IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.6.2021
COM(2021) 311 final
2018/0210(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura
2018/0210 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura
1.Sfond
Data li fiha l-Kummissjoni bagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: 12 ta’ Ġunju 2018
(id-dokument COM(2018) 390 final – 2018/0210 (COD))
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: 12 ta’ Diċembru 2018
Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: 9 ta’ Ottubru 2018
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: 4 ta’ April 2019
Data meta ntbagħtet il-proposta emendata: Mhux Applikabbli
Data tal-pożizzjoni tal-Kunsill, l-ewwel qari: 14 ta’ Ġunju 2021
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Din il-proposta tifforma parti mill-pakkett tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) ta’ wara l-2020 li l-Kummissjoni pproponiet f’Mejju 2018. Din għandha l-għan li tappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd u tal-politiki tal-UE dwar il-governanza marittima u internazzjonali tal-oċeani. Il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 6,14 biljun.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-qbil politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-4 ta’ Diċembru 2020.
Il-Kummissjoni tqis li b’mod ġenerali l-ftehim politiku huwa konformi mal-objettiv li jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tal-UE u mal-prijoritajiet tal-UE tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-tranżizzjoni diġitali u r-reżiljenza.
Il-Kummissjoni tqis ukoll li b’mod ġenerali l-ftehim politiku huwa bbilanċjat u fih is-salvagwardji meħtieġa biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ sussidji tas-sajd li jistgħu jitqiesu ta’ ħsara f’termini ta’ sostenibbiltà. Il-Kummissjoni temmen li l-ftehim politiku jikkonforma:
–mal-prinċipji bażiċi tas-sajd sostenibbli skont il-politika komuni tas-sajd;
–mal-impenn tal-UE skont l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli ( jew SDG) 14.6 biex jiġu eliminati s-sussidji tas-sajd, li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv; u
–u mal-pożizzjoni tal-UE fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar is-sussidji tas-sajd fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Għalhekk, il-Kummissjoni tappoġġa l-ftehim politiku.
Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim huma kif ġej:
·L-isem tal-fond inbidel għal “Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura” (FEMSA).
Il-Kummissjoni tqis li dan it-titolu l-ġdid jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-fond.
·Id-distribuzzjoni tar-riżorsi finanzjarji
–Tnaqqis ta’ EUR 32 miljun tal-allokazzjoni implimentata taħt il-ġestjoni diretta, minħabba t-tnaqqis ta’ EUR 32 miljun tal-baġit ġenerali tal-FEMSA fi ħdan il-QFP.
Il-Kummissjoni tqis li dan it-tnaqqis limitat ħafna mhuwiex se jimmina l-appoġġ taħt ġestjoni diretta, b’mod partikolari għall-politika marittima u l-aġenda tal-governanza internazzjonali tal-oċeani. Fl-istess ħin, dan it-tnaqqis jippreserva allokazzjonijiet sinifikanti lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura tagħhom, u biex jiġu indirizzati l-objettivi klimatiċi u ambjentali.
–Tnaqqis tal-livell massimu għall-assistenza teknika tal-Kummissjoni minn 1,7 % għal 1,5 % tal-pakkett baġitarju.
Il-Kummissjoni tqis li, anki jekk dan it-tnaqqis inaqqas il-kapaċità tagħha li tassisti lill-Istati Membri fil-proċess ta’ programmazzjoni, dan mhux se jimmina l-kompiti ewlenin appoġġati mill-assistenza teknika.
–Limitu massimu ta’ 15 % għal kull allokazzjoni nazzjonali sabiex jiġu implimentati ħames miżuri tal-flotta (jiġifieri żieda fit-tunnellaġġ gross, bdil tal-magna, l-ewwel akkwist ta’ bastiment użat minn sajjied żagħżugħ, waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd, u waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd).
Fil-proposta tal-Kummissjoni, il-limitu massimu kien ta’ 10 % iżda għal waqfien permanenti u temporanju biss. Madankollu, minħabba li n-natura tal-miżuri l-oħra nbidlet, il-Kummissjoni talbet li dawn jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitu massimu. Dawn il-ħames miżuri jinvolvu kumpens jew investimenti individwali, u għalhekk ma għandhomx valur miżjud għoli. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet tippreferi limitu massimu ta’ 10 % għall-ħames miżuri kollha tal-flotta sabiex jiġi żgurat valur miżjud massimu tal-fondi tal-UE, hija tqis li dan il-limitu massimu ta’ 15 % għadu jiżgura li l-appoġġ għall-miżuri tal-flotta ma jagħmilx ħsara lill-prijoritajiet ewlenin tal-FEMSA (eż. is-sajd sostenibbli, il-kontroll tas-sajd, il-ġbir ta’ data xjentifika biex jiġu appoġġati l-ġestjoni tas-sajd, l-innovazzjoni, l-organizzazzjoni kollettiva tas-settur, jew l-iżvilupp lokali). Dan il-limitu massimu jipprevjeni wkoll il-ħolqien ta’ offerta artifiċjali tas-sussidji, li tiġġenera d-domanda tagħha stess u konsegwentement toħloq distorsjoni fis-suq.
–Iż-żieda fil-limitu massimu għall-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi minn 50 % għal 60 % tal-allokazzjonijiet delimitati għal dawn ir-reġjuni, bil-possibbiltà ta’ żieda ulterjuri b’10 punti perċentwali jekk dan ikun debitament iġġustifikat mill-Istati Membri fil-programm tagħhom.
Il-Kummissjoni tqis li din iż-żieda tippreserva sehem raġonevoli għall-investimenti strutturali. Il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk kwalunkwe talba mill-Istati Membri biex jużaw l-10 punti perċentwali addizzjonali hijiex ġustifikata minn ħtieġa reali.
·L-allinjament tal-istruttura ġenerali tal-fond mal-loġika tal-fondi l-oħrajn koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (b’mod partikolari, is-sostituzzjoni tal-“oqsma ta’ appoġġ” ma’ “objettiv speċifiku”).
Dan l-allinjament ma jaffettwax is-sustanza. Il-Kummissjoni tqis li din l-istruttura l-ġdida rriżultat f’simplifikazzjoni konsiderevoli, li tillimita l-għadd ta’ derogi permessi għall-FEMSA fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u se tiffaċilita l-programmazzjoni tal-Istati Membri.
·Il-ħolqien ta’ miżura ġdida biex jiżdied il-volum (kwantifikat f’tunnelllaġġ gross) tal-bastimenti tas-sajd sabiex jittejbu s-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew l-effiċjenza enerġetika.
Filwaqt li tinnota li din il-miżura ma kinitx fil-proposta tal-Kummissjoni u li tippermetti ż-żieda fil-kapaċità nominali tas-sajd ta’ bastiment, il-Kummissjoni tqis li hemm salvagwardji suffiċjenti biex tiġi evitata żieda fil-kapaċità ta’ bastiment li jaqbad il-ħut.
–Il-parametru tat-“tunnellaġġ gross” biss tal-kapaċità tas-sajd jista’ jiżdied, mhux il-parametru tal-potenza.
–Iż-żieda fit-tunnellaġġ gross hija eliġibbli biss f’segmenti tal-flotta fejn ma hemm l-ebda kapaċità żejda. Dan irid jiġi kkumpensat bl-irtirar minn qabel ta’ mill-inqas l-istess livell ta’ tunnellaġġ gross fl-istess segment tal-flotta jew f’segment tal-flotta nazzjonali soġġett għal kapaċità żejda, u b’hekk ma tiżdiedx il-kapaċità ġenerali tal-flotta. Din hija kundizzjoni aktar stretta mis-sistema ġenerali tal-UE ta’ “dħul u ħruġ”, li sempliċiment tipprevedi li d-dħul tal-kapaċità tas-sajd irid jiġi kkumpensat mill-ħruġ korrispondenti minn kwalunkwe segment tal-flotta.
–Iż-żieda fit-tunnellaġġ gross trid tkun iġġustifikata minn titjib fis-sikurezza, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew fl-effiċjenza enerġetika. Għalhekk, l-artikolu jinkludi lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet eliġibbli li torbot iż-żieda fit-tunnellaġġ gross mal-installazzjoni sussegwenti ta’ faċilità jew tagħmir li jtejjeb is-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew l-effiċjenza enerġetika, sabiex jiġi żgurat li ma tiġi appoġġata l-ebda operazzjoni ta’ ħsara.
–Il-bastimenti li għandhom tul massimu ta’ 24 m u li għandhom mill-inqas 10 snin biss huma eliġibbli sabiex jiffokaw fuq bastimenti li l-aktar għandhom bżonn.
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura mhijiex sussidju ta’ ħsara, peress li ma tikkontribwix għal sajd żejjed jew għal kapaċità żejda.
·Modifika ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ appoġġ għas-sostituzzjoni ta’ magni ta’ bastimenti tas-sajd (jiġifieri estensjoni tal-eliġibbiltà għal bastimenti itwal minn 12 m, sa 24 m; rekwiżit ġdid ta’ tnaqqis ta’ 20 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-bastimenti bejn 12 m u 24 m).
Il-Kummissjoni tenfasizza tliet kundizzjonijiet li jipprevjenu l-effetti potenzjali ta’ ħsara:
–l-appoġġ huwa disponibbli biss f’segmenti tal-flotta mingħajr kapaċità żejda;
–il-magna l-ġdida ma jridx ikollha aktar potenza mill-magna mibdula;
–il-magna l-ġdida trid tiġi spezzjonata fiżikament sabiex jiġi żgurat li l-potenza attwali tagħha taqbel mal-potenza ddikjarata.
L-estensjoni tal-appoġġ għall-bastimenti sa 24 m hija trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-perjodu 2014-2020. Il-Kummissjoni temmen li r-rekwiżit il-ġdid biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 se jgħin biex jinkisbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew lejn in-newtralità klimatika. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tispeċifika ċerti aspetti tal-metodoloġija għall-kejl ta’ dan it-tnaqqis u se tiżgura li din il-metodoloġija ma toħloqx piż għall-Istati Membri u għall-benefiċjarji.
·Modifika ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ appoġġ ipprovdut għall-ewwel akkwist ta’ bastiment użat minn sajjied żagħżugħ (jiġifieri estensjoni tal-eliġibbiltà għal bastimenti itwal minn 12 m, sa 24 m; eliġibbiltà tal-akkwist parzjali tal-bastiment, meta s-sajjied żagħżugħ jkollu mill-inqas 33 % tal-ishma).
Il-Kummissjoni tfakkar li dan l-appoġġ huwa skema għal bidu ta’ negozju għal sajjieda żgħażagħ li għandha l-għan li tintensifika t-tiġdid ġenerazzjonali. Dan mhuwiex l-istess bħat-tiġdid tal-flotta minħabba li l-appoġġ jingħata biss għall-ewwel akkwist ta’ bastiment użat minn sajjied żagħżugħ (jiġifieri li għandu inqas minn 40 sena).
Il-Kummissjoni tenfasizza żewġ kundizzjonijiet li jipprevjenu l-effetti potenzjali ta’ ħsara:
–l-appoġġ huwa disponibbli biss f’segmenti tal-flotta mingħajr kapaċità żejda;
–il-bastiment irid ikun użat (jiġifieri rreġistrat għal mill-inqas 3 snin fil-każ ta’ bastimenti fuq skala żgħira u għal mill-inqas 5 snin għal bastimenti oħra).
L-estensjoni tal-appoġġ għall-bastimenti sa 24 m hija trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-perjodu 2014-2020.
Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-possibbiltà l-ġdida li jiġi appoġġat l-akkwist parzjali ta’ bastiment se tiffaċilita tiġdid ġenerazzjonali tranżitorju, pereżempju f’negozju tal-familja. Il-kundizzjoni ta’ sehem minimu ta’ 33 % se tiżgura li s-sajjied żagħżugħ ikun tassew involut fl-operazzjoni tal-bastiment, u b’hekk titnaqqas il-possibbiltà ta’ kwalunkwe abbuż, eż. bħal “sjieda fuq karta”.
·Eliminazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni obbligatorju bbażat fuq ir-riżultati propost għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd (“finanzjament mhux marbut mal-kostijiet”). Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu kwalunkwe wieħed mill-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
Għalkemm il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir għall-eliminazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu obbligatorju bbażat fuq ir-riżultati, hija temmen li l-waqfien permanenti jgħin fl-eliminazzjoni tal-kapaċità żejda għar-raġunijiet li ġejjin:
–dan irid jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ azzjoni li jridu jitħejjew mill-Istati Membri, skont il-politika komuni tas-sajd, biex il-kapaċità tas-sajd tal-flotta tiġi allinjata mar-riżorsi disponibbli fis-segmenti tal-flotta li huma soġġetti għall-kapaċità żejda;
–il-kapaċità tas-sajd imneħħija ma tistax tiġi sostitwita;
–il-benefiċjarju ma jistax jirreġistra bastiment ġdid fi żmien ħames snin minn meta jirċievi l-pagament tal-għajnuna.
Il-Kummissjoni tqis li din il-miżura mhijiex sussidju ta’ ħsara, peress li se tnaqqas b’mod permanenti l-kapaċità ġenerali tal-flotta u b’hekk tnaqqas il-pressjoni mis-sajd fuq ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.
·Trasformazzjoni ta’ “waqfien straordinarju tal-attivitajiet tas-sajd” (jiġifieri skema ta’ kumpens biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku ta’ għeluq mhux mistenni u sinifikanti tas-sajd) f’“waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd” (jiġifieri skema ta’ kumpens biex takkumpanja l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u tnaqqis temporanju tal-isforz tas-sajd, abbażi ta’ parir xjentifiku). Estensjoni tat-tul massimu tal-kumpens minn sitt xhur għal 12-il xahar għal kull bastiment matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.
Il-Kummissjoni tinnota li din l-iskema hija aktar stretta minn dik fl-ambitu tal-perjodu 2014-2020 minħabba li kwalunkwe kumpens ipprovdut għal miżura ta’ konservazzjoni jrid i) ikun iġġustifikat minn parir xjentifiku u ii) jgħin biex jitnaqqas l-isforz tas-sajd. Anki jekk it-tul massimu tal-iskema ta’ kumpens ikun ġie estiż minn 6 xhur għal 12-il xahar, dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-waqfien temporanju jikkontribwixxi għal miżuri ta’ konservazzjoni.
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din l-iskema hija aktar stretta minn dik fl-ambitu tal-perjodu 2014-2020 fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs). Fil-fatt, ma għadux possibbli li wieħed jikkumpensa għan-nuqqas ta’ tiġdid ta’ SFPA iżda biss għall-interruzzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri.
·Id-disponibbiltà ta’ għotjiet diretti għal investimenti produttivi fl-akkwakultura u għall-intrapriżi żgħar u medji fis-settur tal-ipproċessar.
Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir li l-ftehim politiku ma żammx il-proposta għal strumenti finanzjarji obbligatorji (eż. self jew garanziji pubbliċi) għal investimenti produttivi fl-akkwakultura u għal investimenti fis-settur tal-ipproċessar, u b’hekk ġew ittrasferiti r-regoli tal-perjodu 2014-2020 (jiġifieri strumenti finanzjarji obbligatorji biss għal kumpaniji kbar fis-settur tal-ipproċessar). Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jqisu l-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji, kemm f’termini ta’ simplifikazzjoni kif ukoll ta’ ingranaġġ tal-investiment.
·Il-ħolqien ta’ skema ta’ kumpens biex twieġeb għal kriżijiet eċċezzjonali li jikkawżaw tfixkil fis-suq. L-eliġibbiltà ta’ dawn l-iskemi ta’ kumpens tista’ tiġi skattata biss minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi s-sitwazzjoni ta’ tfixkil fis-suq.
Il-Kummissjoni tilqa’ din l-iskema ta’ kriżi, biex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u kriżijiet futuri possibbli oħra. Il-Kummissjoni tfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa bbażat fuq il-miżuri tal-COVID-19, li skadew fl-aħħar tal-2020:
–kumpens għal telf ekonomiku ta’ sajjieda individwali, akkwakulturisti u negozji tas-settur tal-ipproċessar;
–kumpens għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex ikunu jisgħu jimmaniġġjaw il-mekkaniżmu tal-ħżin tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (jiġifieri ħażna kollettiva temporanja tal-prodotti sabiex tiġi limitata l-provvista bħala mod kif jiżdiedu l-prezzijiet).
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li din l-iskema jenħtieġ li tiġi attivata biss f’każ ta’ “avvenimenti eċċezzjonali li jiġġeneraw tfixkil sinifikanti fis-swieq”, u permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, għal tliet raġunijiet:
(1)biex tiġi limitata għal kriżijiet serji;
(2)biex jiġi żgurat li l-kumpens jista’ jiġi pprovdut malajr (tabilħaqq, att delegat jew att ta’ implimentazzjoni fil-komitoloġija jkun jirrikjedi diversi ġimgħat, jekk mhux xhur);
(3)biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha.
·Preservazzjoni tal-prinċipju li l-investimenti abbord huma eliġibbli biss jekk imorru lil hinn mir-rekwiżiti legali tal-UE. Madankollu, l-investimenti għall-konformità mar-rekwiżiti legali nazzjonali jsiru eliġibbli, inklużi l-investimenti abbord meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti imposti minn Stat Membru biex jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet fakultattivi skont id-Direttiva (UE) 2017/159 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord.
Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ pubbliku jrid iħeġġeġ l-imġiba li tmur lil hinn mill-konformità mal-liġi, u għalhekk l-investimenti abbord (eż. għat-tagħmir tas-sajd u tas-sikurezza) iridu jiġġeneraw il-valur miżjud. Madankollu, l-investimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali jistgħu jkunu eliġibbli sabiex iħeġġu lill-Istati Membri jkunu aktar ambizzjużi mid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll id-deroga speċifika għal din ir-regola għall-investimenti abbord relatati mal-kontroll u l-monitoraġġ (ara l-punt li jmiss).
·L-eliġibbiltà tal-bastimenti tas-sajd kollha biex jirċievu l-appoġġ għal sistemi elettroniċi ta’ rappurtar obbligatorji (bastimenti fuq skala żgħira biss fil-proposta tal-Kummissjoni).
Il-Kummissjoni temmen li l-modernizzazzjoni tal-għodod ta’ kontroll eżistenti u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ ġodda huma kruċjali biex titrawwem kultura ta’ konformità fis-settur. Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ l-eliġibbiltà ta’ dawn l-investimenti minkejja l-fatt li ma jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti legali.
·L-eliġibbiltà tal-kostruzzjoni ta’ skali ġodda (iżda mhux ta’ portijiet ġodda).
Il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika biex il-kostruzzjoni ta’ portijiet ġodda tkun eliġibbli għall-appoġġ, u hija wkoll għalja wisq biex tkun koperta minn fond daqshekk żgħir. Il-Kummissjoni tfakkar li l-modernizzazzjoni tal-portijiet eżistenti hija eliġibbli, anki b’rata ogħla ta’ għajnuna pubblika għal investimenti relatati mal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-iskali huma differenti mill-portijiet minħabba li jintużaw primarjament għall-ħatt ta’ bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-appoġġ għal skali ġodda jista’ jiġi ġġustifikat.
·Rata massima unika ta’ kofinanzjament ta’ 70 %, minflok rata speċifika għal kull objettiv speċifiku. L-unika eċċezzjoni hija ta’ 100 % għall-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, bħal fil-proposta inizjali.
Il-Kummissjoni tilqa’ din ir-rata massima unika u tinnota li, ħlief għall-waqfien permanenti u temporanju tal-attivitajiet tas-sajd (50 % fil-proposta), din naqset meta mqabbla mal-proposta inizjali (jiġifieri bejn 75 % u 100 % għall-objettivi speċifiċi l-oħra kollha). Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ dan it-tnaqqis ġenerali tas-sehem tal-UE, li jirriżulta f’kofinanzjament aktar ibbilanċjat bejn l-UE u l-Istati Membri.
·Żieda fl-intensità massima tal-għajnuna pubblika minn 30 % għal 40 % għal ċerti miżuri tal-flotta (jiġifieri żieda fit-tunnellaġġ gross, bdil tal-magna, l-ewwel akkwist ta’ bastiment użat minn sajjied żagħżugħ). Żieda f’rati oħra ta’ intensità tal-għajnuna sa 100 % għal każijiet oħra, eż. marbuta mal-innovazzjoni, il-benefiċċji kollettivi u l-benefiċjarji kollettivi.
Il-Kummissjoni tqis li r-rata ta’ għajnuna pubblika jenħtieġ li tiddependi mit-tip ta’ operazzjoni jew benefiċjarju. Rati ogħla mill-istandard ta’ 50 % jenħtieġ li jiġu ġġustifikati minn falliment tas-suq, valur miżjud għoli jew benefiċċju kollettiv. Il-Kummissjoni temmen li l-kundizzjonijiet inklużi fil-ftehim politiku jwieġbu għal dan it-tħassib, speċjalment ir-rata ta’ 100 % għal bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira – li hija l-parti ewlenija tat-trattament preferenzjali għal bastimenti fuq skala żgħira – u l-possibbiltà għal rata ta’ 100 % jekk l-operazzjoni tikkombina interess kollettiv, benefiċjarju kollettiv u karatteristiċi innovattivi. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll ir-rata aktar baxxa (40 %) għal ċerti miżuri individwali tal-flotta minħabba li huma investimenti individwali b’valur miżjud limitat. F’dan ir-rigward, l-appoġġ pubbliku jenħtieġ li jingrana l-investiment privat u mhux jeklissah.
·Jiġi eliminat il-pjan ta’ azzjoni għas-sajd kostali fuq skala żgħira bħala dokument awtonomu iżda jiġu inkorporati l-objettivi tiegħu fir-rekwiżiti tal-programmazzjoni kollha.
Il-Kummissjoni temmen li din is-soluzzjoni se jkollha l-istess impatt bħall-pjan ta’ azzjoni propost. Tabilħaqq, l-Istati Membri se jkollhom iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ bastimenti fuq skala żgħira fl-analiżi tal-elementi sodi, tad-dgħufijiet, tal-opportunitajiet u tat-theddid (SWOT) tagħhom u fid-deskrizzjoni tat-tipi ta’ azzjonijiet previsti għal kull objettiv speċifiku. Dan se jiżgura trattament differenzjat għal bastimenti fuq skala żgħira fejn rilevanti.
·Ir-rekwiżit li l-Istati Membri jqisu l-isfidi reġjonali fil-programm nazzjonali tagħhom.
Il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit il-ġdid introdott mill-koleġiżlaturi huwa kompromess raġonevoli biex l-isfidi ġeografiċi speċifiċi jitqiesu meta jkunu qed jitħejjew il-programmi nazzjonali, mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv. Il-Kummissjoni tissottolinja li l-Istati Membri jenħtieġ li jirreferu għall-“Analiżi tal-Baċiri tal-Baħar”, li tenfasizza l-isfidi ewlenin fil-livell tal-baċiri tal-baħar u tissuġġerixxi soluzzjonijiet possibbli.
·Atti ta’ implimentazzjoni (minflok atti delegati fil-proposta) għad-definizzjoni tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-politika komuni tas-sajd.
Il-Kummissjoni tqis li din il-bidla fil-proċedura ma taffettwax il-kontenut ta’ dawk l-atti.
·Il-koleġiżlaturi ma aċċettawx li l-mira klimatika ta’ 30 % u l-mira speċifika għall-infiq fuq il-bijodiversità setgħu jiġu stabbiliti f’artikolu kif mitlub mill-Kummissjoni bħala segwitu għall-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali.
Anki jekk ma jkun hemm l-ebda mira vinkolanti dwar il-klima u l-infiq fuq il-bijodiversità bħala tali, il-Kummissjoni tinnota li l-FEMSA jrid jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi tal-UE fil-kuntest tal-mira globali ta’ 30 % għan-nefqa klimatika u għall-objettivi tal-bijodiversità fil-kuntest tal-mira ta’ 7,5-10 % stabbilita fil-QFP. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-FEMSA 2021-2027 biex tilħaq dawn iż-żewġ miri.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.
5.DIKJARAZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni għamlet tliet dikjarazzjonijiet unilaterali u żewġ dikjarazzjonijiet konġunti, li jinsabu fl-appendiċi.
APPENDIĊI
Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-infiq fuq il-bijodiversità
“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiġi avvanzata b’mod urġenti l-azzjoni dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità marina u kostali. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li l-indirizzar tat-telfien tal-bijodiversità, il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u/jew iż-żamma tagħhom f’kundizzjoni tajba jirrikjedu investiment pubbliku u privat sinifikanti fil-livell nazzjonali u Ewropew u li proporzjon sinifikanti tal-infiq tal-FEMSA jenħtieġ li jiġi investit fil-bijodiversità. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li l-Kummissjoni Ewropea se taħdem mal-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-FEMSA 2021-2027, biex tilħaq l-ambizzjoni ġenerali tal-infiq fuq il-bijodiversità enfasizzata fil-premessa 15.”
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-monitoraġġ tal-objettiv tal-infiq fuq il-bijodiversità
“Il-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għall-FEMSA 2021-2027, se tħeġġeġ b’mod attiv lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-użu tal-miżuri inklużi fil-programmi tagħhom, b’mod partikolari skont l-Artikolu 25 (il-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi), biex tintlaħaq l-ambizzjoni ġenerali li jiġi pprovdut infiq annwali fl-ambitu tal-QFP biex jiġi indirizzat it-telfien tal-bijodiversità, jiġu protetti u restawrati l-ekosistemi u jinżammu ekosistemi f’kundizzjonijiet tajbin kif ġej: 7,5 % tal-infiq annwali fl-ambitu tal-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità fis-sena 2024 u 10 % tal-infiq annwali fl-ambitu tal-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u l-2027.
Il-Kummissjoni se timmonitorja b’mod regolari l-livell ta’ dan l-infiq abbażi tan-nefqa eliġibbli totali ddikjarata mill-benefiċjarji lill-awtorità maniġerjali u fuq data sottomessa mill-Istat Membru. Meta l-monitoraġġ juri progress insuffiċjenti lejn l-ilħuq tal-ambizzjoni ġenerali, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-Istati Membri fil-laqgħa annwali ta’ rieżami sabiex tadotta miżuri ta’ rimedju, inkluża emenda tal-programm.”
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill dwar l-impenn tagħhom biex jippruvaw jevitaw interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd fl-ambitu ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli
“Il-Kunsill u l-Kummissjoni jibqgħu impenjati li jippruvaw jevitaw interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd fl-ambitu tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli billi jaħdmu favur it-tiġdid f’waqtu tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokolli ta’ implimentazzjoni tagħhom.”
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-tiġdid tal-flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi
“Il-Kummissjoni tieħu nota tad-diffikultajiet li s’issa kien hemm biex tingħata għajnuna mill-Istat għat-tiġdid tal-flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi. Bil-ħsieb li jkun hemm żvilupp sostenibbli ta’ dawk ir-reġjuni, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-ġbir tad-data xjentifika meħtieġa biex jikkonformaw mal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà stabbilita fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bil-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura fir-Reġjuni Ultraperiferiċi.”
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għodod ta’ kontroll eżistenti u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ ġodda
“Il-Kummissjoni aċċettat l-eliġibbiltà tal-investimenti abbord relatati mal-kontroll u mal-infurzar tas-sajd, kemm jekk obbligatorji kif ukoll jekk le, u għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-investimenti se jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi finanzjarji disponibbli fil-FEMSA għall-kontroll u l-infurzar, biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament ta’ Kontroll u regoli oħra tal-Politika Komuni tas-Sajd u biex itejbu b’mod sostanzjali l-kultura ta’ konformità fis-settur tas-sajd.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistenna li – fil-kuntest tar-rieżami li għaddej tar-Regolament ta’ Kontroll – il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-għodod ta’ kontroll eżistenti u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda kif propost mill-Kummissjoni. Dan ifisser b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet intelliġenti għall-intraċċar u r-rapportar tal-qbid ta’ bastimenti fuq skala żgħira, l-installazzjoni ta’ sistemi għall-monitoraġġ kontinwu tal-potenza tal-magna, il-bidla għal sistemi ta’ traċċabbiltà kompletament diġitalizzati li jkopru l-prodotti kollha tas-sajd (friski, iffriżati u pproċessati), u l-introduzzjoni ta’ sistemi obbligatorji ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod abbord bastimenti tas-sajd u abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, bħala l-uniku mezz effettiv biex tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u l-qabda inċidentali u l-qabdiet skartati ta’ speċijiet sensittivi.”