IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2021
COM(2021) 187 final
2018/0191(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus +”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2018/0191 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus +”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Id-data meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018) 367 final – 2018/0191 COD)
|
30 ta’ Mejju 2018
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta
|
6 ta’ Frar 2019
|
|
Id-data meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta
|
19 ta’ Ottubru 2018
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari
|
28 ta’ Marzu 2019
|
|
Id-data tal-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali
|
26 ta’ Novembru 2018
|
|
Id-dati tat-trilogi
|
7 ta’ Ottubru 2019
19 ta’ Novembru 2019
9 ta’ Diċembru 2019
7 ta’ Diċembru 2020
11 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-ftehim ta’ kompromess
|
18 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data meta l-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess
|
11 ta’ Jannar 2021
|
|
Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti adotta l-pożizzjoni tal-Kunsill (il-Punt I/A)
|
31 ta’ Marzu 2021
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
|
13 ta’ April 2021
|
2.L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-programm “Erasmus+” huwa wieħed mill-istrumenti ta’ finanzjament fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 immirati lejn l-investiment fil-persuni, fil-koeżjoni soċjali u fil-valuri. Il-Kummissjoni pproponiet baġit globali ta’ EUR 30 biljun.
L-għan ġenerali tal-programm “Erasmus+” huwa li jappoġġa, permezz tal-apprendiment tul il-ħajja, l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-persuni fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport, fl-Ewropa u lil hinn minnha, u b’hekk jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli, għal impjiegi ta’ kwalità u għall-koeżjoni soċjali, filwaqt li jixpruna l-innovazzjoni u jsaħħaħ l-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva. Il-programm huwa mibni madwar tliet azzjonijiet ewlenin: (1) il-mobbiltà għat-tagħlim; (2) il-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet; u (3) l-appoġġ għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-politika. In-natura integrata tal-programm, li jkopri tagħlim formali, mhux formali u informali, toffri opportunitajiet ta’ tagħlim fl-istadji kollha tal-ħajja.
F’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm ta’ qabel u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, il-programm Erasmus+ il-ġdid iżomm l-istabbiltà, filwaqt li joffri titjib kif ukoll miżuri u azzjonijiet ġodda, li jirriflettu ambizzjoni usa’ tal-aġenda politika l-ġdida tal-UE. Il-programm sostanzjalment imsaħħaħ, inklużiv u estiż iżid il-mobbiltà u l-iskambji.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew
Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, adottata fit-28 ta’ Marzu 2019, issuġġeriet li jsiru emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari:
–Isem: jinżamm l-isem Erasmus+ (minflok Erasmus kif propost mill-Kummissjoni);
–Baġit: jiġi ttriplikat il-baġit; reviżjoni tat-tqassim settorjali (l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiżdiedu minn 21 għal 23 %; l-edukazzjoni skolastika tiżdied minn 15,2 għal 15,6 %; l-edukazzjoni għall-adulti tiżdied minn 4,8 sa 6 %; l-isport jiżdied minn 1,8 għal 2 %); l-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew; profil tal-infiq lineari matul is-7 snin kollha tal-programm;
–Objettivi: objettivi speċifiċi ġodda dwar il-kooperazzjoni internazzjonali, l-apprendiment tul il-ħajja u l-valur miżjud Ewropew;
–Governanza: atti delegati għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali; matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew speċifika t-talba tiegħu għal soluzzjoni ta’ governanza li tiżgura l-involviment tiegħu f’għażliet politiċi rigward l-implimentazzjoni tal-programm;
–Dimensjoni ta’ inklużjoni msaħħa fil-programm: kapitolu u artikoli awtonomi rigward l-inklużjoni li jirrikjedu li l-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta’ miżuri dwar l-inklużjoni u li l-Aġenziji Nazzjonali jistabbilixxu strateġiji nazzjonali dwar l-inklużjoni; objettivi speċifiċi u indikaturi;
–Il-valur miżjud Ewropew: lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji biex jintwera l-valur miżjud Ewropew tal-UE tal-azzjonijiet tal-programm;
–DiscoverEU: l-ambitu jiġi estiż minn min għandu 18-il sena għal min għandu bejn it-18 u l-20 sena;
–L-Universitajiet Ewropej u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali jenħtieġ li jinvolvu mill-inqas entità waħda stabbilita fi Stat Membru;
–Studenti adulti: tiġi miżjuda l-mobbiltà individwali taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 (mobbiltà għat-tagħlim);
–Azzjoni Ewlenija tal-Isport 1 (mobbiltà għat-tagħlim): tiġi estiża l-mobbiltà għat-tagħlim individwali biex tkopri liż-żgħażagħ li jipprattikaw l-isport f’ambjent organizzat u l-mobbiltà internazzjonali għall-persunal sportiv;
–Sinerġiji: l-użu tas-“Siġill ta’ eċċellenza” biex jippermetti finanzjament alternattiv taħt il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni;
–Kooperazzjoni internazzjonali: jitħassru r-referenzi għat-tip ta’ pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-programm; jiġu miżjuda taħt l-Azzjoni Ewlenija 2 (kooperazzjoni) referenzi għall-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi; enfasi speċifika fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
–Indikaturi: jiġi sostitwit l-anness b’lista aktar dettaljata ta’ indikaturi.
Il-Parlament Ewropew adotta wkoll dikjarazzjoni politika li takkumpanja l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, li tirriżerva d-dritt tal-Parlament Ewropew li jerġa’ jeżamina l-pożizzjoni tiegħu biex jiżgura li l-attivitajiet ewlenin tal-programm u d-dimensjoni tal-inklużjoni jitwettqu b’mod effettiv f’każ li l-baġit ma jiġix ittriplikat. Din id-dikjarazzjoni saħqet ukoll li l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-Universitajiet Ewropej, għaċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u għal DiscoverEU jkun jiddependi mill-evalwazzjoni tal-fażijiet pilota tagħhom u mid-definizzjoni ulterjuri ta’ kull inizjattiva.
Bħala parti mill-ftehim milħuq fit-trilogi, il-Kummissjoni aċċettat dan li ġej:
–L-isem tal-programm ikun Erasmus+ minflok Erasmus;
–Il-pakkett finanzjarju tal-programm stabbilit ikun ta’ EUR 24.574 biljun fi prezzijiet attwali, b’żieda addizzjonali ta’ EUR 1.7 biljun fi prezzijiet tal-2018. Din iż-żieda tirriżulta mill-aġġustament speċifiku għall-programm previst fl-Artikolu 5 u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (jiġifieri fir-Regolament QFP); allokazzjonijiet baġitarji settorjali kemxejn adattati;
–Anness ġdid li jiddeskrivi b’mod ġenerali l-azzjonijiet tal-programm li jistgħu jiġu emendati permezz ta’ att delegat;
–Id-dimensjoni tal-inklużjoni msaħħa;
–Jiġi miżjud artikolu ġdid dwar il-valur miżjud Ewropew;
–Il-mobbiltà individwali tal-istudenti adulti taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 (mobbiltà għat-tagħlim);
–Jiġi estiż l-ambitu tal-mobbiltà sportiva biex ikopri azzjonijiet internazzjonali;
–Referenza espliċita għas-Siġill ta’ eċċellenza;
–Jiġi kkjarifikat l-artikolu li jirreferi għall-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm;
–Lista estiża u ristrutturata ta’ indikaturi.
Il-Kummissjoni qablet ukoll li toħroġ id-dikjarazzjoni li ġejja rigward baġit indikattiv għall-pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali:
“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja, il-Kummissjoni timpenja ruħha li talloka ammont indikattiv ta’ EUR 400 miljun fi prezzijiet attwali biex tappoġġa l-pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali tul il-programm kollu, dment li l-evalwazzjoni interim tal-programm tikkonferma valutazzjoni pożittiva tar-riżultati tal-azzjoni.”
Wara li l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, huwa mistenni li l-Parlament Ewropew japprova formalment il-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi.
4.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Dawn huma xi wħud mill-iktar bidliet importanti li ġew introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni:
–L-isem tal-programm ikun Erasmus+ minflok Erasmus;
–Il-pakkett finanzjarju tal-programm stabbilit ikun ta’ EUR 24.574 biljun fi prezzijiet attwali, b’żieda addizzjonali ta’ EUR 1.7 biljun fi prezzijiet tal-2018. Din iż-żieda tirriżulta mill-aġġustament speċifiku għall-programm previst fl-Artikolu 5 u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (jiġifieri fir-Regolament QFP);
–It-tqassim tal-baġit jiġi mmodifikat kif ġej:
·Pakkett ġenerali:
·Is-sehem tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jinżel minn 83,1 għal 83 %;
·Is-sehem tal-Isport jiżdied minn 1,8 għal 1,9 %;
·It-tariffi ta’ ġestjoni tal-Aġenziji Nazzjonali jiżdiedu minn 3,2 għal 3,3 %;
·L-ishma fil-baġit tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ:
·Il-mobbiltà tal-istudenti adulti tiżdied minn 4,8 għal 5,8 %;
·L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiżdiedu minn 21 għal 21,5%;
·“Mill-inqas” 1,8% jiġi ddedikat għall-azzjoni Jean Monnet;
·Sehem ta’ “mill-inqas” 17% għal attivitajiet orizzontali u azzjonijiet ġestiti ċentralment, inkluż l-ammont indikattiv ta’ EUR 400 miljun għaċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali deskritti fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni;
·Il-marġni ta’ flessibbiltà jinżel minn 5,5 għal 4,1 %;
–Il-mobbiltà individwali taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 (mobbiltà għat-tagħlim);
–Dimensjoni ta’ inklużjoni msaħħa (kapitolu awtonomu b’żewġ artikoli ġodda);
–Anness ġdid li jiddeskrivi b’mod ġenerali l-azzjonijiet tal-programm, li jippreserva l-flessibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm u li jista’ jiġi emendat permezz ta’ att delegat;
–Lista riveduta u ristrutturata ta’ indikaturi;
–Durata tal-progamm fissa allinjata mad-durata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;
–Jiġu miżjuda dispożizzjonijiet ta’ retroattività;
–Dispożizzjonijiet riveduti dwar il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati u mhux assoċjati mal-programm.
B’mod ġenerali, il-ftehim li ntlaħaq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, iżomm il-livell ta’ ambizzjoni u jippermetti l-flessibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm.
5.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.
6.Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni waħda li tinstab fl-anness.
ANNESS
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja, il-Kummissjoni timpenja ruħha li talloka ammont indikattiv ta’ EUR 400 miljun fi prezzijiet attwali biex tappoġġa l-pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali tul il-programm kollu, dment li l-evalwazzjoni interim tal-programm tikkonferma valutazzjoni pożittiva tar-riżultati tal-azzjoni.