This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023IE1996
Opinion of the European Economic and Social Committee on The role of youth in rural development (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2023/01996
ĠU C, C/2024/1570, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1570/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1570 |
5.3.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/1570)
|
Relatur: |
Nicoletta MERLO |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
25.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
22.11.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
14.12.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
583 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
193/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
L-Ewropa teħtieġ il-viżjoni, l-impenn u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ sabiex tibni futur aħjar għal kulħadd. Iż-żoni rurali għandhom rwol vitali fil-koeżjoni ekonomika u soċjali. Huwa kruċjali li jiġi żgurat trattament ugwali u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kemm f’ambjenti rurali kif ukoll f’dawk urbani. |
|
1.2. |
Għandhom jinħolqu għodod komprensivi għall-ġbir ta’ data dettaljata dwar il-popolazzjoni, l-involviment tal-komunità, u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali. L-investimenti fir-riċerka u l-analiżi ta’ data diżaggregata huma vitali għall-implimentazzjoni ta’ investimenti, politiki u servizzi mmirati. F’dan is-sens, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-istabbiliment tal-Osservatorju Rurali u jħeġġeġ enfasi fuq il-ġbir ta’ data ċċentrata fuq iż-żgħażagħ u l-iskambju ta’ prattiki tajba. |
|
1.3. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu adottati approċċi olistiċi u transettorjali li jinkludu l-verifika rurali u t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE biex tiġi żgurata implimentazzjoni dejjiema tal-politiki tal-UE li toħloq impatt. |
|
1.4. |
Sabiex iż-żoni rurali jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ, huwa imperattiv li s-servizzi pubbliċi, kummerċjali u għaż-żgħażagħ, l-impjiegi u l-edukazzjoni ta’ kwalità, l-infrastruttura diġitali u fiżika, it-trasport pubbliku, l-attivitajiet ta’ divertiment u l-klabbs taż-żgħażagħ ikunu disponibbli u faċilment aċċessibbli. |
|
1.5. |
Inizjattivi bħall-Patt Rurali (1) u azzjonijiet iffukati fuq iż-żgħażagħ (inkluż l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-isport u l-attivitajiet ta’ volontarjat), kif ukoll programmi tal-UE bħal Erasmus+, il-programmi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (2), LEADER/CLLD (3) u inizjattivi u proġetti mmexxija miż-żgħażagħ għandhom rwol vitali fl-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ u fit-tisħiħ tal-involviment tagħhom fl-iżvilupp rurali. |
|
1.6. |
Il-KESE jqis li huwa vitali li jiġu promossi perkorsi parteċipattivi għat-tiġdid ġenerazzjonali u għal mudell ta’ governanza aktar inklużiv u b’diversi partijiet ikkonċernati, li jinvolvi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili organizzata u dawk li jfasslu l-politika u jirrikonoxxi l-modi ġodda li bihom iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom permezz tat-teknoloġija u l-midja soċjali. |
|
1.7. |
Sabiex tiġi stimulata ekonomija sostenibbli fiż-żoni rurali, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità b’kuntratti stabbli u kompetittivi, protezzjoni soċjali adegwata u appoġġ għall-intraprenditorija. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-NEETs (żgħażagħ li jinsabu “barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ”), lin-nisa, lill-persuni b’diżabilità, lil individwi vulnerabbli u lill-komunitajiet emarġinati. Sabiex titrawwem kompetizzjoni ġusta, jiġu rrispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jissaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali, u li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità soċjali. |
|
1.8. |
Huwa fundamentali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-art u l-kreditu għall-imprendituri rurali żgħażagħ u li jiġu appoġġjati l-ktajjen tal-provvista qosra sabiex tiġi stimulata ekonomija sostenibbli u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli fil-komunitajiet rurali. Aħna nemmnu li huwa importanti li ż-żgħażagħ jingħataw art agrikola li bħalissa mhijiex ikkultivata, u li tinħoloq riserva ta’ art għal dawk il-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jaħdmuha. Permezz tal-kiri, iż-żgħażagħ ser ikunu jistgħu jipproduċu b’mod effiċjenti fuq art li bħalissa hija abbandunata. |
|
1.9. |
It-taħriġ u l-edukazzjoni fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-iżvilupp rurali. Huma għandhom jadottaw approċċ trasformattiv u jqisu s-sitwazzjonijiet lokali u l-ħtiġijiet tal-komunità. Is-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkollha rwol ewlieni u għandha tiġi inkluża fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-perkorsi. Barra minn hekk, aħna nemmnu li huwa importanti li l-edukazzjoni tipprovdi liż-żgħażagħ għarfien dwar is-settur agroalimentari sabiex iqarrbuhom lejn id-dinja rurali, tispjega l-kunċetti bażiċi tal-ikel u tenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-produtturi fil-katina agroalimentari. Għal dan il-għan, aħna nemmnu li huwa kruċjali li fil-kurrikuli tal-iskejjel jiġi introdott suġġett agroalimentari. |
|
1.10. |
Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa enfasi fuq l-indirizzar tal-ħiliet meħtieġa għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli, kemm matul is-Sena Ewropea tal-Ħiliet kif ukoll lil hinn minnha. |
|
1.11. |
Il-KESE jenfasizza r-rwoli li jaqdu l-universitajiet rurali Ewropej u s-servizzi pubbliċi deċentralizzati fil-provvista tal-edukazzjoni, it-taħriġ, orjentazzjoni u gwida mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet rurali. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ u l-iżvilupp tal-edukazzjoni mhux formali jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward. |
2. Iż-żgħażagħ bħala assi ewlieni għaż-żoni rurali
|
2.1. |
L-Ewropa teħtieġ il-viżjoni, l-impenn u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha biex tibni futur aħjar li jkun sostenibbli, inklużiv u diġitali, irrispettivament minn jekk dawn iż-żgħażagħ jgħixux f’żoni rurali jew urbani (4). Il-kriżijiet attwali, bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, il-pandemija reċenti u l-gwerra fl-Ukrajna ħarġu fid-dieher il-fraġilità tas-sistema attwali tagħna u l-ħtieġa urġenti għal bidla fundamentali lejn l-ekonomija sostenibbli li neħtieġu (5). F’dan il-kuntest, il-prinċipju li ma jitħalla jibqa’ lura l-ebda territorju u l-ebda individwu għandu finalment isir realtà. |
|
2.2. |
Il-viżjoni fit-tul tal-UE għaż-żoni rurali (6) għandha l-għan li toħloq żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040. Madankollu, minkejja li fl-2021 kważi terz tal-popolazzjoni tal-UE (137 miljun persuna) kienet tgħix f’żoni rurali (7), għad hemm differenzi sinifikanti bejn iż-żoni rurali u urbani. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu żgurati t-trattament ugwali u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kemm f’ambjenti rurali kif ukoll f’dawk urbani, u li jissaħħu r-rabtiet rurali-urbani (8) fl-Istati Membri kollha. Iż-żoni rurali għandhom rwol vitali fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, inkluż fil-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, iżda madankollu huma jiffaċċjaw ukoll l-isfida tad-depopolazzjoni, speċjalment taż-żgħażagħ (9). |
|
2.3. |
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (10) isservi bħala qafas għall-kollaborazzjoni Ewropea dwar il-politiki taż-żgħażagħ. Hija għandha l-għan li tippromovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u tiżgura l-involviment attiv tagħhom fis-soċjetà. L-istrateġija tiffoka fuq tliet oqsma fundamentali (il-mobilizzazzjoni, il-konnessjoni u l-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ) u tinkludi 11-il objettiv speċifiku Ewropew għaż-żgħażagħ. |
|
2.4. |
L-Għan dwar iż-Żgħażagħ nru 6, “Appoġġ għall-iżvilupp taż-żgħażagħ rurali” ifittex li jikseb diversi għanijiet:
|
|
2.5. |
Iż-żgħażagħ rurali huma kontributuri siewja li jġibu ideat, ispirazzjoni u enerġija biex iż-żoni rurali jsiru aktar b’saħħithom, aktar konnessi, reżiljenti u prosperużi. Il-kreattività u l-entużjażmu tagħhom jippermettulhom jipparteċipaw b’mod attiv fil-komunitajiet rurali u jixprunaw attivitajiet ekonomiċi ġodda li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi fil-livell lokali. |
|
2.6. |
Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol kruċjali taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali, huwa essenzjali li jkun hemm għodod komprensivi għall-ġbir ta’ data dettaljata dwar il-popolazzjoni, l-involviment tal-komunità, u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali. L-investimenti fir-riċerka u l-analiżi ta’ data diżaggregata (filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-ġeneru, il-kwalifiki edukattivi, in-nazzjonalità, il-vulnerabbiltajiet possibbli, eċċ.) huma vitali għall-implimentazzjoni ta’ investimenti, politiki u servizzi mmirati li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-oqsma studjati. F’dan is-sens, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Osservatorju Rurali (11), u jħeġġeġ li jkun hemm enfasi fuq il-ġbir ta’ data ċċentrata fuq iż-żgħażagħ. |
|
2.7. |
L-inkoraġġiment tal-iskambju ta’ prattiki tajba huwa kruċjali għall-iżvilupp ta’ politiki effettivi li jtejbu l-potenzjal taż-żoni rurali u jagħmluhom aktar attraenti għaż-żgħażagħ. Il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-użu tar-riżorsi Ewropej jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u jiġi żgurat li ż-żoni rurali jsiru ambjenti li jiffjorixxu għaż-żgħażagħ. Huwa essenzjali li s-settur agroalimentari jiġi rikonoxxut u promoss bħala settur li jiġġenera opportunitajiet attraenti għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali. |
|
2.8. |
Huwa essenzjali li jiġu adottati approċċi olistiċi li jinkludu l-verifika rurali (12) u t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE (13) fid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni tal-UE. Dawn l-approċċi se jiżguraw l-implimentazzjoni dejjiema u li tħalli impatt tal-politiki tal-UE, inaqqsu l-inugwaljanzi, u jqisu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f’dawk urbani. F’dan il-kuntest, trid tiġi żgurata konnessjoni b’saħħitha bejn iż-żoni rurali u urbani. |
3. Kif iż-żoni rurali jistgħu jsiru attraenti għaż-żgħażagħ
|
3.1. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Il-Ħolqien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti (14) tas-26 ta’ Mejju 2020 jirrikonoxxu li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, speċjalment fiż-żoni rurali u remoti u l-gżejjer, u li hemm bżonn li jiġu żgurati disponibbiltà u aċċessibbiltà aħjar tas-servizzi pubbliċi u kummerċjali, impjiegi u edukazzjoni ta’ kwalità, infrastruttura diġitali u fiżika, trasport pubbliku u attivitajiet ta’ divertiment. |
|
3.2. |
Dawn il-konklużjonijiet jistiednu lill-Istati Membri jippromovu approċċi biex inaqqsu l-inugwaljanzi bejn iż-żoni rurali/remoti u urbani, u biex jiżviluppaw miżuri transsettorjali li jikkunsidraw il-fehmiet u l-perspettivi taż-żgħażagħ f’dawn iż-żoni. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-intraprenditorija u opportunitajiet diversi ta’ impjieg fl-agrikoltura u f’attivitajiet ekonomiċi oħra, kif ukoll fl-ekonomija soċjali u fil-kooperattivi. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jinvolvu liż-żgħażagħ fil-ħajja tal-komunità lokali permezz ta’ diversi għodod ta’ ċittadinanza attiva u servizzi mmirati lejn iż-żgħażagħ, u jrawmu sinerġiji bejn il-programmi u l-inizjattivi tal-UE bħall-LEADER/CLLD, Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ. |
|
3.3. |
Minkejja l-progress f’xi Stati Membri, iż-żoni rurali għadhom qed isibuha diffiċli biex jattiraw liż-żgħażagħ, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ servizzi adegwati, akkomodazzjoni affordabbli, opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità u ostakli għall-iżvilupp personali u professjonali. Iż-żoni urbani u periurbani spiss jingħataw preferenza fuq iż-żoni rurali. |
|
3.4. |
L-implimentazzjoni tal-proposti deskritti f’dawn il-konklużjonijiet iżżid l-attraenza taż-żoni rurali u remoti fost iż-żgħażagħ, peress li l-applikazzjoni effettiva tagħhom ċertament twassal għal żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali. |
|
3.5. |
B’mod speċifiku, huwa meħtieġ li:
|
|
3.6. |
Waħda mill-isfidi kritiċi fis-settur agrikolu hija relatata mad-demografija tal-etajiet tal-bdiewa. Huwa allarmanti l-fatt li bidwi wieħed biss minn kull għaxra huwa taħt l-età ta’ 40 sena. Is-sitwazzjoni hija saħansitra aktar inkwetanti fir-rigward tan-nisa, fejn mara bidwija waħda biss minn kull għoxrin taqa’ f’din il-kategorija ta’ età. Fl-2020, madwar 6,5 % tal-maniġers tal-azjendi agrikoli fl-UE kienu taħt l-età ta’ 35 sena. L-aċċess għall-finanzi, l-art, il-kapital u l-għarfien huma ta’ tħassib partikolari għal ħafna żgħażagħ li jikkunsidraw li jaħdmu fl-agrikoltura (15). L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet kritiċi, kif ukoll id-disparità ġenerazzjonali u d-disparità bejn il-ġeneri, huma essenzjali għas-sostenibbiltà u l-inklużività futuri tal-industrija agrikola. |
|
3.7. |
Il-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida toffri soluzzjonijiet għall-Istati Membri sabiex jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż aktar appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ. L-Istati Membri huma obbligati jonfqu mill-inqas 3 % tal-pagamenti diretti biex jappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ. EUR 8,5 biljun tan-nefqa pubblika huma allokati biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu, jinvestu u jżommu n-negozju jew l-attività tagħhom fl-ewwel snin. Dawn l-istrateġiji għandhom l-għan li jgħinu kważi 380 000 bidwi żagħżugħ ġdid jistabbilixxu ruħhom matul il-perjodu 2023-2027 (16). Għandu jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jinkisbu prezzijiet ġusti fil-produzzjoni u s-sostenibbiltà ekonomika biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-proġetti ġġenerati. Iż-żgħażagħ mhux ser jinġibdu lejn id-dinja rurali jekk din ma tkunx għanja u fertili. |
|
3.8. |
In-network tal-PAK u l-Osservatorju Rurali għandhom jimmonitorjaw mhux biss il-mira ta’ 380 000 bidwi ġdid, iżda wkoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet oħra ta’ impjieg, filwaqt li jesponu l-ostakli, jippromovu soluzzjonijiet għat-tranżizzjonijiet interġenerazzjonali, u jikkondividu mudelli tal-biedja u mudelli kummerċjali oħra, inklużi dawk fl-isferi tal-ekonomija soċjali u l-kooperattivi. |
|
3.9. |
Minbarra l-politiki u l-fondi agrikoli, huwa essenzjali li jiġi adottat approċċ ta’ politika intersettorjali robust li jqis it-tiġdid ġenerazzjonali. Dan l-approċċ se jgħin biex jingħalqu d-distakki bejn iż-żoni rurali u l-bliet. Pereżempju, sabiex iż-żoni rurali jsiru attraenti daqs iż-żoni urbani f’termini ta’ opportunitajiet u kwalità tal-ħajja, jeħtieġ li jsir investiment fl-akkomodazzjoni u fil-postijiet tal-ġbir. Il-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda sussegwenti fix-xogħol mill-bogħod wasslu biex ħafna nies jagħżlu li jirrilokaw f’żoni rurali. Sfortunatament, id-distakki diġitali u l-infrastruttura insuffiċjenti f’dawn ir-reġjuni għadhom sfidi sinifikanti, li jħallu impatt fuq in-networks tat-telekomunikazzjoni u jfixklu l-aċċess għas-servizzi. |
|
3.10. |
L-inizjattivi li jippromovu l-involviment tal-komunità, il-preservazzjoni kulturali, u d-djalogu interġenerazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-benesseri u l-identità ġenerali taż-żgħażagħ rurali. F’żoni fejn ir-reliġjon huwa aspett importanti, fejn il-knejjes iservu bħala spazji komunitarji u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma prevalenti, dawn l-inizjattivi għandhom rwol kruċjali fit-tiswir tan-nisġa kulturali. |
|
3.11. |
Id-deżertifikazzjoni, in-nixfiet u l-għargħar huma wkoll ta’ theddida sinifikanti għall-pajjiżi Ewropej (17). It-tibdil fil-klima, l-erożjoni tal-ħamrija, ġestjoni mhux sostenibbli tal-ilma u l-prattiki ta’ użu mhux sostenibbli tal-art ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni. Studji jenfasizzaw li porzjonijiet sinifikanti ta’ Spanja, in-Nofsinhar tal-Italja, l-Ewropa tax-Xlokk u d-Delta tad-Danubju huma reġjuni partikolarment vulnerabbli għad-deżertifikazzjoni. Jekk ma jiġux ikkontrollati, madwar 11 % tat-territorji Ewropej jistgħu jkunu f’riskju sal-aħħar tas-seklu. Din ix-xejra allarmanti tista’ tipperikola l-produzzjoni tal-għelejjel u tal-bhejjem, u twassal għal abbandun agrikolu u vulnerabbiltà akbar. Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jittaffew l-impatti tat-tibdil fil-klima u biex jiġu implimentati prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-art sabiex tiġi salvagwardjata l-agrikoltura Ewropea (18). Meta dawn l-isforzi jintrabtu mat-tiġdid interġenerazzjonali dan se jiżgura l-involviment attiv taż-żgħażagħ fi prattiki agrikoli sostenibbli u jrawwem sens ta’ ġustizzja klimatika, u jiżgura futur ibbilanċjat u sostenibbli għaż-żoni rurali. |
|
3.12. |
Ir-reżiljenza rurali fit-tul teħtieġ kooperazzjoni interġenerazzjonali bbażata fuq ir-rispett u l-appoġġ reċiproku. Għandu jkun hemm politiki speċifiċi ta’ mentoraġġ flimkien ma’ Erasmus+ rurali u inizjattivi oħra ta’ awtonomizzazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm aktar investiment fl-apprendistati, mhux biss fl-agrikoltura u l-forestrija iżda f’taħriġ ieħor tal-artiġjanat rurali, kulturali u tan-negozju biex jiġi żgurat it-trasferiment ta’ kwalità tal-ħiliet u tal-għarfien. Tkun importanti l-inklużjoni ta’ programmi speċifiċi ta’ tutoraġġ għaż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni urbani fl-iskejjel jew f’kuntesti edukattivi oħra, sabiex dawn jiffamiljarizzaw ruħhom maż-żoni rurali u l-attivitajiet tal-biedja. |
|
3.13. |
Il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali tal-bdiewa u n-nuqqas ta’ ħin liberu joħolqu sfidi addizzjonali għas-sostenibbiltà soċjali u ekonomika taż-żoni rurali u jridu jiġu indirizzati kif xieraq. Esperjenzi bħall-Proġett Farmwell (19) iridu jiġu promossi, appoġġjati u mxerrda kif xieraq. |
|
3.14. |
Hija essenzjali strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva indirizzata liż-żgħażagħ u żviluppata mill-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ, sabiex l-inizjattivi jiġu promossi b’mod effettiv u jissaħħu l-potenzjal u l-opportunitajiet fiż-żoni rurali. |
4. Governanza
|
4.1. |
L-involviment taż-żgħażagħ huwa kruċjali għall-iżvilupp rurali, peress li ż-żgħażagħ huma favur is-sostenibbiltà u l-protezzjoni ambjentali. Huma għandhom ikunu fil-qalba ta’ mudell ta’ governanza b’diversi partijiet ikkonċernati aktar inklużiv, jinvolvu ruħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istadji kollha, mill-abbozzar tal-proposti sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tagħhom (20), inkluż permezz tal-ħolqien ta’ pjattaformi multisettorjali. Dawn il-perkorsi parteċipattivi għat-tiġdid ġenerazzjonali għandhom jirrikonoxxu wkoll il-modi l-ġodda li bihom iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom permezz tat-teknoloġija u l-midja soċjali. |
|
4.2. |
Il-viżjoni, l-ambizzjonijiet u d-domandi taż-żgħażagħ iridu jiġu diskussi u kkunsidrati b’mod konsistenti, u tiġi żgurata l-inklużjoni effettiva tagħhom f’azzjonijiet, pjani u programmi approvati u implimentati. |
|
4.3. |
Il-Patt Rurali, il-parlamenti rurali (21) u l-iżviluppi lokali mmexxija mill-komunità (LEADER/CLLD) huma oqfsa ewlenin biex iż-żgħażagħ jiġu awtonomizzati u biex jingħataw rwol prominenti. Iż-żieda ta’ dawn il-programmi u inizjattivi tawtonomizza lill-komunitajiet biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi rurali u jixprunaw il-progress sostenibbli. |
|
4.4. |
Il-parteċipazzjoni tal-kunsilli taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-komunità tal-Patt Rurali fil-livell nazzjonali tamplifika l-vuċi taż-żoni rurali, trawwem il-kollaborazzjoni u twassal għal impenji konkreti li jeħtieġ li jissaħħu permezz ta’ approċċi olistiċi u territorjali. Għandhom jitħeġġu l-iskambji tal-għarfien, l-għodod u l-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE. |
|
4.5. |
Ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ miż-żoni rurali fil-politika jeħtieġ li tittejjeb biex jiġi żgurat li leħinhom jinstemgħu u li l-ħtiġijiet tagħhom ikunu rappreżentati b’mod adegwat. |
5. Impjiegi sostenibbli
|
5.1. |
L-industriji tal-agrikoltura u dawk relatati mal-ikel jimpjegaw aktar minn 44 miljun persuna fl-UE (b’20 miljun f’impjieg regolari fis-settur agrikolu biss) (22). Madankollu, dawn l-industriji jsibuha diffiċli biex jattiraw ġenerazzjonijiet iżgħar minħabba għadd limitat ta’ pożizzjonijiet attraenti u minħabba n-natura staġjonali ta’ ħafna opportunitajiet ta’ impjieg. |
|
5.2. |
Dan in-nuqqas ta’ attraenza għal persuni iżgħar iqajjem tħassib dwar il-kapaċità tas-settur li jadatta għal aġendi kumplessi ffukati fuq is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-aspettattivi soċjali u ambjentali. |
|
5.3. |
Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa kruċjali li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità b’kuntratti stabbli u kompetittivi, protezzjoni soċjali adegwata u appoġġ għall-intraprenditorija. Id-diġitalizzazzjoni u r-regoli tal-kompetizzjoni ġusta għall-SMEs jistgħu jistimulaw ukoll ekonomija sostenibbli fiż-żoni rurali, b’mod partikolari għal individwi iżgħar fl-età. |
|
5.4. |
Huma meħtieġa negozjar kollettiv b’saħħtu, djalogu soċjali strutturat imsaħħaħ u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità soċjali f’żoni rurali u fil-livell sottonazzjonali sabiex titrawwem kompetizzjoni ġusta, jiġu rrispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. |
|
5.5. |
Aspett sinifikanti ieħor jirrigwarda l-impjieg tan-nisa, li jeħtieġ politiki mmirati lejn l-inklużjoni komprensiva tan-nisa fis-suq tax-xogħol fis-settur agrikolu u dak alimentari biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati. Il-provvista ta’ infrastruttura essenzjali għall-kura għandha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-attraenza taż-żoni rurali għan-nisa, billi tiffaċilita d-dħul tagħhom fil-forza tax-xogħol. |
|
5.6. |
L-isforzi għandhom jiġu intensifikati biex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw liż-żgħażagħ involuti fl-attivitajiet ekonomiċi kollha possibbli f’żoni rurali u remoti, inkluż permezz ta’ appoġġ edukattiv u ekonomiku. L-iskemi ta’ mentoraġġ u apprendistat interġenerazzjonali u r-rabtiet ma’ opportunitajiet ta’ tagħlim bħal Erasmus+ jistgħu jkunu ta’ benefiċċju. |
|
5.7. |
Il-ktajjen tal-provvista qosra jikkontribwixxu għal attivitajiet agroalimentari aktar sostenibbli, reżiljenti u diversifikati, joħolqu l-impjiegi u jżommu n-nies fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, il-bdiewa żgħażagħ u l-intraprendituri rurali spiss imexxu inizjattivi li jġeddu attivitajiet tradizzjonali relatati mal-art. Għandhom jiġu pprovduti investiment pubbliku u appoġġ għall-promozzjoni u t-titjib tal-prodotti lokali. Iż-żgħażagħ involuti f’dawn l-oqsma għandhom jiġu appoġġjati u sostnuti. |
|
5.8. |
L-aċċess limitat għall-art u d-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu, speċjalment għaż-żgħażagħ, joħolqu sfidi għan-negozji agrikoli u mhux agrikoli. Fost il-produtturi agrikoli, l-azjendi agrikoli żgħar, il-bdiewa żgħażagħ, il-parteċipanti ġodda, u l-investimenti innovattivi għandhom l-aktar diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament (23). L-iffaċilitar ta’ aċċess aktar faċli għall-art u l-kreditu għall-imprendituri rurali, b’mod partikolari s-sidien żgħażagħ, jista’ jistimula ekonomija sostenibbli u jrawwem l-iżvilupp sostenibbli fil-komunitajiet rurali. |
|
5.9. |
Dewmien ta’ bejn 6 u 8 xhur għall-pagamenti tal-PAK ifixkel l-istabbiltà finanzjarja u l-ippjanar fis-settur agrikolu, speċjalment għaż-żgħażagħ, u jrid jiġi eliminat. Ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi fil-livelli kollha, mil-livell tal-UE għal dawk reġjonali u nazzjonali, jistgħu jgħinu u fil-fatt isiru inċentiv, speċjalment għaż-żgħażagħ, u jistgħu wkoll itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-governanza. |
|
5.10. |
L-opportunitajiet ta’ impjieg fiż-żoni rurali lil hinn mis-settur agrikolu — bħat-turiżmu, il-kultura u l-isport — jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-vitalità ta’ dawn iż-żoni u jistgħu jattiraw liż-żgħażagħ, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati b’mod adegwat. |
6. Taħriġ u edukazzjoni
|
6.1. |
It-taħriġ u l-edukazzjoni fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-iżvilupp rurali billi jipprovdu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa. |
|
6.2. |
Is-sistemi edukattivi għandhom iħaddnu edukazzjoni trasformattiva, li tippermetti liż-żgħażagħ jixprunaw bidla sistemika (24). Skont rapport reċenti tal-IPCC, it-tagħlim trasformattiv huwa kruċjali minħabba li jgħin biex iwassal kemm għal sensibilizzazzjoni kondiviża kif ukoll għal azzjonijiet kollettivi (25). L-edukazzjoni trasformattiva, skont id-definizzjoni tal-Unesco, tinvolvi b’mod attiv lill-individwi permezz ta’ esperjenzi prattiċi, osservazzjoni, u perspettiva komprensiva. Dan jinkoraġġixxi l-iżvilupp olistiku u jawtonomizza lin-nies biex jipparteċipaw b’mod sinifikanti fil-komunitajiet tagħhom. |
|
6.3. |
Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 għandha tiffoka fuq l-indirizzar tal-ħiliet meħtieġa għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Għandha tagħti attenzjoni lill-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. |
|
6.4. |
It-taħriġ u l-edukazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ approċċ trasversali, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet lokali u l-ħtiġijiet tal-komunità. Is-soċjetà ċivili organizzata, li tirrappreżenta u tappoġġja d-domandi li spiss jinbidlu tan-nies, għandha tkun involuta fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-perkorsi. |
|
6.5. |
L-investiment fil-ħiliet u l-kwalifiki huwa meħtieġ, speċjalment meta wieħed iqis in-natura mhux kontinwa tal-karrieri fis-settur u l-opportunitajiet ġodda ta’ impjieg iġġenerati mit-tranżizzjoni ekoloġika u l-ekonomija ċirkolari, li jirrikjedu ħiliet speċifiċi. Għandu jingħata appoġġ xieraq lin-NEETs, lill-persuni b’diżabilità, lill-individwi vulnerabbli u lill-komunitajiet marġinalizzati fiż-żoni rurali. |
|
6.6. |
Il-programm Erasmus+ u LEADER/CLLD għandhom joffru opportunitajiet speċifiċi biex jiġu żviluppati ħiliet ta’ tmexxija u jittejjeb il-fehim bejn iż-żgħażagħ f’żoni rurali u urbani. Dan jista’ jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom f’mudell ta’ governanza b’diversi partijiet ikkonċernati aktar inklużiv. |
|
6.7. |
L-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka għandhom rwoli kruċjali fir-reviżjoni tal-attivitajiet agrikoli u pastorali għall-gżejjer u għaż-żoni interni u muntanjużi, jiffaċilitaw it-tibdil ġenerazzjonali fil-biedja tal-familja u jiżguraw żvilupp sostenibbli u territorjalment ekwu fl-UE. It-titjib tal-kwalità tal-kapital uman huwa essenzjali biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumatur għall-kwalità u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni. |
|
6.8. |
Ġenerazzjoni ġdida ta’ maniġers tal-azjendi agrikoli tista’ tkun mistennija li jkollha l-ħiliet meħtieġa biex: tipproduċi b’mod aktar effiċjenti, filwaqt li tipproteġi l-ambjent; tikkontribwixxi għall-isforzi relatati mat-tibdil fil-klima; tissodisfa t-talbiet tas-soċjetà fir-rigward ta’ dieti tajbin għas-saħħa u bbilanċjati u l-benessri tal-annimali; u tlaħħaq mal-progress xjentifiku u teknoloġiku dejjem aktar mgħaġġel. B’forza tax-xogħol aktar kwalifikata, is-settur agrikolu jista’ jkun f’pożizzjoni li jżid il-produttività u l-kapaċitajiet tiegħu biex jiġġenera introjtu (26). |
|
6.9. |
L-universitajiet rurali Ewropej u s-servizzi pubbliċi deċentralizzati huma importanti biex jipprovdu edukazzjoni, taħriġ, orjentazzjoni u gwida mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet rurali. Dawn l-istituzzjonijiet jikkontribwixxu għall-iżvilupp rurali billi joffru programmi u servizzi rilevanti li jappoġġjaw il-ħtiġijiet lokali. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ u l-iżvilupp tal-edukazzjoni mhux formali jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward. |
7. L-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati l-isfidi taż-żgħażagħ rurali
|
7.1. |
Din it-taqsima tenfasizza għażla tal-aħjar prattiki li jagħtu eżempju tad-dedikazzjoni u l-impenn tal-individwi, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet lejn il-ħolqien ta’ bidla pożittiva fiż-żoni rurali, u jallinjaw mar-rakkomandazzjonijiet deskritti fil-“Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet”, li juru l-impatt trasformattiv li jista’ jkollhom fuq iż-żgħażagħ rurali. Dawn l-inizjattivi kollettivament joffru pjan direzzjonali għall-bini ta’ futur aħjar għal kulħadd, fejn iż-żoni rurali għandhom rwol vitali fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, u ż-żgħażagħ jingħataw trattament ugwali u parteċipazzjoni sħiħa kemm f’ambjenti rurali kif ukoll urbani. |
|
7.2. |
Dwar il-promozzjoni tal-ġbir tad-data u r-riċerka ċċentrata fuq iż-żgħażagħ bħala gwida tal-investimenti u l-politiki mmirati, il-Grupp Tematiku dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ Rurali (27) tan-network tal-PAK tal-UE jidentifika l-isfidi ffaċċjati miż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea u jippromovi skambji ta’ ideat u inizjattivi, kif ukoll jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien. Il-Komunità tal-Patt Rurali tista’ tkun strumentali wkoll fl-isforzi tal-ġbir tad-data u tal-involviment tal-komunità. |
|
7.3. |
Dwar il-ħtieġa li ż-żoni rurali jsiru attraenti għaż-żgħażagħ, il-Komunità tal-Patt Rurali, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (28), in-negozji ġodda soċjali innovattivi “Ca’ Colonna” (29) u programmi tal-UE bħal Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jaħtfu l-okkażjoni biex ikollhom rwol vitali fl-awtomatizzazzjoni taż-żgħażagħ, fit-tisħiħ tal-involviment tagħhom fl-iżvilupp rurali, u biex tali servizzi jsiru aċċessibbli għalihom. Dawn l-inizjattivi jiżguraw servizzi ta’ kwalità, impjiegi, edukazzjoni, u infrastruttura aċċessibbli. |
|
7.4. |
Dwar il-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali u l-governanza b’diversi partijiet ikkonċernati, il-proġett COCOREADO (30), Youth2030 tan-NU (31) u l-proġett RURBEST22 (32) jawtonomiizzaw liż-żgħażagħ, jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni, u jirrikonoxxu modi li qed jevolvu li ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom permezz tat-teknoloġija u l-midja soċjali, b’allinjament mas-sejħa tal-KESE għal perkorsi parteċipattivi. Il-Komunità tal-Patt Rurali tippromovi wkoll il-governanza b’diversi partijiet ikkonċernati u l-involviment taż-żgħażagħ u ta’ dawk li jfasslu l-politika. |
|
7.5. |
Dwar l-importanza ta’ ekonomija sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità, il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel (33) u l-programmi l-ġodda tal-Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà joffru edukazzjoni, taħriġ u kuntratti ta’ impjieg stabbli ta’ kwalità. Dawn il-programmi jippromovu wkoll id-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet ekwivalenti, u jaqblu mal-impenn tagħna li nrawmu opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità. Hawnhekk ukoll, il-Komunità tal-Patt Rurali għandha rwol fil-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ impjieg fiż-żoni rurali. |
|
7.6. |
Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-art u l-kreditu, l-inizjattiva tad-Dominju Pubbliku Marittimu (34) fi Franza tiftaħ il-bieb għall-intraprendituri rurali żgħażagħ u tissemplifika l-aċċess għall-art. B’dan il-mod, jappoġġja l-viżjoni tal-KESE ta’ aċċess aktar faċli għall-art u l-kreditu għall-imprendituri rurali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. |
|
7.7. |
Ir-rakkomandazzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ trasversali hija kkomplementata mill-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, il-proġett COCOREADO u l-Iskejjel Ekoloġiċi (35). Dawn il-prattiki jappoġġjaw l-edukazzjoni fil-livelli kollha, imfassla għall-ħtiġijiet lokali, u jirriflettu s-sinifikat tal-edukazzjoni trasversali u l-involviment tal-komunità. L-Azzjoni taż-Żgħażagħ tal-Forum Dinji tal-Ikel għal Futur Aħjar tal-Ikel (36) tinvolvi wkoll taħriġ u edukazzjoni f’diversi livelli b’rabta ma’ sistemi tal-ikel sostenibbli. |
|
7.8. |
Is-sejħa għal enfasi fuq il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika ssib qbil fl-Azzjoni taż-Żgħażagħ tal-Forum Dinji tal-Ikel għal Futur Aħjar tal-Ikel, li għandha rwol vitali fl-indirizzar tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-azzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sistemi tal-ikel u l-agrikoltura. |
|
7.9. |
Fl-aħħar nett, dwar ir-rikonoxximent tar-rwoli tal-universitajiet rurali, id-deċentralizzazzjoni u l-edukazzjoni mhux formali, il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel u l-proġett COCOREADO juru kemm huma vitali l-edukazzjoni, l-orjentazzjoni u l-gwida mfassla għall-komunitajiet rurali. L-enfasi tagħhom fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili taqbel perfettament mar-rwol li għandha s-soċjetà ċivili fl-iżvilupp rurali. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://ruralpact.rural-vision.europa.eu/rural-pact_en
(2) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_21_5402
(3) https://ec.europa.eu/enrd/leader-clld_en.html
(4) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli” (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 49).
(5) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu” (ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1).
(6) COM(2021) 345.
(7) Urban-rural Europe – introduction, Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Urban-rural_Europe_-_introduction#Area_and_population).
(8) https://www.iied.org/rural-urban-linkages
(9) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE” (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 137).
(10) https://youth.europa.eu/strategy_mt
(11) https://observatory.rural-vision.europa.eu
(12) https://rural-vision.europa.eu/action-plan/cross-cutting/rural-proofing_mt
(13) https://www.youthforum.org/topics/eu-youth-test
(14) ĠU C 193, 9.6.2020, p. 3.
(15) Eurostat regional yearbook – 2023 edition (Annwarju reġjonali tal-Eurostat – edizzjoni tal-2023) (mhux disponibbli bil-Malti).
(16) PAK 2023-2027: Bdiewa żgħażagħ, Kummissjoni Ewropea.
(17) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġestjoni tal-ilma sostenibbli u l-emerġenza klimatika: iċ-ċirkolarità u soluzzjonijiet oħra għas-sistema agroalimentari tal-UE fil-‘Patt Blu’ futur” (ĠU C 349, 29.9.2023, p. 80).
(18) Id-deżertifikazzjoni u l-agrikoltura, EPRS (mhux disponibbli bil-Malti).
(19) https://farmwell-h2020.eu/
(20) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE” (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 137) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44).
(21) https://europeanruralparliament.com/index.php/home/about-us
(22) Agrikoltura – Azzjoni tal-UE (https://european-union.europa.eu/priorities-and-actions/actions-topic/agriculture_mt).
(23) Financial needs in the agriculture and agri-food sectors in the European Union (Ħtiġijiet finanzjarji fis-setturi tal-agrikoltura u agroalimentari fl-Unjoni Ewropea), fi-compass, 2020 (mhux disponibbli bil-Malti)
(24) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni” (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38).
(25) Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change (It-Tibdil fil-Klima 2022: Il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-klima, p. 2871 (mhux disponibbli bil-Malti).
(26) Eurostat regional yearbook – 2023 edition (Annwarju reġjonali tal-Eurostat — edizzjoni tal-2023) (mhux disponibbli bil-Malti).
(27) https://eu-cap-network.ec.europa.eu/thematic-group-rural-youth-employment-voice-rural-youth_en
(28) https://education.ec.europa.eu
(29) https://www.cacolonna.it
(30) https://cocoreado.eu/cocoreado
(31) https://www.unyouth2030.com
(32) http://elard.eu/actions/rural-youth-in-action-from-local-to-european-level
(33) https://school-education.ec.europa.eu/en
(34) https://strugglesforlandforum.net/un-exemple-de-gestion-des-communs-lespace-public-maritime
(35) https://www.ecoschools.global
(36) https://www.world-food-forum.org/youth-action/en
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1570/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)