IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.3.2021
COM(2021) 123 final
2018/0331(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
F’konformità mal-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online
1.Il-kuntest
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM/2018/640 final – 2018/0331 COD)
|
it-12 ta’ Settembru 2018
|
|
Id-data tal-ftehim tal-Kunsill dwar mandat ta’ negozjar
|
is-6 ta’ Diċembru 2018
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari
|
is-17 ta’ April 2019
|
|
Data tat-trilogu 1
|
is-17 ta’ Ottubru 2019
|
|
Data tat-trilogu 2
|
l-20 ta’ Novembru 2019
|
|
Data tat-trilogu 3
|
it-12 ta’ Diċembru 2019
|
|
Data tat-trilogu 4
|
l-24 ta’ Settembru 2020
|
|
Dati tat-trilogu 5
|
id-29 ta’ Ottubru 2020
|
|
Data tat-trilogu 6 (finali)
|
l-10 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data tal-ftehim politiku fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti
|
is-16 ta’ Diċembru 2020
|
|
Id-data meta l-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess
|
il-11 ta’ Jannar 2021
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
|
is-16 ta’ Marzu 2021
|
2.L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
L-attakki terroristiċi fuq it-territorju tal-UE wrew kif it-terroristi jużaw l-internet b’mod ħażin biex jikkundizzjonaw u jirreklutaw partitarji, biex iħejju u jiffaċilitaw l-attività terroristika, biex jigglorifikaw l-atroċitajiet tagħhom u jħeġġu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess u jniedu l-biża’ fil-pubbliku ġenerali.
Kontenut terroristiku maqsum online għal dawn l-iskopijiet jinxtered permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jippermettu li jittella’ kontenut ta’ partijiet terzi. It-terroristi u l-appoġġaturi tagħhom użaw b’mod ħażin mhux biss pjattaformi kbar tal-midja soċjali, iżda wkoll fornituri iżgħar li joffru tipi differenti ta’ servizzi ta’ hosting aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea. Dan l-użu ħażin ta’ ċerti servizzi online jenfasizza r-responsabbiltà soċjetali partikolari tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jipproteġu lill-utenti tagħhom mill-esponiment għal kontenut terroristiku u r-riskji serji għas-sigurtà li dan il-kontenut jinvolvi għas-soċjetà inġenerali.
Il-proposta tal-Kummissjoni kienet li jiġi stabbilit qafas legali armonizzat biex jiġi evitat l-użu ħażin tas-servizzi ta’ hosting għat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online, biex jiġi garantit il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali, filwaqt li tiġi salvagwardjata s-sigurtà pubblika u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali.
Ir-Regolament propost għandu l-għan li jipprovdi ċarezza dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jieħdu l-azzjonijiet xierqa, raġonevoli u proporzjonati kollha meħtieġa biex jiżguraw is-sikurezza tas-servizzi tagħhom u biex b’mod rapidu u effettiv jidentifikaw u jneħħu kontenut terroristiku online. Tali azzjonijiet jinkludu t-tneħħija tal-kontenut fi żmien siegħa mir-riċevuta ta’ ordni ta’ tneħħija u miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting b’mod proattiv biex jipproteġu s-servizzi tagħhom.
Fl-istess ħin, ir-Regolament propost fih għadd ta’ salvagwardji mfassla biex jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, f’soċjetà demokratika. Dawn is-salvagwardji jinkludu obbligi ta’ trasparenza kif ukoll mekkaniżmi ta’ lment biex jiġi żgurat li l-fornituri tal-kontenut ikunu jistgħu jikkontestaw it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-kontenut tagħhom, flimkien mar-rimedju ġudizzjarju f’konformità mal-Artikolu 19 tat-TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
L-obbligi fuq l-Istati Membri li jinsabu fir-Regolament propost se jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi, billi jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti, iżidu l-prevedibbiltà u t-trasparenza, jiggarantixxu salvagwardji adegwati u jiżguraw li n-nuqqas ta’ konformità mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi sanzjonat permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni fl-10 ta’ Diċembru 2020. L-iktar differenzi importanti bejn il-proposta tal-Kummissjoni u t-test maqbul politikament huma dawn li ġejjin:
–Ambitu: Kjarifika li l-materjal imxerred għal finijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka jew għall-finijiet tal-prevenzjoni jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma għandux jitqies bħala kontenut terroristiku, u li valutazzjoni għandha tiddetermina l-iskop veru tat-tixrid.
–Kjarifika li r-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, kif ukoll li għal servizzi tal-midja awdjoviżiva din id-direttiva tal-aħħar tipprevali f’każijiet ta’ kunflitt. Premessa tiċċara li dan ma jaffettwax l-obbligi għall-fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing skont ir-Regolament.
–Speċifikazzjoni li r-Regolament japplika biss għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jxerrdu informazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri għal għadd potenzjalment illimitat ta’ persuni.
–Definizzjonijiet: Id-definizzjoni ta’ “kontenut terroristiku” teskludi materjal li “jippromwovi” l-attivitajiet ta’ gruppi terroristiċi u hija allinjata aktar mill-qrib mar-reati rilevanti fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
–Ordnijiet ta’ tneħħija: L-iskadenza ta’ massimu ta’ siegħa biex il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ineħħu/jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut terroristiku tinżamm, iżda l-awtorità kompetenti trid tinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting 12-il siegħa qabel l-ewwel ordni ta’ tneħħija, ħlief f’każijiet ta’ urġenza. Barra minn hekk, f’każijiet ta’ raġunijiet tekniċi jew operazzjonali oġġettivament ġustifikabbli li jagħmluha impossibbli li wieħed jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija, l-iskadenza tiġi sospiża.
–Dritt ta’ skrutinju/proċedura għal ordnijiet ta’ tneħħija transfruntiera: Filwaqt li l-Istati Membri kollha huma intitolati li joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija lil kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tiegħu, artikolu ġdid dwar il-proċeduri għal ordnijiet ta’ tneħħija transfruntiera (l-Artikolu 4) jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru “ospitanti” (jiġifieri, l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jew fejn għandu r-rappreżentant legali tiegħu) li tiskrutinizza ordni ta’ tneħħija biex tiddetermina jekk dan jinkludix ksur manifest jew serju tad-drittijiet fundamentali jew ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-fornituri tal-kontenut għandhom id-dritt li jitolbu rieżami tal-ordni ta’ tneħħija minn dik l-awtorità kompetenti, f’liema każ dik l-awtorità tkun obbligata twettaq l-iskrutinju u tistabbilixxi s-sejbiet tagħha f’deċiżjoni. Meta l-iskrutinju jwassal għal sejbiet ta’ ksur manifest jew serju, l-ordni ta’ tneħħija ma jibqax ikollha effett legali u l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jibqax taħt obbligu li jneħħi l-materjal u fil-prinċipju jenħtieġ li jerġa’ jdaħħlu.
–Miżuri speċifiċi: Il-kontenut tal-Artikoli 3, 6 u 9 tal-proposta ġie aġġustat u amalgamat f’artikolu wieħed li jistabbilixxi l-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw it-tixrid ta’ kontenut terroristiku. Dawn l-obbligi japplikaw biss għal dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li l-awtorità kompetenti sabet li huma esposti għal kontenut terroristiku. Għalkemm l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jieħdu miżuri addizzjonali, l-għażla tal-miżuri speċifiċi biex jiġi indirizzat il-kontenut terroristiku tibqa’ f’idejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, li ma jistgħux ikunu obbligati jużaw għodod awtomatizzati.
–Riferimenti: L-Artikolu dwar ir-riferimenti (jiġifieri, mekkaniżmu għas-sottomissjoni ta’ avviżi li jwissu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ta’ kontenut terroristiku għall-konsiderazzjoni volontarja tal-fornituri kontra t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom) li jinsab fil-proposta tal-Kummissjoni tħassar. Madankollu, premessa tiċċara li l-istrument tar-riferimenti jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u l-Europol.
–Awtoritajiet kompetenti: L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ma jfittxux jew ma jirċevux struzzjonijiet u li jaġixxu b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju, filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.
–Penali: L-Artikolu dwar il-penali jinkludi l-possibbiltà espliċita għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jimponux penali jew le f’każijiet individwali, b’kont meħud ta’ ċirkostanzi bħan-natura u d-daqs tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat, il-grad ta’ ħtija tiegħu għall-ksur u l-miżuri tekniċi u organizzattivi li seta’ ħa biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament.
–Dispożizzjonijiet finali: il-perjodu ta’ żmien għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ġie estiż għal 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, filwaqt li l-perjodu ta’ żmien għall-evalwazzjoni tar-Regolament tqassar għal sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
Il-Kummissjoni tqis li, b’mod ġenerali, il-ftehim politiku milħuq, kif rifless fil-pożizzjoni tal-Kunsill, jippreserva l-objettivi prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq. B’mod partikolari, it-test maqbul jikkostitwixxi approċċ ibbilanċjat li jiżgura li l-kontenut terroristiku online jiġi indirizzat b’mod effettiv, li jiġi previst sett komprensiv ta’ salvagwardji għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting attivi fis-suq intern ikunu soġġetti għal regoli uniformi u proporzjonati.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.