Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0294

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2021/2712(RSP))

    ĠU C 67, 8.2.2022, p. 125–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/125


    P9_TA(2021)0294

    Is-sitwazzjoni fl-Afganistan

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2021/2712(RSP))

    (2022/C 67/16)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem (JWF) dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE tat-2 ta' Ottubru 2016,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar in-Negozjati għall-Paċi fl-Afganistan tad-9 ta' Diċembru 2020,

    wara li kkunsidra l-kummenti tal-President Biden dwar It-Triq 'il Quddiem fl-Afganistan tal-14 ta' April 2021,

    wara li kkunsidra l-Qafas għall-Awtodipendenza permezz ta' Responsabbiltà Reċiproka, maqbul fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-4 u l-5 ta' Ottubru 2016,

    wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali Internazzjonali tad-Donaturi tal-2020 (il-Konferenza tal-Afganistan) li saret fit-23 u fl-24 ta' Novembru 2020,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Ministru tal-Affarijiet Esterni tal-Indja dwar l-Afganistan tal-4 ta' Mejju 2021,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Mibgħuta Speċjali u tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-NATO, in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tas-7 ta' Mejju 2021 dwar il-Proċess ta' Paċi Afgan,

    wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-Oppju tal-Afganistan tal-2020 ippubblikat b'mod konġunt mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Informazzjoni tal-Afganistan u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità f'April 2021,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fi Frar 2020, l-Istati Uniti u t-Taliban iffirmaw ftehim li witta t-triq għall-ewwel taħditiet diretti bejn it-Taliban u r-rappreżentanti tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mill-2001;

    B.

    billi fl-14 ta' April 2021, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Anthony Blinken, ħabbar l-irtirar unilaterali tat-truppi tal-Istati Uniti sal-11 ta' Settembru 2021; billi l-alleati tan-NATO jsegwu l-prinċipju ta' “nidħlu flimkien, noħorġu flimkien”, u se jirtiraw fl-istess ħin;

    C.

    billi t-taħditiet ta' paċi Afgani bejn il-gvern Afgan u t-Taliban bdew fl-2020 f'Doha; billi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied ma nżammx, u attwalment it-taħditiet tal-paċi jinsabu weqfin, bit-Taliban jistennew l-irtirar tat-truppi alleati;

    D.

    billi sa mill-2001, l-UE kellha preżenza attiva fl-Afganistan biex tappoġġja l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u tikkoordina l-assistenza internazzjonali; billi bosta Stati Membri tal-UE, sħab tan-NATO u pajjiżi alleati kkontribwew riżorsi militari u ċivili għall-istabbilizzar u l-iżvilupp tal-Afganistan, u sofrew bosta mwiet u telf kbir; billi Afganistan stabbli u indipendenti li jipprovdi għalih innifsu u jiċħad rifuġju sikur lil gruppi terroristiċi għadu fl-interessi vitali tas-sigurtà tal-UE, tan-NATO u tal-istati membri tagħhom;

    E.

    billi huwa ta' importanza kbira li jiġi ppreservat il-progress li sar fl-aħħar żewġ deċennji fl-Afganistan, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

    F.

    billi r-rappreżentanza tan-nisa u ta' drittijiethom fit-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan mhijiex proporzjonali, u għalhekk jeħtieġ approċċ aktar impenjat mill-partijiet fin-negozjati;

    G.

    billi n-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi se jkunu jintlaqtu l-aktar mill-falliment tat-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan u mit-tentattivi ta' li tiġi segwita soluzzjoni militari għall-kunflitt; billi n-nisa Afgani diġà bdew jillimitaw il-movimenti tagħhom biex inaqqsu r-riskju, u l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni u l-logħob huwa mxekkel mit-theddida tal-vjolenza;

    H.

    billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan qiegħda progressivament tmur għall-agħar, u n-numru ta' attakki kontra l-forzi Afgani qed jiżdied, kif qed jiżdiedu l-assassinji mmirati ta' attivisti Afgani, ta' ħaddiema tal-midja, edukaturi, tobba, imħallfin u uffiċjali tal-gvern; billi mill-bidu tat-taħdidiet ta' paċi fl-Afganistan kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' attakki mit-Taliban, immirati lejn it-teħid tal-kontroll tat-territorji kkontrollati mill-gvern; billi fl-Indiċi tat-Terroriżmu Globali tal-2020, l-Afganistan ġie kklassifikat bħala l-aktar pajjiż affettwat; billi minn popolazzjoni ta' 36 miljun persuna, erba' miljuni minnhom huma persuni spostati; billi kważi tliet miljun ruħ huma spostati internament kaġun tal-vjolenza u miljun oħra minħabba diżastri naturali; billi 2,5 miljun Afgan diġà ħarbu mill-pajjiż biex ifittxu s-sigurtà, bil-maġġoranza tagħhom jistabbilixxu ruħhom fl-Iran u l-Pakistan;

    I.

    billi l-Afganistan huwa l-benefiċjarju prinċipali ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fid-dinja; billi l-kontribut tal-UE lejn l-Afganistan matul l-aħħar 20 sena wassal għal gwadanji sostanzjali fl-istennija tal-għomor, il-litteriżmu, fil-mortalità materna u tat-tfal u fid-drittijiet tan-nisa; billi bejn l-2002 u l-2020, l-UE pprovdiet aktar minn EUR 4 biljun, u diġà wiegħdet EUR 1,2 biljun kemm f'assistenza fit-tul kif ukoll f'assistenza ta' emerġenza għall-perjodu 2021-2025; billi dan l-impenn ġie akkumpanjat minn komunikazzjoni tal-UE u minn pajjiżi li flimkien jirrappreżentaw madwar 80 % tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-Afganistan, fatt li jissottolinja l-elementi ewlenin biex il-pajjiż ikompli jirċievi l-għajnuna, inkluż li jitkompla l-impenn favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

    J.

    billi hemm nuqqas ta' responsabbiltà mifruxa għall-attakki u għall-qtil fl-Afganistan; billi fit-12 ta' Marzu 2021, il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw in-numru allarmanti ta' attakki li kienu immirati intenzjonalment kontra persuni ċivili fl-Afganistan;

    K.

    billi ż-żieda f'daqqa reċenti fil-vjolenza seħħet fi sfond ta' vjolazzjonijiet mifruxin u fit-tul tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, imwettqa minn terroristi, gruppi armati u forzi tas-sigurtà, inklużi qtil ekstraġudizzjarju, tortura u vjolenza sesswali; billi huwa stmat li madwar 150 000 persuna mietu fil-gwerra ta' 20 sena, fosthom 35 000 persuna ċivili;

    L.

    billi, mill-2001, sar progress evidenti fid-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika u politika; billi dan it-titjib huwa probabbilment l-aktar riżultati pożittivi miksuba fl-iżvilupp reċenti tal-pajjiż; billi dan il-progress parzjali issa jinsab mhedded u jrid jiġi ppreservat u msaħħaħ b'mod urġenti;

    M.

    billi minkejja dan it-titjib, in-nisa u l-bniet għadhom ta' kuljum jiffaċċjaw theddid serju, inklużi ostakli għall-aċċess għal servizzi essenzjali u attakki li jinkludu vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru; billi l-Indiċi tan-Nisa, Paċi u Sigurtà tal-2019/20 ikklassifika lill-Afganistan bħala t-tieni l-agħar pajjiż għan-nisa; billi mill-inqas 85 persuna nqatlu u 147 persuna ndarbu, il-biċċa l-kbira minnhom jkunu bniet tal-iskola, meta l-iskola tal-bniet Sayed al-Shuhada f'Kabul ġiet ibbumbardjata fit-8 ta' Mejju 2021; billi fit-2 ta' Marzu 2021, tliet ġurnalisti nisa nqatlu f'Jalalabad;

    N.

    billi l-pandemija tal-COVID-19 żiedet drastikament ir-rata tal-faqar fl-Afganistan; billi l-miżuri relatati mal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ta' sigurtà li sejra għall-agħar wasslu għal restrizzjonijiet fl-aċċess għall-għajnuna umanitarja tal-poplu Afgan;

    O.

    billi fl-2021, l-Afganistan huwa mistenni li se jiffaċċja nixfa, li se żżid l-għadd attwali ta' 5,5 miljun persuna li qed jesperjenzaw sitwazzjoni ta' emerġenza ta' nuqqas ta' sigurtà alimentari, bi 17,6-il miljun persuna oħra mistennija jiffaċċjaw nuqqas qawwi ta' sigurtà alimentari;

    P.

    billi l-kost ekonomiku tat-terroriżmu fl-Afganistan kien ekwivalenti għal kważi 20 % tal-PDG tiegħu fl-2018, u ċċaħħad lit-tfal Afgani mill-futur tagħhom, mill-possibbiltà li jiksbu edukazzjoni, minn prospetti għal impjieg u servizzi stabbli bħall-kura tas-saħħa pprovduta mill-istat;

    Q.

    billi n-negozji Afgani huma vittmi ta' estorsjoni mit-Taliban, li jġiegħlu lill-bdiewa jaħdmu biex jikkultivaw l-oppju u f'attivitajiet illegali ta' estrazzjoni;

    1.

    Iqis li l-Afganistan jinsab f'mument kritiku, minħabba li l-konfluwenza tas-sitwazzjoni domestika fraġli, is-sitwazzjoni ta' sigurtà li sejra għall-agħar, l-istaġnar tat-taħditiet ta' paċi intra-Afgani u d-deċiżjoni ta' rtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO sal-11 ta' Settembru 2021, li jistgħu jwasslu għal inċertezzi ġodda, inqas stabbiltà, periklu ta' intensifikar tal-kunflitti interni u b'vakwu li fl-agħar xenarju possibbli se jimtela mit-Taliban; jesprimi tħassib li din tkun perspettiva inkwetanti ħafna għall-pajjiż u għas-sostenibbiltà tal-kisbiet u tal-progress soċjopolitiċi li seħħew fl-aħħar 20 sena;

    2.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu u jikkundanna bl-aktar mod qawwi ż-żieda allarmanti fil-vjolenza fl-Afganistan, inkluż il-qtil immirat ta' tfal, professjonisti nisa, ġurnalisti u ħaddiema tal-midja, edukaturi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, attivisti, tobba, uffiċjali tal-gvern u ta' membri tal-ġudikatura; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex minnufih jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied permanenti u komprensiv;

    3.

    Jinsab imħasseb dwar il-fraġilità u l-instabbiltà tal-gvern Afgan u dwar in-nuqqas ta' kontroll tiegħu fuq il-parti l-kbira tal-pajjiż, sitwazzjoni li tiggrava l-impatt tal-vjolenza fuq il-popolazzjoni ċivili; jappella lit-Taliban sabiex minnufih iwaqqfu l-attakki tagħhom kontra persuni ċivili u l-forzi nazzjonali, u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali; jesprimi l-kondoljanzi u l-appoġġ kbir tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi u lill-familji tagħhom;

    4.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evitat xenarju ta' “stat fallut”, u jtenni l-impenn tiegħu għal proċess ta' paċi mmexxi mill-Afgani u li huwa sjieda tal-Afgani u għal rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt bħala l-unika triq kredibbli għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp inklużiv u fit-tul; jenfasizza li dan huwa aktar importanti minn qatt qabel peress li d-data tal-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO tinsab fil-qrib; iħeġġeġ lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, iħejju u jippreżentaw lill-Parlament bi strateġija komprensiva dwar il-kooperazzjoni futura mal-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi Alleati tan-NATO u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lin-NATO u lill-Istati Uniti biex jibqgħu parteċipi f'dan l-objettiv;

    5.

    Jappoġġja, f'dan ir-rigward, it-tkomplija immedjata tat-taħditiet ta' paċi f'Doha sabiex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kunflitt u għal waqfien mill-ġlied negozjat permanenti u mal-pajjiż kollu; jissottolinja li hija biss soluzzjoni politika li toffri tama għal paċi dejjiema, u jirrakkomanda lill-partijiet ifittxu l-għajnuna ta' medjatur terz, bħan-Nazzjonijiet Uniti, biex jgħinhom jilħqu ftehim fuq pjan direzzjonali politiku għal Afganistan prosperu; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jassumu rwol aktar b'saħħtu biex iħeġġu liż-żewġ naħat jinnegozzjaw u joffru faċilitazzjoni jew medjazzjoni jekk dan ikun mixtieq mill-Afgani;

    6.

    Jafferma mill-ġdid li soluzzjoni politika negozjata li twassal għall-paċi trid tibni fuq il-kisbiet ekonomiċi, soċjali u politiċi ta' dawn l-aħħar 20 sena; jissottolinja li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi fuq l-obbligu ta' rendikont, il-governanza tajba, il-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg, l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan biex jinvolvi b'mod attiv lill-Parlament Afgan fil-proċessi rilevanti kollha, biex itemm il-miżuri kollha li jipprevjenu l-kooperazzjoni effettiva bejn il-gvern u l-parlament, u biex itejjeb id-drittijiet ta' skrutinju parlamentari, waqt li l-Parlament Afgan għandu jirrappreżenta d-diversità ta' popolazzjonijiet fl-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jingħata appoġġ biex isiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti, f'konformità mal-istandards internazzjonali, appoġġ għal missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet fil-pajjiż u għat-titjib tat-trasparenza tal-infiq tal-gvern sabiex il-Gvern tal-Afganistan jirrispetta bis-sħiħ l-obbligu ta' rendikont liċ-ċittadini tiegħu;

    8.

    Ifakkar li sabiex jibni fuq il-kisbiet tal-aħħar 20 sena, l-istat Afgan għandu jkun ġenwinament impenjat biex jiġġieled u jipprevjeni t-terroriżmu u l-gruppi armati, il-produzzjoni u t-traffikar tad-droga, u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u furzata u l-ġestjoni tagħha; jindirizza l-instabbiltà reġjonali; iħabrek għall-qerda tal-faqar; jipprevjeni r-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti; jiġġieled kontra l-impunità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

    9.

    Jiddeplora l-fatt li qabel l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni ma ppreżentatx id-dikjarazzjoni lill-Parlament, u li l-Parlament ma kellux l-opportunità li jesprimi fehmtu dwarha; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni;

    10.

    Jesprimi tħassib dwar it-theddida maħluqa mit-terroriżmu għall-Afganistan u għar-reġjun, b'mod partikolari l-preżenza kontinwa tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL-Da'esh) u l-affiljati tagħhom, b'mod partikolari l-Provinċja tal-ISIL-Khorasan u l-Al-Qaida; ifakkar li l-attakki terroristiċi fl-Afganistan jitwettqu minn diversi atturi inkluż mit-Taliban, mill-Al-Qaida u mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku; jissottolinja r-riskju reali ta' instabbiltà u vjolenza akbar hekk kif it-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO jirtiraw; itenni, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li l-UE tikkoordina mal-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Afganistan, l-Istati Uniti, in-NATO u n-NU biex tiżgura li t-tranżizzjoni tkun kemm jista' jkun bla xkiel;

    11.

    Jikkundanna kull attività terroristika u kull attakk terroristiku fl-Afganistan; jissottolinja l-importanza tal-ġlieda effettiva kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u taż-żarmar tan-networks finanzjarji li jappoġġjaw it-terroriżmu; jinsab inkwetat ħafna dwar is-sejbiet tar-rapport tat-Tim ta' Monitoraġġ tan-NU li jindika li r-relazzjoni bejn it-Taliban u l-Al-Qaida saret aktar profonda, u t-twissija tiegħu li t-Taliban se jkunu kontra t-taħditiet ta' paċi u jippreferu teħid ta' kontroll militari. Jieħu nota, barra minn hekk, tar-rapporti li jindikaw li fl-2021 it-Taliban qegħdin iħejju operazzjonijiet militari b'mod attiv;

    12.

    Ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sostenibbli mingħajr sigurtà u viċi versa; jinnota f'dan ir-rigward li l-appoġġ internazzjonali lill-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi jrid jiżgura approċċ olistiku biex jitkompla l-appoġġ finanzjarju u tekniku għar-riformi tas-sigurtà, inklużi l-forzi tad-difiża u s-sigurtà nazzjonali tal-Afganistan, u r-riformi politiċi, ekonomiċi u tal-iżvilupp, b'enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għan-nisa, għaż-żgħażagħ u għall-minoranzi;

    13.

    Jirrikonoxxi l-ħidma tal-NGOs lokali u internazzjonali, li jipprovdu servizzi, assistenza u għajnuna lill-poplu Afgan minkejja r-riskji għas-sigurtà; jibqa' mħasseb dwar il-klima perikoluża li fiha qed joperaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), inklużi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ sostantiv lis-soċjetà ċivili u biex ikomplu d-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Afganistan biex inaqqsu b'mod urġenti l-ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Afganistan, lit-Taliban u lill-atturi rilevanti l-oħra jiżguraw is-sikurezza tal-OSĊ lokali u internazzjonali, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

    14.

    Jitlob li ssir investigazzjoni kredibbli u trasparenti taħt l-awspiċi tan-NU tal-attakk riċenti li mmira skola tal-bniet u li fih inqatlu 85 persuna, l-aktar bniet ta' età bejn il-11 u s-17-il sena u l-attakk tat-12 ta' Mejju 2020 fuq is-swali tal-maternità tal-isptar Dasht-e Barchi f'Kabul li kien megħjun mill-Médecins Sans Frontières; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jħeġġu lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta dwar ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali fl-Afganistan;

    15.

    Jenfasizza li l-impunità u l-korruzzjoni għadhom ostakli serji għat-titjib tal-koordinazzjoni tas-sigurtà, għall-forniment ta' servizzi pubbliċi u għar-riforma ekonomika; jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni fl-Afganistan f'Novembru 2020 biex timplimenta l-istrateġija kontra l-korruzzjoni li għadha kif ġiet adottata, u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżommu livelli għoljin ta' appoġġ tal-UE biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fil-pajjiż;

    16.

    Jenfasizza li l-appoġġ tal-Ewropa se jibqa' jingħata biss bil-kundizzjoni li jiġu kkonservati l-kisbiet tal-aħħar 20 sena u li jkomplu jibnu fuqhom, li tittejjeb b'mod effettiv il-governanza inklużiva u obbligata tagħti rendikont, li jissaħħu l-istituzzjonijiet, il-pluraliżmu demokratiku, l-istat tad-dritt, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tissaħħaħ il-media indipendenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-Afgani kollha, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni kollha li jagħmlu parti minn minoranzi u gruppi f'riskju; ifakkar li d-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni, li huwa kisba kbira tal-aħħar 20 sena, ma għandux jiġi kkontestat; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' punti ta' riferiment ċari u mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jitkejjel il-progress li sar u l-użu effiċjenti u trasparenti tal-fondi Ewropej;

    17.

    Jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jinżamm bla mittiefes il-progress li sar fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan matul l-aħħar 20 sena; jilqa' l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi min-naħa tal-Gvern tal-Afganistan u jinsisti li ma jrid ikun hemm l-ebda kompromess fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa fil-proċess ta' paċi; jenfasizza li l-progress fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa f'żoni tal-pajjiż li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern irid jiġi indirizzat ukoll fin-negozjati; iħeġġeġ rappreżentanza akbar tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u konsultazzjoni sħiħa magħhom matul it-taħditiet; jissottolinja li l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-fażi ta' wara r-rikostruzzjoni u fil-ħajja politika u ċivika fl-Afganistan hija prerekwiżit fundamentali għall-istabbiliment ta' paċi, sigurtà u żvilupp sostenibbli; isejjaħ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw aktar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa bħala kundizzjoni prinċipali biex jitkompla jingħata appoġġ finanzjarju lill-pajjiż;

    18.

    Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li n-nisa u l-bniet ikomplu jiffaċċjaw sfidi sinifikanti li jinkludu l-vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, iż-żwieġ furzat u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa; jinsisti li l-progress f'dawn l-oqsma jrid jibqa' prijorità għolja għall-UE; jilqa' l-proġetti ffinanzjati mill-UE li jappoġġjaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

    19.

    Itenni l-ħtieġa li l-UE tkompli toffri għajnuna lill-Afganistan fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, tipprovdi tilqim lill-Afgani, u tgħin fl-organizzazzjoni tal-isforzi tat-tilqim;

    20.

    Jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati t-theddidiet urġenti għas-sigurtà tal-ikel bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, tan-nixfiet u tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-UE tonora l-impenji li assumiet fil-konferenza tad-donaturi tal-Afganistan fl-2020, u jħeġġeġ lis-SEAE u lid-DĠ ECHO (id-Direttorat Ġenerali għall-Operazzjonijiet Ewropej tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Għajnuna Umanitarja) biex jieħdu rwol ewlieni u jeliminaw in-nuqqas ta' finanzjament ħalli jiżguraw li l-għajnuna alimentari titwassal u tkun ikkoordinata f'waqtha biex tiġi indirizzata l-insigurtà alimentari imminenti; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jmantnu jew iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom, speċjalment l-appoġġ tagħhom għas-sistema tas-saħħa Afgana u l-promozzjoni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għan-nisa u l-bniet Afgani;

    21.

    Ifakkar li l-impatt tal-kultivazzjoni tal-peprin tal-oppju jestendi lil hinn mill-fruntieri tal-Afganistan, u jaffettwa lill-pajjiżi ġirien u lill-Ewropa, li hija d-destinazzjoni ewlenija għall-eroina prodotta fl-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li l-gvern tal-Afganistan isaħħaħ l-isforzi kontra din it-theddida, u jtenni l-ħtieġa għal żvilupp agrikolu fit-tul u assistenza biex jinħolqu impjiegi affidabbli u introjtu minn alternattivi għall-kultivazzjoni tal-oppju; jinnota li dan huwa pass meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kummerċ illeċitu tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    22.

    Jirrimarka l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fl-Afganistan billi jiżviluppa r-riżorsi naturali tiegħu b'mod sostenibbli; jenfasizza li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp tal-infrastruttura tista' tkun ta' benefiċċju għall-poplu Afgan billi tipprovdi impjiegi u riżorsi għal servizzi pubbliċi kritiċi u tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent;

    23.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw il-fondi Ewropej biex isir investiment fit-titjib tal-konnettività reġjonali biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u t-tranżitu, u dan jagħti lill-Afganistan il-mezzi biex jikber ekonomikament;

    24.

    Ifakkar li l-Afganistan huwa pajjiż mingħajr kosta li jinsab bejn l-Asja u l-Lvant Nofsani u jirrikonoxxi li appoġġ u kooperazzjoni pożittiva minn pajjiżi ġirien fiċ-ċentru tal-Asja u setgħat reġjonali, b'mod partikolari ċ-Ċina, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan, huma essenzjali għall-istabbilizzazzjoni, għall-iżvilupp u għall-vijabbiltà ekonomika tal-Afganistan; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu tagħhom mal-pajjiżi ġirien tal-Afganistan; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' dawn il-pajjiżi fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan u biex ma jħalluhx jidħol f'kaos ladarba t-truppi barranin jitilqu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-Afganistan sabiex jinżamm rwol importanti għalihom fl-Afganistan sa fejn ikun possibbli;

    25.

    Ifakkar fir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-pajjiżi li t-truppi tagħhom qed jirtiraw mill-Afganistan biex jipproteġu u, jekk ikun hemm bżonn, joħorġu viżi u jirripatrijaw il-persunal lokali, b'mod partikolari t-tradutturi, li kienu qed jappoġġjaw l-isforzi tagħhom u li ħajjithom tista' issa tkun f'periklu kbir; jitlob li dan iseħħ wara li ssir valutazzjoni individwali bir-reqqa, li tqis b'mod sħiħ l-aspetti kollha tal-eliġibbiltà u tas-sigurtà;

    26.

    Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sigurtà tal-forzi Ewropej u tal-persunal Ewropew fl-Afganistan, kif ukoll dik tal-persunal lokali li jaħdem jew li ħadem għar-rappreżentanzi tal-Istati Membri jew għad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex jikkontribwixxu finanzjament għal żona ta' sigurtà msaħħa biex tiġi żgurata preżenza diplomatika wara l-irtirar tat-truppi;

    27.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

    Top