Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0032

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea

COM/2022/32 final

Brussell, 2.2.2022

COM(2022) 32 final

2022/0021(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESOs) huma organizzazzjonijiet privati, li għandhom rwol speċjali fi ħdan is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 1 , l-istandardizzazzjoni Ewropea hija organizzata mill-partijiet ikkonċernati u għalihom, abbażi tar-rappreżentanza nazzjonali (fil-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, is-CEN, u fil-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika, is-CENELEC) u l-parteċipazzjoni diretta tal-membri (fl-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni, l-ETSI). Meta ssir talba għall-istandardizzazzjoni mill-Kummissjoni, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012) huma l-uniċi korpi li jistgħu joħorġu standards u strumenti ta’ standardizzazzjoni. Huma jagħmlu dan f’konformità mal-proċeduri speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tar-“Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni”. Ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni jipprevedi wkoll li l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni huma definiti fil-punt 8 tal-Artikolu 2 u fl-Anness I tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni. Hemm tliet organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni: is-CEN, is-CENELEC u l-ETSI. Dawn għandhom rwol esklużiv li jwettqu ħidma ta’ standardizzazzjoni mitluba mill-Kummissjoni b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-UE.

Dan huwa prinċipalment minħabba raġunijiet storiċi. Fis-snin 80, meta ġew stabbiliti l-organizzazzjonijiet attwali Ewropej tal-istandardizzazzjoni u meta ġie stabbilit ir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istandards, is-sistema kienet iċċentrata l-aktar fuq il-partijiet ikkonċernati tal-Unjoni Ewropea.

Illum, is-sitwazzjoni hija differenti u l-governanza interna tal-ESO, flimkien mal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-istruttura tas-sħubija tagħhom, għaddew minn bidliet multipli. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni issa jikkooperaw ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż minn pajjiżi terzi, u jippermettulhom jipparteċipaw mhux biss fil-ħidma teknika iżda wkoll fil-politika interna u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Kooperazzjoni bħal din hija apprezzata; madanakollu, meta l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jkunu meħtieġa jiffukaw fuq l-appoġġ tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE, huma meħtieġa salvagwardji sabiex tiġi żgurata proċedura b’saħħitha u rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati, f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi u mal-ħtiġijiet leġiżlattivi. B’mod partikolari, dan japplika għad-deċiżjonijiet interni għall-iżvilupp ta’ standards u ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni. Dawn id-deċiżjonijiet interni jistgħu jkopru kwistjonijiet bħad-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ talbiet ta’ standardizzazzjoni, dwar l-aċċettazzjoni ta’ punti ġodda fl-aġenda ta’ ħidma, u dwar l-adozzjoni, ir-reviżjoni jew l-irtirar ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea. F’dawn il-każijiet, b’mod partikolari meta l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jappoġġaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jiżviluppaw standards li huma kruċjali għall-pubbliku ġenerali tal-UE u għall-kumpaniji, il-governanza interna tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni trid tqis, kif xieraq, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati Ewropej kollha (inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili). Dan huwa saħansitra aktar pertinenti meta wieħed iqis li xi organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, huma prinċipalment magħmula minn operaturi ekonomiċi li għandhom id-drittijiet tal-vot, u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet pubbliċi hija limitata f’xi każijiet.

Għalhekk hija meħtieġa kjarifika akbar sabiex jiġi żgurat li l-proċess intern kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħruġ ta’ standards u ta’ strumenti ta' standardizzazzjoni, mitlub mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, jikkonforma ma’ dak li l-istituzzjonijiet tal-UE jistennew minn korp li jiżviluppa l-istandards, rikonoxxut uffiċjalment bħala organizzazzjoni Ewropea tal-istandards.

Il-ħtieġa ta’ ċerta rappreżentanza u setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-istandards mitluba mill-Kummissjoni, tistabbilixxi kontrokontrolli suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tipproponi emenda għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fl-inizjattiva tagħha ta’ Aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida tal-2020 (COM(2021)350) 2 flimkien ma’ strateġija ta’ standardizzazzjoni, li hija ppreżentata flimkien ma’ din il-proposta.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-emenda leġiżlattiva proposta hija konformi mal-importanza politika tal-istandards, kif enfasizzat f’inizjattivi ewlenin oħra tal-Kummissjoni, bħal Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020)67 3 ), il-Portal Globali (JOIN(2021)30 4 ), jew id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li jilqa’ “l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija għall-istandardizzazzjoni sabiex tissaħħaħ is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni u l-governanza tagħha” (il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2020 5 ).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-inizjattiva hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għal azzjoni fejn l-ESOs ma għandhomx kompetenza esklużiva)

Il-kwistjoni tas-sussidjarjetà ma hijiex kwistjoni. Din l-inizjattiva għandha temenda Regolament tal-UE li jirregola s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Hija għandha l-għan speċifiku li tissalvagwardja l-prinċipji ta’ governanza tajba fit-twettiq tal-istandards mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni. Din l-inizjattiva se ssaħħaħ ir-rwol tar-rappreżentanti nazzjonali (jiġifieri l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni) fis-sistema.

Proporzjonalità

L-emenda proposta għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 hija limitata ħafna u mmirata lejn il-ħidma tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni wara talba mill-Kummissjoni. Dawn it-talbiet isegwu mandat ta’ politika pubblika u, għalhekk, huwa importanti li jiġu żgurati prinċipji ta’ governanza tajba f’konformità mat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi li jiżguraw li r-rappreżentanza/il-parteċipazzjoni nazzjonali għall-iżvilupp ta' standards Ewropej u ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni, abbażi ta’ talba skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, tkun garantita f’kull stadju tal-proċess.

Għażla tal-istrument

Regolament li jemenda Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni (b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri tal-UE, u l-partijiet ikkonċernati industrijali u tas-soċjetà ċivili). Dawn il-partijiet ikkonċernati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom u li jipprovdu kontribut għall-ħidma tal-Kummissjoni.

Matul il-konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali għall-istrateġija ta’ standardizzazzjoni, il-partijiet ikkonċernati pprovdew feedback siewi dwar il-governanza u dwar it-trasparenza fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni permezz tal-portal tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar 6 . Il-Kummissjoni rċeviet feedback simili permezz tar-rapporti maħruġa mill-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati Ewropej skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt (IA) għal din l-inizjattiva. L-inizjattiva proposta tirrigwarda deċiżjonijiet amministrattivi fi ħdan l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni wara talbiet mill-Kummissjoni bbażati fuq politika jew ħtieġa legali. Dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi jkopru deċiżjonijiet ta’ governanza/amministrazzjoni għall-politiki tal-Unjoni. L-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi huwa limitat għal partijiet ikkonċernati identifikabbli. Bħala konklużjoni, ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal IA u għall-konsultazzjoni pubblika relatata peress li l-emenda tkun/hija limitata fil-kamp ta' applikazzjoni, immirata u tipprovdi emendi tekniċi għal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kwistjoni tal-governanza.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-istituzzjonijiet tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta għandha temenda biss żewġ artikoli.

Sabiex l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni – fejn meħtieġ – ikunu jistgħu jadattaw ir-regoli interni ta’ proċedura tagħhom, l-emenda tipprevedi perjodu tranżitorju ta’ sitt xhur qabel ma tidħol fis-seħħ.

Il-Kummissjoni se tassisti lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni sabiex tgħinhom jemendaw ir-regoli interni tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-istandards u l-istrumenti ta' standardizzazzjoni mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni.    

2022/0021 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar standards Ewropej u strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards Ewropej u ta' strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea għall-prodotti u għas-servizzi b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-Unjoni.

(2)F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 il-Kummissjoni tista’ titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar sabiex jabbozzaw standard Ewropew jew strument ta' standardizzazzjoni Ewropea.

(3)L-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea għandhom rwol importanti għas-suq intern. Pereżempju, jistgħu jintużaw standards armonizzati sabiex tingħata preżunzjoni li l-prodotti li għandhom ikunu disponibbli fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali li huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni għal dawk il-prodotti meta jikkonformaw mal-istandards armonizzati.

(4)F’dawn l-aħħar snin, il-prattiki fl-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-governanza interna u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom inbidlu. B’riżultat ta’ dan, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni żiedu l-kooperazzjoni tagħhom mal-partijiet ikkonċernati internazzjonali u Ewropej. Kooperazzjoni bħal din hija milqugħa minħabba li tikkontribwixxi għall-proċess ta’ standardizzazzjoni trasparenti, miftuħ, imparzjali u mibni fuq kunsensus. Madankollu, meta l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jeżegwixxu talbiet ta’ standardizzazzjoni sabiex jappoġġaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni mhux ristretta ta’ kwalunkwe parti ikkonċernata fit-teħid ta’ deċiżjonijiet interni tagħhom, tista’ twassal għal deċiżjonijiet li ma jqisux bis-sħiħ l-interessi, l-objettivi tal-politika, u l-valuri tal-Unjoni kif ukoll l-interessi pubbliċi b’mod ġenerali.

(5)Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol essenzjali fis-sistema ta’ standardizzazzjoni, kemm fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Għalhekk, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżguraw li l-interessi, l-objettivi tal-politika u l-valuri tal-Unjoni kif ukoll l-interessi pubbliċi b’mod ġenerali jitqiesu kif xieraq fl-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni meta dawk il-korpi jieħdu deċiżjonijiet dwar l-istandards Ewropej u dwar l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(6)Il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni huma miftuħa għall-parteċipazzjoni mhux biss mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, iżda wkoll mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-pajjiżi aderenti, tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali għall-Unjoni, fost l-oħrajn. Sabiex jiġi evitat li dawk l-organizzazzjonijiet jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati, huwa meħtieġ biss li jiġi previst li d-deċiżjonijiet f’dawk il-korpi dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea mitluba skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, mingħajr ma jiġu imposti xi rekwiżiti oħra dwar il-ħidma tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

(7)Sabiex ir-rekwiżit għad-deċiżjonijiet fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex ikunu effettivi, jeħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni tista’ tagħmel dawn it-talbiet biss lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni li tikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit.

(8)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)Sabiex l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jkunu jistgħu jadattaw, fejn meħtieġ, ir-regoli interni ta’ proċedura tagħhom għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 huwa emendat kif ġej:

(1) fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ titlob, fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-kompetenzi stipulati fit-Trattati, li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar jabbozzaw standard Ewropew jew strument ta’ standardizzazzjoni Ewropea fi żmien skadenza stabbilita, diment li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata tikkonforma mal-paragrafu 2a.”;

(2)    jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għandha tiżgura li d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fi ħdan il-korp kompetenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni:

(a) id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni, ir-rifjut u l-eżekuzzjoni tat-talbiet għall-istandardizzazzjoni;

(b) id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ punti ġodda fl-aġenda ta’ ħidma;

(c) id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni, ir-reviżjoni u l-irtirar ta’ standards Ewropej jew ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropea.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn …[OP: jekk jogħġbok daħħal id-data – 6 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316/12, 14.11.2012).
(2)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52021DC0350&from=EN
(3)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:52020DC0067
(4)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=JOIN%3A2021%3A30%3AFIN
(5)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XG0616%2801%29
(6)    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13099-L-istrategija-tal-istandardizzazzjoni_mt
(7)    ĠU C …, …, p. ….
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
Top