IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.4.2021
COM(2021) 210 final
2018/0230(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2018/0230 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Id-data meta l-proposta ġiet trasmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018)0440)
|
11 ta’ Ġunju 2018
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta
|
5 ta’ Diċembru 2018
|
|
Id-data meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta
|
17 ta’ Ottubru 2018
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
12 ta’ Marzu 2019
|
|
Id-data tal-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali
|
26 ta’ Novembru 2018
|
|
Id-dati tat-trilogi
|
2 ta’ Ottubru 2019
12 ta’ Novembru 2019
11 ta’ Diċembru 2019
11 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-ftehim ta’ kompromess
|
18 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data meta l-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess
|
11 ta’ Jannar 2021
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti adotta l-pożizzjoni tal-Kunsill (il-Punt I/A)
|
14 ta’ April 2021
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
|
20 ta’ April 2021
|
2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa wieħed mill-istrumenti ta’ finanzjament taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 1.26 biljun.
Il-proposta dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà kienet maħsuba biex toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena biex iwettqu xogħol volontarju, jagħmlu traineeship jew jaħdmu f’attivitajiet ta’ solidarjetà, għall-benefiċċju tal-komunitajiet u tan-nies madwar l-Ewropa. In-novità ewlenija tal-proposta kienet l-integrazzjoni fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ta’ fergħa ġdida ta’ għajnuna umanitarja li tbiddel il-Korp il-ġdid f’punt uniku ta’ kuntatt għall-opportunitajiet kollha ta’ volontarjat li l-UE toffri liż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn minnha. Din il-fergħa tal-għajnuna umanitarja ġiet proposta biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-obbligi tat-Trattat biex jinħoloq Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja għaż-żgħażagħ Ewropej, li huwa implimentat attwalment taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew
Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, adottata fit-12 ta’ Marzu 2019, issuġġeriet emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari:
–Baġit: tqassim f’termini perċentwali bejn il-fergħat (volontarjat, impjiegi/traineeships, għajnuna umanitarja) kemm fi prezzijiet kostanti kif ukoll fi prezzijiet attwali;
–Atti delegati għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali;
–Il-fergħa tal-għajnuna umanitarja: il-Parlament Ewropew fetaħ din il-fergħa għan-nies ta’ kull età, xtaq iżomm il-Portal tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-proċeduri tal-għażla u żied mal-fergħa proġetti ta’ solidarjetà u l-possibbiltà li jiġu involuti voluntiera lokali f’pajjiżi terzi;
–Attivitajiet fil-pajjiż proprju: obbligu li jiżdiedu sħab minn pajjiżi oħra u għal persuni b’inqas opportunitajiet biss;
–Proġetti ta’ solidarjetà: il-possibbiltà li jiżdiedu elementi transkonfinali;
–Bidliet fil-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni;
–Ġew miżjuda miżuri ġodda ta’ kwalità u appoġġ.
Matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew talab ukoll li titneħħa l-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships. Dan iwassal għal tqassim tal-baġit bejn iż-żewġ fergħat li fadal ta’ 94 % għall-volontarjat u 6 % għall-għajnuna umanitarja, artikolu separat dwar l-inklużjoni, referenza għar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni u l-approvazzjoni kif ukoll indikaturi riveduti. Barra minn hekk, fil-każ tal-fergħa tal-għajnuna umanitarja, il-Parlament Ewropew talab referenzi għal diversi prinċipji tal-għajnuna umanitarja, mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u dokumenti ta’ politika kif ukoll l-involviment tal-komunitajiet lokali u indikaturi addizzjonali.
Bħala parti mill-ftehim milħuq fit-trilogi, il-Kummissjoni aċċettat baġit ta’ EUR 1.009 biljun, it-tneħħija tal-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships u tqassim indikattiv tal-baġit bejn iż-żewġ fergħat li jifdal; attivitajiet fil-pajjiż proprju, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet; limitu massimu tal-età ogħla ta’ 35 sena għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja u l-possibbiltà li esperti ta’ kull età jappoġġaw proġetti ta’ għajnuna umanitarja fil-kuntest tal-bini tal-kapaċitajiet; indikaturi addizzjonali għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja; diversi referenzi għal prinċipji ta’ għajnuna umanitarja u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni; referenza speċifika għar-rekwiżiti tal-approvazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli; u dimensjoni tal-inklużjoni msaħħa.
Il-Kummissjoni qablet ukoll li toħroġ id-dikjarazzjoni li ġejja rigward indikatur addizzjonali għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja:
“Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew biex tqis “l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti” meta tkun qed tissupplimenta r-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.”
Wara li l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, huwa mistenni li l-Parlament Ewropew japprova formalment il-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi.
4.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Dawn huma xi wħud mill-iktar bidliet importanti li ġew introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni:
–Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021-2027 għandu jkun ta’ EUR 1 009 000 000 fi prezzijiet kurrenti. B’massimu ta’ 20 % għall-attivitajiet fil-pajjiż, l-appoġġ finanzjarju indikattiv għall-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) għandu jkun ta’: 94% għall-volontarjat imsemmi fl-Artikolu 7 u għall-proġetti ta’ solidarjetà; u 6% għall-volontarjat imsemmi fl-Artikolu 11;
–Tħassret il-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships;
–Limitu massimu tal-età ta’ 35 sena għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja u l-involviment possibbli ta’ esperti ta’ kull età fil-kuntest tal-bini tal-kapaċitajiet;
–Dimensjoni tal-inklużjoni msaħħa;
–Referenza għall-kopertura tal-assigurazzjoni tal-parteċipanti u għar-rekwiżiti tal-approvazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;
–Il-volontarjat fil-pajjiż proprju jenħtieġ li jkun destinat b’mod partikolari għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet;
–Rigward il-fergħa tal-għajnuna umanitarja, referenza għall-prinċipju “li ma ssir l-ebda ħsara”, il-ħtieġa umanitarja tal-komunitajiet lokali, il-valutazzjoni tar-riskju, l-involviment tal-persunal lokali u l-voluntiera u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa;
–Referenza fil-premessi għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, id-dritt umanitarju internazzjonali, il-prinċipji ta’ donazzjoni umanitarja tajba u r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-UN-OCHA;
–Indikaturi riveduti u indikaturi addizzjonali li jaqdu b’mod partikolari l-fergħa l-ġdida tal-għajnuna umanitarja;
–Durata tal-progamm fissa allinjata mad-durata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;
–Referenza għad-dispożizzjonijiet tar-retroattività;
–Dispożizzjonijiet riveduti dwar il-pajjiżi terzi li jiċċaraw ir-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u entitajiet legali minn pajjiżi terzi li mhumiex.
B’mod ġenerali, il-ftehim li ntlaħaq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali, bl-eċċezzjoni tat-tħassir tal-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships. Iżomm il-livell ta’ ambizzjoni imma fl-istess ħin jippermetti l-flessibilità meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm.
5.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.
6.Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni waħda li tinstab fl-anness.
ANNESS
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti
“Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew biex tqis “l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti” meta tkun qed tissupplimenta r-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.”