IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.3.2023
COM(2023) 179 final
2023/0091(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-15-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifiki tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni u dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi, u l-aġġornament tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Il-15-il sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) se ssir f’Bern fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2023. L-aġenda tal-laqgħa tinkludi:
–Proposta għal reviżjoni tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTP) dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni;
–Proposta għal modifika tal-UTP dwar Metodu Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji;
–Proposta għal modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi;
–Proposta biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF.
L-OTIF tiżviluppa reġimi legali uniformi għat-trasport internazzjonali bil-ferrovija fi tliet oqsma ewlenin ta’ attività: l-interoperabbiltà teknika, l-oġġetti perikolużi u l-liġi kuntrattwali tal-ferroviji.
Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq li għandhom jiġu adottati mis-CTE huma atti li għandhom effetti legali u l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)
Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), hija ftehim internazzjonali li fih kemm l-Unjoni kif ukoll 25 Stat Membru huma Partijiet Kontraenti.
Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF”).
Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.
Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-OTIF għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tal-liġi b’rabta mat-traffiku internazzjonali bil-ferrovija. Il-COTIF tirregola wkoll it-tmexxija tal-Organizzazzjoni, l-objettivi, l-attribuzzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Kontraenti u l-attivitajiet tagħha b’mod ġenerali.
Għalhekk, il-COTIF tittratta l-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar għadd ta’ kwistjonijiet ferrovjarji legali u tekniċi differenti li jinqasmu f’żewġ partijiet: il-Konvenzjoni nnifisha, li tirregola t-tħaddim tal-OTIF, u t-tmien Appendiċijiet li jistabbilixxu liġi ferrovjarja uniformi:
–Appendiċi A – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali tal-Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV)
–Appendiċi B – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Oġġetti bil-Ferrovija (CIM)
–Appendiċi C – Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)
–Appendiċi D – Kuntratt tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUV)
–Appendiċi E – Kuntratt tal-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)
–Appendiċi F – Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji maħsub li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU UR)
–Appendiċi G – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR)
–Appendiċi H – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali (EST UR)
Abbażi tal-Appendiċijiet F u G tal-COTIF, hemm 12-il UTP għall-interoperabbiltà teknika. Il-UTPs fil-qafas tal-COTIF għandhom l-istess skop bħall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) tal-UE għall-ammissjoni għat-traffiku internazzjonali, kif definit fil-Kapitolu II tad-Direttiva (UE) 2016/797.
Mis-47 Stat li huma Partijiet għall-COTIF, 42, inkluż il-25 Stat Membru tal-UE diġà msemmija, japplikaw l-Appendiċijiet F u G.
2.2.Il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-OTIF
Is-CTE huwa stabbilit mill-Artikolu 13(1)(f) tal-COTIF. Huwa magħmul mill-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw l-Appendiċijiet F u G (APTU, ATMF) tal-COTIF.
Is-CTE għandu kompetenza fi kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u armonizzazzjoni teknika fil-qasam ferrovjarju u fil-proċeduri ta’ approvazzjoni teknika. Jiżviluppa l-Appendiċijiet APTU u ATMF u r-Regoli Uniformi tiegħu, li japplikaw għal materjal tal-ferroviji maħsub li jintuża fit-traffiku internazzjonali, li jikkonċernaw b’mod partikolari:
–l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi għall-vetturi u għall-infrastruttura u l-validazzjoni tal-istandards;
–il-proċeduri li jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-konformità tal-vetturi;
–id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-vetturi;
–ir-responsabbiltajiet għall-kompożizzjoni tal-ferroviji u l-użu sikur tal-vetturi;
–id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji;
–l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri.
Is-CTE bħalissa għandu grupp ta’ ħidma permanenti (WG TECH) li huwa responsabbli għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu.
Skont l-Artikolu 20(1)(b) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Appendiċi F (APTU), is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew jemenda l-UTPs. F’konformità mal-Artikolu 16(10) tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jipproponi reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu.
2.3.L-adozzjoni ta’ atti mis-CTE
Skont l-Artikolu 6 tal-APTU, is-CTE għandu jiddeċiedi jekk għandux jadotta UTP jew dispożizzjoni li temendaha f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16, 20 u 33 § 6 tal-Konvenzjoni. Il-proċess ta’ adozzjoni tas-soltu għall-UTPs jista’ jdum madwar sena u nofs.
2.4.L-atti previsti li għandhom jiġu adottati mis-CTE matul is-sessjoni fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2023
2.4.1.Reviżjoni tal-UTP dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni (UTP GEN-E)
Il-UTP GEN-E tiddeskrivi l-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni. Il-verżjoni attwali daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2011. Kienet ibbażata fuq l-Anness VIII tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità.
Ir-reviżjoni sħiħa tal-UTP GEN-E proposta mis-CTE hija ġġustifikata minn diversi żviluppi mid-dħul fis-seħħ tagħhom.
L-ewwel nett, id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva l-aktar reċenti għandha dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar il-kwalifika u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni mid-Direttiva preċedenti.
Ir-reviżjoni sħiħa proposta tal-UTP GEN-E għandha l-għan li:
–Tistruttura d-dispożizzjonijiet b’mod aktar ċar;
–Tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-UE;
–Tallinja d-dispożizzjonijiet mal-aħħar dispożizzjonijiet applikabbli fl-UE.
Konklużjoni: l-Unjoni Ewropea tista’ tivvota favur ir-reviżjoni tal-UTP GEN-E kif proposta mill-OTIF.
2.4.2.Modifika tal-UTP dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji (UTP GEN-E)
Il-UTP GEN-G tistabbilixxi proċedura armonizzata għall-ġestjoni tar-riskji relatati ma’ bidliet sinifikanti fis-sistema ferrovjarja jew, fis-subsistemi strutturali, jekk l-UTP tkun teħtieġ dan. Il-UTP GEN-G tirregola wkoll ir-rekwiżiti applikabbli għall-korpi indipendenti ta’ valutazzjoni tal-metodu komuni ta’ sikurezza. Bħalissa huma ekwivalenti għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1136.
Ir-reviżjoni proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-UTP GEN-G, biex tkopri l-evalwazzjoni u l-valutazzjonijiet tar-riskji relatati mas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza (SMS) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EST UR.
Din il-proposta ma tbiddilx id-dispożizzjonijiet tal-evalwazzjoni u tal-aċċettazzjoni tar-riskji għall-applikazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF UR. Dawn l-applikazzjonijiet huma primarjament relatati mal-valutazzjoni ta’ prodotti ġodda, bħall-materjal fuq ir-roti, il-manutenzjoni tal-vetturi jew il-bidliet fid-disinn, il-kostruzzjoni, jew il-manutenzjoni tal-prodotti, dment li dawn l-applikazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-APTU u tal-ATMF UR.
L-emendi se jżidu l-applikazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EST UR. Dawn l-applikazzjonijiet huma prinċipalment relatati ma’ bidliet operazzjonali u organizzattivi, inkluż bidliet fl-SMS, dment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EST UR.
Konklużjoni: l-Unjoni Ewropea tista’ tivvota favur il-modifika tal-UTP GEN-G kif proposta mill-OTIF.
2.4.3.Modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE)
L-Artikolu 16 § 10 tal-COTIF jirrikjedi li s-CTE jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li d-diskussjonijiet isiru bil-galbu u li d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti kollha jkunu ċari.
Il-modifika proposta tar-regoli ta’ proċedura għandha l-għan li:
–tqis il-prattiki stabbiliti mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn, u b’mod partikolari l-fatt li l-laqgħat ibridi saru n-norma;
–tqis rakkomandazzjoni adottata mill-Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-OTIF fil-5 ta’ April 2022 dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-ħidma tal-OTIF;
–tirrifletti l-prattika l-ġdida tas-CTE li joħroġ lista ta’ deċiżjonijiet ftit wara l-laqgħa tiegħu;
–tirrifletti d-deċiżjoni meħuda mis-CTE fl-14-il sessjoni tiegħu li warajha l-Istati kontraenti u l-organizzazzjonijiet reġjonali għandhom jiddeżinjaw punti fokali.
Konklużjoni: l-Unjoni Ewropea tista’ tivvota favur il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tas-CTE kif proposti mill-OTIF.
2.4.4.Aġġornament tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP dwar l-Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija (UTP TAF)
Il-UTP TAF, fis-seħħ mill-1.12.2017, tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, il-bażijiet tad-data maħsuba biex jintużaw ħalli jiġu traċċati l-ferroviji u l-movimenti tal-vaguni u l-informazzjoni li għandha titwassal lill-klijenti tal-merkanzija. Din hija ekwivalenti għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 tal-11 ta’ Diċembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema “applikazzjoni telematika għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (TSI dwar it-TAF). Ir-Regolament ġie emendat fis-26 ta’ Marzu 2021 bir-Regolament (UE) 2021/541.
Il-UTP TAF tagħmel referenza għad-dokumenti tekniċi tat-TSI dwar it-TAF li huma ppubblikati u aġġornati b’mod regolari fuq is-sit web tal-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA). Tali referenza ġiet inkluża fil-UTP biex id-dispożizzjonijiet tal-IT jiddaħħlu fil-COTIF iżda jiġu ġestiti mill-ERA. Peress li l-modifika ta’ dawn ir-referenzi tikkostitwixxi formalment modifika tal-UTP TAF, din trid tkun soġġetta għal deċiżjoni mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi f’konformità mal-Artikolu 20 § 1 b) tal-COTIF u l-Artikoli 6 u 8a tal-APTU.
B’konsegwenza ta’ dan, il-modifiki tad-dokumenti tekniċi msemmija fl-Appendiċi I tal-UTP TAF huma meħtieġa biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji, jitqies il-feedback, ikun hemm aġġornament mal-progress tekniku u tinżamm l-ekwivalenza mal-ispeċifikazzjonijiet applikati fl-UE.
Konklużjoni: l-Unjoni Ewropea tista’ tivvota favur il-proposta biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF li saru mill-OTIF.
2.5.Il-kompetenza u d-drittijiet tal-vot tal-Unjoni
Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-COTIF approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011:
“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-Konvenzjoni.
2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jew inkella l-Istati Membri tagħha.
3. Soġġett għall-Artikolu 26, il-paragrafu 7, tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvotaw.”
Skont id-dritt tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklużiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-COTIF jew l-istrumenti legali adottati skontha jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni.
L-objettiv tad-deċiżjonijiet proposti huwa li:
–jallinjaw il-UTP dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
–jallinjaw il-UTP dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 tat-30 ta’ April 2013 dwar il-metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 352/2009 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) b’rabta mas-Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza,
–jaġġornaw ir-regoli ta’ proċedura tas-CTE,
–jallinjaw ir-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF.
Ir-regoli tal-Unjoni se jiġu affettwati b’mod ċar mill-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Unjoni għandha tivvota favur għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Is-CTE huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-COTIF, b’mod partikolari l-Artikolu 13(1)(c) u (f).
L-atti li s-CTE huwa mitlub li jadotta matul il-15-il sessjoni tiegħu jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali.
L-atti previsti jimmodifikaw il-qafas legali tal-OTIF. Peress li l-Unjoni hija parti kontraenti sħiħa għall-COTIF, l-atti previsti se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mat-trasport internazzjonali bil-ferrovija.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0091 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-15-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifiki tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni u dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi, u l-aġġornament tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (il-“COTIF”), f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE u mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni COTIF (il-“Ftehim”).
(2)Skont l-Artikolu 13(1)(f) tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (“CTE”) tal-OTIF.
(3)Skont l-Artikolu 20(1)(b) tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regoli Uniformi dwar il-Validazzjoni tal-Istandards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji maħsub li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU) – l-Appendiċi F tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew jemenda, inter alia, il-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTP) li jikkonċernaw il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni (UTP GEN-E), dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji (UTP GEN-G), u dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (UTP TAF).
(4)F’konformità l-Artikolu 16(10) tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jipproponi reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu.
(5)Fl-aġenda tal-15-il sessjoni tiegħu li se ssir fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2023, is-CTE inkluda proposta għal deċiżjonijiet biex tiġi riveduta bis-sħiħ il-UTP GEN-E dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni, biex tiġi emendata l-UTP GEN-G dwar Metodu Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, biex jiġu mmodifikati r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi u biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF.
(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE, billi d-deċiżjonijiet proposti se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.
(7)L-objettivi ta’ dawk id-deċiżjonijiet huma li jallinjaw il-UTP GEN-E dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jirrevedu l-UTP GEN-G dwar Metodu Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, li jimmodifikaw ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi u li jallinjaw l-UTP TAF mar-regoli tal-UE, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/5419.
(8)Id-deċiżjonijiet previsti tal-OTIF huma f’konformità mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-15-il laqgħa tas-CTE tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fid-9 ta’ Mejju 1980 fir-rigward tal-modifiki tal-UTP GEN-E dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni u l-UTP GEN-E dwar Metodu Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi, u dwar l-aġġornament tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF għandha tkun kif ġej:
(1)li tivvota favur ir-reviżjoni proposta mis-CTE tal-UTP GEN-E dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet tal-valutazzjoni, kif jinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23005 UTP GEN-E
(2)li tivvota favur l-emendi proposti mis-CTE għall-UTP GEN-E dwar Metodi Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, kif jinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23006 UTP GEN-G
(3)li tivvota favur il-modifika proposta mis-CTE tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi, kif jinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23002 CTE
(4)li tivvota favur il-proposta tas-CTE biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF, kif jinsab fid-deċiżjoni tad-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-21009-CTE UTP TAF.
Artikolu 2
Ladarba jiġu adottati, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiġi indikata d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President