Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0179

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

COM/2022/179 final

Brussell, 13.4.2022

COM(2022) 179 final

2022/0118(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq l-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. It-tfixkil tal-flussi kummerċjali tal-prodotti bażiċi ewlenin għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura mir-Russja u l-Ukrajna intensifika f’daqqa ż-żieda fil-prezzijiet ta’ inputs ewlenin bħall-enerġija u l-materja prima. Il-kummerċ bejn l-Ukrajna u l-Unjoni ntlaqat serjament ukoll min-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport, billi l-ajruporti Ukreni saru inoperabbli minħabba l-attakk Russu, u l-operazzjonijiet kollha ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet Ukreni ġew sospiżi. Il-kriżi attwali x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji fuq il-provvista taċ-ċereali, taż-żjut veġetali u tal-ħut abjad mill-Ukrajna u mir-Russja lejn l-Unjoni, u dan iwassal għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-għalf tal-ħut u għal nuqqasijiet ta’ materja prima ewlenija. Parti mill-flotta tal-Unjoni waqfet mis-sajd minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà ta’ dik l-attività u minħabba l-impossibbiltà li tiġi kkumpensata ż-żieda fil-kostijiet tal-input, bħall-prezzijiet għall-enerġija li qegħdin jogħlew. L-impatt ikkombinat taż-żidiet fil-kostijiet u tan-nuqqasijiet qiegħed jinħass ukoll mis-setturi tat-trobbija u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Għaldaqstant, hemm tfixkil sinifikanti fis-suq, ikkawżat minn żidiet sostanzjali fil-kostijiet, u minn tfixkil fil-kummerċ li jeħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti.L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna tipperikola wkoll is-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa mis-sajjieda tal-Unjoni fiż-żoni tal-viċinat. Dan wassal għal interruzzjoni ta’ prekawzjoni tal-attivitajiet f’ċerti żoni.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi emenda għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) billi jiġu introdotti miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. In-nefqa għadha eliġibbli għal kontribuzzjoni minn dak il-Fond sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Din il-proposta tikkomplementa d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/500 tal-25 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti tas-swieq, u b’hekk ġew skattati miżuri ta’ appoġġ għall-kriżijiet taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA). Pakketti ta’ miżuri kemm skont il-FEMS kif ukoll skont il-FEMSA jimmassimizzaw l-użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli sabiex jiġu appoġġati s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar fil-kriżi attwali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi tal-Unjoni implimentati skont ġestjoni kondiviża.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija limitata għal emenda mmirata u eċċezzjonali tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, id-dispożizzjonijiet tal-proposta jiġu implimentati fil-qafas ta' ġestjoni kondiviża.

Proporzjonalità

Id-dispożizzjonijiet proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi huma xierqa u meħtieġa, filwaqt li ma hemm l-ebda miżura anqas restrittiva oħra disponibbli sabiex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa tal-politika.

Għażla tal-istrument

Strument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-isfidi li jirriżultaw mill-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd, u l-ħtieġa li jittaffew kemm dawn il-konsegwenzi kif ukoll li jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, issemmew minn diversi partijiet ikkonċernati tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u minn rappreżentanti tal-Istati Membri. L-operaturi, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri kkonċernati kollha enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt, minħabba n-natura eċċezzjonali u kritika tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li teħtieġ miżuri ta’ mitigazzjoni immedjati mill-Unjoni.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

     Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-modifika proposta ma timplika l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-impenji u l-pagamenti.

Bl-attivitajiet tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar li ntlaqtu b’mod sinifikanti mill-kriżi, il-miżuri attwali u l-programmi operazzjonali tal-FEMS ma jiġux implimentati b'mod normali. Għaldaqstant, biex jiġi evitat li jintilfu riżorsi finanzjarji sabiex tingħeleb il-kriżi b’mod effettiv, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jirriallokaw riżorsi finanzjarji fi ħdan il-programm operazzjonali tagħhom għall-miżuri speċifiċi, u li dan isir b’avviż f’i żmien qasir. Dik il-possibbiltà se tkun limitata mill-allokazzjonijiet baġitarji li l-Istati Membri rċevew diġà u li ma jistgħux jinqabżu.

L-approprjazzjonijiet ta’ pagament li huma disponibbli fil-baġit tal-2022 għall-FEMS jistgħu jakkomodaw bidla bejn il-Prijoritajiet tal-Unjoni fil-programmi operazzjonali. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-miżuri l-ġodda se jieħdu post il-miżuri li kienu ppjanati inizjalment, li issa jridu jitqiesu mill-ġdid minħabba t-tfixkil ġenerali fil-katina tal-provvista. Konsegwentament, il-miżuri proposti għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-baġit tal-2022 u tal-allokazzjoni mill-2014 sal-2020 għall-FEMS.

Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-impatt tal-modifika proposta fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2022, filwaqt li tqis kemm l-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll il-previżjonijiet riveduti tal-Istat Membru.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Japplikaw ir-rekwiżiti ta' implimentazzjoni, ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 508/2014 u fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tintroduċi l-miżuri li ġejjin sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżati minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura:

·Kumpens finanzjarju għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd meta l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna tipperikola s-sigurtà tal-operazzjonijiet tas-sajd. Dan il-kumpens la huwa soġġett għal-limitu massimu finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-FEMS u lanqas għad-durata massima ta’ 6 xhur stabbilita fl-Artikolu 33(2) ta’ dak ir-Regolament. Dan huwa appoġġat mir-rata standard ta’ kofinanzjament tal-Unjoni ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

·Kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura f’konformità mal-mekkaniżmu tal-ħżin tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 (l-organizzazzjoni komuni tas-swieq).

·Kumpens finanzjarju lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (inkluż is-settur tal-ipproċessar) għad-dħul mitluf tagħhom, u għall-kostijiet addizzjonali li ġarrbu minħabba t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

Il-proposta tintroduċi dawn l-iskemi ta’ kumpens fil-miżuri eżistenti tal-FEMS sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni rapida tagħhom. L-użu ta’ qafas eżistenti jneħħi l-ħtieġa għal emendi sinifikanti għall-mudell tal-programmi operazzjonali u jiffaċilita r-riprogrammar mill-Istati Membri. Madankollu, se jkun meħtieġ li jsiru aġġustamenti tekniċi minuri fil-mudell tal-programmi operazzjonali u fis-sistema ta’ rapportar u monitoraġġ. L-aġġustamenti li jikkonċernaw is-sistema ta’ rapportar u monitoraġġ ma humiex urġenti peress li l-Istati Membri għandhom sena qabel ma jkun imisshom jipprovdu data kumulattiva dwar operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament skont l-Artikolu 97(1)(a) tar-Regolament tal-FEMS. 

Il-proposta tintroduċi wkoll mekkaniżmi ta’ flessibbiltà sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-miżuri l-ġodda:

·Proċedura simplifikata għall-emendar tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri, inkluż ir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għalihom.

·Eliġibbiltà retroattiva tan-nefqa mill-24 ta’ Frar 2022 għal dawn il-miżuri.

·Il-possibbiltà li jiġu riallokati l-ammonti fissi riżervati inizjalment għal ċerti miżuri tal-FEMS (jiġifieri l-kontroll u l-infurzar, il-ġbir tad-data) għall-miżuri l-ġodda.

Il-proposta tikkoreġi wkoll żball tekniku fl-Artikolu 96 tal-verżjoni Ingliża tar-Regolament tal-FEMS, li fih “income foregone” għandha tiġi sostitwita b’“income forgone”.

2022/0118 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 43(2) u 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq l-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. It-tfixkil tal-flussi kummerċjali tal-prodotti bażiċi ewlenin għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura mir-Russja u l-Ukrajna intensifika f’daqqa ż-żieda fil-prezzijiet ta’ inputs ewlenin bħall-enerġija u l-materja prima. Il-kummerċ bejn l-Ukrajna u l-Unjoni ntlaqat serjament ukoll min-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport, billi l-ajruporti Ukreni saru inoperabbli minħabba l-attakk Russu, u l-operazzjonijiet kollha ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet Ukreni ġew sospiżi. Il-kriżi attwali x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji fuq il-provvista taċ-ċereali, taż-żjut veġetali u tal-ħut abjad mill-Ukrajna u mir-Russja lejn l-Unjoni, u dan iwassal għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-għalf tal-ħut u għal nuqqasijiet ta’ materja prima ewlenija. Parti mill-flotta tal-Unjoni waqfet mis-sajd minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà ta’ dik l-attività u minħabba l-impossibbiltà li tiġi kkumpensata ż-żieda fil-kostijiet tal-input, bħall-prezzijiet għall-enerġija li qegħdin jogħlew. L-impatt ikkombinat taż-żidiet fil-kostijiet u tan-nuqqasijiet qiegħed jinħass ukoll mis-setturi tat-trobbija u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Għaldaqstant, hemm tfixkil sinifikanti fis-suq, ikkawżat minn żidiet sostanzjali fil-kostijiet, u minn tfixkil fil-kummerċ li jeħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti.

(2)Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 li jappoġġa miżuri speċifiċi sabiex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , u kumpens finanzjarju lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għad-dħul mitluf tagħhom, u għall-kostijiet addizzjonali li ġarrbu minħabba t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li n-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati skont dawk il-miżuri tkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022, li hija d-data tal-bidu tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(3)Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li l-FEMS jappoġġa kumpens finanzjarju għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd meta l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd. Jenħtieġ li dan il-waqfien temporanju jseħħ mill-24 ta’ Frar 2022, li hija d-data tal-bidu tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(4)Minħabba l-konsegwenzi soċjoekonomiċi sinifikanti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi appoġġat il‐waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna b’rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

(5)Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu riallokati l-ammonti fissi stabbiliti għall-miżuri ta’ kontroll u infurzar u għall-miżuri dwar il-ġbir tad-data għall-miżuri li jtaffu l-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u li jimmitigaw l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Għall-istess raġuni, u mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi finanzjarji eżistenti u għal-limitazzjoni tad-durata għall-każijiet l-oħra ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li l-għoti ta’ appoġġ għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżati mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna ma jkunx soġġett għal limiti massimi finanzjarji u għal limitazzjoni tad-durata. Jenħtieġ li jkompli japplika l-obbligu li l-appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju jitnaqqas mill-appoġġ li jingħata għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd għall-istess bastiment. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-każ ġdid ta’ waqfien temporanju, huwa meħtieġ li ssir referenza għall-perjodu ta’ eliġibbiltà stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(6)Minħabba l-urġenza sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura simplifikata għall-emendar tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri jiġi estiż sabiex jinkludi emendi relatati mal-miżuri speċifiċi sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li din il-proċedura simplifikata tkopri l-emendi kollha meħtieġa sabiex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri kkonċernati, fosthom l-introduzzjoni tagħhom, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji minn miżuri oħrajn, u d-deskrizzjoni tal-metodi sabiex jiġi kkalkolat l-appoġġ.

(7)Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda, huwa meħtieġ li jiġi kkoreġut żball tekniku fil-verżjoni Ingliża tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 billi “income foregone” tiġi sostitwita b’“income forgone”. L-Artikolu 96 ta’ dak ir-Regolament qiegħed jiġi kkoreġut skont dan.

(8)Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. Minħabba n-natura mhux mistennija tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-impatt serju tagħha fuq l-attivitajiet tas-sajd u fuq is-setturi ekonomiċi u l-ktajjen tal-provvista kkonċernati, jenħtieġ li l-eliġibbiltà tal-kostijiet tkun retroattiva mill-24 ta’ Frar 2022.

(9)Fid-dawl tal-urġenza kkawżata mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-impatt soċjali u ekonomiku tagħha fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, tqies xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(10)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat u kkoreġut skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. Ir-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jiġu riallokati għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(d), fl-Artikolu 44(4a), fl-Artikolu 67 u fl-Artikolu 68(3) sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”

2. Fl-Artikolu 22(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) emendi fil-programmi operazzjonali dwar l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 33(1)(d), fl-Artikolu 35, fl-Artikolu 44(4a), fl-Artikolu 55(1)(b), fl-Artikoli 57, 66 u 67, fl-Artikolu 68(3) u fl-Artikolu 69(3), inkluż ir-riallokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għaliha sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID‐19 jew sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġu mitigati l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat minn dik l-aggressjoni militari fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”

3. Fl-Artikolu 33(1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) meta l-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd iseħħ bejn l-1 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2020 bħala konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID‐19, inkluż għal bastimenti li joperaw skont ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli, jew iseħħ mill-24 ta’ Frar 2022 bħala konsegwenza tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna li tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd. ”

4. Fl-Artikolu 33(1), it-tieni subparagrafu tal-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet appoġġati skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020 jekk ikunu l-konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19, jew mill-24 ta’ Frar 2022 jekk ikunu l-konsegwenza tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna li tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd.”

5. Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ jingħata għal tul ta' żmien massimu ta’ sitt xhur għal kull bastiment matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà msemmi fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Dan it-tul ta' żmien massimu ma għandux japplika għall-appoġġ imsemmi fil-punt (d) ta’ dak il-paragrafu.”

6. Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a. Il-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għal waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID‐19 jew mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna li tipperikola s-sigurtà tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 33(1)(d), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33.”

7. Fl-Artikolu 67, il-kliem introduttorju tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Meta meħtieġ sabiex twieġeb għat-tifqigħa tal-COVID‐19 jew biex itaffi l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, il-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jew prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0302 kif elenkati fil-punt (a) tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, dment li dawk il-prodotti jinħażnu f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 ta’ dak ir-Regolament, u soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:”

8. Fl-Artikolu 67, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, ħlief jekk itaffi l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020 sabiex iwieġeb għat-tifqigħa tal-COVID‐19, u mill-24 ta’ Frar 2022 sabiex jittaffew l-effetti tat-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.”

9. Fl-Artikolu 68, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Il-FEMS jista’ jappoġġa kumpens finanzjarju lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għad-dħul mitluf tagħhom, u għal spejjeż addizzjonali mġarrba minħabba t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-infiq għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-ewwel subparagrafu għandu jkun eliġibbli mill-24 ta’ Frar 2022.

Il-kumpens imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 96.”

10. Fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 95, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) l-operazzjoni tkun relatata mal-appoġġ skont l-Artikolu 33 jew 34 jew mal-kumpens skont l-Artikolu 54, l-Artikolu 55, l-Artikolu 56, l-Artikolu 68(3) jew l-Artikolu 69(3);”

 

Artikolu 2
Korrezzjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014

L-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) 508/2014 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 96
Kalkolu ta’ spejjeż addizzjonali jew ta’ dħul mitluf

Meta l-għajnuna tingħata abbażi ta’ spejjeż addizzjonali jew ta' dħul mitluf, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli rilevanti jkunu adegwati, akkurati u stabbiliti bil-quddiem abbażi ta’ kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
Top