Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0543

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa

    COM/2022/543 final

    Brussell, 14.10.2022

    COM(2022) 543 final

    2022/0332(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fid-dawl tat-tnejn u erbgħin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa, Strasburgu, Franza, mid-29 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru 2022. Il-pożizzjoni tikkonċerna l-adozzjoni prevista mill-Kumitat Permanenti ta’ (1) deċiżjoni dwar emenda tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni u (2) deċiżjoni dwar emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa

    Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Bern) (“il-Ftehim”) għandha l-għan li tikkonserva l-flora u l-fawna selvaġġa Ewropea u l-ħabitats naturali tagħha, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ bosta Stati. Dan huwa trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982. L-Unjoni Ewropea ilha Parti Kontraenti għal dan il-Ftehim mill-1 ta’ Settembru 1982 1 . Bħalissa, hemm 51 Parti Kontraenti għall-Ftehim, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE.

    2.2.Il-Kumitat Permanenti

    Il-Kumitat Permanenti huwa l-organu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni li għandu s-setgħat li jivvaluta l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u, sussegwentement, li jirrieżamina l-elenkar tagħhom fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Il-funzjonijiet tiegħu huma enumerati fl-Artikolu 13 sal-Artikolu 15 tal-Ftehim. Huwa jiltaqa’ tal-inqas kull sentejn u kull meta l-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti titlob dan. Sar abitwali li l-Kumitat Permanenti jiltaqa’ kull sena.

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi tal-appendiċijiet kif ukoll dwar ir-reviżjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Permanenti hija stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    2.3.L-atti previsti tal-Kumitat Permanenti

    Fit-tnejn u erbgħin laqgħa tiegħu, il-Kumitat Permanenti huwa mistenni jadotta żewġ deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni Ewropea. L-ewwel waħda tikkonċerna emenda tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III tal-Ftehim u t-tieni waħda tikkonsisti f’emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti.

    2.3.1    Emenda tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III

    F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim, emenda tal-Appendiċijiet għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet kontraenti. Din tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha tliet xhur wara l-adozzjoni mill-Kumitat Permanenti sakemm terz tal-Partijiet Kontraenti ma jkunux innotifikaw oġġezzjonijiet. Kwalunkwe emenda tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet Kontraenti li ma jkunux innotifikaw oġġezzjonijiet. L-iskop tal-att previst huwa li jiġu emendati l-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Ftehim, kif previst fl-Artikolu 17 tal-Ftehim.

    2.3.2    Emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti

    F’konformità mal-Artikolu 13.6 tal-Ftehim, il-Kumitat Permanenti fassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Skont l-Artikolu 21, ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħin mill-Partijiet kontraenti. L-iskop tal-att previst huwa li jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    3.1.Emenda tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III

    L-Iżvizzera pproponiet emenda tal-appendiċijiet tal-Ftehim. Il-proposta tipprevedi li jitnaqqas il-livell ta’ protezzjoni għal-Lupu (Canis lupus) billi dan jitmexxa mill-Appendiċi II (speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta) għall-Appendiċi III (speċijiet ta’ fawna protetti – hija possibbli regolamentazzjoni). L-elenkar ta’ speċijiet ta’ annimali taħt l-Appendiċi II jew III huwa bbażat fuq id-data xjentifika disponibbli fiż-żmien tan-negozjati tal-Ftehim u l-listi ta’ mammiferi, għasafar, anfibji u rettili mhedda fl-Ewropa, imfassla mill-Kumitat Ewropew għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali skont il-Kunsill tal-Ewropa 2 . Skont il-Ftehim, ma ġie adottat l-ebda kriterju għall-elenkar jew għat-tneħħija mil-lista ulterjuri tal-ispeċijiet skont l-Appendiċijiet.

    Fl-2018, l-Iżvizzera kienet diġà pproponiet emenda simili, li tfittex li tippermetti l-ġestjoni u l-kontroll tal-ilpup mingħajr il-ħtieġa li jinħarġu derogi skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni. L-argument ewlieni mogħti b’appoġġ għall-proposta kien li l-għadd ta’ lpup fl-Ewropa żdied sostanzjalment minn meta daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni u għalhekk ma huwiex meħtieġ livell strett ta’ protezzjoni. Fit-38 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, il-President iddeċieda li ma jressaqx il-proposta għal votazzjoni, wara li nnota li għadd importanti ta’ Partijiet ma kinux lesti li jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni. L-Iżvizzera ħabbret li xtaqet tirritorna għall-proposta ladarba r-rapporti rilevanti jsiru disponibbli kemm skont il-Konvenzjoni ta’ Bern (Rapportar skont ir-Riżoluzzjoni Nru 8 (2012) dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats) kif ukoll mill-UE (Rapportar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats 3 .

    Il-proposta attwali mill-Iżvizzera tippreżenta l-istess argumentazzjoni bħall-proposta tal-2018. Din hija bbażata fuq l-evoluzzjoni pożittiva tal-ispeċijiet madwar l-Ewropa u fuq il-ħtieġa allegata tal-armonizzazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni skont il-Konvenzjoni, minħabba r-riżervi eżistenti minn xi Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni stretta tal-lupu. Jekk tiġi adottata, il-proposta effettivament twassal għall-aktar status baxx ta’ protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ilpup madwar l-Ewropa, irrispettivament mill-istatus u mix-xejriet differenti ta’ konservazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Partijiet u fir-reġjuni bijoġeografiċi.

    Mill-2018, hija disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi.

    L-aktar valutazzjonijiet riċenti skont il-kriterji tal-Lista Ħamra tal-IUCN jmorru lura għall-2018. Mid-disa’ popolazzjonijiet tal-ilpup prinċipalment transkonfinali fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-viċinat tagħha, tlieta biss huma ta’ “l-inqas tħassib” filwaqt li sitta huma “vulnerabbli” jew “kważi mhedda” 4 . Il-popolazzjoni tal-Alpi Ċentrali tal-Punent li tkopri l-Iżvizzera u l-popolazzjoni tal-Iskandinavja li tkopri n-Norveġja huma t-tnejn “vulnerabbli” fil-Valutazzjoni tal-Lista Ħamra tal-IUCN.

    Barra minn hekk, fl-2020, il-valutazzjoni fil-livell tal-UE tal-istatus ta’ konservazzjoni għal-lupu abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri, turi li l-ispeċi għadha fi status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli u inadegwat f’sitta minn seba’ reġjuni bijoġeografiċi tal-UE 5 . Għalkemm ix-xejriet tal-popolazzjoni u tal-firxa qegħdin jitjiebu b’mod ġenerali, u dan juri li l-ispeċi qiegħda terġa’ tikkolonizza partijiet mill-firxa storika tagħha, għadha ma kisbitx status ta’ konservazzjoni favorevoli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u tar-reġjuni bijoġeografiċi 6 . L-ispeċi tibqa’ soġġetta għal theddid u għal pressjonijiet sinifikanti, inklużi livelli għoljin ta’ mortalità kkawżata mill-bniedem (jiġifieri mill-kaċċa illegali).

    Fl-2021, saru disponibbli wkoll ir-riżultati tar-rapportar skont ir-Riżoluzzjoni Nru 8 (2012) tal-Konvenzjoni ta’ Bern 7 . Ir-rapportar dwar l-istatus ta’ konservazzjoni għall-perjodu bejn l-2013 u l-2019 kien f’fażi ta’ ttestjar u mhux il-Partijiet Kontraenti kollha kkontribwew għal dan l-eżerċizzju. L-Iżvizzera u n-Norveġja, pajjiżi tal-firxa għall-popolazzjonijiet tal-lupu transkonfinali mal-Istati Membri tal-UE, bagħtu r-rapporti tagħhom. Fl-Iżvizzera, il-lupu huwa rrapportat fi status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli u mhux adegwat għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali, wieħed miż-żewġ reġjuni bijoġeografiċi tal-pajjiż. In-Norveġja rrapportat status ta’ konservazzjoni mhux magħruf tal-ispeċi fiż-żewġ reġjuni bijoġeografiċi tagħha.

    L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi bis-sħiħ l-isfidi tal-koeżistenza bejn in-nies u l-ilpup, li jirriżultaw mill-irkupru tagħhom f’numri u f’firxa. Dawn l-isfidi jirrikjedu viġilanza u monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni. Abbażi tar-riżultati tat-tali monitoraġġ, jista’ jkun hemm bżonn li jitqiesu azzjonijiet ulterjuri, inkluża l-evalwazzjoni tal-qafas attwali għall-konservazzjoni tal-ilpup. L-Unjoni Ewropea se tivvaluta s-sitwazzjoni, filwaqt li tqis l-eżitu tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti. F’dan l-istadju, madankollu, fid-dawl tal-aħħar data ppreżentata hawn fuq, il-proposta tal-Iżvizzera li tnaqqas l-istatus ta’ protezzjoni tal-lupu madwar l-Ewropa ma hijiex iġġustifikata mil-lat xjentifiku u ta’ konservazzjoni. Il-proposta lanqas ma hija konformi mal-istatus attwali ta’ protezzjoni legali tal-ispeċijiet mogħtija mill-Anness IV tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-objettiv ewlieni kemm tal-Konvenzjoni ta’ Bern kif ukoll tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, li jiġu żgurati r-restawr u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet għal status ta’ konservazzjoni favorevoli, ma ntlaħaqx. L-istatus ta’ protezzjoni legali stretta jidher li huwa meħtieġ għall-appoġġ tal-isforzi biex jiġu eliminati t-theddidiet ewlenin għall-ispeċi. Il-qafas ġuridiku eżistenti qiegħed jippermetti rkupru kontinwu tal-ispeċi u qiegħed jipprovdi lill-Partijiet bl-għodod meħtieġa sabiex jindirizzaw problemi speċifiċi, inkluż il-possibbiltà li joħorġu derogi skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni (u l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats) f’konformità mal-kundizzjonijiet meħtieġa 8 .

    Il-proposta tal-Iżvizzera tarmonizza l-protezzjoni tal-lupu skont il-Konvenzjoni ta’ Bern billi tapplika l-aktar status ta’ protezzjoni baxx kullimkien. Fid-dawl tal-valutazzjonijiet l-aktar reċenti tal-istatus ta’ konservazzjoni, huwa rakkomandabbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fost il-Partijiet li jikkondividu l-popolazzjonijiet tal-lupu transkonfinali, li potenzjalment tista’ twassal għat-tneħħija tar-riżervi eżistenti u għal sforzi kkoordinati aħjar ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni. Ta’ min jinnota li l-Iżvizzera u n-Norveġja ma għamlu l-ebda riżerva, u għalhekk ma hemm l-ebda inkonsistenza bejn l-istatus tal-protezzjoni legali tal-lupu f’dawk il-pajjiżi u l-Istati Membri li jikkondividu magħhom il-popolazzjonijiet tal-lupu.

    Għalhekk, abbażi tal-aħħar data xjentifika disponibbli bħalissa u f’konformità mal-qafas legali attwali tal-UE, l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li topponi l-proposta mill-Iżvizzera li tmexxi l-Lupu (Canis lupus) mill-Appendiċi II dwar “Speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta” għall-Appendiċi III dwar “Speċijiet ta’ fawna protetti” tal-Ftehim. Madankollu, se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup u l-isfidi tal-koeżistenza man-nies.

    3.2.Emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti

    Fl-2020 u fl-2021, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-Kumitat Permanenti għall-Ftehim iltaqa’ permezz ta’ pjattaforma online. L-esperjenza kienet waħda pożittiva iżda żvelat il-ħtieġa li r-regoli, l-għodod u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet eżistenti tal-Ftehim jiġu adattati għall-metodi ta’ ħidma u għall-ħtiġijiet il-ġodda. Is-Segretarjat, f’kooperazzjoni mal-Bureau tal-Konvenzjoni ta’ Bern, ippropona diversi emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti (id-dokument TPVS/Inf(2022)29), stabbilit f’konformità mal-Artikolu 13.6 tal-Ftehim.

    Minbarra l-bidliet editorjali minuri ssuġġeriti għal aktar preċiżjoni u konsistenza tal-lingwa, l-emendi proposti jikkonċernaw:

    ·Artikolu 1 – Laqgħat: l-introduzzjoni tal-possibbiltà ta’ laqgħat virtwali mill-bogħod u l-organizzazzjoni tal-votazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi;

    ·Artikolu 2 – Konvokazzjoni: it-tqassir tal-perjodu ta’ avviż għat-tlaqqigħ ta’ laqgħa tal-Kumitat Permanenti għal sitt ġimgħat (minn xahrejn);

    ·Artikolu 6 – Dokumentazzjoni: kjarifika dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għall-kompilazzjoni u għall-bgħit tad-dokumenti tal-laqgħa lill-Partijiet Kontraenti, inkluż għall-ħtiġijiet ta’ proċedura bil-miktub jew proċedura bil-miktub simplifikata (proċedura ta’ silenzju);

    ·Artikolu 7 – Kworum: kjarifika dwar x’jikkostitwixxi kworum (aktar minn nofs il-Partijiet Kontraenti);

    ·Artikolu 8 – Votazzjoni: Kjarifiki dwar il-modalitajiet tal-votazzjoni u tal-votazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub;

    ·Artikolu 11 – President: Kjarifiki dwar il-proċedura tal-votazzjoni u l-maġġoranza għall-elezzjoni tal-membri tal-Bureau, f’każ li tkun meħtieġa t-tielet votazzjoni;

    ·Artikolu 19 – Bureau: L-inklużjoni ta’ rekwiżit ta’ kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Bureau u l-inklużjoni tad-dispożizzjoni 19 c) li tiċċara l-funzjonijiet speċifiċi tal-Bureau;

    ·Appendiċi 1 dwar ir-Regoli applikabbli għall-evalwazzjonijiet fuq il-post: L-inklużjoni ta’ rekwiżit għall-Parti Kontraenti u għall-ilmentatur li jaqblu dwar l-espert maħtur għall-missjoni u dwar it-termini ta’ referenza mfassla għaliha kif ukoll rekwiżit għall-pajjiż ospitanti biex iħallas il-kostijiet għat-trasport lokali, għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni tad-dokumenti;

    ·Appendiċi 2 – Regoli applikabbli għall-medjazzjoni: L-inklużjoni ta’ rekwiżiti simili bħal dawk għall-evalwazzjonijiet fuq il-post.

    L-emendi proposti kollha li jikkonċernaw il-possibbiltà li jsiru laqgħat virtwali mill-bogħod u proċeduri bil-miktub huma konformi mal-prattiki fi Ftehimiet Ambjentali Multilaterali oħrajn u huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-metodi ta’ ħidma tal-Ftehimiet jiġu adattati għax-xogħol virtwali.

    It-tqassir tal-perjodu ta’ avviż għat-tlaqqigħ ta’ laqgħa tal-Kumitat Permanenti għal sitt ġimgħat qiegħed jiġi propost sabiex jippermetti aktar flessibbiltà, jekk ikun meħtieġ li ssir laqgħa straordinarja tal-Kumitat Permanenti. Bħal fil-prattika, il-korp ewlieni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Ftehim jiltaqa’ darba fis-sena, l-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa mistenni li jkun biss eċċezzjonali.

    L-emendi proposti li jiċċaraw il-funzjonijiet tal-Bureau, ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi ospitanti għal investigazzjonijiet fuq il-post u żjarat ta’ medjazzjoni u l-ftehim meħtieġ dwar it-termini ta’ referenza u għażla ta’ esperti ġejjin minn prattiki eżistenti fi ħdan il-funzjonament tal-Ftehim. Sa issa, dawn ir-regoli mhux miktubin ġew implimentati b’mod estensiv u ġew aċċettati b’mod wiesa’ mill-Partijiet Kontraenti.

    Għalhekk, l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tappoġġa l-emendi proposti kollha tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti.

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni għall-fini li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għall-għanijiet tat-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti kemm dwar il-proposta għal emenda tal-Appendiċijiet tal-Ftehim kif ukoll dwar il-proposti għal emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti. Il-proposti għal emenda tar-Regoli ta’ Proċedura ma humiex se jeħtieġu bidla fid-dritt eżistenti tal-Unjoni.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni 9 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat Permanenti huwa korp stabbilit permezz tal-Ftehim.  

    L-atti li l-Kumitat Permanenti qiegħed jintalab jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Ftehim. L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Peress li l-atti tal-Kumitat Permanenti jemendaw l-Appendiċijiet II u III tal-Ftehim u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti, ikun xieraq li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk jiġu adottati.

    2022/0332 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Bern) (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE 10 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982.

    (2)Skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim, il-Kumitat Permanenti jista’ jadotta deċiżjoni biex jiġu emendati l-appendiċijiet tal-Ftehim.

    (3)Il-Kumitat Permanenti, waqt it-tnejn u erbgħin laqgħa tiegħu mid-29 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru 2022, għandu jadotta deċiżjoni dwar l-emendar tal-Appendiċi II u tal-Appendiċi III tal-Ftehim.

    (4)Skont l-Artikolu 13.6 tal-Ftehim, il-Kumitat Permanenti fassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u, f’konformità mal-Artikolu 21, il-Kumitat Permanenti jista’ jemendahom.

    (5)Il-Kumitat Permanenti, waqt it-tnejn u erbgħin laqgħa tiegħu mid-29 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru 2022, huwa mitlub ukoll jadotta emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

    (6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Permanenti, peress li ż-żewġ deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (7)L-Iżvizzera ppreżentat proposta biex il-Lupu (Canis lupus) jitmexxa mill-Appendiċi II dwar “Speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta” għall-Appendiċi III dwar “Speċijiet ta’ fawna protetti” tal-Ftehim.

    (8)Abbażi tad-data attwali, it-tnaqqis tal-istatus ta’ protezzjoni tal-popolazzjonijiet kollha tal-ilpup ma huwiex iġġustifikat mil-lat xjentifiku u ta’ konservazzjoni. L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet għadu diverġenti madwar il-kontinent, b’valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli fi 18 biss minn 39 parti nazzjonali tar-reġjuni bijoġeografiċi fl-UE. Dan huwa kkonfermat mill-aħħar informazzjoni xjentifika disponibbli dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet, li tirriżulta mir-rapportar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u skont ir-Riżoluzzjoni Nru 8 (2012) tal-Konvenzjoni ta’ Bern. It-theddid kontinwu għall-ispeċijiet, inklużi dawk emerġenti bħal sisien tal-fruntieri u ibridizzazzjoni tal-kelb lupu, jitlob ukoll li jinżamm l-istatus ta’ protezzjoni stretta.

    (9)Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li topponi l-proposta tal-Iżvizzera.

    (10)Is-Segretarjat tal-Ftehim, f’kooperazzjoni mal-Bureau, ippropona diversi emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti, b’mod partikolari biex il-metodi u l-proċeduri ta’ ħidma tal-Ftehim jiġu adattati għal metodi ta’ ħidma u għodod virtwali ġodda.

    (11)L-emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura jikkorrispondu għal prattiki li diġà huma stabbiliti fi Ftehimiet Ambjentali Multilaterali oħrajn jew għal prattiki eżistenti fi ħdan il-Ftehim li huma aċċettati b’mod wiesa’.

    (12)Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa, għandha tkun li ġejja:

    (1)li topponi l-proposta li l-Lupu (Canis lupus) jitmexxa mill-Appendiċi II dwar “Speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta” għall-Appendiċi III dwar “Speċijiet ta’ fawna protetti”;

    (2)li tappoġġa l-emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti li jinsabu fid-dokument TPVS/Inf(2022)29.

    Artikolu 2

    Fid-dawl tal-iżviluppi fit-tnejn u erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti, l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1.2 jista’ jintlaħaq qbil dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, ĠU L 38, 10.2.1982, p.1.
    (2)    Ara r-Rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa ( https://rm.coe.int/16800ca431 )
    (3)     Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, Il-Ġurnal Uffiċjali L 206 , 22/07/1992
    (4)     https://www.iucnredlist.org/species/3746/144226239
    (5)     https://nature-art17.eionet.europa.eu/article17/species/summary/?period=5&group=Mammals&subject=Canis+lupus&region
    (6)    Fl-2019, l-Istati Membri rrapportaw li l-lupu kien fi status ta’ konservazzjoni favorevoli fi 18 minn 39 parti nazzjonali tar-reġjuni bijoġeografiċi fejn kienet preżenti l-ispeċi.
    (7)    Id-Dokument T-PVS/PA(2020)03 – Reporting under Resolution No. 8 (2012) ( https://rm.coe.int/reporting-under-resolution-no-8-2012-period-2013-2018-final-report/16809fad04 ) u d-dashboards ta’ sommarji nazzjonali li jippreżentaw data rrapportata mill-Partijiet Kontraenti mhux tal-UE għall-Konvenzjoni (https://www.coe.int/en/web/bern-convention/national-summary-dashboards)
    (8)     https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/a17dbc76-2b51-11ec-bd8e-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-search
    (9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
    (10)    ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
    Top