Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0241

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM/2022/241 final

Brussell, 23.5.2022

COM(2022) 241 final

2022/0165(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill. Il-Kunsill irid jadotta linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148) filwaqt li jispeċifika li dawn għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi (l-Artikolu 121).

Filwaqt li l-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jibqgħu jgħoddu għal kwalunkwe durata ta’ żmien, il-linji gwida dwar l-impjiegi jridu jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba fl-2010 (“il-pakkett integrat”), u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida integrati baqgħu stabbli sal-2014. Fl-2015 ġew adottati l-linji gwida integrati riveduti. Fl-2018, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bl-għan li jmexxu ’l quddiem ir-riformi fil-livell nazzjonali u biex fl-Ewropa jservu ta’ boxxla għall-proċess frisk ta’ konverġenza ’l fuq lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, u baqgħu hekk sal-2019. Fl-2020 ġew allinjati biex jiġu integrati elementi relatati mal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Fl-2021 dawn ġew riportati, filwaqt li ġew aġġustati l-premessi biex jirriflettu l-eżiti tas-Summit Soċjali ta’ Porto u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fl-2022, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri ġew emendati b’mod partikolari biex it-test jiġi allinjat billi tiġi adattata l-mira tan-narrattiva għall-ambjent ta’ wara l-COVID-19, filwaqt li ġew introdotti aktar elementi relatati mal-ġustizzja fit-tranżizzjoni ekoloġika, ġew riflessi l-inizjattivi ta’ politika reċenti u ġew miżjuda elementi ta’ politika ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi, il-linji gwida dwar l-impjiegi qegħdin jiġu ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati) u jipprovdu l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-oqsma rispettivi.

Il-“Linji Gwida dwar l-Impjiegi” riveduti huma dawn li ġejjin:

Linja Gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Linja Gwida 6: Insaħħu l-provvista tal-ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet tul il-ħajja u l-kompetenzi

Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Linja Gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

2022/0165 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi 4

Billi:

(1)L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali marbutin mar-responsabbiltajiet ta’ min imexxi u tal-ħaddiema.

(2)L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 3 TUE. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida”) stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-Linji Gwida ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 5 , jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Dawn iridu jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta’ politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali xierqa ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(4)Il-Linji Gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ diversi inizjattivi tal-Unjoni inkluż id-Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2001 6 , ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 7 , tal-15 ta’ Frar 2016 8 , tad-19 ta’ Diċembru 2016 9 , tal-15 ta’ Marzu 2018 10 , tat-22 ta’ Mejju 2018 11 , tat-22 ta’ Mejju 2019 12 , tat-8 ta’ Novembru 2019 13 , tat-30 ta’ Ottubru 2020 14 , tal-24 ta’ Novembru 2020 15 , tad-29 ta’ Novembru 2021 16 ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 17 , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 18 , ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021 19 , il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 20 , id-Deċiżjoni tal-Parlament tal-UE u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 21 , [il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea 22 , il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika 23 , il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà 24 , il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment 25 , il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar 26 , il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi 27 u l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur is-sostenibbiltà ambjentali 28 ].

(5)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien l-istrumenti differenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, u jipprevedi impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, jiżguraw kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

(6)It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li titħaffef l-indipendenza enerġetika u li jiġu żgurati l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, iż-żieda fit-telexogħol, l-ekonomija tal-pjattaformi u t-tibdil demografiku qed jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv u proattiv dawk l-iżviluppi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f’konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, filwaqt li jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Tali azzjoni ta’ politika jenħtieġ li tinkludi spinta fl-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, produttività, kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, koeżjoni soċjali u territorjali, konverġenza ’l fuq, reżiljenza u eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali, b’appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impjiegi.

(7)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 29 . Dan jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni strateġika lill-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika u għas-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq “soċjali” u s-“suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi u submiri komplementari għall-2030, fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll it-Tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta.

(8)Fit-8 ta’ Mejju 2021, fis-Summit Soċjali ta’ Porto, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern irrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru, filwaqt li nnutaw li l-implimentazzjoni tiegħu se ssaħħaħ l-isforz tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq u għall-indirizzar ta’ sfidi demografiċi. Enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. Huma sabu li l-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi gwida utli għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet, tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali. Kienu sodisfatti bil-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l- 64 sena jenħtieġ li jkollhom impjieg), il-ħiliet (60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (b’mill-inqas 15-il miljun persuna, inkluż ħames miljun tifel u tifla), kif ukoll it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-impenn ta’ Porto appella wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li, b’kont meħud tal-pożizzjoni inizjali ta’ kull pajjiż, jenħtieġ li jikkostitwixxu kontribut adegwat għall-kisba tal-miri Ewropej għall-2030. 
F’Porto, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern innotaw li, issa li l-Ewropa qed tibda tirkupra gradwalment mill-pandemija tal-COVID-19, il-prijorità se tkun li nimxu mill-protezzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kwalità tal-impjiegi, u enfasizzaw li l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se tkun essenzjali biex jiġi żgurat il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd fil-qafas ta’ rkupru inklużiv. Enfasizzaw l-impenn tagħhom għall-għaqda u s-solidarjetà, li jfisser ukoll li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u li ħadd ma jitħalla lura.
Affermaw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Kunsill Ewropew , li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livelli tal-Unjoni u dak nazzjonali, b’konsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-aħħar nett, huma enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030.

(9)Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja, li jippruvaw jimminaw is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali, u esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, filwaqt li ssottolinja l-ksur tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU. Fil-kuntest attwali, il-protezzjoni temporanja, kif mogħtija mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2022 30 li tattiva d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 31 , hija meħtieġa fid-dawl tal-iskala tal-influss ta’ refuġjati u persuni spostati. Dan jippermetti lir-refuġjati Ukreni jgawdu minn drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni, inkluż id-drittijiet ta’ residenza, l-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għall-akkomodazzjoni, kif ukoll għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, għall-kura medika, għas-servizzi soċjali jew għal assistenza oħra, u għall-mezzi ta’ sussistenza. Billi jipparteċipaw fis-swieq tax-xogħol tal-Ewropa, ir-refuġjati Ukreni jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-UE u jgħinu biex jappoġġaw lil pajjiżhom u lin-nies f’pajjiżhom. Fil-futur, l-esperjenza u l-ħiliet miksuba jistgħu jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Għat-tfal u l-adolexxenti mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja tagħti d-dritt għall-kustodja legali u aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika mmirati lejn l-indirizzar tal-isfidi tal-impjiegi u tal-ħiliet li jirriżultaw mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Is-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-gwerra f’termini ta’ preservazzjoni tal-impjiegi u l-produzzjoni.

(10)Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jsegwu l-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali, bil-ħsieb li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu livell ta’ għajxien deċenti u tkabbir sostenibbli. Jenħtieġ li jippermettu l-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni wiesgħa tal-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni, u fl-introjtu reali. F’dan is-sens, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Fondi oħra tal-UE qed jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li huma konformi mal-prijoritajiet tal-UE, li jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-isfidi soċjoekonomiċi preeżistenti mill-kriżi tal-COVID-19. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li l-impatti soċjali, l-impatti fuq l-impjiegi u l-impatti ekonomiċi jittaffew u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ekwi u ġusti, anke fid-dawl tal-fatt li aktar awtonomija strateġika miftuħa u tranżizzjoni ekoloġika aċċellerata jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u ta’ prodotti/teknoloġiji strateġiċi oħra, b’mod partikolari mir-Russja. It-tisħiħ tar-reżiljenza u t-twettiq ta’ soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u fl-ekonomija, huma essenzjali. Huwa meħtieġ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti f’inċentivi temporanji ta’ reklutaġġ u tranżizzjoni, politiki tal-ħiliet u servizzi tal-impjiegi mtejba, biex jappoġġa t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, anke fid-dawl tat-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/402 [u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika].

(11)Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati l-impjiegi taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż fejn jidħlu t-tfal u l-persuni Rom, b’mod partikolari billi jiġu żgurati funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali xierqa u inklużivi 32 , u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni inklużiva u orjentata lejn il-futur, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi. L-aċċess f’waqtu u ugwali għal servizzi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa affordabbli, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huwa partikolarment rilevanti anke fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 li bdiet fl-2020 u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b’diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jkomplu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta’ mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(12)Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. L-Istati Membri jridu jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi REACT-EU tagħhom stabbiliti bir-Regolament (UE) 2020/2221 33 , li jsaħħaħ il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) sal-2023, u minħabba l-kriżi attwali tal-Ukrajna, kompla jissaħħaħ permezz tar-Regolament fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) 34 , u emenda oħra għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 35 dwar żieda fil-prefinanzjament għal REACT-EU u kost unitarju ġdid sabiex jgħin biex titħaffef l-integrazzjoni tal-persuni li jitilqu mill-Ukrajna għall-UE 36 . Barra minn hekk, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw bis-sħiħ il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 37 , il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1058 38 , il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 39 , u fondi oħrajn tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 40 kif ukoll InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 41 , biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà, u biex jippromwovu l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. L-Istati Membri jridu wkoll jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/691 42 biex jappoġġaw lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar, bħall-pandemija tal-COVID-19, trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat ta’ xejriet aktar globali, u l-bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(13)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jridu jimmonitorjaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawk il-Kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jridu jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jibqa’ għaddej id-djalogu dwar politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

(14)Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri (il-“Linji Gwida”), kif jinsabu fl-Anness, huma b’dan adottati. Il-Linji Gwida għandhom jiffurmaw parti mil-Linji Gwida Integrati.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida fil-politika dwar l-impjiegi u l-programmi ta’ riforma tagħhom, li għandhom jiġu rappurtati f’konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea ( ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27 ).
(6)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠUL 212 , 07/08/2001 P. 0012 – 0023)
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships ( ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1 ).
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol ( ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1 ).
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti ( ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1 ).
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ( ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1 ).
(11)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja ( ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1 ).
(12)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal ( ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4 ).
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom ( ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1 ).
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ( ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1 ).
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ( ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1 ).
(16)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1–21)
(17)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) ( ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1 ).
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal ( ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14 ).
(19)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (2021/C66/01) (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1–21)
(20)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/778 tad-9 ta’ Diċembru 2021 dwar il-bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali
(21)    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1–9)
(22)    COM/2020/682 final
(23)    COM/2021/801 final
(24)    COM/2021/770 final
(25)    COM/2021/773 final
(26)    COM/2021/93 final
(27)    COM/2021/762 final
(28)    COM/2022/11 final
(29)    Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10 ).
(30)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja.
(31)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn.
(32)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, 2019/C 387/01
(33)    Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) ( ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30 ).
(34)    Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE)
(35)    Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159–706)
(36)    Ir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ kost unitarju
(37)    Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 ( ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21 ).
(38)    Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231 30.6.2021,p.60)
(39)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17–75)
(40)    Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ( ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1 ).
(41)    Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 ( ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30 ).
(42)    Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 ( ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48 ).
Top

Brussell, 23.5.2022

COM(2022) 241 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri



ANNESS

Linja Gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, filwaqt li jisfruttaw ukoll il-potenzjal marbut mat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, fid-dawl tal-mira ewlenija tal-UE tal-2030 dwar l-impjiegi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jnaqqsu l-ostakli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b’mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi żgħar u medji, inkluż permezz ta’ aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv l-iżvilupp u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali, u jinkoraġġixxu dawk il-mudelli ta’ negozju li joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali, b’mod partikolari fl-ekonomija ċirkolari u f’oqsma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika minħabba l-ispeċjalizzazzjoni settorjali tagħhom.

Wara l-kriżi tal-COVID-19, skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar imfassla tajjeb u arranġamenti simili għandhom jiffaċilitaw u jappoġġaw ukoll il-proċessi ta’ ristrutturar, minbarra li jippreservaw l-impjiegi fejn xieraq, filwaqt li jgħinu l-modernizzazzjoni tal-ekonomija, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet assoċjati. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati inċentivi ta’ reklutaġġ u ta’ tranżizzjoni mfassla tajjeb u miżuri ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid sabiex jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjonijiet, u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, anki fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali u dik ekoloġika kif ukoll tal-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Jenħtieġ li tonqos it-tassazzjoni fuq ix-xogħol u titmexxa għal sorsi oħrajn ta’ tassazzjoni li jappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir inklużiv u li huma konformi mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jitqies l-effett ridistributtiv tas-sistema tat-taxxa, u jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, inklużi dawk b’pagi minimi statutorji, jippromwovu n-negozjar kollettiv bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-pagi u jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b’mod trasparenti u prevedibbli, u b’hekk ikun possibbli rispons adegwat tal-pagi għal żviluppi fil-produttività u jitrawmu pagi ġusti li jippermettu standard ta’ għajxien deċenti, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi b’introjtu baxx u medju bl-għan li tissaħħaħ il-konverġenza soċjoekonomika ’l fuq. Jenħtieġ li l-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi jqisu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż l-iżviluppi reġjonali u settorjali. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali jenħtieġ li jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi ġusti billi jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Linja Gwida 6: Insaħħu l-provvista tal-ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet tul il-ħajja u l-kompetenzi

Fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, it-tibdil demografiku u l-gwerra Ukrena, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, filwaqt li jrawmu l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi tul ħajjet in-nies u jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, fid-dawl tal-mira ewlenija tal-UE tal-2030 dwar il-ħiliet. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-aċċess għat-tagħlim diġitali, u t-taħriġ fil-lingwi (eż. fil-każ tar-refuġjati inkluż mill-Ukrajna). Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mal-intrapriżi u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, anki bil-ħsieb li jippermettu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jindirizzaw l-ispariġġi fil-ħiliet eżistenti u jipprevjenu l-emerġenza ta’ nuqqasijiet ġodda, b’mod partikolari għal attivitajiet relatati mar-REPowerEU, bħall-użu tal-enerġija rinnovabbli jew ir-rinnovazzjoni tal-binjiet. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom il-professjoni tat-tagħlim, inkluż billi jsir investiment fil-kompetenzi diġitali tal-għalliema u ta’ min iħarreġ. Jenħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jagħtu lill-istudenti kollha kompetenzi kruċjali, fosthom ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll kompetenzi trasversali, biex jitqiegħdu s-sisien għall-adattabbiltà u r-reżiljenza tul il-ħajja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippruvaw isaħħu l-għoti ta’ intitolamenti għal taħriġ individwali u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom waqt tranżizzjonijiet professjonali inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ kontijiet ta’ tagħlim individwali, kif ukoll sistema affidabbli ta’ valutazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-potenzjal tal-mikrokredenzjali biex jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà. Jenħtieġ li jippermettu lil kulħadd jantiċipa aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jadatta għalihom, b’mod partikolari permezz ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kontinwi u l-għoti ta’ gwida u konsulenza integrati, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u l-ispariġġi fil-ħiliet, tittejjeb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għall-iskossi u l-aġġustamenti potenzjali jsiru aktar faċli.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. B’mod partikolari, it-tfal jenħtieġ li jingħataw aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità tajba, f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jgħollu l-livelli ġenerali tal-kwalifiki, inaqqsu l-għadd ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal minn żoni mbiegħda, iżidu l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), tal-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u t-tlestija tagħha, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg għaż-żgħażagħ permezz ta’ traineeships u apprendistati ta’ kwalità, kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, b’mod partikolari fost l-istudenti minn ambjenti żvantaġġati u dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu r-rekwiżiti ġodda ta’ soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-VET tagħhom, inkluż permezz ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi, u jżidu l-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) kemm fil-VET kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja, speċjalment nisa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u, fejn xieraq, tar-riċerka; itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet; jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż; u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u għall-validazzjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u taħriġ formali. Jenħtieġ li jaġġornaw u jżidu l-provvista u l-użu ta’ VET kontinwi u flessibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jżidu l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità u l-użu tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar il-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, inkluż valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ li tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda u lill-persuni inattivi assistenza effettiva, f’waqtha, koordinata u mfassla apposta bbażata fuq appoġġ għat-tiftix tax-xogħol, taħriġ, rikwalifikazzjoni u aċċess għal servizzi abilitanti oħra, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli u lil persuni affettwati b’mod partikolari mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Jenħtieġ li mill-aktar fis possibbli jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond ta’ persuni qiegħda, mhux aktar tard minn wara 18-il xahar qiegħda, bil-ħsieb li jitnaqqas b’mod sinifikanti u jiġi evitat il-qgħad fit-tul u strutturali. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), jenħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ rinforzata, li jenħtieġ ukoll li tappoġġa b’mod importanti opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità għaż-żgħażagħ fl-irkupru ta’ wara l-pandemija. Barra minn hekk, u fid-dawl tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi b’mod partikolari biex jenfasizzaw kif it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali toffri perspettiva mġedda għall-futur u opportunitajiet biex jiġi miġġieled l-impatt negattiv tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b’mod partikolari għal ħaddiema b’introjtu baxx, dawk li huma t-tieni sors ta’ introjtu u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, inkluż il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u r-Rom emarġinati. Fid-dawl tan-nuqqas kbir ta’ ħaddiema f’ċerti okkupazzjonijiet u setturi, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkontribwixxu għat-trawwim tal-provvista tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ pagi adegwati u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif ukoll politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b’diżabbiltà, inkluż permezz ta’ appoġġ u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi jenħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jiġu żgurati opportunitajiet u progressjoni tal-karriera ugwali u jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għat-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jenħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta’ valur ugwali, u t-trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u bi prezz li jintlaħaq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b’responsabbiltajiet ta’ kura jkollhom aċċess għal liv relatat mal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta’ dawk l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.

Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva u xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Jenħtieġ li jnaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg ta’ tul indefinit. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet jipprovdu kemm ambjent xieraq għar-reklutaġġ kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għal min iħaddem biex jadatta malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali, livell xieraq ta’ sigurtà u ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema kollha. Il-promozzjoni tal-użu ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħat-telexogħol tista’ tikkontribwixxi għal livelli ogħla ta’ impjiegi u swieq tax-xogħol aktar inklużivi fil-kuntest tal-ambjent ta’ wara l-pandemija. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema f’termini ta’ ħin tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiġu rispettati. Jenħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż fil-każ ta’ ħaddiema tal-pjattaformi, speċjalment jekk ikollhom livell baxx ta’ ħiliet, u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta’ kuntratti atipiċi. F’każijiet ta’ tkeċċija inġusta għandu jkun garantit l-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim li tkun effettiva u imparzjali kif ukoll dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat.

Jenħtieġ li l-politiki jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-tlaqqigħ tal-offerta mad-domanda tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, inkluż f’reġjuni żvantaġġati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jattivaw u jsostnu b’mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, speċjalment gruppi vulnerabbli bħal persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, inkluż persuni bi status ta’ protezzjoni temporanja, u r-Rom emarġinati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-effettività ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jżidu l-mira, il-firxa u l-kopertura tagħhom u billi jorbtuhom aħjar mas-servizzi soċjali, mat-taħriġ u mal-appoġġ għall-introjtu għal persuni qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u fuq il-bażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jipprovdu assistenza f’waqtha u mfassla apposta lil dawk li qed ifittxu impjieg, jirrispondu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, appoġġata wkoll permezz tad-diġitalizzazzjoni.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil persuni qiegħda benefiċċji tal-qgħad adegwati fuq tul ta’ żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Il-benefiċċji tal-qgħad jenħtieġ li ma jkunux ta’ diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tiġi appoġġata b’mod adegwat bl-għan li jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera u tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli, bil-benefiċċju tal-assistenza tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-ħaddiema f’okkupazzjonijiet kritiċi u ta’ ħaddiema transfruntiera, staġonali u stazzjonati tiġi appoġġata fil-każ ta’ għeluq temporanju tal-fruntieri kkawżat minn kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika.

Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jistinkaw ukoll biex joħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għal forom ġodda ta’ xogħol, filwaqt li jwettqu l-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi u jiżguraw li jkunu konformi mad-drittijiet soċjali eżistenti. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu pariri u gwida dwar id-drittijiet u l-obbligi li japplikaw fil-kuntest ta’ kuntratti atipiċi u forom ġodda ta’ xogħol, bħal xogħol permezz ta’ pjattaformi diġitali. F’dan ir-rigward, is-sħab soċjali jista’ jkollhom rwol strumentali u l-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġawhom biex jilħqu u jirrappreżentaw lin-nies fix-xogħol atipiku u fuq pjattaforma. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu wkoll appoġġ għall-infurzar – bħal linji gwida jew taħriġ apposta għall-ispettorati tax-xogħol – dwar l-isfidi li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, bħall-ġestjoni algoritmika, is-sorveljanza tad-data u t-telexogħol permanenti jew semipermanenti.

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effettiv u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi bħal fil-każ tal-gwerra fl-Ukrajna, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi u politiki tal-impjiegi, soċjali, u, fejn rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta’ appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Jenħtieġ li s-sħab soċjali jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-esperjenza rilevanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u soċjali.

Linja Gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b’mod partikolari għal gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa lid-dimensjoni reġjonali u territorjali. Jenħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli għal kulħadd, matul l-istadji kollha tal-ħajja, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà soċjali għall-aħjar, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-investiment soċjali, jiġġieldu kontra l-faqar u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tat-tfassil tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji tagħhom u billi jivvalutaw l-impatt distributtiv tal-politiki. Li nikkumplementaw approċċi universali b’approċċi selettivi se jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jenħtieġ li jkollha wkoll l-għan li ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom għal sfidi multidimensjonali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta’ inklużjoni attiva: appoġġ ta’ introjtu adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ sostenn ta’ kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Jenħtieġ li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiżguraw benefiċċji adegwati għall-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż bil-provvediment immirat ta’ servizzi soċjali.

Id-disponibbiltà ta’ servizzi bi prezz li jintlaħaq, aċċessibbli u ta’ kwalità bħall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu, f’konformità mal-mira ewlenija tal-UE tal-2030 dwar it-tnaqqis tal-faqar. Jenħtieġ li b’mod speċjali jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal permezz ta’ miżuri komprensivi u integrati, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd, inkluż it-tfal, ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta’ akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f’qagħda vulnerabbli. Jenħtieġ li jiżguraw tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta u jindirizzaw il-faqar enerġetiku bħala forma dejjem aktar importanti ta’ faqar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, parzjalment marbuta mal-gwerra fl-Ukrajna, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ miżuri temporanji mmirati ta’ appoġġ għall-introjtu. Jenħtieġ li jiġu implimentati wkoll politiki inklużivi dwar ir-rinnovazzjoni tad-djar. B’rabta ma’ dawk is-servizzi, jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabbiltà, inkluż l-aċċessibbiltà. Jenħtieġ li tiġi indirizzata b’mod speċifiku l-problema ta’ persuni mingħajr dar. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva u kura fit-tul ta’ kwalità tajba u bi prezz li jintlaħaq, filwaqt li jħarsu s-sostenibbiltà fit-tul.

F’konformità mal-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 1 , jenħtieġ li l-Istati Membri joffru livell adegwat ta’ protezzjoni lir-refuġjati mill-Ukrajna, inkluż id-drittijiet ta’ residenza, l-aċċess u l-integrazzjoni għas-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-akkomodazzjoni, kif ukoll l-aċċess għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, għall-kura medika, għas-servizzi soċjali jew għal assistenza oħra, u għall-mezzi ta’ sussistenza. Jenħtieġ li jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal u għas-servizzi essenzjali f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Għat-tfal u għall-adolexxenti mhux akkumpanjati, jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt għal kustodja legali.

F’kuntest tat-tul ta’ ħajja li qed jiżdied u t-tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu u jakkumulaw id-drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta’ skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat fix-xjuħija. Ir-riformi tal-pensjonijiet jenħtieġ li jkunu appoġġati minn politiki li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet u miżuri li jtawlu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni akbar fl-età, u jenħtieġ li jitqiegħdu f’kuntest ta’ strateġiji għat-tixjiħ attiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jippermettu introduzzjoni gradwali xierqa tar-riformi.

(1)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn.

Top