IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.11.2021
COM(2021) 731 final
2021/0381(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2021) 575 final} - {SWD(2021) 355 final} - {SWD(2021) 356 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta għandha l-għan l-ewwel u qabel kollox li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għar-reklamar politiku billi tistabbilixxi regoli armonizzati għal livell għoli ta’ trasparenza tar-reklamar politiku u tas-servizzi relatati. Dawn ir-regoli se japplikaw għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku.
Għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali billi tistabbilixxi regoli dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tar-reklamar politiku. Dawn ir-regoli se japplikaw għall-kontrolluri kollha – jiġifieri, lil hinn mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku, li jużaw tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni bħal dawn.
Minħabba li normalment jiġi pprovdut bi ħlas, ir-reklamar, inkluż ir-reklamar politiku, jikkostitwixxi attività ta’ servizz skont l-Artikolu 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Dan japplika wkoll għal attivitajiet differenti relatati mar-reklamar politiku, inkluża t-tħejjija tal-kontenut u tal-kampanji, it-tqegħid tiegħu b’mezz ta’ distribuzzjoni u l-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tiegħu. B’riżultat ta’ dan, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-UE li jipprovdu dawn is-servizzi bejn il-fruntieri jgawdu l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi, li huma fost il-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-UE. Il-provvista transfruntiera ta’ servizzi tinvolvi l-libertà li jiġu offruti u pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor apparti l-Istat Membru ta’ stabbiliment. Tinvolvi wkoll il-libertà li jiġu riċevuti servizzi bejn il-fruntieri. Il-moviment liberu tas-servizz jinkludi mhux biss sitwazzjonijiet fejn il-fornitur jew ir-riċevitur jiċċaqlaq bejn il-fruntieri, iżda wkoll sitwazzjonijiet fejn is-servizz jiġi pprovdut bejn il-fruntieri. Il-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar hija rregolata b’modi differenti fid-diversi Stati Membri, skont il-media użata għall-pubblikazzjoni jew għad-disseminazzjoni tar-reklamar (eż. il-media stampata, dik awdjoviżiva, il-pjattaformi online, eċċ.) u l-finijiet segwiti mir-regoli applikabbli (eż. il-protezzjoni tal-konsumatur). Is-servizzi ta’ reklamar politiku huma soġġetti għal regoli speċifiċi addizzjonali li jimponu obbligi fuq l-isponsors – b’mod partikolari l-atturi politiċi – u l-fornituri tas-servizzi.
Is-servizzi ta’ reklamar politiku fl-UE qed jiżviluppaw. It-tkabbir ġenerali u ż-żieda partikolarment sinifikanti fis-servizzi online rilevanti, f’kuntest ta’ regolamentazzjoni infurzata b’mod mhux uniformi u frammentata, wassal għal tħassib li s-suq intern bħalissa ma huwiex attrezzat biex jipprovdi reklamar politiku bi standard għoli ta’ trasparenza biex jiġi żgurat proċess demokratiku ġust u miftuħ fl-Istati Membri kollha. Dan it-tħassib dwar lakuni regolatorji u trasparenza insuffiċjenti diġà wassal lil xi Stati Membri biex jintervjenu b’miżuri, u oħrajn qed jippjanaw li jintervjenu, iżda l-azzjoni fil-livell nazzjonali ma tistax tnaqqas il-lakuni fl-infurzar transfruntier.
Ir-regolamentazzjoni nazzjonali tar-reklamar politiku timponi obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jikkundizzjonaw id-disponibbiltà tar-reklamar politiku u jiddeterminaw l-elementi tal-kontenut tiegħu biex jipprovdi trasparenza speċifika. Dawn ir-regoli nazzjonali għandhom l-għan, inter alia, li jiżguraw ir-responsabbiltà u l-organizzazzjoni ġenerali ta’ proċess politiku ġust u miftuħ, inkluż billi jappoġġaw il-monitoraġġ tal-konformità tal-atturi politiċi mal-obbligi rilevanti. Dawn ir-regoli nazzjonali huma frammentati b’mod sinifikanti, inkluż fir-rigward tad-definizzjonijiet rilevanti u n-natura tal-obbligi.
Id-definizzjonijiet frammentati tar-reklamar politiku madwar l-Istati Membri jippreżentaw sfidi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ jekk ir-reklamar jikkwalifikax bħala politiku. Hemm differenzi sostanzjali fil-kamp ta’ applikazzjoni u fis-sustanza tal-obbligi ta’ trasparenza applikabbli għall-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi marbuta mar-reklamar politiku fl-Istati Membri u bejn l-Istati Membri, skont il-mezzi u t-tradizzjonijiet politiċi nazzjonali, li jwasslu għal frammentazzjoni. Xi Stati Membri jipprojbixxu biss ir-reklamar politiku anonimu, oħrajn jeħtieġu li fuq ir-reklam tintwera informazzjoni speċifika dwar il-finanzjament jew dwar l-identità tal-sponsor, u xi Stati Membri għandhom rekwiżiti dwar it-tikkettar tar-reklamar politiku jew li jkun hemm separazzjoni ċara bejn ir-reklamar u l-kontenut editorjali.
Bidliet teknoloġiċi – b’mod partikolari fl-ambjent online, li ppermetta l-proliferazzjoni ta’ media ġdida u metodi ta’ finanzjament differenti, it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku – ifframmentaw is-sitwazzjoni, u għamlu l-kwistjonijiet marbuta mal-monitoraġġ u l-infurzar, aktar kumplessi. Xi drabi ma jkunx ċar jekk ir-rekwiżiti, li jistgħu jiġu stabbiliti minn regoli ġenerali li jinsabu fil-liġijiet elettorali, japplikawx għall-media kollha inkluż fl-ambjent online, li huwa sors ta’ inċertezza legali ulterjuri għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku.
Din il-frammentazzjoni se tiżdied hekk kif l-Istati Membri jiżviluppaw regoli ġodda biex jindirizzaw il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tar-reklamar politiku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi. Ir-regoli nazzjonali ad hoc ġodda x’aktarx li jżidu l-frammentazzjoni tal-elementi essenzjali ta’ trasparenza, bħal dwar l-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata u l-format tagħha, u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti. Dan x’aktarx li jkompli jnaqqas iċ-ċertezza legali, kemm għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku kif ukoll għall-isponsors tar-reklami.
Din il-frammentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza toħloq ostakli għall-provvista ta’ servizzi. Din tinvolvi spejjeż speċifiċi ta’ konformità għall-fornituri tas-servizzi li jeħtieġ li jinvestu fid-determinazzjoni tal-istandards applikabbli u fl-adattament tar-reklamar għall-ġuriżdizzjonijiet differenti filwaqt li tkun ukoll sors ta’ inċertezza legali dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza li japplikaw għar-reklamar politiku. Din il-frammentazzjoni tillimita wkoll il-possibbiltà għall-fornituri tas-servizzi li jistgħu joffru s-servizzi tagħhom relatati mar-reklamar politiku fi Stati Membri differenti, milli jidħlu fis-suq fi Stati Membri oħra jew milli jiżviluppaw servizzi ġodda. Għalhekk hija tillimita wkoll il-possibbiltajiet għar-riċevituri tas-servizzi fis-suq intern u tirrestrinġi l-possibbiltajiet u l-għażla għall-kampanji transfruntieri. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) b’mod partikolari jistgħu ma jkollhomx il-kapaċità li jlaħħqu mad-determinazzjoni u mal-adattament għar-rekwiżiti u għall-proċeduri nazzjonali differenti kollha. Matul il-konsultazzjoni li saret bi tħejjija għal din il-proposta, il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku esprimew tħassib dwar dawn l-ostakli.
Dan għandu wkoll impatt fuq iċ-ċittadini u l-awtoritajiet kompetenti, peress li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku u l-fornituri tas-servizzi relatati jistgħu jkunu jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikunu ċ-ċittadini li jkunu qed jiltaqgħu mar-reklamar politiku u dan joħloq kwistjonijiet speċifiċi relatati mas-sorveljanza.
Il-bidla teknoloġika rapida, il-kuntest regolatorju dejjem aktar frammentat u problematiku, u l-ammonti dejjem jiżdiedu li qed jintefqu fuq ir-reklamar politiku juru l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi ta’ reklamar politiku madwar l-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat standard għoli ta’ trasparenza li jagħmel il-proċessi elettorali fl-UE aktar miftuħa u ġusti.
Il-miżuri proposti huma bbażati fuq l-analiżi tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew ippjanata tal-Istati Membri fil-qasam tar-reklamar politiku.
Fid-dawl tal-kuntest li għadu kif ġie deskritt, din il-proposta għandha tipprevedi rekwiżit ta’ trasparenza armonizzat applikabbli għall-atturi ekonomiċi li jipprovdu reklamar politiku u servizzi relatati (jiġifieri attivitajiet li normalment jiġu pprovduti għal remunerazzjoni), relatati mat-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku, jew mar-reklamar immirat lejn iċ-ċittadini fi Stat Membru.
Din il-proposta għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali billi tistabbilixxi regoli dwar l-użu tal-immirar fil-kuntest tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku.
Id-data personali miġbura direttament miċ-ċittadini jew meħuda permezz tal-attività online tagħhom u t-tfassil ta’ profili tal-imġiba u analiżi oħra, jintużaw biex jimmiraw messaġġi politiċi lejn iċ-ċittadini billi jidderieġu r-reklamar lejn il-gruppi u biex jamplifikaw l-impatt u ċ-ċirkolazzjoni tagħhom billi jadattaw il-kontenut u d-disseminazzjoni tiegħu abbażi tal-karatteristiċi ddeterminati permezz tal-ipproċessar ta’ din id-data personali u l-analiżi tagħhom. L-ipproċessar tad-data personali għal finijiet bħal dawn, b’mod partikolari data meqjusa sensittiva skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725, ġie osservat li għandu effetti negattivi speċifiċi fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, inklużi l-libertajiet ta’ opinjoni u ta’ informazzjoni tagħhom, biex jieħdu deċiżjonijiet politiċi u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom. Xi Stati Membri ppruvaw ukoll, jew qed jikkunsidraw, intervent fir-rigward tal-immirar. F’kuntest fejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar il-moviment liberu ta’ tali data huma armonizzati, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata protezzjoni addizzjonali speċifika tad-data personali meta tintuża fil-kuntest tal-immirar tar-reklamar politiku.
Għalhekk, din il-proposta għandha tindirizza wkoll l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, tad-disseminazzjoni jew tal-promozzjoni tar-reklamar politiku li jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali mill-kontrolluri kollha - jiġifieri, lil hinn mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku.
Il-ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati tħabbret fil-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni u hija konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (“EDAP”) ippreżentat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020. Il-Pjan ta’ Azzjoni rrikonoxxa l-ħtieġa għal aktar trasparenza fir-reklamar u l-komunikazzjoni politiċi, u l-attivitajiet kummerċjali relatati magħhom, sabiex iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet responsabbli jkunu jistgħu jaraw b’mod ċar is-sors u l-fini ta’ dan ir-reklamar.
Huwa meħtieġ li dawn il-miżuri jitpoġġew fis-seħħ fl-2023 sabiex ikunu effettivi qabel l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta tikkomplementa l-proposta għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (“DSA”), li tinkludi ċerti obbligi ġenerali ta’ trasparenza għall-intermedjarji online fir-rigward tat-trasparenza tar-reklamar online, u l-qafas usa’ tal-UE għas-suq tas-servizzi diġitali. Din se tkopri kemm l-attivitajiet online kif ukoll dawk offline. Meta mqabbla mad-DSA, din tespandi l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati fil-kuntest tar-reklamar politiku, kif ukoll l-ambitu tal-fornituri tas-servizzi rilevanti kkonċernati. Filwaqt li d-DSA timponi rekwiżiti ta’ trasparenza fuq il-pjattaformi online, din l-inizjattiva tkopri l-ispettru kollu tal-pubblikaturi tar-reklamar politiku, kif ukoll fornituri ta’ servizzi rilevanti oħra involuti fit-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku. Hemm komplementarjetà u sinerġiji mar-rekwiżit skont id-DSA li jkun hemm valutazzjonijiet tar-riskji sistemiċi minn pjattaformi online kbar ħafna li jirriżultaw mill-funzjonament u mill-użu ta’ sistemi għall-għażla u l-wiri tar-reklamar, b’effetti reali jew prevedibbli relatati mal-proċessi elettorali.
Il-proposta hija konformi mal-pakkett elettorali ppreżentat f’Settembru 2018 inkluża r-Rakkomandazzjoni dwar in-networks ta’ kooperazzjoni elettorali, it-trasparenza online, il-protezzjoni kontra l-inċidenti taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra kampanji ta’ diżinformazzjoni, li tippromwovi l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni biex tiġi protetta l-elezzjoni u fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi li għandhom l-għan li jrawmu t-trasparenza tal-komunikazzjoni politika kif ukoll il-gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data li tappoġġa l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.
Ir-Regolament (UE) 2016/679 u regoli oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza tal-komunikazzjonijiet (inkluż ir-Regolament (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE) diġà japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku. Dan ir-Regolament propost jibni fuq u jikkomplementa d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku li jinsab fir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725. Dan jikkodifika l-elementi tal-gwida pprovduta mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data billi jagħmel obbligatorja, fil-kuntest tar-reklamar politiku, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data (is-sors tad-data u l-loġika involuti).
Dan jibni wkoll fuq il-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, li jistabbilixxi impenji minn pjattaformi online fir-rigward tat-trasparenza tar-reklamar politiku u tar-reklamar ibbażat fuq il-ħruġ u li bħalissa qed jiġi rivedut mill-firmatarji eżistenti tal-Kodiċi u mill-firmatarji prospettivi, f’konformità mal-Gwida tal-Kummissjoni għat-Tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika. L-impenji u l-azzjonijiet meħuda skont il-Kodiċi ta’ Prattika għandhom iqarrbu lejn il-leġiżlazzjoni attwali b’soluzzjonijiet prattiċi mmexxija mill-industrija. Ladarba tiġi adottata l-leġiżlazzjoni attwali, il-firmatarji tal-Kodiċi għandhom jimplimentaw u jikkomplementaw ir-regoli tiegħu fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Prattika wkoll.
Sa fejn dawn l-obbligi jaqgħu taħt il-kompetenza tar-regolaturi maħtura f’dawn l-oqfsa eżistenti, għandhom jiġu mmonitorjati u infurzati mill-istess korpi, u kkoordinati bejn l-istrutturi ta’ kooperazzjoni Ewropej eżistenti u previsti rilevanti, inkluż il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, li ġie stabbilit fl-2018 u li jiġbor flimkien il-punti ta’ kuntatt tal-elezzjonijiet nazzjonali magħmula minn awtoritajiet differenti, b’kompetenza fil-qasam tas-suġġett, għandu jipprovdi qafas biex jappoġġa koordinazzjoni u skambju aħjar dwar l-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tar-reklamar politiku.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija wkoll relatata mill-qrib mal-ħidma li qed issir fuq l-inizjattivi l-oħra fil-pakkett tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u d-demokrazija.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija jinkludi għadd ta’ inizjattivi li jgħinu fil-protezzjoni tal-integrità tal-elezzjonijiet u fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika. Dan jibni, fost l-oħrajn, fuq l-esperjenza miġbura fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pakkett Elettorali tal-Kummissjoni tal-2018, u l-ħidma tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet.
Din il-proposta tikkomplementa wkoll il-proposta li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-emenda għal dan ir-Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fiha regoli speċifiċi li għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-Partijiet Politiċi Ewropej jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ trasparenza meta jiddisseminaw r-reklamar politiku.
Fl-aħħar nett, din il-proposta hija f’sinerġija mal-isforzi mmexxija mill-UE esternament, fil-qasam tal-osservazzjoni elettorali (Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE u s-segwitu tagħhom). Il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali (MOEs) jivvalutaw ir-reklamar politiku online matul il-kampanji elettorali u jistgħu jirrakkomandaw miżuri biex itejbu l-qafas regolatorju tagħhom matul proċess elettorali. L-Unjoni Ewropea mbagħad tagħti pariri u tappoġġa lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, flimkien ma’ sħab internazzjonali. Ġew żviluppati linji gwida komuni dwar l-osservazzjoni tal-kampanja online fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji (DoP) għall-Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali approvata min-NU.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-proposta hi fl-ewwel lok l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din id-dispożizzjoni tippermetti miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. Dan huwa l-bażi ġuridika xierqa għal intervent li jkopri l-fornituri tas-servizzi fis-suq intern u li jindirizza d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li jxekklu l-libertajiet fundamentali u li għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.
Fil-liġijiet nazzjonali jeżistu u qed jiżviluppaw differenzi, minħabba li xi Stati Membri lleġiżlaw jew għandhom l-intenzjoni li jilleġiżlaw dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza applikabbli għas-servizzi ta’ reklamar politiku. Din is-sitwazzjoni toħloq frammentazzjoni regolatorja inkwantu r-regoli li jindirizzaw it-trasparenza tas-servizzi ta’ reklamar politiku jvarjaw fl-elementi speċifiċi ta’ trasparenza li jeħtieġu (l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata b’reklam u l-format tiegħu) u l-ambitu tagħhom (it-tipi tar-reklamar ikkunsidrati bħala politiċi u l-media indirizzata) u jżidu l-ispejjeż ta’ konformità għall-fornituri tas-servizzi li joperaw fis-suq intern. Mingħajr azzjoni fil-livell tal-Unjoni, dan se jkompli jiġi aggravat bl-adozzjoni ta’ inizjattivi ġodda f’xi Stati Membri, filwaqt li fi Stati Membri oħra t-trasparenza tas-servizzi ta’ reklamar politiku tibqa’ mhux indirizzata. Għalhekk, l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa u l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika rilevanti għal din l-inizjattiva. Din l-inizjattiva se tneħħi ċerti ostakli eżistenti relatati mat-trasparenza u se ttejjeb b’mod ġenwin il-funzjonament tas-suq intern. Ma huwiex meħtieġ għall-funzjonament tas-suq intern u lanqas ma huwa xieraq fid-dawl tal-kompetenzi tal-Unjoni, li jkun hemm intervent permezz ta’ regoli nazzjonali li jillimitaw id-disponibbiltà tas-servizzi ta’ reklamar politiku għal ċerti kategoriji ta’ sponsor jew perjodu, jew li jillimitaw il-finanzjament jew il-mezz li jista’ jintuża. Regoli bħal dawn huma intrinsiċi għal-liġi elettorali nazzjonali u ma jiffurmawx parti mill-funzjonament tas-suq intern.
Barra minn hekk, meta jitqies li din il-proposta fiha ċerti regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari restrizzjonijiet fuq tekniki tal-mmirar meqjusa li jaffettwaw b’mod negattiv id-drittijiet meta jintużaw fil-kuntest tar-reklamar politiku, huwa xieraq li dan ir-regolament jiġi bbażat, sa fejn għandhom x’jaqsmu dawk ir-regoli speċifiċi, fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jenħtieġ li tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-UE biss fejn l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u li għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE.
Diversi Stati Membri lleġiżlaw jew għandhom l-intenzjoni li jilleġiżlaw fil-qasam tat-trasparenza tar-reklamar politiku. Peress li dawn ir-regoli jvarjaw fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-kontenut u fl-effett tagħhom, qed jidher qafas mhux uniformi ta’ regoli nazzjonali u hemm ir-riskju li jsir aktar frammentat. Dan jimmina l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni.
Barra minn hekk, in-natura transfruntiera ta’ xi wħud mill-attivitajiet, inkluż fl-ambjent online, toħloq sfidi sinifikanti għal regolamentazzjoni purament nazzjonali f’dan il-qasam. Mhuwiex probabbli li l-Istati Membri li jaġixxu b’mod indipendenti jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv il-problemi identifikati. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn sitwazzjonijiet purament domestiċi u potenzjalment transfruntieri hija diffiċli fil-prattika.
Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE ntweriet ukoll mill-azzjoni ta’ ċerti fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku u tal-atturi politiċi li jagħmlu użu minnhom. Matul l-aħħar elezzjonijiet Ewropej, xi pjattaformi online kbar ħadu passi biex jindirizzaw l-isfida ppreżentata mill-inċertezza legali u mill-frammentazzjoni tas-suq intern li rriżultaw fid-diviżjonar tiegħu. Din kienet kwistjoni sinifikanti għall-isponsors tar-reklamar politiku, jiġifieri l-partiti politiċi li jfittxu li jippubblikaw u jiddessiminaw ir-reklamar politiku madwar l-UE.
Standards komuni tal-UE ta’ trasparenza għolja għar-reklamar politiku u għas-servizzi relatati jġibu ċertezza legali mtejba speċjalment għall-fornituri tas-servizzi. L-ispejjeż ta’ konformità inkrementali għall-forniment ta’ servizz bejn il-fruntieri jitneħħew, u jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità. Dan imbagħad ineħħi l-inċentiv għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku biex jiddividu s-suq intern, jipprovdu inċentiv ġdid għall-forniment ta’ servizzi transfruntieri u għall-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda.
B’kuntrast ma’ dan, l-effetti ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-liġi nazzjonali jkunu limitati għal Stat Membru wieħed u jirriskjaw li jiġu evitati jew diffiċli li jiġu ssorveljati fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi minn Stati Membri oħra, u jistgħu jkunu f’kunflitt mal-moviment liberu fis-suq intern. Dan lanqas ma jindirizza l-problemi identifikati madwar l-UE kollha, u jista’ jaggrava wkoll l-effetti tal-frammentazzjoni. Sistema tal-UE tgħin ukoll lill-awtoritajiet kompetenti fil-funzjonijiet ta’ sorveljanza tagħhom, lil partijiet ikkonċernati oħra biex jeżerċitaw ir-rwol tagħhom fil-proċess demokratiku u żżid ir-reżiljenza ġenerali tal-UE għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni u għall-interferenza fil-proċessi elettorali, inkluża d-diżinformazzjoni.
Ir-Regolament propost ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u b’mod partikolari ma jindirizzax kwistjonijiet oħra relatati mar-reklamar politiku lil hinn mit-trasparenza u l-użu ta’ tekniki tal-mmirar. Dan ma jinterferixxix ma’ aspetti oħra regolati fil-livell nazzjonali bħal-legalità tal-kontenut tar-reklamar politiku u l-perjodi li matulhom ir-reklamar huwa permess, jew in-natura tal-parteċipanti fil-proċess demokratiku.
Dan ir-Regolament propost mhux neċessarjament jipprevedi l-ħolqien ta’ xi awtorità jew korp addizzjonali fil-livell tal-Istati Membri. Iħalli s-superviżjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tiegħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti, inklużi dawk b’kompiti magħżula skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata eżistenti. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jaħtru awtoritajiet settorjali eżistenti, u jibbażaw fuq l-għarfien espert tagħhom, li se jkunu fdati wkoll bis-setgħat li jimmonitorjaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri se jkunu responsabbli biex jiżguraw li dawn l-awtoritajiet ikollhom il-kapaċità meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-kuntest tar-reklamar politiku trasparenti.
L-Istati Membri se jiddependu fuq l-istruttura ta’ kooperazzjoni maħtura fil-livell tal-Unjoni. Dawn se jkollhom jaħtru l-awtoritajiet skont ir-Regolament (UE) 2016/679 biex jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-immirar stabbiliti minn dan ir-regolament. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-mekkaniżmu ta’ konsistenza stabbilit skont dan ir-Regolament se japplikaw kif xieraq.
Dan ir-regolament se jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod aktar effiċjenti, speċjalment fir-rigward tar-reklamar online u transfruntier, billi jirrikjedi l-provvista ta’ informazzjoni dwar is-servizzi ta’ reklamar politiku.
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom se tkun essenzjali. In-networks nazzjonali tal-elezzjonijiet stabbiliti abbażi tar-Rakkomandazzjoni C(2018) 5949 final jipprevedu struttura għal tali kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livell nazzjonali filwaqt li jirrispettaw il-kompetenza ta’ kull awtorità parti f’dan in-network.
Il-Kummissjoni se tappoġġa l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet fil-livell tal-Unjoni inkluż fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet.
Dan se jappoġġa l-ħolqien ta’ suq Ewropew regolat u innovattiv għal servizzi ta’ reklamar politiku li jkun fdat miċ-ċittadini u li jappoġġa l-integrità tal-proċess demokratiku.
•Proporzjonalità
Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni proposta ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
Il-proposta tibni fuq oqfsa legali tal-UE eżistenti u futuri, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u hija proporzjonata u meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Il-miżuri previsti huma meħtieġa biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-qafas regolatorju rilevanti.
Il-proporzjonalità tal-obbligi ta’ trasparenza ġiet ikkunsidrata bir-reqqa u hija riflessa pereżempju fl-istabbiliment ta’ obbligi asimetriċi għal tipi differenti ta’ fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku. Għażliet oħra, bħall-projbizzjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar politiku transfruntier jew l-immirar għal finijiet tar-reklamar politiku fis-sitwazzjonijiet kollha, ġew skartati minħabba li dehru sproporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi li jrid jilħaq dan ir-Regolament.
Il-proposta tistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza limitati għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ reklamar politiku involuti fit-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku, inkluża ż-żamma ta’ rekords tal-involviment tagħhom fir-reklamar politiku speċifiku. Il-pubblikaturi tar-reklamar, li huma f’kuntatt dirett maċ-ċittadini, min-naħa tagħhom iridu jikkonformaw ma’ obbligi speċifiċi ta’ trasparenza, inklużi t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ trasparenza għal kull reklam ippubblikat. L-SMEs huma eżentati minn rapportar perjodiku dwar ir-reklamar politiku u huma permessi jaħtru persuna esterna bħala punt ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni beħsiebha trawwem l-isforzi ta’ konformità li jirriżultaw minn dan ir-Regolament billi tappoġġa t-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u miżuri oħra.
L-ispejjeż li jġarrbu l-operaturi huma proporzjonati mal-objettivi milħuqa u mal-benefiċċji ekonomiċi u reputazzjonali li l-operaturi jistgħu jistennew minn din il-proposta. It-tneħħija tal-ostakli li jirriżultaw mill-inċertezza legali u mill-frammentazzjoni se trawwem l-iżvilupp ta’ industrija Ewropea ta’ servizzi ta’ reklamar politiku abbażi ta’ standards għoljin ta’ trasparenza, u se tippermetti lill-intrapriżi nazzjonali eżistenti jespandu.
Il-limitazzjonijiet fuq l-immirar tar-reklamar politiku huma proporzjonati minħabba li l-ambitu huwa strettament limitat għall-attivitajiet speċifiċi ta’ mmirar fil-kuntest politiku li ġew identifikati bħala li jippreżentaw riskju sinifikanti għad-drittijiet fundamentali tal-individwu.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 114 u l-Artikolu 16 tat-TFUE jagħtu lil-leġiżlatur is-setgħa li jadotta regolamenti u direttivi.
Regolament huwa meqjus bħala l-aktar strument legali xieraq biex jiddefinixxi l-qafas għat-trasparenza tar-reklamar politiku fl-Unjoni. L-għażla ta’ regolament bħala strument legali hija ġġustifikata mill-ħtieġa għal applikazzjoni uniformi tar-regoli l-ġodda, bħad-definizzjoni tar-reklamar politiku u l-obbligi ta’ trasparenza li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jridu jissodisfaw meta jippreparaw jew jiddessiminaw ir-reklamar politiku.
L-applikabbiltà diretta ta’ Regolament f’konformità mal-Artikolu 288 tat-TFUE se tnaqqas il-frammentazzjoni legali u tipprovdi ċertezza legali akbar billi tintroduċi standards għoljin ta’ trasparenza għar-reklamar politiku, li se jipprovdi ċertezza legali għall-fornituri ta’ servizzi rilevanti u jipprevjeni d-diverġenzi li jfixklu l-provvista libera tas-servizzi rilevanti fis-suq intern.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-regolament propost ma jaffettwawx il-kompetenzi nazzjonali għall-organizzazzjoni tal-proċess elettorali u jħallu lok biex l-industrija tistabbilixxi standards li jippermettu l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni effiċjenti tal-informazzjoni skont ir-regolament, biex tissimplifika l-konformità u trawwem l-innovazzjoni.
Fir-rigward tat-tfassil ta’ tekniki speċifiċi ta’ mmirar, l-użu ta’ Regolament huwa konformi mar-Regolament (UE) 2016/679, li huwa nnifsu huwa Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta saret wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati, li matulha l-Kummissjoni applikat il-prinċipji ġenerali u l-istandards minimi għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
Konsultazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu ppubblikata fis-26 ta’ Jannar 2021 ipprovdiet informazzjoni biex jiġu żviluppati d-definizzjoni tal-problema u l-għażliet ta’ politika. Mit-22 ta’ Jannar sat-2 ta’ April 2021 seħħet konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC). L-OPC ġiet promossa permezz tas-sit web tal-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta’ networks speċifiċi.
Il-Kummissjoni organizzat laqgħat mal-partijiet ikkonċernati ewlenin biex tiġbor evidenza u data addizzjonali dwar il-problemi speċifiċi indirizzati mill-inizjattiva, kif ukoll dwar l-approċċ ta’ politika u l-impatt tagħha. Din wettqet ukoll konsultazzjonijiet bilaterali mmirati u analizzat bosta dokumenti ta’ pożizzjoni u analitiċi riċevuti speċjalment fil-kuntest tat-tħejjija tal-inizjattiva. It-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt li tirfed l-inizjattiva kienet appoġġata minn studju estern. Il-kuntrattur wettaq sensiela ta’ konsultazzjonijiet individwali mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.
B’mod globali, hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati jaqblu li jeżistu lakuni leġiżlattivi jew li hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Ammont limitat esprima tħassib billi qal li l-kwistjonijiet elettorali huma prerogattiva nazzjonali.
L-OPC turi li l-maġġoranza taċ-ċittadini jemmnu li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku għandhom iżommu ċerta informazzjoni bażika mingħand dawk li jpoġġu dawn ir-reklami.
Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku talbu b’mod partikolari għal definizzjoni komuni tal-UE li tippermettilhom jiddeterminaw liema reklami huma reklami politiċi u approċċ komuni biex jiġu previsti rekwiżiti proporzjonati għat-tikkettar tar-reklamar politiku sponsorjat, inkluż fir-rigward tal-identità tal-sponsor tar-reklamar. Il-fornituri indikaw l-inċertezza u l-ispejjeż relatati mal-identifikazzjoni u l-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza rilevanti meta joffru servizzi ta’ reklamar politiku bejn il-fruntieri jew f’diversi Stati Membri.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appoġġaw trasparenza għolja b’mod speċjali fejn jidħol ir-reklamar politiku, inkluż liema reklami jintwerew lil min, għaliex, u min ħallas għalihom. Huma qiesu li miżuri mhux vinkolanti ma kinux biżżejjed f’din il-perspettiva. Huma talbu wkoll li l-kwistjoni tal-immirar tiġi indirizzata lil hinn mit-trasparenza.
L-Istati Membri laqgħu l-inizjattiva u qablu mal-ħtieġa li jiġi rregolat ir-reklamar politiku fil-livell tal-UE. L-Istati Membri appoġġaw ukoll miżuri li se jtejbu l-aċċess mir-riċerkaturi għal aktar informazzjoni dwar ir-reklamar politiku. L-Istati Membri enfasizzaw l-eżistenza ta’ lakuni regolatorji u ta’ infurzar meta servizzi ta’ reklamar politiku jiġu pprovduti bejn il-fruntieri.
Il-Partijiet Politiċi Ewropej indikaw li l-miżuri ta’ tikkettar li jgħinu liċ-ċittadini jidentifikaw meta jkunu qed jiġu esposti għal reklam politiku se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea. Dawn kienu partikolarment imħassba dwar kif il-politika implimentata minn xi pjattaformi kbar ħafna online matul l-elezzjonijiet preċedenti għall-Parlament Ewropew affettwat b’mod negattiv l-attivitajiet tagħhom fil-livell tal-UE u fil-livell transfruntier.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni serrħet fuq firxa wiesgħa ta’ għarfien espert għat-tħejjija ta’ din il-proposta.
Ħidma rilevanti fil-Kunsill (inkluż fil-gruppi ta’ ħidma kompetenti) u fil-Parlament Ewropew (inkluż fil-Kumitati inkarigati mill-Affarijiet Kostituzzjonali, l-Affarijiet Legali; il-Libertajiet Ċivili, is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani) ipprovdew kontribut sinifikanti għal dan il-proċess.
Minbarra l-OPC deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni impenjat ruħha f’diversi laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, b’mistoqsijiet imfassla għal kull kategorija.
Fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ddiskutiet l-inizjattiva mal-espert tal-Istati Membri f’laqgħa ddedikata tas-Sistema ta’ Twissija Rapida. Kienu preżenti rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva. L-esperti tal-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll fil-25 ta’ Marzu 2021, fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. Inkisbet ukoll informazzjoni mill-input tal-Istati Membri f’laqgħat preċedenti ta’ dan in-network mill-2019 ’l hawn, inkluż fit-tħejjija ta’ mmappjar estensiv tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali rilevanti.
Fl-aħħar nett, l-istudju li jappoġġa l-Valutazzjoni tal-Impatt jintegra reviżjoni tal-letteratura li turi li hemm kunsens akkademiku emerġenti dwar il-ħtieġa għal trasparenza speċifika għar-reklamar politiku u għall-kontrolli dwar l-użu tad-data personali b’rabta mar-reklamar politiku (b’mod partikolari online).
Il-gwida minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Kunsill tal-Ewropa, titlob ukoll trasparenza speċifika tar-reklamar politiku, inkluż b’mod partikolari dwar l-isponsorizzazzjoni u l-finanzjament, u fejn ikun hemm reklamar online, dwar il-mekkaniżmu għall-konsenja (eż. l-algoritmi, id-data).
•Valutazzjoni tal-Impatt
F’konformità mal-politika tagħha għal “Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt għal din il-proposta eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni. Fid-29 ta’ Settembru 2021 saret laqgħa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li kienet segwita minn opinjoni pożittiva b’riżervi. Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet riveduta ulterjorment biex takkomoda r-riżervi tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.
Il-Kummissjoni eżaminat għażliet ta’ politika differenti biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-proposta, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku billi jiġu stabbiliti regoli għal livell għoli ta’ trasparenza għar-reklamar politiku u għas-servizzi relatati u regoli dwar l-użu tal-immirar fil-kuntest tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku.
Ġew ivvalutati żewġ għażliet ta’ politika bi gradi differenti ta’ intervent regolatorju:
·Għażla 1: Miżuri limitati biex tiġi promossa t-trasparenza u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-immirar;
·Għażla 2: Miżuri biex tiġi armonizzata t-trasparenza u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-immirar. Din l-Għażla kienet tinkludi żewġ subgħażliet li jikkonċernaw l-immirar.
Skont il-metodoloġija stabbilita tal-Kummissjoni, kull għażla ta’ politika ġiet evalwata skont l-impatti ekonomiċi, fuq id-drittijiet fundamentali u fuq is-soċjetà. L-għażla ppreferuta kienet l-għażla 2 u s-subgħażla 2 għall-użu tal-immirar, peress li dawn jissodisfaw bl-aħjar mod l-objettivi ġenerali tal-intervent u jistabbilixxu qafas koerenti u proporzjonat għar-reklamar politiku fl-UE.
Jekk jiġu ċċarati u armonizzati r-regoli dwar iż-żamma u l-provvista ta’ informazzjoni fir-reklamar politiku għall-finijiet ta’ superviżjoni u responsabbiltà, dan ineħħi l-ixprunatur ewlieni tal-ispejjeż ta’ konformità fil-provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri u fil-provvista transfruntiera ta’ servizzi. Barra minn hekk, dan iżid il-prevedibbiltà legali għas-servizzi intermedjarji attivi f’diversi Stati Membri, u jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dan itejjeb ukoll l-eżiti regolatorji, filwaqt li jneħħi l-ġustifikazzjoni għas-segmentazzjoni tas-suq nazzjonali, u b’hekk iżid l-opportunitajiet biex jiġu żviluppati servizzi transfruntiera. Il-vantaġġ li jieħdu l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għar-reklami online mill-frammentazzjoni regolatorja b’paragun mal-media offline jonqos. L-impatt fuq l-SMEs huwa limitat minn obbligu mfassal apposta fuq ir-rapportar perjodiku dwar ir-reklamar politiku u billi jippermettilhom jaħtru persuna esterna bħala punt ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Il-miżuri dwar l-immirar jindirizzaw it-tekniki problematiċi tal-immirar filwaqt li jipprovdu wkoll għall-użu tiegħu b’mod li jinċentiva prattika tajba.
Is-subgħażla 2 ikkontemplat projbizzjoni kundizzjonali fuq l-immirar, iżda kien previst li s-subgħażliet jistgħu jiġu kkombinati. Projbizzjoni mhux kundizzjonali fuq l-immirar abbażi ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali tqieset aktar effettiva u għalhekk ġiet inkluża f’din il-proposta. Il-projbizzjoni tal-immirar abbażi ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali tgħodd ukoll bl-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati matul it-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
Ir-restrizzjonijiet imfassla apposta jillimitaw id-disponibbiltà ta’ servizzi li jimmiraw fil-kuntest tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku. Dan ikun ikkumpensat minn opportunitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jirriżultaw minn żieda fil-fiduċja fost iċ-ċittadini u r-regolaturi fit-teknika u minn ċertezza legali akbar ta’ konformità fl-użu tagħha fil-kuntest politiku.
It-trasparenza armonizzata u l-limiti speċifiċi se jnaqqsu l-ambitu ta’ tattiċi problematiċi tal-immirar bħall-amplifikazzjoni inawtentika ta’ ċerti reklami, jew dawk skoperti fl-iskandlu ta’ Cambridge Analytica. Dawn il-miżuri għandhom itejbu l-fiduċja fl-użu tar-reklami politiċi, u b’mod aktar ġenerali fid-dibattitu politiku u fl-integrità tal-proċess elettorali. Dan jikkontribwixxi għal reżiljenza akbar tas-sistema elettorali tal-UE għall-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-benefiċċju tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-trasparenza madwar ir-reklamar politiku huwa, b’mod notevoli, li se ġġib ċertezza legali madwar l-UE kollha, tneħħi l-ispejjeż inkrementali tal-konformità tal-provvista ta’ servizz bejn il-fruntieri, u tnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-fornituri kollha tas-servizzi ta’ reklamar politiku huma mistennija li jiksbu effiċjenzi fl-ispejjeż meta joffru servizzi permezz ta’ tfassil komuni tar-reklamar politiku.
L-SMEs jibbenefikaw mill-miżuri proposti peress li se jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom b’mod aktar faċli fis-suq intern. Il-proposta fiha derogi speċifiċi biex l-SMEs inaqqsu l-ispejjeż tal-konformità tagħhom.
Il-proposta fiha sett komuni ta’ regoli li mhux se jiddiskriminaw bejn online u offline u se tindirizza kwistjonijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni attwali fejn ir-regoli eżistenti huma mfassla għal attivitajiet offline b’nuqqasijiet u lakuni li jirriżultaw minn dan. Ir-Regolament se jiżgura li r-rekwiżiti biex tiġi pprovduta trasparenza għolja japplikaw għal mezzi offline u online tad-disseminazzjoni tal-linji politiċi bl-istess mod.
•Drittijiet fundamentali
Il-miżuri kollha previsti skont din il-proposta għandhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali, u ma humiex mistennija li jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali.
Il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti biss meta dan ikun iġġustifikat mill-kisba ta’ interess pubbliku leġittimu u biss bil-kundizzjoni li r-restrizzjoni tkun proporzjonata għall-objettiv segwit. Il-garanzija ta’ trasparenza, ġustizzja u opportunitajiet indaqs fil-proċess elettorali u d-dritt fundamentali li wieħed jiġi infurmat b’mod oġġettiv, trasparenti u pluralistiku jikkostitwixxu raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku.
Din il-proposta timponi restrizzjonijiet limitati fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), id-dritt għall-ħajja privata (l-Artikolu 7) u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8). Dawn ir-restrizzjonijiet huma proporzjonati u limitati għall-minimu meħtieġ.
Fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, id-deċiżjoni rigward il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku bħala tali, u l-kontenut tiegħu, tibqa’ regolata abbażi tal-liġi nazzjonali u tal-UE rilevanti. Lil hinn mir-rekwiżiti għat-trasparenza, l-inizjattiva ma tinterferixxix mal-kontenut sostantiv tal-messaġġi politiċi. Filwaqt li limitazzjoni tat-tekniki tal-immirar jista’ jkollha impatt fuq il-libertà tal-espressjoni, dan l-impatt ikun proporzjonat jekk ikun limitat fl-ambitu u jkun ibbilanċjat minn impatti pożittivi fuq drittijiet fundamentali oħra, inkluż jekk ikun marbut mat-tnaqqis tal-possibbiltà ta’ manipulazzjoni tad-dibattitu demokratiku u d-dritt li wieħed jiġi infurmat b’mod oġġettiv, trasparenti u pluralistiku. It-trasparenza, il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet imsaħħa fuq l-immirar għandhom ikunu ta’ benefiċċju għad-dritt għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza tal-persuni fil-mira ta’ tali reklamar. Miżuri li jidentifikaw persuna fiżika bħala l-isponsor ta’ reklam politiku u l-ammont ta’ flus li jintefqu fuq benefiċċji, u l-valur tagħhom, riċevuti fi skambju parzjali jew sħiħ għal reklam, għandhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali u għandhom ikunu proporzjonati mal-għan tal-politika mfittex: li jiġi żgurat li l-individwi involuti fid-dibattitu politiku jużaw ir-reklamar politiku b’mod trasparenti. L-impatt fuq dawn id-drittijiet huwa ġġustifikat mill-effett pożittiv ġenerali fuq id-demokrazija u d-drittijiet elettorali.
Fejn din l-inizjattiva tirrikjedi pjattaformi online kbar ħafna biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data minn atturi interessati, tali miżuri ma jipprevedu l-ebda deroga mill-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Id-data rilevanti biss għandha tkun aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati inkluż biex iwettqu riċerka dwar prattiki li jaffettwaw id-dibattitu demokratiku u l-elezzjonijiet jew ir-referenda.
Din l-inizjattiva se tappoġġa l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali u se tappoġġa elezzjonijiet ħielsa u ġusti u dibattitu demokratiku ġust, billi tiffaċilita reklamar politiku transfruntier trasparenti li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u l-iżgurar li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu għażliet politiċi infurmati mingħajr manipulazzjoni jew koerċizzjoni. Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet fuq il-prattiki tal-immirar huma koerenti mad-drittijiet elettorali, u għandhom impatt pożittiv fuqhom, kif protetti mill-istandards internazzjonali.
Fl-aħħar nett, din il-proposta se tappoġġa wkoll il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku fl-eżerċizzju tal-libertà tagħhom li jwettqu negozju skont l-Artikolu 16 tal-Karta.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ma hija mistennija l-ebda implikazzjoni baġitarja għal din l-inizjattiva.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni tal-inizjattiva wara kull elezzjoni Parlamentari Ewropea bbażata fuq il-ġbir speċifiku tad-data mwettaq minn kuntrattur speċjalizzat. Fi żmien sentejn wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi aspetti li jmorru lil hinn mill-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta (iċċekkja l-kontroreferenzi)
Il-Kapitolu I jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali, inklużi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 1), id-definizzjonijiet tat-termini ewlenin użati fir-Regolament (l-Artikolu 2) u l-livell ta’ armonizzazzjoni ta’ tali miżuri (l-Artikolu 3).
Il-Kapitolu II fih dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ trasparenza applikabbli għar-reklamar politiku mħallas. Dan jistabbilixxi miżuri applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi ta’ reklamar politiku involuti fit-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni tar-reklamar politiku. B’mod partikolari, dan jipprevedi trasparenza fir-reklamar politiku (l-Artikolu 4), obbligu li jiġu identifikati r-reklami politiċi (l-Artikolu 5), u obbligu li jinżammu rekords u li tiġi trażmessa informazzjoni lill-pubblikaturi tar-reklamar (l-Artikolu 6).
Barra minn hekk, dan il-Kapitolu jistabbilixxi wkoll obbligi applikabbli biss għall-pubblikaturi tar-reklamar, minbarra dawk fl-Artikoli 4, 5 u 6. Il-pubblikaturi tar-reklamar għandhom jinkludu, f’kull reklam, dikjarazzjoni ċara ta’ natura politika, jindikaw l-isem tal-isponsor, u jagħmlu disponibbli l-informazzjoni biex jippermettu li jinftehmu l-kuntest usa’ tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu (l-Artikolu 7). Il-pubblikaturi tar-reklamar għandhom jippubblikaw kull sena informazzjoni dwar l-ammonti jew il-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għas-servizzi li jkunu pprovdew b’rabta mar-reklamar politiku (l-Artikolu 8). Huma għandhom ipoġġu fis-seħħ mekkaniżmi faċli għall-utent biex jippermettu liċ-ċittadini jinnotifikawhom b’reklamar li ma jikkonformax mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament (l-Artikolu 9).
Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti (l-Artikolu 10) u lil entitajiet interessati oħra (l-Artikolu 11).
Il-Kapitolu III jirregola l-użu ta’ tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tar-reklamar politiku. Meta tkun involuta data sensittiva, tapplika projbizzjoni akkumpanjata minn eżenzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, il-kontrolluri li jagħmlu użu minn dawn it-tekniki għall-finijiet tar-reklamar politiku għandhom jadottaw u jimplimentaw politika interna, iżommu rekords, u jipprovdu informazzjoni li tippermetti lill-individwi jifhmu l-loġika involuta u l-parametri prinċipali tal-immirar użat, u l-involviment tad-data ta’ terzi u tekniki analitiċi addizzjonali (l-Artikolu 12). L-Artikolu 12 jipprovdi aktar rekwiżiti għall-pubblikaturi tar-reklamar. Il-kontrolluri fl-ambitu tal-Artikolu 13 għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex ikunu jistgħu jittrażmettu l-informazzjoni lill-entitajiet interessati (l-Artikolu 13).
Il-Kapitolu IV jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Huwa jistabbilixxi obbligu għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku mhux stabbiliti fl-Unjoni li jaħtru rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jipprovdu s-servizzi tagħhom (l-Artikolu 14); jistabbilixxi liema awtoritajiet jiġu fdati bis-superviżjoni u bl-infurzar ta’ miżuri speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti rilevanti; jitlob li jintgħażlu punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u jagħti mandat lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom (l-Artikolu 15). L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament (l-Artikolu 16). Dan il-Kapitolu jistabbilixxi wkoll obbligu għall-Istati Membri li jippubblikaw id-dati tal-perjodi elettorali nazzjonali f’post faċilment aċċessibbli (l-Artikolu 17).
Il-Kapitolu V jipprovdi aktar dispożizzjonijiet finali, bħall-klawżola ta’ evalwazzjoni u rieżami (l-Artikolu 18) u l-possibbiltà li jiġu adottati atti delegati (l-Artikolu 19). Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni li jifdal f’dan il-Kapitolu hija l-ispeċifikazzjoni tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (l-Artikolu 20).
2021/0381 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-provvista u d-domanda għal reklamar politiku qed jikbru u qed isiru dejjem aktar transfruntieri fin-natura tagħhom. Għadd kbir, diversifikat u dejjem jiżdied ta’ servizzi huma assoċjati ma’ din l-attività, bħal konsulenzi politiċi, aġenziji tar-reklamar, pjattaformi “ad-tech”, ditti tar-relazzjonijiet pubbliċi, influencers u diversi operaturi tal-analitika tad-data u tas-senserija. Ir-reklamar politiku jista’ jieħu ħafna forom, inkluż kontenut imħallas, riżultati ta’ tiftix sponsorjati, messaġġi mmirati mħallsa, promozzjoni fil-klassifikazzjonijiet, promozzjoni ta’ xi ħaġa jew xi ħadd integrat f’kontenut bħall-inklużjoni ta’ prodott kummerċjali, influencers u approvazzjonijiet oħra. Attivitajiet relatati jistgħu jinvolvu pereżempju d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku fuq talba ta’ sponsor jew il-pubblikazzjoni ta’ kontenut bi ħlas.
(2)Ir-reklamar politiku jista’ jiġi disseminat jew jiġi ppubblikat permezz ta’ diversi mezzi u media bejn il-fruntieri. Dan jista’ jiġi disseminat jew ippubblikat permezz ta’ media tradizzjonali offline bħall-gazzetti, it-televiżjoni u r-radju, u wkoll dejjem aktar permezz ta’ pjattaformi online, siti web, applikazzjonijiet mobbli, logħob tal-kompjuter u interfaċċi diġitali oħra. Dawn tal-aħħar mhux biss huma partikolarment suxxettibbli li jiġu offruti b’mod transfruntier, iżda wkoll iqajmu sfidi regolatorji u ta’ infurzar ġodda u diffiċli. L-użu tar-reklamar politiku online qed jiżdied ħafna, u ċerti forom lineari offline ta’ reklamar politiku, bħar-radju u t-televiżjoni, huma offruti wkoll online bħala servizzi on-demand. Il-kampanji tar-reklamar politiku għandhom it-tendenza li jiġu organizzati biex jagħmlu użu minn firxa ta’ media u forom.
(3)Minħabba li normalment jiġi pprovdut bi ħlas, ir-reklamar, inkluż ir-reklamar politiku, jikkostitwixxi attività ta’ servizz skont l-Artikolu 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Fid-Dikjarazzjoni Nru 22, dwar il-persuni b’diżabilità, annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri qablet li, fit-tfassil tal-miżuri skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.
(4)Il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza hija għan pubbliku leġittimu, f’konformità mal-valuri kondiviżi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). Mhux dejjem ikun faċli li ċ-ċittadini jirrikonoxxu r-reklamar politiku u jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom b’mod infurmat. Hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ trasparenza, fost l-oħrajn, biex jiġi appoġġat dibattitu politiku miftuħ u ġust u elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti biex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-interferenza mhux skont il-liġi, inkluż minn barra l-pajjiż. Ir-reklamar politiku jista’ jkun vettur ta’ diżinformazzjoni b’mod partikolari fejn ir-reklamar ma jiżvelax in-natura politika tiegħu, u lejn min ikun immirat. It-trasparenza tar-reklamar politiku tikkontribwixxi biex tippermetti lill-votanti jifhmu aħjar meta jkunu qed jiġu ppreżentati b’reklam politiku, f’isem min ikun qed isir ir-reklamar, u kif qed ikunu fil-mira ta’ fornitur tas-servizzi ta’ reklamar, sabiex il-votanti jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażliet infurmati.
(5)Fil-kuntest tar-reklamar politiku, ta’ spiss jintużaw it-tekniki tal-immirar. It-tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni jenħtieġ li jinftiehmu bħala tekniki li jintużaw jew biex jiġi indirizzat reklamar politiku mfassal apposta biss għal persuna speċifika jew għal grupp ta’ persuni, jew biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni, il-firxa jew il-viżibbiltà tar-reklamar politiku. Minħabba s-setgħa u l-potenzjal għall-użu ħażin tad-data personali tal-immirar, inkluż permezz ta’ mikroimmirar u tekniki avvanzati oħra, tekniki bħal dawn jistgħu jippreżentaw theddid partikolari għall-interessi pubbliċi leġittimi, bħall-ġustizzja, l-opportunitajiet indaqs u t-trasparenza fil-proċess elettorali u d-dritt fundamentali li wieħed jiġi infurmat b’mod oġġettiv, trasparenti u pluralistiku.
(6)Ir-reklamar politiku bħalissa huwa rregolat b’mod eteroġenu fl-Istati Membri, li f’ħafna każijiet għandu t-tendenza li jiffoka fuq forom tradizzjonali tal-media. Jeżistu restrizzjonijiet speċifiċi inkluż fuq il-fornimenti transfruntieri tas-servizzi ta’ reklamar politiku. Xi Stati Membri jipprojbixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-UE stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jipprovdu servizzi ta’ natura politika jew b’għan politiku matul il-perjodi elettorali. Fl-istess ħin, f’xi Stati Membri x’aktarx li jeżistu nuqqasijiet u lakuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżultaw f’reklamar politiku li xi drabi jiġi disseminat mingħajr ma jitqiesu r-regoli nazzjonali rilevanti u b’hekk jirriskjaw li jimminaw l-objettiv tar-regolamentazzjoni tat-trasparenza għar-reklamar politiku.
(7)Biex tiġi pprovduta trasparenza mtejba tar-reklamar politiku, inkluż biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini, xi Stati Membri diġà esploraw, jew qed jikkunsidraw, miżuri addizzjonali biex jindirizzaw it-trasparenza tar-reklamar politiku u biex jappoġġaw dibattitu politiku ġust u elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti. Dawn il-miżuri nazzjonali huma kkunsidrati b’mod partikolari għar-reklamar ippubblikat u disseminat online u jistgħu jinkludu projbizzjonijiet ulterjuri. Dawn il-miżuri jvarjaw minn miżuri mhux vinkolanti għal dawk vinkolanti u jimplikaw elementi differenti ta’ trasparenza.
(8)Din is-sitwazzjoni twassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern, tnaqqas iċ-ċertezza legali għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jkunu qed iħejju, iqiegħdu, jippubblikaw jew jiddessiminaw reklamar politiku, toħloq ostakli għall-moviment liberu ta’ servizzi relatati, toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern, inkluż bejn il-fornituri tas-servizzi offline u dawk online, u teħtieġ sforzi kumplessi ta’ konformità u spejjeż addizzjonali għall-fornituri tas-servizzi rilevanti.
(9)F’dan il-kuntest, il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku x’aktarx li jiġu skoraġġuti milli jipprovdu s-servizzi ta’ reklamar politiku tagħhom f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Dan huwa partikolarment minnu għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, li spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex jassorbu jew jgħaddu l-ispejjeż għoljin ta’ konformità marbuta mat-tħejjija, it-tqegħid, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni tar-reklamar politiku f’aktar minn Stat Membru wieħed. Dan jillimita d-disponibbiltà tas-servizzi u jħalli impatt negattiv fuq il-possibbiltà li l-fornituri tas-servizzi jinnovaw u joffru kampanji permezz ta’ tipi differenti ta’ media u kampanji multinazzjonali fi ħdan is-suq intern.
(10)Għalhekk, meta jiġu pprovduti servizzi ta’ reklamar politiku, jenħtieġ li jiġi żgurat livell konsistenti u għoli ta’ trasparenza tar-reklamar politiku madwar l-Unjoni, filwaqt li jenħtieġ li jiġu evitati d-diverġenzi li jfixklu ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi relatati fis-suq intern, billi jiġu stabbiliti obbligi uniformi ta’ trasparenza għall-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-persuni u s-superviżjoni fis-suq intern kollu abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.
(11)L-Istati Membri jenħtieġ li ma jżommux jew ma jintroduċux, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ trasparenza fir-reklamar politiku. L-armonizzazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta’ trasparenza marbuta mar-reklamar politiku żżid iċ-ċertezza legali u tnaqqas il-frammentazzjoni tal-obbligi li l-fornituri ta’ servizzi jkollhom jissodisfaw fil-kuntest tar-reklamar politiku.
(12)L-armonizzazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta’ trasparenza jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jipprovdu aktar informazzjoni dwar ir-reklamar politiku fuq bażi volontarja, bħala parti mil-libertà tal-espressjoni protetta skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
(13)Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-kontenut sostantiv tar-reklamar politiku u lanqas ir-regoli li jirregolaw il-wiri tar-reklamar politiku, inkluż l-hekk imsejħa perjodi ta’ silenzju preċedenti għall-elezzjonijiet jew għar-referenda.
(14)Ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi rekwiżit ta’ trasparenza armonizzat li huwa applikabbli għall-atturi ekonomiċi li jipprovdu reklamar politiku u servizzi relatati (jiġifieri attivitajiet li normalment jiġu pprovduti bi ħlas); dawn is-servizzi jikkonsistu b’mod partikolari fit-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament li jipprevedu livell għoli ta’ trasparenza tas-servizzi ta’ reklamar politiku huma bbażati fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jindirizza wkoll l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, tad-disseminazzjoni jew tal-promozzjoni tar-reklamar politiku li jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament li jindirizzaw l-użu tal-immirar u tal-amplifikazzjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE. Ir-reklamar politiku mmirat lejn individwi fi Stat Membru jenħtieġ li jinkludi reklamar imħejji, imqiegħed jew ippubblikat kompletament minn fornituri tas-servizzi stabbiliti barra mill-Unjoni iżda disseminat lil individwi fl-Unjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk reklam politiku huwiex dirett lejn individwi fi Stat Membru, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi li jikkollegawh ma’ dak l-Istat Membru, inklużi l-lingwa, il-kuntest, l-objettiv tar-reklamar u l-mezzi ta’ tixrid tiegħu.
(15)Ma hemm l-ebda definizzjoni eżistenti tar-reklamar politiku jew tar-reklam politiku fil-livell tal-Unjoni. Hija meħtieġa definizzjoni komuni biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u r-regoli armonizzati ta’ trasparenza dwar l-immirar u l-amplifikazzjoni. Din id-definizzjoni jenħtieġ li tkopri l-ħafna forom li jista’ jieħu r-reklamar politiku u kwalunkwe mezz u mod ta’ pubblikazzjoni jew tixrid fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk is-sors ikunx jinsab fl-Unjoni jew f’pajjiż terz.
(16)Id-definizzjoni tar-reklamar politiku jenħtieġ li tinkludi reklamar ippubblikat jew disseminat direttament jew indirettament minn attur politiku jew ippubblikat jew disseminat direttament jew indirettament f’ismu. Peress li r-reklamar minn attur politiku, jew f’ismu, ma jistax jinfired mill-attività tiegħu fir-rwol tiegħu bħala attur politiku, jista’ jiġi preżunt li jista’ jinfluwenza d-dibattitu politiku, ħlief għal messaġġi ta’ natura purament privata jew purament kummerċjali.
(17)Il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni minn atturi oħra ta’ messaġġ li jista’ jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew ta’ referendum, ta’ proċess leġiżlattiv jew regolatorju jew ta’ mġiba ta’ votazzjoni jenħtieġ li jikkostitwixxu wkoll reklamar politiku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni ta’ messaġġ tistax tinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, ta’ proċess leġiżlattiv jew regolatorju jew ta’ mġiba ta’ votazzjoni, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħall-kontenut tal-messaġġ, il-lingwa użata biex twassal il-messaġġ, il-kuntest li fih jintbagħat il-messaġġ, l-objettiv tal-messaġġ u l-mezzi li bihom jiġi ppubblikat jew disseminat il-messaġġ. Il-messaġġi dwar kwistjonijiet soċjetali jew kontroversjali jistgħu, skont il-każ, ikunu jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, ta’ proċess leġiżlattiv jew regolatorju jew ta’ mġiba ta’ votazzjoni.
(18)L-informazzjoni prattika minn sorsi uffiċjali rigward l-organizzazzjoni u l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet jew fir-referenda jenħtieġ li ma tikkostitwixxix reklamar politiku.
(19)Il-fehmiet politiċi espressi fil-programmi ta’ xandiriet lineari awdjoviżivi jew ippubblikati f’media stampata mingħajr ħlas dirett jew ħlas ekwivalenti jenħtieġ li ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament.
(20)Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, elezzjoni jenħtieġ li tinftiehem bħala l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll l-elezzjonijiet jew ir-referenda kollha organizzati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri u l-elezzjonijiet biex tiġi stabbilita tmexxija tal-partiti politiċi. Dan jenħtieġ li ma jinkludix forom oħra ta’ elezzjonijiet bħal poloz tal-vot organizzati privatament.
(21)Huwa meħtieġ li r-reklamar politiku jiġi ddefinit bħala każ ta’ reklamar politiku. Ir-reklamar jinkludi l-mezzi li bihom jiġi kkomunikat il-messaġġ tar-reklam, inkluż b’mod stampat, permezz tal-media tax-xandir jew permezz ta’ servizz ta’ pjattaformi online.
(22)L-atturi politiċi skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jirreferu għal kunċetti ddefiniti skont id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-istrumenti legali internazzjonali bħal dawk tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-kunċett ta’ partiti politiċi jenħtieġ li jinkludi l-entitajiet affiljati u sussidjarji stabbiliti tagħhom, b’personalità ġuridika jew mingħajrha, sabiex jappoġġawhom jew isegwu l-objettivi tagħhom, pereżempju billi jinvolvu ruħhom ma’ grupp speċifiku ta’ votanti jew għal skop elettorali speċifiku.
(23)Il-kunċett ta’ atturi politiċi jenħtieġ li jinkludi wkoll uffiċjali mhux eletti, uffiċjali eletti, kandidati u membri tal-Gvern fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Organizzazzjonijiet politiċi oħra jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll f’din id-definizzjoni.
(24)Kampanja tar-reklamar jenħtieġ li tirreferi għat-tħejjija, għall-pubblikazzjoni u għad-disseminazzjoni ta’ sensiela ta’ reklami relatati matul kuntratt għar-reklamar politiku, abbażi ta’ tħejjija, sponsorizzazzjoni u finanzjament komuni. Din għandha tinkludi t-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ reklam jew verżjonijiet ta’ reklam fuq media differenti u fi żminijiet differenti fl-istess ċiklu elettorali.
(25)Id-definizzjoni tar-reklamar politiku jenħtieġ li ma taffettwax id-definizzjonijiet nazzjonali ta’ partit politiku, għanijiet politiċi jew perjodi ta’ kampanja fil-livell nazzjonali.
(26)Sabiex tiġi koperta l-firxa wiesgħa ta’ fornituri tas-servizzi rilevanti marbuta ma’ servizzi ta’ reklamar politiku, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jiġu mifhuma bħala li jinkludu fornituri involuti fit-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku.
(27)Il-kunċett ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma jinkludix messaġġi li huma kondiviżi minn individwi fil-kapaċità purament personali tagħhom. Individwu jenħtieġ li ma jitqiesx li qed jaġixxi fil-kapaċità personali tiegħu jekk ikun qed jippubblika messaġġi li d-disseminazzjoni jew il-pubblikazzjoni tagħhom ikunu qed jitħallsu minn individwu ieħor.
(28)Ladarba reklam jiġi indikat bħala marbut ma’ reklamar politiku, dan jenħtieġ li jiġi indikat b’mod ċar lil fornituri oħra tas-servizzi involuti fis-servizzi ta’ reklamar politiku. Barra minn hekk, ladarba reklam ikun ġie identifikat bħala reklam politiku, id-disseminazzjoni ulterjuri tiegħu xorta tenħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ trasparenza. Pereżempju, meta kontenut sponsorjat ikun kondiviż b’mod organiku, ir-reklamar xorta jenħtieġ li jiġi ttikkettat bħala reklamar politiku.
(29)Ir-regoli dwar it-trasparenza stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss għas-servizzi ta’ reklamar politiku, jiġifieri reklamar politiku li normalment jiġi pprovdut bi ħlas, li jista’ jinkludi benefiċċju in natura. Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jenħtieġ li ma japplikawx għall-kontenut imtella’ minn utent ta’ servizz intermedjarju online, bħal pjattaforma online, u disseminata mis-servizz intermedjarju online mingħajr kunsiderazzjoni għat-tqegħid, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni għall-messaġġ speċifiku, sakemm l-utent ma jkunx tħallas minn parti terza għar-reklamar politiku.
(30)Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jenħtieġ ukoll li ma japplikawx għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bħal servizzi ta’ messaġġi elettroniċi jew telefonati, sakemm ma jkun involut l-ebda servizz tar-reklamar politiku.
(31)Il-libertà tal-espressjoni, kif protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tkopri d-dritt tal-individwu li jkollu opinjonijiet politiċi, jirċievi u jagħti informazzjoni politika u jaqsam ideat politiċi. Kull limitazzjoni għaliha trid tikkonforma mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u dik il-libertà tista’ tkun soġġetta għal modulazzjonijiet u restrizzjonijiet fejn dawn ikunu ġġustifikati mill-kisba ta’ interess pubbliku leġittimu u jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, bħall-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali. Dan huwa l-każ, inter alia, fejn l-ideat politiċi jiġu kkomunikati permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar.
(32)Fir-rigward tal-intermedjarji online, ir-Regolament (UE) 2021/XX [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] japplika għal reklami politiċi ppubblikati jew disseminati mill-intermedjarji online permezz ta’ regoli orizzontali applikabbli għat-tipi kollha tar-reklamar online, inklużi r-reklamar kummerċjali u politiku. Abbażi tad-definizzjoni tar-reklamar politiku stabbilita f’dan ir-Regolament, huwa xieraq li tiġi pprovduta granularità addizzjonali tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti għall-pubblikaturi tar-reklamar li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/XX [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali], b’mod partikolari pjattaformi kbar ħafna. Dan jikkonċerna b’mod partikolari informazzjoni relatata mal-finanzjament ta’ reklamar politiku. Ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, inkluż fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u l-obbligi ta’ mitigazzjoni għal pjattaformi online kbar ħafna fir-rigward tas-sistemi tar-reklamar tagħhom.
(33)It-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku jistgħu jinvolvu katina kumplessa ta’ fornituri tas-servizzi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fejn l-għażla tal-kontenut tar-reklamar, l-għażla tal-kriterji mmirati, il-provvista tad-data użata għall-immirar ta’ reklam, id-dispożizzjonijiet tat-tekniki tal-mmirar, il-konsenja ta’ reklam u d-disseminazzjoni tiegħu jistgħu jiġu kkontrollati minn fornituri ta’ servizzi differenti. Pereżempju, is-servizzi awtomatizzati jistgħu jappoġġaw it-tqabbil tal-profil tal-utent ta’ interfaċċa mal-kontenut tar-reklamar ipprovdut, bl-użu tad-data personali miġbura direttament mingħand l-utent tas-servizz u mill-imġiba online tal-utenti, kif ukoll id-data inferita.
(34)Fid-dawl tal-importanza li tiġi ggarantita, b’mod partikolari, l-effettività tar-rekwiżiti ta’ trasparenza inkluż li tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti li jiġbru fil-provvista tas-servizzi tagħhom, inkluża l-indikazzjoni li reklam ikun politiku, tkun provduta lill-pubblikatur tar-reklamar politiku li jwassal ir-reklam politiku lill-pubbliku. Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ dan ir-rekwiżit, u l-provvista f’waqtha u preċiża ta’ din l-informazzjoni, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jikkunsidraw u jappoġġaw l-awtomatizzazzjoni tat-trażmissjoni tal-informazzjoni fost il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku.
(35)Meta kostruzzjoni artifiċjali kummerċjali jew kuntrattwali tirriskja li tevita l-effettività tal-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fir-Regolament, dawn l-obbligi jenħtieġ li japplikaw għall-entità jew għall-entitajiet li, fis-sustanza, jipprovdu s-servizz tar-reklamar.
(36)Il-passi jistgħu jinkludu wkoll id-dispożizzjoni ta’ mekkaniżmu effiċjenti biex l-individwi jindikaw li reklam politiku huwa politiku, u t-teħid ta’ azzjoni effettiva b’reazzjoni għal indikazzjonijiet bħal dawn.
(37)Filwaqt li jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, jenħtieġ li l-ebda wieħed mill-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jinftiehem bħala li jimponi obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali fuq il-fornituri intermedjarji ta’ servizzi għall-kontenut politiku kondiviż minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lanqas jenħtieġ li jiġu mifhuma bħala li jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jieħdu miżuri proattivi fir-rigward ta’ kontenut jew attivitajiet illegali li dawk il-fornituri jittrażmettu jew jaħżnu.
(38)It-trasparenza tar-reklamar politiku jenħtieġ li tippermetti liċ-ċittadini jifhmu li jinsabu quddiem reklam politiku. Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku jenħtieġ li, b’rabta ma’ kull reklam politiku, jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ċara li tgħid li dak huwa reklam politiku u tal-identità tal-sponsor tiegħu. Fejn xieraq, l-isem tal-sponsor jista’ jinkludi logo politiku. Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku jenħtieġ li jagħmlu użu minn tikkettar li jkun effettiv, filwaqt li jqisu l-iżviluppi fir-riċerka xjentifika rilevanti u l-aħjar prattika dwar il-provvista tat-trasparenza permezz tat-tikkettar tar-reklamar. Għandhom jiżguraw ukoll, b’rabta ma’ kull reklam politiku, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni biex jippermettu li jinftiehmu l-kuntest usa’ tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu, li tista’ jew tiġi inkluża fir-reklam innifsu, jew tiġi pprovduta mill-pubblikatur fuq is-sit web tiegħu, aċċessibbli permezz ta’ link jew direzzjoni ekwivalenti ċara u faċli għall-utent fir-reklam.
(39)Din l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta f’avviż ta’ trasparenza li jenħtieġ li jinkludi wkoll l-identità tal-isponsor, sabiex tiġi appoġġata l-akkontabbiltà fil-proċess politiku. Il-post tal-istabbiliment tal-isponsor u jekk l-isponsor huwiex persuna fiżika jew ġuridika jenħtieġ li jiġu indikati b’mod ċar. Id-data personali dwar individwi involuti fir-reklamar politiku, li ma jkunux relatati mal-isponsor jew ma’ attur politiku involut ieħor jenħtieġ li ma tiġix provduta fl-avviż ta’ trasparenza. L-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jkun fih ukoll informazzjoni dwar il-perjodu ta’ tixrid, kwalunkwe elezzjoni relatata, l-ammont minfuq u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti fi skambju parzjali jew sħiħ għar-reklam speċifiku, kif ukoll, għall-kampanja kollha tar-reklamar, is-sors tal-fondi użati u informazzjoni oħra biex tiġi żgurata l-ġustizzja tad-disseminazzjoni tar-reklam politiku. Informazzjoni dwar is-sors tal-fondi użati tikkonċerna pereżempju l-oriġini pubblika jew privata tagħhom, il-fatt li dawn joriġinaw minn ġewwa jew minn barra l-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet jew ir-referenda relatati jenħtieġ li, meta jkun possibbli, tinkludi link għal informazzjoni minn sorsi uffiċjali rigward l-organizzazzjoni u l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni jew għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni f’dawk l-elezzjonijiet jew referenda. L-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jinkludi wkoll informazzjoni dwar kif għandhom jiġu mmarkati r-reklami politiċi f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan ir-Regolament. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar in-notifika skont l-Artikoli 14, 15 u 19 tar-Regolament (UE) 2021/XXX [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali].
(40)L-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li tiġi pprovduta fir-reklam innifsu jew tkun tista’ tiġi rkuprata faċilment abbażi ta’ indikazzjoni pprovduta fir-reklam. Ir-rekwiżit li l-informazzjoni dwar l-avviż ta’ trasparenza għandha tkun, inter alia, viżibbli b’mod ċar jenħtieġ li jinvolvi li din l-informazzjoni tkun tidher b’mod prominenti fir-reklamar jew miegħu. Ir-rekwiżit li l-informazzjoni ppubblikata fl-avviż ta’ trasparenza trid tkun faċilment aċċessibbli, li tista’ tinqara mill-magni fejn ikun teknikament possibbli, u faċli għall-utent jenħtieġ li jkun jindirizza l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità. L-Anness I tad-Direttiva 2019/882 (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà) fih rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni diġitali li jenħtieġ li tintuża biex l-informazzjoni politika ssir aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
(41)L-avviżi ta’ trasparenza jenħtieġ li jitfasslu biex iqajmu kuxjenza fost l-utenti u jgħinu fl-identifikazzjoni ċara tar-reklamar politiku bħala tali. Dawn jenħtieġ li jitfasslu biex jibqgħu fis-seħħ jew jibqgħu aċċessibbli f’każ li reklam politiku jiġi disseminat aktar, pereżempju jitqiegħed fuq pjattaforma oħra jew jintbagħat bejn individwu u ieħor. L-informazzjoni inkluża fl-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li tiġi ppubblikata meta tibda l-pubblikazzjoni tar-reklamar politiku u tinżamm għal perjodu ta’ sena wara l-aħħar pubblikazzjoni. L-informazzjoni miżmuma jenħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni dwar ir-reklamar politiku li jkun ġie tterminat jew li titneħħa mill-pubblikaturi.
(42)Peress li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku jagħmlu r-reklami politiċi disponibbli għall-pubbliku, jenħtieġ li jippubblikaw jew jiddessiminaw dik l-informazzjoni lill-pubbliku flimkien mal-pubblikazzjoni jew mad-disseminazzjoni tar-reklam politiku. Jenħtieġ li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku ma jagħmlux disponibbli għall-pubbliku dawk ir-reklami politiċi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ trasparenza skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li huma pjattaformi online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2021/XXX [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] jenħtieġ li jagħmlu l-informazzjoni inkluża fl-avviż ta’ trasparenza disponibbli permezz tar-repożitorji tar-reklamar ippubblikati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali]. Dan se jiffaċilita l-ħidma tal-atturi interessati, inklużi r-riċerkaturi, fir-rwol speċifiku tagħhom li jappoġġaw elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti u kampanji elettorali ġusti, inkluż billi jiskrutinizzaw l-isponsors tar-reklam politiku u janalizzaw ix-xenarju politiku tar-reklamar.
(43)Meta l-fornitur tas-servizz tar-reklamar politiku li jospita jew jaħżen b’xi mod ieħor u jipprovdi l-kontenut ta’ reklam politiku jkun separat mill-fornitur tas-servizz tar-reklamar politiku li jikkontrolla s-sit web jew interfaċċa oħra li eventwalment turi r-reklamar politiku, dawn jenħtieġ li jitqiesu flimkien bħala pubblikaturi tar-reklamar, bir-responsabbiltà rispettiva fir-rigward tas-servizz speċifiku li jipprovdu, biex jiġi żgurat li t-tikkettar jiġi pprovdut u li l-avviż ta’ trasparenza u l-informazzjoni rilevanti jkunu disponibbli. L-arranġamenti kuntrattwali tagħhom jenħtieġ li jirriflettu l-mod kif jorganizzaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.
(44)L-informazzjoni dwar l-ammonti minfuqa u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti fi skambju parzjali jew sħiħ għal servizzi ta’ reklamar politiku tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għad-dibattitu politiku. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tkun tista’ tinkiseb ħarsa ġenerali xierqa lejn l-attività tar-reklamar politiku mir-rapporti annwali mħejjija mill-pubblikaturi tar-reklamar politiku rilevanti. Sabiex jappoġġa s-sorveljanza u l-akkontabbiltà, tali rapportar jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-infiq fuq l-immirar tar-reklamar politiku fil-perjodu rilevanti, aggregat għall-kampanja jew għall-kandidat. Sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, dawn l-obbligi ta’ rapportar tat-trasparenza jenħtieġ li ma japplikawx għal intrapriżi li jikkwalifikaw skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE.
(45)Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu lill-individwi jirrapportawlhom li reklam politiku partikolari li jkunu ppubblikaw ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament. Il-mekkaniżmi għar-rapportar ta’ reklamar bħal dan jenħtieġ li jkunu faċli biex jiġu aċċessati u biex jintużaw, u jenħtieġ li jiġu adattati għall-forma tar-reklamar distribwit mill-pubblikatur tar-reklamar. Kemm jista’ jkun, dawn il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu aċċessibbli mir-reklam innifsu, pereżempju fuq is-sit web tal-pubblikatur tar-reklamar. Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq mekkaniżmi eżistenti, fejn xieraq. Meta l-pubblikaturi tar-reklamar politiku jkunu fornituri tas-servizzi ta’ hosting online skont it-tifsira tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, fir-rigward tar-reklamar politiku ospitat fuq talba tar-riċevituri tas-servizzi tagħhom, ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali għan-notifiki li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ reklami bħal dawn ma’ dan ir-Regolament.
(46)Sabiex l-entitajiet speċifiċi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fid-demokraziji, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ppubblikata mar-reklam politiku jew li tinsab fl-avviż ta’ trasparenza lil atturi interessati bħar-riċerkaturi skrutinizzati, il-ġurnalisti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-osservaturi elettorali akkreditati, sabiex jappoġġaw il-prestazzjoni tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess demokratiku. Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jwieġbu għal talbiet li huma manifestament bla bażi jew eċċessivi. Barra minn hekk, il-fornitur tas-servizzi rilevanti jenħtieġ li jitħalla jitlob tariffa raġonevoli f’każ ta’ talbiet ripetittivi u għaljin, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż amministrattivi għall-għoti tal-informazzjoni.
(47)Id-data personali miġbura direttament mingħand l-individwi, jew indirettament bħad-data inferita, meta l-individwi jiġu raggruppati skont l-interessi assunti tagħhom jew derivati permezz tal-attività online tagħhom, it-tfassil ta’ profili tal-imġiba u tekniki oħra ta’ analiżi, qed tintuża dejjem aktar biex il-messaġġi politiċi jiġu mmirati lejn gruppi jew votanti individwali jew individwi, u biex jiġi amplifikat l-impatt tagħhom. Abbażi tal-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari data meqjusa sensittiva skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, gruppi differenti ta’ votanti jew individwi jistgħu jiġu segmentati u l-karatteristiċi jew il-vulnerabbiltajiet tagħhom jiġu sfruttati pereżempju billi r-reklami jiġu disseminati f’mumenti speċifiċi u f’postijiet speċifiċi mfassla biex jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjonijiet fejn ikunu sensittivi għal ċertu tip ta’ informazzjoni/messaġġ. Dan għandu effetti speċifiċi u detrimentali fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u l-libertà tagħhom li jirċievu informazzjoni oġġettiva, li jiffurmaw l-opinjoni tagħhom, li jieħdu deċiżjonijiet politiċi u li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom. Dan għandu impatt negattiv fuq il-proċess demokratiku. Għandhom jiġu previsti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet addizzjonali mqabbla mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE.
(48)It-tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tar-reklamar politiku li jinvolvu l-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jenħtieġ għalhekk li jiġu pprojbiti. L-użu ta’ tekniki bħal dawn jenħtieġ li jkun permess biss meta jitwettaq mill-kontrollur, jew minn persuna li taġixxi f’ismu, abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data jew matul l-attivitajiet leġittimi tiegħu, b’salvagwardji xierqa minn fondazzjoni, minn assoċjazzjoni jew minn korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan politiku, filosofiku jew reliġjuż, jew ta’ trade union, u bil-kundizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew mal-eks membri tal-korp jew ma’ persuni li jkollhom kuntatt regolari miegħu b’rabta mal-finijiet tiegħu, u li d-data personali ma tiġix żvelata barra minn dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data. Dan jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn salvagwardji speċifiċi. Il-kunsens jenħtieġ li jinftiehem bħala kunsens skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li wieħed jibbaża fuq l-eċċezzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 9(2), il-punti (b), (c), (e), (f), (g), (h), (i) u (j) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 10(2), il-punti (b), (c), (e), (f), (g), (h), (i) u (j) tar-Regolament (UE) 2018/1725 rispettivament għall-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni għall-pubblikazzjoni, il-promozzjoni jew id-disseminazzjoni tar-reklamar politiku li jinvolvi pproċessar tad-data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/725.
(49)Sabiex jiġu żgurati trasparenza u akkontabbiltà aħjar, meta jagħmlu użu minn tekniki tal-mmirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tar-reklamar politiku li jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, il-kontrolluri jenħtieġ li jimplimentaw salvagwardji addizzjonali. Għandhom jadottaw u jimplimentaw politika li tiddeskrivi l-użu ta’ dawn it-tekniki biex jimmiraw lejn individwi jew jamplifikaw il-kontenut tagħhom u jżommu rekord tal-attivitajiet rilevanti tagħhom. Meta jippubblikaw, jippromwovu jew jiddessiminaw reklam politiku li jagħmel użu minn tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni, il-kontrolluri jenħtieġ li jipprovdu, flimkien mar-reklam politiku, informazzjoni sinifikanti biex jippermettu lill-individwu kkonċernat jifhem il-loġika involuta u l-parametri prinċipali tal-immirar użat, u l-użu tad-data ta’ terzi u tekniki analitiċi addizzjonali, inkluż jekk l-immirar tar-reklamar kienx ottimizzat aktar matul il-konsenja.
(50)Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li jagħmlu użu minn tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni jenħtieġ li jinkludu, fl-avviż ta’ trasparenza tagħhom, l-informazzjoni meħtieġa biex l-individwu kkonċernat ikun jista’ jifhem il-loġika involuta u l-parametri prinċipali tat-teknika użata, u l-użu tad-data ta’ terzi u ta’ tekniki analitiċi addizzjonali użati u link għall-politika rilevanti tal-kontrollur. F’każ li l-kontrollur ikun differenti mill-pubblikatur tar-reklamar, il-kontrollur jenħtieġ li jittrażmetti lill-pubblikatur tar-reklamar politiku l-politika interna jew referenza għaliha. Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar jenħtieġ li, kif meħtieġ, jittrażmettu lill-pubblikatur tar-reklamar politiku l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. Il-provvista ta’ din l-informazzjoni tista’ tkun awtomatizzata u integrata fil-proċessi kummerċjali ordinarji abbażi ta’ standards.
(51)Sabiex l-individwi jingħataw aktar is-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data, il-pubblikaturi tar-reklamar politiku jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni addizzjonali u għodod effettivi lis-suġġett tad-data kkonċernat biex jappoġġaw l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom skont il-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż biex joġġezzjonaw jew jirtiraw il-kunsens tagħhom meta jkunu fil-mira ta’ reklam politiku. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli direttament mill-avviż ta’ trasparenza. L-għodod li huma disponibbli għall-individwi biex jappoġġaw l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom jenħtieġ li jkunu effettivi biex jipprevjenu li individwu jkun fil-mira ta’ reklamar politiku, kif ukoll biex jipprevjenu l-immirar abbażi ta’ kriterji speċifiċi u minn kontrollur speċifiku wieħed jew aktar.
(52)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta kif imsemmi fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/679 biex tappoġġa l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’dan il-kuntest.
(53)L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta f’konformità mar-rekwiżiti kollha applikabbli għall-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ppreżentata f’format li jkun faċilment aċċessibbli, viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi.
(54)Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-immirar lejn entitajiet interessati oħra. Ir-reġim applikabbli jenħtieġ li jkun konsistenti mar-reġim għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni relatata mar-rekwiżiti ta’ trasparenza.
(55)Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku stabbiliti f’pajjiż terz li joffru servizzi fl-Unjoni jenħtieġ li jaħtru rappreżentant legali awtorizzat fl-Unjoni biex jippermetti sorveljanza effettiva ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawk il-fornituri. Ir-rappreżentant legali jista’ jkun dak maħtur abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2016/679) jew ir-rappreżentant maħtur abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/xxx [id-DSA].
(56)Fl-interess tas-superviżjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jiġu fdati bil-kompetenza li jimmonitorjaw u jinfurzaw ir-regoli rilevanti. Skont is-sistema legali ta’ kull Stat Membru u f’konformità mad-dritt eżistenti tal-Unjoni inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali], jistgħu jinħatru awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali differenti għal dan il-għan.
(57)Fir-rigward tas-superviżjoni ta’ servizzi intermedjarji online skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtoritajiet kompetenti u jiżguraw li din is-superviżjoni tkun koerenti mal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali]. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f’kull Stat Membru, skont ir-Regolament (UE) dwar is-Servizzi Diġitali, jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, ikunu responsabbli biex jiżguraw il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet u jinvolvu ruħhom, fejn meħtieġ, f’kooperazzjoni transfruntiera ma’ Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali skont il-mekkaniżmi stabbiliti fir-Regolament (UE) [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali]. Fil-qafas tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun limitat għall-kooperazzjoni nazzjonali bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali [u jenħtieġ li ma jinkludix l-eskalazzjoni għal-livell tal-Unjoni kif previst mir-Regolament (UE) [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali].
(58)Għas-sorveljanza ta’ dawn l-aspetti ta’ dan ir-Regolament li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji skont ir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-Istati Membri taħt ir-Regolament (UE) 2018/725 jaħtru awtoritajiet kompetenti. Biex jiġu appoġġati ż-żamma tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi u l-fiduċja pubblika fis-sorveljanza tar-reklamar politiku, huwa meħtieġ li dawn l-awtoritajiet ikunu strutturalment indipendenti minn intervent estern jew minn pressjoni politika u jkollhom is-setgħa xierqa li jimmonitorjaw u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7. L-Istati Membri jistgħu jaħtru, b’mod partikolari, l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(59)Fejn diġà jeżistu regoli skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet u bejniethom, bħall-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali], jew dawk li jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/679, dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
(60)L-awtoritajiet kompetenti għas-sorveljanza ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE billi jagħmlu l-aħjar użu mill-istrutturi eżistenti inklużi n-networks ta’ kooperazzjoni nazzjonali, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni C(2018) 5949 final, u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva stabbilit skont id-Direttiva 2010/13/UE. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tiffaċilita l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji u ta’ infurzar tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi tidentifika b’mod konġunt il-ksur, taqsam is-sejbiet u l-għarfien espert, u tikkoordina dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli rilevanti.
(61)Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tal-obbligi stabbiliti fir-regolament, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw is-setgħa li jitolbu lill-fornituri tas-servizzi l-informazzjoni rilevanti dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku. L-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti tista’ tikkonċerna kampanja tar-reklamar, tkun aggregata skont is-snin jew tikkonċerna reklami speċifiċi. Sabiex jiġi żgurat li t-talbiet għal din l-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu rrispettati b’mod effettiv u effiċjenti, u fl-istess ħin li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku ma jkunux soġġetti għal xi piż sproporzjonat, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet li dawk it-talbiet jenħtieġ li jissodisfaw. Fl-interess tas-sorveljanza f’waqtha ta’ proċess elettorali b’mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jwieġbu malajr għat-talbiet mill-awtoritajiet kompetenti, u dejjem fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievu l-miżura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u f’konformità mad-drittijiet tad-difiża, it-talbiet biex tiġi pprovduta informazzjoni minn awtorità kompetenti jenħtieġ li jkun fihom dikjarazzjoni adegwata tar-raġunijiet u l-informazzjoni dwar ir-rimedju disponibbli. Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jaħtru punti ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jkunu elettroniċi.
(62)L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru punt ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-punt ta’ kuntatt jenħtieġ, jekk ikun possibbli, li jkun membru tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. Il-punt ta’ kuntatt jenħtieġ li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti bejn l-Istati Membri fil-kompiti ta’ superviżjoni u infurzar tagħhom, b’mod partikolari billi jintermedja mal-punti ta’ kuntatt fi Stati Membri oħra u mal-awtoritajiet kompetenti waħedhom.
(63)L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ksur tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġi sanzjonat b’amministrattivi jew minn penali finanzjarji. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jqisu n-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul ta’ żmien tal-ksur fid-dawl tal-interess pubbliku inkwistjoni, l-ambitu u t-tip ta’ attivitajiet imwettqa, kif ukoll il-kapaċità ekonomika tal-kontraventur. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies ir-rwol kruċjali li għandhom l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7 għall-ilħuq effettiv tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jqisu jekk il-fornitur tas-servizz ikkonċernat jonqos b’mod sistematiku jew rikorrenti milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, inkluż billi jdewwem il-provvista ta’ informazzjoni lill-entitajiet interessati, kif ukoll, fejn rilevanti, jekk il-fornitur tas-servizzi ta’ reklamar politiku huwiex attiv f’diversi Stati Membri. Il-penali finanzjarji u l-multi amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi f’kull każ, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-provvista ta’ salvagwardji proċedurali suffiċjenti u aċċessibbli, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li d-dibattitu politiku jibqa’ miftuħ u aċċessibbli.
(64)L-eżerċizzju mill-awtoritajiet superviżorji tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun suġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi tal-Istati Membri, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut tal-liġi effettivi.
(65)L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw it-tul ta’ żmien eżatt tal-perjodi elettorali tagħhom, stabbiliti skont it-tradizzjonijiet elettorali tagħhom, minn kmieni biżżejjed qabel il-bidu tal-kalendarju elettorali.
(66)Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati l-atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 7(7) biex tispeċifika aktar il-forma li fiha għandhom jiġu pprovduti r-rekwiżiti għall-provvista ta’ informazzjoni fl-avviżi ta’ trasparenza skont dak l-Artikolu; u fir-rigward tal-Artikolu 12(8) biex tiġi speċifikata aktar il-forma li fiha jenħtieġ li jiġu pprovduti r-rekwiżiti tal-provvista ta’ informazzjoni dwar l-immirar. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż ma’ esperti maħtura minn kull Stat Membru, u li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(67)Fi żmien sentejn wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport pubbliku dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ elezzjonijiet u referenda oħra oħrajn li jseħħu fl-Unjoni. Ir-rapport jenħtieġ li jirrevedi, inter alia, l-adegwatezza kontinwa tad-dispożizzjonijiet tal-annessi ta’ dan ir-Regolament u jqis il-ħtieġa għar-reviżjoni tagħhom.
(68)L-obbligi komplementari dwar l-użu tar-reklamar politiku mill-partiti politiċi Ewropej huma pprovduti fir-Regolament (UE) 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
(69)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribut għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għar-reklamar politiku u għas-servizzi relatati u l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-użu tal-immirar fil-kuntest tal-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta dan ir-Regolament, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(70)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/31/KE, inklużi r-regoli ta’ responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji fl-Artikoli 12 sa 15 ta’ dik id-Direttiva kif immodifikati mir-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali], ir-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Swieq Diġitali], id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) XXX [ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika], kif ukoll id-Direttiva (UE) 2010/13, id-Direttiva 2000/31/KE, id-Direttiva 2002/58/KE, id-Direttiva 2005/29/KE, id-Direttiva 2011/83/UE, id-Direttiva 2006/114/KE, id-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) 2019/1150.
(71)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 u ta opinjoni fil-XX XX 2022.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
(a)obbligi armonizzati ta’ trasparenza għall-fornituri tar-reklamar politiku u ta’ servizzi relatati biex iżommu, jiżvelaw u jippubblikaw informazzjoni marbuta mal-provvista ta’ tali servizzi;
(b)regoli armonizzati dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, id-disseminazzjoni jew il-promozzjoni tar-reklamar politiku li jinvolvi l-użu ta’ data personali.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reklamar politiku mħejji, imqiegħed, promoss, ippubblikat jew disseminat fl-Unjoni, jew dirett lejn individwi fi Stat Membru wieħed jew aktar, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ reklamar, u irrispettivament mill-mezzi użati.
3.L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huma:
(a)li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għar-reklamar politiku u s-servizzi relatati;
(b)li jipproteġi lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.
1.Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti f’dawn li ġejjin:
(a)id-Direttiva 2000/31/KE;
(b)id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) XXX [ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika];
(c)id-Direttiva 2005/29/KE;
(d)id-Direttiva 2006/114/KE;
(e)id-Direttiva 2006/123/KE;
(f)id-Direttiva (UE) 2010/13;
(g)id-Direttiva 2011/83/UE;
(h)ir-Regolament (UE) 2019/1150;
(i)ir-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali].
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“servizz” tfisser kwalunkwe attività ekonomika ta’ impjieg awtonomu normalment provduta bi ħlas, kif imsemmi fl-Artikolu 57 tat-TFUE;
2.“reklamar politiku” tfisser it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni, bi kwalunkwe mezz, ta’ messaġġ:
(a)minn attur politiku, għalih jew f’ismu, sakemm ma jkunx ta’ natura purament privata jew purament kummerċjali; jew
(b)li jista’ jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, proċess leġiżlattiv jew regolatorju jew imġiba ta’ votazzjoni.
3.“reklam politiku” tfisser istanza ta’ reklamar politiku;
4.“attur politiku” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)partit politiku skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jew entità direttament jew indirettament relatata mal-isfera ta’ attività ta’ tali partit politiku;
(b)alleanza politika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1141/2014;
(c)partit politiku Ewropew skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;
(d)kandidat għal kwalunkwe uffiċċju elett fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, jew għal waħda mill-pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan partit politiku;
(e)uffiċjal elett f’istituzzjoni pubblika fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali;
(f)membru mhux elett tal-gvern fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali;
(g)organizzazzjoni ta’ kampanja politika b’personalità ġuridika jew mingħajrha, stabbilita biex tikseb riżultat speċifiku f’elezzjoni jew f’referendum;
(h)kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrappreżenta jew taġixxi f’isem kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni fil-punti (a) sa (g), li tippromwovi l-objettivi politiċi ta’ kwalunkwe wieħed minnhom.
5.“servizz ta’ reklamar politiku” tfisser servizz li jikkonsisti minn reklamar politiku bl-eċċezzjoni ta’ servizz intermedjarju online skont it-tifsira tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (UE) 2021/XXX [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] li jiġi pprovdut mingħajr korrispettiv għat-tqegħid, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni għall-messaġġ speċifiku;
6.“kampanja tar-reklamar politiku” tfisser it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni ta’ sensiela ta’ reklami relatati matul kuntratt għar-reklamar politiku, abbażi ta’ tħejjija, sponsorizzazzjoni jew finanzjament komuni;
7.“sponsor” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jitħejja, jitqiegħed, jiġi ppubblikat jew jiġi disseminat reklamar politiku;
8.“tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni” tfisser tekniki li jintużaw jew biex jiġi indirizzat reklam politiku mfassal biss apposta għal persuna speċifika jew għal grupp ta’ persuni, jew biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni, il-firxa jew il-viżibbiltà tar-reklamar politiku;
9.“perjodu elettorali” tfisser il-perjodu ta’ qabel jew matul jew immedjatament wara elezzjoni jew referendum fi Stat Membru u li matulu l-attivitajiet tal-kampanja jkunu soġġetti għal regoli speċifiċi;
10.“elettorat rilevanti” tfisser il-korp ta’ individwi eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni jew fir-referendum li jkun qed jiġi jsir fl-Istat Membru li fih ikun qed jiċċirkola reklam politiku, li jista’ jkun l-elettorat kollu ta’ Stat Membru;
11. “pubblikatur tar-reklamar politiku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xxandar, tagħmel disponibbli permezz ta’ interfaċċa jew li b’xi mod ieħor twassal fid-dominju pubbliku reklamar politiku permezz ta’ kwalunkwe mezz;
12.“kontrollur” tfisser kontrollur skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, il-punt (2) messaġġi minn sorsi uffiċjali rigward l-organizzazzjoni u l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet jew fir-referenda jew għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet jew fir-referenda ma għandhomx jikkostitwixxu reklamar politiku.
Artikolu 3
Livell ta’ Armonizzazzjoni
1.L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, għal raġunijiet relatati mat-trasparenza, dispożizzjonijiet jew miżuri diverġenti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2.Il-fornimenti tas-servizzi ta’ reklamar politiku ma għandhomx ikunu pprojbiti u lanqas ristretti għal raġunijiet relatati mat-trasparenza meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU II – OBBLIGI TA’ TRASPARENZA GĦAS-SERVIZZI TA’ REKLAMAR POLITIKU
Artikolu 4
Trasparenza
Is-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiġu pprovduti b’mod trasparenti f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 11 u 14 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Identifikazzjoni tas-servizzi ta’ reklamar politiku
1.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar għandhom jitolbu lill-isponsors u lill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors biex jiddikjaraw jekk is-servizz tar-reklamar li jitolbu lill-fornitur tas-servizz biex iwettaq, jikkostitwixxix servizz tar-reklamar politiku skont it-tifsira tal-Artikolu 2(5). L-isponsors u l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors għandhom jagħmlu tali dikjarazzjoni.
2.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali konklużi għall-provvista ta’ servizz tar-reklamar politiku jispeċifikaw kif id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jiġu rrispettati.
Artikolu 6
Żamma tar-rekords u trażmissjoni tal-informazzjoni
1.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom iżommu l-informazzjoni li jiġbru fil-provvista tas-servizzi tagħhom, dwar dawn li ġejjin:
(a)ir-reklam politiku jew il-kampanja tar-reklamar politiku li magħhom huma marbuta s-servizz jew is-servizzi;
(b)is-servizz jew is-servizzi speċifiċi pprovduti b’rabta mar-reklamar politiku;
(c)l-ammonti li ffatturaw għas-servizz jew għas-servizzi pprovduti, u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għas-servizz jew għas-servizzi pprovduti; u
(d) fejn applikabbli, l-identità tal-isponsor u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu.
2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun bil-miktub u tista’ tkun f’forma elettronika. Tali informazzjoni għandha tinżamm għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-aħħar preparazzjoni, tqegħid, pubblikazzjoni jew tixrid, skont il-każ.
3.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi kkomunikata lill-pubblikaturi tar-reklamar politiku li jiddisseminaw ir-reklam politiku biex jippermettu lill-pubblikaturi tar-reklamar politiku jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. Din l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa, fil-ħin u b’mod preċiż f’konformità mal-aħjar prattiki u mal-istandards tal-industrija, permezz ta’ proċess awtomatizzat standardizzat, fejn ikun teknikament possibbli.
Artikolu 7
Rekwiżiti ta’ trasparenza għal kull reklam politiku
1.Fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, kull reklam politiku għandu jkun disponibbli bl-informazzjoni li ġejja b’mod ċar, imponenti u mhux ambigwu:
(a)dikjarazzjoni li tgħid li huwa reklam politiku;
(b)l-identità tal-isponsor tar-reklam politiku u tal-entità li fl-aħħar mill-aħħar tikkontrolla l-isponsor;
(c)avviż ta’ trasparenza li jippermetti li jinftiehem il-kuntest usa’ tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu, jew indikazzjoni ċara ta’ fejn jista’ jinkiseb faċilment.
F’dan ir-rigward, il-pubblikaturi tar-reklamar politiku għandhom jużaw tekniki effiċjenti u prominenti ta’ mmarkar u ta’ tikkettar li jippermettu li r-reklam politiku jiġi identifikat faċilment bħala tali u għandhom jiżguraw li l-immarkar jew it-tikkettar jibqa’ fis-seħħ f’każ li reklam politiku jiġi ddessiminat aktar.
2.L-avviż ta’ trasparenza għandu jiġi inkluż f’kull reklam politiku jew għandu jkun jista’ jiġi rkuprat faċilment minnu, u għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-identità tal-isponsor u d-dettalji ta’ kuntatt;
(b)il-perjodu li matulu r-reklam politiku jkun maħsub li jiġi ppubblikat u disseminat;
(c)abbażi, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-Artikolu 6(3), l-informazzjoni dwar l-ammonti aggregati minfuqa jew ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għat-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklamar rilevanti, u tal-kampanja tar-reklamar politiku fejn rilevanti, u s-sorsi tagħhom;
(d)fejn applikabbli, indikazzjoni tal-elezzjonijiet jew tar-referenda li magħhom ikun relatat ir-reklam;
(e)fejn applikabbli, links għar-repożitorji online tar-reklami;
(f)informazzjoni dwar kif jintużaw il-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 9(1).
(g)L-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviż ta’ trasparenza għandha tiġi pprovduta bl-użu tal-entrati speċifiċi tad-data stabbiliti fl-Anness I.
3.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tkun kompluta, u fejn isibu li dan ma jkunx il-każ, ma għandhomx jagħmlu r-reklam politiku disponibbli.
4.L-avviżi ta’ trasparenza għandhom jinżammu aġġornati u jiġu ppreżentati f’format li jkun faċilment aċċessibbli u, fejn ikun teknikament possibbli, li jista’ jinqara mill-magni, ikun viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi. L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-pubblikatur tar-reklamar politiku mar-reklam politiku mal-ewwel pubblikazzjoni tiegħu sa sena wara l-aħħar pubblikazzjoni tiegħu.
5.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku għandhom iżommu l-avviżi ta’ trasparenza tagħhom flimkien ma’ kwalunkwe modifika għal perjodu ta’ ħames snin wara tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 4.
6.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li huma pjattaformi online kbar ħafna skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2021/xxx [id-DSA] għandhom jiżguraw li r-repożitorji li jagħmlu disponibbli skont l-Artikolu 30 ta’ dak ir-regolament [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għal kull reklam politiku fir-repożitorju.
7.L-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-fornituri tas-servizzi rilevanti involuti u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex temenda l-Anness I billi żżid, timmodifika jew tneħħi elementi mil-lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafu 2 fejn, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, emenda bħal din hija meħtieġa għall-kuntest usa’ tar-reklamar politiku u l-għanijiet tagħha li jkunu mifhuma.
Artikolu 8
Rapportar perjodiku dwar is-servizzi ta’ reklamar politiku
1.Meta jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku, il-pubblikaturi tar-reklamar għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ammonti jew il-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għal dawk is-servizzi, inkluż dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tal-amplifikazzjoni, aggregati skont il-kampanji, bħala parti mir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2013/34/UE fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal impriżi li jikkwalifikaw skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE.
Artikolu 9
Indikazzjoni ta’ reklami politiċi possibbilment illegali
3.Meta jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku, il-pubblikaturi tar-reklamar għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu lill-individwi jinnotifikawhom, mingħajr ħlas, li reklam partikolari li jkunu ppubblikaw ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.
4.L-informazzjoni dwar kif għandhom jiġu nnotifikati r-reklami politiċi kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun faċli għall-utent u faċli biex tiġi aċċessata, inkluż mill-avviż ta’ trasparenza.
5.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku għandhom jippermettu s-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mezzi elettroniċi. Il-pubblikatur tar-reklamar politiku għandu jinforma lill-individwi dwar is-segwitu mogħti għan-notifika kif imsemmi fil-paragrafu 1.
6.Notifiki ripetittivi skont il-paragrafu 1 rigward l-istess reklam jew kampanja tar-reklamar jistgħu jitwieġbu b’mod kollettiv, inkluż b’referenza għal tħabbira fuq is-sit web tal-pubblikatur tar-reklamar politiku kkonċernat.
Artikolu 10
Trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti
1.L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu li fornitur tas-servizzi ta’ reklamar politiku jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8. L-informazzjoni trażmessa trid tkun kompluta, preċiża u affidabbli, u pprovduta f’format ċar, koerenti, konsolidat u li jinftiehem. Fejn ikun teknikament possibbli, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa f’format li jinqara mill-magni.
It-talba għandha tinkludi fiha dawn l-elementi:
(a)dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv li għalih tintalab l-informazzjoni u għaliex it-talba hija meħtieġa u proporzjonata, dment li t-talba ma jkollhiex l-objettiv tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u sal-punt li r-raġunijiet għat-talba jkunu jipperikolaw dak l-objettiv;
(b)informazzjoni dwar ir-rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizz rilevanti u għall-isponsor tas-servizz tar-reklamar politiku.
2.Malli jirċievu talba skont il-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom, fi żmien jumejn tax-xogħol, jirrikonoxxu li rċevew dik it-talba u jinformaw lill-awtorità bil-passi meħuda biex jikkonformaw magħha. Il-fornitur tas-servizz rilevanti għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba fi żmien 10 ijiem tax-xogħol.
3.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku li huma SMEs skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE jistgħu jaħtru persuna fiżika esterna bħala punt ta’ kuntatt.
Artikolu 11
Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil entitajiet interessati oħra
1.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 lill-entitajiet interessati fuq talba u mingħajr spejjeż.
Meta l-fornitur tas-servizzi ta’ reklamar politiku jkun pubblikatur tar-reklamar politiku, huwa għandu jieħu wkoll il-miżuri xierqa biex jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 lill-entitajiet interessati fuq talba u mingħajr spejjeż.
2.L-entitajiet interessati li jitolbu t-trażmissjoni tal-informazzjoni skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali u għandhom jaqgħu taħt waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:
(a)riċerkaturi skrutinizzati f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali];
(b)membri ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li l-objettivi statutorji tagħha huma li tipproteġi u tippromwovi l-interess pubbliku, awtorizzata skont il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni;
(c)atturi politiċi kif awtorizzati skont il-liġi nazzjonali; jew
(d)osservaturi elettorali nazzjonali jew internazzjonali akkreditati fi Stat Membru.
Tali entitajiet interessati għandhom jinkludu wkoll ġurnalisti akkreditati fi Stat Membru minn korpi nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali.
3.Wara talba minn entità interessata, fi żmien xahar, il-fornitur tas-servizz għandu jagħmel l-aħjar sforzi biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba jew ir-rispons motivat tiegħu skont il-paragrafu 5.
4.Meta jkun qed iħejji l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizz jista’ jaggrega l-ammonti rilevanti jew ipoġġihom f’firxa, sal-punt meħtieġ sabiex jipproteġi l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu.
5.Meta t-talbiet skont il-paragrafu 1 ikunu manifestament bla bażi, mhux ċari jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħhom, il-fornitur tas-servizz jista’ jirrifjuta li jwieġeb. F’dan il-każ, il-fornitur tas-servizz rilevanti għandu jibgħat tweġiba motivata lill-entità interessata li tagħmel it-talba.
6.Meta t-talbiet skont il-paragrafu 1 ikunu ripetittivi u l-ipproċessar tagħhom jinvolvi spejjeż sinifikanti, il-fornitur tas-servizz jista’ jitlob tariffa raġonevoli u proporzjonata, li fi kwalunkwe każ ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi tal-għoti tal-informazzjoni mitluba.
7.Il-fornituri tas-servizzi għandhom iġorru l-piż li juru li talba hija manifestament bla bażi, mhux ċara jew eċċessiva, jew li t-talbiet huma ripetittivi u jinvolvu spejjeż sinifikanti għall-ipproċessar.
KAPITOLU III – IMMIRAR U AMPLIFIKAZZJONI TAR-REKLAMAR POLITIKU
Artikolu 12
Rekwiżiti speċifiċi relatati mal-immirar u tal-amplifikazzjoni
1.It-tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-kuntest tar-reklamar politiku huma pprojbiti.
2.Il-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza ma għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(a) u (d) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 10(2)(a) u (d) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
3.Meta jużaw tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni fil-kuntest tar-reklamar politiku li jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, il-kontrolluri għandhom, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 u fir-Regolament (UE) 2018/1725, kif applikabbli, jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)jadottaw u jimplimentaw politika interna li tiddeskrivi b’mod ċar u b’lingwaġġ sempliċi, b’mod partikolari, l-użu ta’ tali tekniki biex jimmiraw lejn individwi jew jamplifikaw il-kontenut, u jżommu tali politika għal perjodu ta’ ħames snin;
(b)iżommu rekords dwar l-użu tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni, tal-mekkaniżmi, tat-tekniki u tal-parametri rilevanti użati, u s-sors(i) tad-data personali użat(i).
(c)jipprovdu, flimkien mar-reklam politiku, informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex l-individwu kkonċernat ikun jista’ jifhem il-loġika involuta u l-parametri prinċipali tat-teknika użata, u l-użu ta’ data ta’ terzi u tekniki analitiċi addizzjonali. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness II.
4.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li jagħmlu użu minn tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni għandhom fl-avviż ta’ trasparenza meħtieġ skont l-Artikolu 7 jinkludu l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3(c) u link għall-politika msemmija fil-paragrafu 3(a). F’każ li l-kontrollur ikun differenti mill-pubblikatur tar-reklamar, il-kontrollur għandu jittrażmetti l-politika interna jew referenza għaliha lill-pubblikatur tar-reklamar politiku.
5.Il-pubblikaturi tar-reklamar politiku li jagħmlu użu minn tekniki tal-immirar jew tal-amplifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu fir-reklamar jew flimkien miegħu u fl-avviż ta’ trasparenza meħtieġ skont l-Artikolu 7, referenza għal mezzi effettivi biex jgħinu lill-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679.
6.L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi ppreżentata f’format li jkun faċilment aċċessibbli u, fejn ikun teknikament fattibbli, jista’ jinqara mill-magni, ikun viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi.
7.Il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar għandhom, kif ikun meħtieġ, jittrażmettu lill-kontrollur l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonformaw mal-paragrafu 3.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex temenda l-Anness II billi timmodifika jew tneħħi elementi mil-lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-Artikolu, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi fir-riċerka xjentifika rilevanti, u l-iżviluppi fis-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u l-gwida rilevanti maħruġa mill-korpi kompetenti.
Artikolu 13
Trażmissjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-immirar jew l-amplifikazzjoni lil entitajiet interessati oħra
1.Il-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 12 għandu jieħu miżuri xierqa biex jibgħat, fuq talba mill-entitajiet interessati f’konformità mal-Artikolu 11(1), l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12.
2.L-Artikolu 11 (2) sa (7) għandu japplika mutatis mutandis.
KAPITOLU IV – SUPERVIŻJONI U INFURZAR
Artikolu 14
Rappreżentant legali
1.Il-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku fl-Unjoni iżda li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni għandhom jaħtru, bil-miktub, persuna fiżika jew ġuridika bħala r-rappreżentant legali tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.
2.Ir-rappreżentant legali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-konformità mal-obbligi tal-fornitur tas-servizz irrappreżentat skont dan ir-Regolament u għandu jkun id-destinatarju għall-komunikazzjonijiet kollha mal-fornitur tas-servizz rilevanti previsti f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe komunikazzjoni lil dak ir-rappreżentant legali għandha titqies bħala komunikazzjoni lill-fornitur tas-servizz irrappreżentat.
Artikolu 15
Awtoritajiet kompetenti u punti ta’ kuntatt
1.L-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom ikunu kompetenti biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament fil-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom. L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-attivitajiet koperti mill-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.
2.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw il-konformità tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2021/xxx [DSA] mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 11 u 14 ta’ dan ir-Regolament, fejn applikabbli. L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont ir-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] jistgħu jkunu wkoll waħda mill-awtoritajiet kompetenti maħtura biex jimmonitorjaw il-konformità tal-intermedjarji online mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 11 u 14 ta’ dan ir-Regolament. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali msemmi fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2021/xxx f’kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kif definit mir-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali]. L-Artikolu 45(1) sa (4) u l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2021/xxx [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] għandhom ikunu applikabbli għal kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji.
3.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex ikunu responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tal-aspetti ta’ dan ir-Regolament mhux imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Kull awtorità kompetenti maħtura skont dan il-paragrafu għandha tgawdi strutturalment minn indipendenza sħiħa kemm mis-settur kif ukoll minn kwalunkwe intervent estern jew pressjoni politika. Hija għandha timmonitorja b’mod effettiv u b’indipendenza sħiħa u tieħu l-miżuri meħtieġa u proporzjonati biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
4.L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3, meta jeżerċitaw il-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu aċċess għad-data, għad-dokumenti jew għal kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom.
5.L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3, meta jeżerċitaw is-setgħat ta’ infurzar tagħhom fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, għandu jkollhom is-setgħa li:
(a)joħorġu twissijiet indirizzati lill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku dwar in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-obbligi skont dan ir-Regolament;
(b)jippubblikaw dikjarazzjoni li tidentifika l-persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għall-ksur ta’ obbligu stabbilit f’din id-Direttiva u n-natura ta’ dak il-ksur;
(c)jimponu multi amministrattivi u penali finanzjarji.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti b’mod partikolari fil-qafas tan-networks nazzjonali tal-elezzjonijiet, biex jiffaċilitaw l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji u ta’ infurzar tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi jidentifikaw il-ksur b’mod konġunt, jikkondividu sejbiet u għarfien espert, u jikkoordinaw dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli rilevanti.
7.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti bħala punt ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
8.Meta fornitur tas-servizzi ta’ reklamar politiku jkun qed jipprovdi servizzi f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew rappreżentant fi Stat Membru, iżda jipprovdi l-attivitajiet prinċipali tiegħu fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali jew ta’ stabbiliment ieħor jew tar-rappreżentant, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkooperaw bejniethom u jassistu lil xulxin kif ikun meħtieġ. Sakemm ma tkunx diġà regolata mid-dritt tal-Unjoni, dik il-kooperazzjoni għandha tinvolvi, tal-anqas, dan li ġej:
(a)l-awtoritajiet kompetenti li japplikaw miżuri superviżorji jew ta’ infurzar fi Stat Membru għandhom, permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt imsemmi fil-paragrafu 7, jinformaw u jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i l-oħra kkonċernati dwar il-miżuri superviżorji u ta’ infurzar meħuda u s-segwitu tagħhom;
(b)awtorità kompetenti tista’ titlob, permezz tal-punt ta’ kuntatt imsemmi fil-paragrafu 7, b’mod sostanzjat, ġustifikat u proporzjonat, lil awtorità kompetenti oħra, meta din tkun f’pożizzjoni aħjar, biex tieħu l-miżuri superviżorji jew ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 4 u 5; u
(c)malli tirċievi talba ġustifikata mingħand awtorità kompetenti oħra, awtorità kompetenti għandha tipprovdi assistenza lill-awtorità kompetenti l-oħra biex il-miżuri ta’ superviżjoni jew ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv, effiċjenti u konsistenti. L-awtorità kompetenti rilevanti mitluba b’dan il-mod għandha, permezz tal-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafu 7 u f’perjodu ta’ żmien proporzjonat għall-urġenza tat-talba, tipprovdi tweġiba li tikkomunika l-informazzjoni mitluba, jew tinforma li ma tqisx li l-kundizzjonijiet għat-talba għal assistenza skont dan ir-Regolament ġew issodisfati. Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-assistenza mitluba u pprovduta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.
9.Il-punti ta’ kuntatt għandhom jiltaqgħu perjodikament fil-livell tal-Unjoni fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet biex jiffaċilitaw l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji u ta’ infurzar tagħhom skont dan ir-Regolament.
Artikolu 16
Sanzjonijiet
1.Fir-rigward tal-Artikoli 5 sa 11, 13 u 14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet inklużi multi amministrattivi u penali finanzjarji applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom għal ksur ta’ dan ir-Regolament, li f’kull każ individwali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
3.Meta tittieħed deċiżjoni dwar it-tip ta’ sanzjoni u l-livell tagħha, għandha tingħata attenzjoni xierqa f’kull każ individwali, fost l-oħrajn, għal dan li ġej:
(a)in-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;
(b)il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;
(c)kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġi mitigat kwalunkwe dannu;
(d)kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti u kwalunkwe fattur ieħor aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ; u
(e)l-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti.
4.Il-ksur tal-Artikolu 7 għandu jitqies bħala partikolarment serju meta jikkonċerna r-reklamar politiku ppubblikat jew disseminat matul perjodu elettorali u dirett lejn iċ-ċittadini fl-Istat Membru li fih tkun qed tiġi organizzata l-elezzjoni rilevanti.
5.Jekk fornitur tas-servizz jikser intenzjonalment jew b’negliġenza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, għall-istess reklamar politiku jew għal reklamar politiku relatat, l-ammont totali tal-multa amministrattiva għandu jkun aġġustabbli biżżejjed sabiex jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha; il-fatt li r-Regolament ikun inkiser f’diversi aspetti għandu jiġi rifless fl-ammont tal-multa totali, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
6.Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, jimponu multi amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament.
7.Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12, l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tista’ timponi multi amministrattivi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 17
Pubblikazzjoni tal-perjodi elettorali
L-Istati Membri għandhom jippubblikaw id-dati tal-perjodi elettorali nazzjonali tagħhom f’post faċilment aċċessibbli, b’referenza xierqa għal dan ir-Regolament.
KAPITOLU V - DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Evalwazzjoni u rieżami
Fi żmien sentejn wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jivvaluta l-ħtieġa għal emenda għal dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.
Artikolu 19
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(8) u fl-Artikolu 12(8) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ [sakemm tiġi evalwata l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, sentejn wara l-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej li jmiss].
3.Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 7(8) u fl-Artikolu 12(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-att simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(8) jew l-Artikolu 12(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Għandu japplika mill-1 ta’ April 2023.
3.Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President