Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0194

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

    COM/2023/194 final

    Brussell, 14.4.2023

    COM(2023) 194 final

    2023/0095(COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-proposta hija maħsuba biex temenda d-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili 1 (“id-Deċiżjoni”), li skontha l-Unjoni Ewropea tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri 2 fil-qasam tal-protezzjoni ċivili għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Unjoni u barra minnha.

    L-uniku skop tal-modifika proposta huwa li jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ tkompli tipprovdi appoġġ ta’ emerġenza lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti permezz tal-kapaċitajiet żviluppati fil-qafas tat-“tranżizzjoni rescEU”, sakemm il-flotta Ewropea permanenti tat-tifi tan-nar fil-foresti ssir disponibbli. F’termini konkreti, din il-proposta tissuġġerixxi l-estensjoni tat-tmiem tal-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 35 mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Din id-data hija allinjata ma’ tmiem il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali.

    B’temperaturi li qed jogħlew u perjodi twal ta’ nixfa, ir-riskju ta’ nirien fl-Unjoni qed jespandi u n-nirien fil-foresti qed isiru aktar frekwenti u intensi. L-istaġun tan-nirien fl-Unjoni tal-2022 kien staġun rekord. L-għadd totali ta’ nirien fil-foresti fl-Unjoni ta’ aktar minn 30 ettaru kien jammonta għal 2 707. Inħarqu 786 316 ettaru ta’ art (aktar minn tliet darbiet id-daqs tal-Lussemburgu). Dan l-ammont żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (416 413 ettaru). Barra minn hekk, id-data għall-2022 turi żieda ta’ aktar minn 250 % fuq id-daqs medju ta’ art maħruqa minn meta bdiet ir-reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni fl-2006. In-nirien fil-foresti saru tħassib serju pan-Ewropew, li jaffettwa mhux biss lir-reġjun tal-Mediterran, iżda wkoll lill-pajjiżi li jinkludu r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovenja, kif juru l-attivazzjonijiet reċenti tagħhom tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Eżempju sinifikantihuwa dak tal-Iżvezja li fl-2018 esperjenzat nirien severi fil-foresti. Fl-2022, 20 Stat Membru rreġistraw aktar żoni maħruqa mill-medja li kellhom matul is-snin preċedenti.

    Kif juru l-istaġuni tan-nirien f’dawn l-aħħar snin, it-telf ambjentali, klimatiku, ekonomiku u soċjetali assoċjat man-nirien fil-foresti huwa enormi. Fl-2022 biss, in-nirien fil-foresti wasslu għal telf ekonomiku stmat ta’ aktar minn EUR 2 biljun, u ġġeneraw aktar minn 25 miljun tunnellata ta’ CO2. Madwar 35 % taż-żoni li nħarqu fl-2022 jiffurmaw parti mis-siti tan-Natura 2000 3 .

    Din l-aċċellerazzjoni allarmanti tan-nirien fil-foresti madwar l-Ewropa mistennija li tkompli fis-snin li ġejjin minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima. Il-President Von der Leyen indirizzat dan it-tħassib fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2022, fejn iddikjarat li “waqt li d-diżastri qed isiru dejjem aktar frekwenti u aktar intensi, l-Ewropea se jkollha bżonn ta' kapaċità akbar.. Huwa għalhekk li llum nista' nħabbar li se nirduppjaw il-kapaċità tagħna li niġġieldu n-nirien matul is-sena li ġejja.”

    B’emenda għad-Deċiżjoni fl-2019 4 , rescEU nħolqot bħala riżerva Ewropea ta’ kapaċitajiet biex tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet urġenti fejn il-kapaċitajiet eżistenti ġenerali fil-livell nazzjonali u dawk impenjati minn qabel mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv għad-diversi tipi ta’ diżastri jew ma jkunux biżżejjed. Tali kapaċitajiet ġew żviluppati, b’mod partikolari, fil-qasam tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru biex jissupplimentaw il-kapaċitajiet nazzjonali 5 . Filwaqt li xi wħud minn dawn il-kapaċitajiet huma faċilment aċċessibbli fis-suq u jistgħu jinxtraw relattivament malajr, id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru tieħu aktar żmien. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-rescEU, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa, għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin inizjali, li tipprovdi finanzjament biex tiżgura d-disponibbiltà rapida tal-kapaċitajiet nazzjonali rilevanti. Ġie speċifikat ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jiksbu kapaċitajiet addizzjonali, inklużi ħelikopters għat-tifi tan-nar, sabiex jirrispondu aħjar u b’mod aktar effiċjenti għar-riskju ta’ nirien fil-foresti, sa mis-sajf tal-2019 6 . Dak iż-żmien ġie stmat, abbażi ta’ studju tas-suq dwar l-assi għat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru attwalment disponibbli rilaxxati fid-9 ta’ Lulju 2018 7 , li ħames snin ikunu biżżejjed, b’mod partikolari biex inġenji tal-ajru speċjalizzati jkunu aċċessibbli għal darb’oħra fis-suq, li jippermetti l-iżvilupp ta’ flotta permanenti. Għalhekk, fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni, l-1 ta' Jannar 2025 ġie introdott bħala d-data ta' skadenza għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tranżitorja. Madankollu, żviluppi riċenti fis-suq u b’mod aktar speċifiku, in-nuqqas ta’ inġenji tal-ajru speċjalizzati ħafna meħtieġa fis-suq juru li hemm bżonn ta' perjodu itwal (lil hinn mill-2024) għall-iżvilupp ta’ inġenji tal-ajru amfibji għat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru. In-negozjati mal-manifattur ta’ tali inġenji tal-ajru speċjalizzati huma fl-istadju finali tagħhom; il-konsenja ta’ dawn l-ewwel ajruplani bi spiża miftiehma mistennija li tibda fl-2026 skont l-aħħar assigurazzjonijiet li pprovda l-manifattur. Għalhekk, id-data ta’ skadenza stabbilita fl-Artikolu 35 jeħtieġ li tiġi prorogata sa tmiem il-QFP attwali, li huwa l-31 ta’ Diċembru 2027. Dan il-perjodu jkopri l-pakkett finanzjarju kollu tal-QFP tal-UCPM f’konformità mal-Artikolu 19.1a.

    Din il-proposta hija maħsuba biex tiżgura d-disponibbiltà rapida tal-kapaċitajiet nazzjonali rilevanti lil hinn mill-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2024, meta tiskadi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżizzjonali attwali. Il-kuntratti jeħtieġ li jitħejjew sew minn qabel, fl-2024, għall-iskjerament ta’ kapaċitajiet ta’ tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru. B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni jeħtieġ li tiġi emendata fil-perjodu leġiżlattiv attwali biex tippermetti li t-tħejjijiet jibdew fl-2024. Għalhekk, huwa urġenti li l-koleġiżlaturi jiddeliberaw malajr dwar din il-proposta mmirata.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta tikkonċerna esklussivament l-estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni u ma taffettwax b’mod ieħor is-sustanza ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-proposta tibqa’ kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti f’dan il-qasam.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    L-ebda att leġiżlattiv skont politiki oħra tal-Unjoni ma jista’ attwalment jilħaq l-objettiv segwit minn din il-proposta. Għalhekk, ma hemm l-ebda trikkib ma’ azzjonijiet oħra fil-qasam ta’ politika. Madankollu, qed tingħata attenzjoni biex jiġu żgurati koordinazzjoni, konsistenza u komplementarjetà mill-qrib ma’ azzjonijiet imwettqa fil-qafas ta’ politiki oħra tal-Unjoni. Toħloq ukoll sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika, bħall-adattament għat-tibdil fil-klima u strumenti fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri li għandhom l-għan li jindirizzaw aħjar l-impatti tat-tibdil fil-klima.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-Unjoni għandha kompetenza ta’ appoġġ fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. L-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà primarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri. Waħda mir-raġunijiet li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie stabbilit hija peress li diżastri kbar jistgħu jkunu akbar mill-kapaċitajiet ta’ reazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru li jaġixxi waħdu. Il-pern tiegħu hu l-għoti ta’ assistenza reċiproka rapida u kkoordinata tajjeb fost l-Istati Membri. L-objettiv tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom. Dan huwa partikolarment sinifikanti meta dawn iħabbtu wiċċhom ma’ diżastru, jew diversi diżastri, b’impatti b’firxa wiesgħa li jegħlbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u li jistgħu jfixklu l-assistenza reċiproka bejniethom. L-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għalhekk tinvolvi l-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet b’komponenti transfruntiera u multinazzjonali/reġjonali b’saħħithom li jeħtieġu koordinazzjoni ġenerali u azzjoni miftiehma lil hinn mil-livell nazzjonali. Dan jinkludi l-forniment ta’ kapaċitajiet bħal inġenji tal-ajru speċjalizzati li jistgħu jnaqqsu l-impatti tan-nirien fil-foresti. Il-benefiċċji jinkludu t-tnaqqis tat-telf ta’ ħajjiet umani, kif ukoll tal-ħsara ambjentali, ekonomika u materjali.

    Proporzjonalità

    Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv u tibni fuq il-politika eżistenti. Hija tindirizza lakuna speċifika li ġiet identifikata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u r-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u tipproponi soluzzjoni mmirata. Il-piż amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni u l-Istati Membri jibqa’ limitat peress li l-proposta attwali ma tbiddilx dan.

    Għażla tal-istrument

    Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha, proposta għal Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili hija ssuġġerita kif xieraq.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Wara n-nirien devastanti fin-Nofsinhar u ċ-Ċentru tal-Ewropa fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea organizzat Laqgħa Ministerjali Informali dwar it-Tisħiħ tat-Tħejjija u r-Rispons għan-Nirien Selvaġġi fi Brussell fil-5 ta’ Settembru 2022. Il-Ministri, is-Segretarji tal-Istat u d-Diretturi Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili tal-Istati Membri ddiskutew azzjoni Ewropea kkoordinata rapida, fil-qafas tal-UCPM, biex l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha jiġu protetti aħjar min-nirien fl-2023 u lil hinn. Tqajjem tħassib partikolari dwar in-nuqqas ta’ biżżejjed ajruplani u ħelikopters għat-tifi tan-nar fil-pajjiżi kollha affettwati li jpoġġi pressjoni addizzjonali fuq ix-xibka ta’ sikurezza Ewropea staġjonali diġà stabbilita tal-inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar, ikkofinanzjata mill-Kummissjoni u maħsuba biex timla temporanjament il-lakuni sakemm il-flotta Ewropea ġdida permanenti ta’ inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar (imsejħa rescEU u magħmula minn 14-il ajruplan amfibju ta’ daqs medju u ħafif u disa’ ħelikopters ta’ daqs medju biex jikkomplementaw il-flotot nazzjonali) issir disponibbli mill-2026 ’l quddiem. Għalhekk intlaħaq kunsens wiesa’ biex tiġi estiża x-xibka ta’ sikurezza Ewropea staġjonali eżistenti tal-ajruplani tat-tifi tan-nar billi tiġi ffinanzjata l-inklużjoni ta’ ħelikopters u inġenji tal-ajru ħfief addizzjonali f’żoni Ewropej ewlenin mis-sajf tal-2023 ’l quddiem. Dan l-approċċ ġie diskuss ukoll fid-49 laqgħa informali tad-Diretturi Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili fi Praga f’Ottubru 2022 u mal-Istati Membri fil-livell tekniku.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qagħdet fuq għarfien espert estern dwar is-suġġett tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għan-nirien fil-foresti. Wieħed mill-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, “Grupp ta’ esperti dwar it-tagħlimiet meħuda mill-emerġenzi ttrattati” ltaqa’ fl-10-11 ta’ Jannar 2023 8 . Fost l-eżiti ewlenin ta’ din il-laqgħa kien hemm il-kunsens li l-istaġun tan-nirien tal-2022 kien wieħed mill-akbar sfidi fl-istorja tal-Ewropa u li hemm nuqqas ċar ta’ assi mill-ajru madwar l-Ewropa biex jiġi indirizzat għadd dejjem jikber ta’ nirien simultanji. L-analiżi tad-distakk taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza turi diskrepanza medja ta’ kuljum ta’ erba’ inġenji tal-ajru matul il-perjodi b’talbiet miftuħa ta’ assistenza mill-Istati Membri, b’massimu ta’ 10 inġenji tal-ajru matul xi jiem tal-perjodu attiv ta’ nirien fil-foresti. L-esperti rrikonoxxew ħtieġa ċara għal aktar assi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba n-natura teknika u urġenti tal-proposta, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, it-tagħlimiet meħuda mill-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2022, identifikati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, ikkontribwew għall-proposta (il-partijiet ikkonċernati qablu mal-proroga tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni). Dan ikkontribwixxa għal valutazzjoni tal-impatt tal-politika proposta li se testendi l-prattika attwali.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux rilevanti.

    Drittijiet fundamentali

    Mhux rilevanti.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    B’seħħ mill-2023, il-flotta tranżitorja tar-rescEU timmira li jkollha total ta’ 22 ajruplan u 4 ħelikopters. Is-sostenn ta’ dan il-livell ta’ kapaċità tal-flotta sa tmiem il-QFP attwali (jiġifieri, l-31 ta’ Diċembru 2027) huwa indispensabbli. Minħabba l-investiment ġenerali li sar fil-flotta tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, l-impatt baġitarju stmat jista’ jiġi integrat fil-pakkett finanzjarju eżistenti tal-UCPM.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni jipprevedi li l-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja għandhom jiġu mmonitorjati regolarment sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni trid tevalwa l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni u tippreżenta rapporti ta’ evalwazzjoni interim u ex post, kif ukoll komunikazzjoni dwar l-effettività, il-kosteffiċjenza u l-implimentazzjoni kontinwa tad-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li tali evalwazzjonijiet ikunu bbażati fuq l-indikaturi elenkati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni. Bħalissa għaddejja evalwazzjoni u mistennija li tiġi ffinalizzata sa Diċembru 2023 f’konformità mal-Artikolu 34(3) tad-Deċiżjoni.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux rilevanti.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Din l-inizjattiva leġiżlattiva tipproponi l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    2023/0095 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 196 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-propostatal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 tiddefinixxi l-qafas legali tar-rescEU. rescEU għandha l-għan li tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet urġenti fejn il-kapaċitajiet eżistenti ġenerali fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv.

    (2)B’temperaturi li qed jogħlew u perjodi twal ta’ nixfa, ir-riskju ta’ nirien fl-Unjoni Ewropea qed jespandi u n-nirien fil-foresti qed isiru aktar frekwenti u aktar intensi. Id-disponibbiltà limitata ta’ kapaċitajiet ta’ rispons speċjalizzati, inklużi l-kapaċitajiet amfibji tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, għadha dgħufija kbira u tikkostitwixxi l-isfida operazzjonali ewlenija tal-Unjoni meta tiffaċċja nirien simultanji fil-foresti.

    (3)Minħabba l-flessibbiltà meħtieġa li ngħatat mill-perjodu previst fl-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, huwa kruċjali li l-iskadenza tal-“1 ta’ Jannar 2025” tiġi prorogata għall-“31 ta’ Diċembru 2027” biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ tiżgura kapaċitajiet addizzjonali tar-rescEU mill-ajru fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili filwaqt li l-flotta Ewropea permanenti tat-tifi tan-nar fil-foresti tiġi stabbilita gradwalment.

    (4)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emenda

    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE hija emendata kif ġej:

    (1) Fl-Artikolu 35, l-ewwel paragrafu, id-data “1 ta’ Jannar 2025” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2027”.

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924–947 
    (2)    Fid-dawl tal-Artikolu 28(1a) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, fejn issir referenza għall-Istati Membri, għandu jinftiehem li din tinkludi l-Istati Parteċipanti kif iddefinit fl-Artikolu 4(12) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.
    (3)    Natura 2000 hija network ta’ siti importanti ta’ tnissil u mistrieħ għal speċijiet rari u mhedda, u xi tipi ta’ ħabitats naturali rari li huma protetti fihom infushom, li jestendu madwar is-27 pajjiż tal-UE, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar. L-għan tan-network huwa li jiżgura s-sopravivenza fit-tul tal-ispeċijiet u l-ħabitats l-aktar prezzjużi u mhedda tal-Ewropa, elenkati kemm fid-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi) kif ukoll fid-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa).
    (4)    Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1.
    (5)    Oqsma oħra tar-rescEU jkopru, fost l-oħrajn, inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, rispons mediku ta’ emerġenza, kif ukoll it-trasport u l-loġistika u l-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza. 
    (6)    Il-premessa 34 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ĠU L 77 I, 20.3.2019, p. 1.
    (7)    STUDJU DWAR IL-KUNTRATT TAL-ASSI TAT-TIFI TAN-NAR FIL-FORESTI MILL-AJRU ECHO/2018/A1/396 _01.
    (8)     Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili (europa.eu)    
    (9)    ĠU C , , p. .
    (10)    ĠU C , , p. .
    (11)    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
    Top