Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE5552

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Qafas ġdid għal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u ftehimiet ta’ investiment li jiggarantixxi l-involviment ġenwin tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali u jiżgura sensibilizzazzjoni pubblika” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/05552

    ĠU C 290, 29.7.2022, p. 11–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 290/11


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Qafas ġdid għal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u ftehimiet ta’ investiment li jiggarantixxi l-involviment ġenwin tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali u jiżgura sensibilizzazzjoni pubblika”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 290/03)

    Relatur:

    Stefano PALMIERI

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

    Adottata fis-sezzjoni

    9.3.2022

    Adottata fil-plenarja

    23.3.2022

    Sessjoni Plenarja Nru

    568

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    215/1/7

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija kummerċjali Ewropea l-ġdida li hija miftuħa, sostenibbli u assertiva, u jemmen li huwa ferm importanti li, permezz ta’ din l-istrateġija, tiġi promossa, minn naħa, il-kompetittività tas-setturi tal-produzzjoni Ewropej u tal-atturi ekonomiċi (intrapriżi kbar, ta’ daqs medju, u żgħar) u, min-naħa l-oħra, li jingħata kontribut għall-promozzjoni tal-valuri u l-prinċipji Ewropej, partikolarment id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tal-ġeneru, kif ukoll id-drittijiet tax-xogħol u ambjentali. B’dan il-mod jista’ jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea (UE) ikollha l-istrumenti t-tajba biex tipproteġi lill-ħaddiema u lin-negozji minn prattiki kummerċjali inġusti, u lill-konsumaturi minn prodotti perikolużi u mhux sostenibbli; b’hekk isservi kemm l-interessi tan-negozji kif ukoll dawk tal-konsumaturi u tal-ħaddiema.

    1.2.

    Il-KESE jemmen li l-istrateġija kummerċjali l-ġdida ambizzjuża tal-UE, biex tiġi implimentata, teħtieġ:

    strateġija innovattiva ta’ negozjar kummerċjali (ftehimiet kummerċjali, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, ftehimiet ta’ investiment) li jistgħu jiggarantixxu l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u b’hekk jiżguraw li l-benefiċċji tal-kummerċ ikunu garantiti għall-parteċipanti kollha mill-UE u l-pajjiżi msieħba;

    riforma adegwata tal-istrumenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet: il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi.

    1.3.

    Fil-fehma tal-KESE, il-proċess ta’ riforma doppja — tal-istrumenti ta’ negozjar u tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi — se jagħmilha possibbli li tinkiseb kondiviżjoni reali u b’hekk sensibilizzazzjoni pubblika tal-valur tal-ftehimiet kummerċjali, ta’ sħubijiet u ta’ investiment, iffirmati mill-atturi kollha affettwati mill-effetti tagħhom (intrapriżi, ħaddiema, konsumaturi, eċċ.) u għaż-żewġ partijiet kontraenti (l-UE u l-pajjiżi msieħba).

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Fi Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet politika kummerċjali ġdida miftuħa, sostenibbli u assertiva (1), maħsuba biex tilħaq it-tliet objettivi tal-UE li ġejjin:

    (i)

    l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali;

    (ii)

    il-konformità tar-regoli globali ma’ globalizzazzjoni aktar sostenibbli u ekwa;

    (iii)

    iż-żieda fil-kapaċità tal-UE li ssegwi l-interessi tagħha u ssaħħaħ id-drittijiet tagħha.

    2.1.1.

    Diversi fatturi kkontribwew għall-iżvilupp ta’ din l-istrateġija kummerċjali ġdida. L-ewwel u qabel kollox, il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, li tat bidu għal riflessjoni serja dwar strateġiji ġodda għas-saħħa, is-sikurezza alimentari, il-provvista ta’ materja prima u l-produzzjoni strateġika, u l-ktajjen ta’ valur globali b’mod ġenerali.

    2.1.2.

    Fatturi determinanti oħra għall-iżvilupp tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida proposta mill-Kummissjoni huma marbuta ma’: (i) il-kriżi li għaddejja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); (ii) ir-relazzjonijiet problematiċi ma’ xi pajjiżi jew blokok kummerċjali: iċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati Uniti; (iii) in-negozjati diffiċli mar-Renju Unit; (iv) u l-impass attwali f’xi ftehimiet kummerċjali (ara l-ftehim UE-Mercosur, l-FSA bejn l-UE u l-Afrika Ċentrali u l-FSA bejn l-UE u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant).

    2.1.3.

    Fid-dokument propost mill-Kummissjoni jingħad diversi drabi li l-istrateġija kummerċjali l-ġdida Ewropea, minbarra li tippromovi l-kompetittività tas-setturi produttivi Ewropej, għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri u l-prinċipji Ewropej, b’mod partikolari d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tal-ġeneru, kif ukoll id-drittijiet tax-xogħol u ambjentali.

    2.1.4.

    Il-Parlament Ewropew (PE) laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni u talab lill-Kummissjoni tiżgura li, fil-ftehimiet negozjati, il-Kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jikkontribwixxu għall-iżgurar li l-benefiċċji tal-kummerċ ikunu żgurati għall-parteċipanti kollha (2).

    2.1.5.

    Fl-Opinjonijiet reċenti tiegħu, l-KESE tenna l-viżjoni tiegħu dwar il-politika kummerċjali tal-UE, u esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni, u enfasizza l-importanza, ir-rilevanza u t-tempestività tagħha. Fl-istess ħin, il-KESE ddeskriva b’mod ċar l-aspettattivi u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal rieżami ambizzjuż tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (3).

    2.1.6.

    Proprju minħabba li l-istrateġija proposta l-ġdida mill-Kummissjoni hija verament ambizzjuża, nemmnu li l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ:

    strateġija innovattiva ta’ negozjar kummerċjali (ftehimiet kummerċjali, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, ftehimiet ta’ investiment) li jistgħu jiggarantixxu l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u b’hekk jiżguraw li l-benefiċċji tal-kummerċ ikunu garantiti għall-parteċipanti kollha mill-UE u l-pajjiżi msieħba;

    riforma adegwata tal-istrumenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet: il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi.

    2.1.6.1.

    Il-proċess ta’ riforma doppja — tal-istrumenti ta’ negozjar u tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi — se jagħmilha possibbli li tinkiseb kondiviżjoni reali u b’hekk sensibilizzazzjoni pubblika tal-valur tal-ftehimiet (kummerċjali, ta’ sħubija ekonomika, u ta’ investiment) ffirmati mill-atturi kollha affettwati mill-effetti ta’ tali ftehimiet (intrapriżi, ħaddiema, konsumaturi, eċċ.) u għaż-żewġ partijiet kontraenti (l-UE u l-pajjiżi msieħba).

    3.   Valutazzjoni kritika tal-ftehimiet kummerċjali attwali

    3.1.

    Filwaqt li jenfasizza l-fehma tiegħu li l-multilateraliżmu huwa fundamentali għall-kummerċ u li d-WTO — ladarba tiġi riformata b’mod sinifikanti — għandha għal darb’oħra ssostni dak il-multilateraliżmu, il-KESE jifhem li, f’dan il-kuntest speċifiku, il-ftehimiet kummerċjali jistgħu jkunu kruċjali. Dan huwa minnu kemm għar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tal-UE (li wara kollox jammontaw għal aktar minn 30 % tal-kummerċ tal-Unjoni fi prodotti u servizzi) kif ukoll, l-aktar importanti, għall-promozzjoni ta’ mudell ta’ żvilupp li jkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli għall-UE u l-imsieħba tagħha.

    3.2.

    Tul dawn l-aħħar snin, diversi strumenti ta’ negozjar użati mill-UE (ftehimiet kummerċjali, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, ftehimiet ta’ investiment) kienu s-suġġett ta’ valutazzjonijiet partikolarment kritiċi mill-KESE (4).

    3.3.

    Il-KESE jemmen li dawn il-valutazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala punt tat-tluq, sabiex jiġi vvalutat jekk l-istrumenti ta’ negozjar attwali għandhomx jiġu riformati biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida proposta mill-Kummissjoni.

    3.3.1.

    Aspett ewlieni jikkonċerna n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċessi ta’ negozjar dwar ftehimiet kummerċjali. Għalkemm hemm ħtieġa ċara ta’ kunfidenzjalità fil-kontenut tat-trattati li qed jiġu nnegozjati, il-KESE jemmen li tali kunfidenzjalità għandha madankollu tiżgura li n-negozjati kummerċjali jsiru b’mod trasparenti, u jiġi garantit fluss kontinwu ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati min-negozjati.

    3.3.1.1.

    Il-Kummissjoni dejjem opponiet b’mod ċar l-iżgurar ta’ trasparenza kompleta fin-negozjati, billi rreferiet għal leġiżlazzjoni (5) eżistenti u għadd ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), u sostniet li l-iżvelar ta’ informazzjoni waqt in-negozjati jippreġudika l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

    3.3.1.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi li, matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni wriet li hija miftuħa b’mod sinifikanti u inkoraġġanti, tejbet il-livell ta’ trasparenza billi għamlet disponibbli — fir-rigward ta’ diversi ftehimiet kummerċjali — informazzjoni dwar: ir-rapporti tad-diversi ċikli ta’ negozjati, il-mandat ta’ negozjar riċevut; id-diversi proposti testwali, kif ukoll it-tħejjija ta’ laqgħat permezz ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili u l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE.

    3.3.1.3.

    Minkejja dan it-titjib, il-mandat ta’ negozjar deċiż mill-Kunsill għandu jkun aktar ambizzjuż u jagħti lill-Kummissjoni possibbiltajiet akbar biex torganizza l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, billi tiżgura l-involviment reali tagħhom fil-proċess ta’ negozjar. Il-KESE talab ukoll li jiġġedded il-Grupp ta’ Esperti, li l-mandat tiegħu skada (7).

    3.3.1.4.

    Filwaqt li l-KESE jifhem li hemm kompromess reali u proprju bejn it-trasparenza u l-kunfidenzjalità fin-negozjati, jirrikonoxxi li l-kwistjoni tat-trasparenza tibqa’ l-kwistjoni bl-akbar frizzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

    3.4.

    Qasam ieħor ta’ kritika huwa li l-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà tal-ftehimiet huma parzjali, jiġu ppubblikati tard — meta n-negozjati jkunu diġà ġew konklużi — jew huma għalkollox ineżistenti fil-pajjiżi msieħba tal-ftehimiet.

    3.4.1.

    Kien preċiżament id-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà tal-ftehim UE-Mercosur li kien is-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman Ewropew (8) mressaq minn għadd ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. F’Marzu 2021, l-Ombudsman Ewropew ikkritikat lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas tagħha li tiżgura l-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà fi żmien debitu, jiġifieri qabel it-tmiem tan-negozjati kummerċjali UE-Mercosur. L-Ombudsman sabet li dan jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina (9).

    3.4.2.

    Il-KESE jtenni li l-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-ftehimiet għandhom jiġu ppubblikati fi żmien debitu fil-bidu tan-negozjati, u aġġornati matul in-negozjati u għandhom ikunu parti, minn żmien għal żmien, minn valutazzjoni ex post tal-ftehim matul il-fażi ta’ monitoraġġ tiegħu. Dawn il-valutazzjonijiet għalhekk għandhom jikkonċernaw iż-żewġ partijiet tan-negozjati: l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Istati kontropartijiet fuq il-mejda tan-negozjati (10).

    3.5.

    Kritika oħra tal-ftehimiet kummerċjali hija li dawn jonqsu milli jiżguraw b’mod effettiv ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali, għall-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll tal-istandards ambjentali u tas-sikurezza. Barra minn hekk, il-ftehimiet ma jiggarantixxux kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-atturi kollha fis-swieq (b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll għal xi setturi tal-produzzjoni) (11).

    3.6.

    Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali xi drabi jonqsu milli jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, l-eżistenza ta’ asimmetriji bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba fil-ftehim, bir-riskju li ma jsolvux jew xi drabi japprofondixxu d-differenzi eżistenti (eż. l-aċċess ekwu għal mediċini li jsalvaw il-ħajjiet, jew vaċċini). Huma jonqsu wkolli milli jqisu l-possibbiltà li l-kumpaniji multinazzjonali jistgħu jsiru aktar b’saħħithom bħala riżultat tal-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali.

    3.7.

    Sabiex jiġi żgurat involviment effettiv u wiesa’ tas-soċjetà ċivili organizzata, l-implimentazzjoni mifruxa tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi mhux meħtieġa biss fin-negozjati kummerċjali futuri kollha, iżda b’mod speċjali fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika attwali fl-Afrika, fejn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi huma kompletament assenti. Il-proċessi ta’ reviżjoni li għaddejjin bħalissa u li ġejjin, u l-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-OSAKP jistgħu joffru opportunità effettiva fl-introduzzjoni tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fil-ftehimiet kummerċjali eżistenti li m’għandhomx dan l-istrument (eż. ir-reviżjoni tal-FSE bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp tal-FSE tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC)).

    3.8.

    Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fin-negozjati u l-monitoraġġ tal-ftehimiet iffirmati mill-Unjoni evolvew xi ftit mill-esperjenzi tal-bidu. Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li saru, u f’ħafna każijiet kien involut fihom.

    3.9.

    Il-KESE jinnota s-sejbiet tal-istudju reċenti Study Reviewing the DG Trade Civil Society Dialogue (12), li vvaluta d-djalogu mas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali. Għalkemm jaqbel ma’ wħud mis-sejbiet tal-istudju, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ qabża kbira fl-involviment reali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kif ukoll tal-imsieħba soċjali fil-politika kummerċjali tal-UE.

    3.10.

    Il-KESE talab diversi drabi għall-involviment reali u akbar tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fl-istadji kollha tan-negozjati tal-ftehim kummerċjali fuq iż-żewġ naħat tal-mejda tan-negozjati (il-Kummissjoni u l-pajjiżi msieħba) (13).

    3.11.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li tiġi żviluppata strateġija ta’ negozjar ġdida, aktar effettiva, b’regoli u proċeduri ġodda biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva u effiċjenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali. Din tippromwovi l-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, billi tiżgura li jintlaħqu ftehimiet li huma kompatibbli ma’ żvilupp li huwa ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli għaż-żewġ partijiet tan-negozjar: l-UE u l-pajjiżi msieħba tal-ftehimiet kummerċjali.

    4.   Qafas ta’ negozjar ġdid għall-ftehimiet kummerċjali

    4.1.

    Il-KESE jqis li l-politika kummerċjali l-ġdida tal-UE toffri l-possibbiltà li jiġu vvalutati u mtejba r-regoli, il-proċeduri u l-kriterji għall-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-imsieħba soċjali b’mod ħafna aktar effettiv, trasparenti u inklużiv, kemm matul in-negozjati, u sussegwentement, matul il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni possibbli tal-ftehimiet.

    4.2.

    Il-KESE jemmen li huwa opportun li titfassal metodoloġija ġdida ta’ negozjar, li tistabbilixxi pjan direzzjonali ġdid, li jipprevedi l-involviment ġenwin tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fl-istadji kollha tan-negozjati. Din il-metodoloġija għandha tapplika kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati tal-kontroparti fin-negozjati.

    4.3.

    L-ewwel pass tal-pjan direzzjonali tan-negozjati għandu jkun l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil bejn in-negozjaturi (il-Kummissjoni u l-Istati rispettivi tal-kontroparti) li jiżgura l-impenn reċiproku tan-negozjaturi:

    (i)

    għar-rispett tal-istadji differenti tan-negozjati; u

    (ii)

    għall-involviment — fl-istadji differenti tan-negozjati — ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali bħala “osservaturi”, li jiltaqgħu f’“Kumitat Konsultattiv Konġunt speċjali tal-partijiet ikkonċernati (JCCS).

    4.3.1.

    L-istadji tan-negozjati previsti fil-memorandum ta’ qbil se japplikaw kemm għaċ-ċikli ta’ negozjati ġenerali kif ukoll għal kwalunkwe ċikli ta’ negozjati tekniċi li jistgħu jiġu ffurmati.

    4.3.2.

    It-twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jkun ibbażat fuq l-istess approċċ bħall-prinċipju ta’ sħubija fis-seħħ għall-politika ta’ koeżjoni.

    4.3.2.1.

    Permezz ta’ din is-sħubija, kull programm tal-politika ta’ koeżjoni huwa żviluppat permezz ta’ proċess kollettiv li jinvolvi awtoritajiet fil-livell Ewropew, reġjonali u lokali, msieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Din is-sħubija tapplika għall-istadji kollha tal-proċess tal-programmazzjoni, mid-disinn sal-ġestjoni u l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni. Dan l-approċċ jgħin biex jiġi żgurat li l-azzjoni tkun adattata għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet lokali u reġjonali tal-partijiet ikkonċernati kollha.

    4.3.3.

    L-għażla tal-osservaturi minn fost ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali għandha tkun soġġetta għall-kriterju fundamentali ta’ rappreżentanza effettiva, indipendenza u distribuzzjoni ġusta fost il-partijiet ikkonċernati. Fir-rigward tar-rappreżentattività u l-indipendenza, l-imsieħba soċjali għandhom jirrispettaw il-kriterji adottati mill-grupp tal-ħaddiema u l-grupp ta’ min iħaddem fi ħdan l-ILO, u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għandhom josservaw ir-regoli stabbiliti mill-korpi internazzjonali. L-osservaturi preżenti fil-kumitat konsultattiv konġunt tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu soġġetti għal kodiċi ta’ kondotta speċifiku.

    4.3.4.

    Minbarra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, fil-kumitat konsultattiv konġunt tal-partijiet ikkonċernati għandhom jipparteċipaw ukoll bħala osservaturi esterni. Istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti fosthom l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u s-Segretarjat tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent.

    4.3.4.1.

    Il-kodiċi ta’ kondotta għandu jistabbilixxi:

    (i)

    id-drittijiet u d-dmirijiet tal-osservaturi fil-kumitat konsultattiv konġunt tal-partijiet ikkonċernati li jipparteċipaw fin-negozjati f’isem is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Irid jiġi previst protokoll ta’ kunfidenzjalità speċifiku — fil-kodiċi ta’ kondotta li jistipula r-rispett tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità li jimplika l-obbligu li ma tiġix żvelata l-informazzjoni kondiviża fl-istadju ta’ negozjar “bil-bibien magħluqin” u fl-istadju ta’ “twissijiet bikrin”;

    (ii)

    il-prinċipji li jikkonċernaw l-identifikazzjoni ta’ osservaturi fil-kumitat konsultattiv konġunt tal-partijiet ikkonċernati b’mod trasparenti u li jiżgura l-indipendenza ġenwina tagħhom, u r-rappreżentattività u d-distribuzzjoni ugwali tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali (ara l-paragrafu 4.3.3);

    (iii)

    regoli u proċeduri tal-istadji differenti tan-negozjati previsti fil-pjan direzzjonali tan-negozjati.

    Il-kodiċi ta’ kondotta għandu jiġi ffirmat mill-parteċipanti kollha fin-negozjati bħala osservaturi fil-kumitat konsultattiv konġunt.

    4.4.

    Il-pjan direzzjonali tan-negozjati għandu jikkonsisti fl-istadji li ġejjin, li se jiġu ripetuti ċiklikament sa tmiem in-negozjati.

    4.4.1.

    L-istadju ta’ negozjar kunfidenzjali Dan l-istadju jinvolvi kemm lill-partijiet tan-negozjati (il-Kummissjoni u l-pajjiżi taż-żona ġeografika kontroparti fin-negozjati), kif ukoll lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali bħala osservaturi li jimpenjaw ruħhom — billi jiffirmaw il-protokoll ta’ kunfidenzjalità fil-kodiċi ta’ kondotta — biex jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni disponibbli għalihom f’dan l-istadju. F’dan l-istadju, l-ILO għandha tippreżenta rapport qabel in-negozjati dwar l-istatus tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet Fundamentali fil-pajjiż terz, li jkun disponibbli għall-membri kollha tan-negozjati (negozjaturi u osservaturi). Dan ir-rapport ma jkollu l-ebda valur vinkolanti iżda jgħin biex juri jekk l-istandards soċjali humiex qed jintlaħqu jew fil-pajjiżi kkonċernati mill-ftehim.

    4.4.2.

    L-istadju ta’ twissija bikrija mal-kumitat konsultattiv konġunt Stadju li fih l-osservaturi jidentifikaw suġġetti sensittivi fin-negozjati, li fir-rigward tagħhom in-negozjati mhux qed jilħqu soluzzjonijiet sodisfaċenti għas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Dan l-istadju huwa wkoll “stadju kunfidenzjali” li fih l-osservaturi huma mitluba jirrispettaw il-kunfidenzjalità sħiħa.

    4.4.3.

    L-istadju tal-komunikazzjoni miftuħa Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-pajjiżi taż-żona ġeografika kontroparti fin-negozjati jirrappurtaw pubblikament u regolarment dwar il-progress tan-negozjati. F’dan l-istadju, l-osservaturi jistgħu jesprimu l-valutazzjonijiet tagħhom skont ir-Regola Chatham House (14), billi jiddeskrivu s-suġġetti sensittivi tan-negozjati identifikati fl-istadju preċedenti tat-twissija bikrija mal-kumitat konsultattiv. Dan l-istadju huwa pubbliku li fih jiġu stabbiliti r-riżultati preliminari tan-negozjati. Dan l-istadju jservi biex tinħoloq sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-progress tan-negozjati.

    4.4.4.

    L-istadju tas-sottomissjoni tar-rapport preliminari tal-valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kummerċjali indipendenti. F’dan l-istadju, iż-żewġ partijiet (il-Kummissjoni u l-pajjiżi taż-żona ġeografika kontroparti) jippreżentaw il-valutazzjoni tal-impatt indipendenti preliminari tal-ftehim. Huwa f’dan l-istadju li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jesprimu l-valutazzjonijiet tagħhom tal-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-ftehim, billi jużaw ukoll l-analiżi tal-evalwazzjoni indipendenti tagħhom stess. L-osservaturi esterni għandhom jagħtu kontribut importanti billi jippreżentaw rapport li għandu jkun disponibbli għall-partijiet kollha u lill-pubbliku.

    4.4.5.

    Ladarba r-rapport tal-impatt preliminari jkun ġie ppreżentat, l-istadju ta’ negozjati kunfidenzjali terġa’ tibda b’mod ċikliku, segwit mill-istadju ta’ twissija bikrija mal-kumitat konsultattiv, segwit mill-istadju ta’ komunikazzjoni miftuħa, u finalment l-istadju tal-preżentazzjoni tar-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kummerċjali. Iċ-ċiklu tan-negozjati jibqa’ għaddej sakemm il-ftehim jiġi ffirmat jew le mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-pajjiżi taż-żona ġeografika kontroparti.

    4.4.6.

    Jekk il-ftehim jiġi ffirmat mill-partijiet, dawn — flimkien mal-osservaturi tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fil-Grupp Konsultattiv — iħejju protokoll speċifiku għat-twaqqif tal-Grupp Konsultattiv Domestiku (għall-UE u l-pajjiżi msieħba) li jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tiegħu (ara l-paragrafu 5.5.2).

    4.4.7.

    Il-KESE jemmen li l-qafas ta’ negozjati propost huwa ta’ sfida għall-partijiet kollha involuti fin-negozjati. Hija sfida li tirrikjedi għarfien tar-rwoli ta’ kull wieħed mill-atturi involuti (il-Kummissjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, osservaturi esterni), kif ukoll livell partikolarment għoli ta’ professjonalità u tħejjija min-naħa ta’ dawk kollha involuti. Il-KESE jqis li għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew, li għandu jkollu rwol akbar fl-istadji tan-negozjati u l-monitoraġġ tal-ftehimiet. Il-KESE huwa wkoll konvint li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li kulħadd, inklużi s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, ikun ġenwinament involut fin-negozjati kummerċjali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-kontenut tal-ftehim ikun ġenwinament maqbul bejn kulħadd.

    5.   Proposta għar-riforma tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet

    5.1.

    L-UE bħalissa qed tiffaċċja domanda dejjem akbar għal djalogu inklużiv u demokratiku mis-soċjetà ċivili u mill-imsieħba soċjali, mhux biss waqt l-abbozzar tal-ftehimiet kummerċjali, iżda wkoll matul l-implimentazzjoni tagħhom (15). Filwaqt li japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiftaħ spazji għad-diskussjoni u l-parteċipazzjoni, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jittejbu l-proċeduri għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

    5.2.

    Fil-fehma tal-KESE, l-istrumenti konsultattivi — il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi — imwaqqfa biex jimmonitorjawl-implimentazjoni u l-infurzar tal-impenji stipulati fil-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, u fil-futur tal-ftehimiet kummerċjali sħaħ, ma jissodisfawx b’mod sodisfaċenti l-għanijiet stabbiliti. Dawn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi għandhom lakuni kemm f’termini tal-kriterji li jwasslu għall-kompożizzjoni tagħhom kif ukoll nuqqas ta’ regoli ċari fir-rigward tal-funzjonament tagħhom.

    5.3.

    Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika stabbiliti fid-dokument informali Strengthening and Improving the Functioning of EU Trade Domestic Advisory Groups (16), u l-analiżi reċenti dwar il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE u tal-pajjiżi msieħba (17), il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi jistgħu jiġu evalwati skont erba’ livelli differenti ta’ suċċess, abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw:

    1)

    il-funzjonament tagħhom;

    2)

    il-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

    3)

    il-monitoraġġ tal-ftehimiet;

    4)

    l-impatt politiku.

    5.3.1.

    Fir-rigward tal-funzjonament, għalkemm il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi huma attivi fl-UE — bis-saħħa tal-funzjoni fundamentali tas-segretarjat tal-KESE — huma preżenti biss f’xi wħud mill-pajjiżi msieħba (18). Fil-pajjiżi msieħba fejn huma preżenti, huma għandhom problemi organizzattivi ovvji — minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji (19) — kif ukoll problemi ta’ rappreżentattività, distribuzzjoni ġusta tal-partijiet ikkonċernati, u indipendenza tal-organizzazzjonijiet membri tagħhom (20).

    5.3.2.

    Mil-lat tal-kapaċità tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-parteċipanti fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, għalkemm dejjem ikun hemm skambju ġenerali ta’ informazzjoni, jidher li hemm distinzjoni ċara bejn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE u l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-pajjiżi msieħba. Fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE, ġeneralment ikun hemm skambju tajjeb ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti fid-djalogu, filwaqt li fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-pajjiżi msieħba, hemm tensjonijiet bejn rappreżentanti tan-negozju u dawk li mhumiex. Fiż-żewġ tipi ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi, madankollu, ir-relazzjonijiet għadhom mhux sodisfaċenti bejn il-gvernijiet u l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi rispettivi tagħhom (l-hekk imsejjaħ djalogu vertikali). Hemm ukoll sejħa għal djalogu tranżnazzjonali aktar strutturat u profond bejn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE u tal-pajjiżi msieħba, speċjalment waqt il-laqgħa annwali tranżnazzjonali tas-soċjetà ċivili, u sabiex ikun hemm laqgħat speċifiċi bejn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fl-ambitu tal-istess ftehim.

    5.3.3.

    Fir-rigward tal-monitoraġġ tal-ftehimiet, għalkemm dan huwa l-għan ewlieni tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, irid jiġi rikonoxxut li huwa diffiċli li dan jimmaterjalizza. In-nuqqas li jinkiseb monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli huwa prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi speċifiċi għall-monitoraġġ, u nuqqas ta’ rieda u responsabbiltà min-naħa tal-gvernijiet. F’dan il-kuntest, il-pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni u l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba biex iżidu r-responsabbiltà tagħhom fil-fażi ta’ monitoraġġ hija ċertament apprezzata (21). Rapport ta’ informazzjoni mhux vinkolanti li jiġi ppreżentat lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi mill-ILO u l-OECD jikkostitwixxi bażi affidabbli għall-valutazzjoni tal-ftehim kummerċjali.

    5.3.4.

    Ma hemm l-ebda dubju li, bħala riżultat ta’ dak li nstab sa issa, l-impatt politiku tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, jiġifieri l-kapaċità li jinfluwenzaw l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet li jaqgħu taħt il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, huwa tkompletament insuffiċjenti. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji aktar ambizzjużi bil-għan li jiġi żgurat li l-gvernijiet iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi; barra minn hekk, minkejja li l-obbligi tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi huma vinkolanti, hemm nuqqas ta’ eżegwibilità effettiva u involviment permanenti tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi matul il-proċess ta’ litigazzjoni (22).

    5.4.

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-KESE jqis li huwa meħtieġ proċess ta’ riforma bir-reqqa tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi biex jitneħħew in-nuqqasijiet deskritti hawn fuq (fil-paragrafi 5.3.1 sa 5.3.4).

    5.5.

    Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jitwaqqaf — għat-tipi kollha ta’ ftehimiet negozjati — korp uniku li jinvolvi lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali. Il-Grupp Konsultattiv Domestiku Riformat ikun kapaċi jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzat tal-ftehimiet, u jevalwa r-riżultati (23).

    5.5.1.

    Dan il-korp għandu jkun komuni u kompletament funzjonali għaż-żewġ partijiet tal-ftehim (l-UE u l-pajjiżi msieħba). Huwa għandu jkopri wkoll l-aspetti kollha tal-ftehim, jipprijoritizza l-elementi kollha tal-ftehim li għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

    5.5.2.

    Il-KESE jemmen li kull ftehim iffirmat għandu jinkludi protokoll dwar il-funzjonament tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi li jistabbilixxi qafas istituzzjonalizzat sod li jkun kapaċi jistabbilixxi regoli għall-funzjonament tiegħu għaż-żewġ partijiet tal-ftehim (l-UE u l-pajjiżi msieħba). B’mod speċifiku, dan il-protokoll jistabbilixxi:

    (a)

    il-kriterji li jsaħħu l-identifikazzjoni tal-membri tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi biex jiżguraw ir-rappreżentattività, id-distribuzzjoni ġusta tar-rappreżentanti ikkonċernati u l-indipendenza tagħhom (ara l-paragrafu 4.3.3);

    (b)

    l-impenn biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-osservaturi esterni fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, kemm tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Il-parteċipazzjoni tal-ILO tagħmilha possibbli li jkun hemm monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, bl-użu tal-mekkaniżmu intern ta’ sorveljanza, u l-partijiet tan-negozjati jingħataw rapport speċifiku li jkollha l-għan li jidentifika kwalunkwe problema fl-implimentazzjoni tal-istandards soċjali tal-Kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-OECD se tagħmilha possibbli li tiġi mmonitorjata, permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u l-gvernijiet ikkonċernati, l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-kumpaniji multinazzjonali, partikolarment fil-katina tal-provvista. Il-valutazzjonijiet ta’ dawn il-korpi, madankollu, mhux se jkunu vinkolanti fi ħdan il-dwar il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi;

    (c)

    l-għoti lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi ta’ rwol tassew attiv fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim, fil-kwistjonijiet kollha tal-ftehim, li ll-Gruppi Konsultattivi Domestiċi jissottomettu lill-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO);

    (d)

    skeda ta’ żmien li tiddeskrivi pjani direzzjonali vinkolanti u applikabbli, għall-impenji fil-ftehim, bi skadenzi ċari għar-ratifika tagħhom;

    (e)

    l-aġġornament tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-impenji magħmula fil-ftehim, li jistabbilixxi sett ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li fuqhom se jkunu bbażati l-monitoraġġ in itinere u l-valutazzjoni tal-impatt ex post tal-ftehim;

    (f)

    id-data sa meta l-istudju tal-impatt ex post indipendenti tal-ftehim għandu jiġi ppreżentat għal kull waħda mill-partijiet ikkonċeranti tal-ftehim (l-UE u l-pajjiżi msieħba), jekk il-partijiet iqisu li jkun opportun li tiġi antiċipata l-iskadenza prevista ta’ 5 snin;

    (g)

    in-numru ta’ laqgħat li għandhom isiru minn kull Grupp Konsultattiv Domestiku matul is-sena għal kull parti għall-ftehim (l-UE u l-pajjiżi msieħba);

    (h)

    l-obbligu li ssir laqgħa annwali bejn il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE u tal-pajjiż msieħeb;

    (i)

    l-impenn li tiġi żgurata laqgħa annwali tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-UE u tal-pajjiżi msieħba li għandha ssir fi Brussell bil-parteċipazzjoni attiva tal-komponenti kollha tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi;

    (j)

    impenn biex tiġi stabbilita pjattaforma bbażata fuq l-Internet fejn il-parteċipanti tal-Grupp Konsultattiv Domestiku jistgħu jifhmu l-importanza ta’ tagħlim mill-esperjenzi ta’ xulxin, jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa eż. dwar suġġetti speċifiċi (id-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem, l-impatt fuq il-kummerċ tar-regoli tal-biedja organika, eċċ.), jikkondividu l-aħjar prattiki possibbli, jistabbilixxu korsijiet ta’ taħriġ online apposta għall-parteċipanti tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi;

    (k)

    skeda ta’ laqgħat ta’ rapportar lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-ħidma tal-Grupp Konsultattiv Domestiku;

    (l)

    ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-funzjonament tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi;

    (m)

    l-impenn li jitħejja rapport annwali dwar il-funzjonament ta’ kull Grupp Konsultattiv Domestiku. F’dan ir-rapport, il-Gruppi Konsultattivi Domestiċi se jkunu jistgħu jistabbilixxu prijoritajiet u rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, u l-Kummissjoni Ewropea se tkun meħtieġa tinkorpora dawn il-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-prijoritajiet tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jew, fi kwalunkwe każ, biex tiġġustifika kwalunkwe rifjut;

    (n)

    l-impenn li l-KESE jiġi fdat bil-funzjoni organizzattiva tal-Grupp Konsultattiv Domestiku min-naħa tal-UE, u li jipprovdi assistenza teknika għal-laqgħa tranżnazzjonali tal-Grupp Konsultattiv Domestiku Ewropew u tal-pajjiżi msieħba. F’dan il-kuntest, is-segretarjat tal-KESE se jipprovdi assistenza teknika għall-identifikazzjoni tal-kontropartijiet fil-pajjiżi msieħba (abbażi tal-kriterji, ara l-paragrafu 4.3.3), jasssisti lill-presidenzi tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fir-rigward tal-iffissar tal-aġenda, il-ġestjoni tal-laqgħat, l-abbozzar ta’ rapporti tal-laqgħat, il-preżentazzjoni ta’ rapporti lill-istituzzjonijiet tal-UE u lis-soċjetà ċivili, u t-teħid tar-responsabbiltà biex tingħata l-informazzjoni meħtieġa.

    5.5.3.

    Se jkollhom rwol fundamentali l-indikaturi ta’ monitoraġġ in itinere, li jeħtieġ li jiżguraw il-konformità mal-impenji previsti fil-ftehim u se jkopru l-oqsma ekonomiċi/kummerċjali, soċjali, ambjentali u tas-sikurezza tas-saħħa.

    5.5.4.

    Il-KESE jemmen li, abbażi tal-proċess ta’ riforma tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, ir-rwol tal-KESE se jsir kruċjali u se jeħtieġ aġġustament xieraq tar-riżorsi umani u finanzjarji. Għal din ir-raġuni, il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet baġitarji biex jipprovdu — meta r-riforma tiġi implimentata bis-sħiħ — għotja addizzjonali f’konformità man-nefqa kurrenti ppjanata mill-Kummissjoni, sabiex jgħinu lill-gruppi konsultattivi domestiċi jwettqu l-attivitajiet previsti tagħhom kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi.

    Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2021) 66 final.

    (2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE (2020/2761 (RSP)).

    (3)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 148; ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40; ĠU C 364, 28.10.2020, p. 53; ĠU C 364, 28.10.2020, p. 160; ĠU C 159, 10.5.2019, p. 28

    (4)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 148; ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40; REX/530, Evalwazzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fl-istrutturi ta’ parteċipazzjoni taħt il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja/il-Perù/l-Ekwador, relatur: Giuseppe Iuliano; ĠU C 364, 28.10.2020, p. 160; ĠU C 47, 11.2.2020, p. 38; REX/503, Lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, relatur: Josep Puxeu Rocamora, korelatur: Mário Soares.

    (5)  L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    (6)  Ittra li fiha l-Kummissjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument fuq talba tal-organizzazzjoni Friends of the Earth. 2019 [b]. https://www.asktheeu.org/fr/request/7049/response/23196/attach/3/Signed%20letter.pdf?cookie_passthrough=1 Aċċessata: 30.7.2020 p. 2.

    (7)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 73 Op. cit.

    (8)  ClientEarth, Fern, l-Istitut Veblen, il-Fondazzjoni Franċiża Nicolas Hulot għan-Natura u l-Bniedem u l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (9)  Id-Deċiżjoni fil-każ 1026/2020/MAS dwar in-nuqqas mill-Kummissjoni Ewropea li tiffinalizza l-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà aġġornata qabel ma tikkonkludi n-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur.

    (10)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 38 Op. cit.

    (11)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 148 Op. cit; REX/532; ĠU C 364, 28.10.2020, p. 160 Op. cit.

    (12)  Marzu 2021, Unjoni Ewropea, Study Reviewing DG Trade Civil Society Dialogue (Studju li jirrieżamina d-djalogu mas-soċjetà ċivili tad-DĠ Kummerċ), Tetra Tech — Deloitte.

    (13)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40; ĠU C 105, 4.3.2022, p. 148; ĠU C 159, 10.5.2019, p. 28.

    (14)  Skont ir-regola, “Meta laqgħa, jew parti minnha, issir skont ir-Regola ta’ Chatham House, il-parteċipanti huma liberi li jużaw l-informazzjoni li jirċievu, iżda la l-identità jew l-affiljazzjoni tal-kelliem(a), u lanqas dik ta’ xi parteċipant ieħor ma tista’ tiġi żvelata”.

    (15)  Dokument informali min-Netherlands u Franza dwar il-kummerċ, l-effetti ekonomiċi soċjali u l-iżvilupp sostenibbli.

    (16)  Dokument informali: Strengthening and Improving the Functioning of EU Trade Domestic Advisory Groups (It-Tisħiħ u t-Titjib tal-Funzjonament tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tal-Kummerċ tal-UE).

    (17)  Martens, D., Potjomkina, D., Orbie, J., 2020, Domestic Advisory Groups in EU trade agreements – Stuck at the Bottom or Moving up the Ladder?Fondazzjoni Friderich Ebert — L-Università ta’ Ghent.

    (18)  Pereżempju fil-Perù, wara n-nuqqas ta’ rieda tal-gvern Peruvjan li jwaqqaf Gruppi Konsultattivi Domestiċi iddedikat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili waqqfu Gruppi Konsultattivi Domestiċi “parallel” li sfortunatament mhuwiex rikonoxxut mill-UE. Martens et al., 2020 Op. cit.

    (19)  Il-KESE jipprovdi s-segretarjat tad-DAGs kollha tal-UE. Madwar 78 % (36/46) tar-rispondenti tad-DAG tal-UE jqisu li l-laqgħat tad-DAG huma mħejjija sew mis-segretarjat. Madankollu, il-biċċa l-kbira tad-DAGs mhux tal-UE, ma għandhomx appoġġ simili sabiex jgħinuhom jorganizzaw u jħejju l-ħidma tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-ħidma tagħhom spiss titwettaq mill-president tagħhom (u xi drabi mill-viċi presidenti), li huma limitati fil-kapaċità tagħhom li jiddedikaw ħafna ħin għal dawn l-attivitajiet. Martens, D., et al. Op. cit. p. 16.

    (20)  Pereżempju l-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-Korea t’Isfel, li għamel progress konsiderevoli, għad m’għandux rappreżentanza u indipendenza. Martens, D., et al., 2020 Op. cit.

    (21)  Fil-Ftehim UE-Korea, il-pressjoni politika wasslet għal ilment uffiċjali u l-bord ta’ esperti ddeċieda dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-pajjiż mal-Konvenzjonijiet tal-ILO.

    (22)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40.

    (23)  ĠU C 159, 10.5.2019, p. 28.


     

    Figura 1

    L-istadji differenti tan-negozjati (il-Pjan direzzjonali)

    Image 1C2902022MT1110120220323MT0003.0001201212Figura 1L-istadji differenti tan-negozjati (il-Pjan direzzjonali)Figura 2L-istadji differenti tan-negozjati (Road-Map)

    Figura 2

    L-istadji differenti tan-negozjati (Road-Map)

    Image 2C2902022MT1110120220323MT0003.0001201212Figura 1L-istadji differenti tan-negozjati (il-Pjan direzzjonali)Figura 2L-istadji differenti tan-negozjati (Road-Map)


    Top