Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0201

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel, 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, 2001/113/KE li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem, u 2001/114/KE rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem

    COM/2023/201 final

    Brussell, 21.4.2023

    COM(2023) 201 final

    2023/0105(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel, 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, 2001/113/KE li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem, u 2001/114/KE rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem

    {SEC(2023) 162 final} - {SWD(2023) 97 final} - {SWD(2023) 98 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-hekk imsejħa “Direttivi dwar il-Kolazzjon” huma sett ta’ seba’ Direttivi 1 li jistabbilixxu regoli komuni dwar il-kompożizzjoni, l-isem kummerċjali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi u biex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fis-suq intern. Dawn joperaw b’mod simili għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti għal ċerti prodotti agrikoli f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 2 , peress li fihom deskrizzjonijiet tekniċi ta’ prodotti agrikoli, il-kompożizzjoni, il-karatteristiċi u l-metodi ta’ produzzjoni użati tagħhom.

    Il-prodotti li għalihom huma stabbiliti regoli komuni bħal dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati skont id-denominazzjonijiet tal-bejgħ rispettivi biss jekk jikkonformaw ma’ dawk ir-regoli. L-użu ta’ dawn id-denominazzjonijiet ta’ bejgħ normalment ikun ta’ valur kummerċjali sinifikanti peress li l-konsumaturi jagħrfuhom u jiddeċiedu dwar dak li jixtru skonthom.

    Regoli skaduti jistgħu jimpedixxu l-innovazzjoni jew jonqsu milli jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumatur. F’ċirkostanzi bħal dawn, ir-regoli jeħtieġu adattament. Id-Direttivi attwali dwar il-Kolazzjon ilhom aktar minn 10 snin. Matul dawn l-aħħar 10 snin, is-swieq għall-oġġetti tal-ikel evolvew b’mod sinifikanti, xprunati mill-innovazzjoni iżda wkoll minn tħassib tas-soċjetà u domanda tal-konsumaturi li qed jinbidlu. Għalhekk, huwa xieraq li ssir reviżjoni ta’ ċerti regoli tad-Direttivi dwar il-Kolazzjon.

    Din ir-reviżjoni titwettaq ukoll fl-isfond tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Mill-Għalqa sal-Platt 3 u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (it-Taqsima 6.1). Fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, tħabbar li r-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni, li hija mifhuma li tkopri d-Direttivi dwar il-Kolazzjon minħabba x-xebh tagħhom mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, għandha l-għan li tipprevedi l-adozzjoni u l-provvista ta’ prodotti sostenibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tfittex opportunitajiet biex tiffaċilita l-bidla għal dieti aktar tajbin għas-saħħa 4 u tistimula r-riformulazzjoni tal-prodott, b’mod partikolari għal ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, zokkor u melħ. Fl-aħħar nett, biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet tal-ikel infurmati u sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret ukoll li se tikkunsidra li tipproponi l-estensjoni tal-indikazzjonijiet obbligatorji tal-oriġini jew tal-provenjenza għal ċerti prodotti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-impatti fuq is-suq intern.

    Barra minn hekk, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva 2001/110/KE, il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, il-profili nutrizzjonali u t-tikkettar tal-oriġini tal-15/16 ta’ Diċembru 2020 5 , jirreferu għat-talbiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd biex tiġi riveduta dik id-Direttiva bil-għan li jiġu speċifikati l-pajjiżi ta’ oriġini tal-għasel użat fit-taħlitiet tal-għasel, u jitolbu lill-Kummissjoni tibda taħdem fuq proposta leġiżlattiva biex temenda d-Direttiva kif xieraq. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent 6 , jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi bidliet leġiżlattivi għar-regoli dwar it-tikkettar tal-għasel li se jirriżultaw f’informazzjoni aħjar għall-konsumatur.

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-Direttivi dwar il-Kolazzjon, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem, u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem, jenħtieġ li jiġu riveduti.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Kull waħda mill-erba’ Direttivi kkonċernati minn din il-proposta hija att leġiżlattiv awtonomu li jirregola l-prodotti kkonċernati. Filwaqt li r-regoli ġenerali tal-liġi dwar l-ikel japplikaw sakemm ma jkunx previst mod ieħor fid-Direttivi, ma hemm l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva oħra li tikkonċerna direttament l-aspetti regolati f’dawn id-Direttivi għall-għasel, il-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili, għall-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u l-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa jew ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Ir-reviżjoni tikkontribwixxi għall-azzjonijiet l-oħra taħt l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer 7 , li għandhom l-għan li jippromwovu aktar u dieti aktar sostenibbli u tajbin għas-saħħa. Hija koerenti mar-reviżjoni li se ssir tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi fir-rigward tal-oriġini u t-tikkettar dwar in-nutrizzjoni. Għandha wkoll l-għan li tikkomplementa l-proposta mħabbra għal qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (verżjoni konsolidata ta’ Amsterdam) huwa l-bażi ġuridika tal-erba’ Direttivi soġġetti għal din ir-reviżjoni. L-Artikolu 43 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika korrispondenti għall-emendar ta’ dawk id-Direttivi.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-kompetenza għall-agrikoltura hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti agrikoli, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon, għal ħafna prodotti tissostitwixxi l-istandards nazzjonali eteroġenji li kienu jeżistu qabel. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-prodotti koperti mill-erba’ Direttivi dwar il-Kolazzjon kienet iġġustifikata mill-fatt li d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali relatati mal-prodotti kkonċernati jistgħu jirriżultaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta li x’aktarx iqarrqu bil-konsumaturi, u b’hekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Fid-dawl tal-implikazzjonijiet għas-suq intern, l-Istati Membri individwali ma setgħux jindirizzaw il-kwistjoni b’mod suffiċjenti permezz ta’ standards nazzjonali.

    Filwaqt li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon, laħqu b’suċċess l-objettivi maħsuba tagħhom, hemm il-ħtieġa li jiġu emendati biex jiġu indirizzati ħtiġijiet, problemi u kwistjonijiet ġodda li feġġew mill-adozzjoni tal-atti ’l hawn, bħall-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà. Din il-proposta biex jiġu emendati erba’ Direttivi dwar il-Kolazzjon tikkonsisti prinċipalment mill-aġġornament tar-rekwiżiti u d-definizzjonijiet tal-prodotti, u għalhekk ma timmodifikax sostanzjalment it-tqassim mill-ġdid tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni emendata.

    B’mod partikolari, dwar it-tikkettar tal-oriġini għall-għasel, kif hemm iddikjarat fil-premessa 5 tad-Direttiva 2001/110/KE, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jkunu jafu l-oriġini ġeografika tal-għasel. Fost l-oħrajn, diversi tipi ta’ għasel jiġu prodotti abbażi ta’ pjanti u siġar differenti. Il-kundizzjonijiet ambjentali, ġeografiċi u klimatiċi jistgħu jaffettwaw il-karatteristiċi tal-prodotti tal-għasel prodott f’diversi partijiet tad-dinja. It-taħlit ta’ tipi ta’ għasel ta’ oriġini ġeografika differenti wkoll jaffettwa dawn il-karatteristiċi. B’riżultat ta’ dan, hemm rabta mill-qrib bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-kwalità tal-għasel u l-oriġini tiegħu. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq dwar il-karatteristiċi u l-kwalità tal-għasel li jikkonsmaw, huwa indispensabbli li jkun hemm disponibbli informazzjoni sħiħa dwar dawk il-kwistjonijiet sabiex il-konsumaturi ma jiġux mqarrqa. Għalhekk, id-Direttiva applikabbli bħalissa tirrikjedi li l-pajjiż jew il-pajjiżi fejn ikun inġabar l-għasel jiġu indikati fuq it-tikketta. Madankollu, tipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-lista tal-pajjiżi ta’ oriġini tal-għasel tiġi sostitwita b’wieħed minn dawn li ġejjin, kif xieraq: “taħlita ta’ għasel tal-UE”, “taħlita ta’ għasel mhux tal-UE”, “taħlita ta’ għasel tal-UE u mhux tal-UE”. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-istandards tal-UE rriżulta f’differenzi fit-tikkettar tal-għasel madwar l-Unjoni li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi u jfixklu l-funzjonament tas-suq intern. Pereżempju, l-operaturi li jimportaw taħlitiet tal-għasel li għandhom jiġu ppakkjati fi Stat Membru li jirrikjedi l-lista individwali ta’ pajjiżi jistgħu ma jkunux jafu l-pajjiżi speċifiċi ta’ oriġini tal-għasel. Filwaqt li titqies ir-rabta mill-qrib bejn il-kwalità tal-għasel u l-oriġini tiegħu, u fid-dawl tal-objettiv tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li l-konsumaturi jiġu abilitati biex jagħmlu għażla infurmata, inkluż dwar l-oriġini tal-ikel tagħhom, u l-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, huwa xieraq li r-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini jiġu armonizzati u li titneħħa l-possibbiltà li ma jitniżżilx il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini fejn l-għasel joriġina minn aktar minn pajjiż wieħed.

    Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ regoli komuni tal-Unjoni dwar it-tnaqqis ta’ zokkor naturali fil-meraq tal-frott, il-kwalità u l-awtentiċità (jiġifieri l-fatt li z-zokkor naturali jkun tabilħaqq tneħħa bi proċess speċifiku, u mhux permezz tad-dilwizzjoni bl-ilma jew bl-użu ta’ meraq ta’ frott mhux misjur) ta’ dan ix-xorb ma jkunux armonizzati madwar l-Unjoni. Peress li dawn il-prodotti se jsiru dejjem aktar disponibbli fis-suq tal-Unjoni, hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas legali tal-Unjoni biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom fost l-Istati Membri, filwaqt li tinżamm il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fir-rigward tal-meraq tal-frott (jiġifieri tiġi evitata l-konfużjoni), u filwaqt li jiġu żgurati kemm kompetizzjoni effettiva u ġusta għall-operaturi, kif ukoll il-kwalità u l-integrità ta’ dawn il-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas, minħabba l-proċess li jista’ jaffettwa l-karatteristiċi tal-prodott.

    Fl-aħħar nett, id-Direttiva dwar il-ħalib ippreżervat disidratat jenħtieġ li tinkorpora trattament għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib mingħajr lattożju, sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi li qed jevolvu; u t-terminu Ingliż “evaporated milk” jenħtieġ li jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali.

    Proporzjonalità

    Għal kull waħda mill-emendi ewlenin proposti għall-erba’ Direttivi dwar il-Kolazzjon ikkonċernati, l-approċċ meħud ma jaqbiżx dak li huwa xieraq u meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti.

    Dwar it-tikkettar tal-oriġini għall-għasel, l-emenda proposta għandha l-għan li tiżgura li l-għasel jista’ jiċċaqlaq liberament fis-suq intern u li, fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn il-kwalità tal-għasel u l-oriġini tiegħu, tkun disponibbli informazzjoni sħiħa dwar l-oriġini tal-għasel għall-konsumaturi. Filwaqt li s-sostituzzjoni tal-lista ta’ pajjiżi individwali b’referenza għal taħlita tista’ tnaqqas il-piż għall-operaturi, ma hijiex adegwata biex jiġi żgurat li tkun disponibbli informazzjoni sħiħa dwar l-oriġini tal-għasel għall-konsumaturi. Barra minn hekk, peress li l-obbligu li jiġu elenkati l-pajjiżi individwali kollha minn fejn joriġina l-għasel, mingħajr il-possibbiltà li l-ismijiet individwali jiġu sostitwiti bir-referenza għal taħlita, diġà huwa rekwiżit f’diversi Stati Membri, din ir-regola setgħet qarrqet bil-konsumaturi u fixklet il-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, it-tneħħija tal-possibbiltà li ma jiġix elenkat il-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini meta l-għasel joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed hija approċċ proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi segwiti.

    Fir-rigward tal-meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas, l-approċċ meħud huwa li tinħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti u li l-istandard għat-tnaqqis taz-zokkor jiġi stabbilit fl-istess livell bħal dak stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni għal pretensjonijiet ta’ tnaqqis taz-zokkor (minimu ta’ 30 %), sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawn iż-żewġ oqfsa legali u sabiex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi, minkejja li, għal din il-kategorija ġdida ta’ prodotti, “biz-zokkor imnaqqas” ma hijiex indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni iżda parti mill-isem tal-prodott fih innifsu. Barra minn hekk, il-prodotti finali se jkollhom bżonn il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħrajn kollha, li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu offruti prodott ta’ kwalità.

    Fir-rigward tal-ġammijiet, l-approċċi li jibdlu l-ammont ta’ zokkor (jiġifieri jnaqqsu l-ammont minimu ta’ zokkor jew ineħħu l-ammont minimu ta’ zokkor) kien ikollhom aktar żvantaġġi milli vantaġġi. It-tibdil tal-limitu għall-ammont minimu ta’ zokkor meħtieġ fil-ġamm għal preżervazzjoni, konsistenza u sensazzjoni fil-ħalq xierqa għandu konsegwenzi. L-ewwel nett, huwa kkumplikat ħafna mil-lat tekniku peress li jeħtieġ li jinstab livell xieraq ġdid li fih il-ġamm xorta jifforma ġelatina bit-tip u bl-ammont xieraq ta’ pektini. It-tieni, dan ikollu impatt ekonomiku sinifikanti u impatt ambjentali mhux negliġibbli (jiġifieri l-ħolqien ta’ skart tal-ikel addizzjonali minħabba li l-ġammijiet ikollhom ħajja fuq l-ixkaffa iqsar, aktar użu ta’ ilma minħabba li jiżdiedu aktar pektini, u l-kontenut addizzjonali tal-ilma xorta jkun jeħtieġ li jiġi evaporat u l-pastorizzazzjoni tieħu aktar fit-tul, li t-tnejn li huma jeħtieġu konsum addizzjonali tal-enerġija). It-tnaqqis tal-limitu minimu għall-ammont ta’ zokkor jipprevjeni wkoll lill-industrija milli tqiegħed fis-suq il-ġamm b’livell imnaqqas ta’ zokkor f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni, minħabba li ma jibqax teknikament possibbli li jiġi prodott dan it-tip ta’ ġammijiet. Għalhekk, l-approċċ li jippermetti l-użu kontinwu tad-denominazzjoni tal-bejgħ “ġamm” u “ġelatina” biss għal prodotti b’kontenut minimu ta’ frott ogħla minn dak attwalment meħtieġ huwa l-aktar għażla xierqa. Dan l-approċċ lanqas ma jipprevjeni lill-industrija milli tkompli tqiegħed fis-suq ġamm b’livell imnaqqas ta’ zokkor (tal-anqas anqas minn 30 %) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni.

    Kull meta jkun possibbli, kif inhu l-każ għall-ħalib ippreżervat disidratat, issir referenza għal standards miftiehma internazzjonalment, sabiex jiġi evitat li jiġu introdotti regoli sproporzjonati li jqiegħdu s-suq intern f’kunflitt mal-istandards internazzjonali.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument magħżul huwa Direttiva peress li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija inkorporata fid-Direttivi u ma hemm l-ebda ħtieġa evidenti li dawn jiġu sostitwiti b’Regolament li se japplika direttament.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Fit-tħejjija tar-reviżjoni, il-Kummissjoni ppubblikat studju estern ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (l-“istudju”) 10 u dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar l-evalwazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (l-“evalwazzjoni”) 11 . Iż-żewġ dokumenti jkopru d-Direttivi dwar il-Kolazzjon.

    Filwaqt li tibni fuq l-istudju, l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni kienu ġeneralment effettivi biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba tagħhom, mingħajr ma jikkawżaw effetti mhux intenzjonati/mhux mistennija sinifikanti. Dwar il-ġamm, il-ġelatina u l-marmellati b’mod partikolari, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kontenut minimu ta’ zokkor u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħmlu derogi f’dak ir-rigward, l-evalwazzjoni kkonkludiet li nkiseb bilanċ sodisfaċenti bejn l-interess tal-konsumatur fl-iżgurar tal-preżervazzjoni tal-prodott u l-ħtieġa li jitqiesu karatteristiċi nazzjonali speċifiċi, kif ukoll prijoritajiet ta’ politika għall-promozzjoni ta’ dieti aktar tajbin għas-saħħa (ġammijiet b’kontenut aktar baxx ta’ zokkor liberu). L-evalwazzjoni sabet ukoll li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni jipprovdu valur miżjud sinifikanti meta mqabbla ma’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni internazzjonali u privati minħabba li: (i) huma obbligatorji u r-rekwiżiti jridu jiġu rrispettati madwar l-Unjoni; (ii) huma mfassla għas-sitwazzjoni operazzjonali u tas-suq speċifika tal-Unjoni; u, (iii) jimponu, għal ħafna prodotti, rekwiżiti ta’ kwalità aktar eżiġenti. L-evalwazzjoni identifikat li xi standards eżistenti potenzjalment ma kinux jakkomodaw biżżejjed il-bidliet fit-teknoloġija, fl-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni u fil-preferenzi tal-konsumatur. Dan kien il-każ b’mod partikolari għall-meraq, fejn l-evalwazzjoni identifikat il-kwistjoni li ġejja: Id-Direttiva 2012/12/UE stabbiliet li ż-żieda taz-zokkor mal-meraq tal-frott ma kinitx permessa aktar u wara t-28 ta’ Ottubru 2016 l-użu tad-dikjarazzjoni “mit-28 ta’ April 2015 l-ebda meraq tal-frott ma fih iz-zokkor miżjud” għall-meraq tal-frott ma kinitx għadha permessa, filwaqt li xorb ieħor ibbażat fuq il-frott, inklużi nektars, seta’ jkompli juża “bla zokkor miżjud” u l-indikazzjoni “fih biss zokkor naturali”, u b’hekk joħloq konfużjoni fost il-konsumaturi u jirriżulta f’kompetizzjoni inġusta.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon, minħabba li huma assimilati mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, u inkludiet konsultazzjoni pubblika. Aktar reċentement, bejn it-8 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon minħabba li huma assimilati għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, bl-użu tal-pjattaforma EU-Survey tagħha. Il-Kummissjoni organizzat ukoll sessjoni ta’ ħidma teknika ma’ esperti magħżula mill-katina tal-provvista alimentari, gruppi tal-konsumaturi, NGOs, u akkademiċi, f’kollaborazzjoni mal-JRC fid-9 ta’ Settembru 2021 12 u kkonsultat lill-Istati Membri f’konsultazzjoni mmirata mis-17 ta’ Settembru sal-14 ta’ Ottubru 2021. Il-Kummissjoni organizzat ukoll konsultazzjonijiet komplementari u skambji bilaterali ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin permezz ta’ laqgħat bil-posta elettronika u bil-vidjow ad hoc.

    Fir-rigward tal-għasel, is-settur tat-trobbija tan-naħal tal-Unjoni jappoġġa ħafna li jkun hemm regoli aktar stretti dwar it-tikkettar tal-oriġini u l-indikazzjoni ta’ pajjiżi individwali fit-taħlitiet tal-għasel. L-importaturi u min jippakkja l-għasel enfasizzaw il-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwi u li jkun hemm l-istess regoli fl-Istati Membri kollha.

    Fir-rigward tal-meraq tal-frott, l-industrija tal-meraq tappoġġa l-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ meraq tal-frott fejn iz-zokkor naturali ikun tneħħa sal-punt li l-karatteristiċi essenzjali l-oħra ma jiġux affettwati. Barra minn hekk, is-settur esprima l-interess tiegħu li jkun jista’ juża l-isem tal-prodott tal-meraq tal-frott ukoll meta jkunu żdiedu ingredjenti u addittivi oħra bħal ħwawar, ħxejjex aromatiċi u fibri. Madankollu, dan jibdel il-karatteristiċi essenzjali tal-meraq tal-frott li huwa prodott b’lista limitata ta’ ingredjenti u sustanzi awtorizzati possibbli. Fl-aħħar nett, is-settur talab ukoll il-possibbiltà li fuq it-tikketta jiġi indikat in-nuqqas ta’ zokkor miżjud fil-meraq tal-frott.

    Fir-rigward tal-ġamm, il-ġelatina u l-marmellati, il-manifatturi ewlenin jixtiequ jżommu l-istatus quo dwar il-kontenut tal-frott u taz-zokkor, filwaqt li l-fornituri tal-frott huma favur iż-żieda tal-kontenut tal-frott f’dawk il-prodotti.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-Kummissjoni ħejjiet rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon minħabba li huma assimilati mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, biex jiġu aġġornati r-regoli għall-iżvilupp tas-suq u biex jiġu żgurati l-adozzjoni u l-provvista ta’ prodotti sostenibbli 13 . Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva b’riżervi dwar ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt fil-21 ta’ Settembru 2022 14 . Fir-rigward tal-bidliet koperti f’din il-Proposta, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju talab li r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt jissaħħaħ fir-rigward tal-valutazzjoni u t-tqabbil tal-għażliet tal-istandards magħżula għall-valutazzjonijiet profondi, kif ukoll dwar l-arranġamenti ta’ monitoraġġ previsti, li ġew indirizzati fit-taqsimiet rispettivi tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.

    Fir-rigward tal-għasel, tqiesu l-approċċi li ġejjin:

    ·sostituzzjoni tat-terminu “mhux tal-UE” bil-pajjiżi ta’ oriġini mhux tal-UE;

    ·sostituzzjoni tat-terminu “mhux tal-UE” bir-reġjun ġeografiku ta’ oriġini;

    ·indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiżi individwali kollha ta’ oriġini (l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi);

    ·indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiżi individwali kollha ta’ oriġini (l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi), inkluż il-perċentwal.

    L-approċċ ippreferut joħloq ċertezza legali għall-produtturi u għall-importaturi tal-għasel tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati enfasizzaw f’diversi okkażjonijiet il-ħtieġa għal informazzjoni mtejba tal-konsumatur dwar l-oriġini tal-għasel f’taħlitiet. Meta jitqies il-bilanċ, inżamm it-tielet approċċ peress li joffri l-identifikazzjoni eżatta tal-pajjiżi ta’ oriġini, u b’hekk jissodisfa d-domanda tal-konsumatur, filwaqt li jiġu limitati l-kostijiet u l-piżijiet marbuta mal-indikazzjoni tal-perċentwal eżatt ta’ kull oriġini f’taħlitiet ta’ għasel u li jkunu konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

    Għall-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas, tqiesu l-approċċi li ġejjin:

    ·Għażla I: li jiġu awtorizzati ċerti trattamenti fil-meraq tal-frott biex jitnaqqas iz-zokkor naturali u, minħabba li l-livell taz-zokkor se jitnaqqas taħt il-livelli obbligatorji, tiżdied deroga għal-livelli minimi Brix għall-meraq tal-frott minn konċentrat (sakemm iż-żieda tal-ilma ma taqbiżx l-ilma estratt għall-konċentrazzjoni).

    ·Għażla II: li jiġu awtorizzati ċerti trattamenti jew ingredjenti addizzjonali biex jitnaqqas iz-zokkor naturali, filwaqt li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħra kollha tal-prodotti finali (eż. nutrijenti, togħma, sensazzjoni fil-ħalq), għall-użu tal-ismijiet tal-prodotti li jikkonċernaw il-meraq tal-frott (meraq tal-frott minn konċentrat, eċċ.).

    ·Għażla III: l-istess bħall-għażla II, bir-rekwiżit addizzjonali li t-tnaqqis taz-zokkor jenħtieġ li jkun mill-inqas 30 % meta mqabbel ma’ prodott simili, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni.

    Meta jitqies il-bilanċ, inżamm it-tielet approċċ peress li kien l-aktar effiċjenti u proporzjonat biex jiġi żgurat li l-konsumatur ikun infurmat b’mod korrett dwar il-prodott u li l-prodott ikun ta’ kwalità. L-approċċ joħloq qafas legali ċar u jippermetti ppjanar kummerċjali kemm għall-atturi akbar kif ukoll għall-SMEs li qed jiżviluppaw dan il-prodott ġdid u jippermetti l-bażi għal redditu fuq l-investiment fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp tagħhom. Ix-xjenza hija avvanzata biżżejjed biex tippermetti l-verifika tal-awtentiċità tal-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas. Barra minn hekk, dan ma jżidx piż sinifikanti fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll. Hemm domanda għar-riformulazzjoni tal-prodotti pproċessati, speċjalment prodotti b’kontenut ta’ zokkor liberu aktar baxx, kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-approċċ jindirizza din id-domanda. Minħabba li l-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-konsumaturi diġà huma mdorrijin bil-limitu ta’ tnaqqis ta’ 30 % għall-prodotti kollha fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni dwar il-kontenut taz-zokkor, jidher koerenti li jintuża l-istess limitu ta’ 30 % għall-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas, minflok ma jiġi permess kwalunkwe livell possibbli ta’ kontenut imnaqqas ta’ zokkor, anki anqas minn 30 %.

    L-approċċi kollha jipprovdu lis-settur tal-meraq kollu kemm hu, kemm jekk għal importazzjonijiet futuri minn barra l-Unjoni kif ukoll jekk għall-kummerċjalizzazzjoni futura fl-Unjoni, b’impatt pożittiv f’termini ta’ assigurazzjoni tar-redditu fuq l-investiment, u b’hekk impatt ekonomiku pożittiv għall-manifatturi. L-approċċ ippreferut jipprovdi aktar opportunitajiet f’termini ta’ segmentazzjoni tas-suq, li jippermettu apprezzament aħjar tal-kwalità tal-prodott finali. L-iżgurar li l-konsumaturi jiksbu prodotti b’kontenut imnaqqas ta’ zokkor (meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas bi profil nutrizzjonali ġeneralment aħjar) jikkontribwixxi għall-objettiv li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet tal-ikel infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli. L-istess jgħodd biex jiġi żgurat li l-ismijiet tal-prodotti ma joħolqux konfużjoni għall-konsumaturi u jwassluhom biex jagħżlu prodott li ma jkunx f’konformità mal-aspettattivi tagħhom. L-approċċ ippreferut jippermetti tnaqqis taz-zokkor ta’ mill-inqas 30 %. L-enfasi fuq l-aspett tas-saħħa hija saħansitra aktar prominenti minħabba li l-livell tat-tnaqqis taz-zokkor ikun mill-inqas 30 % u l-ebda valur anqas minn dak. Madankollu, ir-riskju ta’ dan l-approċċ huwa li jinbiegħu inqas prodotti fis-suq b’livell baxx ta’ zokkor bħal dan meta mqabbel mal-approċċi li ma jagħmlux obbligatorju tnaqqis ta’ mill-inqas 30 %. Madankollu, b’indikazzjoni obbligatorja meħtieġa tal-prodott li jkun tnaqqaslu z-zokkor, il-konsumaturi jiġu infurmati b’mod aktar prominenti dwar il-karatteristika taz-zokkor imnaqqas tal-prodott. Ma huwa antiċipat l-ebda effett ambjentali dirett peress li l-ebda wieħed mill-proċessi użati biex jitnaqqas iz-zokkor naturali ma huwa mifhum li jeħtieġ l-użu ta’ prodotti li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent jew li partikolarment jikkunsmaw ħafna enerġija.

    Fir-rigward tal-ġamm, ġew ikkunsidrati l-approċċi li ġejjin:

    ·li jitneħħa kompletament l-ammont minimu meħtieġ ta’ zokkor totali;

    ·li jitnaqqas l-ammont minimu meħtieġ ta’ zokkor totali, u li jiġi stabbilit għal, pereżempju, 55 % bħalma jsir fi Franza, fil-Ġermanja u fin-Netherlands, jew għal 50 %;

    ·li jiżdied il-kontenut minimu ġenerali tal-frott għal 450 g/1 000 g (għall-kuntrarju ta’ 350 g/1 000 g ta’ bħalissa), li sa issa huwa riżervat għall-“ġamm extra” u għall-“ġelatina extra” li, bħala konsegwenza, inaqqas l-ammont ta’ zokkor miżjud meħtieġ biex jintlaħaq il-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli f’dawn il-prodotti.

    Meta jitqies il-bilanċ, inżamm it-tielet approċċ peress li kien l-aktar wieħed effiċjenti u proporzjonat biex jiġi żgurat li l-ammont ta’ zokkor miżjud meħtieġ biex jintlaħaq il-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli f’dawn il-prodotti jitnaqqas filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott (il-preżervazzjoni, il-konsistenza u s-sensazzjoni fil-ħalq). Dan l-approċċ jinvolvi li l-livell kurrenti ta’ kontenut ta’ frott użat għall-“ġamm extra” u għall-“ġelatina extra” jsir il-livell il-ġdid ta’ kontenut ta’ frott li għandu jintuża għall-“ġamm” u għall-“ġelatina”, filwaqt li għandu jintuża valur ta’ kontenut ta’ frott saħansitra ogħla għall-prodotti msejħa “ġamm extra” u “ġelatina extra”. Din hija għażla ekonomikament b’saħħitha bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ segmentazzjoni tas-suq xprunati mid-domanda kemm mil-lat tas-suq intern kif ukoll mil-lat tal-kummerċ internazzjonali, li tippromwovi aktar prodotti bnini b’inqas zokkor liberu. Ma toħloqx skart tal-ikel addizzjonali. Ma toħloq l-ebda piż amministrattiv ġdid, filwaqt li żżomm l-istatus quo dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jadattaw għall-preferenzi nazzjonali tagħhom u jnaqqsu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-ġamm u tal-ġelatina.

    Dan l-approċċ awtomatikament inaqqas iz-zokkor miżjud fil-prodotti. Dan l-approċċ jista’, fit-teorija, iżid l-ispejjeż għall-proċessuri iżda dan huwa stmat li jkun biss żieda marġinali peress li l-maġġoranza l-kbira tal-ġamm ikkummerċjalizzat fl-Unjoni diġà għandhom livell ta’ kontenut ta’ frott ugwali għal jew ogħla minn dak attwalment meħtieġ għall-ġamm extra. Ikun hemm xi spejjeż għas-settur biex jadatta t-tikketti kollha għall-imballaġġ. Dan l-impatt ekonomiku jista’ jiġi indirizzat b’fażi ta’ tranżizzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Iż-żieda fil-kontenut tal-frott fil-ġamm għal-livell ta’ ġamm extra għal kollox ikollu biss impatt fuq il-kost u fuq l-organizzazzjoni tal-produzzjoni fuq il-manifatturi li bħalissa ma jipproduċux ġamm extra, minħabba li għall-prodotti tagħhom, dawn ikollhom jimmodifikaw il-produzzjoni tagħhom biex iżidu l-kontenut tal-frott biex ikomplu jużaw l-isem tal-prodott “ġamm”. Għalhekk, l-impatt ekonomiku jkun pjuttost limitat. Fir-rigward tal-impatt soċjali, dan l-approċċ għandu l-għan li jkollu impatt fuq il-livell ta’ zokkor liberu fil-ġamm u fuq l-ammont ta’ frott sħiħ ikkonsmat, iżda mhux fuq il-ħajja (tal-prodott) fuq l-ixkaffa, peress li l-kontenut minimu totali taz-zokkor jibqa’ l-istess. Lanqas ma jneħħi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jawtorizzaw kontenut minimu ta’ zokkor aktar baxx u ma jimpedixxix il-kummerċjalizzazzjoni tal-ġamm b’livell imnaqqas ta’ zokkor (tal-anqas anqas minn 30 %) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni. B’daqs ugwali għal kull porzjon, din il-bidla twassal għal żieda fil-kontenut sħiħ tal-frott fil-ġamm u għal konsum aktar baxx ta’ zokkor liberu. L-impatt ewlieni ta’ din l-għażla jkun li ma jibqax ikun hemm prodotti ttikkettati bħala ġamm b’kontenut tal-frott sħiħ aktar baxx disponibbli fis-suq tal-Unjoni, li jgħolli l-istandard b’mod ġenerali għall-konsumaturi, u jiżgura kwalità ogħla għall-konsumaturi. Ma huwa mistenni l-ebda effett ambjentali dirett. Jekk xejn, dan jista’ joħloq alternattiva oħra għall-frott li ma jikkonformax mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-konsum frisk u f’dan is-sens, ikollu impatt pożittiv fuq il-ħela tal-ikel. Madankollu, dan l-impatt pożittiv huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat, peress li jiddependi fuq kull tip ta’ frott u kull reġjun produttur fl-Unjoni.

    Il-proposta biex jiġu emendati l-erba’ Direttivi hija mistennija li ma jkollha l-ebda effett ambjentali dirett. Għalhekk, ma hemm l-ebda kwistjoni identifikata li tagħmel ħsara sinifikanti lill-ambjent jew lill-inkoerenza mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima 15 .

    L-approċċi ppreferuti tqiesu li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDG) li ġejjin 16 :

    L-SDG #2 Jintemm il-ġuħ, jinkisbu sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli (2.4 Sal-2030, jiġu żgurati sistemi sostenibbli ta’ produzzjoni tal-ikel u jiġu implimentati prattiki agrikoli reżiljenti li jżidu l-produttività u l-produzzjoni, li jgħinu fiż-żamma tal-ekosistemi, isaħħu l-kapaċità għall-adattament għat-tibdil fil-klima, it-temp estrem, in-nixfa, l-għargħar u diżastri oħra u li progressivament jittejbu l-kwalità tal-art u tal-ħamrija).

    L-SDG #3 Tiġi żgurata ħajja f’saħħitha u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età (3.4 Sal-2030, titnaqqas b’terz il-mortalità prematura minn mard mhux komunikabbli permezz tal-prevenzjoni u t-trattament u jiġu promossi s-saħħa u l-benesseri mentali).

    L-SDG #8 Jiġu promossi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd (8.2 Jinkisbu livelli ogħla ta’ produttività ekonomika permezz tad-diversifikazzjoni, l-aġġornament teknoloġiku u l-innovazzjoni, inkluż permezz ta’ enfasi fuq setturi b’valur miżjud għoli u b’livell għoli ta’ ħaddiema).

    L-SDG #12. Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni (12.8 Sal-2030, jiġi żgurat li n-nies kullimkien ikollhom l-informazzjoni u l-għarfien rilevanti għall-iżvilupp sostenibbli u stili ta’ ħajja f’armonija man-natura).

    Il-proposta tikkonċerna r-regoli għad-definizzjonijiet, l-ismijiet, ir-regoli komuni dwar il-kompożizzjoni u r-rekwiżiti tat-tikkettar għall-għasel, il-meraq tal-frott u l-ġamm. Ma għandhiex l-għan li tbiddel xi proċess ta’ awtomatizzazzjoni li l-industrija jew l-awtoritajiet għandhom jew se jistabbilixxu biex jimmanifatturaw jew jikkontrollaw il-kwalità tal-prodotti kkonċernati. F’dak is-sens, ma huwa mistenni l-ebda impatt fuq il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” 17 .

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Fl-evalwazzjoni, il-potenzjal għas-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għasel, il-ġamm, il-ġelatini u l-marmellati, il-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili, u l-ħalib ippreżervat disidratat instab li kien limitat, minħabba l-kostijiet relattivament baxxi tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni u l-fatt li l-partijiet ikkonċernati kkonsultati (l-operaturi tan-negozju u l-awtoritajiet kompetenti) ma identifikaw l-ebda duplikazzjoni/punti żejda fid-dispożizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kostijiet mhux meħtieġa. Minn din il-perspettiva, ma huwa mistenni l-ebda titjib fl-effiċjenza u lanqas simplifikazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-politika.

    Drittijiet fundamentali

    Ir-reviżjoni tirrispetta d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 51, 52); sistema effettiva ta’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE, inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon, se tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jagħmlu negozju fuq kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern (l-Artikolu 16), filwaqt li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-aspettattivi tagħhom.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Pjan ta’ implimentazzjoni ma huwiex meqjus li huwa meħtieġ għal dawn ir-reviżjonijiet peress li l-Istati Membri għandhom esperjenza twila fl-implimentazzjoni tal-erba’ Direttivi dwar il-Kolazzjon ikkonċernati u r-reviżjonijiet proposti għandhom ambitu tekniku ħafna.

    L-impatt tar-reviżjonijiet ewlenin tal-erba’ Direttivi dwar il-Kolazzjon ikkonċernati se jiġi evalwat kif ġej:

    L-impatt tat-tikkettar dettaljat tal-oriġini tat-taħlitiet tal-għasel fuq is-suq tal-għasel tal-UE se jiġi evalwat billi jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-bejgħ tal-għasel b’indikazzjoni tal-oriġini differenti. Din l-informazzjoni ma hijiex disponibbli fuq bażi sistematika. Se jkun meħtieġ stħarriġ rappreżentattiv tas-suq. Idealment, il-Kummissjoni tibbaża dan l-istħarriġ fuq informazzjoni mill-Istati Membri individwali.

    L-impatt tal-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ prodotti fid-Direttiva 2001/112/KE se jiġi evalwat billi tiġi mmonitorjata l-evoluzzjoni tal-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas f’termini ta’ bejgħ u ishma tas-suq fl-Unjoni fuq perjodu ta’ żmien medju bl-użu ta’ rapporti tas-suq u data tal-Euromonitor, biex jiġi vvalutat l-użu u l-interess tal-konsumatur fil-meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas.

    L-impatt tar-reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-ġamm u tal-ġelatini se jiġi evalwat billi, f’intervalli regolari, il-livell tal-bejgħ tal-ġamm u ta’ prodotti oħra koperti mid-Direttiva, jiġi rieżaminat b’paragun ma’ prodotti oħra li jiddellku jew prodotti oħra bbażati fuq il-frott, minbarra li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ eżistenti bħall-istħarriġ tal-Eurostat dwar il-konsum tal-frott u l-ħxejjex, kif ukoll l-istħarriġ nazzjonali dwar in-nutrizzjoni, għal prodotti oħra li fihom il-frott, biex jiġi evalwat il-livell ta’ konsum tal-ġamm u tal-ġelatina fl-Unjoni.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tagħmel użu minn mezzi eżistenti biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni b’mod ġenerali biex tiġbor informazzjoni u data dwar kif ir-reviżjonijiet proposti tad-Direttivi dwar il-Kolazzjon jiġu implimentati fis-suq mill-operaturi, kif jiġu perċepiti mill-konsumaturi, kif jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet, u x’inhu l-valur miżjud ġenerali tagħhom. Dan jinkludi t-tressiq ta’ diskussjoni ddedikata regolari dwar l-istandards fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq fil-prodotti agrikoli ma’ delegati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u fil-Grupp ta’ Djalogu Ċivili mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-informazzjoni mbagħad se tintuża, flimkien ma’ informazzjoni oħra, fi studju li l-Kummissjoni qed tippjana li twettaq fuq terminu medju dwar il-funzjonament tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (inklużi d-Direttivi dwar il-Kolazzjon) u l-kontribut tagħhom għall-funzjonament tas-suq.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Din il-proposta ma teħtieġ l-ebda dokument ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni tagħha peress li hija awtonoma biżżejjed.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2001/110/KE jirrikjedi li l-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini fejn ikun inġabar l-għasel jiġi indikat fuq it-tikketta u jipprevedi li, jekk l-għasel joriġina minn aktar minn Stat Membru wieħed jew minn pajjiż terz, l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiżi ta’ oriġini tista’ tiġi sostitwita b’wieħed minn dawn li ġejjin, kif xieraq: “taħlita ta’ għasel tal-UE”, “taħlita ta’ għasel mhux tal-UE”, “taħlita ta’ għasel tal-UE u mhux tal-UE”. Fid-dawl tal-objettiv tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li l-konsumaturi jiġu abilitati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati, inkluż dwar l-oriġini tal-ikel tagħhom, u fl-interess li jiġi ppreżervat il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fl-Unjoni kollha permezz ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tat-tikkettar, huwa xieraq li r-regoli għat-tikkettar tal-oriġini tal-għasel jiġu riveduti u li jiġi previst li l-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jenħtieġ li jissemmew fuq l-imballaġġ. Fid-dawl tad-daqs imnaqqas tal-pakketti li fihom biss porzjon wieħed ta’ għasel (pakketti tal-kolazzjon) u d-diffikultajiet tekniċi li jirriżultaw meta l-għasel joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed, huwa għalhekk xieraq li dawk il-pakketti jiġu eżentati mill-obbligu li jiġu elenkati l-pajjiżi individwali kollha ta’ oriġini.

    Fl-2012, id-Direttiva 2001/112/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2012/12/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tirrifletti r-regoli l-ġodda dwar l-ingredjenti awtorizzati, bħal dawk li jappartjenu għaż-żieda taz-zokkor, li ma kinux għadhom awtorizzati fil-meraq tal-frott. Fid-dawl ta’ din il-bidla fir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni għall-meraq tal-frott, l-industrija tal-meraq tal-frott setgħet tuża, għal sena waħda biss, dikjarazzjoni li tindika li l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud, sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati u jkunu jistgħu jagħmlu distinzjoni ċara immedjata bejn il-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili oħra f’termini taż-żieda taz-zokkor fil-prodotti. Din il-medda qasira ta’ żmien uriet li ma hijiex biżżejjed biex tinforma lis-soċjetà li, skont ir-regoli l-ġodda dwar l-ingredjenti awtorizzati, iż-żieda taz-zokkor ma għadhiex awtorizzata fil-meraq tal-frott. B’konsegwenza ta’ dan, għal xi konsumaturi u prattikanti tas-saħħa, għadu ma huwiex ċar li l-meraq tal-frott, għall-kuntrarju tan-nektars tal-frott, ma jistax ikun fih zokkor miżjud.

    Min-naħa l-oħra, f’konformità mal-Parti II, il-punt 2, l-inċiż 5 tal-Anness I, tad-Direttiva 2001/112/KE, in-nektars tal-frott li la fihom zokkor miżjud u lanqas sustanzi ta’ taħlil jista’ jkollhom l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “bla zokkor miżjud” jew kwalunkwe dikjarazzjoni li x’aktarx ikollha l-istess tifsira għall-konsumatur, akkumpanjata mill-indikazzjoni “fih zokkor naturali”. Dan, flimkien mal-fatt li l-meraq tal-frott ma jistax ikollu indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq iz-zokkor u lanqas l-indikazzjoni “fih zokkor naturali”, seta’ qarraq bil-konsumaturi peress li r-riċerka wriet li fost diversi prodotti b’kompożizzjoni ta’ nutrizzjoni identika jew simili ħafna, il-prodott b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jkun ippreferut.

    Għalhekk, meta jitqies, b’mod partikolari, li l-konsumaturi huma dejjem aktar konxji tat-tħassib dwar is-saħħa marbut mal-konsum taz-zokkor, huwa xieraq li r-regoli dwar l-użu ta’ dikjarazzjonijiet dwar iz-zokkor għall-meraq tal-frott jiġu riveduti biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi introdotta mill-ġdid, mingħajr limitu ta’ żmien, il-possibbiltà li l-industrija tuża d-dikjarazzjoni li tindika li l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud.

    Bħala riżultat tal-progress tekniku, ġew żviluppati, jew qed jiġu żviluppati, tekniki ġodda ta’ pproċessar biex jitneħħa z-zokkor naturali fil-meraq tal-frott u fil-meraq tal-frott minn konċentrat, biex tiġi indirizzata d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ zokkor. Filwaqt li prodotti bħal dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni sal-punt li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha, ma jistax ikollhom l-isem tal-prodott “meraq tal-frott” jew “meraq tal-frott minn konċentrat”, peress li ġie applikat trattament għajr wieħed minn dawk awtorizzati fil-Parti II, il-punt 3, tal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE biex jinkisbu dawk il-prodotti u l-kontenut totali taz-zokkor tagħhom (livell Brix) huwa anqas minn dak tal-meraq kif estratt mill-frott.

    Peress li dawn il-prodotti qed isiru dejjem aktar disponibbli fis-suq tal-Unjoni, huwa xieraq, sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid tagħhom fis-suq intern, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi mħeġġa r-riformulazzjoni tal-prodott biex jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor preżenti fil-meraq tal-frott, li tinħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti għall-meraq tal-frott li z-zokkor naturali tiegħu tneħħa parzjalment filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħra kollha. Dawn il-prodotti jenħtieġ li jkollhom l-isem tal-prodott “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas” jew “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas minn konċentrat” u li jkollhom livell Brix aktar baxx minn dak tal-meraq kif estratt mill-frott. Huwa xieraq ukoll li jiġu stabbiliti regoli dwar l-ingredjenti awtorizzati għal dawn il-prodotti, kif ukoll it-trattamenti u s-sustanzi awtorizzati. Huwa mistenni li bħala riżultat tal-progress tekniku, se jiġu żviluppati tekniki ġodda ta’ pproċessar. Skont l-Artikoli 7 u 7a tad-Direttiva 2001/112/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi, fost l-oħrajn, it-trattamenti awtorizzati fil-Parti II, il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva, sabiex iġġibhom konformi mal-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti jew biex jitqies il-progress tekniku, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-kontenut taz-zokkor fil-meraq tal-frott.

    F’konformità mal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE, in-nektars tal-frott jista’ jkun fihom zokkor u/jew għasel miżjud. Sabiex jiġu appoġġati l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u biex tiġi mtejba l-kwalità minima tan-nektars, il-proporzjon ta’ zokkor u/jew ta’ għasel li jista’ jiżdied man-nektars tal-frott li huma baxxi b’mod naturali fl-aċidità u li għandhom togħma tajba jenħtieġ li jitnaqqas.

    Il-Parti II, il-punt 3, tal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE tirregola t-trattamenti u s-sustanzi awtorizzati għall-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili. Il-proteina miż-żerriegħa tal-ġirasol qed tintuża dejjem aktar għall-konsum dirett mill-bniedem u wriet li hija għodda effiċjenti għat-tisfija tal-meraq tal-frott. Sabiex jitqies dan il-progress ulterjuri, il-proteini miż-żerriegħa tal-ġirasol jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ trattamenti u sustanzi awtorizzati.

    Il-meraq estratt mill-ġewż tal-Indi qiegħed jiġi kkummerċjalizzat u kkonsmat dejjem aktar fl-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/112/KE, l-isem legali ta’ dak il-prodott huwa “meraq tal-ġewż tal-Indi”. Madankollu, l-istandard internazzjonali rifless fl-Istandard Ġenerali tal-Codex għall-meraq u n-nektars tal-frott (Codex Stan 247-2005), adottat mill-Kummissjoni Codex Alimentarius matul it-28 sessjoni tagħha li saret mill-4 sal-9 ta’ Lulju 2005, jindika li l-isem “ilma tal-ġewż tal-Indi” huwa sinonimu ma’ “meraq tal-ġewż tal-Indi”, li jiġi estratt direttament mill-ġewż tal-Indi mingħajr ma jiġi espress il-laħam tal-ġewż tal-Indi. Sabiex id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tiġi konformi ma’ dak l-istandard internazzjonali, huwa għalhekk xieraq li tiżdied denominazzjoni partikolari għall-“ilma tal-ġewż tal-Indi” fl-Anness III. tagħha. Dik id-denominazzjoni partikolari tista’ tintuża fil-lingwi uffiċjali rispettivi. Barra minn hekk, peress li l-meraq tal-ġewż tal-Indi jista’ jinkiseb bir-rikostituzzjoni tal-meraq ikkonċentrat tal-ġewż tal-Indi b’ilma tajjeb għax-xorb, huwa xieraq li fl-Anness V għal dik id-Direttiva jiġi ddefinit livell Brix minimu għal dan il-prodott.

    L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2001/113/KE jeħtieġ it-tikkettar obbligatorju tal-kontenut taz-zokkor fuq it-tikkettar, sakemm ma ssirx indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni għaz-zokkor fuq it-tikkettar. Dan ir-rekwiżit mar lil hinn mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE tal-24 ta’ Settembru 1990 dwar l-ittikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti tal-ikel, fejn l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq ikel ippakkjat bil-lest kienet volontarja sakemm ma saritx indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u, fejn saret l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni għaz-zokkor, jenħtieġ li din tinkludi l-ammonti ta’ zokkor. Id-Direttiva 90/496/KEE tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 l-għoti ta’ informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq l-imballaġġ issa huwa obbligatorju. Għalhekk, dispożizzjoni speċifika dwar it-tikkettar taz-zokkor ma għadhiex meħtieġa fid-Direttiva 2001/113/KE u huwa xieraq li titħassar.

    Il-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE tistabbilixxi l-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġamm, tal-ġelatina, tal-ġamm extra jew tal-ġelatina extra. L-użu tat-termini “ġamm extra” u “ġelatina extra” huma riżervati għal prodotti manifatturati bi kwantità ogħla ta’ frott meta mqabbla mal-“ġamm” u l-“ġelatina”, rispettivament. Il-Parti II tal-Anness I tal-istess Direttiva tistabbilixxi l-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli (jiġifieri zokkor, kemm jekk naturali fil-frott, kif ukoll jekk miżjud) għal dawk il-prodotti, u, sabiex jitqiesu t-tradizzjonijiet nazzjonali eżistenti fil-produzzjoni tal-ġamm tal-frott, tal-ġelatina u tal-marmellata u tal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa, dan jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw kontenut minimu aktar baxx ta’ materja niexfa solubbli.

    Meta tiżdied il-kwantità ta’ frott użat għall-manifattura tal-ġamm u tal-ġelatina, jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor miżjud meħtieġ biex jintlaħaq il-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli f’dawn il-prodotti. Sabiex tiġi stimulata l-produzzjoni tal-ġamm b’livell ogħla ta’ kontenut ta’ frott, u b’hekk jiġi appoġġat is-suq tal-frott filwaqt li titqies il-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut ta’ zokkor liberu, jiġifieri, kemm iz-zokkor miżjud kif ukoll dak naturali fil-meraq tal-frott, jenħtieġ li tiżdied il-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġamm, tal-ġamm extra stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE. Sabiex tiġi stimulata l-produzzjoni tal-ġelatina b’livell ogħla ta’ kontenut ta’ frott, u b’hekk jiġi appoġġat is-suq tal-frott, il-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġelatina u l-ġelatina extra stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jenħtieġ li jiżdiedu. Bl-istess mod, bil-għan li l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażliet tal-ikel aktar infurmati u tajbin għas-saħħa, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-ismijiet riżervati definiti fil-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE għal prodotti li għandhom kontenut ta’ materja niexfa solubbli ta’ anqas minn 60 % iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “zokkor imnaqqas” stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 fir-rigward ta’ zokkor imnaqqas.

    L-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jirrestrinġi t-terminu “marmellata” għal taħlita partikolari ta’ frott taċ-ċitru. Madankollu, f’għadd ta’ lingwi tal-Unjoni, filwaqt li l-ismijiet legali stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jintużaw fil-kummerċ biex jiddeżinjaw il-prodotti msemmija fih, b’mod ġenerali, is-soċjetà tuża bl-istess mod it-termini “marmellata” u “ġamm” biex tirreferi għall-ġamm minn frott għajr il-frott taċ-ċitru. Sabiex jitqiesu dawn il-prattiki fejn dan huwa l-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw li t-terminu “marmellata” jintuża għall-isem tal-prodott “ġamm”. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumatur, jenħtieġ li t-terminu “marmellata taċ-ċitru” jintuża madwar l-Unjoni għall-prodott li sa issa kien iddefinit bħala “marmellata” sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti. Dan huwa wkoll konformi mal-istandard internazzjonali rifless fl-Istandard Ġenerali tal-Codex għall-ġamm, il-ġelatina u l-marmellata, (Codex Stan 296-2009), adottat mill-Kummissjoni Codex Alimentarius matul it-32 sessjoni tagħha li saret mid-29 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi distinzjoni bejn il-marmellata taċ-ċitru u l-marmellata mhux taċ-ċitru. Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2001/113/KE tiġi riveduta kif xieraq fir-rigward tal-isem tal-prodott “marmellata”.

    L-Anness II tad-Direttiva 2001/113/KE jelenka l-ingredjenti addizzjonali li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ prodotti koperti mid-Direttiva. Il-meraq tal-frott taċ-ċitru jista’ jintuża bħala aġent aċidifikanti fil-ġamm, fil-ġamm extra, fil-ġelatina u fil-ġelatina extra miksuba minn tipi oħra ta’ frott. Meta mqabbel mal-meraq mhux minn konċentrat, il-meraq tal-frott taċ-ċitru fil-forma kkonċentrata tiegħu huwa anqas voluminuż u anqas tqil biex jiġi ttrasportat, aktar stabbli, jista’ jiġi ppreżervat għal żmien itwal u jeħtieġ inqas konsum tal-enerġija biex jiġi evaporat il-kontenut tal-ilma meta jiġi mmanifatturat il-prodott finali tal-ġamm jew tal-ġelatina. L-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-ġamm, tal-ġamm extra, tal-ġelatina u tal-ġelatina extra huwa għalhekk aktar sostenibbli mill-meraq tal-frott taċ-ċitru frisk. Għalhekk, huwa xieraq li jiżdied il-meraq tal-frott taċ-ċitru konċentrat fil-lista ta’ ingredjenti addizzjonali stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2001/113/KE.

    Il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2001/114/KE jelenka t-trattamenti awtorizzati għall-ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi li qed jevolvu, jenħtieġ li jiġi awtorizzat trattament għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib disidratat mingħajr lattożju. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-denominazzjoni partikolari għat-terminu Ingliż “evaporated milk” fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali definiti fl-Istandard Codex għal ħalib evaporat (Codex Stan 281-1971).

    Id-Direttivi 2001/110/KE, 2001/112/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fihom referenzi għal atti mħassra. Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel ġiet imħassra u sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi mal-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 95/2/KE tas-20 ta’ Frar 1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa tħassru u ġew sostitwiti bir-Regolament (KE) 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-referenzi jiġu sostitwiti b’referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u tar-Regolament (KE) 1333/2008.

    Sabiex l-Istati Membri jitħallew jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ 18-il xahar. Sabiex l-operaturi jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw għar-rekwiżiti l-ġodda, dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw biss minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    Sabiex jitqiesu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew li jittikkettaw il-prodotti tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali adegwati. Għalhekk, din id-Direttiva jenħtieġ li tistipula li dawk il-prodotti jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq għal żmien limitat wara l-perjodu ta’ traspożizzjoni.

    2023/0105 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel, 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, 2001/113/KE li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem, u 2001/114/KE rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 19 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)F’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (“Strateġija Mill-Għalqa sal-Platt”), fejn ħabbret miżuri għal sistema tal-ikel tal-Unjoni aħjar għas-saħħa u aktar sostenibbli. Fost dawk il-miżuri, il-Kummissjoni tfittex li tistimula r-riformulazzjoni tal-prodotti tal-ikel għoli fiz-zokkor u tiffaċilita l-bidla għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli. Barra minn hekk, biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet tal-ikel infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret ukoll estensjoni possibbli tal-indikazzjonijiet obbligatorji tal-oriġini jew tal-provenjenza għal ċerti prodotti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-impatti fuq is-suq intern.

    (2)Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE 20 tistabbilixxi definizzjonijiet, ismijiet, regoli komuni dwar ir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u t-tikkettar għall-għasel.

    (3)Fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn il-kwalità tal-għasel u l-oriġini tiegħu u l-ħtieġa li l-konsumatur ma jiġix mqarraq fir-rigward tal-kwalità tal-prodott, id-Direttiva 2001/110/KE tistabbilixxi regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini fejn ikun inġabar l-għasel. B’mod partikolari, l-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi li l-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini minn fejn ikun inġabar l-għasel jiġu indikati fuq it-tikketta u jipprevedi li, jekk l-għasel joriġina f’aktar minn Stat Membru wieħed jew minn pajjiż terz, l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiżi ta’ oriġini tista’ tiġi sostitwita b’waħda minn dawn li ġejjin, kif xieraq: “taħlita ta’ għasel tal-UE”, “taħlita ta’ għasel mhux tal-UE”, “taħlita ta’ għasel tal-UE u mhux tal-UE”. Ir-regoli differenti adottati fuq din il-bażi mill-Istati Membri setgħu qarrqu bil-konsumaturi u setgħu fixklu l-funzjonament tas-suq intern. Fid-dawl tal-objettiv tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li l-konsumaturi jiġu abilitati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati, inkluż dwar l-oriġini tal-ikel tagħhom, u fl-interess li jiġi ppreżervat il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fl-Unjoni kollha permezz ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tat-tikkettar, huwa xieraq li r-regoli għat-tikkettar tal-oriġini tal-għasel jiġu riveduti u li jiġi previst li l-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jenħtieġ li jissemmew fuq l-imballaġġ. Fid-dawl tad-daqs imnaqqas tal-pakketti li fihom biss porzjon wieħed ta’ għasel (pakketti tal-kolazzjon) u d-diffikultajiet tekniċi li jirriżultaw, huwa għalhekk xieraq li dawk il-pakketti jiġu eżentati mill-obbligu li jiġu elenkati l-pajjiżi individwali kollha ta’ oriġini, meta l-għasel joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed.

    (4)Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE 21 tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali li għandhom jiġu ssodisfati fir-rigward tal-produzzjoni, il-kompożizzjoni u t-tikkettar tal-meraq tal-frott u ta’ ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum mill-bniedem, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi u sabiex jissaħħaħ il-moviment liberu ta’ dawk il-prodotti.

    (5)Fl-2012, id-Direttiva 2001/112/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2012/12/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 biex tirrifletti r-regoli l-ġodda dwar l-ingredjenti awtorizzati, bħal dawk li jappartjenu għaż-żieda taz-zokkor, li ma kienx għadu awtorizzat fil-meraq tal-frott. Fid-dawl ta’ din il-bidla fir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni għall-meraq tal-frott, l-industrija tal-meraq tal-frott setgħet tuża, għal sena waħda biss, dikjarazzjoni li tindika li l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud, sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati u jkunu jistgħu jagħmlu distinzjoni ċara immedjata bejn il-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili oħra f’termini taż-żieda taz-zokkor fil-prodotti. Din il-medda qasira ta’ żmien uriet li ma hijiex biżżejjed biex tinforma lis-soċjetà li, skont ir-regoli l-ġodda dwar l-ingredjenti awtorizzati, iż-żieda taz-zokkor ma għadhiex awtorizzata fil-meraq tal-frott. B’riżultat ta’ dan, għal xi wħud mill-konsumaturi u l-prattikanti tas-saħħa, għadu ma huwiex ċar li l-meraq tal-frott, għall-kuntrarju tan-nektars tal-frott, ma jistax ikun fih zokkor miżjud.

    (6)Min-naħa l-oħra, f’konformità mal-Parti II, il-punt 2, l-inċiż 5 tal-Anness I, tad-Direttiva 2001/112/KE, in-nektars tal-frott li la fihom zokkor miżjud u lanqas sustanzi ta’ taħlil jista’ jkollhom l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “bla zokkor miżjud” jew kwalunkwe dikjarazzjoni li x’aktarx ikollha l-istess tifsira għall-konsumatur, akkumpanjata mill-indikazzjoni “fih zokkor naturali”, kif elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 . Dan, flimkien mal-fatt li l-meraq tal-frott ma jistax ikollu indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq iz-zokkor u lanqas l-indikazzjoni “fih zokkor naturali”, seta’ qarraq bil-konsumaturi peress li r-riċerka wriet li fost diversi prodotti b’kompożizzjoni ta’ nutrizzjoni identika jew simili ħafna, il-prodott b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jkun ippreferut.

    (7)Għalhekk, meta jitqies, b’mod partikolari, li l-konsumaturi huma dejjem aktar konxji tat-tħassib dwar is-saħħa marbut mal-konsum taz-zokkor, huwa xieraq li r-regoli dwar l-użu ta’ dikjarazzjonijiet dwar iz-zokkor għall-meraq tal-frott jiġu riveduti biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi introdotta mill-ġdid, mingħajr limitu ta’ żmien, il-possibbiltà li l-industrija tuża d-dikjarazzjoni li tindika li l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud.

    (8)Bħala riżultat tal-progress tekniku, ġew żviluppati tekniki ġodda ta’ pproċessar, jew qed jiġu żviluppati, biex jitneħħa kompletament jew parzjalment iz-zokkor naturali fil-meraq tal-frott u fil-meraq tal-frott minn konċentrat, biex tiġi indirizzata d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ zokkor. Dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni sal-punt li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha. Madankollu, dawk il-prodotti jinkisbu bl-applikazzjoni ta’ trattament li ma huwiex wieħed mit-trattamenti awtorizzati fil-Parti II, il-punt 3, tal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE, u l-kontenut totali ta’ zokkor tagħhom, magħruf bħala l-livell Brix għal soluzzjoni milwiema, ikun anqas minn dak tal-meraq estratt mill-frott. B’riżultat ta’ dan, ma jistax ikollhom l-isem tal-prodott “meraq tal-frott” jew “meraq tal-frott minn konċentrat”.

    (9)Dawn il-prodotti qed isiru dejjem aktar disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq intern ta’ dawk il-prodotti, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li tiġi mħeġġa r-riformulazzjoni tal-prodott biex jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor preżenti fil-meraq tal-frott, jenħtieġ li tinħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti għall-meraq tal-frott li z-zokkor naturali tagħhom ikun tneħħa kompletament jew parzjalment, filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali l-oħra kollha. Dawn il-prodotti jenħtieġ li jkollhom l-isem tal-prodott “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas” jew “meraq tal-frott b’zokkor imnaqqas minn konċentrat” u li jkollhom livell Brix aktar baxx minn dak tal-meraq estratt mill-frott. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, it-tnaqqis tal-kontenut taz-zokkor jenħtieġ li jkun tal-anqas 30 % meta mqabbel mal-meraq tal-frott u mal-meraq tal-frott minn konċentrat. Għalhekk, huwa xieraq li tiżdied il-kategorija l-ġdida ta’ prodotti fil-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE, kif ukoll li jiġu stabbiliti regoli dwar l-ingredjenti awtorizzati għal dawk il-prodotti, kif ukoll it-trattamenti u s-sustanzi awtorizzati.

    (10)F’konformità mal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE, in-nektars tal-frott jista’ jkun fihom zokkor u/jew għasel miżjud. Sabiex jiġu appoġġati l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi stimulata r-riformulazzjoni tal-prodott biex jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor preżenti fin-nektars tal-frott, il-proporzjon ta’ zokkor u/jew ta’ għasel li jista’ jiżdied man-nektars tal-frott li huma baxxi b’mod naturali fl-aċidità u li għandhom togħma tajba jenħtieġ li jitnaqqas.

    (11)Il-Parti II, il-punt 3, tal-Anness I tad-Direttiva 2001/112/KE tirregola t-trattamenti u s-sustanzi awtorizzati għall-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili. Il-proteina miż-żerriegħa tal-ġirasol qed tintuża dejjem aktar għall-konsum dirett mill-bniedem u wriet li hija għodda effiċjenti għat-tisfija tal-meraq tal-frott. Sabiex jitqies dan il-progress ulterjuri, il-proteini miż-żerriegħa tal-ġirasol jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ trattamenti u sustanzi awtorizzati.

    (12)Il-meraq estratt mill-ġewż tal-Indi qiegħed jiġi kkummerċjalizzat u kkonsmat dejjem aktar fl-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/112/KE, l-isem legali ta’ dak il-prodott huwa “meraq tal-ġewż tal-Indi”. Madankollu, l-istandard internazzjonali rifless fl-Istandard Ġenerali tal-Codex għall-meraq u n-nektars tal-frott (Codex Stan 247-2005), adottat mill-Kummissjoni Codex Alimentarius matul it-28 sessjoni tagħha li saret mill-4 sal-9 ta’ Lulju 2005, jindika li l-isem “ilma tal-ġewż tal-Indi” huwa sinonimu ma’ “meraq tal-ġewż tal-Indi”, li jiġi estratt direttament mill-ġewż tal-Indi mingħajr ma jiġi espress il-laħam tal-ġewż tal-Indi. Sabiex id-Direttiva 2001/112/KE tkun konformi ma’ dak l-istandard internazzjonali, huwa għalhekk xieraq li jiżdied “ilma tal-ġewż tal-Indi” bħala denominazzjoni partikolari fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni partikolari tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi kollha fl-Unjoni, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jintuża “ilma tal-ġewż tal-Indi” fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-meraq tal-ġewż tal-Indi jista’ jinkiseb bir-rikostituzzjoni tal-meraq ikkonċentrat tal-ġewż tal-Indi b’ilma tajjeb għax-xorb, huwa xieraq li jiġi ddefinit livell Brix minimu għal dan il-prodott fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

    (13)Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE 24 tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali li għandhom jiġu ssodisfati fir-rigward tal-produzzjoni, il-kompożizzjoni u t-tikkettar tal-ġamm tal-frott, tal-ġelatina u tal-marmellata u tal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    (14)L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2001/113/KE jeħtieġ it-tikkettar obbligatorju tal-kontenut taz-zokkor fuq it-tikkettar, sakemm ma ssirx indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni għaz-zokkor fuq it-tikkettar. Dan ir-rekwiżit mar lil hinn mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE 25 , fejn l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq ikel ippakkjat bil-lest kienet volontarja sakemm ma tkunx saret indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u fejn tkun saret indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni għaz-zokkor, din kellha tinkludi l-ammonti ta’ zokkor. Id-Direttiva 90/496/KEE tħassret permezz tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 . Skont dak ir-Regolament, l-għoti ta’ informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq l-imballaġġ issa huwa obbligatorju. Għalhekk, dispożizzjoni speċifika dwar it-tikkettar taz-zokkor ma għadhiex meħtieġa fid-Direttiva 2001/113/KE u huwa xieraq li titħassar.

    (15)Il-Parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE tistabbilixxi l-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġamm, tal-ġelatina, tal-ġamm ekstra jew tal-ġelatina ekstra. L-użu tat-termini “ġamm extra” u “ġelatina extra” huwa riżervat għall-prodotti manifatturati bi kwantità ogħla ta’ frott meta mqabbla mal-“ġamm” u mal-“ġelatina”, rispettivament. Il-Parti II ta’ dak l-Anness tistabbilixxi l-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli (jiġifieri zokkor kemm jekk naturali fil-frott kif ukoll jekk miżjud) għal dawk il-prodotti, u, sabiex jitqiesu t-tradizzjonijiet nazzjonali eżistenti fil-produzzjoni tal-ġamm tal-frott, tal-ġelatina u tal-marmellata, u tal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa, tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw kontenut minimu aktar baxx ta’ materja niexfa solubbli.

    (16)Meta tiżdied il-kwantità ta’ frott użat għall-manifattura tal-ġamm u tal-ġelatina, jitnaqqas l-ammont ta’ zokkor miżjud meħtieġ biex jintlaħaq il-kontenut minimu ta’ materja niexfa solubbli f’dawn il-prodotti. Sabiex tiġi stimulata l-produzzjoni tal-ġamm b’livell ogħla ta’ kontenut ta’ frott, u b’hekk jiġi appoġġat is-suq tal-frott filwaqt li titqies il-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut ta’ zokkor liberu, il-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġamm, u l-ġamm extra stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jenħtieġ li jiżdiedu. Sabiex tiġi stimulata l-produzzjoni tal-ġelatina b’livell ogħla ta’ kontenut ta’ frott, u b’hekk jiġi appoġġat is-suq tal-frott, il-kwantità minima ta’ frott li għandu jintuża fil-manifattura tal-ġelatina u l-ġelatina extra stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jenħtieġ li jiżdiedu. Bl-istess mod, bil-għan li l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażliet tal-ikel aktar infurmati u tajbin għas-saħħa, huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-ismijiet riżervati definiti fil-Parti I ta’ dak l-Anness għal prodotti li għandhom kontenut ta’ materja niexfa solubbli ta’ anqas minn 60 % iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni “biz-zokkor imnaqqas” stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 fir-rigward ta’ zokkor imnaqqas.

    (17)L-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE jirrestrinġi t-terminu “marmellata” għal taħlita partikolari ta’ frott taċ-ċitru. Madankollu, f’għadd ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni, filwaqt li l-ismijiet legali stabbiliti f’dak l-Anness jintużaw fil-kummerċ biex jiddeżinjaw il-prodotti msemmija fih, b’mod ġenerali, is-soċjetà tuża bl-istess mod it-termini “marmellata” u “ġamm” biex tirreferi għall-ġamm minn frott għajr il-frott taċ-ċitru. Sabiex jitqiesu dawn il-prattiki fejn ikun il-każ, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jawtorizzaw li t-terminu “marmellata” jista’ jintuża għall-isem tal-prodott “ġamm”. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumatur, jenħtieġ li t-terminu “marmellata taċ-ċitru” jintuża madwar l-Unjoni għall-prodott li sa issa kien iddefinit bħala “marmellata” sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti. Dan huwa wkoll konformi mal-istandard internazzjonali rifless fl-Istandard Ġenerali tal-Codex għall-ġamm, il-ġelatina u l-marmellata, (Codex Stan 296-2009), adottat mill-Kummissjoni Codex Alimentarius matul it-32 sessjoni tagħha li saret mid-29 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi distinzjoni bejn il-marmellata taċ-ċitru u l-marmellata mhux taċ-ċitru. Għalhekk huwa xieraq li dik id-Direttiva tiġi riveduta kif xieraq fir-rigward tal-isem tal-prodott “marmellata”.

    (18)L-Anness II ta’ dik id-Direttiva jelenka l-ingredjenti addizzjonali li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ prodotti koperti mid-Direttiva. Il-meraq tal-frott taċ-ċitru jista’ jintuża bħala aġent aċidifikanti fil-ġamm, fil-ġamm ekstra, fil-ġelatina u fil-ġelatina ekstra miksuba minn tipi oħra ta’ frott. Meta mqabbel mal-meraq mhux minn konċentrat, il-meraq tal-frott taċ-ċitru fil-forma kkonċentrata tiegħu huwa anqas voluminuż u anqas tqil biex jiġi ttrasportat, aktar stabbli, jista’ jiġi ppreżervat għal żmien itwal u jeħtieġ inqas konsum tal-enerġija biex jiġi evaporat il-kontenut tal-ilma meta jiġi mmanifatturat il-prodott finali tal-ġamm jew tal-ġelatina. L-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-ġamm, tal-ġamm ekstra, tal-ġelatina u tal-ġelatina ekstra huwa għalhekk aktar sostenibbli mill-meraq tal-frott taċ-ċitru frisk. Għalhekk, huwa xieraq li jiżdied il-meraq tal-frott taċ-ċitru konċentrat fil-lista ta’ ingredjenti addizzjonali stabbilita f’dak l-Anness.

    (19)Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE 27 tistabbilixxi definizzjonijiet u regoli komuni li jirregolaw il-kompożizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattura u t-tikkettar ta’ ċertu ħalib ippreżervat.

    (20)Il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2001/114/KE jelenka t-trattamenti awtorizzati għall-ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-konsumaturi, jenħtieġ li jiġi awtorizzat trattament għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib mingħajr lattożju. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-denominazzjoni partikolari għat-terminu Ingliż “evaporated milk” fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali definiti fl-Istandard Codex għal ħalib evaporat (Codex Stan 281-1971).

    (21)Id-Direttivi 2001/110/KE, 2001/112/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fihom referenzi għal atti mħassra. Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE 29 u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 95/2/KE 30 tħassru u ġew sostitwiti bir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 . Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-referenzi jiġu sostitwiti b’referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti (UE) Nru 1169/2011 u (KE) Nru 1333/2008.

    (22)Għalhekk, id-Direttivi 2001/110/KE, 2001/112/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

    (23)Sabiex l-Istati Membri jitħallew jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ 18-il xahar. Sabiex l-operaturi jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw għar-rekwiżiti l-ġodda, dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw biss minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (24)Sabiex jitqiesu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew li jittikkettaw il-prodotti tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali adegwati. Għalhekk, din id-Direttiva jenħtieġ li tistipula li dawk il-prodotti jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq għal żmien limitat wara l-perjodu ta’ traspożizzjoni,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2001/110/KE

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/110/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-prodotti definiti fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ___________

    * Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”;

    (2)fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    (a) Il-pajjiż ta’ oriġini fejn inġabar l-għasel għandhom ikunu indikati fuq it-tikketta. Jekk l-għasel joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed, il-pajjiżi ta’ oriġini minn fejn ikun inġabar l-għasel għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-pakketti li fihom aktar minn 25 g;

    (b) Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u b’mod partikolari l-Artikoli 12 sa 15 tiegħu, id-dettalji li għandhom jiġu indikati skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu għandhom jitqiesu bħala dettalji obbligatorji f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.”.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 2001/112/KE

    Id-Direttiva 2001/112/KE hija emendata kif ġej:

    (1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-prodotti definiti fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ___________

    * Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”;

    (b)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b) Bħala alternattiva għall-ismijiet tal-prodotti msemmija fis-subparagrafu (a), l-Anness III jipprovdi lista ta’ denominazzjonijiet partikolari. Id-denominazzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti I, jistgħu jintużaw fil-lingwa u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih. Id-denominazzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti II, jistgħu jintużaw fil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni tal-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq.”;

    (c)jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

    “4. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, id-dikjarazzjoni “l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud” tista’ tidher fuq it-tikketta fl-istess kamp viżiv bħall-isem tal-prodotti msemmija fil-Parti I, il-punt 1, tal-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    ** Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).”;

    (d)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tad-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għal taħlit ta’ meraq tal-frott u meraq tal-frott minn konċentrat, u għal nektar tal-frott miksub kollu jew parzjalment minn prodott ikkonċentrat wieħed jew aktar, it-tikketta għandha tinkludi l-kliem “minn konċentrat(i)” jew “parzjalment minn konċentrat(i)”, kif xieraq. Dik l-informazzjoni għandha tinkiteb viċin l-isem tal-prodott, b’mod li tispikka minn kull sfond, f’karattri li jidhru b’mod ċar.”;

    (2)L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 6

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, it-trattamenti u s-sustanzi elenkati fil-Parti II tal-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-materja prima li tikkonforma mal-Anness II ta’ din id-Direttiva biss jistgħu jintużaw għall-manifattura tal-prodotti definiti fil-Parti I ta’ dak l-Anness I. Barra minn hekk, in-nektars tal-frott għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Anness IV ta’ din id-Direttiva.”;

    (3)L-Annessi I u III huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Direttiva;

    (4)fl-Anness V, tiddaħħal ir-ringiela li ġejja f’ordni alfabetika:

    Ġewż tal-Indi (*)

    Cocos nucifera

    4,5

    ”.

    Artikolu 3

    Emendi għad-Direttiva 2001/113/KE

    Id-Direttiva 2001/113/KE hija emendata kif ġej:

    (1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-prodotti definiti fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ___________

    * Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”;

    (b)il-paragrafu 4 jitħassar;

    (c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6. Meta l-kontenut residwu tad-diossidu tal-kubrit ikun aktar minn 10 mg/kg, il-preżenza tiegħu għandha tiġi indikata fuq il-lista ta’ l-ingredjenti permezz ta’ deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 1169/2011.”;

    (2)L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 4

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, huma biss l-ingredjenti elenkati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva u l-materja prima li tikkonforma mal-Anness III ta’ din id-Direttiva li jistgħu jintużaw fil-manifattura tal-prodotti definiti fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    ___________

    ** Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).”;

    (3)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness II għal din id-Direttiva;

    (4)fl-Anness II, it-tielet inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “– meraq tal-frott taċ-ċitru, kemm jekk ikkonċentrat kif ukoll jekk le: fi prodotti miksuba minn tipi oħra ta’ frott: fil-ġamm, il-ġamm extra, il-ġelatina u l-ġelatina extra biss,”;

    (5)fl-Anness III, il-Parti B, il-punt 1, ir-raba’ inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “— bl-eċċezzjoni tal-materja prima użata fil-manifattura tal-prodotti “extra”: l-użu tad-diossidu tal-kubrit (E 220) jew il-melħ tiegħu (E 221, E 222, E 223, E 224, E 226 u E 227) bħala għajnuna fil-manifattura sakemm ma jinqabiżx il-kontenut massimu tad-diossidu tal-kubrit stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 fil-prodotti ddefiniti fil-parti I tal-Anness I.”.

    Artikolu 4

    Emendi għad-Direttiva 2001/114/KE

    Id-Direttiva 2001/114/KE hija emendata kif ġej:

    (1)fl-Artikolu 3, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-prodotti definiti fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ___________

    * Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).”;

    (2)fl-Anness I, il-punt 3, jiżdied il-punt li ġej:

    “(d) Tnaqqis tal-kontenut tal-lattożju bi bdil għall-glukożju u l-galattożju. Modifiki fil-kompożizzjoni tal-ħalib skont dan it-trattament għandhom jittieħdu bħala permessi biss jekk ikunu indikati b’mod li ma jitħassarx fuq l-ippakkjar tal-prodott tant li faċilment ikun jidher u jinqara. Madankollu, din l-indikazzjoni ma għandhiex tneħħi l-obbligu fir-rigward tat-tikkettar tan-nutrizzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu modifiki fil-kompożizzjoni tal-ħalib imsemmija fil-punt (d).”;

    (3)fl-Anness II, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a) It-terminu Ingliż “evaporated milk” ifisser il-prodott iddefinit fl-Anness I, il-punt (1)(b).”.

    Artikolu 5

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [OP please insert the date = 18 months after the date of entry into force of this Directive], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Miżuri tranżizzjonali

    Il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq jew li jiġu ttikkettati qabel [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], f’konformità mad-Direttivi 2001/110/KE, 2001/112/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE, jistgħu jkomplu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 li għandha x’taqsam mal-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra (ĠU L 66, 13.3.1999, p. 26).Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19).Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam ma’ ċerti tipi ta’ zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53).Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58).    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 67).Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem (ĠU L 15, 17.1.2002, p. 19).
    (2)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
    (3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, COM/2020/381 final.
    (4)    Dan jinkludi t-tnaqqis tal-konsum ta’ zokkor liberu fid-dieti, kif jidher fl-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-28 ta’ Frar 2022 dwar il-livell massimu tollerabbli ta’ konsum għaz-zokkor fid-dieta https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/7074 . Iz-zokkor liberu jinkludi zokkor miżjud kif ukoll zokkor naturali fil-meraq tal-frott u fil-meraq tal-frott ikkonċentrat li l-istruttura tiegħu tkun ġiet imkissra. Il-ġelatini huma prodott magħmul mill-meraq tal-frott u miz-zokkor.
    (5)    Il-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd, 15/16 ta’ Diċembru 2020 (14048/20).
    (6)    2020/2260(INI).
    (7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer”, COM/2021/44 final.
    (8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
    (9)    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).
    (10)    Areté et al. (2020). Evaluation of marketing standards contained in the CMO Regulation, the ‘Breakfast Directives’ and CMO secondary legislation. Brussell: Il-Kummissjoni Ewropea. https://doi.org/10.2762/475831.
    (11)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020). Evaluation of marketing standards. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD/2020/0230.
    (12)    Russo, C. et al. (2022). Workshop on Marketing Standards: Benefits and costs of EU marketing standards for agri-food products. Rapport Tekniku tal-JRC. Il-Lussemburgu: L-Unjoni Ewropea. https://doi.org/10.2760/635080.
    (13)    [li trid timtela mill-OP]
    (14)    [li trid timtela mill-OP]
    (15)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999, ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.
    (16)     https://undocs.org/A/RES/71/313 .
    (17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, COM(2021) 118.
    (18)    ĠU C […], […], p. […].
    (19)    ĠU C […], […], p. […].
    (20)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).
    (21)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58).
    (22)    Id-Direttiva 2012/12/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 115, 27.4.2012, p. 1).
    (23)    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).
    (24)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 67).
    (25)    Id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE tal-24 ta’ Settembru 1990 dwar l-ittikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40).
    (26)    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
    (27)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem (ĠU L 15, 17.1.2002, p. 19).
    (28)    Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).
    (29)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi mal-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27).
    (30)    Id-Direttiva Nru 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar tal-1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1).
    (31)    Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).
    Top

    Brussell, 21.4.2023

    COM(2023) 201 final

    ANNESSI

    tad-

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel, 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman, 2001/113/KE li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem, u 2001/114/KE rigward ċertu ħalib ippreżervat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem






    {SEC(2023) 162 final} - {SWD(2023) 97 final} - {SWD(2023) 98 final}


    ANNESS I

    L-Annessi I u III tad-Direttiva 2001/112/KE huma emendati kif ġej:

    (1)L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-Parti I, jiżdied il-punt 6 kif ġej:

    “6. (a) Meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas

    Il-prodott miksub mill-prodott definit fil-punt 1(a) fejn mill-inqas 30 % taz-zokkor naturali jkun tneħħa bl-użu ta’ proċess awtorizzat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti II, il-punt 3, tal-Anness I, li jżomm il-karatteristiċi essenzjali fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrittivi l-oħra kollha ta’ tip medju ta’ meraq tal-frott li jiġi minnu.

    It-taħlit tal-meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas mal-meraq tal-frott u/jew mal-purejiet tal-frott huwa awtorizzat fil-produzzjoni ta’ meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas.

    (b) Meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas minn konċentrat

    Il-prodotti li jinkisbu mill-prodott definit fil-punt 1(b) jew il-punt 2 fejn mill-inqas 30 % taz-zokkor naturali jkun tneħħa bl-użu ta’ proċess awtorizzat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3 tal-Parti II tal-Anness I, li jżomm il-karatteristiċi essenzjali fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrittivi l-oħra kollha ta’ tip medju ta’ meraq tal-frott li jkun ġej minnu, u li jkunu ġew rikostitwiti b’ilma tax-xorb li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 98/83/KE.

    It-taħlit ta’ meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas minn konċentrat ma’ meraq tal-frott, meraq tal-frott minn konċentrat, purejiet tal-frott u/jew purejiet tal-frott minn konċentrat huwa awtorizzat fil-produzzjoni ta’ meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas minn konċentrat.”;

    (b)il-Parti II hija emendata kif ġej:

    (i) il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

    - it-tielet inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “— Għall-meraq tal-frott, meraq tal-frott minn konċentrat, meraq tal-frott ikkonċentrat, meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas u meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas minn konċentrat: togħma, polpa u ċelloli rikostitwiti;”;

    - il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “— Għal nektars tal-frott: togħma, polpa u ċelloli rikostitwiti; zokkor u/jew għasel sa 20 % tal-piż totali tal-prodotti lesti msemmija fil-Parti I tal-Anness IV, 15 % tal-piż totali tal-prodotti lesti msemmija fil-Parti II tal-Anness IV u 10 % tal-piż totali tal-prodotti lesti msemmija fil-Parti III tal-Anness IV; u/jew sustanzi li jagħtu l-ħlewwa;

    Indikazzjoni li ma ġie miżjud l-ebda zokkor fil-meraq tal-frott, u kwalunkwe indikazzjoni li x’aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista’ ssir biss fejn il-prodott ma jkun fih l-ebda monosakkaridi jew disakkaridi miżjuda jew kwalunkwe ikel ieħor użat għall-karatteristiċi ta’ ħlewwa tiegħu, inkluż is-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Jekk iz-zokkor hu preżenti b’mod naturali fin-nektar tal-frott, jenħtieġ li fuq it-tikketta tidher ukoll l-istqarrija li ġejja: “fih zokkor naturali”,”;

    is-seba’ inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “— Għall-prodotti ddefiniti fil-punti 1 sa 6 tal-Parti I, sabiex tiġi rregolata t-togħma aċiduża: meraq tal-lumi u/jew tal-lajm u/jew meraq ikkonċentrat tal-lumi u/jew tal-lajm, sa 3 g għal kull litru ta’ meraq, espress bħala aċidu ċitriku anidru;”;

    - jiżdied l-inċiż li ġej:

    ‘— Għall-meraq tal-frott biz-zokkor imnaqqas: ilma mhux iżjed minn kemm ikun hemm strettament bżonn għar-restawr tal-ilma li ntilef minħabba l-proċess tat-tnaqqis taz-zokkor.”;

    (ii) il-punt 3 huwa emendat kif ġej:

    - it-tlettax l-inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “— Proteini tal-pjanti mill-qamħ, il-piżelli, il-patata jew iż-żerriegħa tal-ġirasol għall-kjarifikazzjoni.”;

    - jiżdied l-inċiż li ġej:

    “— Proċessi għat-tneħħija taz-zokkor naturali, sal-punt li jżommu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrittivi essenzjali l-oħra kollha ta’ tip medju ta’ meraq tal-frott li ġej minnu: filtrazzjoni b’membrana, fermentazzjoni tal-ħmira.”;

    (2)L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ANNESS III

    DENOMINAZZJONIJIET PARTIKOLARI GĦAL ĊERTI PRODOTTI ELENKATI FL-ANNESS I

    I. Denominazzjonijiet partikolari li jistgħu jintużaw biss fil-lingwa tad-denominazzjoni

    (a) “vruchtendrank”, għal nektars tal-frott;

    (b) “Süßmost”;

    Id-denominazzjoni “Süßmost” tista’ tintuża biss flimkien mal-ismijiet tal-prodotti “Fruchtsaft” jew “Fruchtnektar”:

    (i) għal nektar tal-frott miksub esklussivament minn meraq tal-frott, minn meraq tal-frott ikkonċentrat jew minn taħlita ta’ dawk il-prodotti, li ma għandux togħma tajba fl-istat naturali minħabba l-livell għoli ta’ aċidità tiegħu;

    (ii) għal meraq tal-frott miksub mit-tuffieħ jew mil-lanġas, biż-żieda ta’ tuffieħ fejn ikun xieraq, iżda mingħajr zokkor miżjud;

    (c) “succo e polpa” jew “sumo e polpa”, għal nektars tal-frott miksuba esklussivament minn purejiet tal-frott u/jew minn purejiet tal-frott ikkonċentrat;

    (d) “æblemost”, għal meraq tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud;

    (e) (i)“sur … saft”, flimkien mal-isem (bid-Daniż) tal-frott użat, għal meraq mingħajr zokkor miżjud miksub minn ribes/passolina sewda, ċirasa, passolina ħamra, passolina bajda, lampun, frawli jew frott tas-sebuqa,

    (ii) “sød … saft” jew “sødet … sød … saft” jew “sødet … saft” flimkien mal-isem (bid-Daniż) tal-frott użat, għal meraq miksub minn dan il-frott, b’aktar minn 200 g zokkor miżjud ma’ kull litru;

    (f) “äppelmust/äpplemust”, għal meraq tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud;

    (g) “mosto”, sinonimu għal meraq tal-għeneb;

    (h) “smiltsērkšķu sula ar cukuru” jew “astelpaju mahl suhkruga” jew “słodzony sok z rokitnika” għall-meraq miksub mill-il-frott tal-pjanta Rhamus Lyciodes tal-baħar b’mhux aktar minn 140 g ta’ zokkor miżjud għal kull litru.

    II. Denominazzjonijiet partikolari li jistgħu jintużaw fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq

    (a) “ilma tal-ġewż tal-Indi”, għall-prodott li jiġi estratt direttament mill-ġewż tal-Indi mingħajr ma jiġi espress il-laħam tal-ġewż tal-Indi, bħala sinonimu tal-meraq tal-ġewż tal-Indi.”.



    ANNESS II

    L-Anness I tad-Direttiva 2001/113/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)il-Parti I hija emendata kif ġej:

    (a)l-ewwel u t-tieni inċiżi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “— Ġamm” huwa taħlita, miġjuba għal konsistenza addattata tal-ġelatina, ta’ tipi ta’ zokkor, il-polpa u/jew il-purejiet ta’ wieħed jew aktar tipi ta’ frott u ilma. Madankollu, il-ġamm tal-frott taċ-ċitru tista’ tinkiseb mill-frott sħiħ, maqtugħ fi flieli u/jew imfettet.

    Madankollu, sabiex jitqiesu l-prattiki tas-soċjetà, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li t-terminu “marmellata” jintuża għall-prodott imsejjaħ “ġamm”.

    Il-kwantità ta’ polpa u/jew purejiet użata għall-manifattura ta’ 1 000 g ta’ prodott lest ma għandhiex tkun inqas minn:

    — 450 g bħala regola ġenerali,

    — 350 g għal passolina ħamra, it-tut tas-siġar rowan, il-frott tal-pjanta Rhamus Lyciodes tal-baħar, il-passolina sewda, il-frott tas-Solanum nigrum u l-isfarġel,

    — 250 g għall-ġinġer,

    — 230 g għat-tuffieħ tal-cashew,

    — 80 g għall-passion fruit.

    — “Ġamm extra tal-frott” huwa taħlita, miġjuba għal konsistenza addattata tal-ġelatina, ta’ tipi taz-zokkor, il-polpa mhux ikkonċentrata ta’ wieħed jew aktar tipi ta’ frott u ilma. Madankollu, il-ġamm extra tal-frott tas-siġra Solana nigrum u l-ġamm extra tal-lampun mingħajr iż-żerriegħa, tat-tut, tal-passolina sewda, il-frott tal-Vaccinium myrtyllum u l-passolina ħamra jistgħu jinkisbu fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mill-purejiet mhux ikkonċentrat tal-frott rispettiv. Il-ġamm extra tal-frott taċ-ċitru tista’ tinkiseb mil-frott sħiħ, maqtugħ fi flieli u/jew imfettet.

    Madankollu, sabiex jitqiesu l-prattiki tas-soċjetà tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li t-terminu “marmellata extra” jintuża għall-prodott imsejjaħ “ġamm extra”.

    Il-frott li ġej ma jistax jiġi użat imħallat ma’ frott ieħor fil-fabbrikazzjoni tal-ġamm extra tal-frott: it-tuffieħ ta’ belludja, il-lanġas, l-għanbaqar tal-għadma mwaħħla, id-dulliegħ, il-għeneb, il-qargħa aħmar, il-ħjar u t-tadam.

    Il-kwantità ta’ polpa użata għall-manifattura ta’ 1 000 g tal-prodott imlesti ma tistax tkun inqas minn:

    — 550 g bħala regola ġenerali,

    — 450 g għall-passolina ħamra, it-tut tas-siġra rowan, il-frott tal-pjanta Rhamus Licyodes tal-baħar, il-passolina sewda, il-frott tas-Solanum nigrum u l-isfarġel,

    — 350 g għall-ġinġer,

    — 290 g għat-tuffieħ tal-cashew,

    — 100 g għall-passion fruit.”;

    (b)il-ħames u s-sitt inċiżi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    — Il-“marmellata taċ-ċitru” hija taħlita, miġjuba għal konsistenza ġġelatinata kif approprjat, ta’ tipi ta’ zokkor u wieħed jew aktar mill-prodotti li ġejjin miksuba mill-frott taċ-ċitru: il-polpa, il-purejiet, il-meraq, l-estratti ilmija u l-qoxra.

    Il-kwantità tal-frott taċ-ċitru wżata fit-tħejjija ta’ 1 000 g tal-prodott imlesti ma tistax tkun anqas minn 200 g li minnhom mill-anqas 75 g iridu jinkisbu mill-endokarpu.

    — L-isem “marmellata tal-ġelatina” jista’ jintuża meta l-prodott definit bħala marmellata taċ-ċitru ma jkun fih l-ebda materjal li ma jinħallx għajr possibilment għal kwantitajiet żgħar ta’ qxur imfettet irqiq.”;

    (2)il-Parti II hija sostitwita b’dan li ġej:

    “II. Il-prodotti definiti fil-Parti I irid ikollhom kontenut ta’ materja niexfa solubbli ta’ 60 % jew aktar kif determinat mir-rifrattometru, ħlief għal dawk il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*** fir-rigward taz-zokkor imnaqqas, u dawk il-prodotti li fir-rigward tagħhom iz-zokkor ikun ġie sostitwit kompletament jew parzjalment b’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, l-Istati Membri jistgħu, sabiex iqisu ċerti każijiet partikolari, jawtorizzaw l-ismijiet riservati għall-prodotti ddefiniti fil-Parti I li jkollhom kontenut tal-materjal solubbli ta’ anqas minn 60 %.

    *** Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).”.

    Top