IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.3.2021
COM(2021) 128 final
2018/0209(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013
2018/0209 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013
1.Sfond
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2018) 385 final — 2018/0209 COD):
|
18 ta’ Ġunju 2018
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
17 ta’ Ottubru 2018
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni:
|
9 ta’ Ottubru 2018
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
17 ta’ April 2019
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
16 ta’ Marzu 2021
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
L-objettiv ġenerali tal-proposta kien li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija moderna, nadifa u aktar ċirkolari billi tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-Programm LIFE wara l-2020.
Il-programm LIFE huwa l-uniku fond tal-UE ddedikat biss għall-objettivi ambjentali u klimatiċi. Bil-baġit relattivament modest tiegħu, huwa mmirat lejn niċċa eżistenti bejn il-programmi tal-UE li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq naħa, inklużi l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni tagħhom, u l-programmi tal-UE li jiffinanzjaw l-użu fuq skala kbira fuq in-naħa l-oħra. Għalhekk il-programm jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk bejn l-iżvilupp ta’ għarfien ġdid u l-implimentazzjoni tiegħu.
Il-proposta tressqet wara r-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm LIFE u l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni relatati.
Kienet ibbażata ħafna fuq ir-regolament attwali, b’żieda fid-daqs u fl-ambitu biex tħaddan it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, attwalment iffinanzjata minn Orizzont 2020. Għall-kuntrarju tar-Regolament LIFE attwali, il-proposta ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni dettaljata dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni iżda llimitat lilha nnifisha biex tiddefinixxi l-objettivi usa’ u t-tipi ta’ proġetti.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Tinkorpora d-dispożizzjonijiet orizzontali li ġew iddefiniti fil-qafas tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
F’kuntrast mal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-modifiki ewlenin li ġejjin:
–titneħħa d-durata mhux limitata tal-programm;
–tiġi proposta applikazzjoni retroattiva tar-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021, biex jiġi evitat vojt ġuridiku qabel l-adozzjoni tiegħu;
–jiġu inklużi l-mira klimatika speċifika għall-programm u r-referenza għall-ambizzjoni fil-qasam tal-bijodiversità;
–jitnaqqas il-pakkett tal-baġit, skont l-ammont previst fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni;
–tiġi rraffinata l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament kumulattiv u alternattiv biex tippermetti l-applikazzjoni tas-siġill ta’ eċċellenza mingħajr diffikultà;
–jiġi limitat l-appoġġ għal ftehimiet internazzjonali għall-organizzazzjoni ta’ konferenzi multilaterali;
–titneħħa d-dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ konsorzji fis-sejħa għall-proposti, skont il-prattika attwali, u
–titneħħa r-responsabilizzazzjoni tal-Kummissjoni għad-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet supplimentari biex pajjiżi terzi jipparteċipaw fil-programm.
B’mod ġenerali, il-ftehim jirrappreżenta eżitu bbilanċjat bejn il-pożizzjonijiet tal-koleġiżlaturi, jippreserva l-objettivi inizjali tal-Kummissjoni, u jżomm livell ta’ ambizzjoni simili għal dak li hemm fil-proposta tal-Kummissjoni.
4.Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għamlet tliet dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-anness.
5.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.
APPENDIĊI
Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni
(1)Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-logo speċifiku għall-programm
Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-koleġiżlaturi ddeċidew li jinżamm il-logo tal-LIFE. Dan imur kontra l-approċċ orizzontali li ma jintużawx logos speċifiċi għall-programm fl-ambitu tal-baġit fit-tul futur. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiżgura li l-Ewropej jirrelataw mal-Unjoni kollha kemm hi, billi l-programmi differenti tagħha jkunu jużaw l-emblema Ewropea unika.
Din l-emblema hi komuni għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u se tkun parti importanti mir-rekwiżiti tal-komunikazzjoni u tal-viżibbiltà sempliċi, koerenti u vinkolanti fil-programmi kollha.
Sabiex jintlaħaq ftehim ġenerali dwar il-programm, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li żżomm il-logo ta’ LIFE diment li dan jibqa’ limitat għall-Programm LIFE tul il-perjodu ta’ programmazzjoni kkonċernat.
Il-Kummissjoni tibqa’ konvinta li l-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE lejn pubbliku wiesa’ jkunu aktar effettivi mingħajr logos speċifiċi għall-programm. Il-Kummissjoni tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-koleġiżlaturi biex turi dan kollu ferm qabel in-negozjati tal-perjodu ta’ programmazzjoni sussegwenti.
(2)Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klawżola ta’ “l-ebda opinjoni”
Il-Kummissjoni tfakkar li meta l-leġiżlatur ma jsegwix il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 182/2011, jenħtieġ li jiġġustifika l-għażla tiegħu għal proċedura differenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-kundizzjoni għal rikors għal proċedura ta’ eżaminazzjoni, li hija li l-att ta’ implimentazzjoni għandu “implikazzjonijiet sostanzjali”, hija relatata mal-ammont tal-baġit involut u li din il-kundizzjoni mhix issodisfata fil-każ tal-Programm LIFE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li wieħed ikun qed imur kontra l-kliem u t-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13) meta jinvoka l-Artikolu 5 § 4, subparagrafu 2, punt b), b’mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jwieġeb għal ħtieġa speċifika ta’ devjazzjoni mir-regola ta’ prinċipju, jiġifieri li l-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Peress li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 5(4), ir-rikors għas-subparagrafu 2, punt b) ma jistax jidher sempliċiment bħala “setgħa diskrezzjonali” tal-leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b’mod ristrett u għalhekk għandu jiġi ġġustifikat.
(3)Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-programm LIFE għall-ambizzjoni fil-qasam tal-bijodiversità
Skont il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (2018/2070 (ACI)), il-Kummissjoni se tistabbilixxi, b’kooperazzjoni mal-Kunsill u l-Parlament, metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva għall-monitoraġġ tal-infiq fil-qasam tal-bijodiversità għall-fini ta’ ħidma favur l-ambizzjoni li jiġu pprovduti 7.5 % tal-infiq annwali taħt il-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità fis-sena 2024 u 10 % tal-infiq annwali taħt il-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u 2027.
Wara d-definizzjoni ta’ din il-metodoloġija, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta’ Lulju 2022, il-kontribuzzjonijiet tar-Regolament LIFE għall-ambizzjoni fil-qasam tal-bijodiversità. L-infiq tal-Programm LIFE dwar l-objettivi tal-bijodiversità se jiġi rrappurtat kull sena fid-dikjarazzjonijiet tal-infiq operazzjonali tal-programm. Il-kontribuzzjoni tiegħu għall-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet se tiġi analizzata fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ nofs it-terminu previst fl-2024 u msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament LIFE”.