Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0723

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE

    COM/2022/723 final

    Brussell, 8.12.2022

    COM(2022) 723 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE

    1.INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament (UE) 2017/1369 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE ġie adottat fl-4 ta’ Lulju 2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2017. Dan iħassar id-Direttiva 2010/30/UE dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija.

    It-tikkettar tal-enerġija ta’ prodotti relatati mal-enerġija jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati abbażi ta’ indikazzjonijiet ċari dwar l-effiċjenza enerġetika u fuq informazzjoni supplimentari importanti oħra tal-prodotti. It-tikkettar tal-enerġija jagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija, u fl-istess ħin jippromwovi l-innovazzjoni u l-investimenti fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti aktar effiċjenti fl-enerġija. Permezz tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti relatati fil-livell tal-Unjoni, it-tikkettar tal-enerġija tal-UE huwa ta’ benefiċċju wkoll għall-manifatturi, għall-industrija u għall-ekonomija tal-Unjoni b’mod ġenerali. Flimkien mar-rekwiżiti minimi tal-ekodisinn, huwa stmat li fl-2022 biss, dawn ir-regoli ffrankaw nefqa tal-konsumaturi tal-enerġija tal-UE ta’ aktar minn EUR 250 biljun 2 .

    Skont l-Artikolu 11 (is-subparagrafi 4 u 5) tar-Regolament (UE) 2017/1369, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tirriklassifika t-tikketti u tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati relatati mat-tikketti tal-enerġija għal gruppi ta’ prodotti speċifiċi skont l-Artikolu 16 tiegħu. L-Artikolu 17 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu inizjali ta’ sitt snin mill-1 ta’ Awwissu 2017 u jipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tiegħu.

    2.BAŻI ĠURIDIKA

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ sitt snin mill-1 ta’ Awwissu 2017 u l-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mill-inqas disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin. Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa dak ir-rekwiżit.

    L-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369 jistabbilixxi wkoll li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 17(3) jistipula li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

    3.1. Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni

    Fl-ispirtu tal-ftuħ u t-trasparenza, matul it-tħejjija tal-atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni kkonsultat esperti nnominati mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan sar permezz ta’ laqgħat regolari apposta ta’ esperti u permezz ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub. L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jinnominaw esperti biex jipparteċipaw f’dawn il-konsultazzjonijiet. Il-Parlament Ewropew ukoll ġie mistieden jipparteċipa. Id-dokumenti rilevanti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt, kif previst fil-Fehim Komuni dwar l-atti delegati. Matul it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-konsultazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat regolarment lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti tal-industrija dwar il-progress li sar bl-abbozzi tal-atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament.

    3.2. Atti delegati adottati

    Matul il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha, billi adottat l-atti delegati li ġejjin. It-tabella ta’ hawn taħt turi liema atti fihom il-miżuri speċifiċi adottati skont is-setgħat mogħtija rilevanti fir-Regolament (UE) 2017/1369.

    Att Delegat

    Setgħat mogħtija fir-Regolament 2017/1369

    1.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/543 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jikkoreġi l-verżjoni bl-Ispanjol tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 812/2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta’ ħiters tal-ilma, tankijiet tal-misħun u pakketti magħmulin minn ħiter tal-ilma u minn apparat solari

    Artikolu 16

    2.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2013 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol it-tikkettar tal-enerġija tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010

    L-Artikolu 11(5) u l-Artikolu 16

    3.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2014 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE

    Artikolu 16

    4.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2015 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tas-sorsi tad-dawl u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012

    Artikolu 11(5) u Artikolu 16(1)

    5.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2016 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1060/2010

    Artikolu 11(5) u Artikolu 16(1)

    6.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2017 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010

    L-Artikolu 11(5) u l-Artikolu 16

    7.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2018 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett

    L-Artikoli 11 u 16

    8.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/987 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jikkoreġi ċerti verżjonijiet tal-lingwa tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1254/2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta’ ventilazzjoni residenzjali

    Artikolu 16

    9.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1059 tas-27 ta’ April 2020 li jikkoreġi xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1059/2010, (UE) Nru 1060/2010, (UE) Nru 1061/2010, (UE) Nru 1062/2010, (UE) Nru 626/2011, (UE) Nru 392/2012 u (UE) Nru 874/2012 fir-rigward tat-tikkettar ta’ ċerti prodotti relatati mal-enerġija

    Artikolu 16

    10.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/340 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2013, (UE) 2019/2014, (UE) 2019/2015, (UE) 2019/2016, (UE) 2019/2017 u (UE) 2019/2018 fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi, tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, tas-sorsi tad-dawl, tal-apparat refriġeranti, tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u ta’ apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett

    L-Artikolu 11(5) u l-Artikolu 16

    3.3. Oġġezzjoni għall-atti delegati

    Skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) 2017/1369, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika, li jistgħu jiġu estiżi bi tliet xhur oħra. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat f’dan il-perjodu, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal ebda wieħed mill-atti delegati msemmija hawn fuq.

    3.4. Ħtieġa għall-estensjoni tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati

    Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022–2024, li ġie adottat fit-30 ta’ Marzu 2022 3 , f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1369, jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-ħidma fis-snin li ġejjin b’rabta mat-tikkettar tal-enerġija ta’ prodotti relatati mal-enerġija, inklużi diversi rieżamijiet ta’ atti delegati eżistenti u lista indikattiva ta’ gruppi ta’ prodotti ġodda relatati mal-enerġija li għandhom jiġu studjati. Dan jikkonkludi li t-tikkettar tal-enerġija jagħtu kontribut vitali u li qed jikber għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u għall-konsumaturi li qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija li l-kontijiet tagħhom kieku kienu jkunu ferm ogħla.

    Il-maġġoranza l-kbira tal-atti delegati mħabbra fil-Pjan ta’ Ħidma mhux se jkunu lesti għall-adozzjoni sa tmiem il-perjodu attwali ta’ sitt snin fl-1 ta’ Awwissu 2023. Barra minn hekk, anki lil hinn mill-perjodu kopert mill-Pjan ta’ Ħidma, l-għoti tas-setgħa biex jiġu adottati jew emendati atti delegati se jibqa’ jkun meħtieġ sabiex jippermetti l-flessibbiltà neċessarja fl-implimentazzjoni tar-regoli u biex dawn jiġu aġġustati skont l-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija. Barra minn hekk, l-għoti tas-setgħa jippermetti lill-Kummissjoni taġixxi f’oqsma oħra fejn għadha ma għamlitx dan, iżda li jista’ jkun meħtieġ li jiġu indirizzati fil-futur.

    3.KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni tqis li eżerċitat is-setgħat delegati tagħha fi ħdan il-kompetenza tal-mandat mogħti lilha bir-Regolament (UE) Nru 2017/1369.

    Minħabba r-rwol siewi li jista’ jkollu t-tikkettar tal-enerġija biex jgħin lill-konsumaturi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom, ir-rekwiżit fl-atti eżistenti dwar it-tikkettar tal-enerġija għal rieżamijiet regolari, kif ukoll il-lista ta’ prodotti relatati mal-enerġija fil-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022–2024 li jistgħu jkunu jeħtieġu tikkettar tal-enerġija, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa ċara għal estensjoni taċita tad-delegi tas-setgħa previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369 għal perjodu ta’ sitt snin.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

    (1)

         Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1–23.

    (2)

     COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT Accompanying the document COMMUNICATION FROM THE COMMISSION Ecodesign and Energy Labelling Working Plan 2022-2024   EUR-Lex - 52022SC0101 - EN - EUR-Lex (europa.eu)  

    (3)

         Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024 2022/C 182/01 C/2022/2026, ĠU C 182, 4.5.2022, p. 1–12; EUR-Lex - 52022XC0504(01) - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

    Top