Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DP0016

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Elena Yoncheva (2019/2155(IMM))

    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 307–309 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 342, 6.9.2022, p. 271–273 (GA)

    6.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/307


    P9_TA(2022)0016

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Elena Yoncheva

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Elena Yoncheva (2019/2155(IMM))

    (2022/C 342/24)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Elena Yoncheva, tat-18 ta' Ottubru 2019 imressqa mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija għall-finijiet tat-tkomplija ta' proċediment kriminali kontra s-Sa Yoncheva fir-Repubblika tal-Bulgarija għal reat previst fil-Kodiċi Kriminali, u mħabbra fis-seduta plenarja fil-25 ta' Novembru 2019,

    wara li sema' lil Elena Yoncheva, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

    wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013, fid-19 ta' Diċembru 2019 u fis-17 ta' Settembru 2020 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 69 u 70 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-Artikolu 138 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u l-Proċedura tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija (2),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0014/2022),

    A.

    billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (3);

    B.

    billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Elena Yoncheva b'rabta ma' inkjesta għal reat previst fl-Artikolu 253(5) flimkien mal-paragrafu 1 tal-Kodiċi Kriminali (ħasil tal-flus);

    C.

    billi, fil-31 ta' Awwissu 2018, inbdiet proċedura ta' investigazzjoni f'dan ir-rigward taħt ir-responsabbiltà tal-Unità tal-Investigazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, abbażi tal-Artikolu 212(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali; billi nfetħet inkjesta u billi, b'deċiżjoni tal-11 ta' Jannar 2019, Elena Yoncheva ġiet akkużata b'reat previst fl-Artikolu 253(5) tal-Kodiċi Kriminali;

    D.

    billi l-fatti imputati lilha allegatament twettqu bejn l-2010 u l-2018, fil-forma ta' tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa bl-użu ta' fondi allegatament miżapproprjati minn bank kummerċjali; billi dak iż-żmien Elena Yoncheva kienet taħdem bħala ġurnalista u mbagħad bħala deputata tal-Parlament Nazzjonali Bulgaru;

    E.

    billi Elena Yoncheva ġiet eletta fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet tas-26 ta' Mejju 2019; billi fit-30 ta' Settembru 2019, b'deċiżjoni tal-prosekutur responsabbli għall-uffiċċju tal-prosekutur speċjalizzat, il-proċediment kriminali kontra Elena Yoncheva ġie sospiż sakemm il-Parlament Ewropew ma jkun iddeċieda dwar it-tneħħija tal-immunità tagħha;

    F.

    billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija bagħat it-talba għat-tneħħija tal-immunità fit-18 ta' Ottubru 2019;

    G.

    billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet jew voti mitfugħa minn Elena Yoncheva fil-qadi ta' dmirijietha f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

    H.

    billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

    I.

    billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

    J.

    billi, f'dan il-każ, Elena Yoncheva tallega li hija vittma ta' fumus persecutionis, jiġifieri “element konkreti” (4) li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tagħha u b'mod partikolari lill-attività tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

    K.

    billi jirriżulta mill-ġurisdprudenza tal-QĠUE li l-Parlament jiddisponi minn “setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li [għandu] intenzjoni jagħti lid-deċiżjoni fir-rigward ta' talba għat-tneħħija tal-immunità […] minħabba n-natura politika li għandha tali deċiżjoni” (5);

    L.

    billi Elena Yoncheva hija membru tal-Kumitat LIBE, fejn titkellem regolarment kontra l-awtoritajiet politiċi ta' pajjiżha; billi, b'mod partikolari, hija kienet parti mid-delegazzjoni parlamentari li żaret il-Bulgarija fit-23 u l-24 ta' Settembru 2021 bħala parti mill-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f'dan il-pajjiz;

    M.

    billi l-proċedura ta' investigazzjoni nfetħet kontriha biss fil-31 ta' Awwissu 2018, jiġifieri fi żmien meta l-impenn politiku tagħha kien magħruf sew, filwaqt li l-ksur imputat lilha beda fl-2010, u ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni konvinċenti għal tali dewmien fit-teħid ta' azzjoni;

    N.

    billi dan il-proċediment ġudizzjarju nbeda insegwitu ta' sinjalazzjoni minn żewġ deputati, jiġifieri minn żewġ avversarji politiċi ta' Elena Yoncheva;

    O.

    billi Elena Yoncheva ddenunzjat in-nuqqas ta' investigazzjoni dwar il-korruzzjoni f'livell għoli ta' pajjiżha bħala ġurnalista investigattiva u mbagħad bħala deputata tal-parlament nazzjonali, u tkompli tiddenunzja dan bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

    P.

    billi l-Unjoni tal-Ġurnalisti Bulgari qieset pubblikament f'Jannar 2019 li l-prosekuzzjoni kontra Elena Yoncheva kienet marbuta mal-investigazzjonijiet tagħha u kienet tikkostitwixxi tentattiv biex tiġi attakkata l-libertà tal-espressjoni ta' opponent politiku;

    Q.

    billi fit-28 ta' Settembru 2021 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem aċċettat l-ammissibbiltà tal-azzjoni mressqa minn Elena Yoncheva kontra l-Bulgarija fir-rigward ta' din il-prosekuzzjoni, abbażi tal-Artikolu 6(2) (preżunzjoni tal-innoċenza), l-Artikolu 13 (id-dritt għal rimedju effettiv) u l-Artikolu 18 (nuqqas ta' għan għar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    R.

    billi l-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jiżvela li konverżazzjoni telefonika dwar il-ftuħ ta' proċediment kriminali kontra Elena Yoncheva ġiet ippubblikata fit-12 ta' Ġunju 2020 minn diversi mezzi tal-midja elettroniċi Bulgari, u billi perizja mehmuża mal-proċess tqis li waħda mill-vuċijiet hija dik tal-Prim Ministru Bulgaru;

    S.

    billi l-konkordanza u l-gravità straordinarja ta' dawn l-elementi konkreti jqajmu tħassib serju li l-intenzjoni tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Elena Yoncheva, u b'mod partikolari l-attività tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u l-fatt li l-prosekuzzjoni seħħet qabel l-elezzjoni mhuwiex biżżejjed biex jelimina tali tħassib fil-każ inkwistjoni;

    T.

    billi għalhekk jidher li dan huwa każ fejn tista' tiġi preżunta l-eżistenza ta' fumus persecutionis;

    1.

    Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Elena Yoncheva;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Bulgari u lil Elena Yoncheva.

    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2020, Troszczynski, C-12/19.

    (2)  Testi adottati ta' din id-data, P9_TA(2020)0264.

    (3)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.

    (4)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2020, Troszczynski, C-12/19, punt 26.

    (5)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch, T346/11 u T347/11, ECLI:EU:T:2013:23, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.


    Top