Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0148

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/943 u (UE) 2019/942 kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni

COM/2023/148 final

Strasburgu, 14.3.2023

COM(2023) 148 final

2023/0077(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/943 u (UE) 2019/942 kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2023) 58 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

1.1.Kuntest tal-politika

Il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu konsiderevolment tul l-2021 u l-2022. Dan ġara minħabba tnaqqis fil-provvista tal-gass, partikolarment wara l-bidu tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-użu tal-enerġija bħala arma, u anki minħabba nuqqas ta’ enerġija idroelettrika u nukleari fil-pajjiżi. Iż-żidiet fil-prezzijiet huma riżultat ukoll ta’ żieda fid-domanda għall-enerġija, hekk kif l-ekonomija dinjija bdiet tirpilja wara l-pandemija tal-COVID-19. Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet inħassew malajr mill-unitajiet domestiċi, mill-industrija u min-negozji madwar l-UE, u l-gvernijiet ħadu passi minnufih biex itaffuhom. Fil-livell Ewropew, l-UE pprovdiet sett ta’ għodod malajr għall-prezzijiet tal-enerġija 1 b’miżuri li jindirizzaw il-prezzijiet għoljin, partikolarment għall-aktar konsumaturi vulnerabbli (inkluż appoġġ għad-dħul, ħelsien mit-taxxa, iffrankar tal-gass, u miżuri tal-ħżin), u l-pjan REPowerEU 2 b’aktar miżuri u finanzjament biex jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli ħalli tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Sussegwentement, inħoloq reġim temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat 3 biex ċerti miżuri jkunu jistgħu jnaqqsu l-impatt tal-prezzijiet għoljin, reġim sod għall-ħżin tal-gass 4 , miżuri effettivi għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass 5 u l-elettriku 6 , proċessi aktar malajr għall-għoti tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli u għall-grilja 7 , u reġimi li jillimitaw il-prezzijiet biex jevitaw il-profitti mhux previsti fis-swieq tal-gass u fis-swieq tal-elettriku 8 .

Dawn il-miżuri għall-immedjat għenu lill-Istati Membri jindirizzaw id-diffikultajiet urġenti tal-kriżi tal-enerġija. Iżda l-kriżi wriet ukoll kemm il-konsumaturi u l-industriji huma esposti u n-nuqqas ta’ reżiljenza tagħna għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. In-negozji u ċ-ċittadini dehrilhom li l-impatt tal-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili fuq l-iffissar tal-prezzijiet tal-elettriku kien eċċessiv, filwaqt li l-abbiltà li l-Istati Membri jtaffu l-prezzijiet fl-immedjat b’kuntratti aktar fit-tul dehret li ma kinitx adegwata. Għaldaqstant, fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 9 , il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-ħtieġa ta’ riforma fundamentali fid-disinn tas-suq tal-elettriku.

Filwaqt li s-suq intern tal-enerġija tal-UE jipprovdi qligħ u tkabbir enormi madwar l-Ewropa, il-kriżi riċenti tal-enerġija ħarġet fid-dieher li l-fokus tad-disinn tas-suq tal-enerġija fuq l-immedjat jista’ jfixkel l-għanijiet usa’ u aktar fit-tul. Ir-riflessjoni tal-prezzijiet tal-immedjat fil-kontijiet tal-konsumaturi wasslet għal xokkijiet fil-prezzijiet, u l-kontijiet tal-enerġija ta’ ħafna konsumaturi triplikaw jew kwadruplikaw, anke meta l-kostijiet tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx bdew jonqsu; l-esponiment għal għarrieda għal prezzijiet volatili u għoljin ikkaġuna l-falliment ta’ xi fornituri; ħafna intrapriżi industrijali f’setturi intensivi fl-enerġija kienu kostretti jagħlqu. Għalhekk, il-proposta tinkludi sett ta’ miżuri mmirati biex joħolqu buffer bejn is-swieq tal-immedjat u l-kontijiet tal-elettriku mħallsa mill-konsumaturi, partikolarment billi jiġi inċentivat l-ikkuntrattar fit-tul, biex jitjieb il-funzjonament tas-swieq tal-immedjat għal integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli u titjib fir-rwol tal-flessibbiltà, u biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa u jitħarsu.

Il-volatilità riċenti tal-prezzijiet ħarġet fid-dieher ukoll in-nuqqas ta’ flessibbiltà fil-grilja tal-elettriku, li ħafna drabi l-prezzijiet jiġu stabbiliti wisq mill-ġenerazzjoni mħaddma bil-gass, u n-nuqqas ġenerali ta’ provvista flessibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ta’ rispons għad-domanda u ta’ ħżin tal-enerġija. Hekk kif aktar enerġija mir-riħ u mix-xemx qed tidħol fis-sistema, se jkunu meħtieġa teknoloġiji flessibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ħalli l-provvista varjabbli tiġi bilanċjata b’domanda varjabbli. B’mod paralleli ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni qed tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-avvanz fl-innovazzjoni, fit-teknoloġiji u fil-kapaċitajiet fejn tidħol il-ħażna.

B’mod aktar ġenerali, is-sensittività tal-prezz tal-elettriku għall-prezzijiet tal-fjuwils fossili ħarġet fid-dieher il-bżonn li titħaffef l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u li s-sistema tal-enerġija tkun flessibbli ħalli jiġu sostitwiti l-fjuwils fossili. Il-pjan REPowerEU jagħti din l-ispinta lill-enerġija rinnovabbli, u jagħti spinta wkoll lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Dan hu msejjes fuq l-isforz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex titjieb il-kompetittività Ewropea bl-innovazzjoni u bit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti, u hu allinjat mill-qrib mal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni. Biex jiġu ffaċilitati l-investimenti meħtieġa fid-dawl tal-volatilità riċenti tal-prezzijiet, l-interventi regolatorji mhux ikkoordinati u l-ostakli tal-grilja u regolatorji għad-dħul, hemm bżonn riforma fundamentali. Fl-aħħar, fir-Rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, iċ-ċittadini appellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu miżuri li “Itejbu s-sigurtà tal-enerġija Ewropea, u jiksbu l-indipendenza enerġetika tal-UE” u li “Inaqqsu d-dipendenza tal-UE minn atturi barranin f’setturi ekonomikament strateġiċi”, inkluż l-enerġija 10

1.2.Objettivi tal-proposta

Il-proposta tindirizza t-tħassib tal-konsumaturi, tal-industrija u tal-investituri dwar l-esponiment għal prezzijiet volatili fl-immedjat, xprunati minn prezzijiet għoljin tal-fjuwils fossili. Din se tottimizza d-disinn tas-suq tal-elettriku billi tikkumplimenta s-swieq tal-immedjat bi rwol akbar għall-istrumenti fit-tul, filwaqt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aktar kuntratti bi prezz fiss, u tiffaċilita l-investimenti fit-teknoloġiji nodfa. Fl-aħħar mill-aħħar, se tfisser li hemm bżonn tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-fjuwils fossili u se twassal għal prezzijiet orħos għall-konsumaturi waqt kriżi futura tal-fjuwils fossili minħabba l-kostijiet operazzjonali baxxi tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-proposta qed tippreżenta miżuri biex il-konsumaturi jitħarsu minn din il-volatilità, jingħataw is-setgħa b’għażla kuntrattwali akbar u aċċess aktar dirett għall-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-investiment għan-negozji, partikolarment dawk li jagħżlu perkorsi tad-dekarbonizzazzjoni, din tipproponi miżuri biex ittaffi l-esponiment għaż-żidiet fil-prezzijiet fl-immedjat bi ftehimiet għax-xiri tal-enerġija u aktar obbligi prudenzjali għall-fornituri tal-enerġija. Tipproponi wkoll miżuri biex jittejjeb il-mod kif l-enerġiji rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju varjabbli jiġu integrati fis-suq tal-immedjat. Dawn jinkludu l-miżuri li jsaħħu l-użu tar-rispons għad-domanda u tal-ħżin, fost forom oħra ta’ flessibbiltà nonfossili. Il-proposta ttejjeb u tiċċara wkoll l-aċċess għal kuntratti aktar fit-tul għall-iżviluppaturi (kemm dawk appoġġati mill-Istat bħal kuntratti għad-differenza, kif ukoll privati, bħall-ftehimiet għax-xiri tal-enerġija) biex jinkiseb dħul sigur u stabbli għall-iżviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jitnaqqsu r-riskju u l-kostijiet tal-kapital, filwaqt li jiġu evitati l-profitti mhux previsti fi żmienijiet ta’ prezzijiet għoljin.

Filwaqt li d-disinn tas-suq attwali wassal għal suq effiċjenti u dejjem aktar integrat fuq medda twila ta’ snin, il-kriżi tal-enerġija ħarġet fid-dieher għadd ta’ nuqqasijiet relatati ma’: (i) in-nuqqas ta’ għodod biżżejjed għall-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż n-negozji, mill-prezzijiet għoljin tal-immedjat; (ii) l-influwenza żejda tal-prezzijiet tal-fjuwils fossili fuq il-prezzijiet tal-elettriku u l-fatt li l-enerġija rinnovabbli bi prezz baxx u l-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tonqos milli tkun riflessa aħjar fil-kontijiet tal-elettriku; (iii) l-impatt tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u tal-interventi regolatorji fuq l-investiment; (iv) in-nuqqas ta’ flessibbiltà nonfossili biżżejjed (bħar-rispons għad-domanda jew il-ħżin) li tista’ tnaqqas id-dipendenza fuq il-ġenerazzjoni mħaddma bil-gass; (v) l-għażla limitata tat-tipi ta’ kuntratti tal-fornituri; (vi) id-diffikultajiet biex l-enerġija rinnovabbli tiġi aċċessata direttament bil-kondiviżjoni tal-enerġija; u (vii) l-ħtieġa ta’ monitoraġġ sod tas-suq tal-enerġija għal protezzjoni aħjar mill-abbuż tas-suq.

Biex il-konsumaturi jitħarsu mill-prezzijiet volatili, il-proposta se tipprevedi d-dritt għal kuntratti bi prezzijiet fissi u kuntratti bi prezzijiet dinamiċi, id-dritt għal kuntratti multipli u informazzjoni aħjar u aktar ċara dwar il-kuntratti. Il-konsumaturi se jiġu offruti varjetà ta’ kuntratti li jaqdu bl-aħjar mod iċ-ċirkostanzi tagħhom. B’dan il-mod, il-konsumaturi, inkluż in-negozji ż-żgħar, jistgħu jorbtu prezzijiet siguri u fit-tul biex itaffu l-impatt ta’ xokkijiet għal għarrieda fil-prezzijiet, u/jew jistgħu jagħżlu li jkollhom kuntratti tal-ipprezzar dinamiku mal-fornituri jekk ikunu jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-varjabbiltà tal-prezzijiet biex jużaw l-elettriku meta jkun orħos (eż. biex jiċċarġjaw il-karozzi elettriċi jew jużaw il-pompi tas-sħana). B’dan il-kombinament tal-ipprezzar dinamiku u tal-ipprezzar fiss ikunu jistgħu jinżammu l-inċentivi tas-suq għall-konsumaturi biex jaġġustaw id-domanda tagħhom għall-elettriku, filwaqt li tinkiseb aktar ċertezza wkoll għal dawk li jixtiequ jinvestu fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (eż. il-pannelli solari fuq il-bjut) u l-istabbiltà tal-kostijiet. Minbarra l-qafas ta’ protezzjoni eżistenti għall-konsumaturi foqra u vulnerabbli fl-enerġija, il-proposta se tipprovdi wkoll aċċess għal prezzijiet regolati bl-imnut għall-unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi tal-SMEs f’każ ta’ kriżi u tistabbilizza l-industrija tal-provvista billi teżiġi li l-fornituri jagħmlu aktar sforz biex jipproteġu miż-żidiet kbar fil-prezzijiet billi jużaw aktar kuntratti bil-quddiem mal-ġeneraturi (illokkjar bi prezzijiet futuri) u billi l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu reġim tal-fornitur tal-aħħar istanza. Il-proposta se tagħti s-setgħa lill-konsumaturi billi toħloq id-dritt li l-enerġija rinnovabbli tiġi kondiviża direttament, mingħajr il-ħtieġa li jinħolqu komunitajiet tal-enerġija. Kondiviżjoni akbar tal-enerġija (eż., il-kondiviżjoni tal-enerġija solari żejda mal-ġar) tista’ ttejjeb l-użu tal-enerġija rinnovabbli bi prezz baxx u tipprovdi aċċess akbar għall-użu dirett tal-enerġija rinnovabbli lill-konsumaturi li altrimenti ma jkollhomx aċċess bħal dan.

Biex iżżid l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-kost tal-enerġija, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE li qed tiffaċċja prezzijiet volatili eċċessivi, il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess tas-suq għal kuntratti u swieq aktar stabbli fit-tul. Ftehimiet għax-xiri tal-enerġija (PPAs) - kuntratti privati fit-tul bejn il-ġeneratur (tipikament tal-enerġija rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju) u l-konsumatur – jistgħu jipproteġu mill-volatilità tal-prezzijiet, iżda bħalissa dawn huma disponibbli fil-biċċa l-kbira biss għall-konsumaturi l-kbar tal-enerġija fi ftit Stati Membri. Ostaklu għat-tkabbir ta’ dan is-suq hu r-riskju ta’ kreditu li konsumatur mhux dejjem ikun jista’ jixtri l-elettriku tul il-perjodu kollu. Biex jindirizzaw dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istrumenti li jnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati ma’ inadempjenza ta’ ħlas off-taker tal-PPAs, inkluż skemi ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq, ikunu aċċessibbli għall-kumpaniji li jġarrbu xkiel għad-dħul fis-suq tal-PPAs u ma jkunux f’diffikultà finanzjarja. Biex it-tkabbir tas-suq għal ftehimiet bħal dawn ikompli jitħeġġeġ, l-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti ta’ appoġġ pubbliku jenħtieġ li jitħallew jirriżervaw sehem mill-ġenerazzjoni għall-bejgħ permezz ta’ PPA. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex japplikaw fi wħud mill-kriterji tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti biex jinċentivaw l-aċċess għas-suq tal-PPA lill-klijenti li jġarrbu xkiel għad-dħul. Finalment, anki l-obbligu tal-fornituri li jiħħeġġjaw b’mod xieraq jista’ jagħti spinta lid-domanda għal PPAs (li huma mod ta’ kif jiġu llokkjati l-prezzijiet futuri).

Xi forom ta’ appoġġ pubbliku jiżguraw li l-produttur tal-enerġija ikollu prezz minimu mill-gvern iżda xorta waħda jippermettu lill-produttur jaqla’ l-prezz sħiħ tas-suq anki meta dan il-prezz tas-suq ikun għoli ħafna. Bil-prezzijiet għoljin riċenti, ħafna enerġija (irħisa) appoġġata pubblikament kienet qed tirċievi dawn il-prezzijiet tas-suq għoljin. Biex dan jitnaqqas u b’hekk jiġu stabbilizzati l-prezzijiet, l-appoġġ għall-investiment jenħtieġ li jkun strutturat bħala “bidirezzjonali” (kuntratt bidirezzjonali għad-differenza), li jistabbilixxi prezz minimu iżda anki prezz massimu, u għalhekk kull dħul iżjed mil-limitu jitħallas lura. Il-proposta se tapplika għall-investimenti ġodda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, li jinkludu l-investimenti f’faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ġodda , l-investimenti mmirati biex jerġgħu jħaddmu l-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija eżistenti, u l-investimenti mmirati biex jestendu l-faċilitajiet eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jew biex itawlu l-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta teżiġi li dawn il-flus imbagħad jiġu direzzjonati biex jappoġġaw lill-konsumaturi kollha tal-elettriku bi proporzjon skont l-konsum tagħhom biex jittaffa l-effett tal-prezzijiet għoljin.

Mezz ieħor ta’ salvagwardja mill-prezzijiet volatili hu li jintużaw kuntratti fit-tul li jillokkjaw il-prezzijiet futuri (“kuntratti forward”). Dan is-suq juri likwidità baxxa f’ħafna Stati Membri iżda jista’ jingħata spinta madwar l-UE, biex aktar fornituri jew konsumaturi jkunu jistgħu jitħarsu minn prezzijiet eċċessivament volatili fuq medda itwal ta’ żmien. Il-proposta se toħloq prezzijiet ta’ referenza reġjonali permezz ta’ ċentru biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet u tobbliga lill-operaturi tas-sistema jippermettu drittijiet tat-trażmissjoni itwal minn sena, biex jekk kuntratt forward ikun bejn partijiet f’reġjuni jew fi fruntieri differenti, dawn ikunu jistgħu jiżguraw it-trażmissjoni tal-elettriku.

Fl-aħħar, biex jiġu żgurati swieq li jaġixxu b’mod kompetittiv u biex il-prezzijiet jiġu stabbiliti b’mod trasparenti, se tissaħħaħ l-abbiltà tar-regolaturi li jimmonitorjaw l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija.

It-tielet objettiv hu li tingħata spinta lill-investiment fl-enerġija rinnovabbli biex jiġi żgurat li l-użu jittriplika, f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan se jinkiseb parzjalment billi jittejbu s-swieq għall-kuntratti fit-tul. Il-ftehimiet għax-xiri tal-enerġija u l-kuntratti għad-differenza mhux biss jipprovdu prezzijiet stabbli lill-konsumaturi, iżda jagħtu wkoll dħul affidabbli lill-fornituri tal-enerġija rinnovabbli. Dan inaqqas ir-riskju finanzjarju tagħhom u jnaqqas ħafna l-kost tal-kapital tagħhom. Joħloq ċirku virtuż għax id-dħul stabbli jnaqqas il-kostijiet u jagħti spinta lid-domanda għall-enerġija rinnovabbli.

L-enerġija rinnovabbli hi wkoll investiment aħjar għax l-abbiltà tagħha li tipproduċi l-enerġija ma tiġix limitata b’restrizzjonijiet tekniċi fis-sistema. Aktar ma s-sistema tkun flessibbli (ġenerazzjoni li tista’ tinxtegħel jew tintefa malajr, ħażna li tista’ tassorbi jew tinjetta l-enerġija fis-sistema, jew konsumaturi risponsivi li jistgħu jżidu jew inaqqsu d-domanda tagħhom għall-enerġija) aktar jistgħu jkunu stabbli l-prezzijiet u aktar enerġija rinnovabbli tista’ tiġi integrata fis-sistema. Għal din ir-raġuni, il-proposta teżiġi li l-Istati Membri jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, jistabbilixxu objettivi biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet. L-Istati Membri jistgħu jfasslu jew ifasslu mill-ġdid il-mekkaniżmi tal-kapaċità biex jippromwovu flessibbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, il-proposta tiftaħ il-possibbiltà biex l-Istati Membri jintroduċu skemi ġodda ta’ appoġġ għal flessibbiltà nonfossili bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin.

L-operaturi tas-sistema jenħtieġ li jaqdu wkoll rwol imsaħħaħ li jintegra s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, parzjalment billi jżidu t-trasparenza madwar id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-konnessjoni mal-grilja. L-ewwel nett, din l-informazzjoni aktar ċara ttejjeb l-abbiltà li l-iżviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli jiżviluppaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni b’inqas konġestjoni tal-grilja. It-tieni, l-enerġija rinnovabbli tista’ tiġi negozjata u bilanċjata b’mod aktar effiċjenti fis-sistema jekk il-kummerċ bejn il-parteċipanti fis-suq ikun jista’ jsir eqreb lejn il-“ħin reali”. Jekk l-offerti għall-provvista tal-elettriku jsiru ftit minuti qabel il-konsum minflok sigħat qabel il-konsum, l-offerti mill-produtturi tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx ikunu aktar eżatti, tista’ tiġi kkonsmata aktar enerġija mir-riħ u mix-xemx, u jonqsu l-“kostijiet tal-iżbilanċ” tas-sistema. Għalhekk, l-iskadenzi tan-negozjar se jitqarrbu lejn il-ħin reali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-inizjattiva proposta hija marbuta ferm u kumplimentari mal-proposti leġiżlattivi mressqa fil-kuntest tal-Pakkett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tħaffef l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni stabbiliti fil-Pjan REPowerEU, partikolarment fir-rigward tal-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“RED II”), li hija l-istrument ewlieni tal-UE li jittratta l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-inizjattiva proposta hija kumplimentari għax għandha l-għan li tippermetti it-tħaffif fl-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura sorsi tad-dħul fit-tul aktar stabbli biex jitwettqu aktar investimenti fl-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-immedjat, li hu kruċjali għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tippermetti l-kondiviżjoni tal-enerġija biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fis-suq u jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija.

It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija b’sinjali tal-prezzijiet, il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika jew l-isforzi volontarji ħafna drabi huma l-orħos mod, u l-aktar mod sikur u nadif biex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili, nappoġġaw is-sigurtà tal-provvista u rraħħsu l-kontijiet tal-enerġija tagħna. Il-proposta se tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-suq u l-iżvilupp tar-rispons tagħhom għad-domanda. Se tippermetti wkoll flessibbiltà mhux fossili bħall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-ħżin biex jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi sabiex ir-rwol tal-gass naturali fis-suq tal-immedjat fil-provvista tal-flessibbiltà jitnaqqas progressivament. Għalhekk, il-proposta hija f’konformità maż-żieda proposta tal-mira tal-2030 għall-effiċjenza enerġetika għal 13 %, kif stabbilit fl-emendi proposti għad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u dwar l-Effiċjenza Enerġetika 11 li jakkumpanjaw il-Pjan REPowerEU 12 .

Hemm ukoll rabta importanti bejn il-proposta u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija li hija l-istrument ewlieni tal-UE biex tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ bini u rinnovazzjoni stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-proposta hija marbuta b’mod qawwi partikolarment mad-dispożizzjonijiet dwar is-submetraġġ u r-rispons għad-domanda flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni, bħala parti mill-Pakkett dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u espressa skont il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Solari tal-UE, dwar l-integrazzjoni obbligatorja gradwali tal-fotovoltajċi solari sabiex il-binjiet pubbliċi, kummerċjali u residenzjali jsiru newtrali għall-klima.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-objettivi tal-proposta li tipproteġi u li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi, ittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE u tagħti spinta lill-investiment fl-enerġija rinnovabbli u dik b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huma kompletament konsistenti mal-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u koerenti u komplementari għall-inizjattivi attwali, inkluża l-proposta leġiżlattiva għal “Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti” li qed tiġi adottata b’mod parallel. Din twieġeb għall-kwistjonijiet li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi “Pjan Industrijali Ekoloġiku għall-era ta’ emissjonijiet żero netti” maħruġa fl-1 ta’ Frar 2023 13 , , jiġifieri li l-kompetittività ta’ ħafna kumpaniji ddgħajfet ħafna mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija u li l-kuntratti tal-prezzijiet fit-tul jista’ jkollhom rwol importanti biex jippermettu lill-utenti tal-elettriku jibbenefikaw minn kostijiet aktar prevedibbli u aktar baxxi tal-enerġija rinnovabbli. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, il-proposta leġiżlattiva tikkomplementa r-reviżjoni li għaddejja tar-regolamenti rilevanti tas-suq finanzjarju bħar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq 14 . Il-proposta tibni wkoll fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika fejn l-Istati Membri huma mistiedna jkomplu jimmobilizzaw l-appoġġ finanzjarju pubbliku u privat għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli, jindirizzaw l-isfidi tal-mobbiltà u jippromwovu opportunitajiet ta’ ffrankar tal-kostijiet marbuta mal-ekonomija ċirkolari 15 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-proposta ta’ miżuri li għandhom l-għan, inter alia, li jiżguraw il-funzjonament tas-suq tal-enerġija, jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli tal-enerġija 16 . Fil-qasam tal-enerġija, l-UE għandha kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 4(2)(i) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-bżonn ta’ azzjoni mill-UE

In-natura mingħajr preċedent tal-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija xeħtet dawl fuq is-swieq tal-elettriku tal-UE. Minkejja s-sehem dejjem jikber tal-elettriku rinnovabbli bi prezz baxx madwar l-UE, hemm influwenza kontinwa tal-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili fuq il-kontijiet ġenerali tal-enerġija. L-unitajiet domestiċi u n-negozji madwar l-UE esperjenzaw żieda kbira fil-prezzijiet tal-enerġija matul il-kriżi.

Din hija kwistjoni ta’ rilevanza għall-UE kollha li tista’ tiġi indirizzata biss b’azzjoni fil-livell tal-UE. Iż-żieda fl-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku tal-UE tirrikjedi koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi nazzjonali, anke fil-kuntest tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tas-suq. L-interventi ta’ politika nazzjonali fis-settur tal-elettriku għandhom impatt dirett fuq l-Istati Membri ġirien minħabba l-interdipendenza enerġetika, l-interkonnessjonijiet mal-grilja u l-integrazzjoni kontinwa tas-suq tal-elettriku. Sabiex jiġi preservat il-funzjonament tas-sistema tal-elettriku u l-kummerċ u l-investimenti transfruntiera u sabiex titħaffef, b’mod koordinat, it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn sistema tal-enerġija aktar integrata u aktar effiċjenti fl-enerġija bbażata fuq il-ġenerazzjoni rinnovabbli, huwa meħtieġ approċċ komuni.

L-emendi proposti jistabbilixxu bilanċ bejn l-obbligi u l-flessibbiltà li jitħallew f’idejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi ewlenin segwiti biex jiġi żgurat li l-kost aktar baxx tal-elettriku rinnovabbli jiġi rifless fil-kontijiet tal-konsumaturi u biex tingħata spinta lill-użu tal-enerġija rinnovabbli.

Barra minn hekk, l-objettiv tal-miżuri proposti jista’ jinkiseb biss b’azzjoni fil-livell tal-UE, mhux fil-livell tal-Istati Membri individwali, peress li l-azzjoni proposta tirrikjedi bidliet fil-qafas eżistenti madwar l-UE għad-disinn tas-suq tal-elettriku kif stabbilit fir-Regolament dwar l-Elettriku (UE) 2019/943 u fid-Direttiva dwar l-Elettriku (UE) 2019/944 kif ukoll fil-qafas REMIT eżistenti.

Il-valur miżjud tal-UE

L-azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati d-defiċenzi tad-disinn attwali tas-suq tal-elettriku ġġib valur miżjud minħabba li hija aktar effiċjenti u effettiva mill-azzjonijiet tal-Istati Membri individwali, u b’hekk jiġi evitat approċċ frammentat. Il-miżuri proposti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati se jkunu aktar ambizzjużi u kosteffettivi jekk ikunu xprunati minn qafas legali u ta’ politika komuni. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell tal-Istati Membri tkun possibbli biss fi ħdan ir-restrizzjonijiet tal-qafas eżistenti madwar l-UE għad-disinn tas-suq tal-elettriku kif stabbilit fir-Regolament dwar l-Elettriku u fid-Direttiva dwar l-Elettriku kif ukoll fir-Regolament REMIT u ma tkunx tista’ tikseb il-bidliet meħtieġa għal dak il-qafas. Konsegwentement, l-objettivi ta’ din l-inizjattiva ma jistgħux jintlaħqu biss mill-Istati Membri nfushom u dan huwa fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE tipprovdi valur miżjud.

Proporzjonalità

L-emendi proposti għar-Regolament dwar l-Elettriku, għad-Direttiva dwar l-Elettriku, għar-Regolament REMIT u għar-Regolament dwar l-ACER huma meqjusin proporzjonati.

Il-miżuri proposti biex jinċentivaw l-użu ta’ kuntratti fit-tul bħal ftehimiet għax-xiri tal-enerġija u kuntratti bidirezzjonali għad-differenzi jistgħu jwasslu għal kostijiet u piż amministrattivi akbar għall-intrapriżi u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, l-impatti ekonomiċi previsti huma meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi inċentivat l-użu ta’ tali kuntratti fit-tul u li jiġi żgurat li l-kontijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji Ewropej kif ukoll id-dħul ta’ teknoloġiji tal-fjuwils mhux fossili b’kostijiet varjabbli baxxi jsiru aktar indipendenti mill-fluttwazzjoni tal-prezzijiet fi swieq tal-immedjat u għalhekk aktar stabbli fuq perjodi itwal ta’ żmien.

Il-miżuri previsti biex itejbu l-likwidità u l-integrazzjoni tas-swieq jistgħu jiġġeneraw ukoll xi impatt fl-immedjat fuq in-negozji, peress li dawn ikollhom jiġu adattati għal arranġamenti kummerċjali ġodda. Madankollu, dawn jitqiesu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi previsti, jiġifieri li tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili għall-flessibbiltà, u fl-aħħar mill-aħħar l-ilħuq tan-newtralità tal-karbonju fl-Unjoni b’kostijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Dawn huma wkoll proporzjonati għal dawn l-objettivi, peress li l-impatt fuq in-negozji jidher minimu meta mqabbel mal-qafas attwali u l-qligħ ekonomiku tar-riforma fil-biċċa l-kbira se jaqbeż kwalunkwe riorganizzazzjoni amministrattiva fl-immedjat jew fit-tul.

Huma wkoll proporzjonati mal-objettivi segwiti biex ma jiġux previsti miżuri li jemendaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fir-Regolament dwar l-Elettriku u fid-Direttiva dwar l-Elettriku fejn kwalunkwe kwistjoni identifikata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet eżistenti tista’ tiġi indirizzata permezz tal-mod ta’ applikazzjoni jew ta’ implimentazzjoni tagħhom. Eżempju bħal dan huwa relatat mal-miżuri li jikkonċernaw l-adegwatezza tar-riżorsi fil-Kapitolu IV tar-Regolament dwar l-Elettriku, partikolarment, il-proċess għall-Istati Membri biex jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità, li jistgħu jiġu ssimplifikati mingħajr ma jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti.

Il-miżuri previsti biex jissaħħu l-għoti tas-setgħa, id-drittijiet u l-protezzjonijiet tal-konsumaturi se jespandu d-dmirijiet u l-obbligi mqiegħda fuq il-fornituri u l-operaturi tan-network. Madankollu, il-piżijiet addizzjonali huma meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħaq l-objettiv li jkun żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni aħjar u għal varjetà aħjar tal-offerti, li l-kontijiet tal-elettriku tagħhom jiġu diżakkoppjati mill-movimenti fl-immedjat fis-swieq tal-enerġija, u li r-riskju bejn il-fornituri u l-konsumaturi jiġi ribilanċjat.

Il-miżuri previsti biex jittejjeb il-qafas REMIT jistgħu jżidu l-obbligi ta’ rapportar għall-parteċipanti fis-suq minħabba kamp ta’ applikazzjoni usa’ ta’ REMIT. Dawn il-miżuri huma meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv li jiżdiedu t-trasparenza u l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u li jiġu żgurati investigazzjoni u infurzar aktar effettivi ta’ każijiet transfruntiera fl-UE sabiex il-konsumaturi u l-parteċipanti fis-suq ikollhom fiduċja fl-integrità tas-swieq tal-enerġija, il-prezzijiet jirriflettu interazzjoni ġusta u kompetittiva bejn il-provvista u d-domanda u ma jkun jista’ jinkiseb l-ebda profitt mill-abbuż tas-suq. Huma wkoll proporzjonati għal dak l-objettiv, peress li l-kisbiet f’termini ta’ kwalità tal-monitoraġġ u tas-sorveljanza tas-suq jaqbżu kwalunkwe kost amministrattiv fl-immedjat jew fit-tul.

Fl-aħħar, il-pakkett ġenerali ta’ miżuri propost jitqies xieraq minħabba l-ħtieġa ġenerali li tinkiseb in-newtralità klimatika bl-anqas kost għall-konsumaturi filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvisti.

Għażla tal-istrument

Il-proposta se temenda r-Regolament dwar l-Elettriku, id-Direttiva dwar l-Elettriku, ir-Regolament REMIT, ir-Regolament dwar l-ACER u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Minħabba li l-proposta għandha l-għan li żżid sett limitat ta’ dispożizzjonijiet ġodda u temenda sett limitat ta’ dispożizzjonijiet eżistenti f’dawn l-istrumenti, ir-rikors għal att emendatorju huwa adegwat. Għall-istess raġuni, jidher ukoll xieraq li jintuża l-istrument ta’ regolament emendatorju biex jiġu introdotti emendi kemm għar-regolamenti eżistenti kif ukoll għad-direttivi eżistenti.

3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bi tħejjija għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika mit-23 ta’ Jannar 2023 sat-13 ta’ Frar 2023. Il-konsultazzjoni kienet miftuħa għal kulħadd.

Il-Kummissjoni rċeviet 1369 tweġiba għal din il-konsultazzjoni. Aktar minn 700 minn dawn ġew minn ċittadini, madwar 450 minn negozji u assoċjazzjonijiet tan-negozju, madwar 40 minn amministrazzjonijiet nazzjonali jew lokali jew minn regolaturi nazzjonali u madwar 70 minn operaturi tan-network. Barra minn hekk, ipparteċipaw madwar 20 komunità tal-enerġija, 15-il tradeunion u 20 organizzazzjoni tal-konsumaturi. Għadd sinifikanti ta’ NGOs, gruppi ta’ riflessjoni u riċerka jew organizzazzjonijiet akkademiċi oħrajn ippreżentaw tweġibiet ukoll. Ħarsa ġenerali lejn l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati hija disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din l-inizjattiva leġiżlattiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ konsultazzjoni mmirata online mal-partijiet ikkonċernati fil-15 ta’ Frar 2023 li kienet tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ madwar 70 attur tas-suq, organizzazzjonijiet mhux governattivi, operaturi tan-network, ACER u regolaturi nazzjonali, gruppi ta’ riflessjoni u akkademiċi. Kumplessivament, il-konsultazzjoni enfasizzat li l-partijiet ikkonċernati qiesu li:

Is-swieq tal-immedjat u l-mekkaniżmu tal-ipprezzar ibbażati fuq l-ipprezzar marġinali għandhom jiġu ppreservati, peress li jiffunzjonaw tajjeb u jipprovdu s-sinjali tal-prezzijiet it-tajba. Is-swieq tal-immedjat (ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata) huma żviluppati sew, u jirriżultaw minn snin ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija.

Is-swieq tal-immedjat jeħtieġ li jiġu kkomplementati bi strumenti li jinċentivaw sinjali tal-prezzijiet fit-tul, bħal dawk indikati f’konsultazzjoni mill-Kummissjoni, partikolarment l-ftehimiet għax-xiri tal-enerġija (“PPA”), il-kuntratti għad-differenza, u s-swieq forward imtejba. Għandu jiġi stabbilit il-bilanċ it-tajjeb bejn l-għodod differenti. Madankollu, ma għandux ikun hemm skemi obbligatorji, u għandha tiġi ppreservata l-libertà tal-għażla tal-kuntratti rilevanti.

Il-benefiċċji ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin ġew rikonoxxuti, speċjalment fil-kuntest ta’ sehem dejjem akbar ta’ sorsi rinnovabbli. Il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq għandha tiġi ffaċilitata.

Is-swieq futuri tal-elettriku se jkollhom jiġu adattati għal sehem għoli ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, għandu jkun hemm aktar enfasi fuq id-dimensjoni lokali u l-iżvilupp tal-grilja. Dawn l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati mis-soluzzjonijiet ippreżentati fil-konsultazzjoni pubblika.

Il-protezzjoni tal-konsumatur hija essenzjali, bħalma hija l-affordabbiltà tal-enerġija, iżda l-preservazzjoni tas-sinjali għar-rispons għad-domanda hija daqstant importanti. Soluzzjonijiet emerġenti bħall-komunitajiet tal-enerġija, l-awtokonsum, il-kondiviżjoni tal-enerġija għandhom ikunu permessi u inċentivati.

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal

Minħabba l-urġenza tal-inizjattiva, ġie prodott Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal minflok valutazzjoni tal-impatt. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jsostni din il-proposta jistabbilixxi l-ispjegazzjoni u r-raġunament wara l-proposti tal-Kummissjoni għal rispons strutturali għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija esperjenzati mill-unitajiet domestiċi u n-negozji u biex jiżgura enerġija sigura, nadifa u affordabbli għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji fil-futur kif ukoll jippreżenta l-evidenza disponibbli ta’ rilevanza għall-miżuri proposti.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jikkonkludi li l-pakkett ta’ riformi proposti huwa mistenni li jtejjeb konsiderevolment l-istruttura u l-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku. Huwa element kostitwenti ieħor li jippermetti l-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u barra minn hekk iqis in-nuqqasijiet żvelati mill-kriżi tal-enerġija u jfittex li jindirizzahom.

Id-dokument juri li r-riforma se tikkontribwixxi għall-protezzjoni u għall-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi li bħalissa qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin u volatili billi toħloq buffer bejniethom u s-swieq tal-immedjat. Din il-proposta se tissepara l-prezzijiet għoljin tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili li joperaw fis-suq tal-elettriku mill-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi u tan-negozji. Aktar opportunitajiet ta’ kuntrattar fit-tul fil-forma ta’ PPAs, kuntratti għad-differenza u swieq forward se jiżguraw li l-parti tal-kont tal-elettriku esposta għal swieq tal-immedjat tista’ titnaqqas ħafna. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ obbligu ta’ ħħeġġjar fuq il-fornituri u obbligu li jiġu offruti wkoll kuntratti bi prezzijiet fissi se jżidu konsiderevolment l-opzjonijiet biex titnaqqas l-iskopertura tal-volatilità tal-prezzijiet għall-kontijiet tal-elettriku. Il-konsumaturi se jkollhom ukoll informazzjoni aħjar dwar l-offerti qabel ma jiffirmaw u l-Istati Membri se jkollhom obbligu li jistabbilixxu fornituri tal-aħħar istanza. Barra minn hekk, dawn jistgħu jippermettu l-aċċess għal prezzijiet regolati bl-imnut fi kriżi. Id-dritt għall-kondiviżjoni tal-enerġija huwa karatteristika ġdida li se tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u se tappoġġa t-tnedija deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli peress li tagħti lill-konsumaturi aktar kontroll fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jispjega kif din ir-riforma se ttejjeb ukoll il-kompetittività tal-industrija tal-UE b’mod li huwa kompletament komplementari għall-Att dwar l-Industrija ta’ emissjonijiet żero netti. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jiżguraw li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet it-tajba biex is-swieq tal-PPA jiżviluppaw, u b’hekk jipprovdu lill-industrija aċċess għal elettriku affordabbli u nadif fit-tul. It-titjib fis-swieq forward se jipprovdi aċċess ferm akbar għall-enerġija rinnovabbli transfruntiera għall-industriji u l-fornituri sa tliet snin minn qabel, titjib sinifikanti meta mqabbel mal-lum. Kumplessivament, l-iskemi ta’ appoġġ pubbliku għall-enerġija rinnovabbli se jżidu l-indipendenza enerġetika fl-Istati Membri u l-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema filwaqt li jappoġġaw l-impjiegi u l-ħiliet lokali.

Id-dokument juri li din ir-riforma se taċċellera t-tnedija tal-enerġija rinnovabbli u se tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni soda u s-soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jintegraw livelli dejjem ogħla ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jivvalutaw il-ħtieġa tagħhom għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u jippermettu l-introduzzjoni ta’ skemi ġodda ta’ appoġġ għar-rispons u l-ħżin tad-domanda. Il-proposta tintroduċi wkoll possibbiltajiet addizzjonali għall-enerġija rinnovabbli għall-kummerċ eqreb lejn il-ħin reali fil-livell transfruntier u nazzjonali. B’dan il-mod, is-suq jista’ jappoġġa aħjar l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-każ tan-negozju għal soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà li jistgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista.

Fl-aħħar, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jiddeskrivi kif din il-proposta twieġeb għat-talba mill-Kunsill Ewropew biex jiġu vvalutati modi kif jiġi ottimizzat il-funzjonament tad-disinn tas-suq tal-elettriku fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija. Dan għandu l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi, joħloq buffer bejnhom u bejn swieq tal-elettriku tal-immedjat bi kkuntrattar fit-tul u li jagħmel dawk is-swieq tal-immedjat jaħdmu b’mod aktar effiċjenti għall-enerġija rinnovabbli u għas-soluzzjonijiet tal-flessibbiltà, b’sorveljanza regolatorja aħjar. Din il-proposta tiżgura li r-regoli tas-suq jibqgħu adegwati għall-iskop li jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni kosteffettiva tas-settur tal-elettriku u jżidu r-reżiljenza tiegħu għall-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija.

Ġbir u użu tal-għarfien espert 

It-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva attwali u tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hija bbażata fuq korp kbir ta’ materjal, li huwa rreferenzjat fin-noti ta’ qiegħ il-paġna fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, u fuq it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika.

Drittijiet fundamentali 

Din il-proposta jista’ jkollha impatt fuq għadd ta’ drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE, partikolarment: il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Madankollu, kif spjegat hawn fuq, sal-punt li l-miżuri proposti jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, dawn l-impatti jitqiesu meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta u għalhekk jikkostitwixxu limitazzjonijiet leġittimi ta’ dawn id-drittijiet kif permessi skont il-Karta.

Min-naħa l-oħra, il-proposta ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni (l-Artikolu 21), l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (l-Artikolu 36), l-integrazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali (l-Artikolu 37) u d-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47), partikolarment permezz ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar l-għoti tas-setgħa, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-emendi proposti għad-Direttiva dwar l-Elettriku, ir-Regolament dwar l-Elettriku, ir-Regolament REMIT u r-Regolament dwar l-ACER jiffokaw fuq dak li huwa meqjus meħtieġ biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tad-disinn attwali tas-suq tal-elettriku fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija u biex jikkontribwixxu b’mod kosteffettiv għall-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni. Dawn ma jikkostitwux reviżjoni sħiħa ta’ dawn l-istrumenti.

Il-proposta tista’ żżid ir-rekwiżiti amministrattivi għall-amministrazzjonijiet u l-intrapriżi nazzjonali, għalkemm b’mod proporzjonat kif spjegat hawn fuq. Pereżempju, il-miżuri proposti biex jinċentivaw l-użu ta’ kuntratti fit-tul bħall-ftehimiet għax-xiri tal-enerġija u l-kuntratti bidirezzjonali għad-differenzi jistgħu jwasslu għal kostijiet u piż amministrattivi akbar għall-intrapriżi u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, l-impatti ekonomiċi previsti se jkunu ta’ benefiċċju pożittiv għan-negozji u għall-konsumaturi.

Il-miżuri previsti biex itejbu l-likwidità u l-integrazzjoni tas-swieq jistgħu jiġġeneraw ukoll xi impatt fl-immedjat fuq in-negozji, peress li dawn ikollhom jiġu adattati għal arranġamenti kummerċjali ġodda. Madankollu, dawn huma meqjusa bħala minimi meta mqabbla mal-qafas attwali, peress li l-qligħ ekonomiku tar-riforma fil-biċċa l-kbira se jaqbeż kwalunkwe riorganizzazzjoni amministrattiva fl-immedjat jew fit-tul.

Il-miżuri previsti għat-tisħiħ tal-għoti tas-setgħa, id-drittijiet u l-protezzjonijiet tal-konsumaturi se jespandu d-dmirijiet u l-obbligi mqiegħda fuq il-fornituri u l-operaturi tan-network bl-objettiv li jtejbu l-għażla, iżidu l-protezzjoni u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva fis-suq mill-konsumaturi, partikolarment l-unitajiet domestiċi. Madankollu, il-piżijiet addizzjonali huma minimi minħabba li dawn l-oqfsa qegħdin jiġu implimentati madwar l-Ewropa u għalhekk hija meħtieġa s-simplifikazzjoni tar-regoli.

Il-miżuri previsti biex jittejjeb il-qafas REMIT jistgħu jżidu l-obbligi ta’ rapportar fuq ċerti parteċipanti fis-suq, għalkemm b’mod proporzjonat. Madankollu, dawn jitqiesu bħala minimi meta mqabbla mal-qafas attwali peress li l-kisbiet f’termini ta’ kwalità tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tas-suq jegħlbu kwalunkwe kost amministrattiv fl-immedjat jew fit-tul.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-impatt baġitarju assoċjat mal-proposta dwar it-titjib tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE jikkonċerna r-riżorsi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u tad-DĠ Enerġija li huma deskritti fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta. Essenzjalment, għall-kompiti l-ġodda li għandhom jitwettqu mill-ACER 4 se jkunu meħtieġa ekwivalenti addizzjonali għall-full-time (FTE) għall-ACER mill-2025 ’il quddiem, kif ukoll riżorsi finanzjarji korrispondenti. L-ammont ta’ xogħol tad-DĠ Enerġija se jiżdied bi 3 FTEs.

L-impatt baġitarju assoċjat mal-proposta li temenda r-REMIT jikkonċerna r-riżorsi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u tad-DĠ Enerġija li huma deskritti fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta.Essenzjalment, il-kompiti l-ġodda li għandhom jitwettqu mill-ACER, speċjalment fir-rigward tas-setgħat investigattivi msaħħa jirrikjedu introduzzjoni gradwali ta’ 25 ekwivalenti addizzjonali għall-full-time (FTE) fl-ACER mill-2025, kif ukoll riżorsi finanzjarji korrispondenti, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-persunal addizzjonali se jiġi ffinanzjat mit-tariffi. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li tiġi adattata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2152 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-drittijiet dovuti lill-ACER għal kompiti skont REMIT. L-ammont ta’ xogħol tad-DĠ Enerġija se jiżdied b’żewġ FTE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se timmonitorja t-traspożizzjoni u l-konformità tal-Istati Membri u ta’ atturi oħrajn mal-miżuri li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiġu adottati u se tieħu miżuri ta’ infurzar jekk u meta jkun meħtieġ. Għall-finijiet ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tkun appoġġata partikolarment mill-ACER, partikolarment fir-rigward tar-Regolament REMIT. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-ACER u mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tar-Regolament dwar l-Elettriku u tad-Direttiva dwar l-Elettriku.

Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tkun disponibbli għal laqgħat bilaterali u għal telefonati mal-Istati Membri f’każ ta’ mistoqsijiet speċifiċi.

Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposti  

L-emendi li jikkonċernaw ir-Regolament dwar l-Elettriku jipprovdu kjarifiki għall-kamp ta’ applikazzjoni u s-suġġett tar-Regolament, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta’ sinjali tas-suq mingħajr distorsjoni li jipprevedu aktar flessibbiltà kif ukoll ir-rwol ta’ investimenti fit-tul biex tittaffa l-volatilità tal-prezzijiet tas-suq tal-immedjat fuq il-kontijiet tal-elettriku tal-konsumaturi inklużi l-industriji intensivi fl-enerġija, l-SMEs u l-unitajiet domestiċi. Dan jiċċara ċerti prinċipji ewlenin għan-negozjar fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Dan jipprevedi regoli ġodda dwar l-akkwist mit-TSOs tar-rispons tad-domanda fil-forma ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda u regoli li jippermettu lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jużaw id-data minn apparati ta’ metraġġ dedikati. Dan jistabbilixxi regoli ġodda dwar is-swieq tal-elettriku forward, biex itejjeb il-likwidità tagħhom. Jinkludi regoli ġodda li għandhom l-għan li jiċċaraw u li jinċentivaw ir-rwol u l-użu ta’ kuntratti fit-tul fil-forma ta’ ftehimiet għax-xiri tal-enerġija u kuntratti bidirezzjonali għad-differenza. Dan jipprevedi regoli ġodda dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà mill-Istati Membri, il-possibbiltà għalihom li jintroduċu skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà u prinċipji ta’ disinn għal skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà bħal dawn. Dan jintroduċi wkoll rekwiżiti ġodda ta’ trasparenza għall-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward tal-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fil-grilja.

L-emendi li jikkonċernaw id-Direttiva dwar l-Elettriku jipprevedu regoli ġodda dwar il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi. L-emenda rigward l-Għażla Libera tal-Fornitur tintroduċi rekwiżiti ġodda biex jiġi żgurat li l-klijenti jista’ jkollhom aktar minn fornitur wieħed fil-bini tagħhom, billi tippermetti diversi metri (xi drabi msejħa s-submetri) għal punt ta’ konnessjoni wieħed.

L-emendi dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur u l-protezzjoni jiżguraw li l-klijenti jiġu offruti varjetà ta’ kuntratti li l-aħjar li jissodisfaw iċ-ċirkostanzi tagħhom, billi jiżguraw li l-klijenti kollha jkollhom tal-anqas offerta waħda ta’ żmien fiss u prezz fiss. Barra minn hekk, il-klijenti jridu jiġu pprovduti b’informazzjoni prekuntrattwali ċara fir-rigward ta’ dawn l-offerti.

Huwa stabbilit ukoll dritt ġdid għall-unitajiet domestiċi u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jipparteċipaw fil-kondiviżjoni tal-enerġija - jiġifieri l-awtokonsum minn klijenti attivi tal-enerġija rinnovabbli ġġenerata jew maħżuna lil hinn mis-sit jew minn faċilitajiet li għandhom, li jikruhom kollha kemm huma jew parti minnhom jew li ġew ittrasferiti lilhom minn klijent attiv ieħor.

Qegħdin jiġu introdotti wkoll protezzjonijiet ġodda importanti għall-klijenti biex tiġi żgurata l-provvista kontinwa tal-elettriku – inkluż ir-rekwiżit għall-Istati Membri li jaħtru fornituri tal-aħħar istanza li jieħdu r-responsabbiltà għall-klijenti ta’ fornituri li fallew u l-protezzjoni mill-iskonnessjoni għal klijenti vulnerabbli. Il-fornituri se jkunu meħtieġa wkoll jistabbilixxu ġestjoni tar-riskju biex jillimitaw ir-riskju ta’ falliment, billi jimplimentaw strateġiji xierqa ta’ ħħeġġjar. Dawn se jiġu ssorveljati minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

L-emendi għad-Direttiva dwar l-Elettriku jintroduċu rekwiżiti ġodda ta’ trasparenza għall-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fil-grilja. Din tiċċara r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji fir-rigward tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.

L-emendi li jikkonċernaw ir-Regolament REMIT jadattaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-REMIT għaċ-ċirkostanzi attwali u evolventi tas-suq, fost l-oħrajn billi jestendu l-ambitu tar-rappurtar tad-data għas-swieq il-ġodda tal-ibbilanċjar tal-elettriku u għas-swieq akkoppjati kif ukoll għan-negozjar algoritmiku. Dan jiżgura kooperazzjoni aktar b’saħħitha, aktar stabbilita u regolari bejn ir-regolaturi tal-enerġija u dawk finanzjarji, inklużi l-ACER u l-ESMA fir-rigward ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa derivattivi. Se jtejjeb ukoll il-proċess għall-ġbir ta’ informazzjoni privileġġata u t-trasparenza tas-suq billi jtejjeb is-sorveljanza tal-ACER u l-aġġustament tad-definizzjoni ta’ informazzjoni privileġġata. Emendi għar-Regolament REMIT itejbu s-superviżjoni tal-partijiet li jirrapportaw bħall-Mekkaniżmi ta’ Rapportar Reġistrati (RRMs) u l-persuni li professjonalment jagħmlu arranġamenti għat-tranżazzjonijiet (PPATs). L-emendi jtejbu l-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni tad-data bejn l-ACER, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u l-Kummissjoni. L-emenda ta’ REMIT tintroduċi rwol aktar b’saħħtu għall-ACER f’investigazzjonijiet ta’ każijiet transfruntiera sinifikanti għall-ġlieda kontra l-ksur ta’ REMIT. Din tistabbilixxi wkoll il-qafas għall-armonizzazzjoni tal-multi stabbilit mill-awtoritajiet regolatorji fil-livell nazzjonali.

L-emendi li jikkonċernaw ir-Regolament dwar l-ACER għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rwol tal-ACER fir-rigward tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719 u fir-rigward tar-regoli l-ġodda introdotti fir-Regolament dwar l-Elettriku li jikkonċernaw is-swieq forward u l-iskemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà. Dawn jiċċaraw ukoll ir-rwol u l-kompetenzi tal-ACER f’konformità mal-emenda għar-Regolament REMIT. L-emenda RED II għandha l-għan li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar it-tipi ta’ skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu.

 

2023/0077 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/943 u (UE) 2019/942 kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Minn Settembru 2021 ġew osservati prezzijiet u volatilità għoljin ħafna fis-swieq tal-elettriku. Kif stabbilit mill-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) fil-valutazzjoni tagħha ta’ April 2022 tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE 17 , din hija prinċipalment konsegwenza tal-prezz għoli tal-gass, li jintuża bħala input biex jiġi ġġenerat l-elettriku.

(2)L-eskalazzjoni tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, Parti Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, u sanzjonijiet internazzjonali relatati minn Frar 2022 xekklu s-swieq globali tal-enerġija, aggravaw il-problema tal-prezzijiet għoljin tal-gass, u kellhom impatti sekondarji sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-elettriku. L-invażjoni Russa tal-Ukrajna kkawżat ukoll inċertezza dwar il-provvista ta’ komoditajiet oħrajn, bħall-antraċit u ż-żejt mhux maħdum, użati minn installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Din irriżultat f’żidiet addizzjonali sostanzjali fil-volatilità tal-livelli tal-prezzijiet tal-elettriku.

(3)Bi tweġiba għal din is-sitwazzjoni, il-Komunikazzjoni dwar il-Prezzijiet tal-Enerġija ppreżentata mill-Kummissjoni f’Ottubru 2021 kien fiha sett ta’ għodod ta’ miżuri li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jużaw biex jindirizzaw l-impatt immedjat tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji (inklużi appoġġ għall-introjtu, ħelsien mit-taxxa, miżuri ta’ ffrankar u ħżin tal-gass) u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kontra xokkijiet futuri fil-prezzijiet. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2022 intitolata “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli” 18 il-Kummissjoni spjegat sensiela ta’ miżuri addizzjonali biex issaħħaħ is-sett ta’ għodod u biex tirrispondi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fit-23 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll reġim temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat biex tippermetti ċerti sussidji jnaqqsu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija 19 .

(4)Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan REPowerEU 20 li introduċa miżuri addizzjonali li jiffokaw fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u t-tnedija aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli bil-għan li tintemm id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi, inkluża proposta biex il-mira tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 45 %. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar l-Interventi tas-Suq tal-Enerġija fuq Terminu Qasir u Titjib fuq Terminu Twil għad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku 21 , minbarra l-istabbiliment ta’ miżuri addizzjonali fuq terminu qasir biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija identifikat oqsma potenzjali għat-titjib tad-disinn tas-suq tal-elettriku u ħabbret l-intenzjoni li tivvaluta dawn l-oqsma bil-għan li jinbidel il-qafas leġiżlattiv.

(5)Biex tindirizza urġentement il-kriżi tal-prezzijiet u t-tħassib dwar is-sigurtà u biex tindirizza ż-żidiet fil-prezzijiet għaċ-ċittadini, u abbażi ta’ serje ta’ proposti tal-Kummissjoni, l-Unjoni adottat reġim b’saħħtu għall-ħżin tal-gass 22 , miżuri effettivi għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass u għall-elettriku 23 , reġimi li jillimitaw il-prezzijiet biex jiġu evitati profitti mhux mistennija kemm fis-swieq tal-gass kif ukoll fis-swieq tal-elettriku 24 u miżuri biex jiġu aċċellerati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli 25 .

(6)Suq integrat sew li jibni fuq il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha adottat fl-2018 u fl-2019 26 jenħtieġ li jippermetti lill-Unjoni tisfrutta l-benefiċċji ekonomiċi ta’ suq tal-enerġija uniku f’ċirkostanzi normali tas-suq, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jsostni l-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni. L-interkonnettività transfruntiera tiżgura wkoll tħaddim aktar sikur, aktar affidabbli u effiċjenti tas-sistema tal-enerġija.

(7)Id-disinn attwali tas-suq tal-elettriku għen ukoll il-ħolqien ta’ prodotti, servizzi u miżuri ġodda u innovattivi fis-swieq tal-elettriku bl-imnut, l-appoġġ għall-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-tisħiħ tal-għażla sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom anke permezz ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fuq skala żgħira u servizzi emerġenti għall-provvista ta’ rispons għad-domanda. Il-bini fuq il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-isfruttar tiegħu, bħall-parteċipazzjoni attiva mill-konsumaturi, jenħtieġ li jkunu element ewlieni tas-swieq u s-sistemi futuri tal-elettriku tagħna. Fl-istess ħin, hemm bżonn li jiġu rrispettati l-għażliet tal-konsumatur u li l-konsumaturi jitħallew jibbenefikaw minn varjetà ta’ offerti ta’ kuntratt.

(8)Fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, id-disinn attwali tas-suq tal-elettriku madankollu żvela wkoll għadd ta’ nuqqasijiet importanti marbuta mal-impatt tal-prezzijiet għoljin u volatili tal-fjuwils fossili fuq is-swieq tal-elettriku fuq terminu qasir, li jesponu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet b’effetti fuq il-kontijiet tal-elettriku tagħhom.

(9)L-użu aktar mgħaġġel tal-enerġija rinnovabbli u tat-teknoloġiji flessibbli nodfa jikkostitwixxi l-aktar mod sostenibbli u kosteffettiv biex titnaqqas strutturalment id-domanda għall-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u għall-konsum dirett permezz tal-elettrifikazzjoni u l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Bis-saħħa tal-kostijiet operazzjonali baxxi tagħhom, is-sorsi rinnovabbli jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-elettriku madwar l-Unjoni u jnaqqsu l-konsum dirett tal-fjuwils fossili.

(10)Il-bidliet fid-disinn tas-suq tal-elettriku jenħtieġ li jiżguraw li l-benefiċċji mill-użu dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli, u t-tranżizzjoni enerġetika kumplessivament, jinġiebu lill-konsumaturi, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, u fl-aħħar mill-aħħar, jipproteġuhom minn kriżijiet tal-enerġija u jevitaw li aktar unitajiet domestiċi jaqgħu fin-nassa tal-faqar enerġetiku. Dawn jenħtieġ li jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-fjuwils fossili, partikolarment dawk tal-gass, fuq il-prezzijiet tal-elettriku, bl-għan li jippermettu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji jgawdu l-benefiċċji ta’ enerġija affordabbli u sigura minn sorsi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fuq terminu itwal.

(11)Ir-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi iżda anke għall-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni billi tiffaċilita l-possibbiltajiet tagħhom li jagħmlu l-investimenti fit-teknoloġija nadifa li jirrikjedu biex jissodisfaw il-perkorsi ta’ tranżizzjoni għal emissjonijiet żero netti tagħhom. It-tranżizzjoni enerġetika fl-Unjoni trid tiġi appoġġata minn bażi ta’ manifattura b’saħħitha ta’ teknoloġija nadifa. Dawn ir-riformi se jappoġġaw l-elettrifikazzjoni affordabbli tal-industrija u l-pożizzjoni tal-Unjoni bħala mexxejja globali f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

(12)Swieq effiċjenti u li jiffunzjonaw tajjeb fuq terminu qasir huma għodda ewlenija għall-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-flessibbiltà fis-suq u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’mod kosteffettiv.

(13)Is-swieq tal-istess ġurnata huma partikolarment importanti għall-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku bl-anqas kost peress li jagħtu l-possibbiltà lill-parteċipanti fis-suq li jinnegozjaw in-nuqqasijiet jew is-surplus tal-elettriku eqreb lejn iż-żmien tal-konsenja. Peress li l-ġeneraturi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli jistgħu biss jistmaw akkuratament il-produzzjoni tagħhom qrib iż-żmien tal-konsenja, huwa kruċjali għalihom li jkollhom massimu ta’ opportunitajiet ta’ negozjar permezz ta’ aċċess għal suq likwidu kemm jista’ jkun qrib iż-żmien tal-konsenja tal-elettriku.

(14)Għalhekk, huwa importanti li s-swieq tal-istess ġurnata jadattaw għall-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli varjabbli bħall-enerġija solari u eolika kif ukoll għall-parteċipazzjoni tar-rispons u tal-ħżin min-naħa tad-domanda. Il-likwidità tas-swieq tal-istess ġurnata jenħtieġ li tittejjeb bil-kondiviżjoni tal-kotba tal-ordnijiet bejn l-operaturi tas-suq f’żona tal-offerti, anke meta l-kapaċitajiet transżonali jiġu stabbiliti għal żero jew wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq tal-istess ġurnata. Barra minn hekk, il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq tal-istess ġurnata jenħtieġ li jiġi stabbilit eqreb lejn iż-żmien tal-konsenja sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-parteċipanti fis-suq għan-nuqqas ta’ kummerċ u għas-surplus tal-elettriku u sabiex jikkontribwixxu għal integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku.

(15)Barra minn hekk, is-swieq tal-elettriku fuq terminu qasir jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ flessibbiltà fuq skala żgħira jkunu jistgħu jipparteċipaw billi jnaqqsu d-daqs minimu tal-offerta.

(16)Biex tiġi żgurata l-integrazzjoni effiċjenti tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli u titnaqqas il-ħtieġa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fjuwils fossili fi żminijiet meta jkun hemm domanda għolja għall-elettriku flimkien ma’ livelli baxxi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli, jenħtieġ li jkun possibbli għall-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jfasslu prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda li jippermetti rispons għad-domanda biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ livelli ta’ konsum fis-sistema tal-elettriku f’sigħat speċifiċi tal-jum. Il-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda jenħtieġ li jikkontribwixxi biex tiġi mmassimizzata l-integrazzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli fis-sistema billi l-konsum tal-elettriku jiġi trasferit għal mumenti tal-jum b’ġenerazzjoni ogħla tal-elettriku rinnovabbli. Peress li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu l-għan li jnaqqas u jbiddel il-konsum tal-elettriku, l-ambitu ta’ dan il-prodott jenħtieġ li jkun limitat għar-rispons min-naħa tad-domanda. L-akkwist tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda jenħtieġ li jsir b’tali mod li ma jkunx hemm duplikazzjoni mal-attivazzjoni ta’ prodotti tal-ibbilanċjar li jkollhom l-għan li jżommu l-frekwenza tas-sistema tal-elettriku stabbli. Sabiex jiġu vverifikati l-volumi tat-tnaqqis tad-domanda attivata, l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jenħtieġ li juża linja bażi li tirrifletti l-konsum mistenni tal-elettriku mingħajr l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda.

(17)Sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw attivament fis-swieq tal-elettriku u jipprovdu l-flessibbiltà tagħhom, il-konsumaturi huma mgħammra progressivament b’sistemi ta’ metraġġ intelliġenti. Madankollu, f’għadd ta’ Stati Membri l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti għadha bil-mod. F’dawk il-każijiet fejn is-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti jkunu għadhom ma humiex installati u f’każijiet fejn is-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti ma jipprevedux livell suffiċjenti ta’ granularità tad-data, jenħtieġ li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jkunu jistgħu jużaw id-data minn apparati ta’ metraġġ dedikati għall-osservabilità u għall-istabbiliment ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. L-iffaċilitar tal-użu ta’ data minn apparati ta’ metraġġ dedikati għall-osservabilità u l-istabbiliment jenħtieġ li jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-suq u l-iżvilupp tar-rispons għad-domanda tagħhom. L-użu ta’ data minn dawn l-apparati ta’ metraġġ dedikati jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn rekwiżiti ta’ kwalità relatati mad-data.

(18)Dan ir-Regolament jistabbilixxi bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-prinċipji u l-obbligi kollha dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fil-GDPR jiġu ssodisfati, inkluż dwar il-minimizzazzjoni tad-data. Fejn l-objettiv ta’ din id-Direttiva jista’ jintlaħaq mingħajr l-ipproċessar ta’ data personali, il-fornituri jenħtieġ li jibbażaw fuq data anonimizzata u aggregata.

(19)Il-konsumaturi u l-fornituri għandhom bżonn ta’ swieq forward effettivi u effiċjenti biex ikopru l-iskopertura tal-prezzijiet fuq terminu twil tagħhom u jnaqqsu d-dipendenza fuq prezzijiet fuq terminu qasir. Biex jiġi żgurat li l-klijenti tal-enerġija madwar l-UE kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tas-swieq integrati tal-elettriku u mill-kompetizzjoni madwar l-Unjoni, il-funzjonament tas-suq forward tal-elettriku tal-Unjoni jenħtieġ li jittejjeb permezz tal-istabbiliment ta’ ċentri virtwali reġjonali bil-għan li tingħeleb il-frammentazzjoni eżistenti tas-suq u l-likwidità baxxa esperjenzata f’ħafna żoni tal-offerti. Iċ-ċentri virtwali reġjonali jenħtieġ li jkopru diversi żoni tal-offerti filwaqt li jiżguraw korrelazzjoni adegwata tal-prezzijiet. Xi żoni tal-offerti jistgħu ma jkunux koperti minn ċentru virtwali f’termini ta’ kontribut għall-prezz ta’ referenza taċ-ċentru. Madankollu, il-parteċipanti fis-suq minn dawn iż-żoni tal-offerti xorta jenħtieġ li jkunu jistgħu jiħħeġġjaw permezz ta’ ċentru.

(20)Iċ-ċentri virtwali jenħtieġ li jirriflettu l-prezz aggregat ta’ diversi żoni tal-offerti u jipprovdu prezz ta’ referenza, li jenħtieġ li jintuża mill-operaturi tas-suq biex joffru prodotti ta’ ħħeġġjar forward. Għal dak il-għan, iċ-ċentri virtwali jenħtieġ li ma jitqisux bħala entitajiet li jorganizzaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet. Iċ-ċentri virtwali reġjonali, billi jipprovdu indiċi tal-prezz ta’ referenza, jenħtieġ li jippermettu l-ġbir flimkien tal-likwidità u jipprovdu opportunitajiet aħjar ta’ ħħeġġjar lill-parteċipanti fis-suq.

(21)Sabiex jissaħħu l-possibbiltajiet tal-parteċipanti fis-suq għall-iħħeġġjar, jenħtieġ li jiġi estiż ir-rwol tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719. Il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni jenħtieġ li toffri negozjar ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni fuq terminu twil finanzjarji bejn iż-żoni tal-offerti differenti u ċ-ċentri virtwali reġjonali. L-ordnijiet sottomessi mill-parteċipanti fis-suq għad-drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarja għandhom jitqabblu ma’ allokazzjoni simultanja ta’ kapaċità transżonali fuq terminu twil. Dan it-tqabbil u allokazzjoni jenħtieġ li jitwettqu fuq bażi regolari, biex tiġi żgurata biżżejjed likwidità u, għalhekk, possibbiltajiet ta’ ħħeġġjar effiċjenti għall-parteċipanti fis-suq. Id-drittijiet tat-trażmissjoni fuq terminu twil jenħtieġ li jinħarġu b’maturitajiet frekwenti (li jvarjaw minn xahar qabel għal mill-anqas 3 snin qabel), sabiex jiġu allinjati mal-perjodu ta’ żmien tipiku tal-iħħeġġjar tal-parteċipanti fis-suq. Jenħtieġ li l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni tkun soġġetta għal monitoraġġ u infurzar biex jiġi żgurat li twettaq il-kompiti tagħha kif suppost.

(22)It-tariffi tan-network jenħtieġ li jinċentivaw lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex jużaw servizzi ta’ flessibbiltà permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jottimizzaw il-grilja eżistenti u biex jiksbu servizzi ta’ flessibbiltà, partikolarment ir-rispons għad-domanda jew il-ħżin. Għal dan il-għan, it-tariffi tan-network jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jqisu l-infiq operazzjonali u kapitali tal-operaturi tas-sistema jew taħlita effiċjenti tat-tnejn sabiex ikunu jistgħu joperaw is-sistema tal-elettriku b’mod kosteffiċjenti. Dan ikompli jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli bl-anqas kost għas-sistema tal-elettriku u jippermetti lill-klijenti finali jivvalutaw is-soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà tagħhom.

(23)Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, bħall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, l-enerġija mill-oċeani u l-fotovoltajka varjabbli, se jkollhom rwol strumentali fil-bini ta’ sistema tal-enerġija bbażata l-aktar fuq l-enerġija rinnovabbli u fl-iżgurar tan-newtralità klimatika sal-2050. Madankollu, hemm ostakoli sostanzjali għall-użu usa’ u effiċjenti tagħhom li jipprevjenu ż-żieda enormi meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Jistgħu jinħolqu ostakoli simili għal teknoloġiji lil hinn mill-kosta oħrajn fil-futur. Dawn l-ostakoli jinkludu riskji ta’ investiment assoċjati mas-sitwazzjoni topografika unika ta’ proġetti ibridi lil hinn mill-kosta konnessi ma’ aktar minn suq wieħed. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ investiment għal dawn l-iżviluppaturi ta’ proġetti lil hinn mill-kosta u sabiex jiġi żgurat li l-proġetti f’żona tal-offerti lil hinn mill-kosta jkollhom aċċess sħiħ għas-suq għas-swieq tal-madwar, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jenħtieġ li jiggarantixxu l-aċċess tal-proġett lil hinn mill-kosta għall-kapaċità tal-interkonnettur ibridu rispettiv għall-unitajiet ta’ ħin tas-suq kollha. Jekk il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni disponibbli jitnaqqsu sal-punt li l-ammont sħiħ tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li l-proġett lil hinn mill-kosta kieku kien ikun jista’ jesporta ma jkunx jista’ jiġi konsenjat lis-suq, l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew l-operaturi responsabbli għall-ħtieġa li tiġi limitata l-kapaċità jenħtieġ li, fil-futur, ikunu jistgħu jikkumpensaw lill-operatur tal-proġett lil hinn mill-kosta kommensuratament bl-użu tal-introjtu mill-konġestjoni. Dan il-kumpens jenħtieġ li jkun relatat biss mal-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli għas-suq, li tista’ tkun dipendenti mit-temp u jeskludi l-operazzjonijiet ta’ indisponibbiltà u ta’ manutenzjoni tal-proġett lil hinn mill-kosta. Id-dettalji, inklużi l-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiskadi l-miżura, huma maħsuba li jiġu ddefiniti f’Regolament ta’ implimentazzjoni.

(24)Fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem, l-impjanti tal-enerġija b’kostijiet marġinali aktar baxxi jintbagħtu l-ewwel, iżda l-prezz riċevut mill-parteċipanti kollha fis-suq huwa stabbilit mill-aħħar impjant meħtieġ biex ikopri d-domanda, li huwa l-impjant bl-ogħla kostijiet marġinali, meta s-swieq jiġu kklerjati. F’dan il-kuntest, il-kriżi tal-enerġija wriet li żieda fil-prezz tal-gass u tal-faħam iebes tista’ tirriżulta f’żidiet eċċezzjonali u dejjiema tal-prezzijiet li bihom il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni mħaddma bil-gass u bil-faħam joffru fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem. Dan min-naħa tiegħu wassal għal prezzijiet eċċezzjonalment għoljin fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem madwar l-Unjoni, peress li l-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni mħaddma bil-gass u bil-faħam spiss ikunu l-impjanti bl-ogħla kostijiet marġinali meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-elettriku.

(25)Minħabba r-rwol tal-prezz fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem bħala referenza għall-prezz fi swieq oħrajn tal-elettriku bl-ingrossa, u l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq jirċievu l-prezz tal-ikklerjar, it-teknoloġiji b’kostijiet marġinali ferm aktar baxxi rreġistraw konsistentement dħul għoli.

(26)Sabiex jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni u l-objettivi stabbiliti fir-REPowerEU biex issir aktar indipendenti mill-enerġija, l-Unjoni jeħtieġ li taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli b’pass ħafna aktar mgħaġġel. Fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ investiment meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, is-suq jenħtieġ li jiżgura li jiġi stabbilit sinjal tal-prezz fuq terminu twil.

(27)F’dan il-qafas, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex joħolqu l-kundizzjonijiet tas-suq it-tajba għal strumenti bbażati fuq is-suq fuq terminu twil, bħall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (“PPAs”). Il-PPAs huma ftehimiet bilaterali ta’ xiri bejn il-produtturi u x-xerrejja tal-elettriku. Dawn jipprovdu stabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu twil għall-klijent u ċ-ċertezza meħtieġa sabiex il-produttur jieħu d-deċiżjoni ta’ investiment. Madankollu, ftit Stati Membri biss għandhom swieq attivi tal-PPAs u x-xerrejja huma tipikament limitati għal kumpaniji kbar, mhux l-anqas minħabba li l-PPAs jiffaċċjaw sett ta’ ostakoli, partikolarment d-diffikultà li jiġi kopert ir-riskju ta’ inadempjenza tal-pagament mix-xerrej f’dawn il-ftehimiet fuq terminu twil. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-ħtieġa li jinħoloq suq dinamiku tal-PPA meta jistabbilixxu l-politiki biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima.

(28)Skont l-Artikolu 15(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-ostakoli regolatorji u amministrattivi għall-PPAs tal-enerġija rinnovabbli fuq terminu twil, u għandhom ineħħu ostakoli mhux ġustifikati għal ftehimiet bħal dawn u jippromwovu l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiddeskrivu politiki u miżuri li jiffaċilitaw l-użu tal-PPAs tal-enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Mingħajr preġudizzju għal dak l-obbligu li jsir rapport dwar il-kuntest regolatorju li jaffettwa s-suq tal-PPAs, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istrumenti biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati max-xerrej inadempjenti fuq l-obbligi ta’ pagament fuq terminu twil tiegħu fil-qafas tal-PPAs ikunu aċċessibbli għall-kumpaniji li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul fis-suq tal-PPAs u ma jkunux f’diffikultà finanzjarja f’konformità mal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu skema ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq. L-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet biex jevitaw it-tnaqqis tal-likwidità fis-swieq tal-elettriku, bħal bl-użu ta’ PPAs finanzjarji. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jipprovdux appoġġ lill-PPAs li jixtru l-ġenerazzjoni mill-fjuwils fossili. Filwaqt li l-approċċ prestabbilit jenħtieġ li jkun in-nondiskriminazzjoni bejn il-konsumaturi, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimmiraw dawn l-istrumenti għal kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. F’dan il-qafas, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-rwol potenzjali tal-istrumenti pprovduti fil-livell tal-Unjoni, pereżempju mill-Bank Ewropew tal-Investiment (“BEI”).

(29)L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom diversi strumenti biex jappoġġaw l-iżvilupp tas-swieq tal-PPAs meta jfasslu u jallokaw l-appoġġ pubbliku. Il-permess lill-iżviluppaturi ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli sabiex jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti ta’ appoġġ pubbliku biex iżommu sehem mill-ġenerazzjoni għall-bejgħ permezz ta’ PPA jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tkabbir tas-swieq tal-PPAs. Barra minn hekk, bħala parti minn din l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex japplikaw kriterji biex jinċentivaw l-aċċess għas-suq tal-PPAs għal atturi li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul, bħal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), filwaqt li jagħtu preferenza lill-offerenti li jippreżentaw impenn li jiffirmaw PPA għal parti mill-ġenerazzjoni tal-proġett minn xerrej potenzjali wieħed jew aktar li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw is-suq tal-PPAs.

(30)Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jappoġġaw investimenti ġodda ffinanzjati pubblikament (“skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet”) fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn fjuwils mhux fossili b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni, dawk l-iskemi jenħtieġ li jkunu strutturati permezz ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza, bħal li jinkludu, minbarra garanzija tad-dħul, limitazzjoni ’l fuq tad-dħul tas-suq tal-assi ta’ ġenerazzjoni kkonċernati. Investimenti ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, jenħtieġ li jinkludu investimenti f’faċilitajiet ġodda li jiġġeneraw l-enerġija, investimenti mmirati biex jerġgħu jagħtu qawwa lill-faċilitajiet eżistenti li jiġġeneraw l-enerġija, investimenti mmirati biex jestendu l-faċilitajiet eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jew biex itawlu l-ħajja tagħhom.

(31)Dawn il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jiżguraw li d-dħul tal-produtturi li jirriżulta minn investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku jsir aktar indipendenti mill-prezzijiet volatili tal-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili li tipikament tistabbilixxi l-prezz fis-suq ta’ jum bil-quddiem.

(32)Madankollu, sal-punt li l-limitazzjoni biex jiġu stabbiliti skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza tnaqqas it-tipi ta’ skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fir-rigward ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li din tkun limitata għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u bi fjuwils mhux fossili, b’kostijiet operazzjonali baxxi u stabbli u għal teknoloġiji li tipikament ma jipprovdux flessibbiltà għas-sistema tal-elettriku, filwaqt li jiġi esklużi teknoloġiji li jinsabu fi stadji bikrija tal-użu tagħhom fis-suq. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-vijabbiltà ekonomika tat-teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni b’kostijiet marġinali għoljin ma tiġix ipperikolata u biex jinżammu l-inċentivi tat-teknoloġiji li jistgħu joffru flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku biex jagħmlu offerti fis-suq tal-elettriku abbażi tal-kostijiet tal-opportunità tagħhom. Barra minn hekk, il-limitazzjoni biex jiġu stabbiliti skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jenħtieġ li ma tapplikax għal teknoloġiji emerġenti li għalihom tipi oħrajn ta’ skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jinċentivaw l-adozzjoni tagħhom. Il-limitazzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni possibbli għal installazzjonijiet fuq skala żgħira u għal proġetti ta’ dimostrazzjoni skont l-Artikolu 4(3) ta’ (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tqis l-ispeċifiċitajiet tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mal-Artikolu 22(7) ta’ dik id-Direttiva.

(33)Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċertezza regolatorja tal-produtturi, l-obbligu għall-Istati Membri li japplikaw skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet għall-produzzjoni tal-elettriku fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jenħtieġ li japplika biss għal investimenti ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi speċifikati fil-premessa ta’ hawn fuq.

(34)Bis-saħħa tal-limitazzjoni ’l fuq tad-dħul tas-suq, l-iskemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jenħtieġ li jipprovdu sors addizzjonali ta’ dħul għall-Istati Membri f’perjodi ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija. Sabiex jittaffa ulterjorment l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-dħul miġbur mill-produtturi soġġetti għal skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jiġi mgħoddi lill-klijenti finali kollha tal-elettriku, inklużi l-unitajiet domestiċi, l-SMEs u l-konsumaturi industrijali, abbażi tal-konsum tagħhom. Ir-ridistribuzzjoni tad-dħul jenħtieġ li ssir b’mod li jiżgura li l-konsumaturi jkunu għadhom sa ċertu punt esposti għas-sinjal tal-prezz, sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom meta l-prezzijiet ikunu għoljin, jew iċaqilquh għal perjodi ta’ prezzijiet aktar baxxi (li huma tipikament perjodi b’sehem ogħla tal-produzzjoni tar-RES). L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kundizzjonijiet ekwi u l-kompetizzjoni bejn il-fornituri differenti ma jiġux affettwati mir-ridistribuzzjoni tad-dħul lill-konsumaturi finali tal-elettriku.

(35)Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet, irrispettivament mill-forma tagħhom, ma jfixklux il-funzjonament effiċjenti, kompetittiv u likwidu tas-swieq tal-elettriku, jippreservaw l-inċentivi tal-produtturi biex jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq, inkluż li jieqfu jiġġeneraw meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu taħt il-kostijiet operazzjonali tagħhom, u tal-klijenti finali biex inaqqsu l-konsum meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu għoljin. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskemi ta’ appoġġ ma jikkostitwux ostakolu għall-iżvilupp ta’ kuntratti kummerċjali bħall-PPAs.

(36)Għalhekk, il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza u l-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija għandhom rwoli komplementari fl-avvanz tat-tranżizzjoni tal-enerġija u fl-għoti tal-benefiċċji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lill-konsumaturi. Soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu liema strumenti jużaw biex jilħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom. Permezz tal-PPAs, l-investituri privati jikkontribwixxu għal użu addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jżommu l-prezzijiet tal-elettriku baxxi u stabbli fuq terminu twil. Bl-istess mod, permezz ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza, l-istess objettiv jintlaħaq mill-entitajiet pubbliċi f’isem il-konsumaturi. Iż-żewġ strumenti huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni permezz tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jiġu promossi l-benefiċċji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bi prezz baxx għall-konsumaturi.

(37)L-użu aċċellerat ta’ sorsi rinnovabbli jeħtieġ disponibbiltà dejjem akbar ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà biex tiġi żgurata l-integrazzjoni tagħhom fil-grilja u biex is-sistema tal-elettriku u l-grilja jkunu jistgħu jaġġustaw għall-varjabbiltà tal-ġenerazzjoni u tal-konsum tal-elettriku fuq perjodi ta’ żmien differenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jivvalutaw perjodikament il-ħtieġa għal flessibbiltà fis-sistema tal-elettriku abbażi tal-input tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku jenħtieġ li tqis l-investimenti eżistenti u ppjanati kollha (inklużi l-assi eżistenti li għadhom ma humiex konnessi mal-grilja) fuq sorsi ta’ flessibbiltà bħall-ġenerazzjoni flessibbli tal-elettriku, l-interkonnetturi, ir-rispons min-naħa tad-domanda, il-ħżin tal-enerġija jew il-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli, fid-dawl tal-ħtieġa li s-sistema tal-enerġija tiġi dekarbonizzata. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu objettiv nazzjonali għall-flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda li jenħtieġ li jiġu riflessi wkoll fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima.

(38)Sabiex jintlaħaq l-objettiv nazzjonali għall-flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons min-naħa tad-domanda u l-ħtiġijiet tal-investiment fil-ħżin, l-Istati Membri jistgħu jfasslu jew ifasslu mill-ġdid il-mekkaniżmi tal-kapaċità sabiex jinħoloq mekkaniżmu tal-kapaċità ekoloġiku u flessibbli. L-Istati Membri li japplikaw mekkaniżmu tal-kapaċità f’konformità mar-regoli eżistenti jenħtieġ li jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda billi jintroduċu kriterji jew karatteristiċi addizzjonali fid-disinn.

(39)Sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali, il-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2, stabbilit fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li jitqies bħala limitu superjuri. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu standards tekniċi ta’ prestazzjoni u limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 li jirrestrinġu l-parteċipazzjoni f’mekkaniżmi ta’ kapaċità għal teknoloġiji flessibbli u ħielsa mill-fossili f’konformità sħiħa mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 27 li jħeġġu lill-Istati Membri jintroduċu kriterji ekoloġiċi fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità.

(40)Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri ma japplikawx mekkaniżmu tal-kapaċità jew jekk il-kriterji jew il-karatteristiċi addizzjonali fit-tfassil tal-mekkaniżmu tal-kapaċità tagħhom ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv nazzjonali għar-rispons għad-domanda u l-ħtiġijiet ta’ investiment fil-ħżin, huma jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà li jikkonsistu minn pagamenti għall-kapaċità disponibbli ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda.

(41)Il-konnessjoni ta’ installazzjonijiet ġodda ta’ ġenerazzjoni u domanda, partikolarment impjanti tal-enerġija rinnovabbli, spiss tiffaċċja dewmien fil-proċeduri ta’ konnessjoni mal-grilja. Waħda mir-raġunijiet għal dan id-dewmien hija n-nuqqas ta’ kapaċità tal-grilja disponibbli fil-post magħżul mill-investitur, u dan jimplika l-ħtieġa għal estensjonijiet jew tisħiħ tal-grilja biex l-installazzjonijiet jiġu konnessi mas-sistema b’mod sikur. Rekwiżit ġdid għall-operaturi tas-sistema tal-elettriku, kemm fil-livell ta’ trażmissjoni kif ukoll f’dak ta’ distribuzzjoni, li jippubblikaw u jaġġornaw l-informazzjoni dwar il-kapaċità tal-grilja disponibbli fiż-żoni tal-operat tagħhom, jikkontribwixxi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-investituri abbażi tal-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-grilja fi ħdan is-sistema u b’hekk għall-aċċellerazzjoni meħtieġa fl-użu tal-enerġija rinnovabbli.

(42)Barra minn hekk, sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ ħinijiet twal għal tweġiba dwar talbiet għall-konnessjoni mal-grilja, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti lill-utenti tas-sistema dwar l-istatus u t-trattament tat-talbiet ta’ konnessjoni tagħhom. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien 3 xhur mis-sottomissjoni tat-talba.

(43)Matul il-kriżi tal-enerġija, il-konsumaturi kienu esposti għal prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa estremament volatili u kellhom opportunitajiet limitati biex jinvolvu ruħhom fis-suq tal-enerġija. Konsegwentement, ħafna unitajiet domestiċi, kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet meta jħallsu l-kontijiet tagħhom. Il-konsumaturi vulnerabbli u l-foqra fl-enerġija huma l-aktar milquta 28 , iżda l-unitajiet domestiċi bi dħul medju ġew esposti wkoll għal dawn id-diffikultajiet. Għalhekk, huwa importanti li jiġu aġġornati d-drittijiet u l-protezzjonijiet tal-konsumatur, li jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw mit-tranżizzjoni enerġetika, li l-kontijiet tal-elettriku tagħhom jiġu diżakkoppjati minn movimenti fil-prezzijiet fuq terminu qasir fis-swieq tal-enerġija u li jiġi bbilanċjat mill-ġdid ir-riskju bejn il-fornituri u l-konsumaturi.

(44)Il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ offerti sabiex ikunu jistgħu jagħżlu kuntratt skont il-ħtiġijiet tagħhom. Madankollu, il-fornituri naqqsu l-offerti tagħhom, il-kuntratti bi prezz fiss saru skarsi, u l-għażla tal-offerti saret limitata. Il-konsumaturi jenħtieġ li dejjem ikollhom il-possibbiltà li jagħżlu prezz fiss affordabbli u kuntratt għal terminu fiss u l-fornituri jenħtieġ li ma jimmodifikawx unilateralment it-termini u l-kundizzjonijiet qabel ma jiskadi dan il-kuntratt.

(45)Meta l-fornituri ma jiżgurawx li l-portafoll tal-elettriku tagħhom ikun qed jiħħeġġja biżżejjed il-bidliet fil-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa, dan jista’ jħallihom finanzjarjament f’riskju u, jista’ jwassal għall-falliment tagħhom, filwaqt li l-kostijiet jiġu mgħoddija lill-konsumaturi u lil utenti oħrajn tan-network. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-fornituri jiġu ħħeġġjati kif xieraq meta joffru kuntratti bi prezz fiss. Strateġija xierqa ta’ ħħeġġjar jenħtieġ li tqis l-aċċess tal-fornituri għall-ġenerazzjoni proprja tagħha u l-kapitalizzazzjoni tagħha kif ukoll l-iskopertura tagħha għall-bidliet fil-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa.

(46)Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur li joffrilhom il-prezz u s-servizz li l-aħjar jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. L-avvanzi fit-teknoloġija tal-kejl u tal-kejl separat flimkien mat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jfissru li issa huwa teknikament possibbli li jkun hemm diversi fornituri għal bini wieħed. Jekk ikunu jixtiequ hekk, il-klijenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw dawn il-possibbiltajiet biex jagħżlu fornitur separat, partikolarment għall-elettriku sabiex jitħaddem apparat bħal pompi tas-sħana jew vetturi elettriċi li għandhom konsum partikolarment għoli jew li għandhom ukoll il-kapaċità li jibdlu l-konsum tal-elettriku tagħhom awtomatikament b’reazzjoni għas-sinjali tal-prezzijiet. Barra minn hekk, b’apparat ta’ metraġġ dedikat li jwieġeb malajr li jkun imqabbad ma’ apparat jew li jkun inkorporat fih b’tagħbijiet flessibbli u kontrollabbli, il-klijenti finali jistgħu jipparteċipaw fi skemi oħrajn ta’ rispons tad-domanda bbażati fuq l-inċentivi li jipprovdu servizzi ta’ flessibbiltà fis-suq tal-elettriku u lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Kumplessivament, dawn l-arranġamenti jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-adozzjoni akbar tar-rispons għad-domanda u għall-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi li jippermettulhom li jkollhom aktar kontroll fuq l-użu tal-enerġija u l-kontijiet tagħhom, filwaqt li jipprovdu lis-sistema tal-elettriku flessibbiltà addizzjonali sabiex ilaħħqu mal-varjazzjonijiet fid-domanda u fil-provvista.

(47)Minħabba l-kumplessità dejjem akbar tal-offerti tal-enerġija u l-prattiki differenti tal-kummerċjalizzazzjoni, il-konsumaturi spiss ikollhom diffikultajiet biex jifhmu bis-sħiħ dak li jiffirmaw għalih. B’mod partikolari, hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar kif jiġi stabbilit il-prezz, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-kuntratt, il-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt jew ir-raġunijiet għat-tibdil fil-kundizzjonijiet mill-fornitur. Għalhekk, l-informazzjoni ewlenija dwar l-offerti tal-enerġija jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-konsumaturi minn fornituri jew minn parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni b’mod qasir u li jinftiehem faċilment qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt.

(48)Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista għall-konsumaturi f’każ ta’ falliment ta’ fornitur, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu obbligati jaħtru fornituri tal-aħħar istanza li jistgħu jiġu ttrattati bħala l-fornitur tas-servizz universali. Dak il-fornitur jista’ jkun id-diviżjoni tal-bejgħ ta’ intrapriża integrata vertikalment li twettaq ukoll funzjonijiet ta’ distribuzzjoni, dment li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ separazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, dan ma jimplikax li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jipprovdu għal ċertu prezz minimu fiss.

(49)Il-kondiviżjoni tal-enerġija tista’ toħloq reżiljenza kontra l-effetti ta’ prezzijiet għoljin u volatili tas-suq bl-ingrossa fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi, tagħti s-setgħa lil grupp usa’ ta’ konsumaturi li ma jkollhomx l-għażla li jsiru klijent attiv minħabba restrizzjonijiet finanzjarji jew spazjali, bħal konsumaturi foqra fl-enerġija u vulnerabbli, u twassal għal żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli billi timmobilizza investimenti kapitali privati addizzjonali u tiddiversifika l-perkorsi ta’ remunerazzjoni. Bl-integrazzjoni ta’ sinjali tal-prezzijiet u faċilitajiet ta’ ħżin xierqa, il-kondiviżjoni tal-elettriku tista’ tgħin biex twitti t-triq biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ flessibbiltà ta’ konsumaturi iżgħar.

(50)Il-klijenti attivi li huma sidien jew li jikru faċilità ta’ ħżin jew ta’ ġenerazzjoni jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jikkondividu l-produzzjoni żejda u jagħtu s-setgħa lil konsumaturi oħrajn biex isiru attivi, jew biex jaqsmu l-enerġija rinnovabbli ġġenerata jew maħżuna konġuntement minn faċilitajiet mikrija jew li huma s-sidien tagħhom, direttament jew permezz ta’ faċilitatur ta’ parti terza. L-arranġament dwar il-kondiviżjoni tal-enerġija jew huwa bbażat fuq ftehim kuntrattwali privat bejn klijenti attivi jew huwa organizzat permezz ta’ entità ġuridika. Entità ġuridika li tinkorpora l-kriterji ta’ komunità tal-enerġija rinnovabbli kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew komunità tal-enerġija taċ-ċittadini kif definita fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tista’ tikkondividi mal-membri tagħha l-elettriku ġġenerat minn faċilitajiet li għandhom sjieda sħiħa tagħhom. Il-qafas ta’ protezzjoni u ta’ għoti tas-setgħa għall-kondiviżjoni tal-enerġija jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari lill-konsumaturi foqra fl-enerġija u vulnerabbli.

(51)Il-kondiviżjoni tal-enerġija toperazzjonalizza l-konsum kollettiv tal-elettriku awtoġġenerat jew maħżun injettat fil-grilja minn aktar minn klijent attiv wieħed li jaġixxi konġuntement. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-infrastruttura tal-IT xierqa biex jippermettu t-tqabbil amministrattiv f’ċertu perjodu ta’ żmien tal-konsum mal-enerġija rinnovabbli ġġenerata minnhom stess jew maħżuna għall-fini tal-kalkolu tal-komponent tal-enerġija tal-kont tal-enerġija. L-output ta’ dawn il-faċilitajiet jenħtieġ li jitqassam fost il-profili tat-tagħbija tal-konsumatur aggregati abbażi ta’ metodi ta’ kalkolu statiċi, varjabbli jew dinamiċi li jistgħu jiġu ddefiniti minn qabel jew miftiehma mill-klijenti attivi.

(52)Il-klijenti vulnerabbli jenħtieġ li jkunu protetti adegwatement minn skonnessjonijiet tal-elettriku u jenħtieġ li, barra minn hekk, ma jkunux f’pożizzjoni li tisfurzahom jiskonnettjaw. Ir-rwol tal-fornituri u tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha li jidentifikaw miżuri xierqa, kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil, li jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-klijenti vulnerabbli biex jimmaniġġaw l-użu u l-kostijiet tal-enerġija tagħhom jibqa’ essenzjali, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

(53)L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jikkostitwixxu, fil-prinċipju, miżura li toħloq distorsjoni fis-suq. Dawn l-interventi jistgħu għalhekk jitwettqu biss bħala obbligi ta’ servizz pubbliku u huma soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. Skont din id-Direttiva, il-prezzijiet regolati huma possibbli għall-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija u vulnerabbli, inklużi dawk taħt il-kostijiet, u, bħala miżura ta’ tranżizzjoni, għall-unitajiet domestiċi u għall-mikrointrapriżi. Fi żminijiet ta’ kriżi, meta l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa u bl-imnut jiżdiedu konsiderevolment, u dan ikollu impatt negattiv fuq l-ekonomija usa’, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jestendu, temporanjament, l-applikazzjoni ta’ prezzijiet regolati anke għall-SMEs. Kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-SMEs, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jistabbilixxu prezzijiet regolati temporanjament taħt il-kostijiet sakemm dan ma joħloqx distorsjoni bejn il-fornituri, u l-fornituri jiġu kumpensati għall-kostijiet tal-forniment taħt il-kost. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li din ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tkun immirata u ma toħloqx inċentivi biex jiżdied il-konsum. Għalhekk, din ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet jenħtieġ li tkun limitata għal 80 % tal-konsum medjan tal-unitajiet domestiċi għall-unitajiet domestiċi, u 70 % tal-konsum tas-sena ta’ qabel għall-SMEs. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina meta tkun teżisti kriżi bħal din fil-prezzijiet tal-elettriku u konsegwentement meta din il-possibbiltà ssir applikabbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tispeċifika wkoll il-validità ta’ dik id-determinazzjoni, li matulha tapplika l-estensjoni temporanja tal-prezzijiet regolati, li tista’ tkun sa sena. Sal-punt li kwalunkwe waħda mill-miżuri previsti minn dan ir-Regolament tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw dawn il-miżuri huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.

(54)Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE, tar-Regolament (UE) 2016/1011 u tar-Regolament (UE) 648/2012.

(55)Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(56)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.



ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku

Ir-Regolament (UE) 2019/943 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

[a] il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) jistabbilixxi prinċipji fundamentali għal swieq tal-elettriku integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri kollha tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jippermettu l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku forward biex jippermettu lill-fornituri u lill-konsumaturi jiħħeġġjaw jew jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta’ volatilità futura fil-prezzijiet tal-elettriku, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali, itejbu l-flessibbiltà permezz tar-rispons għad-domanda, il-ħżin tal-enerġija u soluzzjonijiet oħrajn ta’ flessibbiltà mhux fossili, jiżguraw l-effiċjenza enerġetika, jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni abbażi tas-suq għal elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli;”

[b] se jiżdied il-punt li ġej:

“(e)    jappoġġa investimenti fuq terminu twil fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom anqas dipendenti fuq il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq tal-elettriku fuq terminu qasir, partikolarment l-prezzijiet tal-fjuwils fossili fuq terminu medju sa twil.”

(2) Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(72) “siegħa tal-quċċata” tfisser siegħa bl-ogħla konsum tal-elettriku kkombinata ma’ livell baxx ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jitqiesu l-iskambji transżonali;

(73) “trażżin tal-quċċata tad-domanda” tfisser il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku fis-sigħat ta’ quċċata ddeterminati mill-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni;

(74) “prodott ta’ trazzin tal-quċċata tad-domanda” tfisser prodott ibbażat fuq is-suq li permezz tiegħu, il-parteċipanti fis-suq jistgħu jipprovdu trażżin tal-quċċata tad-domanda lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni;

(75) “ċentru virtwali” tfisser reġjun mhux fiżiku li jkopri aktar minn żona tal-offerti waħda li għaliha jiġi stabbilit prezz tal-indiċi fl-applikazzjoni ta’ metodoloġija;

(76) “kuntratt bidirezzjonali għad-differenza” tfisser kuntratt iffirmat bejn operatur ta’ faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u kontroparti, normalment entità pubblika, li jipprovdi kemm protezzjoni minima tar-remunerazzjoni kif ukoll limitu għar-remunerazzjoni eċċessiva; il-kuntratt ikun imfassal biex jippreserva l-inċentivi għall-faċilità ta’ ġenerazzjoni biex topera u tipparteċipa effiċjentement fis-swieq tal-elettriku u jkun jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(77) “ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija” jew “PPA” tfisser kuntratt li taħtu persuna fiżika jew ġuridika taqbel li tixtri l-elettriku mingħand produttur tal-elettriku fuq bażi tas-suq;

(78) “dħul tas-suq” tfisser introjtu realizzat li produttur tal-elettriku jirċievi bi skambju għall-bejgħ u l-konsenja tal-elettriku fl-Unjoni, irrispettivament mill-forma kuntrattwali li fiha jseħħ dan l-iskambju, u eskluż kwalunkwe appoġġ mogħti mill-Istati Membri;

(79) “apparat ta’ metraġġ dedikat” tfisser apparat imwaħħal ma’ jew inkorporat f’assi li jbigħ servizzi ta’ rispons għad-domanda jew ta’ flessibbiltà għad-domanda fis-suq tal-elettriku jew lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni;

(80) “flessibbiltà” tfisser l-abilità ta’ sistema tal-elettriku li taġġusta għall-varjabbiltà tax-xejriet tal-ġenerazzjoni u tal-konsum u għad-disponibbiltà tal-grilja, matul il-perjodi ta’ żmien rilevanti tas-suq.”

 
(3) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

[a] il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u n-NEMOs, jew entità deżinjata minnhom, għandhom jorganizzaw konġuntement il-ġestjoni tas-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tas-swieq integrati tal-istess ġurnata f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/1222. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u n-NEMOs għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni jew, fejn ikun aktar xieraq, f’livell reġjonali sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effettività tan-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku tal-Unjoni. L-obbligu ta’ kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-funzjonijiet tagħhom relatati man-negozjar tal-elettriku, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u n-NEMOs għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza regolatorja mill-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-ACER skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (UE) 2019/942.”

[b] il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(c) jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-parteċipanti kollha fis-suq biex jipparteċipaw f’kummerċ transżonali u intrażonali b’mod nondiskriminatorju u qrib kemm jista’ jkun il-ħin reali fiż-żoni tal-offerti kollha;

(ii) jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:

“(ca) jiġu organizzati b’tali mod li tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-likwidità bejn in-NEMOs kollha, kemm għall-kummerċ transżonali kif ukoll għall-kummerċ intrażonali;”

(4) jiddaħħlu l-Artikoli 7a u 7b li ġejjin:

“Artikolu 7a

Prodott ta’ trazzin tal-quċċata tad-domanda

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40(5) u 40(6) tad-Direttiva dwar l-Elettriku, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jistgħu jakkwistaw prodotti ta’ trazzin tal-quċċata tad-domanda sabiex jiksbu tnaqqis fid-domanda elettrika matul is-sigħat tal-quċċata. 

2.L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jfittxu li jakkwistaw prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandhom jissottomettu proposta li tistabbilixxi d-dimensjonar u l-kundizzjonijiet għall-akkwist tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda lill-awtorità regolatorja tal-Istat Membru kkonċernat. Il-proposta tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)id-dimensjonar tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu jkun ibbażat fuq analiżi tal-ħtieġa għal servizz addizzjonali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. L-analiżi għandha tqis standard ta’ affidabbiltà jew kriterji oġġettivi u trasparenti tal-istabbiltà tal-grilja approvati mill-awtorità regolatorja. Id-dimensjonar għandu jqis il-previżjoni tad-domanda, il-previżjoni tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-previżjoni ta’ sorsi oħrajn ta’ flessibbiltà fis-sistema. Id-dimensjonar tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu jkun limitat biex jiġi żgurat li l-benefiċċji mistennija tal-prodott ma jeċċedux il-kostijiet previsti;

(b)l-akkwist ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji u jkun limitat għar-rispons għad-domanda; 

(c)l-akkwist tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu jsir bl-użu ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti, b’għażla bbażata fuq l-anqas kost biex jiġu ssodisfati l-kriterji tekniċi u ambjentali predefiniti;

(d)il-kuntratti għal prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda ma għandhomx jiġu konklużi aktar minn jumejn qabel l-attivazzjoni tiegħu u l-perjodu tal-kuntratt ma għandux ikun itwal minn jum; 

(e)l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda ma għandhiex tnaqqas il-kapaċità transżonali;

(f)l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandha sseħħ wara l-għeluq tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u qabel il-bidu tas-suq tal-ibbilanċjar;

(g)il-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda ma għandux jimplika ġenerazzjoni inizjali li tinsab wara l-punt ta’ metraġġ.

3.It-tnaqqis reali tal-konsum li jirriżulta mill-attivazzjoni ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda għandu jitkejjel skont linja bażi, li tirrifletti l-konsum mistenni tal-elettriku mingħajr l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżviluppaw metodoloġija bażi f’konsultazzjoni mal-parteċipanti fis-suq u jissottomettuha lill-awtorità regolatorja.

4.L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw il-proposta tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jkunu qed ifittxu li jakkwistaw prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda u l-metodoloġija bażi ppreżentata f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 jew għandhom jitolbu lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni biex jemendaw il-proposta meta ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawn il-paragrafi.

“Artikolu 7b

Apparat ta’ metraġġ dedikat

5.“L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jużaw data minn apparati ta’ metraġġ dedikati għall-osservabilità u għall-istabbiliment ta’ servizzi ta’ rispons għad-domanda u ta’ flessibbiltà, inkluż minn sistemi ta’ ħżin.

6.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rekwiżiti għal proċess ta’ validazzjoni tad-data ta’ apparat ta’ metraġġ dedikat biex tiġi ċċekkjata u żgurata l-kwalità tad-data rispettiva.”;

(5) L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“In-NEMOs għandhom jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jinnegozjaw l-enerġija kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali u tal-anqas sal-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata. Sal-1 ta’ Jannar 2028, il-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata għandu jkun mhux aktar kmieni minn 30 minuta qabel il-ħin reali.”

(b) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“In-NEMOs għandhom jipprovdu prodotti għan-negozjar fi swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata li huma żgħar biżżejjed fid-daqs, b’daqsijiet minimi ta’ offerti ta’ 100 kW jew anqas, biex jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tar-rispons min-naħa tad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira inkluża l-parteċipazzjoni diretta mill-klijenti.”

[6] L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 9

Swieq forward

1.Sal-1 ta’ Diċembru 2024, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jissottometti lill-ACER, wara li jkun ikkonsulta lill-ESMA, proposta għall-istabbiliment ta’ ċentri virtwali reġjonali għas-suq forward. Il-proposta għandha: 

(a)tiddefinixxi l-ambitu ġeografiku taċ-ċentri virtwali għas-suq forward, inklużi ż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu dawn iċ-ċentri, bl-għan li tiġi massimizzata l-korrelazzjoni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet taż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu ċentri virtwali;

(b)tinkludi metodoloġija għall-kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza għaċ-ċentri virtwali għas-suq forward, bl-għan li jiġu mmassimizzati l-korrelazzjonijiet bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezzijiet taż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu ċentru virtwali; din il-metodoloġija għandha tkun applikabbli għaċ-ċentri virtwali kollha u bbażata fuq kriterji oġġettivi predefiniti; 

(c)tinkludi definizzjoni ta’ drittijiet finanzjarji ta’ trażmissjoni fuq terminu twil miż-żoni tal-offerti saċ-ċentri virtwali għas-suq forward;

(d)timmassimizza l-opportunitajiet ta’ negozjar għall-iħħeġġjar ta’ prodotti li jirreferenzjaw iċ-ċentri virtwali għas-suq forward kif ukoll għad-drittijiet ta’ trażmissjoni fuq terminu twil miż-żoni tal-offerti għal ċentri virtwali.

2.Fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi l-proposta dwar l-istabbiliment taċ-ċentri virtwali reġjonali għas-suq forward, l-ACER għandha tevalwaha u jew tapprovaha jew temendaha. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Elettriku qabel ma tadotta l-emendi. Il-proposta adottata għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-ACER.

3.Il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719 għandu jkollha forma ġuridika kif imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.Il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni għandha:

(a)toffri negozjar ta’ drittijiet tat-trażmissjoni fuq terminu twil bejn kull żona tal-offerti u ċentru virtwali; meta żona tal-offerti ma tkunx parti minn ċentru virtwali, tista’ toħroġ drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarji fuq terminu twil lil ċentru virtwali jew lil żoni tal-offerti oħrajn li jkunu parti mill-istess reġjun bil-kapaċità kalkolata;

(b)talloka kapaċità transżonali fuq terminu twil fuq bażi regolari u b’mod trasparenti, ibbażat fuq is-suq u nondiskriminatorju; il-frekwenza tal-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fuq terminu twil għandha tappoġġa l-funzjonament effiċjenti tas-suq forward;

(c)toffri negozjar ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarja li għandhom jippermettu lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet ta’ trażmissjoni finanzjarja jneħħu l-iskopertura għal firxiet pożittivi u negattivi tal-prezzijiet, u b’maturitajiet frekwenti sa tal-anqas 3 snin bil-quddiem.

5.Meta awtorità regolatorja tqis li ma hemmx biżżejjed opportunitajiet ta’ ħħeġġjar disponibbli għall-parteċipanti fis-suq, u wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tas-suq finanzjarju f’każ li s-swieq forward ikunu jikkonċernaw strumenti finanzjarji kif definiti skont l-Artikolu 4(1)(15), din tista’ tirrikjedi li l-operaturi ta’ sistemi tal-iskambji tal-enerġija jew ta’ trażmissjoni jimplimentaw miżuri addizzjonali, bħal attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq, biex itejbu l-likwidità tas-suq forward. Soġġett għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u mad-Direttiva (UE) 2014/65 u mar-Regolamenti (UE) 648/2012 u 600/2014, l-operaturi tas-suq għandhom ikunu liberi li jiżviluppaw prodotti ta’ ħħeġġjar forward, inklużi prodotti ta’ ħħeġġjar forward ta’ terminu twil, biex jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq, inklużi s-sidien ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’possibbiltajiet xierqa għall-iħħeġġjar tar-riskji finanzjarji kontra l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li din l-attività ta’ ħħeġġjar tista’ tkun limitata għal negozjar fi Stat Membru jew żona tal-offerti.

(7) L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

[a] il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Il-metodoloġiji tat-tariffi għandhom jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u għandhom iqisu kemm in-nefqa kapitali kif ukoll in-nefqa operazzjonali biex jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul, inklużi investimenti antiċipatorji, sabiex jiżdiedu l-effiċjenzi, inkluża l-effiċjenza enerġetika, biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista, biex jiġi appoġġat l-użu ta’ servizzi ta’ flessibbiltà, investimenti effiċjenti inklużi soluzzjonijiet biex tiġi ottimizzata l-grilja eżistenti u jiġi ffaċilitat ir-rispons għad-domanda u attivitajiet ta’ riċerka relatati, u biex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumaturi f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta’ flessibbiltà u l-interkonnessjoni”;

[b] il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8. Il-metodoloġiji tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għall-aktar operazzjoni kosteffiċjenti u għall-iżvilupp tan-networks tagħhom inkluż permezz tal-akkwist ta’ servizzi. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli, għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u għandhom jintroduċu miri ta’ prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenzi fin-networks tagħhom, inkluż permezz tal-effiċjenza enerġetika, l-użu ta’ servizzi ta’ flessibbiltà u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u sistemi ta’ metraġġ intelliġenti.”

   [c] fil-paragrafu 9, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f) metodi biex tiġi żgurata t-trasparenza fl-istabbiliment u fl-istruttura tat-tariffi, inklużi investimenti antiċipatorji;”

   [d] fil-paragrafu 9, jiżdied il-punt (i) li ġej:

“(i) inċentivi għal investimenti effiċjenti fin-networks, inkluż dwar ir-riżorsi ta’ flessibbiltà u ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli.”

[8] fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

[a] il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(b) iż-żamma jew iż-żieda tal-kapaċitajiet transżonali permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tal-interkonnetturi eżistenti permezz ta’ azzjonijiet ta’ rimedju kkoordinati, fejn applikabbli, jew il-kopertura tal-kostijiet li jirriżultaw mill-investimenti fin-network li huma rilevanti biex titnaqqas il-konġestjoni tal-interkonnetturi; jew

[b] jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c) l-għoti ta’ kumpens lill-operaturi ta’ impjanti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta f’żona tal-offerti lil hinn mill-kosta jekk l-aċċess għal swieq interkonnessi jkun tnaqqas b’tali mod li operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jkunux għamlu biżżejjed kapaċità disponibbli fuq l-interkonnettur jew fuq l-elementi kritiċi tan-network li jaffettwaw il-kapaċità tal-interkonnettur, li jirriżulta li l-operatur tal-impjanti lil hinn mill-kosta ma jkunx jista’ jesporta l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tiegħu lejn is-suq.”

[9] Jiddaħħal il-Kapitolu IIIa li ġej:

Kapitolu IIIa

Inċentivi speċifiċi ta’ investiment biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni

Artikolu 19a

Ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija

1.L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (“PPAs”) bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat tagħhom dwar l-enerġija u l-klima fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tad-dimensjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li jippreservaw swieq tal-elettriku kompetittivi u likwidi.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li strumenti bħal skemi ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq, biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati mal-inadempjenza tal-pagament lil hinn mir-riċevitur fil-qafas tal-PPAs, huma fis-seħħ u aċċessibbli għall-klijenti li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul fis-suq tal-PPAs u ma humiex f’diffikultà finanzjarja f’konformità mal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu l-istrumenti fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema kategoriji ta’ klijenti huma fil-mira ta’ dawn l-istrumenti, bl-applikazzjoni ta’ kriterji nondiskriminatorji.

3.L-iskemi ta’ garanzija għall-PPAs appoġġati mill-Istati Membri għandhom jinkludu dispożizzjonijiet biex jiġi evitat it-tnaqqis tal-likwidità fis-swieq tal-elettriku u ma għandhomx jipprovdu appoġġ għax-xiri ta’ ġenerazzjoni mill-fjuwils fossili.

4.Fid-disinn tal-iskemi ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ proġetti li jirriżervaw parti mill-elettriku għall-bejgħ permezz ta’ PPA jew arranġamenti oħrajn ibbażati fuq is-suq u għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu mill-kriterji ta’ evalwazzjoni biex jinċentivaw l-aċċess għas-suq tal-PPAs għall-klijenti li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul. B’mod partikolari, dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni jistgħu jagħtu preferenza lill-offerenti li jippreżentaw PPA ffirmat jew impenn li jiffirmaw PPA għal parti mill-ġenerazzjoni tal-proġett minn xerrej potenzjali wieħed jew aktar li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul fis-suq tal-PPAs.

5.Il-PPAs għandhom jispeċifikaw iż-żona tal-offerti tal-konsenja u r-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet tat-trażmissjoni transżonali f’każ ta’ bidla fiż-żona tal-offerti f’konformità mal-Artikolu 14.

6.Il-PPAs għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-klijenti u l-produtturi jistgħu joħorġu mill-PPAs, bħal kwalunkwe tariffa ta’ ħruġ applikabbli u perjodi ta’ avviż, f’konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 19b

Skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet għal investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni

1.Skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet għal investimenti ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jieħdu l-forma ta’ kuntratt bidirezzjonali għad-differenzi. Investimenti ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għandhom jinkludu investimenti f’faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ġodda, investimenti mmirati biex jerġgħu jagħtu l-potenza lill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija eżistenti, investimenti mmirati biex jestendu l-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija eżistenti jew biex itawlu l-ħajja tagħhom.

2.Il-paragrafu 1 għandu japplika għal investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi li ġejjin:

(a)l-enerġija eolika;

(b)l-enerġija solari;

(c)l-enerġija ġeotermali;

(d)idroelettriku mingħajr riżerva;

(e)l-enerġija nukleari;

3.Skemi diretti ta’ appoġġ għall-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza għandhom:

(a)ikunu ddisinjati b’tali mod li d-dħul miġbur meta l-prezz tas-suq ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar jitqassam lill-klijenti finali kollha tal-elettriku abbażi tas-sehem tal-konsum tagħhom (l-istess kost/rifużjoni kull MWh ikkonsmat);

(b)jiżguraw li d-distribuzzjoni tad-dħul lill-klijenti finali tal-elettriku tkun iddisinjata b’tali mod li ma jitneħħewx l-inċentivi tal-konsumaturi biex inaqqsu l-konsum tagħhom jew iċaqilquh għal perjodi meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu baxxi u ma jfixklux il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-elettriku;

Artikolu 19c

Valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà

1.Sal-1 ta’ Jannar 2025 u kull sentejn wara dan, l-awtorità regolatorja ta’ kull Stat Membru għandha tivvaluta u tfassal rapport dwar il-ħtieġa għal flessibbiltà fis-sistema tal-elettriku għal perjodu ta’ mill-anqas 5 snin, fid-dawl tal-ħtieġa li tinkiseb b’mod kosteffettiv is-sigurtà tal-provvista u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li titqies l-integrazzjoni ta’ setturi differenti. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq id-data u l-analiżijiet ipprovduti mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 2 u bl-użu tal-metodoloġija skont il-paragrafu 3.

2.Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-ħtieġa għall-flessibbiltà biex jiġi integrat l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku u għandu jqis, partikolarment, il-potenzjal ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda biex tiġi ssodisfata din il-ħtieġa, kemm fil-livell ta’ trażmissjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni. Ir-rapport għandu jiddistingwi bejn il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà staġunali, ta’ kuljum u ta’ kull siegħa.

3.L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għandhom jipprovdu lill-awtorità regolatorja, id-data u l-analiżijiet meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

4.L-ENTSO tal-Elettriku u l-entità tad-DSO tal-UE għandhom jikkoordinaw l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni fir-rigward tad-data u l-analiżijiet li għandhom jiġu pprovduti f’konformità mal-paragrafu 2. B’mod partikolari, huma għandhom:

(a)jiddefinixxu t-tip ta’ data u l-format li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji;

(b)jiżviluppaw metodoloġija għall-analiżi mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà, filwaqt li jqisu tal-anqas is-sorsi eżistenti kollha ta’ flessibbiltà u l-investimenti ppjanati fil-livell ta’ interkonnessjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni kif ukoll il-ħtieġa li s-sistema tal-elettriku tiġi dekarbonizzata.

5.L-ENTSO tal-Elettriku u l-entità tad-DSO tal-UE għandhom jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni.

6.Sal-1 ta’ Marzu 2024, l-ENTSO tal-Elettriku u l-entità tad-DSO tal-UE għandhom jippreżentaw konġuntement lill-ACER proposta dwar it-tip ta’ data u format li għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet regolatorji u l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 3. Fi żmien 3 xhur mill-wasla tal-proposta, l-ACER għandha jew tapprova l-proposta jew temendaha. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-entità tad-DSO tal-UE qabel ma tadotta l-emendi. Il-proposta adottata għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-ACER.

7.L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissottomettu r-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 lill-ACER u jippubblikawhom. Fi żmien 12-il xahar mill-wasla tar-rapporti, l-ACER għandha toħroġ rapport li janalizzahom u għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera fir-rigward tas-sejbiet tal-awtoritajiet regolatorji.

Artikolu 19d

Objettiv nazzjonali indikattiv għar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda

Abbażi tar-rapport tal-awtorità regolatorja skont l-Artikolu 19c(1), kull Stat Membru għandu jiddefinixxi objettiv nazzjonali indikattiv għar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda. Dan l-objettiv nazzjonali indikattiv għandu jiġi rifless ukoll fil-pjanijiet nazzjonali integrati tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima fir-rigward tad-dimensjoni “Suq Intern tal-Enerġija” f’konformità mal-Artikoli 3, 4 u 7 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress biennali integrati tagħhom f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 19e

Skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà

1.L-Istati Membri li japplikaw mekkaniżmu tal-kapaċità f’konformità mal-Artikolu 21 għandhom iqisu l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda billi jintroduċu kriterji jew karatteristiċi addizzjonali fid-disinn tal-mekkaniżmu tal-kapaċità.

2.Meta l-miżuri introdotti f’konformità mal-paragrafu 1 biex jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin fil-mekkaniżmi tal-kapaċità ma jkunux biżżejjed biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà identifikati f’konformità mal-Artikolu 19d, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà li jikkonsistu f’pagamenti għall-kapaċità disponibbli ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda.

3.L-Istati Membri li ma japplikawx mekkaniżmu tal-kapaċità jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà li jikkonsistu minn pagamenti għall-kapaċità disponibbli ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda.

Artikolu 19f

Prinċipji ta’ disinn għal skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà

L-iskema ta’ appoġġ għall-flessibbiltà, għall-flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda applikata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 19e(2) u (3) għandha:

(a)ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà identifikati b’mod kosteffettiv;

(b)tkun limitata għal investimenti ġodda fi flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons u l-ħżin min-naħa tad-domanda;

(c)ma tridx timplika ġenerazzjoni inizjali bbażata fuq il-fjuwils fossili li tinsab wara l-punt ta’ metraġġ;

(d)tagħżel il-fornituri tal-kapaċità permezz ta’ proċess miftuħ, trasparenti, kompetittiv, nondiskriminatorju u kosteffettiv;

(e)tipprevjeni distorsjonijiet bla bżonn għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq tal-elettriku inkluż il-preservazzjoni ta’ inċentivi operatorji effiċjenti u sinjali tal-prezzijiet u l-iskopertura għall-varjazzjoni fil-prezzijiet u għar-riskju tas-suq;

(f)tipprovdi inċentivi għall-integrazzjoni fis-suq tal-elettriku b’mod ibbażat fuq is-suq u b’mod li jirrispondi għas-suq, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tas-swieq tal-elettriku kif ukoll jitqiesu l-kostijiet possibbli tal-integrazzjoni tas-sistema u l-istabbiltà tal-grilja;

(g)tistabbilixxi livell minimu ta’ parteċipazzjoni fis-suq f’termini ta’ enerġija attivata, li jqis l-ispeċifiċitajiet tekniċi tal-ħżin u r-rispons għad-domanda;

(h)tapplika penali xierqa għall-fornituri tal-kapaċità li ma jirrispettawx il-livell minimu ta’ parteċipazzjoni fis-suq imsemmi fil-punt (g), jew li ma jsegwux inċentivi ta’ operat u sinjali tal-prezzijiet effiċjenti;

(i)tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni transfruntiera.”;

(10) fl-Artikolu 37(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a), it-twettiq tal-kalkolu tal-kapaċità koordinata f’konformità mal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, il-linja gwida għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni u l-linja gwida għall-ibbilanċjar tal-elettriku adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;”;

(11) L-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:

(a) jiżdied il-paragrafu 4a li ġej:

“4a. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw b’mod ċar u trasparenti, informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fiż-żoni tal-operat rispettivi tagħhom, inkluż f’żoni b’konġestjoni jekk ikunu jistgħu jiġu akkomodati konnessjonijiet flessibbli tal-ħżin tal-enerġija, u jaġġornaw dik l-informazzjoni regolarment, mill-anqas kull trimestru.

L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni ċara u trasparenti lill-utenti tas-sistema dwar l-istatus u t-trattament tat-talbiet ta’ konnessjoni tagħhom. Huma għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien 3 xhur mis-sottomissjoni tat-talba ”;

(12) fl-Artikolu 57, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. L-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fiż-żoni tal-operat rispettivi tagħhom b’mod konsistenti u fl-għoti ta’ viżibbiltà granulari suffiċjenti lill-iżviluppaturi ta’ proġetti ġodda tal-enerġija u lil utenti potenzjali oħrajn tan-network.

(13) fl-Artikolu 59(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b), l-allokazzjoni tal-kapaċità u r-regoli dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikoli 7 sa 10, 13 sa 17, 19 u 35 sa 37 ta’ dan ir-Regolament, inklużi regoli dwar il-metodoloġiji u l-proċessi tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u forward, il-mudelli tal-grilja, il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti, ir-ridispaċċ u l-iskambju kumpensatorju, l-algoritmi ta’ negozjar, l-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata inkluża l-possibbiltà li jiġi operat minn entità waħda, is-sodezza tal-kapaċità transżonali allokata, id-distribuzzjoni tal-introjtu mill-konġestjoni, l-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni fuq terminu twil finanzjarji mill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, l-iħħeġġjar tar-riskju tat-trażmissjoni transżonali, il-proċeduri tan-nomina, u l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-irkupru tal-kostijiet tal-ġestjoni;”;

(14) Jiddaħħal l-Artikolu 69a li ġej:

Artikolu 69a

Interazzjoni mal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni

Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2014/65, ir-Regolament (UE) 648/2012 u r-Regolament (UE) 600/2014 meta parteċipanti fis-suq jew operaturi tas-suq jidħlu f’attivitajiet relatati ma’ strumenti finanzjarji partikolarment kif definiti skont l-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva (UE) 2014/65.

(15) fl-Anness I, il-punt 1.2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.2. Il-kalkolu tal-kapaċità koordinata għandu jsir għall-perjodi ta’ żmien kollha tal-allokazzjoni”.

Artikolu 2

Emendi fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku

Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punti (8) u (49) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(8)    “klijent attiv” tfisser klijent finali, jew grupp ta’ klijenti finali li jaġixxu konġuntement, li jikkunsmaw jew li jaħżnu l-elettriku ġġenerat fil-binjiet tagħhom li jinsab f’konfini limitati jew elettriku awtoġġenerat jew kondiviż fi ħdan bini ieħor li jinsab fl-istess żona tal-offerti, jew li jbigħu elettriku awtoġġenerat jew li jipparteċipaw fi skemi ta’ flessibbiltà jew ta’ effiċjenza fl-enerġija, dment li dawk l-attivitajiet ma jikkostitwux l-attività kummerċjali jew professjonali primarja tagħhom.”;

“(49) “servizz anċillari mhux tal-frekwenza” tfisser servizz użat minn operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew operatur ta’sistema ta’ distribuzzjoni għall-kontroll tal-vultaġġ fi stat stabbli, għall-injezzjonijiet rapidi ta’ kurrent reattiv, għall-inerzja għall-istabbiltà tal-grilja lokali, għall-kurrent ta’ ċirkwit kort, għall-kapaċità ta’ startjar minn mitfi totali, għall-kapaċità ta’ operat ta’ network iżolat u għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda;”

(b) se jiżdiedu l-punti li ġejjin:

(15a) “kuntratt għall-provvista tal-elettriku b’terminu fiss u bi prezz fiss” tfisser kuntratt għall-provvista tal-elettriku bejn fornitur u klijent finali li jiggarantixxi l-istess kundizzjonijiet kuntrattwali, inkluż il-prezz, filwaqt li jista’, fi prezz fiss, jinkludi element flessibbli, pereżempju, b’varjazzjonijiet fil-prezz fis-sigħat ta’ quċċata u barra s-sigħat ta’ quċċata;

(10a) “kondiviżjoni tal-enerġija” tfisser l-awtokonsum minn klijenti attivi tal-enerġija rinnovabbli jew:

(a)iġġenerat jew maħżun mhux fuq is-sit jew fuq siti bejniethom minn faċilità li huma s-sidien tagħha, li għandhom ftehim ta’ lokazzjoni fuqha, li jikru kompletament jew parzjalment; jew

(b)id-dritt li ġie ttrasferit lilhom minn klijent attiv ieħor kemm jekk mingħajr ħlas kif ukoll jekk bi ħlas.

(10b) “negozjar bejn il-pari” ta’ enerġija rinnovabbli tfisser negozjar bejn il-pari kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (18), tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(24a) “fornitur tal-aħħar istanza” tfisser fornitur li huwa deżinjat minn Stat Membru biex jieħu f’idejh il-provvista tal-elettriku lil klijenti ta’ fornitur li ma għadux jopera;

(2) l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Għażla libera tal-fornitur

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu liberi li jixtru l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu liberi li jkollhom aktar minn kuntratt għall-provvista tal-elettriku wieħed fl-istess waqt, u li għal dan il-għan il-klijenti jkunu intitolati li jkollhom aktar minn punt wieħed ta’ metraġġ u ta’ kontijiet koperti mill-punt uniku ta’ konnessjoni għall-binjiet tagħhom.”

(3) l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Intitolament għal terminu fiss, prezz fiss u kuntratt dinamiku tal-prezz tal-elettriku”;

(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas regolatorju nazzjonali jippermetti lill-fornituri joffru kuntratti għal terminu fiss u bi prezz fiss u kuntratti bi prezzijiet tal-elettriku dinamiċi.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali li jkollhom miter intelliġenti installat ikunu jistgħu jitolbu li jikkonkludu kuntratt bi prezzijiet tal-elettriku dinamiċi u li l-klijenti finali kollha jkunu jistgħu jitolbu li jikkonkludu kuntratt tal-prezz tal-elettriku b’terminu fiss u bi prezz fiss ta’ durata ta’ mill-anqas sena waħda, ma’ mill-anqas fornitur wieħed u ma’ kull fornitur li jkollu aktar minn 200 000 klijent finali.

(c) jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

1a. Qabel il-konklużjoni jew l-estensjoni ta’ kwalunkwe kuntratt, il-klijenti finali għandhom jiġu pprovduti b’sommarju tal-kundizzjonijiet kuntrattwali ewlenin b’mod prominenti u b’lingwaġġ konċiż u sempliċi. Dan is-sommarju għandu jinkludi mill-anqas informazzjoni dwar il-prezz totali, il-promozzjonijiet, is-servizzi addizzjonali, l-iskontijiet u jinkludi d-drittijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 10(3). Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida f’dan ir-rigward.

(d) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu informati bis-sħiħ mill-fornituri dwar l-opportunitajiet, il-kostijiet u r-riskji ta’ kuntratti bi prezzijiet tal-elettriku dinamiċi, u għandhom jiżguraw li l-fornituri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni lill-klijenti finali kif xieraq, inkluż fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi installat miter tal-elettriku adegwat. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw l-iżviluppi tas-suq u jivvalutaw ir-riskji li l-prodotti u s-servizzi l-ġodda jistgħu jinvolvu u jittrattaw prattiki abbużivi.

(4) Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

 

“Artikolu 15a”

Id-dritt għall-kondiviżjoni tal-enerġija

1.L-unitajiet domestiċi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-korpi pubbliċi kollha għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-kondiviżjoni tal-enerġija bħala klijenti attivi.

(a)Il-klijenti attivi għandhom ikunu intitolati li jikkondividu l-enerġija rinnovabbli bejniethom abbażi ta’ ftehimiet privati jew permezz ta’ entità ġuridika.

(b)Il-klijenti attivi jistgħu jużaw parti terza li jkollha s-sjieda jew tiġġestixxi l-installazzjoni, l-operazzjoni, inkluż il-metraġġ u l-manutenzjoni ta’ faċilità tal-ħżin jew tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli bl-għan li tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-enerġija, mingħajr ma dik il-parti terza titqies bħala klijent attiv.

(c)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi li jipparteċipaw fil-kondiviżjoni tal-enerġija:

(d)ikunu intitolati li jkollhom l-elettriku kondiviż nnettjat bil-konsum totali metrat tagħhom f’intervall ta’ żmien mhux aktar mill-perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ u mingħajr preġudizzju għat-taxxi, levies u tariffi tan-network applikabbli;

(e)jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi kollha tal-konsumatur bħala klijenti finali skont din id-Direttiva, ħlief fil-każ ta’ kondiviżjoni tal-enerġija bejn unitajiet domestiċi b’kapaċità installata sa 10,8 kW u sa 50 kW għal blokok b’aktar minn appartament wieħed li jużaw ftehimiet ta’ kummerċ bejn il-pari;

(f)ikollhom aċċess għal kuntratti mudell b’termini u kundizzjonijiet ġusti u trasparenti għal ftehimiet ta’ negozjar bejn il-pari bejn l-unitajiet domestiċi, u għal ftehimiet dwar il-lokazzjoni, il-kiri jew investiment f’faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-enerġija; f’każ ta’ kunflitti li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet, il-klijenti finali għandu jkollhom aċċess għas-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti f’konformità mal-Artikolu 26;

(g)ma jkunux soġġetti għal trattament inġust u diskriminatorju mill-parteċipanti fis-suq jew mill-partijiet responsabbli għall-ibbilanċjar tagħhom;

(h)jiġu informati dwar il-possibbiltà ta’ bidliet fiż-żoni tal-offerti f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/943 u dwar il-fatt li d-dritt ta’ kondiviżjoni tal-enerġija huwa ristrett għall-istess żona tal-offerti waħda.

(i)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi rilevanti tas-sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni jew korpi deżinjati oħrajn:

(j)jimmonitorjaw, jiġbru, jivvalidaw u jikkomunikaw data dwar il-metraġġ relatata mal-elettriku kondiviż mal-klijenti finali u mal-parteċipanti fis-suq rilevanti mill-anqas kull xahar, u f’konformità mal-Artikolu 23;

(k)jipprovdu punt ta’ kuntatt rilevanti biex jirreġistra l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-enerġija, jirċievi informazzjoni dwar il-punti ta’ metraġġ rilevanti, il-bidliet fil-post u fil-parteċipazzjoni, u, fejn applikabbli, jivvalida l-metodi ta’ kalkolu b’mod ċar, trasparenti u f’waqtu.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u nondiskriminatorji biex jiżguraw li unitajiet domestiċi foqra u vulnerabbli fl-enerġija jkunu jistgħu jaċċessaw skemi ta’ kondiviżjoni tal-enerġija. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri ta’ appoġġ finanzjarju jew kwota ta’ allokazzjoni tal-produzzjoni.

“Artikolu 18a

Ġestjoni tar-riskju mill-fornitur

1.L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom jiżguraw li l-fornituri jkollhom fis-seħħ u jimplimentaw strateġiji xierqa ta’ ħħeġġjar biex jillimitaw ir-riskju ta’ bidliet fil-provvista tal-elettriku bl-ingrossa għall-vijabbiltà ekonomika tal-kuntratti tagħhom mal-klijenti, filwaqt li jżommu l-likwidità u s-sinjali tal-prezzijiet minn swieq fuq terminu qasir.

2.L-istrateġiji għall-iħħeġġjar tal-fornituri jistgħu jinkludu l-użu ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija. Fejn jeżistu swieq żviluppati biżżejjed għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija li jippermettu kompetizzjoni effettiva, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li sehem mill-esponiment għar-riskju tal-fornituri għall-bidliet fil-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa jkun kopert bl-użu ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija għall-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jaqblu mad-durata tal-iskopertura għar-riskju tagħhom min-naħa tal-konsumatur, soġġett għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-prodotti għall-iħħeġġjar għall-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini u għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli.”

(5) Jiddaħħal l-Artikolu XX li ġej:

“Artikolu 27a

Fornitur tal-aħħar istanza

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru fornituri tal-aħħar istanza tal-anqas għall-klijenti tal-unitajiet domestiċi. Il-fornituri tal-aħħar istanza għandhom jinħatru fi proċedura ġusta, miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja.

2.Il-klijenti finali li jiġu ttrasferiti lill-fornituri tal-aħħar istanza ma għandhomx jitilfu d-drittijiet tagħhom bħala klijenti, partikolarment dawk id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 10, 11, 12, 14, 18 u 26.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-aħħar istanza jikkomunikaw minnufih it-termini u l-kundizzjonijiet lill-klijenti trasferiti u jiżguraw kontinwità bla xkiel tas-servizz għal dawk il-klijenti għal mill-anqas 6 xhur.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jingħataw informazzjoni u inkoraġġiment biex jaqilbu għal offerta bbażata fuq is-suq.

5.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-aħħar istanza jipprovdi l-elettriku lil klijenti ta’ unità domestika li ma jirċevux offerti bbażati fuq is-suq. F’każijiet bħal dawn, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.”

Artikolu 28a

Protezzjoni minn skonnessjonijiet għal klijenti vulnerabbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti vulnerabbli jkunu protetti mill-iskonnessjonijiet tal-elettriku. Dan għandu jiġi pprovdut bħala parti mill-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli skont l-Artikolu 28(1) ta’ din id-Direttiva u mingħajr preġudizzju għall-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 10(11).

 

(6) fl-Artikolu 27, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi kollha tal-unitajiet domestiċi u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-intrapriżi żgħar, igawdu minn servizz universali, jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet kompetittivi, komparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji.Sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizz universali, l-Istati Membri għandhom jimponu fuq l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, obbligu li jqabbdu lill-klijenti man-network tagħhom skont it-termini, il-kundizzjonijiet u t-tariffi stabbiliti f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(7). Din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jsaħħu l-pożizzjoni tas-suq tal-klijenti tal-unitajiet domestiċi u tal-klijenti żgħar u ta’ daqs medju mhux ta’ unità domestika billi jippromwovu l-possibbiltajiet għall-aggregazzjoni volontarja tar-rappreżentanza għal dik il-klassi ta’ klijenti.”

(7) Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni li jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għas-sistema, inkluż l-użu tagħha. B’mod partikolari, l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandu jippubblika b’mod ċar u trasparenti informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fil-post tal-operat tiegħu, inkluż f’żoni b’konġestjoni jekk ikunu jistgħu jiġu akkomodati konnessjonijiet flessibbli tal-ħżin tal-enerġija, u għandu jaġġorna dik l-informazzjoni regolarment, mill-anqas kull trimestru.

L-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni ċara u trasparenti lill-utenti tas-sistema dwar l-istatus u t-trattament tat-talbiet ta’ konnessjoni tagħhom. Huma għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien 3 xhur mis-sottomissjoni tat-talba.”

(8) l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

[a] jiżdied paragrafu ġdid wara l-paragrafu 6:

Ir-rekwiżiti fil-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda akkwistat f’konformità mal-Artikolu 7a tar-Regolament (UE) 2019/943.

(9) l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

[a] Fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(c), f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji l-oħrajn, l-iżgurar tal-konformità tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719, l-ENTSO tal-Elettriku u l-entità tad-DSO tal-UE mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943, il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 59, 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, u dritt tal-Unjoni rilevanti ieħor, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet transfruntiera, kif ukoll bid-deċiżjonijiet tal-ACER, u l-identifikazzjoni konġunta tan-nuqqas ta’ konformità tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, l-ENTSO tal-Elettriku u tal-entità tad-DSO tal-UE mal-obbligi rispettivi tagħhom; meta l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux setgħu jilħqu ftehim fi żmien 4 xhur wara l-bidu tal-konsultazzjonijiet bil-għan li jidentifikaw konġuntement in-nuqqas ta’ konformità, il-kwistjoni għandha tiġi rriferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942;

[b] Fil-paragrafu 1, is-subparagrafu (z) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(z) L-awtorità regolatorja għandu jkollha d-dmirijiet li ġejjin: il-monitoraġġ tat-tneħħija ta’ ostakoli mhux ġustifikati għall-iżvilupp tal-konsum tal-komunitajiet tal-elettriku u tal-enerġija taċ-ċittadini awtoġġenerati u r-restrizzjonijiet fuqhom, inklużi dawk relatati mal-konnessjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija distribwita flessibbli fi żmien raġonevoli f’konformità mal-Artikolu 58(d).

[c] il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

4. L-awtorità regolatorja li tinsab fl-Istat Membru li fih il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, l-ENTSO għall-elettriku jew l-entità tad-DSO tal-UE għandha s-sede tagħha, għandu jkollha s-setgħa li timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq dawk l-entitajiet meta ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2019/943 jew ma’ kwalunkwe deċiżjoni legalment vinkolanti rilevanti tal-awtorità regolatorja jew tal-ACER, jew tipproponi li qorti kompetenti timponi dawn il-penali.

(10) jiddaħħal l-Artikolu 66a li ġej

“Artikolu 66a

L-aċċess għal enerġija affordabbli matul kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku

1.Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, tiddikjara kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku reġjonali jew madwar l-Unjoni kollha, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)prezzijiet għoljin ħafna fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa mill-anqas darbtejn u nofs il-prezz medju matul il-5 snin preċedenti li huma mistennija li jkomplu għal mill-anqas 6 xhur;

(b)iseħħu żidiet qawwija fil-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku ta’ mill-anqas 70 % li huma mistennija jkomplu għal mill-anqas 6 xhur; u

(c)l-ekonomija usa’ qiegħda tiġi affettwata negattivament miż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku.

2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika fid-deċiżjoni tagħha li tiddikjara kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku reġjonali jew madwar l-Unjoni kollha, il-perjodu ta’ validità ta’ dik id-deċiżjoni li jista’ jkun għal perjodu sa sena.

3.Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, għat-tul ta’ żmien tal-validità ta’ dik id-deċiżjoni, japplikaw interventi pubbliċi mmirati fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn l-interventi pubbliċi għandhom:

(a)ikunu limitati għal massimu ta’ 70 % tal-konsum tal-benefiċjarju matul l-istess perjodu tas-sena preċedenti u jżommu inċentiv għat-tnaqqis fid-domanda;

(b)jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (7);

(c)fejn rilevanti, jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Paragrafu 4.

4.Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, għad-durata tal-validità ta’ dik id-deċiżjoni, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5(7), il-punt (c), meta jiġu applikati interventi pubbliċi mmirati fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku skont l-Artikolu 5(6) jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, eċċezzjonalment u temporanjament, jistabbilixxu prezz għall-provvista tal-elettriku li jkun taħt il-kost dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-prezz stabbilit għall-unitajiet domestiċi japplika biss għal massimu ta’ 80 % tal-konsum medjan tal-unitajiet domestiċi u jżomm inċentiv għat-tnaqqis fid-domanda;

(b)ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-fornituri;

(c)il-fornituri jiġu kkumpensati għall-provvista ta’ taħt il-kost; u

(d)il-fornituri kollha huma eliġibbli li jipprovdu offerti għall-prezz għall-provvista tal-elettriku li jkun taħt il-kost fuq l-istess bażi.

(11) fl-Artikolu 71, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 2 punti 8 u 49, mal-Artikoli 3 u 5, mal-Artikolu 6(2) u (3), mal-Artikolu 7(1), mal-punti (j) u (l) tal-Artikolu 8(2), mal-Artikolu 9(2), mal-Artikolu 10(2) sa (12), mal-Artikolu 11(3) u (4), mal-Artikoli 12 sa 24, mal-Artikoli 26, 28 u 29, mal-Artikolu 31(1), (2) u (4) sa (10); mal-Artikoli 32 sa 34 u 36, mal-Artikolu 38(2), mal-Artikoli 40 u 42, mal-punt (d) tal-Artikolu 46(2), mal-Artikoli 51 u 54, mal-Artikoli 57 sa 58, mal-Artikolu 59(1) il-punti (a), (b) u (d) sa (y), mal-Artikolu 59(2) u (3), mal-Artikolu 59(5) sa (10), mal-Artikoli 61 sa 63, il-punti (1) sa (3), (5)(b) u (6) tal-Artikolu 70 u mal-Annessi I u II sal-31 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’:

(a) il-punt (5)(a) tal-Artikolu 70 sal-31 ta’ Diċembru 2019;

(b) il-punt (4) tal-Artikolu 70 sal-25 ta’ Ottubru 2020.

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 2, il-punti 10a, 10b, 15a, 24a, l-Artikolu 4, l-Artikolu 11(1), (1a) u (2), l-Artikolu 15a, l-Artikolu 18a, l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 27a, l-Artikolu 28a, l-Artikolu 31(3), l-Artikolu 40(7), l-Artikolu 59(1), il-punti (c) u (z), l-Artikolu 59(4) u l-Artikolu 66a sa 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li tgħid li referenzi għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti tad-Direttiva mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza u kif trid tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.”

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 hija emendata kif ġej:

(1) l-Artikolu 4(3) huwa emendat kif ġej:

(a) it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dak il-għan, fir-rigward ta’ skemi diretti ta’ appoġġ tal-prezzijiet, l-appoġġ għandu jingħata fil-forma ta’ primjum tas-suq, li jista’ jkun, inter alia, varjabbli jew fiss. Din is-sentenza ma għandhiex tapplika għall-appoġġ għall-elettriku mis-sorsi rinnovabbli elenkati fl-Artikolu 19b(2) tar-Regolament (UE) 2019/944, li għalih japplika l-Artikolu 19b(1) ta’ dak ir-Regolament.”

(2) fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 13, 15 sa 31 u 37 u l-Annessi II, III u V sa IX, sat-30 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu, sa [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li tgħid li referenzi għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti tad-Direttiva mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza u kif trid tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.”

Artikolu 4

Emendi fir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Ir-Regolament (UE) 2019/942 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-Entità tad-DSO tal-UE, lill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719, liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi nnominati tas-suq tal-elettriku, dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġiji, tat-termini u tal-kundizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(2), (3) u (4); dwar ir-rieżamijiet taż-żoni tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 5(7); dwar kwistjonijiet tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 6(1); dwar arbitraġġ bejn ir-regolaturi f’konformità mal-Artikolu 6(10); relatati maċ-ċentri reġjonali ta’ koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), il-punt (a); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ metodoloġiji u kalkoli u speċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 9(1); dwar l-approvazzjoni u l-emendar tal-metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 9(3); dwar l-eżenzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10; dwar l-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-punt (d); dwar kwistjonijiet relatati mal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa skont l-Artikolu 12;”

(b) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) toħroġ deċiżjonijiet individwali dwar l-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 7(2), il-punt (b), u l-Artikolu 8, il-punt (c); dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġiji, tat-termini u tal-kundizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(2), (3) u (4); dwar ir-rieżamijiet taż-żoni tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 5(7); dwar kwistjonijiet tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 6(1); dwar arbitraġġ bejn ir-regolaturi f’konformità mal-Artikolu 6(10); relatati maċ-ċentri reġjonali ta’ koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), il-punt (a); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ metodoloġiji u kalkoli u speċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 9(1); dwar l-approvazzjoni u l-emendar tal-metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 9(3); dwar l-eżenzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10; dwar l-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-punt (d); dwar kwistjonijiet relatati mal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa skont l-Artikolu 12, dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ proposti mill-ENTSO tal-elettriku relatati maċ-ċentri virtwali reġjonali skont l-Artikolu 5(9); u dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ proposti mill-ENTSO tal-elettriku u mill-entità tad-DSO tal-UE relatati mal-metodoloġija dwar id-data u l-analiżi li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà skont l-Artikolu 5(10). ”;

(2) fl-Artikolu 3(2), jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.”;

(3) fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:

“9. Il-paragrafi 6, 7 u 8 għandhom japplikaw ukoll għall-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.”;

(4) fl-Artikolu 5(8), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:”;

L-ACER għandha timmonitorja l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.

(5) Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:

“9. L-ACER għandha tapprova u, fejn meħtieġ, temenda l-proposta mill-ENTSO tal-elettriku dwar l-istabbiliment ta’ ċentri virtwali reġjonali għas-suq forward skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2019/943.”

(6) Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:

“10. L-ACER għandha tapprova u, fejn meħtieġ, temenda l-proposta konġunta mill-ENTSO għall-elettriku u mill-entità tad-DSO tal-UE relatata mal-metodoloġija dwar id-data u l-analiżi li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà skont l-Artikolu 19e(5) tar-Regolament (UE) 2019/943.”

 (7) fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-ACER għandha toħroġ rapport li janalizza l-valutazzjonijiet nazzjonali tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u li jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera rigward is-sejbiet tal-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 19e(6) tar-Regolament (UE) 2019/943.”;

Artikolu 5
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[xxx] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President



DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA “AĠENZIJI”

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:

1.4.Objettiv(i)

1.4.1.Objettiv(i) ġenerali

1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi

1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva

1.7.Il-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i

3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali

3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali

3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi

3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani

3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

 
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA “AĠENZIJI”

1.    QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

1.1.    Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

Ir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/943, id-Direttiva (UE) 2019/944, id-Direttiva (UE) 2018/2001 u r-Regolament (UE) 2019/942 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE.

1.2.    Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

Qasam ta’ politika: Enerġija

Attività: Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

1.3.    Il-proposta hija relatata ma’ 

X azzjoni ġdida

 azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 29  

X l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida 

1.4.    Objettiv(i)

1.4.1.    Objettiv(i) ġenerali 

Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni

1.4.2.    Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi 

L-objettivi speċifiċi li ġejjin jiffokaw fuq dawk li huma indirizzati minn dispożizzjonijiet li jirrikjedu riżorsi addizzjonali għall-ACER u għad-DĠ Enerġija.

Objettiv speċifiku Nru 1:

L-iffaċilitar ta’ swieq forward. Id-definizzjoni taċ-ċentri l-ġodda tal-kummerċ fis-suq forward.

Objettiv speċifiku Nru 2:

L-iffaċilitar ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, partikolarment ir-rispons għad-domanda

Objettiv speċifiku Nru 3:

L-iżgurar tal-iħħeġġjar tal-fornitur u tar-regoli ġusti fir-rigward tal-fornituri tal-aħħar istanza. L-għoti lill-klijenti dritt għall-kondiviżjoni tal-enerġija.


1.4.3.    Riżultat(i) u impatt mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

Ir-riżorsi addizzjonali se jippermettu lill-ACER u lid-DĠ Enerġija jwettqu l-kompiti meħtieġa biex jissodisfaw il-mandat tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE skont ir-rekwiżiti f’din il-proposta.

1.4.4.    Indikaturi tal-prestazzjoni 

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.

Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet tal-inizjattiva.

(a)    Effettività u puntwalità: l-indikaturi għandhom jippermettu l-monitoraġġ tal-prestazzjoni billi jipprovdu informazzjoni dwar il-progress fuq bażi regolari u dwar il-kisbiet matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.

(b)    Effiċjenza: il-proċessi għandhom jiġu ottimizzati għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data, filwaqt li għandhom jiġu evitati talbiet mhux meħtieġa jew duplikati għall-informazzjoni.

(c)    Ir-rilevanza tal-indikaturi u l-ħtieġa li jiġi limitat il-piż amministrattiv assoċjat.

(d)    Ċarezza: l-indikaturi għandhom jingħataw f’forma ċara u li tinftiehem, b’metadata ta’ appoġġ u f’forma li tiffaċilita interpretazzjoni xierqa u komunikazzjoni sinifikanti.

1.5.    Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva 

1.5.1.    Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

Il-valutazzjoni li ġejja, sal-punt li tikkonċerna lill-ACER, tqis l-istimi tal-ħtiġijiet tar-riżorsi fl-2023 għal kompiti komparabbli kif identifikati fl-2020/2021 minn konsulent indipendenti.

Objettiv speċifiku Nru 1: Id-definizzjoni taċ-ċentri l-ġodda tal-kummerċ fis-suq forward (l-Artikolu 9):

Ġiet introdotta dispożizzjoni ġdida li tirrikjedi li l-ENTSO-E tissottometti lill-ACER proposta għall-istabbiliment ta’ ċentri virtwali għas-suq forward. Fi żmien 6 xhur, l-ACER għandha jew tapprovaha jew temendaha. Wara l-istabbiliment ta’ dawn iċ-ċentri virtwali, jista’ jkun mistenni li l-ACER se jkollha bżonn tkompli timmonitorjahom. L-ACER se jkollha wkoll rwol fl-infurzar ta’ nuqqas possibbli ta’ konformità mill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

ACER

Id-disinn ta’ dawn iċ-ċentri huwa ta’ importanza kritika għall-possibbiltà tagħhom li jattiraw likwidità forward u jissostitwixxu l-prodotti taż-żona. Il-mudell minn żona għal ċentru jirrappreżenta bidla sinifikanti fil-mudell meta mqabbel mad-disinn eżistenti. B’mod partikolari, se jkollhom jitwettqu l-kompiti l-ġodda li ġejjin:

Id-disinn (inklużi studji dettaljati) dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet ta’ ċentri tan-negozjar forward (tal-anqas Ewlenin u Nordiċi, potenzjalment oħrajn) kif ukoll l-approvazzjoni ta’ metodoloġija ġdida tas-suġġett

Id-disinn (inklużi studji dettaljati) dwar prodotti tad-drittijiet tat-trażmissjoni fuq terminu twil li għandhom jiġu offruti (firxa ġeografika u disinn)

Deċiżjonijiet potenzjali dwar l-opportunitajiet ta’ ħħeġġjar li jirriżultaw mir-rekwiżiti l-ġodda wara żidiet mill-NRAs

Attivitajiet ta’ monitoraġġ marbuta mad-disinn taċ-ċentru l-ġdid (volumi tal-LTTR, likwidità taċ-ċentru, valutazzjoni tal-LTTR, …)

Minħabba l-importanza dejjem akbar tas-swieq forward, huwa stmat li se jkun meħtieġ mill-anqas FTE wieħed għal ħidma relatata ma’ ċentri virtwali u mal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni.

ENER

Minħabba li s-swieq forward se jiżdiedu fl-importanza u se jikkomplementaw, iżda mhux se jissostitwixxu s-swieq tal-elettriku fuq perjodi iqsar ta’ żmien (ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, ibbilanċjar) huwa stmat li l-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet il-ġodda se jirriżulta f’ammont ta’ xogħol ġdid għall-ENER li jammonta għal total ta’ FTE wieħed.

Objettiv speċifiku Nru 2: L-iffaċilitar ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, partikolarment ir-rispons għad-domanda

Kull sentejn, l-awtorità regolatorja ta’ kull Stat Membru għandha tivvaluta u tipproduċi rapport dwar il-ħtieġa għal flessibbiltà fis-sistema tal-elettriku abbażi ta’ data u analiżi mill-operaturi tan-network. L-ENTSO-E u l-entità tad-DSO tal-UE għandhom jikkoordinaw l-operaturi tan-network fir-rigward ta’ din id-data u l-analiżijiet. Għal dan il-għan, l-ENTSO-E u d-DSO tal-UE għandhom jipproponu metodoloġija. Fi żmien 6 xhur, l-ACER għandha jew tapprovaha jew temendaha. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissottomettu l-valutazzjonijiet nazzjonali tagħhom lill-ACER. L-ACER imbagħad għandha toħroġ rapport fi żmien 12-il xahar.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettiv nazzjonali għar-rispons min-naħa tad-domanda u għandhom jinkluduh fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tagħhom. Dawk l-Istati Membri li japplikaw mekkaniżmu tal-kapaċità għandhom iqisu r-rispons min-naħa tad-domanda fid-disinn tal-mekkaniżmu tal-kapaċità. Dispożizzjonijiet oħrajn jistipulaw meta l-appoġġ finanzjarju jista’ jingħata lil skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà u prinċipji ta’ disinn għal dawn l-iskemi.

Qed jiġu wkoll introdotti dispożizzjonijiet ġodda b’rabta ma’ dan l-objettiv speċifiku, relatati ma’ “prodotti prodott għat-trażżin tal-quċċata fid-domanda” u mal-użu ta’ data minn apparati ta’ metraġġ.

ACER

L-ammont ta’ xogħol tal-ACER għall-approvazzjoni jew għall-emendar tal-metodoloġija relatata mad-data u mal-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà jista’ jkun mistenni li jkun simili għal dak għall-approvazzjoni tal-emendar tal-abbozz ta’ metodoloġija tal-ENTSO-E għall-Valutazzjoni Ewropea tal-Adegwatezza tar-Riżorsi, u b’hekk ikun jirrikjedi 0,75 FTE. L-ammont ta’ xogħol tal-ACER għat-tħejjija tar-rapport dwar il-flessibbiltà kull sentejn jista’ jkun mistenni li jkun simili għal dak għar-rapport biennali dwar l-aħjar prattika kif ukoll dak dwar il-metodoloġiji tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni skont l-Artikolu 18(9) tar-Regolament (UE) 2019/943, u b’hekk jirrikjedi 0,5 FTE. Jista’ jkun mistenni ammont ta’ xogħol addizzjonali minħabba l-impatt tal-iffaċilitar ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà fuq il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi: L-ammont ta’ xogħol tal-ACER relatat mal-Valutazzjoni Ewropea tal-Adegwatezza tar-Riżorsi x’aktarx li jiżdied. Barra minn hekk, fil-każ li l-ENTSO-E jew id-DSO tal-UE ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE, l-ACER jista’ jkollha bżonn titlob informazzjoni permezz ta’ Deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) jew l-ACER flimkien mar-regolaturi nazzjonali jistgħu jkunu jeħtieġu li jieħdu azzjoni skont l-Artikoli 4(6) sa 4(8) tar-Regolament (UE) 2019/942. Għalhekk, huwa stmat li kumplessivament huma meħtieġa żewġ FTE għall-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku 2.

ENER

L-objettiv speċifiku 2 se jagħmel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-mekkaniżmi tal-kapaċità (kemm il-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ qabel l-introduzzjoni meħtieġ kif ukoll il-proċess tal-għajnuna mill-Istat) aktar kumplessa. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jirrapportaw l-objettivi nazzjonali għar-rispons min-naħa tad-domanda skont il-proċess tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, informazzjoni li se teħtieġ li tiġi pproċessata mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa stmat li dan se joħloq ammont ta’ xogħol ġdid għall-ENER li jammonta għal FTE wieħed.

Objettiv speċifiku Nru 3: L-iżgurar tal-iħħeġġjar tal-fornitur u tar-regoli ġusti fir-rigward tal-fornituri tal-aħħar istanza. L-għoti lill-klijenti dritt għall-kondiviżjoni tal-enerġija.

ACER

Mhux applikabbli

ENER

L-objettiv speċifiku Nru 3 jinkludi regoli ġodda fid-Direttiva dwar l-Elettriku li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom mill-Istati Membri jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, minħabba li jikkonċerna direttament lill-konsumaturi, jista’ jwassal għal għadd sinifikanti ta’ lmenti, ittri eċċ. Għalhekk, huwa stmat li dan se joħloq ammont ta’ xogħol ġdid għall-ENER li jammonta għal FTE waħda.

Spejjeż ġenerali

ACER

Dawk l-FTE addizzjonali kif deskritt hawn fuq ma jinkludux l-ispejjeż ġenerali. FTE addizzjonali wieħed, preferibbilment AST li tissostitwixxi l-persunal interim impjegat fid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi. ENER

Mhux applikabbli

1.5.2.    Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni

1.5.3.    Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

L-esperjenza bi proposti leġiżlattivi preċedenti wriet li l-ħtiġijiet tal-persunal tal-ACER huma faċilment sottovalutati. Sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-esperjenza bit-tielet pakkett dwar is-suq intern tal-2009, fejn is-sottovalutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persunal irriżultat f’nuqqas ta’ persunal strutturali (solvut komprensivament biss bil-baġit tal-UE għall-2022), għal din il-proposta l-ħtiġijiet tal-persunal huma stmati għal diversi snin fil-futur.

1.5.4.    Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

Din l-inizjattiva hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

1.5.5.    Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

L-FTE huma meħtieġa għal kompiti addizzjonali filwaqt li l-kompiti eżistenti mhux se jonqsu fil-futur prevedibbli.


1.6.    Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva

 durata limitata

   Proposta/inizjattiva fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS

X durata mhux limitata

Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,

segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.

1.7.    Il-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i) 30  

X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’

   aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

X Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja lil:

 lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;

X korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71;

 lill-korpi tal-liġi pubblika;

 lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;

 lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;

 lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

2.    MIŻURI TA’ ĠESTJONI 

2.1.    Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar 

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

Skont ir-regolament finanzjarju tagħha, l-ACER trid tipprovdi, fil-kuntest tad-Dokument ta’ Programmazzjoni tagħha, Programm ta’ Ħidma annwali li jinkludi dettalji dwar ir-riżorsi, kemm finanzjarji kif ukoll umani, għal kull waħda mill-attivitajiet imwettqa.

L-ACER tirrapporta kull xahar lid-DĠ ENER dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit, inklużi l-impenji, u l-pagamenti skont it-titolu tal-baġit, u r-rati tal-postijiet tax-xogħol vakanti skont it-tip ta’ persunal.

Barra minn hekk, id-DĠ ENER huwa rrappreżentat direttament fil-korpi ta’ governanza tal-ACER. Permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Bord Amministrattiv, id-DĠ ENER se jiġi informat dwar l-użu tal-baġit u l-pjan ta’ stabbiliment f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu matul is-sena.

Fl-aħħar, anke f’konformità mar-regoli finanzjarji, l-ACER hija soġġetta għal rekwiżiti annwali għar-rapportar dwar l-attivitajiet u l-użu tar-riżorsi permezz tal-Bord Amministrattiv u r-Rapport Annwali tal-Attività tagħha.

Il-kompiti implimentati direttament mid-DĠ ENER se jsegwu ċ-ċiklu annwali tal-ippjanar u tal-monitoraġġ, kif implimentat fil-Kummissjoni u fl-aġenziji eżekuttivi, inkluż ir-rapportar tar-riżultati permezz tar-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ ENER.

2.2.    Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll 

2.2.1.    Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta

Filwaqt li l-ACER se jkollha tiżviluppa għarfien espert ġdid, madankollu huwa l-aktar kosteffettiv li jiġu allokati l-kompiti l-ġodda skont din il-proposta lil aġenzija eżistenti li diġà taħdem fuq kompiti simili.

Id-DĠ ENER stabbilixxa strateġija ta’ kontroll għall-ġestjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-ACER, parti mill-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni tal-2017. L-ACER irrevediet u adottat il-Qafas ta’ Kontroll Intern tagħha stess f’Diċembru 2018.

2.2.2.    Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

Ir-riskju ewlieni huwa stimi ħżiena fir-rigward tal-ammont ta’ xogħol maħluq minn din il-proposta, minħabba li din tintroduċi kompiti ġodda. Dan ir-riskju jeħtieġ li jiġi aċċettat, peress li, kif uriet l-esperjenza, jekk il-ħtiġijiet ta’ riżorsi addizzjonali ma jiġux inklużi fil-proposta inizjali, huwa diffiċli ħafna li din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata aktar tard.

Il-fatt li l-proposta tinkludi diversi kompiti ġodda jtaffi dan ir-riskju, peress li filwaqt li l-ammont ta’ xogħol ta’ xi kompiti futuri jista’ jiġi ssottovalutat, oħrajn jistgħu jiġu sopravalutati, u jipprovdu ambitu għal riallokazzjoni futura possibbli.

2.2.3.    Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq) 

L-allokazzjoni ta’ kompiti addizzjonali għall-mandat eżistenti tal-ACER ma hijiex mistennija tiġġenera kontrolli addizzjonali speċifiċi fl-ACER, għalhekk, il-proporzjon tal-kostijiet tal-kontroll fuq il-valur tal-fondi ġestiti se jibqa’ mhux mibdul.

Bl-istess mod, il-kompiti assenjati lid-DĠ ENER ma humiex se jirriżultaw f’kontrolli addizzjonali jew f’bidla fil-proporzjon tal-kostijiet tal-kontroll.

2.3.    Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet 

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.

L-ACER tapplika l-prinċipji kontra l-frodi tal-Aġenziji deċentralizzati tal-UE, f’konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni.

F’Marzu 2019, l-ACER adottat Strateġija Kontra l-Frodi ġdida, li tħassar id-Deċiżjoni 13/2014 tal-Bord Amministrattiv tal-ACER. L-istrateġija l-ġdida, li tkopri perjodu ta’ 3 snin, hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin: valutazzjoni annwali tar-riskji, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, ir-regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, il-politika u l-proċedura għall-ġestjoni ta’ funzjonijiet sensittivi, kif ukoll miżuri relatati mal-etika u mal-integrità.

Id-DĠ ENER adotta wkoll Strateġija Kontra l-Frodi (AFS) riveduta fl-2020. L-ENER AFS hija bbażata fuq l-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni u valutazzjoni tar-riskju speċifika mwettqa internament biex jiġu identifikati l-oqsma l-aktar vulnerabbli għall-frodi, il-kontrolli diġà fis-seħħ u l-azzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb il-kapaċità tad-DĠ ENER biex tiġi pprevenuta, identifikata u kkoreġuta l-frodi.

Kemm ir-Regolament tal-ACER kif ukoll id-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-akkwist pubbliku jiżguraw li l-awditi u l-kontrolli fuq il-post ikunu jistgħu jitwettqu mis-servizzi tal-Kummissjoni, inkluż l-OLAF, bl-użu tad-dispożizzjonijiet standard rakkomandati mill-OLAF.

3.    IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

3.1.    Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i 

Linji baġitarji eżistenti

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’  
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  

Diff./Mhux diff 31 .

mill-pajjiżi tal-EFTA 32

mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali 33

Minn pajjiżi terzi oħrajn

dħul assenjat ieħor

02

02 10 06 u l-linja baġitarja tal-ITER

Diff./Mhux diff.

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

Linji baġitarji ġodda mitluba

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’ 
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  

Diff./Mhux diff.

mill-pajjiżi tal-EFTA

mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali

minn pajjiżi terzi oħrajn

dħul assenjat ieħor

[XX.YY.YY.YY]

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

3.2.    Impatt stmat fuq in-nefqa 

3.2.1.    Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa 

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju  
pluriennali

01

Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

ACER

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

Titolu 1:

Impenji

(1)

0,684

0,684

0,684

0,684

2,736

Pagamenti

(2)

0,684

0,684

0,684

0,684

2,736

Titolu 2:

Impenji

(1a)

Pagamenti

(2a)

Titolu 3:

Impenji

(3a)

Pagamenti

(3b)

TOTAL tal-approprjazzjonijiet 
għall-ACER

Impenji

=1+1a +3a

0,684

0,684

0,684

0,684

2,736

Pagamenti

=2+2a

+3b

0,684

0,684

0,684

0,684

2,736

 





Intestatura tal-qafas finanzjarju  
pluriennali

7

"Nefqa amministrattiva"

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

DĠ: ENER

□ Riżorsi Umani

0,513

0,513

0,513

0,513

2,052

□ Nefqa amministrattiva oħra

TOTAL TAD-DĠ ENER

Approprjazzjonijiet

0,513

0,513

0,513

0,513

2,052

TOTAL tal-approprjazzjonijiet 
skont l-INTESTATURA 7 34  
tal-qafas finanzjarju pluriennali 

(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)

0,513

0,513

0,513

0,513

2,052

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

TOTAL tal-approprjazzjonijiet  
skont l-INTESTATURI 1 sa 7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali 

Impenji

1,197

1,197

1,197

1,197

4,788

Pagamenti

1,197

1,197

1,197

1,197

4,788

3.2.2.    Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-[korp] 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:

Ammonti f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Indika l-objettivi u l-outputs

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena 
N+2

Sena 
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

OUTPUTS

Tip 35

Kost medju

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru totali

Kost totali

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 36 ...

- Output

- Output

- Output

Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...

- Output

Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2

KOST TOTALI

Fejn applikabbli, l-ammonti jirriflettu s-somma tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-aġenzija u dħul ieħor tal-aġenzija (tariffi u imposti).

3.2.3.    Impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-ACER 

3.2.3.1.    Sommarju

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

X    Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali) fejn applikabbli, l-ammonti jirriflettu t-total tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-aġenzija u dħul ieħor tal-aġenzija (tariffi u imposti).

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

TOTAL

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)

0,513

0,513

0,513

0,513

2,052

Aġenti temporanji (gradi ta’ AST)

0,171

0,171

0,171

0,171

0,684

Aġenti temporanji (gradi ta’ AST/SC)

Aġenti kuntrattwali

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL

0,684

0,684

0,684

0,684

2,736

Rekwiżiti tal-persunal (FTE):

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

TOTAL

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)

3

3

3

3

3

Aġenti temporanji (gradi ta’ AST)

1

1

1

1

1

Aġenti temporanji (gradi ta’ AST/SC)

Aġenti kuntrattwali

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL

4

4

4

4

4

Id-data ppjanata tar-reklutaġġ għall-FTEs hija l-1 ta’ Jannar 2024.

3.2.3.2.    Rekwiżiti stmati ta' riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

Stima li trid tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iktar l-iktar għal pożizzjoni deċimali waħda)

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 2026

Sena 2027

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

·Pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)

20 01 02 01 u 20 01 02 02 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

3

3

3

3

20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)

01 01 01 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full Time: FTE) 37

20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)

20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-Delegazzjonijiet)

Linja/i baġitarja/i (speċifika)  38

- fil-Kwartieri Ġenerali 39  

(1)

- fid-Delegazzjonijiet

(2)

01 01 01 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħra (speċifika)

TOTAL

3

3

3

3

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u aġenti temporanji

Huma meħtieġa tliet FTEs (ADs) addizzjonali għall-kompiti addizzjonali li ġejjin:

·Biex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet il-ġodda

·Barra minn hekk, l-Istati Membri se jirrapportaw l-objettivi nazzjonali għar-rispons min-naħa tad-domanda skont il-proċess tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. Din l-informazzjoni se teħtieġ li tiġi pproċessata mill-Kummissjoni.

·Sabiex tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri tar-regoli l-ġodda fid-Direttiva dwar l-Elettriku. Barra minn hekk, minħabba li tikkonċerna direttament lill-konsumaturi, tista’ twassal għal għadd sinifikanti ta’ lmenti, ittri eċċ.

Persunal estern

Mhux applikabbli

3.2.4.    Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali 

   Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

X    Il-proposta/l-inizjattiva se tkun tinvolvi riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

L-inizjattiva ġiet xprunata mill-kriżi tal-enerġija attwali u għalhekk ma kinitx inkluża meta ġew ikkalkolati l-intestaturi tal-QFP. Minħabba li din l-inizjattiva speċifika hija ġdida, se tirrikjedi riprogrammazzjoni kemm għal-linja tal-kontribuzzjoni lill-ACER kif ukoll għal-linja li se tappoġġa ħidma addizzjonali fi ħdan id-DĠ ENER. L-impatt baġitarju fuq l-ACER kif deskritt f’din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva se jiġi kkumpensat minn tnaqqis kumpensatorju fuq l-infiq programmat fil-linja baġitarja tal-ITER.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 40 .

Spjega x’inhu meħtieġ, filwaqt li tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

3.2.5.    Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi 

Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.

Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena 
N+2

Sena 
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Total

Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament 

TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

 


3.3.    Impatt stmat fuq id-dħul 

X    Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq dħul ieħor

indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali

Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 41

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena 
N+2

Sena 
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu ………….

Għad-dħul “assenjat” mixxellanju, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.

Speċifika l-metodu biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul.

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ, COM(2021) 660 final.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230.
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas Temporanju għall-Kriżijiet għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja C 131 I/01, C/2022/1890.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 10.6.2022, p. 17).
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU L 261, 7.10.2022, p. 1).
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli (ĠU l 335, 29.12.2022, p. 36).
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU L 261, 7.10.2022, p. 1).
(9)    SPEECH/22/5493.
(10)     Rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa Rapport - il-Proposti 3 u 17
(11)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika, COM(2022) 222 final.
(12)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230 final.
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 62 final .
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 (2022/C 243/04)
(16)    L-Artikolu 194(1) tat-TFUE.
(17)    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, il-Valutazzjoni Finali tal-ACER tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku bl-Ingrossa tal-UE, April 2022.
(18)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli, COM/2022/108 final
(19)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas Temporanju għall-Kriżijiet għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja C 131 I/01, C/2022/1890.
(20)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Pjan REPowerEU, COM(2022)230.
(21)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku – pjan ta’ azzjoni, COM(2022) 236 final.
(22)    Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 173
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass, ĠU L 206 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati prezzijiet għoljin tal-enerġija, ĠU L 261
(24)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, ĠU L 261.
(25)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli, ĠU L 335, 29.12.2022.
(26)    Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1; Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni), ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82; Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210; Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (riformulazzjoni), ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22; Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni), ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54; Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku (riformulazzjoni), ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(27)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija, 2022 (ĠU C 80, 18.2.2022, p. 1).
(28)    Gruppi partikolari huma aktar f’riskju li jiġu affettwati mill-faqar enerġetiku jew huma aktar suxxettibbli għall-impatti negattivi tal-faqar enerġetiku, bħan-nisa, il-persuni b’diżabilità, il-persuni anzjani, it-tfal, u persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju.
(29)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(30)    Id-dettalji tal-metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit BUDGpedia: https://myintracomm.ec.europa.eu/corp/budget/financial-rules/budget-implementation/Pages/implementation-methods.aspx
(31)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(32)    EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(33)    Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
(34)    L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
(35)    L-outputs huma l-prodotti u s-servizzi li jridu jiġu pprovduti (eż.: l-għadd ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, l-għadd ta’ km ta’ toroq mibnija, eċċ.).
(36)    Kif deskritt fil-punt 1.4.2. “Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi …”
(37)    AC = Persunal bil-Kuntratt; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = persunal tal-aġenziji; JPD = Professjonisti Subalterni f’Delegazzjonijiet.
(38)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji “BA”).
(39)    Prinċipalment għall-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA).
(40)    Ara l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2093/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027.
(41)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji doganali, l-imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 20 % għall-kostijiet tal-ġbir.
Top