Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0764

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta' Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

COM/2023/764 final

Brussell, 28.11.2023

COM(2023) 764 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta' Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli


I.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jirrieżamina r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli 1 (ir-Regolament tal-Kunsill).

Ir-Regolament tal-Kunsill huwa wieħed mill-miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kunsill fl-2022 biex iwieġeb għall-kriżi tal-enerġija wara l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna. Huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari, jekk jinqalgħu diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija.

Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill f’Diċembru 2022, il-kuntest ġeopolitiku ġenerali u l-prezzijiet għoljin ħafna tal-enerġija appellaw għal aċċellerazzjoni urġenti tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija billi tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, titnaqqas il-volatilità fis-suq u jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija. Peress li l-proċeduri twal u kumplessi għall-ħruġ tal-permessi ffurmaw ostaklu ewlieni li jfixkel il-veloċità u l-iskala tal-investimenti fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata, ir-Regolament tal-Kunsill kellu l-għan li tinkiseb aċċellerazzjoni immedjata tal-proċessi għall-ħruġ tal-permessi applikabbli għal ċerti proġetti u teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli bl-ogħla potenzjal għal użu rapidu biex jiġu mmitigati l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Għal dan il-għan, ir-Regolament introduċa miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien madwar l-UE.

Dan ir-Regolament tal-Kunsill japplika għall-proċessi kollha għall-ħruġ tal-permessi li jkollhom data tal-bidu fil-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll ir-Regolament tal-Kunsill għal proċessi li għadhom għaddejjin għall-ħruġ tal-permessi li ma rriżultawx f’deċiżjoni finali qabel it-30 ta’ Diċembru 2022, dment li dan iqassar il-proċess għall-ħruġ tal-permessi u li jinżammu d-drittijiet legali preeżistenti tal-partijiet terzi.

B’mod importanti, fid-9 ta’ Ottubru 2023, ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2023/2413 2 li temenda d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (UE) 2018/2001 (“id-Direttiva emendatorja” u “RED riveduta”, rispettivament), li żiedet sostanzjalment il-livell ta’ ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli li l-Unjoni jeħtiġilha tikseb b’mod kollettiv sal-2030: mill-mira preċedenti ta’ 32 % għal mira ta’ 42,5 % b’aspirazzjoni li tilħaq 45 %. Din id-Direttiva emendatorja, li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023, tinkludi dispożizzjonijiet estensivi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi applikabbli għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli b’mod komprensiv permezz tal-ġestjoni tat-territorju, is-simplifikazzjoni u t-tqassir tal-proċeduri. Id-Direttiva emendatorja tinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-istess suġġetti bħar-Regolament tal-Kunsill. Xi wħud huma simili ħafna, filwaqt li oħrajn jinkludu differenzi sinifikanti (ara t-taqsima IV). Madankollu, id-Direttiva ma rriflettietx uħud mill-miżuri l-aktar eċċezzjonali li jinsabu fir-Regolament (UE) 2022/2577, u b’hekk iddelimitat in-natura eċċezzjonali u temporanja tagħhom. Minflok, id-Direttiva introduċiet reġim permanenti stabbli u fit-tul biex tħaffef il-proċessi għall-ħruġ tal-permessi li tistabbilixxi passi u proċeduri dedikati li jirrikjedu żmien itwal għall-implimentazzjoni. Bosta mir-regoli dwar il-ħruġ tal-permessi tad-direttiva riveduta, jiġifieri r-regoli kollha dwar il-ħruġ tal-permessi ħlief dawk relatati maż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għandhom jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2024 - immedjatament wara l-iskadenza tal-validità tar-Regolament tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi aċċellerat ulterjorment l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. L-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill jipprevedi wkoll li, abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-estensjoni tiegħu.

Sabiex jiġi deċiż jekk hijiex meħtieġa estensjoni ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal tali estensjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni trid tivvaluta (i) l-evoluzzjoni riċenti tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija tal-Unjoni, inkluż il-kontribut li l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli ta f’dan ir-rigward; (ii) il-ħtieġa li jkomplu jiġu aċċellerati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u (iii) l-effetti speċifiċi ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill biex tiġi promossa tali aċċellerazzjoni. Barra minn hekk, minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja, huwa xieraq li tiġi vvalutata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet inklużi f’dan ir-Regolament tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tal-permessi inklużi fir-RED riveduta. 3  

Għal dan il-għan, dan ir-rapport jiddeskrivi l-iżviluppi riċenti dwar is-sigurtà tal-provvista, il-prezzijiet tal-enerġija u l-kontribut tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll jeżamina l-ħtieġa li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkompli jiġi aċċellerat (it-taqsima II) u l-effett li dan ir-Regolament tal-Kunsill kellu f’dan il-kuntest (it-taqsima III). Fl-aħħar nett, ir-rieżami ħares lejn il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-ħruġ tal-permessi fir-RED riveduta (it-taqsima IV) qabel ma jipprovdi konklużjonijiet u rakkomandazzjoni għal azzjoni ulterjuri (it-taqsima V).

II.Żviluppi dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija; il-ħtieġa li jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli

Fir-rigward tal-iżviluppi dwar is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, kien hemm titjib ġenerali fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. Madankollu, għad hemm riskji sinifikanti.

Fir-rigward tal-provvista tal-gass, l-importazzjonijiet tal-gass Russu naqsu f’konformità mal-objettivi tar-REPowerEU, bis-saħħa tal-isforzi ta’ diversifikazzjoni u tal-iffrankar. Il-faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art tal-UE jimtlew sew b’aktar minn 90 % tal-kapaċità tagħhom hekk kif jibda l-istaġun tat-tisħin. Madankollu, il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna għadha għaddejja u tippreżenta theddid serju għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni. Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Russi tal-gass mill-pipelines matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni hija konsiderevolment anqas meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-kriżi. Bil-livell kurrenti ta’ importazzjonijiet tal-gass, fl-2023 l-Unjoni hija mistennija tirċievi madwar 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi, madwar 110 bcm inqas mill-2021.

Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna u huma mistennija jibqgħu hekk għal xi żmien. Kif huwa nnotat mill-AIE,1 il-provvista globali tal-LNG kibret biss b’mod moderat fl-2022 (4 %) u fl-2023 (3 %) minħabba “żidiet limitati fil-kapaċità ta’ likwefazzjoni, qtugħ f’faċilitajiet ewlenin ta’ esportazzjoni u tnaqqis fil-provvista ta’ gass ta’ alimentazzjoni f’impjanti tal-LNG alimentati minn żoni ta’ tiqdim”. Il-kapaċità sinifikanti ġdida tal-likwefazzjoni tal-LNG globalment (speċjalment fl-Istati Uniti u fil-Qatar) hija mistennija li tiġi online mill-2025 iżda “l-bilanċi tas-suq jibqgħu prekarji fil-futur immedjat”.2 Din is-sitwazzjoni qed ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, minkejja li huma ħafna aktar baxxi mill-ogħla livelli esperjenzati fis-sajf tal-2022 (meta l-prezzijiet qabżu t-EUR 300/MWh) jibqgħu aktar mid-doppju tal-livelli ta ’ qabel il-kriżi (li jvarjaw bejn EUR 40/MWh u EUR 50/MWh fil-bidu tal-ħarifa tal-2023) b’riperkussjonijiet inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tan-negozji Ewropej. Il-volatilità tas-suq hija wkoll konsegwenza tal-issikkar tas-suq u tirrappreżenta riskju addizzjonali għall-ekonomija tal-UE. Fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 seħħew għadd ta’ episodji ta’ volatilità sinifikanti li juru li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u jistgħu jirreaġixxu żżejjed għal kwalunkwe xokk mhux mistenni u f’salt għall-provvista u għad-domanda, kif kien il-każ wara l-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u l-interruzzjoni tal-Balticconnector. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ ta’ skarsezza tista’ twassal għal reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet madwar l-UE.

Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali li, jekk jimmaterjalizzaw, jaggravaw is-sitwazzjoni b’mod konsiderevoli. Dawn ir-riskji jinkludu: irpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG li tnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass,34 kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari li jkunu jirrikjedu rikors akbar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma bil-gass, u interruzzjonijiet possibbli ulterjuri fil-provvista tal-gass, inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja, jew interruzzjoni tal-infrastruttura kritika eżistenti tal-gass. Barra minn hekk, il-kunflitti armati jaffettwaw diversi reġjuni rilevanti għall-provvista tal-enerġija tal-UE, bħall-Ukrajna, l-Ażerbajġan, jew il-Lvant Nofsani.

Eżempji riċenti juru r-rilevanza tar-riskji relatati mat-tfixkil tal-infrastruttura tal-enerġija. F’Settembru 2022, il-pipeline NordStream 1 saritlu ħsara minn atti ta’ sabotaġġ sa tali punt li bħalissa ma jistax jittrasporta l-gass u mhux se jkun jista’ jagħmel dan fil-futur prevedibbli. F’Ottubru 2023, sar tfixkil fil-Balticconnector, pipeline importanti li jgħaqqad il-Finlandja mal-Estonja. Wara l-inċident, l-awtoritajiet Finlandiżi ddikjaraw livell ta’ twissija li jindika deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass.5 

Fir-rigward tal-elettriku, il-livell ta’ tħejjija qabel ix-xitwa li jmiss, u għalhekk is-sigurtà tal-provvista tagħna f’dan is-settur, ġeneralment jitqies li huwa aħjar mis-sena l-oħra. Minbarra aktar disponibbiltà tal-ġenerazzjoni nukleari għax-xitwa li jmiss u livelli ogħla ta’ ħżin tal-enerġija idroelettrika, iż-żieda ta’ kapaċitajiet rinnovabbli ġodda tejbet il-perspettiva. Madankollu, għadha meħtieġa l-kawtela. B’riżultat ta’ dan, dawk l-Istati Membri b’miżuri ta’ emerġenza fis-seħħ se jżommuhom mill-inqas sal-aħħar tax-xitwa. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ppjanaw li jżommu jew jerġgħu jdaħħlu l-miżuri kollha ta’ ffrankar tal-enerġija wkoll.

Is-sitwazzjoni mtejba tas-sigurtà tal-provvista hija riflessa wkoll fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku. Fl-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022, il-prezzijiet tal-gass laħqu livelli mingħajr preċedent ta’ aktar minn EUR 300/MWh, u dan kellu riperkussjonijiet immedjati fuq il-prezzijiet tal-elettriku li żdiedu sew aktar minn EUR 400/MWh. Minn dak iż-żmien, il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku naqsu b’mod sinifikanti, u bħalissa qegħdin ivarjaw f’madwar EUR 50/MWh u EUR 100/MWh, rispettivament, għalkemm għadhom aktar mid-doppju tal-livell ta’ qabel il-kriżi.

Il-ħtieġa li jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika se tirrikjedi żieda enormi fil-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE. Ir-rispons tal-Unjoni għall-kriżi tal-enerġija skont l-inizjattiva REPowerEU jappella għal aċċellerazzjoni u eskalar kbir fl-enerġija rinnovabbli sabiex titħaffef it-tneħħija gradwali mill-Unjoni tal-fjuwils fossili Russi. Għalhekk, l-aċċellerazzjoni fl-użu tal-kapaċità rinnovabbli għandha rwol fundamentali kemm fl-istrateġija fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni kif ukoll fl-istrateġija għal żmien qasir biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija. Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienu strumentali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu taħt kontroll matul il-kriżi tal-enerġija. Ir-raġuni ewlenija kienet is-sostituzzjoni tal-gass naturali bl-enerġija rinnovabbli, speċjalment fis-settur tal-enerġija, li mbagħad kellha impatt fuq id-domanda ġenerali għall-gass. Il-ġenerazzjoni addizzjonali tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’din is-sena issostitwiet madwar 107 TWh ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fossili - ekwivalenti għal madwar 10 bcm ta’ gass.

Meta wieħed iqis li l-prezz tal-Faċilità Olandiża għat-Trasferiment tat-Titoli (TFF) kellu medja ta’ madwar EUR 120/MWh fl-2022, il-Kummissjoni tistma l-iffrankar miksub bis-saħħa tal-użu ta’ kapaċità rinnovabbli addizzjonali ta’ aktar minn EUR 10 biljun. Barra minn hekk, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija stmat impatti pożittivi sostanzjali tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġodda fuq il-prezzijiet tal-enerġija: skont il-kalkoli tagħhom, il-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa kienu jkunu 8 % ogħla fis-swieq Ewropej kollha fl-2022 mingħajr il-kapaċità installata addizzjonali. Bis-saħħa tal-kapaċità fotovoltajka u eolika addizzjonali installata, il-konsumaturi Ewropej huma mistennijin jiffrankaw madwar EUR 100 biljun mill-2021 sal-2023. L-installazzjonijiet tal-PV eoliċi u solari ġodda bi prezz baxx ċaqilqu madwar 230 TWh ta’ ġenerazzjoni ta’ fjuwils fossili mill-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna 4 . B’70 GW ta’ kapaċità rinnovabbli ġdida mbassra li tiġi online fl-2023, jista’ jinkiseb iffrankar addizzjonali li jżid ulterjorment it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-gass Russi.

Fis-settur tat-tisħin rinnovabbli, fl-2022 il-bejgħ tal-pompi tas-sħana żdied b’39 % 5 meta mqabbel mal-2021, filwaqt li s-suq tas-sħana solari żdied bi 12 % għal kapaċità installata totali ta’ 40,5 GW. 6 Xi wħud minn dawn l-apparati installati ġodda se jkunu wasslu għal sostituzzjoni tal-bojlers tal-gass, tal-faħam u taż-żejt, madankollu, ma hemm l-ebda data disponibbli li tippermetti li wieħed jasal għal konklużjonijiet fir-rigward tal-punt sa fejn dan seħħ.

Bħala konklużjoni, l-introduzzjoni aċċellerata tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli wriet il-kapaċità tagħha li tnaqqas ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, speċjalment għall-gass u l-elettriku, u kkontribwiet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE. 

Meta wieħed iżomm f’moħħu li għad hemm riskji sinifikanti, huwa meħtieġ użu aktar rapidu tal-enerġija rinnovabbli biex tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni. Hemm bżonn ta’ installazzjonijiet rinnovabbli ġodda biex l-importazzjonijiet tal-gass Russi li jifdal jitneħħew gradwalment b’mod rapidu. Aktar ma titħaffef l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, aktar ikun għoli l-impatt pożittiv fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, il-prezzijiet tal-enerġija u l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi.

III.Effetti tar-Regolament tal-Kunsill

Minħabba l-perjodu limitat ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, il-kwantifikazzjoni tal-effetti tiegħu f’termini ta’ aċċellerazzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija diffiċli. Dan huwa prinċipalment dovut għall-fatt li ma hemm l-ebda statistika uffiċjali disponibbli dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli għall-perjodu mid-dħul fis-seħħ tiegħu peress li tali statistika għall-2023 ma hijiex se tkun disponibbli qabel tmiem l-2024. Madankollu, ġew osservati xi żviluppi pożittivi.

Skont Solar Power Europe, fit-tliet kwarti tal-2023 wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, żdiedu aktar kapaċitajiet solari PV ġodda (aktar minn 45 GW) madwar l-UE milli fl-2022 kollha. Fl-ewwel 6 xhur tas-sena, il-Ġermanja żiedet 6,5 GW (+10 %) ta’ kapaċità solari ġdida, filwaqt li l-Polonja żiedet aktar minn 2 GW (+17 %) u l-Belġju żied mill-inqas 1,2 GW (+19 %). L-Italja installat 2,5 GW ta’ enerġija solari fl-ewwel 6 xhur tal-2023 meta mqabbla ma’ total ta’ 3 GW għall-2022 kollha. Fl-2023 Spanja hija mistennija li żżid l-użu tagħha minn 4,5 GW fl-2022 għal 7 GW 7 .

Fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi, id-data disponibbli tindika li diversi Stati Membri esperjenzaw żidiet b’żewġ ċifri fil-volum ta’ ħruġ tal-permessi għar-riħ eoliku mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-ħarsa ġenerali ta’ Wind Europe lejn l-evoluzzjoni tal-kapaċità wriet żviluppi pożittivi fi Franza, li fl-ewwel tliet kwarti tal-2023 żiedet b’mod sinifikanti l-ammont ta’ kapaċità tar-riħ li rċeviet permess. Ir-Reġjun Fjamming tal-Belġju ppermetta 300 MW ta’ kapaċità tar-riħ addizzjonali fl-ewwel 8 xhur tal-2023, u b’hekk qabeż l-ammont ta’ kapaċità permess fis-sena kollha tal-2022. Fil-Ġermanja nħarġu rekord ta’ 5,2 GW ta’ permessi ġodda għar-riħ fuq l-art fl-ewwel 9 xhur tal-2023 u żdiedu 2,44 GW ta’ kapaċità ġdida. 8 F’dan ir-rigward, il-Ġermanja indikat li l-volum ta’ proġetti eoliċi permessi fuq l-art din is-sena huwa mistenni li jikber b’75 % meta mqabbel mas-sena l-oħra.

F’termini ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, mhux inqas minn 17-il Stat Membru raw ishma rekord ġodda matul l-ewwel 6 xhur tas-sena, u l-Greċja u r-Rumanija qabżu l-50 % għall-ewwel darba u d-Danimarka u l-Portugall it-tnejn qabżu l-75 %. Fil-Portugall, ir-riħ u x-xemx ammontaw għal aktar minn nofs il-ġenerazzjoni totali kemm f’April kif ukoll f’Mejju. In-Netherlands laħqu 50 % mir-riħ u mix-xemx għall-ewwel darba f’Lulju, filwaqt li l-Ġermanja għalqet b’sehem rekord ta’ 49 % fl-istess xahar 9 . Ir-rata ta’ repowering għall-enerġija mir-riħ fil-Ġermanja żdiedet għal 34 % 10 .

Barra minn hekk, mill-inqas fi Stat Membru wieħed, il-proġetti tal-grilja importanti għal penetrazzjoni miżjuda għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li b’kollox jammontaw għal aktar minn 2 000 km qegħdin jibbenefikaw ukoll minn ħruġ tal-permessi aċċellerat.

Madankollu, kif indikat ukoll mill-partijiet ikkonċernati, huwa diffiċli li jiġi iżolat sa liema punt iż-żieda osservata fl-użu u l-produzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’dan il-perjodu tista’ tiġi attribwita għall-effetti tar-Regolament tal-Kunsill. Fatturi oħrajn, bħall-prezzijiet għoljin tal-enerġija, it-temp jew politiki u miżuri oħrajn applikati mill-Istati Membri bħal skemi ta’ appoġġ jew tipi oħrajn ta’ inċentivi, ikkontribwew għal tali żieda wkoll.

Għalhekk, sabiex tikseb għarfien aħjar dwar l-effetti ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni fittxet kontribut mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati bħar-rappreżentanti tas-settur tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll l-assoċjazzjonijiet ambjentali.

Fir-rigward tal-Istati Membri, fl-14 ta’ Settembru 2023 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Istati Membri kollha li fiha talbet li tirċievi feedback bil-miktub dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Sal-15 ta’ Novembru 2023, 15-il Stat Membru kienu wieġbu għall-kwestjonarju u pprovdew kontribut bil-miktub. L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill ġiet diskussa wkoll fl-aħħar laqgħa tal-Azzjoni Miftiehma dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (CA-RES) li saret fit-18 ta’ Ottubru 2023, li fiha ħames Stati Membri pprovdew kontribut dwar l-esperjenza tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill.

Minbarra t-tweġibiet individwali, fis-17 ta’ Ottubru 2023, ittra konġunta mill-“Ħbieb tas-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli”, iffirmata mill-Ministri ta’ 11-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall) appellat għal estensjoni tar-Regolament tal-Kunsill. Il-firmatarji fakkru li l-enerġija rinnovabbli ssaħħaħ l-indipendenza tal-Unjoni minn sorsi esterni tal-enerġija u tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha għal interruzzjonijiet ġeopolitiċi u xokkijiet esterni fil-prezzijiet, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tmexxija teknoloġika u industrijali tal-UE u għall-ħolqien tal-impjiegi. L-ittra enfasizzat, f’dan il-kuntest, l-importanza tar-Regolament tal-Kunsill biex jittaffa l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq is-suq tal-enerġija u appellat biex ir-Regolament tal-Kunsill jiġi estiż lil hinn mill-2024 u sakemm ikun meħtieġ biex jitnaqqsu aktar l-ostakli għall-ħruġ tal-permessi għall-enerġiji rinnovabbli.

Fis-26 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni organizzat skambju ta’ fehmiet ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli, in-network ta’ trażmissjoni ENTSO-E u NGOs ambjentali. Barra minn hekk, irċeviet dokumenti ta’ pożizzjoni minn diversi partijiet ikkonċernati.

Is-subtaqsimiet li ġejjin jiġbru fil-qosor il-kontribut li wasal dwar id-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament.

1.Artikolu 1: Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Stat Membru wieħed issuġġerixxa li l-kamp ta’ applikazzjoni għandu jiġi mmodifikat biex jippermetti lill-Istati Membri jkomplu japplikaw il-qafas tar-Regolament tal-Kunsill għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali wara t-30 ta’ Ġunju 2024. Dan qies li dan huwa meħtieġ biex tiġi pprovduta ċarezza lill-proġetti li ma kinux tlestew fiż-żmien tal-iskadenza tar-Regolament. Barra minn hekk, ippropona li jispeċifika d-“drittijiet ta’ partijiet terzi” msemmija fl-Artikolu 1 bħala “drittijiet ta’ partijiet terzi għal rimedju ġudizzjarju”.

Stat Membru ieħor ipprovda wkoll feedback dwar dan l-Artikolu li indika li din id-dispożizzjoni kienet essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza għall-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. B’mod aktar speċifiku, qies li huwa ta’ importanza ewlenija li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ma kellhomx jiġu konklużi fil-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill biex jibbenefikaw mill-miżuri rregolati fih. Dan l-Istat Membru kkunsidra wkoll li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament kien qasir wisq minħabba li l-punt tat-tluq tal-ħruġ tal-permessi għal bosta proġetti ma jseħħx fil-perjodu ta’ żmien tiegħu, b’mod partikolari l-proġetti għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja meħtieġa biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku.

2.Artikolu 2: Definizzjonijiet

Il-Kummissjoni rċeviet feedback limitat ħafna rigward id-definizzjonijiet. Parti kkonċernata waħda (Solar Heat Europe) kkritikat li f’diversi każijiet id-definizzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari kienet ġiet interpretata bħala li tirreferi għall-fotovoltajċi solari biss, filwaqt li fil-fatt tirreferi b’mod espliċitu kemm għat-tagħmir fotovoltajku solari termali kif ukoll għal dak solari.

3.Artikolu 3: Interess Pubbliku Prevalenti

Mill-feedback li wasal rigward l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tinnota li hemm xi konfużjoni fost l-Istati Membri rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti inkluża fl-Artikolu 3, għalkemm ir-Regolament tal-Kunsill huwa direttament applikabbli u, għalhekk, din il-preżunzjoni tista’ tiġi invokata mill-iżviluppaturi tal-proġetti fil-proċeduri nazzjonali għall-ħruġ tal-permessi u fil-litigazzjoni tal-qorti mingħajr il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ulterjuri. Madankollu, l-Artikolu 3 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal ċerti tipi ta’ teknoloġija jew ċerti żoni tat-territorju tagħhom, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima. Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu minn dawn l-eċċezzjonijiet, din il-preżunzjoni tkun applikabbli biss għal ċerti teknoloġiji jew territorji.

14-il Stat Membru taw feedback rigward l-Artikolu 3. Fir-rigward tal-ambitu tal-preżunzjoni, il-Kummissjoni tosserva tendenza mill-Istati Membri li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal ċerti teknoloġiji (jiġifieri proġetti eoliċi u solari, iżda wkoll proġetti infrastrutturali), u sa ċertu punt aktar limitat għal żoni speċifiċi. Solar Power Europe rrapportat li Stat Membru wieħed kien irrestrinġa l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti għal proġetti pubbliċi biss, filwaqt li ieħor ħalla eżenzjonijiet potenzjali li għandhom jiġu ddefiniti b’digriet. Min-naħa l-oħra, Stat Membru wieħed espanda l-ambitu ta’ din il-preżunzjoni sabiex proġetti rinnovabbli jkunu fl-interess pubbliku prevalenti fir-rigward tal-wirt arkitettoniku.

L-Istati Membri li japplikaw din il-preżuzzjoni ġeneralment irrapportaw riżultati pożittivi, meta jikkunsidraw li hija għodda utli għall-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ sorsi jew infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli jew fattur ta’ tnaqqis tar-riskju.

Stat Membru wieħed irrapporta effetti pożittivi f’każijiet individwali (jiġifieri għal proġetti tar-riħ, ta’ fotovoltajiċi solari, u tal-grilja), li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni kemm mill-awtoritajiet tal-ħruġ tal-permessi kif ukoll mill-qrati. Stat Membru ieħor enfasizza l-valur miżjud tad-dispożizzjoni, li għenet biex ir-relazzjoni bejn entitajiet pubbliċi differenti fil-proċess tal-ippjanar issir aktar effiċjenti. Żewġ Stati Membri oħrajn indikaw li ma kellhomx bżonn japplikaw din il-preżunzjoni għal xi proġett speċifiku (fost raġunijiet oħrajn minħabba l-fatt li bosta proġetti kienu għadhom ma laħqux l-istadju tal-ħruġ tal-permessi) iżda laqgħu l-potenzjal tagħha li taċċellera l-ħruġ tal-permessi għal proġetti speċifiċi u esprimew interess li jibbenefika minnha fil-futur qrib. Min-naħa l-oħra, Stat Membru wieħed kien tal-fehma li l-proġetti kurrenti tagħhom tar-riħ u solari kienu qegħdin jimxu ’l quddiem b’mod rapidu biżżejjed u għalhekk din id-dispożizzjoni ma kinitx meħtieġa.

Madankollu, żewġ Stati Membri indikaw sfidi biex inaqqsu l-potenzjal sħiħ tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti. B’mod partikolari, l-issodisfar ta’ kundizzjoni oħra fid-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, li tirrikjedi n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi oħrajn, huwa meqjus bħala sfida li tillimita l-utilità prattika tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti, għalhekk, Stat Membru wieħed appella għall-introduzzjoni ta’ modifiki mmirati fl-Artikolu 3 biex jipprevedu flessibbiltà biex ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-kriterji tad-deroga fid-Direttiva ambjentali rilevanti, b’mod partikolari, l-obbligu li jintwera li ma hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva oħra. Ir-rekwiżit li jiġu deskritti l-miżuri ta’ kumpens ġie perċepit ukoll minn Stat Membru wieħed bħala fattur ta’ limitazzjoni tal-utilità tal-forniment ta’ interess pubbliku prevalenti.

Wind Europe, Solar Power Europe u EREF ipprovdew feedback rigward l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti. Dawn il-partijiet ikkonċernati esprimew tħassib li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma applikawx, jew applikaw biss parzjalment, status ta’ interess pubbliku prevalenti għal proġetti rinnovabbli jew li l-awtoritajiet tal-ħruġ tal-permessi xi drabi jinjoraw il-preżunzjoni u taw prijorità lil interessi oħrajn. Madankollu, huma pprovdew ukoll eżempji pożittivi fejn dan kien intuża sa ċertu punt u każijiet speċifiċi fejn kien għen biex xi proġetti jimxu ’l quddiem. Wind Europe indikat li ġeneralment kien hemm rieda li jsir aktar użu minn din id-dispożizzjoni, iżda li kien hemm inċertezza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u kif din għandha tiġi implimentata fil-prattika.

L-Entità tad-DSO tal-UE rreferiet għall-potenzjal għoli tal-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti biex tgħin biex jittaffew l-ostakli li jiffaċċaw il-proġetti ta’ distribuzzjoni u enfasizzat ukoll il-valur simboliku tal-Artikolu 3. Madankollu, din iddikjarat li fil-prattika r-Regolament tal-Kunsill bilkemm kellu impatt prattiku fuq il-proġetti tal-grilja tad-distribuzzjoni. L-Entità tad-DSO tal-UE rrakkomandat li r-Regolament jiġi estiż u talbet lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni attwali.

Żewġ partijiet ikkonċernati ambjentali (BirdLife u Climate Active Network, “CAN Europe”) qasmu l-kummenti ġenerali tagħhom dwar din id-dispożizzjoni. Dawn esprimew kawtela dwar l-użu tan-narrattiva ta’ interess pubbliku prevalenti, li fil-prattika tista’ tnaqqas l-istandard għall-protezzjoni ambjentali billi tiffaċilita l-ħruġ tal-permessi għal proġetti problematiċi ħafna filwaqt li ma tintroduċi l-ebda valur addizzjonali għal proġetti rinnovabbli li diġà ħadu miżuri u salvagwardji xierqa. CAN Europe ddikjarat li fi Stat Membru wieħed, id-dispożizzjoni dwar il-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti kienet ispirat lil-leġiżlatur biex jeżenta disa’ impjanti tal-enerġija idroelettrika mir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali, minkejja l-impatti ambjentali sinifikanti tagħhom filwaqt li jiġu ddikjarati wkoll bħala ta’ interess pubbliku prevalenti.

B’mod ġenerali, jista’ jiġi konkluż li l-preżunzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 hija ġeneralment meqjusa bħala għodda utli biex jitħaffef l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli (prinċipalment eoliċi u solari) u ta’ proġetti ta’ infrastruttura fl-Istati Membri fejn ġiet applikata. Dan jikkonċerna mhux biss l-impatti pożittivi osservati fil-prattika għal proġetti speċifiċi, iżda wkoll l-importanza li din il-preżunzjoni tattribwixxi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli b’mod aktar ġenerali, anke għal finijiet oħrajn lil hinn mid-derogi speċifiċi previsti fid-direttivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 3. Fir-rigward tat-tħassib espress dwar applikazzjoni espansiva ta’ din id-dispożizzjoni u l-impatt li din jista’ jkollha fuq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, il-Kummissjoni tfakkar li l-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti favur is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija konfutabbli, li jfisser li l-awtoritajiet u l-qrati tal-ħruġ tal-permessi jistgħu ma japplikawhiex meta jkun hemm evidenza ċara li dawk il-proġetti jkollhom effetti negattivi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jittaffew jew jiġu kkumpensati. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tagħha għal teknoloġiji u oqsma speċifiċi.

Barra minn hekk, jista’ jkun hemm lok għal applikazzjoni akbar tal-Artikolu 3 fil-futur qrib meta aktar proġetti tal-enerġija rinnovabbli jilħqu l-fażi tal-ħruġ tal-permessi wara l-iskadenza tar-Regolament. Barra minn hekk, l-utilità ta’ din id-dispożizzjoni tidher li hija limitata minn fatturi bħal interpretazzjoni restrittiva ta’ kundizzjonijiet oħrajn biex wieħed jibbenefika mid-derogi, eż. il-valutazzjoni dwar jekk jeżistux soluzzjonijiet alternattivi.

4.Artikolu 4: Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari

12-il Stat Membru pprovdew feedback speċifiku dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 jew l-installazzjoni ta’ tagħmir solari żgħir b’mod aktar ġenerali. Bosta minn dawk l-Istati Membri rrapportaw żieda qawwija fl-installazzjonijiet solari f’dawn l-aħħar żminijiet, għalkemm mingħajr ma attribwew speċifikament tali żieda għar-Regolament tal-Kunsill iżda aktar għal fatturi differenti bħal skemi ta’ appoġġ nazzjonali popolari jew l-evoluzzjoni tal-prezz tal-enerġija.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jirreaġixxu għal dan il-punt indikaw li applikaw regoli dwar il-ħruġ tal-permessi saħansitra aktar ambizzjużi għal installazzjonijiet solari żgħar dawk inklużi fl-Artikolu 4. B’mod aktar partikolari, seba’ Stati Membri indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma kinitx tirrikjedi permessi speċifiċi għal installazzjonijiet solari żgħar fuq strutturi artifiċjali taħt ċerti kundizzjonijiet jew għal tagħmir solari taħt ċertu limitu ta’ kapaċità jew saħansitra b’mod ġenerali. Żewġ Stati Membri indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament diġà ma kinitx tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-proġetti tat-tagħmir tal-enerġija solari. Konsegwentement, l-effetti pożittivi tal-Artikolu 4 jidhru pjuttost limitati f’dawn l-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali aktar ambizzjuża.

Stat Membru wieħed iddikjara li introduċa bidliet fis-sistema nazzjonali tal-ħruġ tal-permessi tiegħu b’riżultat tar-Regolament tal-Kunsill. B’mod partikolari, dan introduċa approvazzjoni taċita fi żmien xahar wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess għall-bini għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet solari għall-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija solari għal finijiet ta’ awtokonsum b’kapaċità installata totali ta’ 20-50 kW fuq bini strutturat u strutturi f’żoni urbani, inklużi l-istrutturi tal-bejt u tal-faċċata u l-proprjetajiet tal-art li jmissu magħhom.

Solar Power Europe u Solar Heat Europe pprovdew feedback rigward l-effetti tal-Artikolu 4. Solar Power Europe indikat li l-Artikolu 4 kien ġeneralment implimentat tajjeb għalkemm ġew osservati xi restrizzjonijiet. Pereżempju, f’xi każijiet, l-Istati Membri interpretaw il-kunċett ta’ strutturi artifiċjali b’mod ristrett wisq (li jillimitawh għal fuq il-bejt biss), li jitlob kjarifika tal-kunċett ta’ “strutturi artifiċjali”. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kinux ambizzjużi biżżejjed fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-konnessjonijiet mal-grilja (peress li applikaw il-limitu aktar baxx ta’ 10,8 u mhux 50 kW). Madankollu, huma pprovdew xi eżempji pożittivi bħall-każ ta’ Stat Membru wieħed fejn kien previst l-użu ta’ mudell simplifikat għall-installazzjoni ta’ fotovoltajċi fuq il-bejt sa kapaċità ta’ 200 kW. Solar Heat Europe indikat li l-membri tagħha ma esperjenzaw l-ebda bidla partikolari fil-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi għall-installazzjonijiet tas-sħana solari matul l-aħħar sena.

Minn dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tosserva li, filwaqt li l-installazzjoni ta’ tagħmir solari qiegħda tiżdied, huwa diffiċli li jiġu attribwiti l-effetti ta’ tali żieda speċifikament għar-Regolament tal-Kunsill peress li fatturi oħrajn (bħal skemi ta’ appoġġ jew prezzijiet għoljin tal-enerġija) kellhom rwol importanti. Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li mill-inqas Stat Membru wieħed irrapporta li dan l-aħħar introduċa bidliet biex jiġi ssimplifikat il-ħruġ tal-permessi tal-installazzjonijiet solari u li diversi Stati Membri introduċew dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li huma saħansitra aktar ambizzjużi minn dawk tal-Artikolu 4, bħal ebda rekwiżit ta’ permess għal installazzjonijiet solari żgħar taħt ċerti kundizzjonijiet u li jistgħu japplikaw direttament għall-konnessjoni mal-grilja. L-Artikolu 4 għadu rilevanti għal dawn l-Istati Membri peress li jintroduċi skadenzi massimi wkoll għall-konnessjoni mal-grilja ta’ dawn l-installazzjonijiet (jiġifieri l-iskadenzi massimi ta’ xahar jew 3 xhur ikopru wkoll il-konnessjoni mal-grilja u jipprovdu ċertezza lill-applikanti permezz ta’ dispożizzjoni ta’ approvazzjoni taċita għal xi installazzjonijiet). Il-Kummissjoni tinnota l-kwistjoni tal-konnessjonijiet mal-grilja bħala żona għal titjib ulterjuri.

5.Artikolu 5: Repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli

11-il Stat Membru pprovdew feedback dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 u l-proċess għall-ħruġ tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli b’mod aktar ġenerali.

Diversi Stati Membri indikaw li għad ma kellhomx esperjenza sinifikanti bir-repowering minħabba l-installazzjoni relattivament riċenti tal-biċċa l-kbira tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, jew li ma kellhomx data rilevanti dwar dan. Stat Membru wieħed biss irrapporta żieda fl-applikazzjonijiet l-aktar għar-repowering ta’ installazzjonijiet solari, filwaqt li Stati Membri oħrajn indikaw li ma setgħux jidentifikaw żieda fir-repowering skont ir-Regolament tal-Kunsill. Diversi Stati Membri spjegaw li kienu introduċew proċeduri simili ta’ ħruġ tal-permessi bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5.

Stat Membru wieħed indika li, normalment, il-proċess għall-ħruġ tal-permessi għar-repowering b’żieda fil-kapaċità ma qabiżx is-6 xhur għall-proġetti solari, għalkemm f’każijiet fejn għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali (dan jista’ jkun meħtieġ għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ), il-proċedura tista’ tkun itwal. L-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 5(1) tkopri l-permessi u l-passi rilevanti kollha tal-proċess għall-ħruġ tal-permessi, inklużi l-valutazzjonijiet tal-impatti ambjentali. Għalhekk, din l-iskadenza tidher li hija ssodisfata f’dan l-Istat Membru għal dawk it-teknoloġiji li ma jirrikjedux valutazzjoni tal-impatt ambjentali, għalkemm jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti ulterjuri biex jikkonformaw ma’ tali skadenza meta tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Barra minn hekk, f’dan l-Istat Membru ma jkunx meħtieġ permess mill-Ministeru rilevanti għar-repowering ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli jekk it-tip ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u l-kapaċità totali permessa ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma jinbidlux bħala riżultat tar-repowering.

Ftit Stati Membri rrapportaw regoli ambizzjużi dwar il-ħruġ tal-permessi għar-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Wieħed minnhom adotta liġi nazzjonali f’Settembru 2023 b’miżuri li jittrattaw l-istess suġġetti koperti fl-Artikolu 5 iżda b’ambitu saħansitra aktar ambizzjuż. B’mod partikolari, tali liġi tintroduċi skadenza ta’ xahar għall-ħruġ ta’ opinjoni dwar il-konnessjoni mal-grilja fil-każ ta’ modernizzazzjoni ta’ sit meta l-kapaċità installata totali tkun mistennija li tiżdied sa 50 % meta mqabbla mal-kapaċità eżistenti, li huwa aktar ambizzjuż mill-Artikolu 5(3) kemm f’termini ta’ skadenza kif ukoll ta’ żieda fil-kapaċità. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), din il-liġi ma tirrikjedix li li jiġu applikati l-proċeduri ambjentali meta l-modernizzazzjoni tas-sit ma twassalx għall-użu ta’ art addizzjonali u tali modernizzazzjoni tikkonforma mal-miżuri ta’ protezzjoni ambjentali imposti fuq is-sit oriġinali.

Stat Membru ieħor japplika wkoll regoli ambizzjużi dwar il-ħruġ tal-permessi għar-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Pereżempju, fir-rigward tal-konnessjoni mal-grilja, l-enerġija installata tal-installazzjoni li jkun sarilha repowering tista’ tiżdied sa limitu ta’ 20 % tal-enerġija ta’ konnessjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa żieda fil-kapaċità tal-konnessjoni.

Wind Europe esprimiet tħassib li ftit ħafna mill-Istati Membri applikaw proċedura rapida għar-repowering tal-proġetti. Din sostniet li kien hemm eċċezzjoni waħda biss li kellha l-aktar reġim ambizzjuż fis-seħħ, bi ftit Stati Membri oħrajn li għandhom ukoll regoli għal dan il-għan sa ċertu punt fis-seħħ. Wind Europe indikat li, b’mod ġenerali, ir-Regolament sa issa kellu effetti limitati biex jaċċellera r-repowering tal-proġetti. Wind Europe nnotat li r-regoli inklużi fl-Artikolu 5 jistgħu jkunu saħansitra aktar ambizzjużi. Pereżempju, il-limitu ta’ 15 % previst fl-Artikolu 5(3) tqies bħala baxx wisq meta mqabbel mal-produzzjoni ogħla ta’ turbini eoliċi ġodda.

Minn dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni dwar ir-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli hija pjuttost imħallta. Filwaqt li f’diversi Stati Membri hemm ambitu limitat għar-repowering ta’ proġetti minħabba l-installazzjoni riċenti ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, f’oħrajn hemm potenzjal ferm aktar sinifikanti u li qiegħed jikber mhux użat biex jinkisbu volumi akbar ta’ użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jiġi promoss u ffaċilitat ir-repowering ta’ impjanti eżistenti. Ir-repowering ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli jippreżenta benefiċċji multipli peress li jippermetti l-użu kontinwu ta’ siti b’potenzjal sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, dan jibbenefika mill-konnessjoni mal-grilja eżistenti, grad probabbli ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika u għarfien tal-impatti ambjentali.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li xi Stati Membri b’potenzjal għoli għar-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli introduċew miżuri biex jissimplifikaw ir-regoli tagħhom dwar il-ħruġ tal-permessi, u li Stati Membri oħrajn adottaw miżuri ta’ simplifikazzjoni b’riżultat ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill, sa ċertu punt saħansitra aktar ambizzjużi minn dawk inklużi fl-Artikolu 5. Madankollu, il-Kummissjoni tikkondividi t-tħassib li l-Istati Membri bl-akbar potenzjal ta’ repowering għandhom jaċċelleraw l-isforzi biex iqassru u jissimplifikaw ulterjorment il-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi relatati.

6. Artikolu 6: Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura tal-grilja relatata li hija meħtieġa biex is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu integrati fis-sistema

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija fakultattiva għall-Istati Membri. 14-il Stat Membru pprovdew feedback dwar dan l-Artikolu. Minn dawn, tlieta rrapportaw li applikaw id-dispożizzjoni.

Żewġ Stati Membri ddikjaraw li bħalissa kienu qegħdin japplikaw l-Artikolu 6 biex jidentifikaw oqsma speċifiċi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew ta’ infrastruttura tal-grilja fejn il-proġetti jistgħu jiġu eżentati minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali dedikata u minn valutazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ispeċijiet.

Stat Membru wieħed indika li kien implimenta din id-dispożizzjoni biex jidentifika żoni speċifiċi għall-enerġija eolika fuq l-art u għaż-żoni lil hinn mill-kosta kif ukoll għall-grilji tal-elettriku ta’ aktar minn 110 kW. Sa issa rrapporta impatti pożittivi ħafna fuq l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-grilja u tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, diġà osserva li l-ewwel permessi għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ kienu ngħataw skont ir-Regolament tal-Kunsill u li n-numru ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ ta’ suċċess kien qiegħed jiżdied. Huwa jistenna li r-Regolament tal-Kunsill u b’mod partikolari l-Artikolu 6 jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv ta’ espansjoni ambizzjuż tiegħu ta’ madwar 10 GW ta’ enerġija eolika fuq l-art fis-sena. Mingħajr ma jiġi eskluż il-fatt li r-Regolament tal-Kunsill, skont dan l-Istat Membru, iwassal għal riskju f’interruzzjonijiet kbar fil-pass tal-użu ta’ sorsi ta’enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġi sostnut li l-installazzjoni ta’ madwar 41 GW ta’ enerġija mir-riħ fuq l-art tista’ tiġi ttardjata u tieħu madwar sentejn aktar jew tista’ saħansitra titwaqqaf kompletament mingħajr estensjoni tar-Regolament.

Fir-rigward tal-grilji, erba’ operaturi Ġermaniżi tat-trażmissjoni indikaw li r-Regolament tal-Kunsill kien fattur ta’ aċċellerazzjoni sostanzjali ta’ proċessi formali ta’ ppjanar u awtorizzazzjoni għat-titjib u għall-estensjoni tal-grilji tal-elettriku fil-Ġermanja u kienu favur estensjoni tar-Regolament sar-rebbiegħa tal-2025 biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti id-Direttiva emendatorja ġew trasposti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-ENTSO-E pprovda feedback pożittiv dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 fil-Ġermanja u rrapporta potenzjal ta’ aċċellerazzjoni ta’ medja ta’ 7 xhur għall-maġġoranza tal-proġetti tal-grilja li jibbenefikaw mill-Artikolu 6 (jiġifieri dawk sottomessi wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament). Fir-rigward ta’ proġetti lil hinn mill-kosta, l-ENTSO-E jistenna potenzjal ta’ aċċellerazzjoni saħansitra akbar sa 3 snin. L-ENTSO-E indika li t-TSOs jinsabu f’kuntatt regolari mal-ministeri nazzjonali rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 15e il-ġdid tal-RED riveduta relatat mal-oqsma tal-infrastruttura. Madankollu, għandhom dubji serji dwar jekk traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kinitx fattibbli sa Lulju 2024 u konsegwentement appellaw għal estensjoni tar-Regolament tal-Kunsill biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel sakemm l-Artikolu 15e tal-RED riveduta jiġi traspost bis-sħiħ. Il-Ġermanja ddikjarat li estensjoni tal-Artikolu 6 tippermetti li l-proċess għall-ħruġ tal-permessi ta’ ħafna proġetti tal-grilja jitnaqqas b’madwar 12-il xahar, għal xi proġetti anke b’sa 36 xahar.

Stat Membru ieħor iddeċieda wkoll li jagħmel użu mill-Artikolu 6, għalkemm il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli kienu għadhom fil-fażi tal-ippjanar u għadhom ma waslux fil-fażi tal-ħruġ tal-permessi. Għalhekk, qies li l-Artikolu 6 kien għadu ma laħaqx l-effett sħiħ tiegħu iżda kellu l-potenzjal li jagħmel dan fil-futur qrib.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li pprovdew feedback irrapportaw li ma għamlux użu mill-għażla inkluża fl-Artikolu 6. Wieħed minnhom indika li kien għadu qiegħed jikkunsidra l-applikazzjoni tiegħu minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet meħtieġa biex din id-dispożizzjoni tiġi żviluppata ulterjorment. Stat Membru ieħor iddikjara li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu diġà kienet tinkludi miżuri ambizzjużi b’regoli u kriterji ċari biex jiddelimitaw liema proġetti tal-enerġija rinnovabbli kellu jsirilhom skrinjar jew valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Żewġ Stati Membri oħrajn indikaw li, filwaqt li ma kinux applikaw l-Artikolu 6, bħalissa kienu qegħdin jaħdmu fuq modi biex jissimplifikaw ulterjorment il-valutazzjonijiet ambjentali relatati mal-ħruġ tal-permessi dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Stat Membru ieħor iddikjara li ma kienx applika l-Artikolu 6 minħabba l-proċedura leġiżlattiva nazzjonali tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ “klawżoli li jkun fihom il-kelma ‘jistgħu’” inklużi fir-Regolamenti tal-UE, li jkunu jirrikjedu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiġu żviluppati tali dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru enfasizza li l-eżenzjonijiet u l-kundizzjonijiet il-ġodda previsti fl-Artikolu 6 kienu jiffukaw l-aktar fuq il-protezzjoni tal-ispeċijiet, filwaqt li d-dewmien fil-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-installazzjonijiet ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (speċjalment impjanti tal-enerġija eolika kbar) u l-iżviluppi tal-grilja kienu l-aktar relatati mal-protezzjoni tal-ħabitats. Madankollu, dan irrikonoxxa l-Artikolu 6 bħala miżura simbolika pożittiva biex jiġu aċċellerati l-proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u sinjal biex jiġi solvut l-istaġnar. F’dan ir-rigward, l-ENTSO-E ddikjara li jkun hemm spinta politika biex tiġi applikata din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ żewġ proġetti ta’ infrastruttura lil hinn mill-kosta.

Xi partijiet ikkonċernati (CAN Europe, BirdLife) esprimew tħassib ġenerali rigward l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet minn ċerti valutazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u dwar l-impatti potenzjali tal-bijodiversità minħabba l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. CAN Europe semmiet li l-profondità u l-kwalità tal-Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi varjaw f’reġjuni differenti u jistgħu ma jkunux dettaljati biżżejjed sabiex jiġi żgurat standard komparabbli ta’ protezzjoni. Madankollu, CAN Europe nnotat li fi Stat Membru wieħed, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 kienet ipprovdiet soluzzjoni għal approċċ ibbażat fuq il-popolazzjoni għall-protezzjoni tal-ispeċijiet billi stabbiliet fond għall-protezzjoni tal-ispeċijiet li r-riżorsi tiegħu ġew fdati għal finijiet speċifiċi. BirdLife qajmet tħassib fir-rigward tat-trasparenza mnaqqsa għall-NGOs u l-involviment imnaqqas tal-komunità lokali fil-proċess tal-ippjanar.

Minn dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-Artikolu 6 kien għodda utli biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli u ta’ proġetti infrastrutturali relatati fl-Istati Membri li għażlu li jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni. Fil-każ speċifiku tal-Ġermanja, li għamlet użu minn din id-dispożizzjoni, jidher li hemm riżultati pożittivi tanġibbli kemm f’termini ta’ għadd ta’ proġetti rinnovabbli u tal-grilja li jirnexxu li se jkomplu għaddejjin kif ukoll potenzjal ta’ aċċellerazzjoni u tqassir tal-ħin tal-ħruġ tal-permessi. Il-Kummissjoni tosserva li din id-dispożizzjoni hija wkoll perċepita b’mod pożittiv fost dawk l-Istati Membri li ma għamlux użu minn din id-dispożizzjoni jew li ddeċidew li jagħmlu dan iżda li jinsabu fi stadju aktar bikri minħabba l-valur simboliku tagħha u bħala fattur ta’ tnaqqis tar-riskju.

Fir-rigward tat-tħassib espress dwar l-eżenzjonijiet mill-valutazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u l-impatt fuq il-protezzjoni tal-bijodiversità, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 6 jimponi kundizzjonijiet speċifiċi biex il-proġetti jiġu eżentati mill-valutazzjonijiet ambjentali, bl-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġu implimentati proġetti tal-enerġija rinnovabbli b’veloċità ħafna aktar mgħaġġla u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ żoni ambjentalment sensittivi.

7.Artikolu 7: Aċċellerazzjoni tal-użu tal-pompi tas-sħana

12-il Stat Membru pprovdew feedback dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana b’mod aktar ġenerali. Żewġ Stati Membri ddikjaraw li ma kellhomx data riċenti rigward il-pompi tas-sħana, u għalhekk ma kienx possibbli li jiġi evalwat l-impatt tar-Regolament fuq din it-teknoloġija.

Bl-istess mod bħal fil-każ ta’ installazzjonijiet solari żgħar, ftit Stati Membri indikaw li ma kinux jirrikjedu permessi għall-pompi tas-sħana f’ċerti kundizzjonijiet (normalment għal pompi tas-sħana żgħar, bħal sa 1 m3, 500 kW jew sa 30 kW fi djar privati). Stat Membru wieħed iddikjara li l-pompi tas-sħana tas-sors tal-arja ġeneralment ma kinux jirrikjedu applikazzjoni, bi ftit eċċezzjonijiet biss. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni f’dawn il-pajjiżi hija aktar ambizzjuża mill-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill. Stati Membri oħrajn semmew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ipprovdiet eżenzjonijiet mill-ippjanar għall-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana jew eżenzjoni mill-valutazzjoni tal-impatt ambjentali.

Stat Membru wieħed qajjem tħassib dwar ir-rekwiżit li jingħataw permessi għall-pompi tas-sħana sa 50 MW fi żmien xahar, u spjega li tali skadenza qasira tista’ tqajjem tħassib tekniku u ta’ sikurezza għall-grilja tal-elettriku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-Regolament tal-Kunsill jintroduċi flessibbiltà għall-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din l-iskadenza. L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti żoni jew strutturi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, inkluż għal raġunijiet ta’ sikurezza.

Ftit Stati Membri rrapportaw żieda riċenti fl-installazzjonijiet tal-pompi tas-sħana iżda ma kinux ċerti jekk din iż-żieda kinitx dovuta għall-effetti tar-Regolament tal-Kunsill. Minflok, huma attribwiti għal fatturi oħrajn bħall-gwerra Russa fuq l-Ukrajna jew is-sussidji nazzjonali. Diversi Stati Membri speċifikaw li r-Regolament tal-Kunsill ma kellux effett fuq l-iżvilupp minħabba n-nuqqas ta’ rekwiżiti nazzjonali ta’ ħruġ tal-permessi għal ċerti pompi tas-sħana.

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pompi tas-Sħana (EHPA) ipprovdiet feedback dettaljat dwar l-istatus tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi applikabbli għall-pompi tas-sħana u l-effetti tal-Artikolu 7. Għall-biċċa l-kbira tal-pompi tas-sħana (minbarra l-pompi ġeotermali) normalment ma kinux meħtieġa permessi, filwaqt li għall-pompi tas-sħana ġeotermali, normalment kienu meħtieġa permessi. Madankollu, għall-pompi tas-sħana sa kapaċità termali ta’ 25 kW, kien possibbli li jingħataw permessi fi żmien xahar.

Minħabba li għall-biċċa l-kbira tal-pompi tas-sħana fuq skala żgħira normalment ma jkunx meħtieġ permess (bl-eċċezzjoni tal-ġeotermali), l-impatt tal-Artikolu 7 jidher li huwa limitat. Madankollu, l-EHPA xorta qieset din id-dispożizzjoni b’mod pożittiv mill-introduzzjoni tal-iskadenza massima li serviet biex tipprovdi ċertezza legali. Sabiex tiżdied l-utilità ta’ din id-dispożizzjoni, l-EHPA pproponiet xi modifiki mmirati, jiġifieri li jitnaqqas iż-żmien għall-ħruġ tal-permessi għal xahar għall-pompi tas-sħana ġeotermali residenzjali sa kapaċità termali ta’ 25 kW, flimkien ma’ approvazzjoni taċita u li tintuża l-kapaċità termali minflok il-kapaċità elettrika (ħlief meta speċifikament issir referenza għall-konnessjoni mal-grilja, meta l-kapaċità elettrika tista’ tkun aktar xierqa).

Minn dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li, filwaqt li l-ħruġ tal-permessi ma jidhirx li huwa l-ostaklu ewlieni għall-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana, ir-Regolament tal-Kunsill u b’mod aktar partikolari l-introduzzjoni ta’ skadenzi massimi ċari kkontribwew b’mod pożittiv biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-installazzjoni ta’ dan it-tip ta’ tagħmir, b’mod partikolari għall-pompi ġeotermali u pompi tas-sħana akbar. Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li f’diversi Stati Membri l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ tidher li hija saħansitra aktar ambizzjuża mill-kontenut tal-Artikolu 7 peress li ma hemm bżonn tal-ebda permess għal pompi tas-sħana żgħar.

8.Artikolu 8: Skedi ta’ żmien għall-proċess tal-ħruġ tal-permessi għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari, ir-repowering ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u għall-użu ta’ pompi tas-sħana

Ma wasal l-ebda feedback mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati dwar dan l-Artikolu, li jistipula li ż-żmien għall-bini jew għar-repowering tal-infrastruttura tal-grilja meħtieġa relatata u ż-żmien għal ċerti stadji amministrattivi meħtieġa għal titjib sinifikanti fil-grilja ma huwiex inkluż fl-iskedi ta’ żmien għall-għoti tal-permessi.

IV.Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Emerġenza u tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-ħruġ tal-permessi fir-RED riveduta

Kif imsemmi hawn fuq, ir-RED riveduta tinkludi dispożizzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi applikabbli għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi regoli dwar l-istess suġġetti jew suġġetti simili bħal dawk koperti mir-Regolament tal-Kunsill. Filwaqt li diversi minn dawn ir-regoli jkopru l-istess suġġetti bħal dawk inklużi fir-Regolament, hemm xi differenzi importanti bejn iż-żewġ testi:

-L-Artikolu 16f jirregola l-preżunzjoni ta’ interess pubbliku prevalenti, li hija rregolata wkoll fl-Artikolu 3 tar-Regolament. Madankollu, l-Artikolu 3 tar-Regolament fih it-tieni paragrafu li jitlob li tingħata prijorità lill-proġetti li huma rikonoxxuti bħala li huma ta’ interess pubbliku prevalenti kull meta jkun meħtieġ ibbilanċjar tal-interessi legali fil-każ individwali.

-L-Artikolu 16d fih regoli speċifiċi għall-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari, li huma koperti wkoll fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill. Il-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet hija simili ħafna għalkemm l-Artikolu 16d, il-paragrafu 2 tar-RED riveduta jinkludi limitu ogħla ta’ 100 kW (għall-kuntrarju ta’ 50 kW), li jippermetti li jiżdied l-għadd ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt il-proċedura ta’ ħruġ tal-permessi qasira ħafna ta’ xahar.

-L-Artikolu 16c (kif ukoll l-Artikolu 16b) fihom regoli applikabbli għall-proċess għall-ħruġ tal-permessi għar-repowering ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli barra miż-żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli, li huwa kopert ukoll mill-Artikolu 5 tar-Regolament. Id-differenza ewlenija bejn it-testi hija li l-Artikolu 5 tar-Regolament fih skadenza qasira ta’ 6 xhur għall-permessi kollha applikabbli għar-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-RED riveduta fiha skadenza ta’ sena għal proġetti barra miż-żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli (f’żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli, l-Artikolu 16a jipprevedi wkoll skadenza ta’ 6 xhur, iżda d-deżinjazzjoni ta’ dawk iż-żoni għandha skadenza itwal għall-implimentazzjoni ta’ 27 xahar).

-L-Artikolu 16e fih regoli dwar il-proċess għall-ħruġ tal-permessi għall-pompi tas-sħana li huma koperti wkoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament. Il-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet hija simili ħafna għalkemm l-RED riveduta fiha preċiżjonijiet addizzjonali rigward l-iskadenzi għall-konnessjonijiet mal-grilja (skadenza ta’ ġimagħtejn għall-konnessjonijiet mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni).

-L-Artikolu 15c jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jiddeżinjaw żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli għal mill-inqas teknoloġija rinnovabbli waħda. L-Artikolu 15e jintroduċi l-possibbiltà li l-Istati Membri jiddeżinjaw żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. F’dawn iż-żoni, jistgħu japplikaw eżenzjonijiet immirati għall-valutazzjoni ambjentali, soġġetti għal kundizzjonijiet. L-Artikolu 6 tar-Regolament jintroduċi dispożizzjoni fakultattiva li tippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw żoni speċifiċi fejn jistgħu jeżentaw il-proġetti mill-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u mill-valutazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ispeċijiet. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet fir-RED riveduta u fl-Artikolu 6 tar-Regolament huma relatati mal-identifikazzjoni ta’ żoni speċifiċi għal użu aktar mgħaġġel ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ivarja b’mod sinifikanti:

oWaħda mid-differenzi ewlenin hija li l-RED riveduta tipprevedi proċedura ta’ “skrinjar” li tista’ tirriżulta fil-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali dedikata, filwaqt li l-Artikolu 6 tar-Regolament jipprevedi direttament l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni jew kumpens.

oSkont l-Artikolu 6 tar-Regolament, il-proġetti jistgħu jiġu eżentati wkoll mill-valutazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ispeċijiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE. Fl-RED riveduta, dawn l-eżenzjonijiet huma previsti biss għal proġetti ta’ grilja u ta’ ħżin f’żoni dedikati, mhux għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

oL-Artikolu 6 tar-Regolament ma jipprevedix eżenzjoni mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE. Tali eżenzjoni hija possibbli fl-RED riveduta għall-proġetti kollha (għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, għall-grilja u għall-ħżin).

-L-Artikolu 16(8) jiċċara liema passi ma humiex inklużi fl-iskadenzi tal-proċess għall-ħruġ tal-permessi, jiġifieri li l-passi ma jgħoddux bħala parti mill-iskedi ta’ żmien stabbiliti fid-Direttiva. Dan huwa simili għall-Artikolu 8 tar-Regolament. Id-differenza ewlenija hija li l-Artikolu 16(8) tal-RED riveduta fih punt addizzjonali biex jiċċara li ż-żmien għal kwalunkwe appell u rimedju ġudizzjarju, proċedimenti oħrajn quddiem qorti jew tribunal, u mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż li proċeduri ta’ lmenti u appelli u rimedji mhux ġudizzjarji ma jiġux inklużi tul id-durata tal-proċedura għall-ħruġ tal-permessi, ħlief jekk tikkoinċidi ma’ stadji amministrattivi oħrajn tal-proċedura għall-ħruġ tal-permessi.

Diversi minn dawn ir-regoli relatati mal-ħruġ tal-permessi mill-RED riveduta (jiġifieri r-regoli kollha dwar il-ħruġ tal-permessi ħlief dawk relatati maż-żoni ta’ aċċellerazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) iridu jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2024, immedjatament wara l-iskadenza tal-validità tar-Regolament. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikoli 15e (fakultattivi), 16(8), 16c, 16d, 16f. Id-dispożizzjonijiet li jifdal dwar il-ħruġ tal-permessi (jiġifieri dawk relatati ma’ żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli) għandhom data ta’ traspożizzjoni ta’ 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-RED riveduta. Barra minn hekk, l-Artikolu 15c, li jintroduċi l-obbligu li jiġu deżinjati żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli, għandu skadenza ta’ implimentazzjoni ta’ 27 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill.

Għalhekk, uħud mill-miżuri introdotti mir-Regolament ġew inklużi mill-RED riveduta. Madankollu, id-Direttiva ma tirriflettix uħud mill-miżuri l-aktar eċċezzjonali li jinsabu fir-Regolament (UE) 2022/2577, u b’hekk iddelimitat in-natura eċċezzjonali u temporanja tagħhom.

B’mod ġenerali, l-akbar differenzi sostantivi bejn id-dispożizzjonijiet inklużi fl-RED riveduta u fir-Regolament tal-Kunsill huma dawk inklużi fl-Artikolu 3(2) dwar l-interess pubbliku prevalenti, l-iskadenza massima għar-repowering inkluża fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill. Mill-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jintroduċu aċċellerazzjoni sostanzjali għall-ħruġ tal-permessi tal-enerġija rinnovabbli u proġetti relatati mal-grilja f’dawk l-Istati Membri li applikaw dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa xieraq li jiġu estiżi dawn il-miżuri ta’ emerġenza magħżula li għandhom l-akbar potenzjal għall-aċċellerazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ikunu applikabbli immedjatament u direttament madwar l-Unjoni u jkunu differenti minn dawk inklużi fl-RED riveduta u għalhekk jistgħu jikkomplementawhom. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli stabbiliti fl-RED riveduta, l-iskadenza qasira ta’ 6 xhur għall-ħruġ tal-permessi għar-repowering għandha, wara t-30 ta’ Ġunju 2024 biss, tapplika għar-repowering ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu f’żona rinnovabbli dedikata skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

V.Konklużjoni dwar l-estensjoni tal-miżura u r-rakkomandazzjoni

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għal estensjoni ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill huma ssodisfati.

Kif spjegat fit-taqsima II, is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tjiebet sostanzjalment meta mqabbla max-xitwa li għaddiet u l-prezzijiet għall-gass u għall-elettriku naqsu. Dan jirriżulta fil-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet rapidi adottati fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari l-miżuri ta’ emerġenza adottati abbażi tal-Artikolu 122 tat-TFUE, inkluż dan ir-Regolament tal-Kunsill u l-penetrazzjoni ogħla ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jirriżultaw minnu. Madankollu, għadhom jeżistu riskji serji u f’tali kuntest ta’ volatilità kontinwata tal-prezzijiet tal-enerġija u tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista, għad hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali sinifikanti f’termini tal-użu tal-enerġija rinnovabbli sabiex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata aktar.

Filwaqt li huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-impatt ta’ dan ir-Regolament tal-Kunsill minħabba l-perjodu limitat ta’ applikazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta’ statistika uffiċjali, it-Taqsima III turi li l-miżuri mmirati inklużi f’dan ir-Regolament tal-Kunsill ikkontribwew b’mod pożittiv biex jitħaffef il-pass tal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Huma għamlu dan b’żewġ modi ewlenin: (i) billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri applikabbli għal proċessi speċifiċi għall-ħruġ tal-permessi, u (ii) billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni politika dwar l-importanza li jiġi aċċellerat il-ħruġ tal-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ikkonfermat minn diversi Stati Membri u partijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni tosserva impatt pożittiv rigward l-oqsma kollha koperti mir-Regolament tal-Kunsill, għalkemm xi drabi jkun diffiċli li jiġu attribwiti effetti speċifiċi għar-Regolament. Xi miżuri tar-Regolament (jiġifieri l-Artikoli 4 u 7) kellhom impatt aktar limitat parzjalment minħabba li l-Istati Membri diġà japplikaw regoli dwar il-ħruġ tal-permessi aktar ambizzjużi għall-installazzjoni ta’ installazzjonijiet solari żgħar u pompi tas-sħana, filwaqt li oħrajn (b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 6) wasslu għal effetti sinifikanti konkreti u tanġibbli ta’ simplifikazzjoni fl-Istati Membri li applikawhom.

Bosta Stati Membri u ħames partijiet ikkonċernati kkonsultati (ENTSO-E, European Renewable Energy Federation, Solar Heat Europe, Solar Power Europe, u Wind Europe) esprimew appelli qawwija għal estensjoni tar-Regolament jew Artikoli speċifiċi. Xi wħud talbu wkoll l-introduzzjoni ta’ modifiki mmirati.

Aspett importanti li għandu jitqies għad-deċiżjoni dwar estensjoni tar-Regolament tal-Kunsill huwa l-fatt li l-RED riveduta fiha diversi miżuri biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi li sa ċertu punt jikkoinċidu ma’ dawk inklużi fir-Regolament tal-Kunsill. B’mod aktar speċifiku, l-Artikoli 3(1), 4, 5(2), 5(3) u 5(4) u 7 tar-Regolament tal-Kunsill huma kważi replikati b’mod identiku fl-Artikoli 16c, 16d u 16e tal-RED riveduta, b’xi modifiki żgħar, spjegati fit-taqsima IV. Barra minn hekk, it-tmiem li ġej tal-mandat tal-Parlament Ewropew u ż-żmien li normalment ikun meħtieġ biex tiġi adottata leġiżlazzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja rriżultaw f’tali proċedura li ma tkunx għażla xierqa li jistabbilixxu l-miżuri temporanji fil-ħin.

Kif imsemmi hawn fuq, l-akbar differenzi sostantivi bejn id-dispożizzjonijiet inklużi fl-RED riveduta u fir-Regolament tal-Kunsill huma dawk inklużi fl-Artikoli 3(2), 5(1) u 6 tar-Regolament tal-Kunsill. Mill-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jintroduċu aċċellerazzjoni importanti għall-ħruġ tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli u għal proġetti relatati mal-grilja f’dawk l-Istati Membri li applikaw dawn id-dispożizzjonijiet jew li għandhom potenzjal sinifikanti biex jagħmlu dan fil-futur qrib. Għalhekk huwa xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi jiġu estiżi b’mod immirat. Fid-dawl tal-isfidi mqajma minn xi Stati Membri rigward l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 3, jistgħu jiġu ġġustifikati miżuri addizzjonali biex jiġu sfruttati l-benefiċċji sħaħ ta’ din id-dispożizzjoni estiża.

L-estensjoni tal-Artikoli 3(2), 5(1) u 6 tar-Regolament tal-Kunsill tkun tirrikjedi l-estensjoni tal-Artikolu 1, li jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tar-Regolament, u l-Artikolu 2(1), li jiddefinixxi “proċess għall-ħruġ tal-permessi”, terminu li jintuża fl-Artikolu 3(2).

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi estensjoni mmirata tal-Artikoli 1, 2(1), 3(2), 5(1) u 6 tar-Regolament tal-Kunsill, inklużi modifiki mmirati għal dawn id-dispożizzjonijiet meta dan ikun xieraq.

(1)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli. ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36–44.

(2)

  EUR-Lex - 32023L2413 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

(3)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata mid-Direttiva (UE) 2023/2413

(4)

  How much money are European consumers saving thanks to renewables? – Renewable Energy Market Update - Ġunju 2023 – Analiżi - IEA

(5)

  Market data – European Heat Pump Association (ehpa.org) .

(6)

 Solar Heat Europe – Decarbonising heat with Solar thermal, Market Outlook 2022/2023.

(7)

 EU fossil generation hits record low as demand falls | Ember (ember-climate.org)

(8)

  https://www.fachagentur-windenergie.de/aktuelles/detail/kraeftiger-aufwind-in-den-ersten-neun-monaten-2023  

(9)

  EU fossil generation hits record low as demand falls | Ember (ember-climate.org)

Top