IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.8.2021
COM(2021) 456 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni għal
Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius
{SWD(2021) 221 final} - {SWD(2021) 222 final}
ANNESS
Direttivi ta’ negozjati
–L-objettiv tan-negozjati huwa li jiġi konkluż Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;
–Jenħtieġ li l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jiddefinixxi l-qafas ġenerali għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet ta’ Mauritius u għall-kooperazzjoni tal-UE ma’ Mauritius fil-qasam tas-sajd;
–Sabiex jiġi promoss is-sajd sostenibbli u responsabbli filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi għall-UE u għal Mauritius, jenħtieġ li l-objettivi tan-negozjati tal-Kummissjoni jkunu bbażati kif ġej:
·jiġu żgurati l-aċċess għall-bastimenti tal-flotta tal-UE għaż-żona tas-sajd ta’ Mauritius, u l-awtorizzazzjonijiet li dawn il-bastimenti jeħtieġu biex jistadu f’dik iż-żona u, b’hekk, l-iżvilupp, fost l-oħrajn, tan-network ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli li l-operaturi tal-UE għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Oċean Indjan;
·jitqiesu l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u l-promozzjoni tal-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd ikunu mmirati esklussivament lejn ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali kif ukoll titqies b’mod speċjali n-natura migratorja ferm tal-istokkijiet ikkonċernati;
·jinkiseb sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd li jkun konformi għalkollox mal-interessi tal-flotta tal-UE, fejn ikun hemm flotot barranin oħra interessati f’dawn ir-riżorsi wkoll, u jiġu applikati l-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha;
·jiġi żgurat li l-aċċess għas-sajd jissejjes fuq l-attività storika tal-flotta tal-UE fir-reġjun u fuq dik li mistennija jkollha fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aħjar valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli u l-aktar aġġornati u tal-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE;
·jitwaqqaf djalogu biex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li tiġi mħeġġa l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, f’rabta mal-objettivi tal-iżvilupp ta’ Mauritius, partikolarment fir-rigward tal-governanza tas-sajd, tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, tal-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u tal-għoti tal-pariri xjentifiċi. u tiġi promossa l-attività ekonomika;
·tiddaħħal klawżola dwar il-konsegwenzi f’każ li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi.
·jiġi żgurat li l-protokoll se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);
·tiddaħħal klawżola dwar in-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot, u dwar it-trasparenza.
–B’mod partikolari, jenħtieġ li l-protokoll jistabbilixxi dawn li ġejjin:
·l-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-UE se jingħataw;
·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet biex dan jitħallas;
·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.