Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0185

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali

COM/2023/185 final

Brussell, 5.4.2023

COM(2023) 185 final

2023/0093(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali

{SWD(2023) 77 final} - {SWD(2023) 78 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Biż-żieda fil-kriminalità transfruntiera, il-ġustizzja kriminali tal-UE qed tiffaċċja dejjem aktar sitwazzjonijiet fejn diversi Stati Membri għandhom il-ġuriżdizzjoni li jieħdu passi kriminali fl-istess każ. Pereżempju, it-tħejjija ta’ delitt tista’ ssir fi Stat Membru wieħed, filwaqt li d-delitt jitwettaq fi Stat Membru ieħor; l-awturi tiegħu jistgħu jiġu arrestati fit-tielet Stat Membru u l-assi tad-delitt jiġu ttrasferiti lejn ir-raba’ Stat Membru. Dan jgħodd speċjalment għal delitti mwettqa minn gruppi kriminali organizzati, bħat-traffikar tad-droga, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċtu tal-armi, ir-reati ambjentali, iċ-ċiberkriminalità jew il-ħasil tal-flus. Il-prosekuzzjonijiet multipli tal-istess każijiet joħolqu sfidi mhux biss f’termini ta’ koordinazzjoni u effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali, iżda jistgħu jkunu wkoll ta’ detriment għad-drittijiet u l-interessi tal-individwi u jistgħu jwasslu għad-duplikazzjoni tal-attivitajiet. L-akkużati, il-vittmi u x-xhieda jista’ jkollhom jiġu mħarrka għal seduti f’diversi pajjiżi. B’mod partikolari, il-proċedimenti ripetuti jinvolvu multiplikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet u l-interessi tagħhom, bħall-moviment liberu. Fil-qasam Ewropew tal-ġustizzja huwa xieraq li jiġu evitati, fejn ikun possibbli, tali effetti detrimentali, u li jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitwettqu fl-Istat Membru fl-aħjar pożizzjoni, pereżempju fl-Istat fejn tkun seħħet il-parti l-kbira tal-kriminalità.

Huma meħtieġa għalhekk regoli komuni għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali minn Stat Membru għal ieħor sabiex tiġi miġġielda b’mod effiċjenti l-kriminalità transfruntiera u sabiex jiġi żgurat li l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni jinvestiga jew jieħu passi kriminali kontra reat. Din l-għodda ta’ kooperazzjoni transfruntiera tipprovdi valur miżjud billi ttejjeb il-funzjonament xieraq taż-żona Ewropea tal-ġustizzja. Għalhekk din tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri. Tali regoli komuni b’mod partikolari jistgħu jgħinu biex jiġu evitati l-proċedimenti paralleli bla bżonn fi Stati Membri differenti dwar l-istess fatti u kontra l-istess persuna, li jistgħu jirriżultaw fi ksur tal-prinċipju fundamentali tad-dritt kriminali, li huwa stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), li ma jistgħux jittieħdu passi kriminali kontra persuna jew tingħata piena darbtejn għall-istess reat (il-prinċipju ta’ ne bis in idem). Dawn jistgħu jnaqqsu wkoll in-numru tal-proċedimenti multipli fir-rigward tal-istess fatti jew fir-rigward tal-istess persuna li jkunu qed jitwettqu fi Stati Membri differenti. Huwa wkoll fl-interess tal-ġustizzja kriminali effettiva li jiġi żgurat li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkun jista’ jseħħ meta l-konsenja ta’ persuna għal prosekuzzjoni kriminali taħt mandat ta’ Arrest Ewropew (“MAE”) 1 tiġi ttardjata jew miċħuda għal raġunijiet bħal li jkunu għadhom għaddejjin proċedimenti paralleli għall-istess reat fl-Istat Membru l-ieħor. Dan għaliex it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jippermetti li tiġi evitata l-impunità fir-rigward tal-persuna li kontriha jittieħdu l-passi kriminali.

Filwaqt li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jkun meħtieġ f’għadd ta’ sitwazzjonijiet, il-miżuri eżistenti fil-livell tal-UE ma jirregolawx din il-forma ta’ kooperazzjoni. Fl-1990 ġie ffirmat ftehim bejn l-Istati Membri tal-UE dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali 2 , iżda dan qatt ma daħal fis-seħħ minħabba nuqqas ta’ ratifiki.

F’Lulju 2009, il-Presidenza Żvediża introduċiet inizjattiva f’isem 16-il Stat Membru 3 għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali 4 . Madankollu, l-Istati Membri ddeċidew li jwaqqfu n-negozjati meta t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 5 .

Fin-nuqqas ta’ att legali speċifiku tal-UE, l-Istati Membri bħalissa jittrasferixxu l-proċedimenti kriminali bejniethom billi jużaw varjetà ta’ strumenti legali, mingħajr ebda qafas legali uniformi madwar l-UE. L-aktar qafas legali internazzjonali komprensiv dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment tal-Proċedimenti f’Materji Kriminali tal-15 ta’ Mejju 1972, ġie rratifikat u applikat biss minn 13-il Stat Membru. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużaw l-Artikolu 21 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959 7 bħala mekkaniżmu biex jitolbu l-prosekuzzjoni ta’ persuna suspettata f’parti kontraenti oħra tal-Konvenzjoni. Madankollu, il-proċedura għat-trasferiment fil-biċċa l-kbira ma hijiex regolata għal din il-forma ta’ kooperazzjoni. Bażijiet legali oħra ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam jinkludu liġijiet nazzjonali, ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew il-prinċipju ta’ reċiproċità.

Fir-rapport tagħha dwar it-triq ’il quddiem fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali ta’ Mejju 2019 8 , il-Presidenza Rumena ssuġġeriet li tiġi esplorata aktar il-ħtieġa ta’ proposta leġiżlattiva dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. F’Diċembru 2020, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew 9 , stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk proposta ġdida għal strument tal-UE dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tkunx fattibbli u tippreżentax valur miżjud. L-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew ukoll qajmu 10  għadd ta’ kwistjonijiet legali u prattiċi li l-awtoritajiet jiffaċċjaw fin-nuqqas ta’ regoli u proċeduri komuni ċari, u talbu għal strument tal-UE f’dan il-qasam.

Fin-nuqqas ta’ qafas legali komuni u minħabba differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, jiġifieri jekk l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni ta’ Stat Membru għandhomx il-kapaċità li jżommu lura milli jieħdu passi kriminali jew jekk għandhomx id-dmir li jieħdu passi kriminali kontra kull delitt li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, it-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali kienu qed jiffaċċjaw diversi kwistjonijiet legali u prattiċi. L-esperjenza prattika turi li l-effiċjenza tal-proċedura ta’ trasferiment hija mxekkla, b’mod partikolari, minn dewmien żejjed u nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet. Il-prosekuzzjoni ineffettiva wkoll ġiet identifikata bħala problema, peress li t-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali mhux dejjem iseħħu meta jkunu fl-interess tal-ġustizzja, bħal f’każijiet fejn ir-reat ikun twettaq fi Stat Membru wieħed, iżda kemm il-vittma kif ukoll il-persuna suspettata jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-Istat rikjest jista’ ma jkollux ġuriżdizzjoni biex jieħu passi kriminali f’każ, jekk ma jkun jista’ jiġi stabbilit l-ebda fattur ta’ konnessjoni għall-ġuriżdizzjoni. B’mod partikolari, f’sitwazzjonijiet meta l-konsenja ta’ persuna taħt MAE tiddewwem jew tiġi rrifjutata, in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni biex jittieħdu passi kriminali kontra l-każ fl-Istat rikjest jista’ saħansitra jwassal għall-impunità. Il-kwistjonijiet imsemmija jistgħu jirriżultaw f’dewmien fil-proċedimenti kriminali kkawżati minn proċeduri twal ta’ trasferiment, kif ukoll f’użu ineffiċjenti tar-riżorsi umani u finanzjarji, bħal minħabba proċedimenti li jseħħu b’mod parallel f’żewġ Stati Membri jew aktar. Barra minn hekk, id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali li jikkonċernaw il-pożizzjoni, id-drittijiet u l-interessi ta’ persuni suspettati, akkużati u vittmi f’każijiet ta’ trasferimenti jistgħu jwasslu għal inċertezza legali u protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

Sabiex tindirizza dawn il-problemi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi strument ġdid dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Din l-inizjattiva hija inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2022 11 . Il-proposta għandha erba’ objettivi, jiġifieri biex:

(1)ittejjeb l-effiċjenza tal-proċedimenti kriminali u l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja fl-UE;

(2)ittejjeb ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-proċess tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali;

(3)ittejjeb l-effiċjenza u ċ-ċertezza legali tat-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali; u

(4)tippermetti t-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali, li bħalissa ma humiex possibbli bejn l-Istati Membri, meta dawn ikunu fl-interess tal-ġustizzja, u tnaqqas il-fenomenu tal-impunità.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI 12 tistabbilixxi proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni u għal konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti biex tinkiseb soluzzjoni effettiva u tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn proċedimenti paralleli. Bl-istess mod, liġijiet oħra tal-UE dwar materji kriminali, b’mod partikolari għal tipi speċifiċi ta’ kriminalità, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu (id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI) u l-kriminalità organizzata (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI), jistabbilixxu fatturi li għandhom jitqiesu biex jiġu ċċentralizzati l-proċedimenti fi Stat Membru wieħed meta aktar minn Stat Membru wieħed ikun jista’ jieħu passi kriminali b’mod validu abbażi tal-istess fatti. Madankollu, dawn l-atti legali ma jirregolawx il-proċedura għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, li tista’ tkun soluzzjoni meħtieġa f’każijiet bħal dawn.

L-Eurojust, b’mod partikolari, għandha rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-kuntatti u l-konsultazzjonijiet preliminari u fis-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni. L-Eurojust tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jaċċettaw li wieħed minnhom jista’ jkun f’pożizzjoni aħjar biex iwettaq investigazzjoni jew biex jieħu passi kriminali kontra reati speċifiċi. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati wkoll li jinfurmaw lill-Eurojust dwar każijiet li fihom ikunu nħolqu jew x’aktarx li jinħolqu kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni. L-objettivi ta’ din il-proposta huma konsistenti mar-Regolament (UE) 2018/1727 dwar l-Eurojust 13 . Barra minn hekk, l-Eurojust ippubblikat linji gwida dwar “Liema ġuriżdizzjoni għandha tieħu passi kriminali?” 14 . Peress li jissuġġerixxu fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’każijiet li jinvolvu diversi ġuriżdizzjonijiet, dawn il-linji gwida kienu qed jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni fl-aħjar pożizzjoni biex tieħu passi kriminali f’każijiet transfruntieri.

L-istrumenti tal-UE għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f’materji kriminali jkopru r-rikonoxximent ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar: (i) l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi 15 , (ii) il-konsenja ta’ individwi taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew; (iii) il-kumpilazzjoni tal-provi permezz ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea 16 ; kif ukoll il-proċeduri għal assistenza legali reċiproka, b’mod partikolari, l-iskambji spontanji ta’ informazzjoni 17 , u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet kriminali permezz ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta 18 . L-adozzjoni ta’ regoli komuni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, b’mod partikolari billi tfittex li tevita r-riskju ta’ impunità f’każ li l-konsenja ta’ persuna mwissija taħt MAE sabiex titwettaq prosekuzzjoni kriminali tiġi miċħuda. It-talbiet skont dan ir-Regolament propost jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat. Għalhekk, it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jipprovdi alternattiva utli għall-ħruġ ta’ MAE, jekk dan ikun sproporzjonat jew impossibbli, pereżempju minħabba li l-limiti tal-penali ma jiġux issodisfati. Jekk wara l-adozzjoni tal-qafas legali propost, l-awtoritajiet jagħżlu dejjem aktar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-użu tal-proċeduri tal-MAE jista’ jonqos. Bl-istess mod, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-użu tal-Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea 19 , li tippermetti li persuna suspettata tkun soġġetta għal miżura ta’ superviżjoni fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha sakemm isir il-proċess fi Stat Membru ieħor, minflok ma tinżamm taħt arrest preventiv.

Il-proposta tibni fuq ir-regoli minimi eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet għall-individwi fi proċedura kriminali, adottati bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali: is-sitt direttivi dwar id-drittijiet proċedurali 2010/64/UE 20 , 2012/13/UE 21 , 2013/48/UE 22 , 2016/343 23 , 2016/800 24 u 2016/1919 25 , kif ukoll id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 2012/29/UE 26 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Il-Programm ta’ The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea 27 jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltajiet li jikkonċentraw il-prosekuzzjoni fi Stat Membru wieħed f’każijiet multilaterali transfruntiera, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza tal-prosekuzzjonijiet filwaqt li tiġi ggarantita l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja.

Il-Programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali 28 jitlob strument li jippermetti li l-proċedimenti kriminali jiġu ttrasferiti lil Stati Membri oħra.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2020 dwar “Il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri għall-estradizzjoni — l-isfidi attwali u t-triq ’il quddiem” jistiednu lill-Kummissjoni tikkunsidra li tħejji proposta leġiżlattiva.

Il-proposta hija parti mill-istrateġija tal-UE għall-2021–2025 biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata 29 .

It-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja fid-dritt tal-UE huwa għodda essenzjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u effettiva tiegħu. Sabiex tħejji lill-professjonisti tal-ġustizzja, tippreparahom għall-isfidi tas-seklu 21, u żżommhom aġġornati dwar l-iżviluppi fid-dritt tal-UE, il-Kummissjoni adottat strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021–2024 30 . L-objettiv tal-istrateġija huwa li jiġi żgurat li l-professjonisti tal-ġustizzja jirċievu taħriġ dwar l-iżviluppi fid-dritt tal-UE. F’konformità ma’ dik l-istrateġija, it-taħriġ tal-professjonisti kollha tal-ġustizzja ikun jeħtieġ li jiġi organizzat ftit wara l-adozzjoni ta’ din il-proposta, biex jiġu żgurati l-applikazzjoni korretta u bla xkiel u l-użu ta’ għodod diġitali ġodda.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 82(1)(b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kompetenza tal-UE li tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew dawk ekwivalenti tal-Istati Membri dwar proċedimenti f’materji kriminali u jipprevjenu u jsolvu kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, id-Danimarka ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

F’konformità mal-Artikoli 1 sa 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda tista’ tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura proposta bħal din, fejn tkun intitolata tagħmel dan. L-avviż irid jingħata fi żmien 3 xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skont it-Titolu V, il-Parti 3 tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 4(1)(j) tat-TFUE, il-kompetenza li jiġu adottati miżuri fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja hija kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jaġixxu waħedhom biex jirregolaw it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

Madankollu, qafas legali dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti u bl-aħjar mod mill-Istati Membri billi jaġixxu waħedhom peress li hija kwistjoni transfruntiera. Dan jidher ċar mill-qafas legali attwali frammentat, li joħloq sfidi legali u prattiċi. Il-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri lanqas ma jindirizzaw il-problemi peress li tali ftehimiet bilaterali jkunu eventwalment meħtieġa bejn l-Istati Membri kollha.

It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u għal dawk immirati jikkonfermaw li l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam x’aktarx twassal għal eżiti aħjar mill-azzjoni tal-Istati Membri.

Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew irrikonoxxew li dawn l-isfidi jeħtieġu azzjoni lil hinn mil-livell nazzjonali. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2020 31 stiednu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proposta ġdida, u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Diċembru 2021 32 talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva.

Minħabba l-aspett transfruntier tal-problemi deskritti hawn fuq, huwa meħtieġ li l-proposta tiġi adottata fil-livell tal-UE sabiex jinkisbu l-objettivi.

Proporzjonalità

Il-proposta tistabbilixxi regoli li taħthom awtorità kompetenti fl-UE tista’ titlob li tieħu f’idejha l-proċedimenti kriminali, jekk dan itejjeb l-amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja, u dment li jiġu rispettati l-kriterji stabbiliti. Fit-test propost kollu, l-għażliet magħżula huma dawk li huma l-inqas intrużivi għas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies b’mod partikolari li taħt xi wħud mis-sistemi legali l-prosekuzzjoni hija obbligatorja (il-prinċipju tal-legalità) u taħt oħrajn, il-prosekutur għandu d-diskrezzjoni li ma jiħux passi kriminali fejn ma jkunx fl-interess pubbliku (il-prinċipju tal-opportunità).

Il-proposta hija limitata għal talbiet maħruġa fi proċedimenti kriminali. It-talbiet jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat u għalhekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jikkomplementa s-sistema ta’ konsenja ta’ individwi taħt MAE u jista’ jipprovdi alternattiva utli għall-ħruġ ta’ MAE jekk dan ikun sproporzjonat jew impossibbli, pereżempju, minħabba li l-limiti tal-penali ma jiġux issodisfati. Il-proposta tagħti wkoll lill-awtorità rikjesta biżżejjed diskrezzjoni biex tirrifjuta talba, b’mod partikolari jekk tqis li t-trasferiment ma jkunx fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja. Barra minn hekk, hija ma timponi l-ebda obbligu fuq l-awtorità rikjesta biex tieħu passi kriminali kontra reat.

Hija tistabbilixxi regola li l-evidenza ttrasferita mill-Istat rikjedenti ma għandhiex tiġi miċħuda l-ammissjoni fi proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest sempliċiment minħabba li tali xhieda tkun ġiet ikkumpilata fi Stat Membru ieħor, iżda s-setgħa tal-qorti tal-proċess li tivvaluta liberament l-evidenza ma hijiex affettwata minn dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-proposta ssegwi r-regoli diġà stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 33 .

Dan ir-Regolament jipprevedi ġuriżdizzjoni f’każijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li biex il-proċedimenti kriminali jiġu ttrasferiti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istat rikjest jista’ jeżerċita ġuriżdizzjoni għar-reati li għalihom huwa applikabbli d-dritt tal-Istat rikjedenti. Din il-ġuriżdizzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss fuq it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali meta l-interessi tal-effiċjenza u tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja jkunu jeħtieġu dan.

Għaldaqstant, il-proposta ma tmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan dikjarat fil-livell tal-UE u dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop.

Għażla tal-istrument

Peress li l-proposta tikkonċerna proċeduri transfruntiera, fejn huma meħtieġa regoli uniformi, il-Kummissjoni tipproponi Regolament bħala l-istrument legali. Regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha u jorbot fl-intier tiegħu. Għalhekk, jiggarantixxi li l-Istati Membri kollha japplikaw ir-regoli bl-istess mod u li r-regoli jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin. Regolament jiżgura ċ-ċertezza legali billi jevita interpretazzjonijiet differenti bejn l-Istati Membri, u b’hekk jipprevjeni l-frammentazzjoni legali u kwistjonijiet oħra li bħalissa qed jaffettwaw it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-tħejjija tal-proposta, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet estensivi fl-2021 u fl-2022. Il-konsultazzjonijiet kellhom fil-mira firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-akkademiċi u lil gruppi ta’ interess rilevanti oħra. Il-konsultazzjonijiet kienu jikkonsistu minn (i) feedback pubbliku għas-sejħa għal evidenza; (ii) konsultazzjoni pubblika miftuħa; (iii) konsultazzjonijiet immirati mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Eurojust, man-Network Ġudizzjarju Ewropew, mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, mal-Europol, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; (iv) laqgħa mal-esperti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u (v) laqgħa mal-Grupp ta’ Esperti tal-Liġi Kriminali tal-Kummissjoni.

B’mod ġenerali, hemm kunsens wiesa’ li l-UE għandha tindirizza l-problemi attwali tat-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali billi tadotta strument leġiżlattiv ġdid. Ġie indikat ripetutament li hija meħtieġa proċedura transfruntiera aktar effiċjenti u li l-awtoritajiet jiffaċċjaw għadd ta’ kwistjonijiet fl-istruttura legali attwali li jirriżultaw minn nuqqas ta’ proċeduri komuni ċari, bħan-nuqqas ta’ komunikazzjoni, dewmien bla bżonn fil-proċeduri ta’ trasferiment, spejjeż għoljin tat-traduzzjoni tad-dokumenti u talbiet għal trasferiment mhux ġustifikati.

Il-feedback li wasal informa t-tħejjija tal-proposta u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha. Sommarju dettaljat tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni huwa inkluż fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Minbarra l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ġabret u użat ukoll għarfien espert minn sorsi oħra.

B’mod partikolari, il-proposta tibbaża fuq ir-rapporti mill-Eurojust u min-Network Ġudizzjarju Ewropew 34 .

Il-proposta tqis ukoll ir-riżultati ta’ proġett ta’ riċerka dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fl-UE 35  li kien kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea mill-Programm dwar il-Ġustizzja.

   Dokument ta’ ħidma tal-persunal

Il-proposta hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni 36 , li fih deskrizzjoni dettaljata tal-problema u jistabbilixxi l-objettivi tal-proposta. Dan janalizza wkoll is-soluzzjoni proposta f’termini tal-effettività, l-effiċjenza, id-drittijiet fundamentali u l-koerenza tagħha ma’ strumenti oħra tal-UE ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera.

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ għażliet realistiċi u l-impatti limitati fuq iċ-ċittadini u n-negozji 37 . B’mod ġenerali, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jikkonkludi li l-proposta hija mistennija li żżid l-effettività tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali b’mod sinifikanti u f’diversi modi, peress li: (i) issaħħaħ is-sigurtà permezz tal-kapaċità ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u penalizzazzjoni tal-kriminalità; (ii) tnaqqas id-dewmien fil-proċedura ta’ trasferiment; (iii) tippermetti t-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali fejn bħalissa huma neqsin; u (iv) iġġib ċertezza legali akbar.

Billi tistabbilixxi proċedura kompluta għat-talba tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar dan permezz ta’ lista komuni ta’ kriterji, lista eżawrjenti ta’ raġunijiet għar-rifjut u obbligi ċari biex tingħata tweġiba, il-proposta hija mistennija li żżid in-numru tal-proċedimenti kriminali trasferiti b’suċċess. Qafas legali komprensiv jipprovdi ċertezza legali akbar għall-partijiet ikkonċernati kollha u jnaqqas il-livell ta’ frammentazzjoni.

L-impatt għaċ-ċittadini huwa mistenni li jkun pożittiv. F’sitwazzjoni fejn l-individwi jkunu partijiet fi proċedimenti kriminali, kemm jekk ikunu persuni suspettati kif ukoll bħala vittmi, qafas legali komuni jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-prossimità tal-proċedimenti, billi jsiru fl-Istat Membru tan-nazzjonalità/tar-residenza tagħhom, jekk ikun possibbli. Filwaqt li dan mhux se japplika fil-każijiet kollha, peress li jiddependi miċ-ċirkostanzi ta’ kull każ (eż. diversi persuni suspettati jew vittmi minn Stati Membri differenti), huwa mistenni impatt pożittiv ġenerali għalihom.

L-istabbiliment tas-sistema deċentralizzata tal-IT huwa mistenni li jagħmel il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet aktar effiċjenti u effettiva. Il-komunikazzjoni permezz ta’ din l-għodda elettronika hija maħsuba biex tiffranka l-ħin u l-kost għall-awtoritajiet. Is-sistema deċentralizzata tal-IT tippermetti t-tħaffif tal-fluss ta’ informazzjoni fost l-utenti tagħha, iżżid is-sigurtà tad-data skambjata, kif ukoll ittejjeb it-trasparenza. L-użu tal-kanal diġitali jista’ wkoll ikun mistenni li jkollu impatt ambjentali pożittiv, minħabba l-użu ta’ inqas karti u posta. Barra minn hekk, huma antiċipati impatti pożittivi fuq is-simplifikazzjoni u l-piżijiet amministrattivi.

Drittijiet fundamentali

Mhux biss huwa diffiċli li jkun hemm koordinazzjoni u prosekuzzjoni effettivi tal-proċedimenti paralleli għaddejjin fi Stati Membri differenti dwar l-istess delitt, iżda dan joħloq piżijiet sproporzjonati fuq il-persuni involuti, li jkollhom jiffaċċjaw proċeduri doppji u restrizzjonijiet multipli fuq id-drittijiet u l-interessi tagħhom minħabba mandati ta’ arrest, tfittxijiet u interrogazzjonijiet differenti li jitwettqu f’żewġ Stati Membri jew aktar. Hemm ukoll ir-riskju li dawn jiksru l-prinċipju fundamentali tad-dritt kriminali, jiġifieri li persuna ma jistgħux jittieħdu passi kriminali kontriha u tiġi kkastigata darbtejn għall-istess reat. Billi tiffaċilita t-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri, il-proposta għandha l-għan li tipprevjeni tali ksur u li tiżgura li l-proċedimenti jkunu kkonċentrati fl-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu passi kriminali. In-numru dejjem akbar ta’ rinviji preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin, li jitolbu kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem skont id-dritt tal-UE juri li proċedimenti paralleli, li jistgħu jwasslu għal ksur tal-prinċipju, x’aktarx qegħdin iseħħu fil-prattika, u ta’ spiss ikunu diffiċli li jiġu osservati u solvuti. Dan huwa rifless ukoll fix-xogħol fuq il-każijiet tal-Eurojust 38 , fejn jiġi osservat li ħafna drabi, meta l-awtoritajiet nazzjonali jsiru konxji mill-eżistenza tal-proċedimenti paralleli bl-istess fatti u kontra l-istess individwu fi Stat Membru ieħor, it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huwa s-soluzzjoni essenzjali biex jiġi evitat il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

Il-proposta tinkludi għadd ta’ garanziji biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi involuti fil-proċedura ta’ trasferiment. L-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja meta jintalab it-trasferiment kemm fl-Istat rikjedenti kif ukoll fl-Istat rikjest jiżgura li l-legalità tal-miżura tkun ġiet ivverifikata u li t-talba ma taffettwax bla bżonn id-drittijiet fundamentali. L-awtorità rikjedenti hija meħtieġa tiżgura fil-każ individwali li l-kriterji għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkunu ssodisfati. Barra minn hekk, il-persuna suspettata jew akkużata, kif ukoll il-vittmi li jirrisjedu fl-Istat rikjedenti, iridu jiġu kkonsultati dwar it-trasferiment maħsub u jridu jingħataw l-opportunità li jiddikjaraw l-opinjoni tagħhom b’lingwa li jifhmu. Il-persuni suspettati u akkużati, kif ukoll il-vittmi li jirrisjedu fl-Istat rikjedenti, jiġu informati bid-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi aċċettat jew irrifjutat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll dwar ir-rimedji disponibbli biex jikkontestaw id-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw kemm għall-obbligu ta’ konsultazzjoni kif ukoll għall-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-deċiżjoni meħuda meta dan jista’ jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni. Il-proposta tipprevedi b’mod speċifiku d-dritt għal rimedju effettiv għall-persuni suspettati, għall-persuni akkużati u għall-vittmi kontra d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Ir-rieżami minn awtorità ġudizzjarja hawnhekk iservi bħala salvagwardja ulterjuri. Hemm ukoll raġunijiet għal rifjut abbażi tan-nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ukoll abbażi ta’ immunitajiet u privileġġi. Barra minn hekk, bħala salvagwardja ġenerali, il-proposta tiddikjara b’mod espliċitu li d-dispożizzjonijiet tagħha ma għandhomx jiġu interpretati bħala li għandhom l-effett li jimmodifikaw l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-TUE.

Fl-aħħar nett, peress li l-proposta tirregola t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, is-salvagwardji proċedurali kollha tad-dritt kriminali japplikaw għal dawk il-proċedimenti kriminali. Dan jinkludi b’mod partikolari d-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Jinkludi wkoll il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-livell tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali għall-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali, jiġifieri d-Direttivi 2010/64/UE, 2012/13/UE, 2013/48/UE, 2016/343, 2016/800 u 2016/1919. Billi jistabbilixxu standards minimi ta’ protezzjoni fi proċedimenti kriminali madwar l-UE, dawn id-Direttivi jwasslu għal aktar fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li, min-naħa tagħhom, jiżguraw kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Istati Membri jistgħu jġarrbu kostijiet ta’ darba sabiex jadattaw għar-regoli l-ġodda tar-Regolament, b’mod partikolari l-kostijiet li jirriżultaw mill-ħtieġa li l-imħallfin, il-prosekuturi u awtoritajiet kompetenti oħra jiġu mħarrġa dwar ir-regoli l-ġodda. Il-kostijiet rikorrenti ewlenin huma mistennija li jkunu l-kostijiet tat-traduzzjoni tad-dokumenti fil-proċess tal-kawża. Madankollu, dawn il-kostijiet huma mistennija li jkunu xi ftit jew wisq ikkumpensati mill-kisbiet fl-effiċjenza u mill-iffrankar fil-kostijiet li jirriżultaw mir-Regolament.

Id-dispożizzjonijiet tal-proposta dwar il-komunikazzjoni elettronika permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT f’konformità mar-Regolament (UE) ../…. [ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni] 39 se jaffettwaw ukoll il-baġit tal-UE. Dawn il-kostijiet, li jridu jiġu koperti mill-baġit tal-Programm dwar il-Ġustizzja, ikunu minimi minħabba li s-sistema deċentralizzata tal-IT ma jkollhiex bżonn tiġi żviluppata mill-bidu nett, iżda tiġi żviluppata għal ħafna għodod tal-UE għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali skont [ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni], b’aġġustamenti żgħar biss meħtieġa għall-proċedura mressqa minn din il-proposta.

L-Istati Membri għandhom iġarrbu wkoll xi kostijiet sabiex jinstallaw il-punti ta’ aċċess tas-sistema deċentralizzata tal-IT li jinsabu fit-territorju tagħhom u tal-manutenzjoni tagħhom u sabiex jaġġustaw is-sistemi tal-IT nazzjonali tagħhom sabiex jagħmluhom interoperabbli mal-punti ta’ aċċess. Madankollu, kif ġie osservat, il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti finanzjarji jkunu diġà saru fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni ta’ strumenti oħra tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw għal għotjiet sabiex jiffinanzjaw dawn il-kostijiet skont il-programmi finanzjarji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Programm dwar il-Ġustizzja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, mingħajr il-ħtieġa li l-ewwel jiġi traspost fid-dritt nazzjonali. Fil-proposta huma previsti obbligi xierqa ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar.

Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat tal-esperti tal-Istati Membri biex jiġu diskussi problemi li jirriżultaw mit-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. L-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew se jkollhom rwol importanti fil-proċedura ta’ trasferiment. Dawn il-fora, kif ukoll networks professjonali oħra jistgħu jintużaw biex jinġabar feedback mill-prattikanti (awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri) dwar l-esperjenzi u l-problemi bl-applikazzjoni prattika tar-Regolament.

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 5 snin wara li r-Regolament jibda japplika. Ir-rapport se jkun ibbażat fuq il-kontribut mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, fost sorsi oħra.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tikkonsisti f’ħames Kapitoli: (i) id-dispożizzjonijiet ġenerali; (ii) it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; (iii) l-effetti tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; (iv) il-mezzi ta’ komunikazzjoni; u (v) id-dispożizzjonijiet finali.

KAPITOLU I: Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tal-proposta. Il-proposta tistabbilixxi regoli li taħthom Stat Membru jista’ jieħu f’idejh proċediment kriminali fuq talba ta’ Stat Membru ieħor. Il-proposta tapplika fil-każijiet kollha ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali fl-UE mill-mument li persuna tkun ġiet identifikata bħala persuna suspettata.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi, għall-finijiet tal-proposta, it-termini “Stat rikjedenti”, “Stat rikjest”, “awtorità rikjedenti”, “awtorità rikjesta”, “sistema tal-IT deċentralizzata” u “vittma”.

Id-definizzjoni ta’ awtorità “rikjedenti” u “rikjesta” trid tinqara flimkien mal-Artikolu 30 fejn l-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti rikjedenti u rikjesti lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 3 jipprevedi l-ġuriżdizzjoni f’każijiet speċifiċi. L-awtorità rikjesta tista’ taċċetta t-trasferiment ta’ proċediment kriminali biss jekk ikollha l-ġuriżdizzjoni li tieħu passi kriminali kontra r-reat. Għalhekk, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċedura għat-trasferimenti, din id-dispożizzjoni tipprevedi li f’sitwazzjonijiet elenkati f’dak l-Artikolu l-ġuriżdizzjoni tingħata lill-Istat rikjest f’każijiet fejn ma jkollux ġuriżdizzjoni mod ieħor. L-Istat rikjest għandu jkollu l-ġuriżdizzjoni li jieħu passi kriminali kontra r-reati li għalihom ikun qed jintalab it-trasferiment, kull meta dak l-Istat Membru jitqies li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu passi kriminali. Tali ġuriżdizzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss fuq talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali minn Stat Membru ieħor li għandu l-ġuriżdizzjoni oriġinali biex jieħu passi kriminali kontra r-reat.

L-Artikolu 4 għandu l-għan li jipprovdi bażi ġuridika għall-awtoritajiet fl-Istat rikjedenti li jkollhom il-ġuriżdizzjoni oriġinali biex jiftħu proċedimenti kriminali biex jirrinunzjaw jew iwaqqfu l-proċedimenti kriminali favur Stat Membru identifikat bħala li jkun f’pożizzjoni aħjar biex jieħu passi kriminali. Id-dispożizzjoni hija mfassla għall-Istati Membri li għandhom sistemi legali bbażati fuq prosekuzzjoni obbligatorja biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU 2: TRASFERIMENT TA’ PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Dan il-Kapitolu jipprevedi l-kriterji u l-proċedura għat-talba tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u għall-proċedura għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Tali regoli komuni għandhom l-għan li jipprevjenu li jsiru proċedimenti kriminali paralleli mhux meħtieġa dwar l-istess fatti u l-istess persuna f’żewġ Stati Membri jew aktar, kif ukoll li jnaqqsu n-numru tal-proċedimenti multipli u tiġi evitata l-impunità meta l-konsenja ta’ persuna li għaliha jkun inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew tiġi miċħuda.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kriterji għat-talba ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

Dan ir-Regolament ikopri r-reati kriminali kollha. Il-proċedimenti kriminali jinftiehmu li jkopru l-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, inkluż l-istadju ta’ qabel il-proċess u tal-proċess. Dan ir-Regolament ma japplikax għal talbiet għal trasferiment ta’ proċediment amministrattivi.

Dan ir-Regolament ma jimponi l-ebda obbligu li jintalab trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk l-awtorità rikjedenti tqis li t-trasferiment ta’ proċediment kriminali jkun meħtieġ u xieraq u li, b’mod partikolari, ikun applikabbli wieħed jew aktar mill-kriterji elenkati fl-Artikolu 5(2), hija tista’ titlob lill-Istat Membru l-ieħor li jkun f’pożizzjoni aħjar biex jieħu passi kriminali kontra r-reat biex jieħu f’idejh dawk il-proċedimenti kriminali. Il-lista ta’ kriterji ma hijiex eżawrjenti. Għandu jiġi vvalutat bir-reqqa jekk talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali hijiex ġustifikata jew le, fuq bażi ta’ każ b’każ, sabiex jiġi identifikat l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu passi kriminali kontra r-reat inkwistjoni u kwalunkwe talba għandha tkun motivata b’mod ċar.

Dan ir-Regolament jagħti wkoll lill-persuna suspettata jew akkużata, jew lill-vittma, il-possibbiltà li titlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jew tal-Istat rikjest biex jibdew proċedura għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Madankollu, talbiet bħal dawn ma joħolqux obbligu għall-Istat rikjedenti jew l-Istat rikjest li jitlob jew jittrasferixxi proċedimenti kriminali lill-Istat rikjest. 

L-Artikolu 6 jistabbilixxi regoli dwar il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-persuna suspettata jew akkużata meta tittieħed deċiżjoni li jiġu ttrasferiti l-proċedimenti kriminali. B’mod partikolari, l-awtorità rikjedenti hija obbligata li tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata bl-intenzjoni li jiġu ttrasferiti l-proċedimenti kriminali u li tagħtihom l-opportunità li jiddikjaraw l-opinjoni tagħhom, sakemm dan ma jkunx jimmina l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni u sakemm il-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx tista’ tinstab minkejja sforzi raġonevoli li jsiru mill-awtorità rikjedenti. Din l-opinjoni għandha titqies kif xieraq mill-awtorità rikjedenti meta tiddeċiedi dwar it-trasferiment.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi regoli dwar il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-vittma meta tittieħed deċiżjoni li jiġu ttrasferiti l-proċedimenti kriminali. B’mod partikolari, meta l-vittma tkun tirrisjedi fl-Istat rikjedenti, l-awtorità rikjedenti hija obbligata tinforma lill-vittma dwar it-trasferiment intenzjonat tal-proċedimenti kriminali u tagħtiha l-opportunità li tiddikjara l-opinjoni tagħha, dment li dan ma jimminax il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni. Din l-opinjoni għandha titqies kif xieraq mill-awtorità rikjedenti meta tiddeċiedi dwar it-trasferiment.

L-Artikolu 8 jistipula li għandu jiġi garantit rimedju legali fl-Istat rikjest kontra d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-proċedura għat-talba ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali. It-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali trid issir billi jimtela ċertifikat standard stabbilit fl-Anness tal-proposta. Dan l-artikolu jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti ta’ traduzzjoni għat-talba u kwalunkwe informazzjoni oħra bil-miktub li takkumpanja t-talba. Il-proposta tipprevedi t-trażmissjoni diretta ta’ talba bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti, iżda tippermetti wkoll il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet ċentrali.

L-Artikolu 10 jirrikjedi li l-awtorità rikjedenti tinforma lill-awtorità rikjesta mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe att jew miżura proċedurali b’effett fuq il-proċedimenti kriminali li jkunu twettqu fl-Istat rikjedenti wara t-trażmissjoni tat-talba.

L-Artikolu 11 jipprovdi l-possibbiltà li l-awtorità rikjedenti tirtira t-talba tagħha għat-trasferiment ta’ proċediment kriminali fi kwalunkwe ħin qabel ma tirċievi d-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta li taċċetta t-trasferiment.

L-Artikolu 12 jistipula li l-awtorità rikjesta trid tieħu deċiżjoni dwar jekk taċċettax it-trasferiment ta’ proċediment kriminali u trid tieħu l-miżuri meħtieġa f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha meta tiddeċiedi li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. L-awtorità rikjesta tibqa’ fil-libertà li tiddeċiedi liema passi għandha tieħu fir-rigward tar-reat sottostanti għat-talba. Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jiġi interpretat bħala li jinterferixxi ma’ kwalunkwe diskrezzjoni ta’ prosekuzzjoni prevista fid-dritt nazzjonali u ma hemm l-ebda obbligu li jittieħdu passi kriminali f’każ li jkun ġie ttrasferit. Dan ir-Regolament jobbliga wkoll lill-awtorità rikjedenti tgħaddi d-dokumenti meħtieġa mill-proċess tal-kawża lill-awtorità rikjesta ladarba din tal-aħħar tkun aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, iżda jħalli f’idejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti biex jikkonsultaw u jaqblu bejniethom liema dokumenti għandhom jintbagħtu u jiġu tradotti.

L-Artikolu 13 jipprovdi lista eżawrjenti ta’ raġunijiet kemm obbligatorji kif ukoll mhux obbligatorji għar-rifjut tat-trasferiment ta’ proċediment kriminali. Ir-raġunijiet obbligatorji għar-rifjut jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn il-prosekuzzjoni tal-fatti sottostanti għall-proċedimenti kriminali li huma soġġetti għat-trasferiment ma tkunx possibbli fl-Istat rikjest, bħal meta l-imġiba li għaliha jintalab it-trasferiment ma titqiesx bħala reat fl-Istat rikjest. Ir-raġunijiet mhux obbligatorji għar-rifjut ikopru sitwazzjonijiet oħra li jistgħu joħolqu ostaklu biex tittieħed ir-responsabbiltà ta’ proċediment kriminali. B’mod partikolari, dawn jippermettu lill-awtorità rikjesta l-flessibbiltà li tirrifjuta t-trasferiment ta’ proċediment kriminali li hija ma tqisx li jkun fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja.

Sabiex jiġu żgurati proċeduri transfruntiera effiċjenti, l-Artikolu 14 jistabbilixxi terminu għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat it-trasferiment. Dan jipprevedi wkoll l-interruzzjoni tat-terminu meta jkun hemm il-ħtieġa li tintalab rinunzja ta’ privileġġ jew immunità.

L-Artikolu 15 jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti biex jikkonsultaw lil xulxin mingħajr dewmien biex jiżguraw l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 16 jistabbilixxi li l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti jistgħu jitolbu l-assistenza tal-Eurojust jew tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.

L-Artikolu 17 jistipula li kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tiegħu tat-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali, madankollu, l-awtorità rikjedenti tista’ f’ċerti każijiet tippreżenta proposta dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet lill-awtorità rikjesta.

L-Artikolu 18 jagħti l-possibbiltà li jinħatru awtoritajiet ċentrali għall-finijiet ta’ assistenza amministrattiva. Jekk Stat Membru jkun jixtieq juża din il-possibbiltà, huwa meħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-awtorità ċentrali maħtura f’konformità mal-Artikolu 30.

KAPITOLU 3: EFFETTI TAT-TRASFERIMENT TA’ PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-effetti tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

L-Artikolu 19 jistipula li fl-Istat rikjedenti, il-proċedimenti kriminali ttrasferiti jridu jiġu sospiżi jew jitwaqqfu malli tasal l-informazzjoni li tikkonferma li l-awtorità rikjesta qed tieħu f’idejha dak il-proċediment kriminali. L-awtorità rikjedenti tista’ tkompli jew terġa’ tiftaħ il-proċediment kriminali biss jekk l-awtorità rikjesta tieħu deċiżjoni li ma tkomplihx, dment li tali deċiżjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-possibbiltà li l-vittma tibda l-proċediment kriminali jew titlob il-ftuħ mill-ġdid tagħhom fl-Istat rikjedenti f’konformità mad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat ma hijiex affettwata dment li ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

L-Artikolu 20 jistipula li d-dritt u l-proċeduri nazzjonali tal-Istat rikjest japplikaw għall-proċediment kriminali ladarba jiġi ttrasferit. L-atti, miżuri investigattivi jew xhieda kkumpilata fl-Istat rikjedenti għall-finijiet tal-proċediment kriminali inkwistjoni għandu jkollhom l-istess validità fl-Istat rikjest daqslikieku jkunu twettqu b’mod validu mill-awtoritajiet tiegħu, sakemm dan ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat rikjest. Meta jkun ġie ttrasferit proċediment kriminali, l-Istat rikjest għandu japplika d-dritt nazzjonali tiegħu biex jiddetermina s-sentenza għar-reat inkwistjoni. Jekk ir-reat jkun twettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti, , l-awtoritajiet rikjesti jistgħu jqisu l-piena massima prevista fid-dritt tal-Istat rikjedenti, meta tiġi ddeterminata s-sentenza, sakemm dan ikun għall-benefiċċju tal-persuna akkużata u f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest. L-għan tad-dispożizzjoni huwa li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jwassal biex l-Istat rikjest japplika sentenza aktar ħarxa mill-piena massima prevista għall-istess reat fl-Istat rikjedenti. Dan sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli għall-persuni suspettati jew akkużati kkonċernati.

L-Artikolu 21 jobbliga lill-awtorità rikjesta tinforma lill-awtorità rikjedenti bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedimenti kriminali.

KAPITOLU 4: MEZZI TA’ KOMUNIKAZZJONI

Dan il-Kapitolu fih dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti, kif ukoll mal-awtoritajiet ċentrali u mal-Eurojust, permezz ta’ sistema deċentralizzata tal-IT.

KAPITOLU 5: DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Dan il-Kapitolu fih dispożizzjonijiet dwar l-istatistika, ir-rapportar u l-adozzjoni ta’ atti delegati jekk ikun hemm bżonn li jiġi emendat iċ-ċertifikat anness ma’ din il-proposta, notifiki mill-Istati Membri, ir-relazzjoni tal-proposta ma’ ftehimiet u arranġamenti internazzjonali kif ukoll dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet qabel ma jsir applikabbli l-obbligu li tintuża s-sistema deċentralizzata tal-IT.

2023/0093 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(b) u (d) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 40 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2)Il-Programm ta’ The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea 41 jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltajiet li jikkonċentraw il-prosekuzzjoni f’każijiet multilaterali transfruntiera fi Stat Membru wieħed, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza tal-prosekuzzjonijiet filwaqt li tiġi ggarantita l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja.

(3)Il-Programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali 42 jitlob strument li jippermetti li l-proċedimenti kriminali jiġu ttrasferiti lil Stati Membri oħra.

(4)Huwa meħtieġ żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri biex tiżdied l-amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja kriminali fiż-żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u biex jiġi żgurat li l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni jinvestiga jew jieħu passi kriminali kontra reat. B’mod partikolari, regoli komuni għall-Istati Membri rigward it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistgħu jgħinu biex jiġu evitati proċedimenti kriminali paralleli bla bżonn fi Stati Membri differenti dwar l-istess fatti u rigward l-istess persuna, li jistgħu jirriżultaw fi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Dawn jistgħu jevitaw ukoll li jsiru proċedimenti kriminali multipli fir-rigward tal-istess fatti jew fir-rigward tal-istess persuna fi Stati Membri differenti. Għandhom ukoll l-għan li jiżguraw li trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkun jista’ jseħħ meta l-konsenja ta’ persuna għal prosekuzzjoni kriminali taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew 43 tiġi ttardjata jew irrifjutata għal raġunijiet bħal li jkunu għaddejjin proċedimenti paralleli għall-istess reat fl-Istat Membru l-ieħor, sabiex il-persuna li kontriha jkunu qed jittieħdu passi kriminali tkun tista’ tevita l-impunità.

(5)Regoli komuni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huma essenzjali wkoll sabiex tiġi miġġielda b’mod effiċjenti l-kriminalità transfruntiera. Dan huwa importanti b’mod speċjali għal delitti mwettqa minn gruppi kriminali organizzati, bħat-traffikar tad-droga, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin, it-traffikar illeċtu tal-armi, ir-reati ambjentali, iċ-ċiberkriminalità jew il-ħasil tal-flus. Il-prosekuzzjoni ta’ gruppi kriminali organizzati li huma attivi f’diversi Stati Membri tista’ toħloq diffikultajiet kbar għall-awtoritajiet involuti. It-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huwa għodda importanti li ssaħħaħ il-ġlieda kontra gruppi kriminali organizzati li huma attivi fl-Istati Membri madwar l-UE.

(6)Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti fir-rigward tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li tali regoli jiġu stabbiliti b’att legalment vinkolanti u direttament applikabbli tal-Unjoni.

(7)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għat-talbiet kollha maħruġa fil-qafas tal-proċedimenti kriminali. Il-proċedimenti kriminali huma kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jibda minn meta l-persuni jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat sal-konklużjoni ta’ dawk il-proċedimenti, li għandu jinftiehem bħala d-determinazzjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u s-soluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

(8)Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI 44 għandha l-għan li tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti, li jista’ jwassal għal sentenza definittiva ta’ dawk il-proċedimenti f’żewġ Stati Membri jew aktar. Għaldaqstant hija tistabbilixxi proċedura għal konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bl-għan li jintlaħaq kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva mmirata biex tevita l-konsegwenzi negattivi li jinħolqu minn proċedimenti paralleli bħal dawn u l-ħela ta’ ħin u ta’ riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu, wara konsultazzjonijiet f’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni Qafas, li jikkonċentraw il-proċedimenti fi Stat Membru wieħed permezz tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jintuża għal tali trasferiment.

(9)Strumenti legali oħra fil-qasam tal-materji kriminali, b’mod partikolari dawk relatati ma’ tipi speċifiċi ta’ kriminalità, bħad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 , id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI 46 u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI 47 , jinkludu dispożizzjonijiet li jirreferu għall-fatturi li għandhom jitqiesu bil-għan li jiġu ċentralizzati l-proċedimenti fi Stat Membru wieħed meta aktar minn Stat Membru wieħed ikun jista’ jieħu passi kriminali b’mod validu abbażi tal-istess fatti. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu, wara l-kooperazzjoni skont dawn l-atti legali, li jiċċentralizzaw il-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed permezz tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jintuża għal tali trasferiment.

(10)Ġew adottati diversi atti legali tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal sentenzi f’materji kriminali għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari d-Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI 48 , 2008/909/ĠAI 49 u 2008/947/ĠAI 50 . Dan ir-Regolament jenħtieġ li jissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Qafas u jenħtieġ li jiġi interpretat bħala li ma jaffettwax l-applikazzjoni tagħhom.

(11)Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-iskambji spontanji ta’ informazzjoni regolati minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni.

(12)Dan ir-Regolament ma japplikax għal deċiżjonijiet dwar ir-riallokazzjoni, il-fużjoni jew il-qsim ta’ każijiet li fuqhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun eżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 51 .

(13)Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru l-awtoritajiet kompetenti b’mod li jippromwovi l-prinċipju ta’ kuntatt dirett bejn dawk l-awtoritajiet.

(14)L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità ċentrali waħda jew aktar meta jkun meħtieġ minħabba l-istruttura tas-sistemi legali interni tagħhom għat-trażmissjoni u r-riċeviment amministrattivi ta’ talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra relatata ma’ tali talbiet. Tali awtoritajiet ċentrali jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ amministrattiv, ikollhom rwoli ta’ koordinazzjoni u ta’ assistenza, u b’hekk jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċettazzjoni ta’ talbiet għal trasferimenti tal-proċedimenti kriminali.

(15)Xi atti legali tal-Unjoni diġà jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq reati speċifiċi, bħal dawk relatati ma’ attivitajiet terroristiċi 52 jew mal-falsifikazzjoni tal-euro 53 f’każijiet fejn il-konsenja ta’ persuna tiġi rrifjutata.

(16)Dan ir-Regolament jipprovdi ġuriżdizzjoni f’każijiet speċifiċi, sabiex jiġi żgurat li, biex il-proċedimenti kriminali jiġu ttrasferiti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, kull meta l-interessi tal-effiċjenza u tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja jkunu jeħtieġu dan, l-Istat rikjest jista’ jeżerċita l-ġuriżdizzjoni għar-reati li għalihom japplika d-dritt tal-Istat rikjedenti. L-Istat rikjest jenħtieġ li jkollu l-ġuriżdizzjoni li jieħu passi kriminali kontra r-reati li għalihom ikun qed jintalab it-trasferiment, kull meta dak l-Istat Membru jitqies li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu passi kriminali.

(17)Tali ġuriżdizzjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat rikjest jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u li tkun preżenti fl-Istat rikjest u li tkun ċittadin ta’ dak l-Istat jew residenti fih, meta tali rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet speċifiċi msemmija f’dan ir-Regolament. Stat rikjest jenħtieġ li jkollu wkoll ġuriżdizzjoni meta r-reat jipproduċi l-effetti tiegħu jew jikkawża danni prinċipalment fl-Istat rikjest. Id-dannu jenħtieġ li jitqies kull meta jkun wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu r-reat, f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest. L-Istat rikjest jenħtieġ li jkollu wkoll ġuriżdizzjoni meta l-proċedimenti kriminali jkunu diġà għaddejjin f’dak l-Istat kontra l-istess persuna suspettata jew akkużata fir-rigward ta’ fatti oħra sabiex il-kriminalità kollha ta’ tali persuna tkun tista’ tiġi ġġudikata fi proċediment kriminali wieħed, jew meta jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali f’dak l-Istat kontra persuni oħra fir-rigward tal-istess fatti jew fatti relatati, li jistgħu b’mod partikolari jkunu rilevanti għall-konċentrazzjoni tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali fi Stat Membru wieħed. Fiż-żewġ każijiet, il-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali li jkunu qed jiġu ttrasferiti jenħtieġ li tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih.

(18)Sabiex jiġi ssodisfat l-għan ta’ dan ir-Regolament u sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni, b’kunsiderazzjoni speċifika għal dawk l-Istati Membri li għandhom is-sistemi legali tagħhom, jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati, ibbażata fuq il-prosekuzzjoni obbligatorja, jenħtieġ li l-Istat rikjedenti, meta jitlob trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jirrinunzja l-ġuriżdizzjoni tiegħu fil-prosekuzzjoni tal-persuna kkonċernata għar-reat li għalih ikun qed jintalab it-trasferiment. Fuq din il-bażi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jkunu jistgħu jwaqqfu l-proċedimenti kriminali mressqa quddiemhom favur l-Istat Membru identifikat li jkun f’pożizzjoni aħjar biex jieħu passi kriminali, anke meta, f’konformità mad-dritt nazzjonali, huma jkunu fid-dmir li jieħdu passi kriminali. Tali rinunzja ta’ ġuriżdizzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-effetti tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(19)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

(20)Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-drittijiet proċedurali kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, bħall-Karta, id-Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali 2010/64/UE 54 , 2012/13/UE 55 , 2013/48/UE 56 , (UE) 2016/343 57 , (UE) 2016/800 58 u (UE) 2016/1919 59 .

(21)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, meta japplikaw dan ir-Regolament, jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (2013/C 378/02) 60 , il-persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli jenħtieġ li jiġu meqjusa li huma l-persuni suspettati jew akkużati kollha li ma humiex kapaċi jifhmu jew jipparteċipaw b’mod effettiv fi proċedimenti kriminali minħabba l-età tagħhom, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew kwalunkwe diżabilità li jista’ jkollhom.

(22)Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta japplikaw dan ir-Regolament, jitqiesu d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati soġġetti għall-arrest preventiv f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 8987 final 61 .

(23)Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jimponi l-ebda obbligu li jintalab trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Meta tivvaluta jekk għandhiex tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li teżamina jekk tali trasferiment huwiex meħtieġ u xieraq. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġi identifikat l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu passi kriminali kontra r-reat inkwistjoni.

(24)Meta tivvaluta jekk talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali hijiex ġustifikata, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tqis diversi kriterji, li l-prijorità u l-piż tagħhom jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-fatti u l-merti ta’ kull każ individwali. Il-fatturi rilevanti kollha jenħtieġ li jitqiesu fl-aħjar interess tal-ġustizzja. Pereżempju, meta r-reat ikun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, jew il-biċċa l-kbira tal-effetti jew tad-danni kkawżati mir-reat ikunu ġew sostnuti fit-territorju tal-Istat rikjest, dak l-Istat jista’ jitqies f’pożizzjoni aħjar biex jieħu passi kriminali, minħabba li l-evidenza li trid tinġabar, bħad-depożizzjoni mix-xhieda u mill-vittmi, jew il-perizji, ikunu jinsabu fl-Istat rikjest u għalhekk ikunu jistgħu jinġabru aktar faċilment, jekk il-proċedimenti kriminali kellhom jiġu ttrasferiti. Barra minn hekk, il-bidu tal-proċedimenti sussegwenti għad-danni fl-Istat rikjest jiġi ffaċilitat jekk il-proċedimenti sottostanti li jistabbilixxu r-responsabbiltà kriminali kellhom jitwettqu wkoll fl-istess Stat Membru. Bl-istess mod, jekk il-biċċa l-kbira tal-provi jkunu jinsabu fl-Istat rikjest, it-trasferiment ta’ proċediment kriminali jista’ jiffaċilita l-ġbir u l-ammissibbiltà sussegwenti tal-provi kkumpilati f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest.

(25)Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti f’dak l-Istat, it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jkun iġġustifikat biex jiġi żgurat id-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/343. Bl-istess mod, meta l-maġġoranza tal-vittmi jkunu ċittadini jew residenti fl-Istat rikjest, it-trasferiment jista’ jkun iġġustifikat biex il-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw faċilment fil-proċedimenti kriminali u biex jiġu eżaminati b’mod effettiv bħala xhieda matul il-proċedimenti. F’każijiet fejn il-konsenja ta’ persuna suspettata jew akkużata li għaliha jkun inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew tiġi rrifjutata fl-Istat rikjest għar-raġunijiet speċifikati f’dan ir-Regolament, trasferiment jista’ jkun iġġustifikat ukoll meta dik il-persuna tkun preżenti fl-Istat rikjest għalkemm ma tkunx ċittadin ta’ dak l-Istat jew residenti fih.

(26)Hija r-responsabbiltà tal-awtorità rikjedenti li tivvaluta abbażi tal-materjal quddiemha, jekk ikunx hemm raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-persuna suspettata, akkużata jew il-vittma tirrisjedi fl-Istat rikjest. Meta l-informazzjoni disponibbli tkun limitata, tali valutazzjoni tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti. Diversi ċirkostanzi oġġettivi li jistgħu jindikaw li l-persuna kkonċernata stabbiliet iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha fi Stat Membru partikolari jew li għandha l-intenzjoni li tagħmel dan, jistgħu jkunu ta’ rilevanza. Raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li persuna tkun residenti fi Stat rikjest jeżistu, b’mod partikolari, meta persuna tkun irreġistrata bħala residenti fl-Istat rikjest, minħabba li jkollha karta tal-identità, permess ta’ residenza, jew reġistrazzjoni f’reġistru uffiċjali ta’ residenza. Meta dik il-persuna ma tkunx irreġistrata fl-Istat rikjest, ir-residenza tista’ tiġi indikata mill-fatt li persuna wriet l-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha f’dak l-Istat Membru jew tkun kisbet, wara perjodu stabbli ta’ preżenza f’dak l-Istat Membru, ċerti konnessjonijiet ma’ dak l-Istat Membru li huma ta’ grad simili għal dawk li jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ residenza formali f’dak l-Istat Membru. Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni speċifika, hemmx biżżejjed konnessjonijiet bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat rikjest li jwasslu għal bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tirrisjedi f’dak l-Istat, huwa meħtieġ li jitqiesu diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dik il-persuna, li jinkludu, b’mod partikolari, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-preżenza tagħha fl-Istat rikjest jew il-konnessjonijiet familjari jew ekonomiċi li dik il-persuna jkollha mal-Istat rikjest. Vettura rreġistrata, ir-reġistrazzjoni ta’ numru tat-telefown, kont bankarju, il-fatt li s-soġġorn tal-persuna fl-Istat rikjest ma kienx interrott jew fatturi oġġettivi oħra, jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tirrisjedi fl-Istat rikjest. Żjara qasira, żjara ta’ btala, inkluż f’villeġġatura, jew soġġorn simili fl-Istat rikjest mingħajr ebda rabta sostanzjali ulterjuri jenħtieġ li ma jkunx biżżejjed biex tiġi stabbilita r-residenza f’dak l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li soġġorn mhux interrott ta’ mill-inqas tliet xhur fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jitqies bħala suffiċjenti biex tiġi stabbilita r-residenza.

(27)It-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jkun iġġustifikat ukoll meta jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew ta’ fatti oħra kontra l-persuna suspettata jew akkużata, jew meta jkun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew ta’ fatti relatati kontra persuni oħra, pereżempju f’każijiet ta’ prosekuzzjoni ta’ organizzazzjonijiet kriminali transfruntiera, fejn jistgħu jittieħdu passi kriminali kontra persuni differenti akkużati flimkien fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun qed tiskonta jew se jkollha tiskonta sentenza li tinvolvi priġunerija fl-Istat rikjest għal reat ieħor, it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista’ jkun ġustifikat biex jiġi żgurat id-dritt tal-persuna kkundannata li tkun preżenti fil-proċess li għalih ikun qed jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, waqt li tiskonta s-sentenza fl-Istat rikjest. Barra minn hekk, l-awtoritajiet rikjedenti jenħtieġ li jqisu kif xieraq jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistax itejjeb l-għan tar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkonċernata f’każ li s-sentenza tiġi eżegwita fl-Istat rikjest: għal dan il-għan, jenħtieġ li titqies ir-rabta tal-persuna mal-Istat rikjest, jekk din tqisux bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u kwalunkwe rabta oħra mal-Istat rikjest.

(28)Meta titlob trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tqis il-possibbiltajiet li tikseb evidenza minn Stati Membri oħra permezz ta’ strumenti eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, bħad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 62 , u assistenza legali reċiproka, fejn applikabbli, qabel ma tqis it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fuq il-bażi unika li l-biċċa l-kbira tal-evidenza tinsab fl-Istat rikjest.

(29)Il-persuni suspettati jew akkużati jew il-vittmi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li l-proċedimenti kriminali li jirrigwardawhom jiġu ttrasferiti lil Stat Membru ieħor. Madankollu, jenħtieġ li dawn it-talbiet ma jimponu l-ebda obbligu fuq l-awtorità rikjedenti jew rikjesta biex titlob jew tittrasferixxi proċedimenti kriminali. Jekk l-awtoritajiet isiru konxji tal-proċedimenti kriminali paralleli abbażi ta’ talba ta’ trasferiment ippreżentata mill-persuna suspettata jew akkużata, jew mill-vittma, jew minn avukat f’isimha, allura huma jkunu obbligati jikkonsultaw lil xulxin f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI.

(30)L-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tinforma mill-aktar fis possibbli lill-persuna suspettata jew akkużata dwar it-trasferiment maħsub u jenħtieġ li tipprevedi l-possibbiltà li tali persuna tesprimi l-opinjoni tagħha bil-fomm jew bil-miktub, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jqisu l-interessi leġittimi tagħhom qabel ma joħorġu talba għal trasferiment. Meta tivvaluta l-interess leġittimu tal-persuna suspettata jew akkużata li tiġi infurmata dwar it-trasferiment maħsub, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni u r-riskju li jiġu kompromessi l-proċedimenti kriminali kontra dik il-persuna, pereżempju kull meta jkun meħtieġ li jiġi ssalvagwardjat interess pubbliku importanti, bħal f’każijiet fejn tali informazzjoni tista’ tippreġudika investigazzjonijiet sigrieti li jkunu għaddejjin jew tagħmel ħsara serja lis-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li fih ikunu nbdew il-proċedimenti kriminali. Meta l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista’ ssib lill-persuna suspettata jew akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli tagħha, l-obbligu li tinforma lil tali persuna jenħtieġ li japplika mill-mument li jinbidlu dawn iċ-ċirkostanzi.

(31)Id-drittijiet tal-vittmi stabbiliti fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 63 jenħtieġ li jitqiesu fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix interpretat bħala li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħtu lill-vittmi drittijiet aktar estensivi skont id-dritt nazzjonali minn dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

(32)Meta tieħu deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-vittmi, inkluża l-protezzjoni tagħhom, u tivvaluta jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistax ikun ta’ detriment għall-vittma biex teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tagħha fil-proċediment kriminali kkonċernat. Dan jinkludi, pereżempju, il-possibbiltà u l-arranġamenti disponibbli għall-vittmi biex jixhdu matul il-proċess fl-Istat rikjest jekk dan ma jkunx l-Istat Membru fejn jirrisjedu. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-vittmi jiksbu u jipprovdu evidenza, pereżempju minn xhieda u periti, biex jitolbu kumpens jew biex jibbenefikaw minn programmi ta’ protezzjoni tax-xhieda fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li d-drittijiet tal-vittmi għal kumpens ma jiġux ippreġudikati mit-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax ir-regoli dwar il-kumpens u r-restituzzjoni ta’ proprjetà lill-vittmi fi proċedimenti nazzjonali.

(33)Kull meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-protezzjoni pprovduta lill-vittma fl-Istat rikjedenti titkompla fl-Istat rikjest, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat rikjedenti jenħtieġ li jikkunsidraw il-ħruġ ta’ ordni Ewropea ta’ protezzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 64 jew mad-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 65 .

(34)L-Istat rikjest jenħtieġ li jiżgura aċċess għal rimedji legali effettivi għall-persuni suspettati u akkużati, kif ukoll għall-vittmi, kontra d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-proċeduri applikabbli skont id-dritt nazzjonali, kull meta d-drittijiet tagħhom jiġu affettwati ħażin bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. 

(35)L-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament tippresupponi komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti involuti, li jenħtieġ li jiġu mħeġġa jikkonsultaw direttament lil xulxin kull meta jkun xieraq biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament, jew, meta jkun xieraq, permezz tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust).

(36)L-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tikkonsulta mal-awtorità rikjesta qabel ma toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali meta dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari, sabiex tiddetermina jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkunx jaqdi l-interessi ta’ amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja, kif ukoll jekk huwiex aktarx li l-awtorità rikjesta tinvoka waħda mir-raġunijiet għar-rifjut skont dan ir-Regolament.

(37)Meta tibgħat talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni akkurata u ċara dwar iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet sottostanti għat-talba, kif ukoll kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn oħra, bil-għan li l-awtorità rikjesta tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

(38)Sakemm l-awtorità rikjesta ma tkunx ħadet deċiżjoni li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti jenħtieġ li tkun tista’ tirtira t-talba, pereżempju meta ssir taf b’elementi ulterjuri li minħabba fihom it-trasferiment ma jibqax jidher ġustifikat.

(39)Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tinforma lill-awtorità rikjedenti bid-deċiżjoni motivata tagħha dwar jekk taċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 60 jum wara li tirċievi t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. F’każijiet speċifiċi, meta ma jkunx fattibbli għall-awtorità rikjesta li tikkonforma ma’ dan il-perjodu, pereżempju jekk tqis li hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali, dan jista’ jiġi estiż biss għal 30 jum oħra biex jiġi evitat dewmien eċċessiv.

(40)Jenħtieġ li t-trasferiment ta’ proċediment kriminali ma jiġix irrifjutat għal raġunijiet għajr dawk previsti f’dan ir-Regolament. Sabiex tkun tista’ taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li jkun possibbli li jittieħdu passi kriminali fl-Istat rikjest fir-rigward tal-fatti sottostanti għall-proċedimenti kriminali li jkunu suġġetti għat-trasferiment. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta ma taċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali meta l-aġir li għalih jintalab it-trasferiment ma jkunx reat fl-Istat rikjest, jew meta l-Istat rikjest ma jkollux ġuriżdizzjoni fuq dak ir-reat, sakemm ma jeżerċitax il-ġuriżdizzjoni prevista f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jiġix aċċettat f’każ ta’ impedimenti oħra għall-prosekuzzjoni fl-Istat rikjest. L-awtorità rikjesta jenħtieġ li tkun tista’ tirrifjuta wkoll trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jekk il-persuna suspettata jew akkużata tibbenefika minn immunità jew privileġġ f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest, pereżempju fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni (bħad-diplomatiċi) jew relazzjonijiet speċifikament protetti (bħas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent), jew jekk l-awtorità rikjesta temmen li tali trasferiment ma jkunx iġġustifikat mill-interessi tal-amministrazzjoni xierqa u effiċjenti tal-ġustizzja, pereżempju minħabba li l-ebda wieħed mill-kriterji għat-talba ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jkun issodisfat, jew jekk iċ-ċertifikat għal talba għal trasferiment ma jkunx komplut jew ikun imtela b’mod żbaljat mill-awtorità rikjedenti, u b’hekk ma jkunx jippermetti lill-awtorità rikjesta li jkollha l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

(41)Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif stabbilit fl-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen 66 u fl-Artikolu 50 tal-Karta, u kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa prinċipju fundamentali bażiku tad-dritt kriminali, li jeżiġi li imputat ma jerġax jiġi mixli jew ikkastigat mill-ġdid fi proċedimenti kriminali għall-istess reat li għalih ikun diġà ġie lliberat jew ikkundannat b’mod definittiv. Għalhekk, l-awtorità rikjesta jenħtieġ li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jekk it-teħid ta’ konjizzjoni tagħhom imur kontra dak il-prinċipju.

(42)Qabel ma tiddeċiedi li ma taċċettax talba għal trasferiment tal-proċedimenti kriminali abbażi ta’ kwalunkwe raġuni għal rifjut, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tikkonsulta lill-awtorità rikjedenti sabiex tikseb kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

(43)L-aċċettazzjoni tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità rikjesta jenħtieġ li tirriżulta fis-sospensjoni jew fil-waqfien tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ miżuri fl-Istat rikjedenti u rikjest. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal investigazzjonijiet jew għal miżuri proċedurali oħra li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu eżegwiti deċiżjonijiet ibbażati fuq strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku jew biex ikun hemm konformità ma’ talbiet għal assistenza legali reċiproka marbuta mal-proċedimenti suġġetti għat-trasferiment. Il-kunċett ta’ “miżuri investigattivi jew miżuri proċedurali oħra” jenħtieġ li jiġi interpretat b’mod wiesa’, bħala li jinkludi mhux biss kwalunkwe miżura għall-fini tal-kumpilazzjoni tal-provi, iżda wkoll kwalunkwe att proċedurali li jimponi arrest preventiv jew kwalunkwe miżura interim oħra. Biex jiġu evitati kontestazzjonijiet abbużivi u jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali ma jiġux sospiżi fit-tul, jekk rimedju legali b’effett sospensiv jkun ġie invokat fl-Istat rikjest, jenħtieġ li l-proċedimenti kriminali ma jiġux sospiżi jew jitwaqqfu fl-Istat rikjedenti qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ir-rimedju fl-Istat rikjest.

(44)Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jikkostitwixxix bażi ġuridika għall-arrest ta’ persuni bil-ħsieb li jiġu fiżikament ittrasferiti lejn l-Istat rikjest sabiex dan tal-aħħar iressaq proċedimenti kriminali kontra dik il-persuna.

(45)L-awtorità rikjesta jenħtieġ li tinforma lill-awtorità rikjedenti bil-miktub dwar kwalunkwe deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI timponi obbligu simili fejn ikun intlaħaq ftehim dwar il-konċentrazzjoni tal-proċedimenti fi Stat Membru wieħed. Meta l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li twaqqaf proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għat-talba għal trasferiment, jenħtieġ li hija tinkludi wkoll ir-raġunijiet għal tali waqfien.

(46)Jekk l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li twaqqaf proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għat-talba għal trasferiment, l-awtorità rikjedenti tista’ tkompli jew terġa’ tiftaħ proċedimenti kriminali kull meta dan ma jkunx jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, jiġifieri kull meta dik id-deċiżjoni ma tipprojbixxix b’mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri skont il-liġi tal-Istat rikjest u għalhekk ma tipprekludix proċedimenti ulterjuri, fir-rigward tal-istess atti, f’dak l-Istat. Jenħtieġ li l-vittmi jkollhom il-possibbiltà li jibdew jew li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti f’konformità mad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat, dment li dan ma jkunx jinvolvi ksur tal-prinċipju ne bis in idem.

(47)Ladarba l-proċedimenti kriminali jiġu ttrasferiti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità rikjesta jenħtieġ li tapplika d-dritt u l-proċeduri nazzjonali rilevanti tagħha. Jenħtieġ li xejn f’dan ir-Regolament ma jiġi interpretat bħala li jinterferixxi ma’ kwalunkwe diskrezzjoni ta’ prosekuzzjoni prevista fid-dritt nazzjonali.

(48)L-Istat rikjest jenħtieġ li japplika d-dritt nazzjonali tiegħu biex jiddetermina s-sentenza applikabbli għar-reat inkwistjoni. F’każijiet fejn ir-reat jkun twettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti, l-awtoritajiet rikjesti jistgħu jikkunsidraw il-piena massima prevista fid-dritt tal-Istat rikjedenti fid-determinazzjoni tas-sentenza, kull meta dan ikun għall-benefiċċju tal-persuna akkużata, u f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest. Dan jenħtieġ li jitqies f’sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jwassal għall-applikazzjoni fl-Istat rikjest ta’ sentenza aktar ħarxa mis-sentenza massima prevista fl-Istat rikjedenti għall-istess reat, bil-ħsieb li jiġi żgurat grad ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà tad-dritt applikabbli għall-persuni suspettati jew akkużati kkonċernati. Is-sentenza massima prevista fid-dritt tal-Istat rikjedenti jenħtieġ li dejjem titqies meta l-ġuriżdizzjoni tal-Istat rikjest tkun ibbażata esklużivament fuq dan ir-Regolament.

(49)Jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-Istati Membri li jitolbu mingħand xulxin il-kumpens għall-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, meta l-Istat rikjedenti jkun ġarrab kostijiet kbar jew eċċezzjonali, relatati mat-traduzzjoni tad-dokumenti fil-proċess tal-kawża li jrid jiġi ttrasferit lill-Istat rikjest, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tikkunsidra proposta mill-awtorità rikjedenti biex jaqsmu l-kostijiet.

(50)L-użu ta’ ċertifikat standardizzat tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti, u jippermettilhom jieħdu deċiżjoni aktar malajr u b’mod aktar effettiv dwar it-talba għal trasferiment. Dan inaqqas ukoll il-kostijiet tat-traduzzjoni u jikkontribwixxi għal kwalità ogħla tat-talbiet.

(51)Iċ-ċertifikat jenħtieġ li jinkludi biss data personali meħtieġa biex tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta dwar it-talba. Iċ-ċertifikat jenħtieġ li jkun fih indikazzjoni tal-kategoriji ta’ data personali, bħal jekk il-persuna relatata hijiex suspettata, akkużata jew vittma, kif ukoll l-oqsma speċifiċi għal kull waħda minn dawn il-kategoriji.

(52)Sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-ħtieġa li jkun hemm titjib fiċ-ċertifikat li għandu jintuża biex jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex temenda l-Anness ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 67 . B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(53)Sabiex jiġi żgurat skambju rapidu, dirett, interoperabbli, affidabbli u sigur ta’ data relatata mal-kawża, jenħtieġ li komunikazzjoni skont dan ir-Regolament bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti u bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, fejn Stat Membru jkun ħatar awtorità ċentrali, kif ukoll mal-Eurojust, bħala regola, issir permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT skont it-tifsira tar-Regolament (UE) …/…[ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni] 68 . B’mod partikolari, is-sistema deċentralizzata tal-IT jenħtieġ li, bħala regola, tintuża għall-iskambju taċ-ċertifikat u ta’ kwalunkwe informazzjoni u dokument rilevanti ieħor, u għal kull komunikazzjoni oħra bejn l-awtoritajiet skont dan ir-Regolament. F’każijiet fejn japplikaw waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament (UE) …/…. [ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni], b’mod partikolari, meta l-użu tas-sistema deċentralizzata tal-IT ma jkunx possibbli jew xieraq, jistgħu jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni kif speċifikat f’dak ir-Regolament.

(54)L-Istati Membri jistgħu jużaw software żviluppat mill-Kummissjoni (software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza) minflok sistema tal-IT nazzjonali. Dan is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza jenħtieġ li jkun ibbażat fuq struttura modulari, li jfisser li s-software jiġi ppakkjat u kkonsenjat separatament mill-komponenti tal-e-CODEX meħtieġa biex jiġi konness mas-sistema deċentralizzata tal-IT. Din l-istruttura jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jużaw mill-ġdid jew itejbu l-infrastrutturi nazzjonali eżistenti ta’ komunikazzjoni ġudizzjarja tagħhom għall-finijiet tal-użu transfruntier.

(55)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun responsabbli għall-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ dan is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tfassal, tiżviluppa is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza u tagħmel il-manutenzjoni tiegħu b’mod li jippermetti lill-kontrolluri jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2018/1725 69 u (UE) 2016/679 70 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 71 , b’mod partikolari l-obbligi tal-protezzjoni tad-data skont id-disinn u b’mod awtomatiku kif ukoll livell għoli ta’ ċibersigurtà. Is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza jenħtieġ li jinkludi wkoll miżuri tekniċi xierqa u jippermetti l-miżuri organizzattivi meħtieġa biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ sigurtà u interoperabbiltà, filwaqt li jitqies li jistgħu jiġu skambjati wkoll kategoriji speċjali ta’ data. Il-Kummissjoni ma tipproċessa l-ebda data personali fil-kuntest tal-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ dan is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza.

(56)Is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza żviluppat mill-Kummissjoni bħala sistema back-end jenħtieġ li jiġbor b’mod programmatiku d-data neċessarja għall-finijiet ta’ monitoraġġ u tali data jenħtieġ li tiġi trażmessa lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jużaw sistema nazzjonali tal-IT minflok is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza żviluppat mill-Kummissjoni, dik is-sistema tista’ tiġi mgħammra sabiex tiġbor b’mod programmatiku dik id-data u, f’dak il-każ, dik id-data jenħtieġ li tiġi trażmessa lill-Kummissjoni. Il-konnettur tal-E-CODEX jista’ jkun mgħammar ukoll b’karatteristika li tippermetti l-irkupru ta’ data statistika rilevanti.

(57)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi sistema deċentralizzata tal-IT. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 72 .

(58)Dan ir-Regolament jenħtieġ li joħloq il-bażi ġuridika għall-iskambju tad-data personali bejn l-Istati Membri għall-finijiet tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva (UE) 2016/680. Madankollu, fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett ieħor, bħall-perjodu ta’ żmien għaż-żamma ta’ data personali riċevuta mill-awtorità rikjedenti, l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti jenħtieġ li jkun suġġett għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680. L-awtorità rikjedenti u dik rikjesta jenħtieġ li jitqiesu bħala kontrolluri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali skont dik id-Direttiva. L-awtoritajiet ċentrali jipprovdu appoġġ amministrattiv lill-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti u, sa fejn ikunu qed jipproċessaw data personali f’isem dawk il-kontrolluri, jenħtieġ li jitqiesu bħala proċessuri tal-kontrollur rispettiv. Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Eurojust, ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li japplika fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data tar-Regolament (UE) 2018/1727 73 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(59)Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(60)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda innotifikat [, bl-ittra ta’…,] ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.] JEW [F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]

(61)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(62)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 74   u ta opinjoni nhar il-[…],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li tittejjeb l-amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja fi ħdan iż-żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

2.Dan ir-Regolament għandu japplika fil-każijiet kollha ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali fl-Unjoni minn meta persuna tkun ġiet identifikata bħala persuna suspettata.

3.Dan ir-Regolament ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“Stat rikjedenti” tfisser Stat Membru li fih tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali;

(2)“Stat rikjest” tfisser Stat Membru li lilu tiġi trażmessa talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali bil-għan li jieħu l-proċedimenti kriminali f’idejh;

(3)“awtorità rikjedenti” tfisser:

(a) imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikonċernat; jew

(b)kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat rikjedenti u li, fil-każ speċifiku, tkun qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li titlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tiġi trażmessa lill-awtorità rikjesta, din għandha tiġi vvalidata minn imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku fl-Istat rikjedenti wara li jeżamina l-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali talba skont dan ir-Regolament. Meta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tkun ġiet ivvalidata minn imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità rikjedenti għall-finijiet tat-trażmissjoni tat-talba;

(4)“awtorità rikjesta” tfisser imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku li jkollu l-kompetenza li jieħu deċiżjoni dwar jekk jaċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mal-Artikolu 12 u li jieħu kwalunkwe miżura kif previst fid-dritt nazzjonali tiegħu;

(5)“sistema deċentralizzata tal-IT” tfisser sistema tal-IT kif definita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE)…/... [Ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni];

(6)“vittma” tfisser vittma kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/29/UE.

Artikolu 3

Ġuriżdizzjoni

1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istat rikjest għandu jkollu ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe reat li għalih ikun applikabbli d-dritt tal-Istat rikjedenti, f’sitwazzjonijiet fejn:

(a)huwa jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata, li tkun preżenti fl-Istat rikjest u ċittadin tiegħu jew residenti fih abbażi tal-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI;

(b)huwa jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u li tkun preżenti fl-Istat rikjest u ċittadin tiegħu jew residenti fih, jekk isib li hemm, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, raġunijiet sostanzjali biex jemmen, abbażi ta’ provi speċifiċi u oġġettivi, li l-konsenja, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, tkun tinvolvi ksur manifest ta’ dritt fundamentali rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta;

(c)il-biċċa l-kbira tal-effetti tar-reat jew parti sostanzjali mid-dannu, li jkun parti mill-elementi kostitwenti tar-reat, tkun seħħet fit-territorju tal-Istat rikjest;

(d)ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest kontra l-persuna suspettata jew akkużata fir-rigward ta’ fatti oħra u l-persuna suspettata jew akkużata jkollha n-nazzjonalità tal-Istat rikjest jew tkun resident fih;

(e)ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, jew fatti li jkunu parzjalment l-istess, kontra persuni oħra u l-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali li għandha tiġi trasferita jkollha n-nazzjonalità tal-Istat rikjest.

2.Il-ġuriżdizzjoni stabbilita mill-Istat rikjest esklużivament bis-saħħa tal-paragrafu 1 tista’ tiġi eżerċitata biss skont talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

Artikolu 4

Rinunzja, sospensjoni jew waqfien tal-proċedimenti kriminali

Kwalunkwe Stat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni skont id-dritt nazzjonali tiegħu biex jieħu passi kriminali kontra reat jista’, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jirrinunzja, jissospendi jew iwaqqaf proċedimenti kriminali kontra persuna suspettata jew akkużata, sabiex ikun jista’ jsir it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ dak ir-reat lill-Istat rikjest.

KAPITOLU 2

TRASFERIMENT TA’ PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Artikolu 5

Kriterji biex jintalab trasferiment tal-proċedimenti kriminali

1.Talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tista’ tinħareġ biss meta l-awtorità rikjedenti tqis li l-objettiv ta’ amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja jkun moqdi aħjar jekk il-proċedimenti kriminali rilevanti jitwettqu fi Stat Membru ieħor.

2.L-awtorità rikjedenti għandha tqis b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)ir-reat ikun twettaq kollu jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, jew il-biċċa l-kbira tal-effetti tad-dannu kkawżat mir-reat jew parti sostanzjali minnu tkun seħħet fit-territorju tal-Istat rikjest;

(b)il-persuna suspettata jew akkużata tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih;

(c)il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja lil din il-persuna lill-Istat rikjedenti jew abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, jew tal-Artikolu 4(3) tagħha meta tali rifjut ma jkunx ibbażat fuq sentenza finali mogħtija lil dik il-persuna fir-rigward tal-istess reat, li jipprevjeni proċedimenti kriminali ulterjuri, jew abbażi tal-Artikolu 4(7) tad-Deċiżjoni Kwadru;

(d)il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja lil din il-persuna li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, jekk isib li, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, hemm raġunijiet sostanzjali biex jemmen, abbażi ta’ evidenza speċifika u oġġettiva, li dik il-konsenja, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, tkun tinvolvi ksur manifest ta’ dritt fundamentali rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta;

(e)il-biċċa l-kbira tal-evidenza rilevanti għall-investigazzjoni tkun tinsab fl-Istat rikjest jew ħafna mix-xhieda rilevanti jkunu residenti fih;

(f)ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew ta’ fatti oħrajn kontra l-persuna suspettata jew akkużata;

(g)ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew ta’ fatti relatati kontra persuni oħra;

(h)il-persuna suspettata jew akkużata tkun qed tiskonta jew għandha tiskonta piena ta’ priġunerija fl-Istat rikjest;

(i)l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat rikjest x’aktarx ittejjeb il-prospetti għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata jew ikun hemm raġunijiet oħra għal eżekuzzjoni aktar xierqa tas-sentenza fl-Istat rikjest;

(j)il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ċittadini tal-Istat rikjest jew residenti fih.

3.Il-persuna suspettata jew akkużata, jew il-maġġoranza tal-vittmi , jew avukat f’isimhom, jistgħu jitolbu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jew tal-Istat rikjest biex jibdew proċedura għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali skont dan ir-Regolament. It-talbiet magħmula skont dan il-paragrafu ma għandhomx joħolqu obbligu għall-Istat rikjedenti jew rikjest li jitlob jew jittrasferixxi proċedimenti kriminali lill-Istat rikjest. 

Artikolu 6

Id-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata

1.Qabel ma tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-persuna suspettata jew akkużata u tiżgura li d-drittijiet proċedurali tagħha skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali jiġu rrispettati.

2.Sakemm dan ma jimminax il-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, il-persuna suspettata jew akkużata għandha, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, tiġi infurmata bit-trasferiment maħsub tal-proċedimenti kriminali, b’lingwa li tifhem, u għandha tingħata l-opportunità li tiddikjara l-opinjoni tagħha bil-fomm jew bil-miktub, sakemm dik il-persuna ma tkunx tista’ tinstab minkejja li jsiru sforzi raġonevoli mill-awtorità rikjedenti. Meta l-awtorità rikjedenti tqis li jkun meħtieġ fid-dawl tal-età jew tal-kundizzjoni fiżika jew mentali tal-persuna suspettata jew akkużata, ir-rappreżentant legali tagħha għandu jingħata l-opportunità li jiddikjara l-opinjoni tagħha. Meta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ssegwi talba mill-persuna suspettata jew akkużata skont l-Artikolu 5(3), tali konsultazzjoni mal-persuna suspettata jew akkużata li tkun għamlet it-talba ma tkunx meħtieġa.

3.L-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-persuna suspettata jew akkużata għandha titqies mill-awtorità rikjedenti meta tiddeċiedi jekk għandhiex titlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali

4.Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 12(1), l-awtorità rikjedenti għandha, sakemm dan ma jimminax il-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, tinforma minnufih lill-persuna suspettata jew akkużata b’lingwa li tinftiehem minn din tal-aħħar, dwar il-ħruġ tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut sussegwenti tat-trasferiment mill-awtorità rikjesta, sakemm dik il-persuna ma tkunx tista’ tinstab minkejja li jsiru sforzi raġonevoli mill-awtorità rikjedenti. Jekk l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, il-persuna suspettata jew akkużata għandha tiġi infurmata wkoll dwar id-dritt tagħha għal rimedju legali fl-Istat rikjest, inkluż dwar it-termini għal tali rimedju.

Artikolu 7

Id-drittijiet tal-vittma

1.Qabel ma ssir talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-vittma u tiżgura li d-drittijiet tagħha skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali jiġu rrispettati.

2.Sakemm dan ma jimminax il-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, u meta l-vittma tkun tirrisjedi fl-Istat rikjedenti, din għandha, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, tiġi informata bit-trasferiment intenzjonat tal-proċedimenti kriminali, b’lingwa li tifhem, u għandha tingħata l-opportunità li tiddikjara l-opinjoni tagħha bil-fomm jew bil-miktub. Meta l-awtorità rikjedenti tikkunsidra li dan ikun meħtieġ fid-dawl tal-età tal-vittma jew tal-kundizzjoni fiżika jew mentali tagħha, dik l-opportunità għandha tingħata lir-rappreżentant legali tal-vittma.  

3.L-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-vittma għandha titqies mill-awtorità rikjedenti meta tiddeċiedi jekk għandhiex titlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

4.Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 12(1), l-awtorità rikjedenti għandha, sakemm ma timminax il-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, tinforma minnufih lill-vittma li tkun qed tirrisjedi fl-Istat rikjedenti, b’lingwa li tinftiehem mill-vittma, dwar il-ħruġ tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut sussegwenti tat-trasferiment mill-awtorità rikjesta. Jekk l-awtorità rikjesta tkun aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, il-vittma għandha tiġi infurmata wkoll dwar id-dritt tagħha għal rimedju legali disponibbli fl-Istat rikjest, inkluż dwar it-termini għal tali rimedju. 

Artikolu 8

Dritt għal rimedju legali

1.Il-persuni suspettati, il-persuni akkużati, u l-vittmi għandu jkollhom id-dritt għal rimedji legali effettivi fl-Istat rikjest kontra deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

2.Id-dritt għal rimedju legali għandu jiġi eżerċitat quddiem qorti fl-Istat rikjest f’konformità mad-dritt tiegħu.

3.Il-limitu ta’ żmien massimu biex jintalab rimedju legali ma għandux ikun itwal minn 20 jum mid-data tal-wasla tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 12(1).

4.Meta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tinħareġ wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża tal-persuna suspettata jew akkużata, l-invokazzjoni ta’ rimedju legali kontra deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandu jkollha effett sospensiv.

5.L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar ir-rimedji legali mitluba skont dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Proċedura għat-talba ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali

1.It-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha ssir permezz taċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness. L-awtorità rikjedenti għandha tiffirma ċ-ċertifikat u għandha tiċċertifika l-kontenut tiegħu bħala akkurat u korrett.

2.It-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha tkun issostanzjata kif xieraq u għandha, b’mod partikolari, tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)data dwar l-awtorità rikjedenti;

(b)deskrizzjoni tar-reat li jkun is-suġġett tal-proċedimenti kriminali, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali applikabbli tal-Istat rikjedenti;

(c)ir-raġunijiet għaliex it-trasferiment huwa meħtieġ u xieraq u b’mod partikolari liema mill-kriterji skont l-Artikolu 5(2) huma applikabbli;

(d)l-informazzjoni meħtieġa disponibbli dwar il-persuna suspettata jew akkużata u l-vittma;

(e)valutazzjoni tal-impatt tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fuq id-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u tal-vittma;

(f)informazzjoni dwar atti jew miżuri proċedurali b’effett fuq il-proċedimenti kriminali li jkunu twettqu fl-Istat rikjedenti;

(g)kwalunkwe kundizzjoni speċifika tal-ipproċessar ta’ data personali applikabbli skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

3.Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun tat l-opinjoni tagħha skont l-Artikolu 6(2) jew il-vittma tkun tat l-opinjoni tagħha skont l-Artikolu 7(2), dik l-opinjoni għandha tintbagħat lill-awtorità rikjesta flimkien mat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk l-opinjoni tal-persuna suspettata jew akkużata jew tal-vittma tkun ġiet iddikjarata bil-fomm, l-awtorità rikjedenti għandha tiżgura li r-rekord bil-miktub ta’ tali dikjarazzjoni jkun disponibbli għall-awtorità rikjesta. 

4.Fejn ikun meħtieġ, it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha tkun akkumpanjata minn kwalunkwe informazzjoni u dokument rilevanti addizzjonali.

5.Iċ-ċertifikat mimli msemmi fil-paragrafu 1 u, fejn ikun miftiehem hekk mal-awtorità rikjesta, kwalunkwe informazzjoni oħra bil-miktub li takkumpanja t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu tradotti b’lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew bi kwalunkwe lingwa oħra li l-Istat rikjest jaċċetta f’konformità mal-Artikolu 30(1)(c).

6.L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali direttament lill-awtorità rikjesta jew, fejn applikabbli, bl-involviment tal-awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 18. L-awtorità rikjedenti u dik rikjesta għandhom iwettqu l-komunikazzjoni uffiċjali l-oħra kollha direttament jew, fejn applikabbli, bl-involviment ta’ awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 18.

7.Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx magħrufa mill-awtorità rikjedenti, din tal-aħħar għandha tagħmel l-inkjesti kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew, sabiex tiddetermina liema awtorità hija kompetenti biex tieħu d-deċiżjoni skont l-Artikolu 12.

8.Meta l-awtorità fl-Istat rikjest li tkun irċeviet it-talba ma jkollha l-ebda kompetenza biex tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 12, din għandha mingħajr dewmien żejjed tibgħat it-talba lill-awtorità rikjesta kompetenti fl-istess Stat Membru u għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b’dan.

Аrtikolu 10

Informazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità rikjedenti

L-awtorità rikjedenti għandha tinforma lill-awtorità rikjesta mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe att jew miżura proċedurali b’effett fuq il-proċedimenti kriminali li jkunu twettqu fl-Istat rikjedenti wara t-trażmissjoni tat-talba. Din il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha.

Artikolu 11

Irtirar tat-talba

L-awtorità rikjedenti tista’ tirtira t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fi kwalunkwe ħin qabel ma tirċievi d-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mal-Artikolu 12.

Artikolu 12

Deċiżjoni tal-awtorità rikjesta

1.L-awtorità rikjesta għandha tieħu deċiżjoni motivata dwar jekk taċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u għandha tiddeċiedi, f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha, liema miżuri għandha tieħu.

2.Jekk l-awtorità rikjesta ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-awtorità rikjedenti ma tkunx biżżejjed biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk taċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, hija tista’ titlob l-informazzjoni addizzjonali li tqis meħtieġa.

3.Jekk l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’konformità mal-Artikolu 13, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal tali rifjut. L-informazzjoni lill-persuna suspettata jew akkużata u lill-vittma ssir f’konformità mal-Artikoli 6(4) u 7(4) rispettivament.

4.Jekk l-awtorità rikjesta tkun aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar ir-rimedji legali disponibbli biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, inklużi r-rekwiżiti u t-termini biex jiġu eżerċitati dawn ir-rimedji. L-informazzjoni lill-persuna suspettata jew akkużata u lill-vittma ssir f’konformità mal-Artikoli 6(4) u 7(4) rispettivament.

5.Meta l-awtorità rikjesta tkun aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha mingħajr dewmien tibgħat il-kopja oriġinali jew iċċertifikata tal-proċess tal-kawża jew ta’ partijiet rilevanti tiegħu, akkumpanjati mit-traduzzjoni tagħhom b’lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew bi kwalunkwe lingwa oħra li l-Istat rikjest jaċċetta f’konformità mal-Artikolu 30(1)(c). Fejn ikun meħtieġ, l-awtorità rikjedenti u dik rikjesta jistgħu jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw id-dokumenti meħtieġa jew partijiet minn tali dokumenti li għandhom jintbagħtu, kif ukoll li għandhom jiġu tradotti.

Artikolu 13

Raġunijiet għar-rifjut

1.L-awtorità rikjesta għandha tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali kollha jew ta’ partijiet minnhom, meta l-proċedimenti kriminali skont id-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest ma jkunux jistgħu jitressqu kontra l-persuna suspettata jew akkużata fir-rigward tal-fatti sottostanti għat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f’wieħed jew aktar mils-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)jekk l-imġiba li fir-rigward tagħha tkun saret it-talba ma tikkostitwixxix reat skont id-dritt tal-Istat rikjest;

(b)it-teħid tar-responsabbiltà tal-proċedimenti kriminali jkun imur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem;

(c)jekk il-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx tista’ tinżamm responsabbli kriminalment għar-reat minħabba l-età tagħha;

(d)jekk il-prosekuzzjoni kriminali tkun preskritta skont id-dritt tal-Istat rikjest jew il-kundizzjonijiet għall-prosekuzzjoni tar-reat fl-Istat rikjest ma jkunux issodisfati;

(e)jekk ir-reat jkun kopert minn amnestija f’konformità mad-dritt tal-Istat rikjest;

(f)jekk l-Istat rikjest ma jkollux ġuriżdizzjoni fuq ir-reat. Tali ġuriżdizzjoni tista’ tirriżulta wkoll mill-Artikolu 3.

2.L-awtorità rikjesta tista’ tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali kollha jew ta’ partijiet minnhom jekk ikun hemm raġuni jew diversi raġunijiet:

(a)jekk ikun hemm immunità jew privileġġ skont id-dritt tal-Istat rikjest li jagħmilha impossibbli li tittieħed azzjoni;

(b)l-awtorità rikjesta tqis li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jkunx fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja;

(c)ir-reat kollu, jew parti minnu, ma jkunx seħħ fit-territorju tal-Istat rikjest, il-biċċa l-kbira tal-effetti jew parti sostanzjali tad-dannu kkawżat mir-reat ma tkunx seħħet fit-territorju tal-Istat u l-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx ċittadin ta’ dak l-Istat jew residenti fih;

(d)iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 9(1) ma jkunx komplut jew ikun manifestament żbaljat u ma jkunx imtela jew ġie kkoreġut wara l-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

3.Fi kwalunkwe wieħed mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, qabel ma tiddeċiedi li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali kollha jew ta’ partijiet minnhom, l-awtorità rikjesta għandha tikkonsulta lill-awtorità rikjedenti u, fejn meħtieġ, għandha titlobha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.

4.Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u fejn is-setgħa ta’ rinunzja tal-privileġġ jew l-immunità tkun ta’ xi awtorità tal-Istat rikjest, l-awtorità rikjesta għandha titlobha li teżerċita dik is-setgħa minnufih. Meta tkun awtorità ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali li jkollha s-setgħa li tirrinunzja għall-privileġġ jew l-immunità, għandha tkun l-awtorità rikjedenti li titlob lill-awtorità kkonċernata biex din teżerċita dik is-setgħa.

Artikolu 14

Termini

1.L-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti d-deċiżjoni tagħha dwar jekk taċċettax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 60 jum wara li tirċievi t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità rikjesta kompetenti.

2.Meta f’każ speċifiku l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ tissodisfa t-terminu stabbilit fil-paragrafu 1, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti b’dan, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’tali każ, it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 30 jum.

3.Meta jkun hemm immunità jew privileġġ skont id-dritt tal-Istat rikjest, it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri biss jekk l-awtorità rikjesta tiġi informata mill-fatt li l-privileġġ jew l-immunità ġiet irrinunzjata u minn dak il-jum.

Artikolu 15

Konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti

1.Fejn meħtieġ u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12(2), 13(3) u 17(2), l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw lil xulxin mingħajr dewmien biex jiżguraw l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dan ir-Regolament.

2.Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll qabel ma tinħareġ it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, b’mod partikolari bil-għan li jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment ikunx jaqdi l-interessi tal-amministrazzjoni effiċjenti u xierqa tal-ġustizzja. Sabiex tipproponi t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-Istat rikjedenti, l-awtorità rikjesta tista’ tikkonsulta wkoll mal-awtorità rikjedenti dwar il-possibbiltà li tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.

3.Meta l-awtorità rikjedenti tikkonsulta lill-awtorità rikjesta qabel ma tagħmel talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, hija għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali disponibbli għall-awtorità rikjesta u tista’ tipprovdiha lill-awtorità rikjesta bl-użu ta’ ċertifikat stabbilit fl-Anness.

4.It-talbiet għall-konsultazzjonijiet għandhom jitwieġbu mingħajr dewmien.

Artikolu 16

Kooperazzjoni mal-Eurojust u man-Network Ġudizzjarju Ewropew

L-awtoritajiet rikjedenti u rikjesti jistgħu, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jitolbu l-assistenza tal-Eurojust jew tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, fejn xieraq, l-Eurojust tista’ tiffaċilita l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12(2), 13(3), 15 u 17(2).

Artikolu 17

Kostijiet tat-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali

1.Kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tiegħu tat-trasferimenti tal-proċedimenti kriminali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.Meta t-traduzzjoni tal-proċess tal-kawża u ta’ dokumenti rilevanti oħra skont l-Artikolu 12(5) tkun tinvolvi kostijiet kbar jew eċċezzjonali, l-awtorità rikjedenti tista’ tissottometti proposta lill-awtorità rikjesta biex il-kostijiet jinqasmu bejniethom. Tali proposta għandha tkun akkumpanjata minn analiżi dettaljata tal-kostijiet imġarrba mill-awtorità rikjedenti. Wara din il-proposta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw lil xulxin. Fejn xieraq, l-Eurojust tista’ tiffaċilita tali konsultazzjonijiet.

Artikolu 18

Ħatra tal-awtoritajiet ċentrali

Kull Stat Membru jista’ jaħtar awtorità ċentrali waħda jew aktar biex ikunu responsabbli għat-trażmissjoni u għar-riċevuta amministrattiva ta’ talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra relatata ma’ tali talbiet.

KAPITOLU 3

EFFETTI TAT-TRASFERIMENT TA’ PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Artikolu 19

Effetti fl-Istat rikjedenti

1.Sa mhux aktar tard mill-wasla tan-notifika tal-aċċettazzjoni ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità rikjesta, dawk il-proċedimenti kriminali għandhom jiġu sospiżi jew jitwaqqfu fl-Istat rikjedenti f’konformità mad-dritt nazzjonali, sakemm ma jkunx ġie invokat rimedju legali skont l-Artikolu 8 b’effett sospensiv u sa meta tittieħed id-deċiżjoni finali dwar ir-rimedju legali.

2.Minkejja l-paragrafu 1, l-awtorità rikjedenti tista’ f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha:

(a)tieħu miżuri investigattivi jew proċedurali oħra meħtieġa, inklużi miżuri biex tipprevjeni lill-persuna suspettata jew akkużata milli taħrab, sabiex teżegwixxi deċiżjoni bbażata fuq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI jew strument ieħor ta’ rikonoxximent reċiproku jew biex twieġeb għal talba għal assistenza legali reċiproka;

(b)iżżomm miżuri investigattivi jew proċedurali oħra meħtieġa adottati preċedentement, inklużi miżuri biex tipprevjeni lill-persuna suspettata jew akkużata milli taħrab, sabiex teżegwixxi deċiżjoni bbażata fuq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI jew fuq strument ieħor ta’ rikonoxximent reċiproku jew fuq talba għal assistenza legali reċiproka.

3.L-awtorità rikjedenti tista’ tkompli jew terġa’ tiftaħ proċedimenti kriminali, jekk l-awtorità rikjesta tinformaha bid-deċiżjoni tagħha li twaqqaf proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, sakemm dik id-deċiżjoni, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest, ma tipprojbixxix b’mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u għalhekk tipprekludi proċedimenti kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess atti, fl-Istat rikjest.

4.Il-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-vittmi li jibdew jew li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti kriminali kontra l-persuna suspettata jew akkużata fl-Istat rikjedenti, meta d-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat jipprevedi hekk, sakemm id-deċiżjoni mill-awtorità rikjesta li twaqqaf il-proċedimenti kriminali, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest, ma tipprojbixxix b’mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u għalhekk tipprekludi proċedimenti kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess atti, f’dak l-Istat.

Artikolu 20

Effetti fl-Istat rikjest

1.Il-proċedimenti kriminali ttrasferiti għandhom ikunu rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest.

2.Dment li ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat rikjest, kwalunkwe att imwettaq għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali jew tal-miżuri istruttorji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat rikjedenti jew kwalunkwe att li jinterrompi jew jissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkollu l-istess validità fl-Istat rikjest daqslikieku jkun twettaq b’mod validu mill-awtoritajiet tiegħu.

3.Il-provi ttrasferiti mill-awtorità rikjedenti ma għandhomx jiġi miċħuda l-ammissibbiltà fi proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest sempliċiment minħabba li x-xhieda tkun ġiet ikkumpilata fi Stat Membru ieħor. Ix-xhieda kkumpilata fl-Istat rikjedenti tista’ tintuża fi proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest, dment li l-ammissibbiltà ta’ tali evidenza ma tmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat rikjest.

4.Dment li tinħareġ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni fl-Istat rikjest, dan tal-aħħar għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni skontati fl-Istat rikjedenti, li jkunu ġew imposti fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali ttrasferiti, mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat rikjest bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li tkun qed tinħareġ. Għal dak il-għan, l-awtorità rikjedenti għandha tibgħat lill-awtorità rikjesta l-informazzjoni kollha dwar il-perjodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna suspettata jew akkużata fl-Istat rikjedenti.

5.Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jinbdew biss wara lment kemm fl-Istat rikjedenti kif ukoll fl-Istat rikjest, l-ilment imressaq fl-Istat rikjedenti għandu jkun validu wkoll fl-Istat rikjest.

6.Is-sentenza applikabbli għar-reat għandha tkun dik preskritta mid-dritt tal-Istat rikjest sakemm dak id-dritt ma jipprevedix mod ieħor. L-awtorità rikjesta tista’ tqis, f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, is-sentenza massima stipulata fid-dritt tal-Istat rikjedenti, meta r-reat ikun twettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti. Meta l-ġuriżdizzjoni tkun ibbażata esklużivament fuq l-Artikolu 3, is-sentenza imposta fl-Istat rikjest ma għandhiex tkun aktar severa mis-sentenza massima stipulata fid-dritt tal-Istat rikjedenti.

Artikolu 21

Informazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità rikjesta

L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar il-waqfien tal-proċedimenti kriminali jew dwar kwalunkwe deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċedimenti kriminali, inkluż jekk dik id-deċiżjoni, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest, tipprojbixxix b’mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u għalhekk tipprekludix proċedimenti kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess atti, f’dak l-Istat jew tipprovdi informazzjoni oħra ta’ valur sostanzjali. Hija għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni bil-miktub mogħtija fi tmiem il-proċedimenti kriminali lill-awtorità rikjedenti.

KAPITOLU 4

MEZZI TA’ KOMUNIKAZZJONI

Artikolu 22

Mezzi ta’ komunikazzjoni

1.Komunikazzjoni skont dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju ta’ ċertifikat stabbilit fl-Anness, id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 12(5), bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti u bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, meta Stat Membru jkun ħatar awtorità ċentrali f’konformità mal-Artikolu 18, kif ukoll mal-Eurojust, għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) …/…[ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni].

2.L-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament (UE) …/…[ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni] li jistabbilixxu r-regoli dwar il-firem elettroniċi u s-siġilli elettroniċi, l-effetti legali tad-dokumenti elettroniċi u l-protezzjoni tal-informazzjoni trażmessa għandhom japplikaw għall-komunikazzjoni trażmessa permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT.

3.Konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 15 bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u bl-involviment tal-awtorità(jiet) ċentrali, meta Stat Membru jkun ħatar awtorità ċentrali f’konformità mal-Artikolu 18, kif ukoll mal-Eurojust jistgħu jitwettqu bl-użu ta’ kwalunkwe mezz xieraq ta’ komunikazzjoni, inkluż permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT.

Artikolu 23

Stabbiliment ta’ sistema deċentralizzata tal-IT

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema deċentralizzata tal-IT, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, billi tistabbilixxi dan li ġej:

(a)l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-metodi ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi għall-finijiet tas-sistema deċentralizzata tal-IT;

(b)l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-protokolli ta’ komunikazzjoni;

(c)l-objettivi tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-miżuri tekniċi rilevanti li jiżguraw l-istandards minimi tas-sigurtà tal-informazzjoni u livell għoli ta’ ċibersigurtà għall-ipproċessar u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fis-sistema deċentralizzata tal-IT;

(d)l-objettivi ta’ disponibbiltà minima u r-rekwiżiti tekniċi relatati possibbli għas-servizzi pprovduti mis-sistema deċentralizzata tal-IT;

(e)l-istandards proċedurali diġitali kif iddefiniti fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2022/850.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

3.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Artikolu 24

Software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza

1.Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur ta’ software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw bħala s-sistema back-end tagħhom minflok sistema nazzjonali tal-IT. Il-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.L-Eurojust għandha tkun tista’ wkoll tuża s-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1.

3.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi u tappoġġa s-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza u tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu mingħajr ħlas. 

Artikolu 25

Kostijiet tas-sistema deċentralizzata tal-IT

1.Kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tal-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-punti ta’ aċċess tas-sistema deċentralizzata tal-IT li jinsabu fit-territorju tiegħu.

2.Kull Stat Membru għandu jġarrab il-kostijiet marbuta mal-istabbiliment u l-aġġustament tas-sistemi tal-IT nazzjonali tiegħu sabiex jagħmilhom interoperabbli mal-punti ta’ aċċess, u għandu jġarrab il-kostijiet marbuta mal-amministrazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ dawk is-sistemi.

3.L-Eurojust għandha ġġarrab il-kostijiet tal-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-komponenti li jinkludu s-sistema deċentralizzata tal-IT taħt ir-responsabbiltà tagħha.

4.L-Eurojust għandha ġġarrab il-kostijiet sabiex tistabbilixxi u taġġusta s-sistema tagħha ta’ ġestjoni tal-każijiet sabiex jagħmluha interoperabbli mal-punti ta’ aċċess, u għandha iġġarrab il-kostijiet tal-amministrazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ din is-sistema.

Artikolu 26 
Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 75 .

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27
Statistika

1.L-Istati Membri għandhom jiġbru b’mod regolari statistika komprensiva għall-fini tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet għandhom iżommu dik l-istatistika u għandhom jibagħtuha lill-Kummissjoni kull sena. Huma jistgħu jipproċessaw id-data personali meħtieġa għall-produzzjoni tal-istatistika. Dik l-istatistika għandha tinkludi:

(a)in-numru ta’ talbiet maħruġa għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, inklużi l-kriterji għat-talba tat-trasferiment, skont l-Istat rikjest;

(b)in-numru ta’ trasferimenti aċċettati u rrifjutati tal-proċedimenti kriminali, inklużi r-raġunijiet għar-rifjut, mill-Istat rikjedenti;

(c)in-numru ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li ma tkomplewx wara l-aċċettazzjoni ta’ trasferiment tal-proċedimenti kriminali;

(d)it-tul ta’ żmien biex tiġi trażmessa informazzjoni dwar id-deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali;

(e)in-numru ta’ rimedji legali mitluba kontra d-deċiżjonijiet biex jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, inkluż jekk hux mill-persuna suspettata, akkużata jew mill-vittma, u n-numru ta’ deċiżjonijiet ikkontestati b’suċċess;

(f)minn erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kostijiet imġarrba skont l-Artikolu 25(2).

2.Is-software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza u, fejn tkun mgħammra sabiex tagħmel dan, is-sistema back-end nazzjonali għandhom jiġbru b’mod programmatiku d-data msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-paragrafu 1 u jittrażmettuha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Artikolu 28

Emendi għaċ-ċertifikat

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 rigward l-emenda tal-Anness sabiex taġġorna jew tagħmel bidliet tekniċi f’dan l-Anness.

Artikolu 29

Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 28 għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 28 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 28 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Notifiki

1.Sa [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

(a)l-awtoritajiet li, f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu, ikunu kompetenti f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (4), biex joħorġu u/jew jivvalidaw u jeżegwixxu talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali;

(b)l-informazzjoni rigward l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali maħtura jekk l-Istat Membru jkun jixtieq jagħmel uzu mill-possibbiltà taħt l-Artikolu 18;

(c)il-lingwi aċċettati għat-talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u informazzjoni oħra ta’ sostenn.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku, jew fuq sit web apposta jew fuq is-sit web tan-Network Ġudizzjarju Ewropew maħluq mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI 76 .

Artikolu 31

Relazzjoni ma’ ftehimiet u arranġamenti internazzjonali

1.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri u Stati terzi, dan ir-Regolament jissostitwixxi, minn [data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta’ Proċedimenti f’Materji Kriminali tal-15 ta’ Mejju 1972 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’materji Kriminali tal-20 ta’ April 1959, applikabbli bejn l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament.

2.Minbarra dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu jew ikomplu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ Stati Membri oħra wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biss sakemm tali ftehimiet jew arranġamenti jippermettu li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ikomplu jissaħħu u jikkontribwixxu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali sakemm il-livell ta’ salvagwardji stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġi rrispettat.

3.Sa [data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni l-ftehimiet u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 li jixtiequ jkomplu japplikaw. Fi żmien tliet xhur l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni dwar l-iffirmar ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 32
Rappurtar

Sa ħames snin minn [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament appoġġat minn informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 27(1) u miġbura mill-Kummissjoni.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Qabel ma jsir applikabbli l-obbligu msemmi fl-Artikolu 22(1), il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti u, fejn applikabbli, bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, kif ukoll mal-Eurojust skont dan ir-Regolament għandha sseħħ bi kwalunkwe mezz alternattiv xieraq, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat skambju rapidu, sigur u affidabbli ta’ informazzjoni.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [l-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta’ sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

L-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-sistema deċentralizzata tal-IT għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandu japplika mill-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta’ sentejn wara l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri.
(2)     https://www.consilium.europa.eu/en/documents-publications/treaties-agreements/agreement/?id=1990106&DocLanguage=en  
(3)    BE, BG, CZ, DK, EE, EL, ES, FR, LT, LV, HU, NL, RO, SI, SK u SE.
(4)         https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52009IG0912%2801%29#ntc3-C_2009219EN.01000701-E0003  
(5)    Dan kien dovut għal bidla li saret fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet bl-aspettattiva espressa mill-Presidenza tal-Kunsill li jiġi ppreżentat strument ġdid skont it-Trattat ta’ Lisbona, id-Dokumenti tal-Kunsill 16437/09 u 16826/2/09.
(6)    Xi drabi, flimkien mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Mejju 2000.
(7)     https://rm.coe.int/1680074cc8  
(8)     https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9728-2019-INIT/mt/pdf  
(9)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020XG1204(02)  
(10)     Ir-rapport tal-Eurojust dwar it-trasferiment tal-proċedimenti fl-UE ppubblikat fl-2023, ir- “Rapport dwar ir-Rakkomandazzjonijiet bil-Miktub tal-Eurojust dwar il-Ġuriżdizzjoni” ippubblikat fl-2021, ir- “Rapport dwar il-każijiet tal-Eurojust fil-qasam tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni” ppubblikat fl-2018, u r- “Rapport tas-seminar strateġiku dwar il-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni, it-trasferiment tal-proċedimenti u n-ne bis in idem” , organizzat mill-Eurojust fl-2015. Il-konklużjonijiet tat-52 laqgħa plenarja tal-NĠE dwar ir-rwol tal-NĠE fit-trawwim tal-applikazzjoni prattika tal-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku tal-UE ppubblikati fl-2019.
(11)     https://commission.europa.eu/system/files/2023-01/cwp2022_en.pdf  
(12)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali.
(13)

   Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138.

(14)     https://www.eurojust.europa.eu/sites/default/files/assets/eurojust_jurisdiction_guidelines_2016_en.pdf  
(15)    Bħad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea.
(16)    Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali.
(17)    Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
(18)    Abbażi tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti jew tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
(19)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20).
(20)

   Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(21)

   Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(22)

   Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p.1).

(23)

   Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

(24)

   Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).

(25)

   Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).

(26)

   Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(27)    ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.
(28)    ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
(29)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021–2025, COM (2021) 170 final.
(30)

   COM/2020/713 final.

(31)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020XG1204(02)  
(32)     https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2021-0501_MT.html  
(33)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(34)

   Supra. at 11

(35)

    https://www.eur.nl/en/esl/research/our-research/eu-and-nwo-funded-research-projects/transfer-criminal-proceedings

(36)    SWD(2023) 77
(37)    Kif spjegat aktar fid-dokument ta’ ħidma tal-Persunal.
(38)

    https://www.eurojust.europa.eu/sites/default/files/assets/eurojust-report-on-the-transfer-of-proceedings-in-the-eu.pdf  

(39)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntieri, u li jemenda ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, COM/2021/759 final.
(40)    ĠU C , , p. .
(41)    ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.
(42)    ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
(43)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
(44)

   Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).

(45)

   Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(46)

   Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2002/475/ĠAI) (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(47)

   Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(48)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).
(49)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu eżegwiti fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27).
(50)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102).
(51)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(52)

   Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(53)

   Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1).

(54)    Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).
(55)    Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).
(56)    Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p.1).
(57)    Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).
(58)    Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma ssuspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).
(59)    Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).
(60)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (2013/C 378/02) (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8).

(61)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati soġġetti għal arrest preventiv u dwar il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni (C(2022) 8987 final).

(62)    Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).
(63)

   Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(64)    Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4).
(65)

   Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2).

(66)    Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19 ).
(67)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 13.
(68)    Ir-Regolament (UE) [...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntieri, u li jemenda ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (ĠU L...).
(69)

   Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(70)

   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(71)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(72)

   Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal‑eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(73)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, PE/37/2018/REV/1 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(74)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(75)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(76)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).
Top

Brussell, 5.4.2023

COM(2023) 185 final

ANNESS

għall-Proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll

dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f'materji kriminali

{SWD(2023) 77 final} - {SWD(2023) 78 final}


ANNESS

ĊERTIFIKAT GĦAT-TRASFERIMENT TA’ PROĊEDIMENTI KRIMINALI

L-iskop ta’ dan iċ-ċertifikat huwa biex:

☐ Issir konsultazzjoni dwar trasferiment possibbli ta’ proċedimenti kriminali;

☐ Jintalab trasferiment ta’ proċedimenti kriminali;

Taqsima A

Stat Rikjedenti: ..............................................................................................................................

Awtorità rikjesta: .........................................................................................................................

Stat Rikjedenti: ..............................................................................................................................

Awtorità rikjesta: ........................................................................................................................

Awtorità fl-Istat rikjest li ġiet ikkonsultata qabel din it-talba (jekk applikabbli): ………………………………………………………....……………………………………………

Taqsima B: Identità tal-persuna suspettata jew akkużata;

1. Agħti l-informazzjoni kollha, sa fejn tkun magħrufa, dwar l-identità tal-persuna suspettata jew akkużata. Jekk aktar minn persuna waħda hija kkonċernata, jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni għal kull persuna.

(I) Fil-każ ta’ persuna/i fiżika/ċi

Kunjom:    

Isem/ismijiet:    

Isem/ismijiet rilevanti ieħor/oħra, jekk applikabbli:    

Psewdonimi, jekk applikabbli:    

Sess:    

Ċittadinanza:    

Numru tal-identità jew numru tas-sigurtà soċjali:    

Tip u numru tad-dokument(i) tal-identità (karta tal-identità, passaport), jekk disponibbli:

   

Data tat-twelid:    

Post tat-twelid:    

Residenza u/jew indirizz magħruf; jekk l-indirizz mhux magħruf, niżżel l-aħħar indirizz magħruf:

   

Post tax-xogħol (inklużi d-dettalji ta’ kuntatt):……………………………………………………………

Dettalji oħra ta’ kuntatt (email, nru tat-telefown): ………………………………………………………….

Lingwa/i li l-persuna tifhem:……………………………………………………….

Informazzjoni rilevanti oħra: ………………………………………………………………………

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-pożizzjoni li l-persuna kkonċernata għandha fil-proċedimenti:

☐ Persuna suspettata

☐ Persuna akkużata.

(ii)    Fil-każ ta’ persuna/i ġuridika/ġuridiċi

Isem:    

Tip ta’ persuna ġuridika:    

Isem imqassar, isem ta’ użu komuni jew isem kummerċjali, jekk applikabbli:

   

Sede/uffiċċju reġistrat(a):    

Numru ta’ reġistrazzjoni:    

Indirizz tal-persuna ġuridika:    

Dettalji oħra ta’ kuntatt (email, nru tat-telefown): ………………………………………………….

Isem ir-rappreżentant tal-persuna ġuridika:    

Informazzjoni rilevanti oħra: ………………………………………………………………………

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-pożizzjoni li l-persuna kkonċernata għandha fil-proċedimenti:

☐ Persuna suspettata

☐ Persuna akkużata.

2. Opinjoni tal-persuna/i suspettata/i jew akkużata/i:

☐ Il-persuna suspettata jew akkużata talbet li tibda l-proċedura għat-trasferiment ta’ proċedimenti kriminali.

☐ Il-persuna suspettata jew akkużata ġiet infurmata bl-intenzjoni tat-trasferiment.

☐ Il-persuna suspettata jew akkużata ma ġietx infurmata bl-intenzjoni tat-trasferiment għaliex: ……………………………………………………………………………………………………..

☐ Il-persuna suspettata jew akkużata ressqet opinjoni dwar l-intenzjoni tat-trasferiment. L-opinjoni hija mehmuża ma’ din it-talba. Fil-qosor, hija tgħid li: ……………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

Taqsima C: L-identità tal-vittma

1. Agħti l-informazzjoni kollha, sa fejn tkun magħrufa, dwar l-identità tal-vittma. Jekk aktar minn persuna waħda hija kkonċernata, jekk jogħġbok ipprovdi l-informazzjoni għal kull persuna.

(i) Fil-każ ta’ persuna/i fiżika/ċi

Kunjom:    

Isem/ismijiet:    

Sess:    

Ċittadinanza:    

Numru tal-identità jew numru tas-sigurtà soċjali:    

Tip u numru tad-dokument(i) tal-identità (karta tal-identità, passaport), jekk disponibbli:

   

Data tat-twelid:    

Post tat-twelid:    

Residenza u/jew indirizz magħruf; jekk l-indirizz mhux magħruf, niżżel l-aħħar indirizz magħruf:

   

Post tax-xogħol (inklużi d-dettalji ta’ kuntatt):……………………………………………………………

Dettalji oħra ta’ kuntatt (email, nru tat-telefown): ………………………………………………………….

Lingwa/i li l-persuna tifhem:……………………………………………………….

Informazzjoni rilevanti oħra: ………………………………………………………………………

(ii)    Fil-każ ta’ persuna/i ġuridika/ġuridiċi

Isem:    

Tip ta’ persuna ġuridika:    

Isem imqassar, isem ta’ użu komuni jew isem kummerċjali, jekk applikabbli:

   

Sede/uffiċċju reġistrat(a):    

Numru ta’ reġistrazzjoni:    

Indirizz tal-persuna ġuridika:    

Dettalji oħra ta’ kuntatt (email, nru tat-telefown): ………………………………………………….

Isem ir-rappreżentant tal-persuna ġuridika:    

Informazzjoni rilevanti oħra: ………………………………………………………………………

2. Opinjoni tal-vittma/i

☐ Il-vittma talbet li tibda l-proċedura għat-trasferiment ta’ proċedimenti kriminali.

☐ Il-vittma ġiet infurmata bl-intenzjoni tat-trasferiment.

☐ Il-vittma ma ġietx infurmata bl-intenzjoni tat-trasferiment għaliex: ……………………………………………………………………………………………………..

☐Il-vittma ressqet opinjoni dwar l-intenzjoni tat-trasferiment. L-opinjoni hija mehmuża ma’ din it-talba. Fil-qosor, hija tgħid li: ……………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..

Taqsima D: Sommarju tal-fatti u l-kwalifika legali tagħhom

1. Deskrizzjoni tal-imġiba li wasslet għar-reat(i) kriminali li fir-rigward tagħha/hom qiegħda ssir it-talba flimkien ma’ sommarju tal-fatti sottostanti:    

       

   

2. L-istadju li fih waslu l-proċedimenti:

☐ investigazzjoni

☐ prosekuzzjoni

☐ proċess

3. In-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat(i) kriminali li għalih(om) tkun qiegħda ssir it-talba:

   

4. Piena massima, it-termini preskrittivi u t-test tad-dispożizzjoni/kodiċi statutorja inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mal-pieni:

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

Taqsima E: Informazzjoni dwar il-proċedura fl-Istat rikjedenti

1. Atti proċedurali meħuda mill-Istat rikjedenti: ………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

2. Informazzjoni dwar l-evidenza miġbura: ……………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

3. Lista ta’ dokumenti disponibbli fil-fajl tal-kawża:............................................................ ………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………

Taqsima F: Raġuni għat-talba

1. Raġunijiet għat-talba, inkluża ġustifikazzjoni għaliex it-trasferiment huwa meħtieġ u xieraq, u valutazzjoni tal-impatt/i tat-trasferiment fuq id-drittijiet tal-persuna/i suspettata/i jew akkużata/i u l-vittma/i: ………………………………………………………………...…

………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………

2. Kriterji għat-talba tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali:

☐ ir-reat kriminali jkun sar kollu jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, jew il-biċċa l-kbira tal-effetti jew parti sostanzjali tad-dannu kkawżat mir-reat kriminali tkun iġġarrbet fit-territorju tal-Istat rikjest;

☐ il-persuna suspettata jew akkużata hija ċittadina tal-Istat rikjest jew residenti fih;

☐ il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja din il-persuna lill-Istat rikjedenti jew abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA, jew tal-Artikolu 4(3) tagħha fejn tali rifjut ma jkunx ibbażat fuq sentenza finali mogħtija lil din il-persuna fir-rigward tal-istess reat kriminali li jipprevjeni proċedimenti kriminali ulterjuri, jew abbażi tal-Artikolu 4(7) ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru;

☐ il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja din il-persuna li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, jekk isib li, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen, abbażi ta’ evidenza speċifika u oġġettiva, li ċ-ċediment, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ikun jinvolvi ksur ċar ta’ dritt fundamentali rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta;

☐ il-biċċa l-kbira tal-evidenza rilevanti għall-investigazzjoni tinsab fl-Istat rikjest jew il-maġġoranza tax-xhieda rilevanti huma residenti fl-Istat rikjest;

☐ hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew fatti oħra kontra l-persuna suspettata jew akkużata;

☐ hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti jew fatti relatati kontra persuni oħra;

☐ il-persuna suspettata/akkużata qed tiskonta jew għandha tiskonta piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat rikjest;

☐ l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat rikjest x’aktarx ittejjeb il-prospetti għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata jew ikun hemm raġunijiet oħra għal eżekuzzjoni aktar xierqa tas-sentenza fl-Istat rikjesta; jew

☐ il-maġġoranza tal-vittmi huma ċittadini tal-Istat rikjest.

Taqsima G : Informazzjoni u talbiet addizzjonali (jekk applikabbli)

1. Jekk rilevanti, ipprovdi informazzjoni relatata ma’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea jew talba oħra għal assistenza preċedenti:................................................................

………………………………………………………………………………………………………

2. Informazzjoni addizzjonali fejn rilevanti: …………………………………………………..

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

3. Indika kwalunkwe kundizzjoni speċifika tal-ipproċessar tad-data personali trażmessa li l-awtorità rikjesta trid tikkonforma magħha (l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali): ……………………………….

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

4. Lista tad-dokumenti mehmuża: ……………………………………………………………………………….

………………………………………………………………………………………………………

………………………………………………………………………………………………………

 

TAQSIMA H: Dettalji tal-awtorità li ħarġet it-talba

1. Isem l-awtorità li ħarġet it-talba: ……………………………………………..……

Isem tar-rappreżentant / tal-punt ta’ kuntatt: …………………………………………….………………

Nru tal-fajl: ……………………………………………………………………………………………

Indirizz:    

Numru tat-telefon: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt)    

Posta elettronika:    

Lingwa/i li biha/hom huwa possibbli li ssir komunikazzjoni mal-awtorità rikjedenti:

   

2. Jekk differenti minn dawk ta’ hawn fuq, id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna/i li għandha/hom tiġi/jiġu kkuntattjata/i għal informazzjoni addizzjonali jew biex isiru arranġamenti prattiċi għat-trasferiment ta’ evidenza:

Isem/Titolu/Organizzazzjoni:    

Indirizz:    

Posta elettronika:    

Nru tat-Telefown ta’ Kuntatt: ………………………………………………………………………………

3. Firma tal-awtorità rikjedenti u/jew tar-rappreżentant tagħha li jiċċertifika li:

- il-kontenut tat-talba kif stabbilit f’din il-formola huwa preċiż u korrett, u li

- din it-talba nħarġet minn awtorità kompetenti,

Isem:    …………………………………………………………………………………………..

Kariga okkupata:    

Data:    

Timbru uffiċjali (jekk disponibbli):

TAQSIMA I: Dettalji tal-awtorità ġudizzjarja li vvalidat it-talba (jekk applikabbli)

1. Isem l-awtorità li tivvalida: … …………………………………..……………………..……

Isem tar-rappreżentant / tal-punt ta’ kuntatt: …………………………………………….………………

Nru tal-fajl: ……………………………………………………………………………………………

Indirizz:    

Numru tat-telefon: (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt)    

Posta elettronika:    

Lingwa/i li biha/hom hija possibbli l-komunikazzjoni mal-awtorità li tivvalida:

   

2. Jekk jogħġbok indika jekk l-punt ta’ kuntatt ewlieni fl-Istat rikjest jenħtieġx li jkun:

☐ l-awtorità rikjedenti

☐ l-awtorità li tivvalida

3. Firma tal-awtorità li tivvalida u/jew tar-rappreżentant tagħha li jiċċertifika li:

- il-kontenut tat-talba kif stabbilit f’din il-formola huwa preċiż u korrett, u li

- din it-talba nħarġet minn awtorità kompetenti,

 

Isem:    

Kariga okkupata:    

Data:    

Timbru uffiċjali (jekk disponibbli):

Top