Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0001

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

COM/2021/1 final

Brussell, 5.1.2021

COM(2021) 1 final

2020/0372(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar b’konnessjoni mal-adozzjoni u mal-implimentazzjoni previsti ta’ regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-Żona (ISBA/25/C/WP.1) u l-istandards u l-linji gwida relatati.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-abbozzi ta’ regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-Żona

L-abbozzi ta’ regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-Żona (“ir-Regolamenti”) għandhom l-għan li jippermettu lill-kuntratturi jiċċaqilqu mill-esplorazzjoni tar-riżorsi minerali fiż-Żona għall-isfruttament ta’ dawk ir-riżorsi. L-abbozzi ta’ regolamenti mħejjija mill-Kummissjoni Legali u Teknika tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar ġew iċċirkolati f’Marzu 2019 u bħalissa qed jiġu nnegozjati mill-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar. Ir-regolamenti huma abbozzati f’konformità mal-Parti XI tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-ftehim relatat mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-UNCLOS. L-abbozzi ta’ regolamenti jesiġu li ċerti kwistjonijiet jiġu indirizzati f’konformità mal-istandards u l-linji gwida li għandhom jiġu żviluppati mill-organi tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, jew b'kont meħud tagħhom. L-istandards se jkunu legalment vinkolanti fuq il-Kuntratturi u l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, filwaqt li l-linji gwida se jkunu ta’ natura rakkomandatorja. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-UNCLOS. 1 Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet li jadottaw fil-korpi tal-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Anness III 2 .

2.2.Il-laqgħat tal-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

Il-Kunsill huwa l-organu eżekuttiv tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar. Huwa fi ħdan il-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar li r-regolamenti qed jiġu nnegozjati u sussegwentement se jiġu adottati qabel ma jiġu ppreżentati lill-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, l-organu suprem u politiku magħmul minn 167 membru u l-Unjoni Ewropea, biex jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu. Il-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar se japplika r-regolamenti b’mod provviżorju, sakemm jiġu approvati mill-Assemblea. Bħala parti għall-UNCLOS, l-UE hija awtomatikament membru tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar u osservatur fil-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, li huwa magħmul minn 36 membru eletti mill-Assemblea. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar isir b’kunsens. Jekk l-isforzi kollha biex tintlaħaq deċiżjoni b’kunsens ikunu ġew eżawriti, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ proċedura għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri preżenti u li jivvotaw, u d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sustanza għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti u li jivvotaw. Bħala osservatur fil-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, l-UE ma għandha l-ebda dritt tal-vot. Madankollu, l-UE għandha drittijiet tal-parteċipazzjoni u tal-vot fl-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

2.3.L-adozzjoni provviżorja prevista ta’ regolamenti mill-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

L-ewwel abbozz tar-regolamenti ġie ppreżentat fit-23 sessjoni tal-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar f’Awwissu 2017. Il-Kummissjoni Legali u Teknika tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, kif ukoll il-Kunsill qablu fuq skeda li għandha l-għan li tikkonkludi n-negozjati tar-regolamenti sal-2020, madankollu, minħabba l-pandemija tal-covid-19, is-26 sessjoni tal-Kunsill ippjanata għal Lulju 2020 ġiet posposta sakemm joħroġ avviż ieħor

Ir-regolamenti previsti se jkunu legalment vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-UNCLOS u mal-Ftehim tal-1994 rigward l-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-UNCLOS.

2.4    L-approvazzjoni prevista tar-regolamenti mill-Assemblea tal- Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

Ladarba l-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar jiffinalizza n-negozjati tar-regolamenti u jkun jista’ jadottahom b’mod provviżorju, ir-regolamenti jiġu ppreżentati lill-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar għall-kunsiderazzjoni tagħha u għall-approvazzjoni finali.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Ir-regolamenti previsti jikkonċernaw ukoll kwistjonijiet sostantivi li għalihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE.

B’mod partikolari, l-UE għandha kompetenza fuq il-partijiet tar-regolamenti li jittrattaw il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Skont l-istruttura tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, fuq bażi ta’ każ b’każ, l-UE għandha kompetenza esterna. L-ewwel nett, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS relatati mal-ambjent tal-baħar huma previsti fl-att leġiżlattiv li jikkonkludi l-UNCLOS f’isem l-Unjoni 3 . It-tieni, minħabba li hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni dwar ir-regolamenti sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, bħal fil-każ ta’ kompetenza ambjentali miksuba. Fl-aħħar nett, l-UE għandha kompetenza esterna billi xi dispożizzjonijiet tar-regolamenti jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Hawnhekk, l-acquis tal-UE (b’mod partikolari b’rabta mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE fil-qasam tal-ambjent u ma’ ftehimiet internazzjonali oħrajn li għalihom l-UE hija parti sħiħa) huwa kopert jew jista’ jiġi affettwat minn partijiet tal-abbozzi ta’ regolamenti (jew tal-istandards u l-linji gwida relatati), li jagħtu lill-UE l-kompetenza fuq dawk il-partijiet speċifiċi, li wħud minnhom huma esklussivi.

Bħala konsegwenza, l-UE hija intitolata li tieħu pożizzjoni fl-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar fir-rigward tal-partijiet rilevanti tar-regolamenti li huma ppreżentati f’din id-dikjarazzjoni, u l-istandards u l-linji gwida relatati. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jesiġi li l-Istati Membri jaġixxu b’ċertu mod fil-proċedimenti tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

Huwa propost li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar tiġi stabbilita skont approċċ fuq żewġ livelli. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill se tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni, u sussegwentement tiġi aġġustata għal kull laqgħa permezz ta’ dokumenti informali mħejjija mill-Kummissjoni u li għandhom jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.

Id-deċiżjoni preżenti tinkorpora l-prinċipji tal-UNCLOS u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 , l-Istrateġija għall-Bijodiversità 5 kif mitlub mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tħejjija tal-qafas globali għall-bijodiversità wara l-2020 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) 6 .

Bażi ġuridika

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 7 .

3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar huma tnejn mit-tliet organi prinċipali tal-Awtorità stabbiliti mill-Artikolu 158 tal-UNCLOS.

Ir-regolamenti, li l-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar huwa mitlub jadotta fuq bażi provviżorja, jikkostitwixxu att li jkollu effetti legali. L-approvazzjoni finali tar-regolamenti mill-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar tikkostitwixxi wkoll att li jkollu effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 145, 153 u 162 tal-UNCLOS u mal-Ftehim relatat mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-UNCLOS.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

3.2.2.Applikazzjoni għall-kawża preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardjaw il-politika ambjentali.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 191 tat-TFUE.

3.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 191 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2020/0372 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 191 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (“il-Ftehim”) ġew konklużi mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998.

(2)Skont l-Artikolu 162(2)(o)(ii) tal-UNCLOS, il-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar jista’ jadotta u japplika b’mod provviżorju, sakemm jiġu approvati mill-Assemblea, ir-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Awtorità, u kwalunkwe emenda għalihom, b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Legali u Teknika jew ta’ organu subordinat ieħor ikkonċernat. Dawn ir-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri għandhom ikunu relatati mat-tiftix, l-esplorazzjoni u l-isfruttament fiż-Żona u mal-ġestjoni finanzjarja u l-amministrazzjoni interna tal-Awtorità.

(3)Matul il-laqgħat li jmiss tiegħu, il-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar għandu jadotta regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-Żona.

(4)Skont l-Artikolu 160(2)(f)(ii) tal-UNCLOS, l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar tista’ tikkunsidra u tapprova r-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Awtorità, u kwalunkwe emenda għalihom, li l-Kunsill adotta provviżorjament skont l-Artikolu 162, il-paragrafu 2 (o)(ii). Dawn ir-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri għandhom ikunu relatati mat-tiftix, mal-esplorazzjoni u mal-isfruttament fiż-Żona, mal-ġestjoni finanzjarja u mal-amministrazzjoni interna tal-Awtorità.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, billi r-regolamenti previsti se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni, bħala parti għall-UNCLOS u għall-Ftehim rigward l-implimentazzjoni tal-PARTI XI tal-UNCLOS.

(6)Huwa wkoll xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, billi r-regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-Żona se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, notevolment fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

(7)Fi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma marbuta bil-prinċipju ta’ prekawzjoni (l-Artikolu 191 tat-TFUE) u bl-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema (l-Artikoli 3.4 u 3.5, l-Artikolu 10 u l-Annessi I u VI tad-Direttiva 2008/56/KE; l-Artikolu 2.3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/89/UE). Dan il-qafas ġuridiku jiġġustifika l-kontenut tal-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni.

(8)Sa fejn l-Unjoni hija limitata li tesprimi l-pożizzjoni tagħha fil-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar minħabba l-istatus ta’ osservatur limitat tagħha, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa u kkonfermata mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar kull meta l-Unjoni tkun limitata meta tiġi biex tesprimi l-pożizzjoni tagħha minħabba l-istatus ta’ osservatur limitat tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).
(2)    Proċedura normali għal pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità; u l-proċedura regolata mit-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea.
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/392/KE
(4)    COM/2019/640 final
(5)    COM/2020/380 final
(6)    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15272-2019-INIT/mt/pdf
(7)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
Top

Brussell, 5.1.2021

COM(2021) 1 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill u l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

1. PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, l-Unjoni għandha:

(a)Taġixxi f’konformità mal-Artikolu 192 u mal-Artikolu 145 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-10 ta’ Diċembru 1982 u mal-obbligu li jiġi protett u ppreservat l-ambjent tal-baħar. Dan l-obbligu ġenerali jinkludi r-responsabbiltajiet għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis u għall-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar minn kwalunkwe sors, għall-monitoraġġ tar-riskji jew għall-effetti tat-tniġġis u l-valutazzjoni tal-effetti potenzjali tal-attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tal-Istati Partijiet li jistgħu jikkawżaw tniġġis sostanzjali tal-ambjent tal-baħar jew bidliet sinifikanti u ta’ ħsara fih (l-Artikoli 194, 204 u 206). B’mod partikolari, l-Istati partijiet iridu jieħdu miżuri biex jipproteġu u jippreservaw ekosistemi rari jew fraġli. F’konformità mal-Artikoli 196.1 u 209, huma jridu wkoll jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis li jirriżulta mill-użu ta’ teknoloġiji taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom, inkluż fir-rigward tal-attivitajiet fiż-Żona mwettqa minn bastimenti, installazzjonijiet, strutturi u apparat ieħor li jtajru l-bandiera tagħhom jew tar-reġistru tagħhom jew li joperaw taħt l-awtorità tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 145, permezz tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, l-Istati għandhom jadottaw regoli, regolamenti u proċeduri xierqa għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali taż-Żona u l-prevenzjoni tal-ħsara lill-flora u l-fawna tal-ambjent tal-baħar.

(b)Taġixxi f’konformità mal-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddikjara li l-politika tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva, li jenħtieġ li l-ħsara ambjentali, bħala prijorità, tissewwa f'ras il-għajn, u li min iniġġes iħallas. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-UE twassal il-messaġġ li l-minerali tal-baħar fiż-żona internazzjonali ta’ qiegħ il-baħar ma jistgħux jiġu sfruttati qabel ma l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem ikunu ġew riċerkati biżżejjed, ir-riskji jinftiehmu u t-teknoloġiji u l-prattiki operazzjonali jkunu jistgħu juru li ma hemm l-ebda ħsara serja għall-ambjent, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

(c)Tfittex konsistenza u sinerġija mal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema kif iddikjarat fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, l-Artikolu 2(3); id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), l-Artikolu 3.4 u 3.5, l-Artikolu 10 u l-Annessi I u VI; Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Artikolu 5.

(d)Tikkontribwixxi b’mod attiv għad-diskussjonijiet biex jiġi żgurat li l-kodiċi tal-estrazzjoni tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar ikun robust, f’konformità mal-prinċipji u mal-impenji internazzjonali, u jkun fih standards ambjentali b’saħħithom u infurzabbli, li jiġu aġġornati regolarment b’kont meħud tal-aħħar xjenza u teknoloġiji disponibbli, inkluż il-ħtieġa li jiġi rrispettat l-approċċ prekawzjonarju u li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali minn qabel li jkunu konformi mal-proċeduri u l-linji gwida tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) 1 .

(e)Tiżgura li r-regolamenti dwar l-isfruttament tar-riżorsi minerali fiż-żona jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS u mad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

(f)Tikkonferma l-pożizzjoni tal-Unjoni li tappoġġa l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ġurament ekoloġiku “la tagħmilx ħsara” u l-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li globalment tkun fuq quddiem nett fil-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent tagħna, inklużi l-ibħra u l-oċeani.

(g)Tippromwovi l-avvanz tal-għarfien xjentifiku dwar l-impatti ambjentali u l-kunsiderazzjoni tiegħu dwar il-kodiċi tal-estrazzjoni tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

(h)Tfittex li l-valutazzjoni tar-riskji ambjentali preċedenti taderixxi mal-ogħla standards u tgħaddi minn evalwazzjoni robusta.

2.ORJENTAZZJONIJIET

Minħabba l-għarfien xjentifiku limitat u t-tħassib dwar l-impatti inevitabbli u probabbilment irriversibbli fuq il-bijodiversità u l-klima, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar tkun kompletament konformi mal-impenn tal-Unjoni Ewropea għas-sostenibbiltà u tkun ibbażata fuq l-aħjar xjenza disponibbli, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema.

ANNESS II

Speċifikazzjoni sena b’sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar

Qabel kull laqgħa tal-Kunsill jew tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tieħu kont tal-aħħar informazzjoni xjentifika u ta’ informazzjoni rilevanti oħra disponibbli f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kunsill jew tal-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-Kunsill jew waqt l-Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont tal-elementi ġodda.

(1)    https://elaw.org/system/files/unep.EIA_.guidelines.and_.principles.pdf
Top