IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.5.2022
COM(2022) 214 final
2022/0152(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (“IHR”) (2005). Id-deċiżjoni, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, tkopri wkoll l-emendi tekniċi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) ġiet stabbilita bħala aġenzija speċjalizzata tas-saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti skont it-termini tal-Artikolu 57 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1948 u tiddefinixxi l-objettiv ewlieni tal-organizzazzjoni bħala l-kisba mill-popli kollha tal-ogħla livell possibbli ta’ saħħa.
L-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) għandha status ta’ osservatur informali fid-WHO. Dan l-istatus ġie stabbilit permezz ta’ skambju ta’ ittri ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta’ Jannar 2001. Dan l-iskambju kien jinkludi “Memorandum dwar il-qafas u l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej”. L-Istati Membri tal-UE kollha huma membri tad-WHO.
2.2.L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa
L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija l-korp governattiv ewlieni tad-WHO. Din issir kull sena f’Ġinevra, l-Iżvizzera. Il-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa se ssir mit-22 sat-28 ta’ Mejju 2022.
Skont l-Artikolu 59 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, kull membru tad-WHO għandu vot wieħed fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn maġġoranza tal-membri tad-WHO preżenti li jkunu qed jivvutaw, għajr għal ftit sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, fejn tkun meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi. Fil-prattika, isir kull sforz biex jintlaħaq qbil b’kunsens. L-Unjoni ma għandha l-ebda dritt tal-vot.
Skont l-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għandha l-awtorità li tadotta r-regolamenti li jikkonċernaw, inter alia, ir-rekwiżiti sanitarji u ta’ kwarantina u proċeduri oħra mfassla biex jiġi evitat it-tixrid internazzjonali tal-mard.
2.3.L-IHR (2005) u r-reviżjoni proposta tagħhom permezz ta’ emendi potenzjali
L-IHR, li kienu ppreċeduti mir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa adottati fl-1951, ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1969. Ir-Regolamenti tal-1969, li inizjalment kienu jkopru sitt “tipi ta’ mard kwarantinabbli” ġew emendati fl-1973 u fl-1981, primarjament biex l-għadd ta’ mard kopert jitnaqqas minn sitta għal tlieta (id-deni isfar, il-pesta u l-kolera) u biex tiġi mmarkata l-eradikazzjoni globali tal-ġidri.
Wara li tfaċċa s-sindromu respiratorju akut gravi, intlaħaq kunsens dwar il-ħtieġa li l-IHR jiġu rieżaminati. L-IHR (2005) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-23 ta’ Mejju 2005. Dawn daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007.
F’dawn l-aħħar snin, l-ewwel wara t-tifqigħa tal-Ebola, u mbagħad il-pandemija tal-COVID-19, diversi kumitati u panels ta’ rieżami indipendenti indikaw il-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-IHR (2005), il-konformità magħhom u l-modernizzazzjoni tagħhom.
Skont l-Artikolu 55 tal-IHR (2005), l-emendi għar-Regolamenti jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Stat Parti jew mid-Direttur Ġenerali tad-WHO u għandhom jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. It-test ta’ kwalunkwe emenda proposta għandu jiġi kkomunikat lill-Istati Partijiet kollha mid-Direttur Ġenerali, mill-inqas erba’ xhur qabel l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li fiha jiġi propost għall-kunsiderazzjoni.
Fl-20 ta’ Jannar 2022, id-Direttur Ġenerali tad-WHO kkomunika proposta emendatorja mressqa mill-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu 55(1) tal-IHR (2005), lill-Istati Partijiet tal-IHR (2005). Il-proposta tikkonċerna l-emendi għall-Artikoli 5, 6, 9, 10, 11, 12, 13, 15, 18, 48, 49, 53 u 59 tal-IHR (2005).
Fis-26 ta’ Jannar 2022, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni EB150(3), il-Bord Eżekuttiv tad-WHO ħeġġeġ lill-membri tad-WHO u, kif applikabbli, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni, biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jikkunsidraw l-emendi potenzjali għall-IHR (2005).
Fit-3 ta’ Marzu 2022, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/451, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni, għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għall-IHR (2005). Id-Deċiżjoni taħtar lill-Kummissjoni bħala negozjatur f’isem l-Unjoni għall-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u tistabbilixxi d-direttivi ta’ negozjar għat-tmexxija tan-negozjati.
Wara t-tressiq tal-emendi proposti mill-Istati Uniti, seħħ proċess konsultattiv fi ħdan id-WHO, b’mod partikolari permezz ta’ sessjonijiet ta’ negozjati informali li saru fis-16 ta’ Marzu, fil-5 ta’ April u fit-3 ta’ Mejju 2022, li matulhom il-Kummissjoni Ewropea pparteċipat bħala negozjatur tal-Unjoni. Matul dawn id-diskussjonijiet, intlaħaq kunsens fost il-membri tad-WHO biex jipproċedu bl-adozzjoni tal-emendi għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005) fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li se tibda fit-22 ta’ Mejju 2022. L-emendi proposti għall-Artikolu 59 jeħtieġu wkoll emendi tekniċi għal artikoli addizzjonali tal-IHR (2005), jiġifieri l-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.
In-negozjati dwar l-emendi l-oħra proposti mill-Istati Uniti, u kwalunkwe proposta addizzjonali tagħhom, jenħtieġ li jkomplu wara Mejju 2022, bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli tagħhom fis-sitta u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2023.
2.4.L-att previst tal-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa
F’Mejju 2022, waqt il-ħamsa u sebgħin sessjoni tagħha, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mistennija tadotta deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005). L-emendi għall-Artikolu 59 għandhom l-objettiv li jqassru l-perjodu neċessarju biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), b’mod partikolari billi jitnaqqas il-perjodu għad-dħul fis-seħħ tagħhom minn erbgħa u għoxrin xahar għal tnax-il xahar.
Dan jippermetti li l-IHR (2005) jiġi emendat b’mod aktar rapidu fil-futur.
L-introduzzjoni ta’ paragrafu ġdid fl-Artikolu 59, li jipprevedi perjodu għaċ-ċaħda ta’ emenda għall-IHR (2005), jew ta’ riżervi għaliha, teħtieġ ukoll li jsiru emendi tekniċi għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.
L-att previst se jsir vinkolanti fuq l-Istati Partijiet f’konformità mal-Artikolu 55(3) tal-IHR (2005).
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005), li huma ta’ natura proċedurali u li jippermettu li l-IHR (2005) jiġu emendati ulterjorment b’mod aktar rapidu, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu fl-oqsma koperti minnhom. L-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi tekniċi proposti għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi proposti għall-Artikolu 59.
3.1.Bażi ġuridika proċedurali
3.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tas-sede jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, speċifikament il-Kostituzzjoni tad-WHO, iffirmata fi New York fit-22 ta’ Lulju 1943.
Id-deċiżjoni relatata mal-emendi tal-Artikolu 59 tal-IHR (2005), kif ukoll mal-emendi tekniċi inċidentali għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tagħhom, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, tikkostitwixxi att li għandu effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-IHR (2005) huma strument legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. L-att previst tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li għandu l-għan li jemenda l-IHR (2005), se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali għall-Istati Partijiet kollha tad-WHO f’konformità mal-Artikolu 55(3) tal-IHR (2005).
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-IHR (2005).
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
3.2.Bażi ġuridika sostantiva
3.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
3.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandu l-għan li jintroduċi proċedura ta’ emenda aktar rapida għall-IHR (2005), li tippermetti li l-IHR (2005) jiġu emendati skont il-ħtiġijiet li qed jinbidlu b’mod aktar f’waqtu. L-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-IHR (2005) huma li “jipprevjenu, jipproteġu, jikkontrollaw u jipprovdu rispons għas-saħħa pubblika għat-tixrid internazzjonali tal-mard b’modi li jkunu proporzjonati mar-riskji għas-saħħa pubblika u limitati għalihom, u li jevitaw l-interferenza bla bżonn mat-traffiku u l-kummerċ internazzjonali.”
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 168(1), (3) u (5) tat-TFUE.
3.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 168(1), (3) u (5) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2022/0152 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(1), (3) u (5), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (“IHR”) (2005) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) fit-23 ta’ Mejju 2005 u daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007.
(2)Skont l-Artikolu 60(b) tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tista’ tadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza tal-membri tad-WHO preżenti li jkunu qed jivvutaw.
(3)L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, waqt il-ħamsa u sebgħin sessjoni tagħha li tibda fit-22 ta’ Mejju 2022, għandha tadotta deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005), flimkien mal-emendi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005).
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward tad-deċiżjoni, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, bl-għan li jiġi emendat l-Artikolu 59 tal-IHR (2005) sabiex jitqassar il-perjodu neċessarju biex jiġu emendati ulterjorment id-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), b’mod partikolari billi l-perjodu għad-dħul fis-seħħ tal-emendi tagħhom jitnaqqas minn erbgħa u għoxrin xahar għal tnax-il xahar. Din id-deċiżjoni tkopri wkoll l-emendi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.
(5)L-Unjoni tappoġġa dan l-objettiv, li se jippermetti li l-ħtiġijiet li qed jinbidlu jiġu indirizzati b’mod aktar rapidu fl-oqsma koperti mill-IHR (2005).
(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tad-WHO, li jaġixxu b’mod konġunt.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-IHR (2005) għandha tkun f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Il-bidliet fl-emendi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li ma jipperikolawx il-kisba tal-objettiv tal-istess emendi, jistgħu jiġu miftiehma mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-Unjoni u mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President