IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 14.12.2021
COM(2021) 812 final
2021/0420(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) 1315/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2021) 435 final} - {SWD(2021) 471 final} - {SWD(2021) 472 final} - {SWD(2021) 473 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 1315/2013 – il-linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) hija azzjoni ewlenija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. L-għan tar-Regolament TEN-T huwa li jinbena network multimodali u effettiv fl-UE kollha ta’ ferroviji, passaġġi fuq l-ilma interni, rotot ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra u toroq li huma konnessi ma’ nodi urbani, portijiet marittimi u interni, ajruporti u terminals madwar l-UE. Il-problemi indirizzati mir-reviżjoni huma standards insuffiċjenti u/jew mhux kompluti tal-infrastruttura TEN-T u nuqqas ta’ integrazzjoni ta’ standards għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fuq it-TEN-T b’impatti negattivi fuq il-klima u l-ambjent. It-tieni nett, in-network TEN-T isofri minn konġestjonijiet fil-kapaċità u minn konnettività insuffiċjenti tan-network għar-reġjuni kollha, li jxekklu l-multimodalità. It-tielet nett, jeħtieġ li jiġu indirizzati s-sikurezza u l-affidabbiltà insuffiċjenti tal-infrastruttura TEN-T. Fl-aħħar nett, l-istrumenti ta’ governanza ma humiex adegwati meta mqabbla ma’ ħtiġijiet ġodda u t-tfassil tan-network tat-TEN-T jeħtieġ rieżami biex tiżdied il-koerenza ma’ politiki oħra.
B’hekk, ir-reviżjoni tat-TEN-T għandha l-għan li tilħaq erba’ objettivi ewlenin. L-ewwel nett, din għandha l-għan li tagħmel it-trasport aktar ekoloġiku billi tipprovdi l-bażi tal-infrastruttura xierqa biex tittaffa l-konġestjoni u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma billi tagħmel kull mezz ta’ trasport aktar effiċjenti u billi tippermetti żieda fl-attività tat-trasport b’forom aktar sostenibbli ta’ trasport. B’mod partikolari, hija għandha l-għan li tiffaċilita żieda fis-sehem ta’ ferroviji, rotot ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra u passaġġi fuq l-ilma interni fid-dawl ta’ kompożizzjoni modali aktar sostenibbli tas-sistema tat-trasport u, konsegwentement, li tnaqqas l-esternalitajiet negattivi tagħha. It-tieni nett, hija għandha l-għan li tiffaċilita t-trasport bla xkiel u effiċjenti, trawwem il-multimodalità u l-interoperabbiltà bejn il-modi ta’ trasport tat-TEN-T u tintegra aħjar in-nodi urbani fin-network. It-tneħħija tal-konġestjonijiet u tal-konnessjonijiet neqsin, u t-titjib tal-multimodalità u tal-interoperabbiltà fis-sistema Ewropea tat-trasport se jikkontribwixxu għat-tlestija tas-suq intern. It-tielet nett, hija tistinka biex iżżid ir-reżiljenza tat-TEN-T għat-tibdil fil-klima u għal perikli naturali oħrajn jew diżastri kkawżati mill-bniedem. It-TEN-T irid ikun reżiljenti għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima sabiex jiġu protetti l-investimenti pubbliċi u jiġi ssalvagwardjat l-użu kontinwu tagħhom fil-klima l-ġdida; u jenħtieġ li dawn jappoġġaw in-newtralità klimatika billi jintegraw il-kostijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-analiżi kost-benefiċċji. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hija timmira li ttejjeb l-effiċjenza tal-għodod ta’ governanza tat-TEN-T, li tissimplifika l-istrumenti ta’ rapportar u monitoraġġ u li tirrieżamina d-disinn tan-network TEN-T.
B’din il-politika riveduta tat-TEN-T, jenħtieġ li aħna nfittxu li nibnu network trans-Ewropew tat-trasport affidabbli, bla xkiel u ta’ kwalità għolja li jiżgura konnettività sostenibbli fl-Unjoni Ewropea kollha mingħajr lakuni fiżiċi, konġestjonijiet jew konnessjonijiet neqsin sal-2050. Dan in-network se jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-territorju tal-UE u għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Jenħtieġ li dan jiġi żviluppat gradwalment f’passi, bi skadenzi intermedji fl-2030 u fl-2040.
Din l-inizjattiva hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 taħt l-Anness I (inizjattivi ġodda).
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Bħala l-pilastru ewlieni tal-politika dwar l-infrastruttura tat-trasport tal-UE, ir-Regolament TEN-T jaġixxi bħala faċilitatur u jiddependi wkoll fuq politiki komplementari. L-istandards u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament TEN-T huma direttament marbuta mal-objettivi u l-ħtiġijiet rilevanti f’setturi/oqsma oħrajn tat-trasport u, b’hekk, ma’ leġiżlazzjonijiet oħrajn aktar speċifiċi għas-settur. Dan ifisser, pereżempju, li l-infrastruttura ferrovjarja TEN-T – sabiex tiżgura t-trasport u l-mobbiltà transfruntiera bla xkiel – għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar l-interoperabbiltà stabbilita fil-politika ferrovjarja. Bl-istess mod, l-infrastruttura tat-toroq TEN-T trid tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq. L-implimentazzjoni ta’ politiki settorjali teħtieġ ukoll qafas b’saħħtu għar-Regolament TEN-T, minħabba li t-TEN-T jipprovdi n-network tal-infrastruttura għall-implimentazzjoni ta’ miżuri settorjali oħrajn jew ta’ biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzjoni, li xi wħud minnhom madankollu jmorru lil hinn mit-TEN-T.
Il-prestazzjoni tar-Regolament TEN-T fir-rigward ta’ indikaturi bħal dawk relatati mal-ishma modali, mal-kwalità aħjar tas-servizz u mal-użu tal-infrastruttura tal-iċċarġjar/tar-riforniment tiddependi fuq sforzi kkoordinati ma’ oqsma ta’ politika relatati. Dan jirrigwardja b’mod partikolari s-sinerġiji bejn it-TEN-T u l-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi (proposta tal-AFIR), kif ukoll bejn it-TEN-T u s-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI), minħabba li t-tnejn huma intrinsikament dipendenti fuq xulxin. Pereżempju, l-AFIR jirregola l-forniment ta’ punti ta’ ċċarġjar/riforniment fuq it-TEN-T, filwaqt li r-Regolament TEN-T jipprovdi l-bażi tal-infrastruttura għall-varar wiesa’ tagħhom f’perspettiva ta’ network Ewropew. Bl-istess mod, l-STI tirregola l-forniment ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fuq it-TEN-T, bħala parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri. Kemm l-AFIR kif ukoll l-STI jeħtieġu definizzjoni tat-TEN-T għall-implimentazzjoni tagħhom (jiġifieri kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku), li hija pprovduta mill-mapep li jinsabu fir-Regolament TEN-T. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal inizjattivi oħrajn li huma parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, bħar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kuritur Ferrovjarju tal-Merkanzija, ir-reviżjoni tal-pakkett dwar il-mobbiltà urbana, jew il-Pjan ta’ Azzjoni NAIADES III. Ir-Regolament TEN-T se jiddefinixxi l-allinjament tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport li għandhom jissostitwixxu l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija u l-Kurituri tan-Network Ewlieni. Dan se jiżgura l-koerenza fl-iżvilupp tan-network u se jikkontribwixxi biex jinbnew sinerġiji bejn l-infrastruttura u l-aspetti operattivi tan-network.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, adottat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2019, ipoġġi l-azzjoni klimatika fil-qalba tiegħu, billi jistabbilixxi objettiv ta’ newtralità klimatika tal-UE sal-2050. Fil-qasam tat-trasport, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport sabiex l-UE ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li taħdem ukoll lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.
Barra minn hekk, it-TEN-T huwa marbut mill-qrib mal-politiki tan-networks trans-Ewropej fl-oqsma tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni u d-dispożizzjonijiet biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn it-tliet politiki huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Bl-istess mod, it-TEN-T huwa wkoll marbut mill-qrib mal-politika marittima, jiġifieri bit-trasport marittimu jkun wieħed mis-setturi ewlenin tal-ekonomija blu sostenibbli.
F’termini ta’ fondi u finanzjament mill-UE, ir-Regolament TEN-T huwa direttament marbut mar-Regolament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), minħabba li jiddefinixxi l-proġetti ta’ interess komuni li huma eliġibbli taħt l-FNE. Barra minn hekk, l-infrastruttura TEN-T hija fil-biċċa l-kbira ffinanzjata mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u minn dan l-aħħar ukoll permezz tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza (‘Recovery and Resilience Fund’ - RRF). Fl-aħħar nett, it-TEN-T huwa allinjat bis-sħiħ mal-politiki ambjentali u klimatiċi tal-UE, bħall-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-leġiżlazzjoni dwar il-bijodiversità, inklużi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (l-Artikoli 170-172) jistipula l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-infrastrutturi tal-enerġija. L-Unjoni għandu jkollha l-għan li tippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks nazzjonali, kif ukoll l-aċċess għal tali networks. Hija għandha tqis b’mod partikolari l-ħtieġa li tgħaqqad il-gżejjer, kif ukoll ir-reġjuni mingħajr kosta u dawk periferiċi, mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni (l-Artikolu 170 tat-TFUE). Għal dan l-iskop, l-Unjoni għandha tistabbilixxi serje ta’ linji gwida li jkopru l-objettivi, il-prijoritajiet u l-linji ġenerali tal-miżuri previsti fl-isfera tan-networks trans-Ewropej. Dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni, għandhom jimplimentaw kwalunkwe miżura li tista’ tkun meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-networks, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni teknika, u jistgħu jappoġġaw proġetti ta’ interess komuni appoġġati mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Unjoni tista’ tikkontribwixxi wkoll, permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit skont l-Artikolu 177, għall-finanzjament ta’ proġetti speċifiċi fl-Istati Membri fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-networks, hija prevista wkoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 171 tat-TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-TFUE jiddefinixxi li n-networks trans-Ewropej għandhom jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni, lill-operaturi ekonomiċi u lill-komunitajiet reġjonali jiksbu benefiċċju sħiħ minn żona mingħajr fruntieri interni. Huma għandhom iqisu wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha.
B’hekk, min-natura tagħha, il-politika tat-TEN-T hija politika li testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, minħabba li tiffoka fuq skema ta’ network Ewropew uniku bejn il-fruntieri. Tali network madwar l-Ewropa kollha ovvjament ma jistax jiġi stabbilit minn Stat Membru wieħed biss. Kieku l-Istati Membri jiżviluppaw l-infrastruttura purament weħidhom, l-interessi nazzjonali spiss jispiċċaw jegħlbu l-interess Ewropew. Bħala tali, il-benefiċċji ta’ network Ewropew tat-trasport sostenibbli u ta’ kwalità għolja jispiċċaw jintilfu. F’dan il-każ, ikun probabbli li kwistjonijiet ta’ konnettività u interoperabbiltà transfruntiera wkoll ma jiġux indirizzati biżżejjed, minħabba li l-konnessjonijiet intranazzjonali fil-biċċa l-kbira jiġu prijoritizzati mill-Istati Membri, anke jekk il-proġetti transfruntiera huma essenzjali biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tan-network kollu u biex jitneħħew il-konġestjonijiet li jiġġeneraw il-konġestjoni. Dan mhux biss iwassal għar-riskju ta’ nuqqas ta’ konnettività tal-ivvjaġġar bla xkiel madwar l-Ewropa, iżda jwassal ukoll għal inkoerenza possibbli tal-approċċi tal-ippjanar nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-istandards differenti u r-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà fi Stati Membri differenti tal-UE jfixklu l-flussi tat-trasport bla xkiel madwar l-UE kollha u saħansitra jżidu l-kostijiet għall-utenti tat-trasport. B’mod ġenerali, TEN-T bla xkiel u mingħajr lakuni fiżiċi, li jintegra soluzzjonijiet intelliġenti u innovattivi, huwa kruċjali biex jiffaċilita s-suq intern, iżid il-koeżjoni u jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Minn mindu ġiet stabbilita bħala politika tal-UE fl-1993, il-valur miżjud tal-politika tat-TEN-T b’mod ġenerali dejjem kien affermat b’mod qawwi mill-Istati Membri, mir-reġjuni, mill-bliet u mill-partijiet ikkonċernati industrijali. Il-valur miżjud tat-TEN-T għall-UE kien ukoll waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni tar-Regolament TEN-T attwali. Tabilħaqq, il-konċentrazzjoni tal-isforzi lejn il-ħolqien ta’ network tat-trasport komuni madwar l-Ewropa kollha hija rikonoxxuta b’mod ċar bħala viżjoni li l-benefiċċji tagħha jmorru lil hinn minn azzjoni nazzjonali iżolata. L-iżgurar ta’ bażi komuni u koerenti madwar l-UE għall-identifikazzjoni ta’ “proġetti ta’ interess komuni” u, b’mod korrispondenti, għall-allinjament tal-isforzi tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi huwa valur miżjud ċar u rikonoxxut b’mod wiesa’ tat-TEN-T.
Dan japplika wkoll għad-dimensjoni tan-nodi urbani, minħabba li huwa importanti li t-traffiku urban ikun konness sew mat-traffiku interreġjonali u internazzjonali. Tabilħaqq, ir-rwol tan-nodi urbani fuq it-TEN-T imur lil hinn mil-livell lokali, minħabba li l-attivitajiet tat-trasport fuq it-TEN-T jibdew u/jew jintemmu f’tali nodi, jew jgħaddu minnhom, filwaqt li jeħtieġu koordinazzjoni tajba bejn il-livelli differenti sabiex jiġu evitati l-konġestjonijiet.
Madankollu, il-mobbiltà urbana hija u għandha tibqa’ politika prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (awtoritajiet lokali). Jenħtieġ li l-azzjoni tal-UE tibqa’ limitata għal aspetti tal-mobbiltà urbana li huma konnessi mat-traffiku interreġjonali u internazzjonali. Dan jgħodd ukoll għall-manutenzjoni tal-infrastruttura: filwaqt li l-manutenzjoni tal-infrastruttura hija u se tibqa’ r-responsabbiltà ewlenija tal-Istati Membri, huwa essenzjali li jiġi garantit permezz ta’ regoli minimi fir-Regolament TEN-T li t-TEN-T se jkompli jipprovdi kwalità għolja ta’ servizzi liċ-ċittadini u lin-negozji.
•Proporzjonalità
Kif spjegat fid-dettall fil-Kapitolu 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, l-ebda waħda mill-għażliet ta’ politika ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-politika. L-intervent propost jinċentiva bidla fil-volumi tat-trasport għal modi ta’ trasport aktar sostenibbli meħtieġa biex jintlaħqu l-ambizzjoni klimatika akbar għall-2030 u l-objettiv ġenerali li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. L-Għażliet ta’ Politika huma mfassla biex joħolqu qafas ta’ politika koerenti u network tat-trasport koerenti u ta’ standard għoli bħala l-bażi għal politiki settorjali oħrajn biex jilħqu l-objettivi tagħhom. Dawn huma mfassla biex jevitaw impatti sproporzjonati fuq l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi tal-infrastruttura u l-fornituri tas-servizzi ta’ mobbiltà, notevolment billi jibnu fuq sistema ta’ governanza stabbilita sewwa u jiżviluppawha aktar. Dan intwera bis-sħiħ fl-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 1315/2013 u fl-analiżi bażi li tirfed il-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni ta’ dak ir-Regolament. B’hekk, huma jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità.
•Għażla tal-istrument
Billi din hija proposta għar-reviżjoni ta’ Regolament eżistenti, jidher leġittimu li l-istatus tal-istrument jinżamm kif inhu.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-evalwazzjoni tar-Regolament TEN-T (SWD(2021)117 final) ikkonkludiet li t-TEN-T jipprovdi lill-atturi rilevanti kollha (jiġifieri l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-ibliet, l-industrija tat-trasport, il-maniġers tal-infrastruttura tal-modi kollha tat-trasport, l-utenti) b’qafas ta’ politika komuni li jaħdem lejn it-tlestija gradwali tan-network komuni u konsistenti tal-infrastruttura Ewropea tat-trasport. Bħala tali, hija żżid perspettiva Ewropea għall-ippjanar nazzjonali tal-infrastruttura u tindirizza l-ħtiġijiet u l-benefiċċji lil hinn minn approċċi nazzjonali uniċi. Madankollu, l-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi sabiex jintlaħqu miri politiċi ġodda. Tabilħaqq, minn mindu ġie stabbilit ir-Regolament TEN-T fl-2013, il-kuntest tal-politika nbidel b’mod sinifikanti, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, kif ukoll tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero. Ir-rabtiet bejn il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex post, inklużi n-nuqqasijiet identifikati, u l-proposta huma ppreżentati hawn taħt:
|
Konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni ex post
|
Proposta
|
|
Konklużjonijiet dwar ir-rilevanza
|
|
L-erba’ objettivi speċifiċi kollha tar-Regolament TEN-T jibqgħu rilevanti, huma ugwalment importanti u komplementari għal xulxin.
|
Il-proposta żżomm u tiżviluppa aktar l-objettivi speċifiċi tar-Regolament
|
|
Kemm l-istruttura tad-disinn kif ukoll l-iskadenzi għat-tlestija tal-2030 u l-2050 urew l-adegwatezza tagħhom.
|
Il-proposta ġeneralment iżżomm l-istruttura tan-network u l-iskadenzi għat-tlestija, iżda żżid skadenza intermedja ġdida (l-2040) biex tiżgura approċċ gradwali lejn l-2050.
|
|
Għall-objettivi speċifiċi “l-effiċjenza tal-iżvilupp tal-infrastruttura biex jiġi ffaċilitat is-suq intern” u “il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali”, hemm ħtieġa qawwija li jsir progress fuq ir-rekwiżiti li jtejbu l-kwalità tal-infrastruttura TEN-T.
|
Il-proposta għandha l-għan li żżid il-kwalità tat-TEN-T u tiżgura li din il-kwalità tiġi ppreservata matul il-ħajja tal-infrastruttura. Qegħdin jiġu introdotti aktar miżuri biex isir progress fuq l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà tan-network.
|
|
Għall-objettiv speċifiku “sostenibbiltà”, jeħtieġ li jingħeleb in-nuqqas ta’ adegwatezza sabiex tkun tista’ ssir id-dekarbonizzazzjoni f’konformità mal-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport b’90 % sal-2050 ma jistax jinkiseb mingħajr TEN-T xieraq li jippermetti trasport aktar ekoloġiku.
|
Il-proposta ssaħħaħ ir-rekwiżiti f’konformità mal-kontribut meħtieġ għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-modi kollha ta’ trasport.
|
|
Għall-objettiv speċifiku “iż-żieda fil-benefiċċji għall-utenti”, ir-Regolament TEN-T jenħtieġ li jitmexxa ’l quddiem biex isaħħaħ l-identifikazzjoni, il-kombinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti mill-perspettiva ta’ servizzi bieb bieb integrati għall-utenti. Dan in-nuqqas attwali ta’ adegwatezza jidher li huwa partikolarment evidenti fis-settur tal-passiġġieri.
|
Fil-proposta, huma definiti miżuri maħsuba biex isaħħu l-perspettiva tas-servizz u tal-utent tat-TEN-T, speċjalment b’rabta mat-trasport tal-passiġġieri.
|
|
Il-komplementarjetà bejn in-network ewlieni u dak komprensiv tista’ tissaħħaħ biex tgħin biex jingħelbu l-lakuni li fadal fl-aċċessibbiltà u fil-konnettività u biex tiġi żgurata l-aktar kopertura wiesgħa u effettiva possibbli ta’ parametri ġodda tal-kwalità tal-infrastruttura.
|
Il-proposta tiddefinixxi miżuri li huma mmirati lejn allinjament tal-istandards u tar-rekwiżiti bejn iż-żewġ saffi ta’ network (network komprensiv u network ewlieni) f’oqsma bħall-infrastruttura ferrovjarja, il-fjuwils alternattivi jew in-nodi urbani.
|
|
Konklużjonijiet dwar l-effettività
|
|
B’mod ġenerali, ir-Regolament TEN-T kien effettiv ħafna fl-identifikazzjoni ta’ eluf ta’ proġetti abbażi ta’ qafas ta’ politika uniku għall-Ewropa kollha.
|
Il-qafas għall-identifikazzjoni ta’ proġetti fuq in-network jinżamm fil-proposta.
|
|
Madankollu, għad hemm problemi ta’ dewmien għal għadd ta’ proġetti kkawżati minn proċeduri preparatorji kumplessi, id-diverġenzi li fadal bejn l-objettivi Ewropej miftiehma u l-ippjanar nazzjonali tal-infrastruttura u tal-investiment jew l-għodod limitati ta’ governanza fil-livell tal-UE.
|
Il-proposta tiddefinixxi miżuri li jiżguraw l-allinjament tal-interessi u r-responsabbiltajiet nazzjonali mal-objettivi tat-TEN-T, filwaqt li tirrispetta s-sussidjarjetà.
|
|
L-implimentazzjoni tat-TEN-T tista’ tissaħħaħ aktar – speċjalment fid-dawl tal-isfidi u l-objettivi l-ġodda (id-dekarbonizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u ż-żieda fir-riskji ta’ avvenimenti ta’ kriżi mhux previsti)
|
Il-proposta tiddefinixxi miżuri li jkomplu jsaħħu l-istrumenti eżistenti tal-UE (eż. kurituri tan-network ewlieni, pjanijiet ta’ ħidma, deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni). Barra minn hekk, hija tiddefinixxi miżuri li huma mmirati biex itejbu r-reżiljenza tan-network.
|
|
L-istrument tal-kurituri tan-network ewlieni, inklużi l-Koordinaturi Ewropej, instab li huwa kemm rilevanti kif ukoll effettiv ħafna.
|
Il-proposta tkompli tiżviluppa u testendi l-kunċett ta’ kuritur u ssaħħaħ ir-rwol tal-Koordinaturi Ewropej
|
|
Konklużjonijiet dwar l-effiċjenza
|
|
B’rabta mal-obbligi ta’ rapportar u monitoraġġ stabbiliti fir-Regolament TEN-T, hemm ċertu lok għal razzjonalizzazzjoni u tisħiħ ta’ dawn l-għodod.
|
Il-proposta tiddefinixxi miżuri li jirrazzjonalizzaw l-istrumenti ta’ monitoraġġ u jiffaċilitaw ir-rapportar.
|
|
Il-koordinazzjoni bejn il-Kurituri tan-Network Ewlieni u l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija wasslet għal ċerti kisbiet fl-effiċjenza, iżda hemm potenzjal mhux sfruttat f’allinjament aħjar bejn iż-żewġ strumenti f’termini tal-ippjanar tal-investiment u l-identifikazzjoni tal-proġett.
|
Il-proposta tiżgura l-allinjament ġeografiku taż-żewġ strumenti tal-kuritur fil-Kurituri Ewropej tat-Trasport u tkompli ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ strumenti.
|
|
Konklużjonijiet dwar il-koerenza u l-koordinazzjoni
|
|
Il-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tkun teħtieġ li l-infrastruttura TEN-T tkun allinjata bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-inizjattivi ta’ politika l-oħrajn fl-oqsma tal-fjuwils alternattivi (AFIR), FuelEU Maritime u ReFuelEU Aviation.
|
Il-proposta tiżgura allinjament sħiħ ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn dwar fjuwils alternattivi.
|
|
Il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza mal-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali u ma’ teknoloġiji ġodda oħrajn
|
Il-proposta tiżgura allinjament sħiħ ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn dwar sistemi tat-trasport intelliġenti.
|
|
Konklużjonijiet dwar il-valur miżjud tal-UE
|
|
Il-valur miżjud tal-politika tat-TEN-T b’mod ġenerali dejjem ġie affermat b’mod qawwi mill-Istati Membri, mir-reġjuni, mill-bliet u mill-partijiet ikkonċernati industrijali. Il-politika tat-TEN-T tattira wkoll interess dejjem akbar barra l-UE, notevolment fi Stati ġirien, iżda wkoll f’reġjuni oħrajn tad-dinja, pereżempju, b’rabta mal-estensjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport bl-art lejn l-Asja.
|
L-approċċ għall-involviment ta’ pajjiżi terzi u ġirien jinżamm. Il-viżjoni tal-UE dwar l-estensjoni tat-TEN-T għal pajjiżi terzi hija indirizzata f’komunikazzjoni separata tal-Kummissjoni
|
|
L-iżgurar ta’ bażi komuni u koerenti mal-UE kollha għall-identifikazzjoni ta’ “proġetti ta’ interess komuni” u, b’mod korrispondenti, għall-allinjament tal-isforzi ta’ ppjanar u implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi huwa ċar u rikonoxxut b’mod wiesa’ u ma kienx ikun possibbli mingħajr ir-Regolament (UE) 1315/2013.
|
Il-qafas tat-TEN-T għal ippjanar u implimentazzjoni armonizzati tan-network inżamm u ġie żviluppat aktar fil-proposta.
|
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li ġejjin twettqu matul il-fażi ta’ evalwazzjoni:
Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa: bħala l-ewwel pass tal-proċess ta’ reviżjoni formali bejn l-24 ta’ April u s-17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni wettqet Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa. Il-kwestjonarju kien disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Din il-konsultazzjoni ġġenerat aktar minn 600 tweġiba minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi awtoritajiet pubbliċi (minn internazzjonali sa lokali), maniġers tal-infrastruttura, utenti tat-trasport kummerċjali, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini. Huwa importanti li aktar minn 150 parti kkonċernata - inklużi għadd ta’ Stati Membri u Assoċjazzjonijiet Ewropej ewlenin - diġà użaw dan il-pass inizjali biex jissottomettu dokumenti ta’ pożizzjoni li jenfasizzaw il-punti ta’ saħħa u d-dgħufijiet tal-politika u – notevolment – l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet futuri tagħha. Ir-riżultati tal-OPC ġew analizzati u ddaħħlu fil-proċess ta’ evalwazzjoni ġenerali.
Konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati: l-approċċ għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esperti mfassal mill-konsulent kien jikkonsisti fi tliet elementi ewlenin: stħarriġ online, intervisti u studji ta’ każijiet dwar kwistjonijiet ta’ importanza speċifika. L-għan tal-konsultazzjonijiet immirati kien li tinġabar data mingħand gruppi speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE. B’mod ġenerali, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati wrew perċezzjoni koerenti ħafna tal-fehmiet u ma setgħet tinstab l-ebda distinzjoni notevoli bejn gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati, għajr fejn speċifikat mod ieħor fl-evalwazzjoni.
Stħarriġ online: Ġie implimentat kwestjonarju ta’ stħarriġ bejn l-20 ta’ Jannar u s-16 ta’ Marzu 2020 sabiex tinġabar data dwar il-perċezzjonijiet u l-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati bir-Regolament TEN-T, l-implimentazzjoni u l-eżiti tiegħu sal-lum, u l-fehmiet tagħhom dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-iżviluppi futuri tal-politika tal-UE f’dan il-qasam. B’mod ġenerali, aktar minn 2 000 parti kkonċernata b’għarfien espert fis-suġġetti inkwistjoni ġew ikkuntattjati biex jipparteċipaw fl-istħarriġ online. B’kollox waslu 198 tweġiba valida.
Intervisti: B’kollox ġew intervistati 44 parti kkonċernata b’sezzjonijiet trażversali ta’ rispondenti għall-istħarriġ u rappreżentanti ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti. L-għan ewlieni ta’ dawn l-intervisti semi-strutturati kien li jinkiseb għarfien profond dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament TEN-T, il-progress miksub u l-fatturi ta’ suċċess/l-isfidi mill-perspettiva ta’ partijiet ikkonċernati differenti. L-intervisti globali kkomplementaw ir-riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa u l-istħarriġ globali biex jispjegaw id-data kwantitattiva miksuba u jimlew kwalunkwe lakuna, jappoġġaw l-istudji ta’ każijiet tematiċi, u jelaboraw fuq kwistjonijiet ewlenin fejn id-data minn sorsi oħrajn ma kinitx ċara jew kienet teħtieġ aktar spjegazzjoni.
Studji ta’ każijiet: Minbarra l-evalwazzjoni ġenerali tar-Regolament TEN-T, saru disa’ studji ta’ każijiet tematiċi dwar oqsma ta’ politika magħżula tat-TEN-T. Dawn twettqu f’oqsma li fihom il-ħidma tal-Kummissjoni matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tar-Regolament TEN-T ipproduċiet evidenza li jista’ jkun hemm nuqqas ta’ rilevanza, kemm fid-dawl tal-iżviluppi matul l-aħħar snin kif ukoll tal-iżviluppi futuri prevedibbli. Ġew żviluppati u implimentati tliet workshops online ma’ partijiet ikkonċernati li jinkludu uffiċjali tal-UE, partijiet ikkonċernati fis-settur tat-trasport u sħab soċjali, sabiex jiġu vvalidati s-sejbiet u jiġu diskussi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji ta’ każijiet li kienu relatati mal-mobbiltà urbana, (id-diġitalizzazzjoni) u l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda.
Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li ġejjin twettqu matul il-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt:
Matul il-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt twettqet Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa addizzjonali. Din twettqet bejn l-10 ta’ Frar u l-5 ta’ Mejju 2021 fuq is-sit web tal-Istħarriġ tal-UE. Il-konsultazzjoni kienet maqsuma f’ħames taqsimiet, li jibdew b’mistoqsija ġenerali dwar ir-Regolament, segwita minn mistoqsijiet dwar miżuri addizzjonali li jistgħu jittieħdu f’Regolament emendat u l-enfasi potenzjali tiegħu. Il-konsultazzjoni rċeviet 496 tweġiba b’kollox. Il-kwistjonijiet ewlenin koperti kienu:
·Miżuri li jippermettu d-dekarbonizzazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fis-sistema tat-trasport;
·Miżuri relatati mal-kwalità u r-reżiljenza tal-infrastruttura;
·Miżuri relatati mal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni; u
·Oqsma ta’ prijorità potenzjali għall-għażliet ta’ politika.
Il-kontribut kollu tal-partijiet ikkonċernati ntuża fil-proċess tal-iżvilupp tal-proposta. Filwaqt li l-kontribut riċevut matul il-fażi tal-evalwazzjoni ntuża b’mod partikolari biex jiġu definiti u rfinuti l-miżuri differenti li għandhom jiġu analizzati aktar fil-valutazzjoni tal-impatt, il-kontribut riċevut fil-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt kien importanti biex jiġu vvalidati l-miżuri u l-għażliet magħżula u, b’hekk, l-approċċ għar-reviżjoni tar-Regolament.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Qorti tal-Awdituri
Il-Qorti tal-Awdituri wettqet diversi awditi u rieżamijiet dwar politiki relatati mal-infrastruttura tat-trasport u mat-TEN-T, b’mod partikolari dwar in-network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja, dwar it-trasport marittimu fl-UE, dwar it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fl-UE, kif ukoll dwar l-infrastrutturi tat-trasport tal-UE. Kull fejn applikabbli u f’konformità mat-tweġibiet li tat għar-rapporti rispettivi, il-Kummissjoni kkunsidrat ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti fit-tħejjija ta’ din il-proposta.
Evalwazzjoni
L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 1315/2013 dwar il-Linji Gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport bdiet f’Settembru 2018 u bniet b’mod partikolari fuq l-istudju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tat-TEN-T mill-konsulenti ta’ Coffey u fuq l-istudju ta’ appoġġ għar-rieżami tal-politika tat-TEN-T, minn Panteia. Filwaqt li tal-ewwel kien qed jindirizza d-dispożizzjoni tar-Regolament TEN-T fl-intier tiegħu u ġabar informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati u l-modi ta’ trasport kollha, tal-aħħar ġie indirizzat prinċipalment lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Ġie applikat approċċ standard ta’ triangolazzjoni biex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni, permezz ta’ angoli differenti: riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, intervisti u stħarriġ.
Valutazzjoni tal-Impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt kienet ibbażata fuq ir-riċerka u l-analiżijiet magħmula mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kkuntrattat ukoll tim ta’ konsulenti esterni u indipendenti (Ricardo Nederland B.V. bħala mexxej tal-grupp flimkien ma’ Ricardo-AEA Limited, TRT Trasporti e Territorio srl (TRT) u M-Five GmbH Mobility, Futures, Innovation, Economics (M-FIVE)) biex jappoġġaw il-valutazzjoni tal-impatt f’kompiti speċifiċi, jiġifieri l-valutazzjoni tal-għażliet ta’ politika, it-tqabbil tal-għażliet, il-valutazzjoni tal-kostijiet amministrattivi, kif ukoll l-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa. L-istudju ta’ appoġġ estern se jiġi ppubblikat flimkien ma’ din il-proposta. Barra minn hekk, ix-xenarju bażi ġie żviluppat minn E3Modelling bil-mudell PRIMES-TREMOVE, abbażi tax-xenarju MIX li jsostni l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-mudelli ASTRA u TRUST ġew ikkalibrati fuq dan ix-xenarju bażi minn M-FIVE u TRT, rispettivament.
•Valutazzjoni tal-impatt
Sabiex jiġu indirizzati b’mod adegwat l-objettivi tar-reviżjoni tat-TEN-T, ġew ivvalutati tliet għażliet ta’ politika (‘policy options’ - PO) f’termini tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom. Il-PO1 għandha l-għan li taġġorna r-rekwiżiti u l-istandards eżistenti tal-kwalità tal-infrastruttura TEN-T u tipprevedi l-bażi infrastrutturali adegwata għall-varar ta’ fjuwils alternattivi u sistemi tat-trasport intelliġenti. Barra minn hekk, hija tinkludi miżuri biex jiġu armonizzati u razzjonalizzati l-għodod eżistenti ta’ monitoraġġ u rapportar tat-TEN-T. F’termini tan-network TEN-T, hija tinkludi wkoll rieżami tan-network tat-trasport u tan-nodi tat-trasport. Il-PO2, li tibni fuq il-PO1, tirrappreżenta bidla gradwali billi tintroduċi standards ġodda u aktar ambizzjużi għall-modi ta’ trasport kollha sabiex tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni, għat-tnaqqis tat-tniġġis, għad-diġitalizzazzjoni, għar-reżiljenza u għas-sikurezza tas-sistema tal-infrastruttura tat-trasport. Barra minn hekk, integrazzjoni aħjar tan-nodi urbani fit-TEN-T hija żgurata permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija lejn l-ibliet jew minnhom. Il-PO3, li hija l-għażla ppreferuta, taċċellera t-tlestija tat-TEN-T billi tavvanza l-iskadenza għat-tlestija ta’ ċerti standards u sezzjonijiet tan-network mill-2050 għall-2040, filwaqt li żżomm l-istandards u r-rekwiżiti ambizzjużi introdotti permezz tal-PO2. Hija tiżgura wkoll żvilupp wiesa’ u koerenti fuq in-network, li jissarraf f’reviżoni sostanzjali tad-disinn tan-network TEN-T.
F’termini ta’ riżultati, il-PO3 iġġib benefiċċji ekonomiċi sinifikanti, notevolment żieda ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2030, 1,3 % fl-2040 u 2,4 % sal-2050 meta mqabbla mal-linja bażi. Din tissarraf f’żieda ta’ EUR 57 biljun fil-PDG meta mqabbla mal-linja bażi fl-2030, EUR 229 biljun fl-2040 u EUR 467 biljun fl-2040. Investimenti ogħla fuq it-TEN-T joħolqu wkoll l-impjiegi, li jwasslu għal żieda stmata ta’ 0,1 % fl-impjiegi fl-2030 meta mqabbla mal-linja bażi, 0,3 % fl-2040 u 0,5 % sal-2050, ekwivalenti għal 200 000 persuna impjegata addizzjonali fl-2030, 561 000 fl-2040 u 840 000 sal-2050. Il-PO3 taħdem ukoll tajjeb fil-bidla tal-attività tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri għal modi ta’ trasport aktar sostenibbli. L-implimentazzjoni antiċipata ta’ standard ferrovjarju ġdid tal-passiġġieri (veloċità tal-linja ta’ 160 km/h), l-introduzzjoni tal-gauge tat-tagħbija ta’ P400 (li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni ta’ semitrejlers fuq vaguni ferrovjarji), kif ukoll l-estensjoni ta’ xi standards ferrovjarji min-network ewlieni għal dak komprensiv, flimkien mal-estensjoni ta’ dan tal-aħħar, huma pproġettati li se jżidu l-attività tat-trasport bil-ferrovija. Dan huwa rifless ukoll f’sehem ferrovjarju ogħla fil-qasma modali għad-detriment tas-settur tat-toroq. Għalkemm is-sehem modali tal-passaġġi fuq l-ilma interni u tat-trasport marittimu jibqa’ ġeneralment stabbli, l-implimentazzjoni ta’ standards ġodda tippermetti lis-settur jassorbi t-tkabbir ipproġettat tal-volumi tat-traffiku tal-EU27 u tat-traffiku marittimu intra-UE. Barra minn hekk, il-bidla mit-trasport bit-triq għal modi ta’ trasport b’inqas emissjonijiet permessa mill-ġabra ta’ miżuri inklużi fil-PO3 hija pproġettata li tirriżulta fi tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 u fit-tniġġis tal-arja. It-tnaqqis fil-kostijiet esterni tal-emissjonijiet ta’ CO2 huwa stmat għal madwar EUR 387 miljun meta mqabbel mal-linja bażi matul il-perjodu 2021-2050, espress bħala l-valur preżenti, filwaqt li t-tnaqqis fil-kostijiet esterni tat-tniġġis tal-arja huwa ta’ madwar EUR 420 miljun. Barra minn hekk, it-titjib tas-sikurezza fit-toroq jinġieb bl-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u karatteristiċi ta’ sikurezza relatati għas-sezzjonijiet kollha tan-network ’il fuq minn ċertu livell limitu tat-traffiku ta’ kuljum li jnaqqas in-numru ta’ fatalitajiet u persuni korruti. It-tnaqqis fil-kostijiet esterni tal-aċċidenti huwa stmat għal madwar EUR 3 930 miljun meta mqabbel mal-linja bażi matul il-perjodu 2021-2050, espress bħala l-valur preżenti. It-tnaqqis fil-kostijiet esterni tal-konġestjoni interurbana tat-toroq huwa stmat għal madwar EUR 2 891 miljun meta mqabbel mal-linja bażi matul il-perjodu 2021-2050.
F’termini ta’ kostijiet, l-għażla ppreferuta tilħaq l-aħjar bilanċ bejn l-objettivi miksuba u l-kostijiet ġenerali tal-implimentazzjoni. L-investimenti għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha taħt il-PO3 huma stmati għal EUR 247,5 biljun meta mqabbla mal-linja bażi, espressi bħala l-valur preżenti matul il-perjodu 2021-2050. Barra minn hekk, il-kostijiet amministrattivi għas-settur privat huma stmati għal EUR 8,6 miljun meta mqabbla mal-linja bażi, espressi bħala l-valur preżenti matul il-perjodu 2021-2050, u dawk għall-awtoritajiet pubbliċi għal EUR 25,4 miljun. Impatti oħrajn, relatati mal-emissjonijiet tal-istorbju u t-telf potenzjali tal-bijodiversità, kienu diffiċli biex jiġu kkwantifikati, minħabba li l-impatti tal-istorbju jiddependu ħafna fuq is-sitwazzjoni (tat-traffiku) lokali, filwaqt li dawk tal-bijodiversità jiddependu ħafna fuq il-post u l-karatteristiċi speċifiċi tal-infrastruttura.
L-ammeljorament tal-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju kkombinat u tat-terminals huwa element importanti biex jiġi żgurat li t-trasport intermodali jsir primarjament bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew fuq distanzi qosra tat-trasport bil-baħar u li kwalunkwe komponent inizjali u/jew finali mwettaq bit-triq ikun qasir kemm jista’ jkun. Dawk l-ammeljoramenti fl-infrastruttura se jiġġeneraw opportunitajiet għall-SMEs, minkejja li f’xi segmenti jeżistu wkoll atturi kbar. Il-partijiet interessati ewlenin ikkonċernati huma l-impriżi ferrovjarji fis-suq tal-merkanzija, l-operaturi tat-terminals tal-merkanzija bil-ferrovija, il-kumpaniji tal-ġarr bit-trakkijiet u l-operaturi fit-terminals tal-passiġġieri. Fis-settur tat-toroq, it-titjib taż-żoni ta’ mistrieħ u tas-sitwazzjoni tal-parkeġġ għall-ġarr bit-trakkijiet reġjonali u fuq distanzi twal se jkun ta’ benefiċċju għall-għadd kbir ta’ kumpaniji żgħar tal-ġarr bit-trakkijiet proprjetà tas-sewwieqa, li fil-fatt huma fost l-iżgħar intrapriżi fil-qasam tat-trasport, minħabba li jiddependu minn network dens u ta’ kwalità ta’ żoni ta’ parkeġġ.
Il-PO3 iżżid dimensjoni importanti għall-objettiv ta’ koeżjoni tat-TEN-T permezz tal-identifikazzjoni ta’ nodi urbani u l-integrazzjoni tat-terminals tal-passiġġieri/merkanzija fit-territorju kollu tal-UE li għandhom rwol kruċjali għall-konnettività reġjonali. Il-PO3 tistimula wkoll bl-aħjar mod ir-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima tal-infrastruttura TEN-T. Fl-aħħar nett, il-PO3 iżżid valur importanti biex tiġi żgurata l-koerenza ma’ politiki oħrajn billi tirrieżamina d-disinn tan-network TEN-T (eż. permezz tal-ħolqien ta’ Kurituri Ewropej tat-Trasport, is-sostituzzjoni taż-żewġ tipi eżistenti ta’ kurituri – il-Kurituri tan-Network Ewlieni u l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija).
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din l-inizjattiva hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 taħt l-Anness I (inizjattivi ġodda) u ma hijiex parti mill-Anness II (inizjattivi REFIT).
Hija ttejjeb il-funzjonament tal-politika tat-TEN-T billi żżid l-effiċjenza tal-qafas regolatorju kollu kemm hu. Barra minn hekk, hija tiċċara ċerti rekwiżiti u kunċetti. Pereżempju, il-kunċett ta’ Awtostradi tal-Baħar kif definit bħalissa fir-Regolament ġie rikonoxxut minn għadd kbir ta’ esperti u promoturi tal-proġetti bħala kumpless iżżejjed. L-evalwazzjoni tar-Regolament TEN-T tikkonferma li dan jibbenefika mis-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni f’kunċett globali u integrat tat-TEN-T li jkopri l-portijiet, it-trasport marittimu u l-elementi l-oħrajn kollha tal-infrastruttura marittima għall-benefiċċju tal-“Ispazju Marittimu Ewropew” kollu. Eżempju ieħor huwa l-allinjament tal-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija mal-Kurituri tan-Network Ewlieni, li se jippermetti li jiġu ottimizzati l-istrumenti u li tiġi evitata d-duplikazzjoni, pereżempju, ir-rekwiżit li jitfasslu pjanijiet ta’ investiment skont ir-Regolament dwar il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija, li jenħtieġ li sempliċiment jitneħħa, minħabba li tali pjanijiet ta’ investiment jikkoinċidu mal-pjanijiet ta’ ħidma li jitħejjew regolarment mill-Koordinaturi Ewropej tat-TEN-T.
Ġew identifikati żewġ simplifikazzjonijiet oħrajn li se jwasslu għal iffrankar potenzjali tal-kostijiet:
·l-input awtomatizzat ta’ data fis-sistema TENtec, li jippermetti skambju direttament mis-sors tad-data (Stat Membru, maniġer tal-infrastruttura);
·is-sostituzzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma biennali tal-Koordinaturi Ewropej u r-rapportar ta’ progress biennali dwar l-implimentazzjoni tat-TEN-T mill-Istati Membri bi pjan ta’ ħidma li jinkludi l-prijoritajiet għall-iżvilupp rispettiv tal-kurituri kull erba’ snin, b’rapport tal-istatus annwali qasir dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Kurituri, l-Awtostradi tal-Baħar (fl-Ispazju Marittimu Ewropew futur) u l-ERTMS.
Filwaqt li l-proposta żżid il-kostijiet ġenerali tal-implimentazzjoni għall-awtoritajiet, hija tiġġenera titjib, b’mod partikolari gwadanji ekonomiċi u tal-impjiegi u tippermetti forom ta’ trasport aktar sostenibbli li aktar milli jikkumpensaw għaż-żieda fil-kostijiet regolatorji.
•Drittijiet fundamentali
Billi tistabbilixxi rekwiżiti tal-infrastruttura rilevanti, il-proposta se ssaħħaħ l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha, u b’hekk ittejjeb l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa u tikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-kostijiet amministrattivi meta mqabbla mal-linja bażi ġew stmati bħala moderati, speċjalment meta mqabbla mal-pjanijiet ambizzjużi ta’ reviżjoni skont l-għażla ta’ politika ppreferuta. Espressi bħala l-valur preżenti matul il-perjodu 2021-2050, il-kostijiet amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi ġew stmati għal EUR 25,4 miljun (jiġifieri EUR 15,8 miljun għall-Kummissjoni Ewropea u EUR 9,6 miljun għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri). Barra minn hekk, l-akbar parti tal-investimenti hija stmata li toriġina minn finanzjament pubbliku (fondi pubbliċi nazzjonali, fondi tal-UE) u tammonta għal EUR 244,2 biljun meta mqabbla mal-linja bażi, espressa bħala l-valur preżenti matul il-perjodu 2021-2050.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress, l-impatti u r-riżultati ta’ din l-inizjattiva permezz ta’ sett ta’ strumenti ta’ governanza, abbażi tal-governanza tat-TEN-T, bħall-Koordinaturi Ewropej imsaħħa u l-pjanijiet ta’ ħidma tagħhom. Il-monitoraġġ se jissaħħaħ aktar fir-Regolament rivedut.
F’dan ir-rigward, il-Koordinaturi Ewropej kienu strumentali, minħabba li huma jaġixxu bħala ambaxxaturi tal-politika tat-TEN-T u medjaturi għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li jlaqqgħu flimkien fl-hekk imsejħa Fora tal-Kurituri. Din il-ħidma se tkompli tingħata spinta permezz ta’ rwol imsaħħaħ tal-Koordinaturi Ewropej. Barra minn hekk, kull Kuritur Ewropew tat-Trasport u ż-żewġ prijoritajiet orizzontali se jiġu appoġġati minn studji ddedikati li jimmonitorjaw il-progress li sar fir-rigward tat-twettiq tal-istandards, l-iskadenzi u l-iffissar tal-prijoritajiet. Dan, pereżempju, huwa rifless f’monitoraġġ mill-qrib ħafna tal-proġetti kollha ppjanati jew li għaddejjin fuq it-TEN-T (l-hekk imsejħa analiżi ta’ “riżerva ta’ proġetti” u “rapporti ta’ implimentazzjoni tal-proġetti” ta’ kull sitt xhur). B’hekk, il-proġetti qed jiġu vvalutati f’termini tal-maturità finanzjarja tagħhom, kif ukoll l-istatus tagħhom f’termini ta’ permessi u akkwisti, sabiex il-problemi, pereżempju, f’termini ta’ dewmien, ikunu jistgħu jiġu identifikati faċilment u jiġu ppjanati interventi mill-Kummissjoni u/jew mill-Koordinaturi Ewropej. Ir-Regolament il-ġdid se jinkludi wkoll il-possibbiltà li jinbena aktar milli fil-passat fuq l-atti ta’ implimentazzjoni. Dawn mhux biss se jrawmu l-iffissar tal-prijoritajiet fil-livell nazzjonali, iżda wkoll jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-progress li sar fuq it-TEN-T fl-isfond tal-objettivi intermedji definiti u miftiehma f’dawk l-atti ta’ implimentazzjoni. Bħala tali, huma wkoll bażi soda ħafna għall-monitoraġġ ta’ dawk il-proġetti, minħabba li l-progress regolari jista’ jiġi vverifikat għal kull objettiv intermedju u jittieħdu miżuri xierqa f’każ ta’ dewmien. Meta jadottaw dawn l-atti ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati jaqblu wkoll ma’ rapportar regolari dwar il-progress miksub. F’termini ta’ monitoraġġ, il-progress tat-TEN-T se jiġi mmonitorjat f’termini tat-tlestija teknika tal-infrastruttura TEN-T bl-istandards definiti tat-TEN-T u fl-isfond tal-iskadenzi definiti tal-2030, l-2040 u l-2050. B’hekk, l-istandards u r-rekwiżiti se jikkostitwixxu l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li abbażi tagħhom se jiġi mmonitorjat is-suċċess tat-TEN-T (eż. il-persentaġġ tat-tul tas-sezzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li huma elettrifikati, jilqgħu għal tagħbija fuq il-fus ta’ 22,5 u għal tul tal-ferrovija ta’ 740 metru; l-għadd ta’ portijiet marittimi b’aċċess ferrovjarju, eċċ.). Minbarra dan, isir monitoraġġ kostanti permezz tal-hekk imsejħa bażi tad-data TENtec, sistema ta’ informazzjoni b’saħħitha li fil-futur se tippermetti skambju awtomatizzat f’waqtu ta’ data direttament mis-sors tad-data (Stat Membru, maniġer tal-infrastruttura).
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-istruttura tar-Regolament rivedut se tiddevja mill-istruttura tar-Regolament attwali. Hija mhux se tibqa’ tiġi organizzata skont is-saff tan-network (ewlieni u komprensiv) iżda skont il-mod tat-trasport, li se jippermetti fehim aħjar tad-diversi rekwiżiti. Hija se tinkludi rekwiżiti u mapep speċifiċi għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport, kif ukoll l-iskadenza intermedjarja l-ġdida tal-2040. L-ewwel kapitoli tar-Regolament jispjegaw l-objettivi ġenerali tat-TEN-T u l-approċċ gradwali biex jitlesta n-network. Dan se jkun jikkonsisti fil-kapitoli ewlenin li ġejjin:
Premessi
B’mod partikolari, il-premessi se jiffokaw fuq il-kontribut tat-TEN-T għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. Barra minn hekk, huma jagħtu dettalji dwar ir-rabtiet tat-TEN-T rivedut ma’ politiki oħrajn tat-trasport fil-modi differenti u ma’ oqsma ta’ politika barra mis-settur tat-trasport, pereżempju, il-politika ambjentali u klimatika, il-politika soċjali, il-politika ta’ koeżjoni, il-politika barranija, eċċ. Barra minn hekk, il-premessi jenfasizzaw aspetti tal-ippjanar tal-infrastruttura nazzjonali u tal-UE u tal-fondi u l-finanzjament.
Il-Kapitolu I: Prinċipji ġenerali
Il-Kapitolu 1 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tar-Regolament TEN-T. Huwa jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Dan fih id-definizzjonijiet tal-elementi differenti tar-Regolament u tat-terminoloġija użata fit-test kollu. Barra minn hekk, huwa jintroduċi l-objettivi tar-Regolament (il-koeżjoni, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-benefiċċji għall-utenti) u kif għandhom jintlaħqu. Dan il-kapitolu jistabbilixxi wkoll li n-network trans-Ewropew tat-trasport għandu jiġi ppjanat, żviluppat u mħaddem b’mod effiċjenti fir-riżorsi, li jikkonforma mar-rekwiżiti ambjentali nazzjonali u tal-UE applikabbli. L-Artikoli li ġejjin jiddeskrivu d-dimensjoni ġeografika tal-istruttura tan-network u l-Kurituri Ewropej tat-Trasport (ETC). Fl-aħħar nett, il-Kapitolu 1 jiddeskrivi l-prinċipji tal-proġetti ta’ interess komuni u tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
Il-Kapitolu II: Dispożizzjonijiet ġenerali
Il-Kapitolu 2 fih id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament li jispeċifikaw in-network ewlieni, in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv, kif ukoll il-Kurituri Ewropej tat-Trasport (ETC) u jistabbilixxi l-prijoritizzazzjoni tal-miżuri fuq in-networks differenti.
Il-Kapitolu III: Dispożizzjonijiet speċifiċi
Il-Kapitolu 3 fih id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għal kull mod ta’ trasport indirizzat mir-Regolament fid-dawl ta’:
·id-definizzjoni tal-komponenti tal-infrastruttura,
·ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network komprensiv,
·ir-rekwiżiti għan-network ewlieni u għan-network ewlieni estiż,
·prijoritajiet addizzjonali.
Barra minn hekk, dan il-kapitolu fih dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tar-reviżjoni applikabbli għat-terminals multimodali tal-merkanzija u għan-nodi urbani.
Il-Kapitolu IV: Dispożizzjonijiet għal trasport intelliġenti u reżiljenti
Il-Kapitolu 4 fih dispożizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tar-rekwiżiti tar-Regolament fid-dawl tas-sistemi tal-ICT għat-trasport, is-servizzi sostenibbli, it-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni, l-infrastruttura sikura u sigura, ir-reżiljenza, l-investimenti minn pajjiżi terzi, il-manutenzjoni u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti, kif ukoll l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha.
Il-Kapitolu V: L-implimentazzjoni ta’ strumenti tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u prijoritajiet orizzontali
Il-Kapitolu 5 jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u tal-prijoritajiet orizzontali (is-Sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u l-Ispazju Marittimu Ewropew). Dan jiddeskrivi l-istrument tal-ETC u l-prijoritajiet orizzontali u fih dispożizzjonijiet dwar kif għandhom jiġu kkoordinati u rregolati. Barra minn hekk, il-kapitolu fih dispożizzjonijiet dwar l-għodod ta’ implimentazzjoni, eż. il-pjanijiet ta’ ħidma tal-koordinaturi u l-atti ta’ implimentazzjoni.
Il-Kapitolu VI: Dispożizzjonijiet komuni
Il-Kapitolu 6 fih id-dispożizzjonijiet komuni tar-Regolament fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar u monitoraġġ, il-proċeduri għall-aġġornament tan-network u l-prinċipji għall-involviment mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati. Dan fih dispożizzjonijiet dwar l-allinjament tal-pjanijiet nazzjonali mal-politika tat-trasport tal-UE. Barra minn hekk, huwa fih dispożizzjonijiet rigward l-eżerċitar tad-delega, il-proċedura tal-kumitat, ir-rieżami tar-Regolament, il-proċeduri fir-rigward tad-dewmien fl-implimentazzjoni tan-network u l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet. Fl-aħħar nett, huwa jiddeskrivi l-impatt tar-Regolament fuq atti leġiżlattivi oħrajn fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu emendati.
Annessi:
L-Annessi tar-Regolament fihom mapep dettaljati tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, listi ta’ nodi tat-trasport u nodi urbani fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-definizzjoni ta’ allinjament u mapep tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport. Barra minn hekk, huwa fih mapep indikattivi għall-pajjiżi ġirien, kif ukoll speċifikazzjonijiet għar-rekwiżiti għall-iżvilupp ta’ Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli. Huwa fih ukoll artikolu li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u tabella ta’ korrelazzjoni bejn ir-Regolament (UE) 1315/2013 u dan ir-Regolament.
2021/0420 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) 1315/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 172 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Patt
Ekoloġiku Ewropew
” ta’ Diċembru 2019 tistabbilixxi objettiv tan-newtralità klimatika li għandu jintlaħaq mill-Unjoni sal-2050, kif ukoll objettiv ċar li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dawk l-objettivi huma stabbiliti bħala mira fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)L-emissjonijiet tat-trasport jirrappreżentaw madwar 25 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-Unjoni, u dawn l-emissjonijiet żdiedu matul dawn l-aħħar snin. Għalhekk, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport, sabiex l-Unjoni ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li taħdem lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.
(3)L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tistabbilixxi l-objettivi intermedji biex turi t-triq tas-sistema Ewropea tat-trasport lejn il-kisba tal-objettivi ta’ mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti. Hija tipprevedi li t-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija jenħtieġ li jżid is-sehem mis-suq tiegħu b’50 % sal-2030 u jirdoppjah sal-2050; it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra jenħtieġ li jżid is-sehem mis-suq tiegħu b’25 % sal-2030 u b’50 % sal-2050; it-traffiku fuq ferroviji ta’ veloċità għolja jenħtieġ li jirdoppja sal-2030 u jiżdied bi tliet darbiet sal-2050; mill-inqas 30 miljun karozza b’emissjonijiet żero u 80 000 trakk b’emissjonijiet żero jenħtieġ li jkunu operattivi fit-toroq tal-Unjoni sal-2030, u kważi l-karozzi, il-vannijiet u l-karozzi tal-linja kollha u l-vetturi heavy-duty ġodda jenħtieġ li jkunu b’emissjonijiet żero sal-2050; l-ivvjaġġar kollettiv skedat taħt il-500 km jenħtieġ li jkun newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 fl-Unjoni; sal-2030, jenħtieġ li jkun hemm mill-inqas 100 belt newtrali għall-klima fl-Ewropa.
(4)Ir-realizzazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport toħloq il-kundizzjonijiet abilitanti f’termini ta’ bażi tal-infrastruttura li jippermettu li l-modi kollha tat-trasport isiru aktar sostenibbli, affordabbli u inklużivi, li l-alternattivi sostenibbli jsiru disponibbli b’mod wiesa’ f’sistema tat-trasport multimodali u li jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni, notevolment billi tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, f’konformità mal-objettivi ppreżentati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) […] ta’ […] dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika.
(5)L-ippjanar, l-iżvilupp u l-operat tan-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jippermettu forom ta’ trasport sostenibbli, jipprevedu soluzzjonijiet ta’ trasport multimodali u interoperabbli mtejba u integrazzjoni intermodali mtejba tal-katina loġistika kollha, u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern billi joħolqu l-arterji li huma meħtieġa għall-flussi bla xkiel tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li n-network jimmira li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jiżgura l-aċċessibbiltà u l-konnettività għar-reġjuni kollha tal-Unjoni, inkluża konnettività aħjar tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ reġjuni remoti, rurali, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll ta’ żoni skarsament popolati. L-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jippermetti wkoll il-mobbiltà bla xkiel, sikura u sostenibbli tal-merkanzija u tal-persuni fid-diversità kollha tagħhom, u jenħtieġ li jikkontribwixxi għal aktar tkabbir ekonomiku u kompetittività f’perspettiva globali, billi jistabbilixxi interkonnessjonijiet u interoperabbiltà bejn in-networks nazzjonali tat-trasport b’mod sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi.
(6)Iż-żieda fit-traffiku rriżultat f’konġestjoni akbar fit-trasport internazzjonali. Sabiex tiġi żgurata l-mobbiltà internazzjonali tal-passiġġieri u tal-merkanzija, il-kapaċità tan-network trans-Ewropew tat-trasport u l-użu ta’ dik il-kapaċità jenħtieġ li jiġu ottimizzati u, fejn ikun meħtieġ, estiżi billi jitneħħew il-konġestjonijiet fl-infrastruttura u jinħolqu l-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura fl-Istati Membri u bejniethom u, kif xieraq, il-pajjiżi ġirien, filwaqt li jitqiesu n-negozjati li għaddejjin mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.
(7)Fil-biċċa l-kbira tiegħu, in-network trans-Ewropew tat-trasport jikkonsisti fl-infrastruttura eżistenti. Sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi tal-politika l-ġdida tan-network trans-Ewropew tat-trasport, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi rigward l-infrastruttura.
(8)In-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jiġi żviluppat u sostnut permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, permezz tal-manutenzjoni u l-ammeljorament tal-infrastruttura eżistenti u permezz ta’ miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti tiegħu tar-riżorsi.
(9)Fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi partikolari tal-proġett individwali kkonċernat. Fejn ikun possibbli, jenħtieġ li jiġu sfruttati sinerġiji ma’ politiki oħrajn, pereżempju, ma’ aspetti tat-turiżmu billi tiġi inkluża, fi ħdan strutturi tal-inġinerija ċivili bħal pontijiet jew mini, infrastruttura tar-roti għal mogħdijiet taċ-ċikliżmu, inklużi r-rotot EuroVelo, jew ma’ aspetti tas-sigurtà billi jiġu inklużi teknoloġiji ġodda bħal sensuri fil-pontijiet.
(10)Sabiex tinkiseb infrastruttura tat-trasport ta’ kwalità għolja u effiċjenti fil-modi kollha, l-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jqis is-sigurtà u s-sikurezza tal-movimenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija, il-kontribut għat-tibdil fil-klima u l-impatt tat-tibdil fil-klima u ta’ perikli naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem potenzjali fuq l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha tat-trasport, speċjalment f’reġjuni li huma partikolarment affettwati mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima.
(11)Meta jippjanaw, jakkwistaw u jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni, jenħtieġ li l-Istati Membri u promoturi oħrajn tal-proġetti jqisu kif xieraq id-Direttiva (UE) 2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(12)Matul l-ippjanar tal-infrastruttura, jenħtieġ li l-Istati Membri u promoturi oħrajn tal-proġetti jqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet tar-riskji u l-miżuri ta’ adattament li jfittxu li jtejbu r-reżiljenza, pereżempju, għat-tibdil fil-klima, għall-perikli naturali u għad-diżastri kkawżati mill-bniedem. Billi jiġu pprovduti aktar inċentivi għall-iżvilupp ta’ forom sostenibbli ta’ trasport u bl-implimentazzjoni ta’ standards ta’ livell għoli għall-infrastruttura tat-trasport ekoloġiku, ir-realizzazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport se tappoġġa l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
(13)Minħabba l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura tal-Unjoni u l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lulju 2020, li skonthom in-nefqa tal-Unjoni jenħtieġ li tkun konsistenti mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, jenħtieġ li l-proġetti ta’ interess komuni jiġu vvalutati sabiex jiġi żgurat li l-politika tat-TEN-T tkun koerenti mal-objettivi tal-politika tat-trasport, tal-ambjent u tal-klima tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri u promoturi oħrajn tal-proġetti jwettqu valutazzjonijiet ambjentali tal-pjanijiet u tal-proġetti li jenħtieġ li jinkludu l-valutazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” abbażi tal-aħħar gwida disponibbli u tal-aħjar prattika. Fil-każijiet fejn l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ interess komuni tinvolvi ħsara sinifikanti għal objettiv ambjentali jew klimatiku, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati alternattivi raġonevoli.
(14)Il-proġetti infrastrutturali skont ir-Regolament TEN-T jenħtieġ li jkunu reżiljenti għall-impatti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima permezz ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u tar-riskju b’rabta mal-klima, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ adattament rilevanti. Il-proġetti li għalihom trid titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali jenħtieġ li jkunu soġġetti għal verifika tar-reżistenza klimatika u li jintegraw il-kostijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima fl-analiżi kost-benefiċċji. Il-verifika tar-reżistenza klimatika jenħtieġ li titwettaq abbażi tal-aħħar gwida u l-aħjar prattika disponibbli. Din tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-adattament għat-tibdil fil-klima fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-ippjanar taħt il-baġit tal-Unjoni.
(15)Jenħtieġ li l-Istati Membri u promoturi oħrajn tal-proġetti jwettqu valutazzjonijiet ambjentali tal-pjanijiet u tal-proġetti skont il-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex jevitaw jew, fejn l-evitar ma jkunx possibbli, itaffu jew jikkumpensaw għall-impatti negattivi fuq l-ambjent, bħall-frammentazzjoni tal-pajsaġġ, l-issiġillar tal-ħamrija u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, kif ukoll l-istorbju, kif ukoll jipproteġu l-bijodiversità b’mod effettiv.
(16)L-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll dawk tal-pubbliku kkonċernat minn proġett ta’ interess komuni, jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq fil-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-proġetti.
(17)Id-definizzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li tkun ibbażata fuq metodoloġija komuni u trasparenti u jenħtieġ li tirrappreżenta l-ogħla livell ta’ ppjanar tal-infrastruttura fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan ikun multimodali, jiġifieri jenħtieġ li jinkludi l-modi kollha ta’ trasport u l-konnessjonijiet tagħhom, kif ukoll is-sistemi rilevanti tal-ġestjoni tal-informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar.
(18)In-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jiġi żviluppat gradwalment fi tliet passi bl-għan ġenerali li jiġi realizzat network multimodali u interoperabbli fl-Ewropa kollha ta’ standards ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiġu rrispettati l-objettivi ġenerali tal-Unjoni b’rabta mal-ambjent u n-newtralità klimatika: it-tlestija ta’ network ewlieni sal-2030, ta’ network ewlieni estiż sal-2040 u tan-network komprensiv sal-2050.
(19)Minbarra l-iskadenzi tal-2030 u l-2050 li diġà ġew introdotti skont ir-Regolament (UE) 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li tiżdied skadenza intermedjarja tal-2040 għall-konformità tan-network ma’ dan ir-Regolament għan-network ewlieni estiż li huwa parti mill-Kurituri Ewropej tat-Trasport. L-istess skadenza intermedjarja jenħtieġ li tapplika wkoll għal standards ġodda fuq in-network ewlieni li ġew introdotti flimkien mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 1315/2013 sabiex jippermettu l-investimenti meħtieġa fil-ħin.
(20)In-network komprensiv jenħtieġ li jkun network tat-trasport madwar l-Ewropa kollha li jiżgura l-aċċessibbiltà u l-konnettività tar-reġjuni kollha fl-Unjoni, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni remoti, rurali, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll żoni skarsament popolati, u li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali bejniethom. Ir-rekwiżiti għall-infrastruttura tan-network komprensiv jenħtieġ li jiġu stabbiliti sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta’ network ta’ kwalità għolja fl-Unjoni kollha.
(21)Jenħtieġ li n-network komprensiv ikun mgħammar biżżejjed b’infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi sabiex jiġi żgurat li dan jappoġġa b’mod effettiv it-tranżizzjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet żero, f’konformità mal-objettivi intermedji stabbiliti fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti.
(22)Minbarra n-network ewlieni, jenħtieġ li jiġi definit network ewlieni estiż abbażi ta’ sezzjonijiet ta’ prijorità tan-network komprensiv li huma parti mill-Kurituri Ewropej tat-Trasport.
(23)In-network ewlieni ġie identifikat abbażi ta’ metodoloġija oġġettiva tal-ippjanar. Dik il-metodoloġija identifikat l-aktar nodi urbani, portijiet u ajruporti importanti, kif ukoll il-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Kull fejn ikun possibbli, dawk in-nodi għandhom jiġu konnessi mal-konnessjonijiet multimodali, sakemm ikunu ekonomikament vijabbli u fattibbli sal-2030. Il-metodoloġija żgurat l-interkonnessjoni tal-Istati Membri kollha u l-integrazzjoni tal-gżejjer prinċipali fin-network ewlieni.
(24)In-network ewlieni bi skadenza tal-2030 u n-network ewlieni estiż bi skadenza tal-2040 jenħtieġ li jikkostitwixxu l-pedament tan-network tat-trasport multimodali sostenibbli, li jirrappreżenta l-aktar nodi u konnessjonijiet importanti mil-lat strateġiku tan-network trans-Ewropew tat-trasport, skont il-ħtiġijiet tat-traffiku. Jenħtieġ li dawn jistimolaw l-iżvilupp tan-network komprensiv kollu u jippermettu li l-azzjoni tal-Unjoni tikkonċentra fuq dawk il-komponenti tan-network trans-Ewropew tat-trasport bl-ogħla valur miżjud Ewropew, b’mod partikolari s-sezzjonijiet transfruntiera, il-konnessjonijiet neqsin, il-punti ta’ konnessjoni multimodali u l-konġestjonijiet ewlenin.
(25)Ċerti standards eżistenti tan-network ewlieni jenħtieġ li jiġu estiżi għan-network ewlieni estiż u għan-network komprensiv sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tan-network, tiżdied l-interoperabbiltà bejn it-tipi ta’ networks u tkun tista’ ssir aktar attività b’forom ta’ trasport aktar sostenibbli, inkluż permezz ta’ diġitalizzazzjoni ogħla u soluzzjonijiet teknoloġiċi oħrajn.
(26)L-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-infrastruttura applikabbli għan-network ewlieni, għan-network ewlieni estiż u għan-network komprensiv jenħtieġ li jkunu possibbli biss f’każijiet debitament ġustifikati u soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li dawn ikunu jinkludu każijiet fejn l-investiment ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat, jew fejn ikun hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti, pereżempju f’reġjuni ultraperiferiċi u f’reġjuni remoti, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn jew f’żoni skarsament popolati, jew għal networks iżolati jew parzjalment iżolati.
(27)In-network tal-infrastruttura fuq l-art, stabbilit permezz tan-network ewlieni, in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv, jenħtieġ li jintegra mad-dimensjoni marittima tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jinħoloq Spazju Marittimu Ewropew verament sostenibbli, intelliġenti, bla xkiel u reżiljenti. Jenħtieġ li dan jinkludi l-komponenti kollha tal-infrastruttura marittima tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
(28)Jenħtieġ li l-Ispazju Marittimu Ewropew jiġi implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istrateġiji makroreġjonali u tal-baċiri tal-baħar Ewropej li jipprovdu qafas ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea adattat kemm fil-livell tranżnazzjonali tal-Unjoni kif ukoll fil-livell transfruntier ma’ pajjiżi terzi.
(29)Il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija stabbiliti abbażi tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Kurituri tan-Network Ewlieni definiti fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 huma strumenti ta’ politika komplementari, li jsegwu objettivi relatati mill-qrib, b’mod partikolari biex jagħtu spinta lis-servizzi tat-trasport sostenibbli, effiċjenti u sikuri. Għalkemm il-kooperazzjoni ħalliet il-frott f’ħafna aspetti, f’xi każijiet ġew identifikati d-duplikazzjoni tal-attivitajiet u l-ħtiġijiet għal skambju aħjar ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija u l-Kurituri tan-Network Ewlieni ma humiex kompletament allinjati ġeografikament, u dan jillimita l-possibbiltà għal koordinazzjoni, pereżempju fuq kwistjonijiet bħall-varar tar-rekwiżiti tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport jew it-titjib tal-kwalità tas-servizzi ferrovjarji. Għalhekk, hemm potenzjal importanti mhux sfruttat għal razzjonalizzazzjoni, effettività akbar u aktar sinerġiji.
(30)Kif iddikjarat fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, hija meħtieġa integrazzjoni tal-Kurituri tan-Network Ewlieni u tal-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija fil-“Kurituri Ewropej tat-Trasport” sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-ippjanar tal-infrastruttura u l-operat tat-trasport. Jenħtieġ li l-Kurituri Ewropej tat-Trasport isiru l-istrument għall-iżvilupp ta’ flussi sostenibbli u multimodali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa u għall-iżvilupp ta’ infrastruttura interoperabbli ta’ kwalità għolja u prestazzjoni operazzjonali. Bħala tali, jenħtieġ li dawn ikunu wkoll l-għodda biex titwettaq il-viżjoni tal-ħolqien ta’ network ferrovjarju kompetittiv ħafna madwar l-Unjoni.
(31)Jenħtieġ li l-Kurituri Ewropej tat-Trasport ikopru l-aktar flussi importanti tat-trasport fuq distanzi twal u jkunu jikkonsistu f’assi multimodali ewlieni tat-trasport Ewropew, abbażi ta’ partijiet min-network trans-Ewropew tat-trasport, ikunu multimodali u miftuħa għall-inklużjoni tal-modi kollha ta’ trasport koperti f’dan ir-Regolament u jaqsmu mill-inqas żewġ fruntieri u jinvolvu mill-inqas tliet modi ta’ trasport.
(32)Sabiex jiġi stabbilit in-network trans-Ewropew tat-trasport b’mod ikkoordinat u f’waqtu, u b’hekk ikun possibbli li jiġu massimizzati l-effetti tan-network, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu ffinalizzati l-proġetti ta’ interess komuni tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv sal-iskadenzi mogħtija, jiġifieri l-2030, l-2040 u l-2050, rispettivament. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm koerenza tal-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u tal-investiment mal-prijoritajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-Koordinaturi Ewropej.
(33)Huwa meħtieġ li jiġu identifikati proġetti ta’ interess komuni li jikkontribwixxu għall-kisba tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u jikkorrespondu għall-prijoritajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tagħhom tkun tiddependi fuq il-grad ta’ maturità tagħhom, fuq il-konformità tagħhom mal-proċeduri legali nazzjonali u tal-Unjoni u fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji, mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-impenn finanzjarju ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni.
(34)Il-proġetti ta’ interess komuni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom valur miżjud Ewropew, minħabba li jikkontribwixxu għal network Ewropew ta’ kwalità għolja, interoperabbli u multimodali, li jżid is-sostenibbiltà, il-koeżjoni, l-effiċjenza jew il-benefiċċji għall-utenti. Il-valur miżjud Ewropew ikun ogħla jekk iwassal, minbarra għall-valur potenzjali għall-Istat Membru rispettiv biss, għal titjib sinifikanti fil-konnessjonijiet tat-trasport jew fil-flussi tat-trasport bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz. Tali proġetti transfruntiera jenħtieġ li jkunu s-suġġett ta’ intervent ta’ prijorità mill-Unjoni sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu implimentati.
(35)Jenħtieġ li l-Istati Membri u promoturi oħrajn tal-proġetti jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-proġetti ta’ interess komuni jitwettqu b’mod effiċjenti, sabiex b’hekk jiġi evitat dewmien bla bżonn.
(36)Il-proġetti ta’ interess komuni li għalihom jintalab finanzjament mill-Unjoni jenħtieġ li jkunu s-suġġett ta’ analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji bbażata fuq metodoloġija rikonoxxuta, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji u l-kostijiet soċjali, ekonomiċi klimatiċi u ambjentali rilevanti, kif ukoll il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja. L-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji relatati mal-klima u l-ambjent jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali mwettqa skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(37)Sabiex ikun hemm kontribut għall-miri ta’ tnaqqis tat-tibdil fil-klima tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2050, jenħtieġ li jiġu analizzati l-miżuri maħsuba biex itaffu l-impatti tal-gassijiet serra ta’ proġetti ta’ interess komuni fil-forma ta’ infrastrutturi tat-trasport ġodda, estiżi jew ammeljorati.
(38)Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi ġirien, hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-konnessjoni u l-interoperabbiltà bejn in-networks tal-infrastruttura tal-Unjoni u dawk il-pajjiżi. Fid-dawl ta’ dan, fejn xieraq, jenħtieġ li l-Unjoni tippromwovi proġetti ta’ interess komuni ma’ dawk il-pajjiżi, filwaqt li tivvaluta u tiżgura li l-objettivi u r-rekwiżiti tan-network trans-Ewropew tat-trasport jiġu rrispettati sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-network tal-Unjoni.
(39)Sabiex tinkiseb it-trasformazzjoni tas-settur tat-trasport f’sistema verament multimodali ta’ servizzi ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, jenħtieġ li l-Unjoni tibni network tat-trasport ta’ kwalità għolja b’servizzi ferrovjarji li jilħqu l-veloċità minima tal-linja. It-trasport ferrovjarju kompetittiv tal-passiġġieri għandu potenzjal għoli għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Hemm il-ħtieġa li jiġi żviluppat network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja koerenti u interoperabbli li jgħaqqad il-bliet kapitali u l-bliet il-kbar tiegħu. L-ikkomplementar tal-linji ta’ veloċità għolja eżistenti b’linji tal-passiġġieri b’veloċità minima tal-linja ta’ 160 km/h jenħtieġ li, min-naħa tiegħu, iwassal għal effetti fuq in-network, għal network aktar koerenti u għal għadd akbar ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija. It-tlestija ta’ network ta’ prestazzjoni għolja se tiffaċilita wkoll l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ mudelli ġodda jew differenti tal-allokazzjoni tal-kapaċità, pereżempju, skedi ta’ żmien ta’ servizzi b’intervall permessi mill-inizjattiva ta’ Tfassil mill-Ġdid tal-Iskeda (‘Timetable Redesign’ - TTR).
(40)Jenħtieġ li jiġi stabbilit network tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija aktar sostenibbli, reżiljenti u affidabbli madwar l-Ewropa biex jikkontribwixxi għall-kompetittività tat-trasport ikkombinat. L-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju kkombinat u tat-terminals jenħtieġ li tiġi ammeljorata biex jiġi żgurat li t-trasport intermodali jsir primarjament bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bit-trasport marittimu fuq distanzi qosra u li kwalunkwe komponent inizjali u/jew finali mwettaq bit-triq ikun qasir kemm jista’ jkun.
(41)Minħabba l-fatt li l-varar tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fl-Ewropa qed jaċċellera, u diversi Stati Membri diġà adottaw pjanijiet biex ivaraw l-ERTMS fuq in-networks ferrovjarji nazzjonali kollha tagħhom sal-2040, hemm bżonn li titqies din il-bidla fundamentali u li tiġi stabbilita skadenza aktar ambizzjuża għall-varar tal-ERTMS għan-network komprensiv.
(42)Jenħtieġ li l-ERTMS tiġi varata b’mod kontinwu mhux biss fuq in-network ewlieni, in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv, inkluż fin-nodi urbani, iżda wkoll fuq rotot ta’ aċċess għal terminals multimodali. Dan se jippermetti operazzjonijiet bl-ERTMS biss u jagħti spinta lill-argument għall-vijabbiltà tal-impriżi ferrovjarji.
(43)Billi l-varar ta’ ERTMS ibbażata fuq ir-radju jkompli jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tar-regoli nazzjonali li jaffettwaw l-operat, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ERTMS ibbażata fuq ir-radju biss tiġi varata mill-2025 u li n-network trans-Ewropew tat-trasport kollu mgħammar b’ERTMS ibbażata fuq ir-radju jiġi varat sal-2050.
(44)Jenħtieġ li l-varar tal-ERTMS ikun akkumpanjat minn skadenza regolatorja għad-dekummissjonar tas-sistemi tal-klassi B maġenb il-binarji, u b’hekk l-ERTMS issir l-unika sistema ta’ sinjalazzjoni użata fl-Istati Membri. Id-dekummissjonar tas-sistemi tal-klassi B maġenb il-binarji se jġib miegħu ffrankar sinifikanti ta’ manutenzjoni għall-maniġers tal-infrastruttura, billi l-varar tal-ERTMS u ż-żamma ta’ sistemi addizzjonali maġenb il-binarji għal perjodu mtawwal jiġu jiswew ħafna flus u huma kkumplikati. Jenħtieġ li s-sistemi tal-klassi B jitneħħew b’mod ikkoordinat b’perjodu tranżizzjonali suffiċjenti, sal-2040, li jippermetti lill-impriżi ferrovjarji jantiċipaw il-bidla u jadottaw l-aktar strateġija ta’ migrazzjoni adattata. L-ERTMS, bħala sistema, teħtieġ varar sinkronizzat kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord u l-benefiċċji sħaħ tas-sistema jseħħu biss meta kemm il-ferroviji kif ukoll il-binarji jkunu mgħammra.
(45)Il-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa huma kkaratterizzati minn idromorfoloġija eteroġena li xxekkel prestazzjoni koerenti għall-meded kollha tal-passaġġi fuq l-ilma. Il-passaġġi fuq l-ilma interni, speċjalment il-meded ġierja, jistgħu jiġu affettwati ħafna mill-kundizzjonijiet klimatiċi u tat-temp. Sabiex jiġi żgurat traffiku internazzjonali affidabbli, filwaqt li jiġu rrispettati l-idromorfoloġija u l-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli, jenħtieġ li r-rekwiżiti tat-TEN-T iqisu l-idromorfoloġija speċifika ta’ kull passaġġ fuq l-ilma (pereżempju, xmajjar ġierja jew regolati), kif ukoll l-objettivi tal-politiki ambjentali u tal-bijodiversità. Tali approċċ jenħtieġ li jiġi kkunsidrat fil-livell tal-baċir idrografiku.
(46)Bħala l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ għall-infrastruttura tal-art tan-network trans-Ewropew tat-trasport, il-portijiet marittimi għandhom rwol importanti bħala nodi multimodali transfruntiera li jservu mhux biss bħala ċentri tat-trasport, iżda wkoll bħala gateways għall-kummerċ, clusters industrijali u ċentri tal-enerġija, pereżempju fir-rigward tal-varar ta’ installazzjonijiet eoliċi lil hinn mill-kosta.
(47)It-trasport marittimu fuq distanzi qosra jista’ jagħti kontribut sostanzjali għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport billi jġorr aktar merkanzija u passiġġieri. Jenħtieġ li l-Ispazju Marittimu Ewropew jiġi promoss billi jinħolqu jew jiġu ammeljorati r-rotot tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra u billi jiġu żviluppati l-portijiet marittimi u l-konnessjonijiet tagħhom mal-intern tal-pajjiż sabiex tiġi pprovduta integrazzjoni effiċjenti u sostenibbli ma’ modi oħrajn ta’ trasport.
(48)It-trasport bit-triq fl-Unjoni jikkostitwixxi tliet kwarti tat-trasport intern totali tal-merkanzija (abbażi ta’ tunnellati-kilometri mwettqa) u madwar 90 % tat-trasport intern totali tal-passiġġieri (abbażi tal-għadd totali ta’ kilometri tal-passiġġieri). Minħabba l-importanza tat-trasport bit-triq u l-impenn li tittejjeb is-sikurezza fit-toroq f’konformità mal-objettiv intermedju tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, jeħtieġ li tittejjeb l-infrastruttura tat-toroq mil-lat tas-sikurezza.
(49)Jenħtieġ li n-network trans-Ewropew tat-trasport jiżgura multimodalità effiċjenti sabiex jagħti lok għal għażliet modali aħjar u aktar sostenibbli li għandhom isiru għall-passiġġieri u għall-merkanzija u sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsolidati volumi kbar għal trasferimenti fuq distanzi twal. Jenħtieġ li t-terminals multimodali jkollhom rwol ewlieni biex jintlaħaq dan l-objettiv.
(50)In-nodi urbani għandhom rwol importanti fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport bħala l-punt tat-tluq jew id-destinazzjoni finali (“l-aħħar mil”) għall-passiġġieri u l-merkanzija li jiġu ttrasportati fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport u huma punti ta’ trasferiment fi ħdan jew bejn modi ta’ trasport differenti. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-konġestjonijiet fil-kapaċità u konnettività insuffiċjenti tan-network fi ħdan in-nodi urbani ma jibqgħux ifixklu l-multimodalità tul in-network trans-Ewropew tat-trasport.
(51)Bħala qafas uniku effettiv għall-indirizzar tal-isfidi tal-mobbiltà urbana, jenħtieġ li n-nodi urbani jiżviluppaw Pjan ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMP), li huwa pjan fit-tul, li jinkludi kollox u integrat għall-mobbiltà tal-merkanzija u tal-passiġġieri għaż-żona urbana funzjonali kollha. Jenħtieġ li dan jinkludi objettivi, miri u indikaturi li jsostnu l-prestazzjoni attwali u futura tas-sistema tat-trasport urban, bħala minimu, dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-konġestjoni, l-aċċidenti u l-korrimenti, is-sehem modali u l-aċċess għas-servizzi ta’ mobbiltà, kif ukoll data dwar it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju fil-bliet.
(52)Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta’ appoġġ nazzjonali ta’ SUMP immirat lejn il-promozzjoni tal-użu tas-SUMPs u t-titjib tal-koordinazzjoni fost ir-reġjuni, l-ibliet u l-ibliet. Jenħtieġ li dan jappoġġa lir-reġjuni u liż-żoni urbani biex jiżviluppaw SUMPs ta’ kwalità għolja u jsaħħu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tas-SUMP permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, gwida, bini tal-kapaċità, assistenza u possibbilment appoġġ finanzjarju.
(53)Il-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti, stabbilita taħt il-programm qafas Orizzont Ewropa, timmira li jkun hemm 100 belt newtrali għall-klima fl-Unjoni sal-2030. Il-bliet involuti fil-Missjoni se jaġixxu bħala ċentri ta’ esperimentazzjoni u innovazzjoni u jservu ta’ xempju li oħrajn isegwu sal-2050.
(54)Is-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali jgħinu biex tittejjeb l-integrazzjoni tal-modi ta’ trasport differenti billi jikkombinaw diversi offerti ta’ trasport f’waħda. Jenħtieġ li l-iżvilupp ulterjuri tagħhom jikkontribwixxi għal imġiba ta’ spinta lejn l-aktar modi sostenibbli, it-trasport pubbliku u modi attivi bħall-mixi u ċ-ċikliżmu.
(55)Is-sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) għat-trasport huma meħtieġa sabiex jipprovdu l-bażi għall-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-traffiku u tat-trasport u s-sikurezza tat-traffiku u għat-titjib tas-servizzi relatati. Jenħtieġ li l-flussi ta’ informazzjoni fin-network tat-trasport u tal-mobbiltà jiġu ffaċilitati, inkluż permezz tal-varar tal-Ispazju tad-Data tal-Unjoni dwar il-Mobbiltà. Jenħtieġ li tkun disponibbli informazzjoni għall-passiġġieri, inkluża informazzjoni dwar is-sistemi tal-ħruġ ta’ biljetti u tal-prenotazzjoni.
(56)Is-sistemi u s-servizzi tat-trasport intelliġenti, kif ukoll it-teknoloġiji emerġenti ġodda jenħtieġ li jservu bħala katalist għall-varar ta’ sistemi u servizzi tat-trasport intelliġenti fit-toroq kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
(57)Huwa meħtieġ ippjanar adegwat tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Dan jinvolvi wkoll l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi fin-network kollu f’termini ta’ infrastruttura, sistemi tal-ICT, tagħmir u servizzi, inklużi r-rekwiżiti għat-tnedija tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi kif definita fir-Regolament (UE) […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi]. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat il-varar adegwat u miftiehem ta’ tali rekwiżiti madwar l-Ewropa għal kull mod ta’ trasport u għall-interkonnessjoni tagħhom fin-network trans-Ewropew tat-trasport kollu u lil hinn minnu, sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-effett tan-network u sabiex l-operazzjonijiet ta’ trasport trans-Ewropew effiċjenti u fuq distanzi twal isiru possibbli. Sabiex jiġi żgurat il-varar ta’ fjuwils alternattivi fin-network kollu tat-toroq tan-network trans-Ewropew tat-trasport f’konformità mal-miri stabbiliti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi], jenħtieġ li r-referenzi għal “network ewlieni” fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] jiġu interpretati bħala referenzi għal “network ewlieni” kif definit f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-referenzi għal “network komprensiv” fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] jiġu interpretati bħala referenzi għal “network ewlieni estiż” u “network komprensiv” kif definiti f’dan ir-Regolament.
(58)Jenħtieġ li n-network trans-Ewropew tat-trasport jipprovdi l-bażi għall-varar fuq skala kbira ta’ teknoloġiji ġodda u innovazzjoni, bħall-infrastruttura 5G, li tista’ tgħin biex ittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-settur tat-trasport Ewropew u l-kapaċità li tippermetti flussi siguri tal-passiġġieri bl-użu ta’ mezzi effiċjenti, li tagħmel il-mezzi ta’ trasport pubbliku jew aktar ekoloġiku aktar attraenti għall-passiġġieri, u tnaqqas l-impronta tal-karbonju tiegħu. Dan se jikkontribwixxi lejn l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u, fl-istess ħin, jikkontribwixxi għall-objettiv li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija għall-Unjoni. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, jenħtieġ li d-disponibbiltà ta’ fjuwils alternattivi u infrastruttura relatata tittejjeb fin-network trans-Ewropew tat-Trasport kollu.
(59)Jenħtieġ li jiġu varati għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi għal vetturi light-duty u heavy-duty aċċessibbli għall-pubbliku madwar in-network trans-Ewropew tat-trasport. Jenħtieġ li dan l-għan jiżgura konnettività transfruntiera sħiħa u jippermetti li l-vetturi elettriċi jiċċirkolaw madwar l-Unjoni kollha. Il-miri bbażati fuq id-distanza għan-network trans-Ewropew tat-trasport kif definit fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] għandhom jiżguraw kopertura minima suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar bl-elettriku tul in-networks tat-toroq ewlenin tal-Unjoni.
(60)L-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku tul in-network trans-Ewropew tat-trasport kif definit fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] jenħtieġ li tiġi kkomplementata bir-rekwiżiti dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar fit-terminals multimodali u għaċ-ċentri multimodali tal-passiġġieri, sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ ċċarġjar għal trakkijiet fuq rotot twal meta jkunu qed jitgħabbew jew jinħattu jew meta s-sewwieq ikun qed jistrieħ, jew għal karozzi tal-linja f’ċentri multimodali tal-passiġġieri. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera, meta t-terminals jew iċ-ċentri tal-passiġġieri jirċievu appoġġ mill-Unjoni jew appoġġ pubbliku, jenħtieġ li l-aċċess għall-finijiet ta’ ċċarġjar ikun fuq bażi ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja, sabiex jiġi evitat l-imblukkar tas-suq għal intrapriżi speċifiċi jew distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-ipprezzar isir fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja għall-impriżi jew il-persuni awtorizzati kollha, fejn l-infrastruttura tal-iċċarġjar tinbena bl-użu ta’ finanzjament tal-Unjoni jew pubbliku.
(61)Is-sikurezza, is-sigurtà u l-affidabbiltà insuffiċjenti tal-infrastruttura, ikkawżati minn perikli naturali, inklużi avvenimenti relatati mal-klima u okkorrenzi eċċezzjonali oħrajn bħal pandemiji, diżastri kkawżati mill-bniedem bħal aċċidenti, jew it-tfixkil ikkawżat minn atti intenzjonati bħat-terroriżmu u l-attakki ċibernetiċi, huma problema kbira għall-effiċjenza u l-funzjonament tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Pereżempju, l-aċċidenti kkawżati minn diversi diżastri naturali minħabba avvenimenti estremi tat-temp wasslu għal interruzzjonijiet sinifikanti tal-flussi tat-trasport fis-snin li għaddew. B’hekk, ir-reżiljenza tan-network tat-trasport għat-tibdil fil-klima, għall-perikli naturali, għad-diżastri kkawżati mill-bniedem u għal tfixkil ieħor jenħtieġ li tittejjeb, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-miżuri li jsaħħu r-reżiljenza meħuda minn entitajiet kritiċi għas-settur tat-trasport skont id-Direttiva […] dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi.
(62)B’kont meħud tal-esperjenza fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kriżijiet matul il-pandemija tal-Covid-19 u sabiex jevitaw it-tfixkil u l-kontinġenzi tat-traffiku fil-futur, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport għat-tibdil fil-klima, għall-perikli naturali, għad-diżastri kkawżati mill-bniedem u għal tfixkil ieħor li jaffettwa l-funzjonament tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni, meta jkunu qegħdin jippjanaw l-infrastruttura. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kurituri Ewropej tat-Trasport jinkludu wkoll linji ta’ devjazzjoni importanti li jistgħu jintużaw fil-każ ta’ konġestjoni jew problemi oħrajn fuq ir-rotot prinċipali. Barra minn hekk, minħabba n-natura multimodali tagħhom, mod wieħed jista’ jissostitwixxi lill-ieħor f’każ ta’ emerġenzi.
(63)Il-parteċipazzjoni tal-impriżi, inklużi dawk li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz, inklużi dawk li huma stabbiliti f’pajjiż terz, tista’ taċċellera r-realizzazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi, il-parteċipazzjoni ta’ jew il-kontribut minn impriżi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz għal proġetti ta’ interess komuni jistgħu jikkompromettu s-sigurtà u l-ordni pubbliku fl-UE. Mingħajr preġudizzju u minbarra l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452, hija meħtieġa sensibilizzazzjoni akbar ta’ tali parteċipazzjoni jew kontribut sabiex tippermetti l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi jekk jidher li dawn x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fl-Unjoni u l-parteċipazzjoni jew il-kontribut ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452.
(64)Filwaqt li l-manutenzjoni hija u se tibqa’ r-responsabbiltà ewlenija tal-Istati Membri, huwa importanti li n-network trans-Ewropew tat-trasport – ladarba jinbena – jinżamm f’kundizzjoni tajba sabiex tiġi żgurata kwalità għolja tas-servizzi. Jenħtieġ li jiġi segwit kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja fl-ippjanar u l-akkwist ta’ proġetti infrastrutturali.
(65)Sabiex jiġu implimentati partijiet min-network trans-Ewropew tat-trasport tal-ogħla importanza strateġika fi ħdan l-iskala ta’ żmien partikolari, jenħtieġ li jintuża approċċ ta’ kuritur bħala strument biex jiġu kkoordinati proġetti differenti fuq bażi tranżnazzjonali u biex jiġi sinkronizzat l-iżvilupp tal-kuritur, u b’hekk jiġu massimizzati l-benefiċċji tan-network.
(66)Jenħtieġ li l-Kurituri Ewropej tat-Trasport jgħinu fl-iżvilupp tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport b’tali mod li jiġu indirizzati l-konġestjonijiet, jissaħħu l-konnessjonijiet transfruntiera u jittejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà. Jenħtieġ li dawn jikkontribwixxu għal koeżjoni permezz ta’ kooperazzjoni territorjali mtejba. Jenħtieġ li dawn jindirizzaw ukoll objettivi usa’ tal-politika tat-trasport u jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, l-integrazzjoni modali u l-operazzjonijiet multimodali. L-approċċ tal-kurituri jenħtieġ li jkun trasparenti u ċar u jenħtieġ li l-ġestjoni ta’ tali kurituri ma toħloqx piżijiet jew kostijiet amministrattivi addizzjonali.
(67)Bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li l-Koordinaturi Ewropej jiffaċilitaw l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u taż-żewġ prijoritajiet orizzontali, l-ERTMS u l-Ispazju Marittimu Ewropew. Jenħtieġ li dawn jiffaċilitaw il-miżuri biex titfassal l-istruttura ta’ governanza t-tajba u biex jiġu identifikati l-investimenti ta’ prijorità tul il-Kurituri Ewropej tat-Trasport u ż-żewġ prijoritajiet orizzontali.
(68)L-oqfsa Ewropej u nazzjonali għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport, kif ukoll il-pjanijiet ta’ ħidma stabbiliti mill-Koordinaturi Ewropej jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-iskeda u l-ippjanar f’waqthom tal-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
(69)Il-pjanijiet ta’ ħidma tal-Koordinaturi Ewropej jenħtieġ li jintużaw biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex tissaħħaħ il-komplementarjetà mal-azzjonijiet mill-Istati Membri u mill-maniġers tal-infrastruttura u, b’mod partikolari, biex jiġu stabbiliti l-objettivi intermedji u l-prijoritajiet għall-investimenti. Abbażi tal-pjanijiet ta’ ħidma, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-ippjanar tal-infrastruttura u għall-finanzjament.
(70)Il-bażi teknika tal-mapep li jispeċifikaw in-network trans-Ewropew tat-trasport hija pprovduta mis-sistema interattiva ta’ informazzjoni ġeografika u teknika għan-network trans-Ewropew tat-trasport (TENtec).
(71)Filwaqt li tqis il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar il-Mobbiltà Militari ta’ Marzu 2018, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tadatta n-network trans-Ewropew tat-trasport biex ikun jirrifletti l-użu militari tal-infrastruttura. Abbażi tal-analiżi tal-lakuni bejn in-network trans-Ewropew tat-trasport u r-rekwiżiti militari, jenħtieġ li jiġu inklużi toroq u linji ferrovjarji addizzjonali fin-network trans-Ewropew sabiex jissaħħu s-sinerġiji bejn in-networks tat-trasport ċivili u militari.
(72)Sabiex tiġi massimizzata l-konsistenza bejn il-linji gwida u l-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji rilevanti disponibbli fil-livell tal-Unjoni, il-finanzjament tan-network trans-Ewropew tat-trasport jenħtieġ li jkun konformi ma’ dan ir-Regolament u jkun ibbażat, b’mod partikolari, fuq ir-Regolament (UE) Nru 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-finanzjament tan-network jibni wkoll fuq il-fondi u l-istrumenti ta’ finanzjament ipprovduti skont xi dritt tal-Unjoni ieħor, inklużi InvestEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Politika ta’ Koeżjoni, Orizzont Ewropa u strumenti ta’ finanzjament oħrajn stabbiliti mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Sabiex ikun possibbli l-finanzjament ta’ proġetti ta’ interess komuni, ir-referenzi għal “pjattaformi loġistiċi multimodali”, “awtostradi tal-baħar” u “applikazzjonijiet telematiċi” fir-Regolament (UE) 2021/1153 jenħtieġ li jiġu interpretati, rispettivament, bħala referenzi għal “terminals multimodali tal-merkanzija”, “Spazju Marittimu Ewropew” u “Sistemi tal-ICT għat-trasport” kif definiti f’dan ir-Regolament. Għall-istess skop, jenħtieġ li r-referenzi għal “network ewlieni” fir-Regolament (UE) 2021/1153 jinftiehmu bħala li jinkludu “network ewlieni estiż” kif definit f’dan ir-Regolament.
(73)Il-kisba tal-objettivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-sistema tat-trasport fl-Unjoni, teħtieġ qafas regolatorju robust. Jenħtieġ li jiġu implimentati riformi ambizzjużi mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi tat-trasport sostenibbli kif identifikati fis-Semestru Ewropew. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tappoġġa kemm ir-riformi kif ukoll l-investimenti sabiex it-trasport isir aktar sostenibbli, jitnaqqsu l-emissjonijiet u jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza. Miżuri rilevanti għal dak l-għan huma inklużi fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza approvati.
(74)Sabiex jiġu aġġornati l-mapep u l-lista ta’ portijiet, ajruporti, terminals u nodi urbani inklużi fl-Annessi I u II biex jitqiesu l-bidliet possibbli li jirriżultaw mill-użu attwali ta’ ċerti elementi tal-infrastruttura tat-trasport analizzati fl-isfond tal-livelli limiti kwantitattivi stabbiliti minn qabel, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi I u II. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(75)Xi partijiet tan-network huma ġestiti minn atturi oħrajn minbarra l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li r-regoli li jirregolaw in-network jiġu applikati b’mod korrett fit-territorju tagħhom.
(76)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u effettiva tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inklużi dawk li jippromwovu l-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
(77)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-livelli tal-ilma ta’ referenza u r-rekwiżiti minimi għal kull baċir idrografiku (status tajjeb ta’ navigazzjoni), li jiddefinixxu entità waħda għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura transfruntiera ta’ interess komuni, li jistabbilixxu metodoloġija għad-data dwar il-mobbiltà urbana li għandha tinġabar mill-Istati Membri u atti ta’ implimentazzjoni għal kull pjan ta’ ħidma tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u ż-żewġ prijoritajiet orizzontali, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ sezzjonijiet speċifiċi tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport jew għall-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-infrastruttura tat-trasport tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport jew tal-prijoritajiet orizzontali. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(78)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-istabbiliment u l-iżvilupp ikkoordinati tan-network trans-Ewropew tat-trasport, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ta’ dawk l-objettivi, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(79)Huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2021/1153 sabiex jiġu adattati d-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li l-Kurituri tan-Network Ewlieni jiġu integrati fil-Kurituri Ewropej tat-Trasport. Id-definizzjoni u l-allinjament tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport se jiġu definiti f’dan ir-Regolament u se jissostitwixxu l-Kurituri tan-Network Ewlieni kif definiti f’dak ir-Regolament.
(80)Huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 sabiex jiġu adattati d-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija jiġu integrati fil-Kurituri Ewropej tat-Trasport.
(81)Jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida għall-iżvilupp ta’ network trans-Ewropew tat-trasport li jikkonsisti fin-network komprensiv u fin-network ewlieni u n-network ewlieni estiż, bit-tnejn tal-aħħar jiġu stabbiliti abbażi tan-network komprensiv.
2.Dan ir-Regolament jidentifika:
(a)il-Kurituri Ewropej tat-Trasport tal-ogħla importanza strateġika abbażi ta’ sezzjonijiet ta’ prijorità tan-network trans-Ewropew tat-trasport;
(b)proġetti ta’ interess komuni u jispeċifika r-rekwiżiti li għandhom jiġu rrispettati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
3.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u jipprevedi miżuri għall-implimentazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għan-network trans-Ewropew tat-trasport kif muri fuq il-mapep stabbiliti fl-Anness I. In-network trans-Ewropew tat-trasport jinkludi l-infrastruttura tat-trasport, inklużi l-infrastruttura għall-varar ta’ fjuwils alternattivi, is-sistemi tal-ICT għat-trasport, kif ukoll miżuri li jippromwovu l-ġestjoni u l-użu effiċjenti ta’ tali infrastruttura u li jippermettu l-istabbiliment u l-operat ta’ servizzi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti.
2.L-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport tikkonsisti fl-infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija, it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, it-trasport marittimu, it-trasport bit-triq, it-trasport bl-ajru, it-trasport multimodali u t-trasport f’nodi urbani, kif stipulat fit-taqsimiet rilevanti tal-Kapitoli II, III u IV.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“proġett ta’ interess komuni” tfisser kwalunkwe proġett imwettaq skont dan ir-Regolament;
(b)“pajjiż ġar” tfisser pajjiż li jaqa’ fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-Politika tat-Tkabbir, u taż-Żona Ekonomika Ewropea, tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles jew tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;
(c)“reġjun NUTS” tfisser reġjun kif definit fil-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika;
(d)“sezzjoni transfruntiera” tfisser is-sezzjoni li tiżgura l-kontinwità ta’ proġett ta’ interess komuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, bejn l-eqreb nodi urbani għall-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż ġar;
(e)“konġestjoni” tfisser ostaklu fiżiku, tekniku, funzjonali, operattiv jew amministrattiv li jwassal għal interruzzjoni tas-sistema li taffettwa l-kontinwità tal-flussi fuq distanzi twal jew transfruntiera;
(f)“nodu urban” tfisser żona urbana fejn l-elementi tal-infrastruttura tat-trasport tan-network trans-Ewropew tat-trasport, bħal portijiet, inklużi terminals tal-passiġġieri, ajruporti, stazzjonijiet ferrovjarji, terminals tal-karozzi tal-linja, pjattaformi u faċilitajiet loġistiċi u terminals tal-merkanzija, li jinsabu fiż-żona urbana u madwarha, huma konnessi ma’ elementi oħrajn ta’ dik l-infrastruttura u mal-infrastruttura għat-traffiku reġjonali u lokali;
(g)“network iżolat” tfisser network ferrovjarju ta’ Stat Membru, jew parti minnu, b’gauge tal-binarji differenti minn dak tal-gauge tal-binarji nominali standard Ewropew (1435 mm), li għalih ċerti investimenti ewlenin fl-infrastruttura ma jistgħux jiġu ġġustifikati f’termini ta’ kostijiet u benefiċċji ekonomiċi bis-saħħa tal-ispeċifiċitajiet ta’ dak in-network li jirriżultaw mid-distakk ġeografiku jew mill-pożizzjoni periferali tiegħu;
(h)“maniġer tal-infrastruttura” tfisser kwalunkwe korp jew impriża li huma responsabbli, b’mod partikolari, għall-istabbiliment jew għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport, inkluża l-ġestjoni tas-sistemi ta’ kontroll u sikurezza tal-infrastruttura;
(i)“trasport multimodali” tfisser il-ġarr ta’ passiġġieri jew merkanzija, jew tat-tnejn li huma, bl-użu ta’ żewġ modi ta’ trasport jew aktar;
(j)“servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali” tfisser servizzi kif definiti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) […] dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti;
(k)“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità, inklużi l-kundizzjonijiet regolatorji, tekniċi u operattivi kollha, tal-infrastruttura, inkluża l-infrastruttura diġitali f’mod jew segment ta’ trasport, li tippermetti flussi ta’ traffiku u informazzjoni sikuri u mingħajr interruzzjonijiet li jiksbu l-livelli ta’ prestazzjoni meħtieġa għal dak il-mod jew is-segment tal-infrastruttura;
(l)“ċentru multimodali tal-passiġġieri” tfisser punt ta’ konnessjoni bejn mill-inqas żewġ modi ta’ trasport għall-passiġġieri, fejn jiġu żgurati l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, l-aċċess għat-trasport pubbliku u t-trasferimenti bejn il-modi, inklużi l-istazzjonijiet tal-Park and Ride u l-modi attivi, u li jaġixxu bħala interfaċċa bejn in-nodi urbani u n-networks tat-trasport fuq distanzi itwal;
(m)“terminal multimodali tal-merkanzija” tfisser struttura mgħammra għat-trażbord bejn mill-inqas żewġ modi ta’ trasport jew bejn żewġ sistemi ferrovjarji differenti, u għall-ħżin temporanju tal-merkanzija, bħat-terminals fil-portijiet interni jew marittimi, tul il-passaġġi fuq l-ilma interni, fl-ajruporti, kif ukoll fit-terminals stradali-ferrovjarji, inklużi l-pjattaformi loġistiċi multimodali msemmija fir-Regolament (UE) 2021/1153;
(n)“pjattaforma loġistika” tfisser żona li hija konnessa direttament mal-infrastruttura tat-trasport tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li tinkludi mill-inqas terminal wieħed tal-merkanzija u li tippermetti li jitwettqu attivitajiet ta’ loġistika;
(o)“pjan ta’ mobbiltà urbana sostenibbli” (‘sustainable urban mobility plan’ - SUMP) tfisser dokument għall-ippjanar strateġiku tal-mobbiltà, li jimmira li jtejjeb l-aċċessibbiltà għaż-żona urbana funzjonali u l-mobbiltà fi ħdanha (inklużi ż-żoni tal-ivvjaġġar) għan-nies, għan-negozji u għall-merkanzija;
(p)“modi attivi” tfisser it-trasport ta’
nies
jew
merkanzija
, permezz ta’ mezzi mhux motorizzati, abbażi ta’ attività
fiżika umana
;
(q)“sistemi tal-ICT għat-trasport” tfisser sistemi u applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni jew tal-pożizzjonament/lokalizzazzjoni, li jippermettu l-ipproċessar, il-ħżin u l-iskambju tad-data u l-informazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni effettiva tal-infrastruttura, tal-mobbiltà u tat-traffiku fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport, għar-rapportar tal-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet u għall-forniment ta’ servizzi ta’ valur miżjud liċ-ċittadini, lill-ispedituri u lill-operaturi, inklużi sistemi għall-użu reżiljenti, sikur, sigur, ambjentalment korrett u effiċjenti fil-kapaċità tan-network. Dawn jinkludu s-sistemi, it-teknoloġiji u s-servizzi msemmija fil-punti minn (r) sa (x) u jistgħu jinkludu wkoll apparati abbord b’komponenti tal-infrastruttura korrispondenti;
(r)“sistema ta’ trasport intelliġenti” (STI) tfisser sistema kif definita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn tat-trasport;
(s)“Sistemi għall-Monitoraġġ u l-Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti” (‘Vessel Traffic Monitoring and Information Systems’ - VTMIS) tfisser sistemi varati għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-traffiku u t-trasport marittimu, bl-użu ta’ informazzjoni mis-Sistemi ta’ Identifikazzjoni Awtomatika tal-Bastimenti (AIS), Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod ta’ Bastimenti (LRIT) u sistemi kostali tar-radar u l-komunikazzjonijiet bir-radju kif previsti fid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tinkludi l-integrazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ informazzjoni marittima permezz ta’ SafeSeaNet;
(t)“Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (‘River Information Services’ - RIS)” tfisser teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(u)“Sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea” (‘European Maritime Single Window environment’ - EMSWe) tfisser il-qafas legali u tekniku għat-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ rapportar għal waqfiet f’portijiet fl-Unjoni, li jikkonsisti f’network ta’ Single Windows Nazzjonali marittimi u komponenti armonizzati oħrajn kif previsti fir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(v)“Sistema ta’ Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru / Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru” (Sistema ATM/ANS) tfisser sistemi u kostitwenti użati għall-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, jew it-tnejn li huma;
(w)“Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju” (‘European Rail Traffic Management System’ - ERTMS) tfisser is-sistema definita fil-punt 2.2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919;
(x)“ERTMS ibbażata fuq ir-radju” tfisser ERTMS tal-livell 2 jew tal-livell 3 li tuża r-radju biex tittrażmetti messaġġi mill-awtoritajiet tal-moviment lill-ferrovija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919;
(y)“sistemi tal-klassi B” tfisser sistemi ta’ protezzjoni tal-ferroviji u ta’ legat tar-radju bil-vuċi kif definiti fil-punt 2.2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919;
(z)“port marittimu” tfisser żona ta’ art u ilma msawra minn tali infrastruttura u tagħmir li jippermettu, prinċipalment, l-akkoljenza ta’ bastimenti tat-trasport fuq l-ilma, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, il-ħżin ta’ merkanzija, il-wasla u l-kunsinna ta’ dik il-merkanzija u l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, tal-ekwipaġġ u ta’ persuni oħrajn u kwalunkwe infrastruttura oħra meħtieġa għall-operaturi tat-trasport fiż-żona tal-port;
(aa)
“trasport marittimu fuq distanzi qosra” tfisser il-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-ilmijiet ġeografiċi tal-Istati Membri jew bejn port li jinsab fl-ilmijiet tal-Istati Membri u port li jinsab fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz ġar li jkollu kosta fuq l-ibħra magħluqa li jmissu mal-ilmijiet tal-Unjoni;
(ab)
“informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija” (eFTI) tfisser il-komunikazzjoni elettronika ta’ informazzjoni regolatorja bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(ac)
“Ajru Uniku Ewropew” (SES) tfisser il-proċeduri stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, (KE) 550/2004, (KE) Nru 551/2004, u (UE) Nru 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex isaħħu l-istandards tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru, biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex itejbu l-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali;
(ad)
“vertiport” tfisser żona użata għall-inżul u għall-qtugħ mill-art ta’ inġenji tal-ajru bil-qtugħ mill-art u l-inżul vertikali (VTOL);
(ae)
“port spazjali” tfisser installazzjoni għall-ittestjar u l-illanċjar ta’ inġenji spazjali;
(af)
“proġett SESAR” tfisser proġett tal-programm ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew, il-pilastru teknoloġiku tal-qafas tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) tal-Ewropa;
(ag)
“Proġett tas-Sistema Ferrovjarja Ewropea” tfisser proġett tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, jew il-predeċessur tagħha Shift2Rail;
(ah)
“Pjan Direttur Ewropew tal-ATM” tfisser l-għodda ewlenija tal-ippjanar għall-modernizzazzjoni tal-ATM li tiddefinixxi l-prijoritajiet ta’ żvilupp u ta’ varar meħtieġa biex titwettaq is-SESAR, kif approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE;
(ai)
“governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija” tfisser il-korpi ta’ governanza msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 913/2010;
(aj)
“manutenzjoni” tfisser attivitajiet li jridu jitwettqu regolarment, perjodikament jew f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex l-assi jkun jista’ jintuża matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-servizz mistenni tiegħu bl-istess livell ta’ servizz u sikurezza, f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(ak)
“analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji” tfisser evalwazzjoni ex ante kwantifikata, ibbażata fuq metodoloġija rikonoxxuta, tal-valur ta’ proġett, li tqis il-benefiċċji u l-kostijiet soċjali, ekonomiċi, klimatiċi u ambjentali rilevanti kollha. L-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji klimatiċi u ambjentali għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali mwettqa skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(al)
“fjuwils alternattivi” tfisser fjuwils alternattivi kif definiti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(am)
“żona ta’ parkeġġ sikura u sigura” tfisser żona ta’ parkeġġ aċċessibbli għas-sewwieqa involuti fil-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tkun ġiet iċċertifikata f’konformità mal-istandards u l-proċeduri tal-Unjoni, skont l-Artikolu 8a(2) ta’ dak ir-Regolament;
(an)
“sistema ta’ użin waqt il-moviment” tfisser sistema awtomatika stabbilita fl-infrastruttura tat-toroq bl-għan li tidentifika vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni li x’aktarx ikunu qabżu l-limiti tal-piż rilevanti, f’konformità mad-Direttiva 96/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 4
Objettivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport
1.L-objettiv ġenerali tal-iżvilupp tan-network trans-Ewropew huwa li jiġi stabbilit network multimodali wieħed għall-Unjoni kollha ta’ standards ta’ kwalità għolja.
2.In-network trans-Ewropew tat-trasport għandu jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona unika Ewropea tat-trasport li tkun sostenibbli, effiċjenti u reżiljenti u li żżid il-benefiċċji għall-utenti tagħha u tappoġġa t-tkabbir inklużiv. Huwa għandu juri valur miżjud Ewropew billi jikkontribwixxi għall-objettivi stipulati fl-erba’ kategoriji li ġejjin:
(a)sostenibbiltà permezz ta’:
(i)il-promozzjoni ta’ mobbiltà b’emissjonijiet żero f’konformità mal-miri rilevanti tal-Unjoni għat-tnaqqis tas-CO2;
(ii)l-iffaċilitar ta’ użu akbar ta’ modi ta’ trasport aktar sostenibbli, inkluż permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ network ferrovjarju għat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal u b’veloċità għolja u network ferrovjarju interoperabbli bis-sħiħ għat-trasport tal-merkanzija, network affidabbli ta’ passaġġi fuq l-ilma interni u ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra madwar l-Unjoni;
(iii)żieda fil-ħarsien tal-ambjent;
(iv)tnaqqis tal-kostijiet esterni, inklużi dawk relatati mal-ambjent, is-saħħa, il-konġestjoni u l-aċċidenti;
(v)sigurtà akbar tal-enerġija;
(b)koeżjoni permezz ta’:
(i)aċċessibbiltà u konnettività tar-reġjuni kollha tal-Unjoni, inklużi reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni remoti, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll żoni skarsament popolati;
(ii)tnaqqis tal-lakuni fil-kwalità tal-infrastruttura bejn l-Istati Membri;
(iii)kemm għat-traffiku tal-passiġġieri kif ukoll għat-traffiku tal-merkanzija, koordinazzjoni u interkonnessjoni effiċjenti bejn l-infrastruttura tat-trasport, minn naħa waħda, għat-traffiku fuq distanzi twal u, min-naħa l-oħra, għas-servizzi tat-traffiku u tat-trasport reġjonali u lokali f’nodi urbani;
(iv)infrastruttura tat-trasport li tirrifletti s-sitwazzjonijiet speċifiċi f’partijiet differenti tal-Unjoni u li tipprevedi kopertura bilanċjata tar-reġjuni Ewropej kollha;
(c)effiċjenza permezz ta’:
(i)it-tneħħija tal-konġestjonijiet fl-infrastruttura u l-ħolqien tal-konnessjonijiet neqsin, kemm fl-infrastrutturi tat-trasport, kif ukoll fil-punti ta’ konnessjoni bejn dawn, fit-territorji tal-Istati Membri u bejniethom;
(ii)it-tneħħija tal-konġestjonijiet funzjonali, amministrattivi, tekniċi u operazzjonali fl-interoperabbiltà, inklużi l-lakuni fid-diġitalizzazzjoni,
(iii)l-interoperabbiltà tan-networks tat-trasport nazzjonali, reġjonali u lokali;
(iv)l-aħjar integrazzjoni u interkonnessjoni tal-modi kollha ta’ trasport, inkluż fin-nodi urbani;
(v)il-promozzjoni ta’ trasport ekonomikament effiċjenti u ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxi għal aktar tkabbir ekonomiku u kompetittività;
(vi)l-użu aktar effiċjenti ta’ infrastruttura ġdida u eżistenti fl-operat;
(vii)l-applikazzjoni kosteffiċjenti ta’ kunċetti teknoloġiċi u operazzjonali innovattivi;
(d)iż-żieda tal-benefiċċji għall-utenti tiegħu permezz ta’:
(i)l-iżgurar tal-aċċessibbiltà għall-ħtiġijiet ta’ mobbiltà u trasport tal-utenti u l-issodisfar tagħhom, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-ħtiġijiet tal-persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, inklużi l-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa u n-nies li jgħixu f’reġjuni remoti, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer;
(ii)l-iżgurar ta’ standards sikuri, siguri u ta’ kwalità għolja, inkluża l-kwalità tas-servizzi lill-utenti, għat-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija;
(iii)l-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-infrastruttura, b’mod partikolari fil-qasam tal-interoperabbiltà, is-sikurezza u s-sigurtà, li jiżguraw il-kwalità, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà ta’ servizzi tat-trasport li jkunu aċċessibbli u affordabbli;
(iv)l-appoġġ għal mobbiltà li tkun adattata għall-klima li qed tinbidel u reżiljenti għall-perikli naturali u d-diżastri kkawżati mill-bniedem, u l-iżgurar tal-varar effiċjenti u rapidu ta’ servizzi ta’ emerġenza u salvataġġ, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa;
(v)l-iżgurar tar-reżiljenza tal-infrastruttura, b’mod partikolari fuq sezzjonijiet transfruntiera;
(vi)l-offerta ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport alternattivi, inkluż fuq modi oħrajn, fil-każ ta’ disturbi fin-network.
Artikolu 5
Network effiċjenti fir-riżorsi u l-ħarsien tal-ambjent
1.In-network trans-Ewropew tat-trasport għandu jiġi ppjanat, żviluppat u operat b’mod effiċjenti fir-riżorsi, li jkun konformi mar-rekwiżiti ambjentali nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, permezz ta’:
(a)l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida, it-titjib u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti, notevolment billi tiġi inkluża l-manutenzjoni matul il-ħajja tal-infrastruttura fil-fażi tal-ippjanar tal-kostruzzjoni jew tat-titjib tal-infrastruttura u billi l-infrastruttura tinżamm operattiva;
(b)l-ottimizzazzjoni tal-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tal-infrastruttura;
(c)il-varar ta’ infrastruttura għall-irriċarġjar u r-riforniment ta’ fjuwils alternattivi;
(d)il-varar ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ sistemi tal-ICT għat-trasport biex tiġi ppreservata jew imtejba l-prestazzjoni tal-infrastruttura;
(e)l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura, b’mod partikolari permezz ta’ ġestjoni effiċjenti tal-kapaċità u tat-traffiku;
(f)il-kunsiderazzjoni ta’ sinerġiji possibbli ma’ networks oħrajn, b’mod partikolari networks trans-Ewropej tal-enerġija u/jew tat-telekomunikazzjoni;
(g)l-iżvilupp ta’ infrastruttura ekoloġika, sostenibbli u reżiljenti għall-klima mfassla biex timminimizza l-impatt negattiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini li jgħixu madwar in-network, l-ambjent u d-degradazzjoni tal-ekosistemi;
(h)il-kunsiderazzjoni adegwata tar-reżiljenza tan-network tat-trasport u tal-infrastruttura tiegħu fir-rigward ta’ klima li qed tinbidel, kif ukoll il-perikli naturali u d-diżastri kkawżati mill-bniedem, kif ukoll it-tfixkil intenzjonat bil-ħsieb li jiġu indirizzati dawk l-isfidi;
(i)ir-reżiljenza tal-infrastruttura, speċjalment f’sezzjonijiet transfruntiera, li tiggarantixxi li tirrispondi u tirkupra malajr mit-tfixkil tat-traffiku.
2.Meta jiġu biex jippjanaw u jiżviluppaw in-network trans-Ewropew tat-trasport, l-Istati Membri jistgħu jadattaw l-allinjament dettaljat tar-rotot tas-sezzjonijiet fil-limiti indikati fil-punt (e) tal-Artikolu 56(1), billi jqisu ċ-ċirkostanzi partikolari fid-diversi partijiet tal-Unjoni, bħall-karatteristiċi topografiċi tar-reġjuni kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, filwaqt li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.
3.Il-valutazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-proġetti għandha titwettaq f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, mad-Direttivi 2000/60/KE, 2001/42/KE, 2002/49/KE, 2009/147/KE u 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għall-proġetti ta’ interess komuni li għalihom il-valutazzjoni ambjentali tkun għadha ma twettqitx fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li din tinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
Artikolu 6
L-iżvilupp gradwali tan-network trans-Ewropew tat-trasport
1.In-network trans-Ewropew tat-trasport għandu jiġi żviluppat gradwalment fi tliet passi: it-tlestija ta’ network ewlieni sal-31 ta’ Diċembru 2030, ta’ network ewlieni estiż sal-31 ta’ Diċembru 2040 u tan-network komprensiv sal-31 ta’ Diċembru 2050. Dan għandu jinkiseb, b’mod partikolari, bl-implimentazzjoni ta’ struttura għal dak in-network b’approċċ metodoloġiku koerenti u trasparenti, li jinkludi network komprensiv, network ewlieni u network ewlieni estiż, b’nodi tat-trasport u nodi urbani bħala punti ta’ konnessjoni bejn it-traffiku fuq distanzi twal u n-networks tat-trasport reġjonali u lokali.
2.In-network komprensiv għandu jikkonsisti fl-infrastrutturi tat-trasport eżistenti u ppjanati kollha tan-network trans-Ewropew tat-trasport, kif ukoll f’miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti u soċjalment u ambjentalment sostenibbli ta’ tali infrastruttura.
3.In-network ewlieni u n-network ewlieni estiż għandhom jikkonsistu f’dawk il-partijiet tan-network trans-Ewropew tat-trasport li għandhom jiġu żviluppati bħala kwistjoni ta’ prijorità sabiex jintlaħqu l-objettivi għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
Artikolu 7
Kurituri Ewropej tat-Trasport
Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandhom jikkonsistu fil-partijiet tan-network trans-Ewropew tat-trasport li huma tal-ogħla importanza strateġika għall-iżvilupp ta’ flussi sostenibbli u multimodali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa u għall-iżvilupp ta’ infrastruttura interoperabbli ta’ kwalità għolja u prestazzjoni operazzjonali.
Artikolu 8
Proġetti ta’ interess komuni
1.Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, permezz tal-ammeljorament tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti jew permezz ta’ miżuri li jippromwovu l-użu effiċjenti fir-riżorsi tan-network.
2.Proġett ta’ interess komuni għandu:
(a)jikkontribwixxi għall-objettivi li jaqgħu taħt mill-inqas tnejn mill-erba’ kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 4;
(b)ikun ekonomikament vijabbli abbażi ta’ analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji;
(c)juri valur miżjud Ewropew.
3.Proġett ta’ interess komuni jinkludi ċ-ċiklu kollu tiegħu, inklużi l-istudji ta’ fattibbiltà u l-proċeduri ta’ permess, il-kostruzzjoni, l-operat u l-evalwazzjoni.
4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proġetti jitwettqu f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari mal-atti legali tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-protezzjoni tal-klima, is-sikurezza, is-sigurtà, il-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku, is-saħħa pubblika u l-aċċessibbiltà, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni.
5.Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni biex jistabbilixxu entità unika għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti infrastrutturali transfruntiera ta’ interess komuni. Il-Koordinatur Ewropew rilevanti għandu jkollu l-istatus ta’ osservatur fil-bord maniġerjali jew superviżorju, jew fit-tnejn, ta’ dik l-entità unika.
Artikolu 9
Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi
1.L-Unjoni tista’ tikkoopera ma’ pajjiżi ġirien sabiex flimkien jgħaqqdu n-network trans-Ewropew tat-trasport man-networks tal-infrastruttura tagħhom bil-ħsieb li jtejbu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività u, b’mod partikolari, sabiex:
(a)jippromwovu l-estensjoni tal-politika tan-network trans-Ewropew tat-trasport f’pajjiżi terzi;
(b)jiżguraw il-konnessjoni bejn in-network trans-Ewropew tat-trasport u n-networks tat-trasport tal-pajjiżi terzi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, sabiex jiggarantixxu flussi tat-traffiku mingħajr xkiel, kontrolli fil-fruntieri, sorveljanza fil-fruntieri u proċeduri oħrajn ta’ kontroll fil-fruntieri;
(c)ilestu l-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżi terzi li jservu bħala konnessjonijiet bejn partijiet tan-network trans-Ewropew tat-trasport fl-Unjoni;
(d)jippromwovu l-interoperabbiltà bejn in-network trans-Ewropew tat-trasport u n-networks ta’ pajjiżi terzi;
(e)jiffaċilitaw it-trasport marittimu u jippromwovu rotot tat-tbaħħir fuq distanzi qosra ma’ pajjiżi terzi;
(f)jiffaċilitaw it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni ma’ pajjiżi terzi;
(g)jiffaċilitaw it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi, sabiex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività effiċjenti u sostenibbli, inklużi l-estensjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u l-kooperazzjoni mtejba fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
(h)jgħaqqdu u jimplimentaw sistemi tal-ICT għat-trasport f’dawk il-pajjiżi.
2.L-Anness IV jistabbilixxi mapep indikattivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport estiż għal pajjiżi ġirien speċifiċi, li jispeċifikaw, fejn applikabbli, network ewlieni u network komprensiv skont il-kriterji ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet ġenerali għan-network ewlieni, għan-network ewlieni estiż u għan-network komprensiv
1.In-network ewlieni, in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv għandhom:
(a)ikunu kif speċifikati fil-mapep fl-Anness I u fil-listi fl-Anness II;
(b)jiġu speċifikati aktar permezz tad-deskrizzjoni tal-komponenti tal-infrastruttura;
(c)jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-infrastrutturi tat-trasport stabbiliti f’dan il-Kapitolu u fil-Kapitoli III u IV;
(d)jikkostitwixxu l-bażi għall-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni.
2.In-network ewlieni u n-network ewlieni estiż għandhom jikkonsistu f’dawk il-partijiet tan-network komprensiv li għandhom jiġu żviluppati bħala kwistjoni ta’ prijorità biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Ir-referenzi għal “network ewlieni” fir-Regolament (UE) 2021/1153 għandhom jiġu interpretati bħala li jinkludu “network ewlieni estiż” kif definit f’dan ir-Regolament. Ir-referenzi għal “network ewlieni” fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal “network ewlieni” kif definit f’dan ir-Regolament. Ir-referenzi għal “network komprensiv” fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal “network ewlieni estiż” u “network komprensiv” kif definiti f’dan ir-Regolament.
3.In-nodi tan-network huma stabbiliti fl-Anness II u jinkludu nodi urbani, ajruporti, portijiet marittimi u portijiet interni, u terminals stradali-ferrovjarji.
4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa għan-network ewlieni, għan-network ewlieni estiż u għan-network komprensiv li għandhom jiġu żviluppati sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament sad-dati speċifikati fl-Artikolu 6(1), sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet ġenerali għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport
1.Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport huma kif speċifikati fil-mapep fl-Anness III.
2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu żviluppati l-Kurituri Ewropej tat-Trasport sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, sal-31 ta’ Diċembru 2030 għall-infrastruttura tagħhom li hija parti min-network ewlieni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, u sal-31 ta’ Diċembru 2040 għall-infrastruttura tagħhom li hija parti min-network ewlieni estiż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 ta’ dan ir-Regolament biex temenda l-allinjament tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, sabiex tqis, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ flussi kummerċjali ewlenin u tat-traffiku jew bidliet sostanzjali fin-network.
Artikolu 12
Prijoritajiet ġenerali għan-network ewlieni, għan-network ewlieni estiż u għan-network komprensiv
1.Fl-iżvilupp tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, għandha tingħata prijorità ġenerali lil miżuri li huma meħtieġa għal:
(a)iż-żieda fl-attività tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri ta’ modi ta’ trasport aktar sostenibbli fid-dawl ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport;
(b)l-iżgurar ta’ aċċessibbiltà u konnettività mtejba għar-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li titqies il-koeżjoni territorjali u soċjali, kif ukoll il-każ speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ reġjuni remoti, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll ta’ żoni skarsament popolati;
(c)l-iżgurar tal-aħjar integrazzjoni tal-modi ta’ trasport u tal-interoperabbiltà bejn il-modi ta’ trasport;
(d)il-ħolqien tal-konnessjonijiet neqsin u t-tneħħija tal-konġestjonijiet, b’mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera;
(e)il-varar tal-infrastruttura meħtieġa li tiżgura ċirkolazzjoni mingħajr xkiel ta’ vetturi b’emissjonijiet żero;
(f) il-promozzjoni tal-użu effiċjenti u sostenibbli tal-infrastruttura u, fejn meħtieġ, iż-żieda fil-kapaċità;
(g)iż-żamma tal-infrastruttura eżistenti operattiva u t-titjib jew iż-żamma tal-kwalità tagħha f’termini ta’ sikurezza, sigurtà, effiċjenza tas-sistema tat-trasport u l-operazzjonijiet tat-trasport, ir-reżiljenza għall-klima u għad-diżastri, il-prestazzjoni ambjentali, u l-kontinwità tal-flussi tat-traffiku;
(h)it-titjib tal-kwalità tas-servizzi u tal-kundizzjonijiet soċjali għall-ħaddiema tat-trasport, l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha, inklużi l-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa u persuni oħrajn f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà;
(i)l-implimentazzjoni u l-varar ta’ sistemi tal-ICT għat-trasport.
2.Sabiex jiġu kkomplementati l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lil miżuri li huma meħtieġa għal:
(a)il-kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport u ż-żieda fis-sigurtà tal-enerġija permezz tal-promozzjoni tal-użu ta’ vetturi u bastimenti b’emissjonijiet żero u ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, permezz tal-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi korrispondenti;
(b)il-mitigazzjoni tal-esponiment ta’ żoni urbani għall-effetti negattivi tat-trasport ta’ tranżitu bil-ferrovija u bit-triq;
(c)it-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi, tekniċi u operattivi, b’mod partikolari għall-interoperabbiltà tan-network trans-Ewropew tat-trasport;
(d)l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura, b’mod partikolari permezz ta’ ġestjoni effiċjenti tal-kapaċità, ġestjoni tat-traffiku u prestazzjoni operazzjonali akbar.
Artikolu 13
Prijoritajiet ġenerali għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport
Fl-iżvilupp tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, għandha tingħata prijorità ġenerali lil miżuri li huma meħtieġa għal:
(a)l-iżvilupp ta’ network ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija ta’ prestazzjoni għolja u interoperabbli bis-sħiħ madwar l-Unjoni;
(b)l-iżvilupp ta’ network ferrovjarju tal-passiġġieri ta’ prestazzjoni għolja, interoperabbli bis-sħiħ u b’veloċità għolja, li jgħaqqad in-nodi urbani madwar l-Unjoni;
(c)l-iżvilupp ta’ sistema ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, tal-avjazzjoni u tal-infrastruttura marittima bla xkiel;
(d)l-iżvilupp ta’ network tat-toroq sikur u sigur, b’infrastrutturi suffiċjenti ta’ fjuwils alternattivi;
(e)l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tat-trasport multimodali u interoperabbli mtejba;
(f)l-integrazzjoni intermodali tal-katina loġistika kollha, b’interkonnessjoni effiċjenti fin-nodi urbani u tat-trasport;
(g)il-varar tal-infrastruttura meħtieġa li tiżgura ċirkolazzjoni mingħajr xkiel ta’ vetturi b’emissjonijiet żero.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI
TAQSIMA 1
Infrastruttura tat-trasport ferrovjarju
Artikolu 14
Komponenti tal-infrastruttura
1.L-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju għandha tinkludi, b’mod partikolari:
(a)linji ferrovjarji, inklużi:
(i) binarji;
(ii) punti;
(iii) passaġġi invell;
(iv) sidings;
(v) mini;
(vi) pontijiet;
(vii) infrastruttura li ttaffi l-impatt fuq l-ambjent;
(b)stazzjonijiet tul il-linji indikati fl-Anness I għat-trasferiment tal-passiġġieri fi ħdan il-modalità ferrovjarja u bejn it-trasport ferrovjarju u modi oħrajn ta’ trasport;
(c)faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji minbarra stazzjonijiet tal-passiġġieri kif definiti fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari marshalling yards, faċilitajiet tal-formazzjoni tal-ferroviji, faċilitajiet ta’ shunting, sidings tal-ħżin, faċilitajiet tal-manutenzjoni, faċilitajiet tekniċi oħrajn bħal faċilitajiet tat-tindif u tal-ħasil, faċilitajiet ta’ għajnuna u faċilitajiet ta’ riforniment; dawn jinkludu wkoll faċilitajiet għat-tibdil awtomatiku tal-gauge għall-ferroviji;
(d)ir-rotot ta’ aċċess ferrovjarju u l-konnessjonijiet ferrovjarji tal-aħħar mil għat-terminals multimodali tal-merkanzija konnessi bil-ferrovija, inkluż f’ajruporti u portijiet interni u marittimi, u l-faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji;
(e)is-sinjalar ta’ kontroll-kmand maġenb il-binarji;
(f)l-infrastruttura tal-enerġija maġenb il-binarji;
(g)it-tagħmir assoċjat;
(h)is-sistemi tal-ICT għat-trasport.
2.It-tagħmir tekniku assoċjat mal-linji ferrovjarji jista’ jinkludi sistemi ta’ elettrifikazzjoni, tagħmir għall-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri u t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija fl-istazzjonijiet u fit-terminals, kif ukoll teknoloġiji innovattivi fil-fażi tal-varar tagħhom.
Artikolu 15
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network komprensiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network komprensiv:
(a)tkun konformi mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà tan-network komprensiv;
(b)tkun konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (TSIs) adottati skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva (UE) 2016/797, skont il-proċedura prevista fil-punti (b), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva;
(c)tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati kif definiti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi].
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network komprensiv, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2050:
(a)tkun kompletament elettrifikata fir-rigward tal-binarji tal-linji u, sal-punt meħtieġ għall-operazzjonijiet tal-ferroviji elettriċi, fir-rigward tas-sidings;
(b)tipprevedi gauge tal-binarji nominali għal linji ferrovjarji ġodda ta’ 1435 mm, ħlief fejn il-linja l-ġdida tkun estensjoni fuq network, li l-gauge tal-binarji tiegħu jkun differenti u maqtugħ mil-linji ferrovjarji ewlenin fl-Unjoni;
(c)tippermetti, mingħajr permess speċjali, tagħbija fuq il-fus ta’ mill-inqas 22,5 tunnellata;
(d)tippermetti, mingħajr permess speċjali, it-tħaddim ta’ ferroviji għat-trasport tal-merkanzija b’tul tal-ferrovija ta’ mill-inqas 740 m (inkluża/i l-lokomottiva/i). Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat jekk jiġu rrispettati mill-inqas il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i) fuq linji b’żewġ binarji, mill-inqas 50 % tal-mogħdijiet tal-ferrovija għall-ferroviji tal-merkanzija, u mhux inqas minn żewġ mogħdijiet tal-ferrovija fis-siegħa u f’kull direzzjoni, jistgħu jiġu allokati għal ferroviji tal-merkanzija b’tul ta’ mill-inqas 740 m;
(ii) fuq linji b’binarju wieħed, mill-inqas mogħdija waħda tal-ferrovija kull sagħtejn u f’kull direzzjoni tista’ tiġi allokata għal ferroviji tal-merkanzija b’tul ta’ mill-inqas 740 m;
(e)tipprovdi standard ta’ mill-inqas P400 f’konformità mal-entrata 1.1.1.1.3.5 tat-Tabella 1 fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/777, mingħajr ebda rekwiżit addizzjonali għal permess speċjali għall-operat tas-servizzi.
3.Japplikaw l-eżenzjonijiet li ġejjin:
(a)in-networks iżolati huma eżentati mir-rekwiżiti taħt il-punti (a), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2;
(b)fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet oħrajn mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji u valutazzjoni tal-impatt fuq l-interoperabbiltà. Eżenzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tiġi kkoordinata u miftiehma mal-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien, fejn applikabbli.
Artikolu 16
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network ewlieni u għan-network ewlieni estiż
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż tkun konformi mal-Artikolu 15(1).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni estiż, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2040:
(a)tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 15(2), u ta’ veloċità minima prevalenti tal-linja operattiva ta’ 100 km/h għall-ferroviji tal-merkanzija fuq il-linji tal-merkanzija tan-network ewlieni estiż;
(b)tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(2), fuq il-linji tal-passiġġieri tan-network ewlieni estiż;
(c)tippermetti veloċità minima prevalenti tal-linja ta’ 160 km/h għall-ferroviji tal-passiġġieri fuq il-linji tal-passiġġieri tan-network ewlieni estiż;
Meta jibnu jew jammeljoraw linja tal-passiġġieri tan-network ewlieni estiż jew ta’ sezzjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandhom iwettqu studju biex janalizzaw il-fattibbiltà u r-rilevanza ekonomika ta’ veloċitajiet ogħla, u jibnu jew jammeljoraw il-linja għal tali veloċità ogħla fejn jintwerew il-fattibbiltà u r-rilevanza ekonomika tagħha.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2030:
(a)tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 15(2), u ta’ veloċità minima prevalenti tal-linja operattiva ta’ 100 km/h għall-ferroviji tal-merkanzija fuq il-linji tal-merkanzija tan-network ewlieni;
(b)tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(2), fuq il-linji tal-passiġġieri tan-network ewlieni;
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2040:
(a)tissodisfa r-rekwiżit tal-punt (e) tal-Artikolu 15(2), fuq il-linji tal-merkanzija tan-network ewlieni;
(b)tissodisfa r-rekwiżit tal-punt (c) tal-paragrafu 2, fuq il-linji tal-passiġġieri tan-network ewlieni.
5.Japplikaw l-eżenzjonijiet li ġejjin:
(a)in-networks iżolati huma eżentati mir-rekwiżiti taħt il-paragrafi 2, 3 u 4;
(b)fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet oħrajn mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi minn 2 sa 4. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji u valutazzjoni tal-impatt fuq l-interoperabbiltà. Eżenzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/797, filwaqt li tiġi kkoordinata u miftiehma mal-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien, fejn applikabbli.
Artikolu 17
Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2040:
(a)l-ERTMS tkun mgħammra;
(b)jiġu dekummissjonati sistemi tal-klassi B.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2030, tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt (a) tal-paragrafu 1.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), sal-31 ta’ Diċembru 2040, tissodisfa r-rekwiżit tal-punt (b) tal-paragrafu 1.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), tkun mgħammra b’ERTMS ibbażata fuq ir-radju sal-31 ta’ Diċembru 2050.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq l-infrastruttura ferrovjarja tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1), mill-31 ta’ Diċembru 2025, fil-każ tal-kostruzzjoni ta’ linja ġdida jew l-ammeljorament tas-sistema ta’ sinjalar, tkun qed tiġi varata ERTMS ibbażata fuq ir-radju.
6.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji u valutazzjoni tal-impatt fuq l-interoperabbiltà. Eżenzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tiġi kkoordinata u miftiehma mal-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien, fejn applikabbli.
Artikolu 18
Ir-rekwiżiti operattivi għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-maniġers tal-infrastruttura lill-impriżi ferrovjarji, ir-rekwiżiti tekniċi u operattivi għall-użu tal-infrastruttura u l-proċeduri relatati mal-kontrolli fil-fruntieri ma jwaqqfux lill-prestazzjoni operazzjonali tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-linji ferrovjarji tal-merkanzija tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport milli tilħaq il-valuri fil-mira li ġejjin:
(a)għal kull sezzjoni transfruntiera interna tal-Unjoni, il-ħin ta’ waqfien tal-ferroviji tal-merkanzija kollha li jaqsmu l-fruntiera ma jaqbiżx medja ta’ 15-il minuta. Il-ħin ta’ waqfien ta’ ferrovija f’sezzjoni transfruntiera jfisser il-ħin ta’ tranżitu addizzjonali totali li jista’ jiġi attribwit għall-eżistenza tal-qsim tal-fruntiera, irrispettivament mill-kawżi sottostanti, bħal kontrolli mill-pulizija fil-fruntieri u proċeduri jew kunsiderazzjonijiet ta’ natura infrastrutturali, operazzjonali, teknika u amministrattiva, mingħajr ma jitqies iż-żmien li ma jistax jiġi attribwit għall-qsim tal-fruntiera, bħall-proċeduri operazzjonali mwettqa f’faċilitajiet li jinsabu fil-viċinanza tal-qsim tal-fruntiera, iżda mhux intrinsikament relatati miegħu;
(b)mill-inqas 90 % tal-ferroviji tal-merkanzija li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda ta’ Kuritur Ewropew tat-Trasport jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, jew fil-fruntiera esterna tal-Unjoni jekk id-destinazzjoni tagħhom tkun barra mill-Unjoni, fil-ħin skedat tagħhom jew b’dewmien ta’ inqas minn 30 minuta.
2.L-Istati Membri għandhom jimmodifikaw, kif xieraq, il-ftehimiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2012/34/UE u jieħdu miżuri xierqa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 913/2010 biex jilħqu l-valuri fil-mira stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu.
Artikolu 19
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura ferrovjarja u minbarra l-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)il-mitigazzjoni tal-impatt tal-istorbju u tal-vibrazzjoni kkawżati mit-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għall-vetturi ferrovjarji u għall-infrastruttura, inkluż għall-ħitan ta’ protezzjoni mill-istorbju;
(b)it-titjib fis-sikurezza tal-passaġġi invell;
(c)fejn xieraq, il-konnessjoni tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju mal-infrastruttura ta’ port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni;
(d)soġġett għal analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, l-iżvilupp tal-infrastruttura għat-tul tal-ferrovija ta’ aktar minn 740 m u sa 1 500 m u tagħbija fuq il-fus ta’ 25,0 tunnellata meta jinbnew u jiġu mmodernizzati linji ferrovjarji rilevanti għat-traffiku tal-merkanzija;
(e)l-iżvilupp u l-varar ta’ teknoloġiji innovattivi għall-ferroviji, li jibnu b’mod partikolari fuq il-ħidma tal-Impriżi Konġunti “Shift2Rail” u “Sistema Ferrovjarja Ewropea”, notevolment it-tħaddim awtomatiku tal-ferroviji, il-ġestjoni avvanzata tat-traffiku, u l-konnettività diġitali għall-passiġġieri bbażata fuq ERTMS u akkoppjamenti diġitali awtomatiċi, kif ukoll il-konnettività 5G;
(f)meta tinbena jew tiġi ammeljorata l-infrastruttura ferrovjarja, jiġu żgurati l-kontinwità u l-aċċessibbiltà tal-mogħdijiet pedonali u għaċ-ċikliżmu sabiex jiġu promossi l-modi attivi tat-trasport;
(g)l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ fjuwils alternattivi għall-ferroviji, bħall-idroġenu għal sezzjonijiet li huma eżentati mir-rekwiżit ta’ elettrifikazzjoni.
TAQSIMA 2
Infrastruttura tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni
Artikolu 20
Komponenti tal-infrastruttura
1.L-infrastruttura tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tinkludi, b’mod partikolari:
(a)xmajjar;
(b)kanali;
(c)lagi;
(d)infrastruttura relatata bħal xtabi, liftijiet, pontijiet, ġibjuni u miżuri assoċjati ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni ta’ għargħar u nixfa li jistgħu jħallu effetti pożittivi għan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni;
(e)l-aċċess tal-passaġġi fuq l-ilma u l-konnessjonijiet tal-aħħar mil għat-terminals multimodali tal-merkanzija konnessi permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, b’mod partikolari f’portijiet interni u marittimi;
(f)il-postijiet ta’ rmiġġ u ta’ mistrieħ;
(g)il-portijiet interni, inkluża l-infrastruttura bażika tal-port fil-forma ta’ baċiri interni, ħitan tal-mollijiet, irmiġġi, pontijiet tal-imbark, baċiri, digi, backfills, ir-reklamazzjoni tal-art u l-infrastruttura meħtieġa għall-operazzjonijiet ta’ trasport fiż-żona tal-port u barra miż-żona tal-port;
(h)it-tagħmir assoċjat;
(i)is-sistemi tal-ICT għat-trasport, inkluż l-RIS;
(j)il-konnessjonijiet tal-portijiet interni mal-modi l-oħrajn fin-network trans-Ewropew tat-trasport;
(k)l-infrastruttura relatata ma’ faċilitajiet għal fjuwils alternattivi kif definiti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(l)l-infrastruttura meħtieġa għal operazzjonijiet ta’ żero skart u miżuri ta’ ekonomija ċirkolari.
2.It-tagħmir assoċjat ma’ passaġġi fuq l-ilma interni jista’ jinkludi tagħmir għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija u l-ħżin tal-merkanzija f’portijiet interni. It-tagħmir assoċjat jista’ jinkludi, b’mod partikolari, sistemi ta’ propulsjoni u dawk operattivi li jnaqqsu t-tniġġis, bħat-tniġġis tal-ilma u tal-arja, il-konsum tal-enerġija u l-intensità tal-karbonju. Huwa jista’ jinkludi wkoll faċilitajiet għall-akkoljenza tal-iskart, provvista tal-enerġija elettrika mix-xatt u infrastruttura oħra ta’ fjuwils alternattivi għall-provvista u l-ġenerazzjoni u faċilitajiet għall-ġbir taż-żejt użat, kif ukoll tagħmir għat-tkissir tas-silġ, servizzi idroloġiċi u tħammil tal-passaġġi navigabbli, il-portijiet u approċċi tal-portijiet biex tiġi żgurata navigabbiltà matul is-sena kollha.
3.Port intern għandu jkun parti min-network komprensiv fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ikollu volum annwali ta’ trażbord tal-merkanzija li jaqbeż il-500 000 tunnellata. Il-volum annwali totali ta’ trażbord tal-merkanzija għandu jkun ibbażat fuq l-aktar medja reċenti disponibbli meħuda fuq tliet snin, abbażi tal-istatistika ppubblikata mill-Eurostat;
(b)dan ikun jinsab fuq in-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
Artikolu 21
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network komprensiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-portijiet interni fuq in-network komprensiv, sal-31 ta’ Diċembru 2050:
(a)ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-toroq jew tal-ferroviji;
(b)joffru mill-inqas terminal multimodali tal-merkanzija wieħed miftuħ għall-operaturi u l-utenti kollha b’mod mhux diskriminatorju u li għandu japplika imposti trasparenti u mhux diskriminatorji;
(c)ikunu mgħammra b’faċilitajiet biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti fil-portijiet, inklużi l-faċilitajiet ta’ akkoljenza, il-faċilitajiet ta’ tneħħija tal-gass, il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju, il-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi tiġi varata f’portijiet interni f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi].
Artikolu 22
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network ewlieni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-portijiet interni tan-network ewlieni jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 21(1), sal-31 ta’ Diċembru 2030 u fil-punt (c) tal-Artikolu 21(1), sal-31 ta’ Diċembru 2040.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi l-konnessjonijiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 20(1), jinżamm sabiex jippermetti navigazzjoni effiċjenti, affidabbli u sikura għall-utenti billi jiġu żgurati rekwiżiti minimi ta’ passaġġi fuq l-ilma u livelli ta’ servizz u billi jiġi evitat id-deterjorament ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi jew ta’ kwalunkwe wieħed mill-kriterji sottostanti definiti tiegħu (Status Tajjeb ta’ Navigazzjoni).
3.L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:
(a)Ix-xmajjar, il-kanali, il-lagi, il-portijiet interni u r-rotot ta’ aċċess tagħhom jipprovdu fond tal-kanal navigabbli ta’ mill-inqas 2,5 m u għoli minimu taħt pontijiet li ma jinfetħux ta’ mill-inqas 5,25 m f’livelli tal-ilma ta’ referenza definiti, li jinqabżu f’għadd definit ta’ jiem fis-sena fuq medja statistika.
Il-livelli tal-ilma ta’ referenza għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-għadd ta’ jiem fis-sena li fihom il-livell tal-ilma attwali jkun qabeż il-livell tal-ilma ta’ referenza speċifikat. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-livelli tal-ilma ta’ referenza msemmija fis-subparagrafu preċedenti għal kull baċir idrografiku. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(3).
Meta tispeċifika l-livelli tal-ilma ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rekwiżiti li huma stabbiliti f’konvenzjonijiet internazzjonali u fi ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri.
(b)L-Istati Membri għandhom jippubblikaw fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku l-għadd ta’ jiem fis-sena kif imsemmi taħt il-punt (a) li matulhom il-livell tal-ilma attwali jaqbeż jew ma jilħaqx il-livell tal-ilma ta’ referenza speċifikat għall-fond tal-kanal tan-navigazzjoni, kif ukoll il-ħinijiet medji ta’ stennija f’kull xatba;
(c)l-operaturi tal-ixtabi għandhom jiżguraw li tali xtabi jitħaddmu u jinżammu b’tali mod li l-ħinijiet ta’ stennija jiġu minimizzati;
(d)ix-xmajjar, il-kanali u l-lagi huma mgħammra b’RIS għas-servizzi kollha skont id-Direttiva 2005/44/KE, sabiex tiġi ggarantita informazzjoni f’ħin reali lill-utenti bejn il-fruntieri.
4.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżiti minimi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu (3) mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, il-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti u/jew ta’ impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u l-bijodiversità.
Id-deterjorament tar-rekwiżiti minimi kkawżat minn azzjoni diretta tal-bniedem jew minn nuqqas ta’ diliġenza fiż-żamma tan-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni ma għandux jitqies bħala każ li jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jingħataw eżenzjoni f’każ ta’ force majeure. L-Istati Membri għandhom jirriabilitaw il-kundizzjonijiet ta’ navigabbiltà għall-istatus preċedenti hekk kif is-sitwazzjoni tippermetti dan.
Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tiġi kkoordinata u miftiehma mal-Istat(i) Membru/i ġar/ġirien, fejn applikabbli.
5.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti li jikkomplementaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-paragrafu (3), għal kull baċir idrografiku. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:
(a)parametri komplementari għall-passaġġi fuq l-ilma speċifiċi għal xmajjar ġierja;
(b)speċifikazzjonijiet għall-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni;
(c)speċifikazzjonijiet għall-infrastruttura tal-portijiet interni;
(d)postijiet u servizzi ta’ rmiġġ xierqa għall-utenti kummerċjali;
(e)il-varar ta’ infrastruttura tal-enerġija alternattiva sabiex jiġi żgurat aċċess għal fjuwils alternattivi mal-kuritur kollu;
(f)rekwiżiti għal applikazzjonijiet diġitali tan-network u l-proċessi ta’ awtomatizzazzjoni;
(g)ir-reżiljenza tal-infrastruttura għat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u d-diżastri kkawżati mill-bniedem jew tfixkil intenzjonali;
(h)l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni għal fjuwils tal-enerġija u sistemi ta’ propulsjoni b’livell żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(3).
6.Il-Kummissjoni għandha tiżgura approċċ koerenti dwar l-applikazzjoni tal-istatus tajjeb ta’ navigazzjoni fl-Unjoni u tista’ tadotta linji gwida għal dan. Meta tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-paragrafi (e) u (f), il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-interoperabbiltà bejn il-baċiri idrogafiċi ma tiġix kompromessa.
Artikolu 23
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastrutturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u flimkien mal-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata prijorità lil dawn li ġejjin:
(a)fejn xieraq, il-kisba ta’ standards ogħla għall-immodernizzar tal-passaġġi fuq l-ilma eżistenti u għall-ħolqien ta’ passaġġi fuq l-ilma ġodda, sabiex jiġu ssodisfati d-domandi tas-suq;
(b)il-miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni kontra l-għargħar u n-nixfiet;
(c)il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli, sikur u sigur fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż fi ħdan in-nodi urbani;
(d)il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura meħtieġa għall-operazzjonijiet tat-trasport kemm fiż-żona tal-port kif ukoll barra minnha;
(e)il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-infrastruttura tat-trasport, inklużi bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi u miżuri maħsuba biex itaffu l-impatti fuq il-korpi tal-ilma u l-bijodiversità dipendenti mill-ilma, f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni jew il-ftehimiet internazzjonali rilevanti.
TAQSIMA 3
L-infrastruttura tat-trasport marittimu u l-Ispazju Marittimu Ewropew
Artikolu 24
Komponenti tal-infrastruttura
1.L-Ispazju Marittimu Ewropew jgħaqqad u jintegra l-komponenti marittimi deskritti fil-paragrafu 2 man-network tal-art permezz tal-ħolqien jew l-ammeljorament ta’ rotot tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra bejn żewġ portijiet marittimi jew aktar fit-territorju tal-Unjoni jew bejn port wieħed jew aktar fit-territorju tal-Unjoni u port fit-territorju ta’ pajjiż terz ġar li jkollu kosta fuq l-ibħra magħluqa li jmissu mal-ilmijiet tal-Unjoni, u permezz tal-iżvilupp ta’ portijiet marittimi fit-territorju tal-Unjoni u l-konnessjonijiet tagħhom mal-intern tal-pajjiż biex jipprovdu integrazzjoni effiċjenti, vijabbli u sostenibbli ma’ modi oħrajn ta’ trasport.
2.L-Ispazju Marittimu Ewropew jikkonsisti fi:
(a)l-infrastruttura tat-trasport marittimu fiż-żona tal-port tan-network ewlieni u tan-network komprensiv;
(b)azzjonijiet ta’ benefiċċju usa’ li ma humiex marbuta ma’ portijiet speċifiċi u li huma ta’ benefiċċju għall-Ispazju Marittimu Ewropew u għall-industrija marittima b’mod wiesa’, bħall-appoġġ għal attivitajiet li jiżguraw navigabbiltà matul is-sena kollha (tkissir tas-silġ), sistemi tal-ICT għat-trasport u stħarriġ idrografiku.
3.L-infrastruttura tat-trasport marittimu msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għandha tinkludi, b’mod partikolari:
(a)portijiet marittimi, inkluża l-infrastruttura meħtieġa għall-operazzjonijiet tat-trasport fiż-żona tal-port;
(b)infrastruttura bażika tal-portijiet bħal baċiri interni, ħitan tal-mollijiet, irmiġġi, pontijiet tal-imbark, baċiri, digi, backfills u r-reklamazzjoni tal-art;
(c)kanali fil-baħar;
(d)għajnuniet għan-navigazzjoni;
(e)approċċi tal-portijiet, passaġġi navigabbli u xtabi;
(f)breakwaters;
(g)il-konnessjonijiet tal-portijiet man-network trans-Ewropew tat-trasport tal-modi l-oħrajn ta’ trasport;
(h)sistemi tal-ICT għat-trasport, inklużi l-EMSWe u l-VTMIS;
(i)l-infrastruttura relatata ma’ faċilitajiet għal fjuwils alternattivi kif definiti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(j)tagħmir assoċjat, li jista’ jinkludi, b’mod partikolari, tagħmir għall-ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija, għat-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq l-ambjent, għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, għat-tnaqqis tal-istorbju, u għall-użu ta’ fjuwils alternattivi, kif ukoll tagħmir biex tiġi żgurata navigabbiltà matul is-sena kollha, inklużi t-tkissir tas-silġ, stħarriġ idroloġiku, u għat-tħammil kapitali u l-protezzjoni tal-portijiet u l-approċċi tal-portijiet;
(k)l-infrastruttura meħtieġa għal operazzjonijiet ta’ żero skart u miżuri ta’ ekonomija ċirkolari.
4.Port marittimu għandu jkun parti min-network komprensiv meta tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-volum totali annwali tat-traffiku tal-passiġġieri tiegħu jaqbeż 0,1 % tal-volum totali annwali tat-traffiku tal-passiġġieri tal-portijiet marittimi kollha tal-Unjoni. L-ammont ta’ referenza għal dan il-volum totali huwa l-aktar medja reċenti disponibbli meħuda fuq tliet snin, ibbażata fuq l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat;
(b)il-volum totali annwali tal-merkanzija – għall-immaniġġjar tal-merkanzija sfuża jew mhux sfuża – jaqbeż 0,1 % tal-volum totali annwali korrispondenti tal-merkanzija mmaniġġjata fil-portijiet marittimi kollha tal-Unjoni. L-ammont ta’ referenza għal dan il-volum totali huwa l-aktar medja reċenti disponibbli meħuda fuq tliet snin, ibbażata fuq l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat;
(c)ikun jinsab fuq gżira u jipprovdi l-uniku punt ta’ aċċess għal reġjun NUTS 3 fin-network komprensiv;
(d)ikun jinsab f’reġjun ultraperiferiku jew f’żona periferali, barra raġġ ta’ 200 km mill-eqreb port l-ieħor fin-network komprensiv.
Artikolu 25
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network komprensiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)l-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi tiġi varata f’portijiet marittimi tan-network komprensiv f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(b)il-portijiet marittimi tan-network komprensiv ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti fil-portijiet, fost l-oħrajn, il-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-kunsinna ta’ skart minn bastimenti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)il-VTMIS u s-SafeSeaNet jiġu implimentati f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE;
(d)is-single windows nazzjonali marittimi jiġu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1239.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2050:
(a)il-portijiet marittimi tan-network komprensiv se jkunu konnessi mal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq u, fejn possibbli, mal-passaġġi fuq l-ilma interni, ħlief meta jkun hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti li jimpedixxu tali konnessjoni;
(b)kwalunkwe port marittimu tan-network komprensiv li jservi lit-traffiku tal-merkanzija joffri mill-inqas terminal multimodali wieħed tal-merkanzija li jkun miftuħ għall-operaturi u l-utenti kollha b’mod mhux diskriminatorju u li japplika imposti trasparenti u mhux diskriminatorji;
(c)il-kanali fil-baħar, il-passaġġi navigabbli fil-portijiet u l-estwarji jgħaqqdu żewġ ibħra, jew jipprovdu aċċess mill-baħar għall-portijiet marittimi u jikkorrespondu mill-inqas għall-passaġġi fuq l-ilma interni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22;
(d)il-portijiet marittimi tan-network komprensiv konnessi mal-passaġġi fuq l-ilma interni jkunu mgħammra b’kapaċità ddedikata għall-immaniġġjar tal-bastimenti li joperaw f’passaġġi fuq l-ilma interni.
3.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu (2) jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, il-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti u/jew ta’ impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u l-bijodiversità.
Artikolu 26
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network ewlieni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-trasport marittimu tan-network ewlieni tkun konformi mal-Artikolu 25(1).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-trasport marittimu tan-network ewlieni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(2) sal-31 ta’ Diċembru 2030.
3.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, l-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu (2) jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, il-valutazzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti u/jew ta’ impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u l-bijodiversità.
Artikolu 27
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura marittima
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura marittima, minbarra l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)l-ammeljorament tal-aċċess marittimu, bħal breakwaters, kanali fil-baħar, passaġġi navigabbli, xtabi, tħammil kapitali u għajnuniet għan-navigazzjoni;
(b)il-kostruzzjoni jew l-ammeljorament tal-infrastruttura bażika tal-portijiet, bħal baċiri interni, ħitan tal-mollijiet, irmiġġi, pontijiet tal-imbark, baċiri, digi, backfills u r-reklamazzjoni tal-art;
(c)it-titjib tal-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà akbar;
(d)l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni għal fjuwils tal-enerġija u sistemi ta’ propulsjoni b’livelli żero u baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju;
(e)it-titjib tar-reżiljenza tal-ktajjen loġistiċi u tal-kummerċ marittimu internazzjonali, inkluż b’rabta mal-adattament għat-tibdil fil-klima;
(f)il-miżuri ta’ tnaqqis tal-istorbju u ta’ effiċjenza enerġetika;
(g)il-promozzjoni ta’ bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi li jservu u joperaw konnessjonijiet tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, u l-iżvilupp ta’ miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu għall-ottimizzazzjoni tal-waqfiet fil-portijiet jew tal-katina tal-provvista f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni jew il-ftehimiet internazzjonali rilevanti.
TAQSIMA 4
Infrastruttura tat-trasport bit-triq
Artikolu 28
Komponenti tal-infrastruttura
1.L-infrastruttura tat-trasport bit-triq għandha tinkludi b’mod partikolari:
(a)toroq li jinkludu:
(i) pontijiet;
(ii) mini;
(iii) ġunzjonijiet;
(iv) qsim;
(v) interkambji;
(vi) korsiji ta’ emerġenza;
(vii) żoni ta’ parkeġġ u ta’ mistrieħ, inklużi żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għall-vetturi kummerċjali;
(viii) sistemi ta’ użin waqt il-moviment;
(ix) infrastruttura relatata ma’ faċilitajiet għal fjuwils alternattivi f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(x) infrastruttura li ttaffi l-impatt fuq l-ambjent;
(b)it-tagħmir assoċjat;
(c)sistemi tal-ICT għat-trasport;
(d)rotot ta’ aċċess u konnessjoni tal-aħħar mil mat-terminals multimodali tal-merkanzija;
(e)konnessjonijiet tat-terminals tal-merkanzija u tal-pjattaformi loġistiċi mal-modi l-oħrajn fin-network trans-Ewropew tat-trasport;
(f)terminals tal-karozzi tal-linja.
2.It-toroq imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 huma dawk li għandhom rwol importanti fit-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri fuq distanzi twal, jintegraw iċ-ċentri urbani u ekonomiċi ewlenin u jiġu interkonnessi ma’ modi oħrajn ta’ trasport.
3.It-tagħmir assoċjat mat-toroq jista’ jinkludi, b’mod partikolari, tagħmir għall-ġestjoni tat-traffiku, informazzjoni u gwida tar-rotot, għall-ġbir ta’ pedaġġi jew tariffi għall-użu tat-triq, għas-sikurezza, għat-tnaqqis tal-effetti ambjentali negattivi, għar-riforniment jew l-irriċarġjar tal-vetturi bi propulsjoni alternattiva, u għaż-żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għal vetturi kummerċjali.
Artikolu 29
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network komprensiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)is-sikurezza tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq tiġi żgurata, immonitorjata u, meta meħtieġ, imtejba f’konformità mad-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)it-toroq ikunu ddisinjati, mibnija jew ammeljorati u miżmuma bl-ogħla livell ta’ sikurezza tat-traffiku permezz ta’, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-aħħar teknoloġiji;
(c)it-toroq ikunu ddisinjati, mibnija jew ammeljorati u miżmuma bl-ogħla livell ta’ ħarsien tal-ambjent, inkluż, kif xieraq, permezz ta’ uċuh tat-toroq b’livell baxx ta’ storbju u l-ġbir, it-trattament u r-rilaxx tal-ilma tax-xeba’;
(d)il-mini tat-toroq b’tul ta’ aktar minn 500 m ikunu konformi mad-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(e)fejn applikabbli, l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ ġbir tal-pedaġġ tiġi żgurata f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C/2019/9080 u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C/2019/8369;
(f)fejn applikabbli, il-pedaġġi jew it-tariffi għall-użu tat-triq jiġu imposti f’konformità mad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(g)kwalunkwe sistema tat-trasport intelliġenti fuq l-infrastruttura tat-trasport bit-triq tkun konformi mad-Direttiva (UE) […] dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti u tiġi varata b’mod konsistenti mal-atti delegati adottati skont dik id-Direttiva;
(h)l-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi tiġi varata fuq in-network tat-toroq f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi].
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2050, l-infrastruttura tat-toroq tan-network komprensiv tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a)it-triq tkun iddisinjata, mibnija jew ammeljorata b’mod speċjali għat-traffiku tal-vetturi bil-mutur u:
(i)tipprovdi, ħlief f’punti speċjali jew temporanjament, karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin bi strixxa diviżorja mhux maħsuba għat-traffiku jew, eċċezzjonalment, b’mezzi oħrajn;
(ii)ma taqsamx, fl-istess livell, kwalunkwe triq, linja tal-ferrovija jew tat-tramm, passaġġ għar-roti jew passaġġ għall-mixi; u
(iii)ma lil sservix proprjetajiet li jmissu magħha.
(b)iż-żoni ta’ mistrieħ ikunu disponibbli f’distanza massima ta’ 60 km minn xulxin, li jipprovdu biżżejjed spazju għall-parkeġġ, tagħmir tas-sikurezza u tas-sigurtà, u faċilitajiet xierqa, inklużi faċilitajiet sanitarji, li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ forza tax-xogħol diversa;
(c)iż-żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jkunu disponibbli f’distanza massima ta’ 100 km minn xulxin, li jipprovdu biżżejjed spazju għall-parkeġġ għal vetturi kummerċjali u li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2020/1054;
(d)is-sistemi ta’ użin waqt il-moviment jiġu installati f’distanza massima ta’ 300 km minn xulxin. Is-sistemi ta’ użin waqt il-moviment għandhom jippermettu l-identifikazzjoni ta’ vetturi u ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi li x’aktarx ikunu qabżu l-piżijiet massimi awtorizzati stabbiliti fid-Direttiva 96/53/KE.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-varar jew l-użu tal-mezzi biex jiġu identifikati avvenimenti jew kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza, u l-ġbir tad-data rilevanti dwar it-traffiku fit-toroq, għall-fini li tiġi pprovduta informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq kif definita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 886/2013.
4.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, l-eżenzjonijiet mir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) tal-paragrafu 2 jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari meta d-densità tat-traffiku ma taqbiżx l-10 000 vettura kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet, jew meta jkun hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti, sakemm jiġi żgurat livell xieraq ta’ sikurezza. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti u/jew tal-impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u l-bijodiversità tal-investimenti.
Artikolu 30
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network ewlieni u għan-network ewlieni estiż
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-toroq tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż tkun konformi mal-Artikolu 29(1).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-toroq tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 29(2) sal-31 ta’ Diċembru 2040.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-toroq tan-network ewlieni u tan-network ewlieni estiż tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 29(2) sal-31 ta’ Diċembru 2030.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-toroq tan-network ewlieni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29(3) sal-31 ta’ Diċembru 2025.
5.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, l-eżenzjonijiet mir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 29(2) jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari meta d-densità tat-traffiku ma taqbiżx l-10 000 vettura kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet, jew meta jkun hemm restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti, sakemm jiġi żgurat livell xieraq ta’ sikurezza. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji, il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti u/jew tal-impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u l-bijodiversità tal-investimenti.
Artikolu 31
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura tat-toroq u minbarra l-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)it-titjib u l-promozzjoni tas-sikurezza fit-toroq, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli u tal-utenti tat-toroq fid-diversità kollha tagħhom, b’mod partikolari l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa;
(b)il-mitigazzjoni tal-konġestjoni fit-toroq eżistenti, b’mod partikolari permezz tal-ġestjoni intelliġenti tat-traffiku, inklużi l-imposti jew il-pedaġġi dinamiċi għall-konġestjoni varjati skont il-ħin tal-ġurnata, il-ġimgħa jew l-istaġun;
(c)l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi biex jittejjeb il-kontroll tal-konformità mal-qafas legali tal-Unjoni għat-trasport bit-triq, inklużi għodod ta’ infurzar intelliġenti u awtomatizzati u infrastruttura tal-komunikazzjoni 5G;
(d)meta tinbena jew tiġi ammeljorata l-infrastruttura tat-toroq, jiġu żgurati l-kontinwità u l-aċċessibbiltà tal-mogħdijiet għall-mixi u għaċ-ċikliżmu sabiex jiġu promossi l-modi attivi tat-trasport.
TAQSIMA 5
Infrastruttura tat-trasport bl-ajru
Artikolu 32
Komponenti tal-infrastruttura
1.L-infrastruttura tat-trasport bl-ajru għandha tinkludi b’mod partikolari:
(a)l-ispazju tal-ajru, ir-rotot u l-passaġġi bl-ajru;
(b)l-ajruporti, inklużi l-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa għall-operazzjonijiet fuq l-art u tat-trasport fiż-żona tal-ajruport, il-vertiports u l-portijiet spazjali;
(c)il-konnessjonijiet tal-ajruporti mal-modi l-oħrajn fin-network trans-Ewropew tat-trasport;
(d)is-Sistemi tal-ATM/ANS u t-tagħmir assoċjat, inkluż it-tagħmir ibbażat fl-ispazju;
(e)l-infrastruttura relatata ma’ fjuwils alternattivi, u l-provvista tal-elettriku għal inġenji tal-ajru stazzjonarji kif definiti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(f)l-infrastruttura għall-produzzjoni fuq il-post ta’ fjuwils alternattivi u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet klimatiċi, ambjentali u tal-istorbju tal-ajruporti jew ta’ operazzjonijiet assoċjati mal-ajruporti, bħal servizzi fuq l-art, operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru u trasport tal-passiġġieri fuq l-art;
(g)l-infrastruttura użata għall-ġbir separat tal-iskart, għall-prevenzjoni tal-iskart u għal attivitajiet fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari.
2.Ajruport għandu jkun parti min-network komprensiv, meta jissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)għall-ajruporti tal-merkanzija, il-volum totali annwali tal-merkanzija jkun mill-inqas 0,2 % tal-volum totali annwali tal-merkanzija tal-ajruporti kollha tal-Unjoni;
(b)għall-ajruporti tal-passiġġieri, it-traffiku totali annwali tal-passiġġieri jkun mill-inqas 0,1 % tal-volum totali annwali tal-passiġġieri tal-ajruporti kollha tal-Unjoni, sakemm l-ajruport inkwistjoni ma jkunx jinsab lil hinn minn raġġ ta’ 100 km mill-eqreb ajruport fin-network komprensiv, jew lil hinn minn raġġ ta’ 200 km fejn ikun hemm linja ferrovjarja ta’ veloċità għolja fir-reġjun fejn jinsab.
Il-volum totali annwali tal-passiġġieri u l-volum totali annwali tal-merkanzija huma bbażati fuq l-aktar medja reċenti disponibbli meħuda fuq tliet snin, abbażi tal-istatistika ppubblikata mill-Eurostat.
Artikolu 33
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport għan-network ewlieni u għan-network komprensiv
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)l-ajruporti tan-network ewlieni jkunu konnessi man-network ferrovjarju fuq distanzi twal, inkluż in-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, u l-infrastruttura tat-trasport bit-triq tan-network trans-Ewropew tat-trasport sal-31 ta’ Diċembru 2030, ħlief fejn restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti jipprevjenu tali konnessjonijiet;
(b)l-ajruporti tan-network komprensiv b’volum totali annwali tat-traffiku tal-passiġġieri ta’ aktar minn erba’ miljun passiġġier ikunu konnessi man-network ferrovjarju fuq distanzi twal, inkluż man-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, u l-infrastruttura tat-trasport bit-triq tan-network trans-Ewropew tat-trasport sal-31 ta’ Diċembru 2050, ħlief fejn restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti jipprevjenu tali konnessjonijiet;
(c)kwalunkwe ajruport li jinsab fit-territorju tagħhom joffri mill-inqas terminal wieħed li jkun miftuħ għall-operaturi u għall-utenti kollha b’mod mhux diskriminatorju u li għandu japplika imposti trasparenti u mhux diskriminatorji;
(d)japplikaw standards bażiċi komuni għas-salvagwardja tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali, kif adottati mill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-infrastruttura tat-trasport bl-ajru;
(e)l-infrastruttura għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tkun tali li tippermetti l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (UE) Nru 2018/1139, tal-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru, sabiex jittejbu l-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-avjazzjoni Ewropea, tar-regoli ta’ implimentazzjoni u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni;
(f)l-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi tiġi varata fl-ajruporti f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti kif definiti fir-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(g)l-infrastruttura tat-trasport bl-ajru tipprevedi provvista ta’ arja prekundizzjonata għal inġenji tal-ajru stazzjonarji.
2.Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’, f’każijiet debitament ġustifikati, tagħti eżenzjonijiet permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) u (g) tal-paragrafu 1. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi soċjoekonomika tal-kostijiet u tal-benefiċċji jew tkun relatata mar-restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi jew fiżiċi sinifikanti, inkluż in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ sistema ferrovjarja fit-territorju.
Artikolu 34
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bl-ajru
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura tat-trasport bl-ajru u minbarra l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)iż-żieda fl-effiċjenza operattiva u enerġetika tal-ajruporti;
(b)l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u ta’ sistemi interoperabbli, b’mod partikolari dawk żviluppati mill-proġett SESAR f’konformità mal-Pjan Direttur Ewropew tal-ATM;
(c)it-titjib tal-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sikurezza u sigurtà akbar;
(d)it-titjib tal-interkonnessjonijiet multimodali bejn l-ajruporti u l-infrastruttura ta’ modi oħrajn ta’ trasport, u bejn l-ajruporti u n-nodi urbani, fejn xieraq;
(e)it-titjib tas-sostenibbiltà u l-mitigazzjoni tal-impatti klimatiċi, ambjentali u tal-istorbju, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji u innovazzjoni ġodda, fjuwils alternattivi, inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero u baxxi u infrastruttura b’livelli żero u baxxi ta’ karbonju.
TAQSIMA 6
Infrastruttura għat-terminals multimodali tal-merkanzija
Artikolu 35
L-identifikazzjoni tat-terminals multimodali tal-merkanzija
1.It-terminals multimodali tal-merkanzija tan-network trans-Ewropew tat-trasport huma terminals li:
(a)jinsabu fil-portijiet marittimi tan-network trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II;
(b)jinsabu fil-portijiet interni tan-network trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II;
(c)jinsabu fi ħdan nodu urban jew fil-viċinanza tiegħu;
(d)huma kklassifikati bħala terminals stradali-ferrovjarji tan-network trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kapaċità suffiċjenti tat-terminals multimodali tal-merkanzija li sservi n-network trans-Ewropew tat-trasport, li tissodisfa l-flussi tat-traffiku attwali u futuri, b’mod partikolari l-flussi li jservu nodi urbani, ċentri industrijali, portijiet u ċentri tal-loġistika.
3.Fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi tas-suq u analiżi prospettiva dwar it-terminals multimodali tal-merkanzija fit-territorju tagħhom. Din l-analiżi għandha mill-inqas:
(a)teżamina l-flussi tat-traffiku attwali u futuri tal-merkanzija, inklużi l-flussi tat-traffiku tal-merkanzija ttrasportata bit-triq;
(b)tidentifika t-terminals multimodali tal-merkanzija eżistenti tan-network trans-Ewropew tat-trasport fit-territorju tagħhom, u tivvaluta l-ħtieġa għal terminals multimodali tal-merkanzija ġodda jew kapaċità addizzjonali ta’ trażbord fit-terminals eżistenti;
(c)tanalizza kif tiġi żgurata distribuzzjoni adegwata tat-terminals multimodali tal-merkanzija b’kapaċità adegwata ta’ trażbord sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati fil-punt (b). Dan għandu jqis it-terminals li jinsabu fiż-żoni tal-fruntiera tal-Istati Membri ġirien.
L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-ispedituri, mal-operaturi tat-trasport u mal-operaturi tal-loġistika li joperaw fit-territorju tagħhom. Huma għandhom iqisu r-riżultati tal-konsultazzjoni fl-analiżi tagħhom.
4.Abbażi tal-analiżi skont il-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jelaboraw pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ta’ network ta’ terminal multimodali tal-merkanzija. Ir-riżultati tal-analiżi u l-pjan ta’ azzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tiġi ffinalizzata l-analiżi, flimkien ma’ lista ta’ terminals stradali-ferrovjarji li l-Istat Membru jipproponi li jżid fl-Annessi I u II.
5.Terminal stradali-ferrovjarju għandu jkun parti min-network trans-Ewropew tat-trasport u elenkat fl-Annessi I u II meta tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)it-trażbord annwali tal-merkanzija tiegħu jaqbeż, għal merkanzija mhux sfuża, it-800 000 tunnellata jew, għal merkanzija sfuża, 0,1 % tal-volum totali annwali korrispondenti tal-merkanzija mmaniġġjata fil-portijiet marittimi kollha tal-Unjoni;
(b)ikun it-terminal stradali-ferrovjarju ewlieni ddeżinjat mill-Istat Membru għal reġjun NUTS 2, meta ma jkun hemm l-ebda terminal stradali-ferrovjarju li jikkonforma mal-punt (a) f’dak ir-reġjun NUTS 2,
(c)ikun propost mill-Istat Membru f’konformità mal-paragrafu 4.
Artikolu 36
Komponenti tal-infrastruttura
It-terminals multimodali tal-merkanzija għandhom jinkludu, b’mod partikolari:
(a)infrastruttura li tgħaqqad il-modi differenti ta’ trasport f’żona tat-terminal u fil-viċinanza tagħha;
(b)tagħmir bħal krejnijiet, trasportaturi jew apparat ieħor ta’ trażbord sabiex il-merkanzija tiġi ttrasportata bejn modi differenti ta’ trasport u għall-pożizzjonament u l-ħżin tal-merkanzija;
(c)żoni ddedikati bħaż-żona tal-bieb, iż-żona ta’ lqugħ intermedja u ż-żona ta’ stennija, iż-żona tat-trażbord u l-korsiji tas-sewqan jew tat-tagħbija;
(d)sistemi tal-ICT rilevanti għal operazzjonijiet effiċjenti tat-terminal bħal dawk li jiffaċilitaw l-ippjanar tal-kapaċità tal-infrastruttura, l-operazzjonijiet tat-trasport, il-konnessjonijiet bejn il-modi, u t-trażbord;
(e)infrastruttura relatata ma’ faċilitajiet għal fjuwils alternattivi.
Artikolu 37
Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod ġust u mhux diskriminatorju li t-terminals multimodali tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 35(1):
(a)ikunu konnessi mal-modi ta’ trasport li huma disponibbli fiż-żona, fejn fattibbli, sakemm ma jkunux ġustifikati f’termini tal-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi;
(b)ikunu mgħammra b’mill-inqas stazzjon tal-irriċarġjar wieħed kif definit fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] iddedikat biex iservi lill-vetturi heavy-duty, sal-31 ta’ Diċembru 2030;
(c)ikunu mgħammra b’għodod diġitali sabiex jiżguraw, sal-31 ta’ Diċembru 2030:
(i)operazzjonijiet effiċjenti tat-terminal bħal photogates, sistema tat-tħaddim tat-terminal, reġistrazzjoni/ħlas diġitali tas-sewwieq, kameras jew sensuri oħrajn fuq tagħmir tat-trażbord, kif ukoll sistemi ta’ kameras fuq in-naħa tal-binarji;
(ii)il-forniment ta’ flussi ta’ informazzjoni f’terminal u bejn il-modi ta’ trasport tul il-katina loġistika u t-terminal.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod ġust u mhux diskriminatorju li t-terminals multimodali tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 35(1) u li jkunu konnessi man-network ferrovjarju, sal-31 ta’ Diċembru 2030, ikunu jistgħu jimmaniġġjaw it-tipi kollha ta’ unitajiet ta’ tagħbija intermodali jekk jiġu kklassifikati bħala terminali intermodali u jekk iwettqu trażbord vertikali.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod ġust u mhux diskriminatorju li t-terminals multimodali tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 35(1) u li jkunu konnessi man-network ferrovjarju, sal-31 ta’ Diċembru 2040, ikunu jistgħu jakkomodaw ferroviji b’tul ta’ 740 m mingħajr manipulazzjoni jew, jekk dan ma jkunx ekonomikament vijabbli, li jittieħdu miżuri adegwati biex tittejjeb l-effiċjenza operattiva tal-akkomodazzjoni ta’ ferroviji b’tul ta’ 740 m, bħall-estensjoni u l-elettrifikazzjoni tas-sidings tat-tluq u tal-wasla, l-aġġustamenti għas-sistemi tas-sinjalar u t-titjib fil-konfigurazzjoni tal-binarji.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod ġust u mhux diskriminatorju li t-terminals multimodali tal-merkanzija kollha msemmija fl-Artikolu 35(1) u li jkunu konnessi man-network ferrovjarju, sal-31 ta’ Diċembru 2050 ikunu jistgħu jimmaniġġjaw kwalunkwe ferrovija b’tul ta’ 740 m mingħajr manipulazzjoni.
5.Fuq talba ta’ Stat Membru, f’każijiet debitament ġustifikati, l-eżenzjonijiet mill-obbligi skont il-paragrafi minn 1 sa 4 jistgħu jingħataw mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fejn l-investiment fl-infrastruttura ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat f’termini ta’ kostijiet u benefiċċji soċjoekonomiċi, b’mod partikolari meta t-terminal ikun jinsab f’żona ristretta mil-lat ta’ spazju.
Artikolu 38
Prijoritajiet addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport multimodali
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati mal-infrastruttura tat-trasport multimodali u minbarra l-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)l-iffaċilitar tal-interkonnessjonijiet bejn modi differenti ta’ trasport;
(b)it-tneħħija tal-ostakli tekniċi u amministrattivi ewlenin għat-trasport multimodali, inkluż bl-implimentazzjoni tal-eFTI;
(c)l-iżvilupp ta’ fluss bla xkiel ta’ informazzjoni li tippermetti s-servizzi tat-trasport fis-sistema trans-Ewropea tat-trasport kollha;
(d)l-iffaċilitar tal-interoperabbiltà għall-kondiviżjoni tad-data, l-aċċess għad-data u l-użu mill-ġdid tad-data fi ħdan u bejn il-modi tat-trasport;
(e)il-promozzjoni, fejn xieraq, tal-fatt li s-sidings privati fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport jippermettu l-immaniġġjar ta’ ferroviji b’tul ta’ 740 m mingħajr manipulazzjoni.
TAQSIMA 7
Nodi urbani
Artikolu 39
Komponenti tan-nodi urbani
1.Nodu urban għandu jinkludi, b’mod partikolari:
(a)l-infrastruttura tat-trasport fin-nodu urban li hija parti min-network trans-Ewropew tat-trasport, inklużi bypasses, u li żżid il-prestazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport;
(b)il-punti ta’ aċċess għan-network trans-Ewropew tat-trasport, notevolment l-istazzjonijiet ferrovjarji multimodali, it-terminals multimodali tal-merkanzija, il-portijiet jew l-ajruporti;
(c)il-konnessjonijiet tal-ewwel u tal-aħħar mil bejn u għal dawn il-punti ta’ aċċess.
2.In-nodi urbani tan-network trans-Ewropew tat-trasport huma elenkati fl-Anness II.
Artikolu 40
Rekwiżiti tan-nodi urbani
Meta jiżviluppaw in-network trans-Ewropew tat-trasport f’nodi urbani, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tan-network kollu mingħajr konġestjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw:
(a)id-disponibbiltà ta’ infrastruttura għall-irriċarġjar u r-riforniment ta’ fjuwils alternattivi, inkluż fil-pjattaformi tal-loġistika u għat-trasport pubbliku f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi];
(b)sal-31 ta’ Diċembru 2025:
(i)l-adozzjoni ta’ pjan ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (SUMP) f’konformità mal-Anness V, li jinkludi, notevolment, miżuri maħsuba biex jintegraw il-modi differenti ta’ trasport, biex jippromwovu mobbiltà effiċjenti mingħajr emissjonijiet, inkluża loġistika urbana sostenibbli u mingħajr emissjonijiet, biex inaqqsu t-tniġġis tal-arja u tal-istorbju, u li jqis il-flussi tat-trasport trans-Ewropew fuq distanzi twal;
(ii)il-ġbir u s-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ data dwar il-mobbiltà urbana għal kull nodu urban li tkopri, bħala minimu, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-konġestjoni, l-aċċidenti u l-korrimenti, is-sehem modali u l-aċċess għal servizz ta’ mobbiltà, kif ukoll id-data dwar it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju. Minn hemm ’il quddiem, din id-data għandha tiġi sottomessa kull sena;
(c)sal-31 ta’ Diċembru 2030:
(i)għat-trasport tal-passiġġieri: l-interkonnessjoni sostenibbli, mingħajr xkiel u sikura bejn it-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bl-ajru, il-modi attivi ta’ trasport u, skont kif xieraq, l-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni u l-infrastruttura marittima;
(ii)għat-trasport tal-passiġġieri: il-kapaċità tal-passiġġieri li jaċċessaw l-informazzjoni, jipprenotaw u jħallsu l-vjaġġi tagħhom u jakkwistaw il-biljetti tagħhom permezz ta’ servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali;
(iii)għat-trasport tal-merkanzija: l-interkonnessjoni sostenibbli, mingħajr xkiel u sikura bejn it-trasport bil-ferrovija, bit-triq u, skont kif xieraq, l-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni, l-infrastruttura tal-ajru u marittima, kif ukoll il-konnessjonijiet xierqa mal-pjattaformi u l-faċilitajiet loġistiċi;
(iv)l-iżvilupp ta’ ċentri multimodali tal-passiġġieri biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet tal-ewwel u l-aħħar mil li jkunu mgħammra b’mill-inqas stazzjon tal-irriċarġjar wieħed kif definit fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) […] [dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi] iddedikat biex iservi lill-vetturi heavy-duty;
(d)sal-31 ta’ Diċembru 2040: l-iżvilupp ta’ mill-inqas terminal multimodali wieħed tal-merkanzija li jippermetti kapaċità suffiċjenti ta’ trażbord fi ħdan in-nodu urban jew fil-viċinanza tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tadotta, mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi metodoloġija għad-data li għandha tinġabar mill-Istati Membri msemmija taħt il-punt (ii) tal-paragrafu (b). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(3).
Artikolu 41
Prijoritajiet addizzjonali għan-nodi urbani
Fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni relatati man-nodi urbani u minbarra l-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13, għandha tingħata attenzjoni lil dawn li ġejjin:
(a)l-interkonnessjoni bla xkiel bejn l-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport u l-infrastruttura għat-trasport reġjonali u lokali;
(b)il-mitigazzjoni tal-esponiment ta’ żoni urbani għall-effetti negattivi tat-trasport ta’ tranżitu bil-ferrovija jew bit-triq, li jistgħu jinkludu bypasses;
(c)il-promozzjoni ta’ trasport u mobbiltà effiċjenti, b’livell baxx ta’ storbju u mingħajr emissjonijiet, inkluża l-ekoloġizzazzjoni tal-flotot urbani;
(d)iż-żieda fis-sehem modali tat-trasport pubbliku u tal-modi attivi;
(e)l-iskambju diġitali ta’ informazzjoni dwar it-trasport u t-traffiku bejn iċ-ċentri għall-ġestjoni tat-traffiku urban u mhux urban u ma’ entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni, f’konformità mal-istandards ISO/CEN.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET GĦAL TRASPORT INTELLIĠENTI U REŻILJENTI
Artikolu 42
Sistemi tal-ICT għat-trasport
1.Is-sistemi tal-ICT għat-trasport għandhom ikunu tali li jippermettu l-ġestjoni tal-kapaċità u tat-traffiku u l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan u bejn il-modi ta’ trasport għal operazzjonijiet tat-trasport multimodali u servizzi b’valur miżjud relatati mat-trasport, it-titjib fir-reżiljenza, is-sikurezza, is-sigurtà, il-konġestjoni u l-prestazzjoni operazzjonali u ambjentali, u proċeduri amministrattivi ssimplifikati. Is-sistemi tal-ICT għat-trasport għandhom jiffaċilitaw ukoll il-konnessjoni bla xkiel bejn l-infrastruttura u l-assi mobbli.
2.Is-sistemi tal-ICT għat-trasport għandhom jiġu varati madwar l-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-preżenza ta’ sett ta’ kapaċitajiet bażiċi interoperabbli fl-Istati Membri kollha.
3.Is-sistemi tal-ICT għat-trasport imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu:
(a)għall-ferroviji: l-ERTMS, l-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija u tal-passiġġieri kif imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabbiltà, u titjib ieħor fid-diġitalizzazzjoni, b’mod partikolari l-outputs mill-Impriża Konġunta Shift2Rail u mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;
(b)għall-passaġġi fuq l-ilma interni: l-RIS;
(c)għat-trasport bit-triq: l-STI;
(d)għat-trasport marittimu: għas-servizzi tal-VTMIS għall-ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti u għall-iskambju ta’ informazzjoni, is-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (EMSWe);
(e)għat-trasport bl-ajru: is-sistemi ATM/ANS, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-proġett SESAR;
(f)għat-trasport multimodali: l-eFTI, l-Ispazju tad-Data dwar il-Mobbiltà tal-UE u l-oqfsa li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ data bejn in-negozji għat-trasparenza u l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-provvista.
Artikolu 43
Servizzi ta’ trasport tal-merkanzija sostenibbli
1.L-Istati Membri għandhom jippromwovu proġetti ta’ interess komuni li jipprovdu servizzi effiċjenti ta’ trasport tal-merkanzija li jużaw l-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u ta’ impatti ambjentali negattivi oħrajn, u li għandhom l-għan li:
(a)itejbu l-użu sostenibbli tal-infrastruttura tat-trasport, inkluża l-ġestjoni effiċjenti tagħha;
(b)jippromwovu l-varar ta’ servizzi tat-trasport innovattivi, inklużi konnessjonijiet tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, sistemi tal-ICT għat-trasport u l-iżvilupp tal-infrastruttura anċillari meħtieġa sabiex prinċipalment jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u relatati mas-sikurezza ta’ dawk is-servizzi, kif ukoll l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ governanza rilevanti;
(c)jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tas-servizzi tat-trasport multimodali, inklużi l-flussi ta’ informazzjoni ta’ akkumpanjament meħtieġa, u jtejbu l-kooperazzjoni tal-parteċipanti tal-katina loġistika, inklużi l-ispedituri, l-operaturi, il-fornituri tas-servizzi u l-klijenti tagħhom;
(d)jistimolaw l-effiċjenza fir-riżorsi u l-operat b’emissjonijiet żero u baxxi, b’mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġiji, l-operazzjonijiet, it-trazzjoni tal-vetturi, is-sewqan/tisħin bil-fwar, l-ippjanar tas-sistemi u tal-operazzjonijiet;
(e)itejbu l-konnessjonijiet mal-aktar partijiet vulnerabbli u iżolati tal-Unjoni, b’mod partikolari r-reġjuni ultraperiferiċi, u reġjuni remoti, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll żoni skarsament popolati.
2.L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-varar ta’ servizzi tat-trasport innovattivi, inkluż permezz tal-Ispazju Marittimu Ewropew, is-sistemi tal-ICT u l-iżvilupp tal-infrastruttura anċillari meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u relatati mas-sikurezza ta’ dawk is-servizzi, kif ukoll l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ governanza rilevanti.
Artikolu 44
Teknoloġiji ġodda u innovazzjoni
Sabiex in-network trans-Ewropew tat-trasport ilaħħaq mal-iżviluppi u l-iskjeramenti teknoloġiċi innovattivi, l-Istati Membri għandhom jimmiraw b’mod partikolari li:
(a)jappoġġaw u jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport permezz ta’ tranżizzjoni għal vetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero u baxxi u teknoloġiji innovattivi u sostenibbli oħrajn tat-trasport u tan-networks, bħal hyperloop;
(b)jagħmlu possibbli d-dekarbonizzazzjoni tal-modi kollha ta’ trasport billi jistimolaw l-effiċjenza enerġetika, jintroduċu soluzzjonijiet b’emissjonijiet żero u baxxi, inklużi sistemi ta’ provvista tal-idroġenu u tal-elettriku, kif ukoll soluzzjonijiet ġodda oħrajn bħal fjuwils sostenibbli, u jipprovdu infrastruttura korrispondenti. Tali infrastruttura tista’ tinkludi aċċess għall-grilja u faċilitajiet oħrajn meħtieġa għall-provvista tal-enerġija, tista’ tqis l-interfaċċja tal-infrastruttura-vettura u tista’ tinkludi sistemi tal-ICT għat-trasport. L-infrastruttura tat-trasport tista’ sservi bħala ċentru tal-enerġija biex isservi lil modi differenti ta’ trasport;
(c)jappoġġaw l-adozzjoni u l-varar ta’ teknoloġiji diġitali ġodda, b’mod partikolari jippromwovu l-infrastruttura tal-konnettività b’kopertura mingħajr interruzzjoni tul il-Kurituri Ewropej tat-Trasport biex jiżguraw l-ogħla livell u prestazzjoni tal-infrastruttura diġitali u jilħqu livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni;
(d)itejbu s-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-moviment tal-persuni u tat-trasport tal-merkanzija;
(e)itejbu l-operat, il-ġestjoni, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà, il-multimodalità u l-effiċjenza tan-network, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali u l-iżvilupp ta’ infrastruttura li tippermetti l-multimodalità bla xkiel, bħall-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja u l-konnessjoni mal-bliet bil-ferrovija/bit-tramm fl-ajruporti;
(f)jippromwovu modi effiċjenti biex tiġi pprovduta informazzjoni aċċessibbli u li tinftiehem lill-utenti u l-fornituri kollha tas-servizzi tat-trasport rigward l-interkonnessjonijiet, l-interoperabbiltà u l-multimodalità;
(g)jippromwovu modi effiċjenti biex tiġi pprovduta informazzjoni aċċessibbli u komprensiva lill-utenti u l-fornituri kollha tas-servizzi tat-trasport rigward l-impatti ambjentali tal-għażliet tat-trasport tagħhom;
(h)jippromwovu miżuri biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni, bħall-konġestjoni, il-ħsara lis-saħħa u t-tniġġis ta’ kwalunkwe tip, inklużi l-istorbju u l-emissjonijiet;
(i)jintroduċu t-teknoloġija tas-sigurtà u standards tal-identifikazzjoni kompatibbli fuq in-networks;
(j)itejbu r-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport kontra t-tfixkil u t-tibdil fil-klima permezz ta’ ammeljoramenti u tfassil tal-infrastruttura u soluzzjonijiet diġitali u ċibernetiċi mmirati lejn il-protezzjoni tan-network fil-kuntest tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem;
(k)ikomplu javvanzaw l-iżvilupp u l-varar ta’ sistemi tal-ICT u ta’ teknoloġiji ġodda għat-trasport fi ħdan u bejn il-modi ta’ trasport.
Artikolu 45
Infrastruttura sikura u sigura
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tat-trasport tipprevedi movimenti sikuri u siguri tal-passiġġieri u tal-merkanzija.
Artikolu 46
Ir-reżiljenza tal-infrastruttura
1.Meta jippjanaw l-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom itejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport għat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali, id-diżastri kkawżati mill-bniedem, kif ukoll it-tfixkil intenzjonat li jaffettwa l-funzjonament tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni. Meta jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni, l-Istati Membri għandhom iqisu:
(a)l-interdipendenzi, ir-rabtiet u l-effetti ta’ kaskata ma’ networks oħrajn, bħan-network tat-telekomunikazzjoni u tal-elettriku;
(b)is-sikurezza, is-sigurtà u l-prestazzjoni fil-preżenza ta’ perikli multipli;
(c)il-kwalità strutturali tal-infrastruttura matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħha, b’attenzjoni partikolari għall-kundizzjonijiet klimatiċi pproġettati futuri;
(d)il-protezzjoni ċivili jeħtieġ li tirreaġixxi għat-tfixkil;
(e)iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura, b’attenzjoni partikolari għall-infrastruttura transfruntiera.
2.Il-proġetti ta’ interess komuni li għalihom trid titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’konformità mad-Direttiva 2011/92/UE għandhom ikunu soġġetti għal verifika tar-reżistenza klimatika. Il-verifika tar-reżistenza klimatika għandha titwettaq abbażi tal-aħjar prattika u gwida disponibbli l-aktar reċenti biex jiġi żgurat li l-infrastrutturi tat-trasport ikunu reżiljenti għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, permezz ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà klimatika u valutazzjoni tar-riskji, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ adattament rilevanti, u permezz tal-integrazzjoni tal-kostijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-analiżi kost-benefiċċji. Tali rekwiżit ma japplikax għal proġetti li għalihom tkun tlestiet il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 47
Riskji għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku
1.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe proġett ta’ interess komuni fit-territorju tagħhom bil-parteċipazzjoni jew bil-kontribut ta’ kwalunkwe tip ta’ persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz bil-ħsieb li jippermettu valutazzjoni tal-impatt tiegħu fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fl-Unjoni. Dan l-obbligu ma għandux japplika għal investimenti diretti barranin innotifikati lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/452.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata skont il-paragrafu 1 issir disponibbli mill-inqas tnax-il xahar qabel id-deċiżjoni finali dwar l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ interess komuni. L-informazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari:
(a)l-istruttura tas-sjieda tal-impriża ta’ pajjiż terz u, fejn applikabbli, tal-impriża li fiha huma ppjanati l-parteċipazzjoni jew il-kontribut, inkluża informazzjoni dwar is-sid benefiċjarju aħħari u l-parteċipazzjoni fil-kapital;
(b)il-valur approssimattiv tal-parteċipazzjoni jew tal-kontribut ta’ persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz fil-proġett ta’ interess komuni u d-deskrizzjoni tal-forma u tal-kundizzjonijiet ta’ tali parteċipazzjoni jew kontribut;
(c)il-prodotti, is-servizzi u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz u, fejn applikabbli, tal-impriża li fiha huma ppjanati l-parteċipazzjoni jew il-kontribut li jaffettwaw in-network trans-Ewropew;
(d)l-Istati Membri li fihom il-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz u, fejn applikabbli, l-impriża li fiha huma ppjanati l-parteċipazzjoni jew il-kontribut, iwettqu operazzjonijiet kummerċjali rilevanti li jaffettwaw in-network trans-Ewropew tat-trasport;
(e)il-finanzjament tal-kontribut jew tal-parteċipazzjoni u s-sors tiegħu, abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli għall-Istat Membru;
(f)id-data meta l-parteċipazzjoni hija ppjanata li tidħol fis-seħħ jew meta l-kontribut huwa ppjanat li jitlesta.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni, jekk disponibbli, rilevanti għall-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni skont il-punti (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.
3.Mhux aktar tard minn tletin jum kalendarju wara li tirċievi l-informazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni. Kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali għandha tkun ġustifikata kif xieraq, limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni skont il-paragrafu 5, proporzjonata għall-iskop tat-talba u mhux ta’ piż bla bżonn għall-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni.
L-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni għandu jiżgura li l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni ssir disponibbli għall-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
L-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni jista’ jitlob lill-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew lil impriża ta’ pajjiż terz biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Il-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mingħajr dewmien żejjed.
4.Meta l-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni jew il-kontribut ta’ kwalunkwe tip ta’ persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz x’aktarx li jaffettwaw l-infrastruttura kritika fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku, jew ikollha informazzjoni rilevanti b’rabta ma’ dik il-parteċipazzjoni jew dak il-kontribut, jew il-proġett ta’ interess komuni kkonċernat, hija tista’ toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni.
B’hekk, infrastruttura kritika tfisser assi, sistema jew parti minnhom użati għal finijiet ta’ trasport u li jinsabu fi Stati Membri li huma essenzjali għaż-żamma ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-benesseri ekonomiku jew soċjali tan-nies, u li t-tfixkil jew il-qerda tagħhom ikollhom impatt sinifikanti fi Stat Membru bħala riżultat tan-nuqqas ta’ żamma ta’ dawk il-funzjonijiet.
5.Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni ta’ persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew ta’ impriża ta’ pajjiż terz hijiex probabbli li taffettwa l-infrastruttura kritika għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubbliku, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-effetti potenzjali tagħha fuq, fost l-oħrajn:
(a)l-infrastruttura kritika u l-faċilitajiet kritiċi għat-tħaddim ta’ tali infrastruttura, kif ukoll l-art u l-proprjetà immobbli kruċjali għall-użu ta’ tali infrastruttura;
(b)it-teknoloġiji u l-oġġetti b’użu doppju kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/821 essenzjali għall-funzjonament tal-infrastruttura kritika;
(c)il-provvista ta’ inputs essenzjali għall-bini, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura kritika;
(d)l-aċċess għal informazzjoni sensittiva, inkluża data personali, jew il-kapaċità li tiġi kkontrollata tali informazzjoni flimkien mal-bini, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura kritika.
Fid-determinazzjoni ta’ jekk parteċipazzjoni barranija jew kontribut barrani humiex probabbli li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll, b’mod partikolari:
(a)jekk l-impriża terza hijiex direttament jew indirettament ikkontrollata mill-gvern, inklużi korpi statali jew forzi armati, ta’ pajjiż terz, inkluż permezz ta’ struttura ta’ sjieda jew finanzjament sinifikanti;
(b)jekk il-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew l-impriża terza tkunx diġà ġiet involuta f’attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru; jew
(c)jekk hemmx riskju serju li l-persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew l-impriża terza tinvolvi ruħha f’attivitajiet illegali jew kriminali.
6.Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi opinjoni skont il-paragrafu 4 mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi l-informazzjoni skont il-paragrafu 3. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi indirizzata lill-Istat Membru fejn ikun ippjanat il-proġett ta’ interess komuni u għandha tintbagħat lill-Istati Membri l-oħrajn. Fil-każ li l-parteċipazzjoni jew il-kontribut ta’ kwalunkwe tip minn persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz ikunu investiment dirett barrani kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/452 li ma jkunx qed jiġi eżaminat mill-Istat Membru fejn ikun ippjanat jew jitlesta l-investiment dirett barrani, il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni, fejn tkun ġustifikata, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/452.
7.L-Istat Membru li fih huwa ppjanat li jiġi implimentat il-proġett ta’ interess komuni minn, jew bil-parteċipazzjoni jew il-kontribut ta’ kwalunkwe tip ta’, persuna fiżika ta’ pajjiż terz jew impriża ta’ pajjiż terz, għandu jqis bl-akbar attenzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni u jipprovdi spjegazzjoni lill-Kummissjoni jekk l-opinjoni tagħha ma tiġix segwita, mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-ħruġ tal-opinjoni.
8.Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinvolvu dawk il-punti ta’ kuntatt fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
9.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema sigura u kriptata biex tappoġġa l-kooperazzjoni diretta u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt.
10.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva.
11.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kklassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan l-Artikolu ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur.
12.Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan l-Artikolu għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725 u biss sa fejn ikun meħtieġ għall-iskrinjar tal-parteċipazzjoni fil-proġett rilevanti ta’ interess komuni, jew tal-kontribut għalih, u għall-iżgurar tal-effettività tal-kooperazzjoni prevista f’dan l-Artikolu. Id-data personali relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-iskopijiet li għalihom tkun inġabret.
Artikolu 48
Manutenzjoni u ċiklu tal-ħajja ta’ proġett
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)l-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport tinżamm b’mod li tipprovdi l-istess livell ta’ servizz u sikurezza matul il-ħajja tagħha;
(b)jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ manutenzjoni fit-tul, inkluża informazzjoni dwar ir-riżorsi ta’ finanzjament meħtieġa biex ikopru l-kostijiet tal-manutenzjoni fit-tul tal-infrastruttura eżistenti u ppjanata;
(c)il-ħtiġijiet u l-kostijiet tal-manutenzjoni matul il-ħajja tal-infrastruttura jitqiesu fil-fażi tal-ippjanar tal-kostruzzjoni jew tal-ammeljorament;
(d)fil-każ tal-infrastruttura ferrovjarja, tiġi żgurata konsistenza bejn il-ħtiġijiet ta’ manutenzjoni u ammeljorament relatati mal-iżvilupp tan-network trans-Ewropew għat-trasport u riflessi fl-istrateġija indikattiva għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati msemmi fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2012/34/UE u fil-ftehim kuntrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-maniġer tal-infrastruttura msemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2012/34/UE.
Artikolu 49
Aċċessibbiltà għall-utenti kollha
L-infrastruttura tat-trasport għandha tippermetti mobbiltà u aċċessibbiltà mingħajr xkiel għall-utenti kollha, b’mod partikolari għall-persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, inklużi l-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll il-persuni li jgħixu f’reġjuni ultraperiferiċi u f’reġjuni remoti, rurali, insulari, periferali u muntanjużi oħrajn, kif ukoll f’żoni skarsament popolati.
KAPITOLU V
L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRUMENTI TAL-KURITURI EWROPEJ TAT-TRASPORT U L-PRIJORITAJIET ORIZZONTALI
Artikolu 50
L-istrument tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-prijoritajiet orizzontali
1.Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport huma strument li jiffaċilita l-implimentazzjoni kkoordinata ta’ partijiet tan-network trans-Ewropew tat-trasport u huma maħsuba, b’mod partikolari, biex itejbu l-konnessjonijiet transfruntiera u biex ineħħu l-konġestjonijiet fl-Unjoni.
2.Sabiex iwasslu għal trasport multimodali effiċjenti fir-riżorsi u jikkontribwixxu għall-koeżjoni permezz ta’ kooperazzjoni territorjali mtejba, il-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandhom ikunu ffokati fuq:
(a)l-integrazzjoni modali bil-ħsieb partikolari li jissaħħu l-aktar modi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent, notevolment il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra;
(b)l-interoperabbiltà;
(c)żvilupp ikkoordinat tal-infrastruttura, b’mod partikolari f’sezzjonijiet transfruntiera, notevolment fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistema tal-merkanzija ferrovjarja interoperabbli bis-sħiħ, kif ukoll ta’ network ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal b’veloċità għolja madwar l-Unjoni;
(d)l-appoġġ għall-iżvilupp u l-varar ikkoordinati u integrati ta’ soluzzjonijiet innovattivi għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport.
3.Il-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandhom jippermettu lill-Istati Membri jiksbu approċċ ikkoordinat u sinkronizzat fir-rigward tal-investiment fl-infrastruttura.
4.Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-Ispazju Marittimu Ewropew huma l-prijoritajiet orizzontali għall-implimentazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport. Huma għandhom jiżguraw il-varar f’waqtu tal-ERTMS fuq in-network kollu u l-integrazzjoni tal-konnessjonijiet marittimi fin-network trans-Ewropew tat-trasport.
Artikolu 51
Il-koordinazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-prijoritajiet orizzontali
1.Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, tal-ERTMS u tal-Ispazju Marittimu Ewropew, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, u wara li tikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, taħtar Koordinatur Ewropew wieħed għal kull Kuritur u għal kull prijorità orizzontali.
2.Il-Koordinatur Ewropew għandu jintgħażel, b’mod partikolari, abbażi tal-għarfien tiegħu tal-kwistjonijiet relatati mat-trasport u/jew mal-finanzjament u/jew mal-evalwazzjoni soċjoekonomika u ambjentali ta’ proġetti kbar, kif ukoll abbażi tal-esperjenza tiegħu bit-tfassil tal-politika tal-Unjoni. Il-Koordinatur Ewropew għandu jintgħażel għal mandat ta’ massimu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded. Il-mandat tal-Koordinatur Ewropew għandu jkun relatat mal-implimentazzjoni ta’ kuritur wieħed jew ta’ prijorità orizzontali waħda.
3.Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħtar il-Koordinatur Ewropew għandha tispeċifika kif għandhom jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 5, 6 u 7.
4.Il-Koordinatur Ewropew għandu jaġixxi f’isem il-Kummissjoni u għan-nom tagħha, u din għandha tipprovdi l-assistenza segretarjali meħtieġa.
5.Il-Koordinaturi Ewropej għandhom:
(a)jappoġġaw l-implimentazzjoni ikkoordinata tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport jew tal-prijorità orizzontali kkonċernata;
(b)ifasslu pjan ta’ ħidma flimkien mal-Istati Membri kkonċernati u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu f’konformità mal-Artikolu 53;
(c)jikkonsultaw mal-Forum tal-Kuritur jew mal-forum konsultattiv għall-prijoritajiet orizzontali, rispettivament, b’rabta ma’ dak il-pjan ta’ ħidma u l-implimentazzjoni tiegħu u jinformaw regolarment lill-Forum dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma;
(d)jirrapportaw lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, skont kif xieraq, lill-entitajiet l-oħrajn kollha involuti direttament fl-iżvilupp tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport jew ta’ prijorità orizzontali dwar kwalunkwe diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u, b’mod partikolari, meta l-iżvilupp ta’ kuritur jew prijorità orizzontali jkun qed jiġi mfixkel, bil-ħsieb li jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa;
(e)ifasslu rapport tal-istatus annwali dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u tal-prijoritajiet orizzontali. Dan ir-rapport tal-istatus annwali għandu jiffoka fuq il-progress li sar fuq il-prijoritajiet u l-investimenti ewlenin, jiddeskrivi n-natura tal-problemi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tagħhom u jipproponi soluzzjonijiet.
6.Il-Koordinaturi Ewropej tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandhom:
(a)jikkooperaw mill-qrib mal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija biex jidentifikaw u jipprijoritizzaw il-ħtiġijiet ta’ investiment għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fuq il-linji ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport;
(b)jimmonitorjaw l-aspetti amministrattivi, operattivi u ta’ interoperabbiltà tat-traffiku tal-merkanzija fuq il-linji ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, inkluż il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.
7.Il-Koordinaturi Ewropej tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandhom:
(a)jidentifikaw u jipprijoritizzaw il-ħtiġijiet ta’ investiment għal-linji ferrovjarji tal-passiġġieri tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport;
(b)jimmonitorjaw l-aspetti amministrattivi, operattivi u ta’ interoperabbiltà tat-traffiku tal-passiġġieri fuq il-linji ferrovjarji tal-passiġġieri tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, inkluż il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.
8.Skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 2021/1153, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Koordinatur Ewropew meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-Unjoni taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport jew għall-prijoritajiet orizzontali fil-mandat tal-Koordinatur Ewropew, sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-avvanz ta’ kull kuritur jew prijorità orizzontali. Il-Koordinatur Ewropew għandu jivverifika jekk il-proġetti proposti mill-Istati Membri għall-kofinanzjament tal-FNE humiex konsistenti mal-prijoritajiet tal-pjan ta’ ħidma.
9.Jekk il-Koordinatur Ewropew ma jkunx jista’ jwettaq il-mandat tiegħu b’mod sodisfaċenti u f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe ħin, ittemm dak il-mandat u taħtar Koordinatur Ewropew ġdid f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1.
Artikolu 52
Il-governanza tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-prijoritajiet orizzontali
1.Għal kull Kuritur Ewropew tat-Trasport u prijorità orizzontali, il-Koordinatur Ewropew rispettiv għandu jkun assistit fit-twettiq tal-kompiti tiegħu dwar il-pjan ta’ ħidma u l-implimentazzjoni tiegħu minn segretarjat u minn forum konsultattiv, rispettivament, il-“Forum tal-Kuritur” u l-“Forum konsultattiv għall-prijoritajiet orizzontali”.
2.Il-“Forum tal-Kuritur” għandu jiġi stabbilit formalment u jkun ippresedut mill-Koordinatur Ewropew. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu fuq is-sħubija tal-Forum tal-Kuritur għall-parti tagħhom tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport u jiżguraw ir-rappreżentanza tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.
3.Bil-qbil tal-Istati Membri kkonċernati, il-Koordinatur Ewropew jista’ jistabbilixxi u jippresiedi gruppi ta’ ħidma dwar il-kurituri li jiffokaw fuq:
(a)l-interoperabbiltà u l-varar ta’ teknoloġiji u infrastruttura diġitali ġodda;
(b)l-iżvilupp u l-implimentazzjoni kkoordinati ta’ proġetti infrastrutturali f’sezzjonijiet transfruntiera;
(c)is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera;
(d)il-konġestjonijiet operattivi;
(e)in-nodi urbani;
(f)il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;
(g)gruppi ta’ ħidma ad hoc oħrajn meqjusa bħala meħtieġa.
Meta jkun rilevanti, il-Koordinatur Ewropew għandu jikkoopera u jikkoordina mal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija dwar l-attivitajiet tal-gruppi ta’ ħidma biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tax-xogħol.
4.Il-Forum konsultattiv għall-prijoritajiet orizzontali għandu jiġi stabbilit u ppresedut mill-Koordinatur Ewropew. L-Istati Membri kkonċernati u, fejn xieraq, ir-rappreżentanti tas-setturi rilevanti, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw. L-Istati Membri għandhom jaħtru koordinatur nazzjonali għall-ERTMS biex jattendi l-Forum konsultattiv għall-ERTMS. Il-Koordinatur Ewropew jista’ wkoll jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ad hoc.
5.L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw mal-Koordinatur Ewropew, jipparteċipaw fil-Forum tal-Kuritur u fil-forum konsultattiv għall-prijoritajiet orizzontali u jagħtu lill-Koordinatur Ewropew l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti stipulati f’dan l-Artikolu, inkluża informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ kurituri fil-pjanijiet infrastrutturali nazzjonali rilevanti.
6.Il-Koordinatur Ewropew jista’ jikkonsulta mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mal-maniġers tal-infrastruttura, mal-operaturi tat-trasport, b’mod partikolari dawk li huma membri tal-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, mal-industrija tal-provvista, mal-utenti tat-trasport u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’rabta mal-pjan ta’ ħidma u l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-Koordinatur Ewropew responsabbli għall-ERTMS għandu jikkoopera mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u mal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, filwaqt li l-Koordinatur Ewropew għall-Ispazju Marittimu Ewropew għandu jikkoopera mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.
Artikolu 53
Pjan ta’ ħidma tal-Koordinatur Ewropew
1.Kull Koordinatur Ewropew tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u taż-żewġ prijoritajiet orizzontali għandu jfassal, mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u, minn hemm ’il quddiem, kull erba’ snin, pjan ta’ ħidma li jipprovdi analiżi dettaljata tal-istat tal-implimentazzjoni tal-kuritur jew tal-prijorità orizzontali taħt il-kompetenza tiegħu u l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-prijoritajiet għall-iżvilupp futur tiegħu.
2.Il-pjan ta’ ħidma għandu jitħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati u b’konsultazzjoni mal-Forum tal-Kuritur u l-governanza tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, jew ma’ forum konsultattiv tal-prijoritajiet orizzontali. Il-pjan ta’ ħidma tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport għandu jiġi approvat mill-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-pjan ta’ ħidma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni.
Meta jkun qed ifassal il-pjan ta’ ħidma, il-Koordinatur Ewropew għandu jqis il-pjan ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 913/2010.
3.Il-pjan ta’ ħidma għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport għandu jipprovdi analiżi dettaljata tal-istat tal-implimentazzjoni tal-kuritur ikkonċernat, li tinkludi b’mod partikolari:
(a)deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-kuritur;
(b)analiżi tal-istat ta’ konformità tal-kuritur mar-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport ta’ dan ir-Regolament u l-progress relatat tiegħu miksub;
(c)identifikazzjoni tal-konnessjonijiet neqsin u l-konġestjonijiet li jfixklu l-iżvilupp tal-kuritur;
(d)analiżi tal-investimenti meħtieġa, inklużi s-sorsi differenti ta’ finanzjament u fondi impenjati u/jew previsti għall-implimentazzjoni tal-proġetti meħtieġa għall-iżvilupp u t-tlestija tal-kuritur;
(e)deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-konġestjonijiet ta’ investiment, b’mod partikolari għal-linji tal-passiġġieri u tal-merkanzija tal-kuritur;
(f)pjan b’miri intermedji għat-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, tekniċi, diġitali, operattivi u amministrattivi bejn u fi ħdan il-modi ta’ trasport u għat-titjib tat-trasport multimodali effiċjenti b’attenzjoni partikolari għas-sezzjonijiet transfruntiera u għall-konnessjonijiet nazzjonali neqsin.
Għall-analiżi tal-investimenti u t-tħejjija tal-pjan b’miri intermedji relatati mat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, il-Koordinatur Ewropew għandu jikkoopera mal-bord eżekuttiv u mal-bord tat-tmexxija tal-kuritur imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.
Għall-analiżi tal-investimenti u t-tħejjija tal-pjan b’miri intermedji relatati mat-terminals multimodali tal-merkanzija, il-Koordinatur Ewropew għandu jqis l-elementi rilevanti tal-analiżi rigward il-kuritur, il-pjanijiet ta’ azzjoni elaborati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 35(4) u l-lista msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.
Għall-analiżi tal-investimenti u t-tħejjija tal-pjan b’miri intermedji relatati mas-servizzi tal-passiġġieri, il-Koordinatur Ewropew għandu jqis ir-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 51.
(g)ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija mwettaq mill-governanza tal-merkanzija bil-ferrovija f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u l-lista tal-objettivi, il-miri u l-miżuri tal-kuritur definiti f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, bħala mezz biex jintlaħqu r-rekwiżiti operattivi tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament;
(h)identifikazzjoni tal-miżuri fin-nodi urbani li huma rilevanti għall-funzjonament effettiv tal-kuritur u għall-kisba tal-objettivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport;
(i)identifikazzjoni tal-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kuritur;
(j)analiżi tal-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastruttura u, fejn xieraq, miżuri proposti għat-titjib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;
(k)il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jittaffew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-istorbju u, fejn xieraq, impatti ambjentali negattivi oħrajn.
4.Il-Koordinatur Ewropew għandu jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
(a)l-iffissar tal-prijoritajiet fl-ippjanar nazzjonali, permezz tal-identifikazzjoni ta’ problemi u ostakli fl-implimentazzjoni, inklużi kwistjonijiet operazzjonali, fuq kull kuritur jew għal kull prijorità orizzontali;
(b)l-ippjanar tal-proġett u tal-investiment, il-kostijiet relatati u l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni stmati għall-implimentazzjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport jew tal-prijorità orizzontali;
(c)it-twaqqif ta’ entità waħda għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti infrastrutturali transfruntiera.
Artikolu 54
Atti ta’ implimentazzjoni
1.Abbażi tal-ewwel pjan ta’ ħidma tal-Koordinaturi Ewropej, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni għal kull pjan ta’ ħidma tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u ż-żewġ prijoritajiet orizzontali. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-ippjanar tal-infrastruttura u tal-investiment u għall-finanzjament.
2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sezzjonijiet speċifiċi tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni ta’ sezzjonijiet transfruntiera kumplessi jew ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-infrastruttura tat-trasport tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport jew tal-prijoritajiet orizzontali.
3.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(3). Il-Kummissjoni għandha temenda l-atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-istess proċedura kull darba li l-pjan ta’ ħidma jiġi rivedut mill-Koordinatur Ewropew, jew biex tqis il-progress li jkun sar, id-dewmien iffaċċjat jew il-programmi nazzjonali aġġornati.
4.Sakemm jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri previsti fl-att ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni rapport annwali dwar il-progress miksub, li jindika b’mod partikolari l-impenji finanzjarji magħmula fil-pjan tal-baġit nazzjonali.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 55
Rapportar u monitoraġġ
1.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni fuq bażi regolari, komprensiva u trasparenti dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u l-investimenti li jkunu saru għal dak l-iskop. Din l-informazzjoni għandha tinkludi t-trażmissjoni annwali ta’ data permezz tas-sistema interattiva ta’ informazzjoni ġeografika u teknika għan-network trans-Ewropew tat-trasport (TENtec). Hija għandha tinkludi data teknika u finanzjarja dwar proġetti ta’ interess komuni fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport, kif ukoll data dwar it-tlestija tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
2.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-TENtec tkun aċċessibbli għall-pubbliku u faċilment, li tippermetti skambju awtomatizzat tad-data mas-sistemi nazzjonali u applikazzjonijiet u sorsi tad-data rilevanti oħrajn tal-Unjoni. It-TENtec għandu jkun fiha informazzjoni speċifika għall-proġett u aġġornata dwar il-forom u l-ammonti ta’ kofinanzjament tal-Unjoni, kif ukoll dwar il-progress ta’ kull proġett.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li t-TENtec ma tagħmilx disponibbli għall-pubbliku kwalunkwe informazzjoni li tkun kummerċjalment kunfidenzjali jew li tista’ tippreġudika jew tinfluwenza indebitament kwalunkwe proċess ta’ akkwist pubbliku fi Stat Membru.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità, il-kompletezza u l-konsistenza tad-data fis-sistema ta’ informazzjoni tat-TENtec. Is-sistemi nazzjonali u s-sorsi tad-data għandhom jippermettu skambju awtomatizzat tad-data mat-TENtec.
Artikolu 56
Aġġornament tan-network
1.Soġġetta għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 sabiex temenda l-Annessi I u II, notevolment biex tqis il-bidliet possibbli li jirriżultaw mil-livelli limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikoli 20, 24 u 32. Meta tadatta dawk l-Annessi, il-Kummissjoni għandha:
(a)tinkludi l-portijiet interni, il-portijiet marittimi u l-ajruporti fin-network komprensiv, jekk jintwera li l-aktar medja reċenti meħuda fuq tliet snin tal-volum tat-traffiku tagħhom taqbeż il-livell limitu rilevanti;
(b)teskludi l-portijiet marittimi u l-ajruporti min-network komprensiv, jekk jintwera li l-medja tal-volum tat-traffiku tagħhom matul l-aħħar sitt snin hija taħt il-85 % tal-livell limitu rilevanti;
(c)tinkludi nodi urbani fin-network trans-Ewropew tat-trasport, jekk jintwera li l-għadd ta’ abitanti jaqbeż il-100 000;
(d)tinkludi terminals multimodali tal-merkanzija identifikati mill-Istat Membru skont l-Artikolu 35(4) fin-network trans-Ewropew tat-trasport;
(e)taġġusta l-mapep għall-infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma interni b’mod strettament limitat sabiex ikunu jirriflettu l-progress fit-tlestija tan-network. Meta tkun qed taġġusta dawk il-mapep, il-Kummissjoni ma għandha tammetti l-ebda aġġustament fl-allinjament tar-rotot lil hinn minn dak li huwa permess mill-proċedura rilevanti ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti.
L-adattamenti msemmija fil-punti minn (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar statistika disponibbli ppubblikata mill-Eurostat jew, jekk dik l-istatistika ma tkunx disponibbli, mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri. L-adattamenti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq il-pjan ta’ azzjoni msemmi fl-Artikolu 35(4). L-adattamenti msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 55(1).
2.Proġett ta’ interess komuni li jikkonċerna l-infrastruttura li tkun għadha kif ġiet inkluża permezz ta’ att delegat adottat skont il-paragrafu 1 fin-network trans-Ewropew tat-trasport għandu jkun eliġibbli għal assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-istrumenti disponibbli għan-network trans-Ewropew tat-trasport mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti delegati.
Il-proġetti ta’ interess komuni li jikkonċernaw l-infrastruttura li jkunu ġew esklużi min-network trans-Ewropew tat-trasport ma għandhomx jibqgħu eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-waqfien tal-eliġibbiltà ma għandux jaffettwa d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament jew għotja meħuda mill-Kummissjoni qabel dik id-data.
3.Soġġetta għall-Artikolu 172(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 biex temenda l-Anness IV sabiex tinkludi jew tadatta mapep indikattivi tan-networks tal-infrastruttura tat-trasport ta’ pajjiżi ġirien.
Artikolu 57
Involviment tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati privati
Il-proċeduri nazzjonali li jirrigwardjaw l-involviment u l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili kkonċernati minn proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu rrispettati, fejn xieraq, fil-fażi tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni ta’ proġett. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-iskambju ta’ prattika tajba f’dan ir-rigward, notevolment fir-rigward tal-konsultazzjoni u l-inklużjoni ta’ persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.
Artikolu 58
L-allinjament tal-pjanijiet nazzjonali mal-politika tat-trasport tal-Unjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u tal-investiment ikunu koerenti mal-politika tat-trasport tal-Unjoni, bil-prijoritajiet u l-iskadenzi stabbiliti f’dan ir-Regolament u bil-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ħidma għall-kurituri rilevanti u l-prijoritajiet orizzontali għall-Istati Membri kkonċernati u bl-atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 54(1).
2.Il-pjanijiet nazzjonali tal-investiment għandhom jinkludu l-proġetti kollha ta’ interess komuni u l-investimenti relatati meħtieġa għat-tlestija f’waqtha tan-network.
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-pjanijiet u tal-programmi nazzjonali, jew bi kwalunkwe modifika tagħhom, bil-ħsieb li jiżviluppaw in-network trans-Ewropew tat-trasport, mill-inqas tnax-il xahar qabel l-adozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara n-notifika mill-Istat Membru dwar il-koerenza tal-abbozzi tal-pjanijiet u tal-programmi nazzjonali mal-prijoritajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ħidma għall-kuritur(i) korrispondenti u tal-prijoritajiet orizzontali u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 54(1). L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn xahrejn wara n-notifika tal-opinjoni, dwar il-miżuri adottati biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni.
Artikolu 59
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Għall-fini tal-Artikolu 22(3) u (5), il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE.
3.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 60
L-eżerċitar ta’ delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 11(3), 56(1) u (3) għal perjodu ta’ ħames snin minn […]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 11(3), 56(1) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5.Att delegat adottat skont l-Artikoli 11(3), 56(1) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 61
Rieżami
1.Sal-31 ta’ Diċembru 2033, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-Istati Membri kif xieraq u bl-assistenza tal-Koordinaturi Ewropej, għandha twettaq valutazzjoni tal-implimentazzjoni tan-network ewlieni, billi tevalwa, b’mod partikolari, il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Il-valutazzjoni għandha tqis ir-rapport tal-istatus annwali u l-pjanijiet ta’ ħidma mfassla mill-Koordinaturi Ewropej skont il-punt (e) tal-Artikolu 51(5) u l-Artikolu 53(1), rispettivament.
2.Sal-31 ta’ Diċembru 2033, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-Istati Membri, kif xieraq u bl-assistenza tal-Koordinaturi Ewropej, għandha twettaq rieżami tal-implimentazzjoni tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv, filwaqt li tevalwa:
(a)il-konformità ma’ dan ir-Regolament;
(b)il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(c)il-bidliet fil-flussi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija;
(d)l-iżviluppi fl-investiment tal-infrastruttura nazzjonali tat-trasport;
(e)il-ħtieġa għal emendi għal dan ir-Regolament.
L-evalwazzjoni għandha tikkunsidra wkoll l-impatt tax-xejriet tat-traffiku li qed jevolvu u l-iżviluppi rilevanti fil-pjanijiet ta’ investiment fl-infrastruttura.
3.Meta twettaq dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv, kif previst f’dan ir-Regolament, huwiex probabbli li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II, III u IV sal-iskadenzi tal-31 ta’ Diċembru 2040 u tal-31 ta’ Diċembru 2050, kif applikabbli, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja fl-Unjoni u fi Stati Membri individwali. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, jekk in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv jenħtieġx li jiġu mmodifikati biex jitqiesu l-iżviluppi fil-flussi tat-trasport u fl-ippjanar tal-investiment nazzjonali.
Artikolu 62
Dewmien fit-tlestija tan-network ewlieni, tan-network ewlieni estiż u tan-network komprensiv
1.
Fil-każ ta’ dewmien sinifikanti fil-bidu jew fit-tlestija tal-ħidma fuq in-network ewlieni, in-network ewlieni estiż u n-network komprensiv, meta mqabbel mal-iskeda ta’ żmien inizjali stabbilita fl-atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 54 jew kif definit fil-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u tal-investiment jew f’dokumentazzjoni rilevanti oħra tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-Istati Membri kkonċernati biex jipprovdi/u r-raġunijiet għad-dewmien. Tali raġunijiet għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri fi żmien tliet xhur mit-talba. Abbażi tat-tweġiba li tingħata, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat jew mal-Istati Membri kkonċernati sabiex issolvi l-problema li tkun ikkawżat id-dewmien.
2.
F’każ li d-dewmien ikun jikkonċerna Kuritur Ewropew tat-Trasport, il-Koordinatur Ewropew għandu jiġi involut bil-ħsieb li jsolvi l-problema.
3.
Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkunsidra r-raġunijiet ipprovduti mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Istati Membri kkonċernati skont l-ewwel subparagrafu, tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-Istati Membri kkonċernati, fejn issib li d-dewmien sinifikanti fil-bidu jew fit-tlestija tal-ħidma fuq in-network ewlieni, in-network ewlieni estiż jew in-network komprensiv huwa attribwibbli għall-Istat Membru jew għall-Istati Membri mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-Istati Membri kkonċernati 6 xhur biex jeliminaw id-dewmien sinifikanti.
F’każ li d-dewmien ikun jikkonċerna proġett appoġġat b’fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta, jista’ jingħata bidu għal tnaqqis tal-ammont tal-għotja u/jew emenda jew terminazzjoni tal-ftehim tal-għotja f’konformità mar-regoli applikabbli.
Artikolu 63
Eżenzjonijiet
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-ferroviji u, b’mod partikolari, kwalunkwe rekwiżit biex l-ajruporti u l-portijiet jiġu konnessi mal-ferroviji, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati mal-parkeġġ sikur u sigur u mat-terminals multimodali tal-merkanzija ma għandhomx japplikaw għal Ċipru, għal Malta u għar-reġjuni ultraperiferiċi, sakemm ma tiġi stabbilita l-ebda sistema ferrovjarja fit-territorju tagħhom.
Artikolu 64
Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1153
L-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153 huwa emendat f’konformità mal-Anness VI ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 65
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 913/2010
Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 jiġi emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali għall-merkanzija ferrovjarja kompetittiva bil-ħsieb li jiġi żviluppat network ferrovjarju Ewropew għall-merkanzija kompetittiva. Huwa jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni, il-ġestjoni u l-ippjanar indikattiv tal-investiment tal-kurituri tal-merkanzija.”
(2)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“2. Minbarra d-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a)“kuritur tal-merkanzija” tfisser il-linji ferrovjarji tal-merkanzija tal-Kuritur Ewropew tat-Trasport kif definiti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid]* u tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, inkluża l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha u s-servizzi ferrovjarji rilevanti f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14/KE;
(b)“pjan ta’ implimentazzjoni” tfisser id-dokument li jippreżenta l-mezzi, l-istrateġija u l-miżuri li l-partijiet ikkonċernati għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw, li huma meħtieġa u suffiċjenti biex jorganizzaw u jiġġestixxu l-kuritur tal-merkanzija;
(c)“terminal” tfisser l-installazzjoni pprovduta tul il-kuritur tal-merkanzija li tkun ġiet irranġata b’mod speċjali biex tippermetti t-tagħbija u/jew il-ħatt tal-merkanzija fuq il-ferroviji tal-merkanzija jew minnhom, u l-integrazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mas-servizzi tat-trasport bit-triq, marittimu, fuq ix-xmajjar u bl-ajru, u l-ifformar jew il-modifika tal-kompożizzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija; u, fejn meħtieġ, it-twettiq ta’ proċeduri tal-fruntieri fil-fruntieri ma’ pajjiżi terzi Ewropej;
(d)“Koordinatur Ewropew” tfisser il-Koordinatur imsemmi fl-Artikolu 51 tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid].
* ir-Regolament […]”
(3)it-Titolu tal-Kapitolu II jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“L-ORGANIZZAZZJONI U L-ĠESTJONI TAL-KURITURI TAL-MERKANZIJA”
(4)L-Artikolu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3
L-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-kurituri tal-merkanzija
1.L-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-kurituri tal-merkanzija huma soġġetti għal regoli dwar il-governanza, l-ippjanar tal-investiment, l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u l-ġestjoni tat-traffiku, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2.Mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid] jew fil-każ ta’ emenda tal-allinjament ta’ Kuritur Ewropew tat-Trasport skont l-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri u l-maniġers tal-infrastruttura responsabbli għall-parti tal-kuritur tal-merkanzija ta’ dak il-Kuritur Ewropew tat-Trasport għandhom jaġġustaw l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-kuritur tal-merkanzija fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidla.”
(5)Jitħassru l-Artikoli minn 4 sa 7.
(6)L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Il-bord eżekuttiv għandu jivvaluta regolarment il-konsistenza bejn l-objettivi ġenerali u l-objettivi definiti mill-bord tat-tmexxija f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 9(1).”
(b)il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“7. Il-bord tat-tmexxija għandu jistabbilixxi grupp konsultattiv magħmul minn maniġers u sidien tat-terminals tal-kuritur tal-merkanzija, inklużi, fejn meħtieġa, portijiet tal-baħar u portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni. Dan il-grupp konsultattiv jista’ joħroġ opinjoni dwar kwalunkwe proposta mill-bord tat-tmexxija li għandha konsegwenzi diretti għall-investiment u l-ġestjoni tat-terminals. Huwa jista’ wkoll joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess. Il-bord tat-tmexxija għandu jqis kwalunkwe waħda minn dawn l-opinjonijiet. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-bord tat-tmexxija u l-grupp konsultattiv, dan tal-aħħar jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-bord eżekuttiv u lill-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija. Il-bord eżekuttiv u l-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija għandhom jaġixxu bħala intermedjarju u jipprovdu l-opinjoni tagħhom fi żmien xieraq. Madankollu, id-deċiżjoni finali għandha tittieħed mill-bord tat-tmexxija.”
(c)fil-paragrafu 8, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-bord tat-tmexxija u l-grupp konsultattiv, dan tal-aħħar jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-bord eżekuttiv u lill-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija. Il-bord eżekuttiv jew il-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija għandu jaġixxi bħala intermedjarju u jipprovdi l-opinjoni tiegħu fi żmien xieraq. Id-deċiżjoni finali għandha tittieħed mill-bord tat-tmexxija.”
(d)jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:
“10. Il-bord eżekuttiv u l-bord tat-tmexxija għandhom jikkooperaw mal-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija biex jappoġġaw l-iżvilupp tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur.”
(7)L-Artikolu 9 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 9
Miżuri għall-iżvilupp tal-kuritur tal-merkanzija
1.Il-bord tat-tmexxija għandu jfassal u jippubblika pjan ta’ implimentazzjoni mhux aktar tard minn sitt xhur qabel ma jagħmel il-kuritur tal-merkanzija operattiv. Il-bord tat-tmexxija għandu jikkonsulta mal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) dwar l-abbozz tal-pjan ta’ implimentazzjoni. Il-bord tat-tmexxija għandu jissottometti l-pjan ta’ implimentazzjoni għall-approvazzjoni lill-bord eżekuttiv.
Dan il-pjan għandu jinkludi:
(a)deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-kuritur tal-merkanzija, inklużi l-konġestjonijiet, u l-programm ta’ miżuri meħtieġa għat-titjib tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tiegħu;
(b)l-elementi essenzjali tal-istudju msemmi fil-paragrafu 3;
(c)l-objettivi għall-kurituri tal-merkanzija, b’mod partikolari f’termini tal-prestazzjoni tal-kuritur tal-merkanzija espressi bħala l-kwalità tas-servizz u l-kapaċità tal-kuritur tal-merkanzija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, u, fejn rilevanti, il-miri kwantitattivi jew kwalitattivi relatati ma’ dawn l-objettivi. L-objettivi u l-miri għandhom iqisu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid];
(d)il-miżuri għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 12 sa 19 u l-miżuri għat-titjib tal-prestazzjoni tal-kuritur tal-merkanzija, abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3), bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi u l-miri msemmija fil-punt (c).
(e)il-fehmiet u l-valutazzjoni tal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) fir-rigward tal-iżvilupp tal-kuritur.
(f)sommarju tal-kooperazzjoni u r-riżultati tal-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 11, inklużi l-opinjonijiet tal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikoli 8(7) u 8(8) u sommarju tat-tweġibiet ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn.
Meta jfassal il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-bord tat-tmexxija għandu jqis l-objettivi u l-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ ħidma tal-Koordinatur Ewropew, imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid]. Il-pjan ta’ implimentazzjoni għandu jinkludi referenza għall-elementi tal-pjan ta’ ħidma li huma rilevanti għat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur.
Il-bord tat-tmexxija għandu jirrieżamina u jaġġusta regolarment il-miri msemmija fil-punt (c) u l-miżuri msemmija fil-punt (d), abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3) wara l-konsultazzjoni tal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) u tal-Koordinatur Ewropew.
2.Il-bord tat-tmexxija għandu jirrieżamina perjodikament, mill-inqas kull erba’ snin, il-pjan ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jqis il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tiegħu, is-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fuq il-kuritur tal-merkanzija u l-prestazzjoni mkejla f’konformità mal-objettivi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1.
3.Il-bord tat-tmexxija għandu jwettaq u jaġġorna perjodikament studju dwar is-suq tat-trasport fir-rigward tal-bidliet osservati u dawk mistennija fit-traffiku fuq il-kuritur tal-merkanzija, li jkopri t-tipi differenti ta’ traffiku, kemm fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija kif ukoll tat-trasport tal-passiġġieri. Dan l-istudju għandu jirrieżamina wkoll, fejn meħtieġ, il-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi li joħorġu mill-iżvilupp tal-kuritur tal-merkanzija.
4.Il-pjan ta’ implimentazzjoni għandu jqis l-iżvilupp tat-terminals, inklużi analiżi tas-suq u analiżi prospettiva dwar it-terminals multimodali tal-merkanzija, kif ukoll il-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri tal-kuritur tal-merkanzija, imsemmija fl-Artikolu 35(3) u (4) tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid].
5.Il-bord tat-tmexxija għandu, fejn ikun xieraq, jieħu miżuri biex jikkoopera mal-amministraturi reġjonali u/jew lokali fir-rigward tal-pjan ta’ implimentazzjoni.”
(8)L-Artikolu 11 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 11
L-ippjanar tal-investimenti
1.Il-bord eżekuttiv u l-bord tat-tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija għandhom jikkooperaw mal-Koordinatur Ewropew ikkonċernat mill-kuritur tal-merkanzija b’rabta mal-ħtiġijiet tal-infrastruttura u tal-investimenti li jirriżultaw mit-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija biex jappoġġaw it-tfassil tal-pjan ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid].
2.Il-bord tat-tmexxija għandu jikkonsulta mal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-ħtiġijiet ta’ investiment. Il-konsultazzjoni għandha tkun ibbażata fuq dokumentazzjoni adegwata u aġġornata tal-ippjanar tal-infrastruttura fil-livell tal-kuritur u f’dak nazzjonali. Il-bord eżekuttiv għandu jiżgura koordinazzjoni adegwata bejn dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali kif definit fl-Artikolu 7e tad-Direttiva 2012/34/UE.
3.Il-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom jindirizzaw b’mod partikolari:
(a)il-ħtiġijiet tal-kapaċità tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija rilevanti għall-ippjanar tal-infrastruttura u tal-investimenti, filwaqt li titqies il-ħtieġa għall-kapaċità skont l-Artikolu 14(2) u kwalunkwe infrastruttura ddikjarata bħala konġestjonata skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34/UE;
(b)Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura TEN-T rilevanti għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija kif definiti fil-Kapitoli II u III tar-Regolament (UE) [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid], b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-kapaċità għall-ferroviji tal-merkanzija b’tul ta’ mhux inqas minn 740 m;
(c)il-ħtieġa għal investimenti mmirati biex jitneħħew il-konġestjonijiet lokali, bħall-konnessjoni taċ-ċirkwiti, it-titjib fin-nodi u l-infrastruttura “tal-aħħar mil” jew it-tagħmir tekniku li jtejjeb il-prestazzjoni operazzjonali.”
(9)L-Artikolu 19 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 19
Il-kwalità tas-servizz fuq il-kuritur tal-merkanzija
1.Il-bord tat-tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandu jippromwovi l-kompatibbiltà bejn l-iskemi ta’ prestazzjoni tul il-kuritur tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34/UE.
2.Il-bord tat-tmexxija għandu jimmonitorja l-prestazzjoni tas-servizzi pprovduti mill-maniġers tal-infrastruttura lill-applikanti sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet essenzjali tagħhom, sa fejn dan ikun fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli minn 12 sa 18, u tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fuq il-kuritur tal-merkanzija. Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni għandu jitwettaq f’termini kwalitattivi u kwantitattivi, fejn xieraq abbażi ta’ indikaturi tal-prestazzjoni relatati mal-objettivi u l-miri tal-kuritur tal-merkanzija definiti f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 9(1). Il-bord tat-tmexxija għandu jikkonsulta mal-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) u mal-Koordinatur Ewropew dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti.
3.Il-bord tat-tmexxija għandu jivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni fir-rigward tal-objettivi u l-miri definiti f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 9(1) u mar-rekwiżiti operazzjonali msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament [... ir-Regolament TEN-T il-ġdid].
4.Il-bord tat-tmexxija għandu jħejji u jippubblika rapport annwali li jippreżenta r-riżultati tal-attivitajiet imwettqa skont dan l-Artikolu. Dan għandu jippreżenta l-fehmiet u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni mill-gruppi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 8(7) u 8(8) f’taqsima ddedikata tar-rapport. Il-bord tat-tmexxija għandu jissottometti r-rapport annwali għall-approvazzjoni lill-bord eżekuttiv.”
(10)L-Artikoli 22 u 23 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:
“Artikolu 22
Monitoraġġ tal-implimentazzjoni
Kull erba’ snin mill-mument li jiġi stabbilit kuritur tal-merkanzija, il-bord eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 8(1) għandu jippreżenta lill-Kummissjoni r-riżultati tal-pjan ta’ implimentazzjoni għal dak il-kuritur. Il-Kummissjoni għandha tanalizza dawk ir-riżultati u tinnotifika lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 bl-analiżi tagħha.”
Artikolu 23
Rapport
Il-Kummissjoni għandha teżamina perjodikament l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull erba’ snin wara dan.”
(11)jitħassar l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 66
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 jitħassar b’effett minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VII.
Artikolu 67
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President