EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0071

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi

COM/2021/71 final

Brussell, 18.2.2021

COM(2021) 71 final

2021/0039(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan ta’ din il-proposta huwa li temenda d-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna (“id-Direttiva”) biex tkopri ċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord maħruġa minn pajjiżi terzi (“dokumenti ta’ pajjiżi terzi”).

L-Artikolu 38 tad-Direttiva jistabbilixxi miżuri ta’ tranżizzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord maħruġa qabel it-18 ta’ Jannar 2022 (il-jum wara l-iskadenza tal-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva). B’mod ġenerali, id-dokumenti kkonċernati jibqgħu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni li għalihom kienu validi qabel dik id-data, għal massimu ta’ 10 snin.

Madankollu, minbarra l-liċenzji tan-navigazzjoni fuq ir-Renu msemmija fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 96/50/KE, id-Direttiva ma tipprovdi l-ebda dispożizzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ tranżizzjoni għal dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi li bħalissa huma rikonoxxuti mill-Istati Membri b’mod unilaterali jew skont il-ftehimiet internazzjonali tagħhom.

Konsegwentement, mis-17 ta’ Jannar 2022, id-dokumenti ta’ pajjiżi terzi se jiġu rikonoxxuti fl-Unjoni biss ladarba l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva li jagħti rikonoxximent fl-Unjoni lid-dokumenti maħruġa minn dak il-pajjiż terz.

Minħabba li l-proċedura għar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ pajjiżi terzi hija bbażata fuq il-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz rikjedenti, bl-għan li jiġi ddeterminat jekk il-ħruġ taċ-ċertifikati, tal-kotba tar-rekords tas-servizz jew tal-ġurnali ta’ abbord speċifikati fit-talba huwiex soġġett għal rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva, huwa improbabbli li l-proċedura ta’ rikonoxximent titlesta qabel is-17 ta’ Jannar 2022.

L-ewwel nett, biex din il-proċedura titlesta qabel dik id-data, il-pajjiżi terzi kkonċernati jkollhom jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva.

It-tieni, il-Kummissjoni jkollha tivvaluta s-sistema ta’ ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz rikjedenti u tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva.

Fin-nuqqas tal-att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva li tagħti rikonoxximent fl-Unjoni għad-dokumenti maħruġa mill-pajjiż terz ikkonċernat, il-persuni li jkollhom id-dokumenti maħruġa minn dak il-pajjiż terz mhux se jitħallew jinnavigaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni.

Din is-sitwazzjoni tista’ toħloq diffikultajiet prattiċi sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tan-navigazzjoni fuq id-Danubju, peress li l-membri tal-ekwipaġġ li għandhom dokumenti ta’ pajjiżi terzi jirrappreżentaw forza tax-xogħol sinifikanti.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tipprovdi għal perjodu xieraq li matulu Stat Membru jista’ jkompli jirrikonoxxi, abbażi tar-rekwiżiti nazzjonali tiegħu stabbiliti qabel is-16 ta’ Jannar 2018 u fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, dokumenti ta’ pajjiżi terzi li bħalissa huma rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru b’mod unilaterali jew abbażi ta’ ftehim internazzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ tranżizzjoni huwa limitat għad-dokumenti maħruġa qabel id-data ta’ skadenza (18 ta’ Jannar 2023) li hija ddefinita b’referenza għall-jum wara l-iskadenza tal-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (17 ta’ Jannar 2022) estiża b’sena. Din id-data ta’ skadenza tqis il-fatt li, l-ewwel, il-pajjiż terz li jitlob ir-rikonoxximent se jkollu jallinja r-rekwiżiti tiegħu ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva u, it-tieni, il-Kummissjoni se jkollha tivvaluta s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz rikjedenti u, fejn xieraq, tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva.

L-għan ta’ din is-soluzzjoni huwa li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema tar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ pajjiżi terzi previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, billi jiġi previst għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex il-pajjiżi terzi jkunu jistgħu jallinjaw ir-rekwiżiti tagħhom ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva, kif ukoll biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva. Dan se jiżgura wkoll ċertezza tad-dritt lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi attivi fis-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li, ladarba l-Kummissjoni tagħti r-rikonoxximent liċ-ċertifikati ta’ kwalifika maħruġa minn pajjiż terz, il-pajjiż terz ikkonċernat jista’ joħroġ ċertifikati ġodda bi skambju għad-dokumenti li huma soġġetti għall-arranġamenti tranżitorji. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li dawk iċ-ċertifikati l-ġodda se jiġu rikonoxxuti fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni soġġetti biss għall-Artikolu 10(3) tad-Direttiva u diment li l-kundizzjonijiet għall-iskambju applikati mill-pajjiż terz ikunu nstabu li huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 38(1) u (3) tad-Direttiva.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tikkostitwixxi emenda ta’ kamp ta’ applikazzjoni limitat għad-Direttiva (UE) 2017/2397, li tintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli għal dokumenti ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti f’xi Stati Membri qabel it-18 ta’ Jannar 2022. Hija mfassla biex tevita t-tfixkil tas-suq tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Għalhekk, il-proposta hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti f’dan is-settur.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tikkonċerna s-sikurezza u l-mobilità fil-qasam tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Din temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ pajjiżi terzi matul il-perjodu tranżitorju.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà

L-għan tal-proposta huwa li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 kif meħtieġ għall-għanijiet deskritti hawn fuq. L-uniku mezz biex jintlaħaq l-objettiv segwit huwa att fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Id-Direttiva proposta hija kkunsidrata proporzjonata, peress li tipprevedi bidla legali limitata u meħtieġa li hija maħsuba biex tevita t-tfixkil tas-suq tax-xogħol u tiżgura l-operazzjoni sikura u effiċjenti fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

Għażla tal-istrument

Minħabba li l-għan ta’ din il-proposta huwa li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397, jenħtieġ li din ikollha l-istess forma ġuridika. Għalhekk, direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija l-istrument legali xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli, peress li l-proposta temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, hija limitata ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-pjan direzzjonali għal din l-inizjattiva ġie ppubblikat għall-feedback fuq is-sit web tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna tal-emenda, ma hemmx bżonn ta’ aktar konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-miżura proposta ġiet soġġetta għal analiżi legali u teknika fi ħdan il-Kummissjoni biex jiġi żgurat li tilħaq l-iskop maħsub tagħha filwaqt li tibqa’ limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hemmx bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt, peress li ma hemm l-ebda għażla politika materjalment differenti minn dik proposta. L-għan tal-proposta huwa li testendi s-sitwazzjoni eżistenti għal perjodu limitat.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma taffettwax l-applikazzjoni jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u ta’ r-rapportar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

In-notifika mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ traspożizzjoni kkonċernati mill-proposta ma għandhiex tkun akkumpanjata minn dokument li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-direttiva emendatorja u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għal tali dokument peress li mhuwiex meħtieġ għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 iżid il-paragrafi ġodda 7 u 8 mal-Artikolu 38 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

Il-paragrafu 7 il-ġdid tal-Artikolu 38 jipprovdi għażla lill-Istati Membri biex ikomplu jirrikonoxxu dokumenti ta’ pajjiżi terzi abbażi tar-rekwiżiti nazzjonali tagħhom stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2017/2397 (16 ta’ Jannar 2018). Ir-rikonoxximent huwa limitat għall-passaġġi fuq l-ilma interni li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u ma jistax japplika wara s-17 ta’ Jannar 2032. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ tranżizzjoni jista’ jkopri biss id-dokumenti maħruġa minn pajjiż terz qabel id-data ta’ skadenza (18 ta’ Jannar 2023).

Il-paragrafu 8 il-ġdid tal-Artikolu 38 jiċċara li fejn il-pajjiż terz ikkonċernat joħroġ ċertifikati ġodda bi skambju għad-dokumenti li huma soġġetti għall-arranġamenti tranżitorji, dawk iċ-ċertifikati l-ġodda se jiġu rikonoxxuti fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni soġġetti biss għall-Artikolu 10(3) tad-Direttiva u dment li l-kundizzjonijiet għall-iskambju applikati mill-pajjiż terz ikunu nstabu li huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 38(1) u (3) tad-Direttiva.

2021/0039 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3  tistabbilixxi miżuri ta’ tranżizzjoni sabiex tiġi żgurata l-validità kontinwata taċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord maħruġa qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni tagħha u biex il-membri tal-ekwipaġġ tas-sengħa jingħataw żmien raġonevoli biex japplikaw għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni jew għal ċertifikat ieħor rikonoxxut bħala ekwivalenti. Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-liċenzji tan-navigazzjoni tar-Renu msemmija fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE 4 , dawk il-miżuri ta’ tranżizzjoni ma japplikawx għaċ-ċertifikati tal-kwalifika, għall-kotba tar-rekords tas-servizz u għall-ġurnali ta’ abbord maħruġa minn pajjiżi terzi li bħalissa huma rikonoxxuti mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

(2)L-Artikolu 10(3), (4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 jistabbilixxi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati, ta’ kotba tar-rekords tas-servizz jew ta’ ġurnali ta’ abbord maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz.

(3)Minħabba li l-proċedura għar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ pajjiżi terzi hija bbażata fuq il-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz rikjedenti, bl-għan li jiġi ddeterminat jekk il-ħruġ taċ-ċertifikati, tal-kotba tar-rekords tas-servizz jew tal-ġurnali ta’ abbord speċifikati fit-talba huwiex soġġett għal rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/2397, mhuwiex probabbli li l-proċedura ta’ rikonoxximent titlesta qabel is-17 ta’ Jannar 2022.

(4)Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema tar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ pajjiżi terzi previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2017/2397, huwa meħtieġ li jiġu previsti miżuri ta’ tranżizzjoni li jippermettu ż-żmien meħtieġ għall-pajjiżi terzi biex jallinjaw ir-rekwiżiti tagħhom ma’ dawk stabbiliti f’dik id-Direttiva, kif ukoll biex il-Kummissjoni tivvaluta s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 10(5) ta’ dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri jiżguraw ukoll ċertezza tad-dritt għall-individwi u għall-operaturi ekonomiċi attivi fis-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Fid-dawl ta’ dawk l-objettivi, huwa xieraq li tiġi stabbilita d-data ta’ skadenza għal dokumenti ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ tranżizzjoni, b’referenza għall-perjodu relatat mat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva estiż b’sena.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-miżuri ta’ tranżizzjoni applikabbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva (UE) 2017/2397, jenħtieġ li l-miżuri ta’ tranżizzjoni applikabbli għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika, għall-kotba tar-rekords tas-servizz u għall-ġurnali ta’ abbord maħruġa minn pajjiżi terzi u rikonoxxuti mill-Istati Membri ma jiġux applikati wara s-17 ta’ Jannar 2032. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ dawn iċ-ċertifikati ta’ kwalifika, tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord jenħtieġ li jkun ristrett għall-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat.

(6)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-miżuri ta’ tranżizzjoni applikabbli għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika maħruġa mill-Istati Membri, huwa xieraq li jiġi ċċarat li ċ-ċertifikati ta’ kwalifika maħruġa minn pajjiż terz bi skambju għaċ-ċertifikati koperti mill-arranġamenti tranżitorji jenħtieġ li jkunu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-pajjiż terz ikkonċernat ikun ingħata rikonoxximent skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u li r-rekwiżiti għall-iskambju applikat minn dak il-pajjiż terz ikunu nstabu li huma identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 38(1) u (3) ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-Istati Membri.

(7)Għalhekk, sabiex il-kumpaniji u l-ħaddiema tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni jiġu pprovduti b’ċarezza u ċertezza tad-dritt, id-Direttiva (UE) 2017/2397 jenħtieġ li tiġi emendata bix-xieraq.

(8)Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu minnufih bit-traspożizzjoni tal-miżuri stipulati f’din id-Direttiva, jenħtieġ li din tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-paragrafi 7 u 8 li ġejjin jiżdiedu mal-Artikolu 38 tad-Direttiva (UE) Nru 2017/2397:

“7. Sas-17 ta’ Jannar 2032, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jirrikonoxxu, abbażi tar-rekwiżiti tal-Istat Membru nazzjonali stabbiliti qabel is-16 ta’ Jannar 2018, iċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord li jkunu nħarġu minn pajjiż terz qabel it-18 ta’ Jannar 2023. Ir-rikonoxximent għandu jkun limitat għall-passaġġi fuq l-ilma interni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

8. Ċertifikati ta’ kwalifika maħruġa minn pajjiż terz bi skambju għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika msemmija fil-paragrafu 7, għandhom ikunu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni soġġetti għall-Artikolu 10(3) u diment li l-kundizzjonijiet għall-iskambju applikati mill-pajjiż terz ikunu nstabu li huma identiċi għal dawk stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Jannar 2022. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C, , p. .
(2)    ĠU C […], […], p. […].
(3)    Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53).
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-akkwist taċ-ċertifikati nazzjonali tas-sidien tad-dgħajjes għat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz ta’ passaġġi tal-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 31).
Top