Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE5898

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-industrija Ewropea tal-għamara — spinta lit-trasport irkupru tagħha lejn ekonomija innovattiva, ekoloġika u ċirkolari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/05898

    ĠU C 365, 23.9.2022, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-industrija Ewropea tal-għamara — spinta lit-trasport irkupru tagħha lejn ekonomija innovattiva, ekoloġika u ċirkolari”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 365/02)

    Relatur:

    Anastasis YIAPANIS

    Korelatur:

    Rolf GEHRING

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    21.10.2021

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-sezzjoni

    13.5.2022

    Adottata fil-plenarja

    15.6.2022

    Sessjoni Plenarja Nru

    570

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    207/1/2

    1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-Ewropa għandha settur tal-għamara dinamiku ħafna b’diversità kbira f’termini tad-daqs tal-kumpaniji u l-proċessi tax-xogħol, kif ukoll ta’ disinn. Is-settur ikopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu u jipprovdi opportunitajiet tajbin biex jitħaddnu s-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn mudelli ekonomiċi ċirkolari.

    1.2.

    Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġ li jikkonformaw ma’ regolamenti stretti dwar l-ambjent, il-prodotti, is-saħħa u s-sikurezza, li naturalment iżidu l-ispejjeż operatorji. Il-kompetizzjoni internazzjonali ġġarrab distorsjoni mis-sussidji tal-gvern offruti lill-kompetituri esterni u mill-prattiki inġusti użati biex jinkiseb aċċess għas-suq, speċjalment minn entitajiet ekonomiċi mill-Asja.

    1.3.

    Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-bilanċ tajjeb bejn it-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà u l-benesseri soċjali huwa l-mira t-tajba għall-futur tas-settur tal-għamara fl-UE. Il-Kumitat iqis li n-negozji jeħtieġu qafas leġiżlattiv koerenti dwar il-proprjetà intellettwali li jipproteġi l-interessi tagħhom u li jkun adatt għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    1.4.

    Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prodotti kollha tal-għamara importati jikkonformaw b’mod strett mar-regoli tal-UE, inkluż l-obbligi ta’ informazzjoni għall-konsumatur. Il-KESE jappella wkoll għal leġiżlazzjoni koerenti tal-UE li timponi formati standardizzati tat-tikkettar għall-prodotti kollha.

    1.5.

    Peress li l-industrija tuża ħafna materja prima, l-aċċess affidabbli u mingħajr xkiel għal riżorsi ta’ kwalità għolja u ktajjen ta’ valur sodi huma essenzjali għas-settur. Barra minn hekk, minħabba li d-domanda għall-injam, il-materja prima ewlenija għall-industrija tal-għamara, qiegħda tiżdied b’mod kostanti, il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi estiża u mmodernizzata l-infrastruttura tal-foresti u s-sostenibbiltà tagħha, u li jittejbu l-ħiliet u t-teknoloġiji.

    1.6.

    Il-KESE jqis li l-injam prodott fl-Ewropa huwa assi importanti ħafna li għandu jintuża biex jiġu ġġenerati prodotti b’valur miżjud għoli. Il-Kumitat jemmen li l-esportazzjonijiet tal-materja prima tal-injam ma jagħmlu l-ebda sens f’termini ekonomiċi u jappella għal strumenti għad-difiża tal-kummerċ li jipproteġu lill-produtturi lokali tal-għamara.

    1.7.

    Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri biex itemmu s-sussidji u inċentivi oħra għall-ħruq tal-injam għall-enerġija u biex jippromovu l-prinċipju ta’ użu kaskata.

    1.8.

    Il-KESE jixtieq jappella għal tnaqqis jew eliminazzjoni tat-tariffi għall-materja prima tal-injam primarja u sekondarja importata. Barra minn hekk, il-Kumitat jitlob li dawk li jfasslu l-politika jiżguraw li jiġu infurzati l-kriterji ta’ sostenibbiltà fil-ftehimiet kummerċjali u li l-importazzjonijiet jinkludu kriterji ta’ verifika rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u t-trattament ġust tal-ħaddiema. Il-KESE jħeġġeġ li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mill-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, b’rispett sħiħ għall-konvenzjonijiet tal-ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema.

    1.9.

    Is-settur tal-għamara jrid ikun parti mill-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (1), u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ prodotti sostenibbli u inklużivi għall-mod il-ġdid ta’ għajxien, li fih is-sostenibbiltà tiġi armonizzata mal-istil ta’ ħajja.

    1.10.

    Il-ftehim tal-imsieħba soċjali dwar it-tnaqqis tal-formaldeid fil-produzzjoni tal-pannelli huwa eżempju eċċellenti ta’ kif ftehimiet volontarji tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu l-perikli għas-saħħa. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella għal pakketti sostenibbli u kompletament riċiklabbli u jirrakkomanda li jsir rieżami tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (2).

    1.11.

    Il-KESE jqis li hija meħtieġa tranżizzjoni b’pass mgħaġġel mill-fluss lineari tal-materjali u tal-enerġija lejn mudell ċirkolari sabiex ikun jista’ jsir irkupru tal-valur mill-prodotti u jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

    1.12.

    Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-produtturi tal-għamara jfasslu l-prodotti tagħhom b’tali mod li jippermetti l-irkupru tal-valur u jiffaċilita l-użu mill-ġdid, it-tiswija, ir-rinnovazzjoni u r-riċiklaġġ. Skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fis-settur tal-għamara għandha l-potenzjal li żżid il-kapaċitajiet ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella għal projbizzjoni leġiżlattiva Ewropea tar-rimi tal-għamara fil-landfills sabiex jiżdiedu l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ materjali ta’ valur.

    1.13.

    Is-settur jeħtieġ forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet u aktar attraenza għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Is-settur irid jagħmel ħiltu biex itejjeb kontinwament il-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li joħloq għażliet ta’ taħriġ u jiffoka fuq il-motivazzjoni ta’ speċjalisti b’ħiliet għoljin u diġitali biex jissieħbu fl-industrija.

    1.14.

    Il-Kumitat jistieden lil-leġiżlaturi Ewropej jappoġġjaw b’mod attiv inizjattivi tranżnazzjonali li jżidu l-kwalità ta’ kull forma ta’ apprendistat fis-settur tal-għamara. Erasmus aktar ambizzjuż għall-apprendisti jgħin biex jiġu trasferiti aħjar it-tradizzjonijiet rikki u diversi u l-potenzjal innovattiv tal-produzzjoni tal-għamara fl-Ewropa.

    1.15.

    Il-programmi edukattivi, l-inizjattivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jridu jiġu żviluppati bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi u NGOs rilevanti oħrajn. It-tħejjija tal-forza tax-xogħol għall-isfidi futuri tas-settur hija essenzjali.

    1.16.

    Il-KESE jappella għal investimenti fil-ħiliet, fid-disinn, fil-kreattività u fl-iżvilupp tal-katina tal-valur, u għal titjib fl-aċċess għall-programmi tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni għall-produtturi tal-għamara. L-SMEs jeħtiġilhom jingħataw riżorsi adegwati biex janalizzaw l-iżvilupp tan-negozju tagħhom b’mod ċirkolari, innovattiv u sostenibbli.

    1.17.

    Il-Kumitat jemmen li l-ħolqien ta’ domanda għall-għamara użata u l-għoti ta’ appoġġ lill-atturi mingħajr skop ta’ qligħ involuti fil-proċess tar-riċiklaġġ jew tal-użu mill-ġdid kreattiv tal-għamara użata jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-miri tat-tranżizzjoni ekoloġika.

    1.18.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ pjattaforma Ewropea li tinkludi kumpaniji, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituti tar-riċerka, universitajiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn filwaqt li tippromovi l-iżvilupp tan-negozju fl-għamara.

    2.   Kummenti introduttorji

    2.1.

    L-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa (3) hija ffukata fuq it-tranżizzjoni irriversibbli u progressiva lejn sistema ekonomika sostenibbli li ma tħalli l-ħadd jibqa’ lura, tħaddan id-diġitalizzazzjoni u l-iżviluppi ekoloġiċi, u tibni sħubijiet bejn l-industrija, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

    2.2.

    L-Ewropa għandha settur tal-għamara dinamiku b’diversità kbira f’termini tad-daqs tal-kumpaniji u l-proċessi tax-xogħol. B’mod ġenerali, is-settur jirrikjedi ħafna ħaddiema, bi ktajjen tal-valur li għadhom lokali jew reġjonali, u huwa ddominat ħafna mill-SMEs u mill-mikrokumpaniji. Huwa jimpjega madwar miljun ħaddiem u jammonta għal kwart tal-produzzjoni dinjija totali (4).

    2.3.

    Is-settur ikopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu: il-materja prima, l-ipproċessar, l-użu, il-manutenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, il-bijomassa għall-enerġija. Għalhekk, dan jipprovdi opportunitajiet tajbin biex jitħaddnu s-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn mudelli ekonomiċi ċirkolari.

    2.4.

    Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet ħażin lis-settur tal-għamara, speċjalment lill-ktajjen tal-valur transfruntiera, li kienu affettwati b’mod qawwi mill-għadd kbir ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni. Dan juri l-importanza ta’ suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb.

    3.   Aspetti ta’ kompetittività

    3.1.

    Ir-regolamenti, l-istandards, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti tat-tikkettar nazzjonali differenti jikkostitwixxu ostaklu għall-produtturi tal-UE u joħolqu spejjeż sproporzjonati għall-kumpaniji. L-istandardizzazzjoni u r-regoli armonizzati madwar l-UE kollha għandhom il-potenzjal li jimminimizzaw l-ostakli u li jġibu ċertezza u fehim komuni għall-parteċipanti kollha fis-suq.

    3.2.

    Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa għandha impatt negattiv fuq il-kompetittività tas-settur u żżid mal-problema tad-disponibbiltà tar-riżorsi u ż-żieda fil-prezzijiet għall-materja prima.

    3.3.

    Minbarra l-kompetizzjoni dejjem akbar fis-suq internazzjonali, il-kumpaniji minn pajjiżi terzi xi drabi jużaw prattiki inġusti biex jiksbu aċċess għas-suq, speċjalment entitajiet ekonomiċi mill-Asja, li f’ċerti okkażjonijiet huma ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-kumpaniji Ewropej jeħtieġ li jikkonformaw ma’ regolamenti ambjentali, tal-prodotti, tas-saħħa u tas-sikurezza aktar stretti, li naturalment iżidu l-ispejjeż operatorji. Standards ambjentali baxxi f’pajjiżi terzi huma wkoll ta’ żvantaġġ għall-prodotti tal-għamara Ewropej magħmula minn injam ġenwin. Il-KESE jqis li dawn l-aspetti jfixklu l-kompetittività tal-kumpaniji lokali meta jikkompetu fis-swieq globali.

    3.4.

    Fir-rigward tas-suq intern, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li kull prodott tal-għamara importat jikkonforma mar-regoli tal-UE, inkluż mal-obbligi ta’ informazzjoni għall-konsumatur, fosthom tikkettar adegwat għall-konsumatur. Il-KESE jappella wkoll għal leġiżlazzjoni koerenti tal-UE li timponi rekwiżit li l-prodotti tal-għamara jkunu akkumpanjati b’informazzjoni f’formati standardizzati tat-tikkettar, eż. il-pajjiż tal-oriġini, il-materjali użati, indikazzjoni ċara tal-komponenti kollha tal-prodott, is-sikurezza tal-prodott, id-durabbiltà, l-istruzzjonijiet dwar l-użu, it-tindif u l-manutenzjoni, il-garanzija tal-prodott, eċċ. It-tisħiħ tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq li jivvalutaw il-kwalità tal-għamara importata jeħtieġ li jiżgura l-informazzjoni għall-konsumatur u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-produtturi lokali tal-UE.

    3.5.

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-passaporti diġitali tal-prodotti bħala parti mill-Inizjattiva li jmiss għal Prodotti Sostenibbli (5). Dawn l-għodod, jekk jitfasslu u jiġu armonizzati tajjeb, għandhom il-potenzjal li jmexxu ’l quddiem l-ekonomija ċirkolari billi jwasslu informazzjoni dwar il-prodotti tul il-ktajjen tal-valur u, fost l-oħrajn, billi jistimulaw id-domanda ċirkolari u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati.

    3.6.

    Il-produtturi minn pajjiżi terzi qed ilaħħqu mill-aspett teknoloġiku, u għalhekk dan il-vantaġġ kompetittiv tal-UE qed jitlef is-sinifikat tiegħu. Għalhekk, huma meħtieġa mudelli ġodda ta’ negozju li jikkombinaw il-kompetittività mas-sostenibbiltà u jipprovdu aċċess għas-suq għall-produtturi lokali.

    3.7.

    Is-settur huwa sensittiv ħafna wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, speċjalment peress li l-kwalità, l-innovazzjoni u d-disinn għadhom jirrappreżentaw il-vantaġġi kompetittivi ewlenin tal-UE. Il-Kumitat iqis li n-negozji jeħtieġu qafas leġiżlattiv koerenti li jipproteġi l-interessi tagħhom u huwa adatt għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    3.8.

    Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-bilanċ it-tajjeb bejn it-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà u l-benesseri soċjali huwa l-mira t-tajba għall-futur tas-settur tal-għamara fl-UE b’mod partikolari, u l-ekonomija b’mod ġenerali..

    4.   Aċċess għall-materja prima

    4.1.

    Is-settur tal-għamara juża ħafna materja prima fil-proċess tal-produzzjoni (bħall-injam, il-kannamieli, il-ġilda, il-metall, il-plastik, it-tessuti, il-ħġieġ, il-foams eċċ.). L-aċċess affidabbli u mingħajr xkiel għall-materja prima ta’ kwalità għolja huwa kruċjali għall-produtturi Ewropej, u l-KESE jappella għal ktajjen ta’ valur imsaħħa li jippermettu lill-industrija tiffjorixxi. Il-KESE jappella wkoll għal tikkettar adegwat għall-konsumatur ta’ materjali mhux tal-injam li jidħlu fis-suq Ewropew sabiex l-industrija Ewropea tal-għamara tiġi protetta minn materja prima rħisa u spiss mhux sostenibbli minn pajjiżi terzi.

    4.2.

    L-injam huwa wieħed mill-aktar materji prima disponibbli u rinnovabbli b’mod naturali. Id-domanda qed tiżdied b’mod kostanti, filwaqt li l-prezz għall-materja prima li tkun konformi mar-regoli u mal-istandards tal-UE qed jiżdied u qed joħloq pressjoni addizzjonali. Sabiex tiġi indirizzata d-domanda akbar għall-injam fis-suq intern, huwa kruċjali li l-infrastruttura tal-foresti tiġi estiża u mmodernizzata, u tinżamm is-sostenibbiltà tagħha, kif ukoll li jittejbu l-ħiliet, it-teknoloġiji u l-loġistika tal-produtturi tal-injam.

    4.3.

    Il-Kumitat jesprimi tħassib fir-rigward tad-disponibbiltà ġenerali, li dejjem qiegħda tonqos, tal-materja prima ewlenija u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-industrija minħabba l-użu multiplu tagħha, speċjalment għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jqis li l-industriji tal-għamara u tax-xogħol fl-injam jipprovdu benefiċċji ħafna aħjar f’termini ta’ valur miżjud u impjiegi mill-ħruq dirett tal-injam, u jistieden lill-Istati Membri jtemmu s-sussidji u inċentivi oħrajn għall-ħruq tal-injam għall-enerġija, u jerġa’ jappella għall-“promozzjoni tal-użu tal-prinċipju ta’ użu kaskata (cascaded use) (manifattura tal-prodotti, użu mill-ġdid, tiswija u riċiklaġġ, valorizzazzjoni tal-kontenut tal-enerġija)” (6). Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li tissaħħaħ il-promozzjoni tal-injam Ewropew fis-suq intern billi tiżdied il-viżibbiltà u l-użu ta’ prodotti u għamara tal-injam ġenwini.

    4.4.

    Barra minn hekk, is-sussidji offruti lix-xerrejja mhux mill-UE li jixtru injam mill-Ewropa qed ifixklu l-lat tad-domanda. Il-KESE jappella għal strumenti għad-difiża tal-kummerċ li jipproteġu lill-produtturi lokali tal-għamara u huwa konvint li l-esportazzjonijiet tal-materja prima tal-injam ma jagħmlu l-ebda sens f’termini ekonomiċi.

    4.5.

    Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-injam, huwa importanti ħafna li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jiffaċilitaw aċċess faċli għar-riżorsi primarji tal-injam li mhumiex tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jappella għal tnaqqis jew eliminazzjoni tat-tariffi għall-materja prima tal-injam primarja u sekondarja importata. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni għall-injam importat minn ċerti pajjiżi mhumiex kompletament effettivi. Il-Kumitat jitlob li dawk li jfasslu l-politika jiżguraw li jiġu infurzati l-kriterji ta’ sostenibbiltà fil-ftehimiet kummerċjali u li l-importazzjonijiet jinkludu kriterji ta’ verifika rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u t-trattament ġust tal-ħaddiema. Il-KESE jħeġġeġ li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mill-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, b’rispett sħiħ għall-konvenzjonijiet tal-ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema. B’dan il-mod jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq.

    5.   Sostenibbiltà u tranżizzjoni ekoloġika

    5.1.

    Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni tal-KE dwar il-Bahaus Ewropea l-Ġdida tippreżenta opportunità eċċellenti għall-industrija tal-għamara biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ prodotti sostenibbli u inklużivi għall-mod il-ġdid ta’ għajxien, li fih is-sostenibbiltà tarmonizza mal-istil ta’ ħajja. It-tranżizzjoni ġenerali tas-settur fl-aspetti kollha tiegħu se tkun ta’ suċċess biss jekk intejbu l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom.

    5.2.

    Il-Kumitat jinnota x-xejra dejjem tikber tal-konsumaturi li qegħdin ifittxu prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li ġew immanifatturati b’rispett lejn kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Barra minn hekk, is-settur tal-għamara jista’ jtejjeb l-impatt ambjentali tiegħu billi jimmanifattura prodotti aktar durabbli u billi juża materjali riċiklati jew sostenibbli (bħall-ballut, l-arżnu, l-akaċja, eċċ.) u l-injam reklamat.

    5.3.

    Il-KESE jappella għal qafas leġiżlattiv Ewropew koerenti li jipprojbixxi l-prodotti kollha mibjugħa fis-suq intern li jkun fihom ritardanti tal-fjammi perikolużi. Is-sustanzi perikolużi għandhom jiġu sostitwiti wkoll, pereżempju, minn foams ibbażati fuq l-ilma, kolla inqas perikoluża jew sustanzi li fihom komposti organiċi volatili baxxi. Il-ftehim tal-imsieħba soċjali dwar it-tnaqqis tal-formaldeid fil-produzzjoni tal-pannelli huwa eżempju eċċellenti ta’ kif ftehimiet volontarji tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu l-perikli għas-saħħa li jirriżultaw minn sustanzi perikolużi.

    5.4.

    Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-imballaġġi sostenibbli u kompletament riċiklabbli jkunu obbligatorji u jappella li jsir rieżami tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ. Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-inċentivi tat-taxxa jista’ jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ proġetti ta’ sostenibbiltà.

    6.   Ċirkolarità

    6.1.

    Wara l-ambizzjonijiet imħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (7) u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (8), l-ekonomija tal-UE qed turi sinjali ta’ tħaddin taċ-ċirkolarità u ta’ trawwim tal-innovazzjoni lejn mudelli ekonomiċi ġodda sostenibbli. Id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi huwa kruċjali għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.

    6.2.

    Iċ-ċifri juru li bejn 80 % u 90 % tal-iskart tal-għamara tal-UE fl-iskart solidu muniċipali jiġi inċinerat jew jintbagħat f’landfill. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni għall-konsumatur u d-disponibbiltà tal-ispare parts, li minflok ma jinkoraġġixxu ċ-ċirkolarità, jippromovu x-xiri ta’ għamara ġdida. Projbizzjoni leġiżlattiva Ewropea tar-rimi ta’ għamara fil-landfills se żżid l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ materjali ta’ valur.

    6.3.

    L-unika soluzzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-pressjoni żejda fuq ir-riżorsi naturali tad-dinja hija tranżizzjoni rapida mill-fluss lineari tal-materjali u l-enerġija lejn mudell ċirkolari. Il-mudelli tal-ekonomija ċirkolari applikati fis-settur tal-għamara għandhom il-kapaċità li jippermettu l-irkupru tal-valur mill-prodotti u jiżguraw it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jenfasizza li l-għamara, u speċjalment il-prodotti tal-injam ġenwini, huma essenzjali għall-ħżin tal-karbonju u b’hekk jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

    6.4.

    Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-produtturi tal-għamara jfasslu l-prodotti tagħhom b’tali mod li jippermetti l-irkupru tal-valur u jiffaċilita l-użu mill-ġdid, it-tiswija, ir-rinnovazzjoni u r-riċiklaġġ. L-enfasi tal-proċessi tal-manifattura trid tkun biex jistimolaw l-effiċjenza fir-riżorsi u fl-enerġija u t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni.

    6.5.

    Skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi fis-settur tal-għamara għandha l-potenzjal li żżid il-kapaċitajiet ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ fl-Unjoni, filwaqt li tippromovi inċentivi għall-produtturi biex iqisu l-impatt ambjentali mill-bidu tal-fażi tad-disinn sat-tmiem tal-ħajja ta’ prodott.

    7.   Edukazzjoni, diġitalizzazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol

    7.1.

    Studju reċenti juri li l-biċċa l-kbira tal-impjegati fis-settur tal-għamara ma għandhomx kwalifiki fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja u mhumiex familjari mal-aspetti tal-ekonomija ċirkolari (9). Madankollu, il-ħtieġa ta’ forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet hija kbira, u s-settur qiegħed jiffaċċja forza tax-xogħol li kulma jmur qed tixjieħ u għandu diffikultajiet biex jattira l-ġenerazzjoni żagħżugħa. Sabiex tittejjeb l-attraenza tas-settur huwa importanti ħafna li jittejbu fuq bażi kontinwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol (saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol) u l-għażliet ta’ taħriġ ulterjuri, u ssir enfasi biex l-ispeċjalisti b’livell għoli ta’ ħiliet u fil-qasam diġitali jiġu motivati jissieħbu fl-industrija tal-għamara.

    7.2.

    Meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja, il-kost lavorattiv fl-UE huwa kemxejn ogħla, iżda l-produttività u l-innovazzjoni jiżbqu wkoll dawk ta’ reġjuni oħra. Il-KESE diġà qal li “sabiex iżid il-produttività tiegħu u jkun minn ta’quddiem meta mqabbel mal-kompetituri, is-settur jeħtieġ ħaddiema mħarrġa fl-aktar ħiliet u teknoloġiji reċenti” (10).

    7.3.

    Il-Kumitat jistieden lil-leġiżlaturi Ewropej jappoġġjaw b’mod attiv inizjattivi tranżnazzjonali li jżidu l-kwalità ta’ kull forma ta’ apprendistat fis-settur tal-għamara, bħal pereżempju l-kunċett ta’ Kwalifiki Ewlenin Ewropej (11).

    7.4.

    L-edukazzjoni vokazzjonali inizjali u ulterjuri trid tiġi żviluppata biex jitrawmu l-ħiliet u l-kompetenzi ġodda speċifiċi għas-settur. Dawn iridu jinkludu lill-imsieħba soċjali, lill-istituti edukattivi u lil NGOs rilevanti oħrajn. Il-futur tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-għamara huwa impjiegi b’livell għoli ta’ teknoloġija u għarfien intensiv, ibbażati fuq djalogu soċjali sod u fuq ftehimiet kollettivi b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, li jistgħu jattiraw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.

    7.5.

    Erasmus aktar ambizzjuż għall-apprendisti jgħin ukoll fit-trasferiment aħjar tat-tradizzjonijiet rikki u diversi u fil-potenzjal innovattiv tal-produzzjoni tal-għamara fl-Ewropa, u bl-istess mod jgħin ukoll biex tittejjeb l-attraenza tas-settur tal-għamara fost iż-żgħażagħ u fis-soċjetà kollha. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ sistemi ta’ validazzjoni li jappoġġjaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki.

    8.   Finanzjament u investimenti

    8.1.

    Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu aċċess għal programmi ta’ finanzjament tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni li jistgħu jgħinuhom jespandu, isiru aktar produttivi u jħaddnu ċ-ċirkolarità u t-teknoloġiji ġodda. L-investiment huwa meħtieġ ukoll fil-promozzjoni taċ-ċirkwiti ċirkolari, it-tul tal-ħajja tal-prodotti, il-kapaċitajiet tagħhom ta’ tiswija jew ta’ rinnovazzjoni u riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ domanda għall-għamara użata u l-appoġġ għal atturi mingħajr skop ta’ qligħ involuti fil-proċess tar-riċiklaġġ jew ta’ modifika tal-għamara użata, jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-miri tat-tranżizzjoni ekoloġika.

    8.2.

    L-opportunitajiet ta’ finanzjament jibqgħu wħud mill-aktar dgħufijiet sinifikanti f’settur iddominat mill-SMEs. Huwa importanti ħafna li l-SMEs ikollhom riżorsi adegwati biex janalizzaw l-iżvilupp tan-negozju tagħhom b’mod ċirkolari, innovattiv u sostenibbli, u dawn għandhom jiġu appoġġjati b’inċentivi fiskali tranżizzjonali u rati tal-VAT aktar baxxi għal għamara rinnovat u manifatturata mill-ġdid.

    8.3.

    Karatteristiċi superjuri bħad-disinn, il-kwalità, il-funzjoni, id-durabbiltà jew l-ergonomija għall-prodotti tal-għamara għandhom il-kapaċità li jibbilanċjaw il-vantaġġ tal-prezz offrut mill-produtturi minn pajjiżi b’pagi baxxi. Barra minn hekk, l-innovazzjoni fl-użu tal-materjali u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni b’teknoloġija avvanzata jipprovdu effett ta’ lieva addizzjonali għall-kompetittività. Għalhekk, il-Kumitat jappella għal investimenti fid-disinn, fil-kreattività, fil-ħiliet u fl-iżvilupp tal-katina tal-valur.

    8.4.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ pjattaforma Ewropea li tippromovi kemm l-iżvilupp tan-negozju fl-industrija tal-għamara kif ukoll valutazzjoni ta’ prekawzjoni tal-impatt soċjali ta’ teknoloġija ġdida. Din għandha tinkludi kumpaniji, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituti tar-riċerka, universitajiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, u tipprovdi appoġġ għat-tkabbir tas-settur, kif tagħmel il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (12), li hija eżempju eċċellenti f’dan ir-rigward.

    Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien COM/2021/573 final

    (2)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

    (3)  Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa COM/2020/102 final

    (4)  DĠ – Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

    (5)  Inizjattiva għal prodotti sostenibbli

    (6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 18).

    (7)  COM/2019/640 final

    (8)  COM/2020/98 final

    (9)  Innovazzjoni fl-Industrija tal-Għamara fl-era tal-ekonomija ċirkolari

    (10)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 18).

    (11)  Professjonijiet Ewropej tal-Għamara

    (12)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari


    Top