Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0065

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR Li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika

SWD/2021/65 final

Brussell, 25.3.2021

SWD(2021) 65 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR

Li jakkumpanja d-dokument

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika

{COM(2021) 141 final}


Introduzzjoni

Dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jippreżenta sommarju tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni relatati mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika, kif stabbiliti fl-istrateġija ta’ konsultazzjoni għall-inizjattiva, b’mod partikolari l-konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa u s-sottomissjonijiet addizzjonali mill-partijiet ikkonċernati. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jissottomettu dokumenti ta’ pożizzjoni u dokumenti oħrajn addizzjonali diversi drabi u huma għamlu dan ukoll b’mod dirett, mhux biss b’rabta mal-pjan direzzjonali jew mal-konsultazzjoni pubblika miftuħa.

Il-konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali saret mill-4 ta’ Settembru sat-23 ta’ Ottubru 2020, u l-konsultazzjoni pubblika miftuħa twettqet bejn l-4 ta’ Settembru u s-27 ta’ Novembru 2020, permezz tas-sit web tal-Kummissjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet kellhom l-għan li jiġbru informazzjoni u feedback mingħand ċittadini tal-UE u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti (l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-NGOs, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u akkademiċi) biex jikkontribwixxu għall-finalizzazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

Twettqu wkoll attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE responsabbli għall-produzzjoni organika (f’laqgħat differenti tal-Kumitat dwar il-Produzzjoni Organika); mal-organizzazzjonijiet tan-negozju u professjonali b’attivitajiet fil-livell tal-UE fis-settur organiku (produtturi, bejjiegħa bl-imnut, proċessuri); maċ-ċittadini tal-UE u mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-livell tal-UE fil-biedja organika (eż. laqgħa tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili); u ma’ diversi pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Ħarsa ġenerali lejn it-tweġibiet

Waslu total ta’ 124 tweġiba għall-konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali. Iċ-ċittadini tal-UE pprovdew il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet għal din il-konsultazzjoni, fejn kienu jammontaw għal 33 % tar-rispondenti kollha (41 tweġiba), segwiti mill-assoċjazzjonijiet tan-negozju (23 % - 28 tweġiba) u l-kumpaniji/l-organizzazzjonijiet tan-negozju (19 % - 23 tweġiba). L-NGOs issottomettew 16-il tweġiba (13 %), l-awtoritajiet pubbliċi ammontaw għal 3 tweġibiet (2 %), l-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka u t-trade unions ipparteċipaw b’2 tweġibiet kull wieħed (2 %) u tweġiba waħda ġiet minn ċittadin mhux tal-UE. Is-6 % li jifdal (8 tweġibiet) tar-rispondenti identifikaw lilhom infushom bħala “oħrajn”.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa attirat 841 tweġiba, li minnhom tweġiba waħda kienet duplikata, li rriżultat fi 840 tweġiba li ġew ikkunsidrati għall-valutazzjoni tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni.

Illustrazzjoni 1. L-għadd ta’ rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika skont il-pajjiż ta’ oriġini

Iċ-ċittadini tal-UE pprovdew il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet għal din il-konsultazzjoni, li kienu jammontaw għal 52 % tar-rispondenti kollha (437 tweġiba), segwiti mill-kumpaniji/organizzazzjonijiet tan-negozju (16 % - 133 tweġiba) u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju (8 % - 69 tweġiba). L-NGOs ippreżentaw 51 tweġiba. Mir-rispondenti kollha, l-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka kienu jammontaw għal 4 % (36 rispondent) u l-awtoritajiet pubbliċi kellhom madwar l-istess sehem bi 33 tweġiba. 1 % tat-tweġibiet ġew minn organizzazzjonijiet ambjentali (9 tweġibiet), minn ċittadini mhux tal-UE (9 tweġibiet), u minn trade unions (5 tweġibiet). Żewġ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi ssottomettew tweġibiet. Is-7 % li jifdal (56 tweġiba) tar-rispondenti identifikaw lilhom infushom bħala “Oħrajn”.

Barra minn hekk, 87 dokument mehmuża mal-konsultazzjoni pubblika, 16-il dokument mehmuż mal-pjan direzzjonali, u 7 sottomissjonijiet addizzjonali nżammu għall-analiżi, għal total ta’ 110 dokumenti.

Ir-riżultati għall-mistoqsijiet magħluqa u miftuħa tal-konsultazzjoni pubblika

Aktar minn tliet kwarti tar-rispondenti (78 %) irrikonoxxew il-preżenza ta’ ostakli għal produzzjoni u konsum akbar tal-ikel organiku fl-UE (it-total ta’ dawk li wieġbu “ma naqbel xejn” jew “ma tantx naqbel” għall-għażla “Ma nara l-ebda problema”). L-ostakli meqjusa bħala l-aktar importanti (it-total ta’ “naqbel ħafna” u “naqbel, b’xi riżervi”) kienu “Inċentivi finanzjarji insuffiċjenti biex il-produtturi jaqilbu għall-produzzjoni organika” (76 %), segwit minn “Kompetizzjoni ma’ modi oħra ta’ produzzjoni u/jew ma’ skemi oħra” (74 %) u “Għarfien baxx tal-konsumaturi dwar il-benefiċċji tal-produzzjoni organika għall-klima u l-ambjent” (73 %).

Illustrazzjoni 2. Ostakli għal produzzjoni u konsum akbar tal-ikel organiku fl-UE llum

Il-maġġoranza tar-rispondenti (63 %) qiesu li l-ikel organiku huwa għali wisq għall-konsumaturi u rrappurtaw nuqqas ta’ għarfien tal-konsumaturi dwar it-tikketta tal-UE (63 %) flimkien mal-preżenza ta’ wisq skemi tal-ikel ekoloġiku li jistgħu jitħawdu mal-organiku (59 %). Meta ġew mistoqsija dwar ostakli eżistenti oħra għall-produzzjoni u għal konsum akbar tal-ikel organiku fl-UE, ir-rispondenti identifikaw il-prezz tal-prodotti konvenzjonali bħala l-ewwel ostaklu (isemma 43 darba). Nuqqas ta’ fiduċja fit-tikketta organika tal-UE u nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-benefiċċji tas-saħħa u ambjentali tal-biedja organika ġew identifikati wkoll bħala ostakli minn 12 u minn 11-il rispondent.

Fir-rigward tal-impatti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sistema tal-ikel u l-produzzjoni u l-konsum tal-ikel organiku, maġġoranza kbira tar-rispondenti (85 %) qiesu li “l-kriżi kixfet id-dipendenza tagħna fuq il-biedja organika staġjonali”. Il-maġġoranza tar-rispondenti (59 %) qiesu li l-kriżi “saħħet il-biedja organika u r-rwol tagħha fil-provvista tal-ikel tal-UE”. Il-kriżi “aċċellerat il-bidliet strutturali fil-konsum tal-ikel favur il-biedja organika” għal 53 % tal-parteċipanti. Id-domanda akbar għall-prodotti organiċi se tinżamm wara l-kriżi tal-COVID-19 skont 51 % tar-rispondenti.

Illustrazzjoni 3. Miżuri importanti biex jistimulaw il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi

B’mod ġenerali, kien hemm livell għoli ta’ qbil dwar id-disa’ azzjonijiet proposti għall-iżvilupp tas-settur tal-produzzjoni organika fl-UE (minn 57 % għal 91 %). Kien hemm kunsens kbir (91 % tat-tweġibiet) fuq is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ambjentali u klimatiċi tal-biedja organika. Il-livell ta’ appoġġ kien ogħla minn 80 % għal erba’ azzjonijiet: (i) skemi tal-iskejjel għall-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa (83 %), (ii) prodotti organiċi f’uffiċċji pubbliċi/privati u kantins (83 %), (iii) iż-żieda fil-viżibbiltà u fl-għażla ta’ prodotti organiċi fil-bejjiegħa bl-imnut (83 %), u (iv) aktar akkwist pubbliku ta’ prodotti organiċi (81 %). Żewġ azzjonijiet relatati mal-promozzjoni ġew appoġġati minn aktar minn tliet kwarti tar-rispondenti: kampanji ta’ informazzjoni dwar il-logo organiku tal-UE (78 %) u kampanji ta’ promozzjoni mmirati ta’ prodotti agrikoli fuq prodotti organiċi (77 %). Il-kompetittività tal-prezzijiet tal-prodotti organiċi jenħtieġ li tittejjeb skont 76 % tal-parteċipanti. Fl-aħħar nett, 57 % tar-rispondenti indikaw li l-logo organiku tal-UE ma jintgħarafx biżżejjed. Meta ġew mistoqsija dwar azzjonijiet oħra għall-iżvilupp tas-settur tal-produzzjoni organika fl-UE, ir-rispondenti l-ewwel semmew il-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati aħjar (issemmiet 47 darba), b’mod partikolari dwar il-benefiċċji tas-saħħa (12) u soċjali (9) tal-biedja organika. Il-ħtieġa li jiġu infurmati dwar, u li jiġu applikati, l-ispejjeż reali (filwaqt li jitqiesu l-esternalitajiet) tal-agrikoltura konvenzjonali kienet ukoll azzjoni rikorrenti li ssemmiet (37) u l-akkwist pubbliku ġie identifikat bħala fattur pożittiv biex tiżdied id-domanda għall-prodotti organiċi (issemma 27 darba).

Kien hemm livell għoli ta’ qbil dwar is-seba’ azzjonijiet proposti għat-titjib tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-settur tal-produzzjoni organika fl-UE (minn 70 % għal 92 %). Kien hemm kunsens kbir (91 % tat-tweġibiet) li l-informazzjoni dwar il-produtturi organiċi jenħtieġ li tkun trasparenti u disponibbli għall-konsumaturi u li huma meħtieġa azzjonijiet biex jgħinu lill-konsumaturi jiddistingwu b’mod ċar bejn il-logo organiku tal-UE u skemi ambjentali/ta’ kwalità oħrajn. Jenħtieġ li jkun aktar faċli li l-prodotti organiċi jiġu traċċati lura għall-oriġini tagħhom għal 88 % tar-rispondenti u huwa meħtieġ aktar sforz biex tiġi indirizzata frodi fis-settur organiku għal 84 % tar-rispondenti. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu esplorati ulterjorment ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi (86 %) u li jsir aktar sforz biex jiġu indirizzati l-frodi fis-settur organiku (84 %). Fl-aħħar nett, ir-rispondenti ddikjaraw li l-konformità mar-regoli għall-produzzjoni organika trid tiġi kkontrollata aħjar mill-awtoritajiet pubbliċi (77 %) u li t-teknoloġiji tal-informazzjoni jenħtieġ li jintużaw aktar ta’ spiss biex jittejjeb it-traċċar tal-prodotti organiċi (70 %). Meta ġew mistoqsija dwar azzjonijiet importanti oħra biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fis-settur tal-produzzjoni organika fl-UE, ir-rispondenti identifikaw il-ħtieġa għal aktar trasparenza u għal aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-frodi, speċjalment f’pajjiżi terzi, bħala l-aktar azzjonijiet importanti (issemmew 35 darba). Issemmew ukoll li l-konsumaturi jiġu infurmati (23) u li t-tikketta organika tal-UE tingħaqad ma’ tikketta lokali/tal-oriġini (18). Ir-rispondenti kienu aktar maqsumin fuq il-ħtieġa għal aktar kontrolli: 21 semmew li l-kontrolli diġà huma biżżejjed filwaqt li 10 semmew li hemm bżonn li dawn jiżdiedu.

Bħall-mistoqsija preċedenti, kien hemm kunsens kbir li jappoġġa l-azzjonijiet proposti biex tiġi stimulata l-produzzjoni ta’ prodotti organiċi (minn 74 % għal 91 % tat-tweġibiet). L-akbar sehem ta’ rispondenti qabel li, sabiex tiġi stimulata l-konverżjoni mill-biedja konvenzjonali għall-biedja organika, huwa importanti li jiġi pprovdut taħriġ suffiċjenti u li jingħataw pariri (91 %) u li huwa neċessarju li jissaħħaħ l-ipproċessar lokali u fuq skala żgħira u li jitrawmu ktajjen tal-provvista qosra (90 %). Ir-rispondenti rrikonoxxew il-ħtieġa li l-produtturi organiċi jingħataw għajnuna biex jorganizzaw irwieħhom aħjar (eż. f’organizzazzjonijiet tal-produtturi) biex itejbu s-saħħa tan-negozjar tagħhom fil-katina tal-provvista (88 %). Hemm ukoll ħtieġa li jittejbu l-informazzjoni u d-data dwar l-iżviluppi fis-suq organiku biex jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet għall-produtturi (87 %). Huma qablu dwar il-fatt li l-produzzjoni organika jenħtieġ li tibbenefika minn appoġġ finanzjarju, inkluż mill-Politika Agrikola Komuni.

Fir-rigward tal-mistoqsija dwar is-settur tal-produzzjoni tal-annimali organiċi, ir-rispondenti qablu li “L-produtturi jenħtieġ li jiġu megħjuna jsibu għalf organiku xieraq biex jitimgħu l-annimali” (86 %) u li “Hemm bżonn ta’ aktar riċerka biex jiġu identifikati u żviluppati l-aħjar prattiki dwar il-metodi tal-għalf adattati għall-għalf organiku, u ingredjenti alternattivi tal-għalf” (82 %). Livell simili ta’ qbil japplika għall-opinjoni li “L-produzzjoni organika tal-annimali jenħtieġ li tibbenefika minn appoġġ speċifiku” (82 %), segwita minn “L-akkwakultura jenħtieġ li tingħata appoġġ biex jinkiseb aktar għarfien dwar il-metodi tat-trobbija u tal-għalf, inkluż permezz tar-riċerka” (78 %).

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-vantaġġi ambjentali ewlenin tal-produzzjoni organika, ir-rispondenti identifikaw l-effetti ta’ benefiċċju tal-produzzjoni organika fir-rigward tal-bijodiversità (92 %), il-protezzjoni tal-kwalità tal-ħamrija (88 %) u tal-kwalità tal-ilma (84 %). Il-produzzjoni organika tippromwovi ekonomija ċirkolari għal 83 % tar-rispondenti u tiżgura użu responsabbli tal-enerġija u tar-riżorsi naturali għal 80 %. Din tippromwovi n-newtralità karbonika, tippermetti l-adattament għat-tibdil fil-klima u tgħin biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja għal 78 % tal-parteċipanti.

Aktar minn żewġ terzi tar-rispondenti qablu ħafna mad-dikjarazzjoni li jenħtieġ li jiġu promossi l-użu sostenibbli tal-ilma fil-biedja organika u s-sostituzzjoni tal-plastik fl-imballaġġ. L-investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni u ż-żamma ta’ networks ta’ farms organiċi rċevew livelli ndaqs ta’ appoġġ. Sehem iżgħar b’mod sinifikanti ta’ rispondenti qablu ħafna mas-suġġeriment li gradwalment jitwaqqaf l-użu ta’ inputs kontenzjużi, bħar-ram. Hawnhekk, 38 % biss tar-rispondenti qablu ħafna. Ta' min jinnota li l-appoġġ qawwi għal dan is-suġġeriment kien l-akbar fost dawk ir-rispondenti li jidentifikaw bħala ċittadini u istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka.

Kien hemm kunsensus li “l-iżvilupp tas-settur organiku jeħtieġ taħlita ta’ appoġġ mill-UE u mill-Istati Membri kif ukoll inizjattiva privata”. Aktar minn 70 % tar-rispondenti qablu ħafna ma’ din id-dikjarazzjoni, u 23 % oħra qablu tal-anqas xi ftit. B’riflessjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, 84 % tar-rispondenti ma qablu xejn (63 %) jew ma tantx qablu (21 %) mal-idea li l-iżvilupp tas-settur organiku jitħalla f’idejn is-suq waħdu. Ix-xejriet tat-tweġibiet jissuġġerixxu li aktar minn nofs ir-rispondenti (59 %) jaraw lill-awtoritajiet nazzjonali bħala prinċipalment responsabbli għall-promozzjoni tal-produzzjoni organika. Meta ġew mistoqsija dwar kwalunkwe azzjoni addizzjonali oħra biex jissaħħu l-produzzjoni u l-konsum tal-ikel organiku, ir-rispondenti ssuġġerew li jerġgħu jiġu bbilanċjati l-ispejjeż bejn il-prodotti konvenzjonali u organiċi (issemmiet 36 darba), li jittejbu l-introjtu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bdiewa (29 darba) u identifikaw il-ħtieġa ta’ riċerka biex titrawwem l-innovazzjoni (23 darba).

Illustrazzjoni 4. L-iżvilupp tas-settur organiku: appoġġ pubbliku jew inizjattiva privata?

Ir-rispondenti identifikaw ukoll bħala importanti l-ħtieġa li l-bdiewa jiġu megħjuna jaċċessaw is-swieq bħala mod kif jappoġġaw is-settur organiku (15), tittejjeb il-bijodiversità fil-farms (13), ikomplu jiġu appoġġati l-bdiewa matul il-konverżjoni (11) u titwettaq riċerka dwar l-impatti tal-agrikoltura organika (11).

Fl-aħħar nett, issemmew azzjonijiet addizzjonali relatati mal-edukazzjoni dwar il-biedja organika (9), l-appoġġ għall-biedja fuq skala żgħira (8) u l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli (5) u tqajjem tħassib dwar is-saħħa tal-bejjiegħa bl-imnut (6).

Analiżi kkombinata ta’ mistoqsijiet magħluqa/miftuħa u dokumenti ta’ pożizzjoni sottomessi għall-konsultazzjoni pubblika dwar it-temi u l-azzjonijiet proposti

Fir-rigward tat-temi differenti fil-Pjan ta’ Azzjoni, kollha kemm huma, huma appoġġati sa punti differenti mill-inputs kwantitattivi u kwalitattivi mill-konsultazzjoni pubblika miftuħa:

·Il-15-il tema kollha rċevew appoġġ jew appoġġ qawwi fit-tweġibiet kwantitattivi. Fost it-temi kollha, kien hemm grad ftit aktar baxx ta’ appoġġ għat-Temi 1.1 “Il-promozzjoni tal-logo tal-UE”; 1.4 “Il-prevenzjoni tal-frodi alimentari u t-tisħiħ tal-kontrolli”; 2.3 “L-appoġġ tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari”; u 3.3 “Il-finanzjament tar-riċerka dwar alternattivi għal inputs kontenzjużi”.

·Issemmew erba’ temi bħala aspetti rilevanti fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni partikolarment ta’ spiss fl-inputs kwalitattivi (30 dokument ta’ pożizzjoni u tweġiba għall-mistoqsijiet miftuħa u aktar): it-Temi 1.1 “Il-promozzjoni tal-logo tal-UE”; 1.2 “Il-promozzjoni tal-kantins organiċi u ż-żieda fl-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku”; 2.1 “L-inkoraġġiment tal-konverżjoni, tal-investimenti u tal-iskambji tal-aħjar prattiki”; u 2.3 “L-appoġġ tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari”.

·Temi addizzjonali li ġew enfasizzati minn xi kontribuzzjonijiet kwalitattivi (bejn 15 u 29 dokument ta’ pożizzjoni u tweġiba għall-mistoqsijiet miftuħa) jirreferu għat-temi 1.5 “Titjib tat-traċċabbiltà”; 2.4 “Ir-rinfurzar tal-ipproċessar lokali u fuq skala żgħira u t-trawwim ta’ ċirkwiti ta’ kummerċ qasir”; 3.1 “It-tisħiħ tal-bijodiversità ġenetika”; u 3.2 “It-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju”.

Fir-rigward tal-azzjonijiet differenti fil-Pjan ta’ Azzjoni:

·Il-biċċa l-kbira tat-22 azzjoni (41 subazzjoni) kollha rċevew appoġġ jew appoġġ qawwi fit-tweġibiet kwantitattivi. Għal tliet azzjonijiet, ma kien hemm disponibbli l-ebda informazzjoni kwantitattiva. Fit-tweġibiet kwalitattivi, il-41 subazzjoni ssemmew fi gradi differenti.

·L-appoġġ ġenerali għall-azzjonijiet kollha kien l-aktar b’saħħtu għall-Assi 3. Ftit aktar minn nofs is-subazzjonijiet taħt l-Assi 1 ingħataw appoġġ qawwi permezz ta’ tweġibiet kwantitattivi. Il-biċċa l-kbira tas-subazzjonijiet fl-Assi 2 ingħataw appoġġ qawwi.

·Għal żewġ azzjonijiet, ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni mill-inputs kwantitattivi: Azzjoni 13 “Is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni aħjar dwar iċ-ċertifikazzjoni fi gruppi”; u Azzjoni 15 “It-tfassil ta’ miżuri għall-biedja organika b’enfasi speċjali fuq aspetti tal-ġeneru u soċjali.” Madankollu, issemmew aspetti taż-żewġ azzjonijiet mill-kontributuri fid-dokumenti ta’ pożizzjoni.

·Il-kontribuzzjonijiet kwalitattivi pprovdew għadd aktar varjabbli ta’ referenzi għall-41 subazzjoni. Żewġ subazzjonijiet irċevew ħafna kontribuzzjonijiet kwalitattivi (bejn 22 u 33 dokument ta’ pożizzjoni u tweġiba għall-mistoqsijiet miftuħin): is-subazzjonijiet 2a - “L-allokazzjoni tal-baġit fil-politika dwar il-promozzjoni tal-agrikoltura, l-użu għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u l-istimulazzjoni tad-domanda”, u s-subazzjoni 9b “L-iżgurar tal-aħjar użu tal-PAK il-ġdida għall-appoġġ”.

·Erba’ (sub)azzjonijiet oħra ssemmew f’xi wħud mill-kontribuzzjonijiet (bejn 12 u 22 dokument ta’ pożizzjoni u tweġiba għall-mistoqsijiet miftuħa): 1c “L-identifikazzjoni ta’ avvenimenti biex jinfurmaw dwar il-prodotti organiċi”; 9a “Il-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri”; 15 “It-tfassil ta’ miżuri għall-biedja organika b’enfasi speċjali fuq aspetti tal-ġeneru u soċjali”; u Azzjoni 20 “Il-finanzjament tar-riċerka dwar alternattivi għal inputs kontenzjużi”. Il-35 (sub)azzjoni li jifdal issemmew minn ftit kontributi biss jew minn ebda kontribut (sa 11-il dokument ta’ pożizzjoni u tweġiba għall-mistoqsijiet miftuħa).

It-tweġibiet kwalitattivi pprovdew ukoll speċifikazzjonijiet addizzjonali għall-azzjonijiet proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni Organiku. Ir-rispondenti pproponew ideat għal azzjonijiet u għal subazzjonijiet. Fl-istess ħin, ir-rispondenti taw input dwar kif għandhom jiġu implimentati b’mod konkret l-azzjonijiet u s-subazzjonijiet differenti.

Il-kontributuri pprovdew opinjonijiet diverġenti dwar ir-rwol tal-bejjiegħa bl-imnut fil-katina tal-valur organiku. Fir-rigward tad-domanda dejjem akbar għall-prodotti organiċi u l-konsum tagħhom, il-kontributuri raw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-prodotti organiċi għall-konsumaturi filwaqt li tiġi żgurata l-profittabbiltà għall-produtturi; u li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà lokali ta’ prodotti organiċi (ta’ kwalità). Azzjonijiet oħra li ssemmew kienu relatati mal-istruttura tan-network ta’ distribuzzjoni organika u mal-kompetizzjoni fil-prezzijiet u talbu miżuri li jevitaw li l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti jitpoġġew fi żvantaġġ. Iċ-ċertifikazzjoni tqieset ukoll bħala ostaklu indirett għad-distribuzzjoni tal-ikel organiku.

Tqajjem ukoll tħassib ġenerali relatat mal-aspetti koperti fl-abbozz tal-Pjan ta’ Azzjoni Organiku minn madwar kwart tal-kontributuri kollha. Dan kien jinkludi aspetti relatati ma’ strateġiji, miri u l-monitoraġġ tat-tnejn li huma, il-qafas regolatorju relatat mal-agrikoltura organika (eż. inkonsistenzi, l-esklużjoni ta’ ċerti prodotti), opinjonijiet kontroversjali dwar il-kontribut tal-biedja organika għal kwistjonijiet globali ta’ sostenibbiltà, mistoqsijiet dwar l-approċċ ta’ politika ġenerali, u l-konsumaturi u ddomanda.

Top