Este documento es un extracto de la web EUR-Lex
Documento 52022IP0437
European Parliament resolution of 13 December 2022 on the action plan to boost long-distance and cross-border passenger rail (2022/2022(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier (2022/2022(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier (2022/2022(INI))
ĠU C 177, 17.5.2023, pp. 48-56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 177, 17.5.2023, pp. 39-47
(GA)
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/48 |
P9_TA(2022)0437
Pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier (2022/2022(INI))
(2023/C 177/05)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku u l-pakkett sussegwenti “Lesti għall-mira ta' 55 %”; |
|
— |
wara li kkunsidra r-Raba' Pakkett Ferrovjarju, |
|
— |
wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-1995 intitolata “Towards fair and efficient pricing in transport policy- options for internalising the external cost of transport in the European Union” (Lejn ipprezzar ġust u effiċjenti fil-politika tat-trasport – għażliet għall-internalizzazzjoni tal-ispiża esterna tat-trasport fl-Unjoni Ewropea) (COM(1995)0691), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (1) (Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (COM(2020)0789), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network Trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (3) (ir-Regolament TEN-T), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 intitolata “Sikurezza u sinjalar ferrovjarji: valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)” (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (8) (ir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni maħruġ f'Ottubru 2021 intitolat “Long-distance cross-border passenger rail services” (Servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera fuq distanza twila), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0242/2022), |
|
A. |
billi l-Istrateġija l-ġdida għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tistabbilixxi l-istadju importanti li fih tirdoppja t-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2030 u tittriplika t-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2050; |
|
B. |
billi l-volumi ta' passiġġieri tal-ferroviji ta' veloċità għolja kważi rduppjaw bejn l-2001 u l-2018, u dan jagħti prova li hemm domanda għal ferroviji ta' veloċità għolja kull meta tiġi pprovduta (9); |
|
C. |
billi l-ajruporti tal-UE qed jesperjenzaw żieda sinifikanti fid-dewmien (10); billi tbassar nuqqas sinifikanti ta' kapaċità (għal madwar 1,5 miljun titjira sal-2040) jekk ma tiġi adottata l-ebda miżura ta' rimedju akuta (11); billi l-konġestjoni fit-toroq tiswa lill-UE madwar EUR 110 biljun fis-sena (1 % tal-PDG tal-UE) (12); |
|
D. |
billi l-ferroviji ta' veloċità għolja jġibu bosta benefiċċji, bħat-tnaqqis fil-fatalitajiet, fil-konġestjoni u fl-emissjonijiet, u għandhom impatt ekonomiku pożittiv billi jtejbu l-aċċessibbiltà, inaqqsu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar, u jiġġeneraw opportunitajiet ta' impjieg; |
|
E. |
billi ttieħdu passi leġiżlattivi importanti għat-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea; |
|
F. |
billi l-finanzjament tas-sistema maġenb il-binarji u abbord l-ERTMS għandu rwol ewlieni biex jiżgura rata msaħħa ta' użu u żieda fis-sikurezza u l-interoperabbiltà fit-TEN-T kollu filwaqt li javvanza l-kisba ta' Żona Ferrovjarja Ewropea verament interoperabbli; |
|
G. |
billi t-tlestija tat-TEN-T – filwaqt li żżomm il-kapaċità li jiġu żviluppati networks sekondarji – hija kruċjali biex isir progress lejn modi ta' trasport aktar sostenibbli, b'mod partikolari t-trasport ferrovjarju, u biex tingħata spinta lill-konnettività multimodali bejn l-ibliet, ir-reġjuni, iż-żoni periferali u l-gżejjer tal-UE; |
|
H. |
billi għad hemm ostakli teknoloġiċi għall-interoperabbiltà tal-ferroviji bejn il-pajjiżi tal-UE; |
|
I. |
billi l-ħruġ ta' biljetti multimodali intelliġenti huwa strument ewlieni biex jitħeġġeġ użu akbar ta' trasport ferrovjarju u multimodali sostenibbli; billi n-network ferrovjarju u l-istazzjonijiet jista' jkollhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni ta' modi oħra ta' trasport fil-konnessjoni tal-ewwel/l-aħħar mil; |
|
J. |
billi s-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021 kienet opportunità biex tiġi promossa bidla ħalli l-ferroviji jsiru s-sinsla tat-trasport tal-passiġġieri madwar l-Unjoni, u jaqdu aħjar liċ-ċittadini u jtejbu l-iżvilupp tan-network TEN-T fl-Istati Membri; |
|
K. |
billi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 hija opportunità biex jissaħħaħ dan il-momentum permezz ta' azzjonijiet diretti lejn iż-żgħażagħ; |
|
L. |
billi n-nodi urbani bħalissa mhumiex integrati biżżejjed fin-network TEN-T attwali; billi huwa nieqes għadd sinifikanti ta' infrastruttura tal-aħħar mil għat-trasport tal-merkanzija u l-konnessjonijiet multimodali għall-passiġġieri; |
|
1. |
Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja l-objettivi proposti biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar attraenti, kompetittiv u effiċjenti; |
|
2. |
Jilqa' l-objettivi ewlenin fil-mira ta' dan il-pjan ta' azzjoni, b'mod partikolari billi:
|
|
3. |
Jilqa' l-istabbiliment ta' servizzi pilota transfruntieri u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika malajr kemm jista' jkun riżorsi possibbli għal dan l-iskop u skeda ta' żmien ċara bi stadji importanti u objettivi xierqa; |
Implimentazzjoni aħjar tal-acquis ferrovjarju tal-Unjoni u interoperabbiltà aċċelerata
|
4. |
Jilqa' l-aċċelerazzjoni tal-ħidma biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta' Interoperabbiltà (TSI); |
|
5. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ERTMS, permezz tal-ilħuq tal-miri fil-proposta leġiżlattiva riveduta għar-Regolament tat-TEN-T, se tgħin biex tinħoloq żona ferrovjarja unika diġitali Ewropea, li tiżgura l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċità tan-network akbar u servizzi tat-trasport ferrovjarju sikuri, siguri u effiċjenti għal konnessjonijiet fuq distanzi twal u transfruntiera; |
|
6. |
Jenfasizza li biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju fuq distanzi twal, din trid tiġi akkumpanjata minn integrazzjoni f'networks ferrovjarji interreġjonali, reġjonali, urbani u periurbani differenti kif ukoll ma' modi oħra u t-TEN-T, biex b'hekk tittejjeb il-mobbiltà minn bieb għal bieb; jenfasizza li din se tkun kruċjali biex is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u multimodali jsiru aktar attraenti; |
|
7. |
Jisħaq fuq l-importanza li titħaffef il-kostruzzjoni ta' linji ferrovjarji ġodda u li tiġi promossa aktar it-tlestija ta' proġetti tal-infrastruttura, inklużi pontijiet li jgħaqqdu l-gżejjer mal-kontinent, sabiex jissolvew il-konnessjonijiet neqsin eżistenti u tittejjeb l-integrazzjoni tal-gżejjer mal-awtostradi tal-baħar; |
|
8. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tħaffef l-introduzzjoni tal-ERTMS mal-Unjoni kollha fir-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T, filwaqt li tistabbilixxi data ta' skadenza għad-dekummissjonar ta' sistemi antiki tal-klassi B; |
|
9. |
Jenfasizza li l-prevedibbiltà regolatorja, inkluż għal speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà, hija kruċjali biex tingħata spinta lill-investimenti meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-implimentazzjoni għall-ERTMS u l-interoperabbiltà fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; |
|
10. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sinkronizzata tas-sistema maġenb il-binarji u tal-unitajiet abbord u l-ħtieġa għal governanza mtejba tal-ERTMS biex tiġi żgurata tali implimentazzjoni sinkronizzata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, inkluż billi jiġu simplifikati u aċċelerati l-proċeduri; |
|
11. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjament u fondi rapidi, suffiċjenti u effiċjenti biex jiġu appoġġjati l-investimenti, li għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti, li jippermettu l-implimentazzjoni l-aktar rapida possibbli tal-unitajiet abbord tal-ERTMS u standards oħra tat-TSI (14) fis-servizzi pubbliċi; |
|
12. |
Ifaħħar ir-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), li hija wieħed mill-pilastri tal-politika ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-ERA jeħtieġ li jkollha biżżejjed fondi sabiex tkun tista' tipprovdi appoġġ għall-objettivi ta' tlestija tat-TEN-T, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera; |
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi xierqa biex ikomplu jtejbu l-attraenza tal-investiment fl-ERTMS; |
|
14. |
Jitlob li jsiru sforzi biex jiġu estiżi l-iskedi ta' żmien ikkoordinati li diġà ġew introdotti f'xi Stati Membri fil-livell tal-UE sabiex jitħeġġeġ l-ivvjaġġar faċli u bla xkiel għaċ-ċittadini kollha tal-UE bejn il-fruntieri; |
Infrastruttura msaħħa għall-ferroviji tal-passiġġieri
|
15. |
Iqis li t-tlestija f'waqtha tal-kurituri tan-network ewlieni multimodali u bla xkiel tat-TEN-T sal-2030 hija l-ewwel pass għal aktar integrazzjoni tan-network, hija imperattiva u trid tinvolvi l-eliminazzjoni ta' konġestjonijiet u konnessjonijiet neqsin u t-tlestija ta' sezzjonijiet transfruntiera; jappoġġja t-tlestija tal-konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja ppjanati fin-network ewlieni estiż sal-2040; jemmen li l-investimenti ta' prijorità għandhom ikunu diretti wkoll lejn l-iżvilupp ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja transfruntiera u fuq distanzi twal, speċjalment f'żoni fejn bħalissa hemm nuqqas ta' infrastruttura ferrovjarja ta' veloċità għolja; jisħaq, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, fuq l-importanza li l-bliet kapitali tal-UE jiġu konnessi permezz ta' servizzi ferrovjarji ta' veloċità għolja bi prezz raġonevoli u effiċjenti u li tittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura; jenfasizza li linji ġodda ta' veloċità għolja huma għodda effettiva biex tiżdied il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju; |
|
16. |
Jisħaq fuq l-importanza assoluta li tinbena infrastruttura ġdida biex tiġi ssodisfata d-domanda għal ferroviji ta' veloċità għolja; ifakkar li l-irduppjar fit-traffiku ferrovjarju ta' veloċità għolja sal-2030 se jirrikjedi mill-inqas żieda ta' 75 % fit-tul attwali tan-network li huwa ta' 11 526 km (15); |
|
17. |
Jisħaq fuq ir-rwol tat-TEN-T, tal-konnessjonijiet ferrovjarji ta' kwalità għolja u tat-trasport multimodali fl-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u l-inklużività, speċjalment f'reġjuni iżolati u f'żoni b'distakk strutturali sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta azzjonijiet u proġetti biex tappoġġja konnettività aħjar tat-trasport multimodali lokali sostenibbli u ferrovjarju fiż-żoni periferiċi u kostali b'marġini aktar baxxi għall-iżvilupp; |
|
18. |
Jiddispjaċih dwar il-fondi limitati tal-UE disponibbli permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 (FNE II) li jirrappreżentaw biss madwar 5 % tal-investiment totali meħtieġ biex ikun komplut in-network ewlieni tat-TEN-T (16); |
|
19. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-użu tal-fondi tal-UE lil hinn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-fondi ta' koeżjoni, inklużi l-FNE, NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-programm tal-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) jew il-fondi mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), biex jiġu żgurati investimenti massivi ta' kwalità għolja f'infrastruttura tat-trasport sostenibbli u effiċjenti, inklużi konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja neqsin. |
|
20. |
Jisħaq fuq il-fatt li peress li bħalissa 44 % biss tar-residenti fiż-żoni mal-fruntieri tal-UE għandhom aċċess għas-servizzi ferrovjarji (17) u li spiss ma jkunx hemm soluzzjonijiet tat-trasport multimodali xierqa, sabiex it-TEN-T jaqdi r-rwol tiegħu fit-trawwim tal-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali fis-suq intern tal-UE, hija meħtieġa konnettività intelliġenti għan-network ewlieni tat-TEN-T u trid tiġi żviluppata integrazzjoni ulterjuri ta' networks nazzjonali differenti, inklużi wkoll żoni rurali, remoti, insulari, periferali u żoni żvantaġġati oħra sabiex jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom; |
|
21. |
Jisħaq fuq is-sinifikat tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna u l-Moldova; jinnota li mekkaniżmu effettiv u rapidu tal-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE huwa kruċjali biex tiġi żgurata konnettività mingħajr xkiel tal-ferroviji tal-passiġġieri bejn l-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir u tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
22. |
Jilqa' l-alternattivi promettenti offruti mill-ferroviji li jaħdmu bl-idroġenu u bil-batteriji meta l-elettrifikazzjoni ta' sezzjoni ferrovjarja ma tkunx possibbli; |
|
23. |
Jappoġġja l-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-tlestija taċ-ċentri multimodali tal-ewwel/tal-aħħar mil fin-nodi urbani, u b'hekk issaħħaħ il-konnettività ferrovjarja mat-trasport bl-ajru, bil-baħar u bit-triq; ifakkar, madankollu, li ċentri urbani iżgħar u inqas popolati għandu jkollhom konnessjonijiet effiċjenti ma' ċentri u terminali multimodali f'distanzi raġonevoli; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol strateġiku tal-istazzjonijiet ferrovjarji fi ħdan sistema ta' mobbiltà integrata u sostenibbli, b'mod partikolari billi jappoġġjaw il-modernizzazzjoni ta' stazzjonijiet żgħar; |
|
25. |
Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol tal-ERA biex tiċċertifika u tawtorizza r-rolling stocks sabiex tiżgura proċessi bla xkiel u f'waqthom, b'mod partikolari għall-konnessjonijiet transfruntiera, kif ukoll biex tikkonsolida u tnaqqas l-ammont ta' regoli nazzjonali; jinkoraġġixxi kemm lill-ERA kif ukoll lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jaċċeleraw il-kooperazzjoni tagħhom dwar l-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock “li jmur kullimkien”; |
Disponibbiltà suffiċjenti tar-rolling stock
|
26. |
Jappella għal kjarifika u simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-finanzjament pubbliku ta' vetturi ferrovjarji interoperabbli għat-trasport transfruntier u faċilitajiet ta' servizzi relatati, kif ukoll għas-servizzi tal-infrastruttura ferrovjarja fil-Linji Gwida Ferrovjarji riveduti, inklużi l-istrumenti disponibbli għall-finanzjament ta' tali vetturi u l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Ferroviji tal-Lussemburgu; |
|
27. |
Jistieden lill-kumpaniji ferrovjarji jippjanaw ordnijiet suffiċjenti ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja, f'konformità mal-għanijiet tal-Kummissjoni li tirdoppja l-veloċità għolja sal-2040; jirrimarka, bl-istess mod, li r-rolling stock għas-servizzi tal-ferroviji ta' billejl jeħtieġ ippjanar f'waqtu sabiex jiġi ffaċilitat ir-rinaxximent tal-ferroviji ta' billejl; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-fatt li jeħtieġ tiġi żgurata biżżejjed disponibbiltà ta' vetturi ferrovjarji għad-dħul mill-ġdid ippjanat li jmiss tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera reġjonali; |
|
28. |
Isostni li sikurezza tal-binarji aħjar għandha tkun akkumpanjata minn livell ekwivalenti ta' sikurezza teknoloġika u mekkanika fil-ferroviji li jintużaw kuljum għat-trasport ta' persuni u merkanzija; |
|
29. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-intenzjonijiet iddikjarati tagħha, tkompli tistudja u tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi ġabra Ewropea ta' vetturi ferrovjarji u tkompli d-diskussjonijiet dwar kif dan jiġi implimentat mal-BEI; |
|
30. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal rekwiżiti u speċifikazzjonijiet ċari għall-interoperabbiltà u aktar investimenti fir-rolling stock; |
|
31. |
Jissottolinja li dawn l-investimenti huma partikolarment kritiċi meta r-rolling stock jiġi modifikat b'applikazzjonijiet b'diversi sistemi meħtieġa biex jippermettu operazzjonijiet transfruntiera u internazzjonali f'aktar minn pajjiż wieħed; |
|
32. |
Jiddispjaċih li l-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock “li jmur kullimkien” tmexxa għar-reviżjoni li jmiss tat-TSI, u dan wassal għal dewmien ta' tliet snin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni mal-ERA sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rolling stock “li jmur kullimkien”; |
|
33. |
Ifakkar li l-Pjattaforma ta' Investiment għall-Ferroviji Ekoloġiċi mnedija reċentement mill-BEI hija inizjattiva ewlenija biex tappoġġja u tagħti spinta lill-investiment pubbliku u privat fi proġetti ferrovjarji; iħeġġeġ lill-operaturi ferrovjarji, lill-maniġers tal-infrastruttura, lill-awtoritajiet tat-trasport u lil partijiet ikkonċernati oħra jaċċessaw il-Pjattaforma sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq; |
|
34. |
Jappella għal inizjattivi innovattivi biex jiġu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex jissaħħaħ u jiġi stimulat l-ambjent kummerċjali għall-SMEs u jintrabat mal-politika industrijali l-ġdida fil-livell tal-UE; |
|
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-vaguni tar-roti fil-ferroviji tal-passiġġieri transfruntiera kif previst fir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji; |
L-allinjament tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji u tal-persunal ferrovjarju mal-ħtiġijiet futuri
|
36. |
Jisħaq li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji jista' jfixkel il-mobbiltà tagħhom bejn l-Istati Membri u l-iżvilupp ta' servizzi tal-passiġġieri fuq distanzi twal, b'mod partikolari għas-sezzjonijiet transfruntiera; |
|
37. |
Jieħu nota tal-importanza tal-kwistjoni tal-lingwa għas-sewwieqa tal-ferroviji involuti fi vjaġġi transfruntiera, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' għodod lingwistiċi diġitali bħala soluzzjoni bi prezz raġonevoli biex tgħin ħalli jingħelbu l-ostakli lingwistiċi u biex tnaqqas id-distakki eżistenti; |
|
38. |
Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi promossa lingwa ta' ħidma unika għall-UE kollha, jiġifieri l-Ingliż, għas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw konnessjonijiet ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera li ma jitkellmux il-lingwi tal-Istati Membri li jkunu qasmu fihom matul il-vjaġġ; |
|
39. |
Jappoġġja t-taħriġ lingwistiku għall-persunal ferrovjarju sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jaqdu lill-vjaġġaturi kollha b'mod xieraq; |
|
40. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' strateġija Ewropea ċara għall-ħiliet biex jitneħħew l-ostakli tekniċi u operattivi persistenti li jxekklu t-traffiku transfruntier; |
|
41. |
Jisħaq fuq ir-rilevanza tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa fl-appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tas-sewwieqa tal-ferroviji, b'mod partikolari f'ħiliet diġitali ġodda; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li jiġu żgurati rati ta' impjieg u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; |
|
42. |
Ifakkar li d-Direttiva (UE) 2016/798 (18) dwar is-sikurezza ferrovjarja tipprevedi ċ-ċertifikazzjoni speċjali tal-persunal li jakkumpanja l-ferroviji; jemmen li l-persunal kwalifikat huwa meħtieġ mhux biss biex itejjeb is-servizz ferrovjarju, iżda l-aktar importanti biex jiżgura s-sikurezza tat-trasport ferrovjarju fl-aspetti kollha tiegħu; |
|
43. |
Jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi biex in-nisa jitħeġġu jidħlu fi professjonijiet fis-settur ferrovjarju; |
|
44. |
Jappella għal aktar inizjattivi biex iż-żgħażagħ u l-forza tax-xogħol tal-SMEs jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-għarfien rilevanti; |
Użu aktar effiċjenti tan-networks
|
45. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat użu aħjar tan-network, u speċjalment mat-TEN-T kollu, u jappella għal miżuri li jagħmlu l-fluss tal-passiġġieri bla xkiel, inkluż billi jistabbilixxu nodi ta' tranżitu u terminali tul rotot ta' veloċità għolja, u li jaħdmu biex jagħmlu l-użu tal-ferroviji ta' billejl aktar attraenti; jirrimarka li dawn il-passi jirrikjedu kooperazzjoni mill-qrib fuq linji tat-traffiku mħallta fit-tfassil tal-arranġamenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija sabiex jiġu evitati konġestjonijiet inklużi fil-binarji, li jimminaw il-prestazzjoni tan-network kollu; |
|
46. |
Jenfasizza li d-disponibbiltà tal-kapaċità u n-nuqqas ta' konġestjonijiet huma kruċjali għall-użu effiċjenti tan-network u sabiex jiżdied is-sehem modali tal-ferroviji; |
|
47. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu perspettiva pluriennali fil-fondi tal-infrastruttura tagħhom sabiex jippermettu l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura ppjanata u kkoordinata internazzjonalment, inaqqsu r-restrizzjonijiet temporanji tal-kapaċità u jtejbu l-affidabbiltà tal-ferroviji internazzjonali. |
|
48. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-“indiċi tal-konnettività”, li qed tiżviluppa bħalissa, għall-identifikazzjoni preċiża tal-investiment fl-infrastruttura meħtieġ biex jiġi żgurat l-effett tan-network; |
|
49. |
Jenfasizza r-rwol tad-diġitalizzazzjoni, il-ħtieġa ta' ċibersigurtà adegwata u koordinazzjoni aħjar, b'mod partikolari għat-traffiku ferrovjarju transfruntier; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar fil-mod kif tiġi ġestita l-kapaċità fin-networks tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jittejjeb l-użu tal-kapaċità disponibbli; jappella, għalhekk, għal armonizzazzjoni akbar tal-proċeduri u l-kriterji għall-ippjanar u l-allokazzjoni tal-kapaċità, kif ukoll interoperabbiltà sħiħa tal-għodod diġitali; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni għall-integrazzjoni aħjar tat-traffiku ferrovjarju transfruntier fit-traffiku nazzjonali u, għalhekk, għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità ferrovjarja kemm għall-ferroviji tal-passiġġieri kif ukoll għal dawk tal-merkanzija; |
|
50. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' allokazzjoni aktar effiċjenti tal-binarji transfruntiera; |
Ipprezzar xieraq għall-aċċess għall-binarji
|
51. |
Jilqa' l-pjanijiet li jmiss tal-Kummissjoni li tippubblika linji gwida għall-istabbiliment ta' tariffi għall-aċċess għall-binarji u li tinkoraġġixxi tariffi mnaqqsa għall-aċċess għall-binarji fuq l-istabbiliment ta' servizzi transfruntiera, kif ukoll it-trasparenza fil-kalkolu tagħhom; |
|
52. |
Itenni l-importanza tat-tariffi għall-aċċess għall-binarji bħala fattur deċiżiv li jinfluwenza s-suq ferrovjarju; jistieden lill-Kummissjoni tissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet għal tariffi ddedikati għall-infrastruttura għall-ferroviji ta' billejl fil-Linji Gwida li jmiss; |
|
53. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit ipprezzar ġust u xieraq tal-aċċess għall-binarji għall-operaturi kollha, filwaqt li jiġi ggarantit it-trattament ugwali għall-operaturi eżistenti u għal dawk li jidħlu ġodda u jiġi żgurat li n-networks tal-infrastruttura jiġu ffinanzjati b'mod adegwat; |
|
54. |
Jenfasizza li t-tariffi għall-aċċess għall-binarji huma fluss ta' dħul rilevanti għall-maniġers tal-infrastruttura u jfakkar li kalkolu wieħed għat-tariffi tal-binarji huwa bbażat fuq l-iskarsezza kkawżata min-nuqqas ta' biżżejjed kapaċità infrastrutturali (19); |
Ħruġ ta' biljetti faċli għall-utenti u aċċess għas-sistema ferrovjarja
|
55. |
Jirrikonoxxi li biex is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal isiru aktar attraenti jeħtieġu:
|
|
56. |
Jitlob li l-biljetti ferrovjarji jindikaw b'mod ċar l-informazzjoni dwar l-impronta tas-CO2 tal-vjaġġ ibbukkjat li diġà jkun disponibbli pubblikament (pereżempju minn siti web bħal EcoPassenger) sabiex tkompli titħeġġeġ il-bidla modali permezz ta' ppjanar tal-mobbiltà infurmat tajjeb; |
|
57. |
Jistenna bil-ħerqa l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' mobbiltà diġitali multimodali (MDMS) bl-għan li jittejbu aktar l-aċċess, id-disponibbiltà u l-iskambju tad-data dwar l-ivvjaġġar, u li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ġusti biż-żewġ prinċipji li jkunu essenzjali għall-parteċipanti kollha fis-suq; jenfasizza l-ħtieġa tal-kooperazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-biljetti, tistabbilixxi kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-iskambju ta' data permezz ta' formati li jinqraw minn magna abbażi ta' standards miftuħa, permezz ta' interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) b'dispożizzjonijiet speċifiċi għal disturbi u/jew kanċellazzjonijiet tas-servizz; |
|
58. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati prezzijiet tal-biljetti ġusti, faċilment aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u vantaġġużi għall-kategoriji kollha tal-passiġġieri, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, kif ukoll l-aċċessibbiltà għall-pjattaformi u l-fornituri tal-biljetti, b'mod partikolari għall-passiġġieri anzjani kif ukoll għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; |
|
59. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv bi stadji importanti ċari ta' implimentazzjoni biex jikseb aċċess aktar faċli għall-konnessjonijiet multimodali, ibbażat fuq soluzzjonijiet interoperabbli li huma adattati għall-iskop tagħhom; |
|
60. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-konformità mar-Regolament il-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji; |
Kundizzjonijiet ekwi ma' modi oħra ta' trasport
|
61. |
Iqis li għandhom jiġu esplorati t-toroq possibbli kollha biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma' modi oħra ta' trasport; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tivvaluta eżenzjoni mill-VAT fl-UE kollha għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali u r-reviżjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; |
|
62. |
Jisħaq li għandha tkun disponibbli informazzjoni trasparenti għall-passiġġieri biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli, u li l-inizjattiva “CountEmission EU” tista' tgħin biex jiġi stabbilit qafas għat-tqabbil tal-emissjonijiet; |
|
63. |
Jistieden lill-Istati Membri jottimizzaw l-użu ta' fondi pubbliċi biex itejbu t-trasport pubbliku, eż. is-servizz ferrovjarju, li jista' jġorr volumi kbar ta' passiġġieri biex jissodisfa d-domanda dejjem tikber għat-trasport; |
Obbligi ta' servizz pubbliku għall-promozzjoni ta' trasport kollettiv sostenibbli transfruntier u/jew multimodali
|
64. |
Jenfasizza r-rwol vitali li għandu t-trasport ferrovjarju biex it-trasport jibqa' jiffunzjona anke fi kriżijiet billi jakkomoda influssi enormi ta' passiġġieri fi żmien qasir; |
|
65. |
Jenfasizza li l-kuntratti ta' servizz pubbliku, marbuta ma' titjib ċar ta' qafas tas-suq nondiskriminatorju għas-servizzi mmexxija kummerċjalment, jista' jkollhom rwol kruċjali biex jippromwovu l-kontinwità tas-servizzi transfruntiera għaċ-ċittadini Ewropej u jtejbu l-konnessjonijiet ma' destinazzjonijiet interessanti, bħal destinazzjonijiet turistiċi u storiċi, billi jipprovdu servizzi ferrovjarji li jgħinu biex iżommu network ferrovjarju dens, regolari, affidabbli u ta' kwalità, inkluż lejn destinazzjonijiet inqas attraenti; |
|
66. |
Jemmen li l-obbligi ta' servizz pubbliku marbuta ma' qafas tas-suq imtejjeb u ġust jistgħu jippromwovu l-użu tal-ferroviji, inkluż fit-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal, b'mod partikolari fil-każ ta' fallimenti tas-suq f'rotot transfruntiera, b'mod partikolari r-rotot tal-aħħar mil, forsi flimkien ma' segmenti oħra tan-network li jħallu l-qligħ; |
Għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ
|
67. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsostnu l-momentum tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021 fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, billi jħeġġu liż-żgħażagħ jivvjaġġaw bil-ferrovija u jqajmulhom l-interess f'professjonijiet fis-settur ferrovjarju, li qed jiffaċċja nuqqas ta' ħiliet minħabba l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni billi jiġu żgurati livelli ta' salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati; |
|
68. |
Jemmen li network ferrovjarju ta' veloċità għolja Ewropew uniku huwa importanti biex iġib in-nies flimkien, speċjalment liż-żgħażagħ; isostni li l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi se jtejjeb il-koeżjoni fl-Ewropa; |
|
69. |
Jilqa' l-inizjattivi ppjanati tal-Kummissjoni li jiffaċilitaw il-forniment ta' servizzi ferrovjarji transfruntiera ta' billejl, u barra minn hekk iħeġġeġ lill-impriżi ferrovjarji biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tal-ferroviji ta' billejl; |
o
o o
|
70. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.
(2) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.
(3) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 258, 20.7.2021, p. 1.
(5) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 47.
(7) ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1.
(8) ĠU L 172, 17.5.2021, p. 1.
(9) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, EU transport in figures: statistical pocketbook 2021 (It-trasport tal-UE f'ċifri: ktejjeb tal-istatistika 2021), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021.
(10) https://www.eurocontrol.int/press-release/european-aviation-facing-serious-capacity-challenges-now-and-future
(11) https://www.eurocontrol.int/sites/default/files/2020-01/eurocontrol-nm-user-forum-2020-airport-perspective-schiphol.pdf
(12) https://www.eca.europa.eu/lists/ecadocuments/ap19_07/ap_urban_mobility_en.pdf
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640).
(14) L-ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta' Interoperabbiltà (TSIs) jiddefinixxu l-istandards tekniċi u operattivi biex jiżguraw l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea. It-TSI għas-subsistema tal-applikazzjonijiet telematiċi (TAP) tikkonċerna applikazzjonijiet għal servizzi tal-passiġġieri, inklużi sistemi li jipprovdu lill-passiġġieri b'informazzjoni qabel u matul il-vjaġġ, għal sistemi ta' prenotazzjoni u ta' pagament, il-ġestjoni tal-bagalji u l-ġestjoni tal-konnessjonijiet bejn il-ferroviji u ma' modi oħra ta' trasport
(15) Skeda informattiva dwar il-Komunità tal-Kumpaniji u l-Infrastruttura Ferrovjarja Ewropea (CER) “A TEN-T to make modal shift and the European Green Deal a reality” (TEN-T biex nagħmlu l-bidla modali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew realtà) Brussell, Diċembru 2021.
(16) Ibid.
(17) Medeiros, E. et al., “Boosting cross-border regions through better cross-border transport services. The European case,” (L-għoti ta' spinta lir-reġjuni transfruntiera permezz ta' servizzi tat-trasport transfruntiera aħjar) Case Studies on Transport Policy (Studji tal-Każijiet dwar il-Politika tat-Trasport), 9 (2021), Marzu 2021.
(18) Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(19) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, “Long-distance cross-border passenger rail services” (Servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera fuq distanza twila): rapport finali, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021.