalunkwe wieħed mill-istandards eżistenti jew partijiet minnhom li se jiġu ddeterminati fl-att delegat f’konformità mal-paragrafu (4). Il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ notifika u pubblikazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw mutatis mutandis.
2.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 28 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] l-implimentaturi ta’ standard, standard ippubblikat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li għalih ikunu saru impenji FRAND jistgħu jinnotifikaw skont l-Artikolu 14(4) liċ-ċentru ta’ kompetenza bi kwalunkwe wieħed mill-istandards eżistenti jew partijiet minnhom, li se jiġu ddeterminati fl-att delegat f’konformità mal-paragrafu (4). Il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ notifika u pubblikazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw mutatis mutandis.
3.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 30 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] detentur ta’ SEP jew implimentatur jista’ jitlob opinjoni esperta skont l-Artikolu 18 dwar l-SEPs essenzjali għal standard eżistenti jew partijiet minnu, li tiġi ddeterminata fl-att delegat f’konformità mal-paragrafu (4). Ir-rekwiżiti u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 18 japplikaw mutatis mutandis.
4.Meta l-funzjonament tas-suq intern ikun distort ħafna minħabba ineffiċjenzi fil-liċenzjar tal-SEPs, il-Kummissjoni għandha, wara proċess ta’ konsultazzjoni xieraq, permezz ta’ att delegat skont l-Artikolu 67, tiddetermina liema mill-istandards eżistenti, partijiet minnhom jew każijiet ta’ użu rilevanti jistgħu jiġu nnotifikati f’konformità mal-paragrafu (1) jew mal-paragrafu (2) , jew li għalihom tista’ tintalab opinjoni esperta f’konformità mal-paragrafu (3). L-att delegat għandu jiddetermina wkoll liema proċeduri u rekwiżiti ta’ notifika u pubblikazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal dawk l-istandards eżistenti. L-att delegat għandu jiġi adottat fi [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data – 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament].
5.Dan l-artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data – 28 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament].
Artikolu 67
Eżerċizzju tad-delega tas-setgħa
1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 1(4), 4(5) u 66(4) għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 1(4), 4(5) u 66(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(4), 4(5) u 66(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 68
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 69
Gwida tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida skont dan ir-Regolament dwar kwistjonijiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 tat-TFUE.
Artikolu 70
Evalwazzjoni
1.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament] il-Kummissjoni għandha tevalwa l-effettività u l-effiċjenza tar-reġistrazzjoni tal-SEPs u tas-sistema ta’ verifika tal-essenzjalità.
2.Sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data = 8 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament], u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta t-tħaddim ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza taċ-ċentru ta’ kompetenza u l-metodi ta’ ħidma tiegħu.
3.Meta tħejji r-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafi (1) u (2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-EUIPO u lill-partijiet ikkonċernati.
4.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafi (1) u (2) flimkien mal-konklużjonijiet tagħha mfassla abbażi ta’ dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO.
Artikolu 71
Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1001
Ir-Regolament (UE) 2017/1001
huwa emendat kif ġej:
1.l-Artikolu 151(1) huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt li ġej:
“(ba) l-amministrazzjoni, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-kompiti mogħtija lilha, imwettqa minn ċentru ta’ kompetenza, skont ir-Regolament (UE) Nru … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill+*;
* Ir-Regolament (UE) .../... Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ ... dwar privattivi essenzjali standard (ĠU ...).”;
(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Uffiċċju jista’ jipprovdi servizzi għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, inklużi l-medjazzjoni, il-konċiljazzjoni, l-arbitraġġ, id-determinazzjoni tar-royalties u d-determinazzjoni FRAND.”;
2.fl-Artikolu 157(4), jiżdied il-punt li ġej:
“(p) jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu skont ir-Regolament (UE) …++.”;
3.l-Artikolu 170 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ċentru għal Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim”;
(b)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Għall-finijiet tal-Artikolu 151(3), l-Uffiċċju jista’ jistabbilixxi Ċentru għal Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (“iċ-Ċentru”).
2. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tuża s-servizzi taċ-Ċentru għas-soluzzjoni ta’ tilwim relatat mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”;
(c)il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“15. L-Uffiċċju jista’ jikkoopera ma’ korpi nazzjonali jew internazzjonali rikonoxxuti oħrajn li jipprovdu servizzi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.”;
(d)jiżdied il-paragrafu li ġej:
“16. L-Artikoli 18, 19 u l-Artikoli 34 sa 58 tar-Regolament …++ għandhom japplikaw għaċ-Ċentru fil-proċedimenti kollha relatati ma’ privattivi essenzjali standard.”.
[+ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru ta’ dan ir-Regolament u daħħal in-numru, id-data u r-referenza tal-ĠU ta’ dan ir-Regolament fin-nota f’qiegħ il-paġna.]
[++ ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru ta’ dan ir-Regolament.]
Artikolu 72
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Għandu japplika minn …[OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Privattivi Essenzjali Standard u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
☒ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
Din l-inizjattiva għandha l-għan li: (i) tiżgura li l-utenti finali, inklużi n-negozji ż-żgħar u l-konsumaturi tal-UE jibbenefikaw minn prodotti bbażati fuq l-aħħar teknoloġiji standardizzati bi prezzijiet raġonevoli; (ii) tagħmel lill-UE post attraenti għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tal-istandards (inkluż għall-parteċipanti globali); u (iii) tiżgura li kemm id-detenturi tal-SEPs tal-UE kif ukoll l-implimentaturi jinnovaw fl-UE, jagħmlu u jbigħu prodotti fl-UE u jkunu kompetittivi fi swieq globali.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv speċifiku Nru
• Tipprovdi aktar ċarezza dwar min hu sid l-SEP u liema SEPs huma verament essenzjali.
• Tipprovdi ċarezza dwar ir-royalties FRAND u termini u kundizzjonijiet oħra
• Tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-SEPs.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Iżżid it-trasparenza tal-liċenzjar tal-SEPs, tnaqqas il-kost tat-tranżazzjoni u tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-SEPs kemm għad-detenturi tal-SEPs kif ukoll għall-implimentaturi.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
L-indikaturi tas-suċċess huma definiti fil-kapitolu tal-valutazzjoni tal-impatt 9 Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet. Kull indikatur jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn miri u mil-linja bażi.
Tabella 1: Indikaturi ta’ monitoraġġ
|
Mistoqsija ta’ riċerka
|
Indikaturi
|
|
Objettiv Speċifiku 1. Il-provvista ta’ informazzjoni dwar is-sjieda u l-essenzjalità tal-SEPs
|
|
L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-SEPs tjieb?
|
-L-għadd ta’ standards b’SEPs irreġistrati fil-bażi tad-data
-L-għadd ta’ detenturi ta’ SEPs irreġistrati
-L-għadd ta’ verifiki tal-essenzjalità mwettqa (b’mod ġenerali, għal kull detentur ta’ SEP, għal kull standard)
-Il-bażi tad-data hija aġġornata (meta jiġi rreġistrat l-SEP, tiġi aġġornata l-informazzjoni)
-L-għadd ta’ drabi li tintuża l-bażi tad-data (rata ta’ aċċess) u kif tintuża (eż. servizzi privati ġodda mibnija fuq din id-data)
-Il-perċezzjoni tal-kwalità tar-reġistru u tal-verifiki tal-essenzjalità
-Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari (għadd ta’ verifiki tal-essenzjalità kkonfermati)
-Il-kost/il-kwalità tas-sistema ċentrali meta mqabbla mas-soluzzjonijiet privati disponibbli
|
|
Objettiv Speċifiku 2. Il-provvista ta’ ċarezza dwar ir-royalties FRAND
|
|
L-informazzjoni dwar il-prezz, it-termini u l-kundizzjonijiet FRAND tjiebet?
|
-L-għadd ta’ studji magħmula miċ-Ċentru ta’ Kompetenza
-L-għadd ta’ SMEs li jirċievu assistenza
-Il-perċezzjoni tal-kwalità tal-istudji, l-assistenza
-L-għadd ta’ standards, u l-applikazzjonijiet tagħhom
-L-għadd ta’ royalties aggregati mħabbra, jew opinjonijiet esperti pprovduti
-Il-perċezzjoni tal-proċess tal-iffissar tar-rati tar-royalties aggregati/u r-rata nnifisha mill-implimentaturi u mid-detenturi; l-użu f’kawżi/sentenzi tal-qorti
-Il-frekwenza tal-bidliet tar-royalties aggregati
-Il-kost/il-kwalità tas-servizzi taċ-Ċentru ta’ Kompetenza meta mqabbla mas-soluzzjonijiet privati disponibbli
|
|
Objettiv Speċifiku 3. Tiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim
|
|
Kif is-sistemi l-ġodda biddlu s-soluzzjoni tat-tilwim
|
-L-użu tal-konċiljazzjoni (l-għadd ta’ kawżi fis-sena, id-durata, il-valutazzjoni tal-kwalità mill-qrati, l-użu fi proċedimenti tal-qorti u f’sentenzi; l-użu b’appoġġ ta’ applikazzjonijiet għal azzjoni doganali)
-Bidla fil-kost/fit-tul tal-litigazzjoni dwar l-SEPs minħabba l-konċiljazzjoni
-L-utilità tal-linji gwida (perċezzjoni mill-partijiet ikkonċernati, użu f’kawżi tal-qorti,)
|
|
Sorsi ta’ informazzjoni: Bażi tad-data taċ-Ċentru ta’ Kompetenza; Feedback/Stħarriġ ta’ utenti ġodda tas-sistema (Ċentru ta’ kompetenza/reġistru/konċiljazzjoni/linji gwida) bħal pereżempju detenturi ta’ SEP u implimentaturi, imħallfin, verifikaturi tal-essenzjalità; Analiżi tal-kawżi/sentenzi/mandati ta’ inibizzjoni tal-qorti; studji ta’ evalwazzjoni dedikati; konsultazzjonijiet pubbliċi; riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni
|
|
Għanijiet ġenerali
|
|
Impatt fuq id-detenturi tal-SEPs
|
-L-għadd ta’ detenturi tal-SEPs ibbażati fl-UE
-L-għadd ta’ SEPs irreġistrati mid-detenturi tal-SEPs ibbażati fl-UE
-It-tul tan-negozjati tal-liċenzji, l-għadd ta’ liċenzjaturi
-Il-kontribuzzjoni tad-ditti tal-UE f’attivitajiet standard ta’ żvilupp
-Lokalizzazzjoni tal-produzzjoni/tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ tali prodotti/servizzi (UE/pajjiżi terzi)
|
|
Impatt fuq l-implimentaturi tal-SEPs
|
-L-ispiża tal-liċenzja tal-SEP għad-ditti tal-UE, l-isforz biex tinkiseb liċenzja
-Perċentwal ta’ SEPs koperti permezz tal-liċenzjar.
-Il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE li jagħmlu prodotti/servizzi ta’ implimentazzjoni tal-SEPs fl-UE u f’pajjiżi terzi.
-Lokalizzazzjoni tal-produzzjoni/tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ tali prodotti/servizzi (UE/pajjiżi terzi)
-Il-kontribuzzjoni tad-ditti tal-UE f’attivitajiet standard ta’ żvilupp
|
|
Impatt fuq il-klijenti tal-UE
|
-Iż-żmien tal-introduzzjoni ta’ prodotti/servizzi ġodda li jużaw l-aħħar standards fl-UE meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, il-prezz ta’ tali prodotti
|
|
Sorsi ta’ informazzjoni: Stħarriġ, statistika uffiċjali (eż. “Intrapriżi li jużaw l-IoT” tal-Eurostat, isoc_eb_iot), studji ta’ evalwazzjoni dedikati; konsultazzjonijiet pubbliċi; riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni.
|
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-ħolqien taċ-Ċentru ta’ Kompetenza fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inkluż l-istabbiliment ta’ reġistru tal-SEP, għodod tal-IT meħtieġa kif ukoll attivitajiet preparatorji għall-komponenti li jifdal tal-inizjattiva (eż. id-definizzjoni tal-proċessi kollha, it-tħejjija tal-proċeduri kollha, l-istabbiliment ta’ kontrolli tal-kwalità, il-kompilazzjoni ta’ lista ta’ eżaminaturi tal-SEPs, il-ħolqien ta’ roster ta’ konċiljaturi, it-taħriġ tal-eżaminaturi tal-SEPs u tal-konċiljaturi, il-ġbir ta’ informazzjoni, politiki relatati mal-SEPs u sommarji tal-ġurisprudenza, l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ assistenza għall-SMEs, it-tħejjija ta’ materjali ta’ taħriġ, eċċ.) huwa mistenni li jieħu sa sentejn. Is-sistema hija mistennija li tkun kompletament operazzjonali wara dan.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
L-azzjoni fil-livell tal-UE hija mistennija li tiffranka l-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati, kemm għad-detenturi tal-SEP u għall-implimentaturi, kif ukoll għall-Istati Membri. Pereżempju, ikun hemm reġistru wieħed, kontroll tal-essenzjalità wieħed għal kull familja tal-privattivi, metodoloġija komuni waħda biex isiru dawn il-kontrolli, u proċess ta’ konċiljazzjoni simplifikat u trasparenti (determinazzjonijiet tal-FRAND). Id-detenturi u l-implimentaturi tal-SEP ma jkollhomx għalfejn iġarrbu l-istess spejjeż f’kull Stat Membru tal-UE kif ikun il-każ b’soluzzjonijiet nazzjonali, speċjalment f’sitwazzjoni fejn il-biċċa l-kbira tal-istandards ikunu reġjonali jew globali.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
L-EUIPO se jibni fuq l-esperjenza tiegħu fil-ġestjoni tar-reġistri għal titoli oħra tal-PI, kif ukoll l-esperjenza tiegħu bl-assistenza lill-SMEs u servizzi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Din l-inizjattiva se tkun kompletament awtoffinanzjata mill-EUIPO (permezz ta’ tariffi).
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
☒ durata mhux limitata
–Il-perjodu ta’ implimentazzjoni mistenni li jieħu sa sentejn, segwit minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
◻ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–◻ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
☒ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–☒ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima "Kummenti".
Kummenti
L-ebda baġit tal-UE involut, iffinanzjat bis-sħiħ mill-EUIPO mit-tariffi.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Se japplikaw ir-regoli tal-EUIPO. Ir-regolament se jiġi evalwat kull 5 snin f’konformità mal-Artikolu 71 tal-abbozz tar-regolament.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Se japplikaw ir-regoli tal-EUIPO.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Se japplikaw ir-regoli tal-EUIPO.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Se japplikaw ir-regoli tal-EUIPO.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Se japplikaw ir-regoli tal-EUIPO.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti Mhux applikabbli
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati u mill-pajjiżi kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
Mhux applikabbli
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba Mhux applikabbli
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati u mill-pajjiżi kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
Mhux applikabbli
|
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–☒
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
|
|
DĠ: <…….>
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
• Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
Impenji
|
(1a)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
Impenji
|
(1b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
|
(3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għad-DĠ <…….>
|
Impenji
|
=1a+1b+3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
=2a+2b
+3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA <….> tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
=4+6
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
=5+6
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Jekk il-proposta/l-inizjattiva taffettwa iżjed minn intestatura operazzjonali waħda, irrepeti t-taqsima ta’ hawn fuq:
|
• TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
Impenji
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 6
tal-qafas finanzjarju pluriennali
(Ammont ta’ referenza)
|
Impenji
|
=4+6
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
=5+6
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
"Nefqa amministrattiva"
|
Din it-taqsima jenħtieġ li timtela billi tintuża d-“data baġitarja ta’ natura amministrattiva” li għandha tiġi introdotta l-ewwel darba fl-
Anness għad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva
(l-Anness 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea), li jittella’ fid-DECIDE għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
DĠ: <…….>
|
|
• Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL TAD-DĠ <…….>
|
Approprjazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
⇩
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1…
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Eżitu
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Eżitu
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Eżitu
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Eżitu
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–☒
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–☒
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta numru indikattiv ta’ FTEs li l-EUIPO jista’ jkollu bżonn juża sabiex jimplimenta l-proposta.
|
|
2024*
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2025
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2026
(perjodu operazzjonali)
|
2027 u sussegwenti
(perjodu operazzjonali)
|
|
PERSUNAL TAL-EUIPO AD/AST
|
6
|
6
|
6
|
6
|
|
Persunal kuntrattwali tal-EUIPO
|
6
|
6
|
24
|
4
|
|
total
|
12
|
12
|
30
|
10
|
*id-data reali se tiddependi fuq l-adozzjoni tal-proposta mill-koleġiżlaturi
L-għadd għoli ta’ FTEs fit-tielet sena (l-ewwel sena tal-operat tas-sistema) huwa dovut għar-reġistrazzjoni mistennija ta’ massimu ta’ 72 000 familja ta’ privattivi, filwaqt li fis-snin sussegwenti l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet huwa mistenni li jonqos għal madwar 10 % tar-reġistrazzjonijiet inizjali. Madankollu, l-adozzjoni attwali tas-sistema l-ġdida hija inċerta – dawn huma l-istimi tagħna bbażati fuq il-valutazzjoni tal-impatt. Ta’ min jinnota li r-riżorsi tal-persunal fit-tabella ta’ hawn fuq jinkludu wkoll erba’ FTEs f’kull sena għal attivitajiet operazzjonali, bħall-operat taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, li se jkollu r-rwol ta’ back-office għall-proċessi ta’ determinazzjoni tal-FRAND (konċiljazzjonijiet) u l-proċessi aggregati tar-royalties.
Barra minn hekk, matul il-perjodu operazzjonali, l-EUIPO se jesternalizza servizzi bħall-kontrolli tal-essenzjalità u l-konċiljazzjoni lil esperti esterni. Aħna nistmaw li fit-tielet sena, se jkunu meħtieġa madwar 82 FTE ta’ esperti fil-valutazzjoni tal-essenzalità, li se jinżlu għal madwar tmien FTEs ta’ esperti mir-raba’ sena ’l quddiem. Aħna nivvalutaw ukoll li s-servizz ta’ madwar żewġ FTEs ta’ konċiljaturi se jkun meħtieġ kull sena.
It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta kost indikattiv tal-FTEs li l-EUIPO jista’ jkollu bżonn juża sabiex jimplimenta l-proposta.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2024*
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2025
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2026
(perjodu operazzjonali)
|
2027 u sussegwenti
(perjodu operazzjonali)
|
|
PERSUNAL TAL-EUIPO AD/AST
|
0,790
|
0,790
|
0,790
|
|
Persunal kuntrattwali tal-EUIPO
|
0,810
|
3,120
|
0,520
|
|
Total
|
1,590
|
3,900
|
1,310
|
*id-data reali se tiddependi fuq l-adozzjoni tal-proposta mill-koleġiżlaturi
Barra minn hekk, l-infiq tal-IT ta’ darba huwa stmat għal EUR 0,815 miljun, u l-infiq annwali għall-manutenzjoni tal-IT huwa stmat għal EUR 0,163 miljun.
Hawn taħt qed tiġi ppreżentata stima għar-remunerazzjoni tal-esperti esternalizzati.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2024*-2025
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2026
(perjodu operazzjonali)
|
2027 u sussegwenti
(perjodu operazzjonali)
|
|
Esperti esterni
|
|
74,025
|
9,067
|
Kalkoli u previżjonijiet dettaljati huma ppreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt, anness A7.1.
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena N+2
|
Sena N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE)
|
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx yy zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
|
|
|
|
|
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Mhux applikabbli, il-proposta hija ġestita mill-EUIPO u finanzjament permezz ta’ tariffi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–◻
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
Spjega liema riprogrammazzjoni hija meħtieġa, filwaqt li tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti. Ipprovdi tabella Excel f’każ ta’ riprogrammazzjoni kbira.
–◻
teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati, l-ammonti korrispondenti, u l-istrumenti proposti li għandhom jintużaw.
–◻
teħtieġ reviżjoni tal-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, filwaqt li tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–◻
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–☒
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
L-EUIPO se jiġbor tariffi sabiex ikopri l-kostijiet kollha tiegħu kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-esperti esterni. It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta l-valur stmat tat-tariffi miġbura mill-EUIPO.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2024*-2025
(perjodu ta’ implimentazzjoni)
|
2026
(perjodu operazzjonali)
|
2027 u sussegwenti
(perjodu operazzjonali)
|
|
|
|
78,329
|
10,782
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–☒
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
–jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa ◻