Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0184

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

COM/2022/184 final

Brussell, 22.4.2022

COM(2022) 184 final

2022/0125(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

   Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament Finanzjarju 1 jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli finanzjarji ġenerali għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u għall-kontroll tal-finanzi tal-Unjoni.

Meta multa, penali oħra jew sanzjoni tiġi imposta mill-Kummissjoni iżda kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-destinatarji tagħhom jistgħu jew iħallsu b’mod provviżorju l-multa jew jipprovdu garanzija bankarja li tkopri l-ammont tal-multa u l-imgħax applikabbli għall-ħlas differit, sakemm tingħata s-sentenza finali. F’każ ta’ ħlas provviżorju, il-parti kkonċernata għandha tikkredita l-ammont f’kont bankarju tal-Kummissjoni. Mill-2009, il-multi mħallsa provviżorjament lill-Kummissjoni huma ddepożitati f’fond iddedikat (BUFI) li għandu jiġi investit direttament jew indirettament f’bonds tal-gvern siguri ħafna biex jiġi ppreservat il-valur tagħhom f’każ li tali ammonti jiġu rritornati lill-parti kkonċernata fuq il-bażi tat-tħassir jew it-tnaqqis tal-multa mill-qrati tal-Unjoni.

Fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Jannar 2021 fil-Kawża C-301/19 P, Il-Kummissjoni vs Printeos, il-Qorti ddeċidiet li, meta taġixxi skont l-obbligu previst fl-Artikolu 266(1) TFUE li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tnaqqas jew tannulla multa tal-kompetizzjoni mħallsa provviżorjament minn impriża, il-Kummissjoni tkun obbligata tħallas imgħax ta’ inadempjenza għal ħlas lura tardiv tal-multa mid-data li fiha l-impriża ħallset il-multa provviżorjament sad-data tal-ħlas lura.

Fil-kuntest tal-appell tagħha fil-Kawża C-221/22 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti biex tirrevedi s-sentenza tagħha Printeos bil-ħsieb li tiċċara l-obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni fil-każ ta’ tnaqqis jew annullament ta’ multa mħallsa provviżorjament biex id-destinatarju ta’ multa jiġi kkumpensat b’mod adegwat għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-multa mħallsa matul il-perjodu meta kienet soġġetta għal rimedju ġudizzjarju.

Madankollu, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx ipprovdiet il-kjarifiki mitluba, il-Kummissjoni qed tħabbat wiċċha ma’ talbiet ta’ imgħax mingħajr preċedent li jaqbżu bil-kbir l-imgħax miksub fuq l-ammonti mħallsa provviżorjament, u li għalihom jeħtieġ li tinstab soluzzjoni xierqa fil-baġit tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-appell fil-kawża C-221/22 P, huwa għalhekk urġenti li jiġu proposti miżuri leġiżlattivi biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ kumpens fil-każ ta’ rimborż ta’ multa mħallsa provviżorjament u l-kapaċità tal-baġit tal-Unjoni li jissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji li jirriżultaw. Dan jirrikjedi għadd ta’ emendi mmirati fl-Artikoli 48 (2), 99 (4), 107 (2) u 108 (1), (2) u (4)

Skont il-prinċipju ġenerali ta’ restitutio in integrum applikabbli għar-rimborż ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mħallsa provviżorjament li aktar tard jiġu kkanċellati jew imnaqqsa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li jiġi ċċarat li kwalunkwe redditu negattiv fuq l-ammont miġbur provviżorjament ta’ tali multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet ma jitnaqqasx mill-ammont li jrid jitħallas lura.

Bħala kumpens għat-telf tat-tgawdija ta’ flejjes mid-data li fiha l-impriża ħallset il-multa b’mod provviżorju lill-Kummissjoni sad-data tal-ħlas lura, huwa propost li l-ammont imħallas lura għandu jiżdied b’imgħax bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament miżjuda b’punt perċentwali u nofs bħala kumpens adegwat għall-impriża f’tali sitwazzjonijiet, li jeskludi l-ħtieġa li tiġi applikata kwalunkwe rata ta’ imgħax oħra fuq dak l-ammont. Din ir-rata tikkorrispondi għar-rata tal-imgħax applikabbli fir-rigward tad-debitur meta d-debitur jagħżel li jiddifferixxi l-ħlas ta’ multa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjoni, u jipprovdi garanzija finanzjarja minflok pagament.

B’deroga mir-regola ġenerali li l-baġit ma għandux ikun fih dħul negattiv, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-imgħax imsemmi hawn fuq u kull imposta oħra dovuta fuq tali ammonti kkanċellati jew imnaqqsa ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet, inkluż kull redditu negattiv relatat ma’ dawk l-ammonti jenħtieġ li jitqiesu bħala dħul negattiv tal-baġit tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat kull effett mhux xieraq fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni.

Sabiex tiġi rrimedjata malajr kemm jista’ jkun il-pressjoni eċċessiva fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni, din il-proposta qed tiġi ppreżentata separatament mir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju.

   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mar-regoli finanzjarji ġenerali eżistenti u għandha l-għan li tevita pressjoni eċċessiva fuq il-baġit tal-Unjoni li tirriżulta mill-każistika Printeos.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 322(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

   Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

L-adozzjoni tar-regoli finanzjarji ġenerali tal-UE taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE.

   Proporzjonalità

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura kumpens adegwat fil-każ ta’ rimborż ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet imħallsa provviżorjament u li tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw. Ma fihiex regoli li ma jkunux meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat.

3.    RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għal din l-emenda limitata.

   Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar reviżjonijiet futuri tar-Regolament Finanzjarju 2 , ma hi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Ir-Regolament Finanzjarju jipprovdi r-regoli ġenerali u s-sett ta’ għodod għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ nfiq. Għalhekk ma hemm l-ebda impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali dirett li jirriżulta mir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni, li jistgħu jiġu analizzati b’mod effettiv f’valutazzjoni tal-impatt. Il-valur miżjud tal-valutazzjonijiet tal-impatt jirriżulta meta jsiru għażliet ta’ politika dwar programmi ta’ nfiq speċifiċi, li jridu jkunu konformi mal-qafas regolatorju previst mir-Regolament Finanzjarju. Minflok, twettqet evalwazzjoni ex ante għal din il-proposta, b’mod partikolari sabiex jiġi identifikat l-aktar mod xieraq biex tiġi riflessa l-ġurisprudenza reċenti fir-rigward tal-kumpaniji kkonċernati iżda wkoll f’termini ta’ trattament baġitarju tal-ammonti korrispondenti.

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Filwaqt li din l-emenda tar-Regolament Finanzjarju ma taqax taħt il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), din tikkontribwixxi għall-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Din il-proposta twieġeb għall-ħtieġa li jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet dwar l-imgħaxijiet ta’ inadempjenza u kumpensatorji, u d-dħul negattiv, f’konformità mal-ġurisprudenza reċenti. Dan l-approċċ huwa kompletament allinjat mal-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar u mal-isforzi ta’ simplifikazzjoni.

   Drittijiet fundamentali

Il-proposta tikkonforma mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarji.

5.    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kif indikat fit-Taqsima 4, il-proposta nnifisha ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni. Il-proposta tiċċara l-għodod u l-proċeduri baġitarji biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi miġjuba mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jnaqqsu jew jikkanċellaw multi, penali oħra jew sanzjonijiet imposti inizjalment minn xi istituzzjoni tal-Unjoni. Huma biss dawn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jiskattaw l-obbligazzjonijiet ta’ ħlas lejn partijiet terzi.

L-Artikolu 48(2) dwar dħul negattiv: sabiex jiġi żgurat trattament baġitarju xieraq u tiġi evitata pressjoni finanzjarja mhux dovuta fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi previst li l-interessi, u kwalunkwe kumpens dovut meta multa, penali oħra jew sanzjoni tkun ġiet ikkanċellata jew l-ammont ikun tnaqqas, inkluż kull redditu negattiv relatat ma’ tali multi, penali oħra jew sanzjonijiet iridu jitnaqqsu min-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni (dħul negattiv). Din tkun deroga limitata u debitament ġustifikata mir-regola ġenerali skont l-Artikolu 48(1) li l-baġit ma għandux ikun fih dħul negattiv.

L-Artikolu 99(4) dwar l-imgħax ta’ inadempjenza: jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu miżjuda b’punt perċentwali u nofs meta debitur ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet jipprovdi garanzija finanzjarja li tkun aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabilità minflok ħlas, tkun eskluża minn din id-dispożizzjoni minħabba li ma tikkonċernax imgħax ta’ inadempjenza. Jenħtieġ li r-referenza għal din ir-rata titmexxa, minflok, għall-Artikolu 108(1).

L-Artikolu 107(2) dwar id-dħul fil-baġit: Sabiex jiġi żgurat biżżejjed fluss ta’ flus biex partijiet terzi jiġu kkumpensati għat-telf tat-tgawdija ta’ flejjes, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-ammonti riċevuti permezz ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet u kull imgħax akkumulat jew introjtu ieħor iġġenerat minnhom ikunu jistgħu jiddaħħlu fil-baġit sa tmiem is-sena finanzjarja ta’ wara.

L-Artikolu 108(1), (2) u (4) dwar l-irkupru ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni:

Kif spjegat hawn fuq, fil-każ ta’ garanzija finanzjarja, ir-referenza għall-Artikolu 99(4) fl-ewwel paragrafu jenħtieġ li tiġi sostitwita bir-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’punt perċentwali u nofs kif indikat attwalment fl-Artikolu 99(4)(a).

Fl-Artikolu 108(2), referenza għal ġestjoni finanzjarja tajba jenħtieġ li tissostitwixxi r-referenza għall-mira ta’ redditi pożittivi. Filwaqt li titqies il-possibbiltà ta’ redditu negattiv fuq l-investimenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma timmirax lejn redditu mistenni pożittiv, jekk dan ikun jeħtieġ li jittieħed livell għoli bla bżonn ta’ riskju ta’ investiment. Għalhekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, għandu jiġi speċifikat li l-Kummissjoni, meta tinvesti f’assi finanzjarji, jenħtieġ li tagħti prijorità lill-għan tas-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes.

Skont il-prinċipju ġenerali ta’ restitutio in integrum applikabbli għar-rimborż ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet imħallsa provviżorjament meta jiġu annullati jew imnaqqsa sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li jiġi ċċarat li kull redditu negattiv fuq l-ammont ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet miġbur provviżorjament ma għandux jitnaqqas mill-ammont li jrid jitħallas lura. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(4) jitħassar. Biex jikkumpensa għat-telf tat-tgawdija ta’ flejjes, l-ammont imħallas lura jenħtieġ li jiżdied b’imgħax bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu miżjuda b’punt perċentwali u nofs, b’analoġija għar-rata tal-imgħax li debitur iġarrab f’każ ta’ ħlas differit ta’ multa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjoni koperta minn garanzija finanzjarja.

2022/0125 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 4 ,

Billi:

(1)Fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Jannar 2021, fil-Kawża C-301/19 P 5 , Il-Kummissjoni vs Printeos, il-Qorti ddeċidiet li, abbażi tal-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jnaqqsu jew jannullaw multa tal-kompetizzjoni mħallsa provviżorjament minn impriża skont l-Artikolu 266(1) TFUE, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tħallas imgħax ta’ inadempjenza għar-rimbors tardiv tal-multa mid-data li fiha l-impriża ħallset provviżorjament il-multa lill-Kummissjoni sad-data tal-ħlas lura.

(2)Din il-ġurisprudenza reċenti wasslet għal pretensjonijiet ta’ imgħax mingħajr preċedent, li jaqbżu bil-kbir l-imgħax miksub fuq l-ammonti mħallsa provviżorjament, li għalihom jeħtieġ li tinstab soluzzjoni xierqa fil-baġit tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ kumpens fil-każ ta’ rimborż ta’ multa mħallsa provviżorjament u l-kapaċità tal-baġit tal-Unjoni li jissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji li jirriżultaw, huwa meħtieġ b’mod urġenti li jsiru għadd ta’ emendi mmirati għar-Regolament Finanzjarju.

(3)B’mod partikolari, jeħtieġ li tiġi inkluża deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , li tipprevedi li l-baġit ma għandux ikun fih dħul negattiv. Jenħtieġ li din id-deroga tippermetti li jitnaqqas mid-dħul tal-baġit ġenerali tal-Unjoni kull imgħax jew imposta oħra dovuta, fuq l-ammonti ta’ multi kkanċellati jew imnaqqsa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet, inkluż kull redditu negattiv relatat ma’ dawn l-ammonti.

(4)Sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju ġenerali tar-restawr għall-istat preċedenti (restitutio in integrum) applikabbli għal multi, penali oħra jew sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li aktar tard jiġu kkanċellati jew imnaqqsa mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li jiġi previst li kull redditu negattiv fuq l-ammont miġbur provviżorjament ta’ tali multi, penali oħra jew sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jitnaqqasx mill-ammont li għandu jitħallas lura. Għalhekk huwa xieraq li titħassar id-dispożizzjoni rilevanti fl-Artikolu 108(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(5)Bħala kumpens għat-telf tat-tgawdija ta’ flejjes mid-data li fiha l-impriża provviżorjament ħallset il-multa lill-Kummissjoni sad-data tal-ħlas lura, l-ammont li għandu jitħallas lura jenħtieġ li jiżdied b’imgħax bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament miżjuda b’punt perċentwali u nofs bħala kumpens adegwat għall-impriża f’sitwazzjonijiet bħal dawn, li jeskludi l-ħtieġa li tiġi applikata kull rata ta’ imgħax oħra fuq dak l-ammont. Barra minn hekk, din ir-rata tikkorrispondi għar-rata tal-imgħax applikabbli fir-rigward tad-debitur meta d-debitur jagħżel li jiddifferixxi l-ħlas ta’ multa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjoni, u jipprovdi garanzija finanzjarja minflok pagament. Huwa xieraq ukoll li jiġi ċċarat billi jiġu emendati l-Artikoli 99 (4) u 108 (1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, li r-rata tal-imgħax applikabbli għad-debitur meta d-debitur jagħżel li jiddifferixxi l-ħlas ta’ multa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjoni, u jipprovdi garanzija finanzjarja minflok pagament, ma tikkostitwixxix imgħax ta’ inadempjenza għal ħlas tard.

(6)Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed fluss ta’ flus biex jiġu kkumpensati l-partijiet terzi kkonċernati għat-telf tat-tgawdija ta’ flejjes fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 108(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa meħtieġ li l-ammonti riċevuti permezz ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet u kull imgħax dovut jew dħul ieħor iġġenerat minnhom ikunu jistgħu jiddaħħlu fil-baġit sa tmiem is-sena finanzjarja ta’ wara.

(7)Filwaqt li titqies il-possibbiltà ta’ redditu negattiv fuq l-investimenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma timmirax lejn redditu mistenni pożittiv, jekk dan ikun jeħtieġ li wieħed jassumi livell sproporzjonatament għoli ta’ riskju ta’ investiment. Jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tinvesti f’assi finanzjarji, filwaqt li tipprijoritizza l-għan tas-sigurtà u l-likwidità tal-ammonti mħallsa provviżorjament bħala multi, penali oħra jew sanzjonijiet f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(8)Minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat l-impatt baġitarju fuq il-ġurisprudenza reċenti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)Ir-Regolament (KE, Euratom) 2018/1046 għandu għalhekk jiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-baġit m’għandux ikun fih dħul negattiv.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. B’deroga mill-paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom jitnaqqsu mid-dħul tal-baġit:

(a) it-total tar-remunerazzjoni negattiva tad-depożiti;

(b) meta l-ammonti tal-multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet skont it-TFUE jew it-Trattat Euratom imsemmija fl-Artikolu 108(1) jiġu kkanċellati jew imnaqqsa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull imgħax jew imposta oħra dovuta lill-partijiet ikkonċernati, inkluż kull redditu negattiv relatat ma’ dawk l-ammonti.”.

(2)fl-Artikolu 99(4), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-każ ta’ multi, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjonijiet, ir-rata tal-imgħax għal ammonti riċevibbli mhux imħallsa jew koperti minn garanzija finanzjarja aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs.”;

(3)fl-Artikolu 107(2), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 48 (1a), l-ammonti meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiddaħħlu fil-baġit sa tmiem is-sena finanzjarja ta’ wara.”;

(4)L-Artikolu 108 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.    Meta azzjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni skont it-TFUE jew it-Trattat tal-Euratom u sa dak iż-żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, id-debitur għandu jħallas provviżorjament l-ammonti kkonċernati fil-kont tal-bank magħżul mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jew inkella għandu jippreżenta garanzija finanzjarja li tkun aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni. Il-garanzija għandha tkun indipendenti mill-obbligu ta’ pagament tal-multa, ta’ penali oħra jew ta’ sanzjoni u għandha tkun infurzabbli jekk mitluba. Għandha tkopri t-talba dwar il-kapital u l-imgħax li d-debitur għandu jħallas fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3(b) bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni, miżjuda b’punt perċentwali u nofs, mill-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni.;

2.    Il-Kummissjoni tista’ tinvesti l-ammonti miġbura provviżorjament f’assi finanzjarji, filwaqt li tipprijoritizza l-għan tas-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.”;

(b)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha u, meta l-multa, penali oħra jew sanzjoni jkunu tneħħew jew l-ammont ikun tnaqqas, għandha tittieħed waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)    l-ammonti miġbura provviżorjament jew, fil-każ ta’ tnaqqis, il-parti rilevanti tagħhom għandha titħallas lura lill-parti terza kkonċernata;

(b)    meta tkun ġiet iddepożitata garanzija finanzjarja, din għandha tiġi rilaxxata kif xieraq.

L-ammont jew il-parti rilevanti tiegħu msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiżdied bl-imgħax bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa, penali oħra jew sanzjoni, miżjuda b’punt perċentwali u nofs.”

   (ii) it-tieni subparagrafu jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.)
(2)    2018/C 267 I/01.
(3)    Opinjoni Nru XXX ta’ XXX (ĠU C, p.).
(4)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ XXX u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ XXX.
(5)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni Ewropea vs Printeos, SA, C-301/19 P, ECLI:EU:C:2021:39.
(6)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
Top