Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0109

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju d-Disponiment minnhom, fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Artikoli ta’ dik il-Konvenzjoni.

COM/2023/109 final

Brussell, 3.3.2023

COM(2023) 109 final

2023/0057(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju d-Disponiment minnhom, fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Artikoli ta’ dik il-Konvenzjoni.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea, fir-rigward tal-proposta tal-Unjoni Ewropea li jiġi emendat l-Anness IV ta’ din il-Konvenzjoni u tal-proposta tal-Federazzjoni Russa li jiġi emendat l-Artikolu 6 ta’ din il-Konvenzjoni. Il-laqgħa li jmiss hija skedata li ssir f’Mejju 2023 (is-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet). Iż-żewġ proposti msemmija hawn fuq diġà ġew diskussi fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet f’Ġunju 2022. Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar dawn il-proposti għall-15-il Konferenza tal-Partijiet ġiet definita bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/1829 tal-24 ta’ Novembru 2020 u (UE) 2022/1025 tat-2 ta’ Ġunju 2022. Għal-laqgħat li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet, hija meħtieġa Deċiżjoni tal-Kunsill ġdida dwar dawn il-proposti, mis-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet ’il quddiem.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata fit-22 ta’ Marzu 1989 u daħlet fis-seħħ fl-1992. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet fil-Konvenzjoni 1 . Il-Konvenzjoni għandha 188 Parti.

Il-pedament tal-Konvenzjoni hu sistema tal-kontroll għall-esportazzjoni, għall-importazzjoni u għat-tranżitu ta’ ċerti tipi ta’ skart, permezz tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”. L-esportazzjonijiet tal-iskart soġġetti għall-Konvenzjoni għandhom jiġu notifikati bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-importazzjoni u tat-tranżitu. In-notifiki għandhom isiru bil-miktub u għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni speċifikati fl-Anness V A tal-Konvenzjoni. L-esportazzjoni tal-iskart tista’ ssir biss jekk u meta l-Istati kollha kkonċernati jkunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni).

Is-sistema ta’ kontroll tal-Konvenzjoni tapplika għall-iskart perikoluż definit fl-Artikolu 1 u elenkat fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni, kif ukoll għall-iskart elenkat fl-Anness II, li fih l-iskart miġbur mill-unitajiet domestiċi, ir-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku u ċertu skart tal-plastik. Fl-Anness IX, il-Konvenzjoni telenka wkoll entrati tal-iskart li ma humiex fil-kamp ta’ applikazzjoni u fis-sistema tal-kontroll tagħha sakemm dan l-iskart ma jkunx fih materjal minn xi kategorija tal-Anness I sal-punt li jwassal biex l-iskart jesponi karatteristika perikoluża tal-Anness III.

2.2.Konferenza tal-Partijiet

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea hija l-korp deċiżjonali prinċipali tal-Konvenzjoni. Hija għandha s-setgħa temenda l-Annessi tal-Konvenzjoni u tiltaqa’ kull sentejn. Il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea (COP15) saret f’żewġ sessjonijiet: l-ewwel sessjoni online saret bejn is-26 u t-30 ta’ Lulju 2021 u s-sessjoni wiċċ imb’wiċċ saret bejn is-6 u s-17 ta’ Ġunju 2022.

Is-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea (COP16) se ssir f’Ġinevra bejn l-1 u t-12 ta’ Mejju 2023.

2.3. L-emendi proposti għall-Konvenzjoni

Emenda proposta tal-Anness IV tal-Konvenzjoni mill-Unjoni

Ir-rieżami tal-Annessi għall-Konvenzjoni nbeda mit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP-12) bid-deċiżjoni tagħha BC-12/1 2 .

It-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP-13) iddeċidiet li għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma ta’ esperti (EWG) biex jirrieżamina l-annessi ta’ hawn fuq.

L-EWG ħareġ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet u għażliet li l-Partijiet għandhom jikkunsidraw jekk ikunu jixtiequ jissottomettu proposti għall-kunsiderazzjoni tal-COP biex jiġu emendati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni. Jekk il-proposti jiġu adottati, dawn iwasslu għal aktar ċarezza ġuridika u għalhekk jiffaċilitaw il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u l-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali. Huma se jappoġġaw ukoll l-immaniġġar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u se jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1829, tressqet proposta għal emenda tal-Anness IV f’isem l-Unjoni fit-3 ta’ Diċembru 2020, biex tiġi diskussa fil-COP-15. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, b’mod partikolari permezz ta’ bidliet fid-definizzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-immaniġġar tal-iskart u tal-iskart li għandu jiġi kkontrollat, li jinsabu fl-Annessi tal-Konvenzjoni. Il-proposta ġiet diskussa fil-COP-15 tal-Konvenzjoni f’Ġunju 2022. Matul id-diskussjonijiet, bosta Partijiet qiesu li xi elementi tal-proposta kienu problematiċi, bħall-inklużjoni ta’ “preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” bħala operazzjoni ġdida tal-immaniġġar tal-iskart, l-introduzzjoni fl-Anness IV tal-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“operazzjonijiet interim”) u l-introduzzjoni ta’ klawżola “onnikomprensiva” għal operazzjonijiet mhux koperti minn dispożizzjonijiet oħrajn. Għalhekk, huwa meħtieġ li ssir diskussjoni ulterjuri f”Konferenza tal-Partijiet futura biex isir progress fir-rigward ta’ din l-attività.

Jekk isir qbil fuq l-emendi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni fil-COP, dawn ikollhom jiġu implimentati fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-iskart 2008/98/KE 3 (il-lista tal-operazzjonijiet tal-immaniġġar tal-iskart li tikkorrispondi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni) u possibbilment fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 4 .

Emenda proposta tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni mill-Federazzjoni Russa 

Il-Federazzjoni Russa ressqet proposta biex tiġi kkunsidrata fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, imfassla biex tiġi emendata l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni (“l-att previst”) 5 .

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni hija kif ġej: “L-Istat importatur għandu jwieġeb lin-notifikatur bil-kitba, fejn jagħti l-kunsens tal-moviment fuq kondizzjonijiet jew mingħajrhom, jiċħad il-permess tal-moviment, jew jitlob tagħrif addizzjonali.

Dan l-att previst jipproponi li din is-sentenza tinbidel permezz taż-żieda ta’ limitu ta’ żmien ta’ 30 jum li fih pajjiż ta’ importazzjoni għandu jwieġeb lin-notifikatur (biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-vjeġġ ippjanat, jiċħad il-permess għal dan il-vjeġġ, jew jitlob informazzjoni addizzjonali). Barra minn hekk, il-proposta tikkonsisti fit-tħassir tal-“,” bejn “mingħajrhom” u “jiċħad”, biex il-virgola tiġi sostitwita b’“jew”.

Il-Konvenzjoni hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (minn hawn ’il quddiem “id-WSR”). Kwalunkwe modifika għall-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-UE wara li tkun ġiet implimentata permezz ta’ emendi ta’ dan ir-Regolament.

Ir-regoli attwali li japplikaw għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha diġà jipprevedu skadenza ta’ 30 jum għall-pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur (ara l-Artikolu 8 tad-WSR). Dan japplika wkoll għall-pajjiżi oħra tal-OECD, skont id-Deċiżjoni tal-OECD 6 .

Għall-Unjoni, l-unika konsegwenza prattika tal-bidliet marbuta mal-proposta tal-Federazzjoni Russa tkun relatata mal-proċedura għall-esportazzjoni ta’ skart notifikat lejn pajjiżi mhux tal-OECD. Peress li l-esportazzjoni tal-iskart tal-Anness VIII u tal-Anness II lejn pajjiżi mhux tal-OECD hija pprojbita skont id-WSR, il-bidla kkawżata mill-proposta Russa tkun relatata biss ma’ “skart mhux elenkat” (jiġifieri skont il-proposta Russa, pajjiżi mhux tal-OECD li jimpurtaw skart mhux elenkat mill-UE jkollhom iwieġbu lin-notifikatur fi żmien 30 jum), li, skont l-Artikolu 3(1)(b)(iii) u (iv) tad-WSR, huma soġġetti għall-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”. L-emenda proposta mill-Federazzjoni Russa tkun tfisser li, għal dawn il-każijiet, il-pajjiż importatur ikollu jirrispondi fi żmien 30 jum lin-notifikatur ta’ vjeġġ mill-Unjoni destinat għal pajjiż mhux tal-OECD.

L-ewwel diskussjoni dwar il-proposta tal-Federazzjoni Russa saret fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1025 tat-2 ta’ Ġunju 2022, il-pożizzjoni tal-Unjoni ma appoġġatx din il-proposta. Diversi Partijiet tal-istess fehma wkoll ma appoġġawx il-proposta tal-Federazzjoni Russa. Madankollu, kien hemm Partijiet oħra li esprimew l-appoġġ tagħhom għall-proposta.

Bħala riżultat tal-ewwel diskussjoni, il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tipposponi l-kunsiderazzjoni tal-proposta Russa għall-COP-16t:

“Minħabba d-diskussjoni fil-kuntest ta’ din is-subpartita u dawk taħt il-punt 4(a)(i) fl-aġenda dwar il-qafas strateġiku fir-rigward tal-interess tal-Partijiet li jikkunsidraw modi possibbli kif tittejjeb il-proċedura ta’ kunsens infurmat minn qabel, il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tiddifferixxi l-kunsiderazzjoni tal-proposta mill-Federazzjoni Russa li jiġi emendat il-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet”.

Proċeduri għall-emendi tal-Konvenzjoni

Il-proċedura biex tiġi emendata l-Konvenzjoni hija regolata mill-Artikoli 17 tal-Konvenzjoni. Kwalunkwe emenda bħal din trid tiġi adottata f’laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Emenda ssir vinkolanti fuq dawk il-Partijiet li jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(5) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, il-konferma formali jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand id-Depożitarju. L-emendi adottati skont il-paragrafi 3 jew 4 ta’ hawn fuq għandhom jidħlu fis-seħħ bejn il-Partijiet li jkunu aċċettawhom fid-90 jum wara li d-Depożitarju jkun irċieva l-istrument tagħhom għar-ratifika, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew l-aċċettazzjoni minn għand mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet li jkun aċċettaw l-emendi għall-Protokoll interessat, għajr jekk jiġi pprovdut xorta oħra f’dan il-Protokoll. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għal kull Parti oħra fid-90 jum wara illi din l-Parti tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni tal-emendi”. Għalhekk hemm bżonn ta’ ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni minn tliet kwarti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (jiġifieri 141 Parti) biex tidħol fis-seħħ kwalunkwe emenda tal-Konvenzjoni.

Sa issa, il-korp tal-Konvenzjoni ġie emendat darba, permezz taż-żieda tal-Artikolu 4A u ż-żieda sussegwenti ta’ Anness VII (“l-emenda dwar il-Projbizzjoni ta’ Basilea”) għall-Konvenzjoni. Din l-emenda ġiet miftiehma mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tielet laqgħa tagħha fl-1995 u daħlet fis-seħħ fl-2019, għal dawk il-Partijiet li rratifikawha.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Emenda proposta tal-Anness IV tal-Konvenzjoni mill-Unjoni

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1829 tal-24 ta’ Novembru 2020, l-Unjoni ressqet proposta biex jiġi emendat l-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni li, inter alia, kien fiha l-elementi li ġejjin:

·L-inklużjoni ta’ introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru”, ta’ kjarifiki li jiċċaraw li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”).

·L-inklużjoni ta’ sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira ta’ operazzjonijiet li ma humiex ta’ rkupru (l-Anness IVA) u ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB), u

·kjarifiki dwar operazzjonijiet eżistenti u l-introduzzjoni ta’ operazzjonijiet ġodda fl-Anness IV, fost l-oħrajn bil-għan li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm minn mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u li jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

Il-proposti ta’ hawn fuq għandhom l-objettivi li ġejjin:

·Li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ u li għalhekk, jekk jiġu adottati, itejbu l-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali,

·Li jtejbu ċ-ċarezza ġuridika u fehim u interpretazzjoni komuni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart mill-Partijiet; u

·Li jappoġġaw l-immaniġġar ambjentalment korrett tal-iskart f’livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.

L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-objettivi msemmija hawn fuq, iżda, fid-dawl tal-oppożizzjoni espressa fil-COP-15 minn ħafna Partijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-inklużjoni ta’ operazzjonijiet ġodda, pereżempju, dwar it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u l-operazzjonijiet komprensivi, l-Unjoni għandha turi li hija flessibbli, inkluż billi tiddifferixxi d-diskussjoni dwar l-aktar suġġetti kontenzjużi u tfittex qbil dwar l-aspetti li jifdal tal-proposta.

Jekk Partijiet oħra jipproponu emendi tal-Annessi rilevanti li jkunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk tal-proposta tal-Unjoni, l-Unjoni għandha turi li hija miftuħa għall-possibbiltà li tqis dawn il-proposti, u li fil-prinċipju l-Unjoni tkun tista’ tappoġġa t-tali proposti.

Emenda proposta tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni mill-Federazzjoni Russa

L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tappoġġa l-emenda tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni kif propost mill-Federazzjoni Russa. Din il-pożizzjoni hija konformi mal-pożizzjoni maqbula għall-COP-15 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1025 tat-2 ta’ Ġunju 2022.

L-ewwel parti tal-emenda (limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għall-pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur) ma ġġib l-ebda vantaġġ kbir għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha, peress li l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum li għandhom il-pajjiżi importaturi biex iwieġbu lin-notifikatur, li jinsab fl-emenda proposta, diġà japplika għall-maġġoranza tal-vjeġġi nnotifikati mill-UE u l-Istati Membri tagħha skont id-dritt tal-Unjoni (bl-eċċezzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ skart mhux elenkat lejn pajjiżi mhux tal-OECD). Lanqas ma tibdel l-obbligi għall-UE u għall-Istati Membri tagħha li jirċievu notifiki, peress li l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum biex iwieġbu diġà japplika skont id-dritt tal-Unjoni.

It-tieni parti tal-emenda (is-sostituzzjoni ta’ virgola b’ “jew”) ma tidhirx meħtieġa u toħloq inċertezza legali. Il-formulazzjoni attwali hija ċara biżżejjed li l-pajjiż importatur jista’ jirreaġixxi bi tliet modi differenti meta jwieġeb lin-notifikatur (jagħti l-kunsens għall-moviment, jiċħad il-permess għal dan il-moviment, jew jitlob informazzjoni addizzjonali). Għalhekk m’hemmx bżonn li din is-sentenza tiġi emendata.

Il-proċess relatat mal-emendar tal-Konvenzjoni huwa ta’ piż kbir u jieħu ħafna ħin, speċjalment peress li jirrikjedi li kull Parti tipproċedi bil-proċess intern ta’ ratifika tagħha u limitu ta’ tliet kwarti tal-Partijiet kollha biex jirratifikaw l-emenda qabel ma din tidħol fis-seħħ. Din l-emenda tista’ wkoll, fl-aħħar mill-aħħar, ikollha impatt limitat, peress li l-emendi huma vinkolanti biss fuq dawk li rratifikawhom. Għalhekk, l-emenda proposta ma tindirizzax b’mod xieraq kwalunkwe prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha għal effettività aħjar tal-Konvenzjoni, filwaqt li tniedi proċess twil u tqil fi ħdan il-Konvenzjoni u għall-Partijiet tagħha.

Filwaqt li ma tappoġġax l-emendi proposti, l-Unjoni għandha tenfasizza li l-Partijiet għandhom jippromwovu funzjonament aħjar tal-proċedura ta’ kunsens infurmat minn qabel, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Dan jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ limiti ta’ żmien oħra għat-tweġibiet lin-notifikaturi, b’mod partikolari għall-pajjiżi ta’ tranżitu, kif ukoll l-inkoraġġiment tal-użu ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku ta’ data jew l-inkorporazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitajiet b’kunsens minn qabel”, li joriġina mid-Deċiżjoni tal-OECD dwar movimenti transfruntieri ta’ skart, fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Diġà hemm għadd ta’ proċessi għaddejjin fil-Konvenzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluża waħda mnedija dwar it-titjib tal-proċedura tal-kunsens infurmat minn qabel imnedija fil-COP-15 fuq inizjattiva tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tenfasizza l-importanza ta’ dan il-proċess bħala soluzzjoni għal għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tistieden lill-Partijiet kollha biex jipparteċipaw f’dan il-proċess.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni 7 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija korp stabbilit mill-Konvenzjoni.

L-atti li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Jekk jiġu adottati, l-atti previsti jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni u jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart u d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart. Dan ir-Regolament jimplimenta l-Konvenzjoni billi, inter alia, jistabbilixxi l-proċeduri għall-esportazzjonijiet mill-Unjoni, għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni kif ukoll għall-vjeġġi bejn l-Istati Membri.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ambjentali. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0057 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju d-Disponiment minnhom, fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Artikoli ta’ dik il-Konvenzjoni.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment minnhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet approvata mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basilea tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu 8 .

(2)Skont l-Artikolu 15(5)(b) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, emendi għal din il-Konvenzjoni.

(3)Matul il-15-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022, il-Konferenza tal-Partijiet ikkunsidrat proposta għal emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni mressqa mill-Federazzjoni Russa. Dik il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għal pajjiż importatur biex iwieġeb lin-notifikatur ta’ vjeġġ ta’ skart u biex jinkludi bidla oħra ppreżentata bħala editorjali. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tiddifferixxi l-kunsiderazzjoni ta’ din il-proposta għal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet.

(4)Tressqet proposta biex jiġi emendat l-Anness IV kif ukoll ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni u din ġiet diskussa mill-Konferenza tal-Partijiet, matul il-15-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022. Il-proposta għandha l-għan, inter alia, li temenda u li tiċċara d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni u, b’mod partikolari, li: tiġi inkluża introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “mhux ta’ rkupru” u “ta’ rkupru”; jiġu inklużi testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira ta’ “operazzjonijiet li ma humiex ta’ rkupru” (l-Anness IVA) u ta’ “operazzjonijiet ta’ rkupru” (l-Anness IVB); jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi, tekniċi u oħrajn li seħħew minn meta ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989; u jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha mhux imsemmija b’mod speċifiku huma koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tikkunsidra din il-proposta ulterjorment fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet.

(5)Jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet dwar dawn il-proposti, peress li, bħala emendi għat-test u l-Annessi tal-Konvenzjoni, dawn għandhom effetti legali. Jekk jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet, l-atti previsti jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE 9 , u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 10 .

(6)Fir-rigward tal-emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ppreżentati mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li l-Unjoni ma tappoġġahomx peress li ma jgħinux jindirizzaw il-problemi li l-Unjoni tqis bħala prijoritajiet għall-funzjonament tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Barra minn hekk, l-emendi għat-test prinċipali tal-Konvenzjoni jeħtieġu proċess twil u tqil biex jidħol fis-seħħ u jidher sproporzjonat li tali proċess jitnieda għal emenda li ftit li xejn għandha valur miżjud. Pjuttost jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tappoġġa inizjattivi mfassla biex itejbu l-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, bil-kundizzjoni li jkollhom kamp ta’ applikazzjoni usa’ mill-proposta ppreżentata lill-COP15, li jkunu konformi mal-politiki u l-objettivi ġenerali tal-Unjoni u ma jkunux jeħtieġu emenda għall-Konvenzjoni.

(7)Fir-rigward tal-proposta biex jiġu emendati l-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX, l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-adozzjoni tagħha. Bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar din il-proposta, l-Unjoni jenħtieġ li turi wkoll flessibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri proposti li x’aktarx ma jiksbux biżżejjed appoġġ għall-adozzjoni tagħhom fil-Konferenza tal-Partijiet li jmiss. Dan jinkludi, pereżempju, id-differiment tad-diskussjoni dwar l-aktar suġġetti kontenzjużi (bħall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u l-operazzjonijiet komprensivi), it-tiftix ta’ qbil dwar l-aspetti li jifdal tal-proposta u l-appoġġ ta’ emendi li possibbilment isiru minn Partijiet oħra, sakemm ikunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk wara l-proposti tal-Unjoni dwar l-Anness IV tal-Konvenzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea hija din li ġejja:

(a)l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-emendi tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni kif propost mill-Federazzjoni Russa. L-Unjoni għandha tappoġġa inizjattivi mfassla biex itejbu l-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mal-politiki u l-objettivi ġenerali tal-Unjoni u ma jkunux jeħtieġu emenda għall-Konvenzjoni.

(b)l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni. Jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq kunsens dwar emenda tal-Anness IV, l-Unjoni jenħtieġ li turi flessibbiltà u taqbel li titbiegħed mill-proposta mressqa fil-COP-15, sakemm l-emenda tikkontribwixxi biex tiżdied iċ-ċarezza ġuridika tal-Anness u għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni, u ma timminax ir-reġim legali tal-UE dwar l-immaniġġar u l-vjeġġi tal-iskart.

Artikolu 2

Fid-dawl tal-iżviluppi fis-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u f’laqgħat sussegwenti tal-Konferenza tal-Partijiet, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1.
(2)    Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, ara http://www.basel.int/Implementation/LegalMatters/LegalClarity/ReviewofAnnexes/AnnexesI,III,IVandrelatedaspectsofAnnexes/tabid/6269/Default.aspx
(3)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30.
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.
(5)    Il-proposta tinsab fuq is-sit web tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, ara http://www.basel.int/TheConvention/Communications/tabid/1596/Default.aspx  
(6)    Id-Deċiżjoni dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru, https://legalinstruments.oecd.org/en/instruments/OECD-LEGAL-0266  
(7)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(8)    ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1.
(9)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30.
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.
Top