IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.7.2023
COM(2023) 439 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023DC0439
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL EVALUATION of the Council Recommendation of 19 December 2016 on Upskilling Pathways: New Opportunities for adults
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti
COM/2023/439 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.7.2023
COM(2023) 439 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti
1.Introduzzjoni
It-tħaffif fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jfisser li l-ħiliet miksuba matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali m’għadhomx biżżejjed biex jissodisfaw id-domandi li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol, u l-adulti jeħtieġu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom matul ħajjithom. Barra minn hekk, ix-xejriet demografiċi li jwasslu għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol mistennija jaċċelleraw fl-għaxar snin li ġejjin, u b’hekk qed tiżdied il-pressjoni biex jintuża l-potenzjal kollu tal-ħiliet ta’ kulħadd fis-suq tax-xogħol. Huwa għalhekk li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi l-mira li mill-inqas 60 % tal-adulti għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena sal-2030. Il-mexxejja tal-UE kienu sodisfatti b’din il-mira ambizzjuża fis-Summit Soċjali ta’ Porto fl-2021, u l-Istati Membri żiduha fil-miri nazzjonali tagħhom 1 .
L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tipprevedi strateġija biex tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw aktar ħiliet li jkunu aħjar. Twettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari l-ewwel prinċipju tiegħu li jispjega d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal apprendiment tul il-ħajja inklużivi u ta’ kwalità, kif ukoll hija interkonnessa mal-inizjattivi ta’ politika oħra li jappoġġaw l-approċċ tal-apprendiment tul il-ħajja. Il-ħiliet bażiċi – il-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali – huma l-pedament għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Madankollu, hemm wisq adulti fl-UE li m’għandhomx livell funzjonali ta’ dawn il-ħiliet 2 u dawn qegħdin fir-riskju li jispiċċaw f’“nassa ta’ impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet” 3 . Dan jitlob azzjoni politika li tappoġġa l-kisba tal-ħiliet bażiċi.
L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 4 huwa li tindirizza dan ir-riskju u li l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, ta’ għarfien jew ta’ kompetenzi, pereżempju adulti bi kwalifika taħt il-livell sekondarju, jingħataw l-opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi u/jew jiksbu sett usa ta’ ħiliet, rilevanti għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.
L-ispariġġ bejn id-domandi tas-suq tax-xogħol u l-provvista tal-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati instiga wkoll id-deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet li tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet u li n-nies jitħarrġu mill-ġdid fil-ħiliet, kif ukoll li jiġu attivati aktar għas-suq tax-xogħol 5 . Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni li ħabbar il-proposta, il-President von der Leyen enfasizzat li “għandna bżonn li kulħadd jagħti sehmu” għaliex l-Ewropa mhux biss għandha nuqqas ta’ professjonisti ta’ livell għoli iżda wkoll nuqqas ta’ “sewwieqa tat-trakkijiet, ta’ waiters u ta’ ħaddiema fl-ajruport” 6 . Il-Pjan Industrijali riċenti tal-Patt Ekoloġiku 7 jenfasizza aktar il-ħtieġa li nindirizzaw in-nuqqas mifrux ta’ ħiliet li għandna llum li jżomm lura l-investiment u t-tkabbir tal-UE.
Biex jintlaħqu l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri ġew mistiedna jipprovdu appoġġ personalizzat lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet permezz ta’ perkors integrat li jikkonsisti fi tliet passi.
|
1) Valutazzjoni tal-ħiliet – identifikazzjoni tal-ħiliet eżistenti tal-adulti u kwalunkwe diskrepanza fis-sett tal-ħiliet li jeħtieġ titneħħa. |
|
|
2) Għoti ta’ offerta ta’ apprendiment imfassla apposta u flessibbli – l-għoti ta’ offerta ta’ apprendiment li tneħħi d-diskrepanzi tal-ħiliet speċifiċi identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-ħiliet. |
|
|
3) Validazzjoni u rikonoxximent – il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba u l-inkoraġġiment taċ-ċertifikazzjoni tagħhom għal kwalifika formali. |
|
L-Istati Membri ngħataw ir-rakkomandazzjoni li jidentifikaw gruppi fil-mira prijoritarji, jiżguraw koordinazzjoni u sħubija effettiva fost il-partijiet ikkonċernati, u jimplimentaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni, gwida u appoġġ biex il-benefiċjarji potenzjali jkunu jafu bl-opportunitajiet eżistenti u jiggwidawhom tul il-passi kollha tal-proċess. Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar l-evalwazzjoni 8 .
2.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni
Dan il-kapitolu jippreżenta kemm ir-Rakkomandazzjoni hija effettiva, effiċjenti u koerenti, kemm tipprovdi valur miżjud tal-UE u kemm għadha rilevanti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet attwali, filwaqt li jqis li Rakkomandazzjoni tal-Kummissjonijiet mhijiex vinkolanti.
Effettività
L-evidenza disponibbli tagħti stampa tal-effettività moderata ġenerali tar-Rakkomandazzjoni.
L-indikaturi rilevanti juru xejriet pożittivi moderati u l-implimentazzjoni kienet irregolari fost l-Istati Membri b’miżuri li spiss ma jkollhomx skala u koordinazzjoni. Filwaqt li xi partijiet ikkonċernati jaraw ir-Rakkomandazzjoni bħala katalizzatur għal enfasi mġedda fuq l-appoġġ għall-adulti biex jiksbu l-ħiliet bażiċi 9 u jqisu l-approċċ ta’ tliet passi bħala punt ta’ referenza utli, l-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher it-titjib fl-implimentazzjoni tat-tliet passi tar-Rakkomandazzjoni f’14-il Stat Membru biss 10 .
L-opportunitajiet għall-valutazzjoni tal-ħiliet issa huma mifruxa fl-Istati Membri, iżda jeħtieġu aktar professjonalizzazzjoni u perċezzjoni soċjali mingħajr stigma. Dan ifisser li l-valutazzjoni tal-ħiliet tista’ tiġi komunikata b’mod aktar pożittiv u motivanti billi jiġu enfasizzati l-ħiliet eżistenti li wieħed jista’ jibni fuqhom. Diversi Stati Membri ħadu passi biex itejbu l-forniment tal-offerti ta’ apprendiment imfassla apposta u flessibbli lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet 11 , iżda l-isfidi ma jonqsux minħabba li m’hemmx biżżejjed finanzjament – ħafna drabi jkun hemm finanzjament tal-UE bbażat fuq il-proġetti biss minflok finanzjament strutturali domestiku – biex jappoġġa il-gruppi fil-mira differenti u l-ostakli għall-aċċess u għall-adozzjoni. Bl-istess mod, il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet tjiebu f’xi Stati Membri, iżda ħafna drabi l-integrazzjoni għadha limitata fis-sistema tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, u għad m’hemmx biżżejjed sensibilizzazzjoni u adozzjoni fost l-adulti 12 .
Is-sehem tal-adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki 13 , li għandhom bejn il-25 u l-64 sena, naqas minn 23,4 % fl-2016 (56,1 miljun) għal 20,7 % fl-2021 14 (48,7 miljun). Madankollu, minbarra din ir-rakkomandazzjoni x’aktarx li l-fatturi esterni ikkontribwew għal dawn ix-xejriet, b’mod partikolari l-bidliet demografiċi 15 .
Il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali jidentifikaw għadd kbir ta’ gruppi fil-mira prijoritarji 16 , iżda l-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li għad hemm sfidi biex dawn jintlaħqu b’mod effettiv 17 . Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw ukoll li l-impatt tad-diġitalizzazzjoni żied bil-kbir il-grupp fil-mira tar-Rakkomandazzjoni. Illum il-ġurnata, bil-bidla dejjem tiżdied lejn l-ambjenti diġitali, l-individwi kollha jeħtieġu mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Barra minn hekk, enfasizzaw ukoll ir-responsabbiltà speċifika tal-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tal-adulti, filwaqt li għamlu premura dwar il-fatt li ħafna drabi l-impjegaturi jqisu dawn il-ħiliet ovvji 18 .
Il-gwida għall-karrieri hija disponibbli b’mod mifrux mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, iżda m’hemmx biżżejjed sensibilizzazzjoni, tista’ tiġi perċepita bħala intimidanti 19 u mhijiex dejjem disponibbli għall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet li mhumiex qiegħda 20 .
L-Istati Membri wettqu l-miżuri ta’ implimentazzjoni bil-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, l-NGOs u l-atturi lokali inkluż il-libreriji pubbliċi 21 . Madankollu, xi drabi r-rwoli u r-responsabbiltajiet mhumiex ċari biżżejjed u l-koordinazzjoni mhijiex effettiva, bħal pereżempju bejn il-ministeri tal-edukazzjoni u tax-xogħol, u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali 22 .
Approċċ strateġiku konġunt bejn it-tliet passi kollha 23 huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-istudenti adulti jħossuhom appoġġati u jibqgħu impenjati lejn il-perkors ta’ titjib tal-ħiliet tagħhom, iżda dan mhux komuni 24 . Xi partijiet ikkonċernati jinnotaw li biex jassistu lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet l-aktar imbiegħda mill-apprendiment, l-approċċ li jikkonċerna t-tliet passi għandu jiġi integrat mas-servizzi soċjali u mal-programmi tas-suq tax-xogħol 25 .
Effiċjenza
Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati jqisu l-kostijiet tal-implimentazzjoni bħala proporzjonati 26 għall-benefiċċji, irrispettivament mill-punt tat-tluq tal-Istat Membru, ma tista’ tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar l-effiċjenza peress li l-Istati Membri ma ġabrux id-data b’mod sistematiku dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Dan jirrifletti l-kostijiet ta’ implimentazzjoni baxxi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-benefiċċji komparattivament kbar mil-lat tal-miżuri diretti tat-titjib tal-ħiliet, iżda wkoll fl-għamla ta’ żieda fis-sensibilizzazzjoni u aktar attenzjoni għall-ħiliet bażiċi tal-adulti fid-dibattitu nazzjonali.
Il-fondi tal-UE kkofinanzjaw ħafna mill-miżuri ta’ implimentazzjoni waqt il-perjodu ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 27 . L-effiċjenza tal-implimentazzjoni hija perċepita li tvarja skont kemm hemm karatteristiċi differenti: jiġifieri, ir-responsabbiltajiet ċari assenjati bejn l-atturi, il-proċessi fis-seħħ għall-għażla tal-fornituri tat-taħriġ ta’ kwalità, l-involviment ta’ persunal speċifikament imħarreġ u l-kooperazzjoni bejn l-impjegaturi, kif ukoll il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni użati biex itejbu l-implimentazzjoni.
Koerenza
Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali jqisu li r-Rakkomandazzjoni hija koerenti internament, b’objettivi, rakkomandazzjonijiet u impatti mistennija konsistenti. Il-miżuri proposti fir-Rakkomandazzjoni jitqiesu li jipprovdu qafas ta’ politika komprensiv biex jiggwidaw l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw ukoll livell għoli ta’ koerenza bejn ir-Rakkomandazzjoni u l-politiki u l-istrateġiji rilevanti fil-livell nazzjonali u dak reġjonali. Madankollu, l-integrazzjoni insuffiċjenti tat-tliet passi f’perkors uniku u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni strateġika bejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni u partijiet oħra tas-sistema ta’ apprendiment għall-adulti huma ta’ sfida għall-implimentazzjoni koerenti fil-livell nazzjonali.
Ir-Rakkomandazzjoni titqies ukoll bħala koerenti u komplementari ma’ inizjattivi rilevanti oħra tal-UE relatati mal-ħiliet u mal-impjiegi 28 .
Kważi l-partijiet ikkonċernati kollha kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, qiesu li hemm koerenza politika tajba bejn ir-Rakkomandazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE 29 .
Valur miżjud tal-UE
Minħabba li r-Rakkomandazzjoni mhijiex vinkolanti, il-valur miżjud tal-UE mmaterjalizza l-aktar fl-għamla ta’ żieda fl-attenzjoni politika fuq il-livell baxx ta’ ħiliet bażiċi fost l-adulti f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni pprovdiet qafas komuni għall-azzjoni politika nazzjonali, rawmet il-kollaborazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri u bejniethom, u/jew immobilizzat il-finanzjament u l-appoġġ tekniku għall-esperimentazzjoni politika. F’xi Stati Membri, ir-Rakkomandazzjoni swiet ta’ ispirazzjoni għar-riformi tas-sistema tal-apprendiment għall-adulti 30 . F’oħrajn, serviet bħala punt ta’ riferiment li miegħu tqabblu s-sistemi ta’ appoġġ eżistenti, u biex jiġu ppilotati jew introdotti dispożizzjonijiet immirati dwar wieħed mit-tliet passi.
Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw ir-rwol tar-Rakkomandazzjoni fit-trawwim tal-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-Istati Membri 31 . L-assistenza teknika ngħatat permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) jew is-suċċessur tiegħu, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) 32 , kif ukoll indirettament bl-appoġġ tal-OECD fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar il-ħiliet u r-rapporti dijanjostiċi f’diversi Stati Membri 33 . Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li r-Rakkomandazzjoni għenet biex il-fondi tal-UE jiġu diretti mid-diversi flussi ta’ finanzjament lejn il-proġetti għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi għad-diversi gruppi fil-mira.
Rilevanza
Il-partijiet ikkonċernati kienu kważi unanimi fl-opinjoni tagħhom li l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni għadhom rilevanti 34 , li hija wkoll riflessa fil-miri riċenti tal-ogħla livell tal-UE. Bl-istess mod, il-partijiet ikkonċernati jqisu li l-miżuri definiti fir-Rakkomandazzjoni għadhom rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi tagħha: huma enfasizzaw il-ħtieġa kontinwa li jingħata appoġġ lil dawk b’livell baxx ta’ ħiliet permezz ta’ miżuri mfassla apposta u r-rilevanza kontinwa tal-approċċ ta’ “bini tas-sistema” tar-Rakkomandazzjoni.
Il-partijiet ikkonċernati jqisu wkoll li l-attenzjoni fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni għadha rilevanti 35 peress li għamlet differenza tul il-perjodu ta’ evalwazzjoni billi żiedet l-attenzjoni politika għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tal-adulti, u rawmet ir-riforma nazzjonali u l-esperimentazzjoni politika.
3.Modi ta’ progress biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni
Minkejja l-progress li sar, għad fadal sfidi sinifikanti għall-implimentazzjoni:
·L-ewwel sfida prinċipali hija l-progress irregolari fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri, b’diskrepanzi kbar fl-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet disponibbli għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet.
·It-tieni sfida prinċipali hija li l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda mill-Istati Membri spiss għad għandhom livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni li mhijiex biżżejjed effettiva 36 .
·It-tielet sfida prinċipali hija r-rwol dominanti tal-finanzjament tal-UE bbażat fuq il-proġetti meta mqabbel mal-finanzjament domestiku strutturali.
·Ir-raba’ sfida prinċipali hija l-integrazzjoni insuffiċjenti tat-tliet passi tar-Rakkomandazzjoni f’perkors komprensiv, li tirrifletti livell insuffiċjenti ta’ koordinazzjoni strateġika. L-approċċ konġunt tar-Rakkomandazzjoni spiss ma jiġix rifless fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri. Dan jillimita l-ambitu għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni, u l-kapaċità li jinsiltu tagħlimiet mill-evidenza.
Peress li n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet qed jiżdiedu, il-Kummissjoni tqis li hemm iktar xi jsir biex tittejjeb l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet. Dan meħtieġ biex kulħadd jingħata l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà u biex tiġi evitata “in-nassa ta’ impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet”. Dan huwa meħtieġ bl-istess mod biex jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol u biex jiżdiedu l-kompetittività u t-tranżazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. Ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi wkoll li l-iżvilupp tal-ħiliet matul il-ħajja huwa dritt individwali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 37 u kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu 38 .
Biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni, l-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni, għandhom jiġu mistiedna:
·Isaħħu l-kooperazzjoni strateġika fil-livell nazzjonali biex joħolqu perkorsi integrati ta’ titjib tal-ħiliet u jiftħu komunitajiet ta’ apprendiment, inkluż billi jiżviluppaw u jirrieżaminaw l-istrateġiji nazzjonali għall-gvern sħiħ bi sħubija mill-qrib mas-sħab soċjali, mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
·Jinkoraġġixxu azzjoni kollettiva u approċċ ta’ sħubija wiesa’ dwar il-ħiliet bażiċi fost il-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, inkluż permezz tal-Patt għall-Ħiliet 39 , b’enfasi fuq il-post tax-xogħol bħala ambjent ta’ apprendiment.
·Jiddefinixxu aħjar il-benefiċjarji tat-titjib tal-ħiliet biex jirriflettu x-xejriet bħad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jintesa u jiġu adattati l-miżuri ta’ appoġġ skont dan, kif ukoll jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi fuq bażi individwali.
·Iżidu s-sensibilizzazzjoni komunikattiva b’mod partikolari għal “dawk l-aktar diffiċli li jintlaħqu” filwaqt li tiġi evitata l-istigmatizzazzjoni permezz ta’ enfasi fuq il-benefiċċji fil-ġejjieni tat-titjib tal-ħiliet meta mqabbla man-nuqqasijiet attwali fil-ħiliet.
·Jużaw ir-riżorsi sinifikanti tal-UE fil-qafas tal-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza 40 u fil-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus biex jixprunaw l-investiment fil-ħiliet, fl-infrastruttura u fir-riformi domestiċi, u jsostnuhom permezz ta’ finanzjament domestiku fuq terminu minn medju sa twil biex iwasslu għal titjib strutturali.
·Jużaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kontijiet individwali tal-apprendiment 41 biex iżidu l-forniment ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mingħajr stigma, imfassla, flessibbli u ta’ kwalità, u jiffaċilitaw l-integrazzjoni faċli għall-utent tagħhom mal-valutazzjoni tal-ħiliet, il-validazzjoni u l-gwida għall-karrieri appoġġati minn finanzjament domestiku adegwat.
·Jużaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali 42 biex iżidu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-korsijiet qosra ta’ taħriġ.
Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (2023) .
Adulti b’livell baxx ta’ kisba edukattiva (jiġifieri l-livelli 0-2 tal-ISCED).
87 % tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qablu li l-gwida politika tal-UE għadha meħtieġa mhux ħażin jew fil-biċċa l-kbira. Ara wkoll id-dokument ta’ pożizzjoni tal-World Employment Confederation Europe, li tiddikjara li “il-gwida tal-UE hija meħtieġa sa ċertu punt biex tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba u tippromwovi l-apprendiment reċiproku u l-apprendiment komparattiv”.