IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.9.2022
COM(2022) 481 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
DWAR L-OPERAT TAD-DIRETTIVA DWAR IT-TRASPARENZA FIS-SUQ UNIKU MILL-2016 SAL-2020
{SWD(2022) 297 final}
Werrej
INTRODUZZJONI
1.
Żviluppi bejn l-2016 u l-2020
1.1.
Titjib fil-proċedura ta’ notifika
1.2.
Użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “regolamentazzjoni aħjar” u ta' rikonoxximent reċiproku
2.
Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika
2.1
Effettività: ħarsa ġenerali
2.2
Użu tal-proċedura ta’ urġenza
2.3
Notifika ta’ miżuri “fiskali jew finanzjarji”
2.4
Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni
2.5
Segwitu għall-proċedura ta’ notifika
2.6
Skambji strutturati mal-Istati Membri, mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA, mal-Iżvizzera u mat-Turkija
2.7
Trasparenza
3.
Konklużjoni
Sommarju eżekuttiv
Dan ir-rapport huwa abbozzat u ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 (id-“Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku”). Dan janalizza r-riżultati tal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-pedamenti tas-suq uniku mill-2016 sal-2020: il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Ir-rapport jenfasizza l-kontribut importanti tal-proċedura ta’ notifika għall-funzjonament tas-suq uniku u għall-implimentazzjoni tal-linji gwida u tas-sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar, kif ukoll ir-rwol ċentrali tagħha matul il-pandemija tal-COVID-19.
In-notifikazzjoni tal-Kummissjoni tar-regolamenti tekniċi nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom issoktat tkun għodda importanti biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ, bl-għan li jiġu evitati. Baqgħet tkun mezz ta’ komunikazzjoni tajjeb biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fost l-Istati Membri nfushom. Dan huwa partikolarment importanti fiċ-ċirkostanzi kritiċi u li qatt ma rajna qabel bħal dawk tul il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, ir-regolamenti tekniċi huma nnotifikati lill-Kummissjoni u t-testi finali tal-miżuri notifikati huma tradotti fi 23 lingwa uffiċjali tal-UE.
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tirrikjedi li l-Kummissjoni ssegwi u timmonitorja n-notifiki kollha li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri li għandhom l-ogħla impatt fuq is-suq uniku.
INTRODUZZJONI
Bħala “ mutur biex tinbena ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u ġusta ”, is-suq uniku huwa parti ewlenija mis-sitt prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2019-2024. Is-suq uniku tejjeb il-prosperità u l-opportunitajiet għan-negozji u għall-pubbliku fl-Ewropa. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb jistimula l-kompetizzjoni u l-kummerċ, itejjeb l-effiċjenza, iżid il-kwalità u jgħin biex jitnaqqsu l-prezzijiet għan-negozji u għall-konsumaturi.
Bħala parti mill-pakkett il-ġdid tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2020 dwar l-istrateġija industrijali, ġew adottati komunikazzjoni dwar l-ostakli u pjan ta’ azzjoni dwar l-infurzar tas-suq uniku biex ikomplu jtejbu l-kompetittività u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-kumpaniji ta’ kull daqs fil-ktajjen tal-valur tal-UE u dawk globali. L-Azzjoni 10 tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar fis-suq uniku tirreferi għad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. F’dak il-kuntest, “f’konformità mal-approċċ iktar strateġiku għall-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku se tissejjes fuq erba’ assi:
(I)l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi marbutin mal-prodotti u mas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni;
(II)il-Kummissjoni se tagħti segwitu għan-notifiki kollha li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regolamenti mal-liġijiet tal-UE;
(III)hija u tfassal l-azzjonijiet ta’ segwitu tagħha, il-Kummissjoni se tagħti każ b’mod partikulari l-miżuri li jkollhom l-ikbar impatt fuq is-suq uniku;
(IV)il-Kummissjoni se timmonitorja l-leġiżlazzjoni li tkun wasslet għal reazzjoni min-naħa tagħha fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u li, jekk ma tiġix aġġustata kif xieraq, jaf twassal għal proċedimenti ta’ ksur”.
Il-Kummissjoni tiffoka b’mod ċar fuq il-prevenzjoni u l-infurzar fir-rigward tal-każijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq is-suq uniku b’mod ekonomiku jew b’xi mod ieħor.
Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku għandha l-għan li tipprevjeni l-ħolqien ta’ ostakli ġodda fis-suq uniku billi tiffoka fuq it-trasparenza, id-djalogu, il-prevenzjoni u r-regolamentazzjoni aħjar. L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq l-istess livell mal-Kummissjoni f’din il-proċedura. Il-partijiet ikkonċernati għandhom aċċess kemm għar-regolamenti tekniċi nazzjonali li qed jitħejjew kif ukoll għat-testi finali tal-miżuri notifikati, tradotti fi 23 lingwa uffiċjali tal-UE. Għalhekk, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jantiċipaw il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ u jevitaw piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u li jiswew ħafna flus li jaffettwaw in-negozju tagħhom.
Il-proċedura ta’ notifika għar-regolamenti tekniċi nazzjonali fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw, qabel l-adozzjoni tagħhom, ir-regolamenti tekniċi li kwalunkwe Stat Membru jkollu l-ħsieb li jintroduċi għall-prodotti (industrijali, agrikoli u tas-sajd) u għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (ara l-Anness 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport). Il-proċedura tapplika b’mod simplifikat għall-istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għall-Iżvizzera, u għat-Turkija (ara l-Anness 4).
Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku għandha wkoll rwol ewlieni fil-laqgħat ta’ djalogu dwar l-“għarfien tal-pajjiżi” mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati. Tali laqgħat huma parti mill-isforzi tal-istrateġija tas-suq uniku biex tiġi żgurata kultura ta’ konformità u infurzar intelliġenti. Il-Kummissjoni tqis dawn il-laqgħat bħala opportunità għal djalogu biex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. F’dan il-kuntest, id-djalogu skont id-Direttiva, flimkien ma’ indikaturi oħra, jippermetti lill-Kummissjoni biex tidentifika aħjar is-setturi problematiċi u l-problemi strutturali fl-Istati Membri.
Dan ir-rapport, li ġie abbozzat u ppreżentat f’konformità mad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, huwa stampa tal-operat tiegħu mill-2016 sal-2020, kemm minn lat kwalitattiv kif ukoll minn lat kwantitattiv.
Fl-2020, il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku kellha rwol kruċjali fil-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u kkontribwiet għal approċċ koordinat għall-kriżi tas-saħħa madwar l-UE. Il-firxa tal-virus ikkawżat it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista globali. Matul il-pandemija, l-integrità tas-suq uniku u, b’mod aktar ġenerali, il-preservazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni li jiżguraw il-provvisti meħtieġa għas-sistemi tas-saħħa tagħna, ġew ipperikolati. Id-Direttiva pprovdiet qafas li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat.
1.Żviluppi bejn l-2016 u l-2020
Fil-perjodu ta’ ħames snin ta’ bejn l-2016 u l-2020 waslu 3 553 notifika (ara l-Anness 3.1), li jindika li d-djalogu li sar fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku wera livell tajjeb ta’ parteċipazzjoni mill-Istati Membri, li ħarġu 243 opinjoni dettaljata u 475 kumment (ara l-Anness 3.6). Dan kien akkumpanjat minn reazzjonijiet frekwenti mill-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tekniċi notifikati, b’mod partikolari 212-il opinjoni dettaljata u 816-il kumment maħruġa mill-Kummissjoni (ara l-Anness 3.4). L-ogħla għadd ta’ reazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE kienu jikkonċernaw l-agrikoltura, is-sajd u l-oġġetti tal-ikel u l-prodotti għall-bini.
L-introduzzjoni ta’ għodod ġodda tal-IT matul il-perjodu referenzjarju, kif deskritt fil-paragrafi ta’ hawn taħt, iffaċilitat il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fil-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku.
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) xeħtet dawl fuq xi kwistjonijiet interpretattivi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Dawn kienu jinkludu d-definizzjoni ta’ regolamenti tekniċi, il-klassifikazzjoni ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ġodda f’setturi emerġenti relatati ma’ mudelli ta’ ekonomija kollaborattiva, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fir-rigward tal-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u l-penali għan-nuqqas ta’ notifika.
1.1.Titjib fil-proċedura ta’ notifika
Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku huwa li tinforma lill-operaturi ekonomiċi, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji, qabel ir-regolamenti tekniċi ppjanati qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jsemmgħu leħinhom u jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-ħin għal regolamenti tekniċi futuri. L-għadd għoli ta’ kontributi dwar in-notifiki mibgħuta mill-partijiet ikkonċernati juri li dan id-dritt ta’ skrutinju jiġi eżerċitat b’mod estensiv u qed jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jidentifikaw ostakli għall-kummerċ.
Fi sforz li dejjem jevolvi favur it-trasparenza u l-effiċjenza, fl-2015 il-Kummissjoni ħadmet biex tiżviluppa funzjonalità ġdida fuq is-sit web tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi (TRIS). Din il-funzjoni ġiet implimentata fl-2016 u tippermetti lil kwalunkwe persuna li tuża s-sit web tat-TRIS biex tippreżenta kontributi dwar kwalunkwe notifika matul il-perjodu ta’ waqfien previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 1 618-il kontribut permezz ta’ din il-funzjoni (144 fl-2016, 421 fl-2017, 175 fl-2018, 281 fl-2019 u 597 fl-2020).
1.2.Użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “regolamentazzjoni aħjar” u ta' rikonoxximent reċiproku
Fil-Komunikazzjoni tagħha Regolamentazzjoni aħjar għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE, il-Kummissjoni enfasizzat li l-mekkaniżmu ta’ kontroll preventiv stabbilit bid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tar-regolamenti nazzjonali dwar il-prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-kuntest tal-proċedura ta’ notifika għandha l-għan li tiżgura qafas regolatorju aktar ċar għall-operaturi ekonomiċi.
Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tikkontribwixxi wkoll għal rikonoxximent reċiproku aħjar. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-Artikoli 34 sa 36 tat-TFUE, jiżgura l-aċċess għas-suq għall-merkanzija li ma tkunx, jew li tkun biss parzjalment, soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE. Dan jiggarantixxi li kwalunkwe oġġett kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru wieħed jista’, fil-prinċipju, jinbiegħ fi Stat Membru ieħor. Il-valutazzjoni tar-regolamenti nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom tgħin biex jiġi mminimizzat ir-riskju li dawn ir-regoli joħolqu ostakli regolatorji mhux ġustifikati għall-kummerċ, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan għaliex il-Kummissjoni tista’: (i) tikkoreġi t-test tal-klawżoli tas-suq uniku fl-abbozzi nnotifikati mill-Istati Membri skont il-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku; u (ii) tirrakkomanda li l-Istati Membri jdaħħlu l-klawżola dwar is-suq uniku fl-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali notifikati meta din ma tkunx fl-abbozzi notifikati.
2.Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika
2.1Effettività: ħarsa ġenerali
► Volum ta’ notifiki u setturi involuti
Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 3 553 notifika (700 fl-2016, 676 fl-2017, 666 fl-2018, 657 fl-2019 u 854 fl-2020).
Ġew osservati differenzi kbar fl-għadd ta’ notifiki fost l-Istati Membri, billi xi wħud wettqu bħala medja aktar minn 50 notifika fis-sena, u oħrajn innotifikaw inqas minn 10 fis-sena (ara l-Anness 3.2). Filwaqt li din id-diskrepanza tista’ tiġi spjegata parzjalment b’referenza għall-mod kif l-organizzazzjoni tal-Istat hija strutturata f’pajjiżi differenti (eż. il-preżenza ta’ awtoritajiet reġjonali/lokali b’setgħat regolatorji), minħabba nuqqas ta’ għarfien jew minħabba grad ogħla/aktar baxx ta’ attività regolatorja, din id-diskrepanza wiesgħa qajmet dubji dwar jekk kienx hemm konformità sħiħa mal-obbligi ta’ notifika. L-analiżi wriet li fl-2017, fl-2018 u fl-2019 kważi l-Istati Membri kollha ma nnotifikawx u lanqas ma nnotifikaw mill-ġdid abbozzi ta’ regolamenti tekniċi. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri kellhom għadd relattivament baxx ta’ abbozzi mhux notifikati, daqs 10 fis-sena jew inqas.
Fl-Anness 3.2 (Tabella 1) tista’ tiġi osservata korrelazzjoni bejn id-daqs tal-Istati Membri u l-għadd ta’ notifiki, bl-akbar Stati Membri li, b’mod ġenerali, innotifikaw aktar minn dawk ta’ daqs medju u żgħir. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat minn għadd akbar ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali li għandhom obbligu li jinnotifikaw l-abbozzi tagħhom ta’ regolamenti tekniċi. Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ: pereżempju, f’xi każijiet, l-Istati Membri ta’ daqs medju nnotifikaw aktar minn ċerti Stati Membri akbar, u Stati Membri akbar bi struttura ċentralizzata nnotifikaw aktar minn Stati Membri bi struttura deċentralizzata.
Bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, l-ogħla għadd ta’ notifiki matul l-2016-2020 kienu jikkonċernaw is-settur tal-kostruzzjoni, segwit min-notifiki fil-qasam tal-prodotti agrikoli, is-sajd, l-akkwakultura u oġġetti oħra tal-ikel.
Saru wkoll bosta notifiki fil-qasam tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-setturi ambjentali u tas-sustanzi kimiċi (l-aktar dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, il-prodotti tal-plastik, il-fertilizzanti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glifosat jew in-neonikotinojdi, l-istandards tal-emissjonijiet, il-prodotti kożmetiċi li fihom il-mikroplastiċi) u t-trasport (eż. dwar vetturi elettriċi, tagħmir speċjali għall-vetturi tal-passiġġieri u t-taxis, vetturi għal fuq il-borra, scooters elettriċi, vapuri u opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, droni) (ara l-Anness 3.3).
► Kwistjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni fir-reazzjonijiet tagħha
Fl-oqsma mhux armonizzati, jiġifieri dawk li fihom il-miżuri nazzjonali fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, huma soġġetti għall-konformità mal-Artikoli 34 sa 36 (il-moviment liberu tal-merkanzija) u 49 u 56 (id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi marbuta mas-soċjetà tal-informazzjoni) tat-TFUE, ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu maħsuba biex jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati Membri għal ostakli potenzjali għall-kummerċ mhux ġustifikati wara li jivvalutaw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Meta l-miżuri nazzjonali kienu jaqgħu, f’parti minnhom jew fl-intier tagħhom, taħt oqsma armonizzati, ir-reazzjonijiet kienu maħsuba biex jiżguraw li l-miżuri nazzjonali jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.
·Fl-2016-2020, l-Istati Membri nnotifikaw 765 abbozz ta’ regolamenti tekniċi fil-qasam tal-kostruzzjoni (131 fl-2016, 181 fl-2017, 139 fl-2018, 158 fl-2019 u 156 fl-2020). Dawn l-abbozzi kienu jikkonċernaw it-tipi kollha ta’ prodotti għall-bini, fosthom, strutturi ta’ pontijiet u strutturi tat-toroq tal-konkrit, kisi għall-bjut mżerżqa tal-bini, tagħmir għat-tifi tan-nar u għas-salvataġġ, iżolament termali, materjali sintetiċi tal-mili, strutturi tal-konkrit, installazzjonijiet elettriċi fuq l-istrutturi tal-konkrit u ġewwa fihom u materjali metalliċi li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi jew testijiet addizzjonali għal prodotti għall-bini li jostakolaw il-moviment liberu ta’ prodotti li jkunu ttikkettati bil-marka CE. L-abbozzi notifikati ġew eżaminati prinċipalment skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini.
Il-Kummissjoni eżaminat abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-installazzjoni ta’ fran taż-żejt fossili u fran tal-gass naturali f’bini ġdid għajr meta l-fran taż-żejt u tal-gass jużaw biss l-enerġija rinnovabbli. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttiva 2009/142/KE rigward tagħmir li juża l-gass (GAD) u d-Direttiva 92/42/KEE dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi.
Ir-regolamenti tekniċi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini ġew ivvalutati skont id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.
Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ komunikazzjoni tal-awtostradi. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttivi 1999/5/KE, 2006/95/KE u 2004/108/KE.
·Dwar il-prodotti agrikoli, is-sajd, l-akkwakultura u oġġetti oħra tal-ikel, mill-2016 sal-2020 l-Istati Membri nnotifikaw 693 abbozz ta’ regolamenti tekniċi (145 fl-2016, 106 fl-2017, 146 fl-2018, 161 fl-2019 u 135 fl-2020). L-oqsma koperti minn dawn l-abbozzi kienu jinkludu, pereżempju, il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel, max-xorb enerġetiku, ix-xaħmijiet trans fil-prodotti tal-ikel, l-inbid u x-xorb spirituż, il-marki tal-kwalità għall-oġġetti tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-fer.
Ċerti Stati Membri nnotifikaw l-abbozzi ta’ regolamenti li stabbilew marki li jorbtu l-kwalità ta’ prodott mal-oriġini tiegħu. Dawn in-notifiki ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u merkanzija tal-ikel.
Matul il-perjodu rilevanti, il-Kummissjoni eżaminat notifiki dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel u ħarġet opinjonijiet dettaljati u kummenti dwar il-konformità tagħhom mar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, u mar-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman.
Notifiki oħra kienu jikkonċernaw it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel. Il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tagħhom mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet nutrizzjonali, jew dispożizzjonijiet oħra speċifiċi għas-setturi dwar l-informazzjoni tal-konsumatur.
·Fis-settur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-Istati Membri nnotifikaw 255 miżura (58 fl-2016, 43 fl-2017, 34 fl-2018, 57 fl-2019 u 63 fl-2020), bil-biċċa l-kbira tan-notifiki li kienu jikkonċernaw l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li jaffettwaw il-kummerċ elettroniku, il-media soċjali u l-operaturi tal-pjattaformi online, in-newtralità tan-network u l-pluraliżmu tal-media, l-aħbarijiet foloz u d-diskors ta’ mibegħda online, kif ukoll regoli oħra dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE (“id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku”)
u regoli relatati mas-servizzi tal-media awdjoviżiva li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1808 (id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva)
.
Inħarġu reazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri notifikati li jikkonċernaw regoli dwar servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 910/2014 (ir-“Regolament eIDAS”) u l-fluss liberu ta’ data mhux personali kif regolat skont ir-Regolament (UE) 2018/1807. Kien hemm ukoll notifiki dwar il-privatezza tad-data diġitali, iċ-ċibersigurtà, iż-żamma tad-data, il-fatturazzjoni elettronika, id-drittijiet tal-awtur, it-telekomunikazzjoni u l-komunikazzjoni elettronika (inkluż il-5 G), internet aktar sikur għat-tfal, il-kotba elettroniċi, il-logħob tal-azzard online u f’diversi każijiet marbuta, b’mod espliċitu jew f’termini anċillari, mal-moviment liberu tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment (l-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE, kif ukoll id-Direttiva dwar is-Servizzi), mad-drittijiet tal-konsumatur skont id-Direttiva 2011/83/UE, mal-protezzjoni ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, u mal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ intrapriża kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
·Fis-settur tas-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni rċeviet 167 notifika (32 fl-2016, 32 fl-2017, 28 fl-2018, 27 fl-2019 u 48 fl-2020), rigward oqsma bħall-prodotti bijoċidali, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”)
, li ġew eżaminati prinċipalment skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
u skont ir-REACH.
·Fis-settur ambjentali, il-Kummissjoni eżaminat 206 abbozzi ta’ miżuri (55 fl-2016, 39 fl-2017, 28 fl-2018, 33 fl-2019 u 51 fl-2020). Xi abbozzi notifikati kienu jikkonċernaw l-iskart mill-imballaġġ u l-prodotti tal-plastik mhux riutilizzabbli u qajmu problemi ta’ kompatibbiltà mad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ
(pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti għall-projbizzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief) u d-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (pereżempju fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ “plastik”).
Il-proċedura ta’ notifika ppermettiet ukoll lill-Kummissjoni li tintervjeni f’setturi fejn l-armonizzazzjoni kienet prevista jew għadha għaddejja fil-livell tal-UE u, għalhekk, l-Istati Membri ma setgħux jintroduċu miżuri nazzjonali diverġenti. Skont l-Artikoli 6(3) u 6(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri notifikanti biex jipposponu l-adozzjoni tal-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi notifikati bi 12-il xahar mid-data tan-notifika, fl-oqsma tal-produzzjoni organika tal-pjanti, tal-annimali u l-prodotti tal-akkwakultura u tal-oġġetti tal-ikel (in-notifika 2018/190/BG), tal-produzzjoni organika tal-laħam tal-fniek (in-notifika 2018/219/E), tas-summien tas-simna organiċi (in-notifika 2018/666/F) u prodotti tal-plastik mhux riutilizzabbli (in-notifiki 2018/665/B u 2019/9/UK).
► Eżempji pożittivi li juru l-impatt tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku
Matul il-perjodu ta’ rapportar, id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku wriet li kienet effettiva f’bosta każijiet hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali abbozzaw mill-ġdid l-abbozzi notifikati skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jew irtirawhom. Każ partikolari kien in-notifika dwar abbozz ta’ digriet li jobbliga lis-sewwieqa tal-karozzi li jirrisjedu fl-Italja u li jittrasportaw magħhom tfal taħt l-erba’ snin biex jużaw apparat ta’ allarm speċifiku ta’ twissija għas-sits tal-karozzi tat-tfal li jipprevjenu lill-minorenni milli jitħallew fil-vettura. Fl-opinjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni indikat li diversi rekwiżiti tal-abbozz notifikat kienu f’kunflitt mar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-UE u mal-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikoli 34-36 tat-TFUE). Dan kien minħabba n-nuqqas ta’ evidenza: (i) għall-proporzjonalità tar-rekwiżit li jikkonċerna l-proċedura ta’ approvazzjoni minn qabel għal apparat ta’ allarm ta’ twissija għas-sits tal-karozzi tat-tfal mmanifatturati legalment fi Stati Membri oħra; u (ii) għall-obbligu li dan l-apparat jiġi mgħammar b’sistema ta’ komunikazzjoni awtomatika biex jintbagħtu messaġġi jew telefonati permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni mobbli bla fili għal mill-inqas tliet numri tat-telefon differenti. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-“proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel” li tobbliga lill-“korpi akkreditati” japplikaw għar-rikonoxximent mad-Direttorat Ġenerali Taljan għall-Vetturi bil-Mutur tista’ tkun f’kunflitt mal-prinċipju tal-provvista libera ta’ servizzi fl-Unjoni (l-Artikolu 56 tat-TFUE). L-awtoritajiet Taljani abbozzaw mill-ġdid id-digriet propost skont ir-rimarki tal-Kummissjoni, filwaqt li żguraw li l-abbozz ta’ miżura notifikata jista’ jilħaq l-objettiv tas-sikurezza tat-tfal.
Bl-istess mod, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet diversi notifiki dwar il-karatteristiċi u t-tagħmir speċifiku ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (droni). Fir-reazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni fakkret fil-proċess ta’ armonizzazzjoni li għaddej fil-livell tal-UE u stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jikkooperaw biex jistabbilixxu qafas regolatorju tal-UE applikabbli għall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ biex jiżgura livell għoli ta’ sikurezza fir-rigward tal-operat ta’ tali inġenji tal-ajru u jagħmilha possibbli li jiġu ġestiti ir-riskji assoċjati relatati mas-sikurezza, mal-protezzjoni tal-privatezza u mad-data personali. L-Istati Membri kkonċernati kkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, kif espressi fil-kummenti u fl-opinjonijiet dettaljati, jew irtiraw l-abbozzi notifikati.
Fl-2020, fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, xi Stati Membri adottaw jew ħejjew miżuri nazzjonali li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ tagħmir protettiv personali bħal nuċċalijiet protettivi, maskri tal-wiċċ, ingwanti, overalls u lbies kirurġiċi, u l-moviment liberu tal-mediċini. Dawn il-miżuri rriskjaw li jipprevjenu tali merkanzija essenzjali milli tilħaq lil dawk li kienu jeħtiġuha l-aktar, b’mod partikolari l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, it-timijiet ta’ intervent fuq il-post u l-pazjenti f’żoni milquta madwar l-Ewropa kollha. Dawn ħolqu effetti domino, filwaqt li l-Istati Membri ħadu miżuri biex itaffu l-impatt tal-miżuri meħuda minn Stati Membri oħra. F’perjodu qasir ta’ żmien, ir-restrizzjonijiet infirxu għal firxa dejjem akbar ta’ prodotti, li bdew minn tagħmir protettiv personali u ġew estiżi aktar riċentement għall-mediċini. Tali miżuri fixklu l-ktajjen tal-loġistika u tad-distribuzzjoni u ħeġġew ir-rispons għall-kumulazzjoni ta’ riżerva fil-katina tal-provvista. Fl-aħħar mill-aħħar, tali miżuri reġgħu introduċew il-fruntieri interni fi żmien meta is-solidarjetà bejn l-Istati Membri kienet l-aktar meħtieġa. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jinnotifikaw tali miżuri permezz tal-mekkaniżmu tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u pprovdiet gwida dwar kif dan għandu jsir. Il-miżuri nnotifikati lill-Kummissjoni ġew ivvalutati bħala kwistjoni ta’ prijorità għolja u l-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fil-korrezzjoni ta’ dawk il-miżuri li setgħu fixklu l-moviment liberu tal-prodotti essenzjali fis-suq uniku. L-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19 uriet ir-rilevanza tal-proċeduri tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, li jinkludu l-proċedura ta’ urġenza (ara l-paragrafu 2.2), filwaqt li offriet wkoll lezzjonijiet utli biex fil-ġejjieni jiġu indirizzati l-effetti negattivi tas-suq uniku kkaġunati mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Meta l-miżuri huma notifikati wara l-adozzjoni tagħhom, kif kien il-każ għal madwar 150 notifika relatata mal-COVID-19 fl-2020, il-mekkaniżmu ta’ notifika offrut mid-Direttiva kien ifisser li l-informazzjoni u l-benefiċċji tar-rieżami bejn il-pari xorta setgħu jiġi sfruttati tul il-kriżi permezz tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni TRIS, fejn l-Istati Membri setgħu jsiru midħla tal-miżuri tal-COVID adottati mill-Istati Membri l-oħra.
► Ħafna mill-ostakli komuni indirizzati
Wieħed mill-iskopijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku huwa li jiġu identifikati oqsma fejn jirriżultaw ostakli rikorrenti għall-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u, b’riżultat ta’ dan, biex tiġi identifikata l-ħtieġa li jsir intervent b’miżuri ta’ armonizzazzjoni mmirati biex jiżguraw funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Fil-perjodu analizzat, il-Kummissjoni identifikat diversi ostakli rikorrenti fl-abbozzi ta’ miżuri notifikati. Dawn kienu jinkludu n-nuqqas ta’ klawżola tas-suq uniku, dispożizzjonijiet qarrieqa u mhux ċari li setgħu ġew interpretati u applikati bħala restrizzjonijiet tas-suq jew ripetizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-UE, il-kwistjoni ta’ standards obbligatorji, u metodi ta’ ttestjar addizzjonali.
► Reazzjonijiet
Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tippermetti biex isir skambju formali u strutturat ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u fost l-Istati Membri, meta jiġu vvalutati l-abbozzi notifikati. L-intensità ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni hija murija mill-għadd għoli ta’ reazzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għan-notifiki u mit-tweġibiet tal-Istati Membri notifikanti u mill-iskambju sussegwenti ta’ messaġġi (ara l-Annessi 3.4, 3.5, 3.6 u 3.8). Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jipprovdi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jaċċertaw il-grad ta’ kompatibbiltà tal-abbozzi notifikati mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Matul il-perjodu ta’ rapportar il-Kummissjoni ltaqgħet regolarment fil-livell ta’ esperti ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri biex tiċċara kwistjonijiet pendenti, fejn kien meħtieġ, u talbet informazzjoni supplimentari mill-Istati Membri biex jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tekniċi notifikati.
Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni ħarġet 212-il opinjoni dettaljata (60 fl-2016, 34 fl-2017, 40 fl-2018, 38 fl-2019 u 40 fl-2020), li jirrappreżentaw 5,9 % tal-għadd totali ta’ abbozzi notifikati mill-Istati Membri matul il-perjodu ta’ rapportar. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri ppubblikaw 243 opinjoni dettaljata (78 fl-2016, 44 fl-2017, 38 fl-2018, 30 fl-2019 u 53 fl-2020). Mill-1 291 kumment maħruġ matul il-perjodu ta’ rapportar, 816 saru mill-Kummissjoni (154 fl-2016, 189 fl-2017, 184 fl-2018, 155 fl-2019 u 134 fl-2020) u 475 mill-Istati Membri (118 fl-2016, 74 fl-2017, 77 fl-2018, 64 fl-2019 u 142 fl-2020) (ara l-Annessi 3.4 u 3.6). F’ħames każijiet, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jipposponu l-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi notifikati għal sena mid-data ta’ meta waslu, minħabba li tħabbret ħidma ta’ armonizzazzjoni tal-UE jew li kienet għaddejja fil-qasam kopert mill-abbozzi notifikati (ara l-Anness 3.5).
Meta wieħed iħares skont is-settur lejn l-għadd ta’ reazzjonijiet (kummenti, opinjonijiet dettaljati u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi posposta l-adozzjoni ta’ abbozz) maħruġa minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni fil-perjodu ta’ rapportar, nistgħu niksbu aktar għarfien dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-djalogu xprunat min-notifiki u dwar l-interessi speċifiċi ta’ ċerti Stati Membri li r-reazzjonijiet tagħhom huma aktar ikkonċentrati f’setturi speċifiċi (ara l-Anness 3.6, it-Tabella 6). L-Italja, Spanja, l-Awstrija u l-Polonja huma fost l-aktar Stati Membri attivi. L-analiżi tar-reazzjonijiet għal kull Stat Membru u skont is-settur turi li l-Awstrija, Spanja u l-Italja għandhom interess partikolari fis-settur tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-oġġetti tal-ikel. Il-biċċa l-kbira tar-reazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni jikkonċernaw is-settur tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura.
Bis-saħħa tal-aċċess għan-notifiki kollha u għall-messaġġi skambjati fi ħdan id-djalogi, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku biex jisiltu mill-ideat tas-sħab tagħhom. Dawn jistgħu jintużaw biex jiġu solvuti problemi komuni fir-rigward tar-regolamenti tekniċi u biex jiġi mifhum meta abbozz ta’ regolament tekniku jista’ jkun qed jikser id-dritt tal-Unjoni.
2.2Użu tal-proċedura ta’ urġenza
L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tivvaluta l-proposta tagħhom biex jinvokaw il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku jekk, sabiex jirrispondu għal sitwazzjoni urġenti jkunu obbligati jadottaw regolamenti tekniċi minnufih u ma jkollhomx żmien biex jistennew il-perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur biex jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minn qabel. Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat ir-raġunijiet imqajma mill-Istat Membru kkonċernat, taċċetta l-proċedura ta’ urġenza, il-perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur ma japplikax u l-miżura tista’ tiġi adottata minnufih. Normalment, il-Kummissjoni tieħu bosta ġranet xogħol wara n-notifika sabiex tiddeċiedi jekk taċċettax ir-raġunijiet ippreżentati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk tħallihx jadotta r-regolamenti tekniċi minnufih.
Minn total ta’ 3 553 notifika, l-Istati Membri għamlu 346 talba biex japplikaw il-proċedura ta’ urġenza għall-abbozzi notifikati (51 fl-2016, 34 fl-2017, 35 fl-2018, 39 fl-2019 u 187 fl-2020). L-użu tal-proċedura ta’ urġenza ġie rrifjutat għal każijiet li fihom il-ġustifikazzjoni ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjenti jew fejn kienet ibbażata fuq raġunijiet purament ekonomiċi jew ta’ dewmien amministrattiv nazzjonali, kif ukoll f’każijiet li għalihom ma kienet seħħet l-ebda ċirkustanza imprevedibbli. Il-proċedura ta’ urġenza tqieset iġġustifikata f’283 każ (41 fl-2016, 28 fl-2017, 21 fl-2018, 29 fl-2019 u 164 fl-2020). Dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw b’mod partikolari s-sustanzi psikotropiċi, il-kontroll tan-narkotiċi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-armi tan-nar, l-infezzjoni tan-naħal, il-prodotti bijoċidali, il-projbizzjoni ta’ prodotti li huma ta’ ħsara għas-saħħa, l-oġġetti pirotekniċi, il-mediċini (mediċini/sustanzi kritiċi meħtieġa għat-trattament tal-pazjenti tal-COVID-19), it-tagħmir protettiv, il-maskri, l-apparat mediku u l-apparat mediku in vitro, id-diżinfettanti u l-alkoħol meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom (ara l-Anness 3.7).
2.3Notifika ta’ miżuri “fiskali jew finanzjarji”
Skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jipprovdu notifika tal-“miżuri fiskali u finanzjarji”, jiġifieri r-regolamenti tekniċi li huma marbuta ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jħeġġu l-konformità ma’ tali regolamenti tekniċi. Il-pekuljarità ta’ tali miżuri hija li l-perjodu ta’ waqfien ma japplikax (l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku).
Matul il-perjodu 2016-2020, l-Istati Membri nnotifikaw 149 abbozz ta’ miżuri bħala “miżuri fiskali jew finanzjarji” (44 fl-2016, 48 fl-2017, 26 fl-2018, 31 fl-2019 u 45 fl-2020).
2.4Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jirrapportaw dwar l-azzjoni li jipproponu li jieħdu bħala tweġiba għal opinjoni dettaljata.
Mill-2016 sal-2020, il-proporzjon bejn l-għadd ta’ tweġibiet mill-Istati Membri għal opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni u l-volum tal-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni kien sodisfaċenti, iżda kellu lok għal aktar titjib (medja ta’ 87 % matul il-perjodu). It-tweġibiet sodisfaċenti mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw medja ta’ 45 % tat-tweġibiet (ara l-Anness 3.8).
Fil-perjodu meqjus, l-Istati Membri rtiraw 217-il abbozz ta’ regolamenti tekniċi. Fi 30 każ (4 fl-2016, 13 fl-2017, 9 fl-2018, 2 fl-2019 u 2 fl-2020) l-irtirar segwa l-adozzjoni ta’ opinjoni dettaljata maħruġa mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet għal dan l-irtirar jinkludu: (i) l-introduzzjoni mill-Istat Membru notifikanti ta’ bidliet sostanzjali fl-abbozz ta’ regolament tekniku, li kienu jeħtieġu notifika ġdida (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva); u (ii) id-deċiżjoni sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali li ma jibqgħux għaddejjin bl-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku. Għal abbozzi ta’ regolamenti tekniċi notifikati oħra d-djalogu għadu għaddej.
2.5Segwitu għall-proċedura ta’ notifika
Għal dawk il-każijiet li fihom il-ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni dwar is-suq intern ma tneħħiex kompletament permezz tal-proċedura ta’ notifika, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet ulterjuri (eż. dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, is-sigaretti elettroniċi, it-tabakk). Il-Kummissjoni wettqet ukoll investigazzjonijiet dwar l-allegat ksur mill-Istati Membri tal-obbligu ta’ notifika, pereżempju, fir-rigward tar-regoli dwar it-tassimetri, il-fliexken tal-ħġieġ għall-inbid u għax-xorb spirituż, it-tagħmir tar-reklamar, l-iskart, il-logħob tal-azzard, il-magni tal-logħob, l-emissjonijiet ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, il-prodotti tal-plastik, l-għamara, l-ekonomija kollaborattiva, eċċ. F’tali każijiet, il-Kummissjoni infurmat lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali kkonċernat għad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku bil-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika u fakkret fl-obbligu ta’ notifika.
2.6Skambji strutturati mal-Istati Membri, mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA, mal-Iżvizzera u mat-Turkija
Il-laqgħat regolari tal-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi rawmu skambju ta’ fehmiet produttiv dwar punti ta’ interess ġenerali kif ukoll dwar aspetti speċifiċi tal-proċedura ta’ notifika.
Fir-rigward tal-proċedura ta’ notifika, id-diskussjonijiet fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi kienu jikkonċernaw b’mod partikolari:
·il-proċedura ta’ urġenza skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku;
·l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni u n-notifiki kunfidenzjali;
·il-proċedura ta’ notifika għan-notifiki Żvizzeri u taż-ŻEE;
·l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test finali ta’ regolament tekniku notifikat;
·l-iżviluppi dwar il-ġurisprudenza tal-QĠUE rigward id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku; u
·l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz.
Abbażi tat-talbiet mill-Istati Membri jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tat preżentazzjonijiet fil-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi biex tipprovdi kjarifika dwar xi ostakli rikorrenti jew dwar partijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-preżentazzjonijiet kienu jikkonċernaw:
·id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent;
·il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE, ir-Regolament (UE) 2018/1807 dwar il-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-UE;
·ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679;
·id-Direttivi dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2014/45/UE, 2014/46/UE u 2014/47/UE;
·ir-restrizzjonijiet fuq il-mikrożibeġ fil-livell tal-UE;
·id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ;
·il-klawżola tas-suq uniku u l-Artikoli 34-36 tat-TFUE.
Diversi Stati Membri qasmu l-aħjar prattiki tagħhom għan-notifiki skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku mal-Kumitat Permanenti.
Saru wkoll laqgħat bilaterali f’ħafna Stati Membri bħala parti mill-missjonijiet ta’ “għarfien tal-pajjiż”. Dawn il-laqgħat kellhom l-għan li jimmiraw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq uniku ta’ kull Stat Membru permezz ta’ djalogu dirett bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll permezz ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żaret diversi bliet kapitali tal-UE u attendiet laqgħat mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Il-problemi ewlenin li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku fil-livell nazzjonali kif identifikati permezz ta’ dawn il-missjonijiet jikkonċernaw il-livell baxx ta’ notifiki (eż. fir-Rumanija, fil-Litwanja u fil-Portugall), il-kapaċità amministrattiva (eż. fil-Bulgarija) jew il-kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni (eż. fl-Italja, fi Spanja u fil-Ġermanja) u l-għarfien limitat tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.
Matul il-perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll l-applikazzjoni tad-Direttiva fil-laqgħat ta’ djalogu dwar il-konformità mal-Istati Membri, li jitwettqu b’segwitu għall-impenn dwar l-istrateġija għal suq uniku. Il-Kummissjoni organizzat ukoll b’mod regolari seminars tekniċi ad hoc lill-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċedura ta’ notifika.
It-Turkija tejbet il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ notifika matul il-perjodu referenzjarju.
2.7Trasparenza
2.7.1 Talbiet għal aċċess għal dokumenti maħruġa skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku
Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 531 talba għal aċċess għad-dokumenti maħruġa fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Il-biċċa l-kbira tat-talbiet kienu jikkonċernaw opinjonijiet u kummenti dettaljati mogħtija mill-Kummissjoni. F’konformità mal-aktar żviluppi reċenti fil-ġurisprudenza tal-QĠUE (ara l-Anness 2, il-Kawża C-331/15 P, Franza vs Schlyter), il-biċċa l-kbira tad-dokumenti ġew żvelati.
2.7.2 Parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati
It-trasparenza hija karatteristika fundamentali tal-proċedura ta’ notifika. Is-sit web tat-TRIS, li huwa disponibbli għall-pubbliku, jiżgura li l-partijiet ikkonċernati jiġu infurmati b’mod kostanti dwar l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi kollha li jkunu qed jitħejjew mill-Istati Membri u li jsir djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni, bis-saħħa tal-funzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw kontributi dwar abbozzi ta’ regolamenti tekniċi. Kif diġà ssemma, bejn l-2016 u l-2020, il-Kummissjoni rċeviet 1 618-il kontribut permezz ta’ din il-funzjonalità. Matul il-perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni bdiet ukoll tittraduċi t-testi finali tal-miżuri notifikati fil-lingwi kollha tal-UE. It-traduzzjonijiet tat-testi finali huma disponibbli fuq is-sit web tat-TRIS u jipprovdu trasparenza addizzjonali.
Is-suċċess tas-sit web tat-TRIS huwa kkonfermat bin-numri:
·Fi tmiem l-2020 kien hemm 6 467 abbonat attiv fil-lista ta’ indirizzi elettroniċi tat-TRIS, meta mqabbla mal-5 196 fi tmiem l-2015, li jimmarka żieda ta’ 25 % matul il-perjodu ta’ rapportar ta’ ħames snin.
·Fil-perjodu meqjus, saru 871 744 tfittxija permezz tas-sit web tat-TRIS (151 202 fl-2016, 134 737 fl-2017, 152 158 fl-2018, 197 341 fl-2019 u 236 306 fl-2020), b’medja ta’ 174 349 tfittxija fis-sena.
·L-aċċess għan-notifiki mill-utenti żdied ukoll, minn 1 203 299 okkorrenza sa tmiem l-2015 għal 7 394 991 sa tmiem l-2020, li jammontaw għal żieda speċifika ta’ 514,6 % matul il-perjodu referenzjarju kollu tal-2016-2020 meta mqabbla ma’ tmiem l-2015.
3.Konklużjoni
Matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2020, l-effettività tal-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku ġiet ikkonfermata mill-ġdid f’termini ta’ trasparenza, ta' kooperazzjoni amministrattiva u ta' prevenzjoni ta’ ostakli tekniċi fis-suq uniku. L-approċċ preventiv u ta’ networking tal-proċedura ta’ notifika naqqas ir-riskju li l-attivitajiet regolatorji nazzjonali jistgħu joħolqu ostakli tekniċi għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. F’dak ir-rigward, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, kemm f’termini ta’ notifiki mibgħuta kif ukoll ta’ reazzjonijiet għal abbozzi notifikati minn Stati Membri oħra, juri s-sjieda konġunta tas-suq uniku, li huwa objettiv ewlieni għall-Kummissjoni. Fl-2020, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku żgurat li l-objettiv primarju tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem kien segwit minn miżuri nazzjonali f’konformità mar-regoli tas-suq uniku. Id-Direttiva u s-sistema ta’ notifika tagħha appoġġaw lill-Istati Membri f’dan ir-rigward billi żguraw it-trasparenza, is-sinerġiji u, fl-aħħar mill-aħħar, is-solidarjetà Ewropea.
L-importanza tad-Direttiva tintwera mill-interess dejjem akbar tal-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ notifika u l-għadd ta’ kontributi mingħandhom permezz tas-sit web tat-TRIS fil-perjodu referenzjarju. Dan l-interess dejjem akbar jirrifletti l-isforz biex jittejbu t-trasparenza u l-effiċjenza tas-sit web tat-TRIS.
Il-proċedura ta’ notifika kkonfermat ukoll l-utilità tagħha fil-forniment tal-possibbiltà li jiġu identifikati oqsma fejn hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, bħall-armonizzazzjoni tat-tikkettar tal-imballaġġ għar-rimi tal-iskart. Se jkomplu l-isforzi biex jiġi żgurat qafas legali ċar għall-operaturi ekonomiċi bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fl-UE u barra minnha, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet bejn il-proċedura ta’ notifika u dik stabbilita mill-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
L-esperjenza miksuba f’dawn l-aħħar snin hija essenzjali biex jinbena dan ix-xenarju mtejjeb għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni se tkompli tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, kemm fin-notifika ta’ abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali kif ukoll fir-reazzjoni għal abbozzi nnotifikati minn Stati Membri oħra. Fir-reazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed enfasi speċjali fuq kwistjonijiet ta’ importanza sinifikanti għas-suq uniku u fuq dawk li jservu b’mod partikolari biex jindirizzaw b’mod effiċjenti r-restrizzjonijiet identifikati fil-kuntest tal-irkupru u tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Din l-enfasi akbar se twassal ukoll għas-segwitu xieraq għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex tittieħed azzjoni effettiva biex jiġi evitat li jiġu stabbiliti ostakli potenzjali.