IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2022
COM(2022) 564 final
2022/0350(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022PC0564
Proposal for a COUNCIL DECISION appointing the members of the selection panel provided for in Article 14(3) of Regulation (EU) 2017/1939
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
COM/2022/564 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2022
COM(2022) 564 final
2022/0350(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017 1 . L-UPPE assuma l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni kkonferiti lilu minn dak ir-Regolament fl-1 ta’ Ġunju 2021. L-UPPE huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 2 u ddeterminati mir-Regolament (UE) 2017/1939.
F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Prosekuturi Ewropej huma parti mil-livell ċentrali tal-UPPE. Flimkien mal-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej kollha, jiġifieri, Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE, jifformaw il-Kulleġġ tal-UPPE. Il-Kunsill ħatar l-ewwel 22 Prosekutur Ewropew tal-UPPE f’Lulju 2020 3 .
Il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej huwa ta’ sitt snin u l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendih għal massimu ta’ tliet snin (l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939). L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li kull tliet snin jenħtieġ li jkun hemm sostituzzjoni parzjali ta’ terz tal-Prosekuturi Ewropej u jirrikjedi li l-Kunsill jadotta regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perjodu tal-mandat u matulu. Abbażi ta’ dan, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta’ April 2019 4 , li tipprevedi li l-mandat tal-Prosekuturi Ewropej minn tmien Stati Membri, iddeterminat bit-tlugħ tal-poloz, jenħtieġ li jkun ta’ tliet snin u ma jiġġeddidx. Il-mandat ta’ dawn il-Prosekuturi Ewropej għalhekk ser jiskadi f’Lulju 2023.
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li jenħtieġ li l-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati nnominati mill-Istati Membri għall-kariga ta’ Prosekuturi Ewropej wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tal-istess Regolament. F’konformità mad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, jenħtieġ li l-bord tal-għażla jkun jikkonsisti minn tnax-il persuna, li jridu jinħatru mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, u magħżula minn fost eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Jenħtieġ li waħda mill-persuni magħżula tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-membri attwali tal-bord tal-għażla jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 5 .
Peress li l-bord tal-għażla jeħtieġ li jiġġedded sabiex iwettaq l-intervisti tal-kandidati nnominati mill-Istati Membri għas-sostituzzjoni ta’ tmien Prosekuturi Ewropej, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill għall-ħatra tal-membri tal-bord. Il-membri kollha proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Waħda mill-persuni magħżula kienet proposta mill-Parlament Ewropew fis-7 ta’ Ġunju 2022. Meta pproponiet it-tnax-il membru tal-bord tal-għażla, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa li tiżgura bilanċ f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, tal-ġeneru u tal-għarfien tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-UPPE ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2017/1939, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 86 TFUE. L-UPPE ilu jeżerċita l-funzjonijiet attribwiti lilu mir-Regolament (UE) 2017/1939 mill-1 ta’ Ġunju 2021. Billi tippreżenta din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla, il-Kummissjoni qed tikkonforma mal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Din il-proposta tippermetti l-ħatra tal-membri l-ġodda tal-bord tal-għażla, peress li l-mandat tal-membri attwali mistenni jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275. Il-ħatra tal-bord tal-għażla mill-Kunsill imbagħad tippermetti t-tnedija tal-proċeduri meħtieġa biex jiġu sostitwiti tmien Prosekuturi Ewropej fl-2023 u, meta jkun xieraq, Prosekuturi Ewropej oħra u l-Kap Prosekutur Ewropew. Din il-proposta hija għalhekk konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika rispettiv.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni li għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta għall-ħatra tal-membri tal-bord tal-għażla prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 tista’ ssir biss mill-Kummissjoni u għalhekk hija kompetenza esklużiva min-natura tagħha, li mhijiex soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi proposti u hija għalhekk konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din il-proposta hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Prosekuturi Ewropej u l-Kap Prosekutur Ewropew ikunu jistgħu jiġu sostitwiti fi tmiem il-mandat tagħhom, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet operazzjonali tal-UPPE.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-Kunsill irid jadotta deċiżjoni li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla fuq proposta mill-Kummissjoni. L-għażla tal-istrument propost hija għalhekk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kwistjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Minħabba n-natura teknika ta’ din il-proposta u n-nuqqas ta’ diskrezzjoni fuq il-Kummissjoni, li qed tikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ma twettqux evalwazzjonijiet ex post, konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjonijiet tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Minħabba n-natura ta’ din il-miżura, ma hemm l-ebda ħtieġa għal pjanijiet ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ u lanqas għal arranġamenti ta’ evalwazzjoni u rappurtar.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jipprevedi li t-tnax-il persuna elenkati fih għandhom jinħatru bħala membri tal-bord previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 2.
2022/0350 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) 6 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kap Prosekutur Ewropew jinħatar mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill minn fost il-kandidati magħżula mill-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-prosekuturi Ewropej jinħatru mill-Kunsill minn fost tliet kandidati kwalifikati nnominati minn kull Stat Membru wara li jkunu rċevew opinjoni motivata minn dak il-bord tal-għażla.
(2)Abbażi ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 7 , il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej minn tmien Stati Membri, iddeterminat bit-tlugħ tal-poloz, jenħtieġ li jkun ta’ tliet snin u ma jiġġeddidx. Il-mandat ta’ dawn il-Prosekuturi Ewropej għalhekk ser jiskadi f’Lulju 2023.
(3)Il-mandat tal-membri attwali tal-bord tal-għażla jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 8 . Għalhekk għandhom jinħatru membri ġodda.
(4)Il-bord tal-għażla għandu jinkludi tnax-il persuna magħżula minn fost eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta.
(5)Wieħed mill-membri tal-bord tal-għażla għandu jkun propost mill-Parlament Ewropew. Fis-7 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew innomina lis-Sa Margreet Fröberg bħala membru tal-bord tal-għażla.
(6)Il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn is-sessi u r-rappreżentanza dovuta tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE għas-sħubija fil-bord tal-għażla.
(7)Fost il-ħdax-il persuna proposti mill-Kummissjoni, hemm eks membru tal-Qorti tal-Ġustizzja, eks membru tal-Qorti tal-Awdituri, eks membru nazzjonali tal-Eurojust, sitt prosekuturi ta’ livell għoli u żewġ membri ta’ qrati supremi nazzjonali, u huma sitt irġiel u ħames nisa.
(8)Għalhekk jenħtieġ li l-membri tal-bord tal-għażla jinħatru,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għal perjodu ta’ erba’ snin [mid-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni], il-persuni li ġejjin għandhom jinħatru bħala membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939:
Is-Sur Jean-François BOHNERT
Is-Sur Vítor Manuel DA SILVA CALDEIRA
Is-Sur Peter FRANK
Is-Sa Margreet Fröberg
Is-Sa Ulrike HABERL-SCHWARZ
Is-Sa María Ángeles GARRIDO LORENZO
Is-Sa Saale LAOS
Is-Sur Ján MAZÁK
Is-Sur Marin MRČELA
Is-Sur Antonio MURA
Is-Sa Martine SOLOVIEFF
Is-Sa Tuire Tamminiemi.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President