Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0566

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit skont il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

COM/2022/566 final

Brussell, 31.10.2022

COM(2022) 566 final

2022/0352(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit skont il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE stabbilit skont il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, dwar l-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Sal-lum, skont il-Ftehim, il-Parti Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li:

(a)Jikkontribwixxi għat-tnaqqis u l-qerda ulterjuri tal-faqar bit-twaqqif ta’ sħubija kummerċjali koerenti mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli, l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-Ftehim ta’ Cotonou;

(b)Jippromwovi ekonomija reġjonali fl-Afrika Ċentrali li hija aktar kompetittiva u aktar diversifikata, u tkabbir aktar b’saħħtu;

(c)Jippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, il-kooperazzjoni ekonomika u l-governanza tajba fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali;

(d)jippromwovi l-integrazzjoni progressiva tal-Parti tal-Afrika Ċentrali fl-ekonomija dinjija, b’konformità mal-għażliet politiċi u l-prijoritajiet ta’ żvilupp tagħha;

(e)itejjeb il-kapaċitajiet tal-Parti tal-Afrika Ċentrali fil-qasam tal-politika kummerċjali u fuq il-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ;

(f)jistabbilixxi u jimplimenta qafas regolatorju reġjonali effikaċi, previdibbli u trasparenti għall-kummerċ u l-investiment fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali, biex b’hekk jappoġġa l-kundizzjonijiet biex jitkabbru l-investimenti u l-inizjattivi tas-settur privat, u biex tiżdied il-kapaċità li jiġu offruti prodotti u servizzi, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tar-reġjun;

(g)jinforza r-relazzjonijiet eżistenti bejn il-Partijiet fuq il-bażi ta’ solidarjetà u interess reċiproku. Għal dan l-għan, b’koerenza mal-obbligi tad-WTO, il-Ftehim se jtejjeb ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, jappoġġa dinamika kummerċjali ġdida bejn il-Partijiet permezz tal-liberalizzazzjoni progressiva u asimetrika tal-kummerċ bejniethom u jinforza, ikabbar u japprofondixxi l-kooperazzjoni fis-setturi kollha li jikkonċernaw il-kummerċ;

(h)jippromwovi l-iżvilupp tas-settur privat u t-tkabbir tal-impjiegi.

Il-Ftehim ġie nnegozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, São Tomé u Príncipe, il-Gabon, il-Ginea Ekwatorjali, iċ-Chad min-naħa l-oħra. Sal-lum, skont il-Ftehim, il-Parti Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun. Il-Ftehim mal-Parti Afrika Ċentrali ġie ffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2009, u ġie applikat fuq bażi proviżorja mill-4 ta’ Awwissu 2014.

2.2.Is-Sottokumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali

Skont l-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali, adottati fil-15 ta’ Diċembru 2016 bid-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat tal-FSE, il-Kumitat tal-FSE jista’ jwaqqaf taħt l-awtorità tiegħu sottokumitati responsabbli għat-trattament ta’ suġġetti speċifiċi skont il-Ftehim.

Il-ħtieġa għat-twaqqif ta’ dan is-sottokumitat ġiet inizjalata b’riżoluzzjoni meħuda matul l-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali, li saret fil-11 u t-12 ta’ Mejju 2015 fi Brussell (il-Belġju) bejn l-UE u l-Kamerun.

Fid-9 u l-10 ta’ Ġunju 2022, fil-qafas tas-sitt laqgħa tal-Kumitat tal-FSE bejn l-UE u l-Kamerun, il-Partijiet affermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jistabbilixxu sottokumitat tal-FSE ddedikat għall-kwistjonijiet agrikoli u pastorali u kellhom diskussjoni dettaljata dwar il-kontenut tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE li jistabbilixxi tali sottokumitat. Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ġie vvalidat bejn il-Partijiet, li qablu li jadottaw din id-deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun, wara rieżami mit-tim legali u f’konformità mal-proċeduri interni ta’ kull Parti.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stabbilit mill-FSE bejn l-UE u l-Afrika Ċentrali.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat tal-FSE huwa korp maħluq minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kumitat tal-FSE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 92 tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Għeluq

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali se jemenda l-Ftehim, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2022/0352 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit skont il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, (il-“Ftehim”) 2 , ġie ffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2009 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE 3 , u ġie applikat fuq bażi proviżorja mill-4 ta’ Awwissu 2014.

(2)Skont il-Ftehim, il-Parti Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

(3)Skont l-Artikolu 92 tal-Ftehim, huwa stabbilit Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali, li għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-oqsma kollha koperti mill-Ftehim u għat-twettiq tal-kompiti kollha msemmija fih.

(4)Skont l-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali, adottat fil-15 ta’ Diċembru 2016 bid-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat tal-FSE, għat-twettiq effettiv tal-kompiti tiegħu, il-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali jista’ jistabbilixxi taħt l-awtorità tiegħu sottokumitati responsabbli għat-trattament ta’ suġġetti speċifiċi skont il-Ftehim. Għaldaqstant, il-Kumitat tal-FSE UE-Afrika Ċentrali jista’ jistabbilixxi Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali peress li se jkollha effetti legali fl-Unjoni.

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim interim għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ Sottokumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Emendi minuri għall-abbozz ta’ Deċiżjoni, li ma jinvolvux xi modifika sostanzjali, għandhom jiġu awtorizzati mingħajr deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(2)    ĠU L 57, 28.2.2009, p. 1.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE tal-20 ta Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 57, 28.2.2009, p. 1).
Top

Brussell, 31.10.2022

COM(2022) 566 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit skont il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


ANNESS

Abbozz ta’
DEĊIŻJONI Nru .../ 2022 TAL-KUMITAT TAL-FSE

stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, dwar l-istabbiliment tas-Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

IL-KUMITAT TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 92 li jipprevedi li l-Kumitat tal-FSE għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-oqsma kollha koperti mill-Ftehim u mit-tlestija tal-kompiti kollha msemmija fih;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1//2016 tal-Kumitat tal-FSE tal-15 ta’ Diċembru 2016 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u b’mod partikolari l-Artikolu 5 li jipprevedi li l-Kumitat tal-FSE jista’ jwaqqaf taħt l-awtorità tiegħu sottokumitati responsabbli għat-trattament ta’ suġġetti speċifiċi skont il-Ftehim;

Filwaqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jiġi stabbilit Sottokumitat tal-FSE dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali;

JADOTTA D-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

1.Is-Sottokumitat tal-FSE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għas-sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Parti Afrika Ċentrali huwa b’dan stabbilit biex iwettaq il-kompiti definiti fl-Artikolu 2 hawn taħt.

2.L-għan ewlieni tas-Sottokumitat tal-EPA għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali huwa li jiffaċilita l-iskambji dwar kwistjonijiet agrikoli, pastorali u ta’ żvilupp rurali.

Artikolu 2

Is-Sottokumitat tal-EPA għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għandu jkun responsabbli biex jistudja dokumenti biex jelabora opinjonijiet, jiżviluppa u joħroġ opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwistjonijiet agrikoli, pastorali u ta’ żvilupp rurali. Huwa għandu jippermetti lill-Partijiet jiskambjaw l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki tagħhom u jikkonsultaw lil xulxin dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-objettivi ġenerali u speċifiċi definiti fl-Artikolu 2 tat-Titolu I tal-Ftehim, u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sottokumitat kif deskritt hawn taħt.

1.Is-Sottokumitat tal-EPA għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għandu jkun responsabbli, taħt l-awtorità tal-Kumitat tal-FSE, għal:

a)Il-monitoraġġ tal-aspetti kollha tat-Titoli II, III u V tal-Ftehim relatati mal-kummerċ fi prodotti agrikoli u tal-bhejjem, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali, kif ukoll kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali u żvilupp sostenibbli, kif japplikaw għall-prodotti agrikoli u tal-bhejjem.

b)It-twettiq ta’ djalogu ta’ politika dwar l-agrikoltura, il-bhejjem u l-iżvilupp rurali fl-oqsma li ġejjin:

i)Il-produzzjoni, il-konsum, il-promozzjoni tal-kummerċ u l-iżviluppi tas-suq rispettivi tal-prodotti agrikoli u tal-bhejjem;

ii)Il-promozzjoni tal-investiment fis-setturi agrikoli u pastorali, inklużi attivitajiet fuq skala żgħira;

iii)Politiki, leġiżlazzjoni u regolamenti dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inklużi politiki dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-biedja organika

iv)Teknoloġiji ġodda, riċerka u innovazzjoni, u trasferiment tal-għarfien lis-setturi agrikoli kif ukoll azzjonijiet meħtieġa biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli.

2.Is-Sottokumitat tal-FSE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għandu jkun responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-FSE sa fejn dawn ikunu relatati mal-qasam ta’ kompetenza definit fl-ewwel paragrafu.

3.Is-Sottokumitat tal-FSE għandu jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu lill-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 3

Is-Sottokumitat tal-FSE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għandu jkun magħmul, fuq naħa waħda, minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u, fuq in-naħa l-oħra, minn rappreżentanti tal-Parti Ċentru-Afrikana. Il-partijiet rappreżentati jistgħu jiddeċiedu b’mod konġunt li jistiednu parteċipanti oħra, b’mod partikolari rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati milquta mill-qasam ta’ kompetenza tas-sottokumitat.

Artikolu 4

Is-Sottokumitat tal-FSE għandu jiltaqa’ jew fiżikament jew bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor stabbilit bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. L-aġenda u l-frekwenza tal-laqgħat tas-sottokumitat għandhom jiġu stabbiliti b’kunsens bejn il-partijiet rappreżentati.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

Magħmul fi Brussell, _____ 2022.

Top