Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0230

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra

COM/2021/230 final

Brussell, 10.5.2021

COM(2021) 230 final

2021/0117(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija bil-ħsieb tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni bil-ħsieb li tissolva tilwima bejn il-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

Il-proposta tikkonċerna l-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġie stabbilit permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 92 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bħala l-ogħla korp għall-ġestjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun responsabbli biex jeżamina kwistjonijiet ewlenin li jinqalgħu fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess komuni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 100(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jsolvi b’deċiżjoni kwalunkwe tilwima li tiġi riferita lilu minn Parti skont l-Artikolu 100(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-għan tad-deċiżjoni prevista huwa li tiġi solvuta t-tilwima mressqa quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mill-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Ġunju 2020.

Huwa ppjanat li d-deċiżjoni tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ proċedura bil-miktub, mhux aktar tard mil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Id-Deċiżjoni prevista se ssir vinkolanti fuq il-Partijiet skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 94, u l-Artikolu 100(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, permezz ta’ Note Verbale mill-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ), l-Unjoni Ewropea rreferiet tilwima dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

It-tilwima inkwistjoni qamet fl-2015 meta l-Alġerija bdiet tintroduċi sensiela ta’ ostakli għall-kummerċ bilaterali mal-UE. F’Mejju 2018, minħabba problemi kummerċjali li rriżultaw mill-miżuri imposti, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, talab lill-partijiet biex isibu soluzzjonijiet malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, twaqqaf grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli fl-2018 u ltaqa’ erba’ darbiet.

Minkejja interventi ripetuti ta’ livell għoli u sforzi politiċi mmirati mill-UE, it-tilwima għadha ma ġietx solvuta. Għalhekk kien meħtieġ li l-kwistjoni tiġi riferuta formalment lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex isolvi din it-tilwima skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

It-tilwima dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-miżuri imposti mill-Alġerija li huma deskritti hawn taħt.

a)Fis-7 ta’ Jannar 2018, l-Alġerija adottat id-Digriet Eżekuttiv Nru 18-02, li jipprevedi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ għadd ta’ prodotti. Il-lista ta’ prodotti kkonċernati ġiet sussegwentement emendata diversi drabi, l-aktar reċenti fis-27 ta’ Jannar 2019 bid-Digriet Eżekuttiv Nru 19-12, u attwalment tinkludi karozzi u vetturi privati kklassifikati taħt l-intestaturi tariffarji 87.01 sa 87.05. Din il-miżura tidher inkompatibbli, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li timponi restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti fl-Alġerija jew miżuri li għandhom effett ekwivalenti.

b)Fil-11 ta’Lulju 2018, l-Alġerija adottat il-Liġi Nru 18-13 dwar il-Liġi Finanzjarja Supplimentari għall-2018, li tintroduċi dazju doganali addizzjonali magħruf bħala d- “dazju provviżorju ta’ salvagwardja addizzjonali”. Fil-25 ta’ Settembru 2018, l-Alġerija adottat id-Digriet Eżekuttiv Nru 18-230 li jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tfassil u l-iffissar tal-lista ta’ oġġetti soġġetti għad-dazju ta’ salvagwardja addizzjonali provviżorju u r-rati korrispondenti. Fuq din il-bażi, l-Ordni tal-Ministeru tal-Kummerċ tas-26 ta’ Jannar 2019, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2019, stabbiliet lista ta’ prodotti li għalihom japplika dazju ta’ salvagwardja addizzjonali provviżorju. Din il-lista ġiet emendata bl-Ordni tal-Ministeru tal-Kummerċ tat-8 ta’ April 2019. Dan id-dazju jammonta għal bejn 30 % u 200 % tal-valur tal-merkanzija. B’kollox, il-lista emendata fiha aktar minn 992 linja tariffarja li jkopru prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħafna prodotti tal-konsumatur. Bl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-Alġerija tidher li ma tikkonformax mal-obbligu tagħha li tneħħi gradwalment id-dazji doganali u l-ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet fl-Alġerija ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-Alġerija tidher ukoll li ma tikkonformax mal-arranġamenti għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-prodotti agrikoli pproċessati previsti fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fl-aħħar nett, bl-introduzzjoni ta’ dazji doganali ġodda fuq l-importazzjonijiet jew imposti li għandhom effett ekwivalenti, l-Alġerija tidher li ma tikkonformax mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

c)Fis-27 ta’ Diċembru 2017, l-Alġerija adottat il-Liġi Nru 1711 dwar il-Liġi Finanzjarja għall-2018. L-Artikolu 115 ta’ din il-liġi żied id-dazji doganali applikabbli għal 129 linja tariffarja li jkopru, b’mod partikolari, il-komponenti tat-telekomunikazzjonijiet, modems, cables u apparat elettriku. Ir-rati tad-dazji doganali għal ċerti prodotti żdiedu minn rata inizjali ta’ bejn 0 % u 5 % għal rata ta’ 30 % u, għal prodotti oħra, minn rata inizjali ta’ 30 % għal rata ta’ 60 %. Din il-miżura tidher inkompatibbli, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni minħabba li, bl-adozzjoni ta’ din il-miżura, l-Alġerija tapplika dazji doganali ġodda fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti.

d)Fl-2015, l-Alġerija stabbilixxiet sistema għall-għoti ta’ liċenzji ta’ importazzjoni jew esportazzjoni permezz tal-Liġi Nru 15-15 tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar ir-regoli ġenerali applikabbli għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija u permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 15-306 tas-6 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ liċenzjar għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u oġġetti. Dawn is-sistemi ta’ liċenzjar jikkonċernaw liċenzji awtomatiċi u mhux awtomatiċi u jagħtu lill-Gvern is-setgħa li jirrikjedi li l-liċenzji tal-importazzjoni jinħarġu permezz ta’ reġistrazzjoni fil-listi amministrattivi tal-Ministeru tal-Kummerċ. Din il-miżura tidher inkompatibbli, inter alia, mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li tipprovdi bażi legali għal restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti.

e)Fit-30 ta’Settembru 2019, l-Assoċjazzjoni Professjonali tal-Istituzzjonijiet Bankarji u Finanzjarji Alġerini (ABEF) ippubblikat iċ-Ċirkolari Nru 479/DG/2019, li tirreferi għall-ittra Nru 189/CC/MF/2019 tal-Kap tal-Kabinett tal-Ministeru tal-Finanzi tal-29 ta’ Settembru 2019 li timponi miżuri restrittivi ġodda kontra l-importazzjonijiet ta’ telefowns ċellulari u prodotti elettriċi domestiċi, miżuri li jikkonsistu fi tliet elementi. L-ewwel nett, il-ħlas tal-importazzjonijiet irid jirrispetta perjodu ta’ differiment obbligatorju ta’ disa’ xhur. It-tieni nett, l-operaturi huma meħtieġa jużaw il-kapaċitajiet tat-trasport marittimu nazzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità kull meta tali għażla tkun possibbli. It-tielet, l-importazzjonijiet huma permessi biss taħt kuntratti li jużaw, kemm jista’ jkun, il-klawżola FOB tal-Incoterms. Mill-31 ta’ Diċembru 2019, l-obbligu li tintuża l-klawżola FOB ġie estiż għall-importazzjonijiet tal-prodotti kollha. Fil-25 u s-26 ta’ Diċembru 2019, ġew ippubblikati żewġ ċirkulari sussegwenti, jiġifieri ċ-Ċirkulari Nru 643/DG/2019 u Nru 645/DG/2019, li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar kif għandu jiġi applikat l-obbligu li jintużaw it-trasportaturi marittimi nazzjonali u l-klawżola FOB. Dawk il-miżuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ pagament u l-klawżola FOB, jidhru li huma inkompatibbli, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti fl-Alġerija jew miżura li għandha effett ekwivalenti. Dawn il-miżuri jidhru wkoll inkompatibbli mal-Artikoli 30, 32 u 34 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li jidhru li jiksru l-impenji tal-Alġerija li tittratta s-servizzi u l-fornituri tas-servizzi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fir-rigward tat-trasport marittimu, b’mod partikolari billi timponi l-obbligu li jintużaw trasportaturi marittimi nazzjonali, jidher li l-Alġerija ma tirrispettax il-prinċipju ta’ aċċess liberu għas-suq u t-traffiku internazzjonali fuq bażi kummerċjali u tapplika miżuri li jidhru li huma restrizzjonijiet moħbija jew li għandhom effetti diskriminatorji fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali. Barra minn hekk, billi imponiet perjodu ta’ trasferiment ta’ disa’ xhur għall-pagamenti, l-Alġerija wkoll tidher li ma tikkonformax mal-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Il-miżuri restrittivi msemmija hawn fuq applikati mill-Alġerija wasslu għal tnaqqis sostanzjali fil-kummerċ bejn l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

Wara r-riferiment lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, saru konsultazzjonijiet fid-29 ta’ Settembru 2020 u s-7 ta’ Diċembru 2020. Matul dawn il-konsultazzjonijiet, il-Partijiet bdew diskussjonijiet dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Fis-7 laqgħa tas-Sottokumitat dwar l-Investiment, il-Kummerċ u s-Servizzi tat-28 ta’ Ottubru 2020, u fil-laqgħa informali tal-membri tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija kkonfermaw l-objettiv komuni tagħhom li jsolvu din it-tilwima b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tqis il-fatt li l-Alġerija, skont id-dikjarazzjoni tagħha fil-laqgħa tad-29 ta’ Settembru 2020, ma adottatx, abbażi tal-leġiżlazzjoni interna tagħha, arranġamenti ta’ liċenzjar awtomatiċi jew mhux awtomatiċi għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti.

Barra minn hekk, fil-laqgħa tas-7 ta’ Diċembru 2020, l-Alġerija indikat l-intenzjoni tagħha li tabolixxi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-karozzi mill-1 ta’Jannar 2021.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tinkludi l-interpretazzjoni komuni taż-żewġ partijiet dwar il-konformità tal-miżuri adottati mill-Alġerija li huma s-suġġett tat-tilwima mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tindika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Alġerija. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-perjodu tranżitorju mogħti lill-Alġerija u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati f’każ li din ma tikkonformax mad-Deċiżjoni.

Għandu jiġi nnotat li l-Alġerija għadha ma ppreżentatx l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż mal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill. Għalhekk huwa probabbli li t-test tal-abbozz se jgħaddi minn bidliet sinifikanti matul negozjati futuri.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti ġuridiċi, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp maħluq permezz ta’ ftehim, f’dan il-każ permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, b’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 94, u l-Artikolu 100(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.PUBBLIKAZZJONI TAL-ATT PREVIST

Peress li l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jintroduċi derogi transizzjonali addizzjonali għall-Alġerija mill-obbligi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ladarba jiġi adottat.

2021/0117 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1 2005/690/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005.

(2)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġie stabbilit permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 92 tal-Ftehim.

(3)Skont l-Artikolu 100(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jadotta deċiżjoni biex isolvi tilwima riferita lilu minn Parti.

(4)Permezz ta’ Note Verbale tal-24 ta’ Ġunju 2020, l-Unjoni Ewropea rreferiet tilwima dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(5)It-tilwima tikkonċerna diversi miżuri kummerċjali applikati mill-Alġerija mill-2015’il quddiem, inkluża l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ karozzi, l-adozzjoni ta’ dazji ta’ salvagwardja addizzjonali proviżorji applikabbli għal 992 linja tariffarja, l-adozzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali applikabbli għal 129 linja tariffarja, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ liċenzjar tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni, l-introduzzjoni ta’ perjodu obbligatorju ta’ differiment ta’ disa’ xhur għall-ħlas tal-importazzjonijiet u struzzjonijiet oħra dwar il-klawżoli kuntrattwali li għandhom jintużaw għall-importazzjonijiet.

(6)Fil-konsultazzjonijiet tad-29 ta’ Settembru 2020 u tas-7 ta’ Diċembru 2020, il-Partijiet bdew jaħdmu fuq abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex isolvi t-tilwima inkwistjoni.

(7)Jixraq li fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, billi d-deċiżjoni prevista hija vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 92 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ att mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ladarba tiġi adottata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 265 du 10.10.2005, p. 1.
Top

Brussell, 10.5.2021

COM(2021) 230 final

ANNESS

għal

proposta ta' Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-22 ta’ April 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra


ABBOZZ TA’

DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA

ta’ XX ........ 2021

dwar is-soluzzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Ftehim

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

wara li kkunsidra n-Nota Verbale (2020)3283036 tal-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ) tal-24 ta’ Ġunju 2020, li fiha l-Unjoni Ewropea rreferiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tilwima dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Ftehim skont l-Artikolu 100(1) tal-Ftehim,

Billi:

(1)    Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005 u l-Partijiet huma meħtieġa jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim.

(2)    Mill-2015, l-Alġerija imponiet miżuri kummerċjali, b’mod partikolari dawk deskritti fil-premessi li ġejjin, li jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ bilaterali bejn il-partijiet u jmorru kontra l-Ftehim.

(3)    Fis-7 ta’ Jannar 2018, l-Alġerija adottat id-Digriet Eżekuttiv Nru 18-02, li jipprevedi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ għadd ta’ prodotti. Il-lista ta’ prodotti kkonċernati ġiet sussegwentement emendata diversi drabi, l-aktar reċenti fis-27 ta’ Jannar 2019 bid-Digriet Eżekuttiv Nru 19-12, u attwalment tinkludi karozzi u vetturi privati kklassifikati taħt l-intestaturi tariffarji 87.01 sa 87.05.

(4)    Fil-11 ta’ Lulju 2018, l-Alġerija adottat il-Liġi Nru 18-13 dwar il-Liġi Finanzjarja Supplimentari għall-2018, li tintroduċi dazju doganali addizzjonali, magħruf bħala d-“Dazju ta’ Salvagwardja Addizzjonali Proviżorju” (DAPS), implimentat bid-Digriet Eżekuttiv Nru 18-230 tal-25 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tfassil u l-iffissar tal-lista ta’ merkanzija soġġetta għad-dazju ta’ salvagwardja addizzjonali provviżorju u r-rati korrispondenti, u permezz tad-Digriet tal-Ministeru tal-Kummerċ tas-26 ta’ Jannar 2019, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2019. Il-lista ta’ prodotti li għalihom ġie applikat dazju ta’ salvagwardja addizzjonali provviżorju stabbilit b’dan il-mod ġiet emendata bl-Ordni tal-Ministeru tal-Kummerċ tat-8 ta’ April 2019.

(5)    Id-dazju ta’ salvagwardja addizzjonali jammonta għal bejn 30 % u 200 % tal-valur tal-merkanzija. Dan japplika għal-lista emendata b’aktar minn 992 linja tariffarja, li prinċipalment huma mmirati lejn prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħafna oġġetti tal-konsumatur.

(6)    Fis-27 ta’ Diċembru 2017, l-Alġerija adottat il-Liġi Nru 1711 dwar il-Liġi Finanzjarja għall-2018. L-Artikolu 115 żied id-dazji doganali applikabbli għal 129 linja tariffarja li jkopru, fost l-oħrajn, komponenti tat-telekomunikazzjoni, modems, kejbils u apparat elettriku.

(7)    Ir-rati tad-dazji doganali għal ċerti prodotti żdiedu minn rata inizjali ta’ bejn 0 % u 5 % għal rata ta’ 30 % u, għal prodotti oħra, minn rata inizjali ta’ 30 % għal rata ta’ 60 %.

(8)    L-Alġerija stabbilixxiet sistema għall-għoti ta’ liċenzji ta’ importazzjoni jew esportazzjoni permezz tal-Liġi Nru 15-15 tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar ir-regoli ġenerali applikabbli għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija u permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 15-306 tas-6 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ liċenzjar għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u oġġetti.

(9)    Is-sistemi ta’ liċenzjar jikkonċernaw liċenzji awtomatiċi u mhux awtomatiċi u jagħtu lill-Gvern is-setgħa li jirrikjedi li l-liċenzji tal-importazzjoni jinħarġu permezz ta’ reġistrazzjoni fil-listi amministrattivi tal-Ministeru tal-Kummerċ.

(10)    Fit-30 ta’ Settembru 2019, l-Assoċjazzjoni Professjonali tal-Istituzzjonijiet Bankarji u Finanzjarji Alġerini (ABEF) ħarġet iċ-Ċirkolari Nru 479/DG/2019, li tirreferi għall-ittra Nru 189/CC/MF/2019 tal-Kap tal-Kabinett tal-Ministeru tal-Finanzi tad-29 ta’ Settembru 2019 li timponi miżuri restrittivi ġodda kontra l-importazzjonijiet ta’ telefowns ċellulari u prodotti elettriċi domestiċi, li jinkludu t-tliet elementi li ġejjin:

a) l-introduzzjoni ta’ perjodu obbligatorju ta’ trasferiment ta’ disa’ xhur għall-ħlas tal-importazzjonijiet;

b) l-istruzzjoni mogħtija lill-operaturi ekonomiċi biex jużaw il-kapaċità tat-trasport marittimu nazzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità kull meta tali għażla tkun possibbli; u

c) indikazzjoni li l-importazzjonijiet biss taħt kuntratti li jużaw, kemm jista’ jkun, il-klawżola FOB tal-Incoterms se jiġu awtorizzati. Dan ir-rekwiżit ġie estiż, mill-31 ta’ Diċembru 2019, għall-importazzjonijiet tal-prodotti kollha.

(11)    Iċ-ċirkulari Nru 643/DG/2019 u Nru 645/DG/2019, ippubblikati fil-25 u s-26 ta’ Diċembru 2019, jipprovdu aktar informazzjoni dwar kif għandu jiġi applikat l-obbligu li jintużaw it-trasportaturi marittimi nazzjonali u l-klawżola FOB.

(12)    L-Unjoni Ewropea tinnota l-effetti negattivi tal-miżuri imposti fuq l-iskambji kummerċjali.

(13)    F’Mejju 2018, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, talab lill-partijiet biex isibu soluzzjonijiet malajr kemm jista’ jkun.

(14)    Twaqqaf grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli fl-2018 u ltaqa’ erba’ darbiet. Minkejja interventi ripetuti ta’ livell għoli u sforzi politiċi mmirati, ma setax isib soluzzjoni.

(15)    L-Unjoni Ewropea tqis il-miżuri msemmija hawn fuq bħala inkompatibbli mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Ftehim, u b’mod partikolari mal-Artikoli 9, 14, 17, 30, 32, 34 u 38 tal-Ftehim.

(16)    Fl-24 ta’ Ġunju 2020, l-Unjoni Ewropea rreferiet il-kwistjoni lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 100(1) tal-Ftehim u ppreżentat kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex it-tilwima tkun tista’ tiġi eżaminata sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

(17)    Il-partijiet kellhom konsultazzjonijiet fid-29 ta’ Settembru 2020 u s-7 ta’ Diċembru 2020.

(18)    L-Alġerija ddikjarat li l-miżuri tagħha huma meħtieġa biex tipproteġi l-industriji li għadhom jibdew bħala parti mill-politika tagħha ta’ diversifikazzjoni ekonomika, biex tintroduċi salvagwardji f’setturi ekonomiċi taħt pressjoni fuq l-importazzjoni, biex tevita kompetizzjoni inġusta u biex tirrimedja diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti.

(19)    L-Unjoni Ewropea tqis li l-kundizzjonijiet sostanzjali għall-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikoli 11 (industriji ġodda), 22 (dumping), 24 (miżuri ta’ salvagwardja) jew 40 (bilanċ tal-pagamenti) mhumiex issodisfati u li l-Alġerija naqset ukoll milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet proċedurali għall-adozzjoni ta’ tali miżuri, bħal konsultazzjonijiet minn qabel bejn il-partijiet u, f’ċerti każijiet, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(20)    Il-partijiet jappoġġaw is-soluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.    Il-partijiet jaqblu mal-interpretazzjoni li l-projbizzjoni imposta mill-Alġerija fuq l-importazzjoni ta’ karozzi u vetturi privati kklassifikati taħt l-intestaturi tariffarji 87.01 sa 87.05 tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva ġdida fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija jew miżura li għandha effett ekwivalenti inkompatibbli ma’ l-Artikolu 17 tal-Ftehim. L-Artikolu 11 tal-Ftehim, li jippermetti lill-Partijiet jagħtu derogi favur industriji ġodda, ma japplikax għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-Ftehim.

2.    L-Alġerija timpenja ruħha li tabolixxi din ir-restrizzjoni sa mhux aktar tard minn [...].

Artikolu 2

1.    Il-partijiet jikkondividu l-interpretazzjoni li l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji addizzjonali ta’ salvagwardja mill-Alġerija hija inkompatibbli mal-obbligu li jitneħħew gradwalment id-dazji doganali u l-ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet fl-Alġerija ta’ prodotti industrijali li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u mal-arranġamenti applikabbli għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-prodotti agrikoli pproċessati previsti fl-Artikolu 14 tal-Ftehim. Barra minn hekk, id-dazji ta’ salvagwardja addizzjonali provviżorji jikkostitwixxu dazji doganali ġodda fuq l-importazzjonijiet jew imposti li għandhom effett ekwivalenti, koperti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu17 tal-Ftehim.

2.    Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 24 tal-Ftehim jew tal-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti mhumiex issodisfati.

3.    L-Alġerija timpenja ruħha li tnaqqas ir-rata tad-dazji addizzjonali proviżorji għal 50 % tar-rata statutorja bi [...] u li telimina dawn id-dazji bi [...] għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

1.    Il-Partijiet jikkondividu l-interpretazzjoni liż-żieda fid-dazji doganali applikabbli għal 129 linja tariffarja għal komponenti tat-telekomunikazzjoni, modems, kejbils u apparat elettriku — li d-dazju jiżdied minn rata inizjali ta’ bejn 0 % u 5 % għal ċerti prodotti għal 30 % u, għal prodotti oħra, minn rata inizjali ta’ 30 % għal 60 % — mhijiex kompatibbli mat-tnaqqis fid-dazji doganali previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim u l-projbizzjoni fuq iż-żieda tagħhom skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim.

2.    Il-kundizzjonijiet għal deroga għall-industriji ġodda kif previst fl-Artikolu 11 tal-Ftehim, għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 24 tal-Ftehim jew għall-miżuri meħtieġa biex jiġu rrimedjati diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti mhumiex issodisfati.

3.    L-Alġerija timpenja ruħha li telimina ż-żieda fid-dazji doganali mhux iktar tard minn [...] għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Il-partijiet jimpenjaw ruħhom, skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim, li ma jagħmlux l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Partijiet soġġetti għal liċenzjar awtomatiku jew mhux awtomatiku, ħlief fuq il-bażi ta’ deroga prevista fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

1.    Il-partijiet jirrikonoxxu li r-rakkomandazzjonijiet li mhumiex legalment vinkolanti jistgħu madankollu jikkostitwixxu ostaklu għall-kummerċ inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti mill-Ftehim. Il-partijiet jaqblu mal-interpretazzjoni li l-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ differiment obbligatorju ta’ disa’ xhur għall-ħlas tal-importazzjonijiet, l-istruzzjoni mogħtija lill-operaturi ekonomiċi biex jużaw il-kapaċitajiet tat-trasport marittimu nazzjonali bħala kwistjoni ta’ prijorità kull meta jkun possibbli, u l-indikazzjoni li l-importazzjonijiet biss taħt kuntratti li jużaw, kemm jista’ jkun, il-klawżola FOB tal-Incoterms mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 17 tal-Ftehim jew mal-Artikoli 30, 32 u 34 tiegħu.

2.    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 tal-Ftehim għall-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti mhumiex issodisfati.

3.    L-Alġerija timpenja ruħha li tneħħi l-istruzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn [...].

Artikolu 6

1.    L-Alġerija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, bil-miżuri meħuda biex tikkonforma mal-obbligi tal-Ftehim ta’Assoċjazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(2), l-Artikolu 2(3), l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5(3). L-Alġerija għandha tibgħat kopja tan-notifika lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u lis-Sottokumitat għall-Industrija, il-Kummerċ u l-Investiment.

2.    Fuq talba bil-miktub tal-Unjoni Ewropea, l-Alġerija għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-miżuri meħuda biex tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim.

Artikolu 7

Jekk l-Alġerija ma tkunx innotifikat miżura biex timplimenta din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-iskadenza tal-perjodu speċifikat fid-dispożizzjoni applikabbli, jew jekk l-Unjoni Ewropea tqis li l-miżuri notifikati mhumiex biżżejjed, l-Unjoni Ewropea għandha tkun awtorizzata tissospendi l-konċessjonijiet jew kwalunkwe obbligu ieħor tal-Ftehim skont l-Artikolu 104(2) tal-Ftehim, peress li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun irċieva l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi ..., nhar il- ...

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President

……

Top