IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.11.2021
SWD(2021) 318 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR
Li jakkumpanja d-dokument
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni
Pjan ta' kontinġenza għall-iżgurar tal-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta' kriżi
{COM(2021) 689 final} - {SWD(2021) 317 final}
IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MMIRATA MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI INKLUŻ IT-TWEĠIBIET MIFTUĦA
Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati hija parti essenzjali mill-istrateġija ta’ konsultazzjoni stabbilita għall-istabbiliment ta’ pjan ta’ kontinġenza għall-provvista tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel fl-UE. Bejn l-1 ta’ Marzu u t-3 ta’ Mejju 2021, sar disponibbli kwestjonarju mmirat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor it-tweġibiet li waslu.
1.Ħarsa ġenerali lejn ir-rispondenti
Il-konsultazzjoni mmirata rċeviet 253 tweġiba. L-individwi pprovdew l-ogħla numru ta’ kontribuzzjonijiet (45 % tar-rispondenti kollha), segwiti mill-kumpaniji u mill-korpi kummerċjali/assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (38 % tar-rispondenti) u minn utenti oħrajn (17 % tar-rispondenti). Nofs il-kontribuzzjonijiet mill-kategorija kumpaniji u korpi kummerċjali/assoċjazzjonijiet ta’ impriżi ġew mill-produtturi primarji (agrikoltura u sajd/akkwakultura) u mill-fornituri tal-inputs meħudin flimkien, l-oħrajn minn stadji oħrajn tal-katina tal-provvista tal-ikel.
2.Mistoqsijiet relatati mar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel tal-UE, ir-riskji, it-theddid u l-vulnerabbiltajiet
Mistoqsija dwar ir-reżiljenza ġenerali tas-sistema tal-ikel tal-UE, ħafna rispondenti (34 %) ikklassifikaw il-livell ta’ reżiljenza bejn erbgħa u ħamsa fuq skala minn wieħed sa ħamsa (b’ħamsa tkun reżiljenti ħafna). Dan il-perċentwal kien saħansitra ogħla (59 %) fost ir-rispondenti tal-kumpaniji u tal-korpi kummerċjali, u b’hekk dan wera grad relattivament għoli ta’ fiduċja fil-kapaċità tas-sistemi tal-ikel tal-UE li jlaħħqu mal-kriżijiet. 28 % biss tar-rispondenti jqisu s-sistema tal-ikel tal-UE bħala li ma hijiex reżiljenti u saħansitra inqas bħala xejn reżiljenti (5 % tal-kumpaniji u tal-korpi kummerċjali).
Kważi 60 % tar-rispondenti identifikaw it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu (avvenimenti estremi) bħala wieħed mill-ħames theddidiet ewlenin għas-sistema tal-ikel tal-UE. Lil hinn mir-riskji ambjentali u klimatiċi, ir-riskji u d-dipendenzi relatati mas-saħħa (tal-bniedem, tal-pjanti u tal-annimali) fuq l-importazzjonijiet għall-inputs u għall-komoditajiet agrikoli huma kklassifikati bħala għoljin. Dan huwa segwit minn riskji relatati mal-aċċess għall-ikel u mal-vulnerabbiltajiet teknoloġiċi. It-tfixkil fil-libertà tal-moviment tal-merkanzija u tal-persuni, fl-aspetti politiċi u ġeopolitiċi kif ukoll fil-katastrofi ġeofiżiċi huwa inqas meqjus bħala theddid. Barra minn hekk, it-theddid mhux identifikat fil-kwestjonarju ssemma taħt il-kategorija “oħrajn”, jiġifieri t-tiċkin ta’ żoni ddedikati għall-agrikoltura, iż-żieda fl-istandards ambjentali li jxekklu l-kapaċità tal-produzzjoni, iż-żieda fit-tixjiħ li twassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ bdiewa, b’mod partikolari l-bdiewa b’azjenda agrikola tal-familja.
Illustrazzjoni 1: It-theddid ewlieni għas-sistema tal-ikel tal-UE magħżul mir-rispondenti (tweġibiet multipli)
Mistoqsija dwar il-vulnerabbiltà tal-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel, aktar minn 60 % tar-rispondenti indikaw li l-produzzjoni primarja hija stadju vulnerabbli. Filwaqt li l-attivitajiet ta’ forniment ta’ inputs huma wkoll meqjusa bħala vulnerabbli minn nofs ir-rispondenti, dan jidher li huwa minnu sa ċertu punt (25 - 40 % tar-rispondenti) għall-kummerċ, it-trasport, il-loġistika u l-ipproċessar. Il-punti finali (il-bejgħ bl-imnut, is-servizzi tal-ikel) tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel ma humiex meqjusa bħala vulnerabbli (inqas minn 10 % tar-rispondenti).
Is-setturi meqjusa bħala l-aktar esposti għar-riskji huma dawk tal-frott u l-ħxejjex u tal-ħbub, b’aktar minn 40 % tar-rispondenti jiddikjarawhom bħala fost dawk l-aktar vulnerabbli. Il-laħam, is-sajd u l-inputs (l-għalf u ż-żrieragħ) isegwu b’25 sa 30 % tar-rispondenti, filwaqt li z-zokkor abjad, iż-żejt taż-żebbuġa u l-inbid ma humiex meqjusa bħala fost l-aktar setturi vulnerabbli minn ħafna (inqas minn 10 % tar-rispondenti).
Illustrazzjoni 2: Is-setturi meqjusa bħala l-aktar esposti għat-theddid
3.Mistoqsijiet relatati mat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19
Il-perċezzjoni tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel tal-UE fil-fażijiet bikrija tal-pandemija tal-COVID ma hijiex differenti ħafna mill-perċezzjoni ġenerali rrapportata hawn fuq, b’35 % tar-rispondenti jikklassifikawha bejn erba’ (reżiljenti) u ħamsa (reżiljenti ħafna) fuq skala minn wieħed sa ħamsa, u b’25 % li jikklassifikawha bħala li ma hijiex reżiljenti jew xejn reżiljenti.
Meta wieħed iħares aktar mill-qrib lejn l-aspetti differenti tas-sistemi tal-ikel tal-UE, l-aċċess għat-tagħmir protettiv personali (85 % tar-rispondenti), il-ġestjoni tal-istokk eċċessiv (75 % tar-rispondenti) u d-disponibbiltà tal-ħaddiema minn barra l-UE (69 % tar-rispondenti) tqiesu bħala l-inqas żoni reżiljenti tas-settur tal-ikel (mhux reżiljenti jew xejn reżiljenti).
Id-disponibbiltà tal-inputs (żrieragħ, għalf, fertilizzanti, eċċ.), tal-komoditajiet u tal-prodotti agroalimentari minn ġewwa l-UE, is-sikurezza ġenerali tal-ikel fl-UE u d-disponibbiltà tal-aċċess għall-kapital u l-kreditu, tqiesu bħala fil-biċċa l-kbira reżiljenti-reżiljenti ħafna (b’67 %, 59 % u 53 % tar-rispondenti rispettivament).
Illustrazzjoni 3: Valutazzjoni tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel tal-UE matul il-pandemija tal-COVID f’oqsma differenti
It-tliet miżuri li ġejjin mill-awtoritajiet pubbliċi ġew ikklassifikati l-ogħla fir-rigward tal-utilità tagħhom (utli jew utli ħafna) fl-istadji bikrija tal-pandemija tal-COVID-19:
(I)miżuri għall-protezzjoni tas-suq uniku: il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-korsiji ekoloġiċi), b’54 % tar-rispondenti kollha,
(II)miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema fil-katina tal-provvista (eż. id-disponibbiltà tat-tagħmir protettiv) bi 52 % tar-rispondenti,
(III) miżuri li jippromwovu ktajjen tal-provvista qosra u/jew ikel lokali jew reġjonali bi 48 % tar-rispondenti.
Miżuri oħrajn tqiesu bħala utli bħad-direzzjonar ta’ ikel żejjed għal donazzjonijiet biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel, l-iżgurar tal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema jew komunikazzjoni ċara kif kien il-każ dwar is-sikurezza tal-ikel fil-mistoqsijiet u t-tweġibiet rilaxxati
. L-appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri u mill-UE, bis-saħħa ta’ regoli temporanji aktar flessibbli dwar l-għajnuna mill-Istat, tqies ukoll bħala utli ħafna minn 38 % (Stati Membri) u 31 % (UE) tar-rispondenti, rispettivament. Minoranza żgħira ta’ rispondenti sabu l-projbizzjoni fuq il-promozzjonijiet fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bħala utli.
Illustrazzjoni 4: Valutazzjoni tal-utilità tal-miżuri mill-awtoritajiet pubbliċi matul il-COVID (% tar-rispondenti li vvalutaw dawn bħala utli ħafna)
Il-miżuri implimentati mis-settur privat tqiesu wkoll bħala utli (minn 40 % u aktar tar-rispondenti), bħall-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-involviment mal-awtoritajiet pubbliċi dwar kwistjonijiet kritiċi tal-katina tal-provvista, il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati fi stadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel u fi ħdan l-istess stadju, l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għall-kummerċ (pereżempju, il-bejgħ dirett online, jew pjattaformi biex il-fornituri b’ikel żejjed jiġu konnessi ma’ banek tal-ikel jew ma’ organizzazzjonijiet oħrajn).
Ir-rispondenti li jappartjenu għall-kategoriji tal-kumpaniji u tal-korpi kummerċjali ntalbu wkoll jevalwaw id-diffikultajiet li dawn iffaċċjaw matul il-pandemija tal-COVID. Il-kumpaniji u l-korpi kummerċjali sabu li kemm il-flussi kummerċjali intra-UE kif ukoll dawk ekstra-UE kienu affettwati b’mod sinifikanti, b’aktar minn kwart tar-rispondenti jsibu li ċ-ċaqliq tal-merkanzija b’mod transfruntier, intra-UE jew ekstra-UE, kien ħafna aktar diffiċli mis-soltu. Sehem akbar ta’ rispondenti sab madankollu li l-moviment ta’ merkanzija barra mill-UE (esportazzjonijiet u importazzjonijiet) kien inqas affettwat mill-flussi kummerċjali fl-UE. Dawn identifikaw bħala diffikultajiet kbar oħrajn il-moviment transfruntier tal-ħaddiema (b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, bħall-ħaddiema staġunali fis-settur agrikolu), il-kostijiet mhux mistennija ġġenerati mill-kriżi sanitarja, b’mod partikolari l-aċċess għal materjal protettiv u d-disturb iġġenerat mill-għeluq tal-attivitajiet ta’ Horeca u ta’ swieq relatati. Id-diffikultajiet loġistiċi (it-trasport) u l-ħtieġa għal informazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi ssemmew ukoll mir-rispondenti bħala li kienu jirrappreżentaw diffikultà sinifikanti iżda f’livell inqas. L-aċċess għall-inputs u għas-servizzi (inkluż l-informazzjoni) kif ukoll is-sejba ta’ strumenti ġodda bħall-kummerċ elettroniku, il-valorizzazzjoni bħala mhux tal-ikel jew id-donazzjonijiet lill-banek tal-ikel tqiesu inqas bħala diffikultajiet. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri ma tqisitx bħala kwistjoni kbira.
4.Mistoqsijiet relatati mat-tħejjija u mal-pjan ta’ kontinġenza għall-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel tal-UE
Il-kumpaniji u l-korpi kummerċjali/assoċjazzjonijiet ta’ impriża (hawn taħt l-“operaturi”, 38 % tal-għadd ġenerali ta’ rispondenti) ġew mistoqsija jekk kellhomx pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju jew ta’ kontinġenza fis-seħħ qabel il-pandemija. Terz biss tal-operaturi kellhom pjanijiet ta’ kontinġenza fis-seħħ qabel il-pandemija. Dan is-sehem kien saħansitra aktar baxx għall-produtturi primarji (l-agrikoltura, is-sajd), sa 17 %. Kważi nofs (45 %) dawk li kellhom dawn il-pjanijiet sabuhom utli ħafna, filwaqt li inqas minn 10 % minnhom biss ma sabuhomx utli.
Illustrazzjoni 5: Is-sehem tal-operaturi bi pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju / kontinġenza qabel il-pandemija tal-COVID
Maġġoranza żgħira ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet kummerċjali (53 %) li wieġbu għall-kwestjonarju jqisu li dawn huma ppreparati sew għal tfixkil possibbli f’każ ta’ kriżi. Madankollu, hemm differenza bejn l-operaturi kummerċjali u dawk tal-bejgħ bl-imnut li flimkien iħossuhom kunfidenti dwar il-livell ta’ tħejjija għal 57 % minnhom, filwaqt li sehem żgħir biss ta’ operaturi fil-produzzjoni primarja (l-agrikoltura, is-sajd) iħossuhom ippreparati (26 %).
L-approċċi għall-ġestjoni tar-riskju u l-ippjanar ta’ kontinġenza tal-operaturi x’aktarx li jinbidlu wara l-pandemiji, b’mod partikolari billi titqies firxa usa’ ta’ riskji u theddid (83 % tal-operaturi rispondenti), u jiġu ddefiniti xenarji alternattivi għall-bejgħ f’każ ta’ għeluq jew tfixkil tas-suq (71 % tal-operaturi rispondenti). Il-promozzjoni tal-bejgħ lokali u tal-bejgħ online tissemma wkoll bħala kanal alternattiv ta’ bejgħ li għandu jiġi żviluppat. Il-pjanijiet B għax-xiri ta’ inputs jew ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp jattiraw ukoll maġġoranza ta’ rispondenti. Approċċi oħrajn inqas preferuti b’inqas minn 30 % tal-operaturi rispondenti jikkonċernaw ix-xiri ta’ kopertura akbar tal-assigurazzjoni jew it-tgħaqqid ta’ strutturi kollettivi. L-aċċess għal aktar informazzjoni lanqas ma huwa evokat minn ħafna rispondenti, iżda l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-suq diġà jitqies bħala tajjeb.
Illustrazzjoni 6: Approċċi ta’ ġestjoni tar-riskju mibdula tal-operaturi wara l-pandemija tal-COVID
Meta ġew mistoqsija fejn jaħsbu li azzjoni ulterjuri mill-UE tkun l-aktar utli għal tħejjija aħjar, maġġoranza tar-rispondenti kollha (aktar minn 60 %) sabu li huwa utli ħafna li “Jittejbu l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni”. Il-proposti l-oħrajn meqjusa bħala utli ħafna mill-operaturi jinkludu l-informazzjoni, dwar l-iżviluppi tal-kriżi (48 %), dwar l-iżviluppi tas-suq (42 %) u t-theddid (34 %). Din is-sejħa għal aktar informazzjoni tinħass saħansitra ogħla fost il-produtturi primarji. Kemm il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa kif ukoll l-informazzjoni aħjar dwar l-iżviluppi tal-kriżijiet huma l-oqsma li fihom ir-rispondenti jaraw l-akbar ħtieġa għal miżuri obbligatorji adottati fil-livell tal-UE (aktar minn 70 % tar-rispondenti). Il-finanzjament u l-investimenti nstabu wkoll bħala pjuttost utli, għal fini ta’ emerġenza jew għar-riċerka u l-iżvilupp.
Il-kooperazzjoni msaħħa mal-komunità internazzjonali u l-armonizzazzjoni tal-approċċi għat-theddid fl-UE huma appoġġati wkoll. Din l-armonizzazzjoni tal-aħħar hija partikolarment imfaħħra minn 60 % tal-operaturi tas-settur tal-kummerċ tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut (60 % vvalutawha bħala utli ħafna).
L-intervent fis-suq, il-kampanji ta’ promozzjoni, it-tisħiħ tal-liġijiet tax-xogħol u ż-żamma tad-donazzjonijiet tal-ikel instabu li huma relattivament inqas utli mir-rispondenti.
Illustrazzjoni 7: L-utilità ta’ azzjoni ulterjuri għall-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel u ta’ azzjoni obbligatorja tal-UE
Fl-aħħar nett, il-parteċipanti għall-kwestjonarju mmirat wieġbu mistoqsija dwar oġġetti possibbli li jista’ jintegra pjan ta’ kontinġenza tal-UE biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fl-UE. Ir-rispondenti kklassifikaw il-grad ta’ rilevanza ta’ lista ta’ proposti fuq skala minn wieħed (mhux rilevanti) sa ħamsa (rilevanti ħafna). L-Illustrazzjoni 8 hawn taħt turi n-nota medja għal kull proposta li tvarja bejn 3.2 u 4.3.
Tliet suġġetti jidhru ħafna fit-tweġibiet. Dawn jikkonċernaw:
(a) il-ħtieġa għal komunikazzjoni u informazzjoni kkoordinati għall-atturi tal-katina tal-provvista u għall-pubbliku ġenerali;
(b) l-immappjar tal-vulnerabbiltajiet u b’mod partikolari għad-disponibbiltà ta’ inputs ewlenin;
(c) id-disponibbiltà u l-protezzjoni tal-ħaddiema.
Proposti oħrajn bħal mekkaniżmu ġenerali ta’ koordinazzjoni, il-ħtieġa li tinżamm il-libertà tal-moviment tal-merkanzija u li wieħed ikun flessibbli fl-implimentazzjoni tar-regoli u l-politiki fi żminijiet ta’ kriżi ngħataw punteġġ għoli. Iż-żamma ta’ riżervi strateġiċi jew il-monitoraġġ tal-livelli ta’ awtosuffiċjenza jiġu biss wara l-elementi msemmija hawn fuq. Il-proposti inqas appoġġati (għalkemm xorta b’punteġġ medju ta’ tlieta jew aktar, jiġifieri kemxejn rilevanti) jirreferu għall-kooperazzjoni internazzjonali, il-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ħżin jew id-donazzjonijiet tal-ikel.
Illustrazzjoni 8: Punteġġ medju għall-oġġetti li għandhom jiġu inklużi fi pjan ta’ kontinġenza (minn 1 mhux rilevanti għal 5 rilevanti ħafna)
5.Sommarju tal-kontribuzzjonijiet bil-miktub mir-rispondenti
Tlieta u għoxrin rispondent (NGOs, gruppi tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet tal-gvern, rappreżentanti tal-industrija mill-pajjiżi tal-UE u lil hinn (CH)) akkumpanjaw it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju b’dokumenti.
Il-biċċa l-kbira tal-kontributuri jappoġġaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jemmnu li l-atturi attivi kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel għandhom rwol importanti matul żminijiet ta’ kriżi.
Fir-rigward tal-proċess, diversi tweġibiet jenfasizzaw l-importanza ta’ koordinazzjoni tajba , fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE:
·jinħoloq forum permanenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet li jista’ jservi bħala pjattaforma għad-delegati li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi kollha tas-settur tal-ikel;
·jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt ċentrali biex jiġi żgurat ir-rapportar dwar il-kriżi tal-ikel, inkluż fis-swieq globali;
·jiġu żviluppati protokolli speċifiċi, pereżempju biex jiġi identifikat inċident tal-ikel meta mqabbel ma’ kriżijiet tal-ikel, dwar kif/meta għandu jsir rapport għal twissija bikrija, eċċ.;
·tiġi stabbilita pjattaforma diġitali miftuħa fejn tista’ tiġi kondiviża l-aħjar prattika tal-ġestjoni tar-riskju eżistenti fil-livell nazzjonali u tal-UE;
·jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha tal-katina tal-għalf u tal-ikel;
·jiġi żgurat li l-kapaċità ta’ detezzjoni u ġestjoni bikrija tal-kriżijiet tal-ikel tiġi żviluppata biżżejjed;
·jiġi identifikat u jinbena network ta’ għarfien espert dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet fil-livell tas-settur, inkluż fil-livell internazzjonali u fl-organizzazzjonijiet tal-ikel.
Xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-komunikazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżijiet:
·il-ħtieġa għal komunikazzjoni mtejba bbażata fuq ix-xjenza mill-Istati Membri u mill-UE;
·il-ħtieġa għal helpdesk ta’ appoġġ għall-komunikazzjoni.
It-tweġibiet mill-partijiet ikkonċernati jsemmu ħafna kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu, b’dawk ewlenin ikunu:
·Il-funzjonament tas-suq uniku.
oIl-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan is-Suq Uniku u fil-portijiet jitqiesu bħala theddida għas-sigurtà tal-ikel.
oIl-Korsiji Ħodor għat-trasport kemm tal-prodotti tal-ikel kif ukoll tal-għalf jitqiesu bħala essenzjali biex tiġi evitata kriżi tal-ikel.
oL-industrija tal-ikel u tal-għalf trid taqa’ taħt il-kategorija ta’ attivitajiet “kritiċi jew essenzjali” u tkun soġġetta għal eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni libera.
oJenħtieġ li tingħata enfasi lill-istadji tat-trasport u tal-loġistika: it-trasport tal-ikel u t-trasport tal-merkanzija wasslu għal dewmien u żidiet fil-kostijiet tat-trasport.
oAktar użu ta’ għodod diġitali jista’ jgħin lill-proċeduri fil-fruntieri biex jaħdmu aktar mingħajr xkiel, pereżempju, billi jippermettu kopji elettroniċi taċ-ċertifikati.
·Kwistjonijiet dwar il-provvista u l-inputs tal-ikel.
oL-appoġġ lill-manifatturi biex iżidu l-provvisti essenzjali ta’ addittivi kritiċi tal-għalf.
oL-iżgurar tas-sigurtà taż-żrieragħ u tal-provvista taż-żrieragħ fi żminijiet ta’ kriżi.
oIż-żieda sostanzjali fil-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea.
oL-appoġġ tal-bidla għal produzzjoni aktar ibbażata fuq il-pjanti għall-konsum mill-bniedem u l-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi ta’ proteina.
oIt-tisħiħ ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali (l-iżgurar tal-kontinwazzjoni tal-kura veterinarja matul il-kriżijiet, eċċ.).
·Il-PAK u strumenti leġiżlattivi oħrajn.
oStrumenti tal-PAK imfassla tajjeb u mmirati, baġit suffiċjenti ppreservat mill-baġit, mekkaniżmu ċar ta’ skattar ibbażat fuq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ddefiniti u l-flessibbiltà huma l-elementi ewlenin enfasizzati minn diversi kontribuzzjonijiet.
oIl-qafas għall-għajnuna mill-Istat u d-derogi mir-regoli tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jibqgħu temporanji.
·Kwistjonijiet tax-xogħol.
oIl-ħaddiema staġunali u l-ħaddiema transfruntiera għandhom jiġu kkwalifikati bħala “ħaddiema kritiċi” (filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu jilħqu l-post tax-xogħol tagħhom).
oGħandhom jinħolqu opportunitajiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-bdiewa għal forza tax-xogħol alternattiva, inkluż li jiġu attirati ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja f’setturi oħrajn
oJiġi pprovdut tagħmir protettiv lill-ħaddiema fil-katina tal-provvista.
·It-trasparenza.
oTiġi żgurata t-trasparenza tas-suq billi tingħata informazzjoni dwar is-suq fil-ħin biex jiġi evitat ix-xiri ta’ paniku u tinbena l-fiduċja fis-swieq.
oInformazzjoni affidabbli dwar is-saħħa pubblika għandha tingħata fil-ħin mill-awtoritajiet pubbliċi bħall-EFSA, id-WHO u l-ECDC.
oJiġu żviluppati aktar għodod analitiċi li jkunu kapaċi jidentifikaw in-nuqqasijiet potenzjali ta’ materja prima kritika u jwettqu valutazzjoni tal-vulnerabbiltà.
·Ir-rwol tal-kummerċ internazzjonali, fil-biċċa l-kbira ġie kkategorizzat bħala parti mis-soluzzjoni għas-sigurtà tal-ikel aktar milli bħala parti mill-problema, u mhux biss fir-rigward tal-ikel iżda wkoll fil-provvista tal-inputs meħtieġa.
oIl-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni Kummerċjali u ta’ stokkijiet tas-sigurtà tal-ikel kompatibbli mad-WTO.
oL-importanza ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali sabiex jiġu limitati r-restrizzjonijiet kummerċjali (eż. restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni) fuq l-ikel.
Diversi entitajiet involuti fl-imballaġġ tal-ikel wieġbu u enfasizzaw ir-rwol essenzjali tal-imballaġġ tal-ikel.
Il-partijiet ikkonċernati huma inklinati li jaħsbu li l-Pjan ta’ Kontinġenza jrid jiġi aġġornat kontinwament u li jenħtieġ li jkun adattabbli għall-kriżijiet dejjem jevolvu filwaqt li l-evalwazzjoni ta’ wara l-kriżi se tkun kruċjali.