Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0762

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi

COM/2021/762 final

Brussell, 9.12.2021

COM(2021) 762 final

2021/0414(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 581 final} - {SWD(2021) 395 final} - {SWD(2021) 396 final} - {SWD(2021) 397 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wieħed mill-objettivi tal-Unjoni huwa l-promozzjoni tal-benesseri tal-popli tagħha u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa bbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna, li timmira lejn livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali 1 . Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tiegħu, u d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li “irrispettivament mit-tip u t-tul ta’ żmien tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.” 2

Fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President von der Leyen enfasizzat li “trasformazzjoni diġitali ġġib bidla rapida li taffettwa s-swieq tax-xogħol tagħna” u impenjat ruħha li tħares “lejn modi kif intejbu l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi” 3 . Id-Direttiva proposta twettaq dan l-impenn u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ntlaqa’ mill-Istati Membri, mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili fis-Summit Soċjali ta’ Porto f’Mejju 2021, billi tindirizza l-bidliet li ġabet magħha t-trasformazzjoni diġitali fis-swieq tax-xogħol.

It-tranżizzjoni diġitali, aċċellerata mill-pandemija tal-COVID-19, qed issawwar l-ekonomija tal-UE u s-swieq tax-xogħol tagħha. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali 4 saru element importanti ta’ dan ix-xenarju soċjali u ekonomiku emerġenti ġdid. Dawn komplew jespandu fid-daqs, bi dħul fl-ekonomija tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-UE stmat li kiber b’madwar 500 % f’dawn l-aħħar ħames snin 5 . Illum, aktar minn 28 miljun ruħ fl-UE jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali. Fl-2025, l-għadd tagħhom huwa mistenni li jkun laħaq it-43 miljun 6 . Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali huma preżenti f’varjetà ta’ setturi ekonomiċi. Xi wħud joffru servizzi “fuq il-post”, bħal ride-hailing, kunsinna ta’ oġġetti, tindif jew servizzi ta’ kura. Oħrajn joperaw biss online b’servizzi bħall-kodifikazzjoni tad-data, it-traduzzjoni, jew id-disinn. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jvarja fir-rigward tal-livell tal-ħiliet mitluba kif ukoll tal-mod kif ix-xogħol jiġi organizzat u kkontrollat mill-pjattaformi.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jippromwovu servizzi innovattivi u mudelli kummerċjali ġodda u joħolqu ħafna opportunitajiet għall-konsumaturi u għan-negozji. Dawn jistgħu jqabblu b’mod effiċjenti l-provvista u d-domanda għax-xogħol u joffru possibbiltajiet biex wieħed jaqla’ l-għajxien jew jaqla’ introjtu addizzjonali, inkluż għall-persuni li jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, bħaż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabbiltà, il-migranti, il-persuni minn kuntest razzjali u etniku minoritarju jew il-persuni b’responsabbiltajiet ta’ kura. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi joħloq opportunitajiet biex tiġi stabbilita jew titwessa’ bażi ta’ klijenti, xi drabi bejn il-fruntieri. Dan iġib lin-negozji aċċess ħafna usa’ għall-konsumaturi, opportunitajiet biex jiddiversifikaw id-dħul u jiżviluppaw linji ġodda tan-negozju, u b’hekk jgħinuhom jikbru. Għall-konsumaturi dan ifisser aċċess imtejjeb għal prodotti u servizzi li inkella jkun diffiċli biex jinkisbu, kif ukoll aċċess għal għażla ġdida u aktar varjata ta’ servizzi. Madankollu, peress li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jintroduċu forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, dawn jisfidaw id-drittijiet u l-obbligi eżistenti relatati mal-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali.

Bħalissa huwa stmat li disgħa minn kull għaxar pjattaformi attivi fl-UE jikklassifikaw lill-persuni li jaħdmu permezz tagħhom bħala persuni b’impjieg indipendenti 7 . Il-biċċa l-kbira ta’ dawk in-nies huma ġenwinament awtonomi fil-ħidma tagħhom u jistgħu jużaw ix-xogħol fuq il-pjattaformi bħala mod kif jiżviluppaw l-attivitajiet intraprenditorjali tagħhom 8 . Tali impjieg indipendenti ġenwin qed jagħti kontribut pożittiv għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-iżvilupp tan-negozju, għall-innovazzjoni, għall-aċċessibbiltà tas-servizzi, u għad-diġitalizzazzjoni fl-UE.

Madankollu, hemm ukoll ħafna nies li jesperjenzaw subordinazzjoni u livelli differenti ta’ kontroll mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw fihom, pereżempju fir-rigward tal-livelli tal-pagi jew tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Skont stima partikolari, sa ħames miljun u nofs persuna li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jkunu f’riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg 9 . X’aktarx dawk in-nies b’mod partikolari jesperjenzaw kondizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali 10 . Bħala riżultat tal-klassifikazzjoni ħażina, ma jistgħux igawdu mid-drittijiet u mill-protezzjonijiet li huma intitolati għalihom bħala ħaddiema. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għal paga minima, ir-regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, il-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-dritt għal-liv imħallas, kif ukoll l-aċċess imtejjeb għall-protezzjoni soċjali kontra l-acċidenti tax-xogħol, il-qgħad, il-mard u x-xjuħija.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw sistemi awtomatizzati biex iqabblu l-provvista u d-domanda għax-xogħol. Għalkemm b’modi differenti, il-pjattaformi diġitali jużawhom biex jassenjaw kompiti għall-monitoraġġ, biex jevalwaw u biex jieħdu deċiżjonijiet għall-persuni li jaħdmu permezz tagħhom. Dawn il-prattiki spiss jissejħu “ġestjoni algoritmika”. Filwaqt li l-ġestjoni algoritmika tintuża b’għadd dejjem jiżdied ta’ modi fis-suq tax-xogħol usa’, hija inerenti b’mod ċar għall-mudell kummerċjali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Dan joħloq effiċjenzi fit-tqabbil tal-provvista mad-domanda iżda għandu wkoll impatt sinifikanti fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Il-ġestjoni algoritmika taħbi wkoll l-eżistenza ta’ subordinazzjoni u kontroll mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali fuq il-persuni li jwettqu x-xogħol. Il-potenzjal għall-preġudizzju tal-ġeneru u d-diskriminazzjoni fil-ġestjoni algoritmika jista’ wkoll iżid l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. Il-fehim ta’ kif l-algoritmi jinfluwenzaw jew jiddeterminaw ċerti deċiżjonijiet (bħall-aċċess għal opportunitajiet futuri ta’ kompiti jew bonusijiet, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jew is-sospensjoni jew ir-restrizzjoni possibbli tal-kontijiet) huwa ta’ importanza kbira, minħabba l-implikazzjonijiet għall-introjtu u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Bħalissa, madankollu, ma hemmx biżżejjed trasparenza fir-rigward ta’ dawn is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u n-nies ma għandhomx aċċess effiċjenti għal rimedji quddiem deċiżjonijiet meħuda jew appoġġati minn dawn is-sistemi. Il-ġestjoni algoritmika hija fenomenu relattivament ġdid u – minbarra r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data – fil-biċċa l-kbira mhux regolat fl-ekonomija tal-pjattaformi li jippreżenta sfidi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-persuni b’impjieg indipendenti li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

Id-diffikultajiet fl-infurzar, u n-nuqqas ta’ traċċabbiltà u ta’ trasparenza, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera, huma maħsuba wkoll li jaggravaw xi każijiet ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol ħżiena jew ta’ aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali. L-awtoritajiet nazzjonali mhux dejjem ikollhom aċċess suffiċjenti għad-data dwar il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-persuni li jaħdmu permezz tagħhom, bħall-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fuq bażi regolari, l-istatus kuntrattwali jew fl-impjieg tagħhom, jew it-termini u l-kondizzjonijiet tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Il-problema tat-traċċabbiltà hija partikolarment rilevanti meta l-pjattaformi joperaw fil-livell transfruntiera, u b’hekk ma jkunx ċar fejn qed jitwettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi u minn min. Dan, min-naħa tiegħu, jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw l-obbligi eżistenti, inkluż f’termini ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

L-objettiv ġenerali tad-Direttiva proposta huwa li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi, inkluż bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-kondizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni Ewropea.

L-objettivi speċifiċi li permezz tagħhom jiġi indirizzat l-għan ġenerali huma:

(1)li jiġi żgurat li l-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi jkollhom – jew ikunu jistgħu jiksbu – l-istatus fl-impjieg korrett fid-dawl tar-relazzjoni attwali tagħhom mal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u jiksbu aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali applikabbli;

(2)li jiġu żgurati l-ġustizzja, it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi; u

(3)it-tisħiħ tat-trasparenza, it-traċċabbiltà u s-sensibilizzazzjoni tal-iżviluppi fix-xogħol fuq il-pjattaformi u t-titjib tal-infurzar tar-regoli applikabbli għall-persuni kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, inklużi dawk li joperaw bejn il-fruntieri.

L-ewwel objettiv speċifiku se jintlaħaq billi jiġi stabbilit qafas komprensiv biex tiġi indirizzata l-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg f’xogħol fuq il-pjattaformi. Dan il-qafas jinkludi proċeduri xierqa biex tiġi żgurata d-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, f’konformità mal-prinċipju tal-primat tal-fatti, kif ukoll preżunzjoni konfutabbli ta’ relazzjoni ta’ impjieg (inkluż treġġigħ lura tal-oneru tal-provi) għall-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali li jikkontrollaw ċerti elementi tal-prestazzjoni tax-xogħol. Din il-preżunzjoni legali tapplika fil-proċedimenti legali u amministrattivi kollha, inklużi dawk imnedija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-infurzar tar-regoli tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali, u tista’ tiġi kkonfutata billi jiġi ppruvat li ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ impjieg b’referenza għad-definizzjonijiet nazzjonali. Dan il-qafas huwa mistenni li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin kif ukoll dawk b’impjieg indipendenti falz permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Dawk li, bħala riżultat tad-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tagħhom, se jiġu rikonoxxuti bħala ħaddiema se jgawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol imtejba – inklużi s-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni tal-impjiegi, il-pagi minimi statutorji jew innegozjati b’mod kollettiv u l-aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ – kif ukoll jiksbu aċċess għall-protezzjoni soċjali skont ir-regoli nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi se jibbenefikaw indirettament minn aktar awtonomija u indipendenza, bħala riżultat tal-adattament tal-prattiki tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ riklassifikazzjoni. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw ukoll minn aktar ċertezza legali, inkluż fir-rigward ta’ sfidi potenzjali tal-qorti. Negozji oħra li jikkompetu ma’ pjattaformi tax-xogħol diġitali billi joperaw fl-istess settur se jibbenefikaw minn kondizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kost tal-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali. L-Istati Membri se jgawdu minn żieda fid-dħul fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali.

Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tikseb it-tieni objettiv speċifiku li tiżgura l-ġustizzja, it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika billi tintroduċi drittijiet materjali ġodda għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Dawn jinkludu d-dritt għat-trasparenza rigward l-użu u l-funzjonament tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, li jispeċifika u jikkomplementa d-drittijiet eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Id-Direttiva proposta għandha wkoll l-għan li tiżgura l-monitoraġġ mill-bniedem tal-impatt ta’ dawn is-sistemi awtomatizzati fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Sabiex jiġu żgurati l-ġustizzja u r-responsabbiltà ta’ deċiżjonijiet sinifikanti meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati, id-Direttiva proposta tinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ mezzi xierqa għad-diskussjoni u għat-talba tar-rieżami ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’ċerti eċċezzjonijiet, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-persuni kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, inklużi l-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin. Fir-rigward tal-ħaddiema, id-Direttiva proposta għandha wkoll l-għan li trawwem djalogu soċjali dwar is-sistemi ta’ ġestjoni algoritmika billi tintroduċi drittijiet kollettivi rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar bidliet sostanzjali relatati mal-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. B’riżultat ta’ dan, il-persuni kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi u r-rappreżentanti tagħhom se jgawdu minn trasparenza u fehim aħjar tal-prattiki ta’ ġestjoni algoritmika kif ukoll aċċess aktar effettiv għal rimedji kontra deċiżjonijiet awtomatizzati, u dan iwassal għal kondizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Dawn id-drittijiet se jibnu fuq u jestendu s-salvagwardji eżistenti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sistemi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data kif ukoll l-obbligi proposti għall-fornituri u l-utenti tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) f’termini tat-trasparenza u s-sorveljanza mill-bniedem ta’ ċerti sistemi tal-IA fil-proposta għal Att dwar l-IA (ara aktar dettalji hawn taħt).

Fl-aħħar nett, qed jiġu proposti miżuri konkreti biex jinkiseb it-tielet objettiv tat-titjib tat-trasparenza u t-traċċabbiltà tax-xogħol fuq il-pjattaformi bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-awtoritajiet kompetenti fl-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi eżistenti fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali. Dan jinkludi li jiġi ċċarat l-obbligu għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma impjegaturi li jiddikjaraw ix-xogħol fuq il-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jitwettaq. Id-Direttiva proposta se ttejjeb ukoll l-għarfien tal-awtoritajiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali dwar liema pjattaformi tax-xogħol diġitali huma attivi fl-Istat Membru tagħhom billi tagħti lil dawk l-awtoritajiet aċċess għal informazzjoni bażika rilevanti dwar l-għadd ta’ persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, l-istatus fl-impjieg tagħhom u t-termini u l-kondizzjonijiet standard tagħhom. Dawn il-miżuri se jgħinu lil dawk l-awtoritajiet biex jiżguraw il-konformità mad-drittijiet tax-xogħol u fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u b’hekk itejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Sabiex tiġi evitata ġirja għal-livell l-aktar baxx tal-prattiki tal-impjiegi u tal-istandards soċjali għad-detriment tal-ħaddiema, l-UE ħolqot soll minimu ta’ drittijiet tax-xogħol li japplikaw għall-ħaddiema fl-Istati Membri kollha. L-acquis soċjali u tax-xogħol tal-UE jistabbilixxi standards minimi permezz ta’ għadd ta’ strumenti ewlenin.

Huma biss il-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn l-istrumenti legali li jibbenefikaw mill-protezzjoni li joffru 11 . Il-persuni b’impjieg indipendenti, inklużi dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni u tipikament ma jgawdux minn dawn id-drittijiet, u b’hekk l-istatus tal-ħaddiem isir portal għall-acquis soċjali u tax-xogħol tal-UE. (L-unika eċċezzjoni hija d-direttivi dwar it-trattament ugwali li jkopru wkoll l-aċċess għal impjieg indipendenti 12 , minħabba bażijiet legali usa’.)

Strumenti legali rilevanti għal persuni impjegati li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi jinkludu:

Id-Direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli 13 tipprevedi miżuri għall-protezzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu f’relazzjonijiet tax-xogħol mhux standard. Dan jinkludi regoli dwar it-trasparenza, id-dritt għall-informazzjoni, il-perjodi ta’ probazzjoni, l-impjieg parallel, il-prevedibbiltà minima tax-xogħol u l-miżuri għall-kuntratti on-demand. Dawn l-istandards minimi huma partikolarment rilevanti għall-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, minħabba l-organizzazzjoni u l-mudelli tax-xogħol atipiċi tagħhom. Madankollu, filwaqt li d-Direttiva tiżgura t-trasparenza dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol bażiċi, l-obbligu tal-informazzjoni fuq l-impjegaturi ma jestendix għall-użu tal-algoritmi fuq il-post tax-xogħol u kif dawn jaffettwaw lill-ħaddiema individwali.

Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw 14  tistabbilixxi rekwiżiti minimi relatati mal-liv tal-ġenituri, tal-paternità u tal-persuni li jindukraw u arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri jew għall-persuni li jindukraw. Din tikkomplementa d-Direttiva dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu 15 , li tipprevedi perjodu minimu ta’ liv tal-maternità, flimkien ma’ miżuri oħra.

Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol 16 tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tiddefinixxi kunċetti bħal “ħin tax-xogħol” u “perjodi ta’ serħan”. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tradizzjonalment interpretat il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala li jesiġi li l-ħaddiem ikun fiżikament preżenti f’post determinat mill-impjegatur, f’kawżi reċenti l-Qorti estendiet dan il-kunċett b’mod partikolari meta jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ ħin “stand-by” (jiġifieri meta ħaddiem ma jkunx meħtieġ jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu iżda għandu jibqa’ disponibbli għax-xogħol jekk jissejjaħ mill-impjegatur). Fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-ħin “stand-by”, li matulu l-opportunitajiet tal-ħaddiem li jwettaq attivitajiet oħra huma ristretti b’mod sinifikanti, għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol 17 .

Id-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija 18 tiddefinixxi qafas ġenerali applikabbli għall-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Dan jistabbilixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, fir-rigward tal-kondizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg, bejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-ħaddiema li jiġu rreklutati mill-kumpanija utenti. Minħabba r-relazzjoni kuntrattwali tipikament trijangulari tax-xogħol fuq il-pjattaformi, din id-Direttiva tista’ tkun ta’ rilevanza għax-xogħol fuq il-pjattaformi. Skont il-mudell kummerċjali ta’ pjattaforma tax-xogħol diġitali u skont jekk il-klijenti tagħha humiex konsumaturi privati jew negozji, din tista’ tikkwalifika bħala aġenzija tax-xogħol temporanju li tassenja lill-ħaddiema tagħha lil kumpaniji utenti. F’xi każijiet, il-pjattaforma tista’ tkun il-kumpanija utenti li tagħmel użu mis-servizzi ta’ ħaddiema assenjati minn aġenziji tax-xogħol temporanju.

Id-Direttiva dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol 19 tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għall-inkoraġġiment tat-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Din tiggarantixxi r-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u sikurezza fl-Ewropa kollha. Id-Direttiva Qafas hija akkumpanjata minn aktar direttivi li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali.

Id-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati 20 għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali billi tistabbilixxi prinċipji, definizzjonijiet u arranġamenti minimi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpanija f’kull Stat Membru.

Meta tiġi adottata, id- Direttiva proposta dwar il-pagi minimi adegwati 21 se tistabbilixxi qafas biex ittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi u biex iżżid l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima.

Meta tiġi adottata, id-Direttiva proposta dwar it-trasparenza fil-pagi 22 se ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

Barra minn hekk, ir-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali japplikaw kemm għall-persuni impjegati kif ukoll għal persuni b’impjieg indipendenti li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi f’sitwazzjoni transfruntiera 23 .

Fl-aħħar nett, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni b’impjieg indipendenti 24 tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiżguraw li kemm il-ħaddiema kif ukoll persuni b’impjieg indipendenti jkollhom aċċess għal protezzjoni soċjali effettiva u adegwata. Ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-benefiċċji tal-qgħad, tal-mard u tas-saħħa, tal-maternità u tal-paternità, tal-invalidità, tax-xjuħija u tas-superstiti u l-benefiċċji fir-rigward ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta’ mard okkupazzjonali.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Is-suq intern eżistenti u propost tal-UE u l-istrumenti tal-protezzjoni tad-data huma rilevanti għall-operazzjonijiet tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali u għan-nies li jaħdmu permezz tagħhom. Madankollu, mhux l-isfidi kollha identifikati fix-xogħol fuq il-pjattaformi huma indirizzati biżżejjed minn dawk l-istrumenti legali. Filwaqt li jindirizzaw il-ġestjoni algoritmika f’ċerti aspetti, ma jindirizzawx speċifikament il-perspettiva tal-ħaddiema, l-ispeċifiċitajiet tas-suq tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol kollettivi.

Is-suq intern rilevanti tal-UE u l-istrumenti tal-protezzjoni tad-data jinkludu:

Ir-Regolament dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (jew ir-“Regolament dwar il-Pjattaforma għan-Negozju”) 25 għandu l-għan li jiżgura li “l-utenti kummerċjali” b’impjieg indipendenti tas-servizzi tal-intermedjazzjoni ta’ pjattaforma online jiġu ttrattati b’mod trasparenti u ġust u li jkollhom aċċess għal rimedju effettiv f’każ ta’ tilwim. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jiffukaw, fost l-oħrajn, fuq it-trasparenza tat-termini u l-kondizzjonijiet għall-utenti kummerċjali, fuq is-salvagwardji proċedurali f’każ tar-restrizzjoni, fuq is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-kontijiet, fuq it-trasparenza fir-rigward tal-klassifikazzjoni u fuq il-mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti. Dawn huma marbuta mal-ġestjoni algoritmika, iżda r-Regolament ma jkoprix aspetti ewlenin oħra, bħat-trasparenza tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (għajr il-klassifikazzjoni), il-monitoraġġ mill-bniedem ta’ dawn is-sistemi u d-drittijiet speċifiċi rigward ir-rieżami ta’ deċiżjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Ir-Regolament ma japplikax għal persuni f’relazzjoni ta’ impjieg jew għal pjattaformi tax-xogħol diġitali li jitqiesu, bħala riżultat ta’ valutazzjoni ġenerali, bħala li ma jipprovdux “servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”, iżda pereżempju servizz tat-trasport.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 26 jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Dan jagħti lill-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi firxa ta’ drittijiet rigward id-data personali tagħhom, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom. Dawn id-drittijiet jinkludu, b’mod partikolari, id-dritt li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni bbażata unikament fuq proċessar awtomatizzat li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw is-suġġett tad-data jew li b’mod simili jaffettwahom b’mod sinifikanti (b’ċerti eċċezzjonijiet), kif ukoll id-dritt għat-trasparenza dwar l-użu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat. Fil-każijiet fejn l-ipproċessar awtomatizzat huwa permess skont l-eċċezzjonijiet, il-kontrollur irid jimplimenta miżuri adatti biex jissalvagwardja d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jikseb l-intervent uman min-naħa tal-kontrollur, li jesprimi l-fehma tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni. Filwaqt li dawn id-drittijiet huma partikolarment rilevanti għal persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi soġġetti għall-ġestjoni algoritmika, kawżi reċenti fil-qorti enfasizzaw il-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-ħaddiema – u b’mod partikolari l-ħaddiema li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi – meta jkollhom l-għan li jasserixxu d-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika 27 . Dan jikkonċerna b’mod partikolari d-diffikultà li tinqata’ linja bejn id-deċiżjonijiet algoritmiċi li jaffettwaw jew ma jaffettwawx lill-ħaddiema b’mod “sinifikanti” biżżejjed. Barra minn hekk, filwaqt li l-GDPR jagħti drittijiet individwali lill-persuni affettwati, dan ma jinkludix aspetti kollettivi importanti inerenti fil-liġi tax-xogħol, inklużi dawk relatati mar-rwol tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u r-rwol tal-ispettorati tax-xogħol fl-infurzar tad-drittijiet tax-xogħol. Il-leġiżlatur għalhekk ippreveda l-possibbiltà ta’ regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tal-ħaddiema fil-kuntest tal-impjieg, inkluż fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol (l-Artikolu 88 tal-GDPR).

Meta jiġi adottat, l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 28 propost se jindirizza r-riskji marbuta mal-użu ta’ ċerti sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA). L-att dwar l-IA propost għandu l-għan li jiżgura li s-sistemi tal-IA mqiegħda fis-suq u użati fl-UE jkunu sikuri u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan jindirizza kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-użu u s-sorveljanza regolatorja tas-sistemi tal-IA u jindirizza sfidi inerenti bħall-preġudizzju (inkluż il-preġudizzju tal-ġeneru) u n-nuqqas ta’ responsabbiltà, inkluż billi jistabbilixxi rekwiżiti għal settijiet ta’ data ta’ kwalità għolja, u jgħin biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ diskriminazzjoni. Ir-Regolament tal-IA propost jelenka ċerti sistemi tal-IA użati fl-impjieg, fil-ġestjoni tal-ħaddiema u fl-aċċess għall-impjieg indipendenti li għandhom jitqiesu bħala ta’ riskju għoli. Ir-Regolament jippreżenta rekwiżiti obbligatorji li s-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli jridu jikkonformaw magħhom, kif ukoll obbligi għall-fornituri u l-utenti ta’ dawn is-sistemi. L-att tal-IA propost jipprevedi rekwiżiti speċifiċi dwar it-trasparenza għal ċerti sistemi tal-IA, u se jiżgura li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali, bħala utenti ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli, se jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu biex jużaw is-sistema b’mod legali u responsabbli. Fejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali huma fornituri ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli, se jkollhom bżonn jittestjaw u jiddokumentaw is-sistemi tagħhom b’mod xieraq. Barra minn hekk, il-proposta għal Att dwar l-IA timponi rekwiżiti fuq il-fornituri tas-sistemi tal-IA biex jippermettu s-sorveljanza mill-bniedem u biex joħorġu struzzjonijiet f’dan ir-rigward. Billi jiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà tas-sistemi tal-IA b’riskju għoli, l-Att dwar l-IA għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kull meta dawn is-sistemi tal-IA jkunu qed jintużaw. Minkejja dan, ma jqisx id-diversità tar-regoli dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol fi Stati Membri u setturi differenti, u ma jipprovdix salvagwardji b’rabta mal-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni affettwati direttament mill-użu tas-sistemi tal-IA, bħall-ħaddiema.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 153(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħti s-setgħa lill-Unjoni biex tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri bl-objettiv li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol. F’dan il-qasam, l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw – f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja – direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni gradwali, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet u r-regoli tekniċi eżistenti f’kull wieħed mill-Istati Membri. Dawn id-direttivi għandhom jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’mod li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji.

Din il-bażi ġuridika tippermetti lill-Unjoni tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi meta jkunu f’relazzjoni ta’ impjieg u b’hekk jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema”. Il-QĠUE sostniet li “l-kwalifika ta’ “persuna b’impjieg indipendenti”, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ma teskludix li persuna għandha tiġi kkwalifikata bħala “ħaddiem”, skont it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-fatt li dan jaħdem għal rasu huwa biss fittizju, u b’hekk fir-realtà jaħbi relazzjoni ta’ impjieg 29 ”. Għalhekk, persuni b’impjieg indipendenti falz huma koperti wkoll mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ix-xogħol ibbażata fuq l-Artikolu 153 tat-TFUE.

Id-Direttiva proposta hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 16(2) tat-TFUE sa fejn tindirizza s-sitwazzjoni ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali tagħhom ipproċessata minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan l-Artikolu jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-flessibbiltà u l-adattament kostanti tal-mudelli kummerċjali huma karatteristiċi ewlenin tal-ekonomija tal-pjattaformi, li l-mezzi primarji tal-produzzjoni tagħhom huma algoritmi, data u clouds. Peress li mhumiex marbuta ma’ xi assi u bini fissi, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu faċilment jiċċaqalqu u joperaw bejn il-fruntieri, jibdew operazzjonijiet malajr f’ċerti swieq, xi drabi jagħlqu għal raġunijiet ta’ negozju jew regolatorji u jerġgħu jiftħu f’pajjiż ieħor b’regoli aktar laxki.

Filwaqt li l-Istati Membri joperaw f’suq uniku wieħed, huma ħadu approċċi differenti dwar jekk jirregolawx ix-xogħol fuq il-pjattaformi jew le, u f’liema direzzjoni. Aktar minn 100 deċiżjoni tal-qorti u 15-il deċiżjoni amministrattiva li jittrattaw l-istatus fl-impjieg ta’ persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi ġew osservati fl-Istati Membri, b’eżiti li jvarjaw iżda fil-biċċa l-kbira favur ir-riklassifikazzjoni tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi bħala ħaddiema 30 . Minbarra l-inċertezza legali li dan jinvolvi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali u għal dawk li jaħdmu permezz tagħhom, l-għadd kbir ta’ kawżi fil-qorti jindika diffikultajiet fiż-żamma ta’ kondizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri kif ukoll bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u negozji oħra, u biex tiġi evitata pressjoni ’l isfel fuq l-istandards tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Ċerti pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jinvolvu ruħhom fi prattiki kummerċjali inġusti fir-rigward ta’ negozji oħra, pereżempju, billi ma jikkonformawx mal-istess regoli u joperaw taħt l-istess kondizzjonijiet. Konsegwentement, hija meħtieġa azzjoni tal-UE biex jiġi żgurat li l-ekonomija tal-pjattaformi mobbli ħafna u li timxi b’pass mgħaġġel tiżviluppa flimkien mad-drittijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali spiss ikunu bbażati f’pajjiż wieħed, filwaqt li joperaw permezz ta’ persuni bbażati xi mkien ieħor. 59 % tal-persuni kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi fl-UE jinvolvu ruħhom ma’ klijenti bbażati f’pajjiż ieħor 31 . Dan iżid il-kumplessità tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-kopertura tal-protezzjoni soċjali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi transfruntiera huma ugwalment inċerti u jiddependu ħafna mill-istatus fl-impjieg tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali (bħall-ispettorati tax-xogħol, l-istituzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali u l-awtoritajiet tat-taxxa) spiss ma jkunux konxji ta’ liema pjattaformi tax-xogħol diġitali huma attivi f’pajjiżhom, kemm nies qed jaħdmu permezz tagħhom u taħt liema status fl-impjieg jitwettaq ix-xogħol. Ir-riskji tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli u l-ostakli biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat huma ogħla f’sitwazzjonijiet transfruntiera, b’mod partikolari meta dan jikkonċerna x-xogħol fuq il-pjattaformi online. F’dan il-kuntest, azzjonijiet rilevanti mmirati lejn l-indirizzar tal-isfidi transfruntiera tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż b’mod partikolari n-nuqqas ta’ data li tippermetti infurzar aħjar tar-regoli, l-aħjar li jittieħdu fil-livell tal-UE.

L-azzjoni nazzjonali waħedha ma tiksibx l-objettivi ewlenin tal-UE li jissejsu fit-Trattat li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-progress soċjali, peress li l-Istati Membri jistgħu jżommu lura milli jadottaw regoli aktar stretti jew biex jinfurzaw b’mod strett l-istandards tax-xogħol eżistenti, filwaqt li jikkompetu ma’ xulxin biex jattiraw l-investimenti tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

Inizjattiva tal-UE biss tista’ tistabbilixxi regoli komuni li japplikaw għall-pjattaformi diġitali kollha tax-xogħol li joperaw fl-UE, filwaqt li tipprevjeni wkoll il-frammentazzjoni fis-suq uniku li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Dan jiżgura kondizzjonijiet ekwi fil-qasam tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-ġestjoni algoritmika bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw fi Stati Membri differenti. Għalhekk, il-valur miżjud speċifiku tal-UE jinsab fl-istabbiliment ta’ standards minimi f’dawn l-oqsma li se jrawmu konverġenza ’l fuq fl-eżiti tal-impjiegi u dawk soċjali fl-Unjoni, u jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi madwar l-UE.

Proporzjonalità

Id-Direttiva proposta tipprevedi standards minimi u b’hekk tiżgura li l-livell ta’ intervent jinżamm għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. L-Istati Membri li diġà għandhom dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk imressqa fid-Direttiva proposta mhux se jkollhom ibiddluhom jew ibaxxuhom. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jmorru lil hinn mill-istandards minimi stipulati f’din id-Direttiva.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa osservat filwaqt li jitqies kemm id-daqs kif ukoll in-natura tal-problemi identifikati. Pereżempju, il-preżunzjoni konfutabbli proposta biex tiġi indirizzata l-problema ta’ klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg se tapplika biss għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jeżerċitaw ċertu livell ta’ kontroll fuq il-prestazzjoni tax-xogħol. Għalhekk, pjattaformi tax-xogħol diġitali oħrajn mhux se jkunu kkonċernati mill-preżunzjoni. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ ġustizzja, ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE jipprevedu b’mod espliċitu li d-Direttivi jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri. Ir-regoli bbażati fuq l-Artikolu 16(2) TFUE jistgħu jiġu stabbiliti wkoll f’Direttivi.3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali dwar azzjoni possibbli tal-UE biex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Fl-ewwel stadju, bejn l-24 ta’ Frar u s-7 ta’ April 2021, il-Kummissjoni kkonsultat is-sħab soċjali dwar il-ħtieġa għal inizjattiva dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi, u d-direzzjoni possibbli tagħha 32 . Fit-tieni stadju, bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni kkonsultat is-sħab soċjali dwar il-kontenut u l-istrument legali tal-proposta prevista 33 .

Kemm it-trade unions kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi qablu mal-isfidi ġenerali kif identifikati fid-dokument ta’ konsultazzjoni tat-tieni stadju, iżda varjaw bejniethom fir-rigward tal-ħtieġa għal azzjoni konkreta fil-livell tal-UE.

It-trade unions appellaw għal Direttiva bbażata fuq l-Artikolu 153(2) tat-TFUE li tipprevedi preżunzjoni konfutabbli ta’ relazzjoni ta’ impjieg b’oneru tal-provi invertit u sett ta’ kriterji biex jiġi vverifikat l-istatus. Huma sostnew li dan l-istrument għandu japplika kemm għal pjattaformi online kif ukoll għal dawk fuq il-post. It-trade unions appoġġaw ukoll l-introduzzjoni ta’ drittijiet ġodda relatati mal-ġestjoni algoritmika fil-qasam tal-impjiegi, u b’mod ġenerali opponew it-tielet status għal persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi. Huma enfasizzaw il-ħtieġa għal djalogu soċjali.

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi qablu li hemm kwistjonijiet li jenħtieġ jiġu indirizzati, bħal fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg jew l-aċċess għall-informazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali, fuq bażi ta’ każ b’każ u fi ħdan il-qafas tas-sistemi nazzjonali differenti tar-relazzjonijiet soċjali u industrijali. Fir-rigward tal-ġestjoni algoritmika, huma enfasizzaw li l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar effiċjenti tal-istrumenti legali eżistenti u futuri.

Ma kien hemm l-ebda ftehim fost is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati biex jikkonkludu ftehim fil-livell tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 155 tat-TFUE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat għadd sostanzjali ta’ skambji ma’ ħafna partijiet ikkonċernati biex tinforma din l-inizjattiva, inklużi laqgħat dedikati u bilaterali ma’ kumpaniji tal-pjattaformi, ma’ assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi, ma’ trade unions, ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri, ma’ esperti mill-akkademja u minn organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili 34 . Fl-20 u fil-21 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat apposta mal-operaturi tal-pjattaformi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi biex tisma’ l-opinjonijiet tagħhom dwar id-direzzjonijiet possibbli għall-azzjoni tal-UE.

Il-Parlament Ewropew appella 35 għal azzjoni tal-UE qawwija biex tindirizza l-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg, u ttejjeb it-trasparenza fl-użu tal-algoritmi, inkluż għar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-Kunsill tal-Ministri tal-UE 36 , il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 37 u l-Kumitat tar-Reġjuni 38 appellaw ukoll għal azzjoni speċifika dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni kkuntrattat esperti esterni biex jipproduċu diversi studji li jiġbru evidenza rilevanti, li użat biex tappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt u tħejji din il-proposta:

“Study to support the impact assessment of an EU Initiative on improving the working conditions in platform work” (2021) tal-PPMI 39 .

“Digital Labour Platforms in the EU: Mapping and Business Models” (2021) mis-CEPS 40 .

“Study to gather evidence on the working conditions of platform workers” (2019) mis-CEPS 41 .

Il-Kummissjoni bbażat ukoll il-valutazzjoni tagħha fuq l-eżamijiet miċ-Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, l-impjiegi u l-politiki tas-suq tax-xogħol (ECE).

“Thematic Review 2021 on Platform work” (2021) ibbażat fuq l-artikoli tal-pajjiżi għas-27 Stat Membru tal-UE. 42 .

“Case Law on the Classification of Platform Workers: Cross-European Comparative Analysis and Tentative Conclusions” (2021) 43 .

“Jurisprudence of national Courts in Europe on algorithmic management at the workplace” (2021) 44 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għarfien espert estern u użat l-istudji u r-rapporti li ġejjin biex tappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt:

Rapporti tal-Eurofound: “Employment and Working Conditions of Selected Types of Platform Work” (2018) 45 .

Rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka: “Platform Workers in Europe Evidence from the COLLEEM Survey” (2018) 46 , u “New evidence on platform workers in Europe. Results from the second COLLEEM survey” (2020) 47 .

Rapport tal-ILO: “The role of digital labour platforms in transforming the world of work” (2021) 48 .

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-immappjar tagħha tal-politiki fl-Istati Membri, fuq il-letteratura akkademika rilevanti u fuq il-ġurisprudenza tal-QĠUE.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt 49 ġiet diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-27 ta’ Ottubru 2021. L-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’kummenti, li ġew indirizzati billi ġiet iċċarata aktar il-koerenza tagħha ma’ inizjattivi marbuta, u spjega għaliex u kif il-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni algoritmika huma partikolarment rilevanti għall-ekonomija tal-pjattaformi u billi ġew riflessi aħjar il-fehmiet ta’ kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-persuni li jaħdmu permezz tagħhom. Il-kombinament ta’ miżuri mressaq f’din il-proposta ġie vvalutat fil-Valutazzjoni tal-Impatt bħala l-aktar effettiv, effiċjenti u koerenti. L-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-kombinament ippreferut ta’ miżuri turi li huwa mistenni titjib sostanzjali fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw ukoll minn aktar ċertezza legali u kondizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli, f’konformità mal-mudell soċjali tal-UE. Bħala effett konsegwenzjali, negozji oħra li jikkompetu ma’ pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw minn kondizzjonijiet ekwi ġodda.

Bħala riżultat tal-azzjonijiet li jindirizzaw ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina, bejn 1,72 u 4,1 miljun persuna huma mistennija li jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema (madwar 2,35 miljun fuq il-post u 1,75 miljun online meta wieħed iqis iċ-ċifri ta’ stima ogħla). Dan ikun jagħtihom aċċess għad-drittijiet u l-protezzjonijiet tal-acquis nazzjonali u tal-UE dwar ix-xogħol. Persuni li attwalment jaqilgħu inqas mill-paga minima jgawdu minn żieda fil-qligħ annwali sa EUR 484 miljun, peress li l-liġijiet statutorji u/jew il-ftehimiet kollettivi fl-industrija kollha jkunu jkopruhom ukoll. Dan ifisser żieda annwali medja ta’ EUR 121 għal kull ħaddiem, li tvarja minn EUR 0 għal dawk li diġà jaqilgħu aktar mill-paga minima qabel ir-riklassifikazzjoni għal EUR 1 800 għal dawk li jaqilgħu anqas mill-paga minima. B’hekk, il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-prekarjat jonqsu bħala riżultat tar-riklassifikazzjoni u l-aċċess imtejjeb li jirriżulta għall-protezzjoni soċjali. Għalhekk, l-istabbiltà tal-introjtu u l-prevedibbiltà jitjiebu. Sa 3,8 miljun persuna jirċievu konferma tal-istatus tagħhom ta’ impjieg indipendenti u, bħala riżultat ta’ azzjonijiet minn pjattaformi mmirati lejn ir-rinunzja tal-kontroll biex tiġi evitata r-riklassifikazzjoni bħala impjegaturi, huma se jkunu jgawdu minn aktar awtonomija u flessibbiltà. Drittijiet ġodda relatati mal-ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq il-pjattaformi jistgħu jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol imtejba għal aktar minn 28 miljun persuna (kemm ħaddiema kif ukoll persuni b’impjieg indipendenti) u aktar trasparenza fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fuq il-post tax-xogħol, b’effetti konsegwenzjali pożittivi għas-suq usa’ tas-sistemi tal-IA. L-inizjattiva ttejjeb ukoll it-trasparenza u t-traċċabbiltà tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera, b’effetti pożittivi għall-awtoritajiet nazzjonali f’termini ta’ infurzar aħjar tar-regoli tax-xogħol u fiskali eżistenti, kif ukoll ġbir imtejjeb tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali fis-sena sa EUR 4 biljun.

L-azzjonijiet biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina jistgħu jirriżultaw f’żieda ta’ sa EUR 4,5 biljun f’kostijiet kull sena għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali. In-negozji li jiddependu fuqhom u l-konsumaturi jaf ikollhom iġarrbu parti minn dawn il-kostijiet, skont kif il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiddeċiedu li jgħadduhom lil partijiet terzi. Drittijiet ġodda relatati mal-ġestjoni algoritmika u l-miżuri previsti biex jittejbu l-infurzar, it-trasparenza u t-traċċabbiltà jimplikaw kostijiet negliġibbli għal dawk baxxi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali. L-inizjattiva tista’ taffettwa b’mod negattiv il-flessibbiltà li jgawdu n-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi. Madankollu, din il-flessibbiltà, speċjalment f’termini tal-arranġament ta’ skedi tax-xogħol, tista’ tkun evidenti biss issa, peress li l-ħinijiet tax-xogħol attwali jiddependu fuq id-domanda f’ħin reali għas-servizzi, fuq il-provvista tal-ħaddiema, u fuq fatturi oħra. Ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat b’mod sinifikanti xi jkun jinvolvi dan f’termini ta’ bidla f’ekwivalenti full-time u t-telf potenzjali ta’ impjiegi, minħabba l-għadd kbir ħafna ta’ varjabbli li dan il-kalkolu jkun jinvolvi (eż. il-kuntesti regolatorji nazzjonali li qed jevolvu, iċ-ċaqliq fis-sorsi ta’ investiment tal-pjattaformi, ir-riallokazzjoni tal-kompiti minn ħaddiema part-time b’impjieg indipendenti falz għal ħaddiema full-time). Għal xi persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali li bħalissa jaqilgħu aktar mill-paga minima, ir-riklassifikazzjoni tista’ twassal għal pagi aktar baxxi, peress li xi pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jikkumpensaw għal kostijiet ogħla tal-protezzjoni soċjali billi jnaqqsu s-salarji.

Miżuri oħra kkunsidrati fil-Valutazzjoni tal-Impatt kienu jinkludu: linji gwida mhux vinkolanti dwar kif għandhom jiġu ttrattati każijiet ta’ klassifikazzjoni ħażina; kombinament ta’ bidla fl-oneru tal-provi bi proċeduri amministrattivi barra mill-qorti biex tiġi ttrattata l-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg; linji gwida mhux vinkolanti dwar il-ġestjoni algoritmika; drittijiet ta’ ġestjoni algoritmika għall-ħaddiema biss; obbligi tal-interoperabbiltà tad-data għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali; l-istabbiliment ta’ reġistri nazzjonali biex jittejjeb il-ġbir tad-data rilevanti u jinżamm rekord tal-iżviluppi tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera. B’mod ġenerali kienu kkunsidrati inqas effiċjenti, inqas effettivi u inqas koerenti vis-à-vis l-objettivi ddikjarati tal-inizjattiva, kif ukoll mal-valuri, l-għanijiet, l-objettivi u l-inizjattivi eżistenti u futuri tal-UE.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva tinkludi settijiet differenti ta’ miżuri, li wħud minnhom għandhom l-għan li jimminimizzaw il-kostijiet ta’ konformità għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Filwaqt li l-miżuri li jindirizzaw ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina ma jistgħux jittaffew minħabba li dawn jappartjenu direttament għad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, il-proċeduri amministrattivi meħtieġa mill-miżuri dwar il-ġestjoni algoritmika u dwar it-titjib tal-infurzar, it-traċċabbiltà u t-trasparenza jippermettu l-mitigazzjoni mfassla għall-SMEs. B’mod partikolari, dawn jinkludu skadenzi itwal biex jingħataw tweġibiet għal talbiet ta’ rieżami ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi u t-tnaqqis fil-frekwenza tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti.

Drittijiet fundamentali

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipproteġi firxa wiesgħa ta’ drittijiet fil-kuntest tal-impjieg. Dawn jinkludu d-dritt tal-ħaddiema għall-kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (l-Artikolu 31) u għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża (l-Artikolu 27), kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8) u l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16). Id-Direttiva proposta tippromwovi d-drittijiet li jinsabu fil-Karta fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi billi tindirizza l-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg u billi tressaq dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Issaħħaħ ukoll id-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni għall-ħaddiema tal-pjattaformi u r-rappreżentanti tagħhom dwar deċiżjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-introduzzjoni jew għal bidliet sostanzjali fl-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma titlobx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva, sentejn wara l-adozzjoni u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ eżekuzzjoni nazzjonali permezz tad-Bażi tad-Data MNE. F’konformità mal-Artikolu 153(3) tat-TFUE, huma jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara li tidħol fis-seħħ u, tipproponi emendi leġiżlattivi skont kif ikun xieraq. Il-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-inizjattiva se jiġi mmonitorjat minn serje ta’ indikaturi ewlenin (dawn huma elenkati fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt). Il-qafas ta’ monitoraġġ se jkun suġġett għal aġġustament ulterjuri skont ir-rekwiżiti legali u ta’ implimentazzjoni finali u l-perjodu ta’ żmien.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Id-Direttiva proposta tolqot il-liġi tax-xogħol, tispeċifika u tikkomplementa r-regoli tal-protezzjoni tad-data u fiha kemm regoli sostantivi kif ukoll proċedurali. L-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti legali differenti biex jittrasponuha. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-Istati Membri jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 50 .

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali 

Artikolu 1 – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi il-fini tad-Direttiva, jiġifieri li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi billi tiżgura d-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tagħhom, billi tippromwovi t-trasparenza, il-ġustizzja u r-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq il-pjattaformi u billi ttejjeb it-trasparenza fix-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Dan l-artikolu jiddefinixxi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva, li jinkludi persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom, għalkemm sa ċertu punt jiddependi mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Bħala regola ġenerali, id-Direttiva tkopri persuni li għandhom, jew li abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti jista’ jkollhom, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, b’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-QĠUE. Dan l-approċċ huwa maħsub biex jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-istatus fl-impjieg tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi ma jkunx ċar, inklużi każijiet ta’ impjieg indipendenti falz, sabiex dak l-istatus ikun jista’ jiġi ddeterminat b’mod korrett.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar il-ġestjoni algoritmika, li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali u għalhekk koperti mill-bażi ġuridika tal-Artikolu 16(2) tat-TFUE, japplikaw ukoll għal persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li ma għandhomx relazzjoni ta’ impjieg, jiġifieri l-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin u dawk bi status fl-impjieg ieħor li jista’ jeżisti f’xi Stati Membri.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali ikkonċernati minn din il-proposta huma dawk li jorganizzaw xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom u irrispettivament mil-liġi li inkella tkun applikabbli. L-element deċiżiv għall-applikabbiltà territorjali huwa għalhekk il-post fejn jitwettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi u mhux il-post fejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali hija stabbilita jew fejn is-servizz lir-riċevitur huwa offrut jew ipprovdut.

Artikolu 2 – Definizzjonijiet

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi għadd ta’ termini u kunċetti meħtieġa għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, inklużi “pjattaforma tax-xogħol diġitali”, “xogħol fuq il-pjattaformi” u “rappreżentant”. Tiddistingwi bejn “persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi” – irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom – u “ħaddiema tal-pjattaformi” – li huma f’relazzjoni ta’ impjieg.

Kapitolu II – Status tal-impjieg

Artikolu 3 – Determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg

Dan l-artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri xierqa biex jivverifikaw u jiżguraw id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, sabiex il-persuni li possibbilment jiġu kklassifikati ħażin bħala persuni b’impjieg indipendenti (jew kwalunkwe status ieħor) ikunu jistgħu jaċċertaw jekk għandhomx jitqiesu li huma f’relazzjoni ta’ impjieg – f’konformità mad-definizzjonijiet nazzjonali – u, jekk iva, jiġu riklassifikati bħala ħaddiema. Dan se jiżgura li l-persuni b’impjieg indipendenti falz ikollhom il-possibbiltà li jiksbu aċċess għall-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali f’konformità mal-istatus fl-impjieg korrett tagħhom.

Id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li d-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg jenħtieġ tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-supremazija tal-fatti, jiġifieri primarjament iggwidata mill-fatti relatati mal-prestazzjoni reali tax-xogħol u r-remunerazzjoni, filwaqt li jitqies l-użu tal-algoritmi fix-xogħol fuq il-pjattaformi, u mhux minn kif ir-relazzjoni hija ddefinita fil-kuntratt. Fejn teżisti relazzjoni ta’ impjieg, jenħtieġ li l-proċeduri fis-seħħ jidentifikaw ukoll b’mod ċar min għandu jassumi l-obbligi tal-impjegatur.

Artikolu 4 – Preżunzjoni legali

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-preżunzjoni legali li teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali u persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, jekk il-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikkontrolla ċerti elementi tal-prestazzjoni tax-xogħol. L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu qafas biex jiżguraw li l-preżunzjoni legali tapplika fil-proċedimenti amministrattivi u legali rilevanti kollha u li l-awtoritajiet tal-infurzar, bħall-ispettorati tax-xogħol jew il-korpi tal-protezzjoni soċjali, jistgħu jiddependu wkoll fuq dik il-preżunzjoni.

L-artikolu jiddefinixxi l-kriterji li jindikaw li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikkontrolla l-prestazzjoni tax-xogħol. L-issodisfar ta’ mill-anqas żewġ indikaturi għandu jiskatta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni.

L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-preżunzjoni legali permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ, bħat-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku, l-iżvilupp ta’ gwida u t-tisħiħ tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post, li huma essenzjali biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-partijiet kollha involuti.

Id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li jenħtieġ l-preżunzjoni legali ma jkollhiex effetti retroattivi, jiġifieri jenħtieġ li ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fattwali qabel l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Artikolu 5 – Possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali

Din id-dispożizzjoni tiżgura l-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali fi proċedimenti legali u amministrattivi rilevanti, jiġifieri li jiġi ppruvat li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-fatt mhijiex “relazzjoni ta’ impjieg” f’konformità mad-definizzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat. L-oneru tal-prova li ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ impjieg se jkun fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali.

Kapitolu III – Ġestjoni algoritmika

Artikolu 6 – Trasparenza u użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinfurmaw lill-ħaddiema tal-pjattaformi dwar l-użu u l-karatteristiċi ewlenin tas-sistemi ta’ monitoraġġ awtomatizzati — li jintużaw għall-monitoraġġ, is-superviżjoni jew l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi permezz ta’ mezzi elettroniċi — u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet — li jintużaw biex jittieħdu jew jiġu appoġġati deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi.

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta tinkludi l-kategoriji ta’ azzjonijiet immonitorjati u evalwati (inkluż mill-klijenti) u l-parametri ewlenin li dawn is-sistemi jqisu għad-deċiżjonijiet awtomatizzati. L-artikolu jispeċifika f’liema forma u f’liema mument din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta u jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet tax-xogħol u għar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi wara talba.

Barra minn hekk, l-artikolu jipprevedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jenħtieġ li ma jipproċessaw l-ebda data personali li tikkonċerna l-ħaddiema tal-pjattaformi li mhumiex intrinsikament konnessi u strettament meħtieġa għall-organizzazzjoni tax-xogħol. Dan jinkludi data dwar konverżazzjonijiet privati, dwar l-istat tas-saħħa, l-istat psikoloġiku jew emozzjonali tal-ħaddiem tal-pjattaforma u kwalunkwe data waqt li l-ħaddiem tal-pjattaforma ma jkunx qed joffri jew iwettaq xogħol fuq il-pjattaformi.

Artikolu 7 – Monitoraġġ mill-bniedem ta’ sistemi awtomatizzati

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod regolari l-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol. B’mod partikolari, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jkollhom jevalwaw ir-riskji ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jiżguraw li dawn is-sistemi bl-ebda mod ma jpoġġu pressjoni żejda fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi jew inkella jpoġġu f’riskju s-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema tal-pjattaformi.

L-Artikolu jistipula wkoll il-ħtieġa għal pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jiżguraw biżżejjed riżorsi umani għal dan il-monitoraġġ tas-sistemi awtomatizzati. Il-persuni inkarigati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali b’dak il-kompitu jrid ikollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom u jridu jkunu protetti minn konsegwenzi negattivi (bħal sensja jew sanzjonijiet oħra) għal deċiżjonijiet awtomatizzati prevalenti.

Artikolu 8 – Rieżami mill-bniedem ta’ deċiżjonijiet sinifikanti

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt għall-ħaddiema tal-pjattaformi li jiksbu spjegazzjoni mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali għal deċiżjoni meħuda jew appoġġata minn sistemi awtomatizzati li taffettwa b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Għal dak il-fini jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdilhom il-possibbiltà li jiddiskutu u jiċċaraw il-fatti, iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet ma’ persuna ta’ kuntatt umana fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali.

Barra minn hekk, l-artikolu jeħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu dikjarazzjoni tar-raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe deċiżjoni li tirrestrinġi, tissospendi jew tittermina l-kont tal-ħaddiem tal-pjattaforma, li tirrifjuta r-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq mill-ħaddiem tal-pjattaforma, jew li taffettwa l-istatus kuntrattwali tal-ħaddiem tal-pjattaforma.

Meta l-ispjegazzjoni miksuba ma tkunx sodisfaċenti jew meta l-ħaddiema tal-pjattaformi jqisu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura, huma għandhom ukoll id-dritt li jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tirrieżamina d-deċiżjoni u li jiksbu tweġiba sostanzjata fi żmien ġimgħa. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali iridu jirrettifikaw id-deċiżjoni mingħajr dewmien jew, jekk dan ma jkunx għadu possibbli, jipprovdu kumpens adegwat, jekk id-deċiżjoni tikser id-drittijiet tal-ħaddiem tal-pjattaforma.

Artikolu 9 – Informazzjoni u konsultazzjoni

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinfurmaw u jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi jew, jekk ma jkunx hemm rappreżentanti, lill-ħaddiema tal-pjattaformi nfushom dwar deċiżjonijiet ta’ ġestjoni algoritmika, pereżempju jekk ikunu beħsiebhom jintroduċu sistemi awtomatizzati ġodda ta’ monitoraġġ jew teħid ta’ deċiżjonijiet jew jagħmlu bidliet sostanzjali f’dawk is-sistemi. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippromwovi d-djalogu soċjali dwar il-ġestjoni algoritmika. Minħabba l-kumplessità tas-suġġett, ir-rappreżentanti jew il-ħaddiema tal-pjattaformi kkonċernati jistgħu jiġu assistiti minn espert tal-għażla tagħhom. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti eżistenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni skont id-Direttiva 2002/14/KE.

Artikolu 10 – Persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma għandhomx relazzjoni ta’ impjieg

Din id-dispożizzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, il-monitoraġġ mill-bniedem u r-rieżami tal-Artikoli 6, 7 u 8 – li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali minn sistemi awtomatizzati – japplikaw ukoll għal persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma jkollhomx kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg, jiġifieri l-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin. Dan ma jinkludix id-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li huma speċifiċi għall-ħaddiema.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Pjattaformi għan-Negozji (2019/1150). Id-dispożizzjonijiet tagħha jipprevalu jekk ikopru aspetti speċifiċi tad-Direttiva fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali” b’impjieg indipendenti skont it-tifsira tar-Regolament. L-Artikolu 8 bl-ebda mod ma japplika għal “utenti kummerċjali”.

Kapitolu IV – Trasparenza rigward ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Artikolu 11 – Dikjarazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi

Din id-dispożizzjoni tiċċara li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma impjegaturi jridu jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali tal-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xogħol u jikkondividu d-data rilevanti ma’ dawk l-awtoritajiet, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali. Din il-kjarifika hija partikolarment rilevanti għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma stabbiliti f’pajjiż ieħor li mhuwiex dak fejn jitwettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi.

Artikolu 12 – Aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jagħmlu ċerta informazzjoni aċċessibbli għax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u awtoritajiet rilevanti oħra li jiżguraw konformità mal-obbligi legali u r-rappreżentanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Din l-informazzjoni tinkludi l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata fuq bażi regolari u l-istatus kuntrattwali jew fl-impjieg tagħhom, kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawk ir-relazzjonijiet kuntrattwali. Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment u li jingħataw aktar kjarifiki u dettalji wara talba.

Kapitolu III – Rimedji u infurzar

Artikolu 13 – Dritt għal rimedju

Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għal soluzzjoni għat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju u, skont kif ikun xieraq, kumpens adegwat, għall-ksur tad-drittijiet stabbiliti skont id-Direttiva.

Artikolu 14 – Proċeduri f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għalihom

Din id-dispożizzjoni tippermetti lir-rappreżentanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew entitajiet ġuridiċi oħra li għandhom interess leġittimu li jiddefendu d-drittijiet ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, li jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva biex jinfurzaw kwalunkwe dritt jew obbligu skont din il-proposta. Jenħtieġ li dawn l-entitajiet ikollhom id-dritt li jaġixxu f’isem jew b’appoġġ għal persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, bl-approvazzjoni tal-persuna, f’tali proċeduri u wkoll li jressqu pretensjonijiet f’isem aktar minn persuna waħda li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi. Dan għandu l-għan li jegħleb l-ostakli proċedurali u dawk li jkunu relatati mal-kostijiet li jiffaċċjaw persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi b’mod partikolari meta jkunu qed ifittxu li jkollhom l-istatus fl-impjieg tagħhom determinat b’mod korrett.

Artikolu 15 – Kanali ta’ komunikazzjoni għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi

Dan l-artikolu jitlob li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joħolqu l-possibbiltà li persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jikkuntattjaw u jikkomunikaw ma’ xulxin, u li jiġu kkuntattjati minn rappreżentanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, permezz tal-infrastruttura diġitali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jew b’mezzi effettivi simili. L-għan huwa li tiġi żgurata l-possibbiltà għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi biex isiru jafu u jikkomunikaw ma’ xulxin, anke bil-ħsieb li jiddefendu l-interessi tagħhom, minkejja n-nuqqas ta’ post tax-xogħol komuni.

Artikolu 16 – Aċċess għall-evidenza

Dan l-artikolu jiżgura li l-qrati nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jistgħu jordnaw lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tiddivulga l-evidenza rilevanti li tkun fil-kontroll tagħha, matul il-proċedimenti li jikkonċernaw pretensjoni rigward id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Dan jinkludi evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali – bħal data rilevanti dwar l-algoritmi – fil-każ li jqisu li tkun rilevanti għall-pretensjoni, sakemm ikun hemm fis-seħħ miżuri effettivi għall-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Artikolu 17 – Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi avversi

Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u li jilmentaw dwar ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont id-Direttiva bi protezzjoni ġudizzjarja adegwata kontra kwalunkwe trattament jew konsegwenza negattiva mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali.

Artikolu 18 – Protezzjoni mis-sensja

Jekk ħaddiem li jwettaq xogħol fuq il-pjattaformi jqis li jkun ġie ssensjat jew soġġettat għal detriment ekwivalenti (bħad-diżattivazzjoni tal-kont) minħabba li jkun eżerċita d-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva, u jkun jista’ jistabbilixxi fatti li jsostnu din l-affermazzjoni, din id-dispożizzjoni tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali sabiex turi li s-sensja jew it-trattament detrimentali allegat kien(et) bbażata/i fuq raġunijiet oġġettivi oħra.

Artikolu 19 – Superviżjoni u penali

Id-dispożizzjoni tiċċara li l-qafas proċedurali għall-infurzar tar-regoli tal-GDPR, b’mod partikolari rigward il-mekkaniżmi ta’ superviżjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza, ir-rimedji, ir-responsabbiltà u l-penali, japplika għad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni algoritmika li huma bbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE u li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data huma kompetenti biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, inkluża s-setgħa li jimponu multi amministrattivi.

Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-awtoritajiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali u l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data jikkooperaw, inkluż billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti.

Din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva, u li jiżguraw li dawn jiġu applikati.

Kapitolu VI – Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 20 – Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

Din hija dispożizzjoni standard li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak iggarantit mid-Direttiva proposta, u li timpedixxi l-użu tagħha biex jitbaxxew l-istandards eżistenti fl-istess oqsma. Dan japplika għall-persuni b’impjieg indipendenti biss sa fejn regoli aktar favorevoli jkunu kompatibbli mar-regoli tas-suq intern.

Artikolu 21 – Implimentazzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-perjodu massimu li għandhom l-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali u biex jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit għal sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ. Barra minn hekk, tenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva, fil-każ li s-sħab soċjali jitolbu li jagħmlu dan u dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li f’kull mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mixtieqa skont din id-Direttiva.

Artikolu 22 – Rieżami mill-Kummissjoni

Din hija dispożizzjoni standard li teħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, u li tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi u taġġorna d-Direttiva.

Artikoli 23 u 24 – Dħul fis-seħħ u Destinatarji

Dawn huma dispożizzjonijiet standard li jistipulaw li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali u hija indirizzata għall-Istati Membri.

2021/0414 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2)(b), flimkien mal-Artikolu 153(1)(b), u l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 51 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 52 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-Unjoni huma, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Ewropa bbażata fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal okkupazzjoni sħiħa u progress soċjali.

(2)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B’mod partikolari, l-Artikolu 31 tal-Karta jipprevedi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. L-Artikolu 27 tal-Karta jipproteġi d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża. L-Artikolu 8 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. L-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi l-libertà ta’ intrapriża.

(3)Il-Prinċipju Nru 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017 53 , jipprevedi li irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ; li, f’konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-ftehimiet kollettivi, għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa biex l-impjegaturi jadattaw malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku; u li għandhom jitrawmu forom innovattivi ta’ xogħol li jiżguraw kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità, li għandhom jitħeġġu l-intraprenditorija u l-impjiegi indipendenti u li għandha tiġi ffaċilitata l-mobbiltà okkupazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Pilastru Soċjali 54 bħala gwida għall-implimentazzjoni tiegħu ntlaqa’ tajjeb mis-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021.

(4)Id-diġitalizzazzjoni qed tibdel id-dinja tax-xogħol, ittejjeb il-produttività u ssaħħaħ il-flessibbiltà, filwaqt li ġġorr magħha wkoll xi riskji għall-impjiegi u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol. It-teknoloġiji bbażati fuq l-algoritmu, inklużi s-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ippermettew l-emerġenza u t-tkabbir tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

(5)Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jitwettaq minn individwi permezz tal-infrastruttura diġitali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jipprovdu servizz lill-klijenti tagħhom. Permezz tal-algoritmi, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jikkontrollaw, sa ċertu punt – abbażi tal-mudell kummerċjali tagħhom – il-prestazzjoni tax-xogħol, ir-remunerazzjoni tiegħu u r-relazzjoni bejn il-klijenti tagħhom u l-persuni li jwettqu x-xogħol. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jista’ jitwettaq esklużivament online permezz ta’ għodod elettroniċi (“xogħol fuq il-pjattaformi online”) jew b’mod ibridu li jgħaqqad il-proċess ta’ komunikazzjoni online ma’ attività sussegwenti fid-dinja fiżika (“xogħol fuq il-pjattaformi fuq il-post”). Ħafna mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali eżistenti huma atturi tan-negozju internazzjonali li qed ivaraw l-attivitajiet u l-mudelli kummerċjali tagħhom f’diversi Stati Membri jew min-naħa għal oħra tal-fruntiera.

(6)Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jista’ jipprovdi l-opportunitajiet biex wieħed jaċċessa s-suq tax-xogħol b’mod aktar faċli, li jikseb introjtu addizzjonali permezz ta’ attività sekondarja jew li jgawdi minn ftit flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fl-istess ħin, ix-xogħol fuq il-pjattaformi jġib miegħu l-isfidi, għax jista’ jċajpar il-linja li tifred ir-relazzjoni ta’ impjieg mill-attività tal-persuna b’impjieg indipendenti, u r-responsabbiltajiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema. Il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg għandha konsegwenzi għall-persuni affettwati, peress li aktarx tirrestrinġi l-aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u soċjali eżistenti. Din twassal ukoll għal kondizzjonijiet mhux ekwivalenti fir-rigward tan-negozji li jikklassifikaw lill-ħaddiema tagħhom b’mod korrett, u għandha implikazzjonijiet għas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-Istati Membri, il-bażi għat-taxxa tagħhom u l-kopertura u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Filwaqt li dawn l-isfidi huma usa’ mix-xogħol fuq il-pjattaformi, huma partikolarment akuti u urġenti fl-ekonomija tal-pjattaformi.

(7)Il-kawżi quddiem il-qrati f’diversi Stati Membri wrew il-persistenza tal-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg f’ċerti tipi ta’ xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari fis-setturi fejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jeżerċitaw ċertu livell ta’ kontroll fuq il-paga u l-prestazzjoni tax-xogħol. Filwaqt li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali sikwit jikklassifikaw lill-persuni li jaħdmu permezz tagħhom bħala persuni b’impjieg indipendenti ġenwin jew “kuntratturi indipendenti”, ħafna qrati sabu li l-pjattaformi jeżerċitaw direzzjoni u kontroll de facto fuq dawk il-persuni, li spiss jintegrawhom fl-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħhom u jiddeterminaw il-livell tal-paga b’mod unilaterali. Għalhekk, dawk il-qrati kklassifikaw mill-ġdid lill-persuni li allegatament għandhom impjieg indipendenti bħala ħaddiema impjegati mill-pjattaformi. Madankollu, il-ġurisprudenza nazzjonali rriżultat f’eżiti diversi u l-pjattaformi tax-xogħol diġitali adattaw il-mudell kummerċjali tagħhom b’diversi modi, u b’hekk żiedu n-nuqqas ta’ ċertezza legali dwar l-istatus fl-impjieg.

(8)Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu bl-algoritmi qegħdin dejjem aktar jieħdu post il-funzjonijiet li normalment jitwettqu mill-maniġers fin-negozji, bħall-allokazzjoni tal-kompiti, l-għoti ta’ struzzjonijiet, l-evalwazzjoni tax-xogħol imwettaq, l-għoti ta’ inċentivi jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw dawn is-sistemi algoritmiċi bħala mod standard ta’ kif jorganizzaw u jiġġestixxu x-xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-infrastruttura tagħhom. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi soġġetti għal din il-ġestjoni algoritmika spiss jonqsilhom informazzjoni dwar kif jaħdmu l-algoritmi, liema data personali tkun qed tintuża u kif l-imġiba tagħhom taffettwa d-deċiżjonijiet meħuda mis-sistemi awtomatizzati. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-ispettorati tax-xogħol lanqas ma għandhomx aċċess għal din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi spiss ma jkunux jafu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet meħuda jew appoġġati mis-sistemi awtomatizzati u ma jkollhomx il-possibbiltà li jiddiskutu dawk id-deċiżjonijiet ma’ persuna ta’ kuntatt jew li jikkontestawhom.

(9)Meta l-pjattaformi joperaw f’diversi Stati Membri jew min-naħa għal oħra tal-fruntiera, spiss ma jkunx ċar fejn ikun qed jitwettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi u mingħand min. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx aċċess faċli għad-data fuq il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, inkluż l-għadd ta’ persuni li jkunu qed iwettqu x-xogħol fuq il-pjattaformi, l-istatus fl-impjieg tagħhom u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan jikkomplika l-infurzar tar-regoli applikabbli, inkluż fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali.

(10)Korp ta’ strumenti legali jipprevedi l-istandards minimi fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni. Dan jinkludi b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 55 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli, id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 dwar il-ħin tax-xogħol, id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 57 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, u strumenti speċifiċi oħra dwar aspetti bħas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali, il-ħaddiema nisa tqal, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ix-xogħol għal żmien fiss, ix-xogħol part-time, l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, fost l-oħrajn. Filwaqt li dawk l-istrumenti jipprovdu livell ta’ protezzjoni lill-ħaddiema, dawn ma japplikawx għall-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin.

(11)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2019/C 387/01 58 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom tirrakkomanda lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jiżguraw il-kopertura formali u effettiva, l-adegwatezza u t-trasparenza tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni kollha li jaħdmu għal rashom. L-Istati Membri bħalissa għandhom gradi differenti ta’ għoti tal-protezzjoni soċjali għall-persuni b’impjieg indipendenti.

(12)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 59 (“Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data”) jiżgura l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, u jipprovdi, b’mod partikolari, ċerti drittijiet u obbligi kif ukoll salvagwardji li jikkonċernaw l-ipproċessar legali, ġust u trasparenti tad-data personali, inkluż fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati. Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 60 jippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza għall-“utenti kummerċjali” li jużaw is-servizzi tal-intermedjazzjoni online pprovduti mill-operaturi tal-pjattaformi online. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aktar leġiżlazzjoni li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-fornituri u għall-utenti tas-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali 61 .

(13)Filwaqt li l-atti legali eżistenti jew proposti tal-Unjoni jipprevedu ċerti salvagwardji ġenerali, l-isfidi fix-xogħol fuq il-pjattaformi jitolbu xi miżuri speċifiċi ulterjuri. Sabiex jiġi inkwadrat b’mod adegwat l-iżvilupp tax-xogħol fuq il-pjattaformi b’mod sostenibbli , huwa meħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi standards minimi ġodda fil-kondizzjonijiet tax-xogħol biex tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mix-xogħol fuq il-pjattaformi. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni jenħtieġ li jiġu pprovduti b’għadd ta’ drittijiet minimi mmirati lejn l-iżgurar tad-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tagħhom, lejn il-promozzjoni tat-trasparenza, tal-ġustizzja u tar-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika, u lejn it-titjib tat-trasparenza fix-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Jenħtieġ li dan isir bil-għan li tittejjeb iċ-ċertezza legali, jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-fornituri ta’ servizzi offline u li jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni.

(14)Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni fuq żewġ stadji mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Ma kien hemm ebda ftehim bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, billi l-qafas legali attwali jiġi adattat għall-emerġenza tax-xogħol fuq il-pjattaformi.

(15)Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet skambji estensivi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, l-assoċjazzjonijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, l-esperti mill-akkademja, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(16)Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li għandhom, jew li abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti jista’ jitqies li għandhom, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li din tinkludi sitwazzjonijiet fejn l-istatus fl-impjieg tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi ma jkunx ċar, sabiex tippermetti d-determinazzjoni korretta ta’ dak l-istatus. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni algoritmika li huma marbuta mal-ipproċessar tad-data personali jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin u għall-persuni l-oħra li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li ma għandhomx relazzjoni ta’ impjieg.

(17)Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali kollha, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom u irrispettivament mil-liġi inkella applikabbli, sakemm ix-xogħol fuq il-pjattaformi organizzat permezz ta’ dik il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jitwettaq fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit sett immirat ta’ regoli obbligatorji fil-livell tal-Unjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet minimi dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi.

(18)Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali huma differenti mill-pjattaformi online l-oħra fis-sens li jorganizzaw ix-xogħol imwettaq mill-individwi fuq it-talba, ta’ darba jew ripetuta, tar-riċevitur ta’ servizz pprovdut mill-pjattaforma. L-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwi jenħtieġ li timplika bħala minimu, rwol sinifikanti fit-tqabbil tad-domanda għas-servizz mal-provvista tax-xogħol minn individwu li jkollu relazzjoni kuntrattwali mal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u li jkun disponibbli biex iwettaq kompitu speċifiku, u jista’ jinkludi attivitajiet oħra bħall-ipproċessar tal-pagamenti. Il-pjattaformi online li ma jorganizzawx ix-xogħol imwettaq mill-individwi iżda sempliċiment jipprovdu l-mezzi li bihom il-fornituri tas-servizzi jistgħu jaslu għand l-utent finali, pereżempju billi jirreklamaw l-offerti jew it-talbiet għas-servizzi jew billi jaggregaw u juru l-fornituri ta’ servizzi disponibbli f’żona speċifika, mingħajr aktar involviment, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pjattaforma tax-xogħol diġitali. Id-definizzjoni ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali jenħtieġ li ma tinkludix lill-fornituri ta’ servizz li l-fini ewlieni tagħhom huwa li jisfruttaw jew li jaqsmu l-assi, bħall-kiri tal-akkomodazzjoni għal żmien qasir. Jenħtieġ li din tkun limitata għall-fornituri ta’ servizz li għalihom l-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwu, bħat-trasport tal-persuni jew l-oġġetti jew it-tindif, tikkostitwixxi komponent meħtieġ u essenzjali u mhux sempliċiment komponent minuri u purament anċillari.

(19)Sabiex jiġġieldu kontra l-impjieg indipendenti falz fix-xogħol fuq il-pjattaformi u jiffaċilitaw id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom proċeduri xierqa fis-seħħ biex jipprevjenu u jindirizzaw il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Jenħtieġ li l-għan ta’ dawk il-miżuri jkun li tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif definita mid-dritt nazzjonali, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, fejn tkun teżisti din ir-relazzjoni ta’ impjieg, li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema kif ukoll ma-liġi nazzjonali tax-xogħol, mal-ftehimiet kollettivi u mar-regoli tal-protezzjoni soċjali. Fejn l-impjieg indipendenti jew l-istatus fl-impjieg intermedju – kif definit fil-livell nazzjonali – ikun l-istatus fl-impjieg korrett, jenħtieġ li japplikaw id-drittijiet u l-obbligi skont dak l-istatus.

(20)Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti stabbiliet kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem 62 . Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li titqies l-interpretazzjoni ta’ dawk il-kriterji min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-abbuż tal-istatus tal-persuni b’impjieg indipendenti, kif definit fid-dritt nazzjonali, sew fil-livell nazzjonali jew f’sitwazzjonijiet transfruntiera, huwa forma ta’ xogħol iddikjarat b’mod falz li sikwit ikun assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat. L-impjieg indipendenti falz iseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala persuna b’impjieg indipendenti filwaqt li tissodisfa l-kondizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ impjieg, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali.

(21)Il-prinċipju ta’ supremazija tal-fatti, li jfisser li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata primarjament mill-fatti marbuta mal-prestazzjoni attwali tax-xogħol, inkluż ir-remunerazzjoni tiegħu, u mhux mid-deskrizzjoni tar-relazzjoni mill-partijiet, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar ir-Relazzjoni ta’ Impjieg tal-2006 (Nru 198) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, huwa partikolarment rilevanti fil-każ tax-xogħol fuq il-pjattaformi, fejn il-kondizzjonijiet kuntrattwali spiss jiġu ddeterminati b’mod unilaterali minn parti waħda.

(22)Meta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg tiġi stabbilita abbażi tal-fatti, jenħtieġ li l-parti li taġixxi bħala impjegatur tiġi identifikata b’mod ċar u jenħtieġ li dik il-parti tissodisfa l-obbligi kollha li jirriżultaw mir-rwol tagħha bħala impjegatur.

(23)Jenħtieġ li l-iżgurar tad-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg ma jipprevjenix it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Meta pjattaforma tax-xogħol diġitali tiddeċiedi – fuq bażi purament volontarja jew bi qbil mal-persuni kkonċernati – li tħallas għall-protezzjoni soċjali, għall-assigurazzjoni kontra l-aċċidenti jew forom oħra ta’ assigurazzjoni, għall-miżuri ta’ taħriġ jew għall-benefiċċji simili għall-persuni b’impjieg indipendenti li jaħdmu permezz ta’ dik il-pjattaforma, dawk il-benefiċċji fihom infushom jenħtieġ li ma jitqisux bħala elementi determinanti li jindikaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

(24)Meta l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jikkontrollaw ċerti elementi tal-prestazzjoni tax-xogħol, jaġixxu bħala impjegaturi f’relazzjoni ta’ impjieg. Id-direzzjoni u l-kontroll, jew is-subordinazzjoni legali, hija element essenzjali tad-definizzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg fl-Istati Membri u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ir-relazzjonijiet kuntrattwali li fihom il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jeżerċitaw ċertu livell ta’ kontroll fuq ċerti elementi tal-prestazzjoni tax-xogħol jenħtieġ li jitqiesu, abbażi ta’ preżunzjoni legali, li huma relazzjoni ta’ impjieg bejn il-pjattaforma u l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi permezz tagħha. Għaldaqstant, dik il-persuna jenħtieġ li tiġi kklassifikata bħala ħaddiem li għandu d-drittijiet u l-obbligi kollha f’konformità ma’ dak l-istatus, kif stabbilit fid-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, fil-ftehimiet kollettivi u fil-prattika. Jenħtieġ li l-preżunzjoni legali tapplika fil-proċedimenti amministrattivi u legali rilevanti kollha u jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju għall-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi. L-awtoritajiet responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti jew għall-infurzar tagħha, bħall-ispettorati tax-xogħol, il-korpi tal-protezzjoni soċjali jew l-awtoritajiet tat-taxxa, jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq dik il-preżunzjoni wkoll. L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw qafas nazzjonali biex titnaqqas il-litigazzjoni u tiżdied iċ-ċertezza legali.

(25)Il-kriterji li jindikaw li pjattaforma tax-xogħol diġitali tikkontrolla l-prestazzjoni tax-xogħol jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Direttiva sabiex il-preżunzjoni legali ssir operazzjonali u jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema. Jenħtieġ li dawk il-kriterji jkunu ispirati mill-ġurisprudenza tal-Unjoni u dik nazzjonali u li jqisu l-kunċetti nazzjonali tar-relazzjoni ta’ impjieg. Jenħtieġ li l-kriterji jinkludu elementi konkreti li juru li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali, pereżempju, tiddetermina fil-prattika u mhux sempliċiment tirrakkomanda l-kondizzjonijiet tax-xogħol jew il-paga jew it-tnejn li huma, tagħti struzzjonijiet dwar kif għandu jitwettaq ix-xogħol jew tipprevjeni lill-persuna li twettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi milli tiżviluppa kuntatti ta’ negozju ma’ klijenti potenzjali. Sabiex tkun effettiva fil-prattika, jenħtieġ li żewġ kriterji dejjem jiġu ssodisfati biex jiskattaw l-applikazzjoni tal-preżunzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-kriterji ma jkoprux is-sitwazzjonijiet fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkunu persuni b’impjieg indipendenti ġenwin. Il-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin infushom huma responsabbli vis-à-vis il-klijenti tagħhom għal kif iwettqu xogħolhom u għall-kwalità tal-outputs tagħhom. Il-libertà li wieħed jagħżel is-sigħat tax-xogħol jew il-perjodi ta’ assenza, li jirrifjuta l-kompiti, li juża sottokuntratturi jew sostituti jew li jaħdem għal kwalunkwe parti terza hija karatteristika tal-impjieg indipendenti ġenwin. Għalhekk, ir-restrizzjoni de facto ta’ dawn id-diskrezzjonijiet b’għadd ta’ kondizzjonijiet jew permezz ta’ sistema ta’ sanzjonijiet, jenħtieġ li titqies bħala element ta’ kontroll tal-prestazzjoni tax-xogħol. Jenħtieġ li s-superviżjoni mill-qrib tal-prestazzjoni tax-xogħol jew il-verifika bir-reqqa tal-kwalità tar-riżultati ta’ dak ix-xogħol, inkluż b’mezzi elettroniċi li ma jikkonsistux sempliċiment fl-użu tar-rieżamijiet jew tal-klassifikazzjonijiet mir-riċevituri tas-servizz, titqies ukoll bħala element ta’ kontroll tal-prestazzjoni tax-xogħol. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jkunu jistgħu jfasslu l-interfaċċi tekniċi tagħhom b’tali mod li jiżguraw esperjenza tajba għall-konsumatur. Il-miżuri jew ir-regoli li huma mitluba bil-liġi jew li huma meħtieġa biex jiġu ssalvagwardjati s-saħħa u s-sikurezza tar-riċevituri tas-servizz jenħtieġ li ma tinftehimx bħala kontroll tal-prestazzjoni tax-xogħol.

(26)L-implimentazzjoni effettiva tal-preżunzjoni legali permezz ta’ miżuri xierqa, bħat-tixrid tal-informazzjoni lill-pubbliku, l-iżvilupp ta’ gwida u t-tisħiħ tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post hija essenzjali biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-partijiet kollha involuti. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jqisu s-sitwazzjoni speċifika tan-negozji ġodda biex jappoġġaw il-potenzjal intraprenditorjali u l-kondizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni.

(27)Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-preżunzjoni legali ma jkollha ebda effett legali retroattiv qabel id-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk jenħtieġ li tapplika biss għall-perjodu li jibda minn dik id-data, inkluż għar-relazzjonijiet kuntrattwali konklużi qabel dik id-data u li għadhom għaddejjin f’dik id-data. Il-pretensjonijiet marbuta mal-eżistenza possibbli ta’ relazzjoni ta’ impjieg qabel dik id-data u d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw sa dik id-data għalhekk jenħtieġ li jiġu vvalutati biss abbażi tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni qabel din id-Direttiva.

(28)Ir-relazzjoni bejn il-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi u pjattaforma tax-xogħol diġitali tista’ ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ relazzjoni ta’ impjieg skont id-definizzjoni stabbilita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ tal-Istat Membru rispettiv fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikkontrolla l-prestazzjoni tax-xogħol fuq aspett jew ieħor. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali fil-proċedimenti legali jew amministrattivi jew fit-tnejn li huma billi jagħtu prova, abbażi tad-definizzjoni msemmija hawn fuq, li r-relazzjoni inkwistjoni mhijiex relazzjoni ta’ impjieg. Il-bidla mill-oneru tal-provi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali hija ġġustifikata mill-fatt li dawn għandhom ħarsa ġenerali kompluta tal-elementi fattwali kollha li jiddeterminaw ir-relazzjoni, b’mod partikolari l-algoritmi li permezz tagħhom jiġġestixxu l-operazzjonijiet tagħhom. Il-proċedimenti legali u l-proċedimenti amministrattivi mibdija mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali jenħtieġ li ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali. Konfutazzjoni b’suċċess tal-preżunzjoni fil-proċedimenti amministrattivi jenħtieġ li ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-preżunzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji sussegwenti. Meta l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi li tkun is-suġġett tal-preżunzjoni tfittex li tikkonfuta l-preżunzjoni legali, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tintalab tassisti lil dik il-persuna, b’mod partikolari billi tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha miżmuma mill-pjattaforma fir-rigward ta’ dik il-persuna. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-gwida meħtieġa għall-proċeduri biex il-preżunzjoni legali tiġi kkonfutata.

(29)Filwaqt li r-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jindirizzaw it-tħassib li huwa speċifiku għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi. Din id-Direttiva tipprevedi regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont it-tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li t-termini marbuta mal-protezzjoni tad-data personali f’din id-Direttiva jinftiehmu fid-dawl tad-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679.

(30)Flimkien mad-drittijiet u l-obbligi previsti f’din id-Direttiva, id-drittijiet u l-obbligi previsti fir-Regolament (UE) 2016/679 ikomplu japplikaw meta d-data personali tiġi pproċessata. L-Artikoli 13, 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 jitolbu lill-kontrolluri tad-data jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tas-suġġetti tad-data dwar il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali. Barra minn hekk, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi d-dritt tas-suġġetti tad-data li ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni bbażata unikament fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti, soġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu. Dawk l-obbligi japplikaw ukoll għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

(31)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 13, 14, 15 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/679, għajr l-Artikoli 13(2)(f), 14(2)(g) u 15(1)(h) tiegħu, li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva jipprevedi regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont it-tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(32)Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jkunu soġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintużaw biex jimmonitorjaw, jissorveljaw jew jevalwaw il-prestazzjoni tax-xogħol b’mezzi elettroniċi; u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintużaw biex jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol b’mod sinifikanti jew li jappoġġawhom, inkluż l-aċċess tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għall-inkarigi tax-xogħol, għall-qligħ tagħhom, għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom, għall-ħin tax-xogħol tagħhom, għall-promozzjoni u għall-istatus kuntrattwali tagħhom, inkluż ir-restrizzjoni, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-kont tagħhom. Flimkien ma’ dak li huwa previst fir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-informazzjoni li tikkonċerna lil dawn is-sistemi tiġi pprovduta wkoll meta d-deċiżjonijiet ma jkunux ibbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat, sakemm dawn ikunu appoġġati mis-sistemi awtomatizzati. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll liema tip ta’ informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fir-rigward ta’ dawn is-sistemi awtomatizzati, kif ukoll f’liema forma u meta jenħtieġ li tiġi pprovduta. L-obbligu tal-kontrollur skont l-Artikoli 13, 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 li jipprovdi lis-suġġett tad-data b’ċerta informazzjoni marbuta mal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna lis-suġġett tad-data kif ukoll b’aċċess għal din id-data jenħtieġ li jkompli japplika fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiġi pprovduta wkoll lir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u lill-awtoritajiet nazzjonali tax-xogħol fuq talba tagħhom, sabiex tippermettilhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

(33)Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma jintalbux jikxfu il-funzjonament dettaljat tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, inkluż l-algoritmi, jew data dettaljata oħra li tinkludi sigrieti kummerċjali jew li hija protetta mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu, ir-riżultat ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet jenħtieġ li ma jkunx rifjut li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha mitluba minn din id-Direttiva.

(34)L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 jitolbu li d-data personali tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma jkunux permessi jipproċessaw kwalunkwe data personali dwar il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma tkunx intrinsikament marbuta mal-prestazzjoni tal-kuntratt bejn dawk il-persuni u l-pjattaforma tax-xogħol diġitali u strettament meħtieġa għaliha. L-Artikolu 6(5) ta’ din id-Direttiva jipprevedi regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont it tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(35)Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jagħmlu użu estensiv mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom. Il-monitoraġġ b’mezzi elettroniċi jista’ jkun intrużiv u d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn is-sistemi jew appoġġati minnhom jaffettwaw direttament lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, li jista’ ma jkollhomx kuntatt dirett ma’ maniġer jew ma’ superviżur uman. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għalhekk jenħtieġ li jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod regolari l-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew appoġġati minnhom. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jiżguraw biżżejjed riżorsi umani għal dan il-fini. Il-persuni inkarigati bil-funzjoni tal-monitoraġġ mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali jenħtieġ li jkollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni u jenħtieġ li jkunu protetti mis-sensja, minn miżuri dixxiplinarji jew minn kwalunkwe trattament negattiv ieħor għat-tħassir tad-deċiżjonijiet awtomatizzati jew għas-suġġerimenti għad-deċiżjonijiet. Flimkien mal-obbligi skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-Direttiva jipprevedi l-obbligi distinti tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali b’rabta mal-monitoraġġ mill-bniedem tal-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda mis-sistemi awtomatizzati jew appoġġati minnhom, li japplikaw bħala regoli speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont it-tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(36)L-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 jitlob lill-kontrolluri tad-data jimplimentaw il-miżuri adatti biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data f’każijiet fejn dawn tal-aħħar ikunu soġġetti għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat. Dik id-dispożizzjoni titlob, bħala minimu, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jiksbu intervent uman min-naħa tal-kontrollur, biex jesprimi l-fehma tiegħu u jikkontesta d-deċiżjoni. Dawk ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali. L-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva jipprevedi regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont it-tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(37)F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom id-dritt li jiksbu spjegazzjoni mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali għal deċiżjoni, nuqqas ta’ deċiżjoni jew sett ta’ deċiżjonijiet meħuda mis-sistemi awtomatizzati jew appoġġati minnhom li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Għal dak il-fini jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdilhom il-possibbiltà li jiddiskutu u jiċċaraw il-fatti, iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet ma’ persuna ta’ kuntatt umana fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lill-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi b’dikjarazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni li tirrestrinġi, tissospendi jew ittemm il-kont ta’ dik il-persuna, li tirrifjuta r-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq minn dik il-persuna, jew li taffettwa l-istatus kuntrattwali tagħha, peress li dawn id-deċiżjonijiet aktarx ikollhom effetti negattivi sinifikanti fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari fuq il-qligħ potenzjali tagħhom. Fejn l-ispjegazzjoni jew ir-raġunijiet miksuba ma jkunux sodisfaċenti jew fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jqisu d-drittijiet tagħhom miksura, jenħtieġ li huma jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tirrieżamina d-deċiżjoni u biex jirċievu tweġiba sostanzjata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Meta dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-drittijiet ta’ dawk il-persuni, bħad-drittijiet tax-xogħol jew id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tirrettifika dawn id-deċiżjonijiet mingħajr dewmien jew, meta dak ma jkunx possibbli, tipprovdi kumpens adegwat.

(38)Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE 63 tintroduċi miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, inkluż l-obbligu tal-impjegaturi li jivvalutaw ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Peress li s-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet potenzjalment għandhom impatt sinifikanti fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jevalwaw dawk ir-riskji, jivvalutaw jekk is-salvagwardji tas-sistemi humiex xierqa biex jindirizzaw dawk ir-riskji u jieħdu miżuri preventivi u protettivi.

(39)Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 64 tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fl-Unjoni. L-introduzzjoni tal-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew bidliet sostanzjali fihom mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom impatti diretti fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol individwali tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinfurmaw u jikkonsultaw mal-ħaddiema tal-pjattaformi jew mar-rappreżentanti tagħhom qabel ma jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet, fil-livell xieraq u, minħabba l-kumplessità teknika tas-sistemi ta’ ġestjoni algoritmika, bl-għajnuna ta’ espert magħżul mill-ħaddiema tal-pjattaformi jew mir-rappreżentanti tagħhom b’mod ikkoordinat fejn meħtieġ.

(40)Il-persuni li m’għandhomx relazzjoni ta’ impjieg jikkostitwixxu parti sinifikanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. L-impatt tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet użati mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u fuq l-opportunitajiet tal-qligħ tagħhom huwa simili għal dak ta’ fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi. Għalhekk, id-drittijiet fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ din id-Direttiva li jappartjenu għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika, jiġifieri dawk li jikkonċernaw it-trasparenza fis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar tad-data personali jew il-ġbir tagħha, il-monitoraġġ mill-bniedem u r-rieżami ta’ deċiżjonijiet sinifikanti, jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-persuni fl-Unjoni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg. Id-drittijiet li jappartjenu għas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema tal-pjattaformi jew mar-rappreżentanti tagħhom, li huma speċifiċi għall-ħaddiema fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li ma japplikawx għalihom. Ir-Regolament (UE) 2019/1150 jipprovdi s-salvagwardji fir-rigward tal-ġustizzja u t-trasparenza għall-persuni b’impjieg indipendenti li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, sakemm dawn jitqiesu bħala utenti kummerċjali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. Meta dawn is-salvagwardji jkunu f’kunflitt mal-elementi tad-drittijiet u tal-obbligi speċifiċi stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE) 2019/1150 jipprevalu fir-rigward tal-utenti kummerċjali.

(41)Sabiex jiġi żgurat li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti tax-xogħol, l-obbligi tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u regoli rilevanti oħra, b’mod partikolari jekk ikunu stabbiliti f’pajjiż differenti mill-Istat Membru li fih il-ħaddiem tal-pjattaformi jkun qed iwettaq ix-xogħol, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali tal-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xogħol, f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stabbiliti fil-liġijiet tal-Istati Membri kkonċernati.

(42)L-Informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali fuq bażi regolari, l-istatus ta’ impjieg jew kuntrattwali tagħhom u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawk ir-relazzjonijiet kuntrattwali hija essenzjali biex tappoġġa lill-ispettorati tax-xogħol, lill-korpi tal-protezzjoni soċjali u lill-awtoritajiet rilevanti l-oħra biex jiddeterminaw b’mod korrett l-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi legali kif ukoll ir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u għalhekk jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għalihom. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet u r-rappreżentanti jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali għal kjarifiki u dettalji addizzjonali, bħad-data bażika dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol fir-rigward tal-ħin tax-xogħol u l-paga.

(43)Ġiet żviluppata sistema estensiva ta’ dispożizzjonijiet għall-infurzar tal-acquis soċjali fl-Unjoni, li elementi tagħha jenħtieġ li jiġu applikati għal din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom aċċess għal soluzzjoni għat-tilwim effettiva u imparzjali u għal dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat. Speċifikament, meta titqies in-natura fundamentali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jenħtieġ li jkomplu jgawdu minn din il-protezzjoni anke wara tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg jew relazzjoni kuntrattwali oħra li tkun wasslet għall-allegat ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.

(44)Ir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappreżentaw persuna waħda jew aktar li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva biex jinfurzaw kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżultaw minn din id-Direttiva. It-tressiq ta’ pretensjonijiet f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ tagħhom huwa mod kif jiġu ffaċilitati l-proċedimenti li inkella ma kinux jitressqu minħabba ostakli proċedurali u finanzjarji jew biża’ ta’ rappreżalji.

(45)Ix-xogħol fuq il-pjattaformi huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ post tax-xogħol komuni fejn il-ħaddiema jkunu jistgħu jsiru jafu lil xulxin u jikkomunikaw ma’ xulxin u mar-rappreżentanti tagħhom, anke bil-għan li jiddefendu l-interessi tagħhom quddiem l-impjegatur. Għalhekk, huwa meħtieġ li jinħolqu kanali ta’ komunikazzjoni diġitali, f’konformità mal-organizzazzjoni tax-xogħol tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin u jiġu kkuntattjati mir-rappreżentanti tagħhom. Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joħolqu dawn il-kanali ta’ komunikazzjoni fi ħdan l-infrastruttura diġitali tagħhom jew b’mezzi effettivi simili, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni tad-data personali u joqogħdu lura milli jaċċessaw jew jimmonitorjaw dawk il-komunikazzjonijiet.

(46)Fil-proċedimenti amministrattivi jew fil-proċeduri ġudizzjarji rigward id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, l-elementi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol li jippermettu l-istabbiliment tal-istatus fl-impjieg u b’mod partikolari jekk il-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikkontrollax ċerti elementi tal-prestazzjoni tax-xogħol jistgħux ikunu fil-pussess tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u mhux faċilment aċċessibbli għall-persuni li jwettqu x-xogħol fuq il-pjattaformi u għall-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti għalhekk ikunu jistgħu jordnaw lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikxef kwalunkwe evidenza rilevanti taħt il-kontroll tagħhom, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, soġġetta għall-miżuri effettivi biex jipproteġu din l-informazzjoni.

(47)Peress li l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u (3) u l-Artikolu (8) ta’ din id-Direttiva jipprevedu regoli speċifiċi fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali tal-impjegati skont it-tifsira tal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679 u li l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva japplika dawk is-salvagwardji anke fil-każ tal-persuni mingħajr kuntratt ta’ impjieg jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jkunu kompetenti biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dawk is-salvagwardji. Jenħtieġ li l-Kapitoli VI, VII u VIII tar-Regolament (UE) 2016/679 japplikaw f’dak li għandu x’jaqsam mal-qafas proċedurali għall-infurzar ta’ dawk is-salvagwardji, b’mod partikolari fir-rigward tas-superviżjoni, tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza, tar-rimedji, tar-responsabbiltà u tal-penali, inkluż il-kompetenza li jiġu imposti multi amministrattivi sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament.

(48)Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet użati fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali u jaffettwaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Għalhekk, dawn iqajmu kwistjonijiet dwar il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll dwar il-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali. L-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u l-awtoritajiet rilevanti tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali għalhekk jenħtieġ li jikkooperaw fl-infurzar ta’ din id-Direttiva, inkluż billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti ma’ xulxin, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data.

(49)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(50)Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u għalhekk ma taffettwax il-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi. Jenħtieġ li d-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jkomplu japplikaw, dment li ma jkunux introdotti dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża sabiex tnaqqas id-drittijiet eżistenti stabbiliti fid-dritt eżistenti tal-Unjoni jew nazzjonali f’dan il-qasam u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

(51)Jenħtieġ li fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jevitaw l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar u medji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw l-impatt tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq in-negozji ġodda u fuq l-intrapriżi żgħar u medji biex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrointrapriżi u lill-piż amministrattiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

(52)L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva. Jenħtieġ li f’konformità mad-dritt u mal-prattika nazzjonali, dawn jieħdu wkoll miżuri adegwati biex jiżguraw li s-sħab soċjali jiġu involuti b’mod effettiv u biex jippromwovu u jsaħħu d-djalogu soċjali bil-għan li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(53)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, 65 l-Istati Membri ntrabtu li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(54)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 66 u ta opinjoni dwar XX XXXX 67 ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta applikazzjoni

1.L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi billi tiżgura d-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tagħhom, billi tippromwovi t-trasparenza, il-ġustizzja u r-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq il-pjattaformi u billi ttejjeb it-trasparenza tax-xogħol fuq il-pjattaformi inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera, filwaqt li tappoġġa l-kondizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni.

2.Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet minimi li japplikaw għal kull persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li għandha, jew li abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti tista’ titqies li għandha, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

F’konformità mal-Artikolu 10, id-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika japplikaw ukoll għal kull persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li ma għandhiex kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg.

3. Din id-Direttiva tapplika għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jorganizzaw xogħol fuq il-pjattaformi mwettaq fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom u irrispettivament mil-liġi li inkella tkun applikabbli.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“pjattaforma tax-xogħol diġitali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz kummerċjali li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)is-servizz hu pprovdut, għall-inqas parti minnu, mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, bħal siti web jew applikazzjonijiet mobbli;

(b)dan hu pprovdut fuq talba ta’ riċevitur tas-servizz;

(c)dan jinvolvi, bħala komponent neċessarju u essenzjali, l-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq minn individwi, irrispettivament minn jekk dak ix-xogħol jitwettaqx online jew f’post partikolari;

(2)“xogħol fuq il-pjattaformi” tfisser kwalunkwe xogħol organizzat permezz ta’ pjattaforma tax-xogħol diġitali u mwettaq fl-Unjoni minn individwu abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali u l-individwu, irrispettivament minn jekk teżistix relazzjoni kuntrattwali bejn l-individwu u r-riċevitur tas-servizz;

(3)“persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi” tfisser kwalunkwe individwu li jwettaq xogħol fuq il-pjattaformi, irrispettivament mid-deżinjazzjoni kuntrattwali tar-relazzjoni bejn dak l-individwu u l-pjattaforma tax-xogħol diġitali mill-partijiet involuti;

(4)“ħaddiem tal-pjattaformi” tfisser kwalunkwe ħaddiem li jwettaq xogħol fuq il-pjattaformi li għandu kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(5)“rappreżentanti” tfisser l-organizzazzjonijiet jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mid-dritt jew mill-prattiki nazzjonali, jew mit-tnejn li huma;

(6)“intrapriżi mikro, żgħar u medji” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u medji kif iddefiniti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 68 .

2. Id-definizzjoni ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali stabbilita fil-paragrafu 1, punt (1), ma għandhiex tinkludi fornituri ta’ servizz li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jisfruttaw jew li jaqsmu l-assi. Għandha tiġi limitata għall-fornituri ta’ servizz li l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom imwettaq mill-individwu tikkostitwixxi mhux biss komponent minuri u purament anċillari.

KAPITOLU II

STATUS FL-IMPJIEG

Artikolu 3

Determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg

1. L-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri xierqa biex jivverifikaw u jiżguraw id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi diġitali, sabiex jaċċertaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u jiġi żgurat li huma jgawdu mid-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

2. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg għandha tkun iggwidata primarjament mill-fatti marbuta mat-twettiq attwali tax-xogħol, fid-dawl tal-użu tal-algoritmi fl-organizzazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi, irrispettivament minn kif tiġi kklassifikata r-relazzjoni fi kwalunkwe arranġament kuntrattwali li seta’ ġie miftiehem bejn il-partijiet involuti. Meta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg tiġi stabbilita abbażi tal-fatti, il-parti li tassumi l-obbligi ta’ impjegatur għandha tiġi identifikata b’mod ċar f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali.

Artikolu 4

Preżunzjoni legali

1. Ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali li tikkontrolla, skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-twettiq tax-xogħol u l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ dik il-pjattaforma għandha tiġi preżunta li tkun relazzjoni ta’ impjieg. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas ta’ miżuri, f’konformità mas-sistemi legali u ġudizzjarji nazzjonali tagħhom.

Il-preżunzjoni legali għandha tapplika fil-proċedimenti amministrattivi u legali rilevanti kollha. L-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti jew li jinfurzawha għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq dik il-preżunzjoni.

2. Il-kontroll tat-twettiq tax-xogħol skont it-tifsira tal-paragrafu 1 għandu jinftiehem li jissodisfa mill-inqas tnejn minn dawn li ġejjin:

(a)id-determinar jew l-iffissar effettiv tal-limiti massimi għal-livell tal-paga;

(b)il-ħtieġa li l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi tħares ir-regoli vinkolanti speċifiċi fir-rigward tad-dehra, tal-kondotta lejn ir-riċevitur tas-servizz jew tat-twettiq tax-xogħol;

(c)is-superviżjoni tat-twettiq tax-xogħol jew verifika tal-kwalità tar-riżultati tax-xogħol inkluż b’mezzi elettroniċi;

(d)it-trażżin effettiv tal-libertà, inkluż permezz ta’ sanzjonijiet, li wieħed jorganizza x-xogħol tiegħu, b’mod partikolari d-diskrezzjoni li wieħed jagħżel il-ħinijiet tax-xogħol tiegħu jew il-perjodi ta’ assenza, li jaċċetta jew li jirrifjuta kompiti jew l-użu ta’ sottokuntratturi jew ta’ sostituti;

(e)it-trażżin effettiv tal-possibbiltà li tinbena bażi ta’ klijenti jew li jitwettaq xogħol għal kwalunkwe parti terza.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ appoġġ li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-preżunzjoni legali msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-impatt fuq in-negozji l-ġodda, jevitaw il-qbid ta’ persuni b’impjieg indipendenti ġenwin u jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. B’mod partikolari għandhom:

(a)jiżguraw li l-informazzjoni fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali tkun disponibbli għall-pubbliku b’mod ċar, komprensiv u aċċessibbli faċilment.

(b)jiżviluppaw gwida għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali, għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u għas-sħab soċjali biex jifhmu u jimplimentaw il-preżunzjoni legali inkluż dwar il-proċeduri biex din tiġi kkonfutata f’konformità mal-Artikolu 5;

(c)jiżviluppaw gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar biex jimmiraw u jsegwu b’mod proattiv il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li mhumiex konformi;

(d)isaħħu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-ispettorati tax-xogħol jew mill-korpi responsabbli għall-infurzar tal-liġi tax-xogħol, filwaqt li jiżguraw li dawn il-kontrolli u l-ispezzjonijiet jkunu proporzjonati u nondiskriminatorji.

4. Fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali li daħlu fihom qabel u li għadhom għaddejja fid-data stabbilita fl-Artikolu 21(1), il-preżunzjoni legali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-perjodu li jibda minn dik id-data.

Artikolu 5

Possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà għal kwalunkwe waħda mill-partijiet biex tikkonfuta l-preżunzjoni legali msemmija fl-Artikolu 4 fil-proċedimenti legali jew amministrattivi jew fit-tnejn li huma.

Meta l-pjattaforma tax-xogħol diġitali targumenta li r-relazzjoni ta’ impjieg ikkonċernata mhix relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ provi għandu jaqa’ fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Dawn il-proċedimenti ma għandux ikollhom effett sospensiv fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali.

Meta l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi targumenta li r-relazzjoni ta’ impjieg ikkonċernata mhix relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membru kkonċernat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tintalab tassisti r-riżoluzzjoni kif suppost tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha.

KAPITOLU III

ĠESTJONI ALGORITMIKA

Artikolu 6

Trasparenza dwar is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-użu tagħhom

1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi u għad-drittijiet tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali u tal-ħaddiema tal-pjattaformi skont id-Direttiva (UE) 2019/1152, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jgħarrfu lill-ħaddiema fuq pjattaformi dwar:

(a)is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ li jintużaw biex jimmonitorjaw, jissorveljaw jew jevalwaw il-prestazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi b’mezzi elettroniċi;

(b)is-sistemi awtomatizzati tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jintużaw biex jieħdu deċiżjonijiet jew jappoġġawhom li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk il-ħaddiema tal-pjattaformi, b’mod partikolari l-aċċess għall-inkarigi tax-xogħol tagħhom għall-qligħ tagħhom, għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom, għall-ħin tax-xogħol tagħhom, għall-promozzjoni tagħhom u għall-istatus kuntrattwali tagħhom, inkluż ir-restrizzjoni, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-kont tagħhom.

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonċerna:

(a)fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ:

(i)il-fatt li dawn is-sistemi qegħdin jintużaw jew qegħdin fil-proċess li jiġu introdotti;

(ii)il-kategoriji tal-azzjonijiet monitorjati, sorveljati jew evalwati minn dawn is-sistemi, inkluż l-evalwazzjoni mir-riċevitur tas-servizz;

(b)fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet:

(i)il-fatt li dawn is-sistemi qegħdin jintużaw jew qegħdin fil-proċess li jiġu introdotti;

(ii)il-kategoriji tad-deċiżjonijiet li jittieħdu jew li huma appoġġati minn dawn is-sistemi;

(iii)il-parametri ewlenin li dawn is-sistemi jqisu u l-importanza relattiva ta’ dawk il-parametri ewlenin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatiku, inkluż il-mod li fih id-data personali jew l-imġiba tal-ħaddiem tal-pjattaformi tinfluwenza d-deċiżjonijiet;

(iv)ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet biex jirrestrinġu, jissospendu jew jitterminaw il-kont tal-ħaddiem tal-pjattaformi, biex jirrifjutaw ir-remunerazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiem tal-pjattaformi, dwar l-istatus kuntrattwali tal-ħaddiem tal-pjattaformi jew kwalunkwe deċiżjoni b’effetti simili.

3. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fl-għamla ta’ dokument li jista’ jkun f’format elettroniku. Dawn għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni sa mhux aktar tard mill-ewwel ġurnata tax-xogħol, kif ukoll f’każ ta’ bidliet sostanzjali jew fi kwalunkwe ħin fuq talba tal-ħaddiema tal-pjattaformi. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod konċiż, trasparenti, li jinftiehem u aċċessibbli faċilment, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi.

4. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi u għall-awtoritajiet tax-xogħol nazzjonali fuq talba tagħhom.

5. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma għandhomx jipproċessaw kwalunkwe data personali li tikkonċerna l-ħaddiema tal-pjattaformi li mhijiex intrinsikament konnessa mal-prestazzjoni tal-kuntratt bejn il-ħaddiem tal-pjattaformi u l-pjattaforma tax-xogħol diġitali jew strettament meħtieġa minnha. B’mod partikolari, ma għandhomx:

(a)jipproċessaw kwalunkwe data personali dwar l-istat emottiv jew psikoloġiku tal-ħaddiem tal-pjattaformi;

(b)jipproċessaw kwalunkwe data personali marbuta mas-saħħa tal-ħaddiem tal-pjattaformi, għajr f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2), il-punti (b) sa (j) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(c)jipproċessaw kwalunkwe data personali marbuta mal-konverżazzjonijiet privati, inkluż l-iskambji mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi;

(d)jiġbru kwalunkwe data personali filwaqt li l-ħaddiem tal-pjattaformi mhux joffri jew iwettaq xogħol fuq il-pjattaformi.

Artikolu 7

Monitoraġġ mill-bniedem tas-sistemi awtomatizzati

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jimmonitorjaw u jevalwaw regolarment l-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol.

2. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE u għad-direttivi relatati fil-qasam tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom:

(a)jevalwaw ir-riskji tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-pjattaformi, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji possibbli tal-aċċidenti relatati max-xogħol, tar-riskji psikosoċjali u ergonomiċi;

(b)jivvalutaw jekk is-salvagwardji ta’ dawk is-sistemi humiex xierqa għar-riskji identifikati fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ambjent tax-xogħol;

(c)jintroduċu miżuri preventivi u ta’ protezzjoni xierqa.

Huma ma għandhomx jużaw is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bi kwalunkwe mod li jpoġġi pressjoni bla bżonn fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi jew inkella jpoġġi fir-riskju s-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema tal-pjattaformi.

3. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiżguraw biżżejjed riżorsi umani għall-monitoraġġ tal-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-persuni assenjati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali bil-funzjoni tal-monitoraġġ għandu jkollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni. Huma għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni mis-sensja, mill-miżuri dixxiplinarji jew minn kwalunkwe trattament negattiv ieħor għat-tħassir tad-deċiżjonijiet awtomatizzati jew għas-suġġerimenti għad-deċiżjonijiet.

Artikolu 8

Rieżami uman ta’ deċiżjonijiet sinifikanti

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema tal-pjattaformi jkollhom id-dritt li jiksbu spjegazzjoni mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda jew appoġġata minn sistema awtomatizzata ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li taffettwa b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem tal-pjattaformi, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b). B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lill-ħaddiema tal-pjattaformi b’aċċess għal persuna ta’ kuntratt deżinjata mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tiddiskuti dwar il-fatti, iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni u tikkjarifikahom. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jiżguraw li dawn il-persuni ta’ kuntatt għandhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu lill-ħaddiem tal-pjattaformi dikjarazzjoni bil-miktub bir-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda jew appoġġata minn sistema awtomatizzata għat-teħid ta’ deċiżjonijiet biex jirrestrinġu, jissospendu jew jitterminaw il-kont tal-ħaddiem tal-pjattaformi, kwalunkwe deċiżjoni biex jirrifjutaw ir-remunerazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiem tal-pjattaformi, kwalunkwe deċiżjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-ħaddiem tal-pjattaformi jew kwalunkwe deċiżjoni b’effetti simili.

2. Meta l-ħaddiema tal-pjattaformi ma jkunux sodisfatti bl-ispjegazzjoni jew bid-dikjarazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet miksuba jew iqisu li d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tikser drittijiethom, għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tirrieżamina dik id-deċiżjoni. Il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha twieġeb għal din it-talba billi tipprovdi lill-ħaddiem tal-pjattaformi bi tweġiba sostanzjata mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimgħa minn meta tasal it-talba.

Fir-rigward tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma intrapriżi mikro, żgħar u medji, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-iskadenza għal tweġiba msemmija fl-ewwel subparagrafu tiġi estiża b’ġimagħtejn.

3. Meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tikser id-drittijiet tal-ħaddiem tal-pjattaformi, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tirrettifika dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien jew, fejn din ir-rettifika mhix possibbli, toffri kumpens adegwat.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ sensja stabbiliti fid-dritt nazzjonali.

Artikolu 9

Informazzjoni u konsultazzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi skont id-Direttiva 2002/14/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi jew, fejn ma jkunx hemm dawn ir-rappreżentanti, tal-ħaddiema tal-pjattaformi kkonċernati mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali, dwar deċiżjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-introduzzjoni tal-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew għat-tibdil sostanzjali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 6(1), f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “informazzjoni” u ta’ “konsultazzjoni” kif stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti (f) u (g) tad-Direttiva 2002/14/KE. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4(1), (3) u (4), fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE għandhom japplikaw kif xieraq.

3. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi jew il-ħaddiema tal-pjattaformi kkonċernati jistgħu jiġu megħjuna minn espert tal-għażla tagħhom, dment li dan hu meħtieġ sabiex huma jeżaminaw il-kwistjoni li hi s-suġġett tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni u biex isawru opinjoni. Meta pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha aktar minn 500 ħaddiem tal-pjattaformi fi Stat Membru, il-kostijiet tal-espert għandhom jitħallsu mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali, sakemm ikunu proporzjonati.

Artikolu 10

Persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma għandhomx relazzjoni ta’ impjieg

1. L-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u (3) u l-Artikolu 8 għandhom japplikaw ukoll għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg.

2. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/1150. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu f’kunflitt ma’ xi dispożizzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 fir-rigward tal-utenti kummerċjali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom jipprevalu u għandhom japplikaw għal dawn l-utenti kummerċjali. L-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva ma għandux japplika għall-utenti kummerċjali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/1150.

KAPITOLU IV

TRASPARENZA TAX-XOGĦOL FUQ IL-PJATTAFORMI

Artikolu 11

Dikjarazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi

Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 69 , u 987/2009 70 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma impjegaturi biex jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xogħol u li jaqsmu d-data rilevanti ma’ dawn l-awtoritajiet, f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stipulati fid-dritt tal-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 12

Aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

1. Meta l-awtoritajiet tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u oħra rilevanti jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi legali applikabbli għall-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u meta r-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jpoġġu dan it-tagħrif li ġej għad-disponibbiltà tagħhom:

(a)l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata fuq bażi regolari u l-istatus kuntrattwali jew l-istatus fl-impjieg tagħhom;

(b)it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawk ir-relazzjonijiet kuntrattwali, sakemm dawn it-termini u l-kondizzjonijiet huma determinati b’mod unilaterali mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali u li japplikaw għal għadd kbir ta’ relazzjonijiet kuntrattwali.

2. L-informazzjoni għandha tiġi prevista għal kull Stat Membru fejn il-persuni jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata kull sitt xhur, u, fir-rigward tal-paragrafu 1(b), kull darba li t-termini u l-kondizzjonijiet huma emendati.

3. L-awtoritajiet ta’ xogħol, ta’ protezzjoni soċjali u oħra rilevanti u r-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għandhom id-dritt jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali aktar kjarifiki u dettalji fir-rigward ta’ kwalunkwe data pprovduta. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jagħtu rispons għal din it-talba f'perjodu ta’ żmien raġonevoli billi jipprovdu tweġiba sostanzjata.

4. Fir-rigward tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma intrapriżi mikro, żgħar u medji, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-perjodiċità għall-aġġornament tal-informazzjoni titnaqqas għal darba f’sena, f’konformità mal-paragrafu 2.

KAPITOLU V

RIMEDJI U INFURZAR

Artikolu 13

Dritt għal rimedju

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 79 u 82 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg jew relazzjoni kuntrattwali oħra tagħhom intemmet, għandhom aċċess għal soluzzjoni għat-tilwim effettiva u għad-dritt għal rimedju, inkluż għal kumpens adegwat, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Proċeduri f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għalihom

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew entitajiet legali oħra għandhom, f’konformità mal-kriterji stipulati mid-dritt jew prattika nazzjonali, interess leġittimu biex jaqbżu għad-drittijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jistgħu jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva biex jinfurzaw kwalunkwe drittijiet jew obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Huma jistgħu jaġixxu f’isem il-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għaliha f’każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżulta minn din id-Direttiva, bl-approvazzjoni ta’ dik il-persuna.

2. Ir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għandu jkollhom ukoll id-dritt li jaġixxu f’isem bosta persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni ta’ dawk il-persuni.

Artikolu 15

Kanali ta’ komunikazzjoni għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joħolqu l-possibbiltà għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi biex jikkuntattjaw jew jikkomunikaw ma’ xulxin, u biex jiġu kkuntattjati minn rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, permezz tal-infrastrutturi diġitali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jew ta’ mezzi effettivi simili, filwaqt li jikkonformaw mal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali joqogħdu lura milli jaċċessaw jew jimmonitorjaw dawk il-kuntatti u komunikazzjonijiet.

Artikolu 16

Aċċess għall-evidenza

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċedimenti li jikkonċernaw pretensjoni rigward id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jordnaw lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tikxef kwalunkwe evidenza rilevanti li tkun tinsab fil-kontroll tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw l-iżvelar ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għat-talba. Huma għandhom jiżguraw li, meta jordnaw l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu din l-informazzjoni.

3. Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jmantnu jew jintroduċu regoli li huma aktar favorevoli għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi.

Artikolu 17

Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

L-Istati Membri għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-ħaddiema li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż dawk li jkunu rappreżentanti tagħhom, minn kwalunkwe trattament negattiv min-naħa tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.

Artikolu 18

Protezzjoni mis-sensja     

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu s-sensja jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, fuq il-bażi li eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.

2. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jqisu li ġew mkeċċija, jew li kienu soġġetti għal miżuri b’effett ekwivalenti, minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, jistgħu jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għas-sensja jew miżuri ekwivalenti. Il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi msemmija fil-paragrafu 2 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm din is-sensja jew miżuri ekwivalenti, għandha tkun il-pjattaforma tax-xogħol diġitali li turi li s-sensja jew miżuri ekwivalenti ġew ibbażati fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

4. Il-paragrafu 3 ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi diġitali.

5. L-Istati Membri ma għandhomx jintalbu japplikaw il-paragrafu 3 għal proċedimenti fejn huwa f'idejn il-qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6. Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istat Membru.

Artikolu 19

Sorveljanza u penali

1. L-awtorità superviżorja jew l-awtoritajiet responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 7(1) u (3) u tal-Artikoli 8 u 10 ta’ din id-Direttiva, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Kapitoli VI, VII u VIII tar-Regolament (UE) 2016/679. Huma għandu jkollhom il-kompetenza li jimponu multi amministrattivi sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament.

2.L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ xogħol u ta’ protezzjoni soċjali għandhom, fejn rilevanti, jikkooperaw fl-infurzar ta’ din id-Direttiva, fl-ambitu tal-mandat tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fejn jitqajmu mistoqsijiet dwar l-impatt tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew fuq id-drittijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Għal dak il-fini, dawk l-awtoritajiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti ma’ xulxin, inkluż l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-ispezzjonijiet jew tal-investigazzjonijiet, meta tiġi mitluba jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 jew tad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1. Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fl-Istati Membri.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, jew li jħeġġu jew jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, f’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva. Fir-rigward tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li mhumiex f’relazzjoni ta’ impjieg, dan il-paragrafu għandu japplika biss sakemm dawn ir-regoli nazzjonali huma kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.

3.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi minn atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 21

Traspożizzjoni u implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li jimplimentaw din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva.

Artikolu 22

Rieżami mill-Kummissjoni

Sa [ħames snin mid-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali fuq livell tal-Unjoni u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, u fid-dawl tal-impatt fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(2)    Il-prinċipju 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)    Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024. “Unjoni li tirsisti għal aktar. L-aġenda tiegħi għall-Ewropa.” Disponibbli online .
(4)    Kif definit f’din il-proposta għal direttiva.
(5)    De Groen W., Kilhoffer Z., Westhoff L., Postica D. u Shamsfakhr F. (2021). Digital Labour Platforms in the EU: Mapping and Business Models. Disponibbli online .
(6)    PPMI (2021), Study to support the impact assessment of an EU initiative on improving working conditions in platform work. Disponibbli online .
(7)    De Groen W., et al. (2021).
(8)    PPMI (2021).
(9)    Ibid.
(10)    Ara l-valutazzjoni tal-impatt mehmuża, it-Taqsima 2.1. SWD(2021) 396.
(11)    Xi strumenti jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni personali b’referenza għal definizzjonijiet nazzjonali ta’ “ħaddiem” jew “impjegat” filwaqt li oħrajn ma jinkludux din ir-referenza. Il-QĠUE żviluppat ġurisprudenza komprensiva li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawk l-istrumenti
(12)    Id-Direttivi 2000/43, 2000/78, 2006/54 u 2010/41.
(13)    Id-Direttiva (UE) 2019/1152. L-Istati Membri għandhom sal-1 ta’ Awwissu 2022 biex jittrasponuha.
(14)    Id-Direttiva (UE) 2019/1158.
(15)    Id-Direttiva 92/85/KEE.
(16)    Id-Direttiva 2003/88/KE.
(17)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Frar 2018 f’Ville de Nivelles vs Rudy Matzak, C-518/15 , ECLI: EU:C:2018:82; ikkonfermata u elaborata fis-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2021 f’RJ vs Stadt Offenbach am Main, C-580/19, ECLI:EU:C:2021:183; u tad-9 ta’ Marzu 2021 f’-D.J. v Radiotelevizija Slovenija, C-344/19, ECLI:EU:C:2021:182.
(18)    Id-Direttiva 2008/104/KE.
(19)    Id-Direttiva 89/391/KEE.
(20)    Id-Direttiva 2002/14/KE.
(21)    COM(2020) 682 final.
(22)    COM(2021) 93 final.
(23)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta’ Mejju 2004 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 987/2009 tiegħu.
(24)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 Novembru ta’ Frar 2019 (2019/C 387/01).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2019/1150.
(26)    Ir-Regolament (UE) 2016/679.
(27)    ECE, Ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali fl-Ewropa dwar il-ġestjoni algoritmika fuq il-post tax-xogħol (dalwaqt).
(28)    COM(2021) 206 final.
(29)    QĠUE, il-kawżi C-256/01, Allonby, u C-413/13, FNV Kunsten Informatie en Media.
(30)    ECE, Case Law on the Classification of Platform Workers: Cross-European Comparative Analysis and Tentative Conclusions (2021). Disponibbli online .
(31)    PPMI (2021), section 7.1.
(32)    Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni, C(2020) 1127 final.
(33)    Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni, C (2020) 4230 final, akkumpanjat mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2021) 143 final.
(34)    Ara l-Anness A.3.1 tal-Valutazzjoni tal-Impatt, SWD (2021) 396.
(35)    Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti, drittijiet u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi - Forom ġodda ta’ impjieg marbuta mal-iżvilupp diġitali.” (2019/2186(INI)). Disponibbli online .
(36)    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-Futur tax-Xogħol: l-Unjoni Ewropea tippromwovi d-Dikjarazzjoni Ċentinarja tal-ILO”, Ottubru 2019; Disponibbli online . F’Diċembru 2020, il-ministri tal-UE għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali kellhom dibattitu dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi fejn irrikonoxxew li x-xogħol fuq il-pjattaformi huwa fenomenu internazzjonali b’dimensjoni transfruntiera qawwija, u li għalhekk hemm rwol għall-UE biex tindirizza l-isfidi relatati.
(37)    Opinjoni tal-KESE: “Fair work in the platform economy” (Kondizzjonijiet tax-xogħol ekwi fl-ekonomija tal-pjattaformi),(Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Ġermaniża). Disponibbli online .
(38)    Opinjoni tal-KtR: Xogħol fuq il-pjattaformi – l-isfidi regolatorji lokali u reġjonali. Disponibbli online .
(39)    Disponibbli online .
(40)    Disponibbli online .
(41)    Disponibbli online .
(42)    Sinteżi disponibbli online .
(43)    Disponibbli online .
(44)    Għadu mhux disponibbli.
(45)    Disponibbli online .
(46)    Disponibbli online .
(47)    Disponibbli online .
(48)    Disponibbli online .
(49)    SWD(2021) 396.
(50)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(51)    ĠU C , , p.    
(52)    ĠU C , , p. .
(53)    Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).
(54)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” COM(2021) 102 final, 4.3.2021.
(55)    Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(56)    Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(57)    Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(58)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (2019/C 387/01) (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(59)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(60)    Id-Direttiva (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
(61)    COM(2021) 206 final, 21.4.2021.
(62)    Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum vs Land Baden-Württemberg, C-66/85, ECLI:EU:C:1986:284; l-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère vs Premier ministre u Oħrajn, C-428/09, ECLI:EU:C:2010:612; l-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media vs Staat der Nederlanden, C-413/13, ECLI:EU:C:2014:2411; id-9 ta’ Lulju 2015, Ender Balkaya vs Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH, C-229/14, ECLI:EU:C:2015:455; is-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik gGmbH vs Ruhrlandklinik gGmbH, C-216/15, ECLI:EU:C:2016:883; is-16 ta’ Lulju 2020, UX vs Governo della Repubblica italiana, C-658/18, ECLI:EU:C:2020:572; u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 2020, B vs Yodel Delivery Network Ltd, C-692/19, ECLI:EU:C:2020:288.
(63)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (OJ L 183, 29.6.1989, p. 1).
(64)    Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).
(65)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(66)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(67)    
(68)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(69)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(70)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
Top