IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.4.2021
COM(2021) 189 final
2021/0104(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2021) 164 final} - {SWD(2021) 150 final} - {SWD(2021) 151 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (id-Direttiva 2014/95/UE, l-NFRD), li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità, ġiet adottata fl-2014. Il-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD kellhom jirrapportaw f’konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha għall-ewwel darba fl-2018 (u jkopru s-sena finanzjarja 2017).
L-NFRD tapplika għall-entitajiet kbar ta’ interess pubbliku b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500, u għall-entitajiet ta’ interess pubbliku li huma kumpaniji omm ta’ grupp kbir b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500 fuq bażi kkonsolidata. L-NFRD teżenta lis-sussidjarji mill-obbligi ta’ rapportar tagħha jekk il-kumpanija omm tagħhom tagħmel ir-rapportar għall-grupp kollu, inklużi s-sussidjarji. Madwar 11 700 kumpanija huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-NFRD.
L-NFRD introduċiet rekwiżit għall-kumpaniji biex jirrapportaw kemm dwar kif il-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw il-prestazzjoni, il-pożizzjoni u l-iżvilupp tagħhom (il-perspettiva “minn barra għal ġewwa”), kif ukoll dwar l-impatt tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent (il-perspettiva “minn ġewwa għal barra”). Dan spiss huwa magħruf bħala “materjalità doppja”.
F’konformità mal-NFRD, fl-2017 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida ta’ rapportar mhux vinkolanti għall-kumpaniji. Fl-2019, hija ppubblikat linji gwida addizzjonali, dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima. Dawn il-linji gwida ma tejbux biżżejjed il-kwalità tal-informazzjoni li l-kumpaniji jiddivulgaw skont l-NFRD.
Il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2020. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jittrasforma l-UE f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050. Se jissepara t-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, u jiżgura li r-reġjuni u ċ-ċittadini kollha tal-UE jipparteċipaw fi tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn sistema ekonomika sostenibbli. Għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u li jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. Ir-reviżjoni tal-NFRD se tikkontribwixxi għall-objettiv tal-bini ta’ ekonomija li taħdem għan-nies. Issaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, filwaqt li tgħin sabiex jiġi żgurat li tkun lesta għall-futur u li twassal għal stabbiltà, għal impjiegi, għal tkabbir u għal investiment. Dawn l-għanijiet huma partikolarment importanti meta jitqiesu l-ħsara soċjoekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal irkupru sostenibbli, inklużiv u ġust.
F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli, l-UE ħadet għadd ta’ miżuri sabiex tiżgura li s-settur finanzjarju jkollu parti sinifikanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Data aħjar, mill-kumpaniji, dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà li huma esposti għalihom, u l-impatt tagħhom stess fuq in-nies u fuq l-ambjent, hija essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. Billi tagħmel lill-kumpaniji aktar responsabbli u trasparenti dwar l-impatt tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent, din il-proposta tista’ tgħin ukoll sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn in-negozju u s-soċjetà. Toħloq ukoll opportunitajiet għall-kumpaniji, għall-investituri, għas-soċjetà ċivili u għal partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex itejbu b’mod radikali l-mod kif tiġi rrapportata u kif tintuża l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà bis-saħħa tat-teknoloġiji diġitali. F’Diċembru 2019, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u rilevanti dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà, l-opportunitajiet u l-impatti, u stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li jiġi żviluppat standard Ewropew tar-rapportar mhux finanzjarju.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli, il-Parlament Ewropew talab għal aktar żvilupp tar-rekwiżiti ta’ rapportar fil-qafas tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD). Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, huwa laqa’ tajjeb l-impenn tal-Kummissjoni li tirrieżamina l-NFRD, talab biex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD jiġi estiż għal aktar kategoriji ta’ kumpaniji, u laqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ standards tal-UE tar-rapportar mhux finanzjarju. Il-Parlament Ewropew ikkunsidra wkoll li jenħtieġ li l-informazzjoni mhux finanzjarja ppubblikata mill-kumpaniji skont l-NFRD tkun soġġetta għal awditu obbligatorju.
L-utenti primarji tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ddivulgata fir-rapporti annwali tal-kumpaniji huma investituri u organizzazzjonijiet mhux governattivi, sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħrajn. L-investituri, inklużi l-maniġers tal-assi, iridu jifhmu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet miġjuba minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-investimenti tagħhom, kif ukoll l-impatti ta’ dawk l-investimenti fuq in-nies u fuq l-ambjent. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħrajn iridu jżommu lill-impriżi aktar responsabbli għall-impatti tal-attivitajiet tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent.
Il-qafas legali attwali ma jiżgurax li l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ dawn l-utenti jiġu ssodisfati. Dan għaliex xi kumpaniji li minnhom l-utenti jridu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ma jirrapportawx tali informazzjoni, filwaqt li ħafna li jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ma jirrapportawx l-informazzjoni kollha li hija rilevanti għall-utenti. Meta tiġi rrapportata l-informazzjoni, spiss din la tkun affidabbli biżżejjed, u lanqas komparabbli biżżejjed, bejn il-kumpaniji. Spiss ikun diffiċli għall-utenti li jsibu l-informazzjoni u rarament din tkun disponibbli f’format diġitali li jinqara minn magna. L-informazzjoni dwar l-intanġibbli, inklużi l-intanġibbli ġġenerati internament, mhijiex irrapportata biżżejjed, minkejja li dawn l-intanġibbli jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-investiment tas-settur privat fl-ekonomiji avvanzati (eż. il-kapital uman, il-marka, u l-proprjetà intellettwali u l-intanġibbli relatati mar-riċerka u mal-iżvilupp).
Il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-utenti żdiedu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u kważi ċertament se jkomplu jikbru. Hemm diversi raġunijiet għal dan. Waħda minnhom hija l-għarfien dejjem akbar fost l-investituri li l-kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà jistgħu jqiegħdu f’riskju l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji. Oħra hija s-suq li qed jikber għall-prodotti ta’ investiment li espliċitament ifittxu li jikkonformaw ma’ ċerti standards ta’ sostenibbiltà jew li jilħqu ċerti objettivi ta’ sostenibbiltà. Oħra hija r-regolamentazzjoni, li tinkludi r-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet Relatati mal-Finanzi Sostenibbli u r-Regolament dwar it-Tassonomija. Bħala riżultat ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, il-maniġers tal-assi u l-konsulenti finanzjarji jeħtieġu aktar informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mill-kumpaniji destintatarji ta’ investimenti. Fl-aħħar nett, il-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx li tkompli taċċellera t-tkabbir fid-domanda għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mill-kumpaniji, pereżempju fir-rigward tal-vulnerabbiltà tal-ħaddiema u tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista.
Għalhekk hemm distakk li dejjem qiegħed jikber bejn l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jirrapportaw il-kumpaniji u l-ħtiġijiet tal-utenti li għalihom hija maħsuba dik l-informazzjoni. Minn naħa, dan ifisser li l-investituri ma jistgħux iqisu biżżejjed ir-riskji relatati mas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. Dan imbagħad għandu l-potenzjal li joħloq riskji sistemiċi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja. Min-naħa l-oħra, id-distakk ifisser li l-investituri ma jistgħux jiddirezzjonaw riżorsi finanzjarji lil kumpaniji b’mudelli u b’attivitajiet kummerċjali sostenibbli. Min-naħa tiegħu, dan ixekkel il-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan ifixkel ukoll il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jżommu lill-impriżi responsabbli għall-impatt li jkollhom fuq in-nies u fuq l-ambjent u, b’hekk, joħloq lakuna fl-akkontabbiltà li tista’ xxekkel il-funzjonament effiċjenti tal-ekonomija soċjali tas-suq.
Is-sitwazzjoni attwali hija wkoll problematika għall-kumpaniji li għandhom l-obbligu li jirrapportaw. In-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rekwiżiti attwali, u l-għadd kbir ta’ standards u ta’ oqfsa privati eżistenti, jagħmluha diffiċli għall-kumpaniji sabiex ikunu jafu eżattament x’informazzjoni jenħtieġ li jirrapportaw. Spiss huma jesperjenzaw diffikultajiet biex jiksbu l-informazzjoni li jeħtieġu huma stess mingħand il-fornituri, il-klijenti u l-kumpaniji destinatarji ta’ investimenti. Ħafna kumpaniji jirċievu talbiet għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mill-partijiet ikkonċernati minbarra l-informazzjoni li jirrapportaw sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti legali attwali. Dan kollu jiġġenera kostijiet żejda għan-negozji.
Għalhekk, l-għan ta’ din il-proposta huwa li ttejjeb ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà bl-anqas kost possibbli, sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku Ewropew li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm informazzjoni adegwata disponibbli pubblikament dwar ir-riskji li l-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jippreżentaw għall-kumpaniji, u dwar l-impatti tal-kumpaniji nfushom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Dan ifisser li l-kumpaniji li minnhom l-utenti jeħtieġu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jirrapportaw tali informazzjoni, u li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw l-informazzjoni kollha li l-utenti jqisu rilevanti. Jenħtieġ li l-informazzjoni rrapportata tkun komparabbli, affidabbli u faċli sabiex tinstab mill-utenti u sabiex l-utenti jagħmlu użu minnha permezz tat-teknoloġiji diġitali. Dan jinvolvi t-tibdil tal-istatus tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà sabiex isir aktar komparabbli ma’ dak tal-informazzjoni finanzjarja.
Il-proposta se tgħin sabiex jitnaqqsu r-riskji sistemiċi għall-ekonomija. Se ttejjeb ukoll l-allokazzjoni tal-kapital finanzjarju għall-kumpaniji u għall-attivitajiet li jindirizzaw il-problemi soċjali, tas-saħħa u ambjentali. Fl-aħħar nett, tagħmel lill-kumpaniji aktar responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent, u b’hekk tibni l-fiduċja bejnhom u s-soċjetà.
Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet mhux meħtieġa tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-kumpaniji, u li tippermettilhom jissodisfaw id-domanda dejjem akbar għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà b’mod effiċjenti. Se ġġib ċarezza u ċertezza dwar liema informazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandha tiġi rrapportata, u tagħmilha aktar faċli għal dawk li jippreparaw sabiex jiksbu l-informazzjoni li jeħtieġu għall-finijiet ta’ rapportar mis-sħab kummerċjali tagħhom stess (fornituri, klijenti u kumpaniji destinatarji ta’ investimenti). Dan għandu jnaqqas ukoll l-għadd ta’ talbiet li l-kumpaniji jirċievu għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà flimkien mal-informazzjoni li jippubblikaw fir-rapporti annwali tagħhom.
Hemm għadd ta’ inizjattivi internazzjonali importanti fis-seħħ. L-għan tagħhom huwa li jgħinu sabiex jinkisbu il-konverġenza u l-armonizzazzjoni, madwar id-dinja, tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. L-UE tappoġġa din l-ambizzjoni bis-sħiħ. Il-kumpaniji u l-investituri tal-UE li joperaw globalment se jibbenefikaw minn tali konverġenza u armonizzazzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi mill-G20, mill-G7, mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja u minn oħrajn sabiex jiġi ġġenerat impenn internazzjonali għall-iżvilupp ta’ linja bażi ta’ standards globali tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li tibni fuq il-ħidma tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima. Il-proposti tal-Fondazzjoni għall-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju sabiex jinħoloq Bord ġdid għall-Istandards dwar is-Sostenibbiltà huma partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest, u hekk ukoll il-ħidma li diġà qed titwettaq minn inizjattivi stabbiliti inkluża l-Inizjattiva Globali għar-Rapportar (GRI), il-Bord għall-Istandards dwar il-Kontabilità għas-Sostenibbiltà (SASB), il-Kunsill Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (IIRC), il-Bord għall-Istandards ta’ Divulgazzjoni dwar il-Klima (CDSB) u s-CDP (li qabel kien il-Proġett ta’ Divulgazzjoni dwar il-Karbonju). Din il-proposta għandha l-għan li tibni fuq inizjattivi internazzjonali ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u li tikkontribwixxi għalihom. Jenħtieġ li l-istandards tal-UE tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġu żviluppati f’kooperazzjoni reċiproka kostruttiva ma’ inizjattivi internazzjonali ewlenin, u jenħtieġ li jallinjaw ma’ dawk l-inizjattivi kemm jista’ jkun, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet Ewropej.
Din il-proposta tikkonsisti f’Direttiva waħda li temenda erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti. L-ewwel nett, tkun temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità, billi tirrevedi xi dispożizzjonijiet eżistenti u żżid ċerti dispożizzjonijiet ġodda relatati mar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, tkun temenda d-Direttiva dwar il-Verifiki u r-Regolament dwar il-Verifiki, sabiex tkopri l-awditjar ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Fl-aħħar nett, tkun temenda d-Direttiva dwar it-Trasparenza sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għal kumpaniji b’titoli elenkati fi swieq regolati, u sabiex tiċċara r-reġim superviżorju għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà minn dawn il-kumpaniji.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-NFRD, flimkien mar-Regolament dwar id-Divulgazzjoni relatati mal-Finanzi Sostenibbli (SFDR) u r-Regolament dwar it-Tassonomija, huma l-komponenti ċentrali tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li jirfdu l-istrateġija tal-UE għall-finanzi sostenibbli. L-għan ta’ dan il-qafas legali huwa li jinħoloq fluss konsistenti u koerenti ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tul il-katina tal-valur finanzjarju.
Din il-proposta tibni fuq u tirrevedi r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fl-NFRD, sabiex ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà jsiru aktar konsistenti mal-qafas legali usa’ dwar il-finanzi sostenibbli, inklużi l-SFDR u r-Regolament dwar it-Tassonomija, u sabiex tinħoloq nisġa mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
L-SFDR jirregola kif jenħtieġ li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji (inklużi l-maniġers tal-assi u l-konsulenti finanzjarji) jiddivulgaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà lill-investituri finali u lis-sidien tal-assi. Sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-SFDR – u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-investituri finali inklużi l-individwi u l-unitajiet domestiċi – il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġu informazzjoni adegwata mill-kumpaniji destinatarji ta’ investimenti. Għalhekk, din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-kumpaniji destinatarji ta’ investimenti jirrapportaw l-informazzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġu sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-SFDR tagħhom stess.
Ir-Regolament dwar it-Tassonomija jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, bl-għan li jiżdiedu l-investimenti sostenibbli u jiġi miġġieled il-greenwashing ta’ prodotti finanzjarji “sostenibbli”. Dan jirrikjedi li l-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD jiddivulgaw ċerti indikaturi dwar sa liema punt l-attivitajiet tagħhom huma ambjentalment sostenibbli skont it-tassonomija. Dawn l-obbligi ta’ divulgazzjoni se jiġu speċifikati minn att delegat separat tal-Kummissjoni. Dawn l-indikaturi huma komplementari għall-informazzjoni li l-kumpaniji jridu jiddivulgaw skont l-NFRD stess, u l-kumpaniji jkollhom jirrapportawhom flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar is-sostenibbiltà meħtieġa mill-NFRD.
Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji jkunu konsistenti mat-tassonomija. Dan se jinkiseb fuq kollox permezz tal-istandards proposti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawn se jqisu l-indikaturi li l-kumpaniji jridu jiddivulgaw dwar sa liema punt l-attivitajiet tagħhom ikunu ambjentalment sostenibbli skont it-tassonomija, u l-kriterji ta’ skrinjar u l-limiti ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tat-tassonomija.
Meta mqabbla mar-rekwiżiti tal-NFRD ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, in-novitajiet ewlenin ta’ din il-proposta huma:
–li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għal kumpaniji oħra, inklużi l-kumpaniji l-kbar kollha u l-kumpaniji elenkati (ħlief il-mikrokumpaniji elenkati);
–li jintalab l-aċċertament tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà;
–li tiġi speċifikata f’aktar dettall l-informazzjoni li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw, u li dawn jintalbu jirrapportaw f’konformità mal-istandards obbligatorji tal-UE tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;
–li jiġi żgurat li l-informazzjoni kollha tiġi ppubblikata bħala parti mir-rapporti ta’ ġestjoni tal-kumpaniji, u tiġi ddivulgata f’format diġitali li jinqara minn magna.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta tikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, billi tippermetti lill-investituri u lil partijiet ikkonċernati oħrajn jaċċessaw informazzjoni komparabbli dwar is-sostenibbiltà mingħand kumpaniji destinatarji ta’ investimenti madwar l-UE kollha. Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2020) 590 final), il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva sabiex titwaqqaf pjattaforma ta’ aċċess diġitali madwar l-UE kollha għall-informazzjoni pubblika dwar is-sostenibbiltà u l-finanzi tal-kumpaniji (Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP)). Din il-proposta tikkomplementa dik l-inizjattiva, billi tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE (COM(2020) 591 final), billi tirrikjedi li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata tiġi ttaggjata b’mod diġitali.
Din il-proposta tqis il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021, b’mod partikolari l-inizjattiva li jmiss dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, u l-impenn tal-Kummissjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex issaħħaħ l-azzjoni kontra asserzjonijiet ambjentali foloz u sabiex tappoġġa lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp ta’ prattiki standardizzati ta’ kontabilità tal-kapital naturali fl-UE u internazzjonalment.
Din il-proposta hija marbuta mal-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew ta’ xogħol ta’ valur ugwali mill-irġiel u min-nisa, permezz ta’ trasparenza tal-pagi u ta’ mekkaniżmi tal-infurzar . Hija torbot ukoll mad-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji l-kbar elenkati fl-UE permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-politiki tad-diversità tal-kumpaniji.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tal-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 50 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-UE mmirati lejn il-kisba tad-dritt ta’ stabbiliment fis-suq uniku fid-dritt tal-kumpaniji. Huwa wkoll il-bażi ġuridika għad-Direttivi 2013/34/UE, 2006/43/KE, 91/674/KEE, 86/635/KEE, u huwa parti mill-bażi ġuridika għad-Direttiva 2004/109/KE. L-Artikolu 50 tat-TFUE jagħti mandat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jaġixxu permezz ta’ direttivi. Barra minn hekk, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa att legali ġenerali bl-objettiv li jiġi stabbilit jew żgurat il-funzjonament tas-suq uniku – f’dan il-każ, il-moviment liberu tal-kapital. L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa inkluż bħala l-bażi ġuridika għal din id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2004/109/KE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Id-Direttiva dwar il-Kontabilità, kif emendata mill-NFRD, diġà tirregola d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fl-UE. Huma meħtieġa regoli ta’ trasparenza sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja madwar l-UE. Regoli komuni fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-aċċertament tiegħu jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji stabbiliti fl-Istati Membri differenti. Differenzi sinifikanti fir-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-aċċertament bejn l-Istati Membri joħolqu kostijiet u kumplessità addizzjonali għall-kumpaniji li joperaw bejn il-fruntieri. Dan huwa ta’ detriment għas-suq uniku. Jekk l-Istati Membri jaġixxu individwalment ma jkunux kapaċi jiżguraw il-konsistenza u l-komparabbiltà tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà madwar l-UE.
Barra minn hekk, l-intervent tal-UE biss jista’ jiżgura li r-regoli dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu konsistenti ma’ liġijiet oħrajn tal-UE, li jinkludu r-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli u r-Regolament dwar it-Tassonomija, u ma’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk ir-regolamenti.
L-interess fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà qed jiżdied u qed jiżdied ukoll l-intervent regolatorju f’ġurisdizzjonijiet madwar id-dinja. Għalhekk, l-UE jeħtiġilha tiżviluppa approċċ koerenti u komprensiv għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, sabiex tkun tista’ tinvolvi ruħha b’mod kostruttiv mas-sħab internazzjonali tagħha. Meta mqabbel ma’ azzjoni individwali mill-Istati Membri, l-intervent tal-UE jista’ jiżgura kontribut Ewropew sinifikanti għall-iżviluppi fil-politika globali, sabiex jiġu difiżi aħjar l-interessi tal-kumpaniji Ewropej u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn.
•Proporzjonalità
Element ċentrali ta’ din il-proposta huwa li ċerti kategoriji ta’ kumpaniji jintalbu jirrapportaw skont l-istandards obbligatorji tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Kif inhu l-każ għar-rapportar finanzjarju, huma meħtieġa standards komuni sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni rrapportata tkun komparabbli u rilevanti. L-istandards komuni tar-rapportar jiffaċilitaw ukoll bil-kbir id-diġitalizzazzjoni, l-assigurazzjoni u l-infurzar tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Din il-proposta tipprevedi l-introduzzjoni ta’ rekwiżit sabiex tiġi żgurata l-informazzjoni rrapportata dwar is-sostenibbiltà, b’tali mod li tkun affidabbli. Hija tipprevedi wkoll li l-kumpaniji jintalbu jittaggjaw b’mod diġitali l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata. L-ittaggjar diġitali huwa essenzjali sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li t-teknoloġiji diġitali jippreżentaw sabiex jitjieb b’mod radikali l-mod kif tintuża l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-UE diġà introduċiet rekwiżit għall-ittaggjar diġitali tal-informazzjoni finanzjarja.
Din il-proposta tieħu approċċ proporzjonat għad-determinazzjoni ta’ liema kumpaniji se jkunu soġġetti għal rekwiżiti obbligatorji ta’ rapportar. Il-proposta ma timponix rekwiżiti ġodda fuq l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), ħlief fuq l-SMEs elenkati fis-swieq regolati tal-UE. Il-proposta teżenta lill-mikrokumpaniji elenkati mill-obbligi mandatorji ta’ rapportar.
Il-Kummissjoni se tadotta standards għall-kumpaniji l-kbar u standards separati u proporzjonati għall-SMEs. L-istandards tal-SMEs se jitfasslu skont il-kapaċitajiet u r-riżorsi ta’ dawn il-kumpaniji. Filwaqt li l-SMEs elenkati fi swieq regolati jkunu meħtieġa jużaw dawn l-istandards proporzjonati, l-SMEs mhux elenkati — li huma l-maġġoranza l-kbira tal-SMEs — jistgħu jagħżlu li jużawhom fuq bażi volontarja.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta tinkludi Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, id-Direttiva dwar it-Trasparenza, id-Direttiva dwar il-Verifika u r-Regolament dwar il-Verifika, u b’hekk tiżgura l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn l-erba’ strumenti.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
F’April 2021, il-Kummissjoni ppubblikat kontroll tal-idoneità tal-qafas tal-UE għar-rapportar korporattiv finanzjarju u mhux finanzjarju, flimkien ma’ rieżami obbligatorju ta’ ċerti aspetti tal-NFRD. Il-konklużjoni ewlenija tal-kontroll tal-idoneità u tar-rieżami kienet li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li l-kumpaniji jirrapportaw bħalissa ma tissodisfax il-ħtiġijiet tal-utenti li għalihom hija maħsuba l-informazzjoni, u li għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-NFRD. Din hija konsistenti mas-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta (ara aktar ’il quddiem).
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni li ġejjin għenu sabiex jitfassal il-kontenut ta’ din il-proposta.
–Konsultazzjoni pubblika online miftuħa minn Marzu sa Lulju 2018, sabiex jiġi ppreparat il-kontroll tal-idoneità tal-qafas tal-UE għar-rapportar korporattiv.
–Konsultazzjoni online mmirata minn Frar sa Marzu 2019, sabiex tgħin fl-iżvilupp ta’ linji gwida dwar ir-rapportar relatat mal-klima.
–Konsultazzjoni online mmirata tal-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD, imwettqa għall-Kummissjoni minn konsulenti esterni (CEPS) minn Diċembru 2019 sa Marzu 2020.
–Feedback online għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-impatt tal-bidu għar-reviżjoni tal-NFRD minn Jannar sa Frar 2020.
–Konsultazzjoni pubblika online miftuħa dwar ir-reviżjoni tal-NFRD minn Frar sa Ġunju 2020.
–Stħarriġ online mmirat tal-SMEs (Bord tal-SMEs) fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà minn Marzu sa Mejju 2020.
Il-Kummissjoni organizzat ukoll workshops bejn diversi partijiet ikkonċernati dwar il-kunċett ta’ materjalità (Novembru 2019) u l-assigurazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà (Diċembru 2020), kif ukoll laqgħat ta’ konsultazzjoni separati ma’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati f’Mejju 2020 (kumpaniji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u trade unions).
Il-konsultazzjonijiet żvelaw xi differenzi bejn l-utenti u dawk li jippreparaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-utenti għandhom it-tendenza li jippreferu rekwiżiti ta’ rapportar dettaljati u komprensivi. Dawk li jippreparaw esprimew tħassib dwar il-kostijiet ta’ dawn ir-rekwiżiti, filwaqt li ta’ spiss iddikjaraw preferenza li jinżamm grad kbir ta’ diskrezzjoni dwar x’għandu jiġi rrapportat u kif għandu jiġi rrapportat.
Madankollu, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar ir-reviżjoni tal-NFRD uriet li kien hemm appoġġ qawwi ħafna għall-istandards obbligatorji tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (aktar minn 80 % tar-rispondenti kollha, inklużi 81 % tar-rispondenti li huma jew li jirrappreżentaw kumpaniji li jippreparaw rapporti dwar is-sostenibbiltà). Ħafna partijiet ikkonċernati enfasizzaw li jekk l-UE tiżviluppa standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li tibni fuq inizjattivi internazzjonali ta’ ffissar ta’ standards u li tkun konsistenti magħhom. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġi ċċarat l-obbligu li jsir rapportar skont il-perspettiva ta’ materjalità doppja.
Il-konsultazzjonijiet urew ukoll li kien hemm appoġġ qawwi għal miżuri sabiex jiġi żgurat l-allinjament tar-rekwiżiti tal-NFRD ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, b’mod partikolari mar-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli u mar-Regolament dwar it-Tassonomija.
Il-partijiet ikkonċernati għandhom firxa wiesgħa ta’ fehmiet dwar liema kategoriji ta’ kumpaniji jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti obbligatorji ta’ rapportar. Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions jappoġġaw estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD għal firxa wiesgħa ta’ kumpaniji, li jinkludu kumpaniji kbar mhux elenkati u SMEs. Ħafna istituzzjonijiet finanzjarji u maniġers tal-assi jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati għall-SMEs, speċjalment l-SMEs elenkati. L-assoċjazzjonijiet kummerċjali formali argumentaw prinċipalment kontra l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar. L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs, u l-biċċa l-kbira tal-SMEs infushom, jopponu l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji għall-SMEs iżda jibqgħu miftuħin għall-idea ta’ standards proporzjonati u volontarji għalihom. Diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati pproponew li r-rekwiżiti ta’ rapportar japplikaw ukoll għal kumpaniji mhux tal-UE.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjonijiet tat-task force stabbilita mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) sabiex tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu żviluppati standards Ewropej tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ikkunsidrat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-President tal-EFRAG dwar tibdiliet possibbli fil-governanza fl-EFRAG jekk jintalab jiżviluppa tali standards. Il-governanza tal-EFRAG tiġi mmodifikata kif xieraq qabel ma l-EFRAG jissottometti kwalunkwe abbozz ta’ standards lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jinħoloq pilastru ġdid għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà flimkien mal-pilastru eżistenti tar-rapportar finanzjarju tal-EFRAG. Jenħtieġ li l-pilastru l-ġdid ikollu struttura ta’ governanza robusta u proċess ġust li jirriflettu r-rwol tiegħu fl-iżvilupp tal-istandards. Jenħtieġ li dan jintegra firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati minn dawk tradizzjonalment involuti fir-rapportar finanzjarju, inkluża rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ esperti mill-awtoritajiet nazzjonali, mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat.
Il-Kummissjoni kkuntrattat konsulenti sabiex jiġbru data fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-kostijiet, permezz ta’ stħarriġ tal-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD. Hija kkuntrattat ukoll konsulenti biex janalizzaw il-prattiki tas-suq u dawk attwali fil-provvista ta’ data dwar is-sostenibbiltà, ta’ klassifikazzjonijiet u ta’ riċerka għas-settur finanzjarju.
•Valutazzjoni tal-impatt
Is-servizzi tal-Kummissjoni abbozzaw valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva, b’riżervi, dwar l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt.
Il-valutazzjoni tal-impatt iffokat fuq l-għażliet ta’ politika fi tliet oqsma: (1) l-istandardizzazzjoni – jekk għandhomx jiġu żviluppati standards tal-UE tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jekk il-kumpaniji għandhomx ikunu meħtieġa jużawhom; (2) l-assigurazzjoni (awditu) – jekk jenħtieġx li l-informazzjoni rrapportata dwar is-sostenibbiltà tiġi assigurata u jekk iva, f’liema livell; u (3) il-kamp ta’ applikazzjoni – liema kategoriji ta’ kumpaniji jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar.
L-għażla politika ppreferuta identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt tkun:
(1)tirrekjedi li l-kumpaniji kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni jirrapportaw f’konformità mal-istandards tal-UE;
(2)tenħtieġ li l-kumpaniji kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni jfittxu aċċertament limitat għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrappurtata, filwaqt li jinkludu għażla li jimxu lejn rekwiżit ta’ aċċertament raġonevoli fi stadju aktar tard; u
(3)testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għall-kumpaniji l-kbar kollha, u għall-kumpaniji kollha elenkati fis-swieq regolati tal-UE ħlief għall-mikrokumpaniji elenkati. Il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi kumpaniji mhux stabbiliti fl-UE li huma elenkati fis-swieq regolati tal-UE, u s-sussidjarji tal-UE ta’ kumpaniji mhux tal-UE.
L-għażla ppreferuta hija l-aħjar kompromess bejn żewġ perkorsi possibbli ta’ azzjoni. Wieħed huwa rekwiżiti dettaljati u preskrittivi ta’ rapportar, rekwiżit ta’ aċċertament b’saħħtu, u kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ – effettiv ħafna sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti iżda aktar għali għal dawk li jippreparaw. L-ieħor huwa rekwiżiti ta’ rapportar anqas dettaljat, rekwiżit ta’ aċċertament anqas b’saħħtu, u kamp ta’ applikazzjoni aktar dejjaq – anqas effettiv sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti iżda wkoll anqas għali għal dawk li jippreparaw, tal-anqas fuq terminu qasir. L-għan huwa li jinkiseb l-eżitu bl-aħjar valur f’termini ta’ objettivi u ta’ kostijiet assoċjati.
L-għażla ppreferuta tippermetti wkoll lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-fornituri indipendenti tas-servizzi tal-aċċertament minbarra l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar biex iwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dan huwa maħsub sabiex joffri lill-kumpaniji għażla usa’ ta’ fornituri tas-servizzi tal-aċċertament għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
L-utenti jibbenefikaw minn aċċess aħjar għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà komparabbli, rilevanti u affidabbli minn aktar kumpaniji. Dan imbagħad inaqqas ir-riskji tal-investimenti fis-sistema finanzjarja, iżid il-flussi finanzjarji għal kumpaniji li għandhom impatt pożittiv fuq in-nies u fuq l-ambjent, u jagħmel lill-kumpaniji aktar responsabbli. Dan jipprovdi lill-faddala u lill-investituri li jridu jinvestu b’mod sostenibbli bil-possibbiltà li jagħmlu dan. L-għażla proposta tiżgura li madwar 49 000 kumpanija jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà (75 % tal-fatturat tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata kollha), meta mqabbla mal-11 600 kumpanija attwali (47 % tal-fatturat tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata kollha) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD. Il-kumpaniji l-kbar kollha, u l-kumpaniji kollha elenkati fis-swieq regolati tal-UE (għajr il-mikrokumpaniji elenkati), ikunu meħtieġa japplikaw l-istandards tar-rapportar tal-UE dwar is-sostenibbiltà u jfittxu aċċertament għall-informazzjoni rrapportata. B’paragun, bħalissa huwa stmat li 20 % biss tal-kumpaniji l-kbar japplikaw bis-sħiħ xi standard tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u 30 % biss ifittxu xi forma ta’ aċċertament. L-għażla proposta se jkollha effetti pożittivi indiretti fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll fuq in-nies u fuq l-ambjent, peress li rekwiżiti ta’ rapportar aktar stretti jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba korporattiva għall-aħjar.
Il-kostijiet totali stmati tal-għażla ppreferuta għal dawk li jippreparaw huma ta’ EUR 1,200 miljun f’kostijiet ta’ darba u ta’ EUR 3,600 miljun f’kostijiet rikorrenti annwali. Barra minn hekk, dawk li jippreparaw se jġarrbu kostijiet bħala riżultat tar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Jekk l-UE ma tieħu l-ebda azzjoni, il-kostijiet għal dawk li jippreparaw huma fi kwalunkwe każ mistennijin li jiżdiedu sostanzjalment minħabba żieda fid-domandi ta’ informazzjoni mhux ikkoordinati mill-utenti, in-nuqqas ta’ kunsens dwar x’informazzjoni l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti, u diffikultajiet persistenti fil-kisba tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li dawk li jippreparaw jeħtieġu għall-finijiet ta’ rapportar tagħhom stess mill-fornituri, mill-klijenti u mill-kumpaniji destinatarji ta’ investimenti. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data dettaljata biżżejjed jagħmilha impossibbli li jiġu kkalkolati l-kostijiet li dawk li jippreparaw iġarrbu fin-nuqqas ta’ regoli ġodda. Madankollu, huwa stmat li l-użu tal-istandards jista’ jwassal għal iffrankar annwali ta’ EUR 24 200-41 700 għal kull kumpanija (madwar EUR 280-490 miljun fis-sena għall-popolazzjoni attwali tal-NFRD u EUR 1,200-2,000 miljun fis-sena għall-għażla ppreferuta), jekk l-istandards jeliminaw kompletament il-ħtieġa għal talbiet għal informazzjoni addizzjonali mingħand dawk li jippreparaw.
Il-kumpaniji tal-UE jirriskjaw li jġarrbu kostijiet ta’ rapportar ogħla minn kumpaniji mhux tal-UE jekk ġurisdizzjonijiet oħrajn ma jiħdux approċċ simili għall-approċċ deskritt f’din il-proposta. Dan jista’ jwassal għal trattament mhux ugwali tal-kumpaniji tal-UE u dawk mhux tal-UE u, għalhekk, ikun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku tal-UE. Sabiex jiġi mitigat dan ir-riskju, is-sussidjarji tal-UE ta’ kumpaniji mhux tal-UE, kif ukoll kwalunkwe kumpanija mhux tal-UE b’titoli trasferibbli elenkata f’suq regolat tal-UE, huma koperti mir-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fil-proposta.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Sabiex jgħinu biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, jenħtieġ li fil-prinċipju l-kumpaniji kollha elenkati fi swieq regolati jkunu soġġetti għall-istess regoli ta’ divulgazzjoni. Għalhekk, l-SMEs elenkati fis-swieq regolati tal-UE jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda proposti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, ir-rekwiżiti għall-SMEs elenkati fis-swieq regolati tal-UE japplikaw biss 3 snin wara li japplikaw għal kumpaniji oħra, sabiex jagħtu biżżejjed żmien minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi relattivi li affaċċjaw il-kumpaniji iżgħar minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan il-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali jippermetti wkoll lill-SMEs elenkati japplikaw ir-rekwiżiti l-ġodda meta l-prattiki ta’ rapportar u ta’ aċċertament tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkunu laħqu grad ogħla ta’ maturità. Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ta’ din il-proposta ma japplikawx għall-SMEs b’titoli trasferibbli elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jew f’faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs). Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, dawn ma japplikawx għall-mikrointrapriżi elenkati fis-swieq regolati tal-UE.
Din il-proposta ma teħtieġx li SMEs oħra jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, l-SMEs mhux elenkati jistgħu jiddeċiedu li jużaw fuq bażi volontarja l-istandards tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà li l-Kummissjoni se tadotta bħala atti delegati għar-rappurtar mill-SMEs elenkati. Dawn għandhom l-għan li jippermettu lil kwalunkwe SME tirrapporta l-informazzjoni b’mod kosteffiċjenti bi tweġiba għad-diversi talbiet għal informazzjoni li tirċievi mingħand kumpaniji oħrajn li magħhom tagħmel negozju, bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u klijenti korporattivi kbar, u sabiex jgħinu fid-definizzjoni tal-limiti għall-informazzjoni li l-kumpaniji jistgħu jistennew b’mod raġonevoli li l-SMEs fil-katina tal-valur tagħhom jipprovdu. Tali standards jenħtieġ li jgħinu wkoll lill-SMEs jattiraw investiment u finanzjament addizzjonali, u jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija sostenibbli deskritta fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u jikkontribwixxu għaliha. L-istandards tal-SMEs se jistabbilixxu referenza għall-kumpaniji li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar tas-Sostenibbiltà Korporattiva fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jistgħu jitolbu b’mod raġonevoli mingħand il-fornituri SMEs u mingħand il-klijenti fil-ktajjen tal-valur tagħhom.
Din il-proposta hija diġitalment pronta, peress li tirrikjedi li l-kumpaniji jittaggjaw b’mod diġitali l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata f’konformità ma’ tassonomija diġitali.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali minquxa, u tosserva l-prinċipji ddikjarati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Se jkollha impatt pożittiv indirett fuq id-drittijiet fundamentali, minħabba li rekwiżiti ta’ rapportar aktar stretti jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba korporattiva għall-aħjar. Jenħtieġ li sservi sabiex il-kumpaniji jsiru aktar konxji tad-drittijiet fundamentali u tinfluwenza b’mod pożittiv kif jidentifikaw u jimmaniġġjaw l-impatti negattivi attwali u potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li żżid ukoll il-flussi tal-kapital lill-kumpaniji li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, u b’mod ġenerali tagħmel lill-kumpaniji aktar responsabbli għall-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja. Se jintużaw riżorsi baġitarji eżistenti għan-nefqa biex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp tal-istandards tal-UE tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar
Sabiex timmonitorja l-progress fil-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-proposta, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li torganizza stħarriġiet perjodiċi tal-utenti u ta’ dawk li jippreparaw, skont id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji.
Il-proposta tinkludi rekwiżit li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-aċċertament mhux aktar tard minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport se jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi għal rekwiżiti tal-aċċertament aktar stretti (“aċċertament raġonevoli”).
Din il-proposta ma teħtieġx pjan ta’ implimentazzjoni.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
L-ebda dokument ta’ spjegazzjoni ma jitqies meħtieġ.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jemenda d-Direttiva 2013/34/UE (“id-Direttiva dwar il-Kontabilità”).
Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 1 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli tad-Direttiva dwar il-Kontabilità dwar l-obbligi ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u għal kumpaniji tal-assigurazzjoni li skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità mhumiex kumpaniji b’responsabbiltà limitata jew mhumiex meqjusin li għandhom responsabbiltà limitata, inklużi banek kooperattivi u kumpaniji tal-assigurazzjoni ta' benefiċċju komuni u kooperattivi, dment li jissodisfaw il-kriterji rilevanti tad-daqs.
Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 1 jiddefinixxi ċerti termini li huma neċessarji għall-proposta. Jintroduċi u jiddefinixxi t-termini “kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà” u “rapportar dwar is-sostenibbiltà”, filwaqt li d-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar il-Kontabilità jirreferu għal “informazzjoni mhux finanzjarja”. Jiddefinixxi wkoll it-termini “fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament” u “intanġibbli”.
Il-paragrafu (3) tal-Artikolu 1 jissostitwixxi l-Artikolu 19a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, li jispeċifika r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għal ċerti kumpaniji. Il-proposta temenda l-Artikolu 19a kif ġej:
–Timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-rekwiżiti ta’ rapportar, filwaqt li testendi l-applikazzjoni tagħhom għall-kumpaniji l-kbar kollha u għall-kumpaniji kollha b’titoli elenkati fis-swieq regolati tal-UE, ħlief għall-mikrokumpaniji. Sabiex jittaffa l-piż tar-rapportar għall-SMEs elenkati, huma jibdew jirrapportaw f’konformità ma’ din id-Direttiva 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.
–Din tiċċara l-prinċipju ta’ materjalità doppja, filwaqt li tneħħi kwalunkwe ambigwità dwar il-fatt li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jifhem kif il-kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà jaffettwawh, u l-informazzjoni neċessarja biex wieħed jifhem l-impatt li jħallu fuq in-nies u fuq l-ambjent.
–Hija tispeċifika f’aktar dettall l-informazzjoni li l-kumpaniji jenħtieġ jiddivulgaw. Meta mqabblin mad-dispożizzjonijiet eżistenti, hija tintroduċi rekwiżiti ġodda għall-kumpaniji sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-istrateġija, il-miri, ir-rwol tal-bord u tal-maniġment, l-impatti avversi ewlenin marbuta mal-kumpanija u mal-katina tal-valur tagħha, u l-intanġibbli tagħhom, u kif identifikaw l-informazzjoni li qed jirrapportaw.
–Tispeċifika li jenħtieġ li l-kumpaniji jirrapportaw informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva, informazzjoni li tħares ’il quddiem u retrospettiva, u informazzjoni li tkopri perjodi ta’ żmien qosra, medji u fit-tul kif xieraq.
–Tirrikjedi lill-kumpaniji kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jirrappurtaw skont l-istandards Ewropej ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà, u ddaħħal lill-SMEs elenkati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex jirrapportaw skont l-istandards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għall-SMEs.
–Tneħħi l-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu lill-kumpaniji jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa f’rapport separat li ma jkunx parti mir-rapport ta’ ġestjoni.
–Teħtieġ lill-kumpaniji sussidjarji eżentati jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-kumpanija omm filwaqt li jirrapportaw fil-livell tal-grupp, u li jinkludu referenza fir-rapport ta’ ġestjoni tal-entità ġuridika (individwali) tagħha għall-fatt li l-kumpanija inkwistjoni hija eżentata mir-rekwiżiti tad-Direttiva.
Il-paragrafu (4) tal-Artikolu 1 jintroduċi tliet dispożizzjonijiet ġodda, l-Artikoli 19b, 19c u 19d, fid-Direttiva dwar il-Kontabilità, fuq l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. L-Artikolu 19b jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta standards tar-rapportar tal-UE dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati u jispeċifika r-rekwiżiti għall-adozzjoni tagħhom. L-ewwel nett, jispeċifika l-kriterji minimi ta’ kwalità li jkollha tissodisfa l-informazzjoni rrapportata f’konformità mal-istandards. It-tieni nett, huwa jidentifika s-suġġetti li l-istandards jenħtieġ li jkopru. It-tielet nett, jidentifika ċerti strumenti u inizjattivi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis b’mod partikolari meta tiddeċiedi l-kontenut tal-atti delegati, inkluża ċerta leġiżlazzjoni tal-UE, u l-ħidma ta’ inizjattivi globali ta’ ffissar ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta l-ewwel sett ta’ standards sal-31 ta’ Ottubru 2022. Dan is-sett ta’ standards jenħtieġ li jispeċifika l-informazzjoni li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ sostenibbiltà u l-oqsma kollha ta’ rapportar elenkati fl-Artikolu 19a(2). Dawn l-atti delegati jenħtieġ li tal-anqas jispeċifikaw l-informazzjoni li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw sabiex jaqdu l-ħtiġijiet tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2088. It-tieni sett ta’ standards jenħtieġ li jiġi adottat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2023. Dan is-sett ta’ standards jenħtieġ li jispeċifika l-informazzjoni komplementari li l-kumpaniji jenħtieġ li jirrapportaw dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u oqsma ta’ rapportar elenkati fl-Artikolu 19a(2) fejn meħtieġ, u informazzjoni speċifika għas-settur li fih topera kumpanija. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19b jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina l-istandards tal-anqas kull 3 snin sabiex tqis l-iżviluppi rilevanti, inklużi l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali. L-Artikolu 19c jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta standards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju sal-31 ta’ Ottubru 2023. L-Artikolu 19d jirrikjedi li l-kumpaniji jħejju r-rapporti finanzjarji tagħhom u r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom f’format elettroniku uniku ta’ rapportar f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 u li jimmarkaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà kif u meta speċifikat f’dak ir-Regolament.
Il-paragrafu (5) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 20 biex jirrikjedi li l-kumpaniji elenkati soġġetti għal din id-dispożizzjoni jinkludu referenza għall-ġeneru fid-deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-kumpanija. Jemenda wkoll l-Artikolu 20 sabiex jippermetti lill-impriżi elenkati soġġetti għall-Artikolu 20 jikkonformaw mar-rekwiżiti li jistabbilixxi fil-punti (c), (f) u (g) billi jinkludu l-informazzjoni meħtieġa bħala parti mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom.
Il-paragrafu (6) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, billi jiċċara li r-reġim ta’ eżenzjoni għar-rapporti finanzjarji kkonsolidati u għar-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati jopera indipendentement mir-reġim ta’ eżenzjoni għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat. Dan ifisser li kumpanija tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ rapportar finanzjarju kkonsolidat, iżda mhux mir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat. Dan ikun il-każ jekk il-kumpanija omm apikali tal-kumpanija tipprepara rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati f’konformità mad-dritt tal-UE, jew ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk tkun pajjiż mhux tal-UE, iżda ma tippreparax rapporti dwar is-sostenibbiltà kkonsolidati f’konformità mad-dritt tal-UE, jew ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk il-pajjiż ma jkunx pajjiż tal-UE.
Il-paragrafu (7) tal-Artikolu 1 jissostitwixxi l-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità sabiex ir-rekwiżiti kollha ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-Artikolu 19a japplikaw kif xieraq għall-kumpaniji omm li jirrapportaw fuq bażi kkonsolidata għall-grupp kollu.
Il-paragrafu (8) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità sabiex jallinjaha mar-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. L-ewwel nett, huwa emendat biex jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fi żmien 12-il xahar mid-data tal-karta bilanċjali, il-kumpaniji jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji annwali u r-rapport ta’ ġestjoni approvati kif xieraq fil-format elettroniku stabbilit fl-Artikolu 19d il-ġdid. It-tieni nett, huwa emendat sabiex jirrikjedi li jekk tingħata opinjoni fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà minn fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament li ma jkunx l-awditur statutorju, din l-opinjoni tiġi ppubblikata flimkien mar-rapporti finanzjarji annwali u mar-rapport ta’ ġestjoni. Fl-aħħar nett, huwa emendat sabiex jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li r-rapporti ta’ ġestjoni li jkun fihom ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà jsiru disponibbli għall-mekkaniżmu rilevanti ddeżinjat uffiċjalment imsemmi fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar it-Trasparenza), mingħajr dewmien, wara l-pubblikazzjoni tagħhom. Jispeċifika li jekk il-kumpaniji li jippreparaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma jkunux elenkati fis-swieq regolati tal-UE, jenħtieġ li l-mekkaniżmu rilevanti ddeżinjat uffiċjalment ikun wieħed mill-mekkaniżmi ddeżinjati uffiċjalment tal-Istat Membru fejn il-kumpanija inkwistjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Dan huwa neċessarju għall-inklużjoni tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà divulgata mill-kumpaniji fil-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew li se jiġi stabbilit kif imħabbar fl-azzjoni 1 tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Il-paragrafu (9) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, filwaqt li jallinja r-responsabbiltà kollettiva tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ kumpanija mar-rekwiżiti riveduti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. B’mod partikolari, jeħtieġ li l-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji jiżguraw li l-kumpanija inkwistjoni tkun irrapportat f’konformità mal-istandards tal-UE tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u fil-format diġitali meħtieġ, u jħassar ir-referenza għar-rapport separat attwalment permess għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (10) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. B’mod partikolari, jirrikjedi li l-awditur statutorju jieħu inkarigu limitat ta’ aċċertament fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ kumpanija, inkluż dwar il-konformità tar-rapportar tas-sostenibbiltà mal-istandards tar-rapportar, il-proċess imwettaq mill-kumpanija sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards, dwar il-markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u dwar l-indikaturi rrapportati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Barra minn hekk, jippermetti lill-Istati Membri jħallu lil kwalunkwe fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament akkreditat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprovdi opinjoni fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà fuq il-bażi ta’ inkarigu limitat tal-aċċertament. Jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu stabbiliti rekwiżiti konsistenti għall-persuni u għad-ditti kollha, inklużi l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar, li jitħallew jipprovdu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (11) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 49 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-atti delegati dwar l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 19b il-ġdid. Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis il-parir tekniku tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) meta tħejji dawk l-atti, sakemm dan ikun żviluppat bi proċess xieraq, taħt sorveljanza pubblika u bi trasparenza, u bl-għarfien espert tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u li jkun akkumpanjat minn analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji, li se jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ standards mill-Kummissjoni. Dan il-paragrafu jirrikjedi wkoll li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tipprovdi opinjoni dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG qabel ma tadotta l-istandards. Din l-opinjoni għandha tingħata fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba mill-Kummissjoni. Dan huwa perjodu raġonevoli peress li l-ESMA se tkun involuta fil-ħidma tal-EFRAG, u għalhekk se ssir midħla tal-kontenut tal-parir tekniku tal-EFRAG qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll tikkonsulta mal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli, mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), mal-Bank Ċentrali Ewropew, mal-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar u mal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli qabel ma tadotta l-istandards. Meta kwalunkwe wieħed minn dawk il-korpi jiddeċiedi li jissottometti opinjoni, huwa jenġtieġ li jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni.
Il-paragrafu (12) tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 51 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, filwaqt li jispeċifika t-tipi ta’ sanzjonijiet minimi u l-miżuri amministrattivi li l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.
L-Artikolu 2 jemenda d-Direttiva 2004/109/KE (id-Direttiva dwar it-Trasparenza).
Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 2 jintroduċi u jiddefinixxi t-terminu “rapportar dwar is-sostenibbiltà”, neċessarju għall-proposta.
Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 2 jemenda l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, sabiex titqies il-parti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-informazzjoni regolata li trid titħejja u tiġi ppubblikata skont id-dispożizzjonijiet tagħha. L-ewwel nett, huwa emendat sabiex ikun meħtieġ li r-rapport finanzjarju annwali jinkludi rapporti magħmula mill-persuni responsabbli għar-rapportar finanzjarju fl-emittent li, sa fejn jafu huma, ir-rapport ta’ ġestjoni tħejja f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif meħtieġa mid-Direttiva 2013/34/UE, fejn xieraq. Ir-rekwiżit li jiġi inkluż ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà fir-rapport ta’ ġestjoni, bħala riżultat tal-emendi introdotti minn din id-Direttiva, jelimina l-ħtieġa li jiġi mmodifikat l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2004/109/KE. It-tieni, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kontabilità u tad-Direttiva 2006/43/KE (id-Direttiva dwar il-Verifika) huma aġġornati fir-rigward tar-rekwiżit għall-awditjar tar-rapporti finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, u sabiex jiġi ddikjarat jekk l-awditur jew id-ditta tal-awditjar identifikawx dikjarazzjonijiet skorretti materjali fir-rapport ta’ ġestjoni, u fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi ddivulgat ir-rapport tal-awditu, inkluża l-opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Fl-aħħar nett, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kontabilità fir-rigward tat-tħejjija tar-rapport ta’ ġestjoni qed jiġu aġġornati u emendati sabiex isiru jeħtieġu rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawn l-emendi jippermettu l-estensjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-kumpaniji elenkati fis-swieq regolati tal-UE, ħlief għall-mikrokumpaniji, inklużi emittenti mhux tal-UE. Huma jiċċaraw ukoll il-mandat legali li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jridu jwettqu superviżjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (3) tal-Artikolu 2 jemenda l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza sabiex jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex tistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà użati minn emittenti mhux tal-UE u sabiex tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar tali ekwivalenza. Kwalunkwe deċiżjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà użati minn emittenti mhux tal-UE tkun indipendenti mid-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza dwar l-istandards tar-rapportar finanzjarju.
Il-paragrafu (4) tal-Artikolu 2 jintroduċi l-Artikolu 28(d) fid-Direttiva dwar it-Trasparenza sabiex jirrikjedi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) toħroġ linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tippromwovi l-konverġenza superviżorja tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ir-Regolament dwar l-ESMA (ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010) jidentifika d-Direttiva dwar it-Trasparenza bħala wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tal-ESMA.
L-Artikolu 3 jemenda d-Direttiva 2006/43/KE (id-Direttiva dwar il-Verifiki).
Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Verifiki, is-suġġett tagħha, sabiex jinkludi l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali u kkonsolidat, fejn jitwettaq mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar li twettaq l-awditjar statutorju tar-rapporti finanzjarji.
Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 3 jemenda u jdaħħal ċerti definizzjonijiet, neċessarji għall-proposta, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Verifika. Jemenda d-definizzjonijiet ta’ “awditur statutorju” u “kumpannija tal-awditjar” sabiex tqis il-ħidma potenzjali tagħhom fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fejn applikabbli. Jintroduċi u jiddefinixxi wkoll it-termini “aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà” u “rapportar dwar is-sostenibbiltà”.
Il-paragrafi (3)–(7) tal-Artikolu 3 jemendaw l-Artikoli 6-11 tad-Direttiva dwar il-Verifika, li fihom ir-regoli dwar l-approvazzjoni, l-edukazzjoni professjonali kontinwa u r-rikonoxximent reċiproku tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, sabiex jiġi żgurat li l-awdituri statutorji jkollhom il-livell neċessarju ta’ għarfien teoretiku dwar is-suġġetti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-kapaċità li japplikaw tali għarfien fil-prattika.
Il-paragrafu (7) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 14, li fih ir-regoli dwar il-proċeduri li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jistabbilixxu għall-approvazzjoni tal-awdituri statutorji minn Stat Membru differenti. Huwa qed jiġi emendat sabiex jiġi żgurat li meta l-Istat Membru jiddeċiedi li l-applikant li jkun qed ifittex approvazzjoni jenħtieġ li jkun soġġett għal test tal-aptitudni, dan it-test ikopri wkoll l-għarfien adegwat tal-awditur statutorju dwar il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru ospitanti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (8) tal-Artikolu 3 jintroduċi l-Artikolu 14a li jinkludi klawżola ta’ anterjorità sabiex jiġi żgurat li l-awdituri statutorji approvati jkunu jistgħu jkomplu jwettqu awditi statutorji u jkunu jistgħu jwettqu awditi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ladarba jkunu japplikaw ir-rekwiżiti legali emendati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji diġà approvati jiksbu l-għarfien meħtieġ fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ rekwiżit tal-edukazzjoni kontinwa tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Verifiki.
Il-paragrafu (9) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 24b sabiex jadatta r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-awditur sabiex jinkludi referenzi għall-ħidma tiegħu fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. B’mod partikolari, qed jiġi emendat sabiex ikun meħtieġ li s-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-awditu jkun(u) involut(i) b’mod attiv fit-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà; li meta jwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-awditur statutorju jiddedika biżżejjed żmien għall-inkarigu u jassenja biżżejjed riżorsi sabiex ikun jista’ jwettaq dmirijietu kif xieraq; li r-rekord tal-kont tal-klijent jispeċifika t-tariffi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà; u li l-fajl tal-awditu jinkludi informazzjoni fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fejn imwettaq mill-awditur statutorju.
Il-paragrafu (10) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 25 sabiex jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli adegwati sabiex jipprevjenu li t-tariffi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġu influwenzati jew iddeterminati mill-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-entità awditjata, jew li jkunu bbażati fuq kwalunkwe forma ta’ kontinġenza.
Il-paragrafu (11) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 25b sabiex jestendi r-regoli tad-Direttiva dwar il-Verifika fuq l-etika professjonali, fuq l-indipendenza, fuq l-oġġettività, fuq il-kunfidenzjalità u fuq is-segretezza professjonali meħtieġa mill-awdituri tar-rapporti finanzjarji għall-ħidma tagħhom fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (12) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 26a, li jirrikjedi li l-Istati Membri jirrikjedu li l-awdituri jwettqu inkarigi ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-istandards tal-aċċertament adottati mill-Kummissjoni u japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-aċċertament sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat standard tal-aċċertament li jkopri l-istess suġġett. Jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tal-aċċertament permezz ta’ atti delegati bl-għan li tistabbilixxi l-proċeduri li l-awditur jenħtieġ iwettaq sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-ippjanar tal-inkarigu, il-kunsiderazzjoni tar-riskji u r-rispons għar-riskji, u t-tip ta’ konklużjonijiet li jridu jiġu inklużi fir-rapport tal-awditu. Jirrikjedi wkoll li l-awdituri jibbażaw l-opinjoni tagħhom dwar ir-rappurtar dwar is-sostenibbiltà fuq impenn ta’ aċċertament raġonevoli jekk il-Kummissjoni tuża l-għażla li tadotta standards għal aċċertament raġonevoli.
Il-paragrafu (13) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 27a sabiex jestendi r-regoli dwar l-awditu statutorju ta’ grupp ta’ kumpaniji għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat, meta jitwettaq mill-awditur statutorju.
Il-paragrafu (14) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 28 sabiex jirrikjedi li l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jippreżentaw ir-riżultati tagħhom fir-rapport tal-awditjar, u jħejju r-rapport f’konformità mar-rekwiżiti għall-istandards tal-aċċertament adottati mill-UE jew mill-Istat Membru kkonċernat. B’mod partikolari, jenħtieġ li r-rapport tal-awditu jispeċifika r-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew ikkonsolidat u d-data u l-perjodu li jkopri. Jenħtieġ li jidentifika l-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà applikat fit-tħejjija tiegħu. Jenħtieġ li jinkludi deskrizzjoni tal-ambitu tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jidentifika l-istandards tal-aċċertament li f’konformità magħhom ikun twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jinkludi l-opinjoni tal-awditur statutorju fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (15) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar il-Verifika dwar is-sistema għar-rieżami tal-garanzija tal-kwalità tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar sabiex jiġi żgurat li jsiru rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità għall-awditi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u li n-nies li jwettqu r-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità jkollhom edukazzjoni professjonali xierqa u esperjenza rilevanti fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (16) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 30g sabiex jiċċara li r-reġim ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji japplika wkoll għall-awditi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (17) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 36a sabiex jiċċara li d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza pubblika u l-arranġamenti regolatorji bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-awditi statutorji japplikaw ukoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (18) tal-Artikolu 3 idaħħal l-Artikolu 38a sabiex jiċċara li d-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar fir-rigward tal-awditi statutorji japplikaw ukoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (19) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 39 sabiex jiċċara l-kompiti tal-kumitat tal-awditjar għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-kumitat tal-awditjar jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata dwar l-eżitu tal-aċċertament tar-rapportar statutorju u jispjega kif il-kumitat tal-awditjar ikkontribwixxa għall-integrità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u x’kien ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar f’dak il-proċess. Jenħtieġ li jimmonitorja l-proċess ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, inkluż il-proċess ta’ rapportar diġitali, u l-proċess imwettaq mill-kumpanija sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards rilevanti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u jissottometti rakkomandazzjonijiet jew proposti sabiex tiġi żgurata l-integrità tagħha. Jenħtieġ li jimmonitorja l-effettività tas-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ mmaniġġjar tar-riskji tal-kumpanija u, fejn applikabbli, il-awditu interna tagħha, fir-rigward tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-entità awditjata, inkluż ir-rapportar diġitali tagħha kif ikun meħtieġ skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità emendata, mingħajr ma tinkiser l-indipendenza tagħha. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jimmonitorja l-aċċertament tar-rapportar annwali u kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà, u jirrieżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjata.
Il-paragrafu (20) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 45 sabiex jallinja r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u għas-sorveljanza ta’ awdituri u ta’ entitajiet tal-awditjar mhux tal-UE mal-kamp ta’ applikazzjoni l-ġdid tad-Direttiva, li jkopri l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (21) tal-Artikolu 3 jemenda l-Artikolu 48a sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni sabiex jiġu adottati standards tal-aċċertament għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont l-Artikolu 26a(2).
L-Artikolu 4 jemenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014 (ir-Regolament dwar il-Verifika).
Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 4 jemenda l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Verifika sabiex jipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza għat-tħejjija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Verifika, meta l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju jkunu qed iwettqu wkoll l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 4 jemenda l-Artikolu 14 sabiex jirrikjedi li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jinformaw kull sena lill-awtorità kompetenti inkwistjoni dwar liema dħul, minn fost id-dħul minn servizzi mhux tal-awditjar, ġie ġġenerat mill-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
L-Artikolu 5 jirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva sal-1 ta’ Diċembru 2022, u jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-kumpaniji għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2023 jew matul is-sena kalendarja 2023.
L-Artikolu 6 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet emendati tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 (ir-Regolament dwar il-Verifika) fl-1 ta’ Jannar 2023.
.
2021/0104 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 u 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew adottata fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li tirrieżamina d-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar mhux finanzjarju tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir. Għandu l-għan li jittrasforma l-Unjoni f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050. Għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jissepara t-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, u li jiżgura li r-reġjuni u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jipparteċipaw fi tranżizzjoni soċjalment ġusta għal sistema ekonomika sostenibbli. Se jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ bini ta’ ekonomija li taħdem għan-nies, filwaqt li jgħin sabiex jiġi żgurat li tkun lesta għall-futur u li twassal għal stabbiltà, għal impjiegi, għal tkabbir u għal investiment. Dawn l-għanijiet huma partikolarment importanti meta jitqiesu l-ħsara soċjoekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal irkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Fil-proposta tagħha tal-4 ta’ Marzu 2020 għal Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-objettiv tan-newtralità klimatika jsir vinkolanti fl-Unjoni sal-2050.
(2)Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha intitolat Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni stabbiliet miżuri sabiex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv, jiġu ġestiti r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi, id-degradazzjoni ambjentali u kwistjonijiet soċjali, u titrawwem it-trasparenza u l-ippjanar fit-tul fl-attività finanzjarja u ekonomika. Id-divulgazzjoni mill-impriżi ta’ informazzjoni rilevanti, komparabbli u affidabbli dwar is-sostenibbiltà hija prerekwiżit sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw għadd ta’ atti leġiżlattivi bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli. Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirregola kif il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jiddivulgaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà lill-investituri finali u lis-sidien tal-assi. Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill joħloq sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli bl-għan li jiżdiedu l-investimenti sostenibbli u jiġi miġġieled il-greenwashing ta’ prodotti finanzjarji li jiddikjaraw li huma sostenibbli meta dan ma jkunx xieraq. Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ikkomplementat mir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816, (UE) 2020/1817 u (UE) 2020/1818, jintroduċi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza (“ESG”) għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji u standards minimi għall-bini ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE Allinjati ma’ Pariġi. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrikjedi li istituzzjonijiet kbar li jkunu ħarġu titoli li huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jiddivulgaw informazzjoni dwar ir-riskji tal-ESG mit-28 ta’ Ġunju 2022. Il-qafas prudenzjali l-ġdid għad-ditti tal-investiment stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u bid-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fih dispożizzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ dimensjoni tar-riskju tal-ESG fil-proċess ta’ rieżami u ta’ evalwazzjoni superviżorji (SREP) mill-awtoritajiet kompetenti, u fih ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tar-riskji tal-ESG għad-ditti tal-investiment, applikabbli mis-26 ta’ Diċembru 2022. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll proposta dwar Standard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2021, b’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli.
(3)Fil-5 ta’ Diċembru 2019, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u rilevanti dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà, l-opportunitajiet u l-impatti, u stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li jiġi żviluppat standard Ewropew tar-rapportar mhux finanzjarju.
(4)Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-finanzi sostenibbli tad-29 ta’ Mejju 2018, il-Parlament Ewropew talab għall-iżvilupp ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ rapportar mhux finanzjarju fil-qafas tad-Direttiva 2013/34/UE. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-governanza korporattiva sostenibbli tas-17 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew laqa’ tajjeb l-impenn tal-Kummissjoni li tirrieżamina d-Direttiva 2013/34/UE u esprima l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas komprensiv tal-Unjoni dwar ir-rapportar mhux finanzjarju li jkun fih standards obbligatorji tal-Unjoni għar-rapportar mhux finanzjarju. Il-Parlament Ewropew talab l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għal kategoriji addizzjonali ta’ impriżi u għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ awditjar.
(5)Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-“Aġenda 2030”). L-Aġenda 2030 għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u tkopri t-tliet dimensjonijiet ta’ sostenibbiltà: dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli rabtet l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha, jieħdu dawk l-għanijiet f’kunsiderazzjoni sa mill-bidu nett. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effettiv, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.
(6)Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emendat id-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja minn ċerti impriżi u gruppi kbar. Id-Direttiva 2014/95/UE introduċiet rekwiżit fuq l-impriżi sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar, bħala minimu, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim. Fir-rigward ta’ dawn is-suġġetti, id-Direttiva 2014/95/UE talbet lill-impriżi jiddivulgaw informazzjoni skont l-oqsma ta’ rapportar li ġejjin: mudell tan-negozju, politiki (inklużi l-proċessi ta’ diliġenza dovuta implimentati), l-eżitu tal-politiki, ir-riskji u l-immaniġġjar tar-riskji, u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti għan-negozju.
(7)Ħafna partijiet ikkonċernati jqisu li t-terminu “mhux finanzjarju” mhuwiex preċiż, b’mod partikolari minħabba li jimplika li l-informazzjoni inkwistjoni ma għandhiex rilevanza finanzjarja. Madankollu, u dejjem aktar, l-informazzjoni inkwistjoni għandha rilevanza finanzjarja. Ħafna organizzazzjonijiet, inizjattivi u prattikanti f’dan il-qasam jirreferu għall-informazzjoni dwar is-“sostenibbiltà”. Għalhekk, huwa preferibbli li jintuża t-terminu “informazzjoni dwar is-sostenibbiltà” minflok “informazzjoni mhux finanzjarja”. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tiġi emendata sabiex tqis dan it-tibdil fit-terminoloġija.
(8)Il-benefiċjarji finali ta’ rapportar aħjar dwar is-sostenibbiltà mill-impriżi huma ċ-ċittadini individwali u l-faddala. Il-faddala li jridu jinvestu b’mod sostenibbli se jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan, filwaqt li ċ-ċittadini kollha jenħtieġ li jibbenefikaw minn sistema ekonomika stabbli, sostenibbli u inklużiva. Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ddivulgata fir-rapporti annwali tal-impriżi l-ewwel trid tilħaq żewġ gruppi primarji (“utenti”). L-ewwel grupp ta’ utenti jikkonsisti fl-investituri, li jinkludu l-maniġers tal-assi, li jridu jifhmu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet li l-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà joħolqu għall-investimenti tagħhom u l-impatti ta’ dawk l-investimenti fuq in-nies u fuq l-ambjent. It-tieni grupp ta’ utenti jikkonsisti fl-organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi u sħab soċjali, li jixtiequ jżommu lill-impriżi aktar responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Partijiet ikkonċernati oħrajn jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ddivulgata fir-rapporti annwali. Is-sħab kummerċjali tal-impriżi, inklużi l-klijenti, jistgħu jiddependu fuq din l-informazzjoni sabiex jifhmu, u fejn meħtieġ jirrapportaw dwar, ir-riskji u l-impatti għas-sostenibbiltà permezz tal-ktajjen tal-valur tagħhom stess. Dawk li jfasslu l-politika u l-aġenziji ambjentali jistgħu jużaw tali informazzjoni, b’mod partikolari fuq bażi aggregata, sabiex jimmonitorjaw ix-xejriet ambjentali u soċjali, sabiex jikkontribwixxu għall-kontijiet ambjentali, u sabiex jinformaw il-linji politiċi pubbliċi. Ftit ċittadini individwali u konsumaturi jikkonsultaw direttament ir-rapporti tal-impriża, iżda jistgħu jużaw tali informazzjoni indirettament bħal meta jikkunsidraw il-parir jew l-opinjonijiet ta’ konsulenti finanzjarji jew ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Ħafna investituri u maniġers tal-assi jixtru informazzjoni dwar is-sostenibbiltà minn fornituri tad-data ta’ partijiet terzi, li jiġbru informazzjoni minn diversi sorsi, inklużi rapporti korporattivi pubbliċi.
(9)Kien hemm żieda sinifikanti ħafna fid-domanda għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà korporattiva f’dawn l-aħħar snin, speċjalment min-naħa tal-komunità tal-investiment. Dik iż-żieda fid-domanda hija xprunata min-natura li qed tinbidel tar-riskji għall-impriżi u mis-sensibilizzazzjoni dejjem akbar tal-investituri dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ dawn ir-riskji. Dan huwa partikolarment il-każ għal riskji finanzjarji relatati mal-klima. Is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji għall-impriżi u għall-investimenti li jirriżultaw minn kwistjonijiet ambjentali oħrajn u minn kwistjonijiet soċjali, li jinkludu kwistjonijiet tas-saħħa, qed tikber ukoll. Iż-żieda fid-domanda għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà hija xprunata wkoll mit-tkabbir fil-prodotti ta’ investiment li espliċitament ifittxu li jissodisfaw ċerti standards ta’ sostenibbiltà jew li jilħqu ċerti objettivi ta’ sostenibbiltà. Parti minn dik iż-żieda hija l-konsegwenza loġika tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata qabel, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/2088 u r-Regolament (UE) 2020/852. Parti miż-żieda kienet isseħħ xorta waħda, minħabba s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-prattiki tas-suq li qed jinbidlu malajr. Il-pandemija tal-COVID-19 se tkompli taċċellera ż-żieda fil-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti, b’mod partikolari peress li kixfet il-vulnerabbiltajiet tal-ħaddiema u tal-ktajjen tal-valur tal-impriża. L-informazzjoni dwar l-impatti ambjentali hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-mitigazzjoni ta’ pandemiji futuri b’disturb uman tal-ekosistemi dejjem aktar marbut mal-okkorrenza u mat-tixrid tal-mard.
(10)L-impriżi nfushom jistgħu jibbenefikaw mit-twettiq ta’ rapportar ta’ kwalità għolja dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. It-tkabbir fl-għadd ta’ prodotti ta’ investiment li għandhom l-għan li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jfisser li rapportar tajjeb ta’ sostenibbiltà jista’ jtejjeb l-aċċess ta’ impriża għall-kapital finanzjarju. Ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà jista’ jgħin lill-impriżi jidentifikaw u jimmaniġġjaw ir-riskji u l-opportunitajiet tagħhom stess relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Dan jista’ jipprovdi bażi għal djalogu u għal komunikazzjoni aħjar bejn l-impriżi u l-partijiet ikkonċernati tagħhom, u jista’ jgħin lill-impriżi jtejbu r-reputazzjoni tagħhom.
(11)Ir-rapport dwar il-klawżola ta’ rieżami tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (id-Direttiva 2014/95/UE), u l-kontroll tal-idoneità li jakkumpanjaha dwar ir-rapportar korporattiv, identifikaw problemi fl-effettività ta’ dik id-Direttiva. Hemm evidenza sinifikanti li ħafna impriżi ma jiddivulgaw l-ebda informazzjoni materjali dwar l-ebda suġġett ewlieni relatat mas-sostenibbiltà. Ir-rapport identifika wkoll bħala problemi sinifikanti l-komparabbiltà u l-affidabbiltà limitati tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, ħafna impriżi li minnhom l-utenti jeħtieġu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mhumiex obbligati jirrapportaw tali informazzjoni.
(12)Fin-nuqqas ta’ azzjoni politika, id-distakk bejn il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti u l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata mill-impriżi huwa mistenni li jikber. Dan id-distakk għandu konsegwenzi negattivi sinifikanti. L-investituri ma jistgħux iqisu biżżejjed ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. L-aggregazzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ investiment li ma jqisux b’mod adegwat ir-riskji relatati mas-sostenibbiltà għandha l-potenzjal li toħloq riskji sistemiċi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ġibdu l-attenzjoni lejn dawk ir-riskji sistemiċi, b’mod partikolari fil-każ tal-klima. L-investituri huma wkoll anqas kapaċi jidderieġu r-riżorsi finanzjarji lejn l-impriżi u l-attivitajiet ekonomiċi li jindirizzaw u li ma jaggravawx il-problemi soċjali u ambjentali, u dan jimmina l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, il-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-impriżi, u partijiet ikkonċernati oħrajn huma anqas kapaċi jżommu lill-impriżi responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Dan joħloq defiċit fir-responsabbiltà, u jista’ jikkontribwixxi għal livelli aktar baxxi ta’ fiduċja taċ-ċittadini fin-negozji, u dan jista’ jkollu impatti negattivi fuq il-funzjonament effiċjenti tal-ekonomija soċjali tas-suq. In-nuqqas ta’ metrika u ta’ metodi ġeneralment aċċettati għall-kejl, għall-valwazzjoni u għall-immaniġġjar tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà huwa wkoll ostaklu għall-isforzi tal-impriżi sabiex jiżguraw li l-mudelli u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom ikunu sostenibbli.
(13)Ir-rapport dwar il-klawżola ta’ rieżami tad-Direttiva 2014/95/UE, u l-kontroll tal-idoneità li jakkumpanjaha dwar ir-rapportar korporattiv, irrikonoxxew ukoll żieda sinifikanti fit-talbiet għal informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà magħmula lill-impriżi f’tentattiv sabiex jiġi indirizzat id-distakk eżistenti fl-informazzjoni. Barra minn hekk, l-aspettattivi kontinwi fuq l-impriżi sabiex jużaw varjetà ta’ oqfsa u ta’ standards differenti x’aktarx li jkomplu u jistgħu saħansitra jintensifikaw hekk kif il-valur imqiegħed fuq l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkompli jikber. Fin-nuqqas ta’ azzjoni politika sabiex jinbena kunsens dwar l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw, se jkun hemm żidiet sinifikanti fil-kostijiet u fil-piż għall-impriżi li jirrapportaw u għall-utenti ta’ tali informazzjoni.
(14)Id-distakk dejjem akbar bejn il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-utenti u l-prattiki ta’ rapportar attwali tal-impriżi jagħmilha aktar probabbli li l-Istati Membri individwali jintroduċu regoli jew standards nazzjonali dejjem aktar diverġenti. Rekwiżiti differenti ta’ rapportar fi Stati Membri differenti joħolqu kostijiet u kumplessità addizzjonali għall-impriżi li joperaw bejn il-fruntieri u, għalhekk, jxekklu s-suq uniku, u jxekklu d-dritt tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital madwar l-Unjoni. Dawk ir-rekwiżiti differenti ta’ rapportar jagħmlu wkoll l-informazzjoni rrapportata anqas komparabbli bejn il-fruntieri, u b’hekk ixekklu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
(15)L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE japplikaw għal entitajiet kbar ta’ interess pubbliku b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500, u għal entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi omm ta’ grupp kbir b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500 fuq bażi kkonsolidata, rispettivament. Fid-dawl tat-tkabbir tal-ħtiġijiet tal-utenti għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li aktar kategoriji ta’ impriżi jsiru meħtieġa jirrapportaw tali informazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li l-impriżi l-kbar kollha u l-impriżi kollha elenkati fis-swieq regolati, minbarra l-impriżi mikro, jintalbu jirrapportaw informazzjoni dettaljata dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-impriżi kollha li huma impriżi omm ta’ gruppi kbar jenħtieġ li jħejju r-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp.
(16)Ir-rekwiżit li anki impriżi kbar mhux elenkati jenħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà huwa prinċipalment xprunat mit-tħassib dwar l-impatti u r-responsabbiltà ta’ tali impriżi, inkluż permezz tal-katina tal-valur tagħhom. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-impriżi l-kbar kollha jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti li jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà pubblikament. Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġu wkoll informazzjoni minn dawk l-impriżi l-kbar mhux elenkati.
(17)Ir-rekwiżit li anki l-impriżi mhux stabbiliti fl-Unjoni iżda b’titoli elenkati fi swieq regolati jkunu meħtieġ jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għal informazzjoni mingħand tali impriżi sabiex jifhmu r-riskji u l-impatti tal-investimenti tagħhom, u sabiex tinżamm konformità mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088.
(18)Meta titqies ir-rilevanza dejjem akbar tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà u filwaqt li jitqies li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) elenkati fi swieq regolati jinkludu proporzjon sinifikanti tal-impriżi elenkati kollha fl-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur huwa xieraq li jkun meħtieġ li dawk l-SMEs jiddivulgaw ukoll informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. L-introduzzjoni ta’ dan ir-rekwiżit tgħin sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkunu jistgħu jinkludu l-impriżi elenkati iżgħar fil-portafolli ta’ investiment fuq il-bażi li jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jeħtieġu l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, tgħin sabiex tipproteġi u ttejjeb l-aċċess ta’ impriżi iżgħar elenkati għall-kapital finanzjarju, u tevita d-diskriminazzjoni kontra tali impriżi min-naħa tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. L-introduzzjoni ta’ dan ir-rekwiżit hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu mingħand l-impriżi destinatarji ta’ investiment sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom stess stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Madankollu, l-SMEs elenkati fis-swieq regolati jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien sabiex iħejju għall-applikazzjoni tar-rekwiżit li jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, minħabba d-daqs iżgħar u r-riżorsi aktar limitati tagħhom, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi ekonomiċi diffiċli maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19. Huma jenħtieġ ukoll li jingħataw il-possibbiltà li jirrapportaw skont standards li huma proporzjonati mal-kapaċitajiet u mar-riżorsi tal-SMEs. Anki l-SMEs mhux elenkati jistgħu jagħżlu li jużaw dawn l-istandards proporzjonati fuq bażi volontarja. L-istandards tal-SMEs se jistabbilixxu referenza għall-impriżi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jistgħu jitolbu b’mod raġonevoli mingħand il-fornituri SMEs u mingħand il-klijenti fil-ktajjen tal-valur tagħhom.
(19)Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-impriżi kollha b’titoli elenkati fis-swieq regolati. Sabiex jiġi żgurat li l-impriżi kollha b’titoli elenkati fis-swieq regolati, inklużi emittenti ta’ pajjiżi terzi, jaqgħu taħt l-istess rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li d-Direttiva 2004/109/KE jkun fiha l-kontroreferenzi meħtieġa għal kwalunkwe rekwiżit dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà fir-rapport finanzjarju annwali.
(20)Il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva, u għall-istabbiliment ta’ kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-istandards kontabilistiċi, rispettivament. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar l-ekwivalenza tal-istandards kontabilistiċi li jintużaw minn emittenti ta’ pajjiżi terzi. Sabiex tiġi riflessa l-inklużjoni tar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà fid-Direttiva 2004/109/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar tas-sostenibbiltà applikati minn emittenti ta’ titoli f’pajjiżi terzi. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jintużaw minn emittenti f’pajjiżi terzi. Dawk l-emendi jiżguraw reġimi ta’ ekwivalenza konsistenti għall-obbligi ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u għall-obbligi ta’ rapportar finanzjarju fir-rigward tar-rapport finanzjarju annwali.
(21)L-Artikoli 19a(3) u 29a(3) tad-Direttiva 2013/34/UE bħalissa jeżentaw lill-impriżi sussidjarji kollha mill-obbligu li jirrapportaw informazzjoni mhux finanzjarja meta tali impriżi u l-impriżi sussidjarji tagħhom ikunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża omm tagħhom, dment li dan jinkludi l-informazzjoni mhux finanzjarja meħtieġa. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tkun faċilment aċċessibbli għall-utenti, u li tinkiseb trasparenza dwar liema tkun l-impriża omm tal-impriża sussidjarja eżentata li tkun qed tirrapporta fil-livell ikkonsolidat. Għalhekk, huwa neċessarju li dawk l-impriżi sussidjarji jintalbu jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża omm tagħhom u li jinkludu referenza fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom għall-fatt li huma eżentati mir-rapportar ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tapplika wkoll meta l-impriża omm li tirrapporta fil-livell ikkonsolidat tkun impriżi f’pajjiż terz li tkun qed tirrapporta informazzjoni dwar is-sostenibbiltà f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jew b’mod ekwivalenti għall-istandards tal-UE għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(22)L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/34/UE jeżenta lill-impriżi omm mill-obbligu li jħejju rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat meta dawk l-impriżi jkunu sussidjarji ta’ impriża omm oħra li tikkonforma ma’ dak l-obbligu. Madankollu, jenħtieġ li jiġi speċifikat li r-reġim ta’ eżenzjoni mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati u mir-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati jopera indipendentement mir-reġim ta’ eżenzjoni mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat. Għalhekk, impriża tista’ tiġi eżentata mill-obbligi ta’ rapportar finanzjarju kkonsolidat iżda mhux eżentata mill-obbligi ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat meta l-kumpanija omm apikali tagħha tħejji rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, jew f’konformità ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk l-impriża tkun stabbilita f’pajjiż terz, iżda ma tħejjix ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat f’konformità mad-dritt tal-UE, jew f’konformità ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk l-impriża tkun stabbilita f’pajjiż terz.
(23)L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn jista’ jkollhom impatti pożittivi u negattivi sinifikanti permezz tal-attivitajiet ta’ self, ta’ investiment u ta’ sottoskrizzjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni għajr dawk li huma meħtieġa jikkonformaw mad-Direttiva 2013/34/UE, jinklużi l-kooperattivi u l-impriżi reċiproċi, ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà dment li jissodisfaw ċerti kriterji tad-daqs. Għalhekk, l-utenti ta’ dik l-informazzjoni jkunu jistgħu jivvalutaw kemm l-impatti ta’ dawn l-impriżi fuq is-soċjetà kif ukoll fuq l-ambjent kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà li dawn l-impriżi jistgħu jiffaċċjaw. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mar-rekwiżiti ta’ rapportar tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, l-Istati Membri li jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(24)Jenħtieġ li l-lista ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà li dwarhom l-impriżi huma meħtieġa jirrapportaw tkun koerenti kemm jista’ jkun mad-definizzjoni ta’ “fatturi ta’ sostenibbiltà” stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/2088. Jenħtieġ li dik il-lista tikkorrispondi wkoll għall-ħtiġijiet u għall-aspettattivi tal-utenti u tal-impriżi nfushom, li spiss jużaw it-termini “ambjentali”, “soċjali” u “governanza” bħala mezz sabiex jikkategorizzaw it-tliet kwistjonijiet ewlenin relatati mas-sostenibbiltà. Il-lista tal-fatturi tas-sostenibbiltà stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/2088 ma tinkludix b’mod espliċitu kwistjonijiet ta’ governanza. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fid-Direttiva 2013/34/UE tkun ibbażata fuq id-definizzjoni tal-“fatturi ta’ sostenibbiltà” stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/2088, iżda biż-żieda tal-kwistjonijiet tal-governanza.
(25)L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu rapportar mhux biss dwar l-informazzjoni “sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża”, iżda wkoll dwar l-informazzjoni meħtieġa għal fehim tal-impatt tal-attivitajiet tal-impriża fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u fuq kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim. Għalhekk, dawk l-Artikoli jirrikjedu li l-impriżi jirrapportaw kemm dwar kif diversi kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-impriża, kif ukoll dwar l-impatti tal-attivitajiet tal-impriża fuq in-nies u fuq l-ambjent. Din tissejjaħ il-perspettiva ta’ materjalità doppja, li fiha r-riskji għall-impriża u l-impatti tal-impriża jirrappreżentaw perspettiva waħda ta’ materjalità. Il-kontroll tal-idoneità fuq ir-rapportar korporattiv juri li dawk iż-żewġ perspettivi spiss ma jkunux mifhuma jew applikati tajjeb. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-impriżi jenħtieġ li jikkunsidraw kull perspettiva ta’ materjalità fiha nnifisha, u jenħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni li hija materjali miż-żewġ perspettivi kif ukoll informazzjoni li hija materjali minn perspettiva waħda biss.
(26)L-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jiddivulgaw informazzjoni dwar ħames oqsma ta’ rapportar: mudell tan-negozju, politiki (inklużi l-proċessi ta’ diliġenza dovuta implimentati), l-eżitu ta’ dawk il-politiki, ir-riskji u l-immaniġġjar tar-riskji, u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti għan-negozju. L-Artikolu 19a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE ma fihx referenzi espliċiti għal oqsma oħrajn ta’ rapportar li l-utenti tal-informazzjoni jqisu rilevanti, li wħud minnhom jallinjaw mad-divulgazzjonijiet inklużi fl-oqfsa internazzjonali, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jiġu speċifikati f’dettall suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-impriżi jirrapportaw informazzjoni dwar ir-reżiljenza tagħhom għal riskji relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Għalhekk, minbarra l-oqsma ta’ rapportar identifikati fl-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni dwar l-istrateġija tan-negozju tagħhom u r-reżiljenza tal-mudell tan-negozju u l-istrateġija għar-riskji marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, kwalunkwe pjan li jista’ jkollhom sabiex jiżguraw li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħhom ikunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima; jekk il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħhom iqisux l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u kif jagħmlu dan; kwalunkwe opportunità għall-impriża li tirriżulta minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; l-implimentazzjoni tal-aspetti tal-istrateġija tan-negozju li jaffettwaw, jew li huma affettwati minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; kwalunkwe mira ta’ sostenibbiltà stabbilita mill-impriża u l-progress li sar fil-kisba tagħha; ir-rwol tal-bord u tal-maniġment fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; l-impatti avversi attwali u potenzjali ewlenin marbutin mal-attivitajiet tal-impriża; u kif l-impriża identifikat l-informazzjoni li tirrapporta dwarha. Ladarba tkun meħtieġa d-divulgazzjoni ta’ elementi bħall-miri u l-progress fil-kisba tagħhom, ir-rekwiżit separat li jiġu ddivulgati l-eżiti tal-politiki ma jibqax neċessarju.
(27)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ strumenti internazzjonali bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tad-diliġenza dovuta jiġu speċifikati f’aktar dettall milli huwa l-każ fil-punt (b) tal-Artikolu 19a(1) u fil-punt (b) tal-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE. Id-diliġenza dovuta hija l-proċess li l-impriżi jwettqu sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jirrimedjaw l-impatti avversi attwali u potenzjali ewlenin marbutin mal-attivitajiet tagħhom u biex jidentifikaw kif jindirizzaw dawk l-impatti negattivi. L-impatti marbutin mal-attivitajiet ta’ impriża jinkludu impatti direttament ikkawżati mill-impriża, l-impatti li l-impriża tikkontribwixxi għalihom, u l-impatti li huma marbuta b’xi mod ieħor mal-katina tal-valur tal-impriża. Il-proċess tad-diliġenza dovuta jikkonċerna l-katina tal-valur kollha tal-impriża inklużi l-operazzjonijiet tagħha stess, il-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-ktajjen tal-provvista tagħha. F’konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, impatt avvers attwali jew potenzjali għandu jitqies bħala impatt ewlieni meta jitkejjel fost l-akbar impatti marbutin mal-attivitajiet tal-impriża fuq il-bażi ta’: il-gravità tal-impatt fuq in-nies jew fuq l-ambjent; l-għadd ta’ individwi li huma jew li jistgħu jiġu affettwati, jew l-iskala tal-ħsara lill-ambjent; u l-faċilità li biha tista’ tiġi rrimedjata l-ħsara, li biha jista’ jiġi rrestawrat l-ambjent jew li biha l-persuni affettwati jistgħu jitreġġgħu lura għall-istat preċedenti tagħhom.
(28)Id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtieġx id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar intanġibbli minbarra assi intanġibbli rikonoxxuti fil-karta bilanċjali. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-informazzjoni dwar l-assi intanġibbli u fatturi intanġibbli oħrajn, inklużi l-intanġibbli ġġenerati internament, mhijiex irrapportata biżżejjed, u dan ixekkel il-valutazzjoni xierqa tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-impriża u tal-monitoraġġ tal-investimenti. Sabiex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-distakk dejjem akbar bejn il-valur kontabilistiku ta’ ħafna impriżi u l-valwazzjoni tas-suq tagħhom, li huwa osservat f’ħafna setturi tal-ekonomija, jenħtieġ li jkun meħtieġ rapportar adegwat dwar l-intanġibbli. Għalhekk, huwa neċessarju li l-impriżi jkunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni dwar intanġibbli minbarra assi intanġibbli rikonoxxuti fil-karta bilanċjali, inkluż il-kapital intellettwali, il-kapital uman, inklużi l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-kapital soċjali u tar-relazzjoni, inkluż il-kapital tar-reputazzjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-intanġibbli tinkludi wkoll informazzjoni relatata mar-riċerka u mal-iżvilupp.
(29)L-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE ma jispeċifikawx jekk l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata tridx tkun tħares ’il quddiem jew tridx tkun informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat. Bħalissa hemm nuqqas ta’ divulgazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem, li l-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tant iqisu siewja. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE jispeċifikaw li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata għandha tinkludi informazzjoni li tħares ’il quddiem u retrospettiva, u informazzjoni kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Jenħtieġ li l-informazzjoni rrapportata dwar is-sostenibbiltà tqis ukoll perjodi ta’ żmien qosra, medji u fit-tul u tinkludi informazzjoni dwar il-katina tal-valur kollha tal-impriża, inklużi l-operazzjonijiet tagħha stess, il-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, u l-katina tal-provvista tagħha, kif xieraq. L-informazzjoni dwar il-katina tal-valur kollha tal-impriża tkun tinkludi informazzjoni relatata mal-katina tal-valur tagħha fl-UE u informazzjoni li tkopri pajjiżi terzi jekk il-katina tal-valur tal-impriża testendi barra mill-UE.
(30)L-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jinkludu fir-rapportar mhux finanzjarju tagħhom referenzi għall-ammonti rrapportati fir-rapporti finanzjarji annwali u spjegazzjonijiet addizzjonali dwar dawn l-ammonti. Madankollu, dawk l-Artikoli ma jeħtiġux li l-impriżi jagħmlu referenzi għal informazzjoni oħra fir-rapport ta’ ġestjoni jew li jżidu spjegazzjonijiet addizzjonali għal dik l-informazzjoni. Bħalissa hemm nuqqas ta’ konsistenza bejn l-informazzjoni mhux finanzjarja rrapportata u l-bqija tal-informazzjoni ddivulgata fir-rapport ta’ ġestjoni. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti ċari f’dan ir-rigward.
(31)L-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jipprovdu spjegazzjoni ċara u motivata għan-nuqqas ta’ twettiq tal-politiki fir-rigward ta’ waħda jew aktar mill-kwistjonijiet elenkati, meta l-impriża ma tagħmilx dan. It-trattament differenti tad-divulgazzjonijiet dwar il-politiki li l-impriżi jista’ jkollhom, meta mqabblin mal-oqsma l-oħrajn ta’ rapportar inklużi f’dawk l-Artikoli, ħoloq konfużjoni fost l-impriżi li jkunu qed jirrapportaw u ma għenx sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni rrapportata. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jinżamm dan it-trattament differenti tal-politiki fid-Direttiva. L-istandards jiddeterminaw liema informazzjoni jeħtieġ li tiġi ddivulgata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-oqsma ta’ rapportar imsemmijin fl-Artikoli 19a u 29a.
(32)L-impriżi taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 19a(1) u 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jistgħu jiddependu fuq oqfsa ta’ rapportar nazzjonali jew li jkollhom bażi fl-Unjoni jew internazzjonali, u meta jagħmlu dan, iridu jispeċifikaw liema oqfsa jkunu bbażaw fuqhom. Madankollu, id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtieġx li l-impriżi jużaw qafas jew standard komuni ta’ rapportar, u ma żżommx lill-impriżi milli jagħżlu li ma jużaw l-ebda qafas jew standard tar-rapportar affattu. Kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/95/UE, fl-2017 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida mhux vinkolanti għall-impriżi skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida addizzjonali, speċifikament dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima. Il-linji gwida dwar ir-rapportar dwar il-klima inkorporaw b’mod espliċitu r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima. L-evidenza disponibbli tindika li dawk il-linji gwida mhux vinkolanti ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-kwalità tar-rapportar mhux finanzjarju mill-impriżi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE. In-natura volontarja tal-linji gwida tfisser li l-impriżi huma liberi li japplikawhom jew le. Għalhekk, il-linji gwida ma jistgħux jiżguraw waħedhom il-komparabbiltà tal-informazzjoni ddivulgata minn impriżi differenti jew id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kollha li l-utenti jqisu rilevanti. Din hija r-raġuni għaliex hemm il-ħtieġa għal standards komuni obbligatorji ta’ rapportar sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun komparabbli u li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi ddivulgata. Filwaqt li jibnu fuq il-prinċipju ta’ materjalità doppja, jenħtieġ li l-istandards ikopru l-informazzjoni kollha li hija materjali għall-utenti. Standards komuni ta’ rapportar huma meħtieġa wkoll sabiex jippermettu l-verifika u d-diġitalizzazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u sabiex jiffaċilitaw is-superviżjoni u l-infurzar tiegħu. L-iżvilupp ta’ standards komuni obbligatorji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà huwa meħtieġ sabiex isir progress f’sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkollha status komparabbli ma’ dak tal-informazzjoni finanzjarja.
(33)L-ebda standard jew qafas eżistenti waħdu ma jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Unjoni għal rapportar dettaljat dwar is-sostenibbiltà. L-informazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2013/34/UE jeħtieġ li tkopri l-informazzjoni rilevanti minn kull perspettiva ta’ materjalità, jeħtieġ li tkopri l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sostenibbiltà u jeħtieġ li tkun allinjata, fejn xieraq, ma’ obbligi oħrajn skont id-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi ddivulgata informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/852 u fir-Regolament (UE) 2019/2088. Barra minn hekk, l-istandards obbligatorji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi tal-Unjoni jridu jkunu proporzjonati mal-livell ta’ ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika għall-2050. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati rapidament u jiġi żgurat li l-kontenut tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkun konsistenti mal-ħtiġijiet tal-Unjoni.
(34)Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita skont id-dritt tal-Belġju li taqdi l-interess pubbliku billi tipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-istandards internazzjonali tar-rapportar finanzjarju. L-EFRAG stabbilixxa reputazzjoni bħala ċentru Ewropew ta’ għarfien espert dwar ir-rapportar korporattiv, u jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex irawwem il-koordinazzjoni bejn l-istandards Ewropej ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u inizjattivi internazzjonali li jkollhom l-għan li jiżviluppaw standards li huma konsistenti madwar id-dinja. F’Marzu 2021, task force b’diversi partijiet ikkonċernati stabbilita mill-EFRAG ippubblikat rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp possibbli ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-Unjoni Ewropea. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet fihom proposti sabiex jiġi żviluppat sett koerenti u komprensiv ta’ standards tar-rapportar, li jkopru l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sostenibbiltà minn perspettiva ta’ materjalità doppja. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet fihom ukoll pjan direzzjonali dettaljat għall-iżvilupp ta’ tali standards, u proposti għat-tisħiħ reċiproku tal-kooperazzjoni bejn inizjattivi globali ta’ ffissar ta’ standards u inizjattivi tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxu l-istandards. F’Marzu 2021, il-President tal-EFRAG ippubblika rakkomandazzjonijiet għal tibdiliet possibbli fil-governanza għall-EFRAG li kieku kellu jintalab jiżviluppa parir tekniku dwar l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu l-istabbiliment fl-EFRAG ta’ pilastru ġdid tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà filwaqt li l-pilastru eżistenti tar-rapportar finanzjarju ma jiġix immodifikat b’mod sinifikanti. Meta tadotta standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-parir tekniku li jiżviluppa l-EFRAG. Sabiex jiġu żgurati standards ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-ġid pubbliku Ewropew u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impriżi u tal-utenti għall-informazzjoni rrapportata, jenħtieġ li l-parir tekniku tal-EFRAG jiġi żviluppat bi proċess ġust xieraq, b’sorveljanza pubblika u bi trasparenza, flimkien ma’ analiżijiet tal-kostijiet u tal-benefiċċji, u jiġi żviluppat bl-għarfien espert tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-fehmiet tal-Istati Membri tal-Unjoni, jenħtieġ li, qabel ma tadotta l-istandards, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar il-parir tekniku tal-EFRAG. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha rwol fl-abbozzar ta’ standards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 u jeħtieġ li jkun hemm koerenza bejn dawk l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ESMA għandha wkoll rwol fil-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja fl-infurzar tar-rapportar korporattiv mill-emittenti li t-titoli tagħhom huma elenkati fis-swieq regolati tal-UE u li se jkunu meħtieġa jużaw dawn l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-ESMA tkun meħtieġa tipprovdi opinjoni dwar il-parir tekniku tal-EFRAG. Jenħtieġ li din l-opinjoni tingħata fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar u lill-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli sabiex jiġi żgurat li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu koerenti mal-politika u mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Meta kwalunkwe wieħed minn dawk il-korpi jiddeċiedi li jissottometti opinjoni, huwa jrid jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni.
(35)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk l-istandards b’mod partikolari jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088, u jenħtieġ li jqisu l-indikaturi u l-metodoloġiji sottostanti stabbiliti fid-diversi atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2020/852, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-istandards minimi għall-bini tal-parametri referenzjarji tal-UE ta’ tranżizzjoni klimatika u tal-parametri referenzjarji tal-UE allinjati ma’ Pariġi; u ta’ kwalunkwe ħidma mwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-istandards iqisu l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, li tinkludi d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u jenħtieġ li jitqiesu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE u l-annessi tagħha, u l-aġġornamenti tagħhom. Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni għall-impriżi fir-rigward tad-dmirijiet tad-diretturi u tad-diliġenza dovuta.
(36)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ir-rapportar mhux finanzjarju u l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima. Jenħtieġ li jqisu wkoll rekwiżiti oħrajn ta’ rapportar fid-Direttiva 2013/34/UE li mhumiex direttament relatati mas-sostenibbiltà, bl-għan li jipprovdu lill-utenti tal-informazzjoni rrapportata b’fehim aħjar tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni, tal-pożizzjoni u tal-impatt tal-impriża, billi jiġu massimizzati r-rabtiet bejn l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u informazzjoni oħra rrapportata f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE.
(37)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu proporzjonati, u jenħtieġ li ma jimponux piż amministrattiv bla bżonn fuq il-kumpaniji li huma meħtieġa jużawhom. Sabiex jiġi mminimizzat it-tfixkil għall-impriżi li diġà jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-istandards u l-oqfsa eżistenti għar-rapportar u għall-kontabbiltà dwar is-sostenibbiltà fejn xieraq. Dawn jinkludu l-Inizjattiva Globali għar-Rapportar, il-Bord għall-Istandards Kontabilistiċi tas-Sostenibbiltà, il-Kunsill Internazzjonali għar-Rapportar Integrat, il-Bord dwar l-Istandards Kontabilistiċi Internazzjonali, it-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima, il-Bord għall-Istandards tad-Divulgazzjoni dwar il-Karbonju, u s-CDP (li qabel kien il-Proġett ta’ Divulgazzjoni dwar il-Karbonju). Jenħtieġ li l-istandards tal-Unjoni Ewropea jqisu kwalunkwe standard tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà żviluppat taħt l-awspiċji tal-Fondazzjoni Internazzjonali għall-Istandards tar-Rapportar Finanzjarju. Sabiex tiġi evitata frammentazzjoni regolatorja bla bżonn li jista’ jkollha konsegwenzi negattivi għall-impriżi li joperaw globalment, jenħtieġ li l-istandards Ewropej jikkontribwixxu għall-proċess ta’ konverġenza tal-istandards tar-rapportar tas-sostenibbiltà fil-livell globali.
(38)Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li tappoġġa lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp ta’ prattiki kontabilistiċi standardizzati tal-kapital naturali fl-Unjoni u internazzjonalment, bl-għan li jiġi żgurat immaniġġjar xieraq tar-riskji ambjentali u tal-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni, u jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet relatati. Il-Proġett Trasparenti sponsorjat mill-programm LIFE qed jiżviluppa l-ewwel metodoloġija ta’ kontabilità tal-kapital naturali, li se tagħmel il-metodi eżistenti aktar faċli sabiex jitqabblu u aktar trasparenti filwaqt li tnaqqas il-limitu għall-kumpaniji sabiex jadottaw u jużaw is-sistemi li jgħinuhom jippreparaw in-negozju tagħhom għall-futur. Il-Protokoll dwar il-Kapital Naturali huwa wkoll referenza importanti f’dan il-qasam. Filwaqt li l-metodi tal-kontabilità tal-kapital naturali jservu prinċipalment sabiex isaħħu d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni interna, jenħtieġ li dawn jiġu kkunsidrati kif xieraq meta jiġu stabbiliti standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Xi metodoloġiji tal-kontabbiltà tal-kapital naturali għandhom l-għan li jassenjaw valur monetarju lill-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-kumpaniji, li jistgħu jgħinu lill-utenti jifhmu aħjar dawk l-impatti. Għalhekk huwa xieraq li l-istandards tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà jkunu jistgħu jinkludu indikaturi monetizzati tal-impatti fuq is-sostenibbiltà jekk dan jitqies neċessarju.
(39)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu wkoll il-prinċipji u l-oqfsa rikonoxxuti internazzjonalment dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Kummerċjali Responsabbli u linji gwida settorjali relatati, il-Patt Globali tan-NU, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabbiltà soċjali, u l-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli.
(40)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni rrapportata mill-impriżi f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. L-istandards tar-rappurtar għalhekk jenħtieġ li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi ambjentali ewlenin kollha, inklużi l-impatti u d-dipendenzi tagħhom fuq il-klima, l-arja, l-art, l-ilma u l-bijodiversità. Ir-Regolament (UE) 2020/852 jipprovdi klassifikazzjoni tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li tintuża klassifikazzjoni simili sabiex jiġu identifikati l-fatturi ambjentali li jenħtieġ li jiġu indirizzati mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar jikkunsidraw u jispeċifikaw kwalunkwe informazzjoni ġeografika jew kuntestwali oħra li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw sabiex jipprovdu fehim tal-impatti ewlenin tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u tar-riskji ewlenin għall-impriża li jirriżultaw minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.
(41)Fir-rigward ta’ informazzjoni relatata mal-klima, l-utenti huma interessati li jkunu jafu dwar ir-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni tal-impriżi, u dwar ir-reżiljenza tagħhom għal xenarji klimatiċi differenti. Huma interessati wkoll fil-livell u l-ambitu tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti ta’ gassijiet serra attribwiti lill-impriża, inkluż sa liema punt l-impriża tuża kumpensi u s-sors ta’ dawk il-kumpensi. Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima teħtieġ l-allinjament tal-istandards tal-kontabilità u tal-tpaċija tal-gassijiet serra. L-utenti jeħtieġu informazzjoni affidabbli dwar it-tpaċijiet li tindirizza t-tħassib dwar il-possibbiltà ta’ għadd doppju u ta’ stimi eċċessivi, minħabba r-riskji għall-kisba ta’ miri relatati mal-klima li jistgħu joħolqu l-għadd doppju u l-istimi eċċessivi. Għalhekk, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet.
(42)Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari u ta’ ambjent ħieles mit-tossiċità teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tas-setturi ekonomiċi kollha. It-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika huma kruċjali f’dan ir-rigward peress li l-enerġija tintuża tul il-ktajjen kollha tal-provvista. Għalhekk, jenħtieġ li l-aspetti tal-enerġija jitqiesu kif xieraq fl-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali.
(43)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw dwar il-fatturi soċjali, inklużi l-fatturi tal-impjegati u d-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkopri l-impatti tal-impriżi fuq in-nies, inkluż fuq is-saħħa tal-bniedem. L-informazzjoni li l-impriżi jiddivulgaw dwar id-drittijiet tal-bniedem jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar ix-xogħol furzat fil-ktajjen tal-valur tagħhom, fejn rilevanti. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar li jindirizzaw il-fatturi soċjali jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li huma rilevanti għan-negozji, inklużi l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali adottat f’Marzu 2021 jitlob rekwiżiti aktar b’saħħithom sabiex l-impriżi jirrapportaw fuq kwistjonijiet soċjali. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar jispeċifikaw ukoll l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istandards stabbiliti fil-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u f’konvenzjonijiet ewlenin oħrajn tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(44)L-utenti jeħtieġu informazzjoni dwar il-fatturi ta’ governanza, inkluża informazzjoni dwar ir-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, tal-kompożizzjoni ta’ tali korpi, u tas-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ mmaniġġjar tar-riskji ta’ impriża, inkluż fir-rigward tal-proċess ta’ rapportar. L-utenti jeħtieġu wkoll informazzjoni dwar il-kultura korporattiva u l-approċċ lejn l-etika tan-negozju tal-impriżi, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim, u dwar l-impenji politiċi tagħhom, inklużi l-attivitajiet ta’ lobbjar. Informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-impriża u l-kwalità tar-relazzjonijiet mas-sħab kummerċjali, inklużi prattiki ta’ pagament relatati mad-data jew mal-perjodu għall-ħlas, mar-rata tal-imgħax għal pagament tard jew il-kumpens għall-kostijiet ta’ rkupru msemmijin fid-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagament tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali, tgħin lill-utenti jifhmu r-riskji ta’ impriża kif ukoll l-impatti tagħha fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Kull sena, eluf ta’ negozji, speċjalment l-SMEs, ibatu minn piżijiet amministrattivi u finanzjarji minħabba li jitħallsu tard, jew minħabba li ma jitħallsu xejn affattu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-pagamenti tard iwasslu għal insolvenza u għal falliment, b’effetti qerrieda fuq ktajjen tal-valur sħaħ. Jenħtieġ li ż-żieda fl-informazzjoni dwar il-prattiki ta’ pagament tħeġġeġ lil impriżi oħrajn jidentifikaw lil dawk li jħallsu fil-pront u b’mod affidabbli, jidentifikaw prattiki inġusti ta’ pagament, jaċċessaw informazzjoni dwar in-negozji li jinnegozjaw magħhom, u jinnegozjaw termini ta’ pagament aktar ġusti.
(45)Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar jippromwovu perspettiva aktar integrata tal-informazzjoni kollha ppubblikata mill-impriżi fir-rapport ta’ ġestjoni sabiex jipprovdu lill-utenti ta’ dik l-informazzjoni b’fehim aħjar tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni, tal-pożizzjoni u tal-impatt tal-impriża. Jenħtieġ li dawk l-istandards jiddistingwu kif meħtieġ bejn l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw meta jirrapportaw fil-livell individwali u l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw meta jirrapportaw fil-livell ikkonsolidat. Jenħtieġ li dawk l-istandards jinkludu wkoll gwida għall-impriżi dwar il-proċess imwettaq sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jenħtieġ li tiġi inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni.
(46)L-impriżi fl-istess settur spiss ikunu skoperti għal riskji simili relatati mas-sostenibbiltà, u spiss ikollhom impatti simili fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent. Il-paraguni bejn l-impriżi fl-istess settur huma partikolarment siewja għall-investituri u għal utenti oħrajn tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati mill-Kummissjoni jispeċifikaw kemm l-informazzjoni li l-impriżi fis-setturi kollha jenħtieġ li jiddivulgaw kif ukoll l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw skont is-settur tal-attività tagħhom. Jenħtieġ li l-istandards iqisu wkoll id-diffikultajiet li l-impriżi jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand atturi tul il-katina tal-valur tagħhom, speċjalment mill-fornituri tal-SMEs u mill-fornituri fi swieq u f’ekonomiji emerġenti.
(47)Sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni mill-utenti b’mod puntwali, u b’mod partikolari fid-dawl tal-urġenza li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/2088, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-ewwel sett ta’ standards tar-rapportar sal-31 ta’ Ottubru 2022. Jenħtieġ li dak is-sett ta’ standards tar-rapportar jispeċifika l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tal-oqsma ta’ rapportar u tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà kollha, u li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta t-tieni sett ta’ standards tar-rapportar sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2023, li jispeċifikaw l-informazzjoni komplementari li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u oqsma ta’ rapportar fejn meħtieġ, u l-informazzjoni li hija speċifika għas-settur li fih tkun topera impriża. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-istandards kull tliet snin sabiex tqis l-iżviluppi rilevanti, inkluż l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali.
(48)Id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtieġx li r-rapporti finanzjarji jew ir-rapport ta’ ġestjoni jiġu pprovduti f’format diġitali, li jfixkel ir-rintraċċabbiltà u l-utilizzabilità tal-informazzjoni rrapportata. L-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà qed jistennew dejjem aktar li tali informazzjoni tkun tista’ tiġi rintraċċata u tinqara minn magni f’formati diġitali. Id-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet sabiex tiġi sfruttata l-informazzjoni b’mod aktar effiċjenti u għandha potenzjal għal iffrankar sinifikanti fil-kostijiet kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jħejju r-rapporti finanzjarji tagħhom u r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom fil-format XHTML f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815, u jimmarkaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, inkluż id-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità ma’ dak ir-Regolament Delegat. Se tkun neċessarja tassonomija diġitali għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-Unjoni sabiex tippermetti li l-informazzjoni rrapportata tiġi ttaggjata f’konformità ma’ dawk l-istandards. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jikkontribwixxu għall-ħidma dwar id-diġitalizzazzjoni mħabbra mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, Strateġija Ewropea għad-data, u fl-iStrateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE. Dawn ir-rekwiżiti jikkomplementaw ukoll il-ħolqien ta’ punt ta’ aċċess uniku Ewropew għall-informazzjoni korporattiva pubblika kif previst fil-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li jqis ukoll il-ħtieġa għal data strutturata.
(49)Sabiex tkun tista’ tiġi inkluża l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata fil-punt ta’ aċċess uniku Ewropew, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji annwali approvati kif xieraq u r-rapport ta’ ġestjoni fil-format elettroniku stabbilit, u jiżguraw li r-rapporti ta’ ġestjoni li jkun fihom ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà jsiru disponibbli, mingħajr dewmien wara l-pubblikazzjoni tagħhom, għall-mekkaniżmu rilevanti ddeżinjat uffiċjalment imsemmi fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE.
(50)L-Artikolu 19a(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jippermetti li l-Istati Membri jeżentaw lill-impriżi milli jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja meħtieġa skont l-Artikolu 19a(1). L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan meta l-impriża kkonċernata tħejji rapport separat li jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva, jew meta dak ir-rapport isir disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-impriża fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur, wara d-data tal-karta bilanċjali, u ssir referenza għalih fir-rapport ta’ ġestjoni. Teżisti l-istess possibbiltà għar-rapport mhux finanzjarju kkonsolidat imsemmi fl-Artikolu 29(a)(4) tad-Direttiva 2013/34/UE. Għoxrin Stat Membru użaw dik l-għażla. Madankollu, il-possibbiltà li jiġi ppubblikat rapport separat tfixkel id-disponibbiltà tal-informazzjoni li tgħaqqad l-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Tfixkel ukoll ir-rintraċċabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-utenti, speċjalment għall-investituri, li huma interessati fl-informazzjoni kemm finanzjarja kif ukoll dwar is-sostenibbiltà. Il-possibbiltà ta’ żminijiet differenti ta’ pubblikazzjoni għall-informazzjoni finanzjarja u dwar is-sostenibbiltà tkompli taggrava din il-problema. Il-pubblikazzjoni f’rapport separat tista’ tagħti wkoll l-impressjoni, internament u esternament, li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tappartjeni għal kategorija ta’ informazzjoni anqas rilevanti, li jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-affidabbiltà perċepita tal-informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fir-rapport ta’ ġestjoni u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jibqgħux jitħallew jeżentaw lill-impriżi mill-obbligu li fir-rapport ta’ ġestjoni jinkludu informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Tali obbligu jgħin ukoll sabiex jiġi ċċarat ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fis-superviżjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, bħala parti mir-rapport ta’ ġestjoni, f’konformità mad-Direttiva 2004/109/KE. Barra minn hekk, l-impriżi li huma meħtieġa jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li fl-ebda każ ma jiġu eżentati mill-obbligu li jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni peress li huwa importanti li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tkun disponibbli għall-pubbliku.
(51)L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedi li l-impriżi b’titoli elenkati fi swieq regolati jinkludu dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom, li jrid jinkludi fost informazzjoni oħra deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata mill-impriża fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tagħha. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE jħalli flessibbiltà lill-impriżi sabiex jiddeċiedu liema aspetti tad-diversità jirrapportaw dwarhom. Ma jobbligax b’mod espliċitu lill-impriżi jinkludu informazzjoni dwar xi aspett partikolari tad-diversità. Sabiex isir progress lejn parteċipazzjoni aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-impriżi b’titoli elenkati fi swieq regolati dejjem jirrapportaw dwar il-politiki tagħhom dwar id-diversità bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Madankollu, sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, jenħtieġ li dawk l-impriżi jkollhom il-possibbiltà jirrapportaw xi informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE flimkien ma’ informazzjoni oħra relatata mas-sostenibbiltà.
(52)L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża jkollhom responsabbiltà kollettiva sabiex jiżguraw li r-rapporti finanzjarji annwali (konsolidati), ir-rapport ta’ ġestjoni (konsolidat) u d-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva (konsolidata) jitfasslu u jiġu ppubblikati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dik ir-responsabbiltà kollettiva tiġi estiża għar-rekwiżiti ta’ diġitalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/815, għar-rekwiżit ta’ konformità mal-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u għar-rekwiżit ta’ markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(53)Il-professjoni tal-aċċertament tagħmel distinzjoni bejn inkarigi ta’ aċċertament limitat u inkarigi ta’ aċċertament raġonevoli. Il-konklużjoni ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat normalment tiġi pprovduta f’forma negattiva ta’ espressjoni billi jiġi ddikjarat li ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni mill-prattikant sabiex jiġi konkluż li s-suġġett ikun iddikjarat b’mod materjalment skorrett. L-awditur jagħmel anqas testijiet milli f’inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli. Għalhekk, l-ammont ta’ xogħol għal inkarigu ta’ aċċertament limitat huwa anqas minn dak għal aċċertament raġonevoli. L-isforz ta’ ħidma f’inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli jinvolvi proċeduri estensivi li jinkludu l-kunsiderazzjoni tal-kontrolli interni tal-impriża li tirrapporta u l-ittestjar sostantiv, u għalhekk huwa ferm ogħla milli f’inkarigu ta’ aċċertament limitat. Il-konklużjoni ta’ dan it-tip ta’ inkarigu normalment tingħata f’forma pożittiva ta’ espressjoni u tiddikjara opinjoni dwar il-kejl tas-suġġett skont kriterji ddefiniti minn qabel. L-Artikolu 19a(5) u l-Artikolu 29a(5) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tivverifika jekk ikunx ġie pprovdut ir-rapport mhux finanzjarju jew ir-rapport separat. Ma jirrikjedix li fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jivverifika l-informazzjoni, għalkemm jippermetti lill-Istati Membri jitolbu tali verifika fejn jixtiequ. In-nuqqas ta’ rekwiżit tal-aċċertament fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, b’kuntrast mar-rekwiżit li l-awditur statutorju jwettaq inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli fuq ir-rapporti finanzjarji, ikun jhedded il-kredibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà divulgata, u b’hekk jonqos milli jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti li għalihom hija maħsuba dik l-informazzjoni. Għalkemm l-objettiv huwa li jkun hemm livell simili ta’ aċċertament għar-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà, in-nuqqas ta’ standard miftiehem b’mod komuni għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà joħloq ir-riskju ta’ fehim u ta’ aspettattivi differenti ta’ f’xiex jikkonsisti inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli għal kategoriji differenti ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, speċjalment fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet li jħarsu ’il quddiem u kwalitattivi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat approċċ progressiv biex jittejjeb il-livell tal-aċċertament meħtieġ għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, li jibda b’obbligu fuq l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jesprimu opinjoni dwar il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti tal-Unjoni abbażi ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat. Jenħtieġ li din l-opinjoni tkopri l-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-konformità mar-rekwiżit ta’ markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-awditur jivvaluta wkoll jekk ir-rapportar tal-impriża jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852. Sabiex jiġi ggarantit fehim u aspettattivi komuni ta’ f’xiex jikkonsisti inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jenħtieġ li jkunu meħtieġa jesprimu opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli dwar il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti tal-Unjoni, jekk il-Kummissjoni tadotta standards ta’ aċċertament raġonevoli ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà. Dan jippermetti wkoll l-iżvilupp progressiv tas-suq tal-aċċertament tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, u tal-prattiki ta’ rappurtar tal-impriżi. Fl-aħħar nett, dan l-approċċ progressiv idaħħal iż-żieda fil-kostijiet għall-impriżi li jirrapportaw b’mod gradwali, minħabba li aċċertament raġonevoli huwa aktar għali minn aċċertament limitat.
(54)L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar diġà jivverifikaw ir-rapporti finanzjarji u r-rapport ta’ ġestjoni. L-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar tgħin sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn, u l-konsistenza tal-informazzjoni finanzjarja u tas-sostenibbiltà, li hija partikolarment importanti għall-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, hemm riskju ta’ konċentrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-verifiki, li jista’ jkun ta’ riskju għall-indipendenza tal-awdituri u jżid it-tariffi tal-verifika jew tal-aċċertament. Għalhekk huwa mixtieq li l-impriżi jiġu offruti għażla usa’ ta’ fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jakkreditaw fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jipprovdu opinjoni fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, li jenħtieġ li tiġi ppubblikata flimkien mar-rapport ta’ ġestjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti li jiżguraw eżiti konsistenti fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mwettqin minn fornituri differenti ta’ servizzi tal-aċċertament. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri indipendenti kollha ta’ servizzi tal-aċċertament jkunu soġġetti għal rekwiżiti li jkunu konsistenti ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dan jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwi fost il-persuni u d-ditti kollha awtorizzati mill-Istati Membri sabiex jipprovdu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-awdituri statutorji. Jekk impriża tfittex l-opinjoni ta’ fornitur indipendenti akkreditat ta’ servizzi tal-aċċertament li ma jkunx l-awditur statutorju dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà tagħha, jenħtieġ li hija ma jkollhiex bżonn titlob ukoll din l-opinjoni mingħand l-awditur statutorju.
(55)Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi regoli dwar il-verifika statutorja ta’ rapporti finanzjarji annwali u kkonsolidati. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li japplikaw regoli konsistenti għall-awditu tar-rapporti finanzjarji u għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-awditur statutorju. Jenħtieġ li d-Direttiva 2006/43/KE tapplika meta l-opinjoni dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà tingħata mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorja tar-rapporti finanzjarji.
(56)Jenħtieġ li r-regoli dwar l-approvazzjoni u r-rikonoxximent tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar jiżguraw li l-awdituri statutorji jkollhom il-livell neċessarju ta’ għarfien teoretiku dwar is-suġġetti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-kapaċità li japplikaw tali għarfien fil-prattika. Madankollu, jenħtieġ li l-awdituri statutorji li diġà ġew approvati jew rikonoxxuti minn Stat Membru jkomplu jitħallew iwettqu l-awditi statutorji u jenħtieġ li jitħallew iwettqu inkarigi ta’ aċċertament ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji diġà approvati jiksbu l-għarfien meħtieġ fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ edukazzjoni professjonali kontinwa.
(57)Jenħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżiti imposti fuq l-awdituri fir-rigward tal-ħidma tagħhom fuq l-awditu statutorju u fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu konsistenti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit li, meta l-opinjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tingħata mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditjar statutorju tar-rapporti finanzjarji, is-sħab ewlenin tal-awditu jkunu involuti b’mod attiv fit-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Meta jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-awdituri statutorji jkunu meħtieġa jiddedikaw biżżejjed żmien għall-involviment u jassenjaw biżżejjed riżorsi sabiex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod xieraq. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li r-rekord tal-kont tal-klijent jispeċifika t-tariffi mitlubin għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jenħtieġ li l-fajl tal-awditu jinkludi informazzjoni relatata mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(58)L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli xierqa sabiex jevitaw milli t-tariffi fuq l-awditjar statutorju jiġu influwenzati jew iddeterminati mill-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-entità awditjata jew ikunu bbażati fuq kwalunkwe forma ta’ kontinġenza. L-Artikoli 21 sa 24 ta’ dik id-Direttiva jirrikjedu wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji li jwettqu awditi statutorji jikkonformaw mar-regoli dwar l-etika professjonali, l-indipendenza, l-oġġettività, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali. Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li dawk ir-regoli jiġu estiżi għall-ħidma mwettqa mill-awdituri statutorji fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(59)Sabiex jiġi pprovdut għal prattiki tal-aċċertament uniformi u għal aċċertament ta’ kwalità għolja tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà madwar l-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards dwar l-aċċertament tas-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati. Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-aċċertament dment li l-Kummissjoni ma tkunx adottat standard tal-aċċertament li jkopri l-istess suġġett. Jenħtieġ li dawn l-istandards tal-aċċertament jistabbilixxu l-proċeduri li l-awditur għandu jwettaq sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(60)L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2006/43/KE jistabbilixxi regoli dwar l-awditjar statutorju ta’ grupp ta’ impriżi. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu estiżi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat, fejn l-awditur statutorju jwettaq il-verifika statutorja.
(61)L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju tagħhom f’rapport tal-awditjar. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit jiġi estiż għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġu ppreżentati fl-istess rapport tal-awditjar.
(62)L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ rieżami ta’ garanzija tal-kwalità tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar. Sabiex jiġi żgurat li r-rieżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jsiru wkoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u li l-persuni li jwettqu rieżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jkollhom edukazzjoni professjonali xierqa u esperjenza rilevanti fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit li tiġi stabbilita sistema ta’ rieżami tal-garanzija tal-kwalità jiġi estiż għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(63)Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ reġim ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji. Il-Kapitolu VIII ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jorganizzaw sistema effettiva ta’ sorveljanza pubblika, u jiżguraw li l-arranġamenti regolatorji għas-sistemi ta’ sorveljanza pubblika jippermettu kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiġu estiżi għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu inkarigi tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-investigazzjonijiet, tas-sanzjonijiet u tal-oqfsa ta’ sorveljanza stabbiliti għall-ħidma tal-awditur fil-awditjar statutorju u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(64)L-Artikoli 37 u 38 tad-Direttiva 2006/43/KE fihom regoli dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu estiżi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-regoli imposti fuq l-awdituri fir-rigward tal-ħidma tagħhom fuq il-awditjar statutorju u fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(65)L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kull entità ta’ interess pubbliku jkollha kumitat tal-awditjar, u jispeċifika l-kompiti tagħha fir-rigward tal-awditjar statutorju. Jenħtieġ li dak il-kumitat tal-awditjar jiġi assenjat b’ċerti kompiti fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li dawk il-kompiti jinkludu l-obbligu li jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata dwar l-eżitu tal-aċċertament tar-rapportar statutorju u li jispjega kif il-kumitat tal-awditjar ikkontribwixxa għall-integrità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u x’kien ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar f’dak il-proċess.
(66)L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE fih rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u għas-sorveljanza ta’ awdituri u ta’ entitajiet tal-awditjar ta’ pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat li jeżisti qafas konsistenti għall-ħidma tal-awdituri kemm fl-awditjar statutorju kif ukoll fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, huwa neċessarju li dawk ir-rekwiżiti jiġu estiżi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(67)Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awditur statutorju, l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament jipprojbixxi l-forniment ta’ ċerti servizzi mhux tal-awditjar matul ċerti perjodi ta’ żmien. Jenħtieġ li dik l-indipendenza tiġi żgurata wkoll għall-ħidma tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li s-servizzi ta’ konsultazzjoni għat-tħejjija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġu inklużi fil-lista ta’ servizzi pprojbiti mhux tal-awditjar.
(68)L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jirrikjedi li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom kull sena dwar id-dħul iġġenerat mill-awditi statutorji u minn servizzi mhux tal-awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Jenħtieġ li l-awdituri u d-ditti tal-awditjar jkunu meħtieġa jispeċifikaw liema dħul fost id-dħul mis-servizzi mhux tal-awditjar jiġi ġġenerat mill-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(69)Skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/34/UE, l-infurzar tar-rapportar korporattiv mill-impriżi li t-titoli tagħhom mhumiex elenkati fi swieq regolati jitwettaq mill-Istati Membri. Madankollu, it-tipi ta’ sanzjonijiet mhumiex speċifikati, u dan ifisser li r-reġimi ta’ sanzjonar jistgħu jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, u b’hekk jimminaw is-suq uniku. Sabiex itejbu r-rapportar dwar is-sostenibbiltà fis-suq intern u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva li fiha l-benefiċċji tat-tkabbir jiġu kondiviżi b’mod wiesa’ f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal ċerti sanzjonijiet u miżuri amministrattivi fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li jissaħħaħ kif xieraq ir-reġim tas-sanzjonar tad-Direttiva 2013/34/UE, b’mod li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi xierqa.
(70)L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/109/KE jassenja lis-superviżuri nazzjonali l-kompitu li jinfurzaw il-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar korporattiv mill-impriżi b’titoli elenkati fi swieq regolati. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jispeċifika l-kontenut tar-rapporti finanzjarji annwali, iżda ma għandux referenza espliċita għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, li jeħtieġu t-tħejjija ta’ rapport mhux finanzjarju (konsolidat). Dan jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ xi Stati Membri ma għandhomx mandat legali biex iwettqu superviżjoni ta’ dawk ir-rapporti mhux finanzjarji, speċjalment meta dawk ir-rapporti jiġu ppubblikati f’rapport separat, barra mir-rapport finanzjarju annwali, li l-Istati Membri jistgħu attwalment jawtorizzaw. Għalhekk, huwa meħtieġ li fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/109/KE tiddaħħal referenza għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Huwa meħtieġ ukoll li jintalab li l-persuni responsabbli fi ħdan l-emittent jikkonfermaw fir-rapport finanzjarju annwali li, sa fejn jafu huma, ir-rapport ta’ ġestjoni tħejja f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, minħabba l-karattru ġdid ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar, jenħtieġ li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq toħroġ linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tippromwovi s-superviżjoni konverġenti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-emittenti soġġetti għad-Direttiva 2004/109/KE.
(71)L-Istati Membri huma mistidnin jivvalutaw l-impatt tal-att tat-traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs sabiex jiżguraw li huma ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv, u huma mistidnin jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jappoġġaw lill-SMEs fl-applikazzjoni tal-istandards tar-rapportar simplifikati volontarji.
(72)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttivi 2013/34/UE, 2004/109/KE u 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 jiġu emendati skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE
Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3.
Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbiliti mill-Artikoli 19a, 19d, 29a, 30 u 33, mill-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (aa), mill-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 34, u mill-Artikolu 51 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-impriżi li ġejjin irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom:
(a)
impriżi tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE*1;
(b)
istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*2.
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-miżuri ta’ koordinazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu għall-impriżi elenkati fil-punti (2) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*3.
____________________________________________________________________
(2)fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (17) sa (20) li ġejjin:
“(17) ‘fatturi ta’ sostenibbiltà’ tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif iddefiniti fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*4, u l-fatturi ta’ governanza;
(18) ‘rapportar dwar is-sostenibbiltà’ tfisser ir-rapportar ta’ informazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikoli 19a, 19d u 29a ta’ din id-Direttiva;
(19) ‘intanġibbli’ tfisser riżorsi mhux fiżiċi li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-valur tal-impriża;
(20) ‘fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament’ tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*5 għall-attività speċifika ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (aa) ta’ din id-Direttiva.
__________________________________________________________________
(3)L-Artikolu 19a huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 19a
Rapportar dwar is-Sostenibbiltà
1.
L-impriżi kbar u, mill-1 ta’ Jannar 2026, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li huma impriżi msemmijin fl-Artikolu 2, il-punt (1), il-punt (a), għandhom jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni l-informazzjoni neċessarja jiġu mifhumin l-impatti tal-impriża fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi mifhum kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża.
2.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha b’mod partikolari:
(a)
deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża, inklużi:
(i)
ir-reżiljenza tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża għar-riskji marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(ii)
l-opportunitajiet tal-impriża marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(iii)
il-pjanijiet tal-impriża biex tiżgura li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħha jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi;
(iv)
kif il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-impriża jqisu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-impriża u l-impatti tal-impriża fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(v)
kif ġiet implimentata l-istrateġija tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(b)
deskrizzjoni tal-miri marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà stabbiliti mill-impriża u tal-progress li tkun għamlet l-impriża fil-kisba ta’ dawk il-miri;
(c)
deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(d)
deskrizzjoni tal-politiki tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(e)
deskrizzjoni ta’:
(i)
il-proċess ta’ diliġenza dovuta implimentat fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(ii)
l-impatti avversi attwali jew potenzjali prinċipali marbutin mal-katina tal-valur tal-impriża, inklużi l-operazzjonijiet tagħha stess, il-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-katina tal-provvista tagħha;
(iii)
kwalunkwe azzjoni meħuda, u r-riżultat ta’ tali azzjonijiet, għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni jew għar-rimedjar ta’ impatti avversi attwali jew potenzjali;
(f)
deskrizzjoni tar-riskji ewlenin għall-impriża marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, inklużi d-dipendenzi prinċipali tal-impriża fuq tali kwistjonijiet, u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;
(g)
indikaturi rilevanti għad-divulgazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (f).
L-impriżi għandhom jiddivulgaw ukoll informazzjoni dwar l-intanġibbli, inkluża informazzjoni dwar il-kapital intellettwali, uman u soċjali u tar-relazzjonijiet.
L-impriżi għandhom jirrapportaw il-proċess imwettaq sabiex jidentifikaw l-informazzjoni li jkunu inkludew fir-rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-paragrafu 1 u f’dan il-proċess għandhom iqisu l-orizzonti qosra, medji u fit-tul.
3.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha informazzjoni li tħares ’il quddiem u retrospettiva, u informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva.
Fejn xieraq, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-katina tal-valur tal-impriża, inklużi l-operazzjonijiet, il-prodotti u s-servizzi proprji tal-impriża, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-katina tal-provvista tagħha.
Fejn xieraq, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha wkoll referenzi u spjegazzjonijiet addizzjonali għal informazzjoni oħra inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 19 u l-ammonti rrapportati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.
L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma’ żviluppi imminenti jew ma’ kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f’każijiet straordinarji meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tkun tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża, dment li tali ommissjoni ma tipprevenix fehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha.
4.
L-impriżi għandhom jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 19b.
5.
B’deroga mill-Artikolu 19a, il-paragrafi 1 sa 4, l-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (1), il-punt (a), jistgħu jirrappurtaw skont l-istandards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 19c.
6.
L-impriżi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jitqiesu kkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1).
7.
Impriża, li tkun impriża sussidjarja, għandha tiġi eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 jekk dik l-impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża prinċipali oħra, imfassal f’konformità mal-Artikoli 29 u 29a. Impriża li tkun impriża sussidjarja minn impriża prinċipali li tkun stabbilita f’pajjiż terz għandha tkun eżentata wkoll mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 meta dik l-impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ dik l-impriża prinċipali u meta r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat jitfassal b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti, f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti adottati skont il-punt (i) tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*6, bil-mod meħtieġ mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 19b ta’ din id-Direttiva.
Ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali msemmija fis-subparagrafu 1 għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 30, bil-mod stipulat mil-liġi tal-Istat Membru li permezz tiegħu hija rregolata l-impriża li hija eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.
L-Istat Membru li permezz tiegħu tkun irregolata l-impriża li tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4, jista’ jirrikjedi li r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiġi ppubblikat f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru jew f’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, u li kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa f’dawk il-lingwi tkun iċċertifikata.
Ir-rapport ta’ ġestjoni ta’ impriża li tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għandu jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a)
l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-impriża omm li tirrapporta informazzjoni fil-livell tal-grupp f’konformità mal-Artikoli 29 u 29a, jew b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti, f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont il-punt (i) tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE, għall-mod meħtieġ mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 19b;
(b)
il-fatt li l-impriża hija eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.
______________________________________________________________________
(4)jiddaħħlu l-Artikoli 19b, 19c u 19d li ġejjin:
“Artikolu 19b
Standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà
1.
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tipprovdi għal standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrapportaw f’konformità mal-Artikoli 19a u 29a u, fejn rilevanti, għandhom jispeċifikaw l-istruttura li fiha għandha tiġi rrapportata dik l-informazzjoni. B’mod partikolari:
(a)sal-31 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jirrapportaw f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 19a, u tal-anqas tispeċifika l-informazzjoni li tikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2088.
(b)sal-31 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jispeċifikaw:
(i)
informazzjoni komplementari li l-impriżi għandhom jirrapportaw fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u tal-oqsma ta’ rapportar elenkati fl-Artikolu 19a(2), fejn meħtieġ;
(ii)
informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrapportaw li hija speċifika għas-settur li fih joperaw.
Il-Kummissjoni għandha, tal-anqas kull tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tagħha, tirrieżamina kwalunkwe att delegat adottat skont dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-parir tekniku tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), u fejn neċessarju għandha temenda tali att delegat sabiex jitqiesu l-iżviluppi rilevanti, inklużi l-iżviluppi fir-rigward tal-istandards internazzjonali.
2.
L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata tkun tinftiehem, rilevanti, rappreżentattiva, verifikabbli, komparabbli, u hija rrappreżentata b’mod leali.
L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom, filwaqt li jqisu s-suġġett ta’ standard partikolari:
(a)
jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi ambjentali, inkluża informazzjoni dwar:
(i)
il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;
(ii)
l-adattament għat-tibdil fil-klima;
(iii)
ir-riżorsi tal-ilma u tal-baħar;
(iv)
l-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari;
(v)
it-tniġġis;
(vi)
il-bijodiversità u l-ekosistemi;
(b)
jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi soċjali, inkluża informazzjoni dwar:
(i)
l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-paga ugwali għal xogħol ugwali, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-impjiegi u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità;
(ii)
il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-impjiegi siguri u adattabbli, il-pagi, id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-involviment tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u ambjent tax-xogħol f’saħħtu, sikur u adattat sew;
(iii)
ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istandards stabbiliti fil-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u f’konvenzjonijiet ewlenin oħrajn tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(c)
jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jiddivulgaw dwar il-fatturi ta’ governanza, inkluża informazzjoni dwar:
(i)
ir-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-kompożizzjoni tagħhom;
(ii)
l-etika tan-negozju u l-kultura korporattiva, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra t-tixħim;
(iii)
l-impenji politiċi tal-impriża, inklużi l-attivitajiet ta’ lobbjar tagħha;
(iv)
il-ġestjoni u l-kwalità tar-relazzjonijiet mas-sħab kummerċjali, inklużi l-prattiki tal-pgamenti;
(v)
is-sistemi ta’ kontroll interni u ta’ mmaniġġjar tar-riskji tal-impriża, inkluż fir-rigward tal-proċess ta’ rapportar tal-impriża.
3.
Meta tadotta atti delegati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis:
(a)il-ħidma ta’ inizjattivi globali ta’ ffissar ta’ standards għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u standards u oqfsa eżistenti għall-kontabilità tal-kapital naturali, għall-imġiba responsabbli fin-negozju, għar-responsabbiltà soċjali korporattiva, u għall-iżvilupp sostenibbli;
(b)l-informazzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-atti delegati adottati skont dak ir-Regolament;
(c)il-kriterji stabbiliti fl-atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2020/852*7;
(d)ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji fir-rapport tal-parametri referenzjarji u fil-metodoloġija tal-parametri referenzjarji u l-istandards minimi għall-bini tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE Allinjati ma’ Pariġi f’konformità mar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816*8, (UE) 2020/1817*9 u (UE) 2020/1818*10;
(e)id-divulgazzjonijiet speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 434a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013*11;
(f)ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE*12;
(g)id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*13;
(h)ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*14.
______________________________________________________________________
Artikolu 19c
Standards tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tipprevedi standards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà proporzjonati mal-kapaċitajiet u mal-karatteristiċi tal-impriżi żgħar u medji. Dawk l-istandards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw liema informazzjoni msemmija fl-Artikoli 19a u 29a għandhom jirrapportaw l-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 2, punt (1)(a). Għandhom iqisu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19b, il-paragrafi 2 u 3. Għandhom ukoll, meta rilevanti, jispeċifikaw l-istruttura li fiha għandha tiġi rrapportata dik l-informazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk ir-rakkomandazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2023.
Artikolu 19d
Format elettroniku uniku għar-rapportar
1.
L-impriżi soġġetti għall-Artikolu 19a għandhom iħejju r-rapporti finanzjarji tagħhom u r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom f’format elettroniku uniku għar-rapportar f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815*15 u għandhom jimmarkaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom, inklużi d-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità ma’ dak ir-Regolament Delegat.
2.
L-impriżi soġġetti għall-Artikolu 29a għandhom iħejju r-rapporti finanzjarji kkonsolidati tagħhom u r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħhom f’format elettroniku uniku għar-rapportar f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/815 u għandhom jimmarkaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi d-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852.
____________________________________________________________________
(5)L-Artikolu 20(1) huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (g) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża fir-rigward tal-ġeneru u ta’ aspetti oħrajn bħall-età jew l-isfond edukattiv u professjonali, l-objettivi ta’ dik il-politika dwar id-diversità, kif ġiet implimentata u r-riżultati fil-perjodu tar-rapportar. Jekk ma tiġi applikata l-ebda tali politika, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dwar għalfejn dan huwa l-każ.”;
(b)jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“L-impriżi soġġetti għall-Artikolu 19a jistgħu jikkonformaw mal-obbligu stabbilit fil-punti (c), (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu meta jinkludu l-informazzjoni meħtieġa skont dawk il-punti bħala parti mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom.”;
(6)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(b) ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati msemmijin fil-punt (a) u r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-korp akbar ta’ impriżi jitfasslu mill-impriża prinċipali ta’ dak il-korp, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dik l-impriża prinċipali, f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a, jew f’konformità mal-istandards internazzjonali kontabbilistiċi adottati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;”;
(b)fil-paragrafu 8, il-punt (b)(i) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(i)
f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a,”;
(c)fil-paragrafu 8, il-punt (b)(iii) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(iii)
b’mod ekwivalenti għar-rapporti finanzjarji kkonsolidati u għar-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati mfasslin f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a, jew”;
(7)L-Artikolu 29a huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 29a
Rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat
1.
L-impriżi prinċipali ta’ grupp kbir għandhom jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat l-informazzjoni meħtieġa sabiex jinftiehmu l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi mifhum kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp.
2.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha b’mod partikolari:
(a)
deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp, inklużi:
(i)
ir-reżiljenza tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp għar-riskji marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(ii)
l-opportunitajiet għall-grupp marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(iii)
il-pjanijiet tal-grupp biex jiżgura li l-mudell u l-istrateġija tal-grupp huma kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi;
(iv)
kif il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-grupp jqisu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-grupp u l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(v)
kif ġiet implimentata l-istrateġija tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(b)
deskrizzjoni tal-miri marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà stabbiliti mill-grupp u tal-progress tal-impriża fil-kisba tagħhom;
(c)
deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(d)
deskrizzjoni tal-politiki tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(e)
deskrizzjoni ta’:
(i)
il-proċess ta’ diliġenza dovuta implimentat fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;
(ii)
l-impatti avversi attwali jew potenzjali prinċipali marbutin mal-katina tal-valur tal-grupp, inklużi l-operazzjonijiet tiegħu stess, il-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu u l-katina tal-provvista tiegħu;
(iii)
kwalunkwe azzjoni meħuda, u r-riżultat ta’ tali azzjonijiet, għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni jew għar-rimedju ta’ impatti avversi reali jew potenzjali;
(f)
deskrizzjoni tar-riskji ewlenin għall-grupp marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, inklużi d-dipendenzi prinċipali tal-grupp fuq tali fatturi, u kif il-grupp jimmaniġġja dawk ir-riskji;
(g)
indikaturi rilevanti għad-divulgazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (f).
L-impriżi prinċipali għandhom jirrapportaw ukoll informazzjoni dwar l-intanġibbli, inkluża informazzjoni dwar il-kapital intellettwali, uman u soċjali u tar-relazzjonijiet.
L-impriżi prinċipali għandhom jiddeskrivu l-proċess imwettaq sabiex jidentifikaw l-informazzjoni li jkunu inkludew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
3.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha informazzjoni li tħares ’il quddiem u informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi, u informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva. Din l-informazzjoni għandha tqis l-orizzonti qosra, medji u fit-tul, fejn xieraq.
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi informazzjoni dwar il-katina tal-valur tal-grupp, inklużi l-operazzjonijiet tiegħu stess, il-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu u l-katina tal-provvista tiegħu, fejn xieraq.
Fejn xieraq, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi wkoll referenzi u spjegazzjonijiet addizzjonali għal informazzjoni oħra inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ din id-Direttiva u l-ammonti rrapportati fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati.
L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma’ żviluppi imminenti jew ma’ kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f’każijiet straordinarji meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tkun tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-grupp, dment li tali ommissjoni ma tipprevenix fehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-grupp u tal-impatt tal-attività tiegħu.
4.
L-impriżi prinċipali għandhom jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 19b.
5.
B’deroga mill-Artikolu 29 a, il-paragrafi 1 sa 4, l-impriżi prinċipali li huma impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (1), il-punt (a), jistgħu jirrappurtaw skont l-istandards ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 19c.
6.
impriża prinċipali li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għandha titqies li kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 19a u fl-Artikolu 29.
7.
impriża prinċipali li hija wkoll impriża sussidjarja għandha tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4, jekk dik l-impriża prinċipali eżentata u s-sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża oħra mfassal f’konformità mal-Artikolu 29 u ma’ dan l-Artikolu. Impriża prinċipali li tkun impriża sussidjarja minn impriża prinċipali li tkun stabbilita f’pajjiż terz għandha tkun eżentata wkoll mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 meta dik l-impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ dik l-impriża prinċipali u meta r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat jitfassal b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti, f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti adottati skont l-Artikolu 23(4)(i) tad-Direttiva 2004/109/KE, bil-mod meħtieġ mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 19b ta’ din id-Direttiva.
Ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali msemmi fis-subparagrafu 1 għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 30, bil-mod stipulat mil-liġi tal-Istat Membru li biha hija rregolata l-impriża prinċipali li hija eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.
L-Istat Membru li permezz tiegħu tkun irregolata l-impriża prinċipali li tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4, jista’ jirrikjedi li r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiġi ppubblikat f’lingwa uffiċjali tiegħu jew f’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, u li kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa f’dawk il-lingwi tkun iċċertifikata.
Ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża prinċipali li tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għandu jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a)
l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-impriża prinċipali li tirrapporta informazzjoni fil-livell tal-grupp f’konformità mal-Artikoli 29 u ma’ dan l-Artikolu, jew b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti, f’konformità mal-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti adottati skont l-Artikolu 23(4)(i) tad-Direttiva 2004/109/KE, għall-mod meħtieġ mill-istandards dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 19b;
(b)
il-fatt li l-impriża hija eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.”;
(8)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jippubblikaw, fi żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali, ir-rapporti finanzjarji annwali u r-rapport ta’ ġestjoni approvati kif xieraq, fil-format stipulat mill-Artikolu 19d ta’ din id-Direttiva, fejn applikabbli, flimkien mal-opinjoni u mar-rapport ippreżentati mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 34 ta’ din id-Direttiva, kif stabbilit mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Kapitolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1132/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*16.”
“Meta fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jagħti l-opinjoni msemmija fil-punt (a’) tal-Artikolu 34(1), din l-opinjoni għandha tiġi ppubblikata flimkien mar-rapporti msemmijin fl-ewwel subparagrafu.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw impriżi mill-obbligu li jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni, fejn kopja tar-rapport kollu jew parti minnu tista’ tinkiseb faċilment meta tintalab bi prezz li ma jaqbiżx il-kost amministrattiv tagħha.”
“L-eżenzjoni stabbilita fit-tielet subparagrafu ma għandhiex tapplika għal impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a.”;
______________________________________________
(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti ta’ ġestjoni li jkun fihom ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà mfassal minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a jkunu disponibbli wkoll għall-mekkaniżmu rilevanti magħżul uffiċjalment imsemmi fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE mingħajr dewmien wara l-pubblikazzjoni tagħhom.
Meta l-impriża li tfassal ir-rapport ta’ ġestjoni ma tkunx soġġetta għad-Direttiva 2004/109/KE, il-mekkaniżmu rilevanti magħżul uffiċjalment għandu jkun wieħed mill-mekkaniżmi magħżulin uffiċjalment tal-Istat Membru fejn l-impriża jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.”;
(9)fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża, li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva sabiex jiżguraw li d-dokumenti li ġejjin jitfasslu u jiġu ppubblikati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u, fejn applikabbli, mal-istandards kontabilistiċi internazzjonali adottati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, mar-Regolament Delegat 2019/815, mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 19b ta’ din id-Direttiva, u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19d ta’ din id-Direttiva:
(a) ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapport ta’ ġestjoni u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva meta jiġu pprovduti separatament;
(b) ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, ir-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva kkonsolidata meta jiġu pprovduti separatament.”;
(10)l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (a)(ii) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(ii)
jekk ir-rapport ta’ ġestjoni jkunx tħejja f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli, esklużi r-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 19a;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:
“(aa)
fejn applikabbli, jesprimu opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament limitat fir-rigward tal-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluża l-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-istandards tar-rapportar adottati skont l-Artikolu 19b, il-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont dawk l-istandards tar-rapportar, u l-konformità mar-rekwiżit ta’ markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikolu 19d, u fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jesprimi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, dment li dan ikun soġġett għal rekwiżiti konsistenti ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif iddefinit fil-punt (r) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva.
(11)l-Artikolu 49 jiġi emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 2 u 3 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikolu 46(2), fl-Artikolu 19b u fl-Artikolu 19c għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikolu 46(2), fl-Artikolu 19b u fl-Artikolu 19c tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:
“3a. Meta tadotta atti delegati skont l-Artikoli 19b u 19c, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tekniku mill-EFRAG, dment li tali parir ikun ġie żviluppat bi proċess xieraq, b’sorveljanza pubblika u bi trasparenza u bl-għarfien espert tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u jkun akkumpanjat minn analiżijiet tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji li jinkludu analiżijiet tal-impatti tal-parir tekniku fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG qabel l-adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikoli 19b u 19c.
Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mar-Regolament (UE) 2019/2088 u mal-atti delegati tiegħu. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta wkoll lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar u l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli stabbilit skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG qabel l-adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikoli 19b u 19c. Meta kwalunkwe wieħed minn dawk il-korpi jiddeċiedi li jissottometti opinjoni, huwa għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni.”;
(c)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(13), l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 19b u l-Artikolu 19c għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill jinformaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”
(12)L-Artikolu 51 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 51
Penali
1.
Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jistipulaw penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu infurzati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”
2.
F’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 19a, 19d u 29a, l-Istati Membri għandhom jipprovdu tal-anqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin:
(a) dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew l-entità ġuridika responsabbli u n-natura tal-ksur;
(b) ordni li tirrikjedi lill-persuna fiżika jew lill-entità ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba li tkun tikkostitwixxi l-ksur u ma tirrepetix dik l-imġiba;
(c) sanzjonijiet pekunarji ammistrattivi.
3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell tal-penali, tas-sanzjonijiet amministrattivi jew tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2, jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi:
(a)
il-gravità u d-durata tal-ksur;
(b)
il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew tal-entità ġuridika responsabbli;
(c)
is-solidità finanzjarja tal-persuna fiżika jew tal-entità ġuridika responsabbli;
(d)
l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew mill-entità ġuridika responsabbli, sa fejn it-tali profitti jew telf ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;
(e)
it-telf imġarrab minn partijiet terzi bħala riżultat tal-ksur, sa fejn dak it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat;
(f)
il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew tal-entità ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;
(g)
ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew mill-entità ġuridika responsabbli.”.
Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE
Id-Direttiva 2004/109/KE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt (r) li ġej:
“(r) ‘rapportar dwar is-sostenibbiltà’ tfisser rapportar dwar is-sostenibbiltà kif iddefinit fl-Artikolu 2(18) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*18.”;
___________________________________________
(2)l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(c) dikjarazzjonijiet mill-persuni responsabbli fi ħdan l-emittent, li l-ismijiet u l-funzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati b’mod ċar, fejn jgħidu li sa fejn jistgħu jkunu jafu, ir-rapporti finanzjarji mħejjija f’konformità mas-sett applikabbli tal-istandards kontabilistiċi jagħtu l-istat sewwa u xieraq tal-assi, tal-obbligazzjonijiet, tal-posizzjoni finanzjarja u tal-profitt jew tat-telf tal-emittent u tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meta meqjusa kollha flimkien u li r-rapport ta’ ġestjoni jinkludi rieżami ġust tal-iżvilupp u tal-prestazzjoni tan-negozju u tal-posizzjoni tal-emittent u tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meta meqjusa kollha flimkien, flimkien ma’ deskrizzjoni tar-riskji ewlenin u tal-inċertezzi li dawn jiffaċċjaw u, fejn xieraq, li jkun imħejji f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 19b tad-Direttiva 2013/34/UE.”;
(b)il-paragrafi 4 u 5 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“4. Ir-rapporti finanzjarji għandhom jiġu vverifikati f’konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE u mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE.
Ir-rapport tal-verifika, iffirmat mill-persuna jew mill-persuni responsabbli għat-twettiq tal-ħidma stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE għandu jiġi ddivulgat bis-sħiħ lill-pubbliku flimkien mar-rapport finanzjarju annwali.
5. Ir-rapport ta’ ġestjoni għandu jitfassal f’konformità mal-Artikoli 19, 19a, 19d(1) u 20 tad-Direttiva 2013/34/UE, meta jitfassal mill-impriżi msemmijin f’dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-emittent ikun meħtieġ iħejji kontijiet ikkonsolidati, ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat għandu jitfassal f’konformità mal-Artikoli 19d(2), 29 u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, meta jitfassal mill-impriżi msemmijin f’dawk id-dispożizzjonijiet.”;
(3)fl-Artikolu 23(4), it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2), il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji dwar l-ekwivalenza tal-istandards kontabilistiċi u dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 19b tad-Direttiva 2013/34/UE li jintużaw minn emittenti ta’ pajjiżi terzi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(3). Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-istandards kontabilistiċi jew l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ pajjiż terz ma jkunux ekwivalenti, tista’ tippermetti lill-emittenti kkonċernati jkomplu jużaw dawn l-istandards kontabilistiċi matul perjodu tranżizzjonali xieraq.
Fil-kuntest tat-tielet subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll, permezz ta’ atti delegati adottati f’konformità mal-paragrafi 2a, 2b u 2c tal-Artikolu 27, u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 27a u 27, miżuri mmirati lejn l-istabbiliment ta’ kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-istandards kontabilistiċi u tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà rilevanti għall-emittenti ta’ aktar minn pajjiż wieħed.”;
(4)jiddaħħal l-Artikolu 28(d) li ġej:
“Artikolu 28d
Linji gwida tal-ESMA
Wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 1095/2010 dwar is-superviżjoni tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
Artikolu 3
Emendi għad-Direttiva 2006/43/KE
Id-Direttiva 2006/43/KE hija emendata kif ġej:
(1)L-Artikolu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar l-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u konsolidati u l-assigurazzjoni tar-rapportar annwali u konsolidat dwar is-sostenibbiltà, fejn dan jitwettaq mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-verifika li twettaq il-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji.”;
(2)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punti 2 u 3 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“2. “awditur statutorju” tfisser persuna fiżika approvata f’konformità ma’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji u inkarigi ta’ assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;
3. “ditta tal-verifika” tfisser persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun approvata f’konformità ma’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji u inkarigi ta’ assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;”
(b)jiżdiedu l-punti 21 u 22 li ġejjin:
“21. “rapportar dwar is-sostenibbiltà” tfisser rapportar dwar is-sostenibbiltà kif iddefinit fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE;
“22. “assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà” tfisser l-opinjoni espressa mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-verifika f’konformità mal-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (aa) u mal-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/34/UE.”;
(3)l-Artikoli 6 u 7 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“Artikolu 6
Kwalifiki edukattivi
Bla preġudizzju għall-Artikolu 11, persuna fiżika tista’ tiġi approvata sabiex twettaq verifika statutorja u inkarigu ta’ assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà biss wara li tkun laħqet il-livell meħtieġ għad-dħul fl-università jew livell ekwivalenti, tkun imbagħad lestiet kors ta’ tagħlim teoretiku, tkun għamlet taħriġ prattiku u għaddiet minn eżami ta’ kompetenza professjonali fil-livell tal-eżamijiet finali tal-università jew livell ekwivalenti, organizzat jew rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.
L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 32 għandhom jikkooperaw ma’ xulxin bl-għan li tinkiseb konverġenza tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Meta jimpenjaw ruħhom f’tali kooperazzjoni, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu żviluppi fil-verifika u fil-professjoni tal-verifika, u, b’mod partikolari, il-konverġenza li tkun diġà ntlaħqet mill-professjoni. Għandhom jikkooperaw mal-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) u mal-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 sa fejn it-tali konverġenza tkun relatata mal-verifika statutorja u mal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.
Artikolu 7
Eżami tal-kompetenza professjonali
L-eżami tal-kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 6 għandu jiżgura l-livell meħtieġ ta’ għarfien teoretiku tas-suġġetti relevanti għall-verifika statutorja u għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-abbiltà ta’ applikazzjoni tat-tali għarfien fil-prattika. Tal-anqas parti minn dak l-eżami għandha tkun bil-miktub.”;
(4)L-Artikolu 8(1) huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (bb) li ġej:
“(bb)
ir-rekwiżiti u l-istandards legali li jirrigwardaw il-preparazzjoni tal-kontijiet annwali u konsolidati dwar is-sostenibbiltà;”;
(b)jiddaħħal il-punt (cc) li ġej:
“(cc)
standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;”;
(c)jiddaħħal il-punt (dd) li ġej:
“(dd)
analiżi tas-sostenibbiltà;”;
(d)jiddaħħal il-punt (ff) li ġej:
“(ff)
proċessi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;”;
(e)jiddaħħal il-punt (ii) li ġej:
“(ii)
standards tal-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà kif imsemmijin fl-Artikolu 26a;”;
(f)il-punt (h) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(h)
rekwiżiti legali u standards professjonali li jirrigwardaw il-verifika statutorja u l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-awdituri statutorji;”;
(5)fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1.
Sabiex tiżgura l-kapaċità ta’ applikazzjoni tal-għarfien teoretiku fil-prattika, li test tagħha jkun inkluż fl-eżami, it-trainee għandha tlesti minimu ta’ taħriġ prattiku ta’ tliet snin fost l-oħrajn fil-verifika ta’ rapporti annwali, ta’ rapporti finanzjarji konsolidati jew ta’ rapporti finanzjarji simili u fl-assigurazzjoni ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali u konsolidat. Tal-anqas żewġ terzi tat-tali taħriġ prattiku għandu jsir ma’ awditur statutorju jew ma’ ditta tal-verifika approvati fi kwalunkwe Stat Membru.”;
(6)fl-Artikolu 11, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(a) li, għal 15-il sena, kienet involuta f’attivitajiet professjonali li tawha esperjenza suffiċjenti fl-oqsma tal-finanzi, tal-liġi u tal-kontabilità, u fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u għaddiet mill-eżami tal-kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 7, jew”;
(7)fl-Artikolu 14, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“It-test tal-aptitudni għandu jsir f’waħda mil-lingwi permessi mir-regoli dwar il-lingwi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat. Għandu jkopri biss l-għarfien adegwat tal-awditur statutorju tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ dak l-Istat Membru ospitanti sa fejn ikun rilevanti għall-verifiki statutorji u għall-inkarigi ta’ assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(8)jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:
“Artikolu 14a
Awdituri statutorji approvati jew rikonoxxuti qabel l-1 ta’ Jannar 2023
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji li jkunu approvati jew rikonoxxuti sabiex iwettqu verifiki statutorji qabel l-1 ta’ Jannar 2023 ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikoli 6, 7, 10, 11 u 14 ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji approvati qabel l-1 ta’ Jannar 2023 jiksbu l-għarfien neċessarju fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz tar-rekwiżit ta’ edukazzjoni kontinwa fl-Artikolu 13.”;
(9)l-Artikolu 24b huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-verifika statutorja u l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jsiru minn ditta tal-verifika, dik id-ditta tal-verifika taħtar tal-anqas sieħeb ewlieni wieħed tal-verifika. Id-ditta tal-verifika għandha tipprovdi lis-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika b’riżorsi suffiċjenti u b’persunal li jkollu l-kompetenza u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod xieraq.
L-assigurazzjoni tal-kwalità, tal-indipendenza u tal-kompetenza tal-verifika għandha tkun il-kriterju ewlieni meta d-ditta tal-verifika tagħżel is-sieħeb jew is-sħab ewlenin tal-verifika. Is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-twettiq tal-verifika statutorja u fl-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a. Meta jwettaq l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-awditur statutorju għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-inkarigu u għandu jassenja biżżejjed riżorsi sabiex ikun jista’ jaqdi dmirijietu b’mod xieraq.”;
(c)fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(c) it-tariffi mitlubin għall-verifika statutorja, għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u t-tariffi mitlubin għal servizzi oħrajn fi kwalunkwe sena finanzjarja.”;
(d)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“5. Awditur statutorju jew ditta tal-verifika għandha toħloq fajl tal-verifika għal kull verifika statutorja. Il-fajl tal-verifika għandu jinkludi wkoll informazzjoni relatata mal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fejn applikabbli.”;
(10)L-Artikolu 25 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 25
Tariffi għall-verifika
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu istitwiti regoli adegwati sabiex jipprovdu li t-tariffi għall-verifiki statutorji u għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà:
(a) ma jkunux influwenzati jew iddeterminati mill-għoti ta’ servizzi oħra lill-entità vverifikata;
(b) ma jistgħu jkunu bbażati fuq l-ebda forma ta’ kontinġenza.”;
(11)jiddaħħal l-Artikolu 25b li ġej:
“Artikolu 25b
Etika Professjonali, Indipendenza, Oġġettività, Kunfidenzjalità u Segretezza Professjonali fir-rigward tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà
Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 21 sa 24a fir-rigward tal-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(12)jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej:
“Artikolu 26a
Standards tal-assigurazzjoni għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà
1.
L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jwettqu l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-istandards tal-assigurazzjoni adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 2.
L-Istati Membri għandhom japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-assigurazzjoni dment li l-Kummissjoni ma tkunx adottat standard tal-assigurazzjoni li jkopri l-istess suġġett.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-proċeduri jew ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni lill-Kummissjoni tal-anqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.
2.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 48a, l-istandards tal-assigurazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 sabiex tistabbilixxi l-proċeduri li l-awditur għandu jwettaq sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-ippjanar tal-inkarigu, il-kunsiderazzjoni tar-riskji u r-rispons għar-riskji u t-tip ta’ konklużjonijiet li għandhom jiġu inklużi fir-rapport tal-verifika.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandards tal-assigurazzjoni biss jekk:
(a) ikunu ġew żviluppati bi proċess ġust xieraq, b’sorveljanza pubblika u bi trasparenza;
(b) jagħtu livell għoli ta’ kredibbiltà u ta’ kwalità lir-rapportar annwali jew konsolidat dwar is-sostenibbiltà;
(c) jikkontribwixxu għall-ġid pubbliku tal-Unjoni.”;
3.
Meta l-Kummissjoni tadotta standards għal assigurazzjoni raġonevoli, l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (aa) tad-Direttiva 2013/34/UE għandha tkun ibbażata fuq impenn ta’ assigurazzjoni raġonevoli.”;
(13)jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:
“Artikolu 27a
Assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà konsolidat
Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 27 fir-rigward tal-awditjar tar-rapporti finanzjarji konsolidati għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà konsolidat.”;
(14)l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. L-awditur jew l-awdituri statutorji jew id-ditta jew id-ditti tal-verifika għandhom jippreżentaw ir-riżultati tal-verifika statutorja u, fejn applikabbli, tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’rapport tal-verifika. Ir-rapport għandu jitħejja f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandards tal-verifika adottati mill-Unjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 26 u mar-rekwiżiti tal-istandards tal-assigurazzjoni adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 26a.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:
“(aa) jispeċifika r-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew konsolidat u d-data u l-perjodu li jkopri; u jidentifika l-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li ġie applikat fit-tħejjija tiegħu;”;
(ii)jiddaħħal il-punt (bb) li ġej:
“(bb) jinkludi deskrizzjoni tal-ambitu tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li, bħala minimu, għandu jidentifika l-istandards tal-assigurazzjoni li f’konformità magħhom tkun twettqet l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;”;
(c)fil-paragrafu 2, il-punt (e) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(e) jinkludi opinjoni u dikjarazzjoni, li għandhom ikunu bbażati fuq il-ħidma mwettqa matul l-awditjar, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, fejn applikabbli;”;
(d)fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-verifika statutorja għandhom japplikaw għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(e)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Ir-rapport tal-verifika għandu jiġi ffirmat u datat mill-awditur statutorju. Meta ditta tal-verifika twettaq il-verifika statutorja u, fejn applikabbli, l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, ir-rapport tal-verifika għandu jkun iffirmat tal-anqas mill-awditur(i) statutorju/i li jwettqu l-awditu statutorju u l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’isem id-ditta tal-awditjar. Fejn ikunu tqabbdu aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-verifika waħda, ir-rapport tal-awditjar għandu jiġi ffirmat mill-awdituri statutorji kollha jew tal-anqas mill-awdituri statutorji li jwettqu l-verifika statutorja u l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’isem kull ditta tal-verifika. F’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li ma hemmx l-obbligu li t-tali firma/firem jiġu ddivulgati lill-pubbliku jekk tali divulgazzjoni tista’ twassal għal periklu imminenti u sinifikattiv għas-sigurtà personali ta’ kwalunkwe persuna.”;
(f)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“5. Ir-rapport tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-verifika dwar ir-rapporti finanzjarji konsolidati u, fejn applikabbli, dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4. Fir-rapportar dwar il-konsistenza tar-rapport dwar il-ġestjoni u tar-rapporti finanzjarji kif meħtieġ mill-punt (e) tal-paragrafu 2, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-verifika għandha tikkunsidra r-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapport dwar il-ġestjoni konsolidat. Fejn ir-rapporti finanzjarji annwali tal-impriża omm jkunu mehmużin mar-rapporti finanzjarji konsolidati, ir-rapporti tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-verifika meħtieġa minn dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkombinati.”
(15)l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(d) il-persuni li jwettqu r-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikollhom edukazzjoni professjonali adegwata u esperjenza relevanti fil-verifika statutorja u fir-rapportar finanzjarju u fl-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà flimkien ma’ taħriġ speċifiku dwar ir-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità;”;
(b)fil-paragrafu 1, il-punt (h) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(h) ir-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom isiru fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u, fil-każ ta’ awdituri statutorji u ta’ ditti tal-verifika li jwettqu verifiki statutorji kif iddefinit fil-punt 1(a) tal-Artikolu 2 u, fejn applikabbli, li jwettqu inkarigi ta’ assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, tal-anqas kull sitt snin;”;
(c)fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(a) ir-rieżaminaturi għandu jkollhom edukazzjoni professjonali adegwata u esperjenza relevanti fil-verifika statutorja u fir-rapportar finanzjarju u fl-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà flimkien ma’ taħriġ speċifiku dwar ir-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità;”;
(16)jiddaħħal l-Artikolu 30(g) li ġej:
“Artikolu 30g
Investigazzjonijiet u Sanzjonijiet fir-rigward tal-Assigurazzjoni tar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà
Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 30 sa 30f fir-rigward tal-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(17)jiddaħħal l-Artikolu 36(a) li ġej:
“Artikolu 36a
Sorveljanza Pubblika u Arranġamenti Regolatorji bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà
Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 32, 33, 34 u 36 fir-rigward tal-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(18)jiddaħħal l-Artikolu 38a li ġej:
“Artikolu 38a
Ħatra u tkeċċija fir-rigward tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà
Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 37 u 38 fir-rigward tal-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw għall-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(19)fl-Artikolu 39(6), il-punti (a) sa (e) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“(a) jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità vverifikata bl-eżitu tal-verifika statutorja u bl-eżitu tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jispjega kif il-verifika statutorja u l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkontribwew għall-integrità tar-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà u x’kien ir-rwol tal-kumitat tal-verifika f’dak il-proċess;
(b) jimmonitorja l-proċess ta’ rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà, inkluż il-proċess ta’ rapportar diġitali msemmi fl-Artikolu 19d u l-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards adottati skont l-Artikolu 19b tad-Direttiva 2013/34/UE, u jissottometti rakkomandazzjonijiet jew proposti sabiex jiżgura l-integrità tiegħu;
(c) jimmonitorja l-effettività tas-sistemi interni tal-kontroll tal-kwalità u tal-immaniġġjar tar-riskji tal-impriża u, fejn applikabbli, il-verifika interna tagħha, fir-rigward tar-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà tal-entità vverifikat, inkluż ir-rapportar diġitali tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 19d, mingħajr ma tinkiser l-indipendenza tiegħu;”
(d) jimmonitorja l-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati u tal-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali u konsolidat, b’mod partikolari, il-prestazzjoni tiegħu, filwaqt li jieħu kont ta’ kwalunkwe riżultat u konklużjoni mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014;
(e) jeżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-verifiki statutorji jew id-ditti tal-verifika f’konformità mal-Artikoli 22, 22a, 22b, 24a, 24b u 25b ta’ din id-Direttiva, u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, u b’mod partikolari kemm ikun adatt l-għoti ta’ servizzi addizzjonali lill-entità vverifikata f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament;”;
(20)l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom, f’konformità mal-Artikoli 15, 16 u 17, jirreġistraw lil kull awditur u entità tal-verifika minn pajjiż terz, fejn dak l-awditur jew dik l-entità tal-verifika minn pajjiż terz jipprovdu rapport tal-verifika li jikkonċerna r-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati u, fejn applikabbli, jikkonċernaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew konsolidat ta’ impriża inkorporata barra l-Unjoni li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat ta’ dak l-Istat Membru fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, minbarra meta l-impriża inkwistjoni tkun emittent esklużiv ta’ titoli ta’ dejn pendenti li għalihom tapplika waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
dawk it-titoli kienu ammessi għan-negozjar f’suq regolat fi Stat Membru fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*19 qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u d-denominazzjoni tiegħu għal kull unità, li fid-data tal-ħruġ, hija tal-anqas EUR 50 000 jew, fil-każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-inqas EUR 50 000;
(b)
dawk it-titoli jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat fi Stat Membru fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE mill-31 ta’ Diċembru 2010 li d-denominazzjoni tiegħu għal kull unità, li fid-data tal-ħruġ, hija tal-inqas EUR 100 000 jew, f’każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-anqas EUR 100 000.”;
(b)fil-paragrafu 5, jiddaħħal il-punt (dd) li ġej:
“(dd)
l-assigurazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew konsolidat imsemmi fil-paragrafu 1 titwettaq f’konformità ma’ standards internazzjonali tal-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 26, kif ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 22b, 25 u 25b;”;
(c)il-paragrafu 5a huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“5a.
Stat Membru jista’ jirreġistra awditur minn pajjiż terz biss jekk l-awditur jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (c), (d), (dd) u (e) tal-paragrafu 5.
_______________________________________________________________
(21)l-Artikolu 48a huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:
“Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 26a(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 26(3), 26a(2), 45(6), 46(2) u 47(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.”;
(c)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 26(3), 26a(2), 45(6), 46(2) u 47(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”
Artikolu 4
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 537/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 huwa emendat kif ġej:
(22)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)
l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“1. Awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq awditu statutorju u, fejn applikabbli, il-garanzija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entità ta’ interess pubbliku, jew kwalunkwe membru tan-network li minnu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tagħmel parti, ma għandhomx jipprovdu direttament jew indirettament lill-entità awditjata, lill-impriża ewlenija tagħha jew lill-impriżi kkontrollati tagħha fl-Unjoni, kwalunkwe servizz mhux tal-awditjar ipprojbit:
(a) fil-perjodu bejn il-bidu tal-perjodu awditjat u l-ħruġ tar-rapport tal-awditjar; u
(b) fis-sena finanzjarja immedjatament qabel il-perjodu msemmi fil-punt (a) b’rabta mas-servizzi elenkati fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu.”;
(ii)
fit-tieni subparagrafu, jiżdied il-punt (l) li ġej:
“(l) servizzi ta’ konsulenza għat-tħejjija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iwettqu l-garanzija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;
(b)jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:
“6. Il-paragrafi 4 u 5 li jirreferu għall-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw għall-garanzija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fejn applikabbli.”
(23)fl-Artikolu 14, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(b) dħul minn servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikolu 5(1) li huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali, filwaqt li jiġi speċifikat id-dħul mill-garanzija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà; u,”.
Artikolu 5
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 3 ta’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Diċembru 2022. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu li d-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 6
Data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4
L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva għandu japplika mis-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
.
Artikolu 8
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Madankollu, l-Artikolu 4 għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President