Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0245

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi

    COM/2022/245 final

    Brussell, 25.5.2022

    COM(2022) 245 final

    2022/0167(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi

    {SEC(2022) 245 final} - {SWD(2022) 245 final} - {SWD(2022) 246 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-kriminalità organizzata hija waħda mill-akbar theddidiet għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Il-firxa tranżnazzjonali tal-kriminalità organizzata, l-użu sistematiku tagħha tal-vjolenza u l-korruzzjoni u l-grad bla preċedent ta’ infiltrazzjoni ekonomika tagħha ġew esposti fl-operazzjonijiet ta’ EncroChat, Sky ECC u AN0M 1 imwettqa fl-2020-2021. Fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet ta’ segwitu mnedija mill-Istati Membri kif ukoll mill-Europol u l-Eurojust (aktar minn 2 500 investigazzjoni minn EncroChat biss), l-awtoritajiet nazzjonali wettqu aktar minn 10 000 arrest, qabdu kważi 250 tunnellata ta’ droga, u qabdu aktar minn EUR 600 miljun fi flus kontanti kif ukoll assi oħra, inklużi mijiet ta’ vetturi, bastimenti, inġenji tal-ajru u oġġetti ta’ lussu.

    L-organizzazzjonijiet kriminali jużaw mezzi sofistikati biex jirriċiklaw id-dħul vast tagħhom, li huwa stmat li jlaħħaq mill-anqas EUR 139 biljun kull sena [1] . Kif issottolinjat fl-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata (2021-2025) 2 , it-tiċħid tal-kriminali minn dawn il-profitti illeċiti huwa essenzjali biex jiġu mfixkla l-attivitajiet tal-gruppi kriminali u biex tiġi prevenuta l-infiltrazzjoni tagħhom fl-ekonomija legali. Peress li l-motiv ewlieni għall-kriminalità organizzata huwa l-gwadann finanzjarju, l-irkupru tal-assi huwa mekkaniżmu effettiv ħafna biex tiġi skoraġġita l-attività kriminali. Sabiex jiġi żgurat li l-kriminalità ma trendix qligħ, fl-Istrateġija tal-UE tagħha biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni li ssaħħaħ ir-regoli dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi, b’kont meħud tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 “L-irkupru tal-assi u l-konfiska: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ” 3 .

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2007 dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi 4 tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu uffiċċji għall-irkupru tal-assi biex jiffaċilitaw it-traċċar u l-identifikazzjoni tar-rikavati mill-kriminalità, u tistabbilixxi rekwiżiti minimi biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tagħhom bejn il-fruntieri. Id-Direttiva tal-2014 dwar il-Konfiska 5 , li parzjalment tissostitwixxi strumenti leġiżlattivi preċedenti, tistabbilixxi regoli minimi għall-iffriżar, il-ġestjoni, u l-konfiska ta’ assi kriminali. Minkejja dan, is-sistemi ta’ rkupru tal-assi tal-Istati Membri ma humiex mgħammra tajjeb biex jindirizzaw b’mod effettiv il-modus operandi kumpless tal-organizzazzjonijiet kriminali. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom kapaċitajiet limitati biex jittraċċaw, jidentifikaw u jiffriżaw malajr l-assi, il-ġestjoni ineffiċjenti tal-assi ffriżati tfisser li dawn jitilfu l-valur qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-konfiska tagħhom, u l-għodod ta’ konfiska eżistenti ma jkoprux is-swieq kriminali kollha li jagħtu dħul għoli u ma jindirizzawx l-istrutturi u l-metodi kumplessi tal-organizzazzjonijiet kriminali. Il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-reġim tal-UE għall-irkupru tal-assi ilha rikonoxxuta mill-Istituzzjonijiet tal-UE. F’Ġunju 2020, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas legali dwar il-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u l-għoti ta’ setgħat addizzjonali lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, pereżempju biex jiffriżaw b’mod urġenti l-assi, u l-aċċess għal sett ta’ reġistri pubbliċi 6 . Il-Parlament Ewropew appella għal regoli msaħħa dwar l-irkupru tal-assi 7 . Dawn is-sejħiet jikkomplementaw it-talba preċedenti miż-żewġ koleġiżlaturi biex tiġi analizzata l-fattibbiltà li jiġu introdotti aktar regoli komuni dwar il-konfiska ta’ proprjetà li tirriżulta minn attivitajiet kriminali, anki fin-nuqqas ta’ kundanna 8 .

    Għalhekk, id-Direttiva proposta dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw, jiffriżaw u jimmaniġġjaw l-assi, u ssaħħaħ u testendi l-kapaċitajiet ta’ konfiska sabiex ikopru l-attivitajiet kriminali rilevanti kollha mwettqa minn gruppi tal-kriminalità organizzata, u b’hekk tippermetti l-konfiska għall-assi rilevanti kollha. Fl-aħħar nett, id-Direttiva għandha ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha involuti fl-irkupru tal-assi u tippromwovi approċċ aktar strateġiku għall-irkupru tal-assi permezz ta’ impenn akbar minn dawn l-awtoritajiet għall-kisba ta’ għanijiet komuni f’dan il-qasam.

    Barra minn hekk, b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea adottat miżuri restrittivi kontra r-Russja u l-Belarussja li jibnu fuq u jespandu l-miżuri restrittivi inizjalment stabbiliti f’Marzu 2014 b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mir-Russja. Dawn il-miżuri, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jinkludu miżuri settorjali u miżuri individwali fil-forma ta’ ffriżar tal-assi u restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni kif ukoll klawżoli kontra ċ-ċirkomvenzjoni, li jipprojbixxu l-parteċipazzjoni konxja u intenzjonali f’attivitajiet li jfittxu li jevitaw dawn il-miżuri, u obbligi oħra, b’mod partikolari għar-rapportar dwar il-passi meħuda għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Biex tkompli tiġġieled ir-riskju ta’ ksur ta’ tali miżuri, fil-25 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni mal-oqsma ta’ kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 9 , flimkien ma’ Komunikazzjoni lejn Direttiva dwar pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni 10 , biex il-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-miżuri restrittivi (ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni) jiġi identifikat bħala qasam ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi wkoll il-kontenut possibbli ta’ proposta għal Direttiva li tistabbilixxi regoli minimi għad-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali f’dan il-qasam ta’ kriminalità, li tista’ ssegwi jekk il-Kunsill jadotta din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, u b’hekk tiġi estiża l-lista tal-oqsma ta’ kriminalità fejn l-Unjoni tista’ tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali. B’konsegwenza ta’ dan, id-Direttiva proposta, li tinkludi mhux biss regoli dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-assi, iżda wkoll regoli dwar l-iffriżar u l-konfiska, għandha għalhekk tapplika wkoll għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, fejn tali mġiba tikkostitwixxi reat kriminali kif iddefinit.

    Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, id-Direttiva proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jippermettu t-traċċar u l-identifikazzjoni rapidi ta’ proprjetà li tkun ta’ persuni jew entitajiet soġġetti għal tali miżuri jew ikkontrollata minnhom, anki permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu identifikati, evitati u investigati reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija inkorporata fil-ġlieda globali kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Hija timplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata (UNTOC) u l-Protokolli tagħha 11 u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) 12 , il-Konvenzjoni ta’ Varsavja tal-Kunsill tal-Ewropa 13 kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni 4 tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), li kollha jirrikjedu li l-pajjiżi parteċipi jadottaw miżuri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiffriżaw u jikkonfiskaw ir-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità.

    Hija wkoll parti mill-isforzi aktar wiesgħa fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda l-kriminalità serja u organizzata. F’dan il-kuntest, hija tikkomplementa sett ta’ strumenti leġiżlattivi li jarmonizzaw id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet relatati ma’ attivitajiet kriminali, kif ukoll strumenti oħra mmirati lejn il-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra attivitajiet illeċiti relatati bħall-falsifikazzjoni, it-traffikar ta’ beni kulturali, ir-reati fiskali u l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi.

    Min-naħa l-oħra, din il-proposta hija konsistenti ma’ u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà, li tikkonsisti f’sett ta’ miżuri mhux leġiżlattivi u leġiżlattivi mmirati biex jipprovdu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji l-għodod għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Dan jinkludi, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2018/1805 14 , li jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska madwar l-UE.

    Fl-istess ħin, il-proposta tikkontribwixxi għall-qafas legali li jistabbilixxi l-miżuri restrittivi tal-Unjoni, li għandu l-għan li jiżgura l-implimentazzjoni komprensiva tagħhom madwar l-Unjoni u jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti, u hija konsistenti miegħu.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2), 83(1) u (2) u l-Artikolu 87(2) tat-TFUE.

    Il-miżuri li jikkonċernaw l-iffriżar u l-konfiska huma koperti mill-Artikolu 83(1) tat-TFUE, li jippermetti l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ sanzjonijiet fl-oqsma ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera għar-reati elenkati f’dan l-Artikolu. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri huwa estiż għar-reati mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet kriminali, peress li l-kriminalità organizzata hija “ewroreat” skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Dan jinkludi wkoll il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kif armonizzati fil-livell tal-UE. L-inklużjoni ta’ reati li huma jew armonizzati fil-livell tal-UE jew fejn il-qasam ta’ politika relatat huwa armonizzat fil-livell tal-UE hija ġġustifikata wkoll peress li l-miżuri proposti dwar l-iffriżar u l-konfiska huma essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika tal-Unjoni f’qasam li kien soġġett għal miżuri ta’ armonizzazzjoni u b’hekk kopert mill-Artikolu 83(2) tat-TFUE. Il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ ffriżar u ta’ konfiska, u huma rekwiżiti anċillari koperti mill-Artikolu 83 tat-TFUE. Dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżviluppaw strateġija aktar komprensiva għall-irkupru tal-assi, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

    Barra minn hekk, il-miżuri dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi jew il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra, jikkontribwixxu wkoll għal kooperazzjoni transfruntiera effettiva fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Bħala tali dawn huma koperti mill-Artikolu 87(2) tat-TFUE.

    Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 tat-TFUE ma huwiex limitat f’termini tar-reati koperti, il-miżuri ta’ hawn fuq japplikaw ukoll għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, sa fejn tali ksur jikkostitwixxi reat kriminali kif iddefinit fil-liġi nazzjonali, sal-punt li dawn jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, is-salvagwardji proċedurali previsti f’din id-Direttiva kif ukoll id-dispożizzjoni biex jiġi żgurat kumpens għall-vittmi huma koperti mill-Artikolu 82(2) tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-isforzi individwali tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriminalità organizzata ma humiex suffiċjenti biex tiġi indirizzata n-natura transfruntiera tal-gruppi tal-kriminalità organizzata, b’70 % tal-gruppi kriminali li joperaw fl-UE huma attivi f’aktar minn tliet Stati Membri 15 , u jaħbu u jinvestu mill-ġdid proprjetà derivata minn attivitajiet kriminali fis-suq intern kollu tal-UE. Il-gruppi kriminali jużaw xibka kumplessa ta’ kontijiet bankarji u kumpaniji faċċata fil-ġurisdizzjonijiet biex jaħbu r-rekord tal-awditjar u jaħbu s-sors u s-sjieda tal-fondi, bil-kriminali allegatament jimmiraw Stati Membri b’sistemi aktar dgħajfa ta’ rkupru tal-assi 16 .

    Sforz imġedded madwar l-Unjoni kontra l-mezzi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet kriminali huwa għalhekk kruċjali għall-irkupru effettiv tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità. Id-Direttiva proposta se tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u tikkontribwixxi għal ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità organizzata.

    Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, id-Direttiva proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jiġi implimentat standard minimu komuni madwar l-UE.

    Il-proposta ssaħħaħ il-kapaċitajiet u l-għodod biex jiġu ttraċċati u identifikati, iffriżati, ġestiti u kkonfiskati l-assi illeċiti. Filwaqt li jiżguraw kamp ta’ applikazzjoni suffiċjentement wiesa’, il-miżuri għandhom fokus partikolari fuq l-assi illeċiti relatati ma’ attivitajiet kriminali mwettqa mill-kriminalità organizzata. Il-proposta tiċċara għadd ta’ obbligi ta’ natura aktar ġenerali, u b’hekk tnaqqas id-differenzi fl-Istati Membri li jistgħu jkunu ostakoli fil-kooperazzjoni transfruntiera u tipprovdi aktar ċarezza legali.

    Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri proposti fuq l-Istati Membri f’termini tar-riżorsi meħtieġa u l-ħtieġa li jiġu adattati l-oqfsa nazzjonali huwa megħlub mill-benefiċċji pprovduti mill-kapaċitajiet imtejba tal-awtoritajiet kompetenti biex jittraċċaw u jidentifikaw, jiffriżaw, jimmaniġġjaw u jikkonfiskaw l-assi illeċiti.

    Barra minn hekk, il-miżuri individwali huma limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-objettivi ta’ tfixkil tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata u t-tiċħid tal-kriminali minn gwadann illeċitu sinifikanti. Dan isir, pereżempju, billi t-tnedija sistematika tal-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi tiġi ristretta għal reati li x'aktarx jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi sostanzjali. Dan jinkiseb ukoll billi l-possibbiltajiet ta’ konfiska fin-nuqqas ta’ kundanna għal reat speċifiku jiġu limitati għal reati ta’ natura serja u li huma probabbli li jiġġeneraw benefiċċji sostanzjali. Il-proporzjonalità ġenerali hija żgurata billi l-miżuri differenti huma msieħba b’salvagwardji b’saħħithom.

    Għażla tal-istrument

    Il-proposta tieħu l-forma ta’ Direttiva li għandha l-għan li tiżgura standard minimu komuni għall-miżuri ta’ ffriżar u ta’ konfiska fl-Istati Membri kollha filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-kapaċitajiet komuni f’termini ta’ traċċar, identifikazzjoni u ġestjoni tal-proprjetà u tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera kontra r-rikavati kriminali. L-għażla tal-istrument legali tħalli flessibbiltà suffiċjenti lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri komuni f’konformità mat-tradizzjonijiet legali nazzjonali u l-kuntesti organizzattivi.

    Id-Direttiva proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, li bħalissa huma rregolati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, kif ukoll għal aspetti relatati mal-konfiska, irregolati fid-Direttiva dwar il-Konfiska u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità. Id-Direttiva proposta tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, u d-Direttiva dwar il-Konfiska, u tistabbilixxi standards komuni għat-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-ġestjoni, u l-konfiska tal-assi fi strument wieħed. Il-kombinazzjoni fi strument wieħed tal-obbligi li qabel kienu mxerrda tiżgura approċċ aktar koerenti u strateġiku għall-irkupru tal-assi u l-kooperazzjoni tal-atturi rilevanti kollha fis-sistema ta’ rkupru tal-assi.

    Bord tal-Iskrutinju Regolatorju

    Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-2 ta’ Frar 2022. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju eżamina l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2022 u ta opinjoni pożittiva mingħajr riżervi fl-4 ta’ Marzu 2022.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Twettqet evalwazzjoni biex jiġi vvalutat jekk is-sistema kurrenti tal-UE għall-irkupru tal-assi għadhiex adattata għall-iskop tagħha u biex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas li jista’ jxekkel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. F’konformità mal-prinċipju ta’ “l-ewwel evalwa”, l-evalwazzjoni vvalutat jekk ir-riżultati oriġinarjament previsti kinux intlaħqu u identifikat l-oqsma fejn kien meħtieġ titjib jew aġġornament ulterjuri tal-istrumenti legali eżistenti.

    F’dan il-kuntest, iż-żewġ strumenti legali evalwati, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u d-Direttiva dwar il-Konfiska, ikkontribwew biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, u b’hekk approssimizzaw il-kunċetti ta’ ffriżar u ta’ konfiska fl-Istati Membri kollha u żiedu r-rati ta’ ffriżar u konfiska sa ċertu punt. Madankollu, l-evalwazzjoni kkonkludiet li għad hemm sfidi fl-identifikazzjoni tal-assi u li l-konfiska kumplessiva tar-rikavat mill-kriminalità għadha baxxa wisq biex tħalli impatt sinifikanti fuq il-profitti tal-kriminalità organizzata. Minkejja t-titjib ta’ diversi aspetti tas-sistema ta’ rkupru tal-assi wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u tad-Direttiva dwar il-Konfiska, il-problemi identifikati qabel l-adozzjoni tal-atti rilevanti (u b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Konfiska) għadhom jippersistu b’mod konsiderevoli, flimkien ma’ għadd ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jittraċċaw u jidentifikaw, jiffriżaw, jikkonfiskaw u jimmaniġġjaw l-assi illeċiti b’mod effettiv u effiċjenti.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Fl-iżvilupp ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati permezz ta’ varjetà ta’ mezzi, inkluż feedback għal valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, avvenimenti għall-partijiet ikkonċernati, workshops, konsultazzjonijiet immirati, konsultazzjoni pubblika, studju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt, intervisti semistrutturati u workshops dwar l-għażliet ta’ politika.

    Ġiet ippubblikata valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għall-feedback mid-9 ta’ Marzu 2021 sas-6 ta’ April 2021. B’kollox waslu 13-il tweġiba minn varjetà ta’ partijiet ikkonċernati.

    Saru żewġ workshops għall-partijiet ikkonċernati ma’ rappreżentanti tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi fil-25 u fis-26 ta’ Mejju 2021 u mal-Kumitat ta’ Kuntatt tad-Direttiva dwar il-Konfiska fl-1 u fit-2 ta’ Ġunju 2021. L-objettiv ta’ dawn il-workshops kien li jinkisbu opinjonijiet fir-rigward tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva dwar il-Konfiska u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi. Dawn il-workshops kienu segwiti minn konsultazzjonijiet immirati permezz ta’ tweġibiet bil-miktub ipprovduti mill-parteċipanti.

    Saret konsultazzjoni pubblika mill-21 ta’ Ġunju sas-27 ta’ Settembru 2021 sabiex jinġabru l-fehmiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. Waslu 50 tweġiba. It-tweġibiet enfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra r-rikavat mill-kriminalità, u xeħtu dawl fuq l-ostakoli għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni u l-konfiska effettivi tar-rikavat mill-kriminalità, bħas-setgħat u l-aċċess għad-data insuffiċjenti tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-Direttiva dwar il-Konfiska. Barra minn hekk, ir-rispondenti kienu favur l-aġġornament tal-miżuri leġiżlattivi kif meħtieġ biex jiġu indirizzati tali problemi.

    Barra minn dan, il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll studju biex tappoġġa t-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt. L-istudju twettaq minn konsulent estern bejn Marzu 2021 u Diċembru 2021. It-tħejjija tal-istudju kienet tinkludi riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni u kważi 40 intervista semistrutturata ma’ partijiet ikkonċernati bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol),l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. Barra minn hekk, hija kienet tinvolvi konsultazzjonijiet immirati fil-forma ta’ kwestjonarji bil-miktub lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u lill-membri tal-Kumitat ta’ Kuntatt tad-Direttiva dwar il-Konfiska f’Lulju 2021. Fl-aħħar nett, f’Settembru 2021 saru erba’ workshops addizzjonali biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-għażliet ta’ politika u biex jiġu identifikati l-impatti potenzjali tal-għażliet ta’ politika.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-valutazzjoni tal-impatt li appoġġat l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva esplorat għażliet ta’ politika differenti biex jiġi indirizzat il-fatt li s-sistema għall-irkupru tal-assi tal-UE ma hijiex mgħammra tajjeb biex tindirizza b’mod effettiv il-modus operandi kumpless tal-organizzazzjonijiet kriminali. Minbarra x-xenarju ta' referenza, li ma jinvolvi l-ebda bidla fis-sitwazzjoni kurrenti, ġew analizzati l-għażliet li ġejjin:

    L-Għażla 1, li tikkonsisti f’miżuri mhux leġiżlattivi biex jappoġġaw l-iskambju ta’ esperjenzi, għarfien u prattiki tajba fost l-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ rkupru tal-assi u l-fehim fir-rigward tad-diversi fażijiet tal-irkupru tal-assi. Dawn l-iskambji jkomplu jissaħħu permezz tal-iżvilupp ta’ gwida xierqa tal-UE u, fejn ikun xieraq, taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti.

    Taħt l-Għażla 2, il-miżuri jkunu jikkonsistu primarjament f’emendi mmirati għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u d-Direttiva dwar il-Konfiska sabiex jiġi speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ġenerali eżistenti u tissaħħaħ l-effettività tagħhom. Dawn il-miżuri jkunu jinkludu rekwiżiti għall-Istati Membri biex jadottaw strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi u biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa. Barra minn hekk, dan ikun jinvolvi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, inkluż l-aċċess għal bażijiet tad-data u setgħat ta’ ffriżar estiżi.

    L-Għażla 3 jkun fiha, minbarra l-miżuri previsti fl-Għażla 2, rekwiżiti aktar dettaljati għall-Istati Membri għall-fażijiet kollha tal-proċess ta’ rkupru. Dan ikun jinkludi obbligi bħat-tnedija sistematika ta’ investigazzjonijiet finanzjarji kif ukoll rekwiżiti speċifiċi fil-ġestjoni tal-assi bħall-ippjanar ta’ qabel il-qbid, il-bejgħ interlokutorju u l-istabbiliment ta’ uffiċċji speċjalizzati għall-ġestjoni tal-assi. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Konfiska jiġi estiż biex jinkludi firxa usa’ ta’ reati: id-dispożizzjoni kurrenti ta’ konfiska mhux ibbażata fuq kundanna tiġi estiża u jiġi introdott mudell ta’ konfiska ta’ ġid mhux ġustifikat li jiżgura l-konfiska ta’ assi mhux marbuta ma’ reat speċifiku.

    Taħt l-Għażla 4, il-miżuri jibnu fuq dawk taħt l-Għażla 3, iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet jiġi estiż għar-reati kollha u jinvolvi rekwiżiti aktar estensivi fir-rigward tat-tnedija tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar konkreti dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar urġenti u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi.

    Fid-dawl tad-diversi impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali assoċjati ma’ kull waħda mill-għażliet, iżda wkoll il-valur tagħhom f’termini ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, il-valutazzjoni tal-impatt sabet li l-għażla ppreferuta kienet l-Għażla 3.

    Il-miżuri taħt l-Għażla 1 jistgħu jikkomplementaw il-bidliet leġiżlattivi, madankollu, minħabba li l-problemi identifikati rriżultaw b’mod sinifikanti mill-qafas leġiżlattiv, dawn ma kinux ikunu suffiċjenti biex jingħelbu b’mod effettiv il-problemi identifikati. Bl-istess mod, l-Għażla 2 tikkontribwixxi biss b’mod limitat għat-titjib tas-sitwazzjoni kurrenti, peress li l-ftit rekwiżiti addizzjonali meta mqabbla mal-istatus quo jsaħħu biss il-kapaċitajiet ta’ ttraċċar u identifikazzjoni tal-assi sa ċertu punt, ma jkunux suffiċjenti biex jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-assi ffriżati, u ma jkoprux l-attivitajiet kriminali rilevanti kollha sakemm il-miżuri ta’ konfiska jibqgħu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni.

    Fir-rigward tal-Għażla 3, instab li l-miżuri li jikkonċernaw it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi, u dawk biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-assi u mudelli ta’ konfiska effettivi jtejbu l-effettività tas-sistema ta’ rkupru tal-assi b’mod sinifikanti. Minkejja l-kostijiet, dawn il-miżuri tqiesu bħala effiċjenti minħabba l-qabża kwalitattiva fir-rata ta’ konfiska, u proporzjonati fir-rigward tal-piż amministrattiv u l-interferenza mal-istrutturi organizzattivi tal-Istati Membri. F’termini ta’ drittijiet fundamentali, l-impatti tal-Għażla 3 u b’mod partikolari tal-mudell il-ġdid ta’ konfiska nstabu li kienu bbilanċjati kontra s-salvagwardji u l-objettiv ta’ politika mfittex, minħabba l-iskala tal-problema.

    Fir-rigward tal-Għażla 4, il-kisbiet mistennija fl-effettività kienu mistennija li jkunu limitati meta mqabbla mal-kostijiet addizzjonali u l-interferenza aktar sinifikanti mal-libertà tal-Istati Membri li jorganizzaw l-istrutturi nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi skont l-għażliet u l-preferenzi nazzjonali tagħhom.

    Wara l-opinjoni pożittiva mingħajr riżervi mogħtija mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fl-4 ta’ Marzu 2022, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet riveduta biex jissaħħu l-preżentazzjoni u t-tqabbil tal-għażliet ta’ politika, inklużi l-kostijiet, il-benefiċċji u l-impatti tagħhom. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet riveduta ulterjorment biex tirrifletti aħjar il-fehmiet ta’ partijiet ikkonċernati differenti u kif il-problemi identifikati jvarjaw fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, ir-reviżjoni tiddeskrivi l-ewwel programm ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proposta prevista.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jbiddlu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għandhom jimmiraw li jissimplifikaw u jwasslu l-objettivi ta’ politika ddikjarati b’mod aktar effiċjenti (jiġifieri billi jitnaqqsu l-kostijiet regolatorji mhux meħtieġa). L-analiżi tal-impatti tissuġġerixxi li l-miżuri stabbiliti fid-Direttiva proposta huma mistennija li jkollhom impatt f’termini ta’ piż fuq l-Istati Membri li jkun megħlub mill-benefiċċji.

    Sa fejn id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva proposta jipprevedu approċċ aktar strateġiku għall-irkupru tal-assi, jipprevedu għodod aktar effettivi għall-konfiska tal-assi u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi, il-ħiliet u s-setgħat meħtieġa, is-sistemi ta’ rkupru tal-assi tal-Istati Membri kif ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera se jsiru ferm aktar effiċjenti.

    Il-piż regolatorju relatat ma’ dawn il-miżuri se jkun aktar minn ikkumpensat mill-benefiċċji f’termini ta’ identifikazzjoni, iffriżar u konfiska ta’ aktar assi illeċiti u ż-żamma jew saħansitra l-massimizzazzjoni tal-valur tagħhom.

    Drittijiet fundamentali

    Il-miżuri kollha previsti f’din il-proposta jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jridu jiġu implimentati skont dan. Kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet u libertajiet fundamentali hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri li dawn ikunu soġġetti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-għan leġittimu li ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. Il-limitazzjonijiet iridu jiġu previsti mil-liġi u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Karta.

    L-interferenza tal-miżuri proposti mad-drittijiet fundamentali (inklużi b’mod partikolari d-drittijiet tal-proprjetà) hija ġġustifikata mill-ħtieġa li l-kriminali u b’mod partikolari l-kriminalità organizzata jiġu mċaħħda b’mod effettiv mill-assi illeċiti tagħhom, peress li dawn huma kemm il-motivazzjoni ewlenija għalihom biex iwettqu l-kriminalità kif ukoll il-mezzi biex ikomplu u jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom. Il-miżuri proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv. Il-mudell ta’ konfiska li ġie introdott ġdid huwa ġġustifikat mid-diffikultajiet inerenti fir-rabta tal-assi ma’ reati speċifiċi meta s-sid ikun involut f’attivitajiet ta’ kriminalità organizzata li jikkonsistu f’diversi reati kriminali mwettqa fuq perjodu twil ta’ żmien. Fl-aħħar nett, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali se jkun iggarantit minn salvagwardji inklużi rimedji effettivi disponibbli għall-persuna affettwata għall-miżuri kollha skont id-Direttiva proposta, inklużi rekwiżiti introdotti ġodda dwar bejgħ interlokutorju jew il-mudell il-ġdid ta’ konfiska.

    Din il-proposta tiżgura wkoll li r-regoli rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jiġu applikati meta tiġi implimentata d-Direttiva.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta se tiġi rieżaminata sa 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, u wara dan, il-Kummissjoni se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport se jivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. Se jiġi ppreżentat rapport li jivvaluta l-impatt u l-valur miżjud tad-Direttiva mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Din il-proposta għal Direttiva hija strutturata fi tmien kapitoli:

    Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (il-Kapitolu I, l-Artikoli 1 sa 3).

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni ta’ proprjetà f’materji kriminali u li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur ta’ tali miżuri.

    L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni billi jelenka r-reati kriminali li għalihom għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva. Din il-lista tinkludi r-reati elenkati fl-Artikolu 83 tat-TFUE u r-reati li huma armonizzati fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-Artikolu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi għadd ta’ reati li tipikament jitwettqu minn gruppi tal-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, huwa jinkludi reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ traċċar u identifikazzjoni tal-proprjetà, huma koperti r-reati punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-anqas sena.

    L-Artikolu 3 jiddefinixxi t-termini ewlenin użati fil-proċess tal-irkupru tal-assi, billi jżomm id-definizzjonijiet attwalment inklużi fid-Direttiva dwar il-Konfiska u jżid definizzjonijiet ġodda pereżempju fir-rigward tal-investigazzjonijiet għat-traċċar kif ukoll il-kunċett ta’ “sanzjonijiet finanzjarji mmirati” u “miżuri restrittivi tal-Unjoni”. Ir-referenzi għat-terminu “assi” għandhom jinftiehmu b’mod mhux tekniku. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni tal-proprjetà fil-qafas ta’ proċedimenti f’materji kriminali, jintużaw u huma ddefiniti t-termini “rikavat”, “mezzi strumentali”, u “proprjetà”.

    Dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi (il-Kapitolu II, l-Artikoli 4 sa 10)

    Id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu II huma bbażati fuq l-Artikolu 87(2) tat-TFUE. Bħala tali, id-dispożizzjonijiet huma mmirati lejn it-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ proprjetà f’materji kriminali kif ukoll biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur ta’ tali miżuri.

    L-Artikolu 4 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, b’mod partikolari kull meta jkun hemm suspett li reat kriminali jista’ jwassal għal profitti ekonomiċi sostanzjali u sabiex jiġi evitat, identifikat jew investigat il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu mill-anqas uffiċċju wieħed għall-irkupru tal-assi, f’konformità mad-Deċiżjoni kurrenti tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi. Minbarra r-regoli kurrenti, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kompiti speċifiċi tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ uffiċċji oħra għall-irkupru tal-assi fi Stati Membri oħra anki fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi bil-kompitu ta’ traċċar u identifikazzjoni tal-proprjetà ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu azzjoni immedjata biex jiffriżaw temporanjament il-proprjetà inkwistjoni.

    L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu direttament aċċessibbli għall-uffiċċji għall-irkupru tal-assi sabiex tiġi żgurata reazzjoni rapida għat-talbiet għall-informazzjoni minn Stati Membri oħra, aspett mhux regolat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi.

    L-Artikolu 7 jipprovdi salvagwardji speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jaċċessaw l-informazzjoni fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif fir-regoli meħtieġa dwar is-sigurtà u l-kunfidenzjalità.

    L-Artikolu 8 jistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ għall-aċċess għall-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tipprevjeni kwalunkwe kondotta ħażina jew aċċess inadegwat għall-informazzjoni.

    L-Artikolu 9 jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, kemm b’mod spontanju kif ukoll fuq talba, billi jipprovdi aktar dettalji meta mqabbel mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, inkluż billi jistabbilixxi l-għanijiet ta’ tali skambji, l-informazzjoni minima li għandha tiġi inkluża fit-talbiet transfruntiera, il-kanal għall-iskambju ta’ informazzjoni (SIENA) u r-raġunijiet għar-rifjut.

    L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien biex jitwieġbu t-talbiet għall-informazzjoni, mingħajr ma jiġu mmodifikati l-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, li tirreferi għall-iskadenzi tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI 17 . Din id-dispożizzjoni tirregola żewġ xenarji, jiġifieri talbiet normali li għandhom jitwieġbu fi żmien sebat ijiem u talbiet urġenti li għandhom jiġu ttrattati fi żmien tmien sigħat.

    Dispożizzjonijiet dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi (il-Kapitolu III, l-Artikoli 11 sa 18).

    Id-dispożizzjonijiet dwar l-iffriżar u l-konfiska huma bbażati fuq l-Artikolu 83 tat-TFUE. Bħala tali, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu III għandhom japplikaw għal reati kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), 2(2), 2(3) u 2(4) ta’ din id-Direttiva iżda mhux għall-iffriżar fl-ambitu tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-Artikolu 11 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-assi illeċiti jkunu jistgħu jiġu ffriżati malajr u, fejn ikun meħtieġ, b’effett immedjat biex tiġi evitata d-dissipazzjoni tagħhom. Dawn il-miżuri jinkludu – minbarra l-miżuri stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Konfiska - il-possibbiltà li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jieħdu miżuri ta’ ffriżar urġenti temporanji sakemm tkun tista’ tinħareġ ordni formali ta’ ffriżar. Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll salvagwardja speċifika li tistabbilixxi li l-ordni ta’ ffriżar għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ u li l-proprjetà għandha tiġi rritornata minnufih jekk ma tiġix ikkonfiskata.

    L-Artikolu 12 jirrikjedi li l-Istati Membri jippermettu l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità wara kundanna finali u jippermettu l-konfiska ta’ proprjetà ta’ valur ekwivalenti għar-rikavat mill-kriminalità (“konfiska standard u ta’ valur” kif previst skont ir-regoli eżistenti tal-UE).

    L-Artikolu 13 jirrikjedi li l-Istati Membri jippermettu l-konfiska ta’ proprjetajiet ittrasferiti mill-persuna akkużata jew suspettata lil parti terza bil-għan li tiġi evitata l-konfiska (“konfiska fir-rigward ta’ parti terza” kif previst skont id-Direttiva dwar il-Konfiska). Tali konfiska hija ġġustifikata biss meta l-parti terza kienet taf jew kellha tkun taf li t-trasferiment tal-proprjetà jkun sar għal dak il-għan. Id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu ċirkostanzi li huma rilevanti biex issir din il-valutazzjoni.

    L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-Istati Membri jippermettu l-konfiska tal-proprjetà ta’ persuna kundannata meta l-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru tkun konvinta li l-proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali (“konfiska estiża”). Fil-valutazzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż il-fatt li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna kkundannata. Meta mqabbla mad-Direttiva dwar il-Konfiska, din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli għar-reati kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    L-Artikolu 15 jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ konfiska meta tkun preżenti l-evidenza kollha għal reat kriminali, iżda kundanna ma tkunx possibbli minħabba għadd limitat ta’ ċirkostanzi. Dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu, minbarra l-mard u l-ħarba (diġà inklużi fid-Direttiva dwar il-Konfiska), il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata, kif ukoll l-immunità jew l-amnestija, jew il-fatt li l-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-liġi nazzjonali jkunu skadew. Il-kamp ta’ applikazzjoni f’termini ta’ reati huwa limitat għal dawk b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas 4 snin.

    L-Artikolu 16 jintroduċi possibbiltà ġdida ta’ konfiska fejn l-assi jiġu ffriżati abbażi ta’ suspett ta’ involviment f’attivitajiet ta’ kriminalità organizzata u fejn ma tkunx possibbli konfiska skont dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Jenħtieġ li huwa jippermetti l-konfiska tal-assi biss meta l-qorti nazzjonali tkun konvinta li l-assi inkwistjoni jkunu ġejjin minn attivitajiet kriminali. Din is-sejba trid tkun ibbażata fuq valutazzjoni komprensiva taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, anki jekk il-valur tal-proprjetà jkunx sproporzjonat għall-introjtu legali tas-sid. Il-kamp ta’ applikazzjoni f’termini ta’ reati huwa limitat għal dawk b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas 4 snin.

    L-Artikolu 17 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi wara l-kundanna biex jiżguraw l-eżekuzzjoni effettiva ta’ ordni ta’ konfiska. Barra minn hekk, dan l-artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw l-użu tal-proprjetajiet ikkonfiskati għal skopijiet pubbliċi jew soċjali. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma bbażati fuq dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar il-Konfiska.

    L-Artikolu 18 għandu l-għan li jiżgura li d-dritt għall-kumpens għall-vittmi ma jiġix affettwat mill-miżuri ta’ konfiska, simili għad-dispożizzjoni rilevanti fid-Direttiva dwar il-Konfiska.

    Dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-assi (il-Kapitolu IV, l-Artikoli 19 sa 21)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 83 tat-TFUE. Bħala tali, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu IV għandhom japplikaw għar-reati kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), 2(2), 2(3) u 2(4) ta’ din id-Direttiva iżda mhux għall-iffriżar fl-ambitu tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-Artikolu 19 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-assi ffriżati jew ikkonfiskati jiġu ġestiti b’mod effiċjenti sad-disponiment tagħhom. Bħala kjarifika ulterjuri tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ġenerali (simili għad-dispożizzjoni rilevanti fid-Direttiva dwar il-Konfiska), l-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippreserva l-valur tal-proprjetajiet u timminimizza l-kostijiet tal-ġestjoni. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu valutazzjoni preliminari tal-kostijiet li jkunu se jiġġarrbu fil-ġestjoni tal-proprjetajiet (“ippjanar ta’ qabel il-qbid”).

    L-Artikolu 20 jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ trasferiment jew bejgħ tal-assi ffriżati qabel ma tinħareġ l-ordni ta’ konfiska (“bejgħ interlokutorju”). Id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ġenerali (kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Konfiska), li jirrikjedi li jsir bejgħ interlokutorju f’ċerti ċirkostanzi biex jiġi evitat it-telf tal-valur tal-proprjetà, jew li l-kostijiet tal-ġestjoni jsiru sproporzjonati. Dan ir-rekwiżit huwa soġġett għal għadd ta’ salvagwardji biex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-persuna affettwata. Dawn is-salvagwardji jinkludu, minbarra s-salvagwardji ġenerali, id-dritt għal smigħ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ bejgħ interlokutorju. Dawn ir-regoli japplikaw għal proprjetà identifikata fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni sal-punt li din tkun ġiet iffriżata fir-rigward ta’ akkużi kriminali, bħall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 20 jinkludi l-possibbiltà li l-kostijiet għall-ġestjoni tal-assi ffriżati jiġu imposti fuq is-sid benefiċjarju.

    L-Artikolu 21 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu mill-anqas uffiċċju wieħed għall-ġestjoni tal-assi, u jistabbilixxi l-kompiti għall-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi b’mod aktar preċiż meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar il-Konfiska.

    Dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji (il-Kapitolu V, l-Artikoli 22 sa 24)

    Id-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji huma bbażati fuq l-Artikolu 82(2) tat-TFUE. Bħala tali, id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu V għandhom japplikaw għar-reati kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), 2(2), 2(3) u 2(4) ta’ din id-Direttiva.

    Is-salvagwardji taħt din it-taqsima huma bbażati b’mod ġenerali fuq id-dispożizzjonijiet kurrenti fid-Direttiva dwar il-Konfiska, filwaqt li jipprovdu aktar kjarifiki li jżidu l-effettività tas-salvagwardji u jaġġornaw is-salvagwardji għar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data.

    L-Artikolu 22 għandu l-għan li jiżgura li l-persuni affettwati jiġu infurmati bil-miżuri ta’ ffriżar u ta’ konfiska adottati, inklużi r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom.

    L-Artikolu 23 jistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi li jiżguraw li jkunu disponibbli rimedji legali effettivi kontra l-miżuri meħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi wkoll id-dritt ta’ aċċess għal avukat.

    Dispożizzjonijiet dwar il-Qafas Strateġiku għall-Irkupru tal-Assi (il-Kapitolu VI, l-Artikoli 24 sa 27)

    Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet taħt din it-taqsima huma ġodda, bil-għan li jiġi żgurat li l-proċess ġenerali tal-irkupru u l-konfiska tal-assi jkun aktar effettiv.

    L-Artikolu 24 jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi u jaġġornawha kull ħames snin. L-istrateġija nazzjonali għandha tkun għodda għall-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri biex itejbu l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċess tal-irkupru tal-assi, jiżguraw u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni u biex ikejlu l-progress. Għal dak il-għan, l-istrateġija għandha tistabbilixxi l-objettivi, il-ħtiġijiet f’termini ta’ riżorsi (inkluż it-taħriġ) kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

    L-Artikolu 25 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li b’mod partikolari l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

    L-Artikolu 26 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistru ċentralizzat li jkun fih informazzjoni rilevanti dwar l-assi ffriżati, ġestiti, u kkonfiskati. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, kif ukoll awtoritajiet oħra inkarigati mit-traċċar u l-identifikazzjoni jew mill-ġestjoni tal-assi għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw dan ir-reġistru.

    L-Artikolu 27 jirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-miżuri meħuda abbażi ta’ din id-Direttiva u li jikkomunikaw tali data lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Data statistika affidabbli u kompluta hija essenzjali għal valutazzjoni xierqa tal-effettività tal-miżuri adottati skont din id-Direttiva. L-Artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, fejn meħtieġ, li tadotta atti delegati dwar l-informazzjoni li għandha tinġabar u l-metodoloġija.

    Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-korpi tal-UE, l-Aġenziji u pajjiżi terzi (il-Kapitolu VII, l-Artikoli 28 u 29)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni huma ġodda u jirriflettu l-għan li jiġi pprovdut qafas legali komprensiv li jkopri l-aspetti rilevanti kollha tal-irkupru tal-assi.

    L-Artikolu 28 għandu l-għan li jiżgura l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Europol u l-Eurojust, bil-għan li jiġu ffaċilitati t-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ proprjetà li tista’ tkun soġġetta għal konfiska. L-Artikolu jipprevedi wkoll li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi se jkollhom bżonn jikkooperaw mal-Europol u mal-Eurojust fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-Artikolu 29 għandu l-għan li jiżgura l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi kif ukoll l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi u l-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi. Il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi testendi għal sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Dispożizzjonijiet finali (il-Kapitolu VIII, l-Artikoli 30 sa 37)

    Din it-taqsima tittratta għadd ta’ kwistjonijiet legali u tekniċi. L-ewwel nett, hija tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu (l-Artikolu 30). It-tieni, hija tirrikjedi li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-awtoritajiet kompetenti maħtura kif ukoll il-punti ta’ kuntatt rilevanti skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 21 ta’ din id-Direttiva (l-Artikolu 31). Barra minn hekk, dan il-kapitolu jinkludi dispożizzjoni dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali (l-Artikolu 32) u jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni sussegwenti ta’ din id-Direttiva (l-Artikolu 33). Huwa jiċċara r-relazzjoni ma’ strumenti legali oħra (l-Artikolu 34) u jipprevedi s-sostituzzjoni ta’ ħames atti legali eżistenti (l-Artikolu 35); id-Danimarka biss tibqa’ marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni mal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi Daniżi tkompli tkun irregolata mill-acquis rilevanti tal-UE. Fl-aħħar nett, din it-taqsima tinkludi regoli dwar id-dħul fis-seħħ (l-Artikolu 36) u d-destinatarji (l-Artikolu 37).

    2022/0167 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 83(1) u (2) u l-Artikolu 87(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (Serious and Organised Crime Threat Assessment, SOCTA) tal-Europol għall-2021 issottolinjat it-theddida dejjem tikber mill-kriminalità organizzata u l-infiltrazzjoni kriminali. Xprunata mid-dħul kbir iġġenerat mill-kriminalità organizzata, li jammonta għal mill-anqas EUR 139 biljun kull sena, u li qed jiġi rriċiklat dejjem aktar permezz ta’ sistema finanzjarja parallela sotterranja, id-disponibbiltà ta’ tali rikavat minn attivitajiet kriminali toħloq theddida sinifikanti għall-integrità tal-ekonomija u tas-soċjetà, li ddgħajjef l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. L-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 għandha l-għan li tindirizza dawn l-isfidi billi tippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera, tappoġġa investigazzjonijiet effettivi kontra networks kriminali, telimina r-rikavati minn attivitajiet kriminali, u tagħmel l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura adatti għall-era diġitali.

    (2)Il-motiv ewlieni għall-kriminalità transfruntiera organizzata, inklużi n-networks kriminali b’riskju għoli, huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, biex tiġi indirizzata t-theddida serja maħluqa mill-kriminalità organizzata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw il-mezzi biex jittraċċaw u jidentifikaw, jiffriżaw, jikkonfiskaw u jimmaniġġjaw b’mod effettiv il-mezzi strumentali u r-rikavati mill-kriminalità u l-proprjetà li tirriżulta minn attivitajiet kriminali.

    (3)Sistema effettiva għall-irkupru tal-assi tirrikjedi t-traċċar u l-identifikazzjoni rapidi tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità, u tal-proprjetà suspettata li tkun ta’ oriġini kriminali. Tali rikavati, mezzi strumentali, u proprjetà jenħtieġ li jiġu ffriżati sabiex jiġi evitat l-għajbien tagħhom, u wara dan jenħtieġ li jiġu kkonfiskati mal-konklużjoni tal-proċedimenti kriminali. Sistema effettiva għall-irkupru tal-assi tirrikjedi wkoll il-ġestjoni effettiva tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata biex iżżomm il-valur tagħha għall-Istat jew għar-restituzzjoni għall-vittmi.

    (4)Il-qafas legali kurrenti tal-Unjoni dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni tar-rikavati, tal-mezzi strumentali u tal-proprjetà, u dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jikkonsisti fid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI 20 u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI 21 . Il-Kummissjoni evalwat id-Direttiva 2014/42/UE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI, u kkonkludiet li l-qafas kurrenti ma kisibx b’mod sħiħ l-objettiv ta’ politika tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata permezz tal-irkupru tal-profitti tagħha.

    (5)Għalhekk, jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi aġġornat, sabiex jiġu ffaċilitati u żgurati sforzi effettivi għall-irkupru u l-konfiska tal-assi madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li d-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni ta’ proprjetà fil-qafas ta’ prosekuzzjoni ta' reat kriminali. F’dan il-kuntest, il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-terminu jkopri t-tipi kollha ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska maħruġa wara proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali. Huwa jkopri wkoll tipi oħra ta’ ordnijiet maħruġa mingħajr kundanna finali. Il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali jistgħu jinkludu wkoll investigazzjonijiet kriminali mill-pulizija u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jċaħħdu lill-kriminali mir-rikavat minn attivitajiet kriminali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jissaħħu t-traċċar u l-identifikazzjoni tal-assi, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ ffriżar, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, biex jissaħħu l-istrumenti għall-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati mill-kriminalità u l-proprjetà derivata minn attivitajiet kriminali tal-organizzazzjonijiet kriminali, u biex tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-sistema tal-irkupru tal-assi.

    (6)Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi bla preċedent u estensivi tal-Unjoni kkawżati mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna żvelat il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva kemm ta’ miżuri restrittivi settorjali kif ukoll ta’ miżuri restrittivi individwali tal-Unjoni madwar l-Unjoni. Filwaqt li ma humiex ta’ natura kriminali, u lanqas ma jirrikjedu mġiba kriminali bħala prekundizzjoni għall-impożizzjoni tagħhom, il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jiddependu wkoll fuq l-iffriżar tal-fondi (jiġifieri sanzjonijiet finanzjarji mmirati) u miżuri settorjali, u għalhekk jenħtieġ li jibbenefikaw minn kapaċitajiet imsaħħa fil-kuntest tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-proprjetà. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jissaħħu l-identifikazzjoni u t-traċċar effettivi tal-proprjetà li tkun ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal tali miżuri restrittivi jew ikkontrollata minnhom, u biex tiġi promossa kooperazzjoni internazzjonali akbar tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi. Il-miżuri relatati mal-iffriżar u l-konfiska skont din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk skont il-Kapitoli III u IV, jibqgħu madankollu limitati għal sitwazzjonijiet fejn il-proprjetà tkun ġejja minn attivitajiet kriminali, bħall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma tirregolax l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi fl-ambitu tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (7)Il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċitajiet ta’ traċċar u identifikazzjoni tal-proprjetà rilevanti fir-rigward ta’ persuni jew entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi tal-UE, kif ukoll il-miżuri komplementari biex jiġi żgurat li tali proprjetà ma tiġix ittrasferita jew moħbija biex jiġu evitati l-miżuri restrittivi tal-Unjoni, jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ ksur possibbli tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u għal kooperazzjoni transfruntiera msaħħa fl-investigazzjonijiet dwar reati kriminali possibbli.

    (8)Ir-regoli jenħtieġ li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera billi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex jirrispondu b’mod rapidu u effettiv għat-talbiet minn awtoritajiet fi Stati Membri oħra. Id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni bikrija, azzjoni urġenti għall-iffriżar, jew ġestjoni effiċjenti jikkontribwixxu għat-titjib tal-possibbiltajiet għall-irkupru tal-assi bejn il-fruntieri. Minħabba n-natura globali b’mod partikolari tal-kriminalità organizzata, jenħtieġ li tissaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

    (9)Minħabba n-natura polikriminali ta’ u l-kooperazzjoni sistemika u orjentata lejn il-profitt tal-organizzazzjonijiet kriminali involuti f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet illeċiti fi swieq differenti, ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata tirrikjedi li jkunu disponibbli miżuri ta’ ffriżar u ta’ konfiska biex ikopru l-profitti mir-reati kollha fejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata jkunu attivi fihom. Dawn ir-reati jinkludu l-oqsma ta’ kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1), inkluż it-traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi kif iddefinit fil-Protokoll kontra l-manifattura u t-traffikar illeċiti ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti u l-munizzjon tagħhom, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali, li l-Unjoni hija parti għaliha. Minbarra r-reati elenkati fl-Artikolu 83(1), il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jenħtieġ li jkopri wkoll ir-reati kollha li huma armonizzati fil-livell tal-UE, inklużi l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-involviment dejjem akbar tal-gruppi kriminali organizzati f’dan il-qasam ta’ kriminalità. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jenħtieġ li jinkludi wkoll reati ambjentali li huma attività ewlenija għall-gruppi kriminali organizzati u spiss huma marbuta mal-ħasil tal-flus jew jikkonċernaw skart u residwi prodotti fil-kuntest tal-produzzjoni u t-traffikar tad-droga. Il-faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati tikkostitwixxi attività ewlenija għall-gruppi kriminali organizzati u hija tipikament konnessa mat-traffikar tal-bnedmin.

    (10)Reati oħra mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali għandhom rwol ċentrali fil-ġenerazzjoni tad-dħul u fl-iffaċilitar ta’ aktar reati, inklużi reati serji ta’ natura transfruntiera. Tali reati jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sa fejn dawn jitwettqu fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali. Il-falsifikazzjoni u l-piraterija tal-prodotti hija marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-falsifikazzjoni tad-dokumenti, u thedded il-funzjonament tas-suq uniku u l-kompetizzjoni ġusta. It-traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi oġġetti antiki u opri tal-arti, spiss huwa marbut mal-ħasil tal-flus u jikkostitwixxi sors importanti ta’ finanzjament għall-gruppi kriminali organizzati. Il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom, inklużi dokumenti bankarji jew dokumenti ta’ identifikazzjoni, hija għodda abilitanti ewlenija għall-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin, jew il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, u bħala tali jenħtieġ li tkun koperta fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Reati oħra li spiss jitwettqu fil-qafas ta’ grupp tal-kriminalità organizzata jinkludu l-omiċidju jew l-offiża gravi fuq il-persuna, kif ukoll il-kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem, li huma sors ta’ dħul għall-gruppi tal-kriminalità organizzata fil-kuntest ta’ qtil b’kuntratt, intimidazzjoni u traffikar tal-bnedmin. Bl-istess mod, il-ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali jew it-teħid ta’ ostaġġi, kif ukoll ir-rikattar organizzat u l-estorsjoni, jintużaw jew bħala sors ta’ dħul permezz tal-ġbir ta’ flus għall-ħelsien jew bħala tattiċi ta’ intimidazzjoni kontra l-avversarji. Ir-reat tas-serq organizzat jew armat huwa waħda mill-aktar forom komuni biex jiġu ġġenerati l-profitti għall-gruppi kriminali organizzati, u spiss jitwettaq flimkien ma’ reati oħra, b’mod partikolari t-traffikar ta’ armi tan-nar. Bl-istess mod, it-traffikar ta’ vetturi misruqa mhux biss jista’ jiġġenera profitti iżda jirrappreżenta wkoll reat abilitanti li jipprovdi l-mezzi strumentali meħtieġa biex jitwettqu aktar reati. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġu inklużi r-reati fiskali sa fejn dawn jitwettqu bħala parti minn organizzazzjoni kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, billi dan ir-reat speċifiku huwa sors abilitanti ta’ profitti, speċjalment meta joperaw f’kuntest transfruntier. It-tekniki tipiċi użati biex jitwettqu l-frodi jew l-evażjoni fiskali jikkonsistu fl-użu ta’ strutturi korporattivi transfruntieri jew arranġamenti simili biex jinkisbu benefiċċji u rifużjonijiet tat-taxxa b’mod frodulenti, jinħbew l-assi jew il-profitti, jiġu amalgamati l-profitti u l-assi legali ma’ oħrajn illeċiti jew jiġu trasferiti lil entitajiet oħra barra mill-pajjiż biex jinħbew l-oriġini jew is-sjieda (benefiċjarja) tagħhom.

    (11)[Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi estiż għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni].

    (12)Sabiex tiġi koperta l-proprjetà li tista’ tiġi ttrasformata u ttrasferita sabiex tinħeba l-oriġini tagħha, u sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet madwar l-Unjoni, il-proprjetà li tista’ tkun soġġetta għal iffriżar u konfiska jenħtieġ li tiġi ddefinita b’mod wiesa’. Jenħtieġ li hija tkopri d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jagħtu prova tat-titolu jew tal-interess fi proprjetà soġġetta għal iffriżar u konfiska inklużi, pereżempju, strumenti finanzjarji, jew dokumenti li jistgħu jwasslu għal pretensjonijiet tal-kredituri u li normalment jinstabu fil-pussess tal-persuna affettwata mill-proċeduri rilevanti, kif ukoll trusts. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali eżistenti għaż-żamma ta’ dokumenti jew strumenti legali li jagħtu evidenza tat-titolu jew tal-interess fi proprjetà, kif inhuma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-korpi pubbliċi kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li d-definizzjoni tkopri l-forom kollha ta’ proprjetà, inklużi l-kriptoassi.

    (13)Sabiex tiġi koperta l-proprjetà li tista’ tiġi ttrasformata u ttrasferita sabiex tinħeba l-oriġini tagħha, u sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet madwar l-Unjoni, jenħtieġ li tiġi prevista definizzjoni wiesgħa tar-rikavat mill-kriminalità, li tinkludi r-rikavat dirett minn attività kriminali u l-benefiċċji indiretti kollha, inkluż l-investiment mill-ġdid jew it-trasformazzjoni sussegwenti tar-rikavati diretti, f’konformità mad-definizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 . B’hekk ir-rikavat jenħtieġ li jinkludi kwalunkwe proprjetà inkluża dik li tkun ġiet ittrasformata jew ikkonvertita, kompletament jew parzjalment, fi proprjetà oħra, u dik li tkun tħalltet ma’ proprjetà akkwistata minn sorsi leġittimi, sal-valur ivvalutat tar-rikavat imħallat. Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll id-dħul jew benefiċċji oħra li jirriżultaw mir-rikavat mill-kriminalità, jew minn proprjetà li fiha jew biha seta’ ġie ttrasformat, ikkonvertit jew imħallat tali rikavat.

    (14)Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà fi stadju bikri ta’ investigazzjoni kriminali huma essenzjali biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni fil-pront ta’ mezzi strumentali, rikavat, jew proprjetà li jistgħu sussegwentement jiġu kkonfiskati, inkluża proprjetà relatata ma’ attivitajiet kriminali li jinsabu f’ġurisdizzjonijiet oħra. Biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet finanzjarji jingħataw prijorità suffiċjenti fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi indirizzat reat ta’ natura transfruntiera, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jniedu t-traċċar tal-assi mill-mument li jkun hemm suspett ta’ attivitajiet kriminali li jkunu probabbli li jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi sostanzjali.

    (15)Jenħtieġ li jitnedew ukoll investigazzjonijiet biex tiġi ttraċċata u identifikata proprjetà fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jittraċċaw u jidentifikaw il-proprjetà ta’ persuni jew ta’ entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Ladarba l-proprjetà tiġi identifikata, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jiffriżaw temporanjament il-proprjetà biex jiżguraw li l-proprjetà ma tisparixxix.

    (16)Minħabba n-natura tranżnazzjonali tal-finanzi użati mill-gruppi kriminali organizzati, l-informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità u ta’ proprjetà oħra li tkun ta’ kriminali jew ta’ persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni jew ikkontrollata minnhom, jenħtieġ li tiġi skambjata malajr bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, jeħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jingħataw is-setgħa li jittraċċaw u jidentifikaw proprjetà li tista’ sussegwentement tiġi kkonfiskata, biex jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa taħt kundizzjonijiet ċari, u li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni ma’ xulxin, b’mod spontanju jew fuq talba. F’każijiet urġenti fejn ikun hemm riskju ta’ dissipazzjoni tal-proprjetà, it-tweġibiet għall-informazzjoni jenħtieġ li jsiru kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn 8 sigħat.

    (17)Sabiex iwettqu investigazzjonijiet effettivi għat-traċċar tal-assi, u biex jirrispondu malajr għat-talbiet transfruntieri, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tippermettilhom jistabbilixxu l-eżistenza, is-sjieda jew il-kontroll ta’ proprjetà li tista’ ssir is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska. Għalhekk, jenħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess għad-data rilevanti bħad-data fiskali, ir-reġistri nazzjonali taċ-ċittadinanza u tal-popolazzjoni, il-bażijiet tad-data kummerċjali u l-informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali. Jenħtieġ li dan jinkludi informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi sa fejn data bħal rekords kriminali, waqfiet ta’ vetturi, tfittxijiet ta’ proprjetà u azzjonijiet legali preċedenti bħal ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska jew sekwestri ta’ flus kontanti tista’ tkun ta’ valur biex tiġi identifikata l-proprjetà rilevanti. Jenħtieġ li l-aċċess għall-informazzjoni jkun soġġett għal salvagwardji speċifiċi li jipprevjenu l-użu ħażin tad-drittijiet ta’ aċċess. Jenħtieġ li dawn is-salvagwardji jkunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 . L-aċċess dirett u immedjat għal din l-informazzjoni ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jagħmlu l-aċċess soġġett għal salvagwardji proċedurali kif stabbilit skont il-liġi nazzjonali filwaqt li jittieħed kont xieraq tal-ħtieġa li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jwieġbu malajr għat-talbiet transfruntieri. L-implimentazzjoni tas-salvagwardji proċedurali għall-aċċess għall-bażijiet tad-data jenħtieġ li ma taffettwax il-kapaċità tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi li jwieġbu għat-talbiet minn Stati Membri oħra, speċjalment f’każ ta’ talbiet urġenti. L-aċċess għall-bażijiet tad-data u r-reġistri rilevanti skont din id-Direttiva jenħtieġ li jikkomplementa l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 u għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 .

    (18)Biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni kondiviża bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jenħtieġ li l-użu tal-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (Secure Information Exchange Network Application, SIENA), ġestita mill-Europol f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , ikun obbligatorju għall-komunikazzjonijiet kollha fost l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi skont din id-Direttiva. Għalhekk, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti kollha assenjati minn din id-Direttiva, l-uffiċċji kollha għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw direttament is-SIENA.

    (19)L-iffriżar u l-konfiska skont din id-Direttiva huma kunċetti awtonomi, li ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jimplimentaw din id-Direttiva bl-użu ta’ strumenti li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala sanzjonijiet jew tipi oħra ta’ miżuri.

    (20)Il-konfiska twassal għaċ-ċaħda definittiva minn proprjetà. Madankollu, il-preservazzjoni tal-proprjetà tista’ tkun prerekwiżit għall-konfiska u ħafna drabi hija essenzjali għall-eżekuzzjoni effettiva ta’ ordni ta’ konfiska. Il-proprjetà tiġi ppreservata permezz ta’ ffriżar. Sabiex tiġi evitata d-dissipazzjoni tal-proprjetà qabel ma tkun tista’ tinħareġ ordni ta’ ffriżar, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, inklużi l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni immedjata sabiex jiksbu tali proprjetà.

    (21)Minħabba l-limitazzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà imposta mill-ordnijiet ta’ ffriżar, jenħtieġ li tali miżuri provviżorji ma jinżammux għal aktar żmien milli meħtieġ biex tiġi ppreservata d-disponibbiltà tal-proprjetà bil-ħsieb ta’ konfiska sussegwenti possibbli. Dan jista’ jkun jeħtieġ rieżami mill-qorti nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-għan tal-prevenzjoni tad-dissipazzjoni tal-proprjetà jibqa’ validu.

    (22)Il-miżuri ta’ ffriżar jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li proprjetà speċifika titqies bħala evidenza matul il-proċedimenti, dment li fl-aħħar mill-aħħar din issir disponibbli għal eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ konfiska. Fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, il-proprjetà tista’ tiġi ffriżata wkoll bil-ħsieb tar-restituzzjoni sussegwenti possibbli tagħha jew sabiex jiġi ssalvagwardjat il-kumpens għad-dannu kkawżat minn reat kriminali.

    (23)Minbarra l-miżuri ta’ konfiska li jippermettu lill-awtoritajiet iċaħħdu lill-kriminali mir-rikavat jew mill-mezzi strumentali li jirriżultaw direttament minn reati, wara kundanna finali, huwa meħtieġ li tiġi permessa l-konfiska ta’ proprjetà ta’ valur ekwivalenti għal tali rikavati jew mezzi strumentali sabiex tinqabad proprjetà ta’ valur ekwivalenti għar-rikavat u għall-mezzi strumentali ta’ reat, kull meta jkun impossibbli li jiġu lokalizzati tali rikavati u mezzi strumentali. L-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-konfiska ta’ proprjetà ta’ valur ekwivalenti bħala sussidjarja jew alternattiva għall-konfiska diretta, kif xieraq f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    (24)Il-prattika minn persuna suspettata jew akkużata li tittrasferixxi l-proprjetà jew ir-rikavat lil parti terza kompliċi bil-ħsieb li tiġi evitata l-konfiska hija komuni u mifruxa. L-akkwist minn parti terza jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, il-proprjetà tkun ġiet akkwistata, direttament jew indirettament, pereżempju permezz ta’ intermedjarju, mill-parti terza mingħand persuna suspettata jew akkużata, anki meta r-reat kriminali jkun twettaq f’isimha jew għall-benefiċċju tagħha, u meta persuna akkużata ma jkollhiex proprjetà li tista’ tiġi kkonfiskata. Tali konfiska jenħtieġ li tkun possibbli f’każijiet fejn ikun ġie stabbilit li partijiet terzi kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment twettaq mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur tas-suq. Ir-regoli dwar il-konfiska ta’ parti terza jenħtieġ li jestendu kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll għal dawk ġuridiċi, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet terzi li jinstemgħu, inkluż id-dritt li jitolbu s-sjieda tal-proprjetà kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li d-drittijiet ta’ partijiet terzi in bona fide ma jkunux affettwati.

    (25)L-organizzazzjonijiet kriminali jinvolvu ruħhom f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali. Sabiex l-attivitajiet kriminali organizzati jiġu indirizzati b’mod effettiv, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun xieraq li kundanna kriminali għal reat kriminali li jista’ jwassal għal benefiċċji ekonomiċi tiġi segwita mill-konfiska mhux biss tal-proprjetà assoċjata ma’ reat speċifiku, inkluż ir-rikavat minn reat jew il-mezzi strumentali tiegħu, iżda wkoll ta’ proprjetà addizzjonali li l-qorti tiddetermina li tkun derivata minn imġiba kriminali.

    (26)Il-konfiska jenħtieġ li tkun possibbli wkoll meta qorti tkun sodisfatta li l-mezzi strumentali, ir-rikavat, jew il-proprjetà inkwistjoni jkunu derivati minn kondotta kriminali iżda fejn ma tkunx possibbli kundanna finali minħabba mard, il-ħarba jew il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata, jew minħabba li l-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx tista’ tinżamm responsabbli minħabba immunità jew amnestija kif previst skont il-liġi nazzjonali. L-istess jenħtieġ li jkun possibbli meta l-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-liġi nazzjonali jkunu skadew, meta tali limiti ta’ żmien ma jkunux twal biżżejjed biex jippermettu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi tar-reati kriminali rilevanti. F’każijiet bħal dawn il-konfiska jenħtieġ li tkun permessa biss meta l-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-elementi kollha tar-reat ikunu preżenti. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, il-konfiska ta’ proprjetà mingħajr kundanna minn qabel jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet ta’ reati serji. Id-dritt tal-konvenut li jsir jaf bil-proċediment u li jkun rappreżentat minn avukat jenħtieġ li ma jiġix affettwat.

    (27)Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-mard għandu jinftiehem bħala l-inkapaċità tal-persuna suspettata jew akkużata li tattendi l-proċedimenti kriminali għal perjodu estiż, u li minħabba f’hekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitkomplew.

    (28)Minħabba n-natura intrinsikament mhux ċara tal-kriminalità organizzata, mhux dejjem ikun possibbli li l-proprjetà derivata minn attivitajiet kriminali tiġi marbuta ma’ reat kriminali speċifiku u tiġi kkonfiskata dik il-proprjetà. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-konfiska jenħtieġ li tkun possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet inkluż b’mod partikolari: il-proprjetà tiġi ffriżata abbażi ta’ suspett ta’ reati mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, dawn ir-reati kriminali jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi sostanzjali u l-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà ffriżata tkun derivata minn attivitajiet kriminali mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali. Dawn il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiżguraw li l-konfiska ta’ proprjetà mhux marbuta ma’ reat speċifiku li għalih is-sid ikun instab ħati tkun limitata għal attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjonijiet kriminali li huma ta’ natura serja u li jistgħu jiġġeneraw benefiċċji sostanzjali. Meta jkunu qegħdin jiddeterminaw jekk ir-reati jistgħux iwasslu għal benefiċċji sinifikanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tar-reat, inkluż jekk l-attivitajiet kriminali jkunux twettqu bl-intenzjoni li jiġġeneraw profitti sostanzjali regolari. Filwaqt li din jenħtieġ li ma tkunx prekundizzjoni biex il-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li twettaq reat kriminali, il-qorti trid tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun derivata minn reati kriminali. Meta jkunu qegħdin jiddeterminaw jekk il-proprjetà inkwistjoni tkunx idderivat minn attivitajiet kriminali, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ, inkluż il-fatt li l-proprjetà tkun sostanzjalment sproporzjonata għall-introjtu legali tas-sid. L-Istati Membri mbagħad jenħtieġ li jirrikjedu u jagħtu possibbiltà effettiva lis-sid tal-proprjetà biex jagħti prova li l-proprjetà inkwistjoni tkun ġejja minn attivitajiet legali.

    (29)Biex jiġi żgurat li l-proprjetà li tkun jew tista’ ssir soġġetta għal ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska żżomm il-valur ekonomiku tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni effettivi. Tali miżuri jenħtieġ li jinkludu valutazzjoni sistematika ta’ kif l-aħjar li jiġi ppreservat u ottimizzat il-valur tal-proprjetà qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar, magħrufa wkoll bħala l-ippjanar ta’ qabel il-qbid.

    (30)F’ċirkostanzi fejn il-proprjetà ffriżata titħassar, tiddeprezza malajr, jew li l-kostijiet tal-manutenzjoni tagħha jkunu sproporzjonati għall-valur mistenni tagħha fil-mument tal-konfiska, jew li tkun diffiċli wisq biex tiġi amministrata jew li tkun tista’ tiġi sostitwita faċilment, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu l-bejgħ ta’ din il-proprjetà. Qabel ma tittieħed deċiżjoni bħal din, is-sid tal-proprjetà jenħtieġ li jkollu d-dritt li jinstema’. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-possibbiltà li l-kostijiet tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jiġu imposti fuq is-sid benefiċjarju, pereżempju b’alternattiva għall-ordni ta’ bejgħ interlokutorju, u f’każ ta’ kundanna finali. Dawn ir-regoli, inkluża l-possibbiltà li l-kostijiet għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jiġu imposti fuq is-sid benefiċjarju, japplikaw għall-proprjetà identifikata fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni sa fejn din tkun ġiet iffriżata fir-rigward ta’ akkużi kriminali, bħall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (31)L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi bil-għan li jistabbilixxu awtoritajiet speċjalizzati inkarigati mill-ġestjoni ta’ proprjetà ffriżata u kkonfiskata sabiex jimmaniġġjaw b’mod effettiv il-proprjetà ffriżata qabel il-konfiska u jippreservaw il-valur tagħha, sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar il-konfiska. Mingħajr preġudizzju għall-istrutturi amministrattivi interni tal-Istati Membri, l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jenħtieġ li jkunu jew l-unika awtorità li timmaniġġja l-proprjetà ffriżata jew ikkonfiskata, jew jenħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-atturi deċentralizzati skont l-istrutturi ta’ ġestjoni nazzjonali, u jappoġġaw lill-awtoritajiet rilevanti fl-ippjanar ta’ qabel il-qbid.

    (32)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”), kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

    (33)L-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska jaffettwaw b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati, u f’każijiet speċifiċi ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jiġu pproċessati. Id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva f’konformità mad-dritt għal proċess ġust, id-dritt għal rimedju effettiv u l-preżunzjoni tal-innoċenza kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (34)L-ordnijiet ta’ ffriżar, ta’ konfiska, u ta’ bejgħ interlokutorju jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-parti affettwata mingħajr dewmien. L-għan tal-komunikazzjoni ta’ dawk l-ordnijiet huwa, inter alia, li l-persuna affettwata tkun tista’ tikkontestahom quddiem qorti. Għalhekk, jenħtieġ li tali komunikazzjonijiet, bħala regola ġenerali, jindikaw ir-raġuni jew ir-raġunijiet għall-ordni kkonċernata. Il-parti affettwata jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta l-ordnijiet ta’ ffriżar, ta’ konfiska, u ta’ bejgħ interlokutorju. Fil-każ ta’ ordnijiet ta’ konfiska fejn ikunu preżenti l-elementi kollha tar-reat kriminali iżda kundanna kriminali tkun impossibbli, il-konvenut jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jinstema’ qabel l-adozzjoni tal-ordni. Jenħtieġ li tiġi pprovduta l-istess possibbiltà għas-sid affettwat minn ordni ta’ bejgħ tal-proprjetà qabel il-konfiska.

    (35)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ konfiska, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu li l-konfiska tal-proprjetà ma tiġix ordnata sa fejn din tkun sproporzjonata għar-reat inkwistjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu l-possibbiltà li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-konfiska ma tiġix ordnata, sa fejn din, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun tirrappreżenta tbatija żejda għall-persuna affettwata, abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ individwali rispettiv li għandhom ikunu deċiżivi. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali jenħtieġ li jkunu limitati għal każijiet fejn din tpoġġi lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni li fiha jkun diffiċli ħafna għall-persuna affettwata li tgħix u ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali rispettiv jenħtieġ li jkunu deċiżivi.

    (36)Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi implimentata mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 , id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 , id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 , id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , id-Direttiva (UE) 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , id-Direttiva 2016/800/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 u d-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill . 33  

    (37)Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’rabta mal-ipproċessar tad-data skont din id-Direttiva. Għal dak il-għan, ir-regoli ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu allinjati mad-Direttiva (UE) 2016/680. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi speċifikat li kwalunkwe data personali skambjata mill-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi għandha tibqa’ limitata għall-kategoriji tad-data elenkati fil-punt 2 tat-Taqsima B tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, b’mod partikolari l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    (38)Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’rabta mal-iskambji kollha ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva. Għal dak il-għan, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680 huma applikabbli fir-rigward tal-miżuri meħuda skont din id-Direttiva. Fejn rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi għall-finijiet tal-ġestjoni tal-proprjetà, huma applikabbli r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (39)Sistema ta’ rkupru effettiva tirrikjedi l-isforzi maqbula ta’ firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet, mill-infurzar tal-liġi, inklużi l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-irkupru tat-taxxa sa fejn dawn ikunu kompetenti għall-irkupru tal-assi, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet għall-ġestjoni tal-assi, inklużi l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi. Sabiex tiġi żgurata azzjoni koordinata mill-awtoritajiet kompetenti kollha, jeħtieġ li jiġi stabbilit approċċ aktar strateġiku għall-irkupru tal-assi u li tiġi promossa kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet rilevanti, u li tinkiseb ħarsa ġenerali ċara tar-riżultati tal-irkupru tal-assi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw u jirrieżaminaw b’mod regolari strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi biex tiggwida l-azzjonijiet fir-rigward tal-investigazzjonijiet finanzjarji, l-iffriżar u l-konfiska, il-ġestjoni kif ukoll id-disponiment finali tal-mezzi strumentali, ir-rikavati, jew il-proprjetà rilevanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jinftiehmu bħala l-awtoritajiet inkarigati bit-twettiq tal-kompiti kif deskritti f’din id-Direttiva u skont l-istrutturi nazzjonali.

    (40)Sabiex jiġu evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas tal-irkupru tal-assi, tal-ġestjoni tal-assi u tal-konfiska, jeħtieġ li jinġabar u jiġi ppubblikat sett komparabbli ta’ data statistika dwar l-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska tal-proprjetà.

    (41)Biex jiġu żgurati approċċi konsistenti fost l-Istati Membri fil-ġbir tal-istatistika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta regoli aktar dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tinġabar u l-metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika.

    (42)Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 34 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (43)Biex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-azzjoni meħuda għall-iffriżar u l-konfiska, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu reġistru ċentrali tal-mezzi strumentali, tar-rikavati, jew tal-proprjetà ffriżata, ġestita u kkonfiskata u jiġbru l-istatistika meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri rilevanti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti reġistri ċentralizzati fil-livell nazzjonali, tal-mezzi strumentali, tar-rikavati, jew tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fajl speċifiku. L-għan li jiġu stabbiliti reġistri ċentralizzati huwa li l-awtoritajiet rilevanti kollha responsabbli għall-irkupru ta’ proprjetà kriminali jiġu assistiti b’rekord aċċessibbli tal-proprjetà li tkun iffriżata, ikkonfiskata, jew taħt ġestjoni, mill-mument li tiġi ffriżata sakemm tiġi rritornata lis-sid jew isir disponiment minnha. L-informazzjoni mdaħħla fir-reġistri jenħtieġ li tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ ġestjoni tal-każ speċifiku, jew għall-finijiet tal-ġbir ta’ data statistika. Għall-finijiet ta’ ġestjoni tal-każijiet, jenħtieġ li din ma tinżammx għal aktar żmien milli wara d-disponiment finali tal-proprjetà wara ordni ta’ konfiska, jew wara r-ritorn tagħha lis-sid f’każ ta’ ħelsien. L-aċċess għall-informazzjoni rreġistrata fir-reġistri ċentralizzati jenħtieġ li jingħata biss lill-awtoritajiet responsabbli għall-irkupru ta’ proprjetà kriminali, bħall-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet maħtura mod ieħor skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    (44)Il-gruppi kriminali organizzati joperaw bejn il-fruntieri u qed jakkwistaw dejjem aktar proprjetà fi Stati Membri minbarra dawk li jkunu bbażati fihom u f’pajjiżi terzi. Minħabba d-dimensjoni tranżnazzjonali tal-kriminalità organizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jiġu rkuprati l-profitti u jiġu kkonfiskati l-assi finanzjarji li jippermettu lill-kriminali joperaw. L-Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jiżguraw li kemm l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi kif ukoll l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jikkooperaw mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi biex jittraċċaw, jidentifikaw u jimmaniġġjaw il-mezzi strumentali u r-rikavati, jew il-proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska fil-qafas ta’ proċedimenti f’materji kriminali. Barra minn hekk, għall-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa ta’ importanza kbira għall-uffiċċji għall-irkupru tal-assi li jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma mal-kontropartijiet tagħhom f’dawk il-pajjiżi terzi li magħhom ikun hemm fis-seħħ ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali li jippermetti l-iskambju ta’ data personali operazzjonali mal-Europol jew mal-Eurojust.

    (45)L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib ukoll mal-korpi u l-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, sa fejn ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ttraċċata u identifikata fl-investigazzjonijiet transfruntieri appoġġati mill-Europol u mill-Eurojust jew fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Jenħtieġ li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jikkooperaw ukoll mal-Europol u mal-Eurojust, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, sa fejn ikun meħtieġ li tiġi traċċata u identifikata proprjetà għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (46)Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fehim komuni u standards minimi għat-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-ġestjoni tal-assi, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli minimi għall-miżuri rilevanti kif ukoll għas-salvagwardji relatati. L-adozzjoni ta’ regoli minimi ma timpedix lill-Istati Membri milli jagħtu setgħat aktar estensivi lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jew lill-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, jew milli jipprevedu salvagwardji addizzjonali skont il-liġi nazzjonali, dment li tali miżuri u dispożizzjonijiet nazzjonali ma jimminawx l-objettiv ta’ din id-Direttiva.

    (47)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska ta’ proprjetà f’materji kriminali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (48)Peress li din id-Direttiva tipprevedi sett komprensiv ta’ regoli, li jikkoinċidu ma’ strumenti legali diġà eżistenti, jenħtieġ li din tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/699/ĠAI 35 , id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/JHA 36 , id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI, u d-Direttiva 2014/42/UE fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

    (49)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (50)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.] [jew] [F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.]

    (51)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi XX/XX/20XX.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett 

    1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-konfiska, u l-ġestjoni ta’ proprjetà fil-qafas ta’ proċedimenti f’materji kriminali.

    2. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-irkupru sussegwenti tal-proprjetà relatata fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1. Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali li ġejjin:

    (a) il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif iddefinita fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI 37 ;

    (b) it-terroriżmu, kif iddefinit fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 ;

    (c) it-traffikar tal-bnedmin, kif iddefinit fid-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 ;

    (d) l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, kif iddefiniti fid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 ;

    (e) it-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, kif iddefinit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI 41 ;

    (f) il-korruzzjoni, kif iddefinita fil-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 42  u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA 43 ;

    (g) il-ħasil tal-flus, kif iddefinit fid-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 ;

    (h) il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament, kif iddefinita fid-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 ;

    (i) l-iffalsifikar tal-flus, inkluż l-euro, kif iddefinit fid-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 ;

    (j) iċ-ċiberkriminalità, kif iddefinita fid-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 ;

    (k) it-traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi, kif iddefinit fil-Protokoll kontra l-manifattura u t-traffikar illeċiti ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti u l-munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali 48 ;

    (l) il-frodi, inkluż frodi u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif iddefiniti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 ;

    (m) il-kriminalità ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu u fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu kif iddefinit fid-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 , kif ukoll reati relatati mat-tniġġis mill-bastimenti kif definiti fid-Direttiva 2005/35/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE 51 ;

    (n) il-faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati, kif definit fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA 52 , u fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE 53 ;

    2. Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati li ġejjin sa fejn ir-reat jitwettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali:

    (a) il-falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti;

    (b) it-traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi oġġetti antiki u opri tal-arti;

    (c) il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom;

    (d) l-omiċidju jew offiża gravi fuq il-persuna;

    (e) il-kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem;

    (f) il-ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali jew it-teħid ta’ ostaġġi;

    (g) is-serq organizzat jew bl-użu tal-armi;

    (h) ir-rikattar organizzat u l-estorsjoni;

    (i) it-traffikar ta’ vetturi misruqa;

    (j) ir-reati fiskali relatati ma’ taxxi diretti u taxxi indiretti u kif iddefiniti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, li huma punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-anqas sena.

    3. [Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kif iddefinit fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].

    4. Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe reat kriminali ieħor stabbilit f’atti legali oħra tal-Unjoni jekk dawn jipprevedu speċifikament li din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali ddefiniti fihom.

    5. Id-dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u l-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali u tar-rikavati, jew tal-proprjetà fil-Kapitolu II għandhom japplikaw għar-reati kriminali kollha kif iddefiniti fil-liġi nazzjonali li huma punibbli biċ-ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-anqas sena.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “rikavat” tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta direttament jew indirettament minn reat kriminali li jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta’ proprjetà, u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew trasformazzjoni sussegwenti ta’ rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur;

    (2) “proprjetà” tfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli, u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jixhdu t-titolu jew l-interess f’tali proprjetà;

    (3) “mezzi strumentali” tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali;

    (4) “traċċar u identifikazzjoni” tfisser kwalunkwe investigazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġu ddeterminati l-mezzi strumentali, ir-rikavati, jew il-proprjetà li jistgħu jkunu derivati minn attivitajiet kriminali;

    (5) “iffriżar” tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, il-qerda, il-konverżjoni, iċ-ċessjoni jew il-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja tal-kustodja jew tal-kontroll ta’ proprjetà;

    (6) “konfiska” tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

    (7) “SIENA” tfisser l-applikazzjoni ta’ network għall-iskambju sikur ta’ informazzjoni, ġestita mill-Europol, immirata biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Europol;

    (8) “organizzazzjoni kriminali” tfisser organizzazzjoni kriminali kif iddefinita fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI;

    (9) “vittma” tfisser vittma kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 54 kif ukoll persuna ġuridika, kif iddefinita fil-liġi nazzjonali, li tkun ġarrbet dannu bħala riżultat ta’ xi wieħed mir-reati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

    (10) “sid benefiċjarju” tfisser sid benefiċjarju kif iddefinit fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2015/849/UE 55 ;

    (11) “miżuri restrittivi tal-Unjoni” tfisser miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    (12) “sanzjonijiet finanzjarji mmirati” tfisser miżuri restrittivi speċifiċi tal-Unjoni diretti kontra ċerti persuni jew entitajiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    KAPITOLU II

    traċċar u identifikazzjoni

    Artikolu 4

    Investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi

    1. Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippermettu t-traċċar u l-identifikazzjoni rapidi tal-mezzi strumentali u tar-rikavati, jew tal-proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska matul proċedimenti kriminali.

    2. L-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu immedjatament mill-awtoritajiet kompetenti kull meta tinbeda investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li jkun probabbli li jwassal għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali, jew fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Uffiċċji għall-irkupru tal-assi

    1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mill-anqas uffiċċju wieħed għall-irkupru tal-assi biex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera fir-rigward tal-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi.

    2. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

    (a) jittraċċaw u jidentifikaw l-mezzi strumentali, ir-rikavati, jew il-proprjetà kull meta jkun meħtieġ biex jappoġġaw awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra responsabbli għall-investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi skont l-Artikolu 4;

    (b) jittraċċaw u jidentifikaw l-mezzi strumentali, ir-rikavati, jew il-proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska maħruġa minn Stat Membru ieħor;

    (c) jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi ta’ Stati Membri oħra fit-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati, jew ta’ proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska;

    (d) jiskambjaw informazzjoni ma’ uffiċċji oħra għall-irkupru tal-assi fl-Istati Membri relatata mal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

    3. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom jingħataw is-setgħa li jittraċċaw u jidentifikaw il-proprjetà ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati tal-UE fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Għal dak il-għan, huma għandhom jikkooperaw mal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u ma’ awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra fi Stati Membri oħra u jiskambjaw informazzjoni rilevanti.

    4. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jieħdu azzjoni immedjata skont l-Artikolu 11(2) fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. L-Artikolu 11(5) għandu japplika mutatis mutandis.

    Artikolu 6

    Aċċess għall-informazzjoni

    1. Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess immedjat u dirett għall-informazzjoni li ġejja sa fejn dik l-informazzjoni tkun meħtieġa għat-traċċar u l-identifikazzjoni tar-rikavati, il-mezzi strumentali, u l-proprjetà:

    (a) data fiskali, inkluża d-data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dħul;

    (b) ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà immobbli jew is-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data u r-reġistri tal-art u katastali;

    (c) ir-reġistri nazzjonali taċ-ċittadinanza u tal-popolazzjoni ta’ persuni fiżiċi;

    (d) ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi bil-mutur, tal-inġenji tal-ajru u tal-opri tal-baħar;

    (e) il-bażijiet tad-data kummerċjali, inklużi r-reġistri tan-negozju u tal-kumpaniji;

    (f) ir-reġistri nazzjonali tas-sigurtà soċjali;

    (g) informazzjoni rilevanti li tkun miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

    2. Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix maħżuna f’bażijiet tad-data jew f’reġistri, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkunu jistgħu jiksbu malajr dik l-informazzjoni b’mezzi oħra.

    3. L-aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali stabbiliti skont il-liġi nazzjonali.

    Artikolu 7

    Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-informazzjoni mill- uffiċċji għall-irkupru tal-assi

    1. L-aċċess għall-informazzjoni skont l-Artikolu 6 għandu jitwettaq biss fejn ikun meħtieġ fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal speċifikament maħtur u awtorizzat biex jaċċessa l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jikkonforma mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali kif previst skont il-liġi nazzjonali applikabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-persunal tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollu l-ħiliet u l-kapaċitajiet speċjalizzati meħtieġa biex iwettaq ir-rwoli tiegħu b’mod effettiv.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw is-sigurtà tad-data sabiex l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jaċċessaw u jfittxu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

    Artikolu 8

    Monitoraġġ tal-aċċess u tat-tfittxijiet mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li jkollhom l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 iżommu reġistri tal-attivitajiet kollha ta’ aċċess u ta’ tfittxija mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi f’konformità ma’ din id-Direttiva. Ir-reġistri għandu jkun fihom dan li ġej:

    (a) ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

    (b) id-data u l-ħin tad-domanda jew tat-tfittxija;

    (c) it-tip ta’ data użata biex issir id-domanda jew it-tfittxija;

    (d) l-identifikatur uniku tar-riżultati tad-domanda jew tat-tfittxija;

    (e) l-isem tal-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jikkonsulta r-reġistru;

    (f) l-identifikatur uniku tal-utent tal-uffiċjal li għamel id-domanda jew li wettaq it-tfittxija.

    2. Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, u għall-iżgurar tas-sigurtà u tal-integrità tad-data. Ir-reġistri għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru ħames snin wara l-ħolqien tagħhom. Jekk, madankollu, dawn ikunu meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu għaddejjin, dawn għandhom jitħassru ladarba l-proċeduri ta’ monitoraġġ ma jibqgħux jeħtieġu r-reġistri.

    Artikolu 9

    Skambju ta’ informazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jipprovdu, fuq talba minn uffiċċju għall-irkupru tal-assi ta’ Stat Membru ieħor, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont l-Artikolu 5. Il-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu pprovduti huma dawk elenkati fit-Taqsima B, il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/794.

    Kwalunkwe data personali li għandha tiġi pprovduta għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ, fid-dawl ta’ dak li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5.

    2. Meta jagħmel talba skont il-paragrafu 1, l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti għandu jispeċifika bl-aktar mod preċiż possibbli dan li ġej:

    (a) l-oġġett tat-talba;

    (b) ir-raġunijiet għat-talba, inkluża r-rilevanza tal-informazzjoni mitluba għat-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà;

    (c) in-natura tal-proċedimenti;

    (d) it-tip ta’ reat kriminali li għalih issir it-talba;

    (e) ir-rabta tal-proċedimenti mal-Istat Membru rikjest;

    (f) id-dettalji dwar il-proprjetà mmirata jew imfittxa, bħal kontijiet bankarji, proprjetà immobbli, vetturi, bastimenti, inġenji tal-ajru, kumpaniji u oġġetti oħra ta’ valur għoli;

    (g) u/jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi preżunti li huma involuti, bħall-ismijiet, l-indirizzi, id-dati u l-postijiet tat-twelid, id-data tar-reġistrazzjoni, l-azzjonisti, il-kwartieri ġenerali;

    (h) fejn applikabbli, ir-raġunijiet għall-urġenza tat-talba.

    3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tagħhom jiskambjaw informazzjoni mal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi ta’ Stati Membri oħra, mingħajr talba għal dak il-għan, kull meta jkunu jafu b’informazzjoni dwar mezzi strumentali, rikavat, jew proprjetà li huma jqisu bħala meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi skont l-Artikolu 5. Meta jipprovdu tali informazzjoni, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom jispeċifikaw ir-raġunijiet għaliex l-informazzjoni skambjata tkun meqjusa bħala neċessarja.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi skont il-paragrafi 1, 2 u 3 tkun tista’ tiġi ppreżentata bħala evidenza quddiem qorti nazzjonali ta’ Stat Membru, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali.

    5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jkollhom aċċess dirett għas-SIENA u jużaw is-sistema SIENA għall-iskambju ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu.

    6. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni lill-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti jekk ikun hemm raġunijiet fattwali biex wieħed jassumi li l-għoti tal-informazzjoni:

    (a) jagħmel ħsara lill-interessi fundamentali tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru rikjest;

    (b) jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja, jew operazzjoni ta’ intelligence kriminali, jew joħloq theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta’ persuna.

    7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jingħataw ir-raġunijiet għar-rifjut li tiġi pprovduta l-informazzjoni. Ir-rifjuti għandhom jaffettwaw biss il-parti tal-informazzjoni mitluba li magħha jkunu relatati r-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 u għandhom, fejn applikabbli, iħallu l-obbligu li jiġu pprovduti l-partijiet l-oħra tal-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva mhux affettwat.

    Artikolu 10

    Limiti ta’ żmien għall-għoti tal-informazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jwieġbu għat-talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 9(1), mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fil-limiti ta’ żmien li ġejjin:

    (a) sebat ijiem kalendarji, għat-talbiet kollha li ma jkunux urġenti;

    (b) tmien sigħat, għal talbiet urġenti relatati mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 (1), li tkun maħżuna f’bażijiet tad-data u f’reġistri.

    2. Meta l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1(b) ma tkunx direttament disponibbli jew it-talba skont il-paragrafu 1(a) timponi piż sproporzjonat, l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi li jirċievi t-talba jista’ jipposponi l-għoti tal-informazzjoni. F’dak il-każ, l-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjest għandu jinforma minnufih lill-uffiċċju għall-irkupru tal-assi rikjedenti b’dan il-posponiment u għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza inizjali stabbilita skont il-paragrafu 1.

    KAPITOLU III
    Iffriżar u konfiska

    Artikolu 11

    Iffriżar

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-iffriżar tal-proprjetà meħtieġ biex tiġi żgurata l-konfiska possibbli ta’ dik il-proprjetà skont l-Artikolu 12.

    2. Il-miżuri ta’ ffriżar għandhom jinkludu azzjoni immedjata li għandha tittieħed meta jkun meħtieġ sabiex tiġi ppreservata l-proprjetà.

    3. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jieħdu azzjoni immedjata skont il-paragrafu 2 sakemm tinħareġ ordni ta’ ffriżar skont il-paragrafu 1. Il-validità ta’ tali miżuri ta’ ffriżar urġenti temporanji ma għandhiex taqbeż is-sebat ijiem.

    4. Il-proprjetà fil-pussess ta’ parti terza tista’ tkun soġġetta għal miżuri ta’ ffriżar skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata konfiska possibbli skont l-Artikolu 13.

    5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet ta’ ffriżar skont il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 jinħarġu minn awtorità kompetenti u jkunu mmotivati adegwatament.

    6. L-ordni ta’ ffriżar skont il-paragrafu 1 għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata l-proprjetà fid-dawl ta’ konfiska possibbli sussegwenti. Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix sussegwentement ikkonfiskata, għandha tiġi rritornata lis-sid tal-proprjetà mingħajr dewmien. Il-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li bihom tali proprjetà tiġi rritornata għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali.

    7. Meta l-proprjetà li għandha tiġi ffriżata tkun tikkonsisti f’entitajiet li għandhom jiġu ppreservati bħala negozju avvjat, bħal impriżi, l-ordni ta’ ffriżar għandha tinkludi miżuri biex jiġi eskluż l-aċċess għal din il-proprjetà mill-persuni li jkunu s-sidien tagħhom jew li jikkontrollawhom filwaqt li tiġi permessa t-tkomplija tal-operazzjonijiet.

    Artikolu 12

    Konfiska

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska, kompletament jew parzjalment, tal-mezzi strumentali u tar-rikavati li jirriżultaw minn reat kriminali wara kundanna finali, li tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta’ proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal mezzi strumentali jew rikavati li jirriżultaw minn reat kriminali wara kundanna finali, li tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia.

    Artikolu 13

    Konfiska minn parti terza

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta’ rikavat, jew ta’ proprjetà oħra li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal rikavat, li, direttament jew indirettament, ikun ġie ittrasferit minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li kien akkwistat minn partijiet terzi mingħand persuna suspettata jew akkużata.

    Il-konfiska ta’ dan ir-rikavat jew ta’ proprjetà oħra għandha tkun tista’ ssir fejn ikun ġie stabbilit li dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist ikun twettaq mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur tas-suq.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide.

    Artikolu 14

    Konfiska estiża

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska, kompletament jew parzjalment, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna kkundannata għal reat kriminali meta dan ir-reat jista’ jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku, u fejn il-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-proprjetà tkun derivata minn imġiba kriminali.

    2. Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-proprjetà inkwistjoni tkunx derivata minn imġiba kriminali, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna kkundannata.

    Artikolu 15

    Konfiska mhux ibbażata fuq kundanna

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, il-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati, jew tal-proprjetà kif imsemmija fl-Artikolu 12, jew li tkun ġiet ittrasferita lil partijiet terzi kif imsemmi fl-Artikolu 13, f’każijiet fejn ikunu nbdew proċedimenti kriminali iżda l-proċedimenti ma setgħux jitkomplew minħabba ċ-ċirkostanzi li ġejjin: 

    (a) il-mard tal-persuna suspettata jew akkużata;

    (b) il-ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata;

    (c) il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata;

    (d) l-immunità mill-prosekuzzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata, kif previst skont il-liġi nazzjonali;

    (e) l-amnestija mogħtija lill-persuna suspettata jew akkużata, kif previst skont il-liġi nazzjonali;

    (f) il-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-liġi nazzjonali jkunu skadew, meta tali limiti ma jkunux twal biżżejjed biex jippermettu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi tar-reati kriminali rilevanti.

    2. Il-konfiska mingħajr kundanna minn qabel għandha tkun limitata għal reati kriminali li jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali u sa fejn biss il-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-elementi kollha tar-reat ikunu preżenti.

    3. Qabel ma l-qorti toħroġ ordni ta’ konfiska skont it-tifsira tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna affettwata jiġu rrispettati anki billi tingħata aċċess għall-fajl u d-dritt li tinstema’ dwar kwistjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt.

    4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kunċett ta’ “reat kriminali” għandu jinkludi r-reati elenkati fl-Artikolu 2 meta jkunu punibbli bi privazzjoni tal-libertà ta’ massimu ta’ mill-anqas erba’ snin.

    Artikolu 16

    Konfiska ta’ ġid mhux ġustifikat marbut ma’ attivitajiet kriminali

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska ta’ proprjetà, meta l-konfiska ma tkunx possibbli skont l-Artikoli 12 sa 15 u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) il-proprjetà tiġi ffriżata fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar reati kriminali mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali;

    (b) ir-reat kriminali skont il-punt (a) jista’ jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku sostanzjali;

    (c) il-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-proprjetà ffriżata tkun derivata minn reati kriminali mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali.

    2. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk il-proprjetà ffriżata tkunx derivata minn reati kriminali, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sostanzjalment sproporzjonat għall-introjtu legali tas-sid tal-proprjetà.

    3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kunċett ta’ “reat kriminali” għandu jinkludi r-reati msemmija fl-Artikolu 2 meta jkunu punibbli b’ċaħda tal-libertà ta’ massimu ta’ mill-anqas erba’ snin.

    4. Qabel ma l-qorti toħroġ ordni ta’ konfiska skont it-tifsira tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna affettwata jiġu rrispettati anki billi tingħata aċċess għall-fajl u d-dritt li tinstema’ dwar kwistjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt.

    Artikolu 17

    Konfiska u eżekuzzjoni effettivi

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu t-traċċar u l-identifikazzjoni tal-proprjetà li għandha tiġi ffriżata u kkonfiskata anki wara kundanna finali għal reat kriminali, jew wara proċedimenti b’applikazzjoni tal-Artikoli 15 u 16.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu miżuri li jippermettu li l-proprjetà kkonfiskata tintuża għal skopijiet ta’ interess pubbliku jew soċjali.

    Artikolu 18

    Kumpens lill-vittmi

    Meta, bħala riżultat ta’ reat kriminali, il-vittmi jkollhom talbiet kontra l-persuna li tkun soġġetta għal miżura ta’ konfiska prevista skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-miżura ta’ konfiska ma taffettwax id-drittijiet tal-vittmi li jiksbu kumpens għat-talbiet tagħhom.

    KAPITOLU IV
    ġestjoni

    Artikolu 19

    Ġestjoni tal-assi u ppjanar ta’ qabel il-qbid

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata sad-disponiment tagħha.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma joħorġu ordni ta’ ffriżar skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata jwettqu valutazzjoni tal-kostijiet li jistgħu jiġġarrbu fil-ġestjoni tal-proprjetà li tista’ tiġi ffriżata, għall-finijiet tal-preservazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-valur ta’ tali proprjetà sad-disponiment tagħha.

    Artikolu 20

    Bejgħ interlokutorju

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetà ffriżata skont l-Artikolu 11(1) tkun tista’ tiġi ttrasferita jew mibjugħa qabel ma tinħareġ ordni ta’ konfiska f’waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a) il-proprjetà soġġetta għall-iffriżar titħassar jew tiġi deprezzata malajr;

    (b) il-kostijiet tal-ħżin jew tal-manutenzjoni tal-proprjetà jkunu sproporzjonati għall-valur tagħha;

    (c) il-proprjetà tkun diffiċli wisq biex tiġi amministrata, jew il-ġestjoni tagħha tirrikjedi kundizzjonijiet speċjali u għarfien espert mhux faċilment disponibbli.

    2. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-interessi tas-sid tal-proprjetà jiġu kkunsidrati meta tinħareġ ordni ta’ bejgħ interlokutorju, inkluż jekk il-proprjetà li għandha tinbiegħ tkunx faċilment sostitwibbli. Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ ħarba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sid tal-proprjetà li tista’ tkun soġġetta għal bejgħ interlokutorju jiġi nnotifikat u mismugħ qabel il-bejgħ. Is-sid għandu jingħata l-possibbiltà li jitlob il-bejgħ tal-proprjetà.

    3. Il-qligħ mill-bejgħ interlokutorju jenħtieġ li jiġi żgurat sakemm tintlaħaq deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-konfiska. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu lix-xerrejja terzi ta’ proprjetà mibjugħa minn miżuri ta’ ritaljazzjoni, biex jiżguraw li l-proprjetà mibjugħa ma tiġix irritornata lil persuni kkundannati għar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 2.

    4. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-kostijiet għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata jiġu imposti fuq is-sid benefiċjarju.

    Artikolu 21

    Uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi

    1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar mill-anqas uffiċċju għall-ġestjoni tal-assi wieħed għall-fini tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata.

    2. L-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

    (a) li jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, jew permezz tal-ġestjoni diretta tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata jew permezz tal-għoti ta’ appoġġ u għarfien espert lil awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata;

    (b) li jipprovdu appoġġ fl-ippjanar ta’ qabel il-qbid lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata;

    (c) li jikkooperaw ma’ awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għat-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska ta’ proprjetà, skont din id-Direttiva;

    (d) li jikkooperaw ma’ awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata f’każijiet transfruntieri.

    KAPITOLU V
    salvagwardji

    Artikolu 22

    Obbligu li l-persuni affettwati jiġu infurmati

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet ta’ ffriżar skont l-Artikolu 11, l-ordnijiet ta’ konfiska skont l-Artikoli 12 sa 16, u l-ordnijiet għall-bejgħ tal-proprjetà skont l-Artikolu 20 jiġu kkomunikati lill-persuna affettwata filwaqt li jiġu speċifikati r-raġunijiet għall-miżura.

    Artikolu 23

    Rimedji legali

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għad-difiża, għal rimedju effettiv, u għal proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

    2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva għall-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata li tikkontesta l-ordni ta’ ffriżar skont l-Artikolu 11 quddiem qorti, f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-liġi nazzjonali. Meta l-ordni ta’ ffriżar tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti għajr awtorità ġudizzjarja, il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi li tali ordni l-ewwel għandha tiġi sottomessa għal validazzjoni jew rieżami lil awtorità ġudizzjarja qabel ma tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti.

    3. Fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ħarbet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw possibbiltà effettiva li jiġi eżerċitat id-dritt li tikkontesta l-ordni ta’ konfiska u għandhom jirrikjedu li l-persuna kkonċernata tiġi mħarrka għall-proċedimenti ta’ konfiska jew li jsiru sforzi raġonevoli biex il-persuna ssir taf b’tali proċedimenti.

    4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tikkontesta l-ordni ta’ konfiska u ċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ quddiem qorti, f’konformità mal-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali.

    Fil-każ ta’ ordnijiet ta’ konfiska skont l-Artikolu 13, tali ċirkostanza għandha tinkludi fatti u ċirkostanzi li fuqhom kienet ibbażata s-sejba li l-parti terza kienet taf jew kellha tkun taf li l-iskop tat-trasferiment jew tal-akkwiżizzjoni kien li tiġi evitata l-konfiska.

    Fil-każ ta’ ordnijiet ta’ konfiska skont l-Artikoli 14 u 16, tali ċirkostanzi għandhom jinkludu fatti speċifiċi u evidenza disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies li tkun proprjetà derivata minn imġiba kriminali.

    Fil-każ ta’ ordnijiet ta’ konfiska skont l-Artikolu 15, tali ċirkostanzi għandhom jinkludu fatti u evidenza li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali tkun ikkonkludiet li l-elementi kollha tar-reat huma preżenti.

    5. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-konfiska ma tiġix ordnata sa fejn din tkun sproporzjonata għar-reat imwettaq jew għall-akkuża kontra l-persuna kkonċernata mill-konfiska. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-konfiska ma tiġix ordnata, sa fejn din, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tkun tirrappreżenta tbatija żejda għall-persuna affettwata.

    6. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tiġi affettwata tikkontesta ordni skont l-Artikolu 20 għall-bejgħ tal-proprjetà inkwistjoni. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li tali appell ikollu effett sospensiv.

    7. Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu ta’ sjieda jew drittijiet oħra ta’ proprjetà inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13.

    8. Il-persuni li l-proprjetà tagħhom tiġi affettwata mill-miżuri previsti f’din id-Direttiva għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat matul il-proċedimenti ta’ ffriżar u ta’ konfiska. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu infurmati b’dak id-dritt.

    KAPITOLU VI
    Qafas Strateġiku għall-Irkupru tal-Assi

    Artikolu 24

    Strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw sa [sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] strateġija nazzjonali dwar l-irkupru tal-assi u jaġġornawha f’intervalli regolari ta’ mhux aktar minn ħames snin.

    2. L-istrateġija għandha tinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a) l-objettivi strateġiċi, il-prijoritajiet u l-miżuri għall-finijiet tat-tisħiħ tal-isforzi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha involuti fl-irkupru ta’ proprjetà kif stabbilit f’din id-Direttiva;

    (b) qafas ta’ governanza biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi, inkluża deskrizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni;

    (c) mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livelli strateġiċi u operazzjonali fost l-awtoritajiet kompetenti kollha;

    (d) ir-riżorsi magħmula disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, inkluż it-taħriġ;

    (e) il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari tar-riżultati miksuba.

    3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-istrateġiji tagħhom, u kwalunkwe aġġornament tal-istrateġiji tagħhom, lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tagħhom.

    Artikolu 25

    Riżorsi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi u l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi li jwettqu kompiti skont din id-Direttiva, ikollhom persunal kwalifikat b’mod xieraq u riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi xierqa meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 26

    Stabbiliment ta’ reġistri ċentralizzati tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata

    1. Għall-finijiet tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u konfiskata, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistri ċentralizzati li jkun fihom informazzjoni relatata mal-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni tal-mezzi strumentali u tar-rikavati, jew tal-proprjetà li tista’ ssir is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska jew tkun is-suġġett ta' ordni ta' ffriżar jew ta' konfiska.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi, u awtoritajiet kompetenti oħra li jwettqu kompiti skont l-Artikolu 4, 19 u 20, ikollhom is-setgħa li jidħlu, jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

    3. L-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal, tkun aċċessibbli u tkun tista’ titfittex permezz tar-reġistri ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1:

    (a) il-proprjetà soġġetta għal ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska, inklużi d-dettalji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-proprjetà;

    (b) il-valur stmat jew reali tal-proprjetà fil-mument tal-iffriżar, il-konfiska u d-disponiment;

    (c) is-sid tal-proprjetà, inkluż is-sid benefiċjarju, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli;

    (d) ir-referenza tal-fajl nazzjonali tal-proċediment relatat mal-proprjetà;

    (e) l-isem tal-awtorità li ddaħħal l-informazzjoni fir-reġistru;

    (f) l-identifikatur uniku tal-utent tal-uffiċjal li daħħal l-informazzjoni fir-reġistru.

    4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ żamma ta’ rekord u ħarsa ġenerali tal-proprjetà ffriżata, ikkonfiskata, jew taħt ġestjoni, u fi kwalunkwe każ ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien minn wara d-disponiment tagħha, jew biex tiġi pprovduta statistika annwali kif imsemmi fl-Artikolu 27.

    5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data li tinsab fir-reġistri ċentralizzati tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata.

    Artikolu 27

    Statistika

    1. L-Istati Membri għandhom jiġbru u jżommu statistika komprensiva fil-livell ċentrali dwar il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 tinġabar fuq bażi kalendarja u tintbagħat lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, sa [l-1 ta’ Settembru] tas-sena ta’ wara.

    3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati skont l-Artikolu 30 li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tinġabar u l-metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 u l-arranġamenti għat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni.

    KAPITOLU VII
    Kooperazzjoni

    Artikolu 28

    Kooperazzjoni mal-korpi u l-aġenziji tal-UE

    1. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-identifikazzjoni ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati, jew ta’ proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska fi proċedimenti f’materji kriminali li jikkonċernaw reati kriminali li għalihom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita l-kompetenza tiegħu.

    2. L-uffiċċji għall-irkupru tal-assi għandhom jikkooperaw mal-Europol u mal-Eurojust, f’konformità mal-oqsma ta’ kompetenza tagħhom, għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-identifikazzjoni tal-mezzi strumentali u tar-rikavati, jew tal-proprjetà li tista’ ssir jew li tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ ffriżar jew ta’ konfiska magħmula minn awtorità kompetenti matul proċedimenti kriminali, u fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Artikolu 29

    Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi jikkooperaw kemm jista’ jkun mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi, u soġġett għall-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 5, u fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji għall-ġestjoni tal-assi jikkooperaw kemm jista’ jkun mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 21. 

    KAPITOLU VIII
    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 30

    Eżerċizzju tad-delega

    1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 27 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

    5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’ [xahrejn] fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 31

    Awtoritajiet kompetenti maħtura u punti ta’ kuntatt

    1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura biex iwettqu l-kompiti skont l-Artikoli 5 u 21.

    2. Meta Stat Membru jkollu aktar minn żewġ awtoritajiet inkarigati mill-kompiti skont l-Artikoli 5 u 21, huwa għandu jinnomina massimu ta’ żewġ punti ta’ kuntatt biex jiffaċilita l-kooperazzjoni f’każijiet transfruntieri.

    3. Sa mhux aktar tard minn [... xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.

    4. Sa mhux aktar tard minn [...xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru online li jelenka l-awtoritajiet kompetenti kollha u l-punt ta’ kuntatt maħtur għal kull awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna b’mod regolari fuq is-sit web tagħha l-lista tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 32

    Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [id-data tad-dħul fis-seħħ + sena]. Huma għandhom jittrażmettu minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kif issir dik ir-referenza.

    Artikolu 33

    Rapportar

    1. Il-Kummissjoni għandha, sa [id-data tad-dħul fis-seħħ + 3 snin], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    2. Il-Kummissjoni għandha, sa [id-data tad-dħul fis-seħħ + 5 snin], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu xierqa, inkluża, jekk tkun meħtieġa, proposta leġiżlattiva.

    Artikolu 34

    Relazzjoni ma’ strumenti oħra

    1. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2019/1153/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 .

    Artikolu 35

    Sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, id-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/JHA u 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI u d-Direttiva 2014/42/UE

    1. L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, id-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/JHA u 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI u d-Direttiva 2014/42/UE huma sostitwiti fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dawk l-istrumenti fil-liġi nazzjonali.

    2. Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 36

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 37

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Europol, “ Dismantling of an encrypted network sends shockwaves through organised crime groups across Europe ”, it-2 ta’ Lulju 2020; “ New major interventions to block encrypted communications of criminal networks ”, l-10 ta’ Marzu 2021; “ 800 criminal arrested in biggest ever law enforcement operation against encrypted communication ”, it-8 ta’ Ġunju 2021.
    (2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (COM(2021) 170, 14.4.2021).
    (3)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar L-irkupru tal-assi u l-konfiska: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ (COM(2020) 217, 2.6.2020).
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha, ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103.
    (5)    Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
    (6)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, id-dokument tal-Kunsill 8927/20, 17 ta’ Ġunju 2020.
    (7)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-impatt tal-kriminalità organizzata fuq ir-riżorsi proprji tal-UE u fuq l-użu ħażin tal-fondi tal-UE b’enfasi partikolari fuq il-ġestjoni kondiviża minn perspettiva ta’ awditjar u kontroll, P9_TA(2021)0501, (2020/2221(INI).
    (8)    Id-Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar analiżi li għandha titwettaq mill-Kummissjoni, id-dok. tal-Kunsill 7329/1/14/REV 1 ADD 1.
    (9)    Żid in-numru ta’ referenza
    (10)    Żid in-numru ta’ referenza
    (11)    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata tranżnazzjonali, Il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment ta’ Nisa u Tfal; il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 55/25 tal-15 ta’ Novembru 2000; u l-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 55/255 tal-31 ta’ Mejju 2001.
    (12)    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 58/43 tal-1 ta’ Ottubru 2003
    (13)    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (CETS Nru 198).
    (14)    Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska, ĠU L 303, 28.11.2018, p.1.
    (15)    Europol, European Union Serious and Organised Crime Threat Assessment “ A Corrupting Influence: The infiltration and undermining of Europe’s economy and society by organised crimes ”, (2021).
    (16)    Laqgħa mal-esperti tal-Eurojust f’Ġunju 2016, ikkwotata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Impact assessment accompanying the document Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council on the mutual recognition of freezing and confiscation orders”, SWD(2016) 468 final.
    (17)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).
    (18)    ĠU C , , p. .
    (19)    Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).
    (20)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).
    (21)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49).
    (22)    Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1).
    (23)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
    (24)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122).
    (25)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 (ĠU L 141 5.6.2015, p. 73).
    (26)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
    (27)    Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).
    (28)    Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).
    (29)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
    (30)    Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).
    (31)    Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).
    (32)    Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).
    (33)    Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).
    (34)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
    (35)    L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI tat-3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (ĠU L 333, 9.12.1998, p. 1).
    (36)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1).
    (37)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).
    (38)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
    (39)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
    (40)    Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).
    (41)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).
    (42)    ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.
    (43)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54).
    (44)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).
    (45)    Id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18).
    (46)    Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1).
    (47)    Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).
    (48)    ĠU L 89, 25.3.2014, p. 7.
    (49)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
    (50)    Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).
    (51)    Id-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur (ĠU L 280, 27.10.2009, p. 52).
    (52)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1).
    (53)    Id-Direttiva 2002/90/KE li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17).
    (54)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA.
    (55)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 (ĠU L 141 5.6.2015, p. 73).
    (56)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122).
    Top