Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0317

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija

COM/2021/317 final

Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 317 final

2021/0220(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Is-suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li testendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jifforma l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Alġerija. Il-Ftehim għandu l-għan li

–jipprovdi qafas xieraq għad-djalogu politiku bejn il-Partijiet li jwassal għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mill-qrib fl-oqsma kollha li huma jikkunsidraw rilevanti għal dan id-djalogu,

–jippromwovi l-kummerċ u l-espansjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali armonjużi bejn il-Partijiet u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ fi prodotti, servizzi u kapital,

–jiffaċilita l-iskambji umani, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi,

–jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Magreb billi jippromwovu l-kummerċ u l-kooperazzjoni fi ħdan il-grupp tal-Magreb u bejnu u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha,

–jippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam ekonomiku, soċjali, kulturali u finanzjarju.

2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim fil-każijiet li fih isir provvediment għalihom fih. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun ippresedut, għal perjodu ta’ 12-il xahar kull darba, mill-UE u mill-Alġerija darba kull wieħed. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ regolarment fil-livell ministerjali darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni b’talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija 2016-2020 sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija. Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija hija bbażata fuq it-test tad-deċiżjoni annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

Bid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tat-13 ta’ Marzu 2017, l-UE u l-Alġerija qablu dwar Prijoritajiet tas-Sħubija biex jiggwidaw is-sħubija għall-perjodu 2016-20. 

Fil-qafas tal-proċess kontinwu ta’ tiġdid tas-sħubija tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar u wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, inkluża l-Alġerija, huma ppjanati għall-2021. F’dan il-qafas u biex jiġi evitat distakk bejn l-iskadenza tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija u l-adozzjoni ta’ oħrajn ġodda, huwa fl-interess tal-Partijiet li jestendu l-Prijoritajiet ta’ Sħubija attwali sakemm jiġu adottati oħrajn aġġornati ġodda.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit bi ftehim, speċifikament il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali minħabba li se jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jibdel il-perjodu ta’ validità tal-Prioritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija, jenħtieġ li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi adottat.

2021/0220 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005 2 .

(2)Il-prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija ġew adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’Marzu 2017.

(3)Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ partijiet qablu li jestendu l-perjodu ta’ validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija.

(4)Skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija.

(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F’isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(2)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra; ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2–228
Top

Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 317 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru xx/2021 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-ALĠERIJA 

ta’ [dd/mm/yyy] 

jaqblu dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-ALĠERIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Alġerija, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”),

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fit-22 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005 1 .

(2)L-Artikolu 94 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)Bid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tat-13 ta’ Marzu 2017, l-UE u l-Alġerija qablu dwar Prijoritajiet ta’ Sħubija biex jiggwidaw is-sħubija għall-perjodu 2016-20. 

(4)Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati Prijoritajiet ta’ Sħubija aġġornati ġodda.

(5)L-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistipula l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub bejn is-sessjonijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jaġixxi bi proċedura bil-miktub, jiddeċiedi li l-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija annessi mad-Deċiżjoni tiegħu Nru 1/2017 tat-13 ta’ Marzu 2017, jiġu estiżi sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Alġerija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi xx, [jum xahar sena].

   Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

(1)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra; ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2–228
Top