Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0228

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza

    COM/2023/228 final

    Strasburgu, 18.4.2023

    COM(2023) 228 final

    2023/0115(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SEC(2023) 230 final} - {SWD(2023) 225 final} - {SWD(2023) 226 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/49/UE 1 (id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jew id-DGSD) huma parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI) li jinkludi wkoll emendi għad-Direttiva 2014/59/UE 2 (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD) u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 3 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR).

    Minkejja li l-qafas tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ilu ferm stabbilit, każijiet preċedenti ta’ fallimenti ta’ banek urew li hemm bżonn ta’ titjib. L-għan tar-riforma tas-CMDI huwa li tibni fuq l-objettivi tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u li tiżgura approċċ aktar konsistenti għar-riżoluzzjoni, sabiex kwalunkwe bank fi kriżi jkun jista’ joħroġ mis-suq b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreżervati l-istabbiltà finanzjarja, flus il-kontribwenti u tiġi żgurata l-kunfidenza tad-depożitanti. B’mod partikolari, il-qafas dwar ir-riżoluzzjoni eżistenti għal banek iżgħar u medji jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tat-tfassil, tal-implimentazzjoni u, l-aktar importanti, tal-inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod aktar kredibbli għal dawk il-banek. Barra minn hekk, il-qafas ta’ protezzjoni tad-depożitanti għandu jittejjeb sabiex jiġu żgurati applikazzjoni koerenti tar-regoli u kundizzjonijiet aktar ekwivalenti, filwaqt li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja, tissaħħaħ il-kunfidenza tad-depożitanti u jiġi evitat il-kontaġju.

    Kuntest tal-proposta

    Wara l-kriżijiet globali tad-dejn finanzjarju u sovran, l-UE ħadet azzjonijiet deċiżivi, f’konformità mas-sejħiet internazzjonali għar-riforma, sabiex toħloq settur finanzjarju aktar sikur għas-suq uniku tal-UE. Dan kien jinkludi l-provvista tal-għodod u tas-setgħat sabiex jiġi indirizzat il-falliment ta’ kwalunkwe bank b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreżervati l-istabbiltà finanzjarja, il-finanzi pubbliċi u l-protezzjoni tad-depożitanti. L-Unjoni Bankarja nħolqot fl-2014 u bħalissa hija magħmula minn żewġ pilastri: Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM). Madankollu, l-Unjoni Bankarja għadha ma hijiex kompluta u hija nieqsa mit-tielet pilastru tagħha: skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) 4 . Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-24 ta’ Novembru 2015 sabiex tiġi stabbilita l-EDIS 5 għadha pendenti.

    L-Unjoni Bankarja hija appoġġata minn Ġabra Unika tar-Regoli li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-CMDI, hija magħmula minn tliet atti legali tal-UE adottati fl-2014: il-BRRD, l-SRMR u d-DGSD. Il-BRRD tiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-banek, inklużi arranġamenti ta’ kooperazzjoni transfruntierasa biex jiġu indirizzati l-fallimenti bankarji transfruntiera. L-SRMR joħloq il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) u jiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni Bankarja, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Id-DGSD tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti u tistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-fondi tad-DGS. Il-BRRD u d-DGSD japplikaw fl-Istati Membri kollha filwaqt li l-SRMR japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

    Il-pakkett bankarju tal-2019, magħruf ukoll bħala l-“pakkett dwar it-tnaqqis tar-riskju”, irreveda l-BRRD, l-SRMR, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR 6 ) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD 7 ). Dawn ir-reviżjonijiet kienu jinkludu miżuri li jwettqu l-impenji tal-UE magħmulin f’fora internazzjonali 8 u ħadu passi ulterjuri għall-milja tal-Unjoni Bankarja billi pprovdew miżuri kredibbli għat-tnaqqis tar-riskju sabiex itaffu t-theddidiet għall-istabbiltà finanzjarja.

    F’Novembru 2020, il-Grupp tal-Euro qabel dwar il-ħolqien u l-introduzzjoni bikrija ta’ garanzija komuni għall-SRF mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) 9 .

    Ir-riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI) u l-implikazzjonijiet usa’ għall-Unjoni Bankarja

    Flimkien mar-riforma tas-CMDI, Unjoni Bankarja kompluta, inkluż it-tielet pilastru tagħha, l-EDIS, tkun toffri livell ogħla ta’ protezzjoni finanzjarja u ta’ kunfidenza lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji tal-UE, iżżid il-fiduċja u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja bħala kundizzjonijiet neċessarji għat-tkabbir, għall-prosperità u għar-reżiljenza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fl-UE b’mod aktar ġenerali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tikkomplementa l-Unjoni Bankarja peress li ż-żewġ inizjattivi huma essenzjali sabiex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika), jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u jissaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u l-kompetittività tagħha f’dinja li dejjem tinbidel, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-ambjent ekonomiku u ġeopolitiku impenjattiv ta’ dawn iż-żminijiet 10 11 .

    F’Ġunju 2022, il-Grupp tal-Euro ma qabilx dwar pjan ta’ ħidma aktar komprensiv sabiex titwettaq l-Unjoni Bankarja billi tiġi inkluża EDIS. Minflok, il-Grupp tal-Euro stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi aktar immirati għar-riforma tal-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u għall-assigurazzjoni ta’ depożitu nazzjonali 12 .

    B’mod parallel, il-Parlament Ewropew, fir-rapport annwali tiegħu tal-2021 dwar l-Unjoni Bankarja 13 , enfasizza wkoll l-importanza li titwettaq bl-istabbiliment tal-EDIS u appoġġa lill-Kummissjoni fit-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva dwar ir-rieżami tas-CMDI. Filwaqt li l-EDIS ma ġietx approvata b’mod espliċitu mill-Grupp tal-Euro, din tkun tagħmel ir-riforma tas-CMDI aktar robusta u twassal sinerġiji u titjib fl-effiċjenza għall-industrija. Pakkett leġiżlattiv bħal dan ikun parti mill-aġenda għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, kif enfasizzata fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, li fakkret ukoll l-importanza tal-EDIS, u kif appoġġata regolarment mill-mexxejja 14 .

    L-objettivi tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (DGSD)

    Id-DGSD armonizzat il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-depożiti madwar l-UE. Il-protezzjoni tad-depożiti hija kruċjali sabiex tittejjeb il-kunfidenza tad-depożitanti, tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja u jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq uniku. Għal dak l-għan, f’kull Stat Membru ġiet stabbilita tal-anqas skema waħda ta’ garanzija tad-depożiti (DGS) sabiex jiġi żgurat rimborż rapidu tad-depożitanti fil-każ ta’ fallimenti ta’ banek (żborż) u ġie stabbilit livell armonizzat ta’ protezzjoni għal EUR 100 000. B’mod importanti, id-DGSs jaqdu wkoll rwol fil-ġestjoni tal-kriżijiet tal-banek. Jistgħu jikkontribwixxu għal riżoluzzjoni jew għal finanzjament ta’ miżuri oħrajn, u b’hekk jippreżervaw l-aċċess tad-depożitanti għal depożiti koperti.

    Raġunijiet għall-proposta

    F’konformità mal-mandat skont l-Artikolu 19(6) tad-DGSD, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni komprensiva ta’ kif marret id-DGSD. Il-konklużjoni tagħha kkonfermat li l-komponenti ewlenin tad-DGSD, b’mod partikolari l-livell ta’ kopertura standard ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant għal kull bank, il-livell fil-mira minimu għall-finanzjament tad-DGS, u l-iskedi qosra għall-iżborżi għad-depożitanti, b’mod ġenerali, iġġeneraw benefiċċji pożittivi għad-depożitanti.

    Madankollu, l-esperjenza prattika fl-applikazzjoni ta’ dan il-qafas uriet li hemm oqsma fejn jista’ jsir titjib. Dawn l-oqsma jikkonċernaw l-ambitu tal-protezzjoni tad-depożitanti, l-interpretazzjoni diverġenti tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-fondi tad-DGS għal interventi barra mill-iżborżi ta’ depożiti koperti, l-effettività u l-effiċjenza operazzjonali fil-mod kif jaħdmu d-DGSs, diskrezzjonijiet u għażliet nazzjonali wisgħin u ħtieġa għal koordinazzjoni mtejba bejn ix-xbieki ta’ sikurezza tar-riżoluzzjoni u tal-assigurazzjoni tad-depożiti.

    Bħala parti integrali mir-rieżami leġiżlattiv tas-CMDI tal-Kummissjoni, il-proposta tad-DGSD hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-ħidma preparatorja u fuq ir-rakkomandazzjonijiet żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-ħames opinjonijiet tagħha 15 dwar l-applikazzjoni tad-DGSD u tqis każijiet li fihom l-applikazzjoni prattika tagħha naqset milli tilħaq xi wħud mill-objettivi importanti tagħha jew laħqithom parzjalment biss.

    Sommarju tal-emendi tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (DGSD) bħala parti mir-riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI)

    Il-proposta tad-DGSD tkopri firxa ta’ aspetti ta’ politika u tikkostitwixxi rispons koerenti għall-problemi identifikati. Għalhekk, għandha l-għan li:

    (1)tiċċara l-ambitu tal-protezzjoni tad-depożitanti billi tindirizza d-diskrepanzi identifikati sabiex toffri lid-depożitanti tal-UE livell armonizzat u robust ta’ protezzjoni;

    (2)tarmonizza t-test tal-anqas kost għat-tipi kollha ta’ interventi tad-DGS barra mill-iżborż ta’ depożiti koperti f’insolvenza, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata l-konsistenza tal-eżiti meta jiġu ġestiti l-fallimenti tal-banek;

    (3)ittejjeb il-funzjonament tad-DGSs billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi, filwaqt li ttejjeb it-trasparenza tar-robustezza finanzjarja tagħhom u tal-użu tal-fondi minnhom;

    (4)iżżid il-konverġenza fil-prattiki tad-DGSs u fost l-awtoritajiet; u

    (5)ittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn id-DGS fir-rimborż lil depożitanti li jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-UE, jew f’każ ta’ bidla fl-affiljazzjoni mad-DGSs mill-banek.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta tibni fuq u il-qafas eżistenti tal-assigurazzjoni tad-depożiti stabbilit fid-DGSD, u ssaħħu. Għal dak l-għan, ħafna elementi tal-proposta jsegwu l-ħidma mwettqa mill-EBA, f’kooperazzjoni mad-DGSs nazzjonali u mal-awtoritajiet deżinjati. Tipproponi emendi bħala riflessjoni tal-esperjenza prattika miksuba mit-traspożizzjoni nazzjonali tad-dritt tal-UE u mill-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet, inkluż fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja. Il-proposta tinbeda b’mod parallel mar-rieżamijiet tal-BRRD u tal-SRMR sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ġenerali tal-qafas tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Il-proposta tibni fuq ir-riformi mwettqin wara l-kriżi finanzjarja li wasslu għall-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u tal-ġabra unika tar-regoli għall-banek kollha tal-UE.

    Billi ssaħħaħ il-kunfidenza tad-depożitanti u l-istabbiltà finanzjarja, il-proposta tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE u għall-kapaċità tiegħu li jappoġġa l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19, f’konformità mal-objettivi politiċi tal-awtonomija strateġika miftuħa Ewropea. B’mod aktar speċifiku, il-proposta ttejjeb ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi billi tarmonizza l-livell u l-perjodu ta’ protezzjoni ta’ depożiti speċifiċi fil-livell tal-konsumatur li huma għal terminu qasir u kontinġenti għal avvenimenti speċifiċi tal-ħajja (“bilanċi għoljin temporanji”) jew billi ssaħħaħ id-divulgazzjoni tal-informazzjoni għall-konsumaturi.

    Barra minn hekk, sabiex jiġi mmitigat ir-riskju li d-DGS jirrimborżaw lid-depożitanti involuti f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF), l-emendi jibnu fuq ir-reġim tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jqisu d-direzzjoni proposta fil-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), adottat fl-20 ta’ Lulju 2021.

    Sabiex tissaħħaħ l-infurzabbiltà tar-regoli tad-DGSD, l-emendi jirreferu għas-setgħat superviżorji stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRD). Dan l-approċċ jistabbilixxi l-kunċett li l-konformità mar-rekwiżiti tad-DGSs hija rekwiżit tal-ewwel ordni għall-banek kollha u jipprovdi raġuni għas-sekwenzjar tal-avvenimenti sabiex jiġi ddixxiplinat bank li jonqos milli jissodisfa dawn l-obbligi.

    L-emendi jarmonizzaw u jiċċaraw ukoll ir-regoli applikabbli għal miżuri preventivi u alternattivi ffinanzjati mill-fondi tad-DGSs. Dawn ir-regoli jridu jiġu apprezzati b’rabta mar-rekwiżiti diġà eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-istabbilimenti finanzjarji stabbiliti fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-Kummissjoni 16 .

    L-emendi jżidu wkoll ċarezza għall-protezzjoni tal-fondi tal-klijenti miżmumin minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji f’bank f’konformità mar-rekwiżiti għas-segregazzjoni tal-fondi tal-klijenti kif stabbiliti fid- Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament 17 , fid- Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi u fid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 18 . Fid-dawl tal-iżviluppi rapidi fis-servizzi finanzjarji innovattivi, il-kjarifika għandha l-għan li tibni l-fiduċja tal-klijenti f’istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji u fil-kontinwità tal-operat tagħhom jekk iseħħ falliment bankarju.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta temenda direttiva eżistenti, id-DGSD, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni mtejba tal-għodod li diġà huma disponibbli fil-qafas tal-protezzjoni tad-depożiti.

    Konsegwentement, il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-istess bħall-bażi ġuridika tal-att leġiżlattiv oriġinali, jiġifieri l-Artikolu 53(1) tat-TFUE dwar id-dritt ta’ stabbiliment, bl-istess bażi legali bħad-Direttiva li qiegħda tiġi emendata. Skont il-ġurisprudenza tal-UE 19 , meta att leġiżlattiv ikun imfassal sempliċiment bħala suppliment jew rettifika ta’ att leġiżlattiv ieħor, mingħajr ma jinbidel l-għan oriġinali tiegħu, il-leġiżlatura tal-UE tkun intitolata bis-sħiħ li tibbaża dan l-att tal-aħħar fuq il-bażi ġuridika tal-ewwel att.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-emendi għad-DGSD jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ir-regoli nazzjonali ma jistgħux jiksbu livell armonizzat ta’ protezzjoni tad-depożitanti u sett uniformi ta’ regoli dwar il-finanzjament u l-funzjonament tad-DGSs. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni tal-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE u jiġu evitati vantaġġi kompetittivi mhux xierqa fost l-istituzzjonijiet finanzjarji minħabba regoli diverġenti dwar il-protezzjoni tad-depożiti. L-EBA enfasizzat dan ukoll fl-opinjonijiet tagħha dwar ir-rieżami tad-DGSD.

    Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ banek u l-forniment ta’ servizzi bankarji, inkluż it-teħid ta’ depożiti, jistgħu jitwettqu b’mod transfruntier. In-natura transfruntiera tas-sistemi bankarji tista’ toħloq ħafna sfidi għad-DGSs (bidliet fl-affiljazzjoni mad-DGSs ta’ bank, iż-żamma ta’ rekords tal-klijenti jew il-kooperazzjoni transfruntiera), li joħolqu l-ħtieġa għal intervent tal-UE.

    Il-biċċa l-kbira tal-emendi fil-proposta jaġġornaw id-dritt eżistenti tal-UE, u, bħala tali, jikkonċernaw oqsma li fihom l-UE diġà eżerċitat is-setgħat tagħha. Diversi azzjonijiet fil-proposta jintroduċu grad addizzjonali ta’ armonizzazzjoni sabiex b’mod konsistenti jintlaħqu l-objettivi definiti mid-DGSD.

    Proporzjonalità

    L-emendi huma proporzjonati għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-DGSD.

    L-emendi jistabbilixxu rekwiżiti komuni sabiex jittejjeb u jiġi armonizzat il-livell ta’ protezzjoni tad-depożitanti fi ħdan l-UE. Madankollu, il-proposta ma tirregolax il-mudelli organizzazzjonali, l-istruttura legali jew il-governanza interna tad-DGSs tal-UE. Għalhekk, il-binja stabbilita tal-assigurazzjoni tad-depożiti tal-UE tiddependi, u se tkompli tiddependi, fuq network ta’ DGSs nazzjonali, organizzati f’konformità ma’ mudelli differenti (DGS pubblika, DGS privata, skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS)) u ma’ tipi differenti ta’ relazzjonijiet bejn l-awtorità deżinjata tad-DGSs u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni (taħt l-istess entità umbrella jew f’istituzzjonijiet distinti).

    Barra minn hekk, il-proposta tagħti setgħat konsiderevoli lill-awtoritajiet nazzjonali, billi tibda bl-eżekuzzjoni tat-test tal-anqas kost li jiddetermina l-kosteffiċjenza fl-użu tal-fondi tad-DGSs. Il-biċċa l-kbira tas-suġġetti koperti mill-proposta (fuq livell komuni ta’ bilanċi għoljin temporanji, il-protezzjoni tal-fondi tal-klijenti, il-protezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi) huma relatati ma’ oqsma li fihom l-Istati Membri tal-UE talbu b’mod espliċitu standard madwar l-UE kollha sabiex jipprovdi aktar ċertezza legali fil-protezzjoni tad-depożitanti. Il-mandati għall-EBA previsti skont il-proposta (permezz ta’ linji gwida u standards) huma limitati għall-aktar suġġetti tekniċi tad-DGSD li għalihom hija meħtieġa spjegazzjoni aktar dettaljata tar-rekwiżiti.

    Il-proposta żżomm ukoll id-dispożizzjonijiet eżistenti li jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u jiżguraw applikazzjoni proporzjonata tar-regoli tad-DGSD, eż. permezz tal-għażla tal-għażliet nazzjonali, il-possibbiltà li ċerti Stati Membri japplikaw livell fil-mira aktar baxx jew li l-membri ta’ IPS jibbenefikaw minn kontribuzzjonijiet imnaqqsin.

    Għażla tal-istrument

    Qiegħed jiġi propost li l-miżuri jiġu implimentati billi d-DGSD tiġi emendata permezz ta’ direttiva. Il-miżuri proposti jelaboraw jew ikomplu jirreferu għad-dispożizzjonijiet diġà eżistenti inkorporati f’dan l-istrument legali. Peress li l-assigurazzjoni tad-depożiti hija marbuta mill-qrib ma’ oqsma mhux armonizzati tad-dritt nazzjonali, bħal-liġi dwar l-insolvenza, it-traspożizzjoni hija neċessarja sabiex id-dispożizzjonijiet proposti jiġu integrati bl-aħjar mod fid-dritt nazzjonali.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-qafas tas-CMDI kien imfassal għall-evitar u għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs jew mudell ta’ negozju. Ġie żviluppat bl-objettivi li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li jiġu protetti d-depożitanti, jiġi mminimizzat l-użu tal-appoġġ mis-settur pubbliku, li jiġi limitat il-periklu morali, u li jittejjeb is-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, b’mod ġenerali, il-qafas tas-CMDI għandu jittejjeb f’ċerti aspetti.

    B’mod partikolari, l-evalwazzjoni turi li ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek għadhom insuffiċjenti. Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi dwar jekk għandhomx jirrikorru għal riżoluzzjoni jew għal insolvenza tista’ tvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, ix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija mhux dejjem ikunu effettivi u għandhom jippersistu kundizzjonijiet ta’ aċċess diverġenti għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni u barra r-riżoluzzjoni. Dawn jaffettwaw l-inċentivi u joħolqu opportunitajiet għall-arbitraġġ meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar liema għodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet għandha tintuża. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tad-depożitanti għadha mhux uniformi u inkonsistenti madwar l-Istati Membri f’numru ta’ oqsma.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kummissjoni wettqet skambji estensivi permezz ta’ għodod ta’ konsultazzjoni differenti sabiex tilħaq lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti, sabiex tifhem aħjar kif mar il-qafas kif ukoll il-lok possibbli għal titjib.

    Fl-2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kkombinata u pjan direzzjonali bl-għan li tipprovdi analiżi dettaljata tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u l-impatt potenzjali ta’ għażliet ta’ politika differenti fuq l-ekonomija, fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent.

    Fl-2021, il-Kummissjoni nediet żewġ konsultazzjonijiet: konsultazzjoni mmirata u pubblika sabiex tfittex feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar kif ġie applikat il-qafas tas-CMDI u fehmiet dwar modifiki possibbli. Il-konsultazzjoni mmirata, li tinkludi 39 mistoqsija teknika ġenerali u speċifika, kienet disponibbli bl-Ingliż biss u miftuħa mis-26 ta’ Jannar sal-20 ta’ April 2021. Il-konsultazzjoni pubblika kienet tikkonsisti f’10 mistoqsijiet ġenerali, disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE u damet għaddejja matul il-perjodu ta’ rispons mill-25 ta’ Frar sal-20 ta’ Mejju 2021. Rapport fil-qosor dwar il-feedback għal din il-konsultazzjoni ġie ppubblikat fis-7 ta’ Lulju 2021 20 . Il-konsultazzjonijiet urew li l-biċċa l-kbira tar-rispondenti kienu jqisu li d-depożiti tal-pubbliku, inklużi l-awtoritajiet lokali, għandhom jiġu protetti wkoll mid-DGS. Il-biċċa l-kbira tal-banek u tad-DGSs qiesu li d-divulgazzjoni regolari kurrenti tal-informazzjoni kienet biżżejjed u li ma kien hemm bżonn ta’ ebda bidla. Il-komunikazzjoni diġitali spiss tqieset bħala l-aktar mezz xieraq sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ospitat konferenza ta’ livell għoli fit-18 ta’ Marzu 2021 li fiha laqqgħat rappreżentanti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-konferenza kkonfermat l-importanza ta’ qafas effettiv iżda enfasizzat ukoll id-dgħufijiet kurrenti. Il-membri tal-panel fil-konferenza nnotaw li l-qafas tad-DGSD jibbenefika minn aktar armonizzazzjoni u minn interazzjoni aħjar mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AMLD), id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-kunfidenza u l-fiduċja tal-konsumatur għandhom jiġu riflessi fir-rieżami tad-DGSD kif ukoll fis-sitwazzjoni fi swieq iżgħar.

    Il-persunal tal-Kummissjoni kkonsulta wkoll ripetutament lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tas-CMDI u dwar ir-reviżjonijiet possibbli tal-BRRD/tal-SRMR u tad-DGSD fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni. B’mod parallel mad-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Esperti, il-kwistjonijiet indirizzati f’din il-proposta kienu koperti wkoll f’laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni Bankarja u l-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-EDIS.

    Barra minn hekk, matul il-fażi preparatorja tal-leġiżlazzjoni, il-persunal tal-Kummissjoni kellu wkoll diversi laqgħat (fiżiċi u virtwali) ma’ rappreżentanti tal-industrija bankarja kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

    Ir-riżultati tal-inizjattivi kollha msemmijin hawn fuq ikkontribwew għat-tħejjija ta’ din il-proposta u tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha. Ipprovdew evidenza ċara tal-ħtieġa li jiġu aġġornati u kompluti r-regoli kurrenti sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi tal-qafas. L-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt jipprovdi s-sommarji ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u tal-konferenza pubblika.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Sabiex tappoġġa l-ħidma tagħha dwar ir-rieżami tad-DGSD, il-Kummissjoni ħarġet sejħa komprensiva għal pariri lill-EBA 21 . L-EBA wieġbet billi ssottomettiet ħames opinjonijiet. L-ewwel opinjoni dwar l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-livell ta’ kopertura u l-kooperazzjoni bejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ġiet sottomessa f’Awwissu 2019 22 . It-tieni opinjoni dwar l-iżborżi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ġiet sottomessa f’Ottubru 2019 23 . It-tielet opinjoni dwar il-finanzjament tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u l-użi tal-fondi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ġiet sottomessa f’Jannar 2020 24 . Ir-raba’ opinjoni dwar it-trattament tal-fondi tal-klijenti ġiet ippreżentata f’Ottubru 2021 25 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset l-opinjoni tal-EBA tal-2020 dwar l-interazzjoni bejn id-Direttiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u d-Direttiva tal-UE dwar l-Iskemi ta’ garanzija tad-depożiti 26 u l-opinjoni biennali tal-2021 tal-EBA dwar ir-riskji li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-UE 27 .

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkuntrattat liċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) sabiex jipprovdi żewġ rapporti dwar l-assigurazzjoni tad-depożiti, bit-titolu “Harmonising insolvency laws in the Euro area” 28 u “Options and national discretions under the DGSD” 29 , li ġew ippubblikati, rispettivament, f’Diċembru 2016 u f’Novembru 2019.

    Minbarra li kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ħadet sehem f’diskussjonijiet u fi skambju ta’ fehmiet li informaw il-ħidma tat-task force tal-EBA dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u l-Grupp ta’ Esperti dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni.

    Valutazzjoni tal-impatt 30

    Din il-proposta taqsam il-valutazzjoni tal-impatt (IA) tagħha mal-proposti li jirrieżaminaw il-BRRD u l-SRMR, li jqisu l-feedback li jirċievu l-partijiet ikkonċernati u l-ħtieġa li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet interkonnessi li jkopru aktar minn tliet testi legali differenti. L-Anness 6 tal-IA jiddeskrivi l-kwistjonijiet dwar il-funzjonament kurrenti tad-DGS, jistabbilixxi x-xenarji possibbli għat-titjib tagħha u jiġġustifika l-għażliet ta’ politika miżmumin fl-emendi proposti. Hija tikkonkludi li d-DGSD kien ġeneralment effettiv fit-titjib tal-livell ta’ protezzjoni tad-depożitanti madwar l-UE. Madankollu, l-applikazzjoni tas-salvagwardji tad-DGSD għadha ma hijiex uniformi fost id-DGS nazzjonali, u tenfasizza l-ħtieġa għal regoli armonizzati sabiex jiġu indirizzati d-diverġenzi li għandhom impatti negattivi fuq id-depożitanti. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi ċċarata l-kopertura għal ċerti tipi ta’ depożitanti.

    L-għażliet ta’ politika kollha jqisu s-suġġerimenti tal-EBA u l-feedback sussegwenti riċevut mill-esperti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni kif ukoll, meta disponibbli, evidenza analitika oħra.

    L-IA enfasizzat li l-għażliet ta’ politika vvalutati jtejbu l-applikazzjoni tal-assigurazzjoni tad-depożiti madwar l-Istati Membri u jtejbu ċ-ċertezza legali u l-kunfidenza tad-depożitanti. Jadattaw b’mod adegwat il-protezzjoni tad-depożitanti għall-evoluzzjonijiet u għall-vulnerabbiltajiet reċenti tal-ekosistema finanzjarja permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati lejn attivitajiet transfruntiera, lejn servizzi tal-fintech u lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Jiffaċilitaw ukoll l-użu ta’ fondi tad-DGSs barra mill-ħlas ta’ depożiti koperti permezz ta’ test tal-anqas kost rivedut meta tali interventi jiżguraw l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom b’mod aktar kosteffettiv.

    Madankollu, billi jiġu inklużi b’mod espliċitu ċerti tipi ta’ depożitanti u ta’ depożiti fl-ambitu tal-kopertura (awtoritajiet pubbliċi, fondi tal-klijenti) u billi jiġu armonizzati aktar xi regoli (livell minimu ta’ kopertura għal bilanċi għoljin temporanji, it-tneħħija tal-possibbiltà li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet tad-depożitanti li jsiru dovuti mill-ammont ripagabbli), dawn l-emendi jista’ jkollhom impatt – għalkemm limitat – fuq il-kostijiet għad-DGSs. Bl-istess mod, il-bidliet fit-test tal-anqas kost għall-użu tad-DGSs għal interventi għajr għall-iżborż jista’ jkollhom ukoll impatt finanzjarju fuq d-DGSs. Dawn il-kostijiet jitħallsu mill-industrija bankarja permezz ta’ kontribuzzjonijiet lid-DGS u ma jaffettwawx lill-kontribwenti f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tal-flus pubbliċi stabbilit fid-DGSD.

    L-IA kkonfermat ukoll li l-qafas tad-DGSs tal-UE jkun aktar reżiljenti jekk ikun appoġġat minn EDIS. Il-ġbir flimkien ta’ fondi fi skema kondiviża jsaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tal-assigurazzjoni tad-depożiti fl-Unjoni Bankarja li tlaħħaq ma’ żborżi ta’ valur għoli u jtejjeb il-kunfidenza tad-depożitanti. Għalkemm l-għażla politika sabiex tiġi stabbilita EDIS hija teknikament l-aktar għażla robusta, ma hijiex politikament fattibbli f’dan l-istadju.

    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju approva l-valutazzjoni tal-impatt wara li inizjalment kien ta opinjoni negattiva. Sabiex jiġu indirizzati l-kummenti mqajmin mill-Bord fir-rigward tal-funzjonament tad-DGSs, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata sabiex jiġu ċċarati aħjar ir-rabtiet bejn il-pariri tal-EBA u l-għażliet stabbiliti fl-IA.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta għandha tgħin sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv tad-DGS billi jitneħħew ċerti għażliet u diskrezzjonijiet nazzjonali, jiġi applikat trattament ugwali ta’ fergħat f’pajjiżi terzi u jissaħħu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn id-DGSs. Billi jissimplifikaw id-divulgazzjonijiet meħtieġa u jallinjawhom ma’ dak li huwa neċessarju għar-riċevituri, l-emendi jtaffu x-xogħol amministrattiv fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-DGSs.

    Fir-rigward tal-prontezza diġitali, il-proposta tibni fuq l-avvanzi teknoloġiċi u legali sabiex tiżgura li l-informazzjoni għad-depożitanti tkun faċilment aċċessibbli, u li l-proċess ta’ żborż ikun rapidu kemm jista’ jkun.

    Barra minn hekk, is-setgħat għall-EBA se jippermettu aktar aġġustamenti sabiex itejbu u jarmonizzaw saħansitra aktar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tad-DGSD.

    Il-kostijiet għall-banek u għall-awtoritajiet nazzjonali jkunu limitati ħafna. Kull titjib fil-protezzjoni tad-depożitanti previst skont il-proposta tad-DGSD (bilanċi għoljin temporanji, fondi tal-klijenti, awtoritajiet pubbliċi) huwa mistenni li jkollu impatt marġinali ħafna fuq il-fondi tad-DGSs. Pereżempju, fi 13-il Stat Membru, l-ammont ta’ fondi tal-klijenti jikkostitwixxi anqas minn 1 % tad-depożiti koperti kollha f’dak l-Istat Membru. Għalhekk, il-proposta tippreserva l-kompetittività tas-settur bankarju tal-UE filwaqt li tagħti spinta lill-protezzjoni offruta lid-depożitanti tal-UE. Barra minn hekk, il-kostijiet addizzjonali potenzjali – għalkemm limitati – li jirriżultaw minn dan it-titjib ikunu fil-biċċa l-kbira paċuti mill-kostijiet imnaqqsin għad-DGSs meta jwettqu l-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom skont id-Direttiva rieżaminata. Fil-fatt, bit-tnaqqis tan-numru ta’ għażliet, is-simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi fis-seħħ għall-kooperazzjoni transfruntiera u l-istabbiliment fil-livell tal-UE ta’ metodoloġija komuni għat-tlestija tat-test tal-anqas kost, il-proposta tillibera riżorsi amministrattivi tad-DGSs.

    Minħabba rwol akbar tad-DGSs fil-ġestjoni tal-kriżijiet, l-użu tal-mezzi finanzjarji tagħhom, li jinġabru mis-settur bankarju, jista’ jirrikjedi rikambju aktar frekwenti tal-fondi tagħhom. Madankollu, f’konformità mat-test tal-anqas kost, dawn il-miżuri huma permessi biss jekk jitqiesu li jiswew anqas għad-DGS minn xenarju ta’ żborż. Dan l-approċċ jissalvagwardja r-riżorsi finanzjarji tagħha fit-tul.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17) u l-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38).

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE. Il-proposta tkun tirrikjedi li l-EBA tiżviluppa seba’ standards tekniċi u sitt linji gwida minbarra dawk diġà preżenti fid-DGSD. Fost dawn is-sitt struzzjonijiet ġodda għal-linji gwida, tlieta għandhom l-għan biss li jikkodifikaw f'test tal-ewwel livell linji gwida diġà eżistenti (stress test, delineazzjoni u rapportar tal-mezzi finanzjarji disponibbli, ftehimiet ta’ kooperazzjoni), li ġew stabbiliti fuq l-inizjattiva proprja tal-EBA. Għalhekk, dawn il-linji gwida ma jkunux jeħtieġu piż addizzjonali sinifikanti ta’ xogħol. Is-setgħat l-oħrajn previsti skont il-proposta huma relatati ma’ diversi suġġetti, li jkopru kemm mandati mmirati ħafna (il-prinċipju tad-diversifikazzjoni f’assi b’riskju baxx) kif ukoll suġġetti usa’ (id-definizzjoni tal-anqas kost).

    Fid-dawl tal-ħidma tal-passat u ta’ dik kurrenti tal-EBA dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet, huwa meqjus li l-kompiti proposti għall-EBA ma humiex se jirrikjedu karigi addizzjonali u jistgħu jitwettqu bir-riżorsi kurrenti.

    L-istandards tekniċi għandhom jiġu ppreżentati 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Din l-iskadenza għandha tipprovdi biżżejjed żmien għall-EBA sabiex tiżviluppahom fid-dawl tar-riżorsi kurrenti tagħha.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Permezz ta’ interazzjonijiet regolari mat-Task Force tal-EBA dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, il-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali 31 u tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-depożitanti madwar l-UE.

    Kif diġà stabbilit fid-DGSD eżistenti, l-awtoritajiet nazzjonali se jżommu r-rapportar lill-EBA dwar l-ammont ta’ mezzi finanzjarji disponibbli, arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi u l-użu tal-fondi tad-DGSs, li l-EBA min-naħa tagħha għandha tiddivulga. Il-proposta żżomm ukoll ir-rieżamijiet perjodiċi u ta’ segwitu diġà previsti fid-Direttiva oriġinali, għall-istress test tad-DGSs, il-kriterji għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju u l-eżami mill-ġdid tal-livell ta’ kopertura.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-emendi proposti jibnu fuq u jiċċaraw il-mandat tad-DGSs sabiex jipproteġu aħjar id-depożiti fil-kuntest tar-rimborż tad-depożitanti. Huma jsaħħu wkoll ir-rwol tad-DGS barra minn sitwazzjonijiet li fihom id-depożitanti jitħallsu lura mid-DGS wara l-falliment ta’ bank għall-fini tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji bl-għan li jinżammu l-kunfidenza tad-depożitanti u l-istabbiltà finanzjarja. Fl-aħħar nett huma jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi sabiex jissimplifikaw l-attivitajiet ta’ kuljum tad-DGS u jittrattaw sitwazzjonijiet kumplessi mil-lat amministrattiv.

    Il-proposta temenda d-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-DGSD:

    Meta jitqiesu l-possibbiltajiet imtejbin għall-użu tad-DGS għall-finanzjament ta’ miżuri preventivi, ta’ strateġiji ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni u ta’ miżuri alternattivi fl-insolvenza, l-Artikolu 1 (“Suġġett u ambitu”) huwa emendat sabiex jiċċara li flimkien mal-istabbiliment u mal-funzjonament tad-DGS, mal-kopertura u mar-ripagament tad-depożiti, u mal-użu ta’ fondi tad-DGSs għal miżuri sabiex jinżamm l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-paragrafu 2, il-punt (d) ta’ dan l-artikolu huwa emendat sabiex jiċċara li l-fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu stabbiliti f’pajjiżi terzi huma koperti mid-Direttiva.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi t-termini u d-definizzjonijiet li jintużaw għall-fini ta’ din id-Direttiva. Huwa emendat sabiex jintroduċi definizzjonijiet, b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fil-proposta wara r-rakkomandazzjonijiet tal-EBA fl-opinjonijiet tagħha, b’mod partikolari dwar id-depożiti ta’ fondi tal-klijenti u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament t-terroriżmu.

    Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 4 huwa konsolidat fl-Artikolu 16a l-ġdid dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-DGS u r-rapportar mill-awtoritajiet (ara aktar ’il quddiem).

    Fl-opinjoni tagħha, l-EBA indikat l-implimentazzjoni diverġenti tad-definizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi. Dan wassal għal ambitu differenti tal-protezzjoni tad-depożiti madwar l-Istati Membri, li f’xi każijiet kienu jeskludu mill-protezzjoni entitajiet pubbliċi bħal skejjel, sptarijiet jew servizzi muniċipali, li ma humiex depożitanti sofistikati. Id-differenzjazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet pubbliċi fuq il-bażi tal-baġit tagħhom u ta’ karatteristiċi oħrajn toħloq diffikultajiet operazzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-DGSs. Għalhekk, fl-Artikolu 5, l-awtoritajiet pubbliċi ma għadhomx esklużi mill-ambitu tal-protezzjoni tad-depożitanti bl-objettiv ta’ armonizzazzjoni u ta’ titjib tal-protezzjoni tagħhom. L-artikolu jiċċara wkoll li d-depożiti relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu huma esklużi mill-protezzjoni tad-DGSs.

    L-Artikolu 6, li jirregola l-livell ta’ kopertura tal-protezzjoni tad-depożitanti, huwa emendat sabiex jarmonizza l-livell minimu ta’ protezzjoni għal bilanċi għoljin temporanji, il-perjodu ta’ protezzjoni relatat u sabiex jiċċara l-ambitu tad-depożiti protetti miżmumin fid-dawl tat-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli.

    Meta jitqiesu l-interpretazzjonijiet diverġenti tal-għażla eżistenti relatati mat-tnaqqis mill-ammont ripagabbli ta’ obbligazzjonijiet ta’ depożitanti li jkunu skadew, il-paragrafu 5 tal-Artikolu 7 jitħassar sabiex jiġu armonizzati r-regoli għall-kalkolu tal-ammont ripagabbli. Il-paragrafu 7 huwa emendat sabiex iqis sitwazzjonijiet li fihom ir-rata tal-imgħax tkun negattiva.

    Ġie introdott Artikolu 7a ġdid dwar l-oneru tal-provi sabiex jiċċara l-aspett proċedurali tal-eliġibbiltà jew tal-intitolament għad-depożiti, li jħalli l-oneru tal-provi fuq id-depożitanti u fuq id-detenturi ta’ kontijiet li juru li jkunu assolutament intitolati għad-depożiti f’kontijiet benefiċjarji jew f’kontijiet b’bilanċi għoljin temporanji.

    Sabiex jingħata aktar żmien sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà għar-ripagament u f’konformità mad-dispożizzjoni dwar l-oneru tal-provi stabbilita fl-Artikolu 7a, l-Artikolu 8 huwa emendat sabiex jippermetti lid-DGS japplikaw perjodu itwal ta’ mhux aktar minn 20 jum tax-xogħol fil-każ ta’ ripagament ta’ kontijiet tal-benefiċjarji, ta’ fondi tal-klijenti, u ta’ bilanċi għoljin temporanji. Id-data limitu tibda tgħodd mid-data li fiha DGS tkun irċiviet id-dokumentazzjoni sħiħa li tippermetti l-eżami tal-pretensjonijiet u l-verifika tal-kundizzjonijiet għar-ripagament. L-artikolu emendat jippermetti wkoll lid-DGS tistabbilixxi livell limitu għar-ripagament ta’ kontijiet inattivi.

    Jiddaħħal Artikolu 8a ġdid sabiex jiżgura li d-depożitanti, li jaqbżu livell limitu ta’ EUR 10 000, jiġu rrimborżati permezz ta’ trasferimenti ta’ kreditu f’konformità mal-objettivi tal-AML/CFT.

    L-istituzzjonijiet finanzjarji bħad-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet tal-pagamenti jew tal-flus elettroniċi jiġbru fondi mill-klijenti tagħhom u huma meħtieġa mir-regoli settorjali sabiex jissalvagwardjaw dawk il-fondi, inkluż fost l-oħrajn billi jpoġġuhom f’kontijiet segregati ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Artikolu 8b ġdid jistabbilixxi regoli sabiex jiġi armonizzat l-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti għal tali fondi ddepożitati f’isem u għan-nom tal-klijenti tagħhom, għall-finijiet tas-segregazzjoni. L-artikolu jagħti wkoll dettalji dwar il-modalitajiet għar-ripagament tad-detentur ta’ kont jew tal-klijent u jagħti mandat lill-EBA sabiex tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-identifikazzjoni tal-klijenti f’każijiet bħal dawn.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu 32 tirrikjedi li s-superviżuri finanzjarji jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew mal-awtoritajiet deżinjati u jinformaw lil dawk l-awtoritajiet bl-eżitu tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent. Huwa introdott Artikolu 8c ġdid tad-DGSD sabiex jiġi evitat ir-ripagament ta’ depożiti meta l-eżitu tad-diliġenza dovuta tal-klijent tiżvela li jkun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll sabiex jiġi żgurat skambju mingħajr xkiel ta’ informazzjoni bejn l-awtorità deżinjata u d-DGS f’dawn il-każijiet. Din id-dispożizzjoni l-ġdida tistabbilixxi wkoll arranġamenti ta’ żamma fuq ir-ripagamenti tad-DGSs għall-iżborżi ta’ depożiti koperti li jinvolvu tħassib dwar il-ħasil tal-flus / il-finanzjament tat-terroriżmu.

    L-Artikolu 9 tad-DGSD jipprevedi li meta DGS tagħmel pagamenti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni, id-DGS għandu jkollha pretensjoni kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu rilevanti għal ammont ugwali għall-pagamenti tagħha. Jrnħtieġ li dik il-pretensjoni tikklassifika pari passu mad-depożiti koperti. Din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni tad-DGSs għal riżoluzzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ (meta l-entità tal-bank tiġi ppreservata u tkompli bl-operat tagħha) u l-kontribuzzjonijiet tad-DGSs għall-finanzjament ta’ strateġija ta’ trasferiment (għodda ta’ bejgħ ta’ negozju jew għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u likwidazzjoni tal-entità residwa). In-nuqqas ta’ tali distinzjoni jista’ joħloq inċertezza fir-rigward tal-eżistenza u tal-ammont ta’ pretensjoni ta’ DGS f’xenarji differenti. Għalhekk, l-Artikolu 9 huwa emendat sabiex jispeċifika li, meta l-fondi ta’ DGS jintużaw fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ trasferiment f’miżuri ta’ riżoluzzjoni jew alternattivi fi proċedimenti ta’ insolvenza, id-DGS għandu jkollha pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa fil-proċedimenti ta’ stralċ sussegwenti tagħha skont id-dritt nazzjonali. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-fondi tad-DGSs jintużaw b’rabta ma’ telf li kieku kien jiġġarrab mid-depożitanti. Din il-pretensjoni għandha tiġi kklassifikata fl-istess livell bħad-depożiti skont ir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri li jibqgħu fl-istituzzjoni jew fl-entità residwa effettivament jassorbu t-telf tal-istituzzjoni u sabiex tittejjeb il-possibbiltà ta’ rkupru tad-DGSs f’insolvenza. Għall-kuntrarju, kontribuzzjoni tad-DGS għal riżoluzzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ minflok depożiti koperti għall-ammont li bih id-depożiti koperti kienu jiġu sottoskritti jew konvertiti, li kieku kienu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna, ma għandhiex tiġġenera pretensjoni kontra l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, peress li tkun telimina l-iskop tal-kontribuzzjoni tad-DGS.

    L-Artikolu 9, il-paragrafu 3 huwa emendat sabiex jarmonizza għal ħames snin il-perjodu li matulu d-depożitanti jistgħu jagħmlu pretensjoni kontra d-DGS.

    L-Artikolu 10 huwa emendat sabiex jispeċifika l-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-livell fil-mira u l-fatt li l-flus ikkontribwiti direttament lid-DGS jew li ġew irkuprati mid-DGS biss ikunu eliġibbli sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira. Din il-kjarifika hija allinjata mar-regoli kurrenti applikabbli fid-dawl tal-linji gwida tal-EBA. L-objettiv huwa li jiġi ċċarat li l-flus miġburin permezz tas-self ma humiex eliġibbli sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira.

    Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 10 jitħassar billi l-għażla li jiġu ġġenerati l-mezzi finanzjarji disponibbli permezz tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsin mill-istituzzjonijiet membri għal skemi eżistenti ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji stabbiliti minn Stat Membru ma ntużatx fil-prattika.

    F’konformità mal-opinjonijiet tal-EBA, sabiex tittejjeb il-konverġenza tal-prattiki u jiġi żgurat li l-fondi jkunu disponibbli sabiex tintlaħaq l-iskadenza għar-rimborż tad-depożitanti, jiżdied paragrafu 11 ġdid mal-Artikolu 10, li jagħti flessibbiltà lid-DGSs sabiex jużaw arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi ffinanzjati permezz ta’ sorsi privati qabel ma jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli u l-fondi miġburin permezz ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji. Barra minn hekk, flessibbiltà bħal din tippermetti lid-DGSs jevitaw li jkollhom jiġġeneraw minnufih kontribuzzjonijiet straordinarji, meta l-ġenerazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet bħal dawn tipperikola l-istabbiltà finanzjarja (eż. fi kriżi sistemika). Hija meħtieġa wkoll flessibbiltà sħiħa sabiex d-DGSs ikunu jistgħu jużaw il-fondi tagħhom bl-aktar mod effiċjenti u jevitaw bejgħ bl-għaġla tal-assi tagħhom (mezzi finanzjarji disponibbli) fil-punt ta’ kriżi. Fl-istess ħin, id-dispożizzjoni tiżgura li l-finanzjament minn sorsi pubbliċi jkun jista’ jintuża biss bħala l-aħħar għażla.

    Barra minn hekk, il-paragrafu l-ġdid fl-Artikolu 10 jiċċara r-rekwiżiti sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni tajba tal-fondi tad-DGSs u jagħti mandat lill-EBA sabiex tiżviluppa linji gwida dwar id-diversifikazzjoni tal-istrateġija ta’ investiment tad-DGSs. Jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-fondi tad-DGSs jitqiegħdu f’kont segregat fil-bank ċentrali nazzjonali jew fit-Teżor nazzjonali. Barra minn hekk, jagħti mandat lill-EBA sabiex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji dwar id-delineazzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli għad-DGSs.

    L-Artikolu 11 huwa emendat sabiex jiċċara d-distinzjoni bejn miżuri preventivi u alternattivi. Il-miżuri ta’ prevenzjoni huma interventi tad-DGSs li jappoġġaw finanzjarjament bank f’diffikultà, pereżempju fil-forma ta’ garanziji, ta’ injezzjonijiet ta’ flus, ta’ parteċipazzjoni fil-ġenerazzjoni ta’ kapital, qabel ma l-bank jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-falliment jew għall-probabbiltà ta’ falliment bl-objettiv li tiġi ppreservata s-solidità finanzjarja tiegħu. Miżuri alternattivi huma interventi tad-DGSs li jappoġġaw it-trasferiment ta’ depożiti u ta’ assi tal-bank inadempjenti lil bank ieħor (eż., fil-forma ta’ kontribuzzjoni fi flus sabiex titneħħa d-diskrepanza bejn l-assi u d-depożiti, il-garanziji) fil-kuntest ta’ insolvenza sabiex jiġi ppreservat l-aċċess tad-depożitanti għall-flus tagħhom.

    L-Artikolu 11a jistabbilixxi sett ta’ salvagwardji għall-miżuri preventivi u jalloka r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet għall-valutazzjoni ta’ kif jiġu applikati miżuri preventivi. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-użu ta’ dawn il-miżuri jkun f’waqtu, kosteffettiv u applikat b’mod konsistenti madwar l-Istati Membri, bħala titjib għas-sitwazzjoni kurrenti.

    L-Artikolu 11b jipprevedi l-kundizzjonijiet sottostanti għan-nota b’miżuri li istituzzjoni ta’ kreditu timpenja ruħha li tieħu sabiex tiżgura jew tirrestawra l-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali. Tali nota ta’ miżuri għandha tiġi kkonsultata mal-awtorità kompetenti.

    L-Artikolu 11c jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma kinux konformi mal-impenji tagħhom jew jonqsu milli jħallsu lura l-appoġġ finanzjarju mogħti b’miżuri preventivi. L-EBA għandha l-mandat li tiżviluppa linji gwida dwar il-kontenut tan-nota b’miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ miżura preventiva u tal-pjan ta’ rimedju.

    Meta jużaw il-fondi tad-DGSs għall-finijiet ta’ miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 11(5), l-Artikolu 11d jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet tal-bank. Dan il-proċess għandu jiġi armonizzat sabiex jiġu limitati l-impatti negattivi fuq il-kompetizzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat l-attrazzjoni ta’ xerrejja potenzjali. Dan għandu jiżgura wkoll konsistenza mal-għodod ta’ trasferiment skont il-BRRD. F’konformità mal-BRRD, il-proċeduri sabiex l-entità residwa tiġi stralċata b’mod ordnat għandhom jinbdew mingħajr dewmien.

    Test tal-anqas kost iqabbel il-kost ta’ intervent tad-DGS sabiex jiġi evitat id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ bank jew il-kost tad-DGS għat-trasferiment tan-negozju lil bank ieħor mal-kost ta’ xenarju ipotetiku ta’ żborż ta’ depożiti koperti f’likwidazzjoni. Dan ir-rekwiżit ġie implimentat b’mod differenti madwar l-Istati Membri. L-Artikolu 11e l-ġdid jiċċara u jarmonizza l-approċċ għat-twettiq tat-test tal-anqas kost, li jiddetermina l-ammont massimu li DGS tista’ tikkontribwixxi barra mill-iżborż, għall-finanzjament ta’ miżuri preventivi, ta’ riżoluzzjoni u alternattivi. Żborż ta’ depożiti koperti f’insolvenza jista’ jiġġenera kostijiet diretti u indiretti għad-DGS u għall-membri tagħha. Il-kostijiet diretti jikkorrispondu għall-ammont żborżat mid-DGS għall-ħlas iżborż niqsin l-irkupri mill-proċedimenti ta’ likwidazzjoni. Il-kostijiet indiretti għandhom iqisu r-rikostituzzjoni tal-fondi minfuqin mid-DGS u l-kostijiet addizzjonali ta’ finanzjament għad-DGS marbutin mal-iżborż. Meta jitwettaq it-test tal-anqas kost għall-fini ta’ miżuri preventivi, l-importanza ta’ tali miżuri għall-mandat statutorju jew kuntrattwali tad-DGS għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-kalkolu tal-kontrofattwali tal-iżborż. Il-kost tal-interventi barra mill-pagament għandu jqis il-qligħ mistenni, l-ispejjeż operatorji u t-telf potenzjali relatat mal-intervent. L-EBA għandha l-mandat li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tat-test tal-anqas kost.

    L-Artikolu 14 huwa emendat sabiex jiċċara li l-protezzjoni mid-DGSs tkopri wkoll depożitanti li jinsabu fi Stati Membri fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu membri tagħhom jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi. Jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex DGS fi Stat Membru domiċiljari tingħata l-possibbiltà li tħallas lura direttament lid-depożitanti tal-fergħat stabbiliti fi Stat Membru ieħor u sabiex DGS fi Stat Membru ospitanti tkun tista’ topera bħala punt ta’ kuntatt għad-depożitanti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi. L-EBA għandha l-mandat li tiżviluppa linji gwida dwar ir-rwoli rispettivi tad-DGSs domiċiljari u ospitanti u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li fihom DGS fi Stat Membru domiċiljari għandha tiddeċiedi li tirrimborża lid-depożitanti ta’ fergħat li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, huwa jispeċifika r-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-fondi li għandhom jiġu ttrasferiti meta istituzzjoni membru tbiddel l-affiljazzjoni tad-DGS tagħha minn Stat Membru għal ieħor.

    L-Artikolu 15 huwa emendat sabiex jirrikjedi li l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’pajjiżi terzi jingħaqdu ma’ DGS fi Stat Membru jekk ikunu jridu jipprovdu servizzi bankarji u jieħdu depożiti eliġibbli fl-UE. Skont l-opinjoni tal-EBA, il-maġġoranza l-kbira tal-fergħat ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri tal-UE diġà huma membri ta’ DGS tal-UE, jew minħabba li r-reġim ta’ protezzjoni tad-depożitanti ta’ pajjiżi terzi jitqies bħala mhux ekwivalenti jew ma tkun saret l-ebda valutazzjoni formali tal-ekwivalenza. Uħud mill-fergħat li jifdal ma kinux meħtieġa jissieħbu ma’ DGS rispettiva tal-UE minkejja li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza li juru li l-protezzjoni tad-depożitanti tagħhom ma kinitx ekwivalenti. F’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-EBA, din l-emenda tinkludi dan ir-rekwiżit ta’ sħubija u tiżgura protezzjoni ugwali għad-depożitanti fil-fergħat tal-UE ta’ banek ta’ pajjiżi terzi u fil-banek tal-UE u fil-fergħat tagħhom fi Stati Membri differenti. Dan itejjeb il-protezzjoni tad-depożitanti peress li jelimina r-riskju li jkollhom depożiti fl-UE li l-protezzjoni tagħhom minn DGS mhux tal-UE ma tkunx konformi mal-istandards tal-UE (skont l-opinjoni tal-EBA, fost l-74 fergħa mhux taż-ŻEE fl-UE, 5 ma kinux membri ta’ DGS tal-UE). Ir-rekwiżit li l-fergħat tal-UE ta’ banek ta’ pajjiżi terzi jissieħbu ma’ DGS tal-UE huwa wkoll konformi ma’ wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ dan ir-rieżami sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-fondi tad-DGS fir-riżoluzzjoni.

    Sabiex jiġi evitat li l-fondi tad-DGS jkunu skoperti għal riskji ekonomiċi u finanzjarji f’pajjiżi terzi, l-Artikolu 15a l-ġdid jippermetti kopertura mid-DGSs ta’ depożitanti li jappartjenu għal fergħat ta’ istituzzjonijiet membri li jinsabu f’pajjiżi terzi biss jekk il-fondi miġburin ikunu ogħla mil-livell minimu fil-mira.

    L-Artikolu 16 huwa emendat sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni li l-banek iridu jipprovdu lill-klijenti tagħhom kull sena dwar il-protezzjoni tad-depożiti tagħhom. Itejjeb ukoll ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għad-depożitanti f’każ ta’ fużjonijiet jew ta’ riorganizzazzjonijiet importanti oħrajn tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ bidliet fl-affiljazzjoni tad-DGS u ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ depożiti minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja kritika tal-banek. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jivverifikaw l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta lid-depożitanti u l-EBA għandha s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji għall-format u għall-kontenut tal-iskeda ta’ informazzjoni u għall-proċeduri u għall-informazzjoni għad-depożitanti, b’referenza wkoll għad-depożiti ta’ fondi tal-klijenti u għal sitwazzjonijiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu/ħasil tal-flus.

    Ġie introdott Artikolu 16a ġdid sabiex jiċċara r-regoli dwar ir-rapportar u jtejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni mill-istituzzjoni ta’ kreditu lid-DGSs u mid-DGSs u mill-awtoritajiet deżinjati lill-EBA. Huwa importanti li d-DGS tirċievi mingħand l-istituzzjonijiet affiljati tagħha fi kwalunkwe ħin u fuq talba informazzjoni dwar id-depożiti li hija tassigura. Dan huwa neċessarju sabiex id-DGS topera kif mitlub minn din id-Direttiva b’mod effettiv. Dawn l-obbligi ta’ rapportar huma derivati minn obbligi eżistenti mill-banek sabiex jiżguraw identifikazzjoni immedjata ta’ depożiti jew isegwu mill-espansjoni tal-protezzjoni tad-depożitanti u, għalhekk, ma jmorrux kontra l-objettiv ġenerali tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, huwa importanti li l-EBA tkun informata kif xieraq dwar sitwazzjonijiet li jseħħu u li għalihom id-DGS tista’ tintervjeni f’konformità ma’ din id-Direttiva, sabiex tappoġġa lill-EBA fil-kompiti tagħha li tissorvelja l-integrità finanzjarja, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-sistema bankarja Ewropea. L-EBA se tingħata s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar il-mudell, il-proċeduri u l-kontenut ta’ din l-informazzjoni.

    L-Istati Membri jridu jittrasponu dawn l-emendi fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja. Ir-regoli l-ġodda rigward l-applikazzjoni ta’ salvagwardji dwar l-użu ta’ miżuri preventivi mid-DGSs skont l-Artikolu 11a jeħtieġu bidliet organizzazzjonali u akkumulu gradwali ta’ kapaċitajiet operazzjonali mid-DGSs u mill-awtoritajiet deżinjati li jiġġustifikaw perjodu ta’ implimentazzjoni itwal. Filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-IPSs li huma rikonoxxuti bħala DGS, dan il-perjodu ta’ implimentazzjoni jista’ jiġi estiż aktar.

    2023/0115 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 53(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 33 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 34 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 35 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)F’konformità mal-Artikolu 19(5) u (6) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 , il-Kummissjoni rrieżaminat l-applikazzjoni u l-ambitu ta’ dik id-Direttiva u kkonkludiet li l-objettiv tal-protezzjoni tad-depożitanti fl-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti (DGSs) fil-biċċa l-kbira ntlaħaq. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li hemm bżonn li jiġu indirizzati l-lakuni li fadal fil-protezzjoni tad-depożitanti u li jittejjeb il-funzjonament tad-DGSs, filwaqt li jiġu armonizzati r-regoli għall-interventi tad-DGSs minbarra l-proċedimenti ta’ żborż.

    (2)In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jitħallsu kontribuzzjonijiet lid-DGSs jew li tiġi pprovduta informazzjoni lid-depożitanti u lid-DGSs jista’ jimmina l-objettiv tal-protezzjoni tad-depożitanti. Id-DGSs, jew meta rilevanti, l-awtoritajiet deżinjati, jistgħu japplikaw sanzjonijiet pekunarji għall-ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet. Huwa importanti li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn id-DGSs, l-awtoritajiet deżinjati u kompetenti sabiex jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar kontra istituzzjoni ta’ kreditu li ma tikkonformax mal-obbligi tagħha. Għalkemm l-applikazzjoni ta’ miżuri superviżorji u ta’ infurzar mill-awtoritajiet kompetenti kontra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija rregolata bil-liġijiet nazzjonali u bid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 , huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-awtoritajiet deżinjati jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-ħin dwar kwalunkwe ksur tal-obbligi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-depożiti.

    (3)Sabiex tappoġġa aktar konverġenza tal-prattiki tad-DGSs u tgħin lid-DGSs fl-ittestjar tar-reżiljenza tagħhom, jenħtieġ li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) toħroġ linji gwida dwar it-twettiq ta’ stress tests tas-sistemi tad-DGSs.

    (4)Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (d), tad-Direttiva 2014/49/UE, depożiti ta’ ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi ditti tal-investiment, huma esklużi mill-kopertura mid-DGS. Madankollu, il-fondi li dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jirċievu mill-klijenti tagħhom u li huma jiddepożitaw f’istituzzjoni ta’ kreditu f’isem il-klijenti tagħhom, fl-eżerċizzju tas-servizzi li joffru, jenħtieġ li jiġu protetti soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

    (5)Il-firxa ta’ depożitanti li bħalissa huma protetti permezz ta’ ripagament minn DGS hija motivata mix-xewqa li jiġu protetti investituri mhux professjonali, filwaqt li investituri professjonali jitqiesu li ma jeħtiġux tali protezzjoni. Għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet pubbliċi ġew esklużi mill-kopertura. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet pubbliċi (li f’xi Stati Membri jinkludu skejjel u sptarijiet) ma jistgħux jitqiesu bħala investituri professjonali. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat li d-depożiti tal-investituri mhux professjonali kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta minn DGS.

    (6)Id-depożiti li jirriżultaw minn ċerti avvenimenti, inklużi tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli relatati ma’ proprjetajiet residenzjali privati jew il-ħlas ta’ ċerti benefiċċji tal-assigurazzjoni, jistgħu temporanjament iwasslu għal depożiti kbar. Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/49/UE bħalissa jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li d-depożiti li jirriżultaw minn dawk l-avvenimenti jkunu protetti f’livelli ogħla minn EUR 100 000 għal tal-anqas 3 xhur, iżda għal mhux aktar minn 12-il xahar mill-mument li fih l-ammont jiġi kkreditat jew mill-mument li fih tali depożiti jsiru legalment trasferibbli. Sabiex tiġi armonizzata l-protezzjoni tad-depożitanti fl-Unjoni u sabiex jitnaqqsu l-kumplessità amministrattiva u l-inċertezza legali relatati mal-ambitu tal-protezzjoni ta’ depożiti bħal dawn, huwa neċessarju li l-protezzjoni tagħhom tiġi allinjata ma’ tal-anqas EUR 500 000 għal durata armonizzata ta’ 6 xhur, minbarra l-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000.

    (7)Matul tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli, il-fondi jistgħu jgħaddu minn kontijiet differenti qabel is-saldu attwali tat-tranżazzjoni. Għalhekk, sabiex jiġu protetti d-depożitanti li jgħaddu minn tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli b’mod omoġenu, jenħtieġ li l-protezzjoni ta’ bilanċi temporanji għoljin tapplika għar-rikavat ta’ bejgħ kif ukoll għall-fondi ddepożitati għax-xiri ta’ proprjetà residenzjali privata fit-terminu qasir.

    (8)Sabiex jiġi żgurat l-iżborż f’waqtu tal-ammont li għandu jitħallas lura minn DGS, u sabiex jiġu ssimplifikati r-regoli amministrattivi u ta’ kalkolu, jenħtieġ li titneħħa d-diskrezzjoni li jitqiesu l-obbligazzjonijiet dovuti meta jiġi kkalkolat l-ammont ripagabbli.

    (9)Huwa neċessarju li jiġu ottimizzati l-kapaċitajiet operazzjonali tad-DGSs u li jitnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jiġi stabbilit li fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-depożitanti li huma intitolati għal depożiti f’kontijiet benefiċjarji jew tal-valutazzjoni ta’ jekk id-depożitanti jkunux eliġibbli għal salvagwardji ta’ bilanċi għoljin temporanji, tibqa’ r-responsabbiltà tad-depożitanti u tad-detenturi ta’ kontijiet li juru, bil-mezzi tagħhom stess, l-intitolament tagħhom.

    (10)Ċerti depożiti jistgħu jkunu soġġetti għal perjodu ta’ ripagament itwal minħabba li jeħtieġu li d-DGSs jivverifikaw il-pretensjoni għal ripagament. Sabiex jiġu armonizzati r-regoli madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-perjodu għar-ripagament ikun limitat għal 20 jum ta’ xogħol wara l-wasla tad-dokumentazzjoni rilevanti.

    (11)Il-kost amministrattiv relatat mar-ripagament ta’ ammonti żgħar fuq kontijiet inattivi jista’ jkun akbar mill-benefiċċji għad-depożitant. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li jenħtieġ li d-DGSs ma jkunux obbligati jieħdu passi attivi sabiex iħallsu lura d-depożiti miżmumin f’kontijiet bħal dawn taħt ċerti livelli limitu li jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali. Madankollu, id-dritt tad-depożitanti li jitolbu ammont bħal dan jenħtieġ li jiġi ppreservat. Barra minn hekk, meta l-istess depożitant ikollu wkoll kontijiet attivi oħrajn, jenħtieġ li d-DGSs jinkludu dak l-ammont fil-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rrimborżat.

    (12)Id-DGSs għandhom metodi differenti sabiex iħallsu lura lid-depożitanti, li jvarjaw minn żborżi fi flus għal trasferimenti elettroniċi. Madankollu, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-proċess ta’ ripagament mid-DGSs u sabiex jibqgħu konformi mal-objettivi tal-qafas tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, ir-rimborżi tad-depożitanti permezz ta’ trasferimenti ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu l-metodu ta’ żborż awtomatiku meta r-rimborż jaqbeż l-ammont ta’ EUR 10 000.

    (13)L-istituzzjonijiet finanzjarji huma esklużi mill-protezzjoni tad-depożiti. Madankollu, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, istituzzjonijiet ta’ pagament u ditti ta’ investiment, ukoll jiddepożitaw il-fondi riċevuti mill-klijenti tagħhom f’kontijiet bankarji, spiss fuq bażi temporanja, sabiex jikkonformaw mal-obbligi ta’ salvagwardja f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, inkluża d-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 , mad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 u mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 . Meta jitqies ir-rwol dejjem akbar ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji, jenħtieġ li d-DGSs jipproteġu dawn id-depożiti bil-kundizzjoni li dawk il-klijenti jiġu identifikati jew identifikabbli.

    (14)Il-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux dejjem ikunu jafu liema istituzzjoni ta’ kreditu l-istituzzjoni finanzjarja għażlet li tiddepożita l-fondi tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li d-DGSs ma jaggregaw dawn id-depożiti b’depożitu li l-istess klijenti jista’ jkollhom fl-istess istituzzjoni ta’ kreditu meta l-istituzzjoni finanzjarja tkun poġġiet id-depożiti tagħhom. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu ma jkunux jafu l-klijenti intitolati għas-somma miżmuma fil-kontijiet tal-klijent, jew ikunu jistgħu jivverifikaw u jirreġistraw id-data individwali ta’ dawk il-klijenti. Skont it-tip u l-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja, jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom ir-rimborż tal-klijent direttament jista’ jipperikola lid-detentur ta’ kont. Għalhekk, jenħtieġ li d-DGSs jitħallew jirrimborżaw l-ammonti għal kont tal-klijenti miftuħ mid-detentur ta’ kont f’istituzzjoni ta’ kreditu oħra għall-benefiċċju ta’ kull klijent meta jiġu ssodisfati ċerti kriterji. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ pagament doppju f’dawk is-sitwazzjonijiet, kwalunkwe pretensjoni li l-klijenti jkollhom fir-rigward ta’ somom miżmumin f’isimhom mid-detentur ta’ kont jenħtieġ li jitnaqqas bl-ammont rimborżat mid-DGS lil dawk il-klijenti direttament. Għalhekk, jenħtieġ li l-EBA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika d-dettalji tekniċi relatati mal-identifikazzjoni tal-klijenti għall-fini ta’ ripagament, il-kriterji għar-ripagament lid-detentur ta’ kont għall-benefiċċju ta’ kull klijent jew lill-klijent direttament, u r-regoli sabiex jiġu evitati pretensjonijiet multipli għal żborżi lill-istess benefiċjarju.

    (15)Meta jirrimborżaw lid-depożitanti, id-DGSs jistgħu jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet li jwasslu għal tħassib dwar il-ħasil tal-flus. Għalhekk, jenħtieġ li d-DGSs ma joħorġux ir-rimborż lil depożitant meta jiġu nnotifikati li unità tal-intelligence finanzjarja tkun issospendiet kont bankarju jew ta’ pagament f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

    (16)L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/49/UE jipprevedi li meta DGS tagħmel pagamenti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li d-DGS ikollha pretensjoni kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata għal ammont ugwali għall-pagamenti tagħha u dik il-pretensjoni jenħtieġ li tikklassifika pari passu ma’ depożiti koperti. Dik id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni ta’ DGS meta tintuża għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ, u l-kontribuzzjoni tad-DGS għall-finanzjament ta’ strateġija ta’ trasferiment (għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew għodda tal-istituzzjoni tranżitorja) segwita minn likwidazzjoni tal-entità residwa. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-eżistenza u tal-ammont ta’ pretensjoni ta’ DGS f’xenarji differenti, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li meta d-DGS tikkontribwixxi sabiex tappoġġa l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, jew ta’ miżuri alternattivi, meta sett ta’ assi, ta’ drittijiet u ta’ obbligazzjonijiet, inklużi depożiti, tal-istituzzjoni ta’ kreditu jiġu ttrasferiti lil riċevitur, jenħtieġ li dik id-DGS ikollha pretensjoni kontra l-entità residwa fil-proċedimenti ta’ stralċ sussegwenti tagħha skont id-dritt nazzjonali. Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jibqgħu fl-entità residwa effettivament jassorbu t-telf ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu u tittejjeb il-possibbiltà ta’ ripagamenti f’insolvenza lid-DGS, jenħtieġ li l-pretensjoni tad-DGS ikollha l-istess klassifikazzjoni bħall-pretensjoni tad-depożitanti. F’każ li tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna (jiġifieri, l-istituzzjoni ta’ kreditu tkompli bl-operat tagħha), id-DGS tikkontribwixxi fl-ammont li bih id-depożiti koperti jkunu tniżżlu fil-valur jew ġew ikkonvertiti sabiex jassorbu t-telf f’dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, li kieku kienu ġew inklużi depożiti koperti fl-ambitu tar-rikapitalizzazzjoni interna. Għalhekk, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tad-DGS ma tirriżultax fi pretensjoni kontra l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni peress li telimina l-iskop tal-kontribuzzjoni tad-DGS.

    (17)Sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prattiki tad-DGS u ċ-ċertezza legali għad-depożitanti sabiex jitolbu d-depożiti tagħhom, u sabiex jiġu evitati ostakli operazzjonali għad-DGSs, huwa importanti li jiġi stabbilit perjodu twil b’mod adegwat li fih id-depożitanti jistgħu jitolbu r-ripagament tad-depożiti tagħhom, f’dawk il-każijiet li fihom id-DGS ma tkunx ħallset lura lid-depożitanti sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/49/UE fil-każ ta’ żborż.

    (18)Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sat-3 ta’ Lulju 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ DGS jilħqu livell fil-mira ta’ 0,8 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-membri tagħha. Sabiex jiġi vvalutat b’mod oġġettiv jekk id-DGSs jissodisfawx dak ir-rekwiżit, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ referenza ċar sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ depożiti koperti u l-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs.

    (19)Sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza tad-DGSs, il-fondi tagħhom jenħtieġ li jiġu minn kontribuzzjonijiet stabbli u irrevokabbli. Ċerti sorsi ta’ finanzjament tad-DGS, inklużi self u rkupri mistennijin, huma kontinġenti wisq sabiex jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira tad-DGS. Sabiex jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tad-DGSs għall-ilħuq tal-livell fil-mira tagħhom u sabiex jiġi żgurat li l-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-industrija, jenħtieġ li l-fondi li jikkwalifikaw sabiex jilħqu l-livell fil-mira jiġu distinti minn fondi li huma kkunsidrati bħala sorsi komplementari ta’ finanzjament. Il-flussi ta’ ħruġ tal-fondi tad-DGS, inklużi r-ripagamenti tas-self prevedibbli, jistgħu jiġu ppjanati u kkunsidrati f’kontribuzzjonijiet regolari mill-membri tad-DGS, u għalhekk jenħtieġ li ma jwasslux għal tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli taħt il-livell fil-mira. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li, wara li jintlaħaq il-livell fil-mira għall-ewwel darba, huwa biss nuqqas fil-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGS ikkawżat minn intervent tad-DGS (żborż, jew miżuri preventivi, ta’ riżoluzzjoni jew alternattivi) li jenħtieġ li jniedi perjodu ta’ rikostituzzjoni ta’ sitt snin. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti, jenħtieġ li l-EBA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tal-livell fil-mira mid-DGSs.

    (20)Jenħtieġ li l-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ DGS ikunu jistgħu jintużaw immedjatament sabiex jiffaċċjaw avvenimenti ta’ żborż f’daqqa jew interventi oħrajn. Fid-dawl ta’ diversi prattiki madwar l-Unjoni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-istrateġija ta’ investiment tal-fondi tad-DGSs sabiex jittaffa kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ DGS li twettaq il-mandat tagħha. Meta DGS ma tkunx kompetenti sabiex tistabbilixxi l-istrateġija ta’ investiment, l-awtorità, jew il-korp jew l-entità fl-Istat Membru li jkun responsabbli għall-istabbiliment tal-istrateġija ta’ investiment jenħtieġ li, meta tistabbilixxi dik l-istrateġija ta’ investiment, tirrispetta wkoll il-prinċipji dwar id-diversifikazzjoni u l-investimenti f’assi b’riskju baxx. Sabiex jiġu ppreżervati l-indipendenza operazzjonali sħiħa u l-flessibbiltà tad-DGS f’termini tal-aċċess għall-fondi tagħha, meta l-fondi tad-DGS jiġu ddepożitati fit-teżor, jenħtieġ li dawk il-fondi jiġu allokati u jitqiegħdu f’kont segregat.

    (21)L-għażla li jiġu ġġenerati l-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ DGS permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsin mill-istituzzjonijiet membri għal skemi eżistenti ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji stabbiliti minn Stat Membru sabiex ikopru l-kostijiet relatati mar-riskju sistemiku qatt ma ntużat u, għalhekk, jenħtieġ li titneħħa.

    (22)Huwa neċessarju li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-depożitanti, filwaqt li tiġi evitata l-ħtieġa għal bejgħ bl-għaġla tal-assi ta’ DGS u jiġu limitati l-effetti proċikliċi negattivi possibbli fuq l-industrija bankarja kkawżati mill-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji. Għalhekk, jenħtieġ li d-DGS jitħallew jużaw arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi li jippermettulhom jiksbu fi kwalunkwe ħin finanzjament għal terminu qasir minn sorsi għajr kontribuzzjonijiet, inkluż qabel ma jużaw il-mezzi finanzjarji u l-fondi disponibbli tagħhom miġburin permezz ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji. Minħabba li jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu primarjament iġorru l-kost u r-responsabbiltà għall-finanzjament tad-DGSs, arranġamenti alternattivi ta’ finanzjament mill-fondi pubbliċi jenħtieġ li jintużaw biss bħala l-aħħar alternattiva.

    (23)Sabiex jiġi żgurat investiment diversifikat b’mod adegwat tal-fondi tad-DGSs u tal-prattiki konverġenti, jenħtieġ li l-EBA toħroġ linji gwida sabiex tipprovdi lid-DGSs bi gwida f’dak ir-rigward.

    (24)Filwaqt li r-rwol primarju tad-DGSs huwa r-ripagament ta’ depożitanti koperti, l-interventi barra mill-iżborż jistgħu jkunu aktar kosteffettivi għad-DGSs u jiżguraw aċċess mingħajr interruzzjoni għad-depożiti billi jiffaċilitaw l-istrateġiji ta’ trasferiment. Id-DGSs jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, id-DGSs jistgħu jiffinanzjaw miżuri preventivi sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew miżuri alternattivi f’insolvenza. Filwaqt li tali miżuri preventivi u alternattivi jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-protezzjoni tad-depożiti, huwa neċessarju li tali miżuri jiġu soġġetti għal salvagwardji adegwati, inkluż fil-forma ta’ test armonizzat tal-anqas kost, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-effettività u l-kosteffiċjenza ta’ tali miżuri. Tali salvagwardji jenħtieġ li japplikaw biss għal interventi ffinanzjati bil-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs regolati skont din id-Direttiva.

    (25)Il-miżuri għall-prevenzjoni ta’ falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu permezz ta’ interventi bikrija biżżejjed jista’ jkollhom rwol effettiv fil-kontinwità ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex jinżammu l-kunfidenza tad-depożitanti u l-istabbiltà finanzjarja. Dawk il-miżuri jistgħu jieħdu diversi forom - miżuri ta’ appoġġ ta’ kapital permezz ta’ strumenti ta’ fondi proprji (inklużi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni) jew strumenti kapitali, garanziji, jew self oħrajn. Id-DGSs kellhom rikors eteroġenu għal dawk il-miżuri. Sabiex jiġu żgurati l-kontinwità tal-għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet u r-rikors għal miżuri preventivi b’mod konsistenti mal-qafas ta’ riżoluzzjoni u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa neċessarju li jiġu speċifikati t-twaqqit u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom. Miżuri preventivi ma humiex adatti għall-assorbiment ta’ telf imġarrab meta l-istituzzjoni ta’ kreditu diġà tkun qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli u jenħtieġ li jintużaw kmieni sabiex jiġi evitat id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet deżinjati jivverifikaw jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għal tali intervent tad-DGS. Fl-aħħar nett, dawk il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGS jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ jekk IPS tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 .

    (26)Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ prevenzjoni jilħqu l-objettiv tagħhom, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu meħtieġa jħejju nota li tiddeskrivi l-miżuri li jimpenjaw ruħhom li jwettqu. Jenħtieġ li t-tħejjija ta’ tali nota ma tkunx ta’ piż żejjed u tieħu wisq żmien sabiex l-istituzzjoni ta’ kreditu tiżgura l-possibbiltà li d-DGS tintervjeni kmieni biżżejjed. Għalhekk, in-nota li takkumpanja l-miżuri preventivi jenħtieġ li tieħu l-forma ta’ dokument ta’ spjegazzjoni qasir biżżejjed. Jenħtieġ li jenħtieġ tali nota jkun fiha l-elementi kollha li għandhom l-għan li jipprevjenu l-ħruġ ta’ fondi u li jsaħħu l-pożizzjoni kapitali u tal-likwidità tal-istituzzjoni ta’ kreditu, filwaqt li tippermetti lill-istituzzjoni ta’ kreditu tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali u ma’ rekwiżiti regolatorji oħrajn rilevanti kollha fuq bażi progressiva. Għalhekk, jenħtieġ li tali nota jkun fiha miżuri ta’ ġenerazzjoni tal-kapital, inklużi regoli dwar il-ħruġ ta’ drittijiet, il-konverżjoni volontarja ta’ strumenti ta’ dejn subordinat, eżerċizzji ta’ ġestjoni tal-obbligazzjonijiet, bejgħ li jiġġenera l-kapital ta’ assi, it-titolizzazzjoni ta’ portafolli, u ż-żamma tal-qligħ, inklużi projbizzjonijiet fuq id-dividendi u projbizzjonijiet fuq l-akkwiżizzjoni ta’ ishma f’impriżi. Għall-istess raġuni, matul l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fin-nota, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jsaħħu wkoll il-pożizzjonijiet ta’ likwidità tagħhom u jżommu lura minn prattiki kummerċjali aggressivi, u milli jirriakkwistaw ishma proprji jew jeżerċitaw strumenti kapitali ibridi . Tali nota jenħtieġ li jkun fiha wkoll strateġija ta’ ħruġ għal kwalunkwe miżura ta’ appoġġ riċevuta. L-awtoritajiet kompetenti jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġu kkonsultati dwar ir-rilevanza u l-kredibbiltà tal-miżuri previsti fin-nota. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet deżinjati tad-DGS li jintalbu jiffinanzjaw miżura preventiva mill-istituzzjoni ta’ kreditu jkunu jistgħu jivvalutaw li l-kundizzjonijiet kollha għall-miżuri preventivi jkunu ssodisfati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mal-awtoritajiet deżinjati. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-EBA toħroġ linji gwida sabiex tgħin lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jfasslu nota bħal din.

    (27)Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirċievu appoġġ mid-DGSs fil-forma ta’ miżuri preventivi jwettqu l-impenji tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu pjan ta’ rimedju minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jonqsu milli jwettqu l-impenji tagħhom. Meta awtorità kompetenti tkun tal-fehma li l-miżuri fil-pjan ta’ rimedju ma jkunux kapaċi jiksbu l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu, jenħtieġ li d-DGS ma tipprovdi l-ebda appoġġ preventiv ulterjuri lill-istituzzjoni ta’ kreditu. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-EBA toħroġ linji gwida sabiex tgħin lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jfasslu pjan ta’ rimedju bħal dan.

    (28)Sabiex jiġu evitati effetti detrimentali fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq intern, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li fil-każ ta’ miżuri alternattivi fl-insolvenza, il-korpi rilevanti li jirrappreżentaw istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali (likwidatur, riċevitur, amministratur jew oħrajn) jenħtieġ li jagħmlu arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tan-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ parti minnu fi proċess miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, filwaqt li jimmiraw li jimmassimizzaw, sa fejn ikun possibbli, il-prezz tal-bejgħ. L-istituzzjoni ta’ kreditu jew kwalunkwe intermedjarju li jaġixxi f’isem l-istituzzjoni ta’ kreditu jenħtieġ li japplika regoli li huma adegwati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ assi, ta’ drittijiet u ta’ obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil xerrejja potenzjali. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-użu tar-riżorsi tal-Istat jibqa’ soġġett għar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat skont it-Trattat, meta applikabbli.

    (29)Peress li l-għan ewlieni tad-DGSs huwa li jipproteġu d-depożiti koperti, jenħtieġ li d-DGSs jitħallew jiffinanzjaw interventi għajr meta t-tali interventi jkunu orħos mill-iżborżi. L-esperjenza bl-applikazzjoni ta’ dik ir-regola (“test tal-anqas kost”) żvelat diversi nuqqasijiet peress li l-qafas kurrenti ma jagħti l-ebda dettall dwar kif għandu jiġi ddeterminat il-kost ta’ dawk l-interventi u lanqas il-kost tal-iżborż. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tat-test tal-anqas kost madwar l-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi speċifikat il-kalkolu ta’ dawk il-kostijiet. Fl-istess ħin, huwa neċessarju li jiġu evitati kundizzjonijiet eċċessivament stretti li effettivament ma jippermettux l-użu tal-fondi tad-DGSs għal interventi oħrajn minbarra l-iżborż. Meta jwettqu l-valutazzjoni tal-anqas kost, jenħtieġ li d-DGS l-ewwel jivverifikaw li l-kost għall-finanzjament tal-miżura magħżula jkun aktar baxx mill-kost tar-rimborż ta’ depożiti koperti. Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-anqas kost jenħtieġ li tqis il-valur taż-żmien tal-flus.

    (30)Il-likwidazzjoni tista’ tkun proċess twil li l-effiċjenza tiegħu tiddependi fuq l-effiċjenza ġudizzjarja nazzjonali, fuq ir-reġimi ta’ insolvenza, fuq il-karatteristiċi bankarji individwali, u fuq iċ-ċirkostanzi tal-falliment. Għall-interventi tad-DGSs bħala parti minn miżuri alternattivi, jenħtieġ li t-test tal-anqas kost jiddependi fuq il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu, stabbilit fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, u fuq l-istima stabbilita fl-Artikolu 36(8) ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, l-evalwazzjoni preċiża tal-irkupri tal-likwidazzjoni tista’ tkun ta’ sfida fil-kuntest tat-test tal-anqas kost għall-miżuri preventivi, li suppost iseħħ ħafna qabel kwalunkwe likwidazzjoni prevedibbli. Għalhekk, il-kontrofattwali għat-test tal-anqas kost għall-miżuri preventivi jenħtieġ li tiġi aġġustata kif xieraq, u fi kwalunkwe każ, l-irkupri mistennijin jenħtieġ li jkunu limitati għal ammont raġonevoli bbażat fuq irkupri f’avvenimenti ta’ żborż fil-passat.

    (31)Jenħtieġ li l-awtoritajiet deżinjati jistmaw il-kost tal-miżura għad-DGS, inkluż wara r-ripagament ta’ self, injezzjoni ta’ kapital jew l-użu ta’ garanzija, nett mill-qligħ mistenni, mill-ispejjeż operatorji, u mit-telf potenzjali, kontra xenarju kontrofattwali bbażat fuq telf finali ipotetiku fi tmiem il-proċedimenti ta’ insolvenza, li jenħtieġ li jqis l-irkupri mid-DGS bħala parti mill-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ta’ bank. Sabiex tingħata stampa ġusta u aktar komprensiva tal-kost attwali tar-ripagament tad-depożitanti, l-istima tat-telf imġarrab minħabba r-rimborż ta’ depożiti koperti jenħtieġ li tinkludi kostijiet relatati indirettament mar-rimborż tad-depożitanti. Dawn il-kostijiet jenħtieġ li jinkludu l-kost tar-rikostituzzjoni tad-DGS u l-kost li d-DGS tista’ ġġarrab minħabba r-rikors għal finanzjament alternattiv. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tat-test tal-anqas kost, jenħtieġ li l-EBA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kost ta’ interventi differenti tad-DGSs. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-anqas kost mal-mandat statutorju jew kuntrattwali tad-DGS fir-rigward tal-miżuri preventivi, jenħtieġ li l-EBA, meta tiżviluppa dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, tqis ir-rilevanza tal-miżuri preventivi fil-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontrofattwali għall-iżborż.

    (32)Sabiex tittejjeb il-protezzjoni armonizzata tad-depożitanti u jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet rispettivi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li d-DGS tal-Istat Membru domiċiljari tiżgura l-ħlas lid-depożitanti li jinsabu fl-Istati Membri fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma membru tad-DGS jieħdu depożiti u fondi oħrajn ripagabbli billi joffru servizzi ta’ depożitu fuq bażi transfruntiera mingħajr stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti. Sabiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ żborż u l-għoti ta’ informazzjoni lid-depożitanti, jenħtieġ li d-DGS tal-Istat Membru ospitanti titħalla topera bħala punt ta’ kuntatt għad-depożitanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi.

    (33)Il-kooperazzjoni bejn id-DGSs madwar l-Unjoni hija vitali sabiex jiġi żgurat ripagament rapidu u kosteffiċjenti tad-depożitanti meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jwettqu servizz bankarju permezz ta’ fergħat fi Stati Membri oħrajn. Fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi li jippromwovu l-użu ta’ trasferimenti transfruntiera u identifikazzjoni mill-bogħod, jenħtieġ li d-DGS tal-Istat Membru domiċiljari titħalla tagħmel ir-ripagamenti direttament lid-depożitanti f’fergħat li jinsabu fi Stat Membru ieħor, dment li l-piż u l-kostijiet amministrattivi jkunu aktar baxxi milli kieku r-ripagament jitwettaq mid-DGS tal-Istat Membru ospitanti. Jenħtieġ li dik il-flessibbiltà tikkomplementa l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni kurrenti, li jirrikjedi li d-DGS tal-Istat Membru ospitanti tħallas lura lid-depożitanti f’fergħat f’isem id-DGS tal-Istat Membru domiċiljari. Sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenza tad-depożitanti kemm fl-Istati Membri ospitanti kif ukoll f’dawk domiċiljari, jenħtieġ li l-EBA toħroġ linji gwida sabiex tgħin lid-DGSs f’kooperazzjoni bħal din, fost l-oħrajn billi tissuġġerixxi lista ta’ kundizzjonijiet li fihom DGS tal-Istat Membru domiċiljari tista’ tiddeċiedi li tħallas lura lid-depożitanti f’fergħat li jinsabu fl-Istat Membru ospitanti.

    (34)L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jbiddlu l-affiljazzjoni ma’ DGS minħabba li jċaqilqu l-kwartieri ġenerali tagħhom lejn Stat Membru ieħor jew jaqilbu s-sussidjarja tagħhom f’fergħa jew viċi versa. L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2014/49/UE jirrikjedi li l-kontribuzzjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu mħallsin matul it-12-il xahar ta’ qabel it-trasferiment jiġu ttrasferiti lid-DGS l-oħra bi proporzjon mal-ammont ta’ depożiti koperti ttrasferiti. Sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet lid-DGS riċeventi ma jkunx jiddependi fuq regoli nazzjonali diverġenti dwar il-fatturazzjoni jew id-data attwali tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, id-DGS ta’ oriġini jenħtieġ li tikkalkola l-ammont li għandu jiġi ttrasferit fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet dovuti minflok tal-kontribuzzjonijiet imħallsin.

    (35)Huwa neċessarju li tiġi żgurata protezzjoni ugwali tad-depożitanti madwar l-Unjoni li ma tistax tiġi ggarantita bis-sħiħ minn reġim ta’ valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-protezzjoni tad-depożitanti f’pajjiżi terzi. Għal dik ir-raġuni, il-fergħat fl-Unjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’pajjiż terz jenħtieġ li jissieħbu f’DGS fl-Istat Membru fejn iwettqu l-attività tagħhom ta’ teħid ta’ depożiti. Dak ir-rekwiżit jiżgura wkoll konsistenza mad-Direttivi 2013/36/UE u 2014/59/UE li għandhom l-għan li jintroduċu oqfsa prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni aktar robusti għal gruppi ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi bankarji fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jiġi evitat li d-DGSs ikunu skoperti għar-riskji ekonomiċi u finanzjarji ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li d-depożiti f’fergħat stabbiliti f’pajjiżi terzi minn istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni ma jiġux protetti.

    (36)Divulgazzjoni ta’ informazzjoni standardizzata u regolari ttejjeb l-għarfien fost id-depożitanti dwar il-protezzjoni tad-depożiti. Sabiex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni mal-iżviluppi teknoloġiċi, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jqisu l-kanali ta’ komunikazzjoni diġitali l-ġodda li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinteraġixxu mad-depożitanti. Jenħtieġ li d-depożitanti jiksbu informazzjoni ċara u omoġenja li tispjega l-protezzjoni tad-depożiti tagħhom, filwaqt li jillimitaw il-piż amministrattiv relatat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew għad-DGSs. Jenħtieġ li l-EBA tingħata l-mandat li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika, minn naħa, il-kontenut u l-format tal-iskeda ta’ informazzjoni tad-depożitanti sabiex tikkomunika lid-depożitanti fuq bażi annwali u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni fil-mudell li jew id-DGSs jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa jikkomunikaw lid-depożitanti f’sitwazzjonijiet speċifiċi, inklużi fużjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, determinazzjoni li d-depożiti ma jkunux disponibbli, jew ir-ripagament ta’ depożiti ta’ fondi tal-klijenti.

    (37)Il-fużjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew il-konverżjoni ta’ sussidjarja f’fergħa jew viċi versa jistgħu jaffettwaw il-karatteristiċi ewlenin tal-protezzjoni tad-depożitanti. Sabiex jiġu evitati impatti negattivi fuq id-depożitanti li jkollhom depożiti fiż-żewġ banek li jingħaqdu kif ukoll li l-pretensjoni tagħhom għall-kopertura tad-depożiti titnaqqas minħabba bidliet fl-affiljazzjoni tad-DGS, jenħtieġ li d-depożitanti kollha jiġu infurmati dwar tali bidliet u jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jipprelevaw il-fondi tagħhom mingħajr ma jġarrbu penali sa ammont ugwali għall-kopertura mitlufa tad-depożiti.

    (38)Sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, jiġi evitat il-kontaġju u d-depożitanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jitolbu d-depożiti meta applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet deżinjati, id-DGSs u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jinformaw lid-depożitanti dwar il-fatt li d-depożiti jsiru indisponibbli.

    (39)Sabiex tiżdied it-trasparenza għad-depożitanti u sabiex jiġu promossi r-robustezza finanzjarja u l-kunfidenza fost id-DGSs meta jwettqu l-mandat tagħhom, jenħtieġ li jittejbu l-obbligi ta’ rapportar kurrenti. Filwaqt li jibnu fuq l-obbligi kurrenti li jippermettu lid-DGSs jitolbu l-informazzjoni neċessarja kollha mingħand l-istituzzjonijiet membri tagħhom sabiex iħejju għall-iżborż, jenħtieġ li d-DGS ikunu jistgħu jitolbu wkoll l-informazzjoni neċessarja sabiex iħejju għal żborż fil-kuntest ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Fuq talba minn DGS, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet membri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar kwalunkwe negozju transfruntier materjali fi Stati Membri oħrajn. Bl-istess mod, sabiex l-EBA tingħata l-firxa xierqa ta’ informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs u dwar l-użu ta’ dawk il-mezzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-DGSs jinformaw lill-EBA fuq bażi annwali dwar l-ammont ta’ depożiti koperti u l-mezzi finanzjarji disponibbli, u jinnotifikaw lill-EBA dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-użu ta’ fondi tad-DGSs jew għal żborżi jew inkella għal miżuri oħrajn. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi rifless ir-rwol imsaħħaħ tad-DGSs fil-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji li għandu l-għan li jiffaċilita l-użu tal-fondi tad-DGSs f’riżoluzzjoni, jenħtieġ li d-DGS ikollhom id-dritt li jirċievu s-sommarju tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex iżidu t-tħejjija ġenerali tagħhom sabiex jagħmlu l-fondi disponibbli.

    (40)Jenħtieġ li l-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni konsistenti u l-protezzjoni xierqa tad-depożitanti madwar l-Unjoni kollha. Bħala korp b’għarfien espert speċjalizzat ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-EBA tiġi fdata bl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika, li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

    (41)Jenħtieġ li, meta jkun previst f’din id-Direttiva, il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppat mill-EBA permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE, f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 sabiex tispeċifika dawn li ġejjin: (a) id-dettalji tekniċi relatati mal-identifikazzjoni tal-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżborż ta’ depożiti ta’ fondi tal-klijenti, il-kriterji għar-ripagament lid-detentur ta’ kont għall-benefiċċju ta’ kull klijent jew lill-klijent direttament, u r-regoli sabiex jiġu evitati pretensjonijiet multipli għal żborżi lill-istess benefiċjarju; (b) il-metodoloġija għat-test tal-anqas kost, u (c) il-metodoloġija għall-kalkolu tal-mezzi finanzjarji disponibbli li jikkwalifikaw għal-livell fil-mira.

    (42)Jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta jkun previst f’din id-Direttiva, tadotta abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-EBA permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 sabiex tispeċifika: (a) il-kontenut u l-format tal-iskeda ta’ informazzjoni tad-depożitanti, il-mudell għall-informazzjoni li d-DGSs jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jikkomunikaw lid-depożitanti; (b) il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta tiġi pprovduta informazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu lid-DGSs tagħhom, u mid-DGSs u mill-awtoritajiet deżinjati lill-EBA, u l-mudelli għall-għoti ta’ dik l-informazzjoni.

    (43)Għaldaqstant, id-Direttiva 2014/49/KE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

    (44)Sabiex il-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom barra l-Unjoni li ma jkunux membri ta’ DGS stabbilita fl-Unjoni jitħallew jissieħbu f’DGS tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk il-fergħat jingħataw perjodu suffiċjenti sabiex jieħdu l-passi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit.

    (45)Id-Direttiva 2014/49/UE tippermetti lill-Istati Membri jirrikonoxxu IPS bħala DGS jekk tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tikkonforma mad-Direttiva 2014/49/UE. Sabiex jitqies il-mudell kummerċjali speċifiku ta’ dawk l-IPSs, b’mod partikolari r-rilevanza tal-miżuri preventivi fil-qalba tal-mandat tagħhom, xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu lill-IPSs jadattaw għas-salvagwardji l-ġodda għall-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi fi żmien perjodu ta’ 6 snin. Dan il-perjodu ta’ konformità possibbilment itwal iqis l-iskeda ta’ żmien għall-akkumulazzjoni ta’ fond segregat għal finijiet tal-IPS għajr l-assigurazzjoni tad-depożiti kif miftiehem bejn il-Bank Ċentrali Ewropew, l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-IPSs rilevanti.

    (46)Sabiex id-DGS u l-awtoritajiet deżinjati jkunu jistgħu jibnu l-kapaċità operazzjonali neċessarja sabiex japplikaw ir-regoli l-ġodda dwar l-użu ta’ miżuri preventivi, huwa xieraq li tiġi prevista applikazzjoni differita ta’ dawk ir-regoli l-ġodda.

    (47)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-depożitanti fl-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-riskji li approċċi nazzjonali diverġenti jistgħu jinvolvu għall-integrità tas-suq uniku iżda pjuttost jistgħu, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2014/49/UE

    Id-Direttiva 2014/49/UE hija emendata kif ġej:

    (1)l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli u proċeduri relatati mal-istabbiliment u mal-funzjonament ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti (DGSs), mal-kopertura u mar-ripagament ta’ depożiti, u mal-użu ta’ fondi tad-DGS għal miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom.”;

    (b)fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(d) istituzzjonijiet ta’ kreditu, u fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra l-Unjoni, li huma affiljati mal-iskemi msemmijin fil-punti (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.”;

    (2)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-punt (3), il-kliem introduttorju huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(3) “depożitu” tfisser bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn tranżazzjonijiet bankarji normali abitwalment imwettqin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-operat tagħhom, u li istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas lura taħt il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, inkluż depożitu ta’ żmien fiss u depożitu ta’ tfaddil, iżda eskluż bilanċ ta’ kreditu meta:”;

    (b)fil-punt (13), il-kliem introduttorju huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(13) “impenn ta’ pagament” tfisser obbligu irrevokabbli u kompletament kollateralizzat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tħallas lil DGS ammont monetarju meta tintalab tagħmel dan minn dik id-DGS, u meta l-kollateral:

    (c)jiżdiedu l-punti (19) sa (23) li ġejjin:

    (19) “awtorità ta’ riżoluzzjoni” tfisser awtorità ta’ riżoluzzjoni kif definita fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (20) “depożiti ta’ fondi tal-klijenti” tfisser fondi li d-detenturi ta’ kontijiet li huma istituzzjonijiet finanzjarji kif iddefiniti fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiddepożitaw matul in-negozju tagħhom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu għall-kont tal-klijenti tagħhom;

    (21) “qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat” tfisser il-qafas stabbilit bl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE u r-regolamenti u l-atti kollha tal-Unjoni, inklużi l-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi, magħmulin jew adottati skont l-Artikolu 108(4) jew l-Artikolu 109 tat-TFUE;

    (22) “ħasil tal-flus” tfisser ħasil tal-flus kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]*”;

    (23) “finanzjament tat-terroriżmu” tfisser finanzjament tat-terroriżmu kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]. **’;

    (d)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. Ishma f’kumpaniji tal-bini Irlandiżi, minbarra dawk ta’ natura kapitali koperti mill-punt (b) tal-Artikolu 5(1) għandhom jiġu ttrattati bħala depożiti.”;

    ____________________________________________

    *    [Jekk jogħġbok daħħal referenza sħiħa – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    **    [Jekk jogħġbok daħħal referenza sħiħa – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final.

    (3)l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tikkonformax mal-obbligi tagħha bħala membru ta’ DGS, dik id-DGS għandha tinnotifika minnufih b’dan lill-awtorità kompetenti ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti, f’kooperazzjoni ma’ dik id-DGS, tuża s-setgħat superviżorji stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE, u tieħu minnufih il-miżuri kollha sabiex tiżgura li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tikkonforma mal-obbligi tagħha, inkluż meta jkun neċessarju billi jiġu imposti penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn f’konformità mal-liġijiet nazzjonali adottati flimkien mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima IV tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE.”;

    (b)jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

    “4a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni ta’ kreditu tonqos milli tħallas il-kontribuzzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 11(4) fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mid-DGS, dik id-DGS għandha, għall-perjodu tad-dewmien, titlob rata tal-imgħax statutorja fuq l-ammont dovut.”;

    (c)il-paragrafi 5 u 6 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS tinforma lill-awtorità deżinjata meta l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 4 u 4a jonqsu milli jirrestawraw il-konformità mill-istituzzjoni ta’ kreditu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità deżinjata tivvaluta jekk l-istituzzjoni għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-issoktar tas-sħubija tad-DGS u tinforma lill-awtorità kompetenti bl-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni.

    6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tirtira l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru tad-DGS. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożiti miżmumin fid-data li fiha istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru tad-DGS jibqgħu koperti minn dik id-DGS.”;

    (d)jitħassar il-paragrafu 8;

    (e)jiżdied il-paragrafu 13 li ġej:

    “13. Sa… [OP – jekk jogħġbok żid 36 xhur wara d-dħul fis-seħħ], l-EBA għandha tiżviluppa linji gwida dwar l-ambitu, il-kontenut u l-proċeduri tal-istress tests imsemmijin fil-paragrafu 10.”;

    (4)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn kwalunkwe ripagament minn DGS:”

    (ii)il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c) depożiti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li b’rabta magħhom kien hemm kundanna kriminali għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu;”;

    (iii)jitħassar il-punt (e);

    (iv)il-punt (f) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(f) depożiti li d-detentur tagħhom qatt ma ġie identifikat skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) …. [jekk jogħġbok daħħal referenza qasira – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], meta dawk id-depożiti ma jkunux disponibbli, ħlief meta detentur jitlob ħlas u jagħti prova li n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ma kienx ikkawżat mill-azzjoni tiegħu;”;

    (v)jitħassar il-punt (j);

    (b)il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (i), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-depożiti miżmumin minn skemi ta’ pensjoni personali u minn skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju jkunu inklużi sal-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1).”;

    (5)l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “Minbarra l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożiti li ġejjin ikunu protetti bħala minimu sa ammont ta’ EUR 500 000 għal tal-anqas sitt (6) xhur wara li l-ammont ikun ġie kkreditat jew mill-mument meta tali depożiti jsiru legalment trasferibbli”;

    (ii)il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(a) depożiti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli relatati ma’ proprjetajiet residenzjali privati u depożiti maħsubin għal tali tranżazzjonijiet, dment li dawk it-tranżazzjonijiet jiġu konklużi fuq terminu qasir minn persuna fiżika, u dment li dik il-persuna fiżika tkun tista’ tipprovdi dokumenti li jagħtu prova ta’ tali tranżazzjoni;”;

    (b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a. l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta’ kopertura stabbilit fil-paragrafu 2 jissupplimenta l-livell ta’ kopertura stabbilit fil-paragrafu 1.”

    (6)l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)jitħassar il-paragrafu 5;

    (b)il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS tirrimborża l-imgħax fuq depożiti li jkunu dovuti sa, iżda li ma jkunux ġew ikkreditati jew iddebitati fid-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmi fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1), jew awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni kif imsemmi fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1). Il-livell ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 6(1) jew, fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 6(2), il-livell ta’ kopertura stabbilit f’dak il-paragrafu, ma għandux jinqabeż.”;

    (7)jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

    “Artikolu 7a

    Oneru tal-provi għall-eliġibbiltà u għall-intitolament tad-depożiti

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7(3) depożitant jew, meta xieraq, detentur ta’ kont, jagħti prova jew li d-depożiti kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), jew l-intitolament għad-depożiti fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 7(3).”;

    (8)l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jippermettu lid-DGSs japplikaw perjodu ta’ ripagament itwal għad-depożiti msemmijin fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8b, li ma għandux jaqbeż l-20 jum ta’ xogħol mid-data li fiha dawk id-DGSs ikunu rċevew id-dokumentazzjoni sħiħa li huma talbu mingħand depożitant sabiex jeżaminaw il-pretensjonijiet u jivverifikaw li l-kundizzjonijiet għar-ripagament ikunu ssodisfati.”;

    (b)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

    (i)il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c) b’deroga mill-paragrafu 9, ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni relatata mad-depożitu matul l-aħħar 24 xahar (il-kont ikun inattiv), ħlief meta depożitant ikollu wkoll depożiti f’kont ieħor li ma jkunx inattiv”;

    (ii)jitħassar il-punt (d);

    (c)jitħassar il-paragrafu 8;

    (d)il-paragrafu 9 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ma jkun hemm l-ebda tranżazzjoni relatata mad-depożitu matul l-aħħar 24 xahar, id-DGSs ikunu jistgħu jistabbilixxu livell limitu dwar il-kostijiet amministrattivi li kieku jiġġarrbu minn dawk id-DGS sabiex jagħmlu ripagament bħal dan. Id-DGSs ma għandhomx ikunu obbligati jieħdu passi attivi sabiex iħallsu lura lid-depożitanti f’livell taħt dak il-livell limitu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs iħallsu lura lid-depożitanti taħt dak il-livell limitu meta jintalbu jagħmlu dan minn dawk id-depożitanti.”;

    (9)jiddaħħlu l-Artikoli 8a, 8b u 8c li ġejjin:



    “Artikolu 8a

    Ripagament ta’ depożiti li jaqbżu l-EUR 10 000

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-ammonti li għandhom jiġu rimborżati jaqbżu l-EUR 10 000, id-DGS għandhom jirrimborżaw lid-depożitanti permezz ta’ trasferimenti ta’ kreditu kif definiti fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

    “Artikolu 8b

    Kopertura tad-depożiti ta’ fondi tal-klijenti

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożiti ta’ fondi tal-klijenti jkunu koperti mid-DGSs meta japplika dan kollu li ġej:

    (a)tali depożiti jsiru f’isem u għan-nom ta’ klijenti li huma eliġibbli għall-protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1);

    (b)tali depożiti jsiru sabiex jiġu ssegregati l-fondi tal-klijenti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ salvagwardja stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni li jirregola l-attivitajiet tal-entitajiet imsemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 5(1);

    (c)il-klijenti msemmijin fil-punt (a) jiġu identifikati jew ikunu identifikabbli qabel id-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmi fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) jew awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni kif imsemmi fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1).

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta’ kopertura msemmi fl-Artikolu 6(1) japplika għal kull klijent li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. B’deroga mill-Artikolu 7(1), meta jiġi ddeterminat l-ammont ripagabbli għal klijent individwali, id-DGS ma għandhiex tqis id-depożiti ta’ fondi aggregati li jsiru minn dak il-klijent mal-istess istituzzjoni ta’ kreditu.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs iħallsu lura d-depożiti koperti jew lid-detentur ta’ kont għall-benefiċċju ta’ kull klijent, jew lill-klijent direttament.

    4. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

    (a)id-dettalji tekniċi relatati mal-identifikazzjoni tal-klijenti għar-ripagament f’konformità mal-Artikolu 8;

    (b)il-kriterji li bihom u ċ-ċirkostanzi li fihom għandu jsir ir-ripagament lid-detentur ta’ kont għall-benefiċċju ta’ kull klijent jew lill-klijent direttament;

    (c)ir-regoli sabiex jiġu evitati pretensjonijiet multipli għal żborżi lill-istess benefiċjarju.

    Meta tiżviluppa dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, l-EBA għandha tqis dawn kollha li ġejjin:

    (a)l-ispeċifiċitajiet tal-mudell kummerċjali tat-tipi differenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji msemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 5(1);

    (b)ir-rekwiżiti speċifiċi tad-dritt applikabbli tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 5(1), għat-trattament ta’ fondi tal-klijenti.

    L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

    Artikolu 8c

    Sospensjoni tar-ripagamenti f’każ ta’ tħassib dwar il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità deżinjata tinforma lid-DGS fi żmien 24 siegħa mill-mument li fih l-awtorità deżinjata tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(4) ta’ [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 - COM(2021) 423 final] dwar l-eżitu tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent imsemmijin fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) …. [jekk jogħġbok daħħal referenza qasira – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata bejn l-awtorità deżinjata u d-DGS tkun limitata għall-informazzjoni li hija strettament neċessarja għall-eżerċitar tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet tad-DGS skont din id-Direttiva u li tali skambju ta’ informazzjoni jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jissospendu r-ripagament imsemmi fl-Artikolu 8(1) meta depożitant jew kwalunkwe persuna intitolata għal somom miżmumin fil-kont tagħha tkun ġiet akkużata b’reat li jirriżulta minn ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, jew relatat ma’ dawn, sakemm tinqata’ s-sentenza tal-qorti.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jissospendu r-ripagament imsemmi fl-Artikolu 8(1) għall-istess durata kif stabbilita fl-Artikolu 20 ta’ [jekk jogħġbok daħħal referenza qasira – proposta għal Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 - COM(2021) 423 final] meta jiġu nnotifikati mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 - COM(2021) 423 final] li dik l-Unità ddeċidiet li tissospendi tranżazzjoni jew li żżomm il-kunsens għall-proċediment ta’ tali tranżazzjoni, jew li tissospendi kont tal-bank jew ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 20(1) jew (2) tad-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 - COM(2021) 423 final].

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs ma jinżammux responsabbli għal kwalunkwe miżura meħuda f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja. Id-DGSs għandhom jużaw kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja għall-finijiet ta’ din id-Direttiva biss.

    *    Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-qlib tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

    **    Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).”;

    (10)fl-Artikolu 9, il-paragrafi 2 u 3 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “2. Mingħajr preġudizzju għal drittijiet li huma jista’ jkollhom skont id-dritt nazzjonali, id-DGSs li jagħmlu pagamenti taħt garanzija fi ħdan qafas nazzjonali għandu jkollhom id-dritt ta’ surroga għad-drittijiet tad-depożitanti fi proċedimenti ta’ stralċ jew ta’ riorganizzazzjoni għal ammont ekwivalenti għall-pagamenti tad-DGSs magħmulin lid-depożitanti. Id-DGSs li jagħmlu kontribuzzjoni fil-kuntest tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 37(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew fil-kuntest tal-miżuri meħudin f’konformità mal-Artikolu 11(5) ta’ din id-Direttiva, għandu jkollhom pretensjoni kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu residwa għal kwalunkwe telf imġarrab bħala riżultat ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE jew għat-trasferiment magħmul skont l-Artikolu 11(5) ta’ din id-Direttiva b’rabta ma’ telf li kieku kien ikollhom iġarrbu d-depożitanti. Dik il-pretensjoni għandha tikklassifika fl-istess livell bħad-depożiti koperti skont id-dritt nazzjonali li jirregola l-proċedimenti normali ta’ insolvenza.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-depożitanti li d-depożiti tagħhom ma jkunux tħallsu lura jew ġew irrikonoxxuti mid-DGS sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (3) ikunu jistgħu jitolbu r-ripagament tad-depożiti tagħhom fi żmien 5 snin.”;

    (11)l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)wara l-ewwel subparagrafu jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Għall-kalkolu tal-livell fil-mira msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun bejn il-31 ta’ Diċembru ta’ qabel id-data li fiha għandu jintlaħaq il-livell fil-mira u dik id-data.

    Meta jiddeterminaw jekk id-DGS tkunx laħqet dak il-livell fil-mira, l-Istati Membri għandhom iqisu biss il-mezzi finanzjarji disponibbli li jkunu kkontribwew direttament jew ġew irkuprati minn membri għad-DGS, netti mit-tariffi u mill-imposti amministrattivi. Dawk il-mezzi finanzjarji disponibbli għandhom jinkludu introjtu mill-investiment derivat minn fondi kkontribwiti minn membri għad-DGS, iżda għandhom jeskludu ripagamenti mhux mitlubin minn depożitanti eliġibbli matul il-proċeduri ta’ żborż, u self bejn id-DGSs.”;

    (ii)it-tielet subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Meta, wara li jintlaħaq il-livell fil-mira msemmi fl-ewwel subparagrafu għall-ewwel darba u l-mezzi finanzjarji disponibbli, wara żborż tal-fondi tad-DGSs f’konformità mal-Artikolu 8(1) u mal-Artikolu 11(2), (3), u (5), ikunu tnaqqsu għal anqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, id-DGSs għandhom jistabbilixxu l-kontribuzzjoni regolari f’livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien 6 snin.”;

    (b)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. Il-mezzi finanzjarji disponibbli li d-DGS tqis sabiex tilħaq il-livell fil-mira msemmi fil-paragrafu 2 jistgħu jinkludu impenji ta’ pagament. Is-sehem totali ta’ impenji ta’ pagament bħal dawn ma għandux jaqbeż it-30 % tal-ammont totali ta’ mezzi finanzjarji disponibbli ġġenerati f’konformità mal-paragrafu 2.

    L-EBA għandha toħroġ linji gwida dwar l-impenji ta’ pagament li jistabbilixxu l-kriterji għall-ammissibbiltà ta’ dawk l-impenji;”

    (c)jitħassar il-paragrafu 4;

    (d)il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “7. L-Istat Membru għandu jiżgura li d-DGSs, l-awtoritajiet deżinjati, jew l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu l-istrateġija ta’ investiment għall-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs, u li dik l-istrateġija ta’ investiment tikkonforma mal-prinċipju ta’ diversifikazzjoni u ta’ investimenti f’assi b’riskju baxx.”;

    (e)jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

    “7a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs ikunu jistgħu jqiegħdu l-mezzi finanzjarji disponibbli kollha tagħhom jew parti minnhom mal-bank ċentrali nazzjonali jew mat-teżor nazzjonali tagħhom, dment li dawk il-mezzi finanzjarji disponibbli jinżammu f’kont segregat u li jkunu faċilment disponibbli għall-użu mid-DGSs f’konformità mal-Artikoli 11 u 12.”;

    (f)jitħassar il-paragrafu 10;

    (g)jiżdiedu l-paragrafi 11, 12 u 13 li ġejjin:

    “11. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kuntest tal-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(1), (2), (3) u (5), id-DGSs jistgħu jużaw il-fondi li joriġinaw mill-arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi msemmijin fl-Artikolu 10(9) li ma humiex iffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi, qabel ma jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli u qabel ma jiġbru l-kontribuzzjonijiet straordinarji msemmijin fl-Artikolu 10(8). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS jużaw arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi ffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi biss bħala l-aħħar alternattiva.

    12. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

    (a)il-metodoloġija għall-kalkolu tal-mezzi finanzjarji disponibbli li jikkwalifikaw għal-livell fil-mira msemmi fil-paragrafu 2, inkluża d-delineazzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs u l-kategoriji ta’ mezzi finanzjarji disponibbli li jirriżultaw minn fondi kkontribwiti;

    (b)id-dettalji tal-proċess sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira msemmi fil-paragrafu 2 wara li DGS tkun użat il-mezzi finanzjarji disponibbli f’konformità mal-Artikolu 11.

    L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 24-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

    13. Minn… [OP – jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-EBA għandha tiżviluppa linji gwida sabiex tgħin lid-DGSs bid-diversifikazzjoni tal-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom u dwar kif d-DGSs jistgħu jinvestu f’assi b’riskju baxx applikabbli għall-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGSs.”;

    (12)l-Artikolu 11 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 11

    Użu ta’ fondi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli msemmijin fl-Artikolu 10 primarjament sabiex iħallsu lura lid-depożitanti f’konformità mal-Artikolu 8 mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ mezzi finanzjarji addizzjonali miġburin mid-DGSs għat-twettiq ta’ mandati għajr il-protezzjoni tad-depożitanti skont din id-Direttiva.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jiffinanzjaw ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mal-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw l-ammont li DGS għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, wara li dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu kkonsultaw lid-DGS dwar ir-riżultati tat-test tal-anqas kost imsemmi fl-Artikolu 11e ta’ din id-Direttiva.

    3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-DGSs jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli għall-miżuri preventivi kif imsemmi fl-Artikolu 11a għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu meta jkun japplika dan kollu li ġej:

    (a)ma tkun preżenti l-ebda waħda miċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (b)id-DGS tkun ikkonfermat li l-kost tal-miżura ma jaqbiżx il-kost tar-ripagament tad-depożitanti kif ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 11e;

    (c)ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 11a u 11b.

    4. Meta jintużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli għal miżuri preventivi kif imsemmi fl-Artikolu 11a, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati għandhom jipprovdu immedjatament lid-DGS bil-mezzi użati għal tali miżuri, meta jkunu neċessarji fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji, meta tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)tinqala’ l-ħtieġa li jitħallsu lura d-depożitanti u l-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGS jammontaw għal anqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira;

    (b)il-mezzi finanzjarji disponibbli tad-DGS jaqgħu taħt il-25 % tal-livell fil-mira.

    5. Meta istituzzjoni ta’ kreditu tiġi stralċata f’konformità mal-Artikolu 32b tad-Direttiva 2014/59/UE sabiex toħroġ mis-suq jew ittemm l-attività bankarja tagħha, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-DGSs jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli għal miżuri alternattivi sabiex jippreżervaw l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom, inkluż it-trasferiment ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet u trasferiment ta’ ktieb tad-depożiti, dment li d-DGS tikkonferma li l-kost tal-miżura ma jaqbiżx il-kost tar-ripagament tad-depożitanti kif ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 11e ta’ din id-Direttiva u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 11d ta’ din id-Direttiva.”;

    (13)jiddaħħlu l-Artikoli 11a sa 11e li ġejjin:

    “Artikolu 11a

    Miżuri preventivi

    1. Meta l-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ fondi tad-DGSs għal miżuri preventivi kif imsemmi fl-Artikolu 11(3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli għall-miżuri preventivi msemmijin fl-Artikolu 11(3), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)it-talba ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għall-finanzjament ta’ tali miżuri preventivi tkun akkumpanjata minn nota li jkun fiha miżuri kif imsemmijin fl-Artikolu 11b;

    (b)l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun ikkonsultat lill-awtorità kompetenti dwar il-miżuri previsti fin-nota msemmijin fl-Artikolu 11b;

    (c)l-użu ta’ miżuri preventivi mid-DGS huwa marbut ma’ kundizzjonijiet imposti fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu appoġġata, li jinvolvu tal-anqas monitoraġġ tar-riskju aktar strett tal-istituzzjoni ta’ kreditu u drittijiet ta’ verifika akbar għad-DGS;

    (d)l-użu tal-miżuri preventivi mid-DGS jiddependi fuq l-impenji tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tiżgura aċċess għal depożiti koperti;

    (e)l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati jkunu jistgħu jħallsu l-kontribuzzjonijiet straordinarji f’konformità mal-Artikolu 11(4);

    (f)l-istituzzjoni ta’ kreditu tikkonforma mal-obbligi tagħha skont din id-Direttiva u tkun ħallset lura bis-sħiħ kwalunkwe miżura preventiva preċedenti.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs ikollhom sistemi ta’ monitoraġġ u proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fis-seħħ li huma xierqa għall-għażla u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi u għall-monitoraġġ tar-riskji affiljati.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jistgħu jimplimentaw miżuri preventivi biss meta l-awtorità deżinjata tkun ikkonfermat li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati. L-awtorità deżinjata għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti u lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS li tuża l-mezzi finanzjarji disponibbli tagħha għal miżuri ta’ appoġġ kapitali tittrasferixxi l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ ishma jew strumenti kapitali oħrajn fl-istituzzjoni ta’ kreditu appoġġata lis-settur privat malli ċ-ċirkostanzi kummerċjali u finanzjarji jippermettu.

    “Artikolu 11b

    Nota ta’ akkumpanjament mal-miżuri preventivi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jitolbu lil DGS tiffinanzja miżuri preventivi f’konformità mal-Artikolu 11(3) jippreżentaw lill-awtorità kompetenti għall-konsultazzjoni nota b’miżuri li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu impenn li jieħdu sabiex jiżguraw jew jirrestawraw il-konformità mar-rekwiżiti superviżorji applikabbli għall-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    2. In-nota msemmija fil-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi azzjonijiet sabiex jittaffa r-riskju ta’ deterjorament tas-solidità finanzjarja u tissaħħaħ il-pożizzjoni kapitali u ta’ likwidità tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ miżura ta’ appoġġ kapitali, in-nota msemmija fil-paragrafu 1 tidentifika l-miżuri kollha ta’ ġenerazzjoni tal-kapital li jistgħu jiġu implimentati, inklużi salvagwardji li jipprevjenu l-ħruġ ta’ fondi, valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali li tħares ’il quddiem, u determinazzjoni sussegwenti tad-defiċit ta’ kapital li d-DGS għandha tkopri.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ miżura ta’ appoġġ tal-likwidità, in-nota msemmija fil-paragrafu 1 tipprevedi skeda ta’ ripagament speċifikata b’mod ċar mill-istituzzjoni ta’ kreditu ta’ kwalunkwe fond riċevut bħala parti mill-miżuri preventivi.

    5. Meta rilevanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri previsti fin-nota msemmija fil-paragrafu 1 ikunu allinjati mal-pjan ta’ konservazzjoni tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 142 tad-Direttiva 2013/36/UE.

    6. Meta jkun applikabbli l-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri previsti fin-nota msemmijin fil-paragrafu 1 ikunu allinjati mal-pjan ta’ ristrutturar li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun meħtieġa tissottometti lill-Kummissjoni skont dak il-qafas.



    Artikolu 11c

    Pjan ta’ rimedju

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-istituzzjoni ta’ kreditu tonqos milli tissodisfa l-impenji deskritti fin-nota msemmija fl-Artikolu 11b(1), jew tonqos milli tħallas lura l-ammont ikkontribwit skont il-miżuri preventivi mal-maturità, id-DGS tinforma lill-awtorità kompetenti b’dan mingħajr dewmien.

    2. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti titlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu tissottometti pjan ta’ rimedju li jiddeskrivi l-passi li se tieħu l-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tiżgura jew tirrestawra l-konformità mar-rekwiżiti superviżorji, sabiex tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tagħha u sabiex tħallas lura l-ammont dovut ikkontribwit mid-DGS għall-miżura preventiva, kif ukoll il-perjodu ta’ żmien assoċjat.

    3. Meta l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li l-pjan ta’ rimedju jkun kredibbli jew fattibbli, id-DGS ma għandha tagħti l-ebda miżura preventiva ulterjuri lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

    4. Sa … [OP – jekk jogħġbok daħħal id-data = 42 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-EBA għandha toħroġ linji gwida li jistabbilixxu elementi tan-nota li takkumpanja l-miżuri preventivi msemmija fl-Artikolu 11b(1) u l-pjan ta’ rimedju msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    “Artikolu 11d

    Trasparenza tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni f’miżuri alternattivi

    1. Meta l-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ fondi tad-DGSs għall-miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 11(5), huma għandhom jiżguraw li meta d-DGSs jiffinanzjaw miżuri bħal dawn, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkummerċjalizzaw, jew jagħmlu arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom l-intenzjoni li jittrasferixxu. Mingħajr preġudizzju għall-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, it-tali kummerċjalizzazzjoni għandha tikkonforma ma’ dan kollu li ġej:

    (a)il-kummerċjalizzazzjoni tkun miftuħa u trasparenti u ma tirrappreżentax ħażin l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti;

    (b)il-kummerċjalizzazzjoni ma tiffavorixxix u lanqas ma tiddiskrimina bejn ix-xerrejja potenzjali u ma tagħti l-ebda vantaġġ lil xerrej potenzjali;

    (c)il-kummerċjalizzazzjoni tkun ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess;

    (d)il-kummerċjalizzazzjoni tqis il-ħtieġa li tiġi implimentata soluzzjoni rapida li tqis l-iskadenza stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2), għad-determinazzjoni msemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1);

    (e)il-kummerċjalizzazzjoni għandha l-għan li timmassimizza, kemm jista’ jkun, il-prezz tal-bejgħ għall-assi, għad-drittijiet u għall-obbligazzjonijiet ikkonċernati.

    Artikolu 11e

    Test tal-anqas kost

    1. Meta jikkunsidraw l-użu tal-fondi tad-DGSs għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(2), (3) jew (5), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs jagħmlu paragun ta’ dawn li ġejjin:

    (a)il-kost stmat għad-DGS sabiex tiffinanzja l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(2), (3) jew (5);

    (b)il-kost stmat tar-ripagament lid-depożitanti f’konformità mal-Artikolu 8(1).

    2. Għall-paragun, imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

    (a)għall-istima tal-kostijiet imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 1, id-DGS għandha tqis il-qligħ mistenni, l-ispejjeż operatorji u t-telf potenzjali relatat mal-miżura;

    (b)għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(2) u (5), id-DGS għandha tibbaża l-istima tagħha tal-kost tar-ripagament lid-depożitanti, kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, fuq il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu msemmijin fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-istima msemmija fl-Artikolu 36(8) ta’ dik id-Direttiva;

    (c)għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(2), (3) u (5), meta tistma l-kost tar-ripagament lid-depożitanti, kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, id-DGS għandha tqis il-proporzjon mistenni tal-irkupri, il-kost għar-rikostituzzjoni tad-DGS li għandu jiġġarrab mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma membri tad-DGS, u l-kost addizzjonali potenzjali tal-finanzjament għad-DGS;

    (d)għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(3), meta tistma l-kost tar-ripagament tad-depożitanti, id-DGS għandha timmoltiplika b’85 % il-proporzjon stmat tal-irkupri kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija msemmija fil-punt b tal-paragrafu 5.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont użat għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), għall-miżuri preventivi msemmijin fl-Artikolu 11(3), jew għall-miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 11(5), ma jaqbiżx l-ammont ta’ depożiti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni jipprovdu lid-DGS bl-informazzjoni neċessarja kollha għall-paragun imsemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tipprovdi lid-DGS bil-kost stmat tal-kontribuzzjoni tad-DGS għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 11(2).

    5. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

    (a)il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kost stmat imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, li għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura kkonċernata;

    (b)il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kost stmat tar-ripagament tad-depożitanti msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, inkluż il-proporzjon stmat tal-irkupri msemmijin fil-punt (c) tal-paragrafu 2;

    (c)il-mod kif għandu jingħata rendikont, fil-metodoloġiji msemmijin fil-punti (a), (b) u (c), meta rilevanti, lill-bidla fil-valur tal-flus minħabba qligħ dovut potenzjali dovut maż-żmien.

    Għall-kalkolu tal-kost stmat tar-ripagament lid-depożitanti kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 fil-każ ta’ miżuri preventivi, il-metodoloġija msemmija fil-punt (b) għandha tqis l-importanza ta’ miżuri preventivi għall-mandat statutorju jew kuntrattwali tad-DGS, inkluża l-IPS imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2).

    L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

    (14)l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs ikopru lid-depożitanti f’fergħat stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu membri tagħhom fi Stati Membri oħrajn u lid-depożitanti li jinsabu fi Stati Membri fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu membri tagħhom jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi kif imsemmi fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tad-Direttiva 2013/36/UE.”;

    (b)fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li DGS tal-Istat Membru domiċiljari tkun tista’ tiddeċiedi li tħallas lura lid-depożitanti f’fergħat direttament meta jkunu japplikaw dawn kollha li ġejjin:

    (i)il-piż amministrattiv u l-kost ta’ tali ripagament ikunu anqas mir-ripagament minn DGS tal-Istat Membru ospitanti;

    (ii)id-DGS tal-Istat Membru domiċiljari tiżgura li d-depożitanti ma jiġux minn taħt meta mqabblin max-xenarju li fih ir-rimborż kien isir f’konformità mal-ewwel subparagrafu.”;

    (c)jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

    “2a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li DGS ta’ Stat Membru ospitanti tkun tista’, soġġetta għal ftehim ma’ DGS ta’ Stat Membru domiċiljari, taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għad-depożitanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi kif imsemmi fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tad-Direttiva 2013/36/UE, u għandha tiġi kkumpensata għall-kostijiet imġarrbin.

    2b. Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 2a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS tal-Istat Membru domiċiljari u d-DGS tal-Istat Membru ospitanti kkonċernat ikollhom ftehim fis-seħħ dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iżborż, inkluż dwar il-kumpens ta’ kwalunkwe kost imġarrab, il-punt ta’ kuntatt għad-depożitanti, l-iskeda ta’ żmien u l-metodu ta’ pagament.”;

    (d)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ DGS u tingħaqad ma’ DGS ta’ Stat Membru ieħor, jew jekk xi wħud mill-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu jiġu ttrasferiti lil DGS ta’ Stat Membru ieħor, id-DGS ta’ oriġini għandha tittrasferixxi lid-DGS riċeventi l-kontribuzzjonijiet dovuti għall-aħħar 12-il xahar qabel il-bidla fis-sħubija mad-DGS, bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet straordinarji msemmijin fl-Artikolu 10(8).”;

    (e)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

    “3a. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGS ta’ oriġini tittrasferixxi l-ammont imsemmi f’dak il-paragrafu fi żmien xahar wieħed (1) mill-bidla fis-sħubija mad-DGS.”;

    (f)jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:

    “9. L-EBA għandha toħroġ linji gwida dwar kif l-EBA tara r-rwoli rispettivi tad-DGSs domiċiljari u ta’ ospitanti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, u li jkun fihom lista ta’ ċirkostanzi u ta’ kundizzjonijiet li taħthom DGS tal-Istat Membru domiċiljari jenħtieġ li tkun tista’ tiddeċiedi li tħallas lura lid-depożitanti f’fergħat li jinsabu fi Stat Membru ieħor kif stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2.”;

    (15)l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 15

    Fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma stabbiliti f’pajjiżi terzi

    L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Unjoni jissieħbu f’DGS fit-territorju tagħhom qabel ma jippermettu lil tali fergħat jieħdu depożiti eliġibbli f’dawk l-Istati Membri.”;

    (16)jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:

    Artikolu 15a

    Istituzzjonijiet ta’ kreditu membri li għandhom fergħat f’pajjiżi terzi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs ma jkoprux lid-depożitanti f’fergħat li jkunu ġew stabbiliti f’pajjiżi terzi mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu membri tagħhom, ħlief meta, soġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità deżinjata, dawk id-DGSs jiġġeneraw il-kontribuzzjonijiet korrispondenti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati.”;

    (17)l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu lid-depożitanti attwali u prospettivi bl-informazzjoni li dawk id-depożitanti jeħtieġ li jidentifikaw id-DGSs li tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-fergħat tagħha jkunu membri fl-Unjoni. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni fil-forma ta’ skeda ta’ informazzjoni mħejjija f’format li minnu tista’ tiġi estratta data kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) XX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar l-ESAP]***.

    _______________________________________________

    ***    Ir-Regolament (UE) XX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ jj xx ss li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, għas-swieq kapitali u għas-sostenibbiltà.”;

    (b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

    “1a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskeda ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikun fiha dan kollu li ġej:

    (i)informazzjoni bażika dwar il-protezzjoni ta’ depożiti;

    (ii)id-dettalji ta’ kuntatt tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għal informazzjoni dwar il-kontenut tal-iskeda ta’ informazzjoni;

    (iii)il-livell ta’ kopertura għad-depożiti kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u 6(2) f’EUR jew, meta rilevanti, f’munita oħra;

    (iv)esklużjonijiet applikabbli mill-protezzjoni tad-DGS;

    (v)limitu ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kontijiet konġunti;

    (vi)perjodu ta’ rimborż f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

    (vii)munita ta’ rimborż;

    (viii)identifikazzjoni tad-DGS responsabbli għall-protezzjoni ta’ depożitu, inkluża referenza għas-sit web tagħha.”;

    (c)il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu l-iskeda ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 qabel ma jidħlu f’kuntratt dwar it-teħid ta’ depożiti u, wara dan, kull sena. Id-depożitanti għandhom jikkonfermaw ir-riċevuta ta’ dik l-iskeda ta’ informazzjoni.”;

    (d)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonfermaw fir-rapporti tal-kontijiet tad-depożitanti tagħhom li d-depożiti jkunu depożiti eliġibbli, inkluża referenza għall-iskeda ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”;

    (e)il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli bil-lingwa li tkun ġiet miftiehma mid-depożitant u mill-istituzzjoni ta’ kreditu meta l-kont ikun infetaħ jew bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-fergħa.”;

    (f)il-paragrafi 6 u 7 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ fużjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ konverżjoni ta’ sussidjarji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’fergħat, jew ta’ operazzjonijiet simili, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinnotifikaw lid-depożitanti tagħhom b’dan tal-anqas xahar wieħed (1) qabel ma dik l-operazzjoni tidħol fis-seħħ legalment, sakemm l-awtorità kompetenti ma tippermettix skadenza iqsar fuq il-bażi tas-segretezza kummerċjali jew tal-istabbiltà finanzjarja. Dik in-notifika għandha tispjega l-impatt tal-operazzjoni fuq il-protezzjoni tad-depożitanti.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta bħala riżultat tal-operazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, id-depożitanti b’depożiti f’dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu affettwati mill-protezzjoni mnaqqsa tad-depożiti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jinnotifikaw lil dawk id-depożitanti li jistgħu jirtiraw jew jittrasferixxu lil istituzzjoni ta’ kreditu oħra d-depożiti eliġibbli tagħhom, inklużi l-imgħax u l-benefiċċji dovuti kollha, mingħajr ma jġarrbu penali sa ammont ugwali għall-kopertura mitlufa tad-depożiti tagħhom fi żmien 3 xhur wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jibqgħux membri ta’ DGS jinfurmaw lid-depożitanti tagħhom b’dan tal-anqas xahar wieħed (1) qabel tali ċessjoni.”;

    (g)jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

    “7a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet deżinjati, id-DGSs u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jinformaw lid-depożitanti, inkluż permezz ta’ pubblikazzjoni fuq is-siti web tagħhom, dwar il-fatt li awtorità amministrattiva rilevanti tkun għamlet determinazzjoni kif imsemmi fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1), jew awtorità ġudizzjarja tkun ħadet deċiżjoni kif imsemmi fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1).”;

    (h)il-paragrafu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta depożitant juża servizzi bankarji fuq l-internet, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu l-informazzjoni li jridu jipprovdu lid-depożitanti tagħhom skont din id-Direttiva b’mezzi elettroniċi sakemm depożitant ma jitlobx li jirċievi dik l-informazzjoni stampata.”;

    (i)jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:

    “9. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika:

    (a)il-kontenut u l-format tal-iskeda ta’ informazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 1a;

    (b)il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-għoti tal-informazzjoni, u l-kontenut ta’ din, li għandha tiġi pprovduta fil-komunikazzjonijiet mill-awtoritajiet deżinjati, mid-DGSs jew mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu lid-depożitanti, fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 8b u 8c u fil-paragrafi 6, 7 u 7a ta’ dan l-Artikolu.

    L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa … [OP - jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

    (18)jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

    Artikolu 16a

    Skambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-DGS, u rapportar mill-awtoritajiet

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-DGSs, fi kwalunkwe ħin u fuq talba, jirċievu mingħand l-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati tagħhom l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex iħejju għal ripagament tad-depożitanti, f’konformità mar-rekwiżit ta’ identifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(4), inkluża l-informazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 8(5) u tal-Artikoli 8b u 8c.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fuq talba ta’ DGS, jipprovdu lid-DGS li tagħha jkunu membri informazzjoni dwar:

    (a)id-depożitanti f’fergħat ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

    (b)id-depożitanti li huma riċevituri ta’ servizzi pprovduti mill-istituzzjonijiet membri fuq il-bażi tal-libertà li jipprovdu servizzi.

    L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) għandha tindika l-Istati Membri li fihom jinsabu dawk il-fergħat jew id-depożitanti.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, id-DGSs jinformaw lill-EBA bl-ammont ta’ depożiti koperti fl-Istat Membru tagħhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Sal-istess data, id-DGSs għandhom jirrapportaw ukoll lill-EBA l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom, inkluż is-sehem ta’ riżorsi meħudin b’self, l-impenji ta’ pagament u l-iskeda ta’ żmien sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira f’każ ta’ użu ta’ fondi tad-DGSs.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet deżinjati jinnotifikaw lill-EBA, mingħajr dewmien żejjed, dwar dan kollu li ġej:

    (a)id-determinazzjoni ta’ depożiti mhux disponibbli skont iċ-ċirkostanzi msemmijin fil-punt (8) tal-Artikolu 2(1);

    (b)jekk ġietx applikata kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmijin fl-Artikolu 11(2), (3) u (5) u l-ammont ta’ fondi użati f’konformità mal-Artikolu 8(1) u mal-Artikolu 11(2), (3) u (5), u, meta applikabbli u ladarba jkun disponibbli, l-ammont ta’ fondi rkuprati, il-kost li jirriżulta għad-DGS u d-durata tal-proċess ta’ rkupru;

    (c)id-disponibbiltà u l-użu ta’ arranġamenti alternattivi ta’ finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 10(3);

    (d)kwalunkwe DGS li waqfet topera jew l-istabbiliment ta’ kwalunkwe DGS ġdida, inkluż bħala riżultat ta’ fużjoni jew tal-fatt li DGS bdiet topera fuq bażi transfruntiera.

    In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fiha sommarju li jiddeskrivi dawn kollha li ġejjin:

    (a)is-sitwazzjoni inizjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

    (b)il-miżuri li għalihom intużaw fondi tad-DGS;

    (c)l-ammont mistenni ta’ mezzi finanzjarji disponibbli użati.

    5. L-EBA għandha tippubblika l-informazzjoni li tirċievi f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 u s-sommarju msemmi fil-paragrafu 4 mingħajr dewmien żejjed.

    6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu membru ta’ DGS jipprovdu lil dik id-DGS, fuq talba, bis-sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, dment li tali informazzjoni tkun neċessarja għad-DGS u għall-awtoritajiet deżinjati sabiex jeżerċitaw l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 11(2), (3) u (5) u fl-Artikolu 11e.

    7. L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, il-mudelli għall-għoti ta’ dik l-informazzjoni, u sabiex tispeċifika aktar il-kontenut ta’ dik l-informazzjoni, filwaqt li tqis it-tipi ta’ depożitanti.

    L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa …. [OP - jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;



    (19)Jitħassar l-Anness I.

    Artikolu 2

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Unjoni u li jieħdu depożiti eliġibbli fi Stat Membru fi … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tad-dħul fis-seħħ], u li ma jkunux membri ta’ DGS f’dik id-data, jissieħbu f’DGS li topera fit-territorji tagħhom sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ]. L-Artikolu 1(15) ma għandux japplika għal dawk il-fergħat sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ].

    2.B’deroga mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, kif emendata b’din id-Direttiva, u l-Artikoli 11a, 11b, 11c u 11e fir-rigward tal-miżuri preventivi, sa [OP – jekk jogħġbok daħħal id-data = 72 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-IPS imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) tikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE kif applikabbli fi [OP – jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Artikolu 3

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard minn … [OP, jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn … [OP – jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Madankollu, huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 11(3), kif emendat b’din id-Direttiva, u mal-Artikoli 11a, 11b, 11c u 11e fir-rigward tal-miżuri preventivi minn … [PO – jekk jogħġbok daħħal id-data = 48 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149–178).
    (2)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
    (3)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
    (4)    Barra minn hekk, għad ma hemm l-ebda qbil dwar mekkaniżmu kredibbli u robust għall-provvista ta’ likwidità f’riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja, f’konformità mal-istandard stabbilit mill-pari internazzjonali.
    (5)    COM/2015/0586 final.
    (6)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1–337).
    (7)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338–436).
    (8)    Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB). Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (verżjoni aġġornata tal-2014), Key Attributes of effective resolution regimes for financial institutions u (2015), Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet .
    (9)    Il-Grupp tal-Euro (it-30 ta’ Novembru 2020), Statement of the Eurogroup in inclusive format on the ESM reform and the early introduction of the backstop to the Single Resolution Fund . L-implimentazzjoni se sseħħ bejn l-2022 u l-2024. Madankollu, il- Ftehim li Jemenda t-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà għadu ma ġiex irratifikat.
    (10)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Commission Work Programme 2021 , it-taqsima 2.3, p. 5.
    (11)    Il-Kummissjoni Ewropea (2023), Long-term competitiveness of the EU: looking beyond 2030 .
    (12)    Il-Grupp tal-Euro (is-16 ta’ Ġunju 2022), Eurogroup statement on the future of the Banking Union.
    (13)    Il-Parlament Ewropew (2022), L-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2021 ; il-Parlament Ewropew ħareġ rapport dwar l-Unjoni Bankarja kull sena mill-2015 ’il quddiem.
    (14)    Laqgħa tas-Summit dwar l-euro (l-24 ta’ Marzu 2023), Statement of the Euro Summit, meeting in inclusive format .
    (15)    Ara t-taqsima 3 dwar il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert.
    (16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”), Test b’relevanza għaż-ŻEE; ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1–15.
    (17)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE); ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35–127.
    (18)    Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (Test b’relevanza għaż-ŻEE); ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500–517.
    (19)    Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, il-Polonja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-5/16, EU:C:2018:483, p. 49, p. 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.
    (20)    Il-Kummissjoni Ewropea (2021), Konsultazzjoni dwar l-Unjoni Bankarja – rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tal-assikurazzjoni tad-depożiti .
    (21)    EBA (Ottubru 2021), Call for advice regarding funding in resolution and insolvency
    (22)    EBA (Awwissu 2019), Opinion of the EBA on the eligibility of deposits, coverage level and cooperation between deposit guarantee schemes
    (23)    EBA (Ottubru 2019) Opinion of the EBA on deposit guarantee scheme payouts .
    (24)    EBA (Jannar 2020), Opinion of the EBA on deposit guarantee scheme funding and uses of deposit guarantee funds.
    (25)    EBA (Ottubru 2021), Opinion of the EBA on the treatment of client funds under the DGSD .
    (26)    EBA (Diċembru 2021), Opinion of the EBA on the interplay between the EU Anti-Money Laundering Directive and the EU Deposit Guarantee Scheme Directive .
    (27)    EBA (Marzu 2021), Opinion of the EBA on the risks of money laundering and terrorist financing affecting the EU’s financial sector.
    (28)    CEPS (Diċembru 2016), Harmonising insolvency laws in the Euro area . https://www.ceps.eu/ceps-publications/harmonising-insolvency-laws-euro-area-rationale-stocktaking-and-challenges/
    (29)    CEPS (Novembru 2019), Options and national discretions under the DGSD and their treatment in the context of a European Deposit Insurance Scheme .
    (30)    Jekk jogħġbok ara r-referenzi għal SWD(2023)226 (skeda fil-qosor tal-IA) u SEC(2023)230 (l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju).
    (31)    Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-proposta.
    (32)    Il-Kummissjoni Ewropea, (Lulju 2021), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu COM(2021) 420 final .
    (33)    ĠU C , , p. .
    (34)    ĠU C , , p. .
    (35)    ĠU C , , p. .
    (36)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
    (37)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (38)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
    (39)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
    (40)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
    (41)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
    (42)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
    Top