Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0524

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà skont l-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818

COM/2022/524 final

Brussell, 13.10.2022

COM(2022) 524 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà skont l-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818


1.Introduzzjoni

L-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni, li tirfed l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, hija essenzjali għat-tisħiħ tal-effettività u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi, u għall-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra u għall-faċilitazzjoni tal-identifikazzjoni ta’ persuni mhux magħrufa.

Fil-11 ta’ Ġunju 2019 daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà 1 . Huma jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni 2 u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Interoperabbiltà 3 . 

Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà fil-21 ta’ Awwissu 2020 4 u t-tieni rapport fl-10 ta’ Novembru 2021 5 . Dan it-tielet rapport ikopri l-perjodu bejn il-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ progress preċedenti f’Novembru 2021 u t-tħejjija ta’ dan ir-rapport f’Lulju 2022.

Dan it-tielet rapport wasal fi żmien kritiku għall-proġett ta’ interoperabbiltà. Il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà tkompli tagħmel progress madwar l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u l-aġenziji tal-UE b’pass differenti. Xi Stati Membri jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fit-tħejjija tagħhom għall-arkitettura l-ġdida tal-IT għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom, marbuta ma’ dewmien nazzjonali fl-akkwist pubbliku, kwistjonijiet kuntrattwali, disponibbiltà insuffiċjenti ta’ għarfien espert u riżorsi umani meħtieġa, fost l-oħrajn.

Minħabba dewmien fit-twassil tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) fil-livell ċentrali, ġiet ikkonfermata skeda ta’ żmien riveduta għas-sistemi l-ġodda tal-IT mill-Ministri fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fil-11 ta’ Lulju 2022. Skont l-iskeda ta’ żmien il-ġdida, l-implimentazzjoni tas-sistemi l-ġodda kollha relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni (SIS, EES u ETIAS) se tiġi ffinalizzata sa tmiem l-2023 f’konformità mal-objettiv politiku ġenerali, filwaqt li l-komponenti tal-interoperabbiltà se jiġu żviluppati matul l-2023 u jenħtieġ li jibdew joperaw progressivament mhux aktar tard minn Ġunju 2024.

Bħala sforz konġunt l-Interoperabbiltà tirrikjedi li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu b’mod koordinat peress li d-dewmien f’parti waħda tas-sistema jaffettwa lil kulħadd. Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib u tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jintlaħaq l-għan importanti tal-interoperabbiltà fiż-żmien miftiehem.

2.Il-qagħda attwali

Il-ħidma għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà u l-interoperabbiltà tagħhom għadha għaddejja. Il-Kummissjoni żammet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew infurmati mill-qrib dwar il-progress miksub permezz ta’ rappurtar annwali u permezz tal-proċedimenti tal-Kumitati u l-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal fora rilevanti għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri, bħall-Forum biannwali dwar l-Interoperabbiltà. Is-sitwazzjoni attwali ġiet diskussa kontinwament ukoll fil-livell tekniku u politiku, inkluż fil-korpi rilevanti tal-Kunsill bħall-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni tal-ĠAI (IXIM), il-Coreper kif ukoll il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni.

·Sistemi tal-IT u l-interoperabbiltà tagħhom

F’Novembru 2022, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) se tiġġedded b’allerti ġodda, data aġġornata u funzjonalitajiet imtejba. In-novitajiet fis-SIS se jtejbu s-sistema billi jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli, itejbu l-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, jiġġieldu l-kriminalità u jissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini.

Bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-EES f’Mejju 2023, ġew adottati l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni kollha meħtieġa 6 . L-implimentazzjoni tas-sistema qed tidħol fl-istadji finali tal-iżvilupp u tal-ittestjar kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak nazzjonali. Fid-dawl tal-isfidi fl-eżekuzzjoni u t-twassil f’waqthom tal-EES fil-livell ċentrali, l-eu-LISA u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom f’diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-konsorzju li qed jiżviluppaw l-EES biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ aktar dewmien. Biex tittaffa l-pressjoni fuq punti ta’ qsim tal-fruntieri diġà ċċarġjati, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-possibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri, wara d-dħul fis-seħħ tal-EES, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, joħolqu temporanjament ċertu porzjon ta’ fajls tal-EES mingħajr data bijometrika.

Fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), għaddejjin attivitajiet ta’ implimentazzjoni għal dħul fis-seħħ sa nofs Novembru 2023. L-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati kollha meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistema ġew adottati jew laħqu verżjoni stabbli. L-atti li jifdal jinsabu wkoll fl-istadji finali tal-adozzjoni. Qed jitħejjew kampanja ta’ komunikazzjoni estensiva kif ukoll sit web tal-ETIAS iddedikat biex jiġi żgurat li l-vjaġġaturi lejn l-Ewropa jiġu infurmati b’mod adegwat dwar ir-rekwiżiti l-ġodda fil-ħin.

L-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) miexi ‘l quddiem biex jibda jopera f’nofs Novembru 2023 f’konformità mal-aħħar deċiżjoni tal-Kunsill ĠAI. Fir-rigward tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), għaddejja ħidma fil-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għall-iżvilupp tal-VIS riveduta, anke fil-kuntest tal-qafas usa’ tal-interoperabbiltà. 

Qed isiru sforzi sostanzjali fl-Istati Membri fil-ħidma preparatorja għad-dħul fis-seħħ tal-komponenti tal-Interoperabbiltà

·Leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni dwar l-Interoperabbiltà

Ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà jipprovdu li jenħtieġ li tiġi adottata leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni sabiex tissupplimenta u timplimenta ċerti aspetti tekniċi dettaljati tar-Regolamenti. Uħud minn dawn l-atti huma meħtieġa biex jippermettu b’mod sħiħ lil eu-LISA tibda d-disinn u l-iżvilupp tagħha tal-komponenti fil-kuntest tal-arkitettura ġenerali tas-sistema, speċjalment minħabba li din teħtieġ id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u t-tħejjija ta’ proċeduri ta’ akkwist sabiex taħdem mal-kuntratturi. Huma meħtieġa atti oħra biex jiġu stabbiliti regoli tekniċi biex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni fuq il-post mill-awtoritajiet rilevanti, pereżempju permezz tal-użu ta’ formoli standard u l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni biex jiġu indirizzati inċidenti ta’ sigurtà.

Sa mill-aħħar rapport, il-Kummissjoni kompliet tiddiskuti sensiela ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati meħtieġa għall-iżvilupp tal-komponenti tal-interoperabbiltà, fil-kumitati u fil-gruppi ta’ esperti rilevanti. Sal-lum, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-atti ġew adottati f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE kif previst fil-proċeduri applikabbli 7 . B’kollox, il-Kummissjoni adottat 3 atti delegati u 9 atti ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw mir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà dwar il-kwistjonijiet ta’: proċeduri tekniċi u tweġibiet mill-portal Ewropew tat-tfittxija (ESP) (l-Artikolu 9.7), il-prestazzjoni tas-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku (l-Artikolu 13.5), il-formoli meħtieġa fil-każ ta’ link ħamra (l-Artikolu 32.5) u ta’ link bajda (l-Artikolu 33.6), il-kwalità tad-data (l-Artikolu 37.4), il-proċeduri ta’ kooperazzjoni f’każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà (l-Artikolu 43.5), dwar l-operat tal-portal web (l-Artikolu 49.6) u dwar soluzzjoni teknika għall-ġestjoni tat-talbiet għal aċċess għall-utenti tal-infurzar tal-liġi (l-Artikolu 78.10) 8 . Tlieta mill-atti diġà adottati qed jiġu riveduti sabiex jiġu inkorporati l-emendi li jirriżultaw mir-Regolament il-ġdid dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-emendi konsegwenzjali għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS): l-atti dwar ir-regoli tekniċi għall-ħolqien ta’ links bejn data minn sistemi ta’ informazzjoni differenti tal-UE (l-Artikolu 28.7) u għall-profili tal-utenti tal-ESP (l-Artikolu 8.2) u l-att dwar ir-Repożitorju Ċentrali għar-Rappurtar u l-Istatistika (l-Artikolu 39.5). L-att delegat dwar il-proċeduri biex jiġu ddeterminati l-każijiet li fihom id-data tal-identità tista’ titqies li hija l-istess jew simili (l-Artikolu 28.5) ġie oġġezzjonat mill-Parlament Ewropew f’Jannar 2022. Il-Kummissjoni rrevediet l-att sabiex tindirizza t-tħassib tal-Parlament Ewropew kif ukoll biex tinkorpora emendi li jirriżultaw mir-Regolament il-ġdid dwar il-VIS u emendi konsegwenzjali għall-ETIAS. Il-proċess ta’ tħejjija inkluda l-konsultazzjoni dovuta tas-Sottogrupp tal-Interoperabbiltà tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni għall-Fruntieri u s-Sigurtà, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni adottat l-att rivedut dwar l-istess data jew data simili f’Lulju 2022.

Għad irid jiġi adottat att wieħed – l-att ta’ implimentazzjoni dwar il-format universali tal-messaġġ (UMF) (l-Artikolu 38.3). Dan l-att għaddej minn proċedura ta’ adozzjoni fi ħdan il-Kummissjoni fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport.

3.Il-qagħda tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni

Il-Kummissjoni kompliet torganizza fuq bażi regolari laqgħat mal-Istati Membri biex tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fuq skala kbira. Mill-aħħar rapport ta’ progress f’Novembru 2021, il-Kummissjoni organizzat tmien Gruppi ta’ Esperti dwar l-Interoperabbiltà u tliet laqgħat tal-Kumitat dwar l-Interoperabbiltà biex jiddiskutu l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li fadal għall-adozzjoni u r-reviżjoni kif ukoll biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ Manwal dwar l-Interoperabbiltà għall-utenti finali.

Fl-2020, il-Kummissjoni stabbiliet Proċess ta’ Twissija Rapida (RAP-IT) għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-użu tas-sistemi tal-IT fil-qasam tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja, u l-interoperabbiltà tagħhom. RAP-IT tuża mezzi u mekkaniżmi eżistenti biex timmonitorja kontinwament l-implimentazzjoni tal-Istati Membri sabiex tipprovdi feedback u appoġġ. Sa mill-ħolqien tal-RAP-IT, il-Kummissjoni għamlet użu minnu għall-monitoraġġ u l-ġbir ta’ informazzjoni.

Fl-2022, il-Kummissjoni organizzat, bl-appoġġ ta’ eu-LISA, laqgħat bilaterali ma’ aktar minn erbatax-il Stat Membru, Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u aġenziji tal-UE sabiex issegwi l-progress, tidentifika oqsma ta’ tħassib potenzjali u tiżgura li s-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jkunu lesti biex jibdew joperaw u l-interoperabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, bl-appoġġ tal-eu-LISA, il-Kummissjoni organizzat skambji trilaterali regolari ma’ dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-proġett ta’ interoperabbiltà sabiex tipprovdi appoġġ għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet pendenti.

F’April 2022, il-Kummissjoni organizzat is-seba’ Forum dwar l-Interoperabbiltà biex tiddiskuti l-progress u l-isfidi pendenti fl-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Skont il-prattika tas-soltu, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u lill-Aġenziji tal-UE dwar il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ kwestjonarji mmirati u ppreżentat lill-parteċipanti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà mill-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE. Id-diskussjonijiet immirati kienu dwar kemm l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE kienu lesti biex jibdew joperaw is-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira tal-UE, il-progress miksub u l-isfidi pendenti għall-implimentazzjoni f’waqtha, inkluż fir-rigward tal-ittestjar, il-kuntratti u l-finanzjament.

L-iskambji ta’ informazzjoni fil-Forum urew progress sostanzjali ġenerali tal-Istati Membri f’għadd ta’ oqsma ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom. Id-diskussjonijiet indikaw progress viżibbli ġenerali fit-tħejjija tad-dħul fis-seħħ għar-riformulazzjoni tas-SIS b’fiduċja ġenerali mill-Istati Membri u l-eu-LISA li se jintlaħaq l-istadju importanti għall-bidu tal-operazzjonijiet. L-iskambji mal-Istati Membri enfasizzaw xi sfidi kritiċi li għandhom jiġu indirizzati bi tħejjija għall-EES, inkluż dewmien mill-kuntrattur tal-eu-LISA, konsegwenzi għall-ittestjar fil-livell nazzjonali u tħejjija fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li kienu fit-triq it-tajba għall-bidu tal-operat tal-ETIAS u l-ħidma fuq il-VIS għadha għaddejja bl-għan li s-sistema tkun fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri u lill-eu-LISA biex iġibu kwalunkwe riskju serju ta’ dewmien lill-korpi ta’ ġestjoni u l-livell politiku rispettivi sabiex iqisu bis-sħiħ kwalunkwe riskju pendenti fid-dawl tal-ippjanar, il-governanza u l-iskedi ta’ żmien miftiehma politikament għall-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT. Abbażi tal-progress deskritt u l-isfidi pendenti mressqa mill-Istati Membri u l-eu-LISA, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni kkonferma l-bidliet fl-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2022.

4.Ħtiġijiet ta’ taħriġ

Taħriġ ikkoordinat ċentralment fil-livell tal-UE huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-użu korretti u effiċjenti tal-interoperabbiltà. Ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà jagħtu l-kompitu lill-eu-LISA biex tipprovdi taħriġ dwar l-użu tekniku tal-komponenti tal-interoperabbiltà u tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni jipprovdu programmi ta’ taħriġ dwar is-sigurtà tad-data, il-kwalità tad-data, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, il-proċeduri applikabbli għall-ipproċessar tad-data 9 .

Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa lill-aġenziji tal-Istati Membri u tal-UE fir-rigward tat-taħriġ, inkluż billi pprovdiet materjal u informazzjoni rilevanti dwar l-użu tal-qafas tal-interoperabbiltà u l-komponenti f’laqgħat iddedikati. Il-Kummissjoni tipparteċipa u tappoġġa regolarment b’mod partikolari s-CEPOL fil-proċess tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ u tat taħriġ fir-rigward tal-qafas tal-interoperabbiltà. B’mod partikolari, il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma taċ-Ċentru tal-Għarfien il-ġdid tas-CEPOL dwar il-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, l-Iskambju ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà (CKC INT), inkluż billi taħtar esperti għall-flussi ta’ ħidma rilevanti.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll żewġ workshops tematiċi dwar l-Interoperabbiltà b’enfasi fuq diversi proċessi tan-negozju biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà.

5.Fondi tal-UE

Id-dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għaż-żewġ Regolamenti li jistabbilixxu qafas għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni indikat li l-proposta teħtieġ baġit totali ta’ EUR 461 miljun matul il-perjodu 2019-2027. Dan l-ammont jinkludi baġit rilevanti għall-Istati Membri (EUR 136.3 miljun) għall-adattament tas-sistemi nazzjonali tagħhom u t-taħriġ għall-utenti finali, għall-Aġenzija EBCG (EUR 4.8 miljun) għal tim speċjalizzat biex jappoġġa l-perjodu tranżitorju tal-MID, għall-Europol (EUR 48.9 miljun) għall-aġġornament meħtieġ tas-sistemi tal-IT tal-aġenziji, għas-CEPOL (EUR 2.0 miljun) għat-taħriġ tal-persunal operazzjonali u għall-eu-LISA (EUR 261.3 miljun) għall-kostijiet tal-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-komponenti tal-interoperabbiltà kif ukoll għall-attivitajiet relatati mal-migrazzjoni tad-data, l-aġġornament, in-network, it-taħriġ u l-laqgħat 10 . In-nefqiet kurrenti huma inqas mill-ammonti stmati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva u sal-lum ma ġie identifikat l-ebda riskju ta’ nfiq żejjed.

F’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, l-impatt fuq in-nefqa operazzjonali għall-eu-LISA għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà huwa stmat għal EUR 45.2 miljun għas-sena 2021 u EUR 57.9 miljun fl-2022 11 . Skont il-5 Rapport ta’ Progress dwar l-Interoperabbiltà tal-eu-LISA, sal-11 ta’ Novembru 2021, l-ammont ta’ EUR 5.1 miljun intuża biex jiġu kkuntrattati l-attivitajiet meħtieġa ta’ żvilupp u implimentazzjoni bil-kuntratt tal-iżvilupp li ġie ffirmat f’Diċembru 2021. L-Aġenzija tirrapporta li l-pjanijiet għall-impenji baġitarji fl-2021 ġew affettwati b’mod negattiv, fost l-oħrajn, mill-pandemija tal-COVID-19 li affettwat l-attivitajiet ta’ akkwist u ta’ kuntrattar. B’riżultat ta’ dan, l-eu-LISA kellha tqassar it-tul ta’ żmien ta’ xi wħud mill-attivitajiet ippjanati u żżid l-għadd ta’ attivitajiet paralleli 12 .

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-programmi tal-Fond għas-Sigurtà Interna tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jagħtu prijorità taħt il-programmi l-ġodda tal-Fondi għall-Affarijiet Interni għall-2021-2027, b’mod partikolari l-programm tal-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI), l-azzjonijiet għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waqqfet Azzjoni Speċifika taħt il-BMVI li tagħmel disponibbli baġit ta’ EUR 31.75 miljun biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-implimentazzjoni tal-qafas legali tal-interoperabbiltà. B’mod speċifiku, il-fondi taħt din l-azzjoni speċifika jistgħu jintużaw għal attivitajiet bħall-adattament tal-proċessi tan-negozju nazzjonali, manwali u manwali nazzjonali, taħriġ tal-utenti finali, fost l-oħrajn. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri applikaw għal dan il-finanzjament speċifiku fl-2022 – 21 minn 26 Stat Membru eliġibbli 13 . 

6.Konklużjoni

L-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà hija essenzjali għall-Unjoni Ewropea biex tagħmel is-sistema Ewropea tal-ġestjoni tal-fruntieri adatta għall-iskop tagħha u kapaċi tikkontribwixxi għal kontroll aktar robust tal-flussi migratorji u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu u reati serji oħra.

Abbażi tal-iskeda ta’ żmien riveduta approvata politikament, is-sistemi tal-IT ġodda kollha relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni se jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2023 f’konformità mal-objettiv politiku ġenerali. Fir-rigward tal-komponenti tal-interoperabbiltà, id-dewmien wara tmiem l-2023 jenħtieġ li jitnaqqas għall-minimu bl-għan li dawn jitwettqu qabel Ġunju 2024.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress u tivvaluta r-riskji għall-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà u l-interoperabbiltà tagħhom. Hija se tkompli tinvolvi ruħha regolarment mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż fil-qafas tal-RAP-IT, sabiex tikkoordina u timmonitorja l-azzjonijiet, tidentifika oqsma ta’ tħassib potenzjali u tnaqqas ir-riskji minimi relatati mal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà u tappoġġa l-implimentazzjoni f’waqtha u effiċjenti tal-inizjattiva fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien maqbula politikament.

(1)

     Ir-Regolamenti (UE) 2019/817 u 2019/818.

(2)

    Skont it-termini tal-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq il-kostijiet globali, kif previst fir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà. Għandhom jiġu ppreżentati rapporti dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tal-interoperabbiltà mill-Kummissjoni kull sena sakemm id-dati tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-komponenti tal-interoperabbiltà jiġu ddeterminati permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2019/818.

(3)

     F’konformità mal-Artikolu 74.2 tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, l-eu-LISA ħarġet rapporti ta’ progress regolari dwar l-iżvilupp tal-interoperabbiltà: 2019-307, 2020-148, 2020-373, 2021-155 u 2021-390 REV2

(4)

      COM(2020) 428 final.

(5)

      COM(2021) 688 final.

(6)

     Fil-livell tal-Kummissjoni qed jitħejja att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli dwar funzjonalità għall-ġestjoni ċentralizzata ta’ listi ta’ awtoritajiet kemm għas-Sistemi ta’ Dħul/Ħruġ kif ukoll għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

(7)

     Skont l-Artikolu 290.2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, att delegat jista’ jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu stabbilit mill-att leġislattiv.

(8)

     Minħabba l-preżenza ta’ żewġ Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, kellhom jiġu adottati żewġ settijiet ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni b’kontenut simili. Għalhekk, l-għadd totali ta’ atti adottati huwa doppju.

(9)

     L-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2019/817, l-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2019/818.

(10)

     COM(2018) 478 final.

(11)

     COM(2018) 478 final.

(12)

   eu-LISA, il-5 Rapport ta’ Progress dwar l-Interoperabbiltà 2021-390 REV2.

(13)

     Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni speċifika jinkludi l-Istati Membri kollha fiż-Żona Schengen li joperaw fruntieri esterni. Dan jeskludi l-Irlanda u l-Liechtenstein, iżda jinkludi l-pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.

Top