Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023JC0019

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Prospettiva ġdida rigward ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà: Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża

    JOIN/2023/19 final

    Brussell, 28.6.2023

    JOIN(2023) 19 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Prospettiva ġdida rigward ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà:




    Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża


    INTRODUZZJONI

    Kulma jmur it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qegħdin joħolqu riskji dejjem akbar għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. L-avvenimenti ta’ temp estrem, iż-żieda fit-temperaturi u fil-livelli tal-baħar, id-deżertifikazzjoni, l-iskarsezza tal-ilma, it-theddidiet għall-bijodiversità, il-kontaminazzjoni u t-tniġġis ambjentali, kif ukoll it-telf tal-għajxien jheddu s-saħħa u l-benesseri tal-umanità, u jistgħu joħolqu l-potenzjal għal iktar movimenti migratorji u spostament sfurzat, pandemiji, diżordni soċjali, instabbiltà u insigurtà. Mill-20 pajjiż li huma l-iktar vulnerabbli u l-inqas ippreparati għat-tibdil fil-klima, 12 kienu f’kunflitt fl-2020 1 .

    L-UE ilha minn ta’ quddiem fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima bħala multiplikatur tat-theddidiet mill-2008 2 u r-rabtiet tiegħu mal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE u d-difiża Ewropea mill-2020 3 . Madankollu, il-ħtieġa li jiġi inkluż l-impatt tad-degradazzjoni ambjentali fid-dibattitu kif ukoll ir-realtajiet attwali u l-projezzjonijiet futuri rigward l-iskala tat-tibdil fil-klima u l-impatt tad-degradazzjoni ambjentali, fil-kuntest tal-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni strateġika u t-theddidiet kumplessi għas-sigurtà, jeħtieġu prospettiva ġdida rigward ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. It-terminu rabta bejn il-klima u s-sigurtà kif użat f’dan id-dokument, jirreferi għall-impatti kemm tat-tibdil fil-klima kif ukoll tad-degradazzjoni ambjentali, inkluż it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis, fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża.

    -It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma intrinsikament interkonnessi u jaggravaw lil xulxin, u diġà qegħdin jaffettwaw is-sigurtà tal-ikel, qegħdin inaqqsu r-rendiment tal-għelejjel ewlenin bħall-qamħirrum, ir-ross u l-qamħ, u qegħdin iżidu r-riskju ta’ fallimenti simultanji tal-ħsad fil-pajjiżi produtturi ewlenin. Fl-istess ħin, il-produzzjoni tal-ikel mhux sostenibbli tixpruna wkoll id-degradazzjoni ambjentali u l-iskarsezza tal-ilma. Sal-2050, huwa stmat li iktar minn biljun persuna se jkollhom aċċess insuffiċjenti għall-ilma, li d-degradazzjoni tal-ħamrija tista’ tiżdied għal 90 %, filwaqt li d-domanda għall-ikel tista’ tiżdied b’60 % 4 .

    -L-instabbiltà kkawżata mill-klima u mill-ambjent kif ukoll l-iskarsezza tar-riżorsi jistgħu jiġu strumentalizzati b’mod attiv minn gruppi armati u networks tal-kriminalità organizzata, reġimi korrotti jew awtoritarji, u minn partijiet oħra, inkluż permezz tar-reati ambjentali. Dawn tal-aħħar diġà saru r-raba’ l-ikbar settur ta’ reati globali li qiegħed jikber u li qiegħed ikompli jaċċellera l-kriżi ambjentali, inkluż permezz tal-isfruttament mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali 5 .

    -Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) jistma li, mill-2008, medja annwali ta’ 21,5 miljun persuna ġew spostati b’mod sfurzat minħabba avvenimenti relatati mat-temp, bħall-għargħar u l-mewġiet ta’ sħana. Huwa mistenni li dawn in-numri se jiżdiedu fid-deċennji li ġejjin 6 , filwaqt li jżidu t-tibdil demografiku u jkunu piż għall-bliet u għaż-żoni urbani fejn id-domanda għall-akkomodazzjoni, għall-ikel, għall-enerġija u għall-impjiegi tista’ tiżdied, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żieda tal-impatti soċjali tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, id-diżastri naturali jew it-temp estrem jistgħu jikkawżaw ukoll ħsara fiżika lill-infrastruttura kritika, u b’hekk ifixklu l-aċċess għas-servizzi essenzjali u ta’ emerġenza u l-flussi tagħhom. Il-popolazzjonijiet vulnerabbli f’diffikultà jinsabu f’riskju li jkunu fil-mira ta’ faċilitaturi ta’ kontrabandisti u ta’ organizzazzjonijiet oħra tal-kriminalità organizzata, filwaqt li l-gruppi armati jistgħu u fil-fatt jisfruttaw fejn hemm iktar vulnerabbiltajiet meta jirreklutaw suldati u ġellieda tfal. 

    -It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa b’diversi modi 7 . Dawn qed jimminaw ukoll ħafna mid-determinanti soċjali għal saħħa tajba, bħall-għajxien, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-appoġġ soċjali. Dawn l-impatti jistgħu jwasslu għal instabbiltà u jheddu s-sigurtà.

    -It-tibdil fil-klima huwa l-iktar theddida komprensiva għar-reġjuni tal-Artiku fejn it-temperatura qiegħda tiżdied minn tliet darbiet sa erba’ darbiet iktar malajr mill-medja globali. L-interess estern fir-riżorsi fil-lokalitajiet tal-Artiku qiegħed jiżdied b’konsegwenzi soċjali, ambjentali u ekonomiċi multidimensjonali. It-taħlil tas-silġ tal-Artiku jiftaħ ukoll rotot potenzjali ta’ tbaħħir u jagħti aċċess għal riżorsi naturali, u dan jista’ jwassal għal iktar tensjonijiet għas-sigurtà fir-reġjun 8 . It-tibdil fil-klima għandu impatt ġeopolitiku li qiegħed jikber fid-dominju marittimu globali , kemm madwar l-Ewropa (eż. fil-Baltiku u fil-Baħar l-Iswed) kif ukoll fl-Indo-Paċifiku.

    -L-impatti avversi tat-tibdil fil-klima fuq l-oċean jinkludu bidla fil-kompożizzjoni u fid-distribuzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut li tista’ tiddestabbilizza l-ftehimiet dwar is-sajd u żżid ir-riskju ta’ tilwimiet internazzjonali. Iż-żieda fil-livell tal-baħar iġġib magħha wkoll riskju għas-sigurtà minħabba l-iskala tal-ispostament sfurzat potenzjali u l-migrazzjoni tan-nies 9 , filwaqt li se taffettwa wkoll il-kejl tal-konfini marittimi li jiddeterminaw intitolamenti ekonomiċi differenti, li min-naħa tagħhom jistgħu jżidu l-instabbiltà u l-kunflitti.

    -Ir-riżorsi u t-teknoloġiji li huma essenzjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-eżawriment gradwali tal-fjuwils fossili saru l-mira tal-kompetizzjoni strateġika li qiegħda tikber, li kompliet taċċellera mill-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    -Il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ ambjent tas-sigurtà li qiegħed jinbidel u li kulma jmur qiegħed isir dejjem iktar diffiċli fl-Ewropa u lil hinn minnha, inkluż kundizzjonijiet operazzjonali klimatiċi iktar imwiegħra. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra u d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili, mingħajr ma jaffettwaw l-effettività operazzjonali tagħhom.

    It-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika hija l-uniku mod sabiex tiġi żgurata simultanjament enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli madwar id-dinja. Sabiex tirnexxi, dik it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u ma tiddiskriminax soċjalment, u ma teskludi lil ħadd. Dan ifisser mhux biss it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili u tal-prattiki skaduti, iżda l-introduzzjoni gradwali tal-enerġija ekoloġika, tat-teknoloġija innovattiva, ta’ swieq aħjar, u ta’ ekonomija ċirkolari. Tirrikjedi li jiġu indirizzati diġà minn issa r-riskji u d-dipendenzi potenzjali tal-futur.

    Għalhekk huwa ta’ importanza kritika li jitkompla l-investiment kemm fl-adattament għat-tibdil fil-klima kif ukoll fil-mitigazzjoni tiegħu u fil-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent. Madankollu, filwaqt li qiegħed isir ħafna biex it-tranżizzjoni ekoloġika tavvanza u jiġu ġestiti l-isfidi tagħha, hemm riskju akbar ta’ instabbiltà, ta’ nuqqas ta’ sigurtà u saħansitra ta’ kunflitt. Għandna nħejju ruħna għal iktar effetti kollaterali għall-Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jinħolqu permezz ta’ domanda ikbar għall-għajnuna, l-interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista jew persuni li jaħarbu minn żoni mhux abitabbli jew minn kundizzjonijiet avversi gravi f’pajjiżhom, bil-potenzjal ta’ spostament intern u żieda fil-migrazzjoni irregolari iżda anki permezz tal-kriminalità organizzata, l-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-proliferazzjoni tal-armi.

    Għalhekk, l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali għas-sigurtà u għad-difiża saru iktar urġenti, diffikultużi u multidimensjonali. Dan huwa enfasizzat b’mod konsistenti wkoll mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) 10  u diversi rapporti u studji oħra. L-organizzazzjonijiet sħab, bħan-Nazzjonijiet Uniti u n-NATO, u s-sħab bilaterali qegħdin jintegraw dawn ir-riskji fl-ippjanar tal-politiki tagħhom. Kif rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2023 rigward id-Diplomazija dwar il-Klima u l-Enerġija 11 , jeħtieġ li l-UE tintegra aħjar ir-rabta bejn il-klima, il-paċi u s-sigurtà fil-politika esterna tal-UE, inkluż il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-kooperazzjoni u s-sħubijiet internazzjonali. Ir-rwol tal-Istati Membri huwa essenzjali biex din il-ħidma tavvanza.

    Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din il-prospettiva ġdida dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà huma kritiċi, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fid-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 12 u l-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża 13 . Huwa essenzjali li jkun hemm rabta aħjar bejn il-linji ta’ politika differenti u li jiġi żgurat li l-azzjoni esterna, il-politiki u l-kapaċitajiet ikunu adattati għall-futur. Jeħtieġ li l-UE tadotta rispons iktar proattiv u komprensiv għall-isfidi multidimensjonali. Peress li dawn huma sfidi globali, l-UE se tfittex iktar kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha u mal-partijiet ikkonċernati biex tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali.

    Din il-Komunikazzjoni Konġunta tistabbilixxi qafas imsaħħaħ u tressaq miżuri konkreti f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE għal Kunflitti u Kriżijiet Esterni 14 bl-għan li:

    ·isaħħu l-ippjanar, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni infurmati dwar il-klima u l-ambjent, permezz ta’ analiżi u tbassir imsaħħa bbażati fuq l-evidenza;

    ·ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà ssir operabbli fl-azzjoni esterna tal-UE mill-politika sal-implimentazzjoni;

    ·itejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ċivili u militari tal-Istati Membri, u l-infrastruttura relatata; u

    ·jsaħħu mill-ġdid is-sħubijiet internazzjonali u l-ħidma tal-UE fil-fora multilaterali, b’mod konsistenti mal-aġenda multilaterali usa’ tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent.



    1.Analiżi u tbassir ibbażati fuq l-evidenza bħala faċilitaturi għall-azzjoni: appoġġ għall-ippjanar, għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni infurmati dwar il-klima u l-ambjent

    It-tweġibiet tal-UE għall-implikazzjonijiet tas-sigurtà tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali se jkomplu jiddependu fuq politiki u azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, inkluż informazzjoni ġdida u żvilupp tal-għarfien, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta’ analitika affidabbli u aċċessibbli għall-partijiet kollha involuti.

    1.1.Data u analitika dwar ir-riskji għas-sigurtà xprunati mill-klima u mill-ambjent

    L-inizjattivi tad-data u l-oqfsa analitiċi tal-UE diġà jinkludu għadd ta’ fatturi klimatiċi u ambjentali. Pereżempju, il-metodoloġiji għat-twissija bikrija u l-analiżi tal-kunflitti jinkludu enfasi fuq il-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali, li jwasslu, fejn rilevanti, għal rakkomandazzjonijiet għal azzjoni preventiva, u għal programmazzjoni sensittiva għall-kunflitti u azzjonijiet esterni. Dan se jissaħħaħ iktar f’analiżijiet fil-futur.

    Barra minn hekk, it-titjib tad-disseminazzjoni u l-aċċessibbiltà ta’ analiżi konġunta u kondiviża huwa fattur ewlieni biex jiġi żgurat li tkun tista’ tiġi sfruttata u integrata bis-sħiħ. Is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali b’mod ġenerali, u dwar il-prodotti analitiċi, hija parti minn dan l-isforz.

    Sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tad-data u l-analiżi tal-UE għall-proċessi rilevanti kollha tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni, iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen) se jistħarreġ l-iżvilupp ta’ hub ta’ għarfien integrat. Il-Hub tal-Analiżi u tad-Data dwar is-Sigurtà tal-Klima u tal-Ambjent, li għandu jinħoloq fi ħdan is-SatCen, se jissejjes fuq l-esperjenza u l-inizjattivi eżistenti u se joffri riżorsa għall-valutazzjonijiet tar-riskji għas-sigurtà b’rabta mal-klima. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll ittejjeb l-aċċess għad-data u għall-analitika rilevanti għat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà u d-difiża permezz ta’ pjattaformi eżistenti bħall-portal tax-Xjenza għall-Paċi 15 .

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà fid-diskussjonijiet u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli politiċi u strateġiċi, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jibdew iwettqu analiżi annwali komprensiva tax-xejriet li tkopri, fost affarijiet oħra, l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq il-kunflitti, l-ispostament u l-movimenti migratorji, kif ukoll il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali. Il-Hub tal-Analiżi u tad-Data dwar is-Sigurtà tal-Klima u l-Ambjent se jikkontribwixxi għall-analiżi tax-xejriet, u se tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib ma’ servizzi differenti, bħaċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, u l-użu ta’ Copernicus, il-programm tal-UE tal-Osservazzjoni tad-Dinja.

    L-Indiċi Globali tar-Riskji ta’ Kunflitt 16 , żviluppat mill-JRC bħala input kwantitattiv għall-metodoloġiji ta’ twissija bikrija u ta’ analiżi tal-kunflitti tal-UE, se jitwessa’ biex iħares lil hinn min-nixfiet, sabiex jivvaluta, pereżempju, l-impatti relatati mal-migrazzjoni u mal-ispostament amplifikati, biex jeżamina l-effetti indiretti tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali, pereżempju fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi bħall-prezzijiet tal-ikel, tal-gass u taż-żejt, u biex jeżamina l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi u għas-sigurtà tat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

    Barra minn hekk, se jiġi żviluppat mudell tar-riskji ta’ kunflitt dinamiku, fuq terminu qasir u subnazzjonali, b’attenzjoni partikolari għall-varjabbli relatati mal-ambjent u mal-klima, biex tittejjeb il-kapaċità ta’ twissija bikrija u ta’ antiċipazzjoni tal-UE.

    Eżempji oħra ta’ inizjattivi tal-UE għal data u analiżi dwar ir-riskji relatati mal-klima u mal-ambjent:

    -Is-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus jappoġġa l-kapaċità ta’ twissija bikrija b’komponenti li jkopru n-nixfiet 17 , in-nirien mhux ikkontrollati u r-riskji ta’ għargħar 18 u s-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus 19 jipprovdi informazzjoni ġeospazjali dwar il-kopertura tal-art u l-bidliet tagħha, l-użu tal-art, l-istat tal-veġetazzjoni, iċ-ċiklu tal-ilma u l-varjabbli tal-enerġija tas-superfiċe tad-Dinja 20 .

    -INFORM, forum ta’ diversi partijiet ikkonċernati għall-analiżi relatata mal-kriżijiet u mad-diżastri umanitarji. INFORM dwar it-Tibdil fil-Klima 21 (rilaxxat f’Novembru 2022) jippreżenta stimi kwantitattivi tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq ir-riskju futur ta’ kriżijiet umanitarji.

    -In-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) 22 jikkonsisti f’iktar minn 120 organizzazzjoni li jaħdmu flimkien biex josservaw il-baħar u jipproċessaw id-data f’konformità mal-istandards internazzjonali, sabiex jipprovdu saffi tad-data u prodotti tad-data interoperabbli.

    -L-inizjattiva Destinazzjoni d-Dinja 23 , li għandha l-għan li tiżviluppa mudell diġitali preċiż ħafna tad-Dinja fuq skala globali, hija mistennija li tipproduċi tbassiriet u simulazzjonijiet ta’ fenomeni naturali u avvenimenti naturali estremi.

    Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-pajjiżi sħab, inkluż is-sistemi ta’ twissija bikrija u l-hubs tal-għarfien lokali tagħhom, u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali se twassal għal komprensjoni akbar tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà.  24 L-UE tippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet analitiċi f’reġjuni oħra biex tipprevedi u tindirizza malajr ir-riskji emerġenti u li qegħdin jevolvu b’rabta mat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Pereżempju, bħala membru tal-Grupp intergovernattiv dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja, l-UE tappoġġa inizjattivi globali għal teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza b’rabta mat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u analiżi dwar is-sigurtà tal-ikel globali bbażata fuq l-evidenza permezz tan-Network Globali Kontra l-Kriżijiet tal-Ikel.

    1.2.Il-ġbir u l-analiżi tad-data dwar id-difiża

    L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) diġà qanqlet lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom u jiġbru d-data dwar il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-forzi armati tagħhom 25 u issa qiegħda taħdem biex tistabbilixxi metodoloġija strutturata għall-ġbir u l-monitoraġġ tad-data dwar l-enerġija fil-qasam tad-difiża tal-Istati Membri, is-Suite tal-Enerġija fil-Qasam tad-Difiża. Flimkien mal-Kummissjoni, l-EDA qiegħda twettaq ukoll studji u riċerka dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija fil-qasam tad-difiża 26 . Tali ġbir tad-data u analitika huma meħtieġa biex jittejbu l-ippjanar tad-difiża u d-deċiżjonijiet ta’ investiment min-naħa tal-Istati Membri abbażi tat-tibdil tal-klima.

    1.3.L-użu tar-riċerka u tal-innovazzjoni għall-vantaġġ tagħna

    Kemm għal skopijiet ta’ sigurtà kif ukoll ta’ difiża, ir-riċerka u l-istudji dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali huma essenzjali biex jinfurmaw u jiggwidaw l-iżvilupp, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki.

    Il-proġetti tar-riċerka dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà

    Il-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, bħal Orizzont 2020 (2014-2020) u Orizzont Ewropa (2021-2027) attwali, jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali bħala bażi għall-iżvilupp ta’ risponsi effettivi ta’ politika li jkollhom l-għeruq tagħhom fl-aħjar evidenza xjentifika disponibbli 27 . Kumplessivament, 35 % ta’ Orizzont Ewropa huwa allokat biex jiġu ffinanzjati attivitajiet relatati mal-klima 28 . Barra minn hekk, 7,5 % ta’ Orizzont Ewropa fl-2024-25, u 10 % mill-2026 ’il quddiem huma allokati biex jiffinanzjaw attivitajiet relatati mal-bijodiversità 29 . Eżempji oħra ta’ studji tar-riċerka rilevanti jinkludu l-istudju konġunt tar-riċerka tal-EDA u tal-JRC li jivvaluta l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastruttura tal-enerġija kritika u l-kapaċitajiet militari relatati mad-difiża.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Iċ-Ċentru Satellitari tal-UE, bl-atturi u bl-inizjattivi rilevanti kollha, se jesplora l-istabbiliment ta’ Hub tad-Data u ta’ Analiżi dwar is-Sigurtà tal-Klima u l-Ambjent fi ħdan il-faċilitajiet tiegħu, sabiex iżid l-aċċess għad-data u l-analitika dwar il-klima u s-sigurtà u d-disponibbiltà tagħhom.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE se jipprovdu analiżi annwali tax-xejriet tal-klima u s-sigurtà biex jappoġġaw diskussjonijiet u teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell politiku u strateġiku.

    ·Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-inklużjoni ta’ indikaturi ambjentali u relatati mal-klima rilevanti u bbażati fuq l-evidenza fl-Indiċi Globali tar-Riskju ta’ Kunflitt biex tinforma aħjar l-għażla ta’ prijoritajiet għall-prevenzjoni tal-kunflitti.

    ·Is-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti f’konsultazzjoni mas-SEAE se jiżviluppaw mudell dinamiku, fuq terminu qasir u subnazzjonali tar-riskju ta’ kunflitti, li se jinkludi kunsiderazzjoni msaħħa tal-varjabbli relatati mal-ambjent u mal-klima biex tittejjeb il-kapaċità ta’ twissija bikrija u ta’ antiċipazzjoni tal-UE.

    2.Ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà ssir operabbli fl-azzjoni esterna tal-UE

    Ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà jeħtieġ li tkun operabbli b’mod koerenti fl-azzjoni esterna kollha tal-UE mill-formulazzjoni tal-politiki u t-teħid tad-deċiżjonijiet sal-implimentazzjoni. Id-diversi inizjattivi tal-UE, li jvarjaw mill-azzjoni klimatika u l-adattament għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-azzjoni umanitarja, huma l-iktar effettivi meta s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet jiġu massimizzati f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE. L-għan huwa wkoll li jiġu ottimizzati r-riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż billi tiġi promossa l-azzjoni ta’ Tim Ewropa 30 .

    F’konformità mar-regolament NDICI-Ewropa Globali 31 , li jirrikjedi analiżi tal-kunflitti għall-pajjiżi u għar-reġjuni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ta’ wara kriżi jew ta’ fraġilità u vulnerabbiltà, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE, inkluż id-Delegazzjonijiet tal-UE, se jsaħħu l-analiżi tar-rabta bejn il-klima u l-ambjent, il-paċi u s-sigurtà, tal-politiki u tal-azzjonijiet rilevanti tagħha, speċjalment f’żoni ġeografiċi vulnerabbli għal dawn l-impatti, bħal, fil-livell reġjonali, is-Saħel jew il-Qarn tal-Afrika, jew Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS, Small Island Developing States). Din l-analiżi se tgħin fit-tiswir tal-approċċi tagħha f’dawn is-sitwazzjonijiet u se tinforma l-ipprogrammar fil-futur, fejn ikun xieraq. Din se tkun parti mil-linji gwida għad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs il-mandat ta’ NDICI-Ewropa Globali.

    B’rikonoxximent tal-impatti differenzjati tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq in-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, l-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u l-integrazzjoni ta’ perspettiva risponsiva għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u dimensjoni tal-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, huma essenzjali meta r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà ssir operabbli. Dan jimxi id f’id mal-appoġġ għas-sensittività tal-kuntest, is-sjieda lokali u l-approċċi li ma jagħmlux ħsara.

    2.1.Investimenti fil-klima u fl-ambjent bħala investimenti fil-paċi u fis-sigurtà

    Bħala mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, l-UE tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi kollettivi biex jiżdied il-finanzjament għall-klima u għall-bijodiversità. Dan jissarraf fil-bini tar-reżiljenza ta’ pajjiżi u ta’ komunitajiet b’introjtu baxx u vulnerabbli, inkluż is-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jiġu promossi approċċi sostenibbli fit-tul għall-ġestjoni ta’ riżorsi naturali ewlenin. Billi jiżviluppaw għajxien alternattiv u jappoġġaw il-governanza tajba, b’mod risponsiv għall-kwistjonijiet ta’ ġeneru, dawn l-isforzi jikkontribwixxu wkoll għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-paċi.

    L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) jaqdi rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Jinkludi mira ta’ nfiq ta’ 30 % għall-azzjoni klimatika li tiffoka fuq il-miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, miżjuda b’EUR 4 biljun addizzjonali kif imħabbar mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen f’Settembru 2021. Se jikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tal-UE li tintlaħaq mira ta’ nfiq għall-bijodiversità ta’ 7,5 % fl-2024 u ta’ 10 % fl-2026 u fl-2027. Il-President ħabbret ukoll l-irduppjar tal-finanzjament internazzjonali tal-Kummissjoni għall-bijodiversità, speċjalment għall-pajjiżi l-iktar vulnerabbli, għal EUR 7 biljun għall-perjodu 2021-2027.

    Dawn il-fondi jindirizzaw uħud mir-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u n-nuqqas ta’ sigurtà, filwaqt li indirettament jgħinu fil-ġestjoni tal-ispostament klimatiku u l-migrazzjoni. Bl-istess mod, permezz ta’ NDICI-Ewropa Globali, u l-baġit għall-għajnuna umanitarja, l-UE tiffinanzja wkoll azzjonijiet li huma strumentali fit-tisħiħ tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri kif ukoll fit-tħejjija għad-diżastri u l-azzjoni preventiva. Dan jikkontribwixxi b’mod pożittiv għar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà billi tinbena r-reżiljenza. Iktar ma jiżdiedu l-għarfien u l-esperjenza rigward din ir-rabta, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippjanaw l-involvimenti tagħhom skonthom permezz tal-approċċ ta’ Tim Ewropa.

    L-istrateġija tal-Global Gateway, l-offerta pożittiva tal-UE lis-sħab biex jindirizzaw l-iktar sfidi globali urġenti, se tikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE favur il-paċi u l-istabbiltà. Se tippromwovi proġetti li jappoġġaw l-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jaqbdu t-triq tal-iżvilupp tal-bniedem u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali filwaqt li jnaqqsu d-diskrepanza fl-investiment globali.

    Pereżempju, bħala parti mill-pakkett ta’ investiment tal-Gateway Globali UE-Afrika, l-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u r-Reżiljenza fl-Afrika ġiet introdotta biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli kontra r-riskji klimatiċi u ta’ perikli naturali billi tlaqqa’ flimkien programmi mill-UE u mill-Istati Membri tal-UE ta’ iktar minn EUR 1 biljun. Fl-Asja Ċentrali, l-Inizjattiva Tim Ewropa dwar l-Ilma, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija filwaqt li tindirizza l-isfidi ambjentali u tindirizza t-tibdil fil-klima, b’kontribuzzjoni inizjali ta’ EUR 700 miljun minn Tim Ewropa. Fl-Amerka Latina, l-aspetti tat-tibdil fil-klima u tad-deforestazzjoni huma indirizzati permezz ta’ Inizjattivi ta’ Tim Ewropa fil-Baċir tal-Amażonja, inkluża Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-Foresti Tropikali fil-Brażil b’ammont indikattiv ta’ EUR 430 miljun.

    Għandha ssir enfasi partikolari fuq ir-reżiljenza fil-livell tal-komunità u r-reżiljenza tal-bliet u ż-żoni urbani peress li spiss ikunu l-punt fokali tal-migrazzjoni u tal-ispostament. Dan huwa partikolarment importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-offerta ta’ djar reżiljenti, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, affordabbli u aċċessibbli, speċjalment għal dawk li jinsabu fl-iktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, f’akkomodazzjoni prekarja, li ħafna minnhom ikunu nisa jew tfal. Filwaqt li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE għal dan l-għan għadhom għaddejjin, l-UE se tesplora kif tista’ tinvolvi ruħha iktar mill-qrib mal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija li qegħdin jikkontribwixxu għal kampanji globali f’din iż-żona.

    Barra minn hekk, il-pjanijiet ekonomiċi u ta’ investiment, żviluppati flimkien mas-sħab tal-UE għall-Balkani tal-Punent, u l-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien jew għaż-żamma tal-istabbiltà billi jżidu r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u jindirizzaw uħud mill-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u tal-ispostament.

    2.2.L-indirizzar tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti u ta’ kriżi

    L-UE trid tagħmel iktar progress fl-indirizzar tar-rabtiet matul iċ-ċiklu kollu tal-kunflitt bejn il-kriżijiet klimatiċi u ambjentali, il-paċi u s-sigurtà, f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE. Din l-isfida hija doppja: il-politiki u l-prattiki relatati mal-klima u mal-ambjent għandhom jitqiesu kulma jmur iktar sensittivi għall-kunflitti, u fl-istess ħin il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali għandhom ikomplu jiġu integrati fil-konsolidazzjoni tal-paċi, l-istabbilizzazzjoni, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-irkupru wara l-kunflitti tal-UE.

    2.2.1.Il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni

    In-nuqqas ta’ ġestjoni u ta’ governanza tar-riżorsi naturali jista’ jaggrava t-tensjonijiet eżistenti fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom. Dan huwa indirizzat, b’mod partikolari, permezz ta’ inizjattivi tal-UE għall-konsolidazzjoni tal-paċi f’sitwazzjonijiet u f’reġjuni fraġli. Pereżempju, l-azzjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-UE 32 jistgħu jservu biex itaffu ċerti riskji għas-sigurtà b’rabta mal-klima u mal-ambjent, billi jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni spostati internament, speċjalment in-nisa u l-bniet, u l-persuni b’diżabbiltà, li spiss ikunu affettwati b’mod sproporzjonat mill-aspetti klimatiċi u ambjentali, kif ukoll il-komunitajiet ospitanti tagħhom. Għalhekk, il-valutazzjonijiet futuri tal-UE għall-istabbilizzazzjoni se jinkorporaw kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali fl-opzjonijiet ta’ rispons tagħhom f’approċċ inklużiv, sensittiv għall-ġeneri u sensittiv għall-kunflitti.

    L-aċċess għar-riżorsi naturali u suġġetti ambjentali oħra jistgħu jipprovdu wkoll opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u għar-rikonċiljazzjoni, pereżempju permezz ta’ strutturi ta’ governanza inklużivi, u jistgħu jservu bħala punti li jagħtu bidu għall-medjazzjoni u għad-djalogu 33 . Il-kooperazzjoni transkonfinali dwar l-ilma 34 , pereżempju, tista’ taġixxi bħala xprun għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-konsolidazzjoni tal-paċi. L-UE se tkompli tinvesti fit-taħriġ ta’ ġabra ta’ medjaturi filwaqt li se timmira li tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-medjaturi lokali biex jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-impatti tat-tibdil fil-klima u tal-isfidi ambjentali għall-paċi u għas-sigurtà.

    2.2.2.L-azzjoni umanitarja, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri

    Il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali kulma jmur qegħdin jiġu integrati iktar fl-interventi umanitarji kollha bħala rikonoxximent ta’ kif il-kunflitt, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, jaggravaw il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet umanitarji 35 .

    L-għajnuna umanitarja tal-UE u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huma fuq quddiem nett tar-rispons tal-UE għal avvenimenti estremi tat-temp u l-konsegwenzi umanitarji tagħhom 36 . Permezz tal-Linja Baġitarja għat-Tħejjija għad-Diżastri (EUR 78 miljun), l-UE qiegħda tappoġġa interventi ta’ tħejjija mmirati, inkluż azzjonijiet preventivi għat-tħejjija u għall-mitigazzjoni tal-impatti umanitarji akuti qabel ma jseħħu għalkollox. L-UE hija impenjata wkoll li tnaqqas l-impronta ambjentali tal-operazzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE u tappoġġa u tħeġġeġ l-isforzi tas-sħab tagħha f’dan ir-rigward, speċjalment fir-rigward ta’ ktajjen tal-provvista iktar sostenibbli.

    Bħala riżultat ta’ avvenimenti tat-temp iktar frekwenti u iktar gravi, il-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri x’aktarx li jintalbu iktar spiss biex jappoġġaw l-isforzi tal-ġestjoni tad-diżastri u tal-għajnuna umanitarja, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri esterni tagħha. It-tisħiħ ulterjuri tal-koordinazzjoni u t-tħejjija ċivili-militari fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali f’konformità mal-qafas għall-użu tal-assi militari tal-UE b’appoġġ għall-assistenza umanitarja u għall-għajnuna għad-diżastri 37 huwa kritiku biex jiġi żgurat rispons f’waqtu u effettiv li jkun kompatibbli mal-approċċ ibbażat fuq il-prinċipji tal-assistenza umanitarja tal-UE, u jeħtieġ li jitħaffef ulterjorment.

    2.2.3.Il-ġestjoni tal-kriżijiet

    It-13-il missjoni u operazzjoni ċivili u d-disa’ missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-UE fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-UE spiss jiġu skjerati f’pajjiżi li huma partikolarment vulnerabbli għal riskji għas-sigurtà b’rabta mal-klima u mal-ambjent. Progressivament l-UE se tintegra u se tindirizza l-aspetti klimatiċi u ambjentali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fir-rieżami tal-mandati tagħhom. Il-Boxxla Strateġika stabbiliet l-objettiv sabiex sal-2025 il-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari u ċivili kollha jkollhom konsulent ambjentali, u sabiex jirrapportaw dwar l-impronta ambjentali tagħhom. Fil-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK 38 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jintegraw l-isforzi, f’attivitajiet ta’ missjonijiet esterni, biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà marbuta mat-tibdil fil-klima u mad-degradazzjoni u mal-isfruttament ambjentali.

    Sabiex il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK ikunu jistgħu jilħqu b’mod effettiv dawn l-objettivi b’rabta mal-klima, jeħtieġ li jiġi żviluppat u implimentat sett ta’ miżuri flimkien mal-Istati Membri. Tali Pakkett ġdid tal-PSDK dwar il-Klima se jipprovdi bażi koerenti għal attivitajiet interkonnessi differenti, filwaqt li se jiżgura li r-riżorsi jintużaw bl-iżjed mod effiċjenti, kif ġej.

    -Jeħtieġ li jiġu identifikati u riflessi profili differenti għall-konsulenti ambjentali fil-ħtiġijiet ta’ taħriġ u ta’ reklutaġġ 39 , filwaqt li jitqies l-ambitu tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK 40 u l-iżviluppi futuri possibbli.

    -Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward il-mandati tal-PSDK għandu jqis l-analiżijiet annwali l-ġodda tax-xejriet dwar il-klima, l-ambjent u s-sigurtà 41 u sorsi analitiċi oħra għall-ippjanar u r-rieżami perjodiku tal-mandati tal-missjoni, filwaqt li jippromwovi l-integrazzjoni tat-tagħlimiet meħuda tul il-flussi ta’ ħidma differenti. Ta’ min issir riflessjoni fuq it-tagħlimiet meħuda mis-sħab tagħna li joperaw fl-istess ambitu, b’mod partikolari n-NU 42 , anki bil-ħsieb li jiġu identifikati oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib.

    -Se jiġi introdott mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar l-impronta ambjentali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha, li jibni fuq it-tagħlimiet minn proġetti pilota, filwaqt li jiżgura sinerġiji u skambju tal-aħjar prattika dwar dawn il-kwistjonijiet ma’ sferi oħra tal-azzjoni esterna tal-UE, bħall-impenji umanitarji. Hemm bżonn li tiġi stabbilita wkoll rabta kif suppost mal-Faċilità Ewropea għall-Paċi bil-ħsieb tal-ottimizzazzjoni tal-prestazzjonijiet klimatiċi u ambjentali 43 .

    Fl-aħħar nett, jista’ jkun ukoll pertinenti li ssir riflessjoni dwar l-integrazzjoni tal-fatturi klimatiċi u ambjentali fix-xenarji li jappoġġaw l-operabilità tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE.

    2.2.4.L-impatt tal-kunflitt armat fuq l-ambjent u l-irkupru wara l-kunflitt

    L-impatt tal-kunflitti armati fuq l-ambjent huwa element ewlieni li għandu jiġi indirizzat fl-ambitu tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Minkejja li d-dritt umanitarju internazzjonali (IHL, international humanitarian law) jipprevedi l-protezzjoni tal-ambjent naturali f’kunflitti armati, il-ksur tal-IHL huwa mifrux u jikkawża ħsara estensiva u fit-tul. F’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kunflitt, il-kontaminazzjoni tal-ilma, tal-ħamrija u tal-art mill-fdalijiet splussivi hija partikolarment komuni, mill-qerda tal-ekosistemi sat-tniġġis u l-ġestjoni tal-iskart, minħabba bombardamenti, mini tal-art u tnixxijiet taż-żejt u tal-gass. Minbarra l-inizjattivi tal-UE li għaddejjin bħalissa dwar il-ħarsien tal-ambjent, it-tniġġis u l-ġestjoni tal-iskart f’dan il-kuntest, inkluża l-promozzjoni tal-konformità mal-IHL se jiġu kkunsidrati azzjonijiet immirati komplementari dwar il-valutazzjonijiet ambjentali ta’ wara l-kunflitt, inkluż fil-kuntest tal-Forum ta’ Inkubazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari fid-Difiża Ewropea.

    Eżempji ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà f’diversi dimensjonijiet ta’ politika:

    -L-ispostament u l-migrazzjoni: L-UE tindirizza l-ispostament u l-migrazzjoni relatati mad-diżastri, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, b’mod partikolari permezz ta’ azzjonijiet umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ paċi 44 . L-UE qiegħda wkoll tagħti bidu għal azzjoni globali ġdida tal-UE (EUR 8 miljun) maċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tal-Ispostamenti Interni biex tapprofondixxi l-għarfien dwar il-motivazzjonijiet, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji li jwasslu għal spostament intern u biex ittejjeb il-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab affettwati biex jindirizzaw dawn ir-riskji.

    -Ir-reati ambjentali: Ir-reati ambjentali hija prijorità fost l-10 prijoritajiet fl-ambitu tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) li tippermetti l-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi tal-UE mal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi dwar azzjonijiet operattivi biex jiġu indirizzati r-reati ambjentali. Il-missjonijiet tal-PSDK jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jiġġieldu r-reati ambjentali 45 .

    -Is-sigurtà marittima: L-istrateġija dwar is-sigurtà marittima tal-UE 46  li ġiet aġġornata dan l-aħħar tenfasizza l-impatti sinifikanti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq l-ambjent tal-baħar u s-sigurtà marittima, u tipproponi diversi azzjonijiet. Ambiti oħra ta’ ħidma għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-koeżistenza tal-enerġija rinnovabbli offshore ma’ operazzjonijiet u sistemi ta’ difiża 47 .

    -L-ispazju: Il-programm Spazjali tal-UE jappoġġa l-ħarsien tal-ambjent, jgħin fil-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà ċivili madwar l-Ewropa.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, se jsaħħu l-analiżi tar-rabta bejn il-klima, l-ambjent, il-paċi u s-sigurtà tal-politiki u tal-azzjonijiet rilevanti, speċjalment f’żoni ġeografiċi vulnerabbli għal dawn l-impatti, bħal, fil-livell reġjonali, is-Saħel jew il-Qarn tal-Afrika, jew Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS).

    ·Is-SEAE, f’kooperazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, se jiżgura li l-valutazzjonijiet tal-istabbilizzazzjoni tal-UE fil-futur ikunu jinkorporaw kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali fir-rigward tal-għajxien tal-popolazzjonijiet lokali meta jiġu miflija l-opzjonijiet ta’ rispons.

    ·Is-SEAE se jħarreġ u jattrezza lill-ġabra ta’ medjaturi tal-UE u atturi oħra ta’ medjazzjoni tal-UE biex jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-impatti fuq il-paċi u s-sigurtà tat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE, inkluż il-Persunal Militari tal-UE, se jkomplu jsaħħu u jtejbu l-koordinazzjoni ċivili-militari fil-kuntest tal-assistenza umanitarja tal-UE u l-isforzi ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru, filwaqt li jibnu fuq il-passi preċedenti u t-tagħlimiet meħuda.

    ·Ir-Rappreżentant Għoli f’koordinazzjoni mal-Istati Membri se jiżgura l-implimentazzjoni komprensiva tal-Pakkett il-ġdid tal-PSDK dwar il-Klima, inkluż l-iżvilupp rapidu ta’ profili ċari għall-konsulenti ambjentali.

    ·Is-SEAE se jirrifletti l-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali f’xenarji operattivi kif xieraq biex jappoġġa l-operabilità tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu billi jsaħħaħ it-tħejjija u biex jipprovdi oqfsa realistiċi ta’ impjieg.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u l-EDA se jesploraw l-iżvilupp ta’ proġetti kollaborattivi għall-valutazzjoni u r-restawr ambjentali ta’ wara l-kunflitt fil-kuntest tal-Forum ta’ Inkubazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari fid-Difiża Ewropea.

    3.L-iżgurar ta’ sigurtà u difiża Ewropej sostenibbli u reżiljenti għall-klima

    It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se jittrasformaw il-mod kif l-atturi involuti fil-paċi, is-sigurtà u d-difiża se jippjanaw, jinvestu u joperaw. L-UE għandha żżid l-impenn tagħha biex tiffaċilita u tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kobor, il-kumplessità u l-urġenza tal-isfidi involuti li kulma jmur qegħdin jiżdiedu, f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Boxxla Strateġika.

    3.1.L-iżvilupp tal-għarfien espert u s-sensibilizzazzjoni dwar il-klima u l-ambjent

    Hemm ħtieġa urġenti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jiġu żviluppati l-ħiliet speċjalizzati meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima fis-sigurtà u fid-difiża. Dan japplika għall-atturi rilevanti kollha tal-UE, inkluż id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet/operazzjonijiet tal-PSDK kif ukoll il-ministeri differenti fl-Istati Membri tal-UE f’dak li jirrigwarda l-livell nazzjonali.

    Sabiex jitlaqqgħu flimkien fornituri differenti tat-taħriġ u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ udjenzi ta’ taħriġ differenti b’mod sistematiku, se tiġi stabbilita Pjattaforma ta’ Taħriġ tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża Klimatika fil-qafas tal-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD). L-objettiv tagħha se jkun li tiżviluppa l-għarfien espert meħtieġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, inkluż pereżempju esperti tad-dritt ambjentali u tar-reati, inġiniera ambjentali, u analisti tar-riskji għas-sigurtà b’rabta mal-klima. Gradwalment, dan se jippermetti wkoll lill-UE tiżviluppa ġabra ta’ esperti (ċertifikati) li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli għall-missjonijiet/operazzjonijiet tal-PSDK minbarra l-ħidma tagħhom fil-ministeri nazzjonali. Ladarba tiġi stabbilita, il-pjattaforma tista’ tappoġġa l-koordinazzjoni ma’ partijiet internazzjonali oħra.

    L-eżerċizzji ta’ ġestjoni tal-kriżijiet b’diversi livelli tal-UE jipprovdu opportunità oħra ta’ sensibilizzazzjoni u biex jiġi ttestjat u vvalidat kif il-mekkaniżmi tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet jistgħu jirrispondu għat-tħassib dwar is-sigurtà b’rabta mal-klima. L-EDA u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni qegħdin jorganizzaw eżerċizzji ta’ simulazzjoni biex jeżaminaw id-dipendenzi fir-rigward tal-infrastruttura kritika tal-enerġija b’rabta mad-difiża meta jiġu kompromessi jew isiru inoperabbli minħabba theddidiet ibridi, bħala parti mill-istudju konġunt tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet.

    3.2.Il-kapaċitajiet u l-infrastruttura militari

    In-natura tal-intensità enerġetika tal-forzi armati tal-Istati Membri 48 , li huma wkoll l-ikbar sid pubbliku ta’ art u ta’ infrastrutturi ħielsa fl-UE, toffri opportunitajiet biex isiru iktar effiċjenti u jiġġeneraw benefiċċji għall-klima u għall-bijodiversità fuq skala kbira. Approċċ koerenti u intelliġenti għall-isforzi ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima tal-militar irid jippreserva, u fejn possibbli jtejjeb, l-effettività operattiva. It-titjib fl-effiċjenza u fis-sostenibbiltà enerġetika mtejba mhux talli jnaqqas l-impronta tal-karbonju, talli jnaqqas ukoll il-kostijiet 49 , inaqqas il-piż loġistiku u javvanza l-awtosostenibbiltà fil-kuntest operattiv — u b’hekk iżid is-sikurezza u l-libertà tal-moviment tal-forzi armati. Għandu jitqies ukoll li l-forzi armati joperaw tagħmir speċjalizzat li normalment ikollu ċiklu tal-ħajja twil ħafna, filwaqt li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni li jmiss jista’ jieħu snin jekk mhux deċennji.

    Valutazzjoni tad-diversi impatti u riskji ġġenerati mit-tibdil fil-klima jeħtieġ li tinforma l-ippjanar u l-investimenti tad-difiża fuq terminu qasir sa twil. Pereżempju, biex jiġi żgurat li t-tagħmir ikun jista’ jopera f’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, biex il-forzi armati jitħarrġu u jiġu attrezzati għal assistenza militari aktar frekwenti lill-awtoritajiet ċivili b’rispons għad-diżastri naturali, jew biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura użata mill-militar u jiġi żgurat li l-kapaċitajiet militari jkunu jistgħu jiġu skjerati b’mod affidabbli u sostenibbli fuq l-art, fl-ajru u fil-baħar. Peress li l-Istati Membri qegħdin iżidu l-baġits tad-difiża tagħhom 50 , tali miżuri jeħtieġ li jkunu parti integrali mill-forzi armati reżistenti għat-tibdil fil-klima li qegħdin jiżviluppaw. Bl-istess mod huwa importanti li jiġi żgurat li politiki orizzontali oħra, bħal inizjattivi li jirrigwardaw il-finanzi sostenibbli, jibqgħu konsistenti mal-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tagħmilha faċli li l-industrija tad-difiża Ewropea jkollha biżżejjed aċċess għall-finanzjament u għall-investiment.

    Diġà qiegħda ssir ħafna ħidma biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi klimatiċi u enerġetiċi fost il-forzi armati, inkluż permezz ta’ formati differenti ta’ esperti fl-EDA, parzjalment iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea (ara l-kaxxa ta’ hawn taħt). Barra minn hekk, l-Istati Membri attwalment qegħdin jindirizzaw ħafna minn dawn il-kwistjonijiet billi jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji nazzjonali biex iħejju lill-forzi armati għat-tibdil fil-klima, kif mitlub fil-Boxxla Strateġika. In-Network tal-UE għall-Klima u d-Difiża ta’ esperti mill-ministeri tad-difiża tal-Istati Membri, li ġie ffurmat bħala segwitu għall-Boxxla Strateġika fuq l-inizjattiva tas-SEAE u tal-EDA, wera li huwa format utli biex jitrawmu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dan ir-rigward 51 .

    Permezz tal-momentum iġġenerat bis-saħħa ta’ dawn l-istrateġiji nazzjonali, isir kruċjali li tissaħħaħ b’mod sostanzjali l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-UE. Dan se jnaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni u se jiżgura l-interoperabbiltà fost il-forzi armati tal-UE filwaqt li joħloq ekonomiji ta’ skala. Dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ allinjat sew fil-livell nazzjonali u tal-UE. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ standards għall-fjuwils sostenibbli jiżgura l-interkambjabbiltà ta’ tali fjuwils bejn il-Forzi Armati tal-Istati Membri.

    F’dan l-isfond, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jesploraw possibbiltajiet biex jappoġġaw lill-Istati Membri, kemm individwalment kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni ċivili-militari aċċellerata, f’konformità mal-objettivi tal-Boxxla Strateġika u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal dan l-għan, se jiġi stabbilit Mekkaniżmu ġdid ta’ Appoġġ għall-Klima u d-Difiża bejn is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA biex jaħdmu mal-Istati Membri sabiex jidentifikaw diskrepanzi u opportunitajiet kollaborattivi f’oqsma bħall-iżvilupp tal-ħiliet, il-kondiviżjoni jew it-twettiq ta’ riċerka u ta’ studji, l-iżvilupp ta’ standards ekoloġiċi, il-ġbir tad-data, l-iżvilupp ta’ metodoloġiji jew ta’ kunċetti tekniċi, it-tisħiħ tal-inċentivi u l-promozzjoni ta’ proġetti kollaborattivi. F’dan il-kuntest, bħala parti minn approċċ gradwali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-EDA, se jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Kompetenza dwar it-Tibdil fil-Klima, is-Sigurtà u d-Difiża mmexxi mill-UE biex jissaħħaħ l-isforz ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fost il-forzi armati tal-Istati Membri, inkluż, fejn ikun rilevanti, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

    Strumenti, politiki u għodod rilevanti tal-UE li jipprovdu pedament b’saħħtu għal iktar ħidma:

    -Fl-2021 tnedew tliet proġetti fil-qafas tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) għal soluzzjonijiet orjentati lejn id-difiża apposta biex jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prodotti tad-difiża dwar il-klima, il-ġestjoni tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika b’baġit ta’ EUR 84 miljun.

    -Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 52 integra s-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika bħala objettivi ewlenin fl-iżvilupp ta’ infrastruttura u kapaċitajiet tal-futur tat-trasport b’użu doppju, inkluża l-katina tal-provvista tal-fjuwil għall-moviment fuq skala kbira tal-forzi militari u t-tagħmir tagħhom 53 .

    -L-Istati Membri qegħdin jindirizzaw l-effiċjenza enerġetika u r-reliżjenza enerġetika fis-settur tad-difiża permezz ta’ attivitajiet iffinanzjati mill-Kummissjoni taħt il-kappa tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, inkluż il-Forum ta’ Konsultazzjoni għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u tas-Sigurtà (CF SEDSS) 54 , il-Forum ta’ Inkubazzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari fid-Difiża Ewropea (IF CEED) 55 kif ukoll l-inizjattiva Simbjożi (l-enerġija rinnovabbli offshore għad-difiża) 56 . Barra minn hekk, il-Grupp tat-Teknoloġija tal-Kapaċitajiet tal-Ambjent u tal-Enerġija tal-EDA (EnE CapTech) jidentifika l-lakuni teknoloġiċi u jipproponi proġetti kollaborattivi 57 .

    -Il-proġetti kollaborattivi fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) jindirizzaw l-isfidi b’rabta mal-klima u d-degradazzjoni ambjentali, b’mod partikolari l-proġett Funzjoni Operazzjonali tal-Enerġija 58 u t-Taħriġ bil-Ħelikopters f’Temperaturi u Altitudni Għoljin.

    -Il-JRC nieda proġett biex jidentifika, jivvaluta u jindirizza r-riskji klimatiċi għad-difiża tal-UE, bl-għan li jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Istati Membri sabiex id-difiża ssir iktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Il-KESD se jistabbilixxi Pjattaforma ta’ Taħriġ tal-UE dwar il-Klima, is-Sigurtà u d-Difiża appoġġata mis-SEAE, mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, mill-EDA u mis-SatCen, biex jaċċerta li l-UE jkollha l-għarfien espert meħtieġ, inkluż billi jiġi provdut appoġġ lis-sħab tagħna.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA se jistabbilixxu Mekkaniżmu ta’ Appoġġ għall-Klima u d-Difiża bl-għan li jaħdmu mal-Istati Membri biex jidentifikaw lakuni u opportunitajiet kollaborattivi, sabiex jippromwovu azzjoni konkreta ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fost il-forzi armati. L-ewwel rapport dwar is-sejbiet tiegħu se jiġi ppreżentat lill-Istati Membri fit-tieni nofs tal-2024.

    ·Bħala parti minn approċċ gradwali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’konsultazzjoni mal-EDA, se jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Kompetenza ddedikat immexxi mill-UE dwar it-Tibdil fil-Klima, is-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-Istati Membri.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA se jkomplu jistħarrġu l-isfidi u l-opportunitajiet potenzjali għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-ħtiġijiet tad-difiża.

    ·Is-SEAE se jinkorpora aspetti relatati mat-tibdil fil-klima fl-eżerċizzju “Integrated Resolve” tal-UE tal-2024.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u l-EDA se jwettqu iktar studji biex jgħinu fil-ġestjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali b’mod sistematiku u komprensiv fl-installazzjonijiet militari tal-UE u jimminimizzaw il-ħsara, it-telf u t-tħarbit minħabba perikli klimatiċi u tat-temp.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA se jkomplu jaħdmu flimkien mal-Istati Membri fir-rigward tat-tranżizzjoni enerġetika tal-infrastruttura u tal-kapaċitajiet tat-trasport b’użu doppju, inkluż il-ktajjen tal-provvista tal-fjuwil, b’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u l-EDA se jkomplu janalizzaw l-impatt tad-Direttivi riveduti b’rabta mal-enerġija u qafas rivedut ta’ politiki dwar l-infrastruttura militari, u se jistħarrġu wkoll l-ideat u l-istudji tal-proġetti żviluppati fil-kuntest tas-CF SEDSS, pereż. dwar it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u r-rendiment tal-bini fl-ambitu tad-difiża.

    ·Is-SEAE u l-EDA se jikkonsultaw mal-Istati Membri dwar it-twaqqif permanenti tan-Network għall-Klima u d-Difiża biex jimmonitorjaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u jesploraw opportunitajiet kollaborattivi.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA, flimkien mal-Istati Membri, se jkomplu jippromwovu approċċi konsistenti fid-diversi proġetti kollaborattivi li għaddejjin fil-qasam tal-klima u d-difiża fil-PESCO u fl-EDF, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-qafas tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża biex jiġu identifikati proġetti ġodda possibbli.

    4.Kooperazzjoni internazzjonali

    It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma sfidi globali li jeħtieġu aġenda multilaterali kkonsolidata attiva. L-UE se tkompli żżid l-involviment tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u ma’ pajjiżi terzi, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak operattiv.

    4.1. It-twaqqif ta’ aġenda globali ambizzjuża

    L-UE se tkompli tistabbilixxi aġenda globali ambizzjuża fir-rigward tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Bosta inizjattivi mmexxija jew appoġġati mill-UE, b’mod partikolari dwar l-ilma, l-oċeani, is-sigurtà tal-ikel, it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-ktajjen tal-valur tal-materja prima, għandhom komponent ta’ sħubija b’saħħtu, bħall-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE 59 , li hija rilevanti ħafna għar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Barra minn hekk, l-UE se tħeġġeġ l-inizjattivi internazzjonali b’dimensjoni transkonfinali biex tiġi indirizzata r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà u biex tissaħħaħ l-azzjoni globali dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli b’mod sensittiv għall-kunflitti 60 .

    Eżempji ta’ inizjattivi mmexxija jew appoġġati mill-UE:

    -Is-sigurtà tal-ilma u n-nixfiet: Flimkien mas-sħab, l-UE se tippromwovi l-implimentazzjoni globali tal-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll enfasi ikbar fuq ir-rabta bejn l-ilma, l-enerġija, l-ikel u l-ekosistema u governanza tal-ilma iktar qawwija fil-livelli kollha 61 . L-UE tippromwovi wkoll il-ġestjoni proattiva tan-nixfa f’fora internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u l-Alleanza Internazzjonali għar-Reżiljenza għan-Nixfa.

    -Governanza tal-oċeani L-UE u l-Istati Membri tagħha se jippromwovu r-ratifika universali, id-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni effettiva tat-Trattat tan-NU dwar l-Ibħra Miftuħa biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-oċean.

    -Tranżizzjoni tal-enerġija L-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu wkoll, flimkien mas-sħab tal-G7, jinvolvu ruħhom f’mudell ġdid ta’ sħubijiet fit-tul imsejjaħ Sħubijiet għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li qegħdin jikbru malajr, filwaqt li jipprovdu appoġġ finanzjarju li jippermetti bidla favur sorsi ta’ enerġija nadifa u kontribut ambizzjuż stabbilit fil-livell nazzjonali, b’enfasi ċentrali fuq tranżizzjoni ġusta soċjalment.

    -Materja prima kritika (CRMs) Bħala parti mid-dimensjoni esterna tal-pakkett tal-UE dwar il-Materja Prima Kritika, l-UE se ssaħħaħ l-impenn globali tagħha biex tiżviluppa u tiddiversifika l-investiment, il-produzzjoni, u l-kummerċ ma’ sħab affidabbli u se tniedi inizjattivi diplomatiċi ġodda, bħall-Klabb tal-Materja Prima Kritika, li jlaqqa’ flimkien pajjiżi li jikkonsmaw ir-riżorsi u pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi għall-promozzjoni ta’ provvista sigura u sostenibbli tas-CRMs. Dawn is-sħubijiet se jappoġġaw lill-pajjiżi emerġenti u fil-fażi tal-iżvilupp biex jiżviluppaw ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima, iżidu l-valur lokali u jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-istandards ambjentali u soċjali.

    L-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala membri tal-bord tal-banek multilaterali tal-iżvilupp (MDBs) u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs), se jkomplu jippromwovu u jappoġġaw proposti ambizzjużi u innovattivi biex ikomplu jallinjaw l-istrateġiji tal-MDB u tal-IFI u l-flussi finanzjarji mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, u biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis u l-fraġilità, filwaqt li jżommu l-enfasi qawwija tagħhom fuq it-tnaqqis tal-faqar. Tali appoġġ mill-MDBs u mill-IFIs jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà, għall-paċi u għas-sigurtà.

    Fil-kuntest tat-tisħin globali aċċellerat, l-intervent intenzjonat fuq skala kbira fis-sistemi naturali tad-Dinja (imsejjaħ “ġeoinġinerija”), bħall-modifika tar-radjazzjoni solari, qiegħed jiġbed iktar attenzjoni. Madankollu, ir-riskji, l-impatti u l-konsegwenzi mhux intenzjonati li joħolqu dawn it-teknoloġiji ma nafuhomx sew, u r-regoli, il-proċeduri u l-istituzzjonijiet meħtieġa ma ġewx żviluppati 62 . Dawn it-teknoloġiji jintroduċu riskji ġodda għan-nies u għall-ekosistemi, filwaqt li jistgħu wkoll iżidu l-iżbilanċi fil-poter bejn in-nazzjonijiet, iqanqlu l-kunflitti u jqajmu għadd kbir ta’ kwistjonijiet etiċi, legali, ta’ governanza u politiċi. L-UE, iggwidata mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, se tappoġġa l-isforzi internazzjonali biex jiġu vvalutati b’mod komprensiv ir-riskji u l-inċertezzi tal-interventi klimatiċi, inkluż il-modifika tar-radjazzjoni solari, u se tippromwovi diskussjonijiet dwar qafas internazzjonali potenzjali għall-governanza tagħha, inkluż aspetti relatati mar-riċerka.

    4.2.Nindirizzaw ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà flimkien mas-sħab

    L-UE se tkompli bl-isforzi tagħha fil-fora tan-NU rilevanti kollha, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi, u bil-kooperazzjoni tagħha ma’ aġenziji tan-NU differenti dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali għall-paċi u għas-sigurtà permezz ta’ djalogi u sħubijiet stabbiliti. L-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) hija importanti wkoll f’dan il-kuntest.

    Il-prijoritajiet għas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NU dwar l-operazzjonijiet ta’ paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet għall-2022-2024 diġà jirriflettu u jintegraw ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. L-UE se tappoġġa l-isforzi tan-NU fil-qafas tal-“Aġenda Ġdida għall-Paċi” u se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva effettiva fil-post, inkluż permezz ta’ delegazzjonijiet tal-UE u bejn l-operazzjonijiet ta’ paċi tan-NU u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE. L-involviment tal-UE u tan-NU fis-Somalja 63 , iservi bħala punt tat-tluq tajjeb għal involviment iktar mill-qrib, pereżempju fil-qasam tat-taħriġ konġunt lill-gwardji tal-kosta lokali. L-iskjerament progressiv tal-UE ta’ konsulenti ambjentali għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet kollha tal-PSDK se jippermetti l-iżvilupp ta’ sinerġiji, bħall-isforz konġunt lokali għall-bini tal-kapaċitajiet, il-kondiviżjoni tad-data, u l-ġestjoni tal-impronta ambjentali. L-UE se tapprofondixxi wkoll l-iskambju tagħha mal-Mekkaniżmu tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Klima tan-NU biex issaħħaħ il-kondiviżjoni tat-tagħlimiet meħuda, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni dwar l-approċċi ta’ politika u ta’ programmazzjoni, u t-taħriġ.

    Eżempju ta’ sħubija bejn l-UE u l-UNEP dwar it-tibdil fil-klima u s-sigurtà

    L-ewwel fażi tas-sħubija bejn l-UE u l-UNEP dwar it-tibdil fil-klima u s-sigurtà żviluppat għodod u kapaċitajiet biex jissaħħu l-analiżi tas-sigurtà ambjentali u klimatika u azzjoni preventiva biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ kunflitti u ta’ fraġilità f’żewġ pajjiżi pilota, in-Nepal u s-Sudan. Mill-fażi pilota tagħha għall-espansjoni fil-livell reġjonali, is-sħubija se jkollha l-għan li tindirizza r-riskji emerġenti b’rabta mal-klima u mal-ambjent fi tliet reġjuni prijoritarji: il-Qarn tal-Afrika, il-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika (MENA), u l-Punent tal-Afrika u s-Saħel.

    L-UE se tuża l-mezzi u d-djalogi eżistenti kollha fil-livell bilaterali 64 u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NATO, l-Unjoni Afrikana, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, il-Kunsill tal-Artiku, il-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, il-Lega tal-Istati Għarab, l-OSKE, kif ukoll mal-G7 u mal-G20, biex tindirizza t-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u s-sigurtà.

    Eżempju ta’ sħubija bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE: Aġenda għall-Innovazzjoni

    L-Unjoni Afrikana u l-UE qablu li jiżviluppaw aġenda ambizzjuża biex irawmu l-kooperazzjoni xjentifika bejn ir-riċerkaturi biex jiżviluppaw l-għarfien flimkien, kif ukoll jikkondividu t-teknoloġija u l-għarfien espert 65 . Dan jinkludi l-iktar li niġbdu ħabel wieħed flimkien biex navvanzaw ir-reżiljenza, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li jitqiesu l-impatti relatati mas-sigurtà tat-tibdil fil-klima.

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO 66 ta’ Jannar 2023 enfasizzat il-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod konġunt l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima għas-sigurtà. Iż-żewġ organizzazzjonijiet għamlu progress sostantiv fl-appoġġ tal-adattament tal-forzi armati tal-membri tagħhom għall-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali u fit-tnaqqis tal-impatt negattiv permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni. Għalhekk, hemm bżonn koordinazzjoni iktar mill-qrib u opportunità għal kooperazzjoni konkreta f’oqsma ta’ ħidma magħżula, bħal fir-rigward tal-analiżi tad-data u t-twissija bikrija, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet (inkluż fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika u t-tranżizzjoni enerġetika) jipprovdu opportunitajiet konkreti ta’ kooperazzjoni. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jikkonsultaw man-NATO dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn l-UE u n-NATO rigward dawn il-kwistjonijiet. Is-sinerġiji ma’ djalogi oħra bejn l-UE u n-NATO dwar oqsma relatati se jiġu mistħarrġa kif xieraq, pereż. id-Djalogu Strutturat bejn l-UE u n-NATO dwar ir-Reżiljenza u t-Task Force bejn l-UE u n-NATO dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

    L-UE se torganizza wkoll djalogi reġjonali dwar il-klima, l-ambjent u s-sigurtà li jippermettu involviment usa’ mas-sħab, kemm f’reġjuni vulnerabbli ħafna għat-tibdil fil-klima, kif ukoll f’dawk li attwalment jaf jingħataw inqas attenzjoni fil-qasam tal-klima u s-sigurtà. Dawn id-djalogi se jappoġġaw ukoll il-koordinazzjoni bejn diversi partijiet kemm fir-reġjuni kif ukoll bejniethom.

    Minbarra l-isforzi tal-UE biex tindirizza r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà permezz ta’ sħubijiet mill-qrib fil-livelli multilaterali, reġjonali u bilaterali, se tissaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, inkluż l-atturi lokali, il-korpi tar-riċerka, u l-gruppi ta’ riflessjoni.

    Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:

    ·Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri tal-UE u s-sħab internazzjonali, se jippromwovu u se jappoġġaw proposti ambizzjużi u innovattivi biex ikomplu jallinjaw l-istrateġiji tal-MDB u tal-IFI u l-flussi finanzjarji mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    ·Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, iggwidati mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, se jappoġġaw l-isforzi internazzjonali biex jiġu vvalutati b’mod komprensiv ir-riskji u l-inċertezzi tal-interventi klimatiċi, inkluż il-modifika tar-radjazzjoni solari, u se jippromwovu diskussjonijiet dwar qafas internazzjonali potenzjali għall-governanza tagħha, inkluż aspetti relatati mar-riċerka.

    ·Is-SEAE se jfittex li jkollu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-esperti tal-UE u tan-NU fil-post bl-għan li jinħolqu sinerġiji ikbar bejn l-attivitajiet rispettivi tagħhom u jiġu esplorati iktar inizjattivi konġunti, pereż. fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet.

    ·Is-SEAE u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni se jintegraw iktar il-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent fi djalogi ma’ sħab bilaterali u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u ma’ diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkun rilevanti.

    ·Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jikkonsultaw man-NATO dwar l-istabbiliment ta’ djalogu strutturat biex jiġu indirizzati d-diversi rabtiet relatati mat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, is-sigurtà u d-difiża, bil-ħsieb li jiġu esplorati sinerġiji bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet u tiġi identifikata l-kooperazzjoni possibbli f’oqsma ta’ benefiċċju reċiproku. Dan għandu jseħħ fil-qafas ta’ dokument ta’ implimentazzjoni komprensiv previst dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.

    ·Is-SEAE u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni se jesploraw il-possibbiltà għal skambji maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà tan-NATO rigward it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki.

    ·Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE se jorganizzaw djalogi dwar il-klima, l-ambjent u s-sigurtà f’reġjuni prijoritarji ta’ tħassib biex jappoġġaw spazji għad-diskussjoni ta’ sfidi speċifiċi u biex irawmu l-kooperazzjoni.

    5.It-triq ’il quddiem

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilqgħu l-Komunikazzjoni Konġunta u biex jappoġġaw il-prospettiva ġdida dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jirrapportaw lill-Istati Membri dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta.

    Anness 1

    Sors: https://erccportal.jrc.ec.europa.eu/ECHO-Products/Maps#/maps/4526

    (1)

       Ir-Rapport ta’ Progress tal-Mekkaniżmu tas-Sigurtà tal-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, Mejju 2021. Ara wkoll l-Anness 1.

    (2)

       TIBDIL FIL-KLIMA U SIGURTÀ INTERNAZZJONALI – Dokument mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew (S113/08, l-14 ta’ Marzu 2008).

    (3)

       B’mod partikolari permezz tal-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża (Dok. 12741/20, id-9 ta’ Novembru 2020) u l-Kunċett għal Approċċ Integrat dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà (Dok. 12537/21, il-5 ta’ Ottubru 2021). Ir-rapport ta’ progress konġunt jistabbilixxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom (Dok. WK 15770/2022 INIT, is-16 ta’ Novembru 2022).

    (4)

       Ara: SIPRI, Environment of Risk: Security in a New Era of Risk (2022) u r- Rapport Groundswell mill-Bank Dinji (2021).

    (5)

       Ara: Il-Eurojust: Report on Eurojust’s Casework on Environmental Crime (2021).

    (6)

       L-Istitut għall-Ekonomija u l-Paċi (IEP) jistma li 1,2 biljun persuna jistgħu jiġu spostati globalment sal-2050 minħabba t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali.

    (7)

       Inkluż permezz ta’ mewt u mard minħabba avvenimenti ta’ temp estrem, mard iktar frekwenti li jinġarr mill-vetturi, mill-ikel u mill-ilma u żoonotiku, u t-tfaċċar ta’ viruses minħabba t-tidwib tal-permafrost.

    (8)

         Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar impenn aktar b’saħħtu għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu (JOIN(2021) 27 final, 13.10.2021).

    (9)

         IPCC, 2019: IPCC Special Report on the Ocean and Cryosphere in a Changing Climate: il-livell tal-baħar se jkompli jiżdied għal madwar 0,3 metri sal-2050 u għal żewġ metri sal-2100 taħt ix-xenarju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għoljin ħafna – bir-riskju ta’ spostament furzat tal-bnedmin – sa 340 miljun persuna sal-2050 u 630 miljun persuna sal-2100.

    (10)

       Is-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC, Awwissu 2021.

    (11)

       Id-Dok. 7248/23, id-9 ta’ Marzu 2023.

    (12)

       Id-Dok. COM(2019) 640, il-11 ta’ Diċembru 2019.

    (13)

        https://www.eeas.europa.eu/sites/default/files/documents/strategic_compass_en3_web.pdf .

    (14)

        https://science4peace.jrc.ec.europa.eu/ .

    (15)

          https://drmkc.jrc.ec.europa.eu/initiatives-services/global-conflict-risk-index#documents/1059/list .

    (16)

        https://edo.jrc.ec.europa.eu/edov2/php/index.php?id=1000 .

    (17)

        https://www.efas.eu/en .

    (18)

          https://land.copernicus.eu/ .

    (19)

         Barra minn hekk, is-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Copernicus jindirizzaw is-sigurtà klimatika bi prodotti ġeospazjali ġodda u s-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus jipprovdi informazzjoni u għodod li jippermettu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

    (20)

        https://drmkc.jrc.ec.europa.eu/inform-index/INFORM-Climate-Change/Methodology .

    (21)

        https://emodnet.ec.europa.eu/en .

    (22)

        https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/destination-earth .

    (23)

         Id-djalogi dwar id-data previsti fuq bażi annwali f’kuntesti reġjonali, fil-qafas tas-sħubija UE-UNEP dwar il-klima, l-ambjent u s-sigurtà, jipprovdu eżempju tajjeb ta’ tali kooperazzjoni.

    (24)

       [daħħal referenza għad-data dwar l-enerġija fil-qasam tad-difiża tal-EDA].

    (25)

       Tavares da Costa, R., Krausmann, E., Hadjisavvas, C., Impacts of climate change on defence-related critical energy infrastructure, 2023, doi:10.2760/03454.

    (26)

          Il-Missjonijiet tal-UE f’Orizzont Ewropa

    (27)

       Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li huma rilevanti ħafna fir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà jinkludu: HABITABLE (Ir-rabta bejn it-tibdil fil-klima, l-abitabbiltà u l-punti kritiċi soċjali: xenarji għall-migrazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima); CASCADES (Ir-riskji kaskata tal-klima: lejn soċjetajiet Ewropej reżiljenti u li jadattaw); RECEIPT (L-effetti klimatiċi remoti u l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà, il-politiki u l-kummerċ Ewropej); CoCliCo (Is-servizz ewlieni tal-klima kostali); CLIMAAX (Il-qafas u s-sett ta’ għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u l-vulnerabbiltà klimatiċi); ESPREssO (It-titjib tas-sinerġiji għall-prevenzjoni tad-diżastri fl-Unjoni Ewropea); CaseXtreme (Il-bidliet fl-istatistika tal-avvenimenti estremi fit-tibdil fil-klima); MIRACA (Il-valutazzjoni tar-riskji ta’ perikli multipli fl-infrastruttura għall-adattament għat-tibdil fil-klima); ARCOS (L-osservatorju Artiku għas-servizz ta’ sigurtà SEA ta’ Copernicus); CENTAUR (L-għodod imsaħħa ta’ Copernicus għal rispons antiċipattiv għat-tibdil fil-klima fid-dominju tal-emerġenzi u s-sigurtà); EGSIEM (Is-servizz Ewropew tal-Gravità għal ġestjoni mtejba tal-emerġenzi); GPP (Il-pjattaforma GEOSS Plus); PLACARD (Il-pjattaforma għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskji tat-tibdil fil-klima); AD4GD (Id-data kollha għall-Patt Ekoloġiku) BIOSEC (Il-bijodiversità u s-sigurtà: il-komprensjoni tar-reati ambjentali, tal-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi u tal-finanzjament tat-theddid) u ConFooBio (Is-soluzzjoni tal-kunflitti bejn is-sigurtà tal-ikel u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-inċertezza).

    (28)

          https://research-and-innovation.ec.europa.eu/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/cluster-6-food-bioeconomy-natural-resources-agriculture-and-environment_mt

    (29)

       Tim Ewropa jikkonsisti mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ).

    (30)

         Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.

    (31)

       Ara l-Kunċett ta’ Stabbilizzazzjoni tal-UE, id-Dok. WK 13776/2022 INIT, it-12 ta’ Ottubru 2022.

    (32)

       Kif rikonoxxut fil-Kunċett u fil-Konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill dwar il-Medjazzjoni tal-Paċi tal-UE (is-7 ta’ Diċembru 2020), u fil-Linji Gwida tas-SEAE dwar il-Medjazzjoni tal-Paċi.

    (33)

         L-UE nediet l-Inizjattiva Tim Ewropa dwar il-Ġestjoni Transkonfinali tal-Ilma fl-Afrika fil-Konferenza tan-NU dwar l-Ilma f’Marzu 2023

    (34)

       L-għajnuna umanitarja tal-UE u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) huma fuq quddiem nett tar-rispons tal-UE għal avvenimenti estremi tat-temp u l-konsegwenzi umanitarji tagħhom. Parti mill-baġit umanitarju tal-UE (EUR 1,7 biljun għall-2023) huwa ddedikat għar-rispons għall-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn diżastri kkawżati mill-klima, li l-frekwenza, it-tul ta’ żmien u l-iskala tagħhom qegħdin jiżdiedu bħala riżultat tat-tibdil fil-klima.

    (35)

        Parti mill-baġit umanitarju tal-UE (EUR 1,7 biljun għall-2023) huwa ddedikat għar-rispons għall-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn diżastri kkawżati mill-klima, li l-frekwenza, it-tul ta’ żmien u l-iskala tagħhom qegħdin jiżdiedu bħala riżultat tat-tibdil fil-klima. Il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew inħolqot fl-2022 biex tappoġġa r-rispons tal-UE għall-kriżijiet, inkluż diżastri kkawżati mill-klima.

    (36)

       Kif deskritt f’ EU Concept on Effective CIVMIL Coordination in Support of Humanitarian Assistance and Disaster Relief .

    (37)

       ST 9588 2023 INIT, it-22 ta’ Mejju 2023.

    (38)

       Ara wkoll il-link għall-Pjattaforma ta’ Taħriġ tal-UE dwar il-Klima u s-Sigurtà stabbilita bħala azzjoni ġdida fil-Kapitolu 3 ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta.

    (39)

       Il-mandati tal-PSDK ikopru l-prevenzjoni tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-operazzjonijiet konġunti ta’ diżarm, u l-kompiti ta’ konsulenza u assistenza militari, kif ukoll kompiti umanitarji u ta’ salvataġġ u dawk ta’ stabbilizzazzjoni ta’ wara l-kunflitti.

    (40)

       Ara l-Kapitolu 1 ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta.

    (41)

       Pereżempju, il-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM) bħalissa qiegħda tistħarreġ il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma permezz tal-forzi taż-żamma tal-paċi biex tiżgura aċċess għal provvisti tal-ilma ta’ emerġenza u sostenibbli u tevita li l-organizzazzjoni terroristika Al-Shabaab tieħu f’idejha l-kontroll.

    (42)

       Ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi jinkludu l-prestazzjoni klimatika u ambjentali bħala kriterju għall-proċeduri ta’ akkwist fl-ambitu tal-miżuri ta’ assistenza tagħha.

    (43)

         Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jindirizza l-ispostament u l-migrazzjoni relatati mad-diżastri, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali.

    (44)

       Ara Mini-concept on possible civilian CSDP support to fight environmental crime and to reduce the host State’s internal security forces’ environmental footprint, EEAS(2022) 2086, Diċembru 2022.

    (45)

       Id-Dok. JOIN/2023/8, l-10 ta’ Marzu 2023.

    (46)

        https://eda.europa.eu/what-we-do/eu-policies/symbiosis .

    (47)

      https://eda.europa.eu/docs/default-source/eda-factsheets/2019-06-07-factsheet-energy-defence (fil-jiem li ġejjin se tiġi ppubblikata data ġdida).

    (48)

    Id-data tal-EDA li ġejja turi titjib fl-effiċjenza ta’ madwar 33 % matul il-perjodu 2016-2020.

    (49)

    Ara wkoll il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, JOIN(2022)24 final, 18.05.2022.

    (50)

    In-Network, li huwa kopresedut mis-SEAE u mill-EDA, żviluppa u qabel dwar mudell indikattiv li għandu jintuża mill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex iħejju lill-forzi armati għat-tibdil fil-klima.

    (51)

       Id-Dok. JOIN(2022) 48 final, l-10 ta’ Novembru 2022.

    (52)

       Dan huwa konformi mal-politika tat-TEN-T, li għandha l-għan li tnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-settur tat-trasport u l-effetti tat-tibdil fil-klima, filwaqt li r-Regolament il-ġdid għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jistabbilixxi miri obbligatorji għall-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu.

    (53)

       Tavares da Costa, R., Krausmann, E., Hadjisavvas, C., Impacts of climate change on defence-related critical energy infrastructure, 2023, doi:10.2760/03454.

    (54)

       Inizjattiva ffinanzjata mill-Kummissjoni u mmexxija mill-EDA, li tfittex ideat ta’ proġetti bbażati fuq il-prinċipji taċ-ċirkolarità fl-oqsma tal-materja prima kritika, il-manifattura tal-addittivi, il-materjali għat-tessuti, l-ekodisinn, l-akkwist ekoloġiku, il-bażi tad-data SCIP skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-data, l-implimentazzjoni tal-EMAS f’ranges militari, u l-ġestjoni tal-ispare parts. Ċirku ta’ proġetti apposta jindirizza l-materja prima kritika rilevanti għad-difiża tal-UE, bħat-titanju, it-tungstenu, l-antimonju, inkluż biex titrawwem iċ-ċirkolarità tagħha f’sezzjonijiet differenti tal-katina tal-provvista.

    (55)

        https://eda.europa.eu/what-we-do/eu-policies/symbiosis .

    (56)

       Dan jinkludi proġett ġdid E+ZERO li għandu l-għan li jipproponi u li juri kamp modulari li jista’ jiġi skjerat malajr b’bilanċ pożittiv tal-enerġija, ġestjoni tal-ilma u teknoloġiji ta’ purifikazzjoni tal-ilma avvanzati u mingħajr emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    (57)

        https://www.pesco.europa.eu/project/energy-operational-function/ .

    (58)

       L-UE fetħet il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE tagħha għal dawk il-ġirien li huma affettwati l-iktar mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna biex jindirizzaw b’mod konġunt it-tħassib tagħhom dwar is-sigurtà tal-enerġija.

    (59)

       Impenn estern tal-UE dwar l-enerġija f’dinja li qed tinbidel (JOIN(2022) 23), li ġiet ppubblikata flimkien mal-Pjan REPowerEU fit-18 ta’ Mejju 2022, għandha l-għan li tnaqqas id-domanda globali kumplessiva għall-enerġija tad-dinja, tagħti spinta lill-iżvilupp internazzjonali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tiżgura kompetizzjoni ġusta għar-riżorsi b’mod iktar globali.

    (60)

    Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2023: “Il-Kunsill Ewropew jilqa’ l-Konferenza tan-NU tal-2023 dwar l-Ilma u l-Aġenda ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Ilma. Huwa jirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni msaħħa tal-UE u dinjija dwar l-ilma u jissottolinja l-importanza ta’ approċċ strateġiku tal-UE għas-sigurtà tal-ilma.”

    (61)

         L-UE tibqa’ żżomm l-impenn tagħha mal-pożizzjoni internazzjonali maqbula preċedentement fil-qafas tad-deċiżjoni X/30 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

    (62)

       L-UE qiegħda twettaq missjoni ta’ taħriġ militari (EUTM Somalia) u missjoni ta’ bini tal-kapaċitajiet marittimi ċivili (EUCAP Somalia), u n-NU qiegħda twettaq missjoni ta’ assistenza (UNSOM).

    (63)

       L-UE torganizza djalogi dwar il-klima u l-ambjent u attivitajiet ta’ kooperazzjoni reġjonali u bilaterali, inkluż djalogi ta’ livell għoli dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent mal-Kanada, mal-Indja, mal-Ġappun, mal-Korea t’Isfel, mal-Istati Uniti u ma’ oħrajn, u tfittex li jkollha alleanzi ekoloġiċi ma’ sħab li wrew impenn favur l-ogħla ambizzjoni. L-UE torganizza wkoll djalogi politiċi u ta’ sigurtà ma’ sħab bilaterali u se tkompli tintegra l-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u ambjentali f’dawn id-diskussjonijiet, filwaqt li tibni fuq esperjenzi tajbin ta’ tali djalogi mal-Istati Uniti, mal-Kanada, mar-Renju Unit u mar-Rwanda.

    (64)

          https://www.consilium.europa.eu/media/54412/final_declaration-en.pdf .

    (65)

        https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2023/01/10/eu-nato-joint-declaration-10-january-2023/ .

    Top