IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.3.2021
COM(2021) 111 final
2021/0056(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2021/92 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2021 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk mhux tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Normalment dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati diversi drabi fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma mfassla f’konformità mal-objettivi u mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-obbligi tal-Unjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku l-ġdid tal-PKS.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: il-PKS hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta tqis ir-reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati, il-Kunsilli Konsultattivi, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Proposta hija bbażata fuq il-parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES).
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarji.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-emendi proposti għandhom l-għan li jimmodifikaw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 kif deskritt hawn taħt.
Iċ-ċiċċirell huwa speċi b’ħajja qasira u l-parir xjentifiku jkun disponibbli fit-tieni nofs ta’ Frar, filwaqt li s-sajd jibda f’April. Fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92, il-limiti tal-qabdiet totali permissibbli (TAC) ġew stabbiliti għal żero. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan jiġi emendat f’konformità mal-aħħar parir xjentifiku tal-ICES.
2021/0056 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2021/92 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-2021 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk mhux tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
(2)Fir-Regolament (UE) 2021/92, il-qabdiet totali permissibbli (“TAC”) għaċ-ċiċċirell fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES, ġew stabbiliti għal żero sakemm jiġi ppubblikat il-parir xjentifiku, ipprovduta mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”), li ġie disponibbli fil-25 ta’ Frar 2021. Iċ-ċiċċirell huwa speċi b’ħajja qasira u għaldaqstant is-sajd jibda fl-1 ta’ April, ftit wara l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku.
(3)Jenħtieġ li l-limiti tal-qbid taċ-ċiċċirell fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES jiġu emendati f’konformità mal-aħħar parir xjentifiku tal-ICES.
(4)Ir-Regolament (UE) 2021/92 jistabbilixxi opportunitajiet preliminari tas-sajd għall-ewwel kwart tal-2021. Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tiegħu jistabbilixxi projbizzjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2021 għall-bastimenti li jistadu għaċ-ċiċċirelli bl-użu ta’ ċertu rkaptu fis-subdiviżjonijiet 2a, 3a u fis-subżona 4 tal-ICES. Minħabba li dan ir-Regolament jistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd għas-sena sħiħa tas-sajd, jenħtieġ li dik il-projbizzjoni tkopri wkoll il-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2021, l-istess bħas-sena 2020.
(5)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/92 jiġi emendat skont dan.
(6)Il-limiti tal-qbid previsti fir-Regolament (UE) 2021/92 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament emendatorju li jikkonċernaw il-limiti tal-qbid, japplikaw ukoll minn dik id-data. It-tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti.
(7)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni fid-dawl tal-urġenza li jibda l-istaġun tas-sajd għaċ-ċiċċirell fil-ħin fl-1 ta’ April 2021.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92
Ir-Regolament (UE) 2021/92 huwa emendat kif ġej:
(1)L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 14
Staġuni magħluqa għas-sajd għaċ-ċiċċirelli
Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirelli bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, tartaruni jew irkaptu simili rmunkat bid-daqs tal-malji inqas minn 16 mm, huwa pprojbit fid-diviżjonijiet 2a, 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2021 u mill-1 ta Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2021.”;
(2)L-Anness IA huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President